SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna favur il-kumpless tan-Nürburgring (il‑Ġermanja) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas‑suq intern – Bejgħ tal-assi tal-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat li kienet iddikjarata inkompatibbli – Proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata – Deċiżjoni li tiddikjara li r-rimbors tal‑għajnuna inkompatibbli ma jikkonċernax il-proprjetarju l-ġdid tal-kumpless tan-Nürburgring u li dan il-proprjetarju ma bbenefikax minn għajnuna ġdida għall‑akkwist ta’ dan il-kumpless – Ammissibbiltà – Kwalità ta’ parti interessata – Persuna kkonċernata individwalment – Ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Diffikultajiet li jeħtieġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Motivazzjoni – Żnaturament tal-provi”
Fil-Kawża C‑647/19 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2019,
Ja zum Nürburgring eV, stabbilita f’Nürburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. Frey u M. Rudolph, Rechtsanwälte,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, B. Stromsky u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ April 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Ja zum Nürburgring eV qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Ġunju 2019, Ja zum Nürburgring vs Il-Kummissjoni (T‑373/15, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2019:432), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/151 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 (2012/C) (ex 2012/NN), implimentata mill-Ġermanja għal Nürburgring (ĠU 2016, L 34, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali”). |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 204, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 659/1999”), li tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), huwa applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża. |
|
3 |
L-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-kunċett ta’ “parti interessata” bħala “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”. |
|
4 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Abbozz preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu: “2. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni. 3. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [107(1) TFUE] għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ’l quddiem imsejjaħ ‘deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet’). Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni fit-Trattat kienet applikata. 4. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [108(2) TFUE] (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni’).” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament: “Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.” |
|
6 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 tipprevedi li l-investigazzjoni ta’ eventwali għajnuna illegali għandha twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni taħt l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament. |
Il-fatti li wasslu għat-tilwima u d-deċiżjonijiet kontenzjużi
|
7 |
Il-fatti li wasslu għat-tilwima jinsabu fil-punti 1 sa 16 tas-sentenza appellata u, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
8 |
Il-kumpless tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem in-“Nürburgring”), li jinsab fil-Land ta’ Rheinland‑Pfalz (il-Ġermanja), jinkludi ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkwit tan-Nürburgring”), postijiet ta’ divertiment, lukandi u ristoranti. |
|
9 |
Bejn is-sena 2002 u s-sena 2012, l-impriżi pubbliċi proprjetarji tal-kumpless tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħa”) ibbenefikaw minn għajnuna prinċipalment mingħand il-Land ta’ Rheinland‑Pfalz. Matul is-sena 2011, l-appellanti, assoċjazzjoni Ġermaniża tal-isport tal-karozzi, ippreżentat l-ewwel ilment quddiem il-Kummissjoni dwar din l-għajnuna. L-imsemmija għajnuna kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, li nfetħet mill-Kummissjoni matul is-sena 2012. Fl-istess sena, l-Amtsgericht Bad Neuenahr‑Ahrweiler (il-Qorti Distrettwali ta’ Bad Neuenahr-Ahrweiler, il-Ġermanja) iddikjarat l-insolvenza tal-bejjiegħa u ddeċidiet li tipproċedi bil-bejgħ tal-assi tagħhom. Infetħet proċedura ta’ sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ sejħa għal offerti”) u din ġiet konkluża bil-bejgħ ta’ dawn l-assi lil Capricorn Nürburgring Besitzgesellschaft GmbH (iktar ’il quddiem “Capricorn”). |
|
10 |
Matul is-sena 2013, l-appellanti ppreżentat it-tieni lment quddiem il-Kummissjoni, fejn allegat li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata u ma wasslitx għall-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring bi prezz tas-suq. Skont l-appellanti, ix-xerrej li kien ser jintgħażel kien għalhekk ser jirċievi għajnuna ġdida u kien ser jiżgura l-kontinwità tal-attivitajiet ekonomiċi tal-bejjiegħa, b’tali mod li l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna rċevuta mill-bejjiegħa kellha tiġi estiża għax-xerrej. |
|
11 |
Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni kkonstatat l-illegalità u l-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ ċerti miżuri ta’ appoġġ favur il-bejjiegħa (iktar ’il quddiem l-“għajnuna lill-bejjiegħa”). Fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni, hija stabbilixxiet li Capricorn u s-sussidjarji tagħha ma kinux ikkonċernati minn eventwali rkupru tal-għajnuna lill-bejjiegħa (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kontenzjuża”). |
|
12 |
Fl-aħħar inċiż tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kontenzjuża”). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet twettqet b’mod miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju, li din il-proċedura kienet wasslet għal prezz ta’ bejgħ konformi mas-suq u li ma kienx hemm kontinwità ekonomika bejn il-bejjiegħa u x-xerrej. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
13 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Lulju 2015, l-appellanti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
|
14 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors, sa fejn kien intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, peress li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet li kienet ikkonċernata individwalment minn din id-deċiżjoni. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 48 sa 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, l-ewwel, li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li din id-deċiżjoni kienet affettwat sostanzjalment pożizzjoni kompetittiva li hija kellha fis-swieq rilevanti, it-tieni, li l-appellanti ma setgħetx tinvoka, bħala assoċjazzjoni professjonali, locus standi abbażi ta’ wieħed mill-membri tagħha, u, it-tielet, li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet li kienet eżerċitat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, pożizzjoni ta’ negozjatriċi, iddefinita b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess ta’ din id-deċiżjoni. |
|
15 |
Fir-rigward tat-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li l-partijiet kienu qegħdin jaqblu dwar il-fatt li din id-deċiżjoni kienet deċiżjoni adottata fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna, stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, u mhux fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
|
16 |
Fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat li ma setax jiġi eskluż li l-appellanti, fid-dawl tal-għan tagħha, li huwa speċifikament l-istabbiliment mill-ġdid u l-promozzjoni ta’ ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi fin-Nürburgring, u minħabba l-fatt li hija pparteċipat fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring u kisbet, f’dan il-kuntest, ħafna informazzjoni relatata ma’ dawn l-assi, tista’ tippreżenta lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, osservazzjonijiet li din tkun tista’ tinkludi fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u tal-kwistjoni dwar jekk l-assi tan-Nürburgring ġewx ittrasferiti, f’dan il-kuntest, bi prezz tas-suq. Għaldaqstant, hija qieset, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kellha tiġi rrikonoxxuta bħala parti interessata fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, irrilevat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, l-appellanti kellha locus standi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li hija tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE. |
