SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Id-dritt tal-Unjoni

 

Id-Direttiva 2014/24

 

Id-Direttiva 89/665

 

Id-Direttiva 2016/943

 

Id-dritt Litwan

 

Il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi

 

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja

 

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 

Fuq id-domandi preliminari

 

Fuq l-ewwel domanda

 

Fuq it-tieni domanda

 

Fuq it-tielet domanda

 

Fuq ir-raba’ sad-disa’ domanda

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq il-ħames sas-seba’ domanda

 

Fuq ir-raba’, it-tmien u d-disa’ domanda

 

– Fuq il-portata tal-obbligu għall-awtorità kontraenti li tipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali u fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

 

– Fuq il-portata tal-obbligu tal-qorti nazzjonali kompetenti li tipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali

 

Fuq l-għaxar domanda

 

Fuq il-ħdax-il domanda

 

Dwar l-ispejjeż

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 58(3) u (4) – Artikolu 60(3) u (4) – Anness XII – Żvolġiment tal-proċeduri ta’ għoti – Għażla tal-parteċipanti – Kriterji ta’ selezzjoni – Mezzi ta’ prova – Kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-operaturi ekonomiċi – Possibbiltà għall-korp kompetenti fit-tmexxija ta’ assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi li tinvoka d-dħul irċevut minn kuntratt pubbliku preċedenti li jaqa’ fl-istess qasam tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluż meta ma kienx jeżerċita huwa stess l-attività li taqa’ taħt il-qasam ikkonċernat mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali – Kapaċitajiet tekniċi u professjonali tal-operaturi ekonomiċi – Natura eżawrjenti tal-metodi ta’ prova aċċettati mid-Direttiva – Artikolu 57(4)(h) kif ukoll (6) u (7) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Motivi fakultattivi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt – Inklużjoni f’lista ta’ operaturi ekonomiċi esklużi mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti – Solidarjetà bejn il-membri ta’ assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi – Natura personali tas-sanzjoni – Artikolu 21 – Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa lil awtorità kontraenti minn operatur ekonomiku – Direttiva (UE) 2016/943 – Artikolu 9 – Kunfidenzjalità – Protezzjoni tas-sigriet tan-negozju – Applikabbiltà tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratt – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1 – Dritt għal rimedju effettiv”

Fil-Kawża C‑927/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

“Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras” UAB,

fil-preżenza ta’:

“Ecoservice Klaipėda” UAB,

“Klaipėdos autobusų parkas” UAB,

“Parsekas” UAB,

“Klaipėdos transportas” UAB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby (Relatur), S. Rodin, F. Biltgen, L. S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Ecoservice Klaipėda” UAB , minn J. Elzbergas u V. Mitrauskas, advokatai,

għal “Klaipėdos autobusų parkas” UAB, minn D. Soloveičik, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u R. Butvydytė, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek kif ukoll minn S. L. Kalėda u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 u 42, tal-Artikolu 57(4)(h), tal-Artikolu 58(3) u (4), kif ukoll tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65 u rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246 u rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44) kif emendata bid-Direttiva 2014/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p,1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”) kif ukoll l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU 2016, L 157, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras” UAB (iċ-Ċentru Reġjonali tal-Immaniġġar tal-Iskart tar-Reġjun ta’ Klaipėda, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) u “Ecoservice Klaipėda” UAB (iktar ’il quddiem “Ecoservice”), dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-ġbir u t-trasport ta’ skart urban lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi, kompost minn “Klaipėdos autobusų parkas” UAB, “Parsekas” UAB u minn “Klaipėdos transportas” UAB (iktar ’il quddiem il-“Grupp”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2014/24

3

Il-premessa 51 tad-Direttiva 2014/24 tiddikjara:

“Għandu jiġi ċċarat li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali ma tipprevjeni bl-ebda mod l-iżvelar pubbliku ta’ partijiet mhux kunfidenzjali tal-kuntratti konklużi, inkluż kwalunkwe bidliet sussegwenti.”

4

L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji tal-akkwist” [Prinċipji tal-għoti ta’ kuntratti], jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

[...]”

5

L-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kunfidenzjalità”, jipprevedi:

“1.   Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’din id-Direttiva jew fil-liġi nazzjonali li għaliha l-awtorità kontraenti tkun soġġetta, b’mod partikolari leġislazzjoni li tikkonċerna l-aċċess għal informazzjoni, u mingħajr ħasara għall-obbligi relatati mar-reklamar ta’ kuntratti mogħtija u mal-informazzjoni għal kandidati u offerenti stabbiliti fl-Artikoli 50 u 55, l-awtorità kontraenti ma għandhiex tiddivulga informazzjoni mgħoddija lilha minn operaturi ekonomiċi li hija mniżżla bħala kunfidenzjali, inklużi, iżda mhux limitati għal, sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti.

2.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti fuq l-operaturi ekonomiċi bil-għan li tiġi mħarsa n-natura kunfidenzjali tal-informazzjonli li l-awtoritajiet kontraenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni matul il-proċedura kollha ta’ akkwist.”

6

L-Artikolu 42 tal-istess direttiva, bit-titolu “Speċifikazzjonijiet tekniċi”, jistabbilixxi:

“1.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti fil-punt 1 tal-Anness VII għandhom jiġu stabbiliti fid-dokumenti ta’ akkwist. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistipulaw il-karatteristiċi meħtiega ta’ xogħol, servizz jew provvista.

Dawk il-karatteristiċi jistgħu jirreferu wkoll għall-proċess jew metodu speċifiku tal-produzzjoni jew il-provvista tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi mitluba jew għal proċess speċifiku għal stadju ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu anke fejn tali fatturi ma jiffurmawx parti mis-sustanza materjali tagħhom dment li huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt u proporzjonali għall-valur u l-objettivi tiegħu.

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jistgħu jispeċifikaw ukoll jekk hux ser ikun meħtieġ it-trasferiment tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

[...]

3.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:

(a)

f’termini tar-rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni, inklużi l-karatteristiċi ambjentali, dejjem jekk il-parametri jkunu preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-offerenti jiddeterminaw is-suġġett tal-kuntratt u l-awtoritajiet kontraenti jitħallew jagħtu l-kuntratt;

(b)

permezz ta’ referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, fl-ordni ta’ preferenza, għall-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards Ewropej, il-Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-istandards internazzjonali, sistemi ta’ referenzi tekniċi oħrajn stabbiliti mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew - fejn xi waħda minn dawk ma teżistix - l-istandards nazzjonali, l-approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mad-disinn, il-kalkolu u t-twettiq ta’ xogħlijiet u l-użu tal-provvisti;

(c)

f’termini ta’ rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni kif imsemmi fil-punt (a), b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) bħala mezz ta’ suppożizzjoni ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni;

(d)

permezz ta’ referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) għal ċerti karatteristiċi, u b’referenza għar-rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni msemmija fil-punt (a) għal karatteristiċi oħrajn.

[...]”

7

L-Anness VII tad-Direttiva 2014/24 jirrigwarda d-“[d]efinizzjoni ta’ ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi”.

8

L-Artikolu 50 ta’ din id-direttiva, intitolat “Avviżi dwar l-għoti ta’ kuntratt”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li:

“Ċerta informazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt jew il-konklużjoni tal-ftehim qafas tista’ ma titħalliex tiġi ppubblikata fejn il-pubblikazzjoni tkun ta’ xkiel għall-infurzar tal-liġi jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew fejn din tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni leali bejn l-operaturi ekonomiċi.”

9

Skont l-Artikolu 55 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-informar ta’ kandidati u offerenti”:

“1.   Malajr kemm jista’ jkun, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jgħarrfu lil kull kandidat u offerent bid-deċiżjonijiet li ħadu rigward il-konklużjoni ta’ ftehim qafas, l-għoti ta’ kuntratt jew ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri, inklużi r-raġunijiet għal kull deċiżjoni li ma jiġix konkluż ftehim qafas, li ma jingħatax kuntratt li għalih saret sejħa għall-kompetizzjoni, li terġa’ tinfetaħ il-proċedura jew li ma tiġix implimentata sistema dinamika ta’ xiri.

2.   Fuq talba mill-kandidat jew offerent ikkonċernat, malajr kemm jista’ jkun, u f’kull eventwalità fi żmien 15-il jum mir-riċevuta ta’ talba bil-miktub, l-awtorità kontraenti għandha tinforma:

(a)

lil kull kandidat li ma ġiex aċċettat bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talba għall-parteċipazzjoni tiegħu,

b)

lil kull offerent li ma ġiex aċċettat bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, inklużi, għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 42(5) u (6), ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ ekwivalenza jew għad-deċiżjoni tagħha li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ twettiq jew funzjonali,

(c)

lil kull offerent li għamel offerta ammissibbli bil-karatteritsiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-istess tal-offerenti jew il-partijiet għall-ftehim qafas li ntagħżlu,

(d)

lil kull offerent li għamel offerta ammissibbli bit-twettiq u l-progress tan-negozjati u d-djalogu mal-offerenti.

3.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jżommu mistura ċerta informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, rigward l-għoti ta’ kuntratt, il-konklużjoni ta’ ftehim qafas jew ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri, fejn l-għoti ta’ din l-informazzjoni xxekkel l-infurzar tal-liġi, jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew tkun tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi ekonomiċi.”

10

L-Artikolu 56 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali”, fil-paragrafu 3 tiegħu, jistabbilixxi:

“Fejn l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni li għandha tiġi sottomessa mill-operaturi ekonomiċi tkun jew tidher li tkun mhux kompleta jew żbaljata jew fejn dokumenti speċifiċi huma nieqsa, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, sakemm mhux previst mod ieħor mil-liġi nazzjonali li timplimenta din id-Direttiva, jesiġu lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati li jissottomettu, jissupplementaw, jikkjarifikaw jew jimlew l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni rilevanti f’limitu ta’ żmien adatt, sakemm tali esiġenzi isiru b’konformità sħiħa mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza.”

11

L-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 4 u 6 tiegħu:

“4.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[...]

(h)

fejn l-operatur ekonomiku kien ħati ta’ rappreżentazzjoni qarrieqa serja fl-għoti tal-informazzjoni rikjesta għall-verifika tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla, ikun żamm mistura tali informazzjoni jew ma jistax jissottometti id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 59; jew

[...]

6.   Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.

Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.

Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

Operatur ekonomiku li jkun ġie eskluż b’sentenza finali milli jipparteċipa fi proċeduri tal-għoti ta’ akkwist jew ta’ konċessjoni ma għandux ikun intitolat li jagħmel użu mill-possibbiltà provduta taħt dan il-paragrafu matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta minn dik is-sentenza fl-Istati Membri fejn is-sentenza tkun daħlet fis-seħħ.”

12

Skont l-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kriterji ta’ għażla”:

“1.   Kriterji ta’ għażla jistgħu jirreferu għal:

(a)

l-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali;

(b)

il-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja;

(c)

il-kapaċità teknika u professjonali.

Bħala rekwiżiti għall-parteċipazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu biss il-kriterji msemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 dwar l-operaturi ekonomiċi. Huma għandhom jillimitaw kwalunkwe rekwiżit għal dawk li huma addati biex jiġi żgurat li kandidat jew offerent għandu l-kapaċitajiet legali u finanzjarji u l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali li jwettaq il-kuntratt li għandu jingħata. Ir-rekwiżiti kollha għandhom ikunu relatati u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt.

2.   Fir-rigward tal-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jkunu rreġistrati f’wieħed mir-reġistri professjonali jew kummerċjali miżmuma fl-Istati Membri ta’ stabbiliment tagħhom, kif spjegat fl-Anness XI jew biex jikkonformaw ma’ kwalunkwe talba oħra stabbilita f’dak l-Anness.

Fil-proċeduri tal-akkwist għal servizzi, sa fejn l-operaturi ekonomiċi jrid ikollhom awtorizzazzjoni partikolari jew ikunu membri ta’ organizzazzjoni partikolari sabiex ikunu jistgħu jwettqu s-servizz ikkonċernat fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-awtorità kontraenti tista’ titlobhom jagħtu prova li għandhom awtorizzazzjoni jew sħubija bħal din.

3.   Fir-rigward tal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi għandhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja biex iwettqu l-kuntratt. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu, b’mod partikolari, li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ċertu fatturat annwali minimu, inkluż ċertu fatturat minimu fil-qasam kopert mill-kuntratt. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet annwali tagħhom li turi, pereżempju, il-proporzjon bejn l-assi u l-passivi. Huma jistgħu wkoll jeżigu livell adegwat ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz għar-riskju professjonali.

[...]

4.   Fir-rigward tal-abbiltà teknika u professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu l-kuntratt bi standard adegwat ta’ kwalità.

B’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jkollhom livell ta’ esperjenza suffiċjenti verifikata permezz ta’ riferenzi adatti minn kuntratti mwettqa fil-passat. Awtorità kontraenti tista’ tassumi li operatur ekonomiku ma għandux l-kapaċitajiet professjonali meħtieġa fejn l-awtorità kontraenti tkun stabbiliet li l-operatur ekonomiku għandu interessi kunfliġġenti li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv it-twettiq tal-kuntratt.

Fi proċeduri tal-akkwist għal provvisti li jirrikjedu xogħol ta’ tqegħid fil-post jew installazzjoni, servizzi jew xogħlijiet, il-kapaċità professjonali tal-operaturi ekonomiċi li jipprovdu s-servizz jew li jwettqu l-installazzjoni jew ix-xogħol tista’ tiġi evalwata fir-rigward tal-ħiliet, l-effiċjenza, l-esperjenza u l-affidabbiltà tagħhom.

[...]”

13

L-Artikolu 60 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Mezzi ta’ prova”, fil-paragrafi (3) u (4) tiegħu, jistabbilixxi:

“3.   Bħala regola ġenerali, il-prova tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-operatur ekonomiku tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ waħda jew aktar mir-referenzi elenkati fl-Anness XII, Parti 1.

Fejn, għal kwalunkwe raġuni valida, l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jipprovdi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti, jista’ jagħti prova tal-qagħda ekonomika u finanzjarja permezz ta’ kwalunkwe dokument ieħor li l-awtorità kontraenti tqis bħala adatt.

4.   Evidenza tal-abbiltajiet tekniċi tal-operaturi ekonomiċi tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ mezz wieħed jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness XII, Parti 2, skont in-natura, il-kwantità jew l-importanza, u l-użu tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi.”

14

L-Anness XII tal-istess direttiva, intitolat “Mezzi ta’ prova tal-kriterji tal-għażla”, jipprovdi:

“Parti I: Il-qagħda ekonomika u finanzjarja

Bħala regola ġenerali, prova tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-operatur ekonomiku tista’ tkun ipprovduta minn waħda jew aktar mir-referenzi li ġejjin:

(a)

dikjarazzjonijiet xierqa minn banek, jew, fejn xieraq, prova tal-assigurazzjoni ta’ indennizz għar-riskju professjonali rilevanti;

(b)

il-preżentazzjoni ta’ rendikonti finanzjarji jew estratti mir-rendikonti finanzjarji, fejn il-pubblikazzjoni tar-rendikonti finanzjarji tkun meħtieġa skont il-liġi tal-pajjiż li fih l-operatur ekonomiku jkun stabbilit;

(c)

dikjarazzjoni tal-fatturat ġenerali tal-impriża u, fejn xierqa, tal-fatturat fil-qasam kopert mill-kuntratt għal massimu tal-aħħar tliet snin finanzjarji disponibbli, jiddependi mid-data li fiha ġiet stabbilita l-impriża jew li fiha l-operatur ekonomiku beda l-attività, sa fejn l-informazzjoni dwar dawn il-fatturati tkun disponibbli.

