SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Ftehim qafas – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 5(5) – Artikolu 18(1) – Artikoli 33 u 49 – Il-punti 7, 8 u 10 tal-Parti C tal-Anness V – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1986 – It-Taqsimiet II.1.5 u II.2.6 tal-Anness II – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti – Obbligu li jiġi indikat, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, minn naħa, il-kwantità stmata jew il-valur stmat u, min-naħa l-oħra, il-kwantità massima jew il-valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ ftehim qafas – Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 2d(1) – Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Assenza ta’ effetti tal-kuntratt – Esklużjoni”

Fil-Kawża C‑23/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Klagenævnet for Udbud (il-Bord tal-Appelli fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura

Simonsen & Weel A/S

vs

Region Nordjylland og Region Syddanmark,

fil-preżenza ta’:

Nutricia A/S,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Simonsen & Weel A/S, minn S. Troels Poulsen, advokat,

għar-Region Nordjylland og Region Syddanmark, minn T. Braad u H. Padkjær Sørensen, advokater,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. Jespersen u M. Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, R. Kanitz u S. Eisenberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn C. Mosser u E. de Moustier, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek, H. Støvlbæk u L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) kif ukoll tal-Artikoli 33 u 49 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif ukoll tal-punt 7 u tal-punt 10(a) tal-Parti C tal-Anness V ta’ din id-direttiva u tal-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315), kif emendat bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Simonsen & Weel A/S u, min-naħa l-oħra, ir-Region Nordjylland (ir-Reġjun ta’ Nordjylland, id-Danimarka) u r-Region Syddanmark (ir-Reġjun tad-Danimarka ta’ Isfel) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“Reġjuni”) dwar id-deċiżjoni ta’ dawn tal-aħħar li jikkonkludu ftehim qafas ma’ Nutricia A/S.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2014/24

3

Il-premessi 59 sa 62 tad-Direttiva 2014/24 jistipulaw:

“(59)

Madwar is-swieq Ewropej tax-xiri pubbliku qed tinbet tendenza qawwija lejn l-aggregazzjoni tad-domanda mix-xerrejja pubbliċi, bil-ħsieb li jinkisbu ekonomiji ta’ skala, inklużi prezzijiet aktar baxxi u spejjeż ta’ tranżazzjoni, u għat-titjib u l-professjonalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-akkwisti. Dan jista’ jintlaħaq permezz tal-konċentrazzjoni tax-xiri skont in-numru ta’ awtoritajiet kontraenti involuti, jew il-volum u l-valur matul iż-żmien. Madankollu, l-aggregazzjoni u ċ-ċentralizzazzjoni tax-xiri għandhom jiġu sorveljati b’attenzjoni sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva tal-kapaċita tal-akkwist u l-kollużjoni, u biex jiġu ppreservati t-trasparenza u l-kompetizzjoni, kif ukoll l-opportunitajiet ta’ aċċess għas-swieq tal-SMEs.

(60)

L-istrument tal-ftehimiet qafas intuża ħafna u huwa kkunsidrat bħala teknika ta’ akkwist effiċjenti madwar l-Ewropa kollha. Għalhekk għandu jinżamm prattikament kif inhu. Madankollu, ċerti aspetti jeħtieġ li jkunu kkjarifikati, b’mod partikolari li l-ftehimiet qafas ma għandhomx jintużaw mill-awtoritajiet kontraenti li mhumiex identifikati fihom. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kontraenti li huma partijiet minn ftehim qafas speċifiku mill-bidu għandhom ikunu indikati b’mod ċar, jew b’isem jew b’mezz ieħor, bħal referenza għal kategorija partikolari ta’ awtoritajiet kontraenti f’żona ġeografika delimitata b’mod ċar, sabiex l-awtoritajiet kontraenti kkonċernati jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment u inekwivokabbilment. Bl-istess mod, ftehim qafas m’għandux ikun miftuħ għal dħul ta’ operaturi ekonomiċi ġodda ladarba jkun konkluż. […]

(61)

[…]

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jingħataw flessibbiltà addizzjonali meta jagħmlu akkwisti taħt il-ftehimiet qafas, li huma konklużi ma’ aktar minn operatur ekonomiku wieħed u li jistipulaw it-termini kollha.

