SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal‑ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Membri tal-forzi armati – Applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(2) TUE – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(3) – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 2(2) – Attivitajiet tas-suldati – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Perijodu on‑call – Tilwima dwar ir-remunerazzjoni tal-ħaddiem”

Fil-Kawża C‑742/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

B. K.

vs

Republika Slovenija (Ministrstvo za obrambo),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur), P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal B. K., minn M. Pukšič, odvetnik,

għall-Gvern Sloven, minn A. Grum u A. Dežman Mušič, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères, E. de Moustier, N. Vincent, T. Stehelin u A. Ferrand, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Rous Demiri, N. Ruiz García u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn B. K. u r-Republika Slovenija (Ministrstvo za obrambo) (ir-Repubblika tas-Slovenja (il-Ministeru għad-Difiża)) dwar remunerazzjoni addizzjonali għas-sahra.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 76/207/KEE

3

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad‑9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187) kien jiddisponi:

“L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba s-sess fil-kondizzjonijiet, inklużi l-kriterji tal-għażla, għall-aċċess għall-impjiegi kollha jew postijiet, ikun x’ikun is-settur jew il-qasam tal-attività, u għal-livelli kollha tal-ġerarkija tax-xogħol.”

Id-Direttiva 89/391/KEE

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349) jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

Id-Direttiva 89/656/KEE

5

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat‑30 ta’ Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 375) jiddisponi:

“1.   Din id-Direttiva, li hija t-tielet direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, litistabbilixxi ħtiġiet minimi għal tagħmir ta’ protezzjoni personali użat mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

2.   Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE jgħoddu għal kollox għall-kamp kollu li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi f’din id-Direttiva.”

6

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, tagħmir ta’ protezzjoni personali ifisser kull tagħmir imfassal sabiex jintlibes jew sabiex jinżamm mill-ħaddiem sabiex jipproteġih minn xi riskju jew riskji li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà u s-saħħa tiegħu fuq il-post tax-xogħol, u kwalunkwe addizzjoni jew aċċessorju mfassla sabiex jissodisfa dan l-għan.

2.   Id-definizzjoni f’paragrafu 1 teskludi:

[…]

(ċ)

tagħmir ta’ protezzjoni personali milbus jew użat mill-militar, il-pulizija jew xi aġenziji żamma ta’ l-ordni pubbliċi oħra;

[…]”

Id-Direttiva 2003/88

7

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 jistipula:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.”

8

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.

‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]”.

9

L-Artikolu 17(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

[…]

(b)

fil-każ ta’ attivitajiet ta’ sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti sabiex tkun protetta l-propjetà u persuni, partikolarment gwardji tas-sigurtà u purtinara jew ditti tas-sigurtà;

(ċ)

fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa […];

[…]”

Id-Direttiva 2013/35/UE

10

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-20 Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) u li tħassar id-Direttiva 2004/40/KE (ĠU 2013, L 179, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 353, p. 83) jiddisponi:

“1.   Din id-Direttiva, li hija l‑20 Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ħarsien tal-ħaddiema minn riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom li jinħolqu, jew li aktarx jinħolqu, minn espożizzjoni għal kampi elettromanjetiċi waqt xogħolhom.

[…]

6.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iżjed stretti jew iżjed speċifiċi inklużi f’din id-Direttiva, id-Direttiva 89/391/KEE għandha tkompli tapplika bis-sħiħ għall-qasam kollu msemmi fil-paragrafu 1.”

11

L-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jistipula:

“B’deroga mill-Artikolu 3, iżda mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(1), għandu japplika dan li ġej:

[…]

(b)

l-Istati Membri jistgħu jippermettu li tiġi implimentata sistema ta’ protezzjoni ekwivalenti jew aktar speċifika għall-membri tal-persunal li jaħdmu f’istallazzjonijiet militari operattivi jew involuti f’attivitajiet militari, inkluż f’eżerċizzji militari internazzjonali konġunti, dment li l-effetti negattivi fuq is-saħħa u r-riskji relatati mas-sigurtà ikunu kkontrollati;

[…]”

Id-dritt Sloven

12

L-Artikolu 46 tal-Kolektivna pogodba za javni sektor (il-Ftehim Kollettiv għas-Settur Pubbliku), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (Uradni list RS, Nru 57/2008 et seq.), kien jiddisponi li l-uffiċjali pubbliċi huma intitolati għal allowance ta’ stand‑by li tammonta għal 20 % tar-rata fis-siegħa tas-salarju bażiku, mingħajr ma dawn il-perijodi ta’ stand‑by jitqiesu bħala ħin tax-xogħol.

13

Il-motivi ta’ dan il-ftehim kollettiv kienu jesponu dan li ġej:

“L-istand‑by ifisser li l-uffiċjal pubbliku għandu jkun jista’ jintlaħaq sabiex ikun jista’ jmur jaħdem barra mill-ħin tax-xogħol tiegħu. Il-perijodu ta’ stand‑by għandu jiġi impost bil-miktub. L-ammont tal-allowance tal-perijodu fuq stand‑by huwa l-istess, irrispettivament minn jekk l-uffiċjal pubbliku huwiex suġġett għal xogħol fuq stand‑by binhar, billejl, f’ġurnata tax-xogħol, nhar ta’ Ħadd jew fi btala pubblika.”

14

L-Artikolu 5 taż-Zakon o obrambi (il-Liġi dwar id-Difiża) tal‑20 ta’ Diċembru 1994 (Uradni list RS, Nru 82/94), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZObr”), jipprevedi, fil-punt 14 tiegħu, li s-suldat huwa, fis-sens ta’ din il-liġi, persuna li teżerċita funzjoni militari u jippreċiża, fil-punt 14a tiegħu, li l-ħaddiem huwa, fis-sens tal-imsemmija liġi, is-suldat, il-pajżan li jaħdem f’kapaċità professjonali fl-armata jew persuna oħra li, f’kapaċità professjonali, tissodisfa missjonijiet amministrattivi jew tekniċi speċjalizzati fil-ministeru.

15

Skont l-Artikolu 51 taż-ZObr, suldat jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, juża l-armi sabiex iżomm għassa.

