SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) u (2) – Kunċett ta’ ‘tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku’ – Tniżżil permezz ta’ network peer‑to‑peer ta’ fajl li fih xogħol protett u tqegħid għad-dispożizzjoni simultanju tas‑segmenti ta’ dan il-fajl sabiex jittellgħu minn utenti oħra – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 3(2) – Użu abbużiv tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji – Artikolu 4 – Persuni intitolati li jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal‑proċeduri u tar-rimedji – Artikolu 8 – Dritt għal informazzjoni – Artikolu 13 – Kunċett ta’ ‘dannu’ – Regolament (UE) 2016/679 – Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali – Legalità tal-ipproċessar – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Miżuri leġiżlattivi intiżi li jillimitaw il‑portata tad-drittijiet u tal-obbligi – Drittijiet fundamentali – Artikoli 7 u 8, Artikolu 17(2) kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑597/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited

vs

Telenet BVBA,

fil-preżenza ta’:

Proximus NV,

Scarlet Belgium NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited, minn T. Toremans u M. Hügel, advocaten,

għal Telenet BVBA, minn H. Haouideg, avukat, u S. Debaene, advocaat,

għal Proximus NV u Scarlet Belgium NV, minn B. Van Asbroeck, avukat, u I. De Moortel u P. Hechtermans, advocaten,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Pucciariello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman, H. Kranenborg u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), tal-Artikolu 3(2) kif ukoll tal-Artikoli 4, 8 u 13 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), kif ukoll tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 10) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited (iktar ’il quddiem “Mircom”), kumpannija rregolata mid-dritt Ċiprijott, detentriċi ta’ ċerti drittijiet fuq numru kbir ta’ films pornografiċi prodotti minn tmien impriżi stabbiliti fl-Istati Uniti u fil-Kanada, u Telenet BVBA, kumpannija stabbilita fil-Belġju, li tipprovdi fost oħrajn servizzi ta’ aċċess għall-internet, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tipprovdi l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-klijenti tagħha fuq il-bażi ta’ diversi eluf ta’ indirizzi IP miġbura, għan-nom ta’ Mircom, minn kumpannija speċjalizzata, minn network peer‑to‑peer, fejn ċerti klijenti ta’ Telenet, permezz tal-protokoll BitTorrent, allegatament qiegħdu għad-dispożizzjoni films li jagħmlu parti mill-katalogu ta’ Mircom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-dritt tal-proprjetà intellettwali

– Id-Direttiva 2001/29

3

Il-premessi 3, 4, 9, 10 u 31 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(3)

L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

(4)

Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni […]

[…]

(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)

Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(31)

Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. […]”

4

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor [materjal protett ieħor]”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

[…]

(ċ)

għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

[…]

3.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

– Id-Direttiva 2004/48

5

Il-premessi 10, 14 u 18 tad-Direttiva 2004/48 huma fformulati kif ġej:

“(10)

L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

[…]

(14)

Il-miżuri provduti fl-Artikoli 6(2), 8(1) u 9(2) għandhom bżonn jiġu applikati fir-rigward ta’ atti li huma ta’ skala kummerċjali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibilità li Stati Membri japplikaw dawk il-miżuri wkoll għall-atti oħrajn. Azzjonijiet li jsiru fuq skala kummerċjali huma dawk li jsiru għall-vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett; dawn normalment jeskludi azzjonijiet mill-aħħar konsumaturi li jaġixxu b’intenzjoni tajba.

[…]

(18)

Il-persuni li huma ntitolati li jitolbu l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji m’għandhomx ikunu dawk biss li qegħdin iżommu id-dritt, imma wkoll dawk il-persuni li għandhom interess dirett u pożizzjoni legali sa fejn jistgħu u skond il-liġi applikabbli, li jistgħu jinkludu organiżazzjonijiet professjonali li għandhom l-inkarigu ta’ dawk id-drittijiet jew għad-difiża ta’ interessi kollettivi u individwali li għalihom huma jġorru ir-risponsabbilità.”

6

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu u fil-paragrafu 3(a) tiegħu:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.

[…]

3.   Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

(a)

id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jiggvernaw il-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)] […]”

7

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-Miżuri, il-Proċeduri u r-Rimedji”, jinkludi l-Artikoli 3 sa 15 tagħha. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu Ġenerali” jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

8

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-persuni ntitolati biex japplikaw għall-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji”:

“L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f’dan il-kapitolu:

(a)

id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(b)

il-persuni l-oħra kollha awtoriżżati, b’mod partikolari dawk li għandhom liċenza, safejn huwa permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(ċ)

is-soċjetajiet li jamministraw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod kollettiv li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(d)

is-soċjetajiet professjonali ta’ difiża li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli.”

9

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-evidenza”, jistipula, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Taħt l-istess kondizzjonijiet, fil-każ ta’ kontravvenzjoni kommessa fuq skala kummerċjali l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jgħinu l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jordnaw, fejn hu xieraq, fuq l-applikazzjoni ta’ xi parti, il-komunikazzjonijet bankarji, finanzjarji jew dokumenti kummerċjali taħt il-kontroll ta’ l-parti opposta, bla ħsara għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali.”

10

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”, jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

(a)

instab f’possessjoni ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

(b)

instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

(ċ)

instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu;

jew

(d)

kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew (ċ) bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi.

2.   L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

(b)

informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mgħotija jew ordnati, kif wkoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi in kwestjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

(a)

jagħtu d-detentur tad-dritt biex jirċievi aktar informazzjoni sħiħa;

(b)

jiggvernaw l-użu tal-passi legali ċivili jew kriminali ta’ l-informazzjoni kkomunikata skond dan l-Artikolu;

(ċ)

jiggvernaw ir-risponsabbilità ta’ l-użu ħażin tad-dritt ta’ l-informazzjon; jew

(d)

jaffordjaw opportunità li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li tisforza il-persuna li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 biex tammetti l-parteċipazzjoni tiegħu/tagħha jew ta’ familjari viċini li kien hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali;

jew

(e)

jiggverna il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l-informazzjoni jew il-proċessar tad-data personali.”

11

Konformement mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2004/48 intitolat “Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji”:

“Fil-każ ta’ kontravvenzjoni kommessa fuq skala kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, jekk il-parti offiża turi li hemm riskju li l-ħsara ma tistax tissewwa, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw s-sekwestru ta’ proprjetà mobbli jew mhux mobbli tal-kontravventur allegat, li jinkludu l-waqfien tal-kontijiet bankarji tiegħu/tagħha u assi oħra. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordaw komunikazzjoni tal-bank, finanzarja jew dokumenti kummerċjali jew aċċess xieraq għall-informazzjoni rilevanti.”

12

Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-danni”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

(a)

Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni.

jew

(b)

bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

2.   Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.”

– Id-Direttiva 2014/26/UE

13

L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72), intitolat “Notifika ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv”, jistipula:

“Sal-10 ta’ April 2016, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni li tinsab għad-dispożizzjoni tagħhom lista ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorji tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil f’dik il-lista.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni u żżommha aġġornata.”

Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali

– Id-Direttiva 95/46

14

Taħt it-Taqsima II tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, l-Artikolu 7(f) ta’ din id-direttiva, kien jipprevedi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

[…]

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet [terzi] li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

15

L-Artikolu 8(1) u (2)(e) ta’ din id-direttiva kien ifformulat kif ġej:

“1.   Stati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija trade-unjonistika, u l-ipproċessar ta’ data dwar saħħa jew ħajja sesswali.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn:

[…]

(e)

l-ipproċessar ikun dwar data li b’mod ċar ikun sar pubbliku mis-suġġett tad-data jew li jkun meħtieġ biex ikunu stabbiliti, eżerċitati jew protetti talbiet legali.”

