KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit‑8 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑132/20

BN,

DM,

EN

vs

Getin Noble Bank S.A.,

intervenjent fil-kawża:

Rzecznik Praw Obywatelskich

(Talba għal deċiżjoni preliminari mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Kunċett ta’ ‘stabbilita bil-liġi’ – Indipendenza ġudizzjarja – Rilevanza tad-domandi – Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Tip ta’ evalwazzjoni – Proċedura għall-ħatra ta’ mħallef nazzjonali – Miżuri ta’ lustrazzjoni – Irremovabbiltà tal-imħallfin”

I. Introduzzjoni

1.

L-imħallfin kollha għall-forka!” Dan huwa l-parir ta’ filosfu u xjenzat politiku Ingliż li fakkar l-ex Gvernatur tal-Bank Nazzjonali Ċek meta mistoqsi dwar x’għandu jseħħ l-ewwel wara l-waqgħa tar-reġimi Komunisti sabiex issir trasformazzjoni legali u ġudizzjarja fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ( 2 ).

2.

L-umoriżmu sitwazzjonali li jirredikola affarijiet serji li jinsab ikkompressat f’din il-battuta qasira huwa x’aktarx mifhum l-aħjar minn dawk li kienu xhieda diretti ta’ trasformazzjonijiet soċjali kbar fi ħdan l-ex Bloc Komunista. Dawn il-persuni jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jivviżwalizzaw il-kuntrast komiku fejn grupp ta’ politiċi ġodda, li dalwaqt isiru t-trasformaturi soċjali li jmiss, jinġabru madwar konsulent li għadu jasal mill-Punent. Dawn kienu kollha fuq ix-xwiek sabiex jitgħallmu dwar ir-rimedju mirakoluż li għandu jiġi adottat fir-rigward tal-liġijiet u l-imħallfin. Kif seta’ xi ħadd iwassal ir-Rivoluzzjoni (tal-Bellus) bl-istess mod ġewwa l-karigi tal-ġudikatura Komunista? Madankollu, l-uniku parir irċevut kien battuta vagament divertenti. Anki jekk imneżżgħa mill-konnotazzjonijiet ta’ vjolenza tagħha u kkunsidrata sempliċement bħala suġġeriment għal tiġdid sħiħ tal-persunal ġudizzjarju, din tibqa’, fir-realtà kumplessa ta’ pajjiż Ewropew fl-aħħar tas-seklu 20 fuq l-għatba ta’ tranżizzjoni soċjali paċifika, ftit iktar minn ċajta li ma tantx tgħin.

3.

Evalwaw lill-imħallfin kollha!” Li tinstema’ din il-proposta ġejja minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea xi 30 sena wara, u kważi sittax-il sena wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni, jagħti sens pjuttost interessanti ta’ déjà vu. Madankollu, kuntrarjament għall-ħsibijiet personali ta’ ex uffiċjal għoli dwar il-perijodi passati ta’ tranżizzjoni, imsemmija bħala mod sabiex tiġi pprovduta introduzzjoni iktar interessanti għall-kontribut tiegħu għal Festschrifft li tonora mħallef illustri li pparteċipa f’dawn l-avvenimenti, l-evalwazzjoni proposta ta’ membri tal-ġudikatura ma hijiex, milli jidher, intenzjonata bħala umoriżmu li jirredikola affarijiet serji. Jidher li hija investigazzjoni serja dwar l-approċċi attwali u futuri tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) (tal-inqas ta’ xi membri tagħha), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

4.

F’din il-kawża, din il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ċirkustanzi relatati mal-ewwel ħatra ġudizzjarja ta’ mħallef fi Stat Membru, fi żmien meta dan l-Istat kien għadu ggvernat minn reġim antidemokratiku u qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat fl-Unjoni, u ż-żamma kontinwa ta’ dan l-imħallef fi ħdan il-ġudikatura ta’ dan l-Istat wara l-waqa’ tar-reġim Komunista, jistgħux illum iqanqlu dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef għall-għanijiet tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Permezz tad-domandi sussegwenti tagħha, dik il-qorti, essenzjalment, testendi l-istess domanda anki għal ħatriet ġudizzjarji sussegwenti fil-Polonja, bis-suġġeriment li kien hemm kwistjonijiet proċedurali oħra li seta’ kellhom impatt fuq dawn il-ħatriet. Jidher għalhekk li l-qorti tar-rinviju qiegħda fil-fatt tistaqsi dwar jekk tistax tibda twettaq proċess ta’ evalwazzjoni indiretta, fir-rigward tal-filtrazzjoni tal-appelli fuq punti ta’ liġi għall-qorti suprema nazzjonali, ta’ potenzjalment kull imħallef Pollakk maħtur qabel l‑2018, f’isem l-indipendenza ġudizzjarja żgurata skont id-dritt tal-Unjoni.

5.

Madankollu, hemm kwistjoni ta’ ammissibbiltà sinjifikattiva li tippreċedi dawn il-kwistjonijiet. Id-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża ġiet ippreżentata minn imħallef li l-ħatra reċenti tiegħu stess għall-kariga ġudizzjarja tiegħu hija kkontestata ħafna. Jingħad li kienet irregolari u vvizzjata bi ksur flagranti tad-dritt nazzjonali. Imħallef bħal dan, li jokkupa l-kariga ta’ mħallef uniku fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u jistħarreġ l-ammissibbiltà ta’ appelli miġjuba quddiem dan il-korp, huwa “qorti jew tribunal” għall-għanijiet tad-definizzjoni awtonoma ta’ tali korp skont l-Artikolu 267 TFUE?

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

6.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, “L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”.

7.

Skont l-Artikolu 267 TFUE, hija biss “qorti jew tribunal” ta’ Stat Membru li tista’ tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talba għal deċiżjoni preliminari.

8.

It-Titolu VI tal-Karta, intitolat “Ġustizzja”, jinkludi l-Artikolu 47 tagħha, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jipprovdi li ġej:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]

[…]”

9.

L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 3 ), kif emendata, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli. […]”

B.   Id-dritt nazzjonali

10.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Għall-għanijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjonijiet segwenti huma ta’ sinjifikat partikolari.

11.

Il-punt 4 tal-Artikolu 379 tal-Ustawa z dnia 17 listopada 1964 r. Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi tas‑17 ta’ Novembru 1964 – Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) jipprovdi li l-proċeduri jkunu invalidi meta, inter alia, il-kompożizzjoni tal-qorti tas-smigħ tal-kawża ma kinitx tosserva r-regolamenti legali rilevanti jew jekk is-smigħ ta’ kawża sar fil-preżenza ta’ mħallef li kien suġġett għal esklużjoni.

12.

Skont il-punt 3 tal-Artikolu 398 ta’ dan il-kodiċi, appell fuq punt ta’ liġi jkun aċċettat biss jekk, inter alia, id-deċiżjoni kkontestata tkun ngħatat fil-proċeduri li kienu invalidi.

13.

Skont l-Artikolu 39813 ta’ dan il-kodiċi, il-Qorti Suprema teżamina l-appell fuq punti ta’ liġi fi ħdan il-limiti tal-portata u tal-aggravji tal-appell. Madankollu, fi ħdan il-portata tal-appell, dik il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni ex officio l-invalidità tal-proċeduri ex officio.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi magħmula

14.

Fit‑3 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali ressqu azzjoni kontra l-konvenuta, Getin Noble Bank SA, quddiem is-Sąd Okręgowy w Świdnicy (il-Qorti Reġjonali ta’ Świdnica, il-Polonja). Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta għandha tiġi kkundannata tħallashom in solidum is-somma ta’ 175 107.10 zloty Pollakka (PLN) flimkien mal-interessi legali moratorji mid-data tal-preżentata tad-dikjarazzjoni tat-talba sad-data tal-pagament. Fit‑3 ta’ April 2008, il-partijiet ikkonkludew ftehim ta’ self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija (il-frank Svizzeru, iktar ’il quddiem “CHF”). Ir-rikorrenti invokaw in-natura inġusta tal-mekkaniżmu tal-indiċjar tas-self inkluż f’dan il-ftehim, kif ukoll dak tal-klawżola tal-pakkett ta’ assigurazzjoni fil-każ ta’ ċaħda li tiġi stabbilita ipoteka fl-ewwel tliet xhur tas-self.

15.

Fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Awwissu 2018, is-Sąd Okręgowy w Świdnicy (il-Qorti Reġjonali ta’ Świdnica) laqgħet parzjalment it-talbiet tar-rikorrenti. Din il-qorti ddikjarat li l-klawżoli kuntrattwali tal-ftehim tas-self ikkontestat li ppermettew lill-bank jiddetermina arbitrarjament ir-rata tal-kambju taċ-CHF bħala illegali. Hija tat ammont ta’ PLN 16 120.12 lir-rikorrenti in solidum flimkien mal-interessi legali moratorji.

16.

Dik is-sentenza ġiet appellata quddiem is-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław, il-Polonja). Fis-sentenza tagħha tat‑28 ta’ Frar 2019, dik il-qorti ċaħdet l-appelli tar-rikorrenti u kkonfermat il-konstatazzjonijiet fattwali u l-evalwazzjoni ġuridika magħmula fl-ewwel istanza.

17.

Ir-rikorrenti ressqu appell fuq punt ta’ liġi mis-sentenza appellata (iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”) quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fejn il-proċeduri attwalment jinsabu pendenti. Il-qorti tar-rinviju hija, fl-istadju attwali tal-proċeduri quddiemha, inkarigata sabiex tiddetermina l-ammissibbiltà tal-appell.

18.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li, skont l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-possibbiltà li jitressqu proċeduri (quddiem awtorità amministrattiva jew awtorità ġudizzjarja) sabiex jiġi ddeterminat jekk termini kuntrattwali humiex inġusti. Fil-Polonja, il-leġiżlatur nazzjonali ppreveda proċeduri ġudizzjarji f’dan ir-rigward. Konsegwentement, korp nazzjonali li jeżamina kawżi skont id-Direttiva 93/13 għandu – fil-fehma tal-qorti tar-rinviju – jissodisfa l-istandards tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi kkunsidrat “qorti”, kif żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li xi mħallfin, li l-indipendenza tagħhom tista’, fil-fehma tagħha, tiġi ddubitata, kienu parti mill-kompożizzjoni li tat is-sentenza kkontestata. Tlieta minnhom (l-Imħallef FO, l-Imħallef GP u l-Imħallef HK) ġew maħtura fil-kariga ta’ mħallef tal-Qorti tal-Appell b’ordnijiet tal-President tar-Repubblika tal-Polonja tat‑23 ta’ Jannar 1998, tat‑12 ta’ Marzu 2015 u tas‑16 ta’ April 2012, rispettivament. Dawn il-ħatriet ġew magħmula fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“KRS”) f’kompożizzjonijiet sussegwentement ikkunsidrati antikostituzzjonali mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja). Fis-sentenza tagħha t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-interpretazzjoni tat-terminu tal-kariga tal-membri tal-KRS eletti minn fost l-imħallfin tal-qrati ordinarji bħala wieħed ta’ natura individwali kienet inkompatibbli mal-Artikolu 187(3) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja ( 4 ). Problema oħra identifikata f’din is-sistema kienet, skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li r-riżoluzzjonijiet tal-KRS ma kellhomx għalfejn jiġu motivati u ma kinux suġġetti għal appell.

20.

Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li wieħed minn dawn it-tliet imħallfin, l-Imħallef FO, ġie maħtur, almenu fl-ewwel kariga ta’ dan l-imħallef, matul ir-reġim Komunista. Il-mod li bih l-imħallfin kienu jinħatru dak iż-żmien, u l-arranġamenti rigward is-superviżjoni tagħhom u l-possibbiltà ta’ tkeċċija, ma kinux josservaw – fil-fehma tal-qorti tar-rinviju – l-istandards ta’ Stat demokratiku suġġett għall-Istat tad-dritt. Il-qorti tar-rinviju hija wkoll tal-fehma li l-emendi introdotti fid-dritt Pollakk wara l‑1989 ma wasslux għall-iżvilupp ta’ strumenti effettivi għall-verifika ta’ ħatriet ġudizzjarji magħmula matul il-perijodu Komunista jew ta’ ksur potenzjali minn imħallfin tal-prinċipju tal-indipendenza.

21.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’A. K. et,, hijiex obbligata tivverifika l-indipendenza tal-imħallfin imsemmija iktar ’il fuq u, jekk iva, l-istandard li hija għandha tapplika f’dan ir-rigward.

22.

Għaldaqstant, peress li għandha dubji dwar kif għandhom jiġu interpretati u applikati l-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza tal-ġudikatura nazzjonali, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

L-Artikoli 2, 4(3), 6(1) u (3) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1)TUE moqrija flimkien mal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta] u mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 38 tal-Karta u l-Artikolu 7(1) u (2) tad-[Direttiva 93/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li korp li fih tokkupa kariga persuna maħtura għall-ewwel darba jew b’mod sussegwenti (f’qorti ta’ istanza ogħla) sabiex taqdi l-funzjoni ta’ mħallef minn korp eżekuttiv politiku tal-Istat f’sistema ta’ poter li tkun totalitarja, mhux demokratika u komunista (“Rada Państwa Polskiej Rzeczypospolitej Ludowej” [Il-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika Popolari tal-Polonja]) fuq talba tal-Ministru għall-Ġustizzja ta’ dan l-Istat, huwa qorti indipendenti u imparzjali u għandu l-kwalifiki rilevanti skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fid-dawl 1) tan-nuqqas ta’ trasparenza tal-kriterji ta’ ħatra, 2) tal-possibbiltà ta’ tkeċċija tal-imħallef fi kwalunkwe mument, 3) tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-korp awtonomu tal-ġudikatura fil-proċeduri ta’ ħatra, kif ukoll 4) tal-korpi pubbliċi rilevanti fformati f’elezzjonijiet demokratiċi – liema fatti jkunu jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-fiduċja li l-qrati għandhom jispiraw f’soċjetà demokratika?

(2)

Il-fatt li l-ħatra fil-kariga ta’ mħallef f’pożizzjonijiet sussegwenti (fi qrati ta’ istanzi ogħla) setgħet seħħet bħala r-riżultat tar-rikonoxximent tal-perijodu rilevanti (ta’ anzjanità) fis-servizz, kif ukoll fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni professjonali tal-pożizzjoni li għaliha din il-persuna nħatret mill-inqas għall-ewwel darba mill-korp politiku msemmi fl-ewwel domanda u fuq il-bażi tal-proċedura elenkata fl-imsemmija domanda – liema fatt ikun jista’ jqiegħed inkwistjoni l-fiduċja li l-qrati għandhom jispiraw f’soċjetà demokratika – huwa rilevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni ddeterminata fl-ewwel domanda?

(3)

Il-fatt li l-ħatra fil-kariga ta’ mħallef f’pożizzjonijiet sussegwenti (fi qrati ta’ istanzi ogħla bl-eċċezzjoni tas-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema]) ma kinitx tiddependi mill-ġurament tal-imħallef li josserva l-valuri ta’ soċjetà demokratika, u li fl-ewwel ħatra tagħha l-persuna tat il-wegħda li tiddefendi s-sistema politika tal-Istat komunista u l-“praworządność ludowa” (saltna tad-dritt tal-poplu) – liema fatt ikun jista’ jqiegħed inkwistjoni l-fiduċja li l-qrati għandhom jispiraw f’soċjetà demokratika – huwa rilevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni ddeterminata fl-ewwel domanda?