16

L-Artikolu 97č taż-ZObr, dwar ix-xogħol ta’ għassa, jistipula:

“(1)   Bħala regola ġenerali, l-għases idumu 24 siegħa mingħajr interruzzjoni.

(2)   Is-suldati li jwettqu xogħol ta’ għassa huma kkunsidrati li jkunu qegħdin jaħdmu waqt il-ħin tax-xogħol kondiviż. Is-sigħat li matulhom ma jwettqux xogħol effettiv ma humiex ikkunsidrati bħala ħin tax-xogħol, iżda huma kkunsidrati bħala perijodu stand‑by fuq il-post tax-xogħol.

(3)   L-obbligu professjonali ta’ kuljum ta’ għassa ma jistax jaqbeż it-tnax‑il siegħa. Jekk ikun hemm każijiet eċċezzjonali jew il-ħtieġa li titlesta missjoni li tkun bdiet, il-ħin tax-xogħol tas-suldati jista’ jiġi estiż b’mod eċċezzjonali, iżda f’din l-okkażjoni s-sigħat maħduma li jaqbżu t-tnax‑il siegħa ta’ xogħol effettiv li diġà nħadmu huma kkunsidrati bħala sahra.

(4)   L-eżerċizzju ta’ xogħol ta’ għassa ma jistax idum bla interruzzjoni għal iktar minn sebat ijiem. Is-suldati huma intitolati għal pawża ta’ mistrieħ fil-post fejn ikunu għamlu l-għassa, billi t-tnax‑il siegħa huma rikonoxxuti bħala ħin tax-xogħol ordinarju u t-tnax‑il siegħa li jifdal huma kkunsidrati bħala perijodu ta’ stand‑by.”

17

Skont l-Artikolu 97e taż-ZObr, dwar il-perijodu stand‑by:

“(1)   Il-perijodu stand‑by huwa l-ħin li matulu l-ħaddiem għandu jkun disponibbli sabiex jaħdem fil-post tax-xogħol tiegħu, f’post speċifiku jew id-dar.

(2)   Il-perijodu stand‑by ma huwiex inkluż fl-għadd ta’ sigħat ta’ obbligi professjonali ta’ kull ġimgħa jew ta’ kull xahar. Jekk il-ħaddiem għandu, matul il-perijodu stand‑by, fil-fatt jaħdem, dawn is-sigħat ta’ xogħol effettiv huma inklużi fl-għadd tas-sigħat tal-obbligi professjonali ta’ kull ġimgħa jew ta’ kull xahar.

(3)   Il-Ministru jiddetermina l-każijiet u l-metodi kif jiġi eżerċitat l-istand‑by fl-ispazji professjonali, f’post speċifiku jew id-dar. Il-każijiet u l-metodi tal-eżerċizzju tal-istand‑by fl-armata huma ddeterminati mill-Kap ta’ Stat Maġġuri.

(4)   L-istand‑by f’post speċifiku jkun assimilat mal-istand‑by fuq il-post tax-xogħol.”

18

Il-Pravila službe v Slovenski vojski (ir-Regolament tas-Servizz fl-Armata Slovena) (Uradni list RS, Nru 84/09) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “għassa” kif ġej:

“L-għassa hija kkunsidrata bħala missjoni ta’ ġlied fi żmien ta’ paċi […], li matulha suldat tal-għassa jista’ wkoll juża l-armi u l-forza letali konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 taż-ZObr. L-għassa ssir fi blokok ta’ ħin (fil-kuntest ta’ perijodu ta’ sebat ijiem bi preżenza permanenti, jiġifieri ta’ 24 siegħa kuljum ta’ preżenza fil-post tax-xogħol) fid-dawl tal-organizzazzjoni adegwata tax-xogħol. L-għassa hija organizzata fil-livell tal-unità militari li tiżgura wkoll li l-persuni fi ħdan l-istess unità jkunu suġġetti b’mod ugwali għall-oneru li jiġu żgurati l-għases. L-għassa hija ta’ importanza militari u strateġika speċifika. Li tiġi żgurata d-disponibbiltà operattiva kontinwa huwa kompitu fundamentali tal-armata fi żmien ta’ paċi. Sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ preparazzjoni fi żmien ta’ paċi, l-armata tiżgura forzi permanenti u miżuri permanenti sabiex tintervjeni. Il-forzi permanenti jippermettu li tiġi żgurata kapaċità mhux interrotta u l-possibbiltajiet għall-armata li tintervjeni militarment u mhux militarment fuq l-art, fil-baħar u fl-ajru fir-Repubblika tas-Slovenja. Il-forzi tad-difiża jikkostitwixxu parti mill-forzi permanenti.

L-għassa hija żgurata minn diviżjoni armata jew grupp militari li jiżgura l-protezzjoni fiżika tal-persuni, tal-installazzjonijiet, tal-assi u tat-territorju. […]

L-obbligi ġenerali tal-persuni ta’ għassa huma li jipproteġu u jiddefendu b’viġilanza dak li huwa fdat lilhom (installazzjonijiet, persuni, eċċ.), li ma jitilqux l-arma minn idejhom u li jkunu b’mod kostanti lesti li jużawha, li ma jitilqux mill-post tal-għassa sakemm xi ħadd ikun issostitwixxiehom, li ma jawtorizzawx persuna barra minn superjuri, assistent kmandant jew kmandant tal-għassa, uffiċjal ta’ servizz jew persuna responsabbli mis-sorveljanza li jersqu lejn il-post tal-għassa jew il-bini protett jew li jmorru f’żona mhux permessa. Il-persuni ta’ għassa għandhom barra minn hekk iwaqqfu lill-persuni bħalma huwa ddeterminat għal ċerti pożizzjonijiet ta’ għassa u jżommu l-kuntatt u jikkomunikaw biss mal-kmandant tal-għassa u mal-korpi l-oħra tal-għassa, u għandhom jinformaw lill-kmandant tal-għassa fil-każ ta’ disturbi jew ta’ nirien fil-viċinanzi, meta jkun hemm theddida għall-oġġett protett jew għall-forzi minħabba katastrofi naturali jew katastrofi oħra, meta dawn ikunu morda jew ikollhom bżonn kwalunkwe forma oħra ta’ assistenza.

