SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Fond Agrikolu Ewropew għall‑Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Regolament (UE) Nru 1305/2013 – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 807/2014 – Stabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ – Żvilupp tal‑azjendi agrikoli – Appoġġ maħsub għall-ħolqien ta’ impriżi għal bdiewa żgħażagħ – Kundizzjonijiet għall-aċċess – Ekwivalenza – Installazzjoni bħala kap mhux uniku ta’ azjenda – Limiti massimi – Iffissar – Kriterji – Produzzjoni standard tal-azjenda agrikola”

Fil-Kawża C‑830/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de première instance de Namur (il‑Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Namur, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Novembru 2019, fil‑proċedura

C.J.

vs

Région Wallonne,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Novembru 2020,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C.J., minn A. Grégoire, avocat,

għar-Région wallonne, minn X. Drion, advocaat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn X. Lewis u M. Kaduczak, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 5 u 19 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1), ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU 2014, L 227, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn C.J. u r-Région wallonne (ir-Reġjun ta’ Wallonie, il-Belġju) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jħallsu l-appoġġ għall‑istabbiliment previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1305/2013 favur bdiewa żgħażagħ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1305/2013

3

Il-premessa 17 ta’ dan ir-regolament tistipula:

“[…] Miżura għall-iżvilupp tal-azjendi agrikoli u n-negozji għandha tiffaċilita l-istabbiliment inizjali ta’ bdiewa żgħażagħ u l-aġġustament strutturali tal-azjenda agrikola tagħhom wara l-istabbiliment inizjali. […] Għandu jiġi inkuraġġut ukoll l-iżvilupp ta’ azjendi żgħar, li potenzjalment huma ekonomikament vijabbli. […] L-appoġġ għal bidu ta’ negozju għandu jkopri biss il-perijodu inizjali tal-ħajja ta’ tali negozju u ma għandux isir għajnuna għall-operat. […]”

4

Skont l-Artikolu 2(1)(n) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, […] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(n)

‘bidwi żagħżugħ’ tfisser persuna li jkollha anqas minn 40 sena fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, li jkollha ħiliet u kompetenzi tax-xogħol adegwati u li tkun qiegħda tistabbilixxi lilha nnifisha għall-ewwel darba f’azjenda agrikola bħala l-kap ta’ dik l-azjenda […]”.

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedi li:

“Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ żvilupp rurali li jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, għandhom jiġu segwiti s-sitt prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, li jirriflettu fl-Objettivi Tematiċi rilevanti tal‑[Qafas Strateġiku Komuni]:

[…]

it-titjib tal-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli u l-kompetittività tat-tipi kollha ta’ agrikoltura fir-reġjuni kollha u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji agrikoli innovattivi u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, b’enfasi fuq l-oqsma li ġejjin:

[…]

(b)

il-faċilitazzjoni tad-dħul ta’ bdiewa b’ħiliet adegwati fis-settur agrikolu u, b’mod partikolari, it-tiġdid ġenerazzjonali;

[…]”

6

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1305/2013 kien jiddisponi:

“1.   L-appoġġ taħt din il-miżura għandu jkopri:

(a)

għajnuna biex jiġi stabbilit negozju għal:

(i)

bdiewa żgħażagħ;

[…]

2.   L-appoġġ skont il-punt (a)(i) tal-paragrafu 1 għandu jingħata lil bdiewa żgħażagħ

[…]

4.   […]

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-limiti massimi u minimi biex l-azjendi agrikoli jingħatalhom aċċess għal appoġġ skont il-punti (a)(i) u (a)(iii) tal-paragrafu 1. […] L-appoġġ għandu jkun limitat għall-azjendi li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ impriżi mikro u żgħar.

[…]

8.   Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u effettiv tar-riżorsi baġitarji tal-FAEŻR, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 83 li jistipula l-kontenut minimu tal-pjanijiet tan-negozju u l-kriterji li għandhom jintużaw mill-Istati Membri biex jiġu stabbiliti l-limiti msemmijin fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. […]”

Ir-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014

7

Il-premessi 2 u 5 tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014 jistipulaw:

“(2)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-aċċess għall-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ f’każ li ma jkunux qed jiġu stabbiliti bħala kap waħdieni tal-azjenda. Sabiex jiġi assigurat it-trattament indaqs tal-benefiċjarji irrispettivament mill-forma legali li biha jagħżlu li jiġu stabbiliti f’azjenda agrikola, għandu jiġi pprovdut li l-kundizzjonijiet li bihom persuna ġuridika jew forma oħra ta’ sħubija tista’ titqies bħala ‘bidwi żagħżugħ’ għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk ta’ persuna fiżika. Għandu jkun ipprovdut perijodu ta’ konċessjoni, twil biżżejjed biex jippermetti lill-bdiewa żgħażagħ jiksbu l-kwalifiki meħtieġa.