|
17 |
Fil-punt 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors, sa fejn dan kien intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża u, b’mod partikolari, fuq il-ħames u t-tmien motiv, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti, kellu jiġi eżaminat jekk l-ewwel sar-raba’ motiv kinux jippermettu li jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, il-Kummissjoni kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet li kienu jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
|
18 |
Fi tmien dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, li l-ħames u t-tmien motiv, eżaminati filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel sar-raba’ motiv, kinux jippermettu li jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet li kienu jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali u, għalhekk, kellhom jiġu miċħuda. |
|
19 |
Il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet ukoll, rispettivament fil-punti 182 sa 190 u 193 sa 197, is-sitt u d-disa’ motiv ibbażati fuq il-ksur mill-Kummissjoni, rispettivament, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. |
|
20 |
Għaldaqstant, fil-punt 198 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
21 |
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
22 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
|
23 |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem ħames aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li hija ma kinitx individwalment ikkonċernata mill-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, bħala kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hija ma kinitx ikkonċernata individwalment mill-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, bħala assoċjazzjoni professjonali, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li hija ma kellhiex locus standi sabiex taġixxi kontra t-tieni deċiżjoni kontenzjuża, ir-raba’ wieħed, fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata, fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi kif ukoll fuq żball ta’ liġi fl-eżami tal-motivi mressqa kontra r-rifjut impliċitu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u, il-ħames wieħed, fuq żball ta’ liġi wettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
|
24 |
L-ewwel u t-tieni aggravju jirrigwardaw iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tat-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li t-tielet sal-ħames aggravju jirrigwardaw iċ-ċaħda tat-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
Fuq l-aggravji dwar it-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża
Fuq l-ewwel aggravju
|
25 |
L-ewwel aggravju jirrigwarda l-punt 56 tas-sentenza appellata, li huwa fformulat kif ġej: “Barra minn hekk, sa fejn [l-appellanti] ssostni li l-pożizzjoni tagħha fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata minħabba investimenti li hija kienet wettqet fil-passat fiċ-ċirkwit tan-Nürburgring, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li hija kienet investiet, għal raġuni jew oħra, fin-Nürburgring ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li hija kienet preżenti, bħala operatur ekonomiku, fis-swieq rilevanti, li hija madankollu ma tallegax, jew, a fortiori, li l-pożizzjoni tagħha fl-imsemmija swieq, bħala operatur ekonomiku, kienet ġiet sostanzjalment affettwata mill-għajnuna lill-bejjiegħa li, fil-fehma tagħha, irrendiet dan l-investiment inutli. Fi kwalunkwe każ, [l-appellanti] ma tispjegax kif l-ewwel deċiżjoni [kontenzjuża], li abbażi tagħha x-xerrej tal-assi tan-Nürburgring ma kienx obbligat li jirrimborsa l-għajnuna lill-bejjiegħa, kienet affettwat l-utilità tal-investimenti li hija kienet għamlet fin-Nürburgring.” |
– L-argumenti tal-partijiet
|
26 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma weġbitx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti tagħha dwar id-dannu sostanzjali kkawżat lill-pożizzjoni tagħha fis-suq, nuqqas dan li, skont l-appellanti, jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tad-dritt tagħha għal smigħ u tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
27 |
L-appellanti ssostni, b’mod partikolari, li, meta affermat, fit-tieni sentenza tal-punt 56 tas-sentenza appellata, li hija ma kinitx spjegat kif l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża affettwat l-utilità tal-investimenti li hija kienet wettqet fin-Nürburgring, il-Qorti Ġenerali injorat l-argument tagħha, imressaq fil-punt 32 tar-replika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, fis-sens, essenzjalment, li dawn l-investimenti kienu ġew frustrati u mċaħħda mill-għan tagħhom, li kien li jiġi promoss l-operat taċ-ċirkwit tradizzjonali tan-Nürburgring u li jiġi żgurat li l-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi jkollhom aċċess għal dan iċ-ċirkwit f’kundizzjonijiet li jaqdu l-interess ġenerali, sabiex jiġu ffinanzjati, permezz ta’ sussidju trażversali, installazzjonijiet ta’ lukandi u ta’ divertiment, mingħajr rabta mal-isport tal-karozzi, liema installazzjonijiet nbnew bl-għajnuna lill-bejjiegħa. L-appellanti żiedet tgħid li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn kompla, bħala konsegwenza illegali diretta, il-ħsara kkawżata lill-pożizzjoni tagħha fis-suq li kienet tirriżulta mill-għajnuna illegali. |
|
28 |
Hija tqis li, fid-dawl tar-rabta stretta bejn l-investimenti tagħha fiċ-ċirkwit tan-Nürburgring u l-operat tiegħu f’kundizzjonijiet li jaqdu l-interess ġenerali, hija tant hija marbuta mal-operat ta’ dan iċ-ċirkwit li hija kisbet pożizzjoni fis-suq rilevanti għall-operat ta’ ċirkwiti tat-tlielaq tal-karozzi. Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li, quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kienet ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li ċ-ċirkwit tan-Nürburgring jirrappreżenta monopolju naturali. Issa, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li jista’ jkun hemm biss kompetizzjoni potenzjali għall-operat ta’ monopolju naturali. Għaldaqstant, l-investimenti magħmula mill-appellanti huma l-iktar mod dirett sabiex tinkiseb pożizzjoni fis-suq. Għall-istess raġunijiet, l-affermazzjoni, fl-ewwel sentenza tal-punt 56 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx allegat li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet sostanzjalment affettwata mill-għajnuna lill-bejjiegħa, hija wkoll ineżatta. |
|
29 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tikkunsidra, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li investiment magħmul taħt titolu jew ieħor ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-investitur huwa preżenti, bħala operatur ekonomiku, fis-suq li bbenefika mill-investimenti. |
|
30 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv jew, fi kwalunkwe każ, infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
31 |
Għall-finijiet tal-eżami konġunt taż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuni li ma jkunux id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma individwalment ikkonċernati ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tidentifikahom b’mod individwali b’mod analogu bħalma jkun identifikat b’mod individwali d-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 93; kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:2021:608, punt 33). |
|
32 |
F’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ għajnuna meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li huwa jista’ jitqies bħala persuna interessata, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, ma jistax ikun biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi kkunsidrat li huwa ammissibbli. F’dan il-każ rikorrent ikollu juri li għandu status partikolari, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni ta’ dan ir-rikorrent fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 97, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 37). |
|
33 |
Kif fakkret il-Qorti Ġenerali stess fil-punt 48 tas-sentenza appellata, ġew irrikonoxxuti, b’mod partikolari, bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minbarra l-impriża benefiċjarja, l-impriżi kompetituri ta’ din tal-aħħar li kellhom rwol attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sa fejn il-pożizzjoni fis-suq tagħhom kienet sostanzjalment affettwata mill-miżura ta’ għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 98, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 38). |
|
34 |