[…] Il-ftehimiet qafas m’għandhomx jintużaw b’mod skorrett jew b’tali mod li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni. L-awtoritajiet kontraenti m’għandhomx ikunu obbligati skont din id-Direttiva li jakkwistaw xogħlijiet, provvisti jew servizzi li huma koperti minn ftehim qafas, taħt dan il-ftehim qafas.

(62)

Għandu jiġi wkoll iċċarat li filwaqt li kuntratti bbażati fuq ftehim qafas għandhom jingħataw il-kuntratt qabel tmiem l-obbligu tal-ftehim qafas innifsu, id-durata tal-kuntratti individwali bbażati fuq ftehim qafas mhix meħtieġa li tikkoinċidi mad-durata ta’ dak il-ftehim qafas, iżda jista’ jkun, kif adegwat, iqsar jew itwal. […]

Għandu wkoll jiġi ċċarat li jista’ jkun hemm każijiet eċċezzjonali li fihom id-durata tal-ftehimiet qafas infushom għandha titħalla tkun itwal minn erba’ snin. Dawn il-każijiet, li għandhom ikunu ġustifikati debitament, b’mod partikolari mis-suġġett tal-ftehim qafas, jistgħu jseħħu pereżempju meta l-operaturi ekonomiċi jkunu jeħtieġu jarmu t-tagħmir li l-perjodu tal-amortizzament tiegħu jkun itwal minn erba’ snin u li għandu jkun disponibbli fi kwalunkwe mument matul id-durata tal-ftehim qafas.”

4

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Metodi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-akkwist”, jiddisponi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Fir-rigward ta’ ftehimiet qafas u sistemi dinamiċi ta’ xiri, il-valur li għandu jiġi kkunsidrat għandu jkun il-valur massimu stmat, mingħajr [it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)], tal-kuntratti kollha previsti għat-terminu totali tal-ftehim qafas jew is-sistema dinamika ta’ xiri.”

5

L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, li jesponi l-“[p]rinċipji tal-akkwist”, jipprevedi, fis-subparagrafu 1 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.”

6

Taħt it-titolu “Ftehimiet qafas”, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/24 jiddisponi li:

“1.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jikkonkludu ftehimiet qafas, jekk japplikaw il-proċeduri speċifikati f’din id-Direttiva.

FAP qafas ifisser ftehim bejn awtorità kontraenti waħda jew aktar u operatur ekonomiku wieħed jew aktar, li l-għan tiegħu huwa li jistabbilixxi t-termini li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jingħataw matul perijodu speċifikat, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn xieraq, il-kwantità prevista.

It-terminu ta’ ftehim qafas ma għandux jaqbeż l-erba’ snin, għajr f’każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif xieraq, b’mod partikolari mis-suġġett tal-ftehim qafas.

2.   Kuntratti bbażati fuq ftehim qafas għandhom jingħataw skont il-proċeduri stabbiliti f’dan il-paragrafu u fil-paragrafi 3 u 4.

[…]

Kuntratti bbazati fuq ftehim qafas ma jistgħux jagħmlu modifiki sostanzjali għat-termini stabbiliti f’dak il-ftehim qafas taħt l-ebda ċirkostanza, b’mod partikolari fil-kaz imsemmi fil-paragrafu 3.