[…]

(5)

[…] Sabiex jiġi assigurat trattament ugwali bejn il-benefiċjarji madwar l-Unjoni u sabiex jiġi faċilitat il-monitoraġġ, il-kriterju li għandu jintuża għall-istabbiliment tal-limiti msemmija fl-Artikolu 19(4) [tar-Regolament Nru 1305/2013] għandu jkun il-potenzjal ta’ produzzjoni ta’ dik l-azjenda agrikola.”

8

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega kien jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi għall-aċċess għall-appoġġ meta bidwi żagħżugħ kif definit fl-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ma jkunx qiegħed jistabbilixxi ruħu bħala kap waħdieni tal-azjenda, irrispettivament mill-forma legali tagħha. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk meħtieġa minn bidwi żagħżugħ li jistabbilixxi ruħu bħala kap waħdieni ta’ azjenda. Fil-każijiet kollha, il-kontroll fuq l-azjenda għandu jinżamm mill-bdiewa żgħażagħ.”

9

L-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament ta’ delega jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-limiti msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 f’termini tal-potenzjal ta’ produzzjoni tal-azjenda agrikola, imkejla bħala produzzjoni standard, kif definit fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1242/2008 [tat‑8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi tipoloġija Komunitarja għal azjendi agrikoli (ĠU 2008, L 355, p. 3)], jew ekwivalenti.”

Ir-Regolament Nru 1242/2008

10

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1242/2008 kien jiddisponi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘produzzjoni standard’ tfisser il-valur standard tal-produzzjoni grossa.

[…]”

Id-dritt Belġjan

Id-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie

11

L-Artikolu 25 tal-Arrêté du Gouvernement wallon (AGW) du 10 septembre 2015 relatif aux aides au développement et à l’investissement dans le secteur agricole (id-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie tal‑10 ta’ Settembru 2015 dwar l-Appoġġ għall-Iżvilupp u l-Investiment fis-Settur Agrikolu) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie”) jipprevedi, f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ appoġġ:

“L-azjenda agrikola ttrasferita jew maħluqa għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

Il-produzzjoni grossa standard fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1242/2008 […] għandha tikkonforma mal-limitu minimu u l-limitu massimu stabbiliti mill-Ministru.

[…]”

Id-Digriet Ministerjali

12

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tal-arrêté ministériel du 10 septembre 2015 exécutant l’arrêté du gouvernement wallon (id-Digriet Ministerjali tal‑10 ta’ Settembru 2015 ta’ Implimentazzjoni tad-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jistipula:

“Il-limitu massimu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(6) tad-[Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie] għandu jkun ta’ EUR 1000000 meta min jistabbilixxi ruħu jkun bidwi żagħżugħ, u ta’ EUR 1500000 meta jistabbilixxu ruħhom żewġ bdiewa żgħażagħ jew iktar fl-istess ħin.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa bidwi żagħżugħ stabbilit fil-Belġju. Permezz ta’ ftehim ta’ trasferiment ta’ azjenda, ħa f’idejh terz mill-azjenda tal-ġenituri tiegħu, sabiex ikompli jħaddem l-impriża agrikola tal-familja. L-attività tiegħu hija eżerċitata fil-forma ta’ assoċjazzjoni de facto ma’ missieru, li huwa wkoll detentur ta’ terz tal-azjenda, bl-aħħar terz jappartjeni lil omm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

14

Fis‑27 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq quddiem ir-Reġjun ta’ Wallonie talba għal appoġġ għall-istabbiliment.

15

Fit‑28 ta’ Ottubru 2016, ir-Reġjun ta’ Wallonie ċaħad din it-talba, minħabba li l-azjenda ttrasferita kellha produzzjoni grossa standard (iktar ’il quddiem il-“PGS”) li l-valur tagħha kien jaqbeż il-limitu massimu previst mil-leġiżlazzjoni reġjonali, stabbilit għal EUR 1 miljun.