16

L-Artikolu 13(1)(g) tal-imsemmija direttiva kien jistipula:

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

[…]

(g)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

– Ir-Regolament 2016/679

17

L-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi fil-punti 1, 2, 9 u 10:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

(2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(9)

‘riċevitur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. […]

(10)

‘parti terza’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp għajr is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuni li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data personali”.

18

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi, fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-ewwel paragrafu tiegħu u fit-tieni subparagrafu tal-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.”

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”

19

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(e) u (f) tiegħu, li l-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ ċertu tip ta’ data personali li tiżvela b’mod partikolari data relatata mal-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika ma tapplikax meta l-ipproċessar ikun jirrigwarda data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mill-persuna kkonċernata jew tkun neċessarja b’mod partikolari għall-konstatazzjoni, għall-eżerċizzju jew għad-difiża ta’ dritt legali.

20

L-Artikolu 23 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Restrizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(i) u (j) tiegħu:

“Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[…]

(i)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

(j)

l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.”

21

Skont l-Artikolu 94 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Tħassir tad-Direttiva [95/46]”:

“1.   Id-Direttiva [95/46] titħassar b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

2.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. […]”

22

L-Artikolu 95 tal-istess regolament, intitolat “Relazzjoni mad-Direttiva [2002/58]”, jistipula:

“Dan ir-Regolament m’għandux jimponi obbligi addizzjonali fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi dwar l-ipproċessar b’rabta mal-provvediment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku fin-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni fl-Unjoni b’rabta ma’ kwistjonijiet li għalihom ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi bl-istess objettiv stabbilit fid-Direttiva [2002/58].”

– Id-Direttiva 2002/58

23

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. […]”

24

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tiegħu, id-dispożizzjoni li ġejja:

“Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha”.

25

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, jipprevedi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux jaffettwa reġistrazzjoni legalment awtorizzata ta’ komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-trafffiku relatati meta mwettqa fil-kors ta’ prattika tal-kummerċ legali għall-iskop li tiġi pprovduta prova ta’ transazzjoni kummerċjali jew kull komunikazzjoni oħra kummerċjali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

26

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jipprovdi:

“1.   Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.   Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

3.   Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.

4.   Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-abbonat jew utent dwar it-tipi ta’data dwar it-traffiku li huma pproċessati u dwar iż-żmien ta’ dan l-ipproċessar għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 2, u qabel ma jakkwista l-kunsens, għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 3.

5.   L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

6.   Il-paragrafi 1, 2, 3 u 5 għandhom jgħoddu bla preġudizzu għall-possibilità ta’ korpij kompetenti li jiġu informati dwar data dwar it-traffiku skond il-leġislazzjoni applikabbli sabiex jiġu riżolti d-disputi, partikolarment disputi dwar interkonnessjoni jew kontijiet.”

27

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-[TUE].”

Id-dritt Belġjan

28

Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu XI.165(1) tal-Wetboek Economisch Recht (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku), l-awtur ta’ xogħol letterarju jew artistiku biss għandu d-dritt li jikkomunikah lill-pubbliku permezz ta’ kwalunkwe proċedura, inkluż permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod li kulħadd jista’ jkollu aċċess għalih mill-post u fil-mument li huwa jagħżel individwalment.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29

Fis-6 ta’ Ġunju 2019, Mircom bdiet azzjoni quddiem l-Ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju) intiża li, b’mod partikolari, Telenet tiġi ordnata tipproduċi d-data ta’ identifikazzjoni tal-klijenti tagħha li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom kienu ntużaw għall-kondiviżjoni, fuq network peer‑to‑peer permezz tal-protokoll BitTorrent, ta’ films li jagħmlu parti mill-katalogu ta’ Mircom.

30

Fil-fatt, Mircom issostni li għandha eluf ta’ indirizzi IP dinamiċi, irreġistrati għan-nom tagħha, permezz tas-software FileWatchBT, minn Media protetor GmbH, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, fil-mument tal-konnessjoni ta’ dawn il-klijenti ta’ Telenet permezz tas-software ta’ kondiviżjoni client‑BitTorrent.

31

Telenet, sostnuta minn żewġ fornituri oħra ta’ aċċess għall-internet stabbiliti fil-Belġju, Proximus NV u Scarlet Belgium NV, topponi l-azzjoni ta’ Mircom.

32

Fl-ewwel lok, fid-dawl tas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456), li kienet tikkonċerna l-komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, mill-amministraturi ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni fuq l-internet fil-kuntest ta’ network peer‑to‑peer, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali komunikazzjoni lill-pubbliku tistax issir minn utenti individwali ta’ tali network, imsejħa “downloaders”, li, filwaqt li jniżżlu segmenti ta’ fajl diġitali li jinkludi xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur, fl-istess ħin iqiegħdu għad-dispożizzjoni dawn is-segmenti bl-għan li jittellgħu minn utenti oħra. Fil-fatt, dawn l-utenti, li jagħmlu parti minn grupp ta’ persuni li jniżżlu, imsejħa “swarm”, isiru għalhekk huma stess seeders tal-imsemmija segmenti, bħas-seeder inizjali mhux iddeterminat, li minnu jkun sar l-ewwel tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan il-fajl f’dan in-network.

33

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, minn naħa, li s-segmenti ma humiex sempliċi frammenti tal-fajl oriġinali, iżda fajls kriptati awtonomi, inutilizzabbli fihom innifishom, u, min-naħa l-oħra, li, minħabba l-mod kif taħdem it-teknoloġija BitTorrent, it-tlugħ ta’ segmenti ta’ fajl, imsejjaħ “seeding”, iseħħ, bħala prinċipju, b’mod awtomatiku, peress li din il-karatteristika tista’ tiġi eliminata biss permezz ta’ ċerti programmi.

34

Madankollu, Mircom issostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki l-istanzi ta’ tniżżil ta’ segmenti li jirrappreżentaw flimkien parti ta’ mill-inqas 20 % tal-fajl tal-media sottostanti, peress li, minn din il-perċentwali, isir possibbli li tingħata ħarsa ġenerali ta’ dan il-fajl, minkejja li b’mod frammentarju u ta’ kwalità inċerta ħafna.

35

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tiddubita li impriża, bħal Mircom, tista’ tgawdi mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2004/48, sa fejn hija ma tużax effettivament id-drittijiet ittrasferiti mill-awturi tal-films inkwistjoni, iżda sempliċement titlob kumpens lil persuni li allegatament ikunu wettqu ksur, fejn dan il-mudell jixbah id-definizzjoni ta’ “troll tad-drittijiet tal-awtur” (copyright troll).

36

Fit-tielet lok, tqum ukoll il-kwistjoni tal-legalità tal-mod kif l-indirizzi IP inġabru minn Mircom, fid-dawl tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679.

37

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

It-tniżżil permezz ta’ netwerk pari għal pari (peer-to-peer) ta’ fajl u t-tqegħid għad-dispożizzjoni simultanju tas-segmenti tiegħu […] (xi drabi frammentarji ħafna meta mqabbla mat-total) bil-għan tat-tniżżil tagħhom (seeding), jista’ jiġi assimilat ma’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, anki jekk dawn is-segmenti individwali huma inutilizzabbli fihom innifishom?

Jekk ikun il-każ,

b)

Jeżisti livell minimu li minnu s-seeding ta’ dawn is-segmenti jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku?

c)

Il-fatt li s-seeding jista’ jsir awtomatikament (b’riżultat tal-konfigurazzjonijiet tal-[client-BitTorrent]) u għaldaqstant mingħajr l-għarfien tal-utent, huwa rilevanti?