3.   Fejn jiġi konkluż ftehim qafas ma’ operatur ekonomiku wieħed, kuntratti bbażati fuq dan il-ftehim għandhom jingħataw fi ħdan il-limiti tat-termini stabbiliti fil-ftehim qafas.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 49 ta’ din id-direttiva, intitolat “Avviżi dwar kuntratti”:

“L-avviżi dwar kuntratti għandhom jintużaw bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni fir-rigward tal-proċeduri kollha, mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(5) u l-Artikolu 32. L-avviżi dwar kuntratti għandu jkun fihom l-informazzjoni stipulata fl-Anness V parti C u għandhom jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 51.”

8

L-Artikolu 53 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Disponibbiltà elettronika tad-dokumenti tal-akkwist”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom, b’mezzi elettroniċi, joffru aċċess mingħajr restrizzjonijiet, sħiħ u mingħajr ħlas għad-dokumenti tal-akkwist mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż skont l-Artikolu 51 jew mid-data li fiha ntbagħtet l-istedina għall-konferma tal-interess. It-test tal-avviż jew tal-istedina għall-konferma tal-interess għandu jispeċifika l-indirizz fuq l-Internet li fuqu hija aċċessibbli d-dokumentazzjoni.”

9

Taħt it-titolu “Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom”, l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24 jiddisponi li:

“1.   Kuntratti u ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida tal-akkwist f’konformità ma’ din id-Direttiva fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

[…]

(e)

fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur tagħhom, mhumiex sostanzjali skont it-tifsira tal-paragrafu 4.

Awtoritajiet kontraenti li jkunu mmodifikaw kuntratt fil-każijiet stipulati taħt il-punti (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu għandhom jippubblikaw avviż dwar dan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan l-avviż għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fl-Anness V, parti G u għandu jkun ppubblikat skont l-Artikolu 51.

[…]

4.   Modifika ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas matul it-terminu tiegħu għandha titqies bħala sostanzjali skont it-tifsira tal-punt (e) tal-paragrafu 1, fejn din trendi l-kuntratt jew il-ftehim qafas materjalment differenti fin-natura minn dak inizjalment konkluż. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr ħsara għall-paragrafi 1 u 2, modifika għandha titqies bħala sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-modifika tintroduċi kondizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura ta’ akkwist inizjali, kienu jippermettu d-dħul ta’ kandidati oħra minbarra dawk inizjalment magħżula jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta oħra minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura ta’ akkwist;

(b)

il-modifika tibdel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas favur il-kuntrattur b’tali mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali jew il-ftehim qafas;

(c)

il-modifika testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas b’mod konsiderevoli;

(d)

fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità kontraenti f’każijiet oħra minbarra dawk previsti taħt il-punt (d) tal-paragrafu 1.

5.   Proċedura ġdida ta’ akkwist f’konformità ma’ din id-Direttiva għandha tkun meħtieġa għal modifiki oħra tad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku jew ftehim qafas matul it-terminu tiegħu minbarra dawk previsti taħt il-paragrafi 1 u 2.”

10

L-Artikolu 91 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Id-Direttiva 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)] hija mħassra b’effett mit‑18 ta’ April 2016.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XV.”

11

L-Anness V tal-imsemmija direttiva jidentifika l-“[i]nformazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-avviżi”. Il-Parti B ta’ dan l-anness tesponi l-“[i]nformazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-avviżi informattivi minn qabel (kif imsemmija fl-Artikolu 48)”. It-Titolu II ta’ din il-parti jelenka l-“[i]nformazzjoni addizzjonali li għandha tiġi pprovduta meta l-avviż jintuża bħala mezz sabiex isejjaħ għal kompetizzjoni (artikolu 48(2))”.

12

Fost din l-informazzjoni hemm dik, imsemmija fil-punt 7 ta’ dan it-Titolu II, ifformulata kif ġej:

“Sa fejn dan ikun diġà magħruf, il-kobor totali stmat tal-kuntratt(i); fejn il-kuntratt jinqasam f’lottijiet, din l-informazzjoni għandha tingħata għal kull lott.”

13

Il-Parti C tal-imsemmi Anness V telenka, bħala l-“[i]nformazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-avviżi dwar kuntratti (kif imsemmija fl-Artikolu 49)”:

“[…]

2.

L-indirizz tal-posta elettronika jew l-indirizz fuq l-Internet li fuqhom ser ikunu disponibbli d-dokumenti ta’ akkwist għal aċċess mingħajr restrizzjonijiet, sħiħ u dirett, mingħajr ħlas.

[…]

[…]

5.

Il-kodiċi CPV; fejn il-kuntratt jinqasam f’lottijiet, din l-informazzjoni għandha tingħata għal kull lott.

[…]

7.

Deskrizzjoni qasira tal-akkwist: in-natura u sa fejn huma estiżi x-xogħlijiet, in-natura u l-kwantità jew il-valur tal-provvisti, in-natura u sa fejn jestendu s-servizzi. Meta l-kuntratt jinqasam f’lottijiet, din l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta għal kull lott. Fejn xieraq, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe għażla.

8.

L-ordni tal-kobor totali stmat tal-kuntratt(i); fejn il-kuntratt jinqasam f’lottijiet, din l-informazzjoni għandha tingħata għal kull lott.

[…]

10.

Il-perijodu għat-twassil jew il-forniment tal-provvisti, xogħlijiet jew servizzi u, sa fejn ikun possibbli, id-dewmien tal-kuntratt.

(a)

Fil-każ ta’ ftehim qafas, indikazzjoni tad-dewmien ippjanat tal-ftehim qafas, li tiddikjara, fejn dan ikun xieraq, ir-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien li jaqbeż l-erba’ snin; sa fejn din tkun possibbli, indikazzjoni tal-valur jew l-ordni tal-kobor u l-frekwenza tal-kuntratti li għandhom jingħataw, in-numru u, fejn dan ikun xieraq, in-numru massimu propost ta’ operaturi ekonomiċi li għandhom jieħdu sehem.

[…]

[…]”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/1986

14

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1986 tal‑11 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi formoli standard għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi fil-qasam tal-akkwist pubbliku u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 842/2011 (ĠU 2015, L 296, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 172, p. 36), jinkludi, fl-Anness II tiegħu, formola standard li tesponi d-diversi taqsimiet li awtorità kontraenti jew entità kontraenti jistgħu jew għandhom, skont il-każ, jimlew.

15

It-Taqsima II ta’ din il-formola, intitolata “L-għan” tal-kuntratt, tagħmel distinzjoni bejn l-“għan tal-ksib [portata tal-kuntratt]” u d-“[d]eskrizzjoni” tiegħu.

16

Fost it-taqsimiet dwar il-portata tal-kuntratt tinsab it-Taqsima II.1.5, intitolata “Stima tal-valur totali”. Din it-taqsima tirreferi għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2 tal-formula li ssemmi biss l-espressjoni “jekk applikabbli”. Permezz tal-imsemmija taqsima, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tindika l-valur mingħajr VAT tal-kuntratt u l-munita użata għal dan l-għan, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, “għal oqfsa ta’ ftehim jew sistemi dinamiċi tax-xiri – [dan huwa] stima tat-total tal-ogħla valur għat-tul ta’ żmien kollu tal-qafas ta’ ftehim jew sistema dinamika tax-xiri”.

17

Fost it-taqsimiet dwar id-deskrizzjoni tal-kuntratt hemm it-Taqsima II.2.1, li l-għan tagħha huwa li tindika t-“[t]itlu” tal-kuntratt. Din it-taqsima tinkludi subdiviżjoni msejħa “Nru tal-lott”, li magħha hemm ukoll assoċjata nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2 li tgħid “jekk applikabbli”.

18

It-Taqsima II.2.6, intitolata “Stima tal-valur”, tipprevedi li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tindika l-valur mingħajr VAT tal-kuntratt kif ukoll il-munita użata għal dan l-għan u tippreċiża li, “għal oqfsa ta’ ftehim jew sistemi dinamiċi tax-xiri – [dan huwa] l-istima tat-total tal-ogħla valur għat-tul ta’ żmien kollu ta’ dan il-lott”.

Id-Direttiva 89/665/KEE

19

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/23 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), hija applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li d-data ta’ traspożizzjoni ta’ din l-aħħar direttiva skadiet fit‑18 ta’ April 2016.

20

Id-Direttiva 89/665 fil-verżjoni inizjali tagħha ġiet preċedentement emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifika fil-ĠU 2018, L 176, p. 23). Il-premessi 13, 14 u 17 tad-Direttiva 2007/66 jipprovdu:

“(13)

Sabiex tħares kontra l-għoti dirett illegali ta’ kuntratti, li l-Qorti tal-Ġustizzja sejħet l-aktar ksur serju tal-liġi [tal-Unjoni] fil-qasam ta’ l-appalti pubbliċi, min-naħa ta’ awtorità kontraenti jew ta’ entità kontraenti, għandu jkun hemm provvediment għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għaldaqstant, kuntratt li jirriżulta minn għoti dirett illegali għandu bħala prinċipju jitqies ineffettiv. L-ineffettività m’għandhiex tkun awtomatika iżda għandha tkun aċċertata minn korp ta’ reviżjoni indipendenti, jew għandha tkun ir-riżultat ta’ deċiżjoni tiegħu.

(14)

L-ineffettività hi l-aktar mod effettiv biex terġa’ tiġi stabbilita l-kompetizzjoni u biex jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju ġodda għal dawk l-operaturi ekonomiċi li jkunu ġew imċaħħda illegalment mill-opportunita li jikkompetu. Għotjiet diretti fis-sens ta’ din id-Direttiva għandhom jinkludu l-għotjiet kollha ta’ kuntratti mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea skond id-Direttiva 2004/18/KE. Dan jikkorrispondi għal proċedura mingħajr sejħa minn qabel għal kompetizzjoni skond it-tifsira fid-Direttiva 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)].

[…]

(17)

Proċedura ta’ reviżjoni għandha tkun disponibbli ta’ l-inqas għal kull persuna li jkollha jew li kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li kienet jew li tinsab fir-riskju li tkun milquta minn ksur allegat.”

21

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva [2014/24], sakemm tali kuntratti ma jkunx esklużi skont l-Artikoli 7, 8, 9, 10, 11, 12, 15, 16, 17 u 37 ta’ dik id-Direttiva.

[…]

Il-kuntratti skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehimiet ta’ qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizzi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2014/24] jew id-Direttiva [2014/23], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.”

22

Taħt it-titolu “Ineffettività”, l-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:

(a)

jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun permissibbli skont id-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE;

[…]”

Id-Direttiva 92/13

23

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/13, intitolat “Skop u disponibilità tal-proċeduri ta’ reviżjoni”, jiddisponi, fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243)], sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skont l-Artikoli 18 sa 24, 27 sa 30, 34 jew 55 ta’ dik id-Direttiva.

Il-kuntratti fit-tifsira ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti ta’ provvista, ta’ xogħol u ta’ servizzi, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizzi, ftehim qafas u sistemi dinamiċi ta’ xiri.”

24

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 92/13 hija analoga għal dik tal-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 89/665.

Id-dritt Daniż

Il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi

25

L-Udbudsloven, lov nr. 1564 (il-Liġi Nru 1564 dwar il-Kuntratti Pubbliċi) tal‑15 ta’ Diċembru 2015, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), li tittrasponi d-Direttiva 2014/24 fid-dritt Daniż, tinkludi Titolu I, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, li jinkludi l-Artikoli 1 sa 38 ta’ din il-liġi.

26

L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F’dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi msemmija fit-Titoli II sa IV, l-awtorità kontraenti għandha tikkonforma mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità.”

27

L-Artikolu 24 tal-istess liġi jinkludi b’mod partikolari d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

24)

‘kuntratti pubbliċi’: kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew iktar u awtorità kontraenti waħda jew iktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi;

[…]

30)

‘ftehim qafas’: ftehim konkluż bejn awtorità kontraenti waħda jew iktar u operatur ekonomiku wieħed jew iktar li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratti mogħtija matul perijodu partikolari, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kwantitajiet previsti.”

28

It-Titolu II tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li jirrigwarda l-“[k]untratti pubbliċi li l-valur tagħhom huwa ogħla mil-limitu”, huwa kompost mill-Artikoli 39 sa 185 tagħha.

29

L-Artikolu 56 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Fil-proċeduri miftuħa, kwalunkwe operatur ekonomiku interessat jista’ jippreżenta offerta fir-rigward ta’ sejħa għal avviż ta’ kuntratt. L-avviż ta’ kuntratt għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fil-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva [2014/24]. L-awtorità kontraenti għandha tuża l-formola standard imsemmija fl-Artikolu 128(3) ta’ din il-liġi.”

30

Skont l-Artikolu 128 tal-imsemmija liġi:

“1.   L-awtorità kontraenti għandha tuża l-avviż tal-kuntratt bħala mezz ta’ sejħa għal offerti għall-proċeduri kollha bl-eċċezzjoni tal-proċedura nnegozjata mingħajr avviż minn qabel. […]

2.   L-avviżi ta’ kuntratt għandhom jinkludu l-informazzjoni stipulata fil-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva [2014/24] […]

3.   L-avviż ta’ kuntratt huwa mfassal fuq il-mudell tal-formoli standard stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jintbagħat b’mod elettroniku lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi ppubblikat skont l-Anness VIII tad-Direttiva [2014/24] […]

[…]”

Il-Liġi dwar il-Bord tal-Appelli fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi

31

Il-Lov om Klagenævnet for udbud, lovbekendtgørelse nr. 593 (il-Liġi dwar il-Bord tal-Appelli fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi, Avviż Legali Nru 593) tat‑2 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Bord tal-Appelli fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi”), li timplimenta d-Direttiva 92/13, tiddisponi, fil-punt 1 tal-Artikolu 17(1) tagħha:

“Kuntratt li jaqa’ taħt it-Titolu II jew III tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jew taħt id-Direttiva [2014/25] huwa ddikjarat ineffettiv jekk:

1)

l-awtorità kontraenti, bi ksur tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jew tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti, ikkonkludiet kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bla ħsara madankollu għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4,

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

32

Ir-Reġjuni, permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tat‑30 ta’ April 2019, fetħu proċedura miftuħa ta’ kuntratt pubbliku fis-sens tad-Direttiva 2014/24 fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim qafas ta’ erba’ snin bejn ir-Region Nordjylland u operatur ekonomiku uniku għax-xiri ta’ tagħmir li jippermetti t-tmigħ permezz ta’ tubu gastriku għal pazjenti fid-dar u fl-istituzzjonijiet.

33

L-avviż ta’ kuntratt speċifika li r-Region Syddanmark kien ser jipparteċipa biss “b’għażla” u li l-kandidati kienu obbligati jagħmlu offerta għall-“entrati kollha tal-kuntratt”.

34

Barra minn hekk, dan l-avviż la kien fih informazzjoni dwar il-valur stmat tal-kuntratt tal-ftehim qafas għar-Region Nordjylland jew tal-għażla għar-Region Syddanmark u lanqas informazzjoni dwar il-valur massimu tal-ftehimiet qafas jew dwar il-kwantità stmata jew massima tal-prodotti li x-xiri tagħhom kien previst fil-ftehimiet qafas.

35

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Anness 3 tal-imsemmi avviż, l-“istimi indikati u [l]-volumi ta’ konsum mistennija huma biss l-espressjoni tal-previżjonijiet tal-awtorità kontraenti fir-rigward tal-użu tal-provvisti li huma s-suġġett tal-kuntratt. Għaldaqstant, l-awtorità kontraenti ma timpenjax ruħha, bis-saħħa tal-ftehim qafas, li taċċetta ċerta kwantità ta’ provvisti jew li tixtri sa ċertu ammont. Fi kliem ieħor, il-konsum effettiv jista’ jkun ogħla jew inqas minn dak indikat fl-istimi.” Il-ftehim qafas lanqas ma kellu jitqies bħala esklużiv, b’tali mod li l-awtorità kontraenti setgħet takkwista prodotti simili mingħand fornituri oħra b’osservanza tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi.

36

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2019, ir-Reġjuni qiesu li l-offerta ta’ Nutricia kienet l-iktar waħda vantaġġuża u li din il-kumpannija kienet rebħet il-kuntratt. Fid‑19 ta’ Awwissu 2019, Simonsen & Weel ippreżentat rikors quddiem il-Klagenævnet for Udbud (il-Bord tal-Appelli fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi, id-Danimarka), intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

37

Peress li din il-qorti ma tatx effett sospensiv lil dan ir-rikors, ir-Region Nordjylland ikkonkludiet ftehim qafas mal-offerent rebbieħ. Min-naħa tiegħu, ir-Region Syddanmark ma użax l-għażla li huwa għandu.

38

Insostenn tar-rikors tagħha, Simonsen & Weel issostni, fl-ewwel lok, li, billi ma indikawx, fl-avviż ta’ kuntratt, il-kwantità stmata jew il-valur stmat tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-ftehim qafas inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Reġjuni kisru b’mod partikolari l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll il-punt 7 tal-Parti C tal-Anness V tal-imsemmija direttiva.

39

Fit-tieni lok, ir-Reġjuni huma obbligati jindikaw il-kwantità massima tal-prodotti li jistgħu jinxtraw b’eżekuzzjoni tal-ftehim qafas jew il-valur totali massimu tiegħu, u fin-nuqqas ta’ dan huma jistgħu jaqsmu dan il-ftehim qafas b’mod artifiċjali matul it-tul kollu tiegħu, kuntrarjament għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice (C‑216/17, EU:C:2018:1034).

40

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-kwantità jew tal-valur stmat, ir-Reġjuni joġġezzjonaw, b’mod partikolari, li l-obbligu li tiġi indikata portata jew valur partikolari fl-avviż ta’ kuntratt ma japplikax fir-rigward tal-ftehimiet qafas. Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-kwantitajiet stmati previsti jistgħu jiġu indikati “fejn xieraq”, li jimplika għalhekk li tali indikazzjoni tibqa’ fakultattiva għall-awtorità kontraenti.

41

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-kwantità massima tal-prodotti li jistgħu jinkisbu b’eżekuzzjoni tal-ftehim qafas jew tal-valur totali massimu tiegħu, ir-Reġjuni jsostnu li s-soluzzjoni tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice (C‑216/17, EU:C:2018:1034), hija limitata għal sitwazzjonijiet fejn awtorità kontraenti taġixxi f’isem awtoritajiet kontraenti oħra li ma humiex direttament partijiet għall-ftehim qafas, li ma kienx il-każ hawnhekk. Barra minn hekk, minn din is-sentenza jirriżulta li l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament huma osservati, peress li l-volum globali tas-servizzi huwa indikat fil-ftehim qafas innifsu jew f’dokument ieħor tal-kuntratt.

42

Barra minn hekk, fil-każ ta’ sejħa għal offerti li tirrigwarda ftehim qafas, il-punt dwar jekk dan isirx ukoll f’isem awtoritajiet kontraenti oħra huwa determinanti, li jirriżulta wkoll mill-premessi 59 sa 62 tad-Direttiva 2014/24. Ir-rekwiżit ta’ indikazzjoni ta’ volum massimu jew ta’ valur massimu, imsemmi fil-punt 61 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice (C‑216/17, EU:C:2018:1034), ma jistax jiġi estiż għal każijiet li ma humiex komparabbli ma’ dawk inkwistjoni f’dik il-kawża. Issa, f’dan il-każ, ir-Reġjuni jallegaw li offrew ftehim qafas mhux esklużiv u mhux sinallagmatiku, u li ma kinux jafu, fil-mument tas-sejħa għal offerti, bil-portata tal-ħtiġijiet konkreti ta’ xiri jew bil-livell tal-prezz għall-“kuntratti individwali”. Konsegwentement, huma ma kinux f’pożizzjoni li jagħmlu stima affidabbli tal-valur tal-ftehim qafas.

43

Konsegwentement, il-Klagenævnet for Udbud (il-Bord tal-Appelli fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi, id-Danimarka) jistaqsi dwar il-possibbiltà li tiġi applikata b’analoġija s-soluzzjoni tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice (C‑216/17, EU:C:2018:1034), fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-partikolarità taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza u tal-fatt li d-Direttiva 2014/24 tinkludi, fir-rigward tal-ftehim qafas, modifiki, minkejja li huma żgħar, meta mqabbla mal-formulazzjoni tad-Direttiva 2004/18 li kienet applikabbli għall-imsemmija kawża. Id-dubji tagħha jirrigwardaw b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk limitu massimu għandux jispeċifika kemm il-kwantitajiet massimi kif ukoll il-valuri massimi tal-prodotti li jistgħu jinxtraw bis-saħħa tal-ftehim qafas u jekk dan il-massimu għandux, jekk ikun xieraq, jiġi ffissat “mill-bidu”, jiġifieri fl-avviż ta’ kuntratt – fejn ikun għalhekk identiku għall-valur stmat – u/jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jew jekk huwiex biżżejjed li jiġi ffissat limitu massimu, għall-ewwel darba, fil-ftehim qafas innifsu, jiġifieri mat-tlestija tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Fl-aħħar nett, fl-ipoteżi fejn dan il-limitu massimu ma ssemmiex korrettament mill-awtorità kontraenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont l-Artikolu 2d tad-Direttiva 92/13, il-ftehim qafas konkluż fuq din il-bażi għandux jiġi assimilat mas-sitwazzjoni fejn l-ebda avviż ta’ kuntratt ma jkun ġie ppubblikat u, għaldaqstant, għandux jitqies bħala ineffettiv.

44

Huwa f’dan il-kuntest li l-Klagenævnet for Udbud (il-Bord tal-Appelli fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

[(a)]

Il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva [2014/24] u l-Artikolu 49 [ta’ din id-direttiva] flimkien mal-punti 7 u 10(a) tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt f’każ bħal dak ineżami għandu jinkludi informazzjoni dwar il-kwantità stmata u/jew il-valur stmat tal-provvisti taħt il-kuntratt qafas li huwa s-suġġett tas-sejħa għal offerti?

[(b)]

Fil-każ li r-risposta għad-domanda tkun fl-affermattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab ukoll tiddeċiedi jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni għandha tiġi stabbilita fir-rigward tal-kuntratt qafas (a) b’mod globali u/jew (b) fir-rigward tal-awtorità kontraenti oriġinali li wriet l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi ftehim fil-kuntest tal-proċedura għal sejħa għal offerti (f’dan il-każ: ir-Region Nordjylland) u/jew (c) fir-rigward tal-tal-awtorità kontraenti oriġinali li sempliċement uriet l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa b’għażla (f’dan il-każ: ir-Region Syddanmark).

2)

[(a)]

Il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva [2014/24] u l-Artikoli 33 u 49 tad-Direttiva 2014/24 flimkien mal-punti 7 u 10 tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt jew l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandhom jistabbilixxu kwantità massima u/jew valