SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/98/UE – Drittijiet għall-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi detenturi ta’ permess uniku – Artikolu 12 – Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Artikolu 3 – Benefiċċji tal-maternità u tal-paternità – Benefiċċji tal-familja – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi detenturi ta’ permess uniku mill-benefiċċju ta’ allowance tat-twelid u ta’ allowance tal-maternità”
Fil-Kawża C‑350/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura
O.D.,
R.I.H.V.,
B.O.,
F.G.,
M.K.F.B.,
E.S.,
N.P,
S.E.A.
vs
Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS),
fil-preżenza ta’:
Presidenza del Consiglio dei Ministri,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, L. S. Rossi, I. Jarukaitis (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal O.D., R.I.H.V., B.O., F.G., M.K.F.B., E.S. u S.E.A., minn A. Guariso, L. Neri, R. Randellini, E. Fiorini u M. Nappi, avvocati, |
|
– |
għal N.P., minn A. Andreoni u V. Angiolini, avvocati, |
|
– |
għall-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS), minn M. Sferrazza u V. Stumpo, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 3(1)(b) u (j) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), u tal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU 2011, L 343, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn O.D., R.I.H.V., B.O., F.G., M.K.F.B., E.S., N.P. u S.E.A., ċittadini ta’ pajjiżi terzi, detenturi ta’ permess uniku, u l-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale (INPS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, l-Italja) dwar ir-rifjut li dawn jingħataw il-benefiċċju ta’ allowance tat-twelid u ta’ allowance tal-maternità. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2011/98
|
3 |
Il-premessi 20, 24 u 31 tad-Direttiva 2011/98 jgħidu li:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal: […]
2. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi: […]
[…]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98, intitolat “Dritt għal trattament ugwali”: “1. Il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, kif imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) għandhom igawdu minn trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirrisjedu fir-rigward ta’: […]
[…] 2. L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu t-trattament ugwali: […]
Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-punt (e) tal-paragrafu 1 rigward il-benefiċċji għall-familja ma għandux japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ żmien li ma jeċċedix is-sitt xhur, għal ċittadini ta’ pajjizi terzi li ġew ammessi għall-fini ta’ studju, jew għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il-permess jaħdmu abbażi ta’ viża. […]” |
|
7 |
L-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tiġi mħarsa din id-Direttiva sal‑25 ta’ Diċembru 2013. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.” |
Ir-Regolament Nru 883/2004
|
8 |
Skont l-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004, it-terminu “benefiċċju marbut mal-familja” għandu jfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I tiegħu. |
|
9 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li: “Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali: […]
[…]
|
|
10 |
L-Anness I tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Għoti ta’ pagamenti ta’ manteniment u allowances specjali li jinghataw f’kaz ta’ twelid ta’ tarbija u f’kaz ta’ adozzjoni”, jinkludi, fil-Parti II tiegħu, lista ta’ allowances speċjali tat-twelid u ta’ adozzjoni organizzata skont l-Istat Membri. Ir-Repubblika Taljana qatt ma dehret f’din il-Parti II tal-Anness I. |
Id-dritt Taljan
|
11 |
L-Artikolu 1(125) tal-legge n. 190 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2015) [il-Liġi Nru 190 li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet għall-Istabbiliment tal-Baġit Annwali u Multiannwali tal-Istat (il-Liġi Finanzjarja għall‑2015)], tat‑23 ta’ Diċembru 2014 (GURI Nru 300, tad‑29 ta’ Diċembru 2014, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 99) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 190/2014), tistabbilixxi allowance tat-twelid (iktar ’il quddiem l-“allowance tat-twelid”) għal kull wild imwieled jew adottat, imħallsa kull xahar, sabiex tiġi mħeġġa r-rata tat-twelid u “tingħata kontribuzzjoni għall-ispejjeż sabiex tiġi appoġġatha”. |
|
12 |