(4)

L-Artikoli 2, 4(3), 6(1) u (3) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1)TUE moqrija flimkien mal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 38 tal-Karta u l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li korp li fih tokkupa kariga persuna maħtura għall-ewwel darba jew b’mod sussegwenti (f’qorti ta’ istanza ogħla) sabiex taqdi l-funzjoni ta’ mħallef bi ksur flagranti tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tan-nuqqas ta’ konformità fil-kompożizzjoni tal-korp li jagħżel lil din il-persuna bħala kandidat u li sussegwentement tinħatar imħallef (Krajowa Rada Sądownictwa [il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja]) mal-kostituzzjoni tal-Istat Membru, kif ġie stabbilit mill-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea – liema fatt ikun jista’ konsegwentement iqiegħed inkwistjoni l-fiduċja li l-qrati għandhom jispiraw f’soċjetà demokratika – huwa qorti indipendenti u imparzjali u għandu l-kwalifiki rilevanti skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea?

(5)

L-Artikoli 2, 4(3), 6(1) u (3) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1)TUE moqrija flimkien mal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 38 tal-Karta u l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li korp li fih tokkupa kariga persuna maħtura għall-ewwel darba jew b’mod sussegwenti (f’qorti ta’ istanza ogħla) sabiex taqdi l-funzjoni ta’ mħallef magħżula bħala kandidat għal din il-kariga fi proċedimenti quddiem il-korp ta’ evalwazzjoni ta’ kandidati (Krajowa Rada Sądownictwa [il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura]), fejn dawn il-proċedimenti ma jissodisfawx il-kriterji ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza tar-regoli ta’ għażla ta’ kandidati – liema fatt ikun jista’ jqiegħed inkwistjoni l-fiduċja li l-qrati għandhom jispiraw f’soċjetà demokratika – huwa qorti indipendenti u imparzjali u għandu l-kwalifiki rilevanti skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea?

(6)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikoli 2, 4(3) kif ukoll l-Artikolu 6(3) TUE moqrija flimkien mal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 38 tal-Karta u l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva bil-għan li tipprevjeni użu sistematiku ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi minn bejjiegħa u fornituri ma’ konsumaturi, qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema]) hija meħtieġa tevalwa ex officio f’kull stadju tal-proċeduri, jekk:

a)

il-qorti msemmija fl-ewwel u fir-raba’ domandi tissodisfax il-kriterji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u jekk għandhiex il-kwalifiki rilevanti skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, irrispettivament mill-effett tal-evalwazzjoni tal-kriterji indikati fl-imsemmija domandi fuq il-kontenut tad-deċiżjoni dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u, barra minn hekk, jekk,

b)

il-proċedura quddiem il-qorti msemmija fl-ewwel u fir-raba’ domanda hijiex valida?

(7)

L-Artikoli 2, 6(1) u (3) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqrija flimkien mal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Karta u mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 38 tal-Karta u l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea dwar l-organizzazzjoni tal-qrati jew dwar il-ħatra tal-imħallfin li jipprekludu l-evalwazzjoni tal-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu, konformement mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jostakolaw il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-qorti jew tan-nuqqas ta’ imparzjalità tal-imħallef li jkun sedenti fiha minħabba ċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel sal-ħames domanda?”

23.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun is-suġġett ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24.

Permezz ta’ ordni tal-President tal-Qorti tat‑8 ta’ Frar 2020, it-talba tal-qorti tar-rinviju għal proċedura mħaffa ġiet miċħuda.

25.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja), il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ressqu wkoll argumenti orali fis-seduta li nżammet fit‑2 ta’ Marzu 2021.

IV. Analiżi

26.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju qajmet numru ta’ kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE (moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE) u l-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fehma tagħha, uħud mill-imħallfin li pparteċipaw fl-għoti tas-sentenza kkontestata jistgħu, minħabba l-proċedura li permezz tagħha ġew maħtura għall-ewwel darba għal kariga ġudizzjarja, jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżit tal-indipendenza li jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet.

27.

Bi żvolta interessanti, kważi Bibblika ( 5 ), l-Ombudsman, u sa ċertu punt inqas minn hekk, il-Kummissjoni, jiddubitaw mill-indipendenza tal-imħallef tar-rinviju nnifsu li, f’din il-kawża, huwa sedenti bħala kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku tal-qorti nazzjonali. B’mod partikolari, l-Ombudsman isostni li l-ħatra tal-imħallef tar-rinviju għal kariga ġudizzjarja kienet ivvizzjata minn ksur flagranti tad-dritt nazzjonali. Konsegwentement, mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżit tal-indipendenza, l-imħallef tar-rinviju ma jistax – fil-fehma tal-Ombudsman – jiġi kkunsidrat “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

28.

Jidher li hemm rabta komuni li tgħaqqad id-diversi kwistjonijiet ġuridiċi li ġew imqajma direttament (bid-domandi magħmula) jew indirettament (minħabba l-eċċezzjonijiet tal-inammissibbiltà) minn dawn il-proċeduri: l-indipendenza ġudizzjarja.

29.

Għalhekk, sejjer nibda dawn il-konklużjonijiet b’ċerti rimarki introduttorji rigward il-kunċett ta’ “indipendenza ġudizzjarja” fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (A). Imbagħad sejjer niddiskuti l-argumenti rigward l-allegata inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (B) u, wara li nikkonkludi favur l-ammissibbiltà, sejjer finalment indur għall-eżami tal-fondatezza tad-domandi magħmula (C).

A.   Id-dimensjonijiet tal-indipendenza ġudizzjarja: L-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 19(1) TUE

30.

L-indipendenza ġudizzjarja hija – bla dubju – komponent prinċipali tal-prinċipju tal-“Istat tad-dritt”. L-Artikolu 2 TUE jirrikonoxxi dan il-prinċipju bħala wieħed mill-“valuri fundamentali” tal-Unjoni. Ir-rekwiżit tal-indipendenza ġudizzjarja huwa stabbilit ukoll, anki jekk b’mod impliċitu, f’mhux inqas minn tliet dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni. L-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 19(1) TUE, u l-Artikolu 47 tal-Karta.

31.

It-tliet dispożizzjonijiet huma kollha invokati f’dawn il-proċeduri. Fil-fatt, kollha jidhru li huma prima facie applikabbli għal din il-kawża. Filwaqt li dan żgur ma jipprekludix dispożizzjonijiet oħra milli jkunu applikabbli fl-istess ħin, b’mod partikolari leġiżlazzjoni sekondarja settorjali li tinkludi wkoll dispożizzjonijiet iddedikati għall-protezzjoni ġudizzjarja ( 6 ), jew anki strumenti ta’ dritt sekondarju li huma espressament relatati mal-indipendenza ġudizzjarja ( 7 ), iċ-ċarezza dwar l-interkonnessjoni bejn dawn it-tliet dispożizzjonijiet prinċipali tat-Trattat dwar l-indipendenza ġudizzjarja hija fil-fatt essenzjali.

32.

L-ewwel, din it-talba ġiet imressqa taħt l-Artikolu 267 TFUE, li jippermetti lil kwalunkwe “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” jressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat konsistentement li, sabiex tiddetermina jekk korp li jagħmel rinviju huwiex “qorti jew tribunal” għall-għanijiet tal-Artikolu 267 TFUE, kriterju wieħed huwa jekk dan il-korp huwiex indipendenti. Dan jimplika, essenzjalment, li l-korp għandu jkun protett minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jqiegħdu fil-perikolu l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tiegħu fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemu ( 8 ).

33.

It-tieni, ir-rekwiżit li l-qrati u t-tribunali jkunu indipendenti jsegwi wkoll mill-Artikolu 47 tal-Karta, dispożizzjoni li tiżgura dritt suġġettiv għal rimedju effettiv u smigħ ġust għal kwalunkwe parti fil-proċeduri. F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li d-Direttiva 93/13, li hija materjalment applikabbli għal din il-kawża, tagħti dritt suġġettiv lir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali, u li għalhekk tiskatta l-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta.

34.

It-tielet, f’ġurisprudenza relattivament reċenti iżda llum stabbilita sew, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu rimedji suffiċjenti sabiex jiżguraw protezzjoni ġuridika effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 19(1) TUE, isegwi li għandha tiġi żgurata l-indipendenza ta’ kwalunkwe qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi f’dawn l-oqsma. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanzija tal-indipendenza hija inerenti għall-missjoni ta’ ġudikant ( 9 ). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi indikat li l-korp nazzjonali li ta s-sentenza kkontestata – is-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell, Wrocław) – huwa bla dubju qorti li tista’ tiddeċiedi fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

35.

Din il-“multiplikazzjoni” ta’ bażijiet legali fir-rigward tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja tirrifletti s-sinjifikat kostituzzjonali u n-natura trażversali tiegħu f’komunità bbażata fuq l-Istat tad-dritt. Madankollu, tista’ wkoll tkun l-oriġini ta’ ċerta konfużjoni. Wieħed jista’ jistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxux tipi differenti ta’ “indipendenza ġudizzjarja”, bil-konsegwenza li, pereżempju, qorti nazzjonali tista’ tkun indipendenti għall-għanijiet ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li ma tkunx indipendenti biżżejjed għal oħra.

36.

Kif spjegajt f’iktar dettall fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża WB et, dan ma huwiex il-każ: fid-dritt tal-Unjoni, hemm biss prinċipju wieħed tal-indipendenza ġudizzjarja ( 10 ). Madankollu, sa fejn it-tliet dispożizzjonijiet inkwistjoni (l-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 19(1) TUE) huma differenti f’termini tal-funzjoni u l-għan tagħhom, it-tip ta’ eżami li għandu jitwettaq sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja jista’ jkun differenti. B’mod partikolari, ivarjaw l-intensità tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju u l-limitu minimu sabiex jiġi identifikat ksur tiegħu ( 11 ).

37.

L-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri sabiex, inter alia, “jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva”. Hija, għaldaqstant, dispożizzjoni prinċipalment ikkonċernata bl-elementi strutturali u sistemiċi tal-qafas ġuridiku nazzjonali: dak li huwa rilevanti skont l-Artikolu 19(1) TUE, huwa jekk is-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru tosservax il-prinċipju tal-Istat tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 2 TUE. F’dan il-kuntest, jidhirli li l-elementi prinċipali għall-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma dawk li jikkonċernaw l-istruttura ġenerali istituzzjonali u kostituzzjonali tal-ġudikatura nazzjonali. Elementi relatati mal-kawża speċifika jistgħu sikwit ikunu illustrattivi għal kwistjoni iktar wiesgħa, iżda ma humiex minnhom innifishom konklużivi.

38.

Il-livell minimu għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni huwa pjuttost għoli. Fil-fatt, il-kwistjoni hija jekk il-problema (jew problemi) miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hijiex (jew humiex) x’aktarx li jheddu l-funzjonament xieraq tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, u għaldaqstant jipperikolaw il-kapaċità tal-Istat Membru inkwistjoni milli jipprovdi rimedji suffiċjenti lil individwi.

39.

L-Artikolu 19(1) TUE jinkludi rimedju straordinarju għal sitwazzjonijiet straordinarji. L-għan tiegħu ma huwiex li jaqbad il-kwistjonijiet kollha possibbli li jistgħu jqumu fir-rigward tal-ġudikatura nazzjonali, a fortiori każijiet ta’ żbalji fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali f’sistema ġuridika li mill-bqija hija b’saħħitha u li tosserva d-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 19(1) TUE jinkiser biss bi ksur ta’ ċertu serjetà u/jew ta’ natura sistemika, li s-sistema ġuridika interna x’aktarx ma toffrix rimedju adegwat għalih.

40.

L-Artikolu 47 tal-Karta huwa, min-naħa l-oħra, dispożizzjoni li tinkludi dritt suġġettiv ta’ kwalunkwe parti fil-proċeduri – għal rimedju effettiv u smigħ xieraq – li jidħol fis-seħħ meta kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 5(1) tal-Karta. Minn din il-perspettiva, il-verifika tal-“indipendenza” ta’ qorti, fil-kuntest tal-Artikolu 47 tal-Karta, teħtieġ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li huma speċifiċi għall-kawża inkwistjoni. Kwistjonijiet relatati ma’ xi karatteristika strutturali jew sistemika tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali huma rilevanti biss sa fejn dawn jista’ jkollhom impatt fuq il-proċeduri individwali.

41.

L-intensità tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-indipendenza tal-korp ġudizzjarju inkwistjoni hija, f’dan il-kuntest, moderata: mhux il-ksur kollu tad-dritt jammonta għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. Hija meħtieġa ċerta gravità għal dan l-għan. Madankollu, meta l-livell tal-gravità meħtieġ jintlaħaq, dan huwa biżżejjed sabiex jirriżulta fi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li ebda kundizzjoni oħra ma għandha tiġi ssodisfatta sabiex jiġi sostnut id-dritt individwali li joriġina mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, ma hemm ebda ħtieġa li l-ksur identifikat ikun ta’ natura sistemika jew li jkollu implikazzjonijiet lil hinn mill-kawża speċifika.

42.

Finalment, minkejja li huwa wkoll parti minn dan il-kuntest, l-Artikolu 267 TFUE għandu għan u skop differenti, li sejjer nindirizza fit-taqsima segwenti. Madankollu, il-punt prinċipali ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa li, minkejja li l-kunċett ta’ “indipendenza ġudizzjarja” fid-dritt tal-Unjoni huwa wieħed biss, il-fatturi preċiżi, ir-rilevanza, is-sinjifikat u l-piż relattiv tagħhom, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ kawża speċifika, loġikament sejrin ikunu differenti fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Unjoni li skontha tiġi invokata l-kwistjoni tal-indipendenza.

B.   L-ammissibbiltà

43.

Ġew imressqa numru ta’ argumenti fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Uħud jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk il-korp li ressaq din it-talba jistax jiġi kkunsidrat “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (1), filwaqt li oħrajn huma relatati mar-rilevanza tad-domandi magħmula (2). Dawn l-argumenti sejrin jiġu eżaminati wieħed wieħed.

1. Il-qorti tar-rinviju hija “qorti jew tribunal” għall-għanijiet tal-Artikolu 267 TFUE?

44.

L-Ombudsman iqajjem oġġezzjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fuq il-bażi tal-ħatra tal-imħallef li, sedenti fil-kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, ressaq id-domandi. B’mod partikolari, l-Ombudsman jindika li l-imħallef tar-rinviju nħatar fuq ordni tal-President tar-Repubblika, u li huwa aċċetta l-ħatra minkejja l-fatt li r-riżoluzzjoni rilevanti tal-KRS (tat‑28 ta’ Awwissu 2018) kienet ġiet provviżorjament sospiża min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) (digrieti tas‑27 ta’ Settembru 2018 u tat‑8 ta’ Ottubru 2018). Iktar minn hekk, l-Ombudsman jiddikjara li l-imħallef tar-rinviju eventwalment ġie maħtur biss wara li l-Ministru tal-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali Pollakk – li għalih dan l-imħallef kien diġà ħadem u li miegħu jżomm rabtiet b’saħħithom ħafna – intervjena personalment u, fil-fehma tal-Ombudsman, illegalment, fil-proċess sabiex jappoġġja l-ħatra tiegħu.

45.

Fuq din il-bażi, l-Ombudsman huwa tal-fehma li l-imħallef tar-rinviju ma għandux jiġi kkunsidrat “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. B’mod partikolari, l-Ombudsman jesprimi dubji dwar jekk il-korp tar-rinviju jistax, għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, jiġi kkunsidrat li huwa (i) qorti jew tribunal stabbilit bil-liġi, u li (ii) jissodisfa r-rekwiżit tal-indipendenza.

46.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll li l-imħallef tar-rinviju ġie maħtur f’ċirkustanzi – li huma s-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ) – li fihom jidher li kien hemm ksur flagranti tal-liġijiet ta’ Stat Membru applikabbli għall-ħatriet ġudizzjarji. Madankollu, il-Kummissjoni tidher li qiegħda tikkunsidra li, f’dan l-istadju, għadu ma ġiex stabbilit kompletament li l-imħallef tar-rinviju ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

47.