Il-forzi tas-sigurtà għandhom jiżguraw is-sigurtà tal-installazzjonijiet, tad-dokumenti, tal-persuni, tal-armi u tat-tagħmir militari, tal-munizzjon u materjal ieħor kontra forom differenti ta’ theddid. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Frar 2014 u x-xahar ta’ Lulju 2015, B. K. wettaq, fil-kwalità tiegħu ta’ sottouffiċjal tal-armata Slovena, “xogħol ta’ għassa” mhux interrott ta’ sebat ijiem fix-xahar li matulhom huwa kellu jkun jista’ jiġi kkuntattjat u preżenti b’mod permanenti fi ħdan il-kabina fejn kien assenjat. Dan is-“xogħol ta’ għassa” kien jinkludi kemm perijodi li matulhom B. K. kellu jeżerċita attività ta’ sorveljanza effettiva kif ukoll perijodi li matulhom dan tal-aħħar kien obbligat biss li jibqa’ għad-dispożizzjoni tas-superjuri tiegħu. Fil-każ ta’ wasla mhux mistennija tal-pulizija militari, ta’ grupp ta’ spezzjoni jew ta’ grupp ta’ intervent, huwa kellu jirreġistraha fuq il-formola ta’ reġistrazzjoni u jwettaq il-missjonijiet assenjati lilu mis-superjuri tiegħu.

20

Il-Ministeru għad-Difiża kkunsidra li, għal kull wieħed minn dawn il-jiem ta’ “xogħol ta’ għassa”, tmien sigħat kellhom jitqiesu bħala ħin tax-xogħol, b’mod li huwa ħallas lil B. K. is-salarju ordinarju korrispondenti għal dawn it-tmien sigħat ta’ xogħol. Fir-rigward tas-sigħat l-oħra, B. K. ibbenefika biss minn allowance ta’ stand‑by li tammonta għal 20 % tas-salarju bażiku.

21

B. K. adixxa lill-qrati Sloveni b’rikors intiż sabiex huwa jitħallas, bħala sahra, is-sigħat li matulhom, matul ix-“xogħol ta’ għassa”, huwa ma kien eżerċita ebda attività effettiva fis-servizz tal-persuna li timpjegah, iżda kien kostrett jibqa’ għad-dispożizzjoni tas-superjuri tiegħu, fi ħdan il-kwartieri billi kien imbiegħed mir-residenza tiegħu u mill-familja tiegħu.

22

Peress li r-rikors tiegħu ġie miċħud fl-ewwel istanza u fl-appell, B. K. ippreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

23

Din tal-aħħar tirrileva, fl-ewwel lok, li, konformement mal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, id-Direttiva 2003/88 ma tapplikax meta karatteristiċi partikolari inerenti għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku jipprekludu dan b’mod inevitabbli. Il-qorti tar-rinviju tqis, billi tagħmel riferiment għas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584), li din l-eċċezzjoni ġiet prevista biss sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-servizzi li huma assolutament neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, tas-saħħa pubblika u tal-ordni pubbliku fil-każ ta’ avvenimenti ta’ gravità eċċezzjonali, meta ma jkunx possibbli li l-ħin tax-xogħol tal-gruppi ta’ intervent u tal-emerġenza jiġi ppjanat.

24

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’dan il-każ, B. K. wettaq ix-xogħol ordinarju tiegħu, jiġifieri “xogħol ta’ għassa” fi żmien ta’ paċi, b’mod regolari, mingħajr ma kien hemm, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-iċken ċirkustanza imprevedibbli jew l-iċken avveniment eċċezzjonali. Għalhekk, skont dik il-qorti, l-ippjanar tal-ħin tax-xogħol tal-persuna kkonċernata bl-ebda mod ma kien impossibbli.

25

Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 tistax tiġi invokata b’mod ġenerali fil-konfront tas-suldati fi żmien ta’ paċi u tal-ħaddiema fis-settur tad-difiża.

26

Fit-tieni lok, jekk jitqies li d-Direttiva 2003/88 tapplika f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-perijodi li matulhom, matul ix-“xogħol ta’ għassa” tiegħu, B. K. ma kien jeżerċita ebda attività effettiva fis-servizz tal-persuna li timpjegah iżda kien obbligat jibqa’ fil-kwartieri, għad-dispożizzjoni tas-superjuri tiegħu, għandhomx jitqiesu bħala “ħin tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

27

Wara li enfasizzat li din id-domanda tista’ tingħata risposta affermattiva, dik il-qorti tirrileva li, fid-dritt Sloven, tali perijodi huma esklużi mill-ħin tax-xogħol, bl-istess mod bħall-perijodi li matulhom suldat għandu jibqa’ fid-dar tiegħu, u li l-istess livell ta’ remunerazzjoni huwa previst għal dawn iż-żewġ perijodi, li ma huwiex, skont l-imsemmija qorti, konformi mad-Direttiva 2003/88.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2003/88] japplika wkoll għall-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tad-difiża u għall-militari li jagħmlu xogħol tal-għassa fi żmien ta’ paċi?

(2)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2003/88] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-perijodi ta’ stand‑by tal-ħaddiema li jaħdmu fl-armata, imwettqa fuq il-post tax-xogħol jew f’post determinat (iżda mhux id-dar) u l-preżenza tal-militari li jaħdmu fil-qasam tad-difiża f’perijodi ta’ għassa, meta dawn il-militari ma jwettqux xogħol effettiv, iżda għandhom ikunu fiżikament preżenti fil-kwartier tas-suldati, ma humiex inklużi fil-ħin tax-xogħol?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

29

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiddetermina jekk ċerti perijodi li matulhom kemm is-suldati kif ukoll il-persunal ċivili attiv fil-qasam tad-difiża għandhom jibqgħu għad-dispożizzjoni tas-superjuri tagħhom fil-każ ta’ bżonn jistgħux jitqiesu bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

30

Issa, huwa stabbilit li l-kawża prinċipali tikkonċerna biss suldat. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn jirrigwardaw is-sitwazzjoni tal-persunal ċivili attiv fil-qasam tad-difiża, id-domandi preliminari ma għandhom ebda relazzjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali u huma, għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, inammissibbli (sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ewwel domanda

31

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan il-kuntest, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, kif titlob il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 huwiex applikabbli għal attività ta’ għassa żgurata minn suldat fi żmien ta’ paċi, bħax-“xogħol ta’ għassa” imwettaq minn B. K. fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat jekk tali attività taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li huwa stabbilit mhux mill-Artikolu 2 tagħha iżda mill-Artikolu 1(3) tagħha.