2)

a)

Il-persuna li kuntrattwalment hija d-dententur tad-drittijiet tal-awtur (jew ta’ drittijiet relatati) li ma tisfruttahomx hija stess iżda sempliċement titlob kumpens mingħand dawk li allegatament iwettqu l-ksur u li l-mod ekonomiku ta’ dħul tagħha għaldaqstant jiddependi fuq l-eżistenza tal-piraterija minflok f’li tikkumbattiha, tista’ tgawdi mill-istess drittijiet bħal dawk tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48 mogħtija lill-awturi jew lill-persuni li għandhom liċenzja li tassew jisfruttaw id-drittijiet tal-awtur b’mod normali?

b)

Din il-persuna li għandha liċenzja kif tista’, f’dan il-każ, tkun ġarbet “dannu” (fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva) minħabba dan il-ksur?

3)

Il-fatti konkreti indikati fid-domandi 1 u 2 huma rilevanti fl-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar korrett bejn, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], bħar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, u b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità?

4)

F’dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ir-reġistrazzjoni sistematika u sussegwentement l-ipproċessar ġenerali tal-indirizzi IP ta’ massa [swarm] ta’ seeders (mill-persuna li għandha liċenzja nnifisha u minn terz f’isimha) huwa ġġustifikat fir-rigward tar-Regolament [2016/679], u b’mod iktar partikolari tal-[punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1)] tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

38

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu l-qrati nazzjonali sabiex jaqtgħu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espressament fid-domandi magħmula lilha minn dawn il-qrati nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għal dawn il-finijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fil-każ ineżami, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ikoprix il-kondiviżjoni, fuq network peer‑to‑peer, ta’ segmenti xi kultant frammentarji ħafna ta’ fajl tal-media li jinkludi xogħol protett. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn, fil-kawża prinċipali, huma kkonċernati d-drittijiet ta’ produtturi ta’ films, jidher li, fil-każ ineżami, huwa pjuttost l-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ din id-direttiva li jista’ japplika.

41

F’dan il-kuntest, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma esprimiex rieda differenti, l-espressjoni “jagħmlu disponibbli lill-pubbliku”, użata fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 bħala forma tad-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull “komunikazzjoni lill-pubbliku”, u l-espressjoni identika li tinsab fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, li tindika dritt esklużiv li jappartjeni lid-detenturi tad-drittijiet relatati, għandhom jiġu interpretati bħala li għandhom l-istess tifsira (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Stim u SAMI, C‑753/18, EU:C:2020:268, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li l-ewwel domanda tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tlugħ, mit-tagħmir terminali ta’ utent ta’ network peer‑to‑peer lejn tali tagħmir ta’ utenti oħrajn ta’ dan in-network, ta’ segmenti, imniżżla preċedentement mill-imsemmi utent, ta’ fajl tal-media li jkun jinkludi xogħol protett, minkejja li dawn is-segmenti jistgħu jintużaw fihom innifishom biss sa minn ċerta rata ta’ tniżżil u li, minħabba l-konfigurazzjonijiet tas-software ta’ kondiviżjoni client-BitTorrent, dan it-tlugħ huwa ġġenerat b’mod awtomatiku minn dan is-software.

43

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija segmenti ma humiex partijiet minn xogħlijiet, iżda partijiet mill-fajls li jinkludu dawn ix-xogħlijiet, li jservu għat-trażmissjoni ta’ dawn il-fajls skont il-protokoll BitTorrent. Għaldaqstant, il-fatt li s-segmenti li jiġu trażmessi huma inutilizzabbli fihom innifishom ma huwiex importanti, għaliex dak li jitqiegħed għad-dispożizzjoni huwa l-fajl li jinkludi x-xogħol, jiġifieri x-xogħol taħt forma diġitali.

44

F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-funzjonament tan-networks peer‑to‑peer ma huwiex differenti, essenzjalment, minn dak tal-Internet b’mod ġenerali jew, b’mod iktar preċiż, mill-web (World Wide Web), fejn il-fajls li jinkludu xogħol huma maqsuma f’pakketti żgħar ta’ data, skambjati bejn is-server u l-klijent f’ordni każwali u permezz ta’ rotot differenti.

45

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, kull utent tan-network peer‑to‑peer jista’ faċilment jikostitwixxi mill-ġdid il-fajl oriġinali minn segmenti disponibbli fuq il-kompjuters tal-utenti li jipparteċipaw fl-istess swarm. Il-fatt li utent ma jasalx, individwalment, sabiex iniżżel il-fajl oriġinali sħiħ ma jipprekludix li huwa jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-peers tiegħu s-segmenti ta’ dan il-fajl li huwa jkun irnexxielu jniżżel fuq il-kompjuter tiegħu u li b’hekk jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ sitwazzjoni li fiha, finalment, l-utenti kollha li jipparteċipaw fl-iswarm ikollhom aċċess għall-fajl sħiħ.

46

Sabiex jiġi stabbilit li hemm “tqegħid għad-dispożizzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29, f’tali sitwazzjoni, ma huwiex neċessarju li jiġi pprovat li l-utent ikkonċernat ikun niżżel preċedentement numru ta’ segmenti li jirrappreżentaw livell minimu.

47

Fil-fatt, sabiex ikun hemm “att ta’ komunikazzjoni”, u konsegwentement, att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, huwa suffiċjenti, fl-aħħar mill-aħħar, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku b’tali mod li l-persuni li jifformaw parti minn dan il-pubbliku jkun jista’ jkollhom aċċess għalih, mill-post u fil-ħin magħżul minnhom individwalment, mingħajr ma jkun determinanti jekk jużawx din il-possibbiltà jew le (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 20). Il-kunċett ta’ “att ta’ komunikazzjoni” jirreferi, f’dan ir-rigward, għal kull trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti, indipendentement mill-mezz jew mill-proċess tekniku użat (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, VCAST, C‑265/16, EU:C:2017:913, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għaldaqstant, kull att li permezz tiegħu utent jagħti, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, aċċess għal xogħlijiet protetti jew għal materjal protett ieħor jista’ jikkostitwixxi att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, VG Bild-Kunst, C‑392/19, EU:C:2021:181, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fil-każ ineżami, jidher li kull utent tan-network peer‑to‑peer inkwistjoni li ma jkunx iddiżattiva l-funzjoni tat-tlugħ tas-software ta’ kondiviżjoni client‑BitTorrent, itella’ fuq dan in-network is-segmenti tal-fajls tal-media li huwa jkun preċedentement niżżel fuq il-kompjuter tiegħu. Sakemm jirriżulta, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-utenti kkonċernati ta’ dan in-network ikunu abbonaw għal dan is-software filwaqt li taw il-kunsens tagħhom għall-applikazzjoni tiegħu wara li jkunu ġew debitament informati dwar il-karatteristiċi tiegħu, dawn l-utenti għandhom jitqiesu li jaġixxu b’għarfien sħiħ tal-aġir tagħhom u tal-konsegwenzi li dan jista’ jkollu. Fil-fatt, ladarba jiġi stabbilit li huma abbonaw b’mod attiv għal tali software, in-natura deliberata tal-aġir tagħhom bl-ebda mod ma hija invalidata mill-fatt li t-tlugħ huwa awtomatikament iġġenerat minn dan is-software.

50

Jekk mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għal verifiki fattwali li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, l-aġir tal-utenti kkonċernati jista’ jikkostitwixxi att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol jew ta’ materjal protett ieħor, ikun hemm lok, sussegwentement, li jiġi eżaminat jekk tali aġir jikkostitwixxix tqegħid għad-dispożizzjoni “tal-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ix-xogħlijiet jew il-materjal protett l-ieħor għandhom effettivament jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku, fejn l-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni huwa intiż għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jinvolvi numru pjuttost kbir ta’ persuni. Barra minn hekk, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jsir skont metodu tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati preċedentement jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni diġà mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati meta jkun awtorizza t-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali tax-xogħol tiegħu jew ta’ materjal protett ieħor lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, VG Bild-Kunst, C‑392/19, EU:C:2021:181, punti 3132 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fir-rigward tan-networks peer‑to‑peer, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni, fuq l-internet, ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni li, permezz tal-indiċjar ta’ metadata dwar xogħlijiet protetti u l-provvista ta’ mutur ta’ tfittxija, tippermetti lill-utenti ta’ din il-pjattaforma jillokalizzaw dawn ix-xogħlijiet u li jikkondividuhom fil-kuntest ta’ tali network jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 48).

53

Fil-każ ineżami, hekk kif essenzjalment ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kompjuters ta’ dawn l-utenti li jikkondividu l-istess fajl jikkostitwixxu n-network peer‑to‑peer proprju, imsejjaħ l-“iswarm”, li fih huma għandhom l-istess rwol bħas-servers fil-funzjonament tal-web (World Wide Web).

54

Huwa stabbilit li tali network jintuża minn numru kunsiderevoli ta’ persuni, hekk kif jirriżulta barra minn hekk min-numru kbir ta’ indirizzi IP irreġistrati minn Mircom. Barra minn hekk, dawn l-utenti jistgħu jaċċedu, f’kull mument u fl-istess ħin, għax-xogħlijiet protetti li jiġu kondiviżi permezz tal-imsemmija pjattaforma.

55

Konsegwentement, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni huwa intiż għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jinvolvi numru pjuttost kbir ta’ persuni.

56

Barra minn hekk, sa fejn, il-każ ineżami, jirrigwarda xogħlijiet ippubblikati mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, għandu jitqies ukoll li hemm tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku ġdid (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi kkonstatat li xogħol ġie ppubblikat preċedentement fuq sit internet, mingħajr miżura ta’ restrizzjoni li tipprojbixxi t-tniżżil tiegħu u bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati, il-fatt li, permezz ta’ network peer‑to‑peer, utenti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu niżżlu s-segmenti tal-fajl li jkun fih dan ix-xogħol fuq server privat, segwit minn tqegħid għad-dispożizzjoni billi dawn is-segmenti jittellgħu fuq l-istess network, ifisser li dan l-utenti kellhom rwol deċiżiv fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmi xogħol lil pubbliku li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati miegħu meta huwa awtorizza l-komunikazzjoni inizjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punti 4647).

58

Jekk jiġi aċċettat tali tqegħid għad-dispożizzjoni billi dan ix-xogħol jittella’ online mingħajr ma d-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati jkun jista’ jinvoka d-drittijiet previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29, dan jikser il-bilanċ ġust, imsemmi fil-premessi 3 u 31 ta’ din id-direttiva, li għandu jinżamm, fl-ambjent diġitali, bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tagħhom, iggarantita fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ materjal protett, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tagħhom, iggarantita fl-Artikolu 11 tal-Karta, kif ukoll il-protezzjoni tal-interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, VG Bild-Kunst, C‑392/19, EU:C:2021:181, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ksur ta’ dan il-bilanċ jippreġudika, barra minn hekk, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2001/29, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessi 4, 9 u 10 tagħha, fl-istabbiliment ta’ livell għoli ta’ protezzjoni favur id-detenturi tad-drittijiet, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materjal protett ieħor, b’mod partikolari meta jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tlugħ, mit-tagħmir terminali ta’ utent ta’ network peer‑to‑peer lejn tali tagħmir ta’ utenti oħra ta’ dan in-network, ta’ segmenti, imniżżla preċedentement mill-imsemmi utent, ta’ fajl tal-media li jkun jinkludi xogħol protett, minkejja li dawn is-segmenti jistgħu jintużaw fihom innifishom biss sa minn ċerta rata ta’ tniżżil. Huwa irrilevanti l-fatt li, minħabba l-konfigurazzjonijiet tas-software ta’ kondiviżjoni client-BitTorrent, dan it-tlugħ huwa ġġenerat awtomatikament minnu, meta l-utent, li mit-tagħmir terminali tiegħu jiġi prodott l-imsemmi tlugħ, ikun abbona għal dan is-software filwaqt li jkun ta l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tiegħu wara li jkun ġie debitament informat dwar il-karatteristiċi tiegħu.

Fuq it-tieni domanda

60

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2004/48 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li persuna kuntrattwalment detentriċi ta’ ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li madankollu ma tużahomx hija stess, iżda sempliċement titlob danni mingħand dawk li allegatament iwettqu l-ksur, tista’ tibbenefika mill-miżuri, mill-proċeduri u mir-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

61

Din il-kwistjoni għandha tinftiehem bħala li tkopri tliet partijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, dik dwar il-locus standi ta’ persuna bħal Mircom sabiex titlob l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48, it-tieni nett, dik li tirrigwarda l-punt dwar jekk tali persuna setgħetx ġarrbet dannu, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva u, it-tielet nett, dik dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal informazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tagħha.

62

Fir-rigward tal-ewwel parti dwar il-locus standi ta’ Mircom, għandu jitfakkar li l-persuna li titlob l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48 għandha taqa’ taħt waħda mill-erba’ kategoriji ta’ persuni jew ta’ soċjetajiet elenkati fl-Artikolu 4(a) sa (d) tagħha.

63

Dawn il-kategoriji jinkludu, l-ewwel nett, id-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, it-tieni nett, il-persuni l-oħra kollha awtorizzati jużaw dawn id-drittijiet, b’mod partikolari dawk li jkollhom liċenzja, it-tielet nett, is-soċjetajiet li jamministraw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod kollettiv li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet intellettwali u, ir-raba’ nett, is-soċjetajiet professjonali ta’ difiża li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

64

Madankollu, b’differenza mid-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, imsemmija fl-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2004/48, konformement mal-premessa 18 ta’ din id-direttiva, it-tliet kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 4(b) sa (d) tagħha għandu jkollhom, barra minn hekk, interess dirett fid-difiża ta’ dawn id-drittijiet u d-dritt ta’ locus standi in judicio sa fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli tippermettih u konformement magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, SNB‑REACT, C‑521/17, EU:C:2018:639, punt 39).

65

Fil-każ ineżami, l-ewwel nett għandha tiġi eskluża l-possibbiltà li Mircom hija soċjetà li tamministra d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod kollettiv jew soċjetà ta’ difiża professjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) u (d) tad-Direttiva 2004/48. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 92 u 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, Mircom ma għandhiex, hekk kif barra minn hekk affermat hija nnifisha, missjoni li tamministra d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati tal-partijiet kontraenti tagħha jew li tiżgura d-difiża professjonali ta’ dawn tal-aħħar, iżda tfittex biss li tikseb il-kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-ksur tal-imsemmija drittijiet.

66

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-attività tal-imsemmija soċjetajiet hija armonizzata fi ħdan l-Unjoni bid-Direttiva 2014/26. Issa, isem Mircom ma huwiex inkluż fil-lista ta’ soċjetajiet li jamministraw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod kollettiv, ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea konformement mal-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva.

67

Għal dak li jikkonċerna l-kwalità ta’ detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, fis-sens tal-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2004/48, sa fejn din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li tali detentur effettivament juża d-drittijiet tiegħu ta’ proprjetà intellettwali, dan ma jistax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minħabba n-nuqqas ta’ użu ta’ dawn id-drittijiet.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tikklassifika lil Mircom bħala persuna kuntrattwalment detentriċi ta’ drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-benefiċċju tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti mid-Direttiva 2004/48 għandu jiġi rrikonoxxut lilha minkejja l-fatt li ma tużax dawn id-drittijiet.

69

Kumpannija bħal Mircom tista’, barra minn hekk, titqies, fi kwalunkwe każ, li hija persuna oħra awtorizzata tuża d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, fis-sens tal-Artikolu 4(b) ta’ din id-direttiva, peress li din l-awtorizzazzjoni lanqas ma tippreżumi użu effettiv tad-drittijiet ittrasferiti. Il-fatt li tiġi kklassifikata bħala tali “persuna oħra”, fis-sens tal-Artikolu 4(b), għandu madankollu, kif tfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, jiġi vverifikat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli, peress li dan ir-riferiment għandu jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, bħala li jirreferi kemm għal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti kif ukoll, jekk ikun il-każ, għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, SNB‑REACT, C‑521/17, EU:C:2018:639, punt 31).

70

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni domanda, din tikkonċerna, b’mod partikolari, il-fatt li, fil-każ ineżami, Mircom ma tużax u ma jidher li għandha ebda intenzjoni li tuża d-drittijiet miksuba fuq ix-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont il-qorti tar-rinviju, dan in-nuqqas ta’ użu tad-drittijiet ittrasferiti jqajjem dubju dwar il-possibbiltà li tali persuna ssofri dannu, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48.

71

Din il-kwistjoni tikkonċerna, fil-fatt, l-identità effettiva tal-parti leża li, fil-każ ineżami, ġarrbet dannu, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jiġifieri jekk id-dannu inkwistjoni ġiex imġarrab minn Mircom jew mill-produtturi tal-films ikkonċernati.

72

Ċertament, id-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, imsemmija fl-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2004/48, u l-persuni awtorizzati jużaw dawn id-drittijiet, imsemmija fl-Artikolu 4(b) tagħha, jistgħu jiġu leżi, bħala prinċipju, mill-attivitajiet ta’ kontrafazzjoni, sa fejn, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-attivitajiet jistgħu jostakolaw l-użu normali tal-imsemmija drittijiet jew saħansitra jnaqqsu d-dħul tagħhom. Madankollu, huwa wkoll possibbli li persuna, filwaqt li jkollha drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tillimita ruħha, fil-fatt, li tirkupra f’isimha stess u għan-nom tagħha d-danni abbażi ta’ krediti li jkunu ġew ittrasferiti lilha minn detenturi oħra ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

73

Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li Mircom sempliċement qiegħda taġixxi, quddiemha, bħala ċessjonarja, li tipprovdi lill-produtturi tal-films inkwistjoni servizz ta’ rkupru ta’ krediti għad-danni.

74

Issa, għandu jitqies li l-fatt li persuna msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48 sempliċement tressaq tali azzjoni bħala ċessjonarja ma huwiex ta’ natura li jeskludiha mill-benefiċċju tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

75

Fil-fatt, tali esklużjoni tmur kontra l-għan ġenerali tad-Direttiva 2004/48 li huwa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tagħha, b’mod partikolari li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, NEW WAVE CZ, C‑427/15, EU:C:2017:18, punt 23).

76

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li trasferiment ta’ krediti ma jistax, fih innifsu, jaffettwa n-natura tad-drittijiet li jkunu ġew miksura, fil-każ ineżami, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-produtturi tal-films ikkonċernati, b’mod partikolari fis-sens li dan ikollu effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti kompetenti jew fuq elementi oħra ta’ natura proċedurali, bħall-possibbiltà li jintalbu miżuri, proċeduri u rimedji, fis-sens tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punti 3536 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77

Konsegwentement, jekk detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jagħżel li jesternalizza l-irkupru tad-danni billi jirrikorri għal impriża speċjalizzata permezz ta’ trasferiment ta’ krediti jew ta’ att ġuridiku ieħor, huwa ma għandux ikun suġġett għal trattament inqas favorevoli minn dak sostnut minn detentur ieħor ta’ tali drittijiet li jagħżel li jinvoka dawn id-drittijiet personalment. Fil-fatt, tali trattament jippreġudika l-attrazzjoni ta’ din l-esternalizzazzjoni mill-perspettiva ekonomika u jċaħħad, fil-futur, lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minn din il-possibbiltà, li barra minn hekk hija mifruxa f’diversi oqsma tad-dritt, bħal dak tal-protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, prevista mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

78

Għal dak li jirrigwarda t-tielet parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, essenzjalment, dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal informazzjoni ta’ Mircom, imressqa skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, sa fejn din il-kumpannija ma tużax b’mod serju d-drittijiet li hija akkwistat mill-produtturi tal-films inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, għandu jinftiehem li, billi tinvoka l-possibbiltà li Mircom tiġi kklassifikata bħala “troll tad-drittijiet tal-awtur” (copyright troll), il-qorti tar-rinviju tqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ abbuż ta’ dritt minn Mircom.

79

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tiddubita mill-fatt li Mircom għandha l-intenzjoni li tressaq azzjoni għal kumpens għad-danni, sa fejn jeżistu indizji sinjifikattivi li, ġeneralment, hija sempliċement tipproponi riżoluzzjoni bonarja bil-għan biss li tikseb kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 500. Madankollu, konformement mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 jeħtieġ li t-talba għal informazzjoni ssir fil-kuntest ta’ azzjoni relatata ma’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

80

Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li t-tfittxija ta’ soluzzjoni bonarja tikkostitwixxi ta’ spiss prerekwiżit għat-tressiq tal-azzjoni għal kumpens għad-danni fiha nnifisha. Konsegwentement, ma jistax jitqies li, fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali stabbilita bid-Direttiva 2004/48, din il-prattika hija pprojbita.

81

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għal sitwazzjoni li fiha, wara l-għeluq definittiv ta’ azzjoni li tkun wasslet għall-konstatazzjoni ta’ preġudizzju għal dritt tal-proprjetà intellettwali, rikorrent jitlob, fi proċedura awtonoma, informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi li jippreġudikaw dak id-dritt (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, NEW WAVE CZ, C‑427/15, EU:C:2017:18, punt 28).

82

Għandu jiġi applikat l-istess raġunament għal dak li jirrigwarda l-proċedura awtonoma li tippreċedi l-azzjoni għal kumpens għad-danni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, skont l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/48, rikorrent jitlob lil persuna li tipprovdi aċċess għall-internet, bħal Telenet, li tkun instabet fil-proċess li tipprovdi, fuq skala kummerċjali, servizzi użati f’attivitajiet ta’ kontrafazzjoni, l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-klijenti tiegħu bil-għan, preċiżament, li jkun jista’ jressaq azzjoni ġudizzjarja kontra l-persuni li allegatament ikunu qegħdin iwettqu ksur.

83

Fil-fatt, id-dritt għal informazzjoni, previst mill-imsemmi Artikolu 8, huwa intiż li jagħmel applikabbli u jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta u li jiżgura b’dan il-mod l-eżerċizzju effettiv tad-dritt fundamentali għal proprjetà, li minnu jagħmel parti d-dritt ta’ proprjetà intellettwali protett fl-Artikolu 17(2) tagħha, billi jippermetti lid-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jidentifika l-persuna li tippreġudika dan id-dritt u li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jipproteġih (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Constantin Film Verleih, C‑264/19, EU:C:2020:542, punt 35).

84

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li talba għal informazzjoni bħal dik ta’ Mircom, ifformulata f’fażi prekontenzjuża, ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, titqies li hija inammissibbli.

85

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, tali talba għal informazzjoni għandha tkun iġġustifikata u proporzjonata.

86

Għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 70 sa 77 ta’ din is-sentenza, li dan jista’ jkun il-każ meta t-talba, imsemmija fl-imsemmi Artikolu 8(1), titressaq minn kumpannija awtorizzata kuntrattwalment f’dan ir-rigward minn produtturi ta’ films. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk it-talba, kif ifformulata konkretament minn tali kumpannija, hijiex fondata.

87

Fit-tielet lok, filwaqt li tirreferi għall-espressjoni “xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur”, użata fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, kif ukoll għall-kundizzjoni meħtieġa fl-Artikolu 6(2), fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 9(2) tagħha, li tipprovdi li l-ksur għandu jitwettaq fuq skala kummerċjali, il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni hawnhekk kellu iktar f’moħħu s-sitwazzjoni tar-rikorrenti li wieħed jaġixxi b’mod strutturali kontra t-tixrid tal-kontrafazzjoni fis-suq, u mhux il-ġlieda kontra l-persuni individwali li jwettqu ksur.

88

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, konformement mal-premessa 14 tad-Direttiva 2004/48, il-kundizzjoni li l-ksur għandu jitwettaq fuq skala kummerċjali għandha tapplika biss għall-miżuri relatati mal-provi previsti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, għall-miżuri relatati mad-dritt għal informazzjoni previsti fl-Artikolu 8 tagħha u għall-miżuri provviżorji u kawtelatorji previsti fl-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, bla ħsara għall-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri li japplikaw ukoll dawn il-miżuri għal atti mhux imwettqa fuq skala kummerċjali.

89

Issa, din il-kundizzjoni ma tapplikax għat-talbiet għad-danni min-naħa tal-parti leża kontra l-persuna li twettaq il-ksur imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48. Konsegwentement, skont din id-dispożizzjoni, il-persuni individwali li jwettqu ksur jistgħu jiġu ordnati jħallsu lid-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kumpens adattat għad-dannu realment imġarrab minħabba l-ksur tad-drittijiet tiegħu, sakemm dawn ikunu wettqu l-attività ta’ kontrafazzjoni b’għarfien sħiħ ta’ dan jew meta kellhom motivi raġonevoli li jkunu jafu b’dan.

90

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, il-kundizzjoni li l-ksur għandu jitwettaq f’kuntest kummerċjali tista’ b’mod partikolari tiġi ssodisfatta meta wieħed, li ma jkunx il-persuna li allegatament wettqet il-ksur, ikun “instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu”.

91

Fil-każ ineżami, it-talba għal informazzjoni ta’ Mircom hija, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, diretta kontra fornitur ta’ aċċess għall-internet, bħala persuna li tinsab fil-proċess li tipprovdi, fuq skala kummerċjali, servizzi użati f’attivitajiet ta’ kontrafazzjoni.

92

Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, it-talba ta’ Mircom kontra Telenet, li tipprovdi, fuq skala kummerċjali, servizzi użati f’attivitajiet ta’ kontrafazzjoni, tidher li tissodisfa l-kundizzjoni mfakkra fil-punt 90 ta’ din is-sentenza.

93

Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fi kwalunkwe każ, jekk hemmx użu abbużiv minn Mircom tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 kif ukoll, jekk ikun il-każ, li tirrifjuta t-talba ppreżentata minn din il-kumpannija.

94

Fil-fatt, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 jimponi obbligu ġenerali li jiġi żgurat b’mod partikolari li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn din id-direttiva, fosthom id-dritt għal informazzjoni msemmi fl-Artikolu 8 tagħha, ikunu ġusti u xierqa kif ukoll applikati b’mod li joffru salvagwardji kontra l-użu abbużiv tagħhom.

95

Issa, l-eventwali konstatazzjoni ta’ tali abbuż taqa’ kompletament taħt l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali, u għalhekk, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Din tista’ b’mod partikolari, għal dan il-għan, teżamina l-mod li bih topera Mircom, billi tevalwa l-mod kif din tipproponi soluzzjonijiet bonarji lill-persuni li allegatament ikunu wettqu l-ksur u billi tivverifika jekk hija effettivament tressaqx kawżi ġudizzjarji fil-każ ta’ rifjut ta’ soluzzjoni bonarja. Hija tista’ teżamina wkoll jekk jidhirx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-każ inkwistjoni, li Mircom tipprova fir-realtà, taħt il-kopertura ta’ proposti ta’ soluzzjonijiet bonarji minħabba allegat ksur, tislet dħul ekonomiku mill-affiljazzjoni stess tal-utenti kkonċernati ma’ network peer‑to‑peer bħal dak inkwistjoni, mingħajr ma tfittex speċifikament li tiġġieled il-ksur tad-drittijiet tal-awtur li dan in-network jikkawża.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 2004/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li persuna kuntrattwalment detentriċi ta’ ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li madankollu ma tużahomx hija stess, iżda sempliċement titlob danni lil persuni li allegatament ikunu wettqu l-ksur, tista’ tibbenefika, bħala prinċipju, mill-miżuri, mill-proċeduri u mir-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, sakemm ma jiġix stabbilit, skont l-obbligu ġenerali previst fl-Artikolu 3(2) tagħha, u abbażi ta’ eżami globali u ddettaljat, li t-talba tagħha hija abbużiva. B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda talba għal informazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, din għandha wkoll tiġi miċħuda jekk din tkun mhux iġġustifikata jew mhux proporzjonata, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

97

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, hemm inkwistjoni żewġ attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali differenti, jiġifieri wieħed li diġà sar, upstream, minn Media Protector u għan-nom ta’ Mircom, fil-kuntest ta’ networks peer‑to‑peer, li jikkonsistu fir-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP ta’ utenti li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom kienu allegatament intużaw, f’mument partikolari, għat-tlugħ ta’ xogħlijiet protetti fuq dawn in-networks, kif ukoll l-ieħor li, skont Mircom, għandu jsir downstream minn Telenet, li jikkonsisti, minn naħa, fl-identifikazzjoni ta’ dawn l-utenti permezz ta’ korrispondenza bejn dawn l-indirizzi IP u dawk li, f’dak l-istess mument, Telenet kienet tat lill-imsemmija utenti sabiex iwettqu dan it-tlugħ u, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni lil Mirom tal-ismijiet u tal-indirizzi tal-istess utenti.

98

Fil-kuntest tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob risposta dwar in-natura ġġustifikata, fid-dawl tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679, biss għal dak li jirrigwarda l-ewwel ipproċessar li diġà sar.

99

Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tielet domanda tagħha, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk iċ-ċirkustanzi esposti fl-ewwel u fit-tieni domanda tagħha humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar ġust bejn, minn naħa, id-dritt ta’ proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità.

100

Issa, fl-ipoteżi fejn, billi tibbaża ruħha fuq ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel u għat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li t-talba għal informazzjoni ta’ Mircom tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tagħha, għandu jinftiehem li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment issir taf jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dan it-tieni pproċessar downstream, kif deskritt fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, minkejja li din it-talba tissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet.

101

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, hemm lok li t-tielet u r-raba’ domanda jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li, permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, ir-reġistrazzjoni sistematika, mid-detentur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll minn terz għan-nom tiegħu, ta’ indirizzi IP ta’ utenti ta’ networks peer‑to‑peer li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom allegatament intużaw fl-attivitajiet ta’ kontrafazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni tal-ismijiet u tal-indirizzi postali ta’ dawn l-utenti lil dan id-detentur jew lil terz sabiex jippermettilu jressaq rikors għal kumpens quddiem qorti ċivili għal dannu allegatament ikkawżat mill-imsemmija utenti.

102

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-ipproċessar upstream inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li indirizz IP dinamiku rreġistrat minn fornitur tas-servizzi ta’ media online meta ssir konsultazzjoni minn persuna ta’ sit internet li dan il-fornitur jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku jikkostitwixxi, fir-rigward tal-imsemmi fornitur, data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, meta jkollu mezzi legali li jippermettulu jidentifika l-persuna kkonċernata bis-saħħa tal-informazzjoni addizzjonali li jkollu l-fornitur tal-aċċess għall-internet ta’ din il-persuna (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 49).

103

Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni ta’ tali indirizzi għall-finijiet tal-użu sussegwenti tagħhom fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji tikkostitwixxi pproċessar, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679.

104

Din hija wkoll is-sitwazzjoni ta’ Mircom, li għan-nom tagħha Media Protector tiġbor l-indirizzi IP, sa fejn hija għandha mezz legali sabiex tidentifika d-detenturi tal-konnessjonijiet tal-internet skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48.

105

Skont il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, l-ipproċessar ta’ data personali huwa legali biss jekk, u sa fejn, dan l-ipproċessar ikun neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi tal-kontrollur jew minn terz, sakemm ma jkunux jipprevali l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata li jeħtieġu protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata tkun minorenni.

106

Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew minn terz, it-tieni nett, il-ħtieġa tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata ma jkunux prevalenti (ara f’dan is-sens, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 28).

107

Peress li r-Regolament 2016/679 ħassar u ssostitwixxa lid-Direttiva 95/46 u li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament għandhom portata essenzjalment identika għal dik tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsemmija direttiva hija wkoll applikabbli, bħala prinċipju, fir-rigward tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2020, Sonaecom, C‑42/19, EU:C:2020:913, punt 29).

108

Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar it-tfittxija ta’ interess leġittimu u bla ħsara għal verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq fil-kuntest tat-tieni domanda, għandu jitqies li l-interess tal-kontrollur jew ta’ terz li jikseb data personali li tikkonċerna persuna li allegatament tkun wettqet ksur tal-proprjetà tiegħu sabiex jieħu azzjoni ġudizzjarja bl-għan li jikseb kumpens jikkostitwixxi interess leġittimu. Din l-analiżi hija sostnuta mill-Artikolu 9(2)(e) u (f) tar-Regolament 2016/679 li jipprevedi li l-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ ċerti tipi ta’ data personali li tiżvela b’mod partikolari data dwar il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika ma tapplikax meta l-ipproċessar jirrigwarda data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mill-persuna kkonċernata jew tkun neċessarja b’mod partikolari għall-konstatazzjoni, għall-eżerċizzju jew għad-difiża ta’ dritt legali (ara f’dan is-sens, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 8(2)(e) tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 29).

109

F’dan ir-rigward, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 131 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-irkupru ta’ krediti validi jista’ jikkostitwixxi interess leġittimu li jiġġustifika l-ipproċessar tad-data personali, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679 (ara, b’analoġija, għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 2002/58, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Probst, C‑119/12, EU:C:2012:748, punt 19).

110

Fir-rigward tal-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-interess leġittimu mfittex, għandu jitfakkar li d-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju ta’ protezzjoni tad-data personali għandhom joperaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament meħtieġ (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 30). Din il-kundizzjoni tista’, fil-każ ineżami, tiġi ssodisfatta peress li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-identifikazzjoni tad-detentur tal-konnessjoni hija ħafna drabi possibbli biss abbażi tal-indirizz IP u tal-informazzjoni pprovduta mill-fornitur tal-aċċess għall-internet.

111

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni, din tiddependi, bħala prinċipju, miċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dawn iċ-ċirkustanzi partikolari.

112

F’dan ir-rigward, il-mekkaniżmi li jippermettu li jinsab bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet u interessi involuti jinsabu fir-Regolament 2016/679 innifsu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113

Barra minn hekk, sa fejn il-fatti tal-kawża prinċipali jidhru li jaqgħu kemm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/679 u dak tad-Direttiva 2002/58, l-indirizzi IP ipproċessati li jikkostitwixxu, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, kemm data personali kif ukoll data dwar it-traffiku tal-internet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 152), għandu jiġi vverifikat jekk l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ tali trattament għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva.

114

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 94(2) tar-Regolament 2016/679, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jippreċiżaw u jikkompletaw dan ir-regolament għall-finijiet ta’ armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għal ħajja privata, għal dak li jikkonċerna l-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 31, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 102).

115

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna oħra li ma tkunx l-utenti, mis-smigħ, interċettazzjoni jew ħażna tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku relatat, jew minn modi oħra ta’ interċettazzjoni jew ta’ sorveljanza, mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati ħlief meta din il-persuna tkun legalment awtorizzata, konformement mal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, id-data dwar it-traffiku relatata mal-abbonati u mal-utenti ipproċessata u maħżuna mill-fornitur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku għandhom jitħassru jew jiġu reżi anonimi meta ma jkunux iktar meħtieġa għat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni, bla ħsara, b’mod partikolari, għall-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva.

116

L-imsemmi Artikolu 15(1) itemm l-enumerazzjoni tal-eċċezzjonijiet għall-obbligu li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tad-data personali billi jirreferi espressament għall-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679, li issa jippermetti kemm lid-dritt tal-Unjoni kif ukoll lid-dritt tal-Istat Membru li għalih il-kontrollur jew is-subappaltatur huwa suġġett li jillimita, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, il-portata tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi meta tali limitazzjoni tkun tosserva s-sustanza tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u tkun tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex tiġi ggarantita, fost oħrajn, il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn kif ukoll l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 53).

117

Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 23(1)(j) ta’ dan ir-regolament issa jsemmi espressament l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili għandu jiġi interpretat fis-sens li jesprimi r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà u s-sitwazzjonijiet li fihom l-awturi jfittxu li jiksbu din il-protezzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ċivili qatt ma ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 53).

118

Konsegwentement, sabiex l-ipproċessar, bħar-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP tal-persuni li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom intużaw għat-tlugħ ta’ segmenti ta’ fajls li jinkludu xogħlijiet protetti fuq networks peer‑to‑peer, sabiex tiġi ppreżentata talba għall-iżvelar tal-ismijiet u tal-indirizzi postali tad-detenturi ta’ dawn l-indirizzi IP, jista’ jitqies li huwa legali billi jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament 2016/679, jeħtieġ li jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk dan l-ipproċessar jissodisfax id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2002/58, fejn din tal-aħħar tikkonkretizza, għall-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, id-drittijiet fundamentali għall-osservanza tal-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 109).

119

Issa, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet fid-deċiżjoni tar-rinviju dwar il-bażi legali tal-aċċess ta’ Mircom għall-indirizzi IP miżmuma minn Telenet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju gwida utli fir-rigward tal-punt dwar jekk ipproċessar bħal dak imwettaq upstream, li jikkonsisti fir-reġistrazzjoni tal-imsemmija indirizzi IP, jippreġudikax, fid-dawl tar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2002/58 u tal-kundizzjoni dwar l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti, l-imsemmija drittijiet fundamentali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq analiżi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 5, 6 u 15 tad-Direttiva 2002/58.

120

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ipproċessar downstream minn Telenet, li jikkonsisti fl-identifikazzjoni tad-detenturi ta’ dawn l-indirizzi IP u fil-komunikazzjoni lil Mircom tal-ismijiet u tal-indirizzi postali ta’ dawn id-detenturi, għandu jiġi rrilevat li talba, konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, limitata għall-komunikazzjoni tal-ismijiet u tal-indirizzi tal-utenti involuti f’attivitajiet ta’ kontrafazzjoni hija konformi mal-għan li jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn id-dritt għal informazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ta’ dawn l-utenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Constantin Film Verleih, C‑264/19, EU:C:2020:542, punti 3738 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

121

Fil-fatt, tali data dwar l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika, normalment ma tippermettix, fiha nnifisha, li jsiru magħrufa d-data, il-ħin, it-tul u d-destinatarji tal-komunikazzjonijiet imwettqa, u lanqas il-post fejn seħħew dawn il-komunikazzjonijiet jew il-frekwenza tagħhom ma’ ċerti persuni matul perijodu speċifiku, b’tali mod li ma tipprovdi ebda informazzjoni, apparti d-dettalji ta’ dawn l-utenti, bħall-identità ċivili u l-indirizz tagħhom, dwar il-komunikazzjoni speċifika u, konsegwentement, dwar il-ħajja privata tagħhom. B’hekk, l-indħil li jirriżulta minn miżura li tikkonċerna din id-data ma għandux, bħala prinċipju, jiġi kklassifikat bħala serju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122

Fid-dawl ta’ dan, fil-kawża prinċipali, it-talba għal informazzjoni ta’ Mircom tippreżupponi li Telenet twettaq korrispondenza bejn l-indirizzi IP dinamiċi rreġistrati għan-nom ta’ Mircom u dawk attribwiti minn Telenet lill-imsemmija utenti, li ppermettew il-parteċipazzjoni tagħhom fin-network peer‑to‑peer inkwistjoni.

123

Konsegwentement, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, tali talba hija intiża għal ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku fuq l-internet. Id-dritt għall-protezzjoni ta’ din id-data, li minnu jibbenefikaw il-persuni msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, jagħmel parti mid-dritt fundamentali li kull persuna għandha li d-data personali li tikkonċernaha tiġi protetta, hekk kif jiggarantixxu l-Artikolu 8 tal-Karta u r-Regolament 2016/679, kif ippreċiżat u kkompletat mid-Direttiva 2002/58 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 30).

124

L-applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2004/48 ma tistax, fil-fatt, taffettwa lir-Regolament 2016/679 u lid-Direttiva 2002/58 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 32).

125

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, ma jipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu obbligu ta’ trażmissjoni lil persuni privati ta’ data personali sabiex ikunu jistgħu jinbdew proċeduri, quddiem il-qrati ċivili, kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, iżda lanqas ma tobbliga lil dawn l-Istati sabiex jipprovdu tali obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et, C‑461/10, EU:C:2012:219, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 34).

126

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, bħall-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, la l-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679 u lanqas l-Artikolu 9(2)(f) tiegħu, għalkemm direttament applikabbli f’kull Stat Membru, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ma jinkludu obbligu għal terz, bħal fornitur tal-aċċess għall-internet, li jikkomunika lil persuni privati, bħala destinatarji, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, data personali sabiex ikunu jistgħu jinbdew proċeduri, quddiem il-qrati ċivili, kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, iżda sempliċement tirregola l-kwistjoni tal-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur innifsu jew minn terz, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

127

Għalhekk, fornitur tal-aċċess għall-internet, bħal Telenet, tista’ tkun obbligata twettaq tali komunikazzjoni biss abbażi ta’ miżura, imsemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li tillimita l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5 u 6 tagħha.

128

Sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika l-bażi legali kemm taż-żamma, minn Telenet, tal-indirizzi IP li Mircom qiegħda titlob il-komunikazzjoni tagħhom, kif ukoll tal-eventwali aċċess ta’ Mircom għal dawn l-indirizzi.

129

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58, iż-żamma tal-indirizzi IP mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika lil hinn mill-perijodu tal-għoti ta’ din id-data ma tidhirx, bħala prinċipju, neċessarja għall-finijiet tal-fatturazzjoni tas-servizzi inkwistjoni, b’tali mod li l-iskoperta tal-ksur imwettaq online tista’, minħabba f’hekk, tirriżulta impossibbli mingħajr l-użu ta’ miżura leġiżlattiva skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 154).

130

Hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, kieku ż-żamma tal-indirizzi IP abbażi ta’ tali miżura leġiżlattiva jew, tal-inqas, l-użu tagħhom għall-finijiet differenti minn dawn deċiżi legali fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), kellhom jitqiesu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, it-talba għal informazzjoni fil-kawża prinċipali ssir mingħajr skop.

131

Jekk mill-verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li jeżistu miżuri leġiżlattivi nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jillimitaw il-portata tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva u li jistgħu japplikaw b’mod utli għall-każ ineżami, u jekk jiġi preżunt li jirriżulta wkoll, fuq il-bażi tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti kollha preċedenti ta’ din is-sentenza, li Mircom għandha locus standi u li t-talba tagħha għal informazzjoni hija ġġustifikata, proporzjonata u mhux abbużiva, għandu jitqies li l-ipproċessar imsemmi iktar ’il fuq huwa legali, fis-sens tar-Regolament 2016/679.

132

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, la r-reġistrazzjoni sistematika, mid-detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll minn terz għan-nom tiegħu, ta’ indirizzi IP ta’ utenti ta’ networks peer‑to‑peer li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom allegatament intużaw fl-attivitajiet ta’ kontrafazzjoni u lanqas għall-komunikazzjoni tal-ismijiet u tal-indirizzi postali ta’ dawn l-utenti lil dan id-detentur jew lil terz sabiex ikun jista’ jippreżenta rikors għal kumpens quddiem qorti ċivili għal dannu allegatament ikkawżat mill-imsemmija utenti, bil-kundizzjoni madankollu, li l-inizjattivi u t-talbiet f’dan is-sens tal-imsemmi detentur jew ta’ tali terz ikunu ġġustifikati, proporzjonati u mhux abbużivi u jkollhom bħala bażi legali miżura leġiżlattiva nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li tillimita l-portata tar-regoli msemmija fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

133

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tlugħ, mit-tagħmir terminali ta’ utent ta’ network peer‑to‑peer lejn tali tagħmir ta’ utenti oħra ta’ dan in-network, ta’ segmenti mniżżla preċedentement mill-imsemmi utent, ta’ fajl tal-media li jkun jinkludi xogħol protett, minkejja li dawn is-segmenti jistgħu jintużaw fihom innifishom biss sa minn ċerta rata ta’ tniżżil. Huwa irrilevanti l-fatt li, minħabba l-konfigurazzjonijiet tas-software ta’ kondiviżjoni client‑BitTorrent, dan it-tlugħ huwa ġġenerat awtomatikament minnu, meta l-utent, li mit-tagħmir terminali tiegħu jiġi prodott l-imsemmi tlugħ, ikun abbona għal dan is-software filwaqt li jkun ta l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tiegħu wara li jkun ġie debitament informat dwar il-karatteristiċi tiegħu.

 

2)

Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tiġi interpretata fis-sens li persuna kuntrattwalment detentriċi ta’ ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li madankollu ma tużahomx hija stess, iżda sempliċement titlob danni lil persuni li allegatament ikunu wettqu l-ksur, tista’ tibbenefika, bħala prinċipju, mill-miżuri, mill-proċeduri u mir-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, sakemm ma jiġix stabbilit, skont l-obbligu ġenerali previst fl-Artikolu 3(2) tagħha, u abbażi ta’ eżami globali u ddettaljat, li t-talba tagħha hija abbużiva. B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda talba għal informazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, din għandha wkoll tiġi miċħuda jekk din tkun mhux iġġustifikata jew mhux proporzjonata, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

3)

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, la r-reġistrazzjoni sistematika, mid-detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll minn terz għan-nom tiegħu, ta’ indirizzi IP ta’ utenti ta’ networks peer‑to‑peer li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom allegatament intużaw fl-attivitajiet ta’ kontrafazzjoni u lanqas għall-komunikazzjoni tal-ismijiet u tal-indirizzi postali ta’ dawn l-utenti lil dan id-detentur jew lil terz sabiex ikun jista’ jippreżenta rikors għal kumpens quddiem qorti ċivili għal dannu allegatament ikkawżat mill-imsemmija utenti, bil-kundizzjoni madankollu, li l-inizjattivi u t-talbiet f’dan is-sens tal-imsemmi detentur jew ta’ tali terz ikunu ġġustifikati, proporzjonati u mhux abbużivi u jkollhom bħala bażi legali miżura leġiżlattiva nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, li tillimita l-portata tar-regoli msemmija fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva, kif emendata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.