Issa, is-sempliċi twettiq ta’ investimenti fuq element ta’ infrastruttura partikolari ma jfissirx li l-investitur inkwistjoni huwa attiv fi kwalunkwe suq marbut mal-operat ta’ din l-infrastruttura. Dan japplika iktar u iktar meta tali investimenti jkunu intiżi sabiex jippromwovu l-operat tal-imsemmija infrastruttura minn operaturi differenti f’kundizzjonijiet li jaqdu l-interess ġenerali, bħalma kien il-każ, skont id-dikjarazzjonijiet tal-appellanti, tal-investimenti li hija tallega li wettqet fiċ-ċirkwit tan-Nürburgring. |
|
35 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, essenzjalment, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li l-argument tal-appellanti dwar l-investimenti li hija kienet wettqet fiċ-ċirkwit tan-Nürburgring ma kienx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hija kienet individwalment ikkonċernata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, mill-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
36 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata, essenzjalment, fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha, taħt l-Artikolu 36 u taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jobbligax lill-Qorti Ġenerali tagħti spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. B’hekk, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jagħrfu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Issa, mill-punt 56 tas-sentenza appellata jirriżulta, minn tal-inqas b’mod impliċitu, iżda b’mod ċar, li l-Qorti Ġenerali qieset li l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq l-investimenti li hija kienet wettqet fiċ-ċirkwit tan-Nürburgring, ma kienx biżżejjed, la sabiex jintwera li hija kienet preżenti fis-suq rilevanti u wisq inqas sabiex jintwera li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha f’dan is-suq kienet affettwata sostanzjalment mill-miżura li kienet is-suġġett tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. |
|
38 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata, kif għandu jiġi miċħud ukoll dan l-aggravju fl-intier tiegħu. |
Fuq it-tieni aggravju
|
39 |
It-tieni aggravju jikkonċerna l-punt 69 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali osservat li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punti 53 sa 59), kellu jitqies li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet li kellha, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li ppreċediet l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, pożizzjoni ta’ negozjatriċi, iddefinita b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess ta’ din id-deċiżjoni, li tista’ tistabbilixxi li hija kienet ikkonċernata individwalment minn din id-deċiżjoni. |
– L-argumenti tal-partijiet
|
40 |
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni u żnaturat il-fatti u l-provi mressqa għall-evalwazzjoni tagħha. Hija tqis li, quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kienet stabbilixxiet li hija kellha, fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, rwol attiv u uniku li jikkonċerna l-operat taċ-ċirkwit tan-Nürburgring b’għan ta’ interess ġenerali. Il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi, iddefinita b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, hija paragunabbli ma’ dik tal-Landbouwschap (korp irregolat mid-dritt pubbliku stabbilit sabiex jiżgura fis-settur agrikolu l-protezzjoni tal-interessi komuni tal-operaturi b’osservanza tal-interess ġenerali, il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punti 20 sa 24), kif ukoll tal-Comité international de la rayonne et des fibres synthétiques (il-Kumitat Internazzjonali tal-Fili u tal-Fibri Sintetiċi, CIRFS) fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 29 u 30). |
|
41 |
L-appellanti ssostni li hija fil-fatt kienet innegozjat mal-Kummissjoni dwar l-għajnuna li hija s-suġġett tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, bil-għan li tiggarantixxi lill-membri tagħha, b’mod konformi mad-dritt tal-għajnuna u b’għan ta’ interess ġenerali, l-operat ta’ dan iċ-ċirkwit u bil-għan li tiżgura ruħha li l-investimenti tagħha jkomplu jikkontribwixxu għal dan il-għan. Dawn iċ-ċirkustanzi materjali kienu jikkaratterizzaw lill-appellanti meta mqabbla ma’ kull persuna oħra, b’mod li jagħtuha locus standi kontra l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. |
|
42 |
Hija ssostni li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiċħad il-locus standi tagħha mingħajr ma tispjega għalfejn, fid-dawl tal-motivi, tal-provi u tal-argumenti ddettaljati invokati minnha, il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi rrikonoxxut li hija kellha locus standi ma kinux issodisfatti. Ir-riferiment mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, għall-“kundizzjonijiet stretti stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punti 53 sa 59)”, ma jippermettix li wieħed jifhem liema huma l-kundizzjonijiet eżaminati mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha b’nuqqas ta’ motivazzjoni jew b’motivazzjoni insuffiċjenti, u dan jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt għal smigħ u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, billi qieset li l-appellanti “ma stabbilixxietx” li kienet okkupat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li ppreċediet l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, pożizzjoni ta’ negozjatriċi, mingħajr madankollu ma spjegat liema provi prodotti mill-appellanti kienet eżaminat, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi. |
|
43 |
Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
44 |
Mill-punt 58 tas-sentenza appellata jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienet, b’mod partikolari, sostniet li hija kienet mexxiet negozjati sabiex tiddefendi l-interessi tal-isport tal-karozzi Ġermaniż, b’mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment mill-ġdid u tal-promozzjoni ta’ ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi fin-Nürburgring, u li hija kienet ipparteċipat fil-proċedura amministrattiva li ppreċediet l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża billi ppreżentat ilment u billi kkomunikat osservazzjonijiet bil-miktub u provi. |
|
45 |
Fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara ammissibbli r-rikorsi fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38), kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111). Barra minn hekk, fil-punt 68 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, filwaqt li għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tagħha stess u għal dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatt li assoċjazzjoni professjonali ressqet l-ilment li wassal għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew ippreżentat osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma kienx biżżejjed sabiex jiġi rrikonoxxut li din l-assoċjazzjoni għandha status partikolari ta’ negozjatur. |
|
46 |
Fl-aħħar nett, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali semmiet il-“kundizzjonijiet stretti stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punti 53 sa 59)”, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet fakkret hija stess iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38), kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111), u spjegat kif dawn tal-aħħar huma differenti mis-sitwazzjoni ta’ sempliċi parti interessata li pparteċipat b’mod attiv fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat. |
|
47 |
Dawn ir-riferimenti għall-ġurisprudenza jippermettu li jinftiehem għalfejn l-argument tal-appellanti, miġbur fil-qosor fil-punt 58 tas-sentenza appellata, ma kienx biżżejjed sabiex jagħtiha l-kwalità ta’ negozjatriċi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 66 sa 69 tas-sentenza appellata. |
|
48 |
Għaldaqstant, il-motivazzjoni esposta mill-Qorti Ġenerali fil-punti 65 sa 69 tas-sentenza appellata, għalkemm relattivament qasira, hija biżżejjed sabiex tippermetti lill-appellanti tifhem ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-argument tagħha mressaq insostenn tal-ammissibbiltà tat-talba tagħha għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, ibbażata fuq il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38), kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111). |
|