Din id-dispożizzjoni tipprevedi li għal kull wild imwieled jew adottat bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u l‑31 ta’ Diċembru 2017 għandu jingħata allowance ta’ ammont annwali ta’ EUR 960, li titħallas kull xahar mix-xahar tat-twelid jew tal-adozzjoni sakemm il-wild jagħlaq tielet snin jew sakemm il-wild jagħlaq tielet snin mid-dħul tiegħu fl-unità domestika wara l-adozzjoni tiegħu. Din l-allowance titħallas mill-INPS bil-kundizzjoni li l-unità domestika li għaliha jappartjeni l-ġenitur li jkun qed jagħmel it-talba jinsab f’sitwazzjoni ekonomika li tikkorrispondi għal ċertu valur minimu tal-indikatur tas-sitwazzjoni ekonomika ekwivalenti (ISEE), stabbilit mir-regolament previst fid-decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri n. 159 – Regolamento concernente la revisione delle modalitá di determinazione e i campi di applicazione dell’Indicatore della situazione economica equivalente (ISEE) [id-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri Nru 159 dwar ir-Reviżjoni tal-Metodi ta’ Determinazzjoni u tal-Kampijiet ta’ Applikazzjoni tal-Indikatur tas-Sitwazzjoni Ekonomika Ekwivalenti (ISEE)], tal‑5 ta’ Diċembru 2013 (GURI Nru 19, tal‑24 ta’ Jannar 2014). |
|
13 |
L-Artikolu 1(248) tal-legge n. 205 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2018 e bilancio pluriennale per il triennio 2018‑2020 (il-Liġi Nru 205 li Tistabbilixxi Baġit Provviżorju tal-Istat għas-Sena Finanzjarja 2018 u Baġit Multiannwali għat-Tliet Snin 2018–2020), tas‑27 ta’ Diċembru 2017 (GURI Nru 302, tad‑29 ta’ Diċembru 2017, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 62), jipprevedi li l-allowance tat-twelid għandha tingħata għal kull wild imwieled jew adottat bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Diċembru 2018 għal perijodu ta’ sena sakemm il-wild jagħlaq sena jew sakemm il-wild jagħlaq sena mid-dħul tiegħu fl-unità domestika wara l-adozzjoni tiegħu. |
|
14 |
L-Artikolu 23‑quater(1) tad-decreto legge no 119 – Disposizioni urgenti in materia fiscale e finanziaria (id-Digriet Liġi Nru 119 li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam Fiskali u Finanzjarju), tat‑23 ta’ Ottubru 2018 (GURI Nru 247, tat‑23 ta’ Ottubru 2018), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 136 tas‑17 ta’ Diċembru 2018, jestendi l-benefiċċju tal-allowance tat-twelid għal kull wild imwieled jew adottat bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Diċembru 2019, sakemm il-wild jagħlaq sena jew sakemm il-wild jagħlaq sena mid-dħul tiegħu fl-unità domestika wara l-adozzjoni tiegħu, u jipprevedi żieda ta’ 20 % għal kull wild ta’ wara l-ewwel wieħed. |
|
15 |
L-Artikolu 1(340) tal-legge no 160 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2020 e bilancio pluriennale per il triennio 2020‑2022 (il-Liġi Nru 160 li Tistabbilixxi Baġit Provviżorju tal-Istat għas-Sena Finanzjarja 2020 u Baġit Multiannwali għat-Tliet Snin 2020‑2022), tas‑27 ta’ Diċembru 2019 (GURI Nru 304, tat‑30 ta’ Diċembru 2019, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 45), estenda għal darb’oħra l-benefiċċju tal-allowance tat-twelid għal kull wild imwieled jew adottat bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Diċembru 2020, sakemm il-wild jagħlaq sena jew sakemm il-wild jagħlaq sena mid-dħul tiegħu fl-unità domestika wara l-adozzjoni tiegħu, fejn l-ammont tagħha jvarja madankollu skont is-sitwazzjoni ekonomika tal-unità domestika, kif iddefinita mill-indikatur imsemmi fil-punt 12 ta’ din is-sentenza u miżjud b’20 % għal kull wild ta’ wara l-ewwel wieħed. |
|
16 |
Skont l-Artikolu 1(125) tal-Liġi Nru 190/2014, huma ammessi għall-benefiċċju tal-imsemmija allowance iċ-ċittadini Taljani, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra kif ukoll iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil previst fl-Artikolu 9 tad-decreto legislativo n. 286 – Testo unico delle disposizioni concernenti la disciplina dell’immigrazione e norme sulla condizione dello straniero (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 286 li Jistabbilixxi Test uniku ta’ Dispożizzjonijiet li Jikkonċernaw il-Leġiżlazzjoni tal-Immigrazzjoni u r-Regoli dwar l-Istatus tal-Barranin), tal‑25 ta’ Lulju 1998 (GURI Nru 191, tat‑18 ta’ Awwissu 1998, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 139), u li jkunu qegħdin jirrisjedu fl-Italja. |
|
17 |
L-Artikolu 74 tad-decreto legislativo n. 151 – Testo unico delle disposizioni legislative in materia di tutela e sostegno della maternità e della paternità, a norma dell’articolo 15 della legge 8 marzo 2000, n. 53 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 151 li Jistabbilixxi Test Uniku dwar il-Protezzjoni u l-Appoġġ tal-Maternità u tal-Paternità, skont l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 53, tat‑8 ta’ Marzu 2000, tas‑26 ta’ Marzu 2001 (GURI Nru 96 tas‑26 ta’ April 2001, suppliment ordinarju għall-ĠURI Nru 93), jagħti l-benefiċċju ta’ allowance tal-maternità (iktar ’il quddiem l-“allowance tal-maternità”) għal kull wild imwieled mill‑1 ta’ Jannar 2001 u għal kull minuri mqiegħed għall-adozzjoni jew adottat