Naqbel mal-Kummissjoni rigward il-konklużjoni – dwar l-ammissibbiltà tat-talba – għalkemm għal raġunijiet differenti. Fil-fatt, ir-raġunijiet li jinsabu fil-bażi tal-konklużjoni tiegħi dwar dan il-punt ma humiex ta’ natura ċirkustanzjali, bħal dawk issuġġeriti mill-Kummissjoni, iżda iktar ta’ natura kunċettwali. It-tweġiba proposta tiegħi ftit għandha x’taqsam ma’ evalwazzjoni dwar jekk l-imħallef tar-rinviju stess ġiex maħtur b’mod xieraq, kwistjoni li dwarha għandi dubji serji. Minflok, fil-fehma tiegħi, l-analiżi dwar jekk il-kundizzjoni li jkun hemm “qorti jew tribunal” ġietx issodisfatta dejjem kienet, u għandha tibqa’ tkun, evalwata b’rabta mal-korp stess, u mhux mal-individwi li jokkupaw il-korp li għamel it-talba.

48.

Sabiex nistabbilixxi r-raġunament tiegħi għal din il-konklużjoni, sejjer nibda billi nidentifika l-approċċ tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dan l-eżami (a), imbagħad nissuġġerixxi għaliex nemmen li dan għandu jinżamm anki fid-dawl ta’ kawżi straordinarji bħal din (b).

a) Korp (indipendenti) u (stabbilit bil-liġi)

49.

Il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi ddefinit indipendentement minn denominazzjonijiet u kwalifikazzjonijiet taħt id-dritt nazzjonali. Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tradizzjonalment użat l-hekk imsejħa kriterji Dorsch: verifika dwar jekk il-korp tar-rinviju huwiex stabbilit bil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex obbligatorja, jekk il-proċeduri tiegħu humiex inter partes, jekk japplikax regoli tad-dritt, u jekk huwiex indipendenti u imparzjali ( 13 ).

50.

Fl-Artikolu 267 TFUE, il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” għandu natura funzjonali: iservi sabiex jidentifika l-korpi nazzjonali li – sa fejn jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji – jistgħu jsiru l-interlokuturi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ deċiżjoni preliminari. Din il-proċedura tikkostitwixxi l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati tal-Unjoni li, billi tistabbilixxi djalogu bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati u t-tribunali tal-Istati Membri, għandha l-għan li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati ( 14 ). Dan id-djalogu ġudizzjarju huwa ta’ sinjifikat kostituzzjonali peress li, kif huwa evidenti mill-Artikolu 19(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati u t-tribunali tal-Istati Membri t-tnejn jaġixxu, fl-oqsma rispettivi tagħhom tal-ġurisdizzjoni, bħala l-“gwardjani” tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 15 ).

51.

Għalhekk, sa fejn l-għan tal-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” huwa li ssir distinzjoni bejn korpi li jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja u korpi li jaġixxu f’kapaċità oħra, analiżi dwar jekk korp nazzjonali jissodisfax il-kriterji Dorsch għandha neċessarjament tkun iffokata fuq kwistjonijiet strutturali u istituzzjonali. Li huwa kruċjali, f’dan ir-rigward, hija n-natura, il-pożizzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-korp fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-Istat Membru ( 16 ).

52.

Min-naħa l-oħra, din l-analiżi qatt ma ġiet applikata sabiex jiġi vverifikat jekk individwi speċifiċi (wieħed jew iktar) li jappartjenu għal din l-istituzzjoni u li jkunu sedenti fil-kulleġġ ġudikanti tal-qorti li għamlet ir-rinviju jissodisfawx, kull wieħed minnhom individwalment, il-kriterji Dorsch. Il-fokalizzazzjoni dejjem kienet fuq il-korp ( 17 ) li jagħmel ir-rinviju, inkluż f’każijiet fejn dan il-korp kien kompost minn persuna waħda biss ( 18 ).

53.

L-istess japplika għall-verifika taż-żewġ kriterji Dorsch speċifiċi identifikati bħala possibbilment problematiċi fil-kuntest ta’ din il-kawża: qorti jew tribunal stabbiliti bil-liġi, kif ukoll l-indipendenza tagħhom.

54.

L-ewwel, rigward il-kriterju ta’ qorti jew tribunal “stabbiliti bil-liġi”, il-ġurisprudenza (li fil-fatt ma hijiex partikolarment rikka) tissuġġerixxi li, sabiex jiġi ssodisfatt dan il-kriterju, huwa l-korp tar-rinviju li lilu jappartjenu l-persuni speċifiċi li għamlu r-rinviju li għandu jkun previst mil-liġi ta’ Stat Membru. L-għan ta’ dan il-kriterju kien l-esklużjoni tal-ammissibbiltà ta’ rinviji minn korpi li kienu stabbiliti permezz ta’ kuntratti (speċjalment ċerti forom ta’ kulleġġi arbitrali) ( 19 ).

55.

Pereżempju, fis-sentenza influwenti Nordsee, il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat l-analiżi tagħha fuq il-bażi ġuridika għall-attività tal-korp tar-rinviju (tribunal tal-arbitraġġ stabbilit b’kuntratt bejn il-partijiet), u kkunsidrat li kellu natura mhux ġudizzjarja minħabba r-rabtiet dgħajfa bejn il-proċedura tal-arbitraġġ u s-sistema ta’ rimedji legali permezz ta’ qrati ordinarji tal-Istat Membru ( 20 ). Ġie segwit approċċ simili f’kawżi iktar reċenti fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat kwistjoni relatata man-natura attwali tal-funzjonijiet eżerċitati mill-korp tar-rinviju ( 21 ).

56.

Huwa minnu li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura tal-korp tar-rinviju, matul is-snin reċenti, evolviet u saret iktar ristretta ( 22 ). X’aktarx, ma jistax jingħad iktar, kif b’mod famuż għamel l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer xi snin ilu, li l-“ġurisprudenza hija kawżistika, elastika ħafna u mhux xjentifika ħafna, b’parametri vagi tant li domanda għal deċiżjoni preliminari minn Sancho Panza bħala gvernatur tal-gżira ta’ Barataria tiġi aċċettata” ( 23 ). Fl-istess ħin, madankollu, inżammet (ġustament) ċerta flessibbiltà, sabiex il-korpi nazzjonali li attwalment jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jitħallew jagħmlu użu mill-proċedura tad-deċiżjoni preliminari, irrispettivament mill-isem jew mit-titolu mogħtija lil dawn il-korpi skont id-dritt nazzjonali ( 24 ).

57.

L-approċċ jidher li huwa iżjed iġġustifikat jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kriterju ta’ “stabbilita bil-liġi” għall-għanijiet tal-Artikolu 267 TFUE huwa, f’bosta lingwi, espress b’termini li jagħmlu riferiment għall-“oriġini ġuridiku” tal-korp li jagħmel ir-rinviju ( 25 ). Dan jenfasizza għal darba oħra li l-kwistjoni prinċipali hija jekk il-korp ġiex stabbilit fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, mhux jekk il-kulleġġ speċifiku fi ħdan dan il-korp fil-kawża individwali huwiex qiegħed jaġixxi f’konformità mad-dritt nazzjonali. In-natura polisemika tal-kelma Ingliża “law” – li tista’ tagħmel riferiment kemm għal leġiżlazzjoni (liġi) u kif ukoll għal sistema ta’ regoli ( 26 ) – tista’ għalhekk tiżgwida f’dan il-kuntest.

58.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda fil-fatt tiġi mistiedna sabiex tespandi iktar fuq il-kriterju ta’ “stabbilita bil-liġi” għall-għanijiet tal-Artikolu 267 TFUE. F’dan is-sens, dan il-kriterju ma jibqax ifisser sempliċement li l-korp ġudizzjarju li jagħmel ir-rinviju jkun ġie stabbilit bil-liġi, f’dan is-sens permezz tal-leġiżlazzjoni, minflok b’kuntratt, iżda jirrikjedi wkoll eżami dwar jekk l-imħallef individwali li jagħmel ir-rinviji jkunx ġie maħtur legalment, kif ukoll kwalunkwe element possibbli ieħor relatat mal-legalità tal-funzjonament ta’ dan il-korp.

59.

Fil-fehma tiegħi, żvilupp bħal dan ma jkunx wieħed raġonevoli. Kif spjegat iktar ’il fuq, il-kunċett speċifiku ta’ qorti “stabbilita bil-liġi”, fil-kuntest tal-kriterji tal-Artikolu 267 TFUE, dejjem fisser xi ħaġa pjuttost differenti. Huwa veru li hemm kunċett li għandu l-istess isem (jew simili ħafna), jiġifieri “tribunal stabbilit (skont) il-liġi”, li huwa biss parti mill-eżami dwar jekk inkisirx id-dritt għal smigħ xieraq fil-kawża individwali għall-għanijiet tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) ( 27 ), illum effettivament riprodott fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 28 ).

60.

Madankollu, kif isegwi mill-ispjegazzjonijiet diġà pprovduti iktar ’il fuq ( 29 ), l-għan taż-żewġ dispożizzjonijiet, l-Artikolu 47 tal-Karta, minn naħa, u l-Artikolu 267 TFUE, min-naħa l-oħra, huwa differenti. L-identifikazzjoni tal-interlokuturi ġudizzjarji xierqa f’termini tal-korpi fi Stat Membru li jistgħu jagħmlu domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja hija differenti mill-identifikazzjoni ta’ ksur tal-kompożizzjoni legali tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża individwali sabiex jiġu protetti drittijiet tal-individwi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, l-eżami tal-legalità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti għandu naturalment jilħaq il-livell tal-kawżi individwali, filwaqt li dan ma huwiex neċessarjament l-istess fil-każ l-ieħor.

61.

Għalhekk, li sempliċement u mekkanikament “taqta’ u twaħħal” il-kunċett ta’ “qorti stabbilita bil-liġi” mill-Artikolu 47 tal-Karta għall-Artikolu 267 TFUE, peress li jinstemgħu pjuttost simili, mingħajr ma ssir riflessjoni dwar il-kontenut u l-għan differenti ta’ dawn il-kunċetti, ma huwiex approċċ għaref ħafna.

62.

It-tieni, fir-rigward tal-kriterju tal-indipendenza skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li dan il-kriterju jitlob “regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul tal-kariga kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tneħħija tal-membri tagħha, liema regoli jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha” ( 30 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tinferixxi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw l-indipendenza tal-qrati jistgħu jiġu applikati b’mod li jmur kontra l-prinċipji mħaddna fl-ordinament ġuridiku domestiku jew il-prinċipji ta’ Stat irregolat bl-Istat tad-dritt ( 31 ).

63.

Għalhekk, l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja – dwar din il-kwistjoni wkoll – iffokat fuq il-qafas ġuridiku, u l-garanziji stabbiliti fih, sabiex tiġi protetta l-abbiltà tal-imħallfin li jeżerċitaw il-kariga tagħhom ħielsa minn kwalunkwe forma ta’ pressjoni (diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali) ( 32 ). Il-fokalizzazzjoni dejjem kienet dwar jekk il-korp li jagħmel rinviju huwiex strutturalment indipendenti miż-żewġ partijiet f’tilwima quddiemu ( 33 ) kif ukoll minn kwalunkwe gwida esterna, bħal fejn dan il-korp ikun istituzzjonalment parti mill-amministrazzjoni ( 34 ).

64.

Pereżempju, f’kawża reċenti, ġew espressi dubji minn ċerti partijiet dwar jekk l-imħallef tar-rinviju, sedenti f’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, kienx jissodisfa l-istandard tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-Unjoni fuq il-bażi li – sa fejn id-domanda kienet tikkonċerna l-istatus tal-giudici di pace Taljani – huwa naturalment kellu interess fl-eżitu tat-tilwima. Wara li eżaminat ir-regoli domestiċi rilevanti, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din l-oġġezzjoni u ddeċidiet li l-kawża kienet ammissibbli. Hija kkonstatat li l-giudici di pace Taljani “jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom f’awtonomija sħiħa, suġġett għal regoli fil-qasam dixxiplinari, u mingħajr pressjonijiet esterni li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom”. Mingħajr ma investigat il-kariga speċifika tal-imħallef tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “[ma jistax jiġi] ddubitat il-fatt [li l-giudici di pace jissodisfaw il-kriterju] marbuta mal-oriġini legali [tagħhom]” ( 35 ).

b) Il-valur ta’ djalogu kontinwu

65.

Fil-qosor, interpretazzjoni mill-ġdid tal-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” għall-għanijiet tal-Artikolu 267 TFUE li tkun teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina s-sitwazzjoni speċifika tal-individwi li jiffurmaw parti minn dawn il-korpi nazzjonali tkun kuntrarja kemm għan-natura u għall-għan tal-proċedura tad-deċiżjoni preliminari. Kuntrarjament għall-Artikolu 47 tal-Karta, u potenzjalment, jekk tkun ta’ ċerta gravità, anki għall-Artikolu 19(1) TUE, l-analiżi skont l-Artikolu 267 TFUE dejjem kienet ikkonċernata sempliċement bl-identifikazzjoni tal-interlokuturi istituzzjonali xierqa għall-Qorti tal-Ġustizzja, mhux bil-legalità ta’ kull element tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, il-proċedura tad-deċiżjoni preliminari hija, f’xi livell, waħda fformalizzata u għalhekk waħda formali: L-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi djalogu bejn istituzzjonijiet ġudizzjarji, u mhux bejn l-individwi li jikkomponu dawn l-istituzzjonijiet.

66.

Inżid erba’ raġunijiet sistemiċi oħra dwar għalfejn nissuġġerixxi li dan għandu jibqa’ jkun il-każ, anki f’kawżi pjuttost problematiċi bħal din.

67.

L-ewwel, ikun kontraintuwittiv (u kontraproduttiv) għall-Qorti tal-Ġustizzja li kategorikament tirrifjuta li tidħol fi djalogu ġudizzjarju ma’ korpi li huma fil-fatt, żgur formalment, qegħdin jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji fil-livell nazzjonali u jeħtieġu l-għajnuna fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri pendenti quddiemhom. Ma tantx għandi għaliex nindika, f’dan il-kuntest, li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi tagħhom tkun vinkolanti kemm għall-qorti tar-rinviju u kif ukoll għall-qrati nazzjonali l-oħra li jistgħu jaffaċċjaw l-istess kwistjonijiet ġuridiċi ( 36 ). Għaldaqstant, meta tagħmel rinviju skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qorti tar-rinviju tintrabat li ssegwi l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jkunu applikabbli għall-kawża inkwistjoni.

68.

It-tieni, l-eżistenza ta’ problemi (allegati, possibbli jew probabbli) fir-rigward tal-korrettezza legali u morali tal-imħallef (jew imħallfin) nazzjonali li jiddeċiedu kawża ma ċċaħħadx lill-partijiet individwali fil-proċeduri mid-dritt tagħhom li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni jiġu applikati korrettament. Għaldaqstant, approċċ istituzzjonali u ġenerali għall-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE jidher li huwa iktar marbut mad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit, inter alia, fl-Artikolu 47 tal-Karta.

69.

It-tielet, f’termini iktar prattiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mgħammra biżżejjed sabiex twettaq evalwazzjoni tal-imparzjalità u tal-integrità morali ta’ mħallfin speċifiċi fil-livell nazzjonali fil-forma ta’ evalwazzjoni tal-ammissibbiltà skont l-Artikolu 267 TFUE. Lil hinn mill-fatt li ħidma bħal din teħtieġ interpretazzjoni tal-liġijiet nazzjonali rilevanti, u anki l-fatt li l-valur probatorju ta’ kwalunkwe elementi ta’ fatt u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali x’aktarx jiġi kkontestat mill-partijiet, il-punt kruċjali xorta huwa li jkun meħtieġ li jsir eżami ddettaljat u profond fl-istadju tal-ammissibbiltà. B’dan il-mod, il-fondatezza ta’ talba marbuta mal-Artikolu 47 tal-Karta jew mal-Artikolu 19 TUE tkun diġà ġiet eżaminata fl-istadju tal-ammissibbiltà, bl-analiżi potenzjalment issir pjuttost ċirkulari ( 37 ).