49 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ allegat żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-fatti u tal-provi, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn l-appellanti la identifikat l-elementi preċiżi li l-Qorti Ġenerali żnaturat u lanqas kif din żnaturathom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-1 ta’ Frar 2017, Vidmar et vs Il‑Kummissjoni, C‑240/16 P, EU:C:2017:89, punti 26 u 27). |
|
50 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
|
51 |
Peress li l-ewwel u t-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda, hemm lok li l-appell jiġi miċħud sa fejn jirrigwarda l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. |
Fuq l-aggravji dwar it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
52 |
Mingħajr ma tippreżenta appell inċidentali, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors, sa fejn kien intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, peress li, fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 u qieset b’mod żbaljat li l-appellanti setgħet tippretendi li kellha din il-kwalità. |
|
53 |
Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tiddeċiedi, jekk ikun hemm bżonn ex officio, fuq il-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn individwu skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Mill-punti 84 sa 89 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet li l-appellanti setgħet titlob l-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża bħala parti interessata u sabiex tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li hija tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999. |
|
55 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet qari parzjali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam u injorat il-fatt li l-kwalità ta’ parti interessata teħtieġ l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni. |
|
56 |
Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “parti interessata” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 bħala “kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”. Din id-dispożizzjoni tirriproduċi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, filwaqt li impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna jkollha mingħajr dubju l-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, korp li ma huwiex kompetitur tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni jista’ wkoll jiġi rrikonoxxut li għandu din il-kwalità, sakemm huwa jkun stabbilixxa li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ din l-għajnuna. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan jirrikjedi li jiġi stabbilit li l-imsemmija għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 65, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132). |
|
58 |
Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li, mis-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435), tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341), kif ukoll tal-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), jirriżulta li l-kwalità ta’ parti interessata teħtieġ relazzjoni ta’ kompetizzjoni. |
|
59 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 104 tas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lil sindakat ta’ ħaddiema l-kwalità ta’ parti interessata billi bbażat ruħha fuq il-preġudizzju potenzjali kkawżat lill-interessi tiegħu kif ukoll lil dawk tal-membri tiegħu mill-miżuri inkwistjoni f’dik il-kawża, matul in-negozjati kollettivi. |
|
60 |
Fir-rigward tas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 64), il-Qorti tal-Ġustizzja ma bbażatx l-analiżi tagħha fuq relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-benefiċjarju tal-għajnuna u l-impriża rikorrenti f’dik il-kawża, iżda bbażat ruħha fuq il-fatt li din l-impriża tal-aħħar kienet teħtieġ, għall-proċess ta’ produzzjoni tagħha, l-istess materja prima bħal dan il-benefiċjarju. |
|
61 |
Fl-aħħar nett, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43), invokata mill-Kummissjoni, ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, fil-punt 43 tal-istess sentenza, il-kwistjoni ma kinitx tirrigwarda l-kwalità ta’ parti interessata ta’ persuna jew ta’ impriża, iżda kienet tirrigwarda l-eventwali preġudizzju dirett, fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ħalliet kompletament fis-seħħ l-effetti tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni li kienu jistabbilixxu skema ta’ għajnuna, għas-sitwazzjoni legali ta’ lanjant li jallega li dawn il-miżuri jpoġġuh f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġjuża. |
|
62 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rikonoxximent mill-Qorti Ġenerali tal-kwalità ta’ parti interessata tal-appellanti huwa bbażat, kif jirriżulta mill-punt 88 tas-sentenza appellata, fuq il-fatt li din potenzjalment għandha informazzjoni rilevanti. Issa, is-sempliċi fatt li persuna jkollha informazzjoni li tista’ tkun rilevanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat illegali ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi rrikonoxxut li din il-persuna għandha tali kwalità. |
|
63 |
Huwa minnu li, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għall-kwalità tal-appellanti bħala “assoċjazzjoni li l-għan tagħha, mingħajr skop ta’ lukru, huwa l-istabbiliment mill-ġdid u l-promozzjoni ta’ ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi fin-Nürburgring u l-promozzjoni tal-interessi kollettivi tal-membri tagħha, li wħud minnhom jorganizzaw avvenimenti sportivi fuq l-imsemmi ċirkwit”, kif ukoll għall-fatt li l-interessi tal-appellanti “setgħu jiġu affettwati b’mod konkret mill-għoti tal-għajnuna li, skont [l-appellanti], kellu jiġi kkonstatat fit-tieni deċiżjoni [kontenzjuża], minħabba li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata u ma wasslitx għall-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn bi prezz tas-suq”. |
|
64 |
Madankollu, mill-punt 88 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex irrikonoxxiet li l-appellanti għandha l-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Qorti Ġenerali fl-aħħar mill-aħħar ibbażat ruħha fuq il-fatt li ma setax jiġi “eskluż li [l-appellanti], fid-dawl tal-għan tagħha, li huwa speċifikament l-istabbiliment mill-ġdid u l-promozzjoni ta’ ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi fin-Nürburgring, u minħabba l-fatt li hija pparteċipat fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u kisbet, f’dan il-kuntest, ħafna informazzjoni relatata mal-assi tan-Nürburgring, tista’ tippreżenta lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, osservazzjonijiet li din tkun tista’ tinkludi fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u tal-kwistjoni dwar jekk l-assi tan-Nürburgring ġewx ittrasferiti, f’dan il-kuntest, bi prezz tas-suq”. |
|
65 |
Issa, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li persuna jkollha informazzjoni li tista’ tkun rilevanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna ma jfissirx li l-interessi ta’ tali persuna jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ din l-għajnuna u li din l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, is-sempliċi żamma ta’ informazzjoni rilevanti ma hijiex biżżejjed sabiex din il-persuna tiġi kklassifikata bħala parti interessata. |
|
66 |
Madankollu, mill-proċess tal-ewwel istanza, trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 167(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienet sostniet, b’mod partikolari, li hija assoċjazzjoni li tiddefendi l-interessi tal-isport kollu tal-karozzi Ġermaniż b’rabta maċ-ċirkwit tan-Nürburgring, li l-għan ċentrali tagħha huwa li tiżgura l-operat ta’ dan iċ-ċirkwit f’kundizzjonijiet ekonomiċi orjentati fuq l-interess ġenerali li jiġi żgurat l-aċċess għal dan iċ-ċirkwit anki mill-isportivi dilettanti u li Capricorn issegwi għan li tagħmel l-ikbar profitti possibbli, li huwa inkompatibbli mal-għanijiet tal-appellanti. |
|
67 |
Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, li ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni, għandu jiġi aċċettat li l-allegat għoti ta’ għajnuna lil Capricorn b’rabta mal-akkwist tan-Nürburgring seta’ jaffettwa l-interessi tal-appellanti u tal-membri tagħha, b’tali mod li l-appellanti għandha tiġi kklassifikata bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999. |
|
68 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li t-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża hija ammissibbli. |
Fuq it-tielet aggravju
|
69 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-punt 83 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti stess, jew xi wieħed mill-membri tagħha, ma setgħux, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, jitqiesu li huma individwalment ikkonċernati mit-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