mingħajr ma jitqiegħed għall-adozzjoni, lin-nisa li jirrisjedu fl-Italja, li jkunu ċittadini ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew li jkollhom permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil. Din l-allowance tingħata lin-nisa li ma jibbenefikawx mill-allowance tal-maternità marbuta ma’ relazzjoni ta’ xogħol bħala impjegata jew ħaddiema li taħdem għal rasha jew mal-eżerċizzju ta’ professjoni libera u bil-kundizzjoni li l-unità domestika ma jkollhiex riżorsi superjuri għal ċertu ammont ikkalkolat abbażi tal-indikatur tas-sitwazzjoni ekonomika (ISE), indikati fid-decreto legislativo n. 109 – Definizioni di criteri unificati di valutazione della situazione economica dei soggetti che richiedono prestazioni sociali agevolate, a norma dell’articolo 59, comma 51, della legge 27 dicembre 1997, n. 449 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 109 li Jistabbilixxi Definizzjonijiet ta’ Kriterji Unifikati għall-Evalwazzjoni tas-Sitwazzjoni Ekonomika tal-Persuni li Jitolbu Benefiċċji Soċjali Ssussidjati, skont l-Artikolu 59(51) tal-Liġi Nru 449 tas‑27 ta’ Diċembru 1997) tal‑31 ta’ Marzu 1998 (GURI Nru 90, tat‑18 ta’ April 1998). |
|
18 |
Id-Direttiva 2011/98 ġiet trasposta fid-dritt intern permezz tad-decreto legislativo n. 40 – Attuazione della direttiva 2011/98/UE relativa a una procedura unica di domanda per il rilascio di un permesso unico che consente ai cittadini di Paesi terzi di soggiornare e lavorare nel territorio di uno Stato membro e a un insieme comune di diritti per i lavoratori di Paesi terzi che soggiornano regolarmente in uno Stato membro (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 40 li Jittrasponi d-Direttiva 2011/98), tal‑4 ta’ Marzu 2014 (GURI Nru 68, tat‑22 ta’ Marzu 2014), li stabbilixxa “permess uniku ta’ xogħol”. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
19 |
Ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jirrisjedu legalment fl-Italja u li jkollhom biss permess uniku ta’ xogħol previst mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 40 li jittrasponi d-Direttiva 2011/98, ġew miċħuda l-benefiċċju tal-allowance tat-twelid mill-INPS għar-raġuni li ma għandhomx l-istatus ta’ resident għal żmien twil. Il-qrati li jiddeċiedu fuq il-mertu, li quddiemhom huma kkontestaw dan ir-rifjut, laqgħu t-talbiet tagħhom billi applikaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98. |
|
20 |
Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), mitluba tiddeċiedi dwar l-appelli mid-deċiżjonijiet ta’ diversi qrati tal-appell, qieset li din l-iskema tal-allowance tat-twelid tikser diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Taljana, moqrija flimkien mal-Artikoli 20, 21, 24, 33 u 34 tal-Karta, u adixxiet lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) bi kwistjonijiet ta’ kostituzzjonalità tal-Artikolu 1(125) tal-Liġi Nru 190/2014, sa fejn dan tal-aħħar jissuġġetta l-għoti tal-allowance tat-twelid liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-kundizzjoni li jkollhom l-istatus ta’ resident għal żmien twil. |
|
21 |
Quddiem il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), ir-rikorrenti fl-istanzi preċedenti jitolbu li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi ddikjarata antikostituzzjonali u jsostnu li din tmur ukoll kontra l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98. L-INPS, bħala konvenut fl-istanzi preċedenti, jitlob għall-kuntrarju li jiġu miċħuda l-kwistjonijiet ta’ kostituzzjonalità billi jsostni li l-allowance tat-twelid hija min-natura tagħha stess bonus, li ma jaqax taħt il-qasam tas-sigurtà soċjali, li ma huwiex intiż li jissodisfa l-bżonnijiet primarji u urġenti tal-persuni. Huwa jżid li din id-direttiva tagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jeskludu, b’mod diskrezzjonali, mit-tgawdija tal-benefiċċji inkwistjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkollhomx l-istatus ta’ resident għal żmien twil, fid-dawl tal-limiti tar-riżorsi finanzjarji disponibbli. Il-Presidente del Consiglio dei Ministri (il-President tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja), min-naħa tiegħu, bħala intervenjent fl-istanzi preċedenti, jitlob li l-kwistjonijiet ta’ kostituzzjonalità jiġu miċħuda bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala manifestament infondati. Huwa jsostni li l-allowance tat-twelid ma hijiex intiża li tissodisfa l-bżonnijiet essenzjali tal-persuni u li, skont id-dritt tal-Unjoni wkoll, huwa biss l-istatus ta’ resident għal żmien twil li jippermetti l-assimilazzjoni sħiħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz maċ-ċittadin tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda l-benefiċċji soċjali. |
|
22 |