70.

Ir-raba’ u finalment, hemm il-kwistjoni tal-koerenza orizzontali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’ċirkustanzi normali, numru ta’ persuni, jiena inkluż, jaraw stramb is-suġġeriment li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa l-“kwalità” tal-imħallef (jew imħallfin) individwali ta’ qorti nazzjonali li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari sabiex taċċetta jew tiċħad din it-talba. L-imħallfin li ressqu t-talba huma persuni li jobdu l-liġi li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom bl-integrità meħtieġa? Hemm xi kunflitt ta’ interess potenzjali fil-kawża individwali? Jista’ mħallef li huwa suġġett għal proċeduri dixxiplinari xorta jressaq talba f’kawża oħra? Xi ngħidu għal imħallef issuspettat bil-korruzzjoni, b’investigazzjonijiet kriminali diġà miftuħa kontrih, li madankollu għadu ma ġiex formalment sospiż mill-kariga? Il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata teżamina dawn il-kwistjonijiet kollha meta “tiffiltra” talbiet imressqa skont l-Artikolu 267 TFUE?

71.

Fi snin reċenti, partikolarment fid-dawl tal-kriżi tal-Istat tad-dritt f’diversi Stati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet obbligata li mhux biss tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha sabiex tipprovdi gwida fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet u xenarji li ftit setgħu qatt immaġinaw possibbli, iżda anki sabiex tistabbilixxi eċċezzjonijiet għar-regoli normalment applikabbli minħabba kawżi abnormali. Kif diġà spjegajt banda oħra, ma nara ebda allegata problema ta’ standards doppji f’kawżi bħal dawn peress li s-sitwazzjonijiet huma oġġettivament differenti ( 38 ).

72.

Madankollu, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija effettivament mitluba tinterpreta mill-ġdid il-kriterji Dorsch – li huma trasverżalment applikabbli għall-każijiet kollha irrispettivament mill-korp ġudizzjarju fi Stat Membru – u sabiex tespandi b’mod wiesa’ l-kamp ta’ applikazzjoni u l-argumenti (tal-partijiet) li jistgħu jitqajmu diġà fl-istadju tal-ammissibbiltà skont l-Artikolu 267 TFUE. Għar-raġunijiet kollha sostnuti f’din il-parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma nemminx li pass bħal dan huwa mitlub jew neċessarju, anki fir-rigward ta’ każijiet tant straordinarji bħalma huwa dan.

73.

Fid-dawl tal-premess, nasal għall-konklużjoni li d-difetti li jista’ jkun hemm fil-proċedura tal-ħatra tal-imħallef li għamel ir-rinviju f’din il-kawża ( 39 ), u/jew ir-rabtiet personali u professjonali tiegħu mal-Ministru tal-Ġustizzja/il-Prosekutur ( 40 ), ma għandhomx jirriżultaw fl-inammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju.

74.

Din il-konklużjoni madankollu għandha żewġ riżervi importanti.

75.

L-ewwel, għandu jiġi enfasizzat b’mod ċar ħafna li konklużjoni bħal din, għall-għanijiet speċifiċi tal-Artikolu 267 TFUE, bl-ebda mod ma tfisser li l-qorti tar-rinviju hija komposta legalment u/jew li, b’mod iktar speċifiku, l-imħallef tar-rinviju ġie maħtur legalment. Fil-fatt, il-punti mqajma mill-Ombudsman huma, fil-fehma tiegħi, pjuttost disturbanti. Dan huwa partikolarment minnu meta l-allegazzjonijiet tal-Ombudsman jiġu eżaminati fil-kuntest istituzzjonali u kostituzzjonali iktar wiesa’ – li l-Qorti tal-Ġustizzja hija konxja sew minnu – dwar l-Istat tad-dritt fil-Polonja.

76.

Madankollu, dawn il-fatturi jistgħu, fejn xieraq, ikunu rilevanti fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-indipendenza tal-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 19(1) TUE u/jew l-Artikolu 47 tal-Karta, u jistgħu potenzjalment iwasslu għall-konklużjoni li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ġew miksura. B’kuntrast ma’ dan, kif spjegat iktar ’il fuq, dawn il-fatturi ma humiex normalment rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk korp nazzjonali jikkostitwixxix “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 267 TFUE. Is-suġġeriment li msieħba formali u istituzzjonali għandhom ikomplu jitkellmu, anki jekk wieħed minnhom jista’ jkollu dubji pjuttost serji dwar il-kwalitajiet personali ta’ wħud mill-individwi li jikkomponu l-parti l-oħra, hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet differenti ħafna mill-approvazzjoni – anki impliċita – tal-parti l-oħra.

77.

It-tieni, jiena ma neskludix il-fatt li potenzjalment tista’ ssir konklużjoni differenti jekk is-sinjifikat tal-fatturi relatati mas-sitwazzjoni personali ta’ wieħed jew iktar mill-imħallfin ta’ qorti nazzjonali li formalment tressaq talba skont l-Artikolu 267 TFUE kellu jmur lil hinn mill-individwu (jew individwi) inkwistjoni u kellu jkollu riperkussjonijiet fuq il-funzjonament ġenerali tal-korp nazzjonali li għalih l-imħallfin jappartjenu. Madankollu, f’dan ix-xenarju, il-fokalizzazzjoni u l-eżami jkunu fuq il-korp li jkun qiegħed iressaq talba, u għalhekk f’konformità mal-loġika ta’ Dorsch u l-approċċ istituzzjonali ssuġġerit f’dawn il-konklużjonijiet. L-adozzjoni ta’ approċċ istituzzjonali għall-evalwazzjoni tal-kriterji Dorsch ma tfissirx li l-kuntest istituzzjonali ma għandux jiġi kkunsidrat. Naturalment, f’xi livell, istituzzjoni hija l-aggregazzjoni tal-individwi li jifformawha. Il-mod kif l-individwi li jifformaw parti minn (preżumibbilment) korp ġudizzjarju ġew maħtura għal kariga ġudizzjarja huwa b’mod ċar parti minn dan il-kuntest.

78.

Din is-sitwazzjoni tista’ tqum, pereżempju, fir-rigward ta’ istituzzjoni ġudizzjarja miżmuma ostaġġ jew użurpata fi Stat Membru li sempliċement ma tistax tibqa’ tissejjaħ “qorti jew tribunal”. Tista’ possibbilment tqum meta l-akkumulazzjoni tal-kwistjonijiet relatati ma’, pereżempju, il-ħatriet għal din l-istituzzjoni (formalment ġudizzjarja), l-influwenza politika li tkun qiegħda tiġi eżerċitata fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, u elementi possibbli oħra, jikxfu mudell li fih ma jkunx għad hemm qorti indipendenti li jixirqilha li tkun hekk imsejħa. F’każ bħal dan, madankollu, il-konklużjoni tkun li l-korp bħala tali ma jistax jibqa’ jiġi kkunsidrat “qorti jew tribunal”, anki għall-effett notevolment eħfef tal-Artikolu 267 TFUE, li jfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tkompli tirrelata ma’ dan il-korp. Dan il-korp imbagħad jiġi kompletament maqtugħ minn kwalunkwe djalogu.

79.

Fid-dawl ta’ dan kollu, jiena tal-fehma li, għall-għanijiet ta’ dawn il-proċeduri, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), sedenti bħala kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, tista’ xorta tiġi kkunsidrata “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

2. Ir-rinviju huwa “rilevanti” skont l-Artikolu 267 TFUE?

80.

Kwistjoni oħra dwar l-ammissibbiltà tal-kawża li ġiet imqajma f’dawn il-proċeduri tikkonċerna r-“rilevanza” (jew il-“ħtieġa”) tad-domandi magħmula.

81.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kontroversja ( 41 ). F’dan ir-rigward, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 42 ).

82.

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza: ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 43 ).

83.

B’mod iktar speċifiku, dwar il-kriterju tar-rilevanza/ħtieġa, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat li dan il-kriterju jeħtieġ li d-deċiżjoni li għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju għandha tkun kapaċi tieħu inkunsiderazzjoni r-risposta mogħtija mid-deċiżjoni preliminari ( 44 ).

84.

F’dan ir-rigward, f’Miasto Łowicz – kawża reċenti li fiha, bħal f’din, tqajmu kwistjonijiet relatati mal-Istat tad-dritt – il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, sabiex tiġi stabbilita r-rilevanza għall-għanijiet tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jkun hemm bejn it-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta “b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu” ( 45 ). Dan il-kriterju ta’ rabta jeżisti, skont il-Qorti tal-Ġustizzja fejn: (i) it-tilwima tkun marbuta fil-mertu mad-dritt tal-Unjoni; (ii) id-domanda tkun tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni ta’ natura proċedurali li jistgħu jkunu applikabbli; jew (iii) ir-risposta mfittxija mill-Qorti tal-Ġustizzja tkun tidher li hija ta’ natura li tagħti lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilha tiddeċiedi kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu ( 46 ).

85.

Dan ir-rinviju ma jaqax taħt l-ewwel żewġ kategoriji, sa fejn ma hemm ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura sostantiva jew proċedurali li hija applikabbli fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-qorti tar-rinviju għandha d-dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tagħha. Huwa veru li l-qorti tar-rinviju tinvoka l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll l-Artikolu 38 tal-Karta, bħala dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu applikabbli wkoll għat-tilwima fil-proċeduri prinċipali. Madankollu, ikun meħtieġ twessigħ kbir tal-immaġinazzjoni u katina twila ta’ raġunament tranżittiv sabiex wieħed jasal mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall-mertu tal-kwistjonijiet li l-qorti qiegħda effettivament tissottometti.

86.

Fi kwalunkwe każ, jidher li din il-kawża taqa’ taħt it-tielet kategorija. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju teħtieġ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula, sabiex issolvi kwistjoni proċedurali tad-dritt nazzjonali, qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża quddiemha.

87.

Skont l-informazzjoni li rriżultat waqt dawn il-proċeduri, l-eżami tal-appelli fuq punt ta’ liġi quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) huwa, bħala prinċipju, imwettaq f’żewġ stadji. Fl-istadju preliminari, din il-qorti, komposta bħala mħallef uniku, teżamina l-ammissibbiltà tal-appell. Skont il-punt 3 tal-Artikolu 3989(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk (iktar ’il quddiem il-“KPĊ Pollakk”), appell fuq punt ta’ liġi huwa ammissibbli biss jekk, inter alia, id-deċiżjoni kkontestata ngħatat wara proċedura li kienet invalida. Skont il-punt 4 tal-Artikolu 379 tal-KDĊ Pollakk, il-proċedura tkun invalida jekk, inter alia, il-kompożizzjoni tal-qorti tas-smigħ tal-kawża ma kinitx skont ir-regolamenti legali rilevanti jew jekk kawża nstemgħet fil-preżenza ta’ mħallef li kien suġġett għal esklużjoni. Huwa biss jekk appell jiġi kkunsidrat ammissibbli li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), f’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, teżamina l-fondatezza tal-appell fi stadju sussegwenti.

88.

Kif il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni ċċaraw fis-seduta, l-imħallef li jivverifika l-ammissibbiltà tal-appell għandu jistabbilixxi pożittivament li waħda mill-erba’ kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà, stabbiliti fl-Artikolu 3989(1) tal-KPĊ Pollakk hija ssodisfatta, sabiex il-kawża tipproċedi għal stadju ulterjuri. Għalhekk, l-imħallef inkarigat minn dan il-pass preliminari għandu jagħti deċiżjoni speċifika u separata dwar l-ammissibbiltà, kemm jekk pożittiva kif ukoll negattiva, b’mod li jagħlaq dan l-istadju tal-evalwazzjoni preliminari.

89.

Fid-dawl tal-premess, ma jistax jiġi konkluż li d-domandi magħmula ma huma ta’ ebda rilevanza għad-deċiżjoni li għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-kompożizzjoni tajba tal-qorti, li s-sentenza tagħha qiegħda tiġi mistħarrġa, hija waħda mill-aggravji fil-kassazzjoni. Għalhekk, din għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, jekk hemm bżonn ex officio, u kwalunkwe konklużjoni dwar dan il-punt għandha tiġi mmotivata separatament. Kwistjoni bħal din, għaldaqstant, hija fil-fatt element in limine litis tal-kompatibbiltà bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni u li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tindirizza sabiex tkun kapaċi tiddeċiedi jekk l-appell dwar punt ta’ liġi huwiex ammissibbli.

90.

Konsegwentement, nikkunsidra d-domandi magħmula bħala rilevanti, u għalhekk ammissibbli, minħabba li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi tippermetti lill-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni f’kawża pendenti quddiemha.

C.   Fil-mertu

91.

Permezz tad-domandi tagħha – li wħud minnhom jistgħu jiġu eżaminati konġuntament – il-qorti tar-rinviju tqajjem numru ta’ dubji ta’ interpretazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, riżultanti mill-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, u l-Artikolu 47 tal-Karta. Minkejja li fid-domandi tagħha l-qorti tar-rinviju tinvoka numru ta’ dispożizzjonijiet oħra, ma nikkunsidrax li diskussjoni separata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra tkun tista’ tipprovdi xi ċarezza addizzjonali dwar il-kwistjonijiet imqajma.

92.

Il-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw, fl-ewwel lok, it-tip ta’ analiżi – li tagħha din il-qorti tiddistingwi żewġ forom, in abstracto u in concreto – li hija obbligata twettaq sabiex tivverifika l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja. Din il-kwistjoni hija waħda ta’ natura trażversali u tinsab f’ħafna mid-domandi magħmula. Jiena għaldaqstant sejjer neżaminaha l-ewwel, fir-rimarki introduttorji tiegħi (1). Sussegwentement, u f’dan id-dawl, sejjer nipproċedi għad-domandi speċifiċi magħmula. Biex nibda, sejjer nevalwa jekk ċerti fatti relatati mal-ewwel ħatra għal kariga ġudizzjarja ta’ individwi li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jistgħux iqiegħdu f’dubju l-indipendenza tagħhom għall-għanijiet tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, kemm jekk dan ikun fir-rigward ta’ ħatra magħmula taħt ir-reġim Komunista (2), jew fi stadju ulterjuri, taħt is-sistemi allegatament proċeduralment defiċenti li segwew sal‑2018 (3). Finalment, sejjer nindirizza d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar jekk hijiex, bħala prinċipju, obbligata tqajjem kwistjonijiet ta’ indipendenza ex officio, u jekk il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin jistax iwaqqafha milli tagħmel dan (4).

1. Rimarki introduttorji: evalwazzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja

93.

Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel u qabel kollox, sabiex tiċċara l-mod li bih għandha titwettaq l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja. Sabiex il-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju jinftiehmu aħjar, huwa xieraq li jitfakkru fil-qosor id-dubji espressi minn din il-qorti f’dan ir-rigward.

94.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tinnota li, fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li, sabiex jiġi stabbilit jekk qorti nazzjonali hijiex “indipendenti”, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, inter alia, il-mod li bih ġew maħtura l-membri tagħha u t-terminu tal-kariga tagħhom. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, irrispettivament mill-mudell kostituzzjonali magħżul għall-ħatra, “jibqa’ meħtieġ li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ l-individwi, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni, ladarba jinħatru l-imħallfin ikkonċernati” ( 47 ).