16

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq ilment quddiem l-aġenzija tal-ħlas kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, fejn talab li, għad-determinazzjoni tal-PGS, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ma huwiex stabbilit bħala kap uniku tal-azjenda.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2016, l-aġenzija tal-ħlas ċaħdet dan l-ilment u kkonfermat l-ewwel deċiżjoni tagħha billi qieset li l-valur tal-PGS li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni kien dak tal-azjenda kollha kemm hija u li, peress li jammonta għal EUR 1 976 980.45, kien għalhekk jaqbeż il-limitu massimu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

18

Fit‑12 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

19

Dik il-qorti tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba tal-appoġġ għall-istabbiliment tal-bidwi żagħżugħ li ma huwiex stabbilit bħala kap uniku tal-azjenda, previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de première instance de Namur (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Namur, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 2, 5 u 19 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 […], moqrija flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 […], jipprekludu li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-ażjenda kollha u mhux biss sehem il-bidwi żagħżugħ fiha u/jew l-unitajiet ta’ xogħol (UX) sabiex jiġu ddeterminati l-limiti minimi u massimi meta l-ażjenda agrikola tkun organizzata taħt forma ta’assoċjazzoni de facto li minnha l-bidwi żagħżugħ jakkwista sehem indiviż u jsir il-kap tal-ażjenda iżda mhux b’mod eżklużiv?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2, 5 u 19 tar-Regolament Nru 1305/2013, ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 2 u 5 tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-kriterju ta’ determinazzjoni tal-limitu massimu li jippermetti lil bidwi żagħżugħ, li jistabbilixxi ruħu bħala kap mhux uniku tal-azjenda, jaċċedi għall-appoġġ maħsub għall-ħolqien ta’ impriżi huwa dak tal-PGS tal-azjenda agrikola kollha, u mhux biss tal-parti ta’ dan il-bidwi żagħżugħ f’din l-azjenda.

22

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament Nru 1305/2013 jiddefinixxi l-“bidwi żagħżugħ” bħala persuna li jkollha inqas minn 40 sena fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, li jkollha ħiliet u kompetenzi professjonali adegwati u li tkun qiegħda tistabbilixxi lilha nnifisha għall-ewwel darba f’azjenda agrikola bħala l-kap tal-imsemmija azjenda.

23

Għalkemm, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-impriża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tieħu l-forma ta’ assoċjazzjoni mingħajr personalità ġuridika, li tinkludi, minbarra r-rikorrent fil-kawża prinċipali, persuni fiżiċi li ma humiex bdiewa żgħażagħ, għandu jiġi kkonstatat li t-termini ta’ din id-dispożizzjoni la jippreġudikaw il-forma ġuridika li tali azjenda jista’ jkollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 42) u lanqas il-possibbiltà li wieħed jistabbilixxi ruħu hemmhekk bħala kap tal-azjenda ma’ bdiewa oħra.

24

Skont l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013, l-appoġġ għall-iżvilupp tal-azjendi agrikoli u tal-impriżi jkopri b’mod partikolari l-appoġġ maħsub għall-ħolqien ta’ impriżi għall-bdiewa żgħażagħ.

25

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu b’mod partikolari l-limiti massimi u minimi għall-aċċess tal-azjendi agrikoli għall-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ bis-saħħa tal-Artikolu 19(1)(a)(i) tal-imsemmi regolament, peress li dan l-appoġġ huwa limitat għall-azjendi li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-impriżi mikro u żgħar.

26

Għalkemm it-termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jittrattawx b’mod espliċitu l-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jiffissaw il-limiti msemmija fihom għal kull azjenda u mhux għal kull bidwi żagħżugħ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1305/2013 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, li jikkompleta r-Regolament Nru 1305/2013, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi l-kriterju li dawn l-Istati għandhom jikkunsidraw għall-finijiet tal-iffissar tal-limiti msemmija f’dan l-Artikolu 19(4).

27

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(8) tar-Regolament Nru 1305/2013, sabiex jiġi żgurat l-użu effikaċi u effettiv tar-riżorsi tal-FAEŻR, il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta atti ddelegati b’mod partikolari għad-definizzjoni tal-limiti msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.

28

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-imsemmija limiti f’termini ta’ potenzjal ta’ produzzjoni tal-azjenda agrikola, imkejla fi produzzjoni standard jew ekwivalenti. L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1242/2008 kien jippreċiża, għal dan il-għan, li l-produzzjoni standard hija ddefinita bħala l-“valur standard tal-produzzjoni grossa”.

29

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kriterju ta’ determinazzjoni tal-limitu għall-aċċess għall-appoġġ maħsub għall-ħolqien ta’ impriża, bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1305/2013, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, għandha tingħata prijorità lill-kliem tad-dispożizzjonijiet interpretati, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-kuntest li jagħmlu parti minnu u tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1305/2013 (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 39).