|
70 |
Dan l-aggravju jirrigwarda motivi tas-sentenza appellata li ma jikkostitwixxux is-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tagħha. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellanti setgħet titlob l-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża u, kif jirriżulta mill-punt 68 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li din il-konklużjoni tiġi kkontestata. |
|
71 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
Fuq ir-raba’ aggravju
|
72 |
Dan l-aggravju huwa maqsum f’ħames partijiet. Hemm lok li jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames parti ta’ dan l-aggravju. |
– L-argumenti tal-partijiet
|
73 |
Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju l-appellanti ssostni li, fil-punti 152 sa 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat ittra ta’ Deutsche Bank AG tal-10 ta’ Marzu 2014, li kienet issostni l-offerta ta’ Capricorn, billi qieset li ma kienx jidher li l-Kummissjoni kien imissha kellha dubji dwar in-natura vinkolanti ta’ din l-ittra. L-appellanti tfakkar li, quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kienet ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-imsemmija ittra kienet tinkludi, fl-aħħar paġna,“kumment importanti”, li minnu kien jirriżulta li t-termini u l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-ittra ma kinux intiżi li jservu bħala bażi għal obbligi legalment vinkolanti. Siltiet oħra tal-istess kumment jikkonfermaw din l-evalwazzjoni. Skont l-appellanti, li kieku l-Qorti Ġenerali ma żnaturatx l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, hija kien ikollha tikkonstata li din tal-aħħar ma kinitx tqis lilha nnifisha marbuta mill-imsemmija ittra. |
|
74 |
Fil-kuntest tar-raba’ parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, li l-fatti sussegwenti għall-11 ta’ Marzu 2014 ma kinux rilevanti għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk għajnuna kinitx eventwalment ingħatat lil Capricorn fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, tindika żball ta’ liġi u żnaturament tal-provi min-naħa tal-Qorti Ġenerali u hija, barra minn hekk, ivvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. |
|
75 |
Skont l-appellanti, il-Kummissjoni kellha, fil-kuntest tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, informazzjoni u indizji ddettaljati li juru li Capricorn kienet ibbenefikat minn vantaġġ mhux iġġustifikat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti mhux trasparenti u diskriminatorja, li wasslet sabiex l-assi tan-Nürburgring jingħataw lilha, minkejja l-assenza ta’ solvenza tagħha. Din l-informazzjoni kien imissha wasslet lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u dan, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali fil-punt 167 tas-sentenza appellata, anki fin-nuqqas ta’ lment ġdid ippreżentat mill-appellanti. |
|
76 |
Fl-aħħar nett, il-ħames parti tar-raba’ aggravju tikkonċerna l-punti 173 sa 176 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellanti esposti fil-qosor fil-punti 170 u 171 tas-sentenza appellata. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali sempliċement esponiet fil-qosor l-argumenti tagħha fil-punt 170 tas-sentenza appellata, mingħajr ma eżaminathom u mingħajr ma tat motivazzjoni għaċ-ċaħda tagħhom. L-istess japplika għall-argument dwar il-kuntratt ta’ kiri li jikkonċerna l-assi tan-Nürburgring, imsemmi fil-punt 171 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali sempliċement indikat li l-kera kienet tħallset lil kumpannija indipendenti mill-bejjiegħa u li l-prezz tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring tnaqqas bl-ammont tal-kera, liema ammont kellu jiġi paċut ma’ dan il-prezz sal-jum li fih jiġi konkluż b’mod finali l-bejgħ. Il-Qorti Ġenerali sempliċement iddeċidiet, mingħajr ma pprovdiet spjegazzjoni, li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn ikollha dubji fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ mhux iġġustifikat, sitwazzjoni din li tikkostitwixxi żnaturament tal-provi mressqa mill-appellanti u tindika żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE u tal-Artikolu 108(3) TFUE. |
|
77 |
Il-Kummissjoni tqis, prinċipalment, li t-tieni parti tar-raba’ aggravju hija ineffettiva. Fil-fehma tagħha, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 152, 154 u 155 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati mill-appellanti, huma suffiċjenti sabiex isostnu l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li ma kienx jidher li l-Kummissjoni kien imissha kellha dubji dwar in-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, jekk jitqies li, fil-punt 153 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. |
|
78 |
Il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, it-tieni parti tar-raba’ aggravju hija infondata. L-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 tuża, diversi drabi, il-kelma “impenn”. Fir-realtà, l-appellanti tikkontesta biss l-interpretazzjoni ta’ dan it-terminu mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ dikjarazzjonijiet oħra li jinsabu fl-istess ittra. Issa, dan jaqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, li tinkludi wkoll l-interpretazzjoni ta’ kuntratti konklużi skont id-dritt nazzjonali. |
|
79 |
Fir-rigward tar-raba’ parti tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni tqis li din il-parti tirriżulta minn qari żbaljat tal-punti 165 sa 169 tas-sentenza appellata. Skont il-Kummissjoni, f’dawn il-punti l-Qorti Ġenerali tat tweġiba fin-negattiv għall-kwistjoni ta’ jekk l-allegazzjoni tal-appellanti, miġbura fil-qosor fil-punt 163 tal-istess sentenza, fis-sens li fit-13 ta’ Awwissu 2014 Capricorn kienet ġiet issostitwita minn subakkwirent fil-kuntest ta’ proċedura mhux trasparenti ta’ bejgħ mill-ġdid tal-assi tan-Nürburgring, kellhiex tiġi eżaminata fit-tieni deċiżjoni kontenzjuża. Skont il-Kummissjoni, din it-tweġiba hija korretta, sa fejn ċirkustanzi sussegwenti għall-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk l-amministratur ġudizzjarju tan-Nürburgring aġixxiex, fil-kuntest ta’ dan il-bejgħ, bħala investitur f’ekonomija tas-suq. Issa, tali investitur ma setax jieħu inkunsiderazzjoni fatti, bħal dawk allegati mill-appellanti, li seħħew biss wara l-konklużjoni tal-bejgħ. Anki li kieku l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha, waqt l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, l-informazzjoni invokata mill-appellanti fl-argumenti tagħha, din l-informazzjoni hija irrilevanti għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-bejjiegħ f’ekonomija tas-suq għall-kuntratt ta’ bejgħ tal-11 ta’ Marzu 2014, konkluż bejn l-amministratur ġudizzjarju tan-Nürburgring u Capricorn. |
|
80 |
Fl-aħħar nett, bħala tweġiba għall-ħames parti tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tal-appellanti, miġbura fil-qosor fil-punti 170 u 171 tas-sentenza appellata, ma kinux idaħħlu inkwistjoni l-osservanza tal-kriterju tal-bejjiegħ f’ekonomija tas-suq. B’mod partikolari, l-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 170 tal-istess sentenza jirrigwardaw avvenimenti li seħħew wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt ta’ bejgħ. L-istess japplika għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kiri, imsemmija fil-punt 171 tal-imsemmija sentenza. Fil-punti 173 sa 174 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali pprovdiet motivazzjoni konċiża iżda ċara sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ dawn l-argumenti. Kien loġiku li l-Qorti Ġenerali tirreferi għall-punti 138 sa 158 tas-sentenza appellata, peress li fihom il-Qorti Ġenerali esponiet li l-prezz tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring kien iddeterminat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u trasparenti u ma kien jeżisti ebda dubju fir-rigward tal-finanzjament tal-offerta magħżula. Fir-rigward tal-argument tal-appellanti bbażat fuq żnaturament tal-provi, huwa impossibbli li wieħed jifhem liema hija l-bażi ta’ din l-affermazzjoni, speċjalment peress li l-appellanti stess tirrikonoxxi li l-Qorti Ġenerali għamlet sunt korrett tal-argumenti tagħha fil-punti 170 u 171 tas-sentenza appellata. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
81 |