Parti II: Abbiltà teknika

Mezzi li jipprovdu prova tal-abbiltajiet tekniċi tal-operaturi ekonomiċi, kif stipulat fl-Artikolu 58:

(a)

il-listi li ġejjin:

(i)

lista tax-xogħlijiet imwettqa matul massimu ta’ ħames snin, flimkien ma’ ċertifikati tat-twettiq u r-riżultat sodisfaċenti tal-aktar xogħlijiet importanti; fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ kompetizzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jindikaw li ser jittieħdu f’kunsiderazzjoni provi ta’ xogħlijiet rilevanti mwettqa aktar minn ħames snin qabel;

(ii)

lista tal-konsenji prinċipali effettwati jew is-servizzi ewlenin ipprovduti matul mhux aktar mill-aħħar tliet snin, bis-somom, dati u riċevituri involuti, kemm jekk pubbliċi kif ukoll jekk privati. Fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ kompetizzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jindikaw li jistgħu jieħdu f’kunsiderazzjoni provi ta’ provvisti jew servizzi rilevanti mwassla jew imwettqa aktar minn tliet snin qabel;

(b)

indikazzjoni tat-tekniċi jew il-korpi tekniċi involuti, kemm jekk jappartjenu jew le b’mod dirett għall-impriża tal-operatur ekonomiku, b’mod partikolari dawk responsabbli mill-kontroll tal-kwalità u, fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, dawk li l-kuntrattur jista’ jinkariga sabiex iwettqu x-xogħol;

(c)

deskrizzjoni tal-faċilitajiet u l-miżuri tekniċi użati mill-operatur ekonomiku għall-iżgurar tal-kwalità u l-faċilitajiet ta’ studju u riċerka tal-impriża;

(d)

indikazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni u ta’ traċċar tal-katina tal-provvista li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’ japplika meta jwettaq il-kuntratt;

(e)

fejn il-prodotti jew is-servizzi li jridu jiġu pprovduti huma kumplessi jew, b’mod eċċezzjonali, huma meħtieġa għal skop speċjali, verifika mwettqa mill-awtoritajiet kontraenti jew f’isimhom minn korp uffiċjali kompetenti tal-pajjiż li fih huwa stabbilit il-fornitur tal-provvista jew il-fornitur tas-servizz, soġġett għall-ftehim ta’ dak il-korp, fuq il-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-fornitur tal-provvista jew il-kapaċità teknika tal-fornitur tas-servizz u, fejn dak ikun meħtieġ, fuq il-mezzi ta’ studju u riċerka li huma disponibbli għalih u l-miżuri ta’ kontroll tal-kwalità li ser iħaddem;

(f)

il-kwalifiki edukattivi u professjonali ta’ min jipprovdi servizz jew kuntrattur u/jew dawk tal-persunal maniġerijali tal-impriża u, sakemm ma jiġux ivvalutati bħala kriterju tal-għoti;

(g)

indikazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni ambjentali li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’ japplika meta jwettaq il-kuntratt;

(h)

dikjarazzjoni tal-ammont annwali medju ta’ ħaddiema tal-fornitur jew tal-kuntrattur tas-servizz u n-numru ta’ persunal amministrattiv għall-aħħar tliet snin;

(i)

dikjarazzjoni dwar l-għodod, l-impjant u t-tagħmir tekniku għad-dispożizzjoni tal-fornitur jew il-kuntrattur tas-servizz għat-twettiq tal-kuntratt;

(j)

indikazzjoni tas-sehem tal-kuntratt li l-operatur ekonomiku beħsiebu possibilment li jagħtih bħala sottokuntratt;

(k)

fir-rigward tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti:

(i)

kampjuni, deskrizzjonijiet jew ritratti, li l-awtentiċità tagħhom trid tiġi ċertifikata fejn l-awtorità kontraenti titlob dan;

(ii)

ċertifikati mfassla minn istituti jew aġenziji uffiċjali tal-kontroll tal-kwalità b’kompetenza rikonoxxuta li jikkonfermaw il-konformità tal-prodotti identifikati b’mod ċar mir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet jew standards tekniċi.”

15

L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont l-Artikolu 58(3), u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont l-Artikolu 58(4), operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali kif jinsabu fil-punt (f) tal-Anness XII Parti II jew l-esperjenza professjonali rilevanti, l-operaturi ekonomiċi jistgħu madankollu jiddependu biss fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar ser iwettqu l-ħidmiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet. Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.

L-awtorità kontraenti għandha, f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 61, tivverifika jekk l-entitajiet li fuq il-kapaċità tagħhom l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li jiddependi, jissodisfawx il-kriterji ta’ għażla rilevanti u jekk hemmx raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 57. L-awtorità kontraenti għandha tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li ma tissodisfax kriterju ta’ għażla rilevanti, jew li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni. L-awtorità kontraenti tista’ tesiġi jew tintalab minn Stat Membru biex tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet mhux obbligatorji għal esklużjoni.

Fejn operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtorità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) jista’ jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.”

16

Skont l-Artikolu 70 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għat-twettiq ta’ kuntratti”:

“L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ kuntratt, dment li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 67(3) u indikati fis-sejħa għall-kompetizzjoni jew fid-dokumenti ta’ akkwist. Dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jinkludu kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, relatati mal-innovazzjoni, ambjentali, soċjali jew relatati mal-impjieg.”

Id-Direttiva 89/665

17

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva[ 2014/24], sakemm tali kuntratti ma jkunx esklużi skont l-Artikoli 7, 8, 9, 10, 11, 12, 15, 16, 17 u 37 ta’ dik id-Direttiva.

[...]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[...]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[...]

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata l-ewwel titlob reviżjoni mill-awtorità kontraenti. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talba għal reviżjoni tirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-possibbiltà ta’ konklużjoni tal-kuntratt.

[...]

Is-sospensjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun bagħtet tweġiba jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi, jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun bagħtet tweġiba, jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tar-riċevuta ta’ tweġiba.”

18

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprevedi:

“ L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

(a)

jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

(b)

jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

(ċ)

jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.”

19

Id-Direttiva 89/665 fil-verżjoni inizjali tagħha, qabel l-emendi għad-Direttiva 2014/23, kienet is-suġġett ta’ emendi bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31), sabiex titjieb l-effettività tal-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-premessa 36 ta’ din l-aħħar direttiva kienet tistabbilixxi li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’mod partikolari, din id-direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali, bi qbil mal-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

Id-Direttiva 2016/943

20

Il-premessi 4 u 18 tad-Direttiva 2016/943 jistabbilixxu:

“(4)

In-negozji innovattivi huma dejjem aktar esposti għal prattiki qarrieqa bil-għan li jużaw b’mod qarrieq sigrieti kummerċjali, bħal serq, ikkupjar mhux awtorizzat, spjunaġġ ekonomiku jew il-ksur tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Unjoni. Żviluppi reċenti, bħalma huma l-globalizzazzjoni, iż-żieda fl-esternalizzazzjoni, perijodi itwal ta’ katini tal-provvista u ż-żieda fl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, jikkontribwixxu biex jiżdied ir-riskju ta’ dawk il-prattiki. Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali jikkompromettu l-abbiltà leġittima tad-detenturi tas-sigriet kummerċjali li jiksbu redditu tal-prekursur mill-isforzi tagħhom relatati mal-innovazzjoni. Mingħajr mezzi legali effettivi u komparabbli biex jipproteġu s-sigrieti kummerċjali madwar l-Unjoni, huma mhedda l-inċentivi biex wieħed jinvolvi ruħu f’attività transkonfinali relatata mal-innovazzjoni fi ħdan is-suq intern u s-sigrieti kummerċjali ma humiex f’pożizzjoni li jilħqu l-potenzjal tagħhom bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Għalhekk, l-innovazzjoni u l-kreattività huma skoraġġiti u l-investiment jonqos, u dan jaffettwa l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u jimmina l-potenzjal tiegħu li jsaħħaħ it-tkabbir.

[...]

(18)

Barra minn hekk, il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ta’ sigrieti kummerċjali, kull meta imposti jew permessi mil-liġi, għandu jiġi ttrattat bħala legali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, il-ksib u l-iżvelar ta’ sigrieti kummerċjali fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u ta' min iħaddem, inkluża l-kodeterminazzjoni, kif ukoll il-ksib jew l-iżvelar ta’ sigrieti kummerċjali fil-kuntest ta’ awditi statutorji mwettqa f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Madankollu, tali trattament tal-ksib ta’ sigriet kummerċjali jitqies bħala legali għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tas-sigriet kummerċjali jew kwalunkwe limitazzjoni dwar l-użu tiegħu li l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali timponi fuq id-destinatarju jew l-akkwirent tal-informazzjoni. B’mod partikolari, din id-Direttiva m’għandhiex teżenta lill-awtoritajiet pubbliċi mill-obbligi ta’ kunfidenzjalità li huma soġġetti għalihom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni mgħoddija mid-detenturi ta’ sigrieti kummerċjali, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligi humiex stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Tali obbligi ta’ kunfidenzjalità jinkludu, fost l-oħrajn, l-obbligi rigward informazzjoni mgħoddija lill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ akkwist, kif stabbiliti, pereżempju, [...] fid-Direttiva [2014/24]”

21

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali.

[...]

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa:

[...]

(b)

l-applikazzjoni ta’ regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jirrikjedu li d-detenturi tas-sigrieti kummerċjali jiżvelaw, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, informazzjoni, inklużi sigrieti kummerċjali, lill-pubbliku jew lil awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji għall-qadi tad-dmirijiet ta’ dawk l-awtoritajiet;

(c)

l-applikazzjoni ta’ regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jirrikjedu jew jippermettu lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jew l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali biex jiżvelaw informazzjoni ppreżentata minn negozji li dawn l-istituzzjonijiet, korpi jew awtoritajiet ikollhom, skont, u f’konformità mal-obbligi u l-prerogattivi stipulati fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali;

[...]”

22

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ksib, użu u żvelar legali ta’ sigrieti kummerċjali”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali għandu jitqies bħala legali sal-punt li tali ksib, użu jew żvelar huma meħtieġa jew permessi mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.”

23

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Ksib, użu u żvelar illegali ta’ sigrieti kummerċjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(a) tiegħu:

“Il-ksib ta’ sigriet kummerċjali mingħajr il-kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali għandu jitqies bħala illegali, kull meta jitwettaq permezz ta’:

(a)

aċċess mhux awtorizzat għal, l-approprjazzjoni ta’, jew l-ikkupjar ta’ kwalunkwe dokument, oġġett, materjal, sustanza jew fajl elettroniku, legalment taħt il-kontroll tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, li fihom is-sigriet kummerċjali jew li minnhom wieħed jista’ jiddeduċi s-sigriet kummerċjali”.

24

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/943, intitolat “Preservazzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali matul il-kors tal-proċedimenti legali”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu, fuq applikazzjoni debitament raġunata minn parti, jieħdu miżuri speċifiċi meħtieġa biex jippreservaw il-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe sigriet kummerċjali jew allegat sigriet kummerċjali użat jew imsemmi matul proċedimenti legali li jirrigwardaw il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali. L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jieħdu tali miżuri fuq inizjattiva tagħhom stess.

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom mill-inqas jinkludu l-possibbiltà:

(a)

li jiġi ristrett l-aċċess għal kull dokument li fih sigrieti kummerċjali jew allegati sigrieti kummerċjali ppreżentati mill-partijiet jew mill-partijiet terzi, kollha jew parti minnhom, għal numru limitat ta’ persuni;

(b)

li jiġi ristrett l-aċċess għas-smigħ, meta s-sigrieti kummerċjali jew allegati sigrieti kummerċjali jistgħu jiġu żvelati, u r-rekord jew traskrizzjoni korrispondenti ta’ dak is-smigħ għal numru limitat ta’ persuni;

(c)

li tkun disponibbli għal kwalunkwe persuna għajr dawk inklużi fin-numru limitat ta’ persuni msemmija fil-punti (a) u (b) verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ kull deċiżjoni ġudizzjarja, li fiha s-siltiet li jinkludu s-sigrieti kummerċjali jkunu tneħħew jew tgħattew.

In-numru ta’ persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu m’għandux ikun akbar minn dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-partijiet fil-proċedimenti legali għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u għandu jinkludi, tal-inqas, persuna fiżika waħda minn kull parti u l-avukati rispettivi jew rappreżentanti oħra ta’ dawk il-partijiet fil-proċedimenti legali.”

Id-dritt Litwan

Il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi

25

Il-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Kuntratti Pubbliċi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), tipprovdi, fl-Artikolu 20 tagħha, intitolat “Kunfidenzjalità”:

“1.   L-awtorità kontraenti, il-bord tal-għoti, il-membri u l-esperti tiegħu u kwalunkwe persuna oħra huma pprojbiti milli jiżvelaw informazzjoni lil terzi li l-fornituri jkunu pprovdew b’mod kunfidenzjali.

2.   L-offerta kollha jew it-talba għall-parteċipazzjoni tal-fornitur ma tistax tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali, iżda l-fornitur jista’ jindika li ċerta informazzjoni ppreżentata fl-offerta tiegħu hija kunfidenzjali. L-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tinkludi, inter alia, sigrieti kummerċjali (ta’ manifattura) u aspetti kunfidenzjali tal-offerta. L-informazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali:

1)

jekk tikser id-dispożizzjonijiet legali li jistabbilixxu l-obbligu ta’ żvelar jew id-dritt li tinkiseb informazzjoni u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet legali;

2)

jekk tinvolvi ksur tal-obbligi previsti fl-Artikoli 33 u 58 ta’ din il-liġi relatati mal-pubblikazzjoni tal-kuntratti konklużi, mal-informazzjoni tal-kandidati u tal-offerenti, inkluża l-informazzjoni dwar il-prezz tal-provvisti, tas-servizzi jew tax-xogħlijiet li jiġu indikati fis-sejħa għal offerti, bl-eċċezzjoni tal-elementi kostituttivi tagħha;

3)

meta din l-informazzjoni tkun ġiet ippreżentata f’dokumenti li jiċċertifikaw li l-fornitur ma huwa suġġett għal ebda motiv ta’ esklużjoni, jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kapaċità u r-regoli ta’ ġestjoni tal-kwalità u ta’ protezzjoni tal-ambjent, ħlief l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikser id-dispożizzjonijiet tal-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-protezzjoni tad-data personali jew l-obbligi tal-fornitur fir-rigward ta’ kuntratti konklużi ma’ terzi;

4)

meta din l-informazzjoni tagħmel riferiment għal operaturi ekonomiċi u subappalturi li l-fornitur jirrikorri għall-kapaċità tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikser id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data personali.

3.   Meta l-awtorità kontraenti jkollha dubji dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab fl-offerta tal-fornitur, hija għandha titolbu juri għaliex l-informazzjoni inkwistjoni hija kunfidenzjali. [...]