33

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, sa fejn din it-tilwima tikkonċerna suldat, għandu jiġi eżaminat, preliminarjament, jekk, kif sostnew il-Gvern Franċiż u l-Gvern Spanjol, id-dritt tal-Unjoni huwiex intiż sabiex jirregola l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tas-suldati għar-raġuni li din l-organizzazzjoni taqa’ taħt il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati tal-Istati Membri, li huma, min-natura tagħhom stess, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, konformement mal-Artikolu 4(2) TUE.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li għandha quddiemha, l-ewwel domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid u għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tagħha, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ għassa eżerċitata minn suldat fi żmien ta’ paċi hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

35

Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 4(2) TUE jimponix l-esklużjoni tal-membri kollha tal-forzi armati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tar-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

36

Skont dan l-Artikolu 4(2), l-Unjoni għandha tirrispetta, minn naħa, l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jiżguraw l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. Din l-istess dispożizzjoni tippreċiża li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kompiti prinċipali tal-forzi armati tal-Istati Membri, li huma l-preżervazzjoni tal-integrità territorjali u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, jinsabu espliċitament fost il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat li l-Unjoni għandha tosserva, skont l-Artikolu 4(2) TUE.

38

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-għażliet ta’ organizzazzjoni militari tal-Istati Membri li għandhom bħala għan id-difiża tat-territorju tagħhom jew tal-interessi essenzjali tagħhom ma humiex irregolati, bħala tali, mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Dory, C‑186/01, EU:C:2003:146, punt 35).

39

Dan ingħad, mir-rispett dovut mill-Unjoni għall-funzjonijiet essenzjali tal-Istat, stabbilit fl-Artikolu 4(2) TUE, ma jirriżultax li d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar l-organizzazzjoni tal-forzi armati tagħhom ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jkunu inkwistjoni regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

40

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li huma l-Istati Membri biss li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali ta’ sigurtà tagħhom u jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, inklużi d-deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-forzi armati tagħhom, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali ttieħdet għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ma jistax jimplika l-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri mill-osservazzjoni neċessarja ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar, C‑273/97, EU:C:1999:523, punt 15; tal‑11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C‑285/98, EU:C:2000:2, punt 15; kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess għandu japplika għall-miżuri nazzjonali adottati għall-finijiet tal-protezzjoni tal-integrità territorjali ta’ Stat Membru.

41

Barra minn hekk, bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-affermazzjoni ma hijiex kontradetta mis-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Dory (C‑186/01, EU:C:2003:146).

42

Fil-fatt, filwaqt li l-istabbiliment ta’ servizz militari obbligatorju, li kien inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ma jikkostitwixxix kwistjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija qasam li ġie armonizzat, skont l-Artikolu 153(2) TFUE, permezz tad-Direttiva 2003/88.

43

Madankollu, għalkemm ir-rispett dovut mill-Unjoni għall-funzjonijiet essenzjali tal-Istat ma jimplikax li l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tas-suldati tiġi kompletament eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 4(2) TUE jirrikjedi li l-applikazzjoni għas-suldati tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar din l-organizzazzjoni ma tkunx ta’ natura li tostakola t-twettiq korrett ta’ dawn il-funzjonijiet essenzjali. Għaldaqstant, dawn ir-regoli ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jipprekludu lill-forzi armati milli jwettqu l-missjonijiet tagħhom u li, konsegwentement, jippreġudikaw il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat li huma l-preżervazzjoni tal-integrità territorjali tiegħu u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

44

Minn dan isegwi li l-karatteristiċi speċifiċi li kull Stat Membru jagħti lill-funzjonament tal-forzi armati tiegħu għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni mid-dritt tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk dawn il-karatteristiċi speċifiċi jirriżultawx, inter alia, mir-responsabbiltajiet internazzjonali partikolari assunti minn dan l-Istat Membru, mill-kunflitti jew mit-theddid li jaffaċċja, jew ukoll mill-kuntest ġeopolitiku li fih dan l-Istat jevolvi.

45

Għalhekk, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, ta’ dawk dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ma tistax tipprekludi t-twettiq tal-missjonijiet speċifiċi li kull Stat Membru jafda, fid-dawl tar-restrizzjonijiet u tar-responsabbiltajiet tiegħu stess, lill-forzi armati tiegħu, sabiex jippreżerva l-integrità territorjali tiegħu jew jissalvagwardja s-sigurtà nazzjonali tiegħu.

46

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 4(2) TUE ma għandux l-effett li jeskludi l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tas-suldati kollha mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

47

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol tal-ħaddiema permezz tal‑approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar, b’mod partikolari, it-tul tal‑ħinijiet ta’ xogħol. Din l-armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tara li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ mistrieħ xierqa, u billi tipprevedi limitu massimu għat-tul tax-xogħol fil-ġimgħa (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand‑by f’post imbiegħed)C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 jippreċiżaw id-dritt fundamentali għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan tal-aħħar (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti, C‑585/19, EU:C:2021:210, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva b’detriment tad-drittijiet li l-ħaddiem jislet minn din id-direttiva (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand‑by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, il-kunċett ta’ “ħaddiem” għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol fid-dawl tad-drittijiet u tad-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija ċ-ċirkustanza li persuna twettaq, għal ċertu żmien, lil persuna oħra u taħt l-istruzzjonijiet tagħha, servizzi li bħala korrispettiv tagħhom hija tirċievi remunerazzjoni. Minn dan isegwi li relazzjoni ta’ xogħol teħtieġ l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah. L-eżistenza ta’ tali rabta għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari abbażi tal-elementi kollha u abbażi taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanța et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punti 4142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, huwa stabbilit li, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, B. K. kien jirċievi remunerazzjoni u kien jinsab, fil-kwalità tiegħu ta’ sottouffiċjal tal-armata Slovena, f’rabta ta’ subordinazzjoni fil-konfront tal-persuna li timpjegah, fis-sens tal-punt preċedenti. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2003/88 tista’, a priori, tiġi applikata għas-sitwazzjoni tiegħu.