Għandu jiġi ppreċiżat, b’mod preliminari, li kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, it-tieni parti tar-raba’ aggravju ma tirrigwardax biss il-punt 153 tas-sentenza appellata, iżda wkoll il-punti 152 u 154 sa 156 tal-istess sentenza. Għaldaqstant, din il-parti ma tistax tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
|
82 |
Għall-finijiet tal-eżami ta’ din il-parti, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 151 tas-sentenza appellata, kien ġie ppreċiżat lill-investituri interessati fl-akkwist tal-assi tan-Nürburgring li huma kienu ser jintgħażlu b’mod partikolari fid-dawl tal-probabbiltà ta’ konklużjoni tat-tranżazzjoni. Wieħed mill-fatturi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward kien is-sigurtà tal-finanzjament tal-offerta tagħhom, ikkonfermata minn konferma tal-finanzjament maħruġa mill-imsieħba finanzjarji tagħhom. |
|
83 |
Mill-premessi 50, 273 u 278 tad-deċiżjoni finali jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn kien żgurat, peress li din tal-aħħar kienet ipproduċiet l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, li allegatament kienet ta’ natura vinkolanti. |
|
84 |
Fil-punti 152 sa 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni, li sar flimkien mal-analiżi tal-awtoritajiet Ġermaniżi, kienx ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ dubji dwar in-natura vinkolanti ta’ din l-ittra u waslet għall-konklużjoni, fil-punt 156 tal-istess sentenza, li dan kien effettivament il-każ. |
|
85 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-appellanti, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali żnaturatx il-kontenut tal-imsemmija ittra. |
|
86 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jkun hemm żnaturament tal-provi meta, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher manifestament żbaljata (sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 37, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punt 60). |
|
87 |
F’dan il-każ, mill-qari tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, kif prodotta mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u kif tinsab fil-proċess tal-ewwel istanza, jirriżulta li din l-ittra tinkludi, fl-ewwel paġna, indikazzjoni ċara li l-“impenn” li jinsab f’din l-ittra huwa suġġett għall-kundizzjonijiet esposti, b’mod partikolari, fl-“iskeda ta’ kundizzjonijiet” annessa mal-imsemmija ittra bħala Anness A. |
|
88 |
Issa, kif issostni ġustament l-appellanti, dan l-anness jinkludi, fl-aħħar, “kumment importanti”, li jindika, b’mod partikolari, li “din l-iskeda ta’ kundizzjonijiet sservi biss għal finijiet ta’ diskussjoni u ma hijiex meqjusa li toħloq obbligi legalment vinkolanti bejnietna […] Għaldaqstant, aħna ma naċċettaw responsabbiltà għal ebda telf dirett, konsekuttiv jew ieħor li jirriżulta mill-fatt li tibbażaw ruħkom fuq din [l-istess] ittra”. |
|
89 |
Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta b’mod manifest li l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 ma ħolqitx obbligu ta’ finanzjament vinkolanti fuq il-bank li ħariġha u għall-benefiċċju ta’ Capricorn. |
|
90 |
Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-indikazzjoni, li tinsab fil-paragrafu 9 tal-paġna 5 ta’ din l-ittra, intitolat “Liġi applikabbli u ġurisdizzjoni”, li jirreferi għal “kull eventwali obbligu mhux kuntrattwali” li jirriżulta mill-imsemmija ittra, mingħajr ma jissemmew obbligi kuntrattwali, preċiżament għaliex din l-istess ittra ma kinitx meqjusa li toħloq tali obbligi. |
|
91 |
F’dan ir-rigward, ftit jimporta li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 152 u 153 tas-sentenza appellata, l-istess ittra tindika li Deutsche Bank hija “lesta li tagħti self” lil Capricorn ta’ EUR 45 miljun u li hija tirreferi, f’diversi okkażjonijiet, għall-“impenn” meħud minn Deutsche Bank fir-rigward ta’ Capricorn, sa fejn mill-indikazzjonijiet imfakkra fil-punt 88 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li dan l-“impenn” ma kienx joħloq iktar obbligi ta’ finanzjament legalment vinkolanti, bħalma lanqas ma kienu joħolqu l-ittri preċedenti ta’ Deutsche Bank imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 154 tas-sentenza appellata. Il-fatt li l-assenza ta’ natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 issemmiet f’termini differenti minn dawk tal-ittri tal-aħħar ma jdaħħalx inkwistjoni din il-konklużjoni. |
|
92 |
Minn dan isegwi li, kif issostni l-appellanti permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 u li, għaldaqstant, din il-parti hija fondata. |
|
93 |
Fil-kuntest tar-raba’ parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, l-argumenti tagħha miġbura fil-qosor fil-punti 162 u 163 tal-istess sentenza. |
|
94 |
Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, quddiem il-Qorti Ġenerali l-appellanti essenzjalment sostniet li, wara l-konklużjoni, fil-11 ta’ Marzu 2014, tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn, din tal-aħħar u l-bejjiegħa kienu kkonkludew ftehim ta’ garanzija għall-ħlas tal-prezz ta’ bejgħ f’numru ta’ pagamenti li kien jipprevedi l-possibbiltà li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas kontinwu tat-tieni pagament tal-prezz ta’ bejgħ, dawn l-assi kellhom jinbiegħu mill-ġdid, kif effettivament ġara. |
|
95 |
Fil-punt 166 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-għajnuna li, skont l-appellanti, kien imissha ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fit-tieni deċiżjoni kontenzjuża, kienet ingħatat lil Capricorn fil-11 ta’ Marzu 2014, id-data tal-bejgħ tal-imsemmija assi lil din tal-aħħar bi prezz allegatament inqas mill-prezz tas-suq. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-fatti li seħħew wara din id-data ma kinux rilevanti għall-eżami tal-kwistjoni ta’ jekk għajnuna kinitx eventwalment ingħatat lil Capricorn fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Fil-punt 167 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali mbagħad iddeċidiet li, jekk l-appellanti xtaqet li l-Kummissjoni teżamina wkoll l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida li tirriżulta mill-allegata tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ, hija kien imissha ressqet ilment ġdid f’dan ir-rigward. |
|
96 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li, jekk jitqies li Capricorn kienet ingħatat għajnuna li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tas-suq tal-assi tan-Nürburgring u l-prezz tal-akkwist tagħhom minn Capricorn, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ftuħ, ta’ trasparenza, ta’ inkundizzjonalità u ta’ natura nondiskriminatorja, tali għajnuna kienet neċessarjament ingħatat fil-11 ta’ Marzu 2014, data tal-allokazzjoni ta’ dawn l-assi lil Capricorn u tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ dawn l-assi. |
|
97 |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 166 tas-sentenza appellata, dan ma jfissirx li fatti li seħħew wara din id-data kienu, mid-definizzjoni tagħhom stess, irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk tali għajnuna kinitx effettivament ingħatat. |
|
98 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni meta adottat din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Kif josserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 102 u 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fażi preliminari tal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tintemm fil-mument tal-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ waħda mid-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li elementi ta’ analiżi ġodda jistgħu joħorġu wara t-tmiem tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, iżda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni relatata magħha. |
|
99 |
B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punti 82 u 83 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn kien żgurat kien minn tal-inqas wieħed mill-fatturi li ġġustifikaw l-allokazzjoni tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn. |
|
100 |
Issa, il-fatti allegati mill-appellanti, kif miġbura fil-qosor fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, minkejja li huma sussegwenti għall-allokazzjoni tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn, jekk jiġu kkonfermati, ikunu ta’ natura li joħolqu dubju dwar il-fondatezza tal-konklużjoni tal-persuni responsabbli għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti fis-sens li l-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn kien żgurat u, għaldaqstant, dwar in-natura trasparenti u nondiskriminatorja ta’ din il-proċedura, filwaqt li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 157 tas-sentenza appellata, offerta oħra kienet ġiet miċħuda minħabba assenza ta’ prova ta’ finanzjament. |