95.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li, f’A.K. et, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat essenzjalment li l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza għandu jiġi eżaminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha u, fejn xieraq, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet u l-għanijiet oġġettivi li allegatament jiġġustifikaw il-miżuri inkwistjoni. Is-sinjifikat tal-elementi rilevanti ma għandux jiġi evalwat per se jew f’iżolazzjoni, iżda għandhom jiġu evalwati flimkien fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u istituzzjonali iktar wiesa’ ( 48 ).

96.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispjega li hija inċerta dwar il-mod preċiż kif għandha titwettaq l-analiżi tal-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza. B’mod partikolari, din il-qorti hija tal-fehma li din l-evalwazzjoni tista’ ssir in abstracto jew in concreto. B’riferiment għas-sitwazzjoni speċifika inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, il-qorti tar-rinviju tispjega li evalwazzjoni in abstracto tkun tfisser li kull kawża fejn imħallef ikun ġie maħtur permezz ta’ proċedura difettuża tirriżulta fi tħassib, irrispettivament mill-impatt fuq il-kawża speċifika kkunsidrata. Għalhekk, il-pożizzjoni, il-kondotta u l-karriera ta’ mħallef partikolari li jipparteċipa fil-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti jkunu irrilevanti f’dan il-kuntest. Min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tista’ tiġi vverifikata in concreto, li jkun jeħtieġ li tintwera rabta bejn proċedura ta’ ħatra ġudizzjarja illegali u impatt attwali jew potenzjali fuq l-eżitu ta’ kawża partikolari.

97.

Fil-fehma tiegħi, il-problema indikata mill-qorti tar-rinviju jidher li hija bbażata fuq qari pjuttost inkomplet tas-sentenza inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju tidentifika biss aspett wieħed tas-sentenza f’A. K. et,, imbagħad, filwaqt li ma tgħid xejn dwar il-kuntest u l-għan ta’ din l-evalwazzjoni, tistabbilixxi dikotomija falza billi tippreżenta l-analiżi in abstracto u l-analiżi in concreto bħala reċiprokament esklużivi. Fil-fehma tiegħi, jekk jiġu kkunsidrati fil-kuntest xieraq tagħhom, dawn iż-żewġ approċċi ma humiex alternattivi, iżda kumplimentari jew anki kumulattivi.

98.

L-ewwel, billi tagħmel riferiment għaċ-“ċirkustanzi kollha rilevanti”, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludiet ebda tip jew kategorija ta’ element rilevanti. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement issuġġerixxiet li fl-evalwazzjoni tal-indipendenza (jew dipendenza) ġudizzjarja, jista’ ma jkunx biżżejjed li tiġi kkunsidrata biss “il-liġi fuq il-kotba” ( 49 ). Dak li sikwit ikun meħtieġ huwa li tiġi eżaminata wkoll il-prattika attwali fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ( 50 ). Għaldaqstant, kemm l-elementi formali u istituzzjonali (li huma essenzjali għal analiżi in abstracto), kif ukoll elementi iktar konkreti u speċifiċi għall-kawża (li huma fil-qalba ta’ analiżi in concreto) jistgħu, u fejn xieraq għandhom, jittieħdu inkunsiderazzjoni.

99.

Minħabba l-varjetà ta’ sitwazzjonijiet li fihom tista’ tqum kwistjoni tal-indipendenza ġudizzjarja, huwa impossibbli li jingħad a priori liema tip ta’ elementi għandhom iġorru iktar piż. Is-sinjifikat ta’ dawn l-elementi – li, nirrepeti, għandhom fi kwalunkwe każ jiġu evalwati flimkien – jiddependi ovvjament mill-karatteristiċi speċifiċi tal-każ inkwistjoni.

100.

Iktar minn hekk, il-kuntest ġenerali li fihom joperaw ir-regoli u kif dawn jirrelataw jew jinteraġixxu ma’ regoli u atturi oħra huwa ugwalment importanti. L-indipendenza (jew id-dipendenza) hija b’definizzjoni relazzjonali: hija l-indipendenza minn jew id-dipendenza fuq xi ħaġa jew xi ħadd. Għalhekk, metaforikament, l-evalwazzjoni tagħha ma tistax tkun limitata għal studju mikroskopiku ta’ qatgħa waħda ta’ salami, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-bqija tas-salami, kif u fejn jiġi normalment maħżun, id-distanza u r-relazzjoni tiegħu għal oġġetti oħra fil-maħżen, u dan filwaqt li jiġi każwalment injorat il-fatt li hemm karnivoru pjuttost kbir iħuf fil-kantuniera tal-kamra.

101.

It-tieni, u x’aktarx anki iktar importanti minn hekk, huwa sempliċiment impossibbli li jiġi stipulat ex ante eżami universalment validu għall-evalwazzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja irrispettivament mid-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija applikabbli għall-kawża inkwistjoni. Li wieħed jipprova jiddikjara b’mod konklużiv, fl-astratt, meta preċiżament ċerta qorti tkun “indipendenti”, mingħajr ma tkun taf l-għan li għalih hija fformulata d-domanda – jiġifieri jekk hijiex fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 47 tal-Karta, jew l-Artikolu 19(1) TUE, – jew iċ-ċirkustanzi ta’ każ individwali, wieħed ikun pjuttost viċin li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tqiegħed il-karrettun proverbjali quddiem iż-żiemel.

102.

Kif ippruvajt nispjega fil-partijiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, u kif diġà stabbilixxejt fid-dettall fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża WB et, filwaqt li l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja fid-dritt tal-Unjoni huwa l-istess, dak li sejjer jiġi eżaminat, u l-livell ta’ skrutinju li sejjer jiġi eżerċitat, jiddependi fuq liema dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni qiegħda fil-fatt tiġi applikata: L-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 19(1) TUE jew l-Artikolu 47 tal-Karta ( 51 ).

103.

Fil-kuntest ta’ analiżi skont l-Artikolu 19(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja x’aktarx tiffoka l-ewwel u qabel kollox fuq elementi formali u istituzzjonali, filwaqt li fil-kuntest ta’ analiżi skont l-Artikolu 47 tal-Karta, ikunu l-elementi speċifiċi għall-każ li jieħdu r-rwol l-iktar importanti. Din il-fokalizzazzjoni hija ddeterminata mil-loġika ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet: nuqqasijiet strutturali ta’ Stat Membru u/jew il-ksur ta’ drittijiet individwali riżultanti mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, kif spjegat, din ma hijiex għażla binarja: waħda tista’ tammonta għall-oħra anki jekk naturalment ma humiex l-istess. L-eżami taċ-“ċirkustanzi kollha rilevanti” ifisser – u nazzarda ngħid din il-verità – li kwalunkwe ċirkustanza tista’ tkun rilevanti. Huma l-fokalizzazzjoni u l-għan tad-dispożizzjoni evalwata fil-kuntest fattwali u ġuridiku speċifiku ta’ każ partikolari li eventwalment sejrin jiddeterminaw liema waħda minnhom tkun konklużiva.

104.

Bħala sommarju, sabiex tiġi evalwata l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fl-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta, qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-elementi kollha rilevanti u tieħu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, ir-raġunijiet u l-għanijiet speċifiċi tal-miżuri nazzjonali li jistgħu jkunu applikabbli għas-sitwazzjoni. F’dan il-kuntest, kemm elementi formali u istituzzjonali u kif ukoll elementi speċifiċi għall-każ jistgħu jkunu rilevanti, skont il-karatteristiċi tal-każ inkwistjoni u d-dispożizzjoni(jiet) tad-dritt tal-Unjoni li hija/huma applikabbli. Is-sinjifikat ta’ dawn l-elementi ma għandux jiġi evalwat per se jew b’mod iżolat, iżda għandu jiġi evalwat flimkien fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u istituzzjonali iktar wiesa’.

105.

Madankollu, issa sejjer indur għall-kwistjonijiet speċifiċi msemmija fid-diversi domandi magħmula.

2. L-ewwel sat-tielet domanda

106.

Permezz tal-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda – li huma relatati mill-viċin u għalhekk jistgħu jiġu eżaminati flimkien – il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk iċ-ċirkustanzi li japplikaw għall-ewwel ħatra għal kariga ġudizzjarja ta’ wieħed mill-imħallfin tal-qorti li ta s-sentenza kkontestata (l-Imħallef FO), liema ħatra saret taħt ir-reġim Komunista ta’ dik li kienet ir-Repubblika Popolari tal-Polonja (iktar ’il quddiem ir-“RPP”), għandhomx impatt fuq l-indipendenza tiegħu fl-eżerċizzju attwali tad-dmirijiet ġudizzjarji tiegħu, għall-għanijiet tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

107.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-era Komunista fil-Polonja, meta jassumi l-kariga tiegħu, imħallef kien jaħlef ġurament quddiem il-president tal-qorti rilevanti sabiex, inter alia, jikkonsolida l-libertà, l-indipendenza u s-setgħa tal-Istat “demokratiku” Pollakk, sabiex jipproteġi u jsaħħaħ l-ordni bbażat fuq il-prinċipji soċjali, ekonomiċi u politiċi tar-RPP, u sabiex isaħħaħ ir-rispett għad-dritt u l-lealtà lejn l-Istat. Skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dak iż-żmien, il-missjoni tas-sistema tal-ġustizzja fir-RPP kienet il-protezzjoni tad-“demokrazija popolari” u li din tiġi mgħejjuna fl-iżvilupp tagħha lejn is-soċjaliżmu. Il-qrati fl-era Komunista fil-Polonja kienu obbligati wkoll permezz tal-attivitajiet tagħhom sabiex jedukaw liċ-ċittadini fi spirtu ta’ lealtà lejn ir-RPP.

108.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, il-mod li bih l-imħallfin kienu jinħatru dak iż-żmien, u l-arranġamenti dwar is-superviżjoni tagħhom u l-possibbiltà ta’ tkeċċija, ma kinux josservaw l-istandards ta’ Stat demokratiku suġġett għall-Istat tad-dritt. B’mod partikolari, sal‑1989, l-imħallfin kienu maħtura u mkeċċija minn korp eżekuttiv ta’ Stat ikkaratterizzat minn sistema antidemokratika tas-setgħa: il-Kunsill tal-Istat. Ir-regolamenti li kienu jirregolaw il-ħatra u t-tkeċċija tal-imħallfin, apparti mid-dipendenza viċina tagħhom fuq il-korpi eżekuttivi tal-Istat, lanqas ma kienu jinkludu xi kriterji trasparenti tal-ħatra jew jippermettu l-awtoregolazzjoni ġudizzjarja jew korpi eletti permezz ta’ elezzjonijiet demokratiċi sabiex jipparteċipaw fil-proċedura tal-ħatra. Dawn il-proċeduri, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, jimminaw il-kunfidenza li l-ġudikatura għandha tispira f’soċjetà demokratika.

109.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-emendi introdotti fid-dritt Pollakk wara l‑1989 ftit għamlu sabiex jiżviluppaw strumenti effettivi għall-verifika tal-ħatriet ġudizzjarji magħmula matul l-era Komunista jew il-verifika ta’ ksur potenzjali minn imħallfin tal-prinċipju ta’ indipendenza. Għaldaqstant, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, wara l‑1989, la kien hemm xi verifika ġenerali tal-ħatriet ġudizzjarji kollha magħmula fl-era Komunista, u lanqas ma kien hemm xi stħarriġ effettiv tal-ħatriet ġudizzjarji individwali anki f’każijiet fejn imħallfin individwali kienu jkunu fi ksur manifest tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja.

110.

Dawn l-argumenti ma jikkonvinċunix.

111.

Żgur li naqbel mal-qorti tar-rinviju li l-proċeduri għall-ħatra tal-imħallfin, u b’mod iktar ġenerali r-regoli li jirregolaw it-terminu u l-attivitajiet tagħhom, fl-era tar-RPP, ma kinux joffru garanziji adegwati sabiex jiġi ssodisfatt l-istandard tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit illum fit-Trattati tal-Unjoni.

112.

Madankollu, fir-rigward tal-kumplament, jiena ma nafx x’inhi r-rilevanza, illum, ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet kollha f’termini legali. Billi tippreżenta sommarju ta’ viżjoni politika partikolari tad-dinja bħala argument legali, il-qorti tar-rinviju donnha qiegħda tissuġġerixxi xi ħaġa li tammonta għal retroattività vera jew għal insinwazzjonijiet mhux issostanzjati.

113.

L-ewwel, qiegħda tiddikjara l-ovvju li d-dritt tal-Unjoni ma kienx japplika għall-Polonja qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea. Huwa ferm stabbilit ukoll li, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, mingħajr dispożizzjonijiet speċifiċi dwar effetti retroattivi, regoli ġodda tad-dritt ma japplikawx għal sitwazzjonijiet ġuridiċi li qamu u ġew stabbiliti taħt id-dritt preċedenti, iżda jistgħu japplikaw għall-effetti futuri tagħhom, u huma applikabbli għal sitwazzjonijiet ġuridiċi ġodda ( 52 ). Għalhekk, għadni ma nistax nifhem kif regoli u standards li jirriżultaw mill-Artikolu 19(1) TUE u/jew l-Artikolu 47 tal-Karta jistgħu jiġu applikati għal ħatriet ġudizzjarji fil-Polonja qabel l‑1989, mingħajr ma dan jammonta għal retroattività vera ( 53 ).

114.

It-tieni, hemm fil-fatt, fid-dritt tal-Unjoni, ir-riżerva ta’ effetti ġuridiċi kontinwi. Għaldaqstant, tista’ potenzjalment tqum problema ta’ indipendenza taħt l-Artikolu 19(1) TUE u/jew l-Artikolu 47 tal-Karta jekk ir-regoli nazzjonali li l-qorti tar-rinviju għamlet riferiment għalihom ikunu, minkejja li ilhom mhux fis-seħħ għal diversi deċennji, għadhom jistgħu jipproduċu xi effett illum. Sabiex dan isir, u sa fejn hija kkonċernata din il-kawża, wieħed għandu juri impatt kontinwu, relazzjoni bejn dawn ir-regoli nazzjonali preċedenti u l-oriġini ta’ dubji leġittimi u ġenwini tal-lum fl-imħuħ tal-individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ mħallef bħall-Imħallef FO.

115.

Madankollu, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju hija, pjuttost b’mod sorprendenti minħabba t-tul u d-dettall ġenerali tagħha, pjuttost nieqsa milli tipprovdi spjegazzjonijiet speċifiċi dwar l-identità tal-persuna, istituzzjoni jew korp li attwalment jista’ jeżerċita pressjoni indebita fuq l-Imħallef FO, u r-raġunijiet għaliex l-Imħallef FO jista’ jtendi li jaqa’ għal din il-pressjoni. Minflok, il-qorti tar-rinviju donnha qiegħda topera bil-preżunzjoni li l-imħallfin maħtura matul l-era Komunista huma ddefiniti bħala “mniġġsa għal dejjem”, sempliċement minħabba l-assoċjazzjoni mar-reġim preċedenti, u minħabba li, kif timplika t-tielet domanda, dawn qatt ma ġew maħtura mill-ġdid u qatt ma ħalfu ġurament ġudizzjarju ġdid għall-Istat demokratiku l-ġdid.

116.

It-tielet, mingħajr ma nixtieq nikkummenta b’ebda mod dwar il-fondatezza ta’ dawn il-“fehmiet”, sempliċement ninnota li, fil-mogħdija tal-istorja ta’ kwalunkwe pajjiż, hemm mumenti kostituzzjonali li fihom jirriżultaw numru ta’ għażliet dwar id-disinn tal-istituzzjonijiet il-ġodda tal-Istat u tal-persunal tagħhom ( 54 ). Madankollu, meta għamlet din l-għażla kostituzzjonali xi 30 sena ilu, il-Polonja, flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa Ċentrali, għażlet il-kontinwità. Sussegwentement, l-imħallfin maħtura taħt ir-reġim preċedenti fil-Polonja bbenefikaw minn saff doppju ta’ aċċettazzjoni, kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll f’dak tal-Unjoni.