51

Fit-tielet lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet tal-forzi armati b’mod ġenerali jew, tal-inqas, uħud minnhom għandhomx jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 skont l-Artikolu 1(3) tagħha, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE.

52

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’riferiment għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391. Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva tal-aħħar, din tapplika għas-“setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati”.

53

Madankollu, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li din ma tapplikax meta karatteristiċi partikolari inerenti għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku, b’mod partikolari fil-forzi armati, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi ta’ protezzjoni ċivili, jipprekludu din l-applikazzjoni b’mod inevitabbli, u jippreċiża, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li, f’tali każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom jiġu żgurati, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

54

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet tal-forzi armati b’mod ġenerali jew, tal-inqas, uħud minnhom għandhomx jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 għar-raġuni li dawn jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, billi tittieħed debitament inkunsiderazzjoni n-neċessità li l-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE.

55

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 għandu jingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tiegħu għal dak li huwa strettament neċessarju għall-protezzjoni tal-interessi li huwa jippermetti lill-Istati Membri li jipproteġu (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 54, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség, C‑211/19, EU:C:2020:344, punt 32).

56

Barra minn hekk, il-kriterju użat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 sabiex jiġu esklużi ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, minn dak tad-Direttiva 2003/88, ma huwiex ibbażat fuq il-fatt li l-ħaddiema jkunu jappartjenu lil wieħed mis-setturi tas-servizz pubbliku msemmija f’din id-dispożizzjoni, ikkunsidrat b’mod ġenerali, iżda huwa bbażat esklużivament fuq in-natura speċifika ta’ ċerti missjonijiet partikolari eżerċitati mill-ħaddiema tas-setturi msemmija minn din id-dispożizzjoni, natura li tiġġustifika eċċezzjoni mir-regoli dwar il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, minħabba n-neċessità assoluta li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-komunità (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fost il-karatteristiċi partikolari inerenti għal dawn l-attivitajiet speċifiċi li jiġġustifikaw, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, eċċezzjoni għar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, hemm il-fatt li dawn l-attivitajiet, min-natura tagħhom stess, ma humiex tali li jippermettu ppjanar tal-ħin tax-xogħol (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jippermetti li titħares l-effettività tal-attivitajiet speċifiċi tal-funzjoni pubblika li l-kontinwità tagħhom hija indispensabbli sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat. Dan ir-rekwiżit ta’ kontinwità għandu jiġi evalwat fid-dawl tan-natura speċifika tal-attività kkunsidrata (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanța et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punti 6566 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ kontinwità tas-servizzi attivi fl-oqsma tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà pubblika u tal-ordni pubbliku ma jipprekludix li, meta jitwettqu f’kundizzjonijiet normali, l-attivitajiet ta’ dawn is-servizzi jistgħu jiġu organizzati, inkluż fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol tal-impjegati tagħhom, b’tali mod li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 tapplika għal tali servizzi biss f’ċirkustanzi ta’ gravità u ta’ portata eċċezzjonali, bħal katastrofi naturali jew teknoloġiċi, attentati jew aċċidenti kbar, li jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri indispensabbli għall-protezzjoni tal-ħajja, tas-saħħa kif ukoll tas-sigurtà tal-komunità, u li l-eżekuzzjoni tajba tagħhom tkun kompromessa jekk ir-regoli kollha stipulati mid-Direttiva 2003/88 kellhom jiġu osservati. F’tali każijiet, għandha tiġi rrikonoxxuta prijorità assoluta għall-għan ta’ protezzjoni tal-popolazzjoni, għad-detriment tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li b’mod provviżorju jistgħu ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fi ħdan l-imsemmija servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 67, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség, C‑211/19, EU:C:2020:344, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċerti attivitajiet partikolari tas-servizz pubbliku għandhom, anki meta jiġu eżerċitati f’kundizzjonijiet normali, karatteristiċi tant speċifiċi li n-natura tagħhom tipprekludi, b’mod inevitabbli, ippjanar tal-ħin tax-xogħol li josserva r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2003/88 (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanța et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 68).

61

Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ tal-attivitajiet li, sabiex jissodisfaw b’mod effikaċi l-għan ta’ interess ġenerali li huwa assenjat lilhom, jistgħu jiġu eżerċitati biss b’mod kontinwu u mill-istess ħaddiem wieħed, mingħajr ma jkun possibbli li tiġi stabbilita sistema ta’ rotazzjoni li tippermetti li jingħata, b’intervalli regolari, lill-imsemmi ħaddiem, id-dritt għal sigħat jew għal ġranet ta’ mistrieħ wara li jkun wettaq ċertu numru ta’ sigħat jew ġranet ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punti 70 sa 74, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség, C‑211/19, EU:C:2020:344, punti 4344).

62

Tali attivitajiet għandhom jiġu kompletament esklużi, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

63

F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat sa fejn il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 57 sa 61 ta’ din is-sentenza hija applikabbli għall-attivitajiet tal-membri tal-forzi armati, peress li, kif ġie enfasizzat fil-punti 43 u 45 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi żgurat li l-applikazzjoni għalihom tad-Direttiva 2003/88 ma taffettwax it-twettiq tajjeb tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE.

64

F’dan ir-rigward, għandu, l-ewwel, jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-membri tal-forzi armati tal-Istati Membri huma esklużi, fl-intier tagħhom u b’mod permanenti, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

65

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 55, 56 u 58 ta’ din is-sentenza, għalkemm huwa intiż sabiex jippreżerva l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u ma għandux l-għan li joħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, konsegwentement, dak tad-Direttiva 2003/88, ċerti setturi tas-servizz pubbliku, ikkunsidrati fil-globalità tagħhom, iżda biss ċerti kategoriji ta’ attivitajiet f’dawn is-setturi, minħabba n-natura speċifika tagħhom.