Għall-istess raġunijiet bħal dawk li jikkonċernaw l-allowance tat-twelid, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) ressqet ukoll quddiem il-qorti tar-rinviju kwistjoni ta’ kostituzzjonalità fir-rigward tal-Artikolu 74 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 151 tas‑26 ta’ Marzu 2001, dwar l-allowance tal-maternità. Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fl-istanzi preċedenti jitolbu li din id-dispożizzjoni tiġi ddikjarata antikostituzzjonali, filwaqt li l-President tal-Kunsill tal-Ministri jitlob li l-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità tiġi miċħuda bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala manifestament infondata. |
|
23 |
Insostenn tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tesponi, b’mod partikolari, li hija għandha l-kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tal-eventwali kunflitti ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mad-drittijiet u mal-prinċipji stabbiliti mill-Karta. Hija tindika li, meta tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar kwistjoni ta’ kostituzzjonalità li tikkonċerna dawn id-drittijiet u dawn il-prinċipji, hija ma tistax ma tivverifikax jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni tiksirx kemm id-drittijiet kif ukoll il-prinċipji kostituzzjonali u dawk stabbiliti mill-Karta, peress li l-garanziji previsti mill-Kostituzzjoni Taljana huma kkompletati b’dawk stabbiliti mill-Karta. Bħala qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, hija tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet kollha fejn dan ikun neċessarju sabiex tiġi ċċarata t-tifsira u l-effetti tad-dispożizzjonijiet tal-Karta u hija tista’, fi tmiem din l-evalwazzjoni, tiddikjara l-antikostituzzjonalità tad-dispożizzjoni kkontestata, u b’hekk teskludiha mill-ordinament ġuridiku nazzjonali b’effetti erga omnes. |
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li d-drittijiet u l-prinċipji kostituzzjonali msemmija mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) u dawk stabbiliti mill-Karta, arrikkiti mid-dritt sekondarju, huma marbuta b’mod indissoċjabbli, jikkumplimentaw lil xulxin u huma f’armonija ma’ xulxin, u li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet arbitrarji u l-protezzjoni tal-maternità u tat-tfal, żgurati mill-Kostituzzjoni Taljana, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-indikazzjonijiet vinkolanti mogħtija mid-dritt tal-Unjoni. |
|
25 |
Billi tirreferi għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98 u għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha teżamina d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-fergħat tas-sigurtà soċjali kif iddefiniti mir-Regolament Nru 883/2004 u tippreċiża li, bl-istabbiliment tal-iskema ta’ permess uniku, ir-Repubblika Taljana ma użatx espressament il-possibbiltà li tintroduċi d-derogi previsti minn din id-direttiva. Hija tqis li huwa neċessarju, qabel ma tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet ta’ kostituzzjonalità mqajma mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għal dawn id-domandi. |
|
26 |
Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li l-allowance tat-twelid, minħabba b’mod partikolari bidliet sinjifikattivi li hija ġarrbet matul l-aħħar snin, tippreżenta aspetti ġodda meta mqabbla mal-benefiċċji tal-familja diġà eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, għalkemm din l-allowance hija marbuta ma’ kriterji oġġettivi ddefiniti mil-liġi u għalkemm hija inkluża fil-kategorija tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, hija madankollu għandha diversi funzjonijiet li jistgħu jirrendu inċerta l-klassifikazzjoni tagħha bħala benefiċċju tal-familja. |
|
27 |
Minn naħa, l-allowance tat-twelid għandha l-funzjoni ta’ bonus intiż li jinkoraġġixxi r-rata tat-twelid, peress li dan l-għan huwa kkonfermat mill-evoluzzjoni tal-iskema li tistabbilixxi benefiċċju universali b’żieda għall-ulied wara l-ewwel wild. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(125) tal-Liġi Nru 190/2014, fil-verżjoni inizjali tiegħu, billi jissuġġetta l-għoti ta’ din l-allowance għal kundizzjoni ta’ dħul, jidher li jagħti rilevanza għas-sitwazzjoni ta’ dgħufija tal-familja benefiċjarja. Għaldaqstant, l-għan tal-imsemmija allowance huwa ukoll li tagħti sostenn lill-unitajiet domestiċi f’sitwazzjoni ekonomika prekarja u li tiżgura lill-minuri l-kura tas-saħħa primarja. Dan l-aħħar għan huwa kkonfermat mill-emendi leġiżlattivi reċenti li, filwaqt li għamlu l-allowance tat-twelid miżura ta’ previdenza universali, aġġustaw l-ammont tiegħu skont diversi livelli ta’ dħul u, għaldaqstant, diversi livelli differenti ta’ bżonn. |
|
28 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-allowance tal-maternità għandhiex tiġi inkluża fil-benefiċċji ggarantiti fl-Artikolu 34 tal-Karta, fid-dawl tad-dritt sekondarju li huwa intiż li jiżgura ġabra komuni ta’ drittijiet, ibbażata fuq l-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu u jaħdmu legalment fi Stat Membru. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti: “L-Artikolu 34 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jinkludi l-allowance tat-twelid u l-allowance tal-maternità, skont l-Artikolu 3(1)(b) u (j) tar-[Regolament Nru 883/2004], msemmija fl-Artikolu 12(1)(e) tad-[Direttiva 2011/98] u, għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma testendix għal barranin li huma detenturi tal-permess uniku previst fl-istess direttiva, il-benefiċċju ta’ dawk il-miżuri ta’ assigurazzjoni soċjali, li diġà ngħatat lil barranin li għandhom permess ta’ residenza fl-[Unjoni] għal residenti għal perijodu twil?” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
30 |
Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ din tal-aħħar. |
|
31 |
Insostenn tat-talba tagħha, hija ssostni li d-domanda magħmula fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju hija diskussa b’mod wiesa’ mill-qrati Taljani, li jista’ jagħti lok għal diversi rinviji għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-portata tal-kontenzjuż relatat ma’ din il-kwistjoni wasslet għal inċertezzi fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bejn, minn naħa, l-amministrazzjoni kompetenti sabiex tagħti l-allowances inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-qrati Taljani, sa fejn dawn tal-aħħar biss jagħtu effett dirett lill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98. |
|
32 |
Mill-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fejn in-natura tal-kawża titlob li din tiġi ttrattata fl-iqsar żmien possibbli, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissottometti rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura. |
|
33 |
F’dan il-każ, fis‑17 ta’ Settembru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jiċħad it-talba tal-qorti tar-rinviju mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza sa fejn il-kundizzjonijiet sabiex tintlaqa’ din it-talba, u b’mod partikolari l-preżenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, ma kinux issodisfatti. |
|
34 |
Fil-fatt, minn naħa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li qorti tar-rinviju għandha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 36). |
|
35 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-bżonn li tiġi unifikata l-ġurisprudenza nazzjonali diverġenti, għalkemm leġittima, ma jistax ikun biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ April 2018, Oro Efectivo, C‑185/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:298, punt 17). |
|
36 |
Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika Taljana talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża fl-Awla Manja. |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari sa fejn din tirrigwarda l-allowance tal-maternità
|
37 |
Il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domanda sa fejn din tirrigwarda l-allowance tal-maternità, peress li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) ippreċiżat, billi adixxiet lill-qorti tar-rinviju, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), li l-fatti fil-kawża prinċipali seħħew qabel il‑25 ta’ Diċembru 2013, tmiem tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/98 previst fl-Artikolu 16(1) tagħha. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Taljan jiddubita jekk ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għandhomx permess uniku ta’ xogħol, filwaqt li josserva li huma jidhru li għandhom permess ta’ residenza taħt titolu ieħor. Huwa josserva b’mod partikolari li din l-allowance hija rriżervata għall-persuni li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ħaddiema”. Issa, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/98 huwa applikabbli biss għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom tali kwalità. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik, C‑33/17, EU:C:2018:896, punt 20). |
|
39 |
Minn dan isegwi li d-domandi b’rabta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik, C‑33/17, EU:C:2018:896, punt 21). |
|
40 |