4.   F’perijodu massimu ta’ sitt xhur wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, l-offerenti kkonċernati jistgħu jitolbu lill-awtorità kontraenti li tagħtihom aċċess għall-offerta jew għat-talba tal-offerent rebbieħ (il-kandidati, għat-talbiet ta’ fornituri oħra li kienu ġew mistiedna jippreżentaw offerta jew li jipparteċipaw fi djalogu), iżda ma tkunx tista’ tiġi żvelata l-informazzjoni li l-kandidati jew l-offerenti jkunu kklassifikaw bħala kunfidenzjali mingħajr ma jinkiser il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

[...]”

26

L-Artikolu 45 ta’ din il-liġi, intitolat “Prinċipji ġenerali ta’ evalwazzjoni tal-fornitur u tat-talba għall-parteċipazzjoni jew tal-offerta tiegħu”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Jekk kandidat jew offerent ikun ippreżenta dokumenti jew data skorretta, mhux kompluta jew falza dwar il-konformità mar-rekwiżiti tad-dokumenti tal-kuntratt jew ma jkunx ippreżenta tali dokumenti jew data, l-awtorità kontraenti għandha, mingħajr ma tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, titlob lill-applikant jew lill-offerent jirrettifika, jikkompleta jew jispeċifika dawn id-dokumenti jew din id-data, f’terminu raġonevoli li hija tistabbilixxi. Jistgħu biss jiġu rrettifikati, ikkompletati, speċifikati jew ippreżentati flimkien ma’ dokumenti jew data dwar l-ineżistenza ta’ raġuni għall-esklużjoni tal-fornitur, il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ kapaċità, mal-kriterji ta’ ġestjoni tal-kwalità u ta’ protezzjoni tal-ambjent, mandat mogħti mill-fornitur sabiex jiffirma t-talba għal parteċipazzjoni jew l-offerta, kuntratt ta’ attività komuni, dokument li jiċċertifika l-validità tal-offerta u tad-dokumenti li ma għandhomx x’jaqsmu mas-suġġett tal-kuntratt, il-karatteristiċi tekniċi tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew il-prezz tal-offerta. Id-dokumenti l-oħra tal-offerta tal-fornitur jistgħu jiġu rrettifikati, ikkompletati jew speċifikati skont l-Artikolu 55(9) ta’ din il-liġi.”

27

L-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni ta’ fornitur”, jistabbilixxi fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-awtorità kontraenti għandha teskludi lill-fornitur mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta:

[...]

4)

Dan il-fornitur, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, ħeba informazzjoni jew ippreżenta informazzjoni falza dwar l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-artikolu u fl-Artikolu 47 ta’ din il-liġi u li l-awtorità kontraenti tista’ turi dan il-fatt permezz ta’ kwalunkwe mezz legali, jew li l-fornitur, minħabba li jkun ippreżenta informazzjoni falza, ma jkunx jista’ jipproduċi d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa skont l-Artikolu 50 ta’ din il-liġi. [...]”

28

L-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, intitolat “Dissimulazzjoni ta’ informazzjoni, preżentazzjoni ta’ informazzjoni falza jew nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti”, jipprevedi:

“1.   L-awtorità kontraenti għandha tippubblika, mhux iktar tard minn għaxart ijiem, fiċ-Centrinė viešųjų pirkimų informacinė sistema (il-Portal Ċentrali tal-Kuntratti Pubbliċi, il-Litwanja), skont ir-regoli stabbiliti mill-Viešųjų pirkimų tarnyba [l-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi il-Litwanja)] l-informazzjoni dwar il-fornitur li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, ikun ħeba informazzjoni jew ippreżenta informazzjoni falza dwar l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 46 u 47 ta’ din il-liġi jew li, peress li ppreżenta informazzjoni falza, ma pproduċiex dokumenti ġustifikattivi meħtieġa skont l-Artikolu 50 ta’ din il-liġi, meta:

1)

dan il-fornitur ġie eskluż mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt;

2)

ġiet adottata deċiżjoni ġudizzjarja.

[...]”

29

L-Artikolu 55 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, intitolat “Evalwazzjoni u tqabbil tal-offerti”, jipprovdi, fil-paragrafu 9 tiegħu:

“Skont l-Artikolu 45(3) ta’ din il-liġi, l-awtorità kontraenti tista’ titlob lill-offerenti jirrettifikaw, jikkompletaw jew jippreċiżaw l-offerti tagħhom, iżda ma tistax titlobhom, tipproponilhom jew tippermettilhom jemendaw elementi essenzjali tal-offerta ppreżentata matul proċedura miftuħa jew ristretta, jew tal-offerta finali ppreżentata waqt djalogu kompetittiv, fi proċedura nnegozjata bi jew mingħajr pubblikazzjoni jew sħubija ta’ innovazzjoni, jiġifieri bidla fil-prezz jew modifiki oħra li jirrendu konformi mad-dokumenti tal-kuntratt offerta li ma kinitx konformi magħhom. Meta, waqt l-eżami tal-offerti, l-awtorità kontraenti tiskopri fl-offerta żbalji ta’ kalkolu tal-prezz jew tal-ispejjeż, hija għandha tistieden lill-offerent jikkorreġi l-iżbalji ta’ kalkolu li hija tkun ikkonstatat, fit-terminu stabbilit minnha, mingħajr ma tbiddel il-prezzijiet jew l-ispejjeż li jkunu jinsabu fl-offerta fil-mument meta ssir taf biha.

Meta jikkorreġi l-iżbalji ta’ kalkolu li jkunu ġew ikkonstatati fl-offerta tiegħu, l-offerent jista’ jikkoreġi elementi li jikkostitwixxu l-prezz jew l-ispejjeż, iżda ma jistax jirrinunzja għal elementi tal-prezz jew elementi li jikkostitwixxu l-ispejjeż u lanqas iżid elementi ġodda mal-prezz jew mal-ispejjeż.”

30

L-Artikolu 58 ta’ din il-liġi, intitolat “Komunikazzjoni tar-riżultati tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità kontraenti ma tistax tipprovdi informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikser ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni u tad-data jew imur kontra l-interess ġenerali, jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ fornitur partikolari jew jaffettwa l-kompetizzjoni bejn il-fornituri.”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja

31

Il-Lietuvos Respublikos Civilinio proceso kodeksas (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja) jipprovdi, fl-Artikolu 10 tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet partikolari dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali”:

“1.   Dan l-artikolu jipprovdi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f’każijiet li jirrigwardaw il-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali ta’ sigrieti kummerċjali u f’kawżi ċivili oħra.

2.   Meta jkun hemm raġunijiet sabiex jitqies li sigriet kummerċjali jista’ jiġi żvelat, il-qorti, fuq talba debitament motivata tal-partijiet jew ex officio, permezz ta’ digriet motivat għandha taħtar lill-persuni li jkunu jistgħu:

1)

ikollhom aċċess għall-partijiet tal-fajl li jinkludu informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew li tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali, jagħmlu u jiksbu estratti, idduplikati u kopji (kopji diġitali);

2)

jipparteċipaw f’seduti in camera li waqthom tista’ tiġi żvelata informazzjoni li tikkostitwixxi jew tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali, u jkollhom aċċess għall-minuti ta’ dawn is-seduti;

3)

jiksbu kopja ċċertifikata (kopja diġitali) ta’ sentenza jew digriet li jkun fihom informazzjoni li tikkostitwixxi jew tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali.

3.   In-numru ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja u d-dritt għal smigħ xieraq. Dawn il-persuni huma mill-inqas dawn li ġejjin:

1)

jekk il-parti tkun persuna fiżika: hija stess u r-rappreżentant tagħha;

2)

jekk il-parti tkun persuna ġuridika: mill-inqas persuna fiżika li tmexxi l-każ f’isem il-persuna ġuridika u r-rappreżentant tagħha.

4.   Fl-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-qorti għandha tikkunsidra n-neċessità li jiġi żgurat id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq, l-interessi leġittimi tal-partijiet u tal-persuni l-oħra li jipparteċipaw fil-proċedura u d-dannu li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

32

Permezz ta’ avviż ta’ sejħa pubblika għal kompetizzjoni ppubblikata fis‑27 ta’ Settembru 2018, l-awtorità kontraenti nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt internazzjonali miftuħ għax-xiri ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ trasport tal-iskart urban tal-Komun ta’ Neringa (il-Litwanja) lejn l-installazzjonijiet ta’ trattament tal-landfill tar-Reġjun ta’ Klaipėda (il-Litwanja).

33

L-awtorità kontraenti ddefinixxiet f’dan l-avviż speċifikazzjonijiet tekniċi. Hija pprevediet b’mod partikolari li l-fornitur tas-servizzi jkun obbligat juża vetturi ta’ ġbir ta’ skart komunali li għandhom ikunu konformi, tal-inqas, mal-istandard Euro 5 u jkunu mgħammra b’emittent fiss ta’ sistema ta’ pożizzjonament ġeografiku (GPS) li jiffunzjona b’mod permanenti, b’mod li l-awtorità kontraenti tkun tista’ tiddetermina l-pożizzjoni eżatta tal-vettura u l-itinerarju preċiż tagħha.

34

L-avviż kien jinkludi wkoll id-deskrizzjoni tal-kapaċitajiet professjonali u tekniċi tal-offerenti, neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, kif ukoll deskrizzjoni tal-kapaċitajiet finanzjarji u ekonomiċi tagħhom. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiża li kull offerent kellu jippreżenta dikjarazzjoni, f’forma libera, li turi li d-dħul mill-bejgħ annwali medju li huwa wettaq bl-eżerċizzju tal-attività ta’ ġbir u ta’ trasport ta’ skart komunali mħallta matul it-tliet snin finanzjarji preċedenti jew mid-data tar-reġistrazzjoni tiegħu, jekk jeżerċita din l-attività għal inqas għal tliet snin finanzjarji, ma kienx inqas minn EUR 200000 mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud.

35

L-awtorità kontraenti rċeviet tliet offerti, fosthom dawk ta’ Ecoservice u tal-grupp.

36

Fid‑29 ta’ Novembru 2018, l-awtorità kontraenti nnotifikat lill-offerenti bl-evalwazzjoni tal-offerti u l-klassifikazzjoni finali tagħhom. Il-kuntratt ingħata lill-grupp minħabba l-prezz inferjuri tal-offerta tiegħu, peress li Ecoservice ġiet ikklassifikata fit-tieni post.

37

Fl‑4 ta’ Diċembru 2018, Ecoservice talbet lill-awtorità kontraenti, abbażi tal-Artikolu 20(4) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, l-aċċess għall-elementi li hija kienet użat sabiex tistabbilixxi l-imsemmija klassifikazzjoni, b’mod partikolari għall-offerta tal-grupp.

38

Fis‑6 ta’ Diċembru 2018, Ecoservice setgħet issir taf bl-informazzjoni mhux kunfidenzjali ta’ din l-offerta.

39

Fl‑10 ta’ Diċembru 2018, billi qieset li l-grupp ma kellux il-kwalifiki meħtieġa, Ecoservice ressqet ilment quddiem l-awtorità kontraenti sabiex tikkontesta r-riżultati tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Hija sostniet, fl-ewwel lok, li ebda wieħed mill-membri tal-grupp ma seta’ jeżegwixxi kuntratti ta’ ġbir u ta’ trasport ta’ skart komunali b’mod imħallat għal ammont ta’ EUR 200000 matul it-tliet snin preċedenti. Hija ppreċiżat f’dan ir-rigward li peress li Parsekas ma kinitx teżerċita servizzi ta’ mmaniġġar ta’ skart komunali b’mod imħallat, l-awtorità kontraenti kellha titlobha tispjega d-dikjarazzjoni prodotta li Parsekas kienet eżegwixxiet kuntratti ta’ ġestjoni tal-iskart imħallat għal ammont ta’ EUR 235 510.79. Fit-tieni lok, Ecoservice sostniet li l-grupp ma kellux il-kapaċitajiet tekniċi meħtieġa.

40

Fis‑17 ta’ Diċembru 2018, l-awtorità kontraenti ċaħdet dan l-ilment billi indikat b’mod lakoniku, skont il-qorti tar-rinviju, li l-grupp kien osserva ż-żewġ kundizzjonijiet ta’ klassifikazzjoni kkontestati minn Ecoservice.

41

Fis‑27 ta’ Diċembru 2018, Ecoservice ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Klaipėdos apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja) intiż b’mod partikolari sabiex l-awtorità kontraenti tiġi ordnata tipproduċi l-offerta tal-grupp u l-korrispondenza li dan tal-aħħar kien skambja mal-awtorità kontraenti. Ecoservice, filwaqt li ssostni li l-provi kollha kellhom jiġu prodotti lill-qorti, indipendentement min-natura kunfidenzjali tagħhom, kienet tqis li kien neċessarju li jkollha dawn id-dokumenti, li wħud minnhom ma kinux kunfidenzjali, sabiex tippreċiża t-talbiet tagħha stess.

42

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2019, din il-qorti ordnat lill-awtorità kontraenti sabiex tipprovdi lil Ecoservice d-dokumenti kollha mitluba.

43

Fin-nota tagħha tal‑11 ta’ Jannar 2019 ippreżentata wara l-imsemmija ordni, l-awtorità kontraenti sostniet, fl-ewwel lok, li, waqt l-eżami tal-ilment, hija kienet talbet lill-grupp sabiex jipprovdilha kjarifiki dwar il-kuntratti ta’ servizzi ta’ ġestjoni tal-iskart li huwa kien ikkonkluda. Il-grupp kien bagħat l-informazzjoni mitluba filwaqt li speċifika li parti kbira mill-informazzjoni trażmessa kienet kunfidenzjali u kellha, konsegwentement, tkun protetta kontra l-iżvelar lil terzi. Peress li qieset ukoll li din l-informazzjoni kellha valur kummerċjali għall-grupp li l-iżvelar tagħha lil kompetituri seta’ jikkawżalu preġudizzju, l-awtorità kontraenti ma kkomunikathiex lill-qorti sabiex ma tiksirx l-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Għaldaqstant huwa pproduċa biss l-informazzjoni mhux kunfidenzjali tal-offerta tal-grupp, filwaqt li indika li kien ser jippreżenta l-informazzjoni kunfidenzjali lill-qorti jekk din tal-aħħar kinitx titlobhom mill-ġdid.

44

Fit-tieni lok, l-awtorità kontraenti talbet li r-rikors jiġi miċħud, minħabba li l-kjarifiki addizzjonali li hija kienet irċeviet mill-grupp u ż-żjara li kienet saret fil-bini ta’ dan tal-aħħar kienu jippermettu li jiġi kkonfermat li l-offerta inkwistjoni kienet ġiet evalwata b’mod korrett.

45

Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Jannar 2019, il-Klaipėdos apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Klaipėda) illimitat l-obbligu ta’ produzzjoni tad-dokumenti għall-offerta tal-grupp u għad-dokumenti annessi magħha u ordnat il-produzzjoni tagħhom sal‑25 ta’ Jannar 2019.

46

Fil‑25 ta’ Jannar 2019, l-awtorità kontraenti ppreżentat id-dokumenti mitluba lil din il-qorti filwaqt li ddistingwixxiethom skont jekk kinux jinkludu informazzjoni kunfidenzjali jew le. L-informazzjoni li l-grupp kien jallega, mingħajr ma kienet kontradetta mill-awtorità kontraenti, li kienet kunfidenzjali kienet indirizzata esklużivament lill-imsemmija qorti. Barra minn hekk, l-awtorità kontraenti talbet lill-qorti sabiex ma tippermettix lil Ecoservice ssir taf bl-informazzjoni kunfidenzjali tal-offerta tal-grupp u tikklassifika lil din tal-aħħar bħala element mhux pubbliku tal-proċess.

47

Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Jannar 2019, il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talbiet tal-awtorità kontraenti sabiex l-informazzjoni tal-offerta tal-grupp li kienet ġiet ippreżentata lilha, minn naħa, tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali u, min-naħa l-oħra, ma tiġix żvelata.

48

Fl‑14 ta’ Frar 2019, permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi kkontestat, din il-qorti ċaħdet it-talba mressqa minn Ecoservice fil‑11 ta’ Frar 2019 sabiex tikseb aċċess għall-elementi kollha tal-proċess.

49

Fil‑21 ta’ Frar 2019, permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi kkontestat, l-imsemmija qorti ċaħdet it-talba mressqa minn Ecoservice fit‑12 ta’ Frar 2019, intiża sabiex Parsekas tiġi ordnata tipproduċi informazzjoni dwar kuntratti ta’ mmaniġġar ta’ skart li hija kienet ikkonkludiet.

50

Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2019, il-Klaipėdos apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Klaipėda) ċaħdet ir-rikors ta’ Ecoservice minħabba li l-grupp kellu l-kwalifiki meħtieġa.

51

Billi ddeċidiet fuq l-appell ippreżentat minn Ecoservice, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) annullat, permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2019, kemm is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-offerti. Il-Qorti tal-Appell ordnat ukoll lill-awtorità kontraenti sabiex twettaq evalwazzjoni ġdida tal-offerti.

52

L-awtorità kontraenti ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja).

53

Fis‑26 ta’ Lulju 2019, Ecoservice, qabel ma ppreżentat ir-risposta tagħha għall-appell ta’ kassazzjoni, talbet lil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) l-aċċess għad-dokumenti kunfidenzjali ppreżentati mill-awtorità kontraenti fl-ewwel istanza, billi ħbiet l-informazzjoni sensittiva mill-perspettiva kummerċjali.

54

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ċerti rekwiżiti ta’ kwalifika tal-offerenti li jinsabu fl-avviż tas-sejħa għal offerti jistgħu jinftiehmu kemm bħala kundizzjonijiet relatati mal-kapaċità finanzjarja u ekonomika tal-operatur ekonomiku kif ukoll bħala kundizzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tiegħu, iżda wkoll bħala speċifikazzjonijiet tekniċi jew ukoll kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku.

55

Issa, għandha tiġi ddeterminata n-natura ta’ dawn ir-rekwiżiti, peress li, skont l-Artikolu 45(3) u l-Artikolu 55(9) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, l-obbligu jew il-fakultà li tiġi rrettifikata dikjarazzjoni ta’ offerent tvarja skont jekk l-informazzjoni kontenzjuża tikkonċernax il-klassifikazzjoni tiegħu jew l-offerta li jkun ippreżenta.

56

Fit-tieni lok, skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni tal-ibbilanċjar tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minn offerent u l-effettività tad-drittijiet tad-difiża tal-offerenti l-oħra.

57

F’dan il-każ, Ecoservice pprovat mingħajr suċċess tikseb l-aċċess għall-offerta tal-grupp. L-awtorità kontraenti stess ippreferiet b’mod attiv ħafna d-dritt tal-grupp għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tiegħu. Din il-prattika, li hija frekwenti fil-Litwanja, twassal sabiex id-drittijiet tal-offerenti jkunu biss parzjalment protetti. Fil-fatt, fil-kawżi dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, l-offerenti esklużi għandhom inqas informazzjoni mill-partijiet l-oħra f’dawn il-kawżi. Barra minn hekk, il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom tiddependi mid-deċiżjoni tal-qorti li tikklassifika bħala kunfidenzjali l-informazzjoni li huma jitolbu l-produzzjoni tagħha. Issa, deċiżjoni li permezz tagħha l-qorti ma tilqax talba għal komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni tista’ tnaqqas il-possibbiltajiet, għal offerent eskluż, li jintlaqa’ r-rikors li huwa ppreżenta kontra d-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt.

58

Il-qorti tar-rinviju tesponi, fl-ewwel lok, li hija ddeċidiet b’mod partikolari, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li d-dritt tal-offerenti, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali li huma ppreżentaw fl-offerta jikkonċerna biss l-informazzjoni li għandha tiġi kklassifikata bħala sigriet tan-negozju jew sigriet industrijali, skont l-Artikolu 1.116(1) tal-Lietuvos Respublikos civilinio kodekso (Kodiċi Ċivili tar-Republika tal-Litwanja), li jikkorrispondi essenzjalment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/943. Fit-tieni lok, id-dritt ta’ offerent li jaċċedi għall-offerta ta’ offerent ieħor għandu jitqies bħala li jagħmel parti integrali mill-protezzjoni tad-drittijiet li potenzjalment inkisru.

59

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu dwar il-kontenut preċiż tal-obbligi tal-awtoritajiet kontraenti li jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa lilhom mill-offerenti u dwar ir-relazzjonijiet bejn dawn l-obbligi u l-obbligu li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva għall-operaturi ekonomiċi li jkunu ppreżentaw rikors. Hija tal-opinjoni li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91), enfasizzat li l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma bbażati fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet kontraenti, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2016/943, li huwa sussegwenti għal din is-sentenza, jipprevedi li, fi kwalunkwe każ, il-partijiet f’kawża ma jistax ikollhom informazzjoni differenti, ħlief bi ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt għal smigħ xieraq. Hija tippreċiża li, peress li din id-dispożizzjoni tobbliga lill-qorti tiggarantixxi d-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jsiru jafu s-sigrieti kummerċjali ta’ parti fil-kawża, jista’ wkoll ikun hemm lok li jiġi rrikonoxxut lilhom l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt qabel kull proċedura kontenzjuża, b’mod partikolari sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu li jippreżentaw rikors b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti.

60

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li madankollu jeżisti riskju li ċerti operaturi ekonomiċi jabbużaw minn dan id-dritt billi jadixxu lill-awtorità kontraenti mhux sabiex jiżguraw id-difiża tad-drittijiet tagħhom, iżda biss sabiex jiksbu informazzjoni dwar il-kompetituri tagħhom. Madankollu, it-tressiq ta’ kawża quddiem qorti jippermetti fi kwalunkwe każ lil dawn l-operaturi jiksbu l-informazzjoni mixtieqa.

61

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, bl-eċċezzjoni tal-premessa 18 tagħha, id-Direttiva 2016/943 ma tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Hija tenfasizza li, anki jekk l-awtoritajiet kontraenti ma humiex istanzi ta’ reviżjoni, is-sistema obbligatorja tar-riżoluzzjoni prekontenzjuża tal-kawżi, prevista fid-dritt intern, tagħtihom setgħa wiesgħa sabiex jikkooperaw mal-operaturi ekonomiċi, kemm jekk ikunu rikorrenti kif ukoll jekk huma konvenuti. L-awtoritajiet kontraenti għandhom ukoll, bħala konsegwenza tal-għan li jikkonsisti f’li jiżguraw lil dawn l-operaturi protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom, l-obbligu li jadottaw, sa fejn huma jkollhom il-kompetenza tagħhom u l-mezzi li huma għandhom, il-miżuri neċessarji sabiex jiggarantulhom il-possibbiltà li jiddefendu effettivament l-interessi li jkunu ġew ippreġudikati. Għalhekk, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 89/665 jistgħu jkollhom jiġu interpretati fis-sens li l-offerenti jistgħu jaċċedu għal informazzjoni li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali tal-offerenti l-oħra mhux biss fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll matul il-fażi ta’ rikors amministrattiv preliminari.

62

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni tqajjem ex officio l-kwistjoni tal-evalwazzjoni tal-atti tal-grupp fid-dawl tal-Artikolu 57(4)(h) tad-Direttiva 2014/24, jew il-kwistjoni dwar jekk il-grupp jew, tal-inqas uħud mill-membri tiegħu, ma ppreżentawx lill-awtorità kontraenti informazzjoni falza dwar il-konformità tal-kapaċitajiet tagħhom mar-rekwiżiti tas-sejħa għal offerti.

63

Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-informazzjoni pprovduta minn Parsekas tista’ tikkostitwixxi każ ta’ negliġenza fil-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, li kellha effett fuq ir-riżultati tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. F’dan ir-rigward, hija tqis li Parsekas ma kellhiex tiddikjara d-dħul li hija għamlet mill-kuntratti konklużi u eżegwiti ma’ operaturi ekonomiċi oħra li kienu jipprovdu l-parti mis-servizzi relatati mal-immaniġġar tal-iskart imħallat, kif ukoll kuntratti li wettqet hija stess, iżda li għalihom l-immaniġġar ta’ skart imħallat jirrappreżenta biss parti minima mill-iskart ikkonċernat.

64

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju, li tosserva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 hija bbażata fuq ir-rabta partikolari ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtorità kontraenti u l-fornitur ikkonċernat, tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk qorti nazzjonali tistax titbiegħed mill-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità kontraenti fir-rigward tal-assenza ta’ natura falza jew qarrieqa tal-informazzjoni li tkun ġiet trażmessa lilha matul il-proċedura ta’ għoti.

65

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, meta operatur ekonomiku, li huwa parti f’kuntratt ta’ attività komuni, ipprovda informazzjoni eventwalment falza, l-imsieħba tiegħu, li miegħu jkunu ppreżentaw l-offerta komuni, għandhomx jiġu inklużi wkoll, skont il-punt 4 tal-Artikolu 46(4) u tal-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, dwar il-“Lista ta’ fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza”, tali inklużjoni li tipprojbixxihom milli jipparteċipaw, għal sena, f’sejħiet għal offerti ppubblikati minn awtoritajiet kontraenti oħra.

66

Din is-soluzzjoni, li tista’ tkun ibbażata fuq is-solidarjetà u l-komunità ta’ interess u ta’ responsabbiltà tal-operaturi msieħba kollha, tidher madankollu li tmur kontra l-prinċipju tar-responsabbiltà personali ta’ dawn l-operaturi, li abbażi tiegħu jista’ jiġi ssanzjonat biss l-operatur ekonomiku li jkun bagħat informazzjoni falza.

67

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Kundizzjoni ta’ offerta li abbażi tagħha fornituri għandhom juru ċertu livell ta’ dħul annwali operattiv medju ġġenerat mit-twettiq ta’ attivitajiet relatati biss ma’ servizzi speċifiċi (ġestjoni tal-iskart muniċipali mħallat) taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 58(3) jew (4) tad-Direttiva[ 2014/24]?

2)

Il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità tal-fornitur, li huwa stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal 4 ta’ Mejju 2017, Esaprojekt (C‑387/14, EU:C:2017:338) jiddependi fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?

3)

Kundizzjoni ta’ offerta li abbażi tagħha fornituri għandhom juru li l-vetturi neċessarji għall-provvisti ta’ servizzi (ta’ ġestjoni tal-iskart) jikkonformaw ma’ rekwiżiti tekniċi speċifiċi, li jinkludu l-emissjonijiet li jniġġsu (EUR 5), l-installazzjoni ta’ trażmettitur GPS, kapaċità xierqa u oħrajn, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni (a) tal-Artikolu 58(4), (b) tal-Artikolu 42 flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VII, (ċ) tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24?

4)

[Ir-raba’] subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva[ 89/665], li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ effettività tal-proċeduri ta’ reviżjoni, l-Artikolu 1(3) u (5) tagħha, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 u d-Direttiva [2016/943], b’mod partikolari l-premessa 18 u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tagħha (flimkien jew separatament, iżda mhux limitatament għalihom), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta tkun ġiet stabbilita proċedura prekontenzjuża tar-riżoluzzjoni ta’ tilwim fir-regoli nazzjonali interni li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi:

(a)

l-awtorità kontraenti għandha tipprovdi lill-fornitur li jkun [beda] l-proċedura ta’ reviżjoni d-dettalji kollha tal-offerta ta’ fornitur ieħor (indipendentement min-natura kunfidenzjali tagħhom), jekk is-suġġett ta’ din il-proċedura jkun speċifikatament il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-fornitur l-ieħor u l-fornitur li jkun [beda] l-proċedura jkun talab b’mod espliċitu lill-awtorità kontraenti sabiex tipprovdihom qabel dan;

(b)

indipendentement mir-risposta li tingħata għad-domanda preċedenti, l-awtorità kontraenti, meta tiċħad it-talba mressqa mill-fornitur dwar il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-kompetitur tiegħu, għandha xorta waħda tagħti risposta ċara, komprensiva u speċifika, irrispettivament mir-riskju li tiġi żvelata informazzjoni kunfidenzjali ta’ offerta fdata lilha?

5)

[Ir-raba’] subparagrafu tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 1(3) u (5) u l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 u d-Direttiva 2016/943, b’mod partikolari l-premessa 18 (flimkien jew separatament, iżda mhux limitatament għalihom) għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li ma tagħtix aċċess lil fornitur għad-dettalji kunfidenzjali ta’ offerta ta’ parteċipant ieħor tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata separatement quddiem il-qrati?

6)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fornitur għandu jressaq talba mal-awtorità kontraenti fir-rigward ta’ tali deċiżjoni meħudha minnha u, jekk ikun il-każ, jippreżenta kawża quddiem il-qorti?

7)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, [ir-raba’] subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu interpretati fis-sens li skont il-firxa tal-informazzjoni disponibbli dwar il-kontenut tal-offerta tal-fornitur l-ieħor, il-fornitur jista’ jippreżenta kawża quddiem il-qrati fir-rigward biss tar-rifjut li tiġi pprovduta lilu informazzjoni, mingħajr ma jikkontesta separatament il-legalità ta’ deċiżjonijiet oħra tal-awtorità kontraenti?

8)

Indipendentement mir-risposti għad-domandi preċedenti, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2016/943 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti, wara li tkun irċeviet it-talba tar-rikorrenti li l-parti l-oħra fit-tilwima tiġi ordnata tipproduċi evidenza u li l-qorti tagħmilha disponibbli għar-rikorrenti, għandha tilqa’ tali talba, irrispettivament mill-azzjonijiet tal-awtorità kontraenti matul il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ reviżjoni?

9)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2016/943 għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara ċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti għall-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali tal-parti l-oħra għat-tilwima, il-qorti għandha ex officio tevalwa l-importanza tad-data li qiegħed jintalab l-iżvelar tagħha u l-effett tad-data fuq il-legalità tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi?

10)

Il-motiv għal esklużjoni ta’ fornituri indikat fl-Artikolu 57(4)(h) tad-Direttiva 2014/24, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat 3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93, (C‑267/18, EU:C:2019:826), jista’ jiġi applikat b’tali mod li l-qorti, meta teżamina tilwima bejn fornitur u l-awtorità kontraenti, tista’ tiddeċiedi ex officio, irrispettivament mill-evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti, li l-offerent ikkonċernat, b’mod intenzjonali jew negliġenti, issottometta informazzjoni qarrieqa, fattwalment ineżatta lill-awtorità kontraenti u, għalhekk, kellu jiġi eskluż mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi?

11)

L-Artikolu 57(4)(h) tad-Direttiva 2014/24, applikat flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat u applikat b’tali mod li, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tipprovdi għal sanzjonijiet addizzjonali (minbarra l-esklużjoni mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi) minħabba s-sottomissjoni ta’ informazzjoni falza, dawn is-sanzjonijiet jistgħu jiġu applikati biss fuq il-bażi ta’ responsabbiltà personali, b’mod partikolari meta informazzjoni fattwalment ineżatta tkun ġiet sottomessa biss minn proporzjoni tal-koparteċipanti fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (pereżempju, wieħed minn diversi sħab)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

68

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għall-operaturi ekonomiċi, li juru li huma jiksbu ċertu dħul mill-bejgħ annwali medju fil-qasam tal-attivitajiet ikkonċernat mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni jikkostitwixxix kriterju ta’ selezzjoni relatat mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, jew mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tagħhom, fis-sens tal-paragrafu 4 tal-imsemmija dispożizzjoni.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 58(1) ta’ din id-direttiva jesponi t-tliet tipi ta’ kriterji ta’ għażla li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu bħala kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi. Dawn il-kriterji, li jirrigwardaw l-abbiltà li tiġi eżerċitata l-attività professjonali kkonċernata, il-kapaċità ekonomika u finanzjarja kif ukoll il-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tal-operaturi, huma speċifikati, rispettivament, fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu.

70

Barra minn hekk, mill-Artikolu 58(3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, sabiex jiġi żgurat li huma jkollhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu b’mod partikolari jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi jiksbu dħul mill-bejgħ annwali minimu speċifiku, b’mod partikolari dħul mill-bejgħ minimu speċifiku fil-qasam ikkonċernat mill-kuntratt.

71

Minn dan isegwi li r-rekwiżit li jikkonsisti, għal operaturi ekonomiċi, f’li juru li huma jiksbu ċertu dħul mill-bejgħ annwali medju fil-qasam tal-attivitajiet ikkonċernat mis-suq jikkorrispondi preċiżament għad-definizzjoni tal-kriterju ta’ selezzjoni bbażat fuq il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 58(3) tad-Direttiva 2014/24 u għalhekk jaqa’ taħtu. Barra minn hekk, mill-Anness XII ta’ din id-direttiva dwar “Mezzi ta’ prova tal-kriterji tal-għażla”, li għalih jirreferi l-Artikolu 60(3) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li fil-lista mhux eżawrjenti ta’ provi li jistgħu jikkonfermaw il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ operatur ekonomiku “fatturat fil-qasam kopert mill-kuntratt”, fatt li jsaħħaħ din l-interpretazzjoni.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għall-operaturi ekonomiċi, li juru li huma jiksbu ċertu dħul mill-bejgħ annwali medju fil-qasam tal-attivitajiet ikkonċernat mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni jikkostitwixxi kriterju ta’ għażla dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ dawn l-operaturi, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

73

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 58(3) u tal-Artikolu 60(3) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti eżiġiet li operaturi ekonomiċi jkunu kisbu dħul mill-bejgħ minimu speċifiku fil-qasam ikkonċernat mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni, operatur ekonomiku ma jistax, għall-finijiet li jipproduċi l-prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu, jinvoka d-dħul irċevut minn grupp temporanju ta’ impriżi li għalih huwa kien jagħmel parti, li effettivament ikkontribwixxa, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku speċifiku, għat-twettiq ta’ attività ta’ dan il-grupp analogu għal dak li huwa s-suġġett tal-kuntratt pubbliku li għalih l-imsemmi operatur biħsiebu jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu.

74

Sabiex jipproduċi l-prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 58(3) tad-Direttiva 2014/24, operatur ekonomiku jista’, bħala regola ġenerali, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(3) ta’ din id-direttiva, jippreżenta lill-awtorità kontraenti wieħed jew iktar mill-elementi ta’ referenza elenkati fil-Parti I tal-Anness XII tal-imsemmija direttiva. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tagħha jipprevedi wkoll li, jekk, għal raġuni ġġustifikata, l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jipproduċi l-elementi ta’ referenza mitluba mill-awtorità kontraenti, huwa jista’ jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta’ kull dokument ieħor ikkunsidrat xieraq mill-awtorità kontraenti.

75

Kif jirriżulta mill-Artikolu 58(3) tad-Direttiva 2014/24, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu b’mod partikolari jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi jiksbu dħul mill-bejgħ annwali minimu speċifiku, b’mod partikolari dħul mill-bejgħ minimu partikolari fil-qasam ikkonċernat mill-kuntratt.

76

Għalhekk minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ natura li jiggarantixxu li l-operaturi ekonomiċi jkollhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi jkunu kisbu dħul mill-bejgħ annwali minimu globali jew dħul mill-bejgħ minimu speċifiku fil-qasam kopert mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni, jew inkella jgħaqqdu dawn iż-żewġ rekwiżiti.

77

Issa, għalkemm l-awtorità kontraenti imponiet esklużivament kundizzjoni dwar dħul mill-bejgħ annwali minimu speċifiku, mingħajr ma eżiġiet li dan id-dħul mill-bejgħ minimu speċifikujkun twettaq fil-qasam kopert mill-kuntratt, xejn ma jipprekludi li operatur ekonomiku jkun jista’ jinvoka dħul rċevut minn grupp temporanju ta’ impriżi li huwa kellu, anki jekk ma kkontribwixxiex effettivament, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku partikolari, għat-twettiq ta’ attività ta’ dan il-grupp analogu għal dak li huwa s-suġġett tal-kuntratt pubbliku li għalih l-imsemmi operatur ekonomiku biħsiebu jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu.

78

Min-naħa l-oħra, meta l-awtorità kontraenti tkun eżiġiet li dan id-dħul mill-bejgħ minimu speċifiku jkun twettaq fil-qasam kopert mill-kuntratt, dan ir-rekwiżit għandu għan doppju. Fil-fatt, hija għandha t-tendenza li tistabbilixxi l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-operaturi ekonomiċi u tikkontribwixxi sabiex turi l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tagħhom. F’tali ipoteżi, il-kapaċitajiet ekonomiċi u finanzjarji ta’ operatur huma, bħall-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tiegħu, speċifiċi u esklużivi għal dan l-operatur bħala persuna fiżika jew ġuridika.

79

Minn dan isegwi, f’dan l-aħħar każ, li operatur ekonomiku jista’, sabiex jipproduċi l-prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu, jinvoka, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, dħul rċevut minn grupp temporanju ta’ impriżi li huwa kien jappartjeni għalih biss jekk ikun effettivament ikkontribwixxa, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku partikolari, għat-twettiq ta’ attività ta’ dan il-grupp analoga għal dik li hija s-suġġett tal-kuntratt pubbliku li għaliha l-imsemmi operatur għandu l-intenzjoni li jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu.

80

Fil-fatt, meta operatur ekonomiku jinvoka l-kapaċitajiet ekonomiċi u finanzjarji ta’ grupp ta’ impriżi li jkun ħa sehem fih, dawn għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-parteċipazzjoni konkreta ta’ dan l-operatur u għalhekk għall-kontribuzzjoni effettiva tiegħu għall-eżerċizzju ta’ attività meħtieġa tal-imsemmi grupp fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku speċifiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Esaprojekt (C‑387/14, EU:C:2017:338, punt 62).

81

Għandu wkoll, fil-kuntest tal-Artikolu 58(3) tad-Direttiva 2014/24, fil-kuntest ta’ każ imsemmi fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, id-dħul mill-bejgħ li jista’ jiġi invokat taħt din id-dispożizzjoni jiġi limitat għal dak relatat mal-kontribuzzjoni effettiva tal-operatur inkwistjoni għal attività meħtieġa minn grupp fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku preċedenti.

82

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 58(3) u tal-Artikolu 60(3) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti eżiġiet li l-operaturi ekonomiċi jkunu kisbu dħul mill-bejgħ minimu partikolari fil-qasam ikkonċernat mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni, operatur ekonomiku ma jistax, sabiex jipproduċi l-prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu, jinvoka d-dħul irċevut minn grupp temporanju ta’ impriżi li huwa parti minnu ħlief jekk ikun effettivament ikkontribwixxa, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt pubbliku speċifiku, għat-twettiq ta’ attività ta’ dan il-grupp analogu għal dak li huwa s-suġġett tal-kuntratt pubbliku li għalih l-imsemmi operatur għandu l-intenzjoni jipproduċi prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu.

Fuq it-tielet domanda

83

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 58(4) kif ukoll l-Artikoli 42 u 70 tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jistgħu japplikaw fl-istess ħin għal preskrizzjoni teknika li tinsab f’sejħa għal offerti.

84

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2014/24 ma teskludix li rekwiżiti tekniċi jistgħu jinftiehmu kemm bħala kriterji ta’ għażla relatati mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali, bħala speċifikazzjonijiet tekniċi u/jew bħala kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 58(4), tal-Artikolu 42 u tal-Artikolu 70 ta’ din id-direttiva.

85

Fir-rigward tal-kriterji ta’ għażla li jirrigwardaw il-“kapaċitajiet tekniċi u professjonali” tal-operaturi ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 58(4) tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi rrilevat li, fost il-mezzi ta’ prova ta’ dawn il-kapaċitajiet, elenkati fil-parti II tal-Anness XII ta’ din id-direttiv, jidhru fil-punti (g) u (i) ta’ din il-partirispettivament, “indikazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni ambjentali li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’ japplika meta jwettaq il-kuntratt” u, “dikjarazzjoni dwar l-għodod, l-impjant u t-tagħmir tekniku għad-dispożizzjoni tal-fornitur jew il-kuntrattur tas-servizz għat-twettiq tal-kuntratt”.

86

Issa, għalkemm tali mezzi ta’ prova huma adatti sabiex jiċċertifikaw “kapaċitajiet tekniċi u professjonali” tal-operaturi ekonomiċi, rekwiżiti tekniċi bħal dawk li jikkonċernaw l-emissjonijiet li jniġġsu tal-vetturi (standard Euro 5) u l-obbligu li dawn il-vetturi jiġu ekwiparati b’emittur GPS, li huma inkwistjoni f’dan il-każ, jidhru li jistgħu jirreferu għall-“riżorsi tekniċi” tal-operaturi ekonomiċi u, għaldaqstant, li għandhom jiġu kklassifikati bħala kriterji ta’ għażla li jirrigwardaw il-“kapaċitajiet tekniċi u professjonali tagħhom”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 58(4), sakemm li dokumenti relatati mas-sejħa għal offerti jipprevedi li huma ġew imposti speċifikament bħala kapaċitajiet li l-offerenti għandhom jagħtu prova li għandhom jew ser ikollhom fiż-żmien utli sabiex jeżegwixxu l-kuntratt, li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

87

Fir-rigward tal-“ispeċifikazzjonijiet tekniċi”, fis-sens tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24, mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li tali speċifikazzjonijiet jiddefinixxu l-“karatteristiċi meħtieġa” tas-servizzi koperti minn kuntratt u huma fformulati f’termini ta’ prestazzjoni jew ta’ rekwiżiti funzjonali, b’mod partikolari ambjentali, jew b’riferiment għall-istandards tekniċi. Barra minn hekk, il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu jirreferi għall-Anness VII tal-imsemmija direttiva, li l-punt 1(b) tiegħu jippreċiża, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi għal provvista jew għal servizzi, li speċifikazzjoni teknika “f’dokument li jiddefinixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott jew servizz, bħal [...] il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali u klimatika [...]”. Għalhekk, ir-rekwiżiti tekniċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma effettivament ifformulati f’termini ta’ prestazzjoni jew ta’ rekwiżiti funzjonali, u li jagħmlu riferiment b’mod partikolari għall-istandard Euro 5 dwar l-emissjonijiet li jniġġsu tal-vetturi, jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjonijiet tekniċi”.

88

Fl-aħħar nett, sa fejn dawn jipprevedu kundizzjonijiet partikolari dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, li huma jidhru marbuta mas-suġġett tal-kuntratt u huma indikati fl-avviż tas-sejħa għal offerti jew fid-dokumenti tal-kuntratt, l-imsemmija rekwiżiti, li jieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet relatati mal-innovazzjoni u mal-ambjent, jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24, sa fejn jirriżulta mid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti li huma imposti bħala kundizzjonijiet li l-offerent rebbieħ għandu josserva fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-osservanza tal-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ kuntratt ma għandhiex tiġi evalwata waqt l-għoti ta’ kuntratt. Minn dan isegwi li jekk il-preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tiġi kklassifikata bħala kundizzjoni ta’ eżekuzzjoni u jekk l-offerent rebbieħ ma kienx jissodisfa dan meta ngħata l-kuntratt pubbliku, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni jibqa’ mingħajr effett fuq il-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 tal-għoti tal-kuntratt lill-grupp.

90

Għalhekk, minn naħa, rekwiżit li jinsab f’sejħa għal offerti, bħall-preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi kklassifikat bħala kriterju ta’ għażla relatat mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali jew bħala speċifikazzjoni teknika, jew bħala kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà tal-preskrizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni, għandu jingħad ukoll li l-Artikoli 42 u 70 tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala prinċipju, li preskrizzjonijiet, li jispeċifikaw ċerti karatteristiċi tekniċi tal-vetturi li għandhom jintużaw għall-finijiet tal-provvista tas-servizzi koperti minn kuntratt, jiġu imposti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti dwar dan il-kuntratt, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji fundamentali ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kif stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva.

91

Għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-klassifikazzjoni tal-preskrizzjonijiet inkwistjoni jistax ikollha effett fuq il-possibbiltajiet ta’ rettifika u ta’ korrezzjoni tal-offerti ppreżentati.

92

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 56(3) tad-Direttiva 2014/24, meta l-informazzjoni jew id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati mill-operaturi ekonomiċi jkunu jew jidhru inkompleti jew żbaljati jew meta ċerti dokumenti jkunu neqsin, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fid-dritt nazzjonali li jimplimenta din id-direttiva, jitolbu lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati jippreżentaw, jikkompletaw, jikkjarifikaw jew jippreċiżaw l-informazzjoni jew id-dokumenti kkonċernati f’terminu xieraq, bil-kundizzjoni li dawn it-talbiet josservaw b’mod sħiħ il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza.

93

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) , ibbażata b’mod partikolari fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li għandha tiġi applikata b’analoġija fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 56(3), talba għal kjarifika ppreżentata lil operatur ekonomiku taħt din id-dispożizzjoni ma tistax madankollu tikkumpensa l-assenza ta’ att jew ta’ informazzjoni li l-komunikazzjoni tagħha kienet meħtieġa mid-dokumenti tal-kuntratt, peress li l-awtorità kontraenti hija obbligata li tosserva strettament il-kriterji li hija stess stabbilixxiet. Barra minn hekk, tali talba ma tistax twassal għas-sottomissjoni, minn offerent ikkonċernat, ta’ dik li fir-realtà tidher bħala offerta ġdida (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 40; tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova,C‑336/12, EU:C:2013:647, punti 3640, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2018, MA.T.I. SUD u Duemme SGR, C‑523/16 u C‑536/16, EU:C:2018:122, punti 5152).

94

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-portata tad-dritt tal-awtorità kontraenti li tippermetti lill-offerent rebbieħ jikkompleta jew jiċċara sussegwentement l-offerta inizjali tiegħu tiddependi fuq l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56(3) tad-Direttiva 2014/24, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u lanqas, bħala tali, tal-klassifikazzjoni tar-rekwiżiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala kriterji ta’ għażla marbuta mal-“kapaċitajiet tekniċi u professjonali” tal-operaturi ekonomiċi, fis-sens tal-Artikolu 58(4) ta’ din id-direttiva, bħala “speċifikazzjonijiet tekniċi” fis-sens tal-Artikolu 42 tagħha jew bħala “kundizzjonijiet għat-twettiq” fis-sens tal-Artikolu 70 tal-imsemmija direttiva.

95

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 58(4) kif ukoll l-Artikoli 42 u 70 tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistgħu japplikaw fl-istess ħin għal preskrizzjoni teknika li tinsab f’sejħa għal offerti.

Fuq ir-raba’ sad-disa’ domanda

Osservazzjonijiet preliminari

96

Ir-raba’, il-ħames, it-tmien u d-disa’ domanda li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/943, għandu jiġi ddeterminatjekk din hijiex applikabbli, minn naħa, għal sitwazzjoni li fiha awtorità kontraenti tiġi adita minn offerent b’talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni meqjusa kunfidenzjali li tinsab fl-offerta ta’ kompetitur u, jekk ikun il-każ, b’ilment kontra d-deċiżjoni li tiċħad din it-talba fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża obbligatorja kif ukoll, min-naħa l-oħra, meta qorti tiġi adita b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tiċħad dan l-ilment.

97

Fid-dawl tal-għan tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 4 tagħha, id-Direttiva 2016/943 tirrigwarda biss il-kisba, l-użu jew l-iżvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali u ma tipprevedix miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali f’tipi oħra ta’ proċeduri ġudizzjarji, bħall-proċeduri relatati mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

98

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-kisba ta’ sigriet kummerċjali mingħajr il-kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali titqies li hija illegali meta titwettaq permezz ta’ aċċess mhux awtorizzat għal kull dokument, suġġett, materjal, sustanza jew fajl elettroniku jew ta’ approprjazzjoni jew kopja mhux awtorizzata ta’ dawn l-elementi, li d-detentur tas-sigriet kummerċjali jikkontrolla legalment u li jinkludu l-imsemmija sigriet kummerċjali jew li minnu l-imsemmi sigriet kummerċjali jista’ jiġi dedott.

99

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2)(c) tagħha, l-imsemmija direttiva ma tippreġudikax l-applikazzjoni ta’ regoli tal-Unjoni jew ta’ regoli nazzjonali li jobbligaw jew jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali sabiex jiżvelaw informazzjoni kkomunikata minn impriżi li dawn l-istituzzjonijiet, korpi jew awtoritajiet ikollhom skont obbligi u prerogattivi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali u konformement magħhom. Min-naħa tagħha, il-premessa 18 tal-istess direttiva, li fid-dawl tagħha din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, tippreċiża li d-Direttiva 2016/943 ma għandhiex teħles lill-awtoritajiet pubbliċi mill-obbligi ta’ kunfidenzjalità li huma suġġetti għalihom fir-rigward tal-informazzjoni trażmessa mid-detenturi ta’ sigrieti tan-negozju, kemm jekk dawn l-obbligi jkunu ddefiniti fid-dritt tal-Unjoni jew fid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2016/943 ma teħlisx lill-awtoritajiet pubbliċi mill-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jistgħu jirriżultaw mid-Direttiva 2014/24.

100

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2016/943 jipprovdi li l-kisba, l-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali għandu jitqies li huwa legali sa fejn dan ikun meħtieġ jew awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali.

101

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 51 ta’ din tal-aħħar, jipprevedi li l-awtorità kontraenti ma tiżvelax, bħala prinċipju, l-informazzjoni li l-operaturi ekonomiċi kkomunikawlha b’mod kunfidenzjali u li tista’ timponi fuq l-operaturi ekonomiċi rekwiżiti intiżi sabiex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li huma jqiegħdu għad-dispożizzjoni matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

102

Għaldaqstant, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tipproċedi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2014/24 u 89/665 li jispeċifikaw, b’mod partikolari, ir-regoli partikolari applikabbli għall-awtoritajiet kontraenti u għall-qrati nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti li huma suġġetti għalihom fil-kuntest tal-proċeduri dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

Fuq il-ħames sas-seba’ domanda

103

Permezz tal-ħames sas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 1(3) u (5) u l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tirrifjuta li tikkomunika lil operatur ekonomiku l-informazzjoni meqjusa kunfidenzjali inkluża fil-fajl ta’ kandidatura jew fl-offerta ta’ operatur ekonomiku ieħor tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors u li, meta l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun saret il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni ppreveda proċedura prekontenzjuża obbligatorja għad-deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet kontraenti, rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni għandha tiġi ppreċeduta minn tali rikors amministrattiv minn qabel.

104

F’dan ir-rigward, mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu rriveduti b’mod effikaċi u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f tad-Direttiva 89/665, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet kisru d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt. Skont l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, dawn il-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu aċċessibbli, skont regoli ddettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għall-inqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat.

105

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti” għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa. Fil-fatt, bl-użu tal-kliem “fil-qasam tal-akkwist pubbliku”, il-kliem tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jimplika li kull deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li taqa’ taħt ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li tista’ tikser dawn il-proċeduri tkun suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikoli 2 sa 2f tal-istess direttiva. Dan il-kliem għalhekk jirreferi b’mod ġenerali għad-deċiżjonijiet ta’ awtorità kontraenti mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn dawn id-deċiżjonijiet skont il-kontenut tagħhom jew il-mument tal-adozzjoni tagħhom u ma jipprevedi ebda restrizzjoni f’dak li jikkonċerna n-natura u l-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et, C‑391/15, EU:C:2017:268, punti 2627, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106

Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati”, li b’mod partikolari wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra li d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tippermetti lil operatur ekonomiku jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 (sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et, C‑391/15, EU:C:2017:268, punt 28, u ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, id-digriet tal‑14 ta’ Frar 2019, Cooperativa Animazione Valdocco,C‑54/18, EU:C:2019:118, punt 36), għandhom ukoll jipprevalu fir-rigward tad-deċiżjoni li għaliha awtorità kontraenti tirrifjuta li tikkomunika lil operatur ekonomiku l-informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali trażmessa minn kandidat jew offerent.

107

Sa fejn il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, permezz tas-seba’ domanda tagħha, jekk offerent eskluż jistax jippreżenta azzjoni ġudizzjarja li tirrigwarda biss ir-rifjut li tiġi kkomunikata lilu l-informazzjoni meqjusa kunfidenzjali, mingħajr ma jikkontesta wkoll il-legalità tad-deċiżjonijiet l-oħra tal-awtorità kontraenti, huwa biżżejjed, qabelxejn, li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 89/665 ma tinkludi ebda dispożizzjoni li jipprekludi li tali offerent jippreżenta rikors intiż għad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tirrifjuta li tikkomunikalu tali informazzjoni, tkun xi tkun il-kontenut u l-portata ta’ din id-deċiżjoni.

108

Sussegwentement, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punti 77 u 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali konstatazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet ta’ effikaċja u ta’ ħeffa msemmija fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.

109

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk azzjoni ġudizzjarja diretta kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kontraenti tirrifjuta li tikkomunika lil operatur ekonomiku l-informazzjoni meqjusa kunfidenzjali trażmessa minn kandidat jew offerent għandhiex tkun ippreċeduta minn azzjoni amministrattiva minn qabel meta l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tiżvolġi l-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni jkun ippreveda proċedura prekontenzjuża obbligatorja, għandu jiġi rrilevat li, jekk l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 89/665 jipprevedi li Stat Membru jista’ jeżiġi li l-persuna kkonċernata tippreżenta rikors fl-ewwel lok quddiem l-awtorità kontraenti qabel ma tippreżenta rikors ġudizzjarja, din id-dispożizzjoni ma tirregolax, minn naħa l-oħra, la din il-proċedura ta’ rikors u lanqas il-modalitajiet tagħha.

110

Għaldaqstant, meta, skont l-Artikolu 1(5) tal-imsemmija direttiva, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tiżvolġi l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni jkun ippreveda li kull persuna li tixtieq tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti hija obbligata li tippreżenta rikors amministrattiv minn qabel fi kwalunkwe riferiment lill-qorti, dan l-Istat Membru jista’ jipprevedi wkoll, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li reviżjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tirrifjuta li tikkomunika lil operatur ekonomiku l-informazzjoni meqjusa kunfidenzjali inkluża fil-fajl ta’ kandidatura jew fl-offerta ta’ operatur ekonomiku ieħor għandha tkun ippreċeduta minn rikors amministrattiv quddiem awtorità kontraenti.

111

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ħames sas-seba’ domanda għandha tkun li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 1(3) u (5) u l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tirrifjuta li tikkomunika lil operatur ekonomiku l-informazzjoni meqjusa kunfidenzjali inkluża fil-fajl ta’ kandidatura jew fl-offerta ta’ operatur ekonomiku ieħor tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors u li, meta l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun sar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni ppreveda li kull persuna li tixtieq tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti hija obbligata li tippreżenta rikors amministrattiv minn qabel fi kwalunkwe riferiment lill-qorti, dan l-Istat Membru jista’ wkoll jipprevedi rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għandu jkun ippreċedut minn tali rikors amministrattiv minn qabel.

Fuq ir-raba’, it-tmien u d-disa’ domanda

112

Permezz tar-raba’, tat-tmien u tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) u (5) tad-Direttiva 89/665, kif ukoll l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kemm l-awtorità kontraenti kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-qorti nazzjonali kompetenti għandhom jikkomunikaw lil operatur ekonomiku li jkun għamel it-talba tiegħu l-informazzjoni kollha inkluża fid-dokumenti trażmessi minn kompetitur, inkluża l-informazzjoni kunfidenzjali li hija tinkludi. Din il-qorti tixtieq tkun taf ukoll jekk, fil-każ ta’ rifjut li tiġi kkomunikata informazzjoni minħabba l-kunfidenzjalità tagħha, hijiex l-awtorità kontraenti li għandha timmotiva l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ din in-natura kunfidenzjali.

– Fuq il-portata tal-obbligu għall-awtorità kontraenti li tipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali u fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

113

Skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24, sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn din tal-aħħar jew regoli tad-dritt nazzjonali li għalihom l-awtorità kontraenti hija suġġetta, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għall-informazzjoni, u bla ħsara għall-obbligi fil-qasam tar-reklamar dwar il-kuntratti mogħtija u għall-informazzjoni tal-kandidati u tal-offerenti li jinsabu fl-Artikoli 50 u 55 ta’ din id-direttiva, l-awtorità kontraenti ma għandhiex tiżvela l-informazzjoni li l-operaturi ekonomiċi kkomunikawlha b’mod kunfidenzjali, inkluż, fost l-oħrajn, is-sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti. L-Artikolu 21(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu fuq l-operaturi ekonomiċi rekwiżiti intiżi sabiex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li huma jqiegħdu għad-dispożizzjoni matul il-proċedura kollha tal-għoti tal-kuntratt.

114

Barra minn hekk, ċertament, l-Artikolu 55(2)(c) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti espressament lil kull offerent li jkun għamel offerta ammissibbli jitlob lill-awtorità kontraenti sabiex tikkomunikalu, fl-iqsar żmien possibbli u mhux iktar tard minn ħmistax-il jum minn meta tirċievi talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tad-detentur. L-Artikolu 50(4) u l-Artikolu 55(3) ta’ din id-direttiva jipprevedu madankollu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li ma jikkomunikawx ċerta informazzjoni dwar l-għoti tal-kuntratt, b’mod partikolari meta l-iżvelar tagħha jmur kontra l-interess pubbliku, jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku partikolari, pubbliku jew privat, jew jista’ jippreġudika kompetizzjoni leali bejn l-operaturi ekonomiċi.

115

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan prinċipali tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jinkludi l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha u li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti ma jiżvelawx informazzjoni relatata ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-kontenut tagħhom jista’ jintuża għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kemm fi proċedura ta’ għoti fis-seħħ, kif ukoll fi proċeduri ta’ għoti sussegwenti. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad l-offerta ta’ offerent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jimplikax li dan għandu jkollu informazzjoni kompleta dwar il-karatteristiċi tal-offerta magħżula mill-awtorità kontraenti. Fil-fatt, peress li l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma bbażati fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi, dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw lill-awtoritajiet kontraenti kull informazzjoni utli fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, mingħajr biża’ li dawn jikkomunikaw lil terzi elementi ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħhom jista’ jkun ta’ dannu għall-imsemmija operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec,C‑450/06, EU:C:2008:91, punti 34 sa 36 kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u CRU, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

Mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, iċċitati fil-punti 113 u 114 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 115 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li awtorità kontraenti, adita minn operatur ekonomiku b’talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni meqjusa kunfidenzjali li tinsab fl-offerta tal-kompetitur li lilu ngħata l-kuntratt, ma għandhiex, bħala prinċipju, tikkomunika din l-informazzjoni.

117

Madankollu, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtorità kontraenti ma tistax tkun marbuta bis-sempliċi allegazzjoni ta’ operatur ekonomiku li l-informazzjoni trażmessa hija kunfidenzjali. Tali operatur għandu fil-fatt juri n-natura verament kunfidenzjali tal-informazzjoni li l-iżvelar tagħha huwa jopponi, billi jistabbilixxi, pereżempju, li din tinkludi sigrieti tekniċi jew kummerċjali, li l-kontenut tagħha jista’ jintuża sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew li l-iżvelar tagħha jista’ jkun ta’ dannu għalih.

118

Konsegwentement, jekk l-awtorità kontraenti tistaqsi dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni trażmessa mill-imsemmi operatur, hija għandha, qabel ma tieħu deċiżjoni li tawtorizza l-aċċess għal din l-informazzjoni favur l-applikant, tqiegħed lill-operatur ikkonċernat f’pożizzjoni li jipprovdi provi addizzjonali sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, fid-dawl tad-dannu li jista’ jirriżulta mill-komunikazzjoni irregolari ta’ ċerta informazzjoni lil kompetitur, l-awtorità kontraenti għandha, qabel ma tikkomunika din l-informazzjoni lil parti fil-kawża, tagħti lill-operatur ekonomiku kkonċernat il-possibbiltà li jsostni n-natura kunfidenzjali jew ta’ sigriet kummerċjali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec,C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 54).

119

Barra minn hekk, hija l-awtorità kontraenti li għandha tiżgura li d-deċiżjoni li hija għandha l-intenzjoni tieħu wara t-talba ta’ operatur ekonomiku li tiġi kkomunikata lilu informazzjoni li tinsab fid-dokumentazzjoni mibgħuta minn kompetitur hija konformi mar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi stabbiliti fid-Direttiva 2014/24, b’mod partikolari dawk dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali msemmija fil-punti 113 u 114 ta’ din is-sentenza. L-istess obbligu jaqa’ fuq din l-awtorità kontraenti meta, skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 89/665, l-Istat Membru li taħtu jaqa’ jkun għamel użu mill-possibbiltà li jissuġġetta d-dritt li jippreżenta rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti għall-obbligu li jippreżenta rikors amministrattiv minn qabel quddiem dawn l-awtoritajiet.

120

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-awtorità kontraenti, kemm meta tirrifjuta li tikkomunika l-informazzjoni kunfidenzjali ta’ operatur ekonomiku lil wieħed mill-kompetituri ta’ dan tal-aħħar jew inkella meta titressaq quddiemha, fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża obbligatorja, rikors amministrattiv kontra r-rifjut tagħha li tiżvela tali informazzjoni, għandha wkoll tikkonforma ruħha mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar amministrazzjoni tajba, li jimplika rekwiżiti li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services,C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fost dawn ir-rekwiżiti, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali għandu importanza partikolari, sa fejn dan jippermetti lid-destinatarji ta’ dawn id-deċiżjonijiet jiddefendu d-drittijiet tagħhom u li jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk hemmx lok li jippreżentaw rikors ġudizzjarju kontrihom. Dan l-obbligu huwa wkoll neċessarju sabiex jippermetti lill-qrati jeżerċitaw l-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet u għalhekk jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tal-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 15; tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services,C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 40, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u CRU, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103).

121

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll tas-sigrieti kummerċjali għandu jiġi implimentat b’mod li jiġi kkonċiljat mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-kawża (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec,C-450/06, EU:C:2008:91, punti 5152, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

122

Sabiex tiġi bbilanċjata l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 li tiġi żvelata l-informazzjoni kunfidenzjali kkomunikata minn operaturi ekonomiċi mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għal amministrazzjoni tajba, li minnu jirriżulta l-obbligu ta’ motivazzjoni, awtorità kontraenti għandha turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-informazzjoni li għaliha jintalab l-aċċess jew, tal-inqas, xi wħud minnha, hija kunfidenzjali.

123

Barra minn hekk, dan l-ibbilanċjar għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti li tippermettilha tivverifika jekk id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lil operatur ieħor, hijiex ivvizzjata minn żbalji jew illegalitajiet eventwali, offerent eskluż ma jkollux il-possibbiltà, fil-prattika, li jinvoka d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv, imsemmi fl-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, kontra tali deċiżjoni, kemm jekk dan ikun fil-kuntest ta’ rikors quddiem l-awtorità kontraenti, skont il-paragrafu (5) ta’ dan l-istess artikolu, jew f’rikors ġudizzjarju. Għalhekk, sabiex ma jinkisirx dan id-dritt, l-awtorità kontraenti għandha mhux biss timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tipproċessa ċerta data bħala kunfidenzjali, iżda għandha wkoll tikkomunika taħt forma newtrali, sa fejn ikun possibbli u sa fejn tali komunikazzjoni tkun ta’ natura li tippreżerva n-natura kunfidenzjali tal-elementi speċifiċi ta’ din id-data li għaliha protezzjoni hija ġġustifikata f’dan ir-rigward, il-kontenut essenzjali tagħha lil tali offerent li jitlobha, u b’mod iktar partikolari il-kontenut tad-data li tikkonċerna l-aspetti determinanti tad-deċiżjoni tagħha u tal-offerta magħżula.

124

Fil-fatt, l-obbligu tal-awtorità kontraenti li tipproteġi l-informazzjoni meqjusa kunfidenzjali tal-operatur ekonomiku li lilu ngħata l-kuntratt pubbliku ma għandux jiġi interpretat tant b’mod estensiv li jċaħħad l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sustanza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u BUR, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 120) u li hija tneħħi l-effett utli tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 li jistabbilixxi, b’mod partikolari, l-obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu rimedji effettivi. Għal dan il-għan, l-awtorità kontraenti tista’, b’mod partikolari u sa fejn id-dritt nazzjonali li hija suġġetta għalih ma jopponix dan, tikkomunika f’forma mqassra ċerti aspetti ta’ kandidatura jew ta’ offerta kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tagħha, b’tali mod li l-informazzjoni kunfidenzjali ma tkunx tista’ tiġi identifikata.

125

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2014/24, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu fuq l-operaturi ekonomiċi rekwiżiti intiżi sabiex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li huma jqiegħdu għad-dispożizzjoni matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Għalhekk, jekk jitqies li l-informazzjoni mhux kunfidenzjali hija adegwata għal dan il-għan, awtorità kontraenti tista’ wkoll tirrikorri għal din il-possibbiltà sabiex tiżgura r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv tal-offerent eskluż, billi titlob lill-operatur li l-offerta tiegħu tkun intgħażlet sabiex jipprovdilha verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali.

126

Fl-aħħar nett għandu jiġi ppreċiżat li, fi kwalunkwe każ, l-awtorità kontraenti hija obbligata tinforma fi żmien xieraq qabel tipproċedi għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni lill-operatur ekonomiku kkonċernat bid-deċiżjoni tagħha li tikkomunika lil wieħed mill-kompetituri tiegħu informazzjoni li dan l-operatur jallega li hija kunfidenzjali, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jitlob lill-awtorità kontraenti jew lill-qorti nazzjonali kompetenti sabiex jieħdu miżuri provviżorji, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 89/665, u b’hekk jiġi evitat li jiġi kkawżat lilu dannu irrimedjabbli.

– Fuq il-portata tal-obbligu tal-qorti nazzjonali kompetenti li tipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali

127

Fir-rigward tal-obbligi li għandha l-qorti nazzjonali kompetenti fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja diretta kontra deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tiċħad, totalment jew parzjalment, talba għal aċċess għall-informazzjoni trażmessa mill-operatur li l-offerta tiegħu tkun intgħażlet, għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, li huwa intiż sabiex jipproteġi lill-operaturi ekonomiċi mill-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti, huwa intiż sabiex jiżgura l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ rimedji ġudizzjarji effettivi, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari fl-istadju fejn il-ksur għadu jista’ jiġi kkoreġut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128

Huma wkoll l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti ppreġudikati minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti b’mod li jiżguraw li la tiġi ppreġudikata l-effikaċja tad-Direttiva 89/665 u lanqas id-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 36 tagħha, id-Direttiva 2007/66 u għalhekk id-Direttiva 89/665 li hija emendat u kkompletat huma intiżi li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punti 42 sa 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji ġudizzjarji, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-osservanza ta’ dan id-dritt. Barra minn hekk, minkejja n-nuqqas ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-modalitajiet sabiex jitressqu azzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali, u sabiex tiġi ddeterminata l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet nazzjonali adottati skont att tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitqies l-iskop ta’ dan l-att u għandu jiġi żgurat li l-effikaċja tiegħu ma tiġix ippreġudikata (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

129

Madankollu, fil-kuntest ta’ rikors dwar proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-prinċipju ta’ kontradittorju ma jimplikax li l-partijiet ikollhom dritt ta’ aċċess illimitat u assolut għall-informazzjoni kollha relatata mal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni li ġiet ippreżentata quddiem l-istanza responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec,C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 51). Għall-kuntrarju, kif ġie rrilevat, essenzjalment, fil-punt 121 ta’ din is-sentenza fil-kuntest tal-obbligi li għandhom l-awtoritajiet kontraenti f’dan ir-rigward, l-obbligu li l-offerent eskluż jingħata informazzjoni suffiċjenti sabiex jissalvagwardja d-dritt tiegħu għal rikors effettiv għandu jiġi bbilanċjat mad-dritt ta’ operaturi ekonomiċi oħra għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom u tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

130

Konsegwentement, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ kemm in-neċessità li jiġi ssalvagwardat l-interess pubbliku għaż-żamma ta’ kompetizzjoni leali fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kif ukoll dik li tiġi protetta l-informazzjoni verament kunfidenzjali u b’mod partikolari s-sigrieti kummerċjali tal-parteċipanti fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li l-awtorità kontraenti ġustament ikkunsidrat li l-informazzjoni li hija rrifjutat li tikkomunika lill-applikant kienet kunfidenzjali. Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha twettaq eżami sħiħ tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Għandha wkoll neċessarjament tkun tista’ jkollha l-informazzjoni meħtieġa, inkluża informazzjoni kunfidenzjali u sigrieti tan-negozju, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec,C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 53).

131

Anki jekk jitqies li l-imsemmija qorti tqis ukoll li l-informazzjoni inkwistjoni hija ta’ natura kunfidenzjali li tipprekludi b’hekk l-iżvelar tagħha lill-kompetituri tal-operatur ikkonċernat, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-prinċipju ta’ kontradittorju jimplika, bħala regola ġenerali, id-dritt tal-partijiet f’kawża li jsiru jafu bil-provi u bl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u li jiddiskutuhom, f’ċerti każijiet, jista’ jkun neċessarju li ċerta informazzjoni ma tiġix ikkomunikata lill-partijiet sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali ta’ terzi jew li jiġi protett interess pubbliku importanti (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec,C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 47).

132

Issa, fost id-drittijiet fundamentali li jistgħu jiġu hekk protetti hemm id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-komunikazzjonijiet stabbilit mill-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali li ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec,C‑450/06, EU:C:2008:91, punti 4849).

133

Għalhekk, fid-dawl tal-importanza tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, irrilevata b’mod partikolari fil-punti 131 u 132 ta’ din is-sentenza, l-istanza responsabbli għal proċedimenti ta’ appell fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandu jkun jista’ jiddeċiedi, jekk ikun hemm bżonn, li ċerta informazzjoni li tinsab fil-fajl li hija għandha ma għandhiex tiġi trażmessa lill-partijiet u lill-avukati tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec,C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 43).

134

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, peress li l-qorti nazzjonali kompetenti tqis li huwa ġustament u suffiċjentement motivat li l-awtorità kontraenti ddeċidiet li l-informazzjoni mitluba ma setgħetx tiġi kkomunikata minħabba n-natura kunfidenzjali tagħha, fid-dawl tal-obbligi li għandha din l-awtorità kontraenti skont il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif imfakkra fil-punti 121 sa 123 ta’ din is-sentenza, l-aġir tal-imsemmija awtorità kontraenti f’dan ir-rigward ma jistax jiġi kkritikat minħabba li kien eċċessivament protettiv tal-interessi tal-operatur ekonomiku li l-informazzjoni kunfidenzjali dwaru kienet mitluba.

135

Il-qorti nazzjonali kompetenti għandha wkoll tistħarreġ in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kontraenti rrifjutat li tiżvela l-informazzjoni kunfidenzjali jew ta’ dik li biha ċaħdet ir-rikors amministrattiv ippreżentat kontra d-deċiżjoni preliminari ta’ rifjut sabiex tippermetti, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 120 ta’ din is-sentenza, minn naħa, lir-rikorrent jiddefendi d-drittijiet tiegħu u li jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk hemmx lok li jippreżenta rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, lill-qrati jeżerċitaw l-istħarriġ tal-legalità ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, fid-dawl tad-dannu li jista’ jirriżulta, għal operatur ekonomiku, mill-komunikazzjoni irregolari ta’ ċerta informazzjoni lil kompetitur, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tirrikonċilja d-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-applikant u d-dritt għall-protezzjoni tal-informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali ta’ dan l-operatur.

136

Fl-aħħar nett, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha tkun tista’ tannulla d-deċiżjoni ta’ rifjut jew id-deċiżjoni li tiċħad ir-rikors amministrattiv jekk dawn ikunu illegali u, jekk ikun il-każ, tirrinvija l-kawża quddiem l-awtorità kontraenti, jew saħansitra tieħu hija stess deċiżjoni ġdida jekk id-dritt nazzjonali jawtorizzaha tagħmel dan. Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest tad-disa’ domanda tagħha, jekk il-qorti adita b’talba għall-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali għandhiex teżamina hija stess mhux biss ir-rilevanza tagħha, iżda wkoll l-effetti tagħha fuq il-legalità tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet li jirregolaw il-proċedimenti ta’ appell li jippermettu li jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti.

137

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’, it-tmien u d-disa’ domanda għandhom jingħataw risposta li:

ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) u (5) tad-Direttiva 89/665 kif ukoll l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għal amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità kontraenti, adita minn operatur ekonomiku b’talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni meqjusa kunfidenzjali li tinsab fl-offerta ta’ kompetitur li lilu jkun ingħata l-kuntratt, ma hijiex obbligata tikkomunika din l-informazzjoni meta t-trażmissjoni tagħha twassal għal ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, u dan anki jekk it-talba tal-operatur ekonomiku titressaq fil-kuntest ta’reviżjoni ta’ dan l-istess operatur li tirrigwarda l-legalità tal-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti tal-offerta tal-kompetitur. Meta tirrifjuta li tibgħat tali informazzjoni jew meta, filwaqt li topponi tali rifjut, hija tiċħad ir-rikors amministrattiv ippreżentat minn operatur ekonomiku dwar il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-kompetitur ikkonċernat, l-awtorità kontraenti għandha tibbilanċja d-dritt tal-applikant għal amministrazzjoni tajba mad-dritt tal-kompetitur għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tiegħu b’mod li d-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu jew id-deċiżjoni ta’ ċaħda tiegħu tkun motivata u li d-dritt għal reviżjoni effikaċi li jibbenefika minnu offerent eskluż ma jkunx imċaħħad mill-effettività tiegħu;

ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) u (5) tad-Direttiva 89/665 kif ukoll l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali kompetenti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tirrifjuta li tikkomunika lil operatur ekonomiku informazzjoni meqjusa kunfidenzjali inkluża fid-dokumentazzjoni trażmessa mill-kompetitur li lilu ngħata l-kuntratt jew inkella minn azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tiċħad ir-rikors amministrattiv ippreżentat kontra tali deċiżjoni ta’ rifjut hija obbligata tqiegħed fil-bilanċ id-dritt tal-applikant li jibbenefika minn reviżjoni effettiva bid-dritt tal-kompetitur tiegħu għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tiegħu u tas-sigrieti kummerċjali tiegħu. Għal dan il-għan, din il-qorti, li għandha neċessarjament ikollha l-informazzjoni meħtieġa, inkluża informazzjoni kunfidenzjali u sigrieti kummerċjali, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża dwar in-natura kkomunikata tal-imsemmija informazzjoni, għandha twettaq eżami tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Hija għandha wkoll tkun tista’ tannulla d-deċiżjoni ta’ rifjut jew id-deċiżjoni li tiċħad ir-rikors amministrattiv jekk dawn ikunu illegali u, jekk ikun il-każ, tibgħat lura l-kawża quddiem l-awtorità kontraenti, jew saħansitra tieħu deċiżjoni ġdida hija stess jekk id-dritt nazzjonali tagħha jawtorizzaha tagħmel dan.

Fuq l-għaxar domanda

138

Permezz tal-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn operatur ekonomiku eskluż mill-għoti ta’ kuntratt u awtorità kontraenti, tista’, minn naħa, titbiegħed mill-evalwazzjoni magħmula minn din tal-aħħar dwar il-legalità tal-aġir tal-operatur ekonomiku li lilu ngħata l-kuntratt u, għaldaqstant, tislet il-konsegwenzi neċessarji kollha fid-deċiżjoni tagħha kif ukoll, min-naħa l-oħra, tirrileva ex officio l-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità kontraenti.

139

Skont l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew ikunu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu kull operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt f’wieħed mill-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

140

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat, sa fejn il-qorti tar-rinviju għamlet riferiment espliċitu għas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93 (C‑267/18, EU:C:2019:826), fil-kliem tal-għaxar domanda tagħha, li din is-sentenza tirreferi għall-kompetenzi tal-awtorità kontraenti stess sabiex twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess fir-rigward ta’ waħda mir-raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, b’tali mod li ma hijiex direttament rilevanti sabiex tagħti risposta għall-imsemmija domanda, peress li din tal-aħħar tikkonċerna l-kompetenzi tal-qorti adita b’tilwima bejn offerent li ġie miċħud u awtorità kontraenti.

141

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament irrilevat, fil-punti 28 u 34 tas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca (C‑41/18, EU:C:2019:507), li mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li hija biss l-awtorità kontraenti u mhux, konsegwentement, qorti nazzjonali li ngħatat il-kompitu li tevalwa, fl-istadju tal-għażla tal-offerenti, jekk operatur ekonomiku għandux jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

142

Madankollu, din l-interpretazzjoni saret fid-dawl tal-kuntest tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kellha konjizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li jintemm kuntratt pubbliku meħuda minn awtorità kontraenti minħabba nuqqasijiet sinjifikattivi li seħħew fl-eżekuzzjoni tiegħu kienet tipprekludi lill-awtorità kontraenti li toħroġ sejħa għal offerti ġdida milli tagħmel kwalunkwe evalwazzjoni, fl-istadju tal-għażla tal-offerenti, dwar l-affidabbiltà tal-operatur ikkonċernat minn dan ix-xoljiment (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca,C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 42).

143

Issa, ħlief bi ksur tar-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv, kif iggarantit, fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta, id-deċiżjoni li permezz tagħha awtorità kontraenti tirrifjuta, anki jekk impliċitament, li teskludi operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal waħda mir-raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandha neċessarjament tkun tista’ tiġi kkontestata minn kull persuna li jkollha jew kellha interess li tikseb kuntratt determinat u li jkollha jew kellha riskju li tiġi nġurjata minn ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

144

Minn dan isegwi li qorti nazzjonali tista’, fil-kuntest ta’ tilwima bejn kandidat jew offerent eskluż mill-għoti tal-kuntratt u awtorità kontraenti, tistħarreġ l-evalwazzjoni magħmula minn din tal-aħħar fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ waħda mir-raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 kinux issodisfatti fir-rigward tal-operatur ekonomiku li lilu ngħata l-kuntratt u, konsegwentement, teħles minnu. B’hekk, skont il-każ, din il-qorti tista’ tiddeċiedi f’dan is-sens fuq il-mertu jew tirrinvija l-kawża għal dan il-għan quddiem l-awtorità kontraenti jew il-qorti nazzjonali kompetenti.

145

Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali li jqajmu ex officio motiv ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligahom joħorġu mil-limiti imposti fuqhom, u b’mod partikolari l-limiti tat-tilwima kif ċirkoskritti mill-partijiet, billi jibbażaw ruħhom fuq fatti u ċirkustanzi differenti minn dawk li fuqhom il-parti li għandha interess għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tkun ibbażat it-talba tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 2122, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato - Antitrust u Coopservice, C‑216/17, EU:C:2018:1034, punt 40).

146

Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-kompitu ta’ kull Stat Membru li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li jirregolaw l-modalitajiet tal-proċedura amministrattiva u dawk tal-proċedura ġudizzjarja intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jiddeduċu mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx, b’mod partikolari, ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili previsti għall-protezzjoni ta’ drittijiet ibbażati fuq l-ordinament ġuridiku intern konformement mal-prinċipju ta’ ekwivalenza (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute,C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147

Għalhekk, qorti nazzjonali tista’ tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-ksur, minn operatur ekonomiku, tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 biss jekk id-dritt nazzjonali tiegħu jawtorizzah jagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 1314).

148

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-għaxar domanda għandha tkun li l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn operatur ekonomiku eskluż mill-għoti ta’ kuntratt u awtorità kontraenti, tista’ titbiegħed mill-evalwazzjoni magħmula minn din tal-aħħar dwar il-legalità tal-aġir tal-operatur ekonomiku li lilu ngħata l-kuntratt u, għaldaqstant, tista’ tislet il-konsegwenzi kollha neċessarji fid-deċiżjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, tali qorti tista’ tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità kontraenti biss jekk id-dritt nazzjonali jippermetti dan.

Fuq il-ħdax-il domanda

149

Permezz tal-ħdax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 57(4) u (6) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta operatur ekonomiku, membru ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi, ikun ħati ta’ dikjarazzjoni falza billi pprovda l-informazzjoni meħtieġa għall-verifika tal-assenza ta’ motivi ta’ esklużjoni tal-grupp jew ta’ sodisfazzjon minn dan tal-aħħar tal-kriterji tal-għażla, mingħajr ma sħabu kellhom il-konjizzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni falza, miżura ta’ esklużjoni ta’ kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tista’ tiġi deċiża kontra l-membri kollha ta’ dan il-grupp.

150

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi d-dritt għal operatur ekonomiku li jirrikorri, għal kuntratt partikolari, għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, tkun xi tkun in-natura legali tar-rabtiet li jgħaqqduh ma’ dawn l-entitajiet, sabiex jissodisfa kemm il-kriterji dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 58(3) ta’ din id-direttiva kif ukoll il-kriterji relatati mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali, imsemmija fl-Artikolu 58(4) tal-imsemmija direttiva (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

151

L-operatur ekonomiku li għandu l-intenzjoni li jinvoka dan id-dritt għandu, skont it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2014/24, jibgħat lill-awtorità kontraenti, meta jressaq it-talba għall-parteċipazzjoni jew l-offerta tiegħu, dokument uniku ta’ kuntratt Ewropew (DUKE) li permezz tiegħu dan l-operatur isostni li huwa stess u l-entitajiet li l-kapaċitajiet tagħhom huwa beħsiebu juża ma jinsabux f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, li għandha jew tista’ twassal għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku, u/jew li l-kriterju ta’ għażla kkonċernat huwa ssodisfatt.

152

Għalhekk, hija l-awtorità kontraenti, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24, li għandha tivverifika b’mod partikolari jekk jeżistux raġunijiet għall-esklużjoni, imsemmija fl-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, dwar dan l-operatur ekonomiku jew waħda minn dawn l-entitajiet. Fl-affermattiv, hija tista’ teżiġi, jew tista’ tiġi obbligata mill-Istat Membru li tagħmel parti minnu li teżiġi, li l-operatur ekonomiku kkonċernat jissostitwixxi l-entità li l-kapaċitajiet tagħha beħsiebu juża, iżda li fir-rigward tagħha jeżistu raġunijiet għal esklużjoni mhux obbligatorji.

153

Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, saħansitra qabel ma teżiġi li offerent jissostitwixxi entità li l-kapaċitajiet tagħha beħsiebu juża, għar-raġuni li huwa jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57(1) u (4) tad-Direttiva 2014/24, l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva jippreżupponi li l-awtorità kontraenti tagħti lil dan l-offerent u/jew lil din l-entità l-possibbiltà li jippreżentawlha l-miżuri korrettivi li hija eventwalment adottat sabiex tirrimedja l-irregolarità kkonstatata u, għaldaqstant, li turi li hija tista’, mill-ġdid, tiġi kkunsidrata bħala entità affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcții și Montaj 93,C‑267/18, EU:C:2019:826, punt 37 u tat-3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, ECLI:EU:C:2021:445, punt 36).

154

Din l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) ta’ din id-direttiva hija ta’ natura li tiżgura l-effett utli tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tal-imsemmija direttiva, li jiggarantixxi, bħala prinċipju, id-dritt għal kull operatur ekonomiku li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta’ din id-dispożizzjoni li jipprovdi provi li l-miżuri li huwa ħa huma suffiċjenti sabiex tiġi ċċertifikata l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 35).

155

Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-awtoritajiet kontraenti, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, minn dan il-prinċipju, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li r-regoli stabbiliti mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki,C‑213/07, EU:C:2008:731, punt 48, u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim,C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 45).

156

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta japplikaw raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan il-prinċipju. Issa, din l-attenzjoni għandha tkun iktar importanti meta l-esklużjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tolqot lill-offerent mhux minħabba nuqqas imputabbli lilu, iżda għal nuqqas li twettaq minn entità li l-kapaċitajiet tagħha beħsiebu juża u li fir-rigward tagħha huwa ma għandu l-ebda setgħa ta’ kontroll. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim,C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 48, kif ukoll tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 39).

157

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimponi, fil-fatt, fuq l-awtorità kontraenti li twettaq evalwazzjoni konkreta u individwalizzata tal-aġir tal-entità kkonċernata. F’dan ir-rigward, l-awtorità kontraenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-mezzi li l-offerent kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa tal-entità li l-kapaċitajiet tagħha beħsiebu juża (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 40).

158

Konsegwentement, ir-risposta għall-ħdax-il domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 57(4) u (6) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta operatur ekonomiku, membru ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi, ikun ħati ta’ dikjarazzjoni falza meta jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-verifika tal-assenza ta’ motivi ta’ esklużjonital-grupp, jew tas-sodisfazzjoni minn dan tal-aħħar tal-kriterji tal-għażla, mingħajr ma sħabu kellhom il-konjizzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni falza, miżura ta’ esklużjoni ta’ kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tista’ tiġi deċiża kontra l-membri kollha ta’ dan il-grupp.

Dwar l-ispejjeż

159

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għall-operaturi ekonomiċi, li juru li huma jiksbu ċertu dħul mill-bejgħ annwali medju fil-qasam tal-attivitajiet ikkonċernat mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni jikkostitwixxi kriterju ta’ għażla dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ dawn l-operaturi, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 58(3) u tal-Artikolu 60(3) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti eżiġiet li l-operaturi ekonomiċi jkunu kisbu dħul mill-bejgħ minimu mogħti fil-qasam ikkonċernat mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni, operatur ekonomiku ma jistax, sabiex jipproduċi l-prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu, jinvoka d-dħul irċevut minn grupp temporanju ta’ impriżi li huwa parti minnu ħlief jekk ikun effettivament ikkontribwixxa, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku partikolari, għat-twettiq ta’ attività ta’ dan il-grupp analoga għal dik li hija s-suġġett tal-kuntratt pubbliku li għalih l-imsemmi operatur biħsiebu jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu.

 

3)

L-Artikolu 58(4) kif ukoll l-Artikoli 42 u 70 tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistgħu japplikaw fl-istess ħin għal preskrizzjoni teknika li tinsab f’sejħa għal offerti.

 

4)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 1(3) u (5) u l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tirrifjuta li tikkomunika lil operatur ekonomiku l-informazzjoni meqjusa kunfidenzjali inkluża fil-fajl ta’ kandidatura jew fl-offerta ta’ operatur ekonomiku ieħor tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors u li, meta l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun sar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni ppreveda li kull persuna li tixtieq tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti hija obbligata li tippreżenta rikors amministrattiv minn qabel fi kwalunkwe riferiment lill-qorti, dan l-Istat Membru jista’ wkoll jipprevedi rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għandu jkun ippreċedut minn tali rikors amministrattiv minn qabel.

 

5)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) u (5) tad-Direttiva 89/665, kif emendat bid-Direttiva 2014/23, kif ukoll l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għal amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità kontraenti, adita minn operatur ekonomiku b’talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni meqjusa kunfidenzjali li tinsab fl-offerta ta’ kompetitur li lilu jkun ingħata l-kuntratt, ma hijiex obbligata tikkomunika din l-informazzjoni meta t-trażmissjoni tagħha twassal għal ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, u dan anki jekk it-talba tal-operatur ekonomiku titressaq fil-kuntest ta’reviżjoni ta’ dan l-istess operatur li tirrigwarda l-legalità tal-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti tal-offerta tal-kompetitur. Meta tirrifjuta li tibgħat tali informazzjoni jew meta, filwaqt li topponi tali rifjut, hija tiċħad ir-rikors amministrattiv ippreżentat minn operatur ekonomiku dwar il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-kompetitur ikkonċernat, l-awtorità kontraenti għandha tibbilanċja d-dritt tal-applikant għal amministrazzjoni tajba mad-dritt tal-kompetitur għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tiegħu b’mod li d-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu jew id-deċiżjoni ta’ ċaħda tiegħu tkun motivata u li d-dritt għal reviżjoni effikaċi li jibbenefika minnu offerent eskluż ma jkunx imċaħħad mill-effettività tiegħu.

 

6)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) u (5) tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2014/23, kif ukoll l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali kompetenti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tirrifjuta li tikkomunika lil operatur ekonomiku informazzjoni meqjusa kunfidenzjali inkluża fid-dokumentazzjoni trażmessa mill-kompetitur li lilu ngħata l-kuntratt jew inkella minn azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tiċħad ir-rikors amministrattiv ippreżentat kontra tali deċiżjoni ta’ rifjut hija obbligata tqiegħed fil-bilanċ id-dritt tal-applikant li jibbenefika minn reviżjoni effettiva bid-dritt tal-kompetitur tiegħu għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tiegħu u tas-sigrieti kummerċjali tiegħu. Għal dan il-għan, din il-qorti, li għandha neċessarjament ikollha l-informazzjoni meħtieġa, inkluża informazzjoni kunfidenzjali u sigrieti kummerċjali, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża dwar in-natura kkomunikata tal-imsemmija informazzjoni, għandha twettaq eżami tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Hija għandha wkoll tkun tista’ tannulla d-deċiżjoni ta’ rifjut jew id-deċiżjoni li tiċħad ir-rikors amministrattiv jekk dawn ikunu illegali u, jekk ikun il-każ, tibgħat lura l-kawża quddiem l-awtorità kontraenti, jew saħansitra tieħu deċiżjoni ġdida hija stess jekk id-dritt nazzjonali tagħha jawtorizzaha tagħmel dan.

 

7)

L-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn operatur ekonomiku eskluż mill-għoti ta’ kuntratt u awtorità kontraenti, tista’ titbiegħed mill-evalwazzjoni magħmula minn din tal-aħħar dwar il-legalità tal-aġir tal-operatur ekonomiku li lilu ngħata l-kuntratt u, għaldaqstant, tista’ tislet il-konsegwenzi kollha neċessarji fid-deċiżjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, tali qorti tista’ tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità kontraenti biss jekk id-dritt nazzjonali jippermetti dan.

 

8)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 57(4) u (6) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta operatur ekonomiku, membru ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi, ikun ħati ta’ dikjarazzjoni falza meta jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-verifika, tal-assenza ta’ motivi ta’ esklużjoni tal-grupp jew tas-sodisfazzjon minn dan tal-aħħar tal-kriterji tal-għażla, mingħajr ma sħabu kellhom il-konjizzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni falza, miżura ta’ esklużjoni ta’ kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tista’ tiġi deċiża kontra l-membri kollha ta’ dan il-grupp.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.