30

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 19(1) (a)(i) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1305/2013, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-PGS tal-azjenda kollha. L-użu, fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, tat-termini “potenzjal ta’ produzzjoni tal-azjenda agrikola”, li jirreferu għall-kriterju oġġettiv tal-“azjenda”, jikkorrobora din l-interpretazzjoni.

31

Fir-rigward tal-kuntest li fih jaqgħu dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, kif tistipula l-premessa 5 tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, il-kriterju tal-potenzjal ta’ produzzjoni tal-azjenda agrikola li għandu jintuża fl-iffissar tal-limiti msemmija fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1305/2013 ġie stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod partikolari sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll.

32

Issa, teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li tipprovdi li l-limiti għall-aċċess tal-azjendi agrikoli għall-appoġġ jistgħu jiġu ffissati għal kull azjenda, huwa, fir-rigward tal-forom legali differenti li taħthom il-bdiewa jistgħu jagħżlu li jistabbilixxu ruħhom, l-istess bħar-regoli inerenti għal kull waħda minn dawn il-forom, b’mod partikolari f’termini tat-tqassim tal-ishma tal-azjenda, ta’ natura li jiffaċilitaw il-kontrolli.

33

L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt preċedenti hija wkoll ikkorroborata permezz tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1305/2013.

34

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1305/2013 jistabbilixxi l-għanijiet li għalihom għandha tikkontribwixxi l-politika ta’ żvilupp rurali kif ukoll il-prijoritajiet korrispondenti tal-Unjoni, billi jipprevedi l-miżuri adegwati sabiex jimplimentawha. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament isemmi sitt prijoritajiet għall-iżvilupp rurali, fosthom it-titjib tal-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli u tal-kompetittività tat-tipi kollha ta’ agrikoltura, billi jiffaċilita, b’mod partikolari, id-dħul ta’ bdiewa suffiċjentement ikkwalifikati fis-settur tal-agrikoltura u billi jiżgura l-għan tat-“tiġdid ġenerazzjonali”.

35

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1)(a) u (4) tal-imsemmi regolament, l-appoġġ ikkonċernat huwa intiż sabiex jiffavorixxi l-ħolqien ta’ impriżi minn bdiewa żgħażagħ. F’dan ir-rigward, il-premessa 17 tal-istess regolament tippreċiża li s-sostenn għall-ħolqien ta’ impriżi jkopri biss il-perijodu inizjali tal-ħajja ta’ dawn l-impriżi u ma għandux isir appoġġ għall-operat.

36

Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-appoġġ ma jingħatax sabiex jiffavorixxi, mingħajr distinzjoni, il-ħolqien ta’ kull azjenda agrikola, iżda biss dak tal-azjendi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-kapijiet tal-azjenda, l-attivitajiet jew id-daqsijiet ta’ dawn l-azjendi, li jippermetti lill-Istati Membri li jirregolaw l-għoti tiegħu skont il-karatteristiċi speċifiċi għall-azjendi li l-bdiewa żgħażagħ jieħdu f’idejhom.

37

Issa, il-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa intiż preċiżament sabiex jissodisfa dawn l-għanijiet, peress li dan, peress li huwa parti mil-loġika tat-titjib tal-vijabbiltà tal-impriżi agrikoli, għandu l-effett li jirriżerva l-aċċess għall-appoġġ agrikolu għall-bdiewa żgħażagħ li jibdew l-attività tagħhom f’azjendi li l-produzzjoni globali tagħhom ma taqbiżx ċertu limitu, u b’hekk tiffaċilita d-dħul ta’ bdiewa fis-settur tal-agrikoltura. Kif irrilevaw, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u r-Reġjun ta’ Wallonie matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ eliġibbiltà bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija fil-fatt intiża sabiex jiġi evitat li l-imsemmi appoġġ jingħata lill-bdiewa żgħażagħ li l-azjenda tagħhom tiġġenera PGS ta’ portata tali li dawn il-bdiewa ma għandhomx, fir-realtà, bżonn ta’ appoġġ.

38

L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, li jwassal għad-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, ma jistax jikkontesta l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiffissaw il-limitu għall-aċċess għall-appoġġ ikkonċernat mhux għal kull benefiċjarju, iżda għal kull azjenda.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 2 ta’ dan, l-Istati Membri jistabbilixxu u japplikaw kundizzjonijiet partikolari għall-aċċess għall-appoġġ, meta bidwi żagħżugħ, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament Nru 1305/2013, ma jkunx stabbilit bħala kap uniku tal-azjenda. Mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 2 jirriżulta wkoll li dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk li japplikaw għal bidwi żagħżugħ li jistabbilixxi ruħu bħala kap uniku tal-azjenda u japplikaw indipendentement mill-forma ġuridika li taħtha l-benefiċjarji jiddeċiedu li jistabbilixxu ruħhom f’azjenda agrikola. Fil-każijiet kollha, il-kontroll fuq l-azjenda għandu jinżamm mill-bdiewa żgħażagħ.

40

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, minn naħa, jindirizza l-bidwi żagħżugħ, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxi ruħu flimkien ma’ persuni fiżiċi oħra u, min-naħa l-oħra, il-bidwi żagħżugħ li jistabbilixxi ruħu, waħdu, bħala kap uniku tal-azjenda agrikola. Skont din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-appoġġ agrikolu mitlub minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ bdiewa għandhom ikunu ekwivalenti.

41

Issa, leġiżlazzjoni li tikkundizzjona l-benefiċċju tal-appoġġ għall-ħolqien ta’ impriżi għal bdiewa żgħażagħ għall-PGS tal-azjenda kollha tissuġġetta lill-bidwi żagħżugħ li jistabbilixxi ruħu waħdu u dak li jistabbilixxi ruħu ma’ bdiewa oħra li ma jaqgħux taħt din il-kategorija għal rekwiżiti identiċi. Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni tissodisfa a fortiori r-rekwiżit ta’ ekwivalenza stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014.

42

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi l-limitu massimu tal-PGS tal-azjenda għal EUR 1.5 miljun fil-każ fejn żewġ bdiewa żgħar jew iktar jistabbilixxu ruħhom fl-istess ħin, minflok EUR 1 miljun fil-każ fejn bidwi żagħżugħ jistabbilixxi ruħu waħdu jew, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, ma’ kapijiet oħra tal-azjenda li ma jappartjenux għal din il-kategorija. Madankollu, il-limitu massimu hekk miżjud jieħu inkunsiderazzjoni differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni. Fil-fatt, żewġ bdiewa żgħażagħ jew iktar li jistabbilixxu ruħhom flimkien bħala kapijiet tal-azjenda, bħala prinċipju, huma f’pożizzjoni li jipproduċu iktar minn bidwi żagħżugħ li jinstalla ruħu waħdu. Din hija r-raġuni għaliex ir-rekwiżit ta’ ekwivalenza fil-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal appoġġ għall-istabbiliment bejn il-bdiewa żgħażagħ, skont jekk jinstallawx ruħhom waħedhom jew ma’ bdiewa żgħażagħ oħra, ma huwiex miksur bl-introduzzjoni ta’ tali limitu miżjud.

43

Ċertament, din il-leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll kundizzjonijiet ta’ aċċess differenti għall-appoġġ għall-istabbiliment, skont jekk il-bidwi żagħżugħ jinstallax ruħu ma’ bdiewa żgħażagħ oħra jew ma’ bdiewa oħra li ma jappartjenux għal din il-kategorija. Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1305/2013, u lanqas tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, ma timponi li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-appoġġ għall-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ li jinsabu f’żewġ sitwazzjonijiet distinti jkunu ekwivalenti. Barra minn hekk, huwa konformi mal-għan tal-appoġġ għall-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal dan l-appoġġ ikunu iktar favorevoli għal bdiewa żgħażagħ li jinstallaw ruħhom flimkien milli għal bidwi żagħżugħ li jinstalla ruħu ma’ bdiewa li ma jaqgħux taħt din il-kategorija.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 2, 5 u 19 tar-Regolament Nru 1305/2013, ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 2 u 5 tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-kriterju ta’ determinazzjoni tal-limitu massimu li jippermetti lil bidwi żagħżugħ, li jistabbilixxi ruħu bħala kap mhux uniku tal-azjenda, jaċċedi għall-appoġġ maħsub għall-ħolqien ta’ impriżi huwa dak tal-PGS tal-azjenda agrikola kollha, u mhux biss tal-parti ta’ dan il-bidwi żagħżugħ f’din l-azjenda.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 2, 5 u 19 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 2 u 5 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-kriterju ta’ determinazzjoni tal-limitu massimu li jippermetti lil bidwi żagħżugħ, li jistabbilixxi ruħu bħala kap mhux uniku tal-azjenda, jaċċedi għall-appoġġ maħsub għall-ħolqien ta’ impriżi huwa dak tal-produzzjoni grossa standard tal-azjenda agrikola kollha, u mhux biss tal-parti ta’ dan il-bidwi żagħżugħ f’din l-azjenda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.