F’dan il-każ, ċertament, direttiva ma tistax tiġi invokata minn individwi għal fatti li jkunu seħħew qabel it-traspożizzjoni tagħha sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali preeżistenti li jmorru kontra din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte, C‑157/02, EU:C:2004:76, punti 67 u 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma hijiex il-qorti mitluba tiddeċiedi hija stess direttament fuq il-kawżi prinċipali, iżda qorti ta’ natura kostituzzjonali li lilha ntbagħtet kwistjoni purament ta’ dritt, indipendenti mill-fatti mqajma quddiem il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, u li fuqha hija għandha tiddeċiedi kemm fir-rigward tar-regoli tad-dritt nazzjonali kif ukoll tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni sabiex tipprovdi mhux biss lill-qorti tar-rinviju tagħha, iżda wkoll lill-qrati Taljani kollha, deċiżjoni li għandha effett erga omnes, li dawn il-qrati għandhom japplikaw fi kwalunkwe tilwima rilevanti li tista’ titressaq quddiemhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju għandha rabta mas-suġġett tal-kawża mressqa quddiemha, li tikkonċerna esklużivament il-kostituzzjonalità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali moqri fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. |
|
41 |
Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/98 japplikax biss għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti sabiex jaħdmu hemmhekk jew jekk, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tkoprix ukoll liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza għal finijiet li ma humiex ta’ impjieg u li huma awtorizzati jaħdmu f’dan l-Istat Membru, tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, il-mertu ta’ din il-kawża. |
|
42 |
Minn dan isegwi li din id-domanda hija ammissibbli, inkluż sa fejn tirrigwarda l-allowance tal-maternità. |
Fuq il-mertu
|
43 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tal-Karta sabiex isir magħruf jekk l-allowance tat-twelid u l-allowance tal-maternità jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u jekk l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, detenturi ta’ permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, mill-benefiċċju ta’ dawn l-allowances. |
|
44 |
Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 34(1) tal-Karta, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt ta’ aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għas-servizzi soċjali li jiżguraw protezzjoni f’każijiet bħall-maternità, il-mard, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, id-dipendenza jew ix-xjuħija, kif ukoll fil-każ ta’ telf ta’ impjieg, skont ir-regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni u mil-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 34(2) tal-Karta, kull min jirrisjedi u jmur minn post għal ieħor legalment fl-Unjoni għandu jkun intitolat għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għall-vantaġġi soċjali, skont id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali. |
|
45 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98, li, kif tgħid il-premessa 31 tagħha, tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta, jipprevedi li l-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) ta’ din id-direttiva għandhom jibbenefikaw mill-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirrisjedu għal dak li jirrigwarda l-fergħat tas-sigurtà soċjali, kif iddefiniti fir-Regolament Nru 883/2004. |
|
46 |
Għaldaqstant, permezz ta’ dan ir-riferiment għar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 jikkonkretizza d-dritt ta’ aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali previst fl-Artikolu 34(1) u (2) tal-Karta. |
|
47 |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta jadottaw miżuri li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva li tikkonkretizza dritt fundamentali previst mill-Karta, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’osservanza ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer, C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li d-domanda magħmula għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-Direttiva 2011/98. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(e) ta’ din id-direttiva huwa ddeterminat mir-Regolament Nru 883/2004. |
|
48 |
Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/98 japplika kemm għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi fi Stat Membru sabiex jaħdmu hemmhekk skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi fi Stat Membru għal finijiet oħra għajr ix-xogħol skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali, li huma awtorizzati jaħdmu u li għandhom permess ta’ residenza skont ir-Regolament Nru 1030/2002. |
|
49 |
Kif jirriżulta mill-premessa 20 ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata sabiex tiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament lid-detenturi ta’ permess uniku ta’ xogħol, iżda tapplika wkoll għad-detenturi ta’ permess ta’ residenza għal finijiet oħra għajr dawk ta’ mpjieg u li huma awtorizzati jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti. |
|
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) ta’ din id-direttiva mill-benefiċċju ta’ allowance tat-twelid u ta’ allowance tal-maternità previsti minn din il-leġiżlazzjoni. |