117.

Minn naħa, kif tindika l-qorti tar-rinviju, minkejja l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ “lustrazzjoni” ( 55 ), l-Istat demokratiku ġdid ifformat reċentement aċċetta li l-imħallfin maħtura fl-era tar-RPP setgħu, bħala prinċipju, jibqgħu fil-kariga. Dan ġie kkonfermat mill-Gvern Pollakk fis-seduta.

118.

Min-naħa l-oħra, din is-sitwazzjoni ġiet ikkunsidrata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala li kienet tosserva d-dritt tal-Unjoni għall-għanijiet tal-adeżjoni tal-Polonja fl-Unjoni. Ma għandux jiġi injorat, f’dan ir-rigward, li Stati Membri futuri kienu obbligati li jissodisfaw l-hekk imsejħa “kriterji ta’ Copenhagen” ( 56 ), li wieħed minnhom kien jikkonċerna l-eżistenza ta’ istituzzjonijiet stabbli li jiżguraw, inter alia, id-demokrazija, l-Istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet umani.

119.

Eżaminati f’dan il-kuntest, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju effettivament jammontaw għal suġġeriment li l-għażla kostituzzjonali eżerċitata mill-Polonja deċennji fil-passat, u aċċettata mill-Unjoni mal-adeżjoni tagħha fl-Unjoni, kienet żbaljata. Għal darba oħra, ma jiniex sejjer ngħaddi kumment dwar l-implikazzjonijiet politiċi ta’ din il-proposta. Madankollu, f’termini ta’ din il-kawża, bħala stat ta’ fatt, kwalunkwe intervent ġudizzjarju li jinvalida deċiżjonijiet meħuda minn imħallef nazzjonali, bħall-Imħallef FO, sempliċement għax ġie maħtur għall-ewwel darba għal kariga ġudizzjarja fir-RPP, ikun daqslikieku tiġi adottata miżura ġdida ta’ “lustrazzjoni”.

120.

Ir-raba’, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-mod li bih l-Istati Membri, qabel l-adeżjoni tagħhom, ittrattaw il-wirt politiku, ġuridiku u amministrattiv tar-reġimi preċedenti ( 57 ). Bl-istess mod, l-iffurmar ta’ regoli applikabbli jew ġodda dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja, ħatriet jew dixxiplina ġudizzjarja jibqa’, b’mod awtomatiku, fi ħdan l-għażliet istituzzjonali tal-Istati Membri ( 58 ).

121.

Dan ma jfissirx, madankollu, li kwalunkwe miżura ta’ lustrazzjoni li Stat Membru jadotta llum tista’ taħrab il-verifika tal-osservanza tagħha tad-dritt tal-Unjoni, fejn dan ikun applikabbli. B’mod partikolari, miżura li jista’ jkollha impatt fuq l-attività ta’ qrati nazzjonali li jaġixxu fl-oqsma rregolati mid-dritt tal-Unjoni jkollha tkun konsistenti ma’, inter alia, il-prinċipji inklużi fl-Artikolu 19(1) TUE, li jirriflettu l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, bħall-Istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.

122.

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità li tistħarreġ miżura bħal din, diversi forom ta’ lustrazzjoni ġew ikkunsidrati fil-passat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”). F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB ikkonstatat li miżuri ta’ lustrazzjoni jistgħu jkunu ġġustifikati jekk isegwu għanijiet relatati ma’, inter alia, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika, il-promozzjoni tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi ġodda, il-prevenzjoni tad-diżordni, it-trasparenza tal-ħajja pubblika, iċ-ċarezza u l-paċi interna fis-soċjetà, is-saħħa ekonomika tal-pajjiż u d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn ( 59 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB iddikjarat ukoll li l-Istati jistgħu validament jadottaw miżuri ta’ lustrazzjoni peress li “Stat demokratiku huwa intitolat li jordna lill-uffiċjali jkunu leali għall-prinċipji kostituzzjonali li fuqhom huwa bbażat” ( 60 ).

123.

Madankollu, il-Qorti EDB ikkunsidrat li, anki jekk ma jwasslux għal ksur tad-drittijiet umani huma stess, ċerti kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti sabiex dawn il-miżuri jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-KEDB. F’termini ta’ dak li huwa rilevanti għal dawn il-proċeduri, sejjer sempliċement infakkar li l-Qorti EDB obbligat il-qafas ġuridiku nazzjonali sabiex, inter alia: (i) ikun preċiż biżżejjed sabiex ikun jista’ jindividwalizza r-responsabbiltà ta’ kull waħda mill-persuni kkonċernati ( 61 ), (ii) jinkludi garanziji proċedurali adegwati għall-persuni kkonċernati ( 62 ), u (iii) ikun ta’ natura temporanja, peress li l-ħtieġa oġġettiva tar-restrizzjoni tad-drittijiet individwali minħabba l-miżuri tranżitorji tonqos maż-żmien ( 63 ).

124.

Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti EDB jidher li huma, fil-fehma tiegħi, b’mod ġenerali trasponibbli għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 64 ). Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandi dubji serji li deċiżjoni ġudizzjarja bħal dik issuġġerita mill-qorti tar-rinviju tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Mingħajr ma hemm il-ħtieġa li nelabora dwar din il-kwistjoni, nipprevedi li jqumu diversi kwistjonijiet potenzjali, speċjalment fir-rigward tal-Artikolu 2 TUE (l-Istat tad-dritt) u l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (il-proċess ta’ smigħ xieraq).

125.

Madankollu, u fi kwalunkwe każ, dak li nsib l-iktar sinjifikattiv huwa li tali miżura tiġi kkontemplata deċennji wara l-waqgħa tar-reġim preċedenti u l-ħolqien ta’ Stat ġdid, iżda xorta, almenu nominalment, fl-isem tal-ħtieġa li jiġi indirizzat il-passat Komunista. Huma x’inhuma l-motivi veri wara dawn is-suġġerimenti fil-Polonja llum, ninnota sempliċement li, diġà, is-sempliċi distakk temporali, fih innifsu, jeskludi l-ħtieġa oġġettiva ta’ tali miżuri f’soċjetà demokratika ( 65 ). B’mod sempliċi, il-mument kostituzzjonali fejn tali miżuri jistgħu jiġi previsti leġittimament, fil-fehma tiegħi, ilu li għadda.

126.

Fid-dawl tal-premess, jiena tal-fehma li s-sempliċi fatt li xi mħallfin ġew maħtura għall-kariga ġudizzjarja għall-ewwel darba matul l-era tar-RPP ma huwiex element li jista’, fih innifsu, iqiegħed f’dubju l-indipendenza tagħhom illum. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel sat-tielet domanda ma humiex tali li jitfgħu dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ mħallef nazzjonali, bħall-Imħallef FO, għall-għanijiet tal-Artikoli 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta.

3. Ir-raba’ u l-ħames domanda

127.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk il-fatt li ċerti membri tal-kompożizzjoni tal-qorti li tat is-sentenza kkontestata ġew maħtura fuq il-bażi tar-riżoluzzjonijiet adottati mill-KRS f’kompożizzjoni li tirriżulta minn leġiżlazzjoni, kif interpretata, sussegwentement iddikjarata antikostituzzjonali mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ( 66 ), għandux xi effett fuq l-evalwazzjoni dwar jekk din il-kompożizzjoni tal-qorti kinitx konformi mar-rekwiżit tal-indipendenza. Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, essenzjalment, jekk korp – bħall-KRS fiż-żmien rilevanti – li osserva proċeduri mhux trasparenti u mhux pubbliċi fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin jistax jitqies li huwa indipendenti għall-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni.

128.

Dawn iż-żewġ domandi jistgħu jiġu kkunsidrati flimkien. L-aħjar x’aktarx huwa li dawn jiġu kkunsidrati f’żewġ stadji: għall-ewwel waħda, prima facie, jiġifieri mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ġenerali, imbagħad, għat-tieni waħda, billi l-analiżi titqiegħed f’dan il-kuntest iktar ġenerali ( 67 ).

129.

L-ewwel, għandu jiġi indikat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti EDB, mhux kull żball li jista’ jseħħ matul il-proċedura għall-ħatra ta’ mħallef huwa ta’ tali natura li joħloq dubji fir-rigward tal-indipendenza ta’ dan l-imħallef.

130.

Fil-kawża Simpson, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li irregolarità mwettqa matul il-ħatra tal-imħallfin twassal għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, “b’mod partikolari meta din l-irregolarità hija ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li partijiet oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għaliha l-proċess ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-Imħallef jew tal-Imħallfin ikkonċernati”. F’din il-kawża, l-irregolarità mwettqa mill-Kunsill fil-ħatra ta’ membru tal-(ex) Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ġiet ikkonstatata li ma kinitx ta’ tali natura ta’ gravità li tikser l-Artikolu 47 tal-Karta ( 68 ).

131.

B’mod simili, fil-kawża Ástráðsson, l-Awla Manja tal-Qorti EDB segwiet eżami ta’ tliet fażijiet sabiex tiddetermina jekk ħatra illegali ta’ mħallef kisritx id-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi” skont l-Artikolu 6(1) KEDB. Essenzjalment, il-Qorti EDB ivverifikat jekk: (i) kienx hemm ksur manifest tar-regoli domestiċi dwar ħatriet ġudizzjarji, (ii) il-ksur ikkonċernax liġi ta’ importanza fundamentali għall-ħatra tal-imħallfin, u (iii) jekk il-ksur ġiex effettivament mistħarreġ u rrimedjat minn qrati domestiċi ( 69 ).

132.

B’mod partikolari, sa fejn huwa kkonċernat it-tieni element imsemmi iktar ’il fuq, il-Qorti EDB enfasizzat il-ħtieġa li jiġi evalwat il-ksur “fid-dawl tal-għan u l-iskop tar-rekwiżit ta’ ‘qorti stabbilita bil-liġi’, b’mod speċifiku li tiġi żgurata l-kapaċità tal-ġudikatura li twettaq id-dmirijiet tagħha b’mod ħieles minn indħil indebidu u għalhekk tippreżerva l-istat tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, il-Qorti EDB iddeċidiet li “ksur ta’ natura purament teknika li ma għandu ebda effett fuq il-leġittimità tal-proċess tal-ħatra għandu jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt il-limitu minimu rilevanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 70 ).

133.

F’din il-kawża, il-kwistjonijiet identifikati mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fid-deċiżjoni tagħha K 5/17 tal‑20 ta’ Ġunju 2017, kienu relatati mat-tul tal-kariga ta’ ċerti membri tal-KRS, li huwa wieħed mill-korpi li jipparteċipaw fil-proċess tal-ħatra ġudizzjarja. Jidher li l-konstatazzjonijiet ta’ dik il-qorti huma l-iktar ta’ natura teknika, tal-inqas meta osservati mill-perspettiva tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Pollakk ma pprovdew xi spjegazzjoni speċifika u ċara għall-kuntrarju fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Meta mistoqsi dwar dan il-punt fis-seduta, il-Gvern Pollakk iddikjara li, fil-fehma tiegħu, l-irregolarità fil-kompożizzjoni tal-KRS ma kellha ebda effetti awtomatiċi fuq il-validità tar-riżoluzzjoni ta’ dan il-korp adottata bejn l‑2000 u l‑2018. Għadu mhux ċar ukoll kif il-konstatazzjoni tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) jista’ jkollha xi impatt fuq il-perċezzjoni pubblika tal-indipendenza tat-tliet imħallfin inkwistjoni.

134.

Dan huwa minnu, minkejja l-fatt li l-ġurisprudenza turi l-importanza li jiġi identifikat tali element.

135.

Pereżempju, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni – li pprovdiet għal tnaqqis effettiv immedjat tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, flimkien ma’ awtorizzazzjoni diskrezzjonarja, mogħtija mill-President tar-Repubblika, sabiex imħallef ikun jista’ jkompli f’dan ir-rwol – imminat il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin, li huwa essenzjali għall-indipendenza tagħhom, u għalhekk kisret l-Artikolu 19(1) TUE. Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħha, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi li ġiet adottata fihom, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li din il-leġiżlazzjoni tista’ tagħti lok għal dubji raġonevoli dwar il-motivi veri warajha. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li diversi elementi ssuġġerixxew li l-leġiżlazzjoni setgħet ġiet adottata sabiex teskludi jew temarġina ċertu grupp ta’ mħallfin ( 71 ).

136.

B’mod simili, fil-kawżi A. K. et u Repubblika ( 72 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra l-kompożizzjoni u l-funzjonament ta’ żewġ korpi tal-Istat li jintervjenu fil-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin fl-Istati Membri rispettivi tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li fihom ġew maħtura l-membri ta’ dawn il-korpi, il-mod li bih dawn il-korpi jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, il-kuntest ġuridiku iktar wiesa’ li jirregola r-rwol u l-attivitajiet ta’ dawn il-korpi, u finalment il-kuntest politiku li fih joperaw dawn il-korpi.

137.

F’dan id-dawl, fil-kawża A. K. et, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ċerti elementi jistgħu joħolqu, fl-imħuħ tal-individwi, dubji dwar l-impermeabbiltà tal-korp inkwistjoni għal fatturi esterni, speċjalment għall-influwenza tal-leġiżlatura u l-eżekuttiv, minkejja li finalment ħalliet l-evalwazzjoni inkwistjoni għall-qorti tar-rinviju. B’kuntrast, fil-kawża Repubblika, fir-rigward tar-regoli rilevanti u l-mod li bihom dawn ir-regoli ġew applikati mill-istituzzjonijiet ta’ Stati Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatat xejn li jindika l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ indipendenza tal-korp inkwistjoni. Ma kien hemm ebda bażi sabiex jiġi kkunsidrat li l-President tar-Repubblika f’dan l-Istat Membru jista’ juża s-setgħat tiegħu sabiex jaħtar imħallfin b’mod li jista’ jqajjem, fost il-pubbliku ġenerali, suspetti ġenwini dwar l-indipendenza tal-imħallfin magħżula.

138.

Fil-kawża WB et, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-Ministru tal-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali jista’, fuq il-bażi ta’ kriterji li ma humiex pubbliċi, jikkolloka lil imħallfin lejn qrati superjuri għal perijodu indefinit u, fi kwalunkwe punt, jista’ jittermina dan il-kollokament fid-diskrezzjoni tiegħu ma’, inter alia, l-Artikolu 19(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE. Fil-konklużjonijiet tiegħi, jiena kont tal-fehma li din il-leġiżlazzjoni tikser dawn id-dispożizzjonijiet peress li jista’ jkollha impatt fuq il-mod li bih ċerti mħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, jiena ssuġġerixxejt li, skont din il-leġiżlazzjoni, ċerti mħallfin jista’ jkollhom inċentiv jiddeċiedu favur il-prosekutur jew, b’mod iktar ġenerali, skont ir-rieda tal-Ministru tal-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali. Fil-fatt, l-imħallfin tal-qrati inferjuri jista’ jkollhom tentazzjoni bil-possibbiltà li jiġu ppremjati b’kollokament lejn qorti superjuri, bi prospettivi tal-karriera possibbilment aħjar u salarju ogħla. Imbagħad, l-imħallfin ikkollokati lejn qrati superjuri jistgħu jiġu skoraġġiti milli jaġixxu indipendentement, sabiex jevitaw ir-riskju li l-kollokament tagħhom jista’ jiġi tterminat mill-Ministru tal-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali ( 73 ).

139.