66

Issa, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 ma jistax jiġġustifika l-esklużjoni integrali tal-persunal mhux ċivili tal-amministrazzjonijiet pubbliċi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑132/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:18, punti 30 sa 40).

67

Mill-bqija, u bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eċċezzjonijiet speċifiċi fir-rigward tas-suldati, li huma espressament previsti kemm fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 89/656 kif ukoll fl-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2013/35, kienu jkunu inutli li kieku l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 kien eskluda, b’mod ġenerali, il-membri tal-forzi armati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tal-aħħar. Fil-fatt, dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) jiddetermina wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 89/656 u 2013/35, bħalma jirriżulta, rispettivament, mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 89/656 u mill-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2013/35.

68

Min-naħa l-oħra, bħalma rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 82 u 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jitqies li l-attivitajiet kollha eżerċitati mis-suldati għandhom karatteristiċi tali li jipprekludu kull ippjanar tal-ħin tax-xogħol li josserva r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2003/88.

69

Għall-kuntrarju, ċerti attivitajiet li jistgħu jiġu eżerċitati mill-membri tal-forzi armati, bħal dawk marbuta b’mod partikolari ma’ servizzi ta’ amministrazzjoni, ta’ manutenzjoni, ta’ tiswija, ta’ saħħa, ta’ żamma tal-ordni jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reati, ma jistgħux jiġu esklużi, fl-intier tagħhom, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

70

Fil-fatt, huwa stabbilit li tali attivitajiet jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta dawn jiġu eżerċitati, f’kundizzjonijiet simili, minn ħaddiema tas-servizz pubbliku li ma għandhomx l-istatus ta’ suldat.

71

Issa, għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 tapplika, bl-istess mod, għall-ħaddiema kollha li jeżerċitaw attivitajiet speċifiċi identiċi fis-servizz tal-komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 59).

72

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li kull suldat huwa suġġett għal rekwiżit ta’ disponibbiltà ta’ natura tali li huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jiġi pproġettat għal xogħol f’terminu qasir ħafna, l-applikazzjoni għal dan is-suldat tar-regoli previsti mid-Direttiva 2003/88, matul l-attivitajiet imsemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, madankollu ma hijiex ta’ natura li tipprekludi l-osservanza effettiva ta’ tali rekwiżit ta’ disponibbiltà, tal-inqas sakemm dawn l-attivitajiet ma jiġux eżerċitati fil-kuntest ta’ operazzjoni militari, inkluż immedjatament matul il-preparazzjoni tagħha.

73

Dan ingħad, it-tieni, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta l-membri tal-forzi armati jaffaċċjaw ċirkustanzi ta’ gravità u ta’ portata eċċezzjonali, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, l-attivitajiet tagħhom huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, skont l-Artikolu 1(3) tagħha, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391.

74

Dan japplika għalhekk meta, fid-dawl tal-gravità u tal-portata taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, ikun jidher li huwa impossibbli li tiġi protetta l-popolazzjoni filwaqt li jiġu organizzati l-attivitajiet tal-forzi armati b’tali mod li kull wieħed mill-membri tagħhom ikun jista’ jibbenefika mill-garanziji previsti mid-Direttiva 2003/88 fil-qasam tal-ħin tax-xogħol u tal-ħin ta’ mistrieħ, b’mod partikolari permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rotazzjoni tal-persunal (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti RendőrségC‑211/19, EU:C:2020:344, punti 47 sa 50).

75

Madankollu, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza jista’ jiġi dedott li ċerti kategoriji ta’ attivitajiet militari joħorġu, fl-intier tagħhom, ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, meta dawn l-attivitajiet ikunu tant speċifiċi li jipprekludu b’mod vinkolanti u permanenti l-osservanza tar-rekwiżiti imposti minn din id-direttiva.

76

Dan huwa l-każ tal-attivitajiet eżerċitati minn membri tal-forzi armati li, minħabba l-kwalifiki għolja tagħhom jew in-natura estremament sensittiva tal-kompiti assenjati lilhom, huwa diffiċli ħafna li jiġu ssostitwiti minn membri oħra tal-forzi armati, permezz ta’ sistema ta’ rotazzjoni li tippermetti li tiġi żgurata kemm l-osservanza tal-perijodi massimi ta’ xogħol kif ukoll perijodi ta’ mistrieħ previsti mid-Direttiva 2003/88 kif ukoll it-twettiq tajjeb tal-missjonijiet essenzjali mogħtija lilhom.

77

It-tielet, għandu jiġi rrilevat li s-suldati kollha msejħa sabiex jgħinu għall-operazzjonijiet li jimplikaw impenn militari tal-forzi armati ta’ Stat Membru, kemm jekk dawn jintbagħtu, b’mod permanenti jew okkażjonali, ġewwa l-fruntieri tiegħu jew barra minnhom, jeżerċitaw attività li, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, u fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, għandha, min-natura tagħha stess, tiġi eskluża, fit-totalità tagħha, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

78

Fil-fatt, l-osservanza tar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2003/88 matul dawn l-operazzjonijiet toħloq riskju kunsiderevoli għas-suċċess tagħhom, suċċess li jippreżumi li jkun jista’ jintalab impenn totali, matul perijodi twal, tal-membri tal-forzi armati involuti, u, konsegwentement, għat-twettiq tajjeb tal-funzjonijiet essenzjali ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jew ta’ preżervazzjoni tal-integrità territorjali tal-Istati Membri.