|
51 |
Fid-dawl tal-fatt li, kif ġie espost fil-punt 45 ta’ din is-sentenza u kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-Direttiva 2011/98, sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 12(1)(e) ta’ din id-direttiva, huwa neċessarju li l-benefiċċji inkwistjoni jaqgħu taħt il-fergħat tas-sigurtà soċjali kif iddefiniti fir-Regolament Nru 883/2004, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat jekk l-allowance tat-twelid u l-allowance tal-maternità jikkostitwixxux benefiċċji li jaqgħu taħt il-fergħat tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan, u mhux fuq il-fatt jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn, minn naħa, dan jingħata lill-benefiċjarji mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u sa fejn, min-naħa l-oħra, dan ikun marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li benefiċċji mogħtija awtomatikament lill-familji li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi bbażati b’mod partikolari fuq id-daqs tagħhom, id-dħul tagħhom u r-riżorsi f’kapital tagħhom, minbarra kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, u li huma intiżi sabiex jikkumpensaw il-piżijiet tal-familja, għandhom jitqiesu bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 37). |
|
55 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għal dak li jirrigwarda din il-kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ benefiċċji li jingħataw jew jiġu rrifjutati jew li l-ammont tagħhom jiġi kkalkulat billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul tal-benefiċjarju, li l-għoti ta’ tali benefiċċji ma jiddependix fuq l-evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet personali tal-applikant, għaliex dan huwa kriterju oġġettiv u ddefinit legalment li jagħti d-dritt għal dan il-benefiċċju mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-Moselle, C‑769/18, EU:C:2020:203, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex ikun jitqies li l-imsemmija kundizzjoni ma ġietx issodisfatta, in-natura diskrezzjonali tal-evalwazzjoni, mill-awtorità kompetenti, tal-bżonnijiet personali tal-benefiċjarju ta’ benefiċċju għandha tkun marbuta qabel kollox mal-eliġibbiltà għal dan il-benefiċċju. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, mutatis mutandis, għal dak li jirrigwarda n-natura individwali tal-evalwazzjoni, mill-awtorità kompetenti, tal-bżonnijiet personali tal-benefiċjarju ta’ benefiċċju (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Caisse d’assurance retraite et de la santé travail d’Alsace-Moselle, C‑769/18, EU:C:2020:203, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk benefiċċju partikolari jaqax taħt il-benefiċċji tal-familja previsti fl-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament, it-termini “benefiċċju marbut mal-familja” ifissru l-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija jew ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I tal-imsemmi regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-termini “jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu, b’mod partikolari, għal kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja, intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
F’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda l-allowance tat-twelid, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju u esposti fil-punti 11 sa 16 kif ukoll fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minn naħa, din tingħata għal kull wild imwieled jew adottat li l-ġenituri tiegħu jirrisjedu fl-Italja u li għandhom in-nazzjonalità Taljana jew huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew, ukoll, għandhom l-istatus ta’ resident għal żmien twil. Inizjalment mogħtija lill-unitajiet domestiċi li r-riżorsi tagħhom ma jaqbżux ċertu limitu stabbilit mil-liġi, din l-allowance ġiet sussegwentement estiża għall-unitajiet domestiċi kollha mingħajr kundizzjoni ta’ riżorsi, peress li l-ammont tagħha jvarja skont ir-riżorsi tal-unità domestika u jiżdied b’20 % għal kull wild ta’ wara l-ewwel wieħed. Għalhekk, jidher li dan il-benefiċċju jingħata awtomatikament lill-unitajiet domestiċi li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi ddefiniti legalment, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tal-applikant. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, inizjalment, l-għoti tal-allowance tat-twelid kienet tingħata jew tiġi rrifjutata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżorsi tal-unità domestika li minnha l-ġenitur applikant kien jagħmel parti abbażi ta’ kriterju oġġettiv u ddefinit legalment, jiġifieri l-indikatur tas-sitwazzjoni ekonomika ekwivalenti, mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra. Sussegwentement, l-allowance tat-twelid ingħatat indipendentement mil-livell ta’ riżorsi tal-unità domestika, fejn madankollu ġie ppreċiżat li l-ammont effettiv tagħha huwa kkalkolat, essenzjalment, abbażi ta’ dan l-indikatur. |