B’differenza minn dawn il-kawżi, ma jistgħu jiġu identifikati ebda “motiv, mezz u opportunità” fir-rigward ta’ nuqqas potenzjali ta’ indipendenza tat-tliet imħallfin inkwistjoni f’din il-kawża. B’mod simili għall-konklużjoni tiegħi fir-rigward taċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw l-ewwel ħatra ta’ mħallef fl-era tar-RPP, hawn ukoll għadni nistaqsi min jista’, attwalment, ikun jista’ jeżerċita pressjoni indebita fuq it-tliet imħallfin inkwistjoni, ċertament bħala konsegwenza jew fid-dawl tal-allegat nuqqas fil-proċedura tal-ħatra tagħhom u għaliex dawn l-imħallfin jistgħu, tal-inqas fl-imħuħ tal-individwi, jiġu mħajra li jċedu għal din il-pressjoni.

140.

It-tieni, madankollu, tirriżulta stampa pjuttost differenti meta l-analiżi tiġi fil-fatt imkabbra biċ-“ċirkustanzi kollha rilevanti”, b’mod partikolari meta wieħed iqis il-“motiv, il-mezz u l-opportunità” potenzjali li jinsabu fil-bażi tad-deċiżjoni tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) rigward il-kompożizzjoni (mhux) xierqa tal-KRS, li fuqha l-qorti tar-rinviju tibbaża t-tħassib kollu tagħha fir-rigward tal-korrettezza tal-ħatriet ġudizzjarji matul il-perijodu mill‑2000 sal‑2018. F’dan ir-rigward, osservatur iktar inkwiżittiv jew kritiku jista’ x’aktarx ikun dispost li jistaqsi x’kienu l-motivi veri wara din id-deċiżjoni, jekk din id-deċiżjoni stess ingħatatx minn qorti indipendenti u komposta b’mod xieraq ( 74 ) u kemm huwa possibbli li jiġu fdati b’mod ġenerali d-deċiżjonijiet ta’ istituzzjoni li tista’ tidher li hija, fil-preżent, suxxettibbli għal abbuż strumentali ( 75 ).

141.

Bħala konklużjoni, iċ-ċirkustanzi msemmija fir-raba’ u fil-ħames domanda ma humiex tali li jitfgħu dubju fuq l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ xi mħallfin nazzjonali għall-għanijiet tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

4. Is-sitt u s-seba’ domanda

142.

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex obbligata teżamina ex officio jekk il-qorti ta’ istanza iktar baxxa, li tat is-sentenza kkontestata, tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza stabbilit fl-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta għall-għanijiet tal-verifika tal-possibbiltà ta’ invalidità ta’ sentenza appellata.

143.

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta jekk, fid-dawl tan-natura irrevokabbli tal-ħatra tal-imħallfin prevista mill-Kostituzzjoni Pollakka, għandhiex toqgħod lura milli tivverifika, għall-għanijiet indikati iktar ’il fuq, l-indipendenza tal-imħallfin li taw is-sentenza kkontestata.

144.

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, bħala prinċipju, ma hemm ebda bżonn li tingħata risposta għal dawn id-domandi.

145.

Madankollu, għall-kompletezza, sejjer nipprovdi xi ħsibijiet qosra dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju f’dawn iż-żewġ domandi. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, bħala prinċipju, hijiex obbligata tqajjem kwistjonijiet ta’ indipendenza ex officio, u jekk il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin jistax jipprekludi lil din il-qorti milli tagħmel dan.

146.

Sa fejn hija kkonċernata s-sitt domanda, ma huwiex kompletament ċar għaliex din id-domanda ġiet magħmula fl-ewwel lok, fid-dawl tal-fatt li l-imħallef tar-rinviju apparentement għandu obbligu li jivverifika ex officio l-kompożizzjoni xierqa tal-qorti li tat is-sentenza appellata skont id-dritt nazzjonali ( 76 ). Madankollu, fil-fatt, għall-għan tal-applikazzjoni potenzjali tal-Artikolu 47 tal-Karta, ir-risposta għad-dubji tal-qorti tar-rinviju tista’ tinstab fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Simpson ( 77 ).

147.

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li jsegwi mill-Artikolu 47 tal-Karta, li jistabbilixxi d-drittijiet għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi u għal smigħ xieraq, li “l-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tivverifika jekk irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ ħatra [ta’ mħallef] setgħetx twassal għal ksur ta’ [dawn id-drittijiet]”. Dawn id-drittijiet jimplikaw ukoll li “kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fil-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix tali qorti meta jitnissel dubju serju fuq dan il-punt”. Fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali stħarriġ “jikkostitwixxi formalità essenzjali li l-osservanza tagħha taqa’ taħt l-ordni pubbliku u għandha tiġi vverifikata ex officio” ( 78 ).

148.

Il-formulazzjoni ta’ dik is-sentenza hija pjuttost ċara: meta jqumu dubji ġenwini dwar il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti – pereżempju minħabba l-possibbiltà ta’ nuqqas fil-proċedura tal-ħatra ta’ mħallef wieħed jew iktar ikkonċernati – kull qorti tal-Unjoni Ewropea għandha tqajjem din il-kwistjoni, jekk hemm bżonn ex officio. Għaldaqstant, minkejja li l-kawża Simpson kienet tikkonċerna proċedura ġudizzjarja li seħħet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji li joħorġu minn dik is-sentenza huma applikabbli wkoll fil-kuntest ta’ qrati nazzjonali kull darba li jkun applikabbli l-Artikolu 47 tal-Karta.

149.

Madankollu, kif spjegat fil-partijiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’din il-kawża, jidher li ma hemm ebda element li jindika l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ indipendenza tal-imħallfin li taw is-sentenza kkontestata.

150.

Sa fejn hija kkonċernata s-seba’ domanda, bħall-Kummissjoni, għandi diffikultà biex nifhem kif il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin – prinċipju li jingħad li huwa stabbilit, kif tiddikjara l-qorti tar-rinviju, fil-Kostituzzjoni Pollakka – seta’ jipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli tqajjem kwistjoni dwar l-indipendenza tal-imħallfin inkwistjoni fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ ħatra allegatament illegali.

151.

Jidher li l-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li ladarba mħallef ikun ġie maħtur formalment skont id-dritt nazzjonali, dan l-imħallef ma jistax jitneħħa u d-deċiżjoni tal-ħatra tiegħu jew tagħha ma tistax tiġi invalidata, minkejja li din il-ħatra kienet possibbilment illegali fir-rigward tal-istandard tal-Unjoni tal-indipendenza, peress li dan ikun jikkontradixxi l-prinċipju ta’ irremovabbiltà.

152.

Jien għadni ma nistax nifhem iż-żewġ preżunzjonijiet tal-bidu li jidher li ġew aċċettati mill-qorti tar-rinviju u l-konklużjonijiet dedotti minnhom.

153.

L-ewwel, u għal darba oħra, din il-qorti jidher li tiffoka biss fuq kwistjoni waħda speċifika kkunsidrata f’iżolazzjoni klinika, u fuq din il-bażi tistabbilixxi kontradizzjoni falza f’livell għoli ħafna ta’ astrattazzjoni. Minkejja li skont id-dritt nazzjonali d-deċiżjoni tal-ħatra ta’ mħallef f’kariga ġudizzjarja ma tistax tiġi mistħarrġa u annullata, żgur li ma jsegwix li d-deċiżjonijiet ta’ dan l-imħallef huma immuni mill-istħarriġ jew li, sakemm ir-regoli u l-proċeduri neċessarji kollha jiġu osservati, dan l-imħallef ma jistax jiġi mneħħi permezz ta’ proċedimenti dixxiplinari jew proċedimenti oħrajn rilevanti.

154.

It-tieni, ma nistax nifhem kif il-prinċipju ta’ irremovabbiltà ta’ mħallef, kif mifhum normalment, jinsab b’xi mod inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-imħallef tar-rinviju għandu l-obbligu li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ appell fil-kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Dawn il-proċeduri b’mod ċar ma humiex, pereżempju, proċeduri dixxiplinari li fihom setgħet tiġi adottata t-tneħħija tal-imħallef inkwistjoni, jew l-impożizzjoni ta’ xi miżura dixxiplinari oħra kontrih. Għaldaqstant, ma narax kunflitt dirett bejn il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin u l-possibbiltà li tiġi invalidata sentenza mogħtija fi proċedura ta’ appell minħabba kompożizzjoni allegatament żbaljata tal-kulleġġ ġudikanti.

155.

It-tielet, lanqas ma nara kunflitt indirett f’dan ir-rigward. Fil-fehma tiegħi, il-kunsiderazzjonijiet espressi fid-deċiżjoni tar-rinviju jinjoraw żewġ elementi importanti, ikkonċernati, rispettivament, bin-natura tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà u l-artikolazzjoni tiegħu ma’ prinċipji ġenerali tad-dritt.

156.

Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat konsistentement li, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura, iridu jeżistu ċerti garanziji sabiex jipproteġu lill-individwi li għandhom l-inkarigu li jaġġudikaw f’tilwima, bħalma huma l-garanziji kontra t-tneħħija mill-kariga. Il-prinċipju ta’ irremovabbiltà jeħtieġ, b’mod partikolari, li “l-imħallfin ikunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu ta’ żmien determinat” ( 79 ).

157.

Fl-istess ħin, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-irremovabbiltà ma hijiex, u ma tistax tkun, “ta’ natura totalment assoluta”. L-irremovabbiltà, u b’mod iktar ġenerali l-indipendenza ġudizzjarja li hija intiża li tiggarantixxi, jimxu id f’id mal-kontabbiltà ġudizzjarja. Fil-fatt, jistgħu jeżistu eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, sakemm “[i]kun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikaw dan, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità”. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “huwa normalment aċċettat li l-imħallfin ikunu jistgħu jitkeċċew jekk ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew minħabba nuqqas serju, permezz tal-osservanza ta’ proċeduri xierqa” ( 80 ).

158.

Tassew, ir-relazzjoni bejn, minn naħa, il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura u d-drittijiet għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal smigħ xieraq tqajjem xi problemi delikati ta’ konnessjoni. Għandu jiġi stabbilit, f’kull serje ta’ ċirkustanzi, bilanċ bejn dawn l-interessi, li xi drabi jippuntaw lejn direzzjonijiet differenti. Dan il-bilanċ ma jistax jintlaħaq fl-astratt, kif il-qorti tar-rinviju timplika permezz tas-seba’ domanda tagħha.

159.

Madankollu, fl-ebda approċċ konċepibbli għal din il-kwistjoni ma tista’ tiġi sostnuta l-pożizzjoni implikata fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, din il-pożizzjoni twassal għal paradoss: sabiex tiġi protetta l-indipendenza tal-imħallfin, l-imħallfin mhux indipendenti għandhom jiġu protetti wkoll.

160.

Dan ma huwiex tenibbli. F’komunità bbażata fuq l-Istat tad-dritt u li fiha għandhom jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali tal-individwi – bħal dawk ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal smigħ xieraq – huwa fil-fatt minnu l-oppost totali ta’ dak li qiegħed jiġi ssuġġerit mill-qorti tar-rinviju. Wieħed jista’ saħansitra jgħid li, għal dan l-għan, ir-“removabbiltà” ta’ mħallfin mhux indipendenti hija importanti daqs l-“irremovabbiltà” ta’ mħallfin indipendenti. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ mħallfin suġġetti għal xi interess politiku, ekonomiku jew privat hija attakk fuq il-qalba ta’ sistema ġuridika bbażata fuq l-Istat tad-dritt u ta’ demokrazija mibnija fuq is-separazzjoni tal-poteri.

161.

B’dan ma jiniex qiegħed nimplika li xi mħallef li l-ħatra tiegħu tqajjem kwistjonijiet ta’ indipendenza għandu ipso facto jitneħħa mill-kariga u d-deċiżjonijiet tiegħu jew tagħha jiġu invalidati. Madankollu, sistema ġuridika għandha tkun tista’ teżegwixxi l-osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-ġudikatura. Dan iwassalni għall-punt finali tiegħi.

162.

Kif imsemmi iktar ’il fuq, mhux in-nuqqasijiet kollha fi proċedura ta’ ħatra ġudizzjarja jqajmu problemi ta’ indipendenza. Ma hemm ebda awtomatiżmu f’dan ir-rigward ( 81 ). Lanqas ma hemm awtomatiżmu fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn konstatazzjoni li individwu ġie maħtur b’mod żbaljat għal kariga ġudizzjarja, partikolarment fejn l-illegalità toriġina minn ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza. Minflok, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, għandha tiġi kkonstatata korrelazzjoni raġonevoli bejn ir-regoli jew il-prinċipji li ġew miksura, is-serjetà tal-ksur imwettaq u t-tip u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rimedji disponibbli (u, jekk ikun hemm bżonn, is-sanzjonijiet imposti fuq min wettaq il-ksur), fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkustanzi ta’ każ ( 82 ).

163.

Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal, inter alia, il-proporzjonalità, iċ-ċertezza ġuridika, l-osservanza tar-res judicata, u l-imparzjalità tal-proċedura żgur li jkunu familjari għal kwalunkwe evalwazzjoni dwar jekk ir-rimedji nazzjonali f’dan il-qasam jiżgurawx l-osservanza u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

164.

Għaldaqstant, ma nara ebda tensjoni bejn il-possibbiltà ta’ konstatazzjoni li l-ħatra ta’ mħallef kienet ivvizzjata minn xi żball proċedurali (anki fejn dan l-iżball huwa ta’ natura li joħloq, fl-imħuħ tal-individwi, dubji fir-rigward tal-indipendenza tiegħu jew tagħha), u l-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin.

V. Konklużjoni

165.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domandi preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), kif ġej:

Sabiex tiġi evalwata l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fl-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-elementi kollha rilevanti u tieħu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, ir-raġunijiet u l-għanijiet speċifiċi tal-miżuri nazzjonali li jistgħu jkunu applikabbli għas-sitwazzjoni. F’dan il-kuntest, kemm l-elementi formali u istituzzjonali kif ukoll elementi iktar konkreti u speċifiċi għall-każ jistgħu jkunu rilevanti, skont il-karatteristiċi tal-każ inkwistjoni u d-dispożizzjoni(jiet) tal-Unjoni li tista’ tkun (jistgħu jkunu) applikabbli. Is-sinjifikat ta’ dawn l-elementi ma għandux jiġi evalwat per se jew b’mod iżolat, iżda għandu jiġi evalwat flimkien fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u istituzzjonali iktar wiesa’;

Iċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel sal-ħames domanda ma humiex tali li joħolqu dubji fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ mħallfin nazzjonali għall-għanijiet tal-Artikoli 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat li jobbliga lill-qrati nazzjonali jivverifikaw jekk irregolarità li tivvizzja proċedura għall-ħatra ta’ mħallef tistax twassal għal ksur tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni. Fejn iqum dubju ġenwin u serju dwar dan il-punt, din il-kwistjoni għandha titqajjem ex officio mill-qorti. Il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin ma jipprekludix lil qrati nazzjonali milli jwettqu din il-verifika.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Tůma, Z., “Soudce nelze novelizovat” (L-Imħallfin Ma Jisgħux Jiġu Emendati), fi: Kokeš, M., u Pospíšil, I., (edituri), In dubio pro libertate: Úvahy nad ústavními hodnotami a právem. Pocta Elišce Wagnerové u příležitosti životního jubilea, Masarykova Univerzita, Brno, 2009, p. 247.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

( 4 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2017, K 5/17, OTK‑A 2017.

( 5 ) Mattew 7:12 – “Għalhekk dak kollu li trid li ħadd ieħor jagħmel lilek, għandek inti wkoll tagħmel lil ħadd ieħor” [traduzzjoni libera] (King James Bible) jew, fi traduzzjoni iktar moderna, “Għamel lill-oħrajn dak kollu li trid li huma jagħmlu lilek” [traduzzjoni libera] (New American Bible). Madankollu, l-istess “regola tat-deheb” tal-imġiba hija kkunsidrata wkoll li tikkostitwixxi tagħlima bażika ta’ numru ta’ reliġjonijiet oħra.