79

F’dan il-kuntest, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-interdipendenza eventwali li teżisti mhux biss bejn l-imsemmija operazzjonijiet, iżda wkoll bejniethom u attivitajiet oħra eżerċitati mill-membri tal-forzi armati, li għalihom l-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-direttiva, billi timponi fuq l-awtoritajiet ikkonċernati li jistabbilixxu sistema ta’ rotazzjoni jew ta’ ppjanar tal-ħin tax-xogħol, tista’ ssir biss għad-detriment ta’ dawn l-istess operazzjonijiet, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(2) TUE. Għaldaqstant, jekk dan jirriżulta neċessarju għat-twettiq tajjeb tal-operazzjonijiet militari nnifishom, ma jistax jiġi eskluż li ċerti attivitajiet tal-forzi armati li ma jkunux relatati direttament magħhom jaqgħu wkoll, għat-tul ta’ dawn l-operazzjonijiet, ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

80

Barra minn hekk, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, u fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, jimponi madankollu li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 l-attivitajiet kollha li jaqgħu jew taħt it-taħriġ inizjali tas-suldati, li miegħu għandu jiġi assimilat is-servizz militari obbligatorju, jew taħriġ operazzjonali li għalih il-membri tal-forzi armati huma, sussegwentement, regolarment imġiegħla.

81

Fil-fatt, bħalma rrileva l-Gvern Franċiż, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja operattiva tal-forzi armati, is-suldati għandhom ikunu jistgħu jaffaċċjaw, matul it-taħriġ inizjali tagħhom u t-taħriġ operattiv tagħhom, sitwazzjonijiet li jippermettu li jiġu riprodotti l-iktar qrib il-kundizzjonijiet, inklużi dawk l-iktar estremi, li fihom jitwettqu l-operazzjonijiet militari nnifishom. Issa, tali għan leġittimu ma jistax jintlaħaq jekk ir-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, previsti mid-Direttiva 2003/88, kellhom jiġu osservati matul dan it-taħriġ inizjali u dan it-taħriġ operattiv.

82

Barra minn hekk, billi jimponu fuq is-suldati tali rekwiżiti ta’ formazzjoni u ta’ taħriġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawn is-suldati jkunu protetti aħjar matul l-operazzjonijiet tal-forzi armati nnifishom, sa fejn dawn ir-rekwiżiti jippermettulhom jakkwistaw u jżommu livell għoli ta’ reżistenza quddiem kundizzjonijiet tal-ħajja degradanti.

83

Iċ-ċirkustanza li t-taħriġ inizjali, it-taħriġ operattiv u l-operazzjonijiet militari nnifishom iseħħu fi żmien ta’ paċi ma hijiex ta’ natura li tinvalida l-konklużjoni skont liema dawn l-attivitajiet għandhom jiġu esklużi b’mod sħiħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, il-missjonijiet li huma assunti mill-forzi armati sabiex tiġi żgurata l-preżervazzjoni tas-sigurtà nazzjonali u l-integrità tat-territorju għandhom ikunu jistgħu jitwettqu b’mod sħiħ, anki fi żmien ta’ paċi.

84

Għandu jiżdied li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà unika ta’ kull wieħed mill-Istati Membri, fid-dawl, b’mod partikolari, tat-theddid li huwa jaffaċċja, tar-responsabbiltajiet internazzjonali rispettivi tiegħu jew tal-kuntest ġeopolitiku speċifiku li fih huwa jevolvi, li jwettaq l-operazzjonijiet militari li huwa jqis xierqa u li tiġi ddeterminata l-intensità tat-taħriġ inizjali u tat-taħriġ operattiv li huwa jqis utli għat-twettiq tajjeb tal-imsemmija operazzjonijiet, mingħajr ma huwa prevedibbli stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, peress li tali kwistjonijiet għandhom jitqiesu li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħalma ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

85

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-attività ta’ għassa żgurata minn B. K. taqax taħt waħda mill-ipoteżijiet imsemmija fil-punti 73 sa 83 ta’ din is-sentenza. Fin-negattiv, din l-attività għandha titqies bħala li hija suġġetta għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż, fid-dawl tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dik il-qorti tista’ tqis li l-attività ta’ għassa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi operazzjoni militari nnifisha, b’tali mod li hija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

86

Fl-aħħar, għandu jiġi ppreċiżat li, anki meta suldati jeżerċitaw attivitajiet li jaqgħu kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, din tinkludi, kuntrarjament għal dak li jargumenta l-Gvern Franċiż, eċċezzjonijiet għad-drittijiet li hija tistabbilixxi, li jistgħu jiġu invokati mill-Istati Membri fil-konfront ta’ dawn is-suldati.

87

Fi kwalunkwe każ, l-istess japplika għall-Artikolu 17(3)(b) u (ċ) tal-imsemmija direttiva, li jippermetti, essenzjalment, li ssir deroga, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 tagħha, kemm għall-attivitajiet ta’ għassa, ta’ sorveljanza u ta’ permanenza kkaratterizzati min-neċessità li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-oġġetti u tal-persuni kif ukoll għal-attivitajiet ikkaratterizzati min-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz jew tal-produzzjoni.

88

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li attività ta’ għassa eżerċitata minn suldat hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva:

jew meta din l-attività sseħħ fil-kuntest tat-taħriġ inizjali tiegħu, ta’ taħriġ operattiv jew ta’ operazzjoni militari nnifisha,

jew meta din tikkostitwixxi attività tant partikolari li ma tistax tkun suġġetta għal sistema ta’ rotazzjoni tal-persunal li tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva,

jew meta jidher, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li din l-attività titwettaq fil-kuntest ta’ avvenimenti eċċezzjonali, li l-gravità u l-portata tagħhom jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri indispensabbli għall-protezzjoni tal-ħajja, tas-saħħa kif ukoll tas-sigurtà tal-komunità u li l-eżekuzzjoni tajba tagħhom tkun kompromessa kieku r-regoli kollha stabbiliti mill-imsemmija direttiva kellhom jiġu osservati,

jew meta l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għal tali attività, billi timponi fuq l-awtoritajiet ikkonċernati li jistabbilixxu sistema ta’ rotazzjoni jew ta’ ppjanar tal-ħin tax-xogħol, tista’ ssir biss għad-detriment tat-twettiq tajjeb tal-operazzjonijiet militari nnifishom.