|
59 |
Min-naħa l-oħra, l-allowance tat-twelid tikkonsisti f’somma ta’ flus imħallsa kull xahar mill-INPS lill-benefiċjarji tiegħu u hija intiża b’mod partikolari sabiex tikkontribwixxi għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-twelid jew mill-adozzjoni ta’ wild. Konsegwentement, dan huwa benefiċċju fi flus intiż b’mod partikolari, permezz ta’ kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja, sabiex itaffi l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment ta’ wild li jkun għadu kif twieled jew ġie adottat, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, peress li r-Repubblika Taljana qatt ma dehret, kif dan issemma fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament Nru 883/2004 iddedikata għall-allowances speċjali tat-twelid u tal-adozzjoni, l-allowance tat-twelid inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-anness u konsegwentement, fid-dawl tal-imsemmi anness, ma tistax tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “benefiċċji tal-familja”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. |
|
60 |
Minn dan isegwi li l-allowance tat-twelid tikkostitwixxi benefiċċju tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li din l-allowance għandha funzjoni doppja, jiġifieri, kif tindika l-qorti tar-rinviju, kemm dik ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-twelid jew mill-adozzjoni ta’ wild kif ukoll dik ta’ bonus intiż sabiex jinkoraġġixxi r-rata tat-twelid, peress li waħda minn dawn il-funzjonijiet tirrigwarda l-fergħa tas-sigurtà soċjali msemmija f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C‑78/91, EU:C:1992:331, punti 19 u 20, kif ukoll tal‑15 ta’ Marzu 2001, Offermanns, C‑85/99, EU:C:2001:166, punt 45). |
|
61 |
Għal dak li jirrigwarda l-allowance tal-maternità, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju u esposti fil-punt 17 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din tingħata għal kull wild imwieled jew adottat jew għal kull minuri mqiegħed għall-adozzjoni, lin-nisa li jirrisjedu fl-Italja, li jkunu ċittadini tar-Repubblika Taljana jew ta’ Stat Membru ieħor jew li jkollhom l-istatus ta’ resident għal żmien twil, bil-kundizzjoni li ma jibbenefikawx minn allowance tal-maternità marbuta ma’ relazzjoni ta’ xogħol bħala impjegata jew ħaddiema li taħdem għal rasha jew mal-eżerċizzju ta’ professjoni libera u li r-riżorsi tal-unità domestika li minnha l-omm tagħmel parti ma jkunux superjuri għal ċertu ammont. |
|
62 |
Għaldaqstant, jidher li, minn naħa, l-allowance tal-maternità tingħata awtomatikament lill-ommijiet li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi ddefiniti legalment, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tal-persuna kkonċernata. B’mod partikolari, l-allowance tal-maternità tingħata jew tiġi rrifjutata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-assenza ta’ allowance tal-maternità marbuta ma’ relazzjoni ta’ xogħol jew mal-eżerċizzju ta’ professjoni liberali, ir-riżorsi tal-unità domestika li minnha l-omm tagħmel parti abbażi ta’ kriterju oġġettiv u ddefinit legalment, jiġifieri l-indikatur tas-sitwazzjoni ekonomika, mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra. Min-naħa l-oħra, hija tirreferi għall-fergħa tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
63 |
Minn dan isegwi li l-allowance tat-twelid u l-allowance tal-maternità jaqgħu taħt il-fergħat tas-sigurtà soċjali li għalihom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/98 jibbenefikaw mid-dritt għal ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 12(1)(e) ta’ din id-direttiva. |
|
64 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kif tindika l-qorti tar-rinviju, ir-Repubblika Taljana ma għamlitx użu mill-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament kif previst fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/98. |
|
65 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/98 mill-benefiċċju ta’ allowance tat-twelid u ta’ allowance tal-maternità ma hijiex konformi mal-Artikolu 12(1)(e) ta’ din id-direttiva. |
|
66 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) ta’ din id-direttiva mill-benefiċċju ta’ allowance tat-twelid u ta’ allowance tal-maternità previsti minn din il-leġiżlazzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
67 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) ta’ din id-direttiva mill-benefiċċju ta’ allowance tat-twelid u ta’ allowance tal-maternità previsti minn din il-leġiżlazzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.