( 6 ) Bħal, f’din il-kawża, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, ikkwotat iktar ’il fuq fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) B’ċerti sistemi ta’ dritt sekondarju li jkunu applikabbli wkoll b’mod trażversali, jiġifieri indipendentement minn kwalunkwe leġiżlazzjoni settorjali (sostantiva). Minkejja li evidentement ma hijiex applikabbli f’din il-kawża, ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007 L 142M, p. 825), esplorata fid-dettall fil-konklużjonijiet tiegħi f’Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punti 183 sa 225).

( 8 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punti 1718 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 37 sa 42), u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 51).

( 10 ) Kawżi magħquda C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 161162.

( 11 ) Ibid., punti 163 sa 169.

( 12 ) Kawża C‑487/19, W. Ż., (ĠU 2019, C 337, p. 4). Fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża, l-Avukat Ġenerali Tanchev ikkonkluda li l-ħatriet ġudizzjarji mwettqa mill-President tar-Repubblika bi ksur tas-sospensjoni tal-proċedura tal-ħatra b’ordni tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ikkostitwixxew ksur manifest u intenzjonat tar-regoli nazzjonali, li jammonta għal ksur flagranti tal-proċedura tal-ħatra għall-imħallfin (EU:C:2021:289, punti 87 sa 89).

( 13 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 23). Iktar reċenti, ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza reċenti tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ Mħallfin fil-Qorti Superjuri - Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/09 (Ftehim li Joħloq Sistema Unifikata ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim fil-Qasam tal-Privattivi) (EU:C:2011:123, punt 66).

( 16 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2016:825, punti 8586), u tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:265, punt 53).

( 17 ) Bil-bidu tagħha diġà f’kawżi bħal dik li wasslet għas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels (61/65, EU:C:1966:39, f’p. 273), ma huwiex b’kumbinazzjoni li t-terminoloġija applikata konsistentement għamlet riferiment għal “korp” (“organisme” bil-Franċiż; “Einrichtung” bil-Ġermaniż), bħala l-istituzzjoni rilevanti.

( 18 ) Diġà, pereżempju, f’sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 1987, Pretore di Salò (14/86, EU:C:1987:275, punti 67), dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Pretore Taljan, bħala mħallef uniku u li jaġixxi, essenzjalment, f’dak l-istadju tal-proċeduri, bħala mħallef inkwerenti.

( 19 ) Għal ħarsa ġenerali, ara pereżempju Broberg, M., u Fenger, N., Preliminary References to the European Court of Justice, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2014, p. 61 u 62.

( 20 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1982 (102/81, EU:C:1982:107, punti 7 sa 16).

( 21 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C‑377/13, EU:C:2014:1754, punt 24); tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 20); u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 18).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2014, TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265, punti 27 sa 38), u tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, b’mod partikolari l-punt 55).

( 23 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’De Coster (C‑17/00, EU:C:2001:366, punt 14).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punti 15 sa 30), u d-digriet tat‑23 ta’ Ottubru 2018, Conseil départemental de l’ordre des chirurgiens-dentistes de la Haute-Garonne (C‑296/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:857, punt 6). B’mod iktar ġenerali dwar din il-kwistjoni, u b’iktar riferimenti, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Ministerstwo Sprawiedliwości (C‑55/20, EU:C:2021:500, punti 31 sa 62).

( 25 ) Ara, inter alia, il-Ġermaniż (“gesetzliche Grundlage der Einrichtung”), l-Ispanjol (“origen legal”), il-Franċiż (“origine légale”), it-Taljan (“origine legale”), il-Portugiż (“origem legal”).

( 26 ) Kif il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement innotat f’kawża li qajmet, anki jekk f’kuntest differenti, kwistjoni interpretattiva simili fis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 31).

( 27 ) Sentenza tal-Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punt 229 sa 234), kif reċentement ikkonfermat f’sentenza tal-Qorti EDB, 7 ta’ Mejju 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o.o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0507JUD000490718, punt 243 sa 247).

( 28 ) L-iktar reċenti, ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża W.Ż (Kawża C‑487/19, EU:C:2021:289, punti 70 sa 80).

( 29 ) Punti 36 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara, iktar reċentement, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 31 ) Sentenza tal‑4 ta’ Frar 1999, Köllensperger u Atzwanger (C‑103/97 EU:C:1999:52, punt 24). Din il-ġurisprudenza tfakkar l-approċċ meħud mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar din il-kwistjoni, ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 186).

( 32 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347, punti 22 sa 32).

( 33 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 49).

( 34 ) Għalhekk korpi inkarigati b’appelli amministrattivi huma esklużi milli jagħmlu rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE – ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 1993, Corbiau (C‑24/92, EU:C:1993:118, punti 15 sa 17) jew tat‑30 ta’ Mejju 2002, Schmid (C‑516/99, EU:C:2002:313, punti 34 sa 38).

( 35 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (l-istatus tal-giudici di pace Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, speċjalment il-punti 43 u 55). Qabbel din il-kawża ma’ kawżi preċedenti – li essenzjalment jikkonċernaw l-istess kwistjoni – li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rinviju bħala inammissibbli, iżda biss minħabba li l-qorti tar-rinviju kienet, skont id-dritt nazzjonali, manifestament inkompetenti. Minkejja li wħud mill-partijiet qajmu l-kwistjoni tal-imparzjalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet ebda riferiment għal xi argument bħal dan fid-digrieti tagħha: ara d-digrieti tas‑6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo (C‑472/17, mhux ippubblikat EU:C:2018:684), u tas‑17 ta’ Diċembru 2019, Di Girolamo (C‑618/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1090).

( 36 ) B’mod ġenerali dwar din il-kwistjoni, u b’riferimenti għall-ġurisprudenza rilevanti, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:340, punti 59 sa 62).

( 37 ) Fid-dettall fir-rigward ta’ kwistjonijiet simili li joriġinaw fil-kuntest tas-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535), ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża WB et, punti 115 sa 120.

( 38 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża WB et, punt 154.

( 39 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, iżda mingħajr, fil-fehma tiegħi, ma jkollu ebda effett fuq id-dispożizzjoni ta’ din il-kawża, jista’ jiġi miżjud li l-eżistenza ta’ irregolaritajiet proċedurali f’din il-proċedura tal-ħatra ġew ikkonfermati, wara li saret is-seduta f’din il-kawża, permezz tas-sentenzi tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tas‑6 ta’ Mejju 2021, II GOK 2/18, II GOK 3/18, II GOK 5/18, II GOK 6/18 u II GOK 7/18. Minħabba dawn l-irregolaritajiet proċedurali, din il-qorti annullat ir-riżoluzzjonijiet ikkontestati tal-KRS, mingħajr, madankollu, ma bl-ebda mod indirizzat il-validità tad-deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika li ħatru l-imħallfin inkwistjoni.

( 40 ) Dwar il-problemi li joriġinaw, fir-rigward tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, minn din l-“alleanza immorali” ta’ rwoli, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Prokuratura Rejonowa, b’mod partikolari l-punti 178 sa 192.

( 41 ) F’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 194 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ibid., punt 26.

( 44 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 24), u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 31).

( 45 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 48).

( 46 ) Ibid., punti 49 sa 51.

( 47 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 127130 sa 134 u l-ġurisprudenza ċċitata). (iktar ’il quddiem “A. K. et”).

( 48 ) A. K. et, punti 152 u 153.

( 49 ) Qabbel mas-sentenza tal-Qorti EDB, 6 ta’ Ottubru 2011, Agrokompleks vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2011:1006JUD002346503, punt 136). B’mod iktar ġenerali dwar din il-kwistjoni, Spano, R., “The rule of law as the lodestar of the European Convention on Human Rights: The Strasbourg Court and the independence of the judiciary’”European Law Journal, 2021, p. 9.

( 50 ) Għal diskussjoni u kategorizzazzjoni iktar iddettaljati tax-xenarji potenzjali, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punti 240 sa 248).

( 51 ) Punti 36 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll punti 163 sa 169 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża WB et.

( 52 ) Ara, b’iktar riferimenti, il-konklużjonijiet tiegħi f’E.B. (C‑258/17, EU:C:2018:663, punti 44 sa 48).

( 53 ) Madankollu, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B. (C‑258/17, EU:C:2019:17, punti 5455).

( 54 ) Dan, wieħed jittama, bl-eċċezzjoni tas-“soluzzjoni” msemmija fil-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) It-terminu “lustrazzjoni” – neoloġiżmu li joriġina mill-kelma Latina qadima “lustratio” li kienet tfisser purifikazzjoni bis-sagrifiċċju – intuża b’mod ġenerali sabiex isir riferiment għal miżuri ta’ ġustizzja tranżitorja, adottati fi Stati post-Komunisti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, sabiex jiġu ffaċilitati riformi istituzzjonali u amministrattivi, kif ukoll trasformazzjoni politika u soċjali. Dawn il-miżuri sikwit kienu jinvolvu programmi ta’ filtrazzjoni intenzjonati li jevalwaw l-integrità u l-kapaċitajiet ta’ individwi li jservu f’xi oqsma prinċipali tal-amministrazzjoni pubblika (inkluż l-imħallfin). Ara, b’mod ġenerali, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Assemblea Parlamentari, “Measures to dismantle the heritage of former communist totalitarian systems: Guidelines to ensure that lustration laws and similar administrative measures comply with the requirements of a State based on the rule of law” (doc. 7568), 3 ta’ Ġunju 1996; u Horne, C.M., “Transitional justice: Vetting and lustration”, f’Lawther, C., Moffett, L., u Jacobs, D. (edituri), Research Handbook on Transitional Justice, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2017, p. 424 sa 441.

( 56 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Presidenza, Kunsill Ewropew f’Kopenħagen (21 u 22 ta’ Ġunju 1993). Ara, attwalment, l-Artikolu 49 TUE.

( 57 ) Lanqas, sa fejn naf jien, ma hemm xi ftehim internazzjonali vinkolanti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari wieħed vinkolanti għall-Unjoni Ewropea u/jew l-Istati Membri tagħha.

( 58 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 48).

( 59 ) Sentenza tal-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2014, Naidin vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2014:1021JUD003816207, punt 51). Ara wkoll in-Nazzjonijiet Uniti, Rule-Of-Law Tools for Post-Conflict States - Vetting: an operational framework, 2006, p. 3 sa 5: li jissuġġerixxi li riforma tal-persunal bl-għan li teskludi mis-servizz pubbliku lil persuni b’nuqqasijiet serji ta’ integrità tikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja ċivika u sabiex l-istituzzjonijiet pubbliċi jiġu lleġittimati mill-ġdid.

( 60 ) Sentenza tal-Qorti EDB, 26 ta’ Settembru 1995, Vogt vs Il‑Ġermanja, (CE:ECHR:1995:0926JUD001785191, punt 59).

( 61 ) Sentenzi tal-Qorti EDB, 24 ta’ Ġunju 2008, Adamsons vs Il‑Latvja (CE:ECHR:2008:0624JUD000366903, punt 116), u tat‑3 ta’ Settembru 2015, Sõro vs l‑Estonja (CE:ECHR:2015:0903JUD002258808, punti 60 u 61). Ara wkoll il-Kunsill tal-Ewropa, l-Assemblea Parlamentari, ir-Riżoluzzjoni 1096 tas‑27 ta’ Ġunju 1996 dwar miżuri sabiex jiġi gradwalment eliminat il-wirt ta’ ex sistemi totalitarjani Komunisti, p. 12.

( 62 ) Sentenzi tal-Qorti EDB, 14 ta’ Frar 2006, Turek vs Is‑Slovakkja (CE:ECHR:2006:0214JUD005798600, punt 115); 24 ta’ Ġunju 2008, Adamsons vs Il‑Latvja (CE:ECHR:2008:0624JUD000366903, punt 116); u 24 ta’ April 2007, Matyjek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2007:0424JUD003818403, punt 62).

( 63 ) Sentenzi tal-Qorti EDB, 24 ta’ Ġunju 2008, Adamsons vs Il‑Latvja (CE:ECHR:2008:0624JUD000366903, punt 116), u 21 ta’ Jannar 2016, Ivanovski vs Dik li Kienet Ir‑Repubblika Jugożlava tal‑Maċedonja (CE:ECHR:2016:0121JUD002990811, punt 185). Ara wkoll id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia riprodotta f’din is-sentenza f’punt 108 (a), li skontha “l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ lustrazzjoni żmien twil wara l-bidu tal-proċess ta’ demokratizzazzjoni f’pajjiż tirriskja li tqajjem dubji dwar l-għanijiet attwali tagħha. Il-vendikazzjoni ma għandhiex tipprevalixxi fuq il-protezzjoni tad-demokrazija. Għaldaqstant huma meħtieġa raġunijiet solidi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 64 ) Kif previst ukoll mill-Artikolu 52(3) tal-Karta u l-Artikolu 6(3) TUE.

( 65 ) Fis-sens tar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ikkwotata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, bil-preżunzjoni li kwalunkwe każ bħal dan jgħaddi wkoll mill-istadju tal-għan leġittimu u tal-legalità meta jiġu analizzati l-motivi ġenwini wara tali miżuri.

( 66 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Għalhekk dan jipprovdi studju ta’ każ għat-teħid inkunsiderazzjoni taċ-“ċirkustanzi rilevanti kollha”, kif indikat iktar ’il fuq fil-punti 98 sa 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 68 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, b’mod partikolari l-punti 75 sa 82).

( 69 ) Sentenza tal-Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 244 sa 252).

( 70 ) Ibid., punt 246.

( 71 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza mill-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 82u 85).

( 72 ) Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 51).

( 73 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża WB et, punti 171 sa 196.

( 74 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 7 ta’ Mejju 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o. o. vs Il‑Polonja, (CE:ECHR:2021:0507JUD000490718), li pprovdiet li ċerti ħatriet reċenti għat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) saru bi ksur flagranti tad-dritt domestiku u li l-influwenza esterna illegali eżerċitata fuq dan il-korp mil-leġiżlatur u mill-eżekuttiv timmina l-essenza nnifisha tad-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi” skont l-Artikolu 6(1) KEDB.

( 75 ) L-iktar reċenti, u pjuttost rilevanti għal dawn il-proċeduri fid-dawl tal-partijiet ikkonċernati f’din il-kawża, ara, pereżempju, is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑15 ta’ April 2021, K 20/20, li waslet għall-konklużjoni li dispożizzjoni tal-Liġi dwar l-Ombudsman, li tipprevedi li l-persuna li attwalment tinsab fil-kariga tibqa’ fil-kariga, anki wara l-iskadenza tat-terminu tagħha, sakemm jinħatar Ombudsman ġdid, hija antikostituzzjonali. Ma huwiex faċli li jinftiehem għaliex dispożizzjoni bħal din, li leġittimament tiżgura l-kontinwità istituzzjonali f’numru ta’ korpi madwar l-Ewropa, inkluż il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea), tista’ tkun kunċettwalment antikostituzzjonali. Madankollu, kwalunkwe dilemma intellettwali f’dan ir-rigward tista’ tisparixxi malajr jekk wieħed jifhem il-kuntest, b’mod partikolari għaliex kien hemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni bħal din u min kellu bżonnha.

( 76 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 13 u 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 77 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, b’mod partikolari l-punti 75 sa 82).

( 78 ) Ibid., punti 53 sa 58. Enfasi miżjuda minni.

( 79 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (l-istatus tal-giudici di pace Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, b’mod partikolari l-punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 80 ) Ibid., punt 48.

( 81 ) Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418), opinjoni konġunta parzjalment konkordanti, parzjalment dissidenti tal-Imħallfin O’Leary, Ravarani, Kucsko‑Stadlmayer u Ilievski, b’mod speċjali l-punt 53.

( 82 ) B’mod ġenerali dwar din il-korrelazzjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara et (C‑64/20, EU:C:2021:14, punti 34 sa 63).