Fuq it-tieni domanda

89

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-espressjoni “perijodu ta’ għassa” ser tintuża sabiex jiġu indikati l-perijodi kollha li matulhom is-suldat, waqt l-attività ta’ għassa tiegħu, jibqa’ biss għad-dispożizzjoni tas-superjuri tiegħu, mingħajr ma effettivament jeżerċita attività ta’ sorveljanza.

90

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-kawża prinċipali tikkonċerna esklużivament ir-remunerazzjoni, bħala sahra, tal-perijodi on‑call imwettqa minn B. K.

91

Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandha tiġi fformulata mill-ġdid it-tieni domanda u li jiġi kkunsidrat li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi li perijodu ta’ għassa li matulu s-suldat huwa obbligat jibqa’ fi ħdan il-kwartieri fejn huwa assenjat iżda ma jwettaqx xogħol effettiv hemmhekk jitqies li huwa ħin tax-xogħol, għall-finijiet tal-iffissar tar-remunerazzjoni dovuta lil dan is-suldat għal tali perijodu.

92

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li r-risposta għal din id-domanda ser tkun rilevanti għall-kawża prinċipali biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-attività ta’ għassa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

93

Bil-benefiċċji ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, il-perijodi on‑call kollha li matulhom ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem huma ta’ natura tali li jaffettwaw b’mod oġġettiv u sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà, għal dan tal-aħħar, li jiġġestixxi liberament, matul dawn il-perijodi, il-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba u sabiex jiddedika dan il-ħin għall-interessi rispettivi tiegħu. Għall-kuntrarju, meta r-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem matul perijodu on‑call partikolari ma jilħqux tali livell ta’ intensità u jippermettulu jiġġestixxi l-ħin tiegħu u jiddedika ruħu għall-interessi rispettivi tiegħu mingħajr restrizzjonijiet kbar, huwa biss il-ħin marbut mal-prestazzjoni ta’ xogħol li huwa, jekk ikun il-każ, effettivament imwettaq matul tali perijodu li jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand‑by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punti 3738 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Fir-rigward tal-perijodi on‑call imwettqa f’postijiet tax-xogħol li, bħal f’dan il-każ, ma humiex id-dar tal-ħaddiem, il-fattur determinanti sabiex jiġi kkunsidrat li l-elementi karatteristiċi tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, huma preżenti huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa marbut li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li joqgħod għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar sabiex ikun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu immedjatament f’każ ta’ bżonn, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-post tax-xogħol għandu jinftiehem bħala kull post li fih il-ħaddiem jiġi msejjaħ jeżerċita attività fuq l-ordni tal-persuna li timpjegah, inkluż meta dan il-post ma huwiex il-post fejn huwa jeżerċita abitwalment l-attività professjonali tiegħu. Peress li matul tali perijodu on‑call, il-ħaddiem għandu jibqa’ mbiegħed mill-ambjent soċjali u tal-familja tiegħu u jibbenefika minn flessibbiltà żgħira sabiex jiġġestixxi l-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba, dan kollu għandu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-direttiva, indipendentement mis-servizzi ta’ xogħol realment imwettqa mill-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand‑by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punti 33 sa 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, jekk jitqies li d-Direttiva 2003/88 tapplika hawnhekk, perijodu on‑call impost fuq suldat li jimplika l-preżenza kontinwa tiegħu fuq il-post tax-xogħol tiegħu għandu jitqies li huwa ħin tax-xogħol, fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, meta dan il-post tax-xogħol ma huwiex id-dar tiegħu.

96

Fit-tieni lok, għandu madankollu jitfakkar li, ħlief għal eċċezzjoni fir-rigward tal-ipoteżi partikolari tal-leave annwali mħallas, prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva tirregola biss ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol bl-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, b’tali mod li, bħala prinċipju, din ma hijiex applikabbli għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand‑by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Għaldaqstant, il-metodu ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema għall-perijodi on‑call li huma jwettqu ma jaqax taħt id-Direttiva 2003/88 iżda taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali. Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol jew ta’ deċiżjoni ta’ persuna li timpjega li, għall-finijiet tar-remunerazzjoni ta’ servizz on‑call, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod differenti l-perijodi li matulhom effettivament jitwettqu servizzi ta’ xogħol u dawk li matulhom ebda xogħol effettiv ma jitwettaq, anki meta dawn il-perijodi għandhom jitqiesu, fl-intier tagħhom, bħala “ħin tax-xogħol” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand‑by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li perijodu on‑call li matulu suldat huwa obbligat jibqa’ fi ħdan il-kwartieri fejn huwa assenjat iżda ma jwettaqx xogħol effettiv jiġi rremunerat b’mod differenti minn perijodu on‑call li matulu huwa jwettaq xogħol effettiv.

Fuq l-ispejjeż

99

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li attività ta’ għassa eżerċitata minn suldat hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva:

jew meta din l-attività sseħħ fil-kuntest tat-taħriġ inizjali tiegħu, ta’ taħriġ operattiv jew ta’ operazzjoni militari nnifisha,

jew meta din tikkostitwixxi attività tant partikolari li ma tistax tkun suġġetta għal sistema ta’ rotazzjoni tal-persunal li tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva,

jew meta jidher, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li din l-attività titwettaq fil-kuntest ta’ avvenimenti eċċezzjonali, li l-gravità u l-portata tagħhom jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri indispensabbli għall-protezzjoni tal-ħajja, tas-saħħa kif ukoll tas-sigurtà tal-komunità u li l-eżekuzzjoni tajba tagħhom tkun kompromessa kieku r-regoli kollha stabbiliti mill-imsemmija direttiva kellhom jiġu osservati,

jew meta l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għal tali attività, billi timponi fuq l-awtoritajiet ikkonċernati li jistabbilixxu sistema ta’ rotazzjoni jew ta’ ppjanar tal-ħin tax-xogħol, tista’ ssir biss għad-detriment tat-twettiq tajjeb tal-operazzjonijiet militari nnifishom.

 

2)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li perijodu on‑call li matulu suldat huwa obbligat jibqa’ fi ħdan il-kwartieri fejn huwa assenjat iżda ma jwettaqx xogħol effettiv jiġi rremunerat b’mod differenti minn perijodu on‑call li matulu huwa jwettaq xogħol effettiv.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.