|
101 |
Fil-fatt, tqum il-kwistjoni dwar għaliex Capricorn, jekk kellha finanzjament żgurat għall-offerta tagħha, kellha tinnegozja mill-ġdid il-ħlas tal-prezz tal-bejgħ b’numru ta’ pagament u, fl-aħħar mill-aħħar, ma setgħetx tħallas it-tieni pagament, li wassal għall-bejgħ mill-ġdid tal-assi tan-Nürburgring. |
|
102 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eskludiet ir-rilevanza tal-fatti allegati mill-appellanti u mqassra fil-punt 94 ta’ din is-sentenza għas-sempliċi raġuni li dawn il-fatti kienu sussegwenti għall-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn. Għaldaqstant, ir-raba’ parti tar-raba’ aggravju hija fondata. |
|
103 |
Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 173 sa 176 tas-sentenza appellata, tal-argumenti tagħha miġbura fil-qosor fil-punti 170 u 171 tal-istess sentenza hija vvizzjata minn nuqqas jew minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. |
|
104 |
Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor erba’ argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors tagħha. Skont il-Qorti Ġenerali, dawn l-argumenti kienu intiżi sabiex jiġi stabbilit li kemm il-prezz ta’ xiri tal-assi tan-Nürburgring minn Capricorn u kemm il-modalitajiet ta’ ħlas ta’ dan il-prezz kienu jinkludu elementi ta’ għajnuna peress li, l-ewwel, EUR 6 miljuni ta’ surplus operatorju gross tal-operatur tan-Nürburgring kellhom jiġu paċuti mal-prezz ta’ bejgħ, filwaqt li dan l-operatur kien indika, matul is-sena 2013, li l-aspettattivi tiegħu li jagħmel profitt mill-assi tan-Nürburgring kienu ineżistenti, it-tieni, il-ħlas tat-tieni pagament mill-prezz tal-bejgħ kien ġie pospost, it-tielet, il-penalità ta’ EUR 25 miljun li kienet prevista fil-kuntratt ta’ xiri fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ma kinitx irkuprata u, ir-raba’, subakkwirent kien kiseb l-assi tan-Nürburgring fil-kuntest ta’ proċedura mhux trasparenti. |
|
105 |
Fil-punt 171 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor argument addizzjonali mressaq mill-appellanti fl-istess kuntest, fis-sens li l-kuntratt li permezz tiegħu l-assi tan-Nürburgring ingħataw b’kiri lil Capricorn għal perijodu li beda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2015, bil-għan li tiġi indirizzata sitwazzjoni tranżitorja li tikkorrispondi mal-eventwali materjalizzazzjoni tal-kundizzjoni li magħha kien marbut il-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn, jiġifieri l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li teskludi kull riskju li x-xerrej tal-imsemmija assi seta’ jkun obbligat jirrimborsa l-għajnuna lill-bejjiegħa, ma kienx suġġett huwa stess għal proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata, b’tali mod li l-kera mħallsa taħt dan il-kuntratt ta’ kiri ma kinitx tikkorrispondi għal prezz tas-suq u kienet tinkludi elementi ġodda ta’ għajnuna. Bejn il-bejjiegħa u Capricorn, kien ġie miftiehem li l-kera mħallsa taħt dan il-kuntratt ta’ kiri sal-jum li fih il-bejgħ isir finali kellha tiġi paċuta mal-prezz tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring. |
|
106 |
Bi tweġiba għal dan l-argument, il-Qorti Ġenerali sempliċement osservat, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, li “[g]ħar-raġunijiet esposti fil-punti 138 sa 158 [tal-istess sentenza], ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar in-natura trasparenti u nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti”. Il-Qorti Ġenerali kompliet, fil-punt 174 tal-imsemmija sentenza, li minn dawn l-istess raġunijiet kien jirriżulta wkoll li “l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni [kontenzjuża] kienet ta’ natura li teskludi l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lix-xerrej fil-kuntest tal-kuntratt ta’ kera li jirrigwarda l-assi tan-Nürburgring jew modalitajiet ta’ pagament oħra tal-prezz tal-bejgħ tal-imsemmija assi”. |
|
107 |
Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntrarjament għal dak li teżiġi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, tali motivazzjoni ma tweġibx, lanqas b’mod impliċitu, għall-argumenti tal-appellanti miġbura fil-qosor fil-punti 170 u 171 tas-sentenza appellata u ma tippermettix li jinftiehem ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. |
|
108 |
Fil-fatt, il-motivi esposti fil-punti 138 sa 158 tas-sentenza appellata, li għalihom irreferiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 173 tal-istess sentenza, jikkonċernaw, minn naħa, in-natura mhux trasparenti u diskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti fid-dawl, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ trasparenza tad-data finanzjarja, tal-assenza ta’ trasparenza u tan-natura diskriminatorja tal-kriterji ta’ evalwazzjoni u tal-applikazzjoni tagħhom kif ukoll tat-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ wara t-trasferiment tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-finanzjament tal-offerta ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, dawn il-motivi ma jippermettux li wieħed jifhem għaliex l-argumenti tal-appellanti miġbura fil-qosor fil-punti 170 u 171 tal-imsemmija sentenza ġew miċħuda. |
|
109 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, fir-rigward taċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali ta’ dawn l-argumenti. Minn dan isegwi li l-ħames parti tar-raba’ aggravju hija fondata. |
|
110 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati la l-ewwel u t-tielet parti tar-raba’ aggravju, u lanqas il-ħames aggravju, l-appell għandu jintlaqa’ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
111 |
Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
112 |
F’dan il-każ, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li r-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti fil-Kawża T‑373/15 huwa bbażat fuq motivi li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-fatt li l-eżami tagħhom ma jeħtieġ l-adozzjoni ta’ ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruttorja tal-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ir-rikors jinsab fi stat li jiġi deċiż u li hemm lok li tagħti deċiżjoni definittiva dwaru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 130), fil-limiti tat-tilwima li għadha adita biha, jiġifieri t-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 134). |
|
113 |
Għandu jitfakkar li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża hija deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 li l-legalità tagħha tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk hemmx dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern. |
|
114 |
Peress li dubji bħal dawn għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jitqies li kull parti interessata fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni. Fil-fatt, il‑benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jistgħu jiksbu l-osservanza ta’ dawn il-garanziji biss kemm‑il darba jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw quddiem il-qorti tal-Unjoni d-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
115 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa minnu li ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tinterpreta r-rikors ta’ rikorrent li jikkontesta esklużivament il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali fis-sens li fil-verità huwa intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li r-rikorrent jislet mill-Artikolu 108(2) TFUE meta dan ir-rikorrent ma jkunx ippreżenta espressament motiv li jsegwi dan l-għan, għaliex inkella tkun qiegħda tibdel is-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 55). Madankollu, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, huwa jikkontesta essenzjalment il-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, bi ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu, minkejja li l-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern kienet tobbligaha tagħmel dan. Sabiex tintlaqa’ t-talba għal annullament tiegħu, ir-rikorrent jista’ għalhekk jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, kien imissha qajmet tali dubji, mingħajr ma l-użu ta’ dawn l-argumenti jibdel is-suġġett tar-rikors. Minn dan jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina argumenti fuq il-mertu mressqa minn rikorrent sabiex tivverifika jekk dawn jipprovdux ukoll elementi insostenn ta’ motiv, imqajjem ukoll minn dan ir-rikorrent, li espressament isostni l-eżistenza ta’ dubji li kienu jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 56 u 59). |
|
116 |
F’dan il-każ, il-kwalità ta’ “parti interessata” tal-appellanti, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, diġà ġiet irrikonoxxuta fil-punt 67 ta’ din is-sentenza. Insostenn tar-rikors tagħha, din invokat disa’ motivi. Bl-eċċezzjoni tas-seba’ motiv, invokat insostenn tat-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, il-motivi l-oħra huma invokati insostenn tat-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
|
117 |
Il-ħames u t-tmien motiv huma bbażati espliċitament fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti, peress li l-Kummissjoni naqset milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, minkejja l-fatt li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring bi prezz inqas mill-prezz tas-suq tagħhom kien imissu wassalha sabiex tikkunsidra li kienet ingħatat għajnuna lix-xerrej. |
|
118 |
Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dawn il-motivi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok u b’mod konġunt, l-ewwel u t-tielet partijiet tal-ewwel motiv kif ukoll it-tieni motiv, li huma essenzjalment ibbażati fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-konferma tal-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn. |
L-argumenti tal-partijiet
|
119 |
Permezz tal-ewwel u tat-tielet parti tal-ewwel motiv tagħha kif ukoll permezz tat-tieni motiv tagħha, l-appellanti ssostni li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessi 50, 51, 266, 271 u 273 tad-deċiżjoni finali, fis-sens li Capricorn kienet ipproduċiet impenn finanzjarju min-naħa ta’ Deutsche Bank dwar self ta’ EUR 45 miljun hija manifestament żbaljata, sa fejn mit-termini tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 jirriżulta li din ma kinitx vinkolanti. |
|
120 |
Hija żżid li n-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 tad-deċiżjoni finali turi li l-Kummissjoni kienet taf bil-ftehim, imsemmi fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, konkluż fit-13 ta’ Awwissu 2014 bejn l-amministratur ġudizzjarju tan-Nürburgring, il-bejjiegħa u Capricorn u li jipprevedi, b’mod partikolari, il-posponiment tal-ħlas minn Capricorn tat-tieni parti tal-prezz tal-bejgħ. Issa, dan il-ftehim juri n-nuqqas ta’ konferma tal-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn. |
|
121 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tirreferi għat-termini tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, li ssemmi b’mod partikolari, diversi drabi, “impenn” min-naħa ta’ Deutsche Bank u tqis, għalhekk, li hija ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ din l-ittra. |
|
122 |
Fir-rigward tal-ftehim tat-13 ta’ Awwissu 2014, hija tippreċiża li, meta adottat id-deċiżjoni finali, hija ma kellhiex fil-pussess tagħha t-test ta’ dan il-ftehim, li ma ġiex trażmess lilha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. L-informazzjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 tad-deċiżjoni finali toħroġ minn komunikazzjoni min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fi kwalunkwe każ, hija tenfasizza li hija ma bbażatx it-tieni deċiżjoni kontenzjuża fuq il-fatt li l-prova tal-finanzjament ipprovdut minn Deutsche Bank kienet għadha teżisti fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
123 |
Għandu jiġi rrilevat li, sabiex titwarrab l-eżistenza ta’ għajnuna illegali mogħtija lil Capricorn waqt l-akkwist, minn din tal-aħħar, tal-assi tan-Nürburgring, il-Kummissjoni kellha tiżgura ruħha li dan l-akkwist sar bi prezz li jikkorrispondi għall-prezz tas-suq, li jkun il-każ jekk ikun jista’ jiġi kkonfermat li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata. |
|
124 |
Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, wieħed mill-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għażla tax-xerrej tal-assi tan-Nürburgring kien il-konferma tal-finanzjament tal-offerta tiegħu. |
|
125 |
Fil-fatt, mill-premessa 116 tad-deċiżjoni finali jirriżulta li offerent ieħor, li ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni, kien ippropona, fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, prezz ta’ xiri tal-assi kollha tan-Nürburgring li kien ogħla minn dak propost minn Capricorn. Issa, mill-premessa 272 tad-deċiżjoni finali jirriżulta li din l-offerta kienet ġiet miċħuda minħabba assenza ta’ prova ta’ finanzjament. |
|
126 |
Skont il-premessa 273 tad-deċiżjoni finali, żewġ offerti biss tqiesu li kellhom finanzjament assigurat, jiġifieri l-offerta ta’ Capricorn u dik ta’ offerent ieħor. Madankollu, sa fejn kemm l-ammont tal-finanzjament assigurat li kellu dan l-offerent l-ieħor kif ukoll il-prezz tal-bejgħ li kien qiegħed jipproponi kienu inferjuri għal dawk ta’ Capricorn, finalment intgħażlet l-offerta ta’ din tal-aħħar. |
|
127 |
Minn dan isegwi li, jekk jirriżulta li tqies b’mod żbaljat li Capricorn kellha finanzjament ikkonfermat għall-offerta tagħha meta, fir-realtà, dan ma kienx il-każ, din iċ-ċirkustanza tkun ta’ natura li ddaħħal inkwistjoni, b’mod partikolari, in-natura nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, sa fejn tkun tista’ turi li Capricorn kienet ibbenefikat minn trattament preferenzjali u l-offerta tagħha ma ġietx miċħuda, b’differenza minn mill-inqas offerent ieħor li ma rnexxielux iressaq prova ta’ finanzjament ikkonfermat għall-offerta tiegħu. |
|
128 |
Għaldaqstant, fil-preżenza ta’ dubji dwar in-natura kkonfermata tal-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn li ma setgħux jiġu eliminati, il-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u ma setgħetx tadotta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, bħat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
|
129 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-elementi invokati mill-appellanti juru l-eżistenza ta’ tali dubji. |
|
130 |
Minn naħa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 87 sa 91 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 kienet tinkludi impenn vinkolanti ta’ finanzjament. |
|
131 |
Min-naħa l-oħra, kif issostni l-appellanti, min-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 tad-deċiżjoni finali jirriżulta li t-tieni parti tal-prezz tal-bejgħ ma tħallsitx minn Capricorn fit-terminu stabbilit u li, permezz ta’ ftehim konkluż fit-13 ta’ Awwissu 2014 bejn l-amministratur ġudizzjarju tan-Nürburgring, il-bejjiegħa u Capricorn, il-ħlas ta’ din il-parti ġie pospost għal data sussegwenti, inkambju għall-ħlas tal-interessi moratorji minn Capricorn u għall-provvista ta’ garanziji addizzjonali. Issa, li kieku l-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn kien effettivament żgurat, din tal-aħħar kienet loġikament tkun f’pożizzjoni li tħallas it-tieni parti tal-prezz tal-bejgħ fit-terminu stabbilit u ma kienx ikollha tinnegozja l-posponiment tal-ħlas tagħha. |
|
132 |
Għaldaqstant, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat il-kumplament tal-argumenti mressqa mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħha, sa fejn jirrigwardaw l-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, hemm lok li jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk il-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn kienx jimplika l-għoti, lil din tal-aħħar, ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern kienet tqajjem dubji, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, li kien imisshom wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. |
|
133 |
Għaldaqstant, ir-rikors għandu jintlaqa’ u t-tieni deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata. |
Fuq l-ispejjeż
|
134 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni definittiva hija stess dwar il-kawża, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
135 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq wieħed jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
136 |
F’dan il-każ, hemm lok li tiġi applikata din l-aħħar dispożizzjoni sa fejn l-appell huwa miċħud sa fejn jirrigwarda s-sentenza appellata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, iżda qiegħed jintlaqa’ sa fejn jirrigwarda dik is-sentenza sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, u l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tannulla din id-deċiżjoni. |
|
137 |
Għaldaqstant, għandu jiġi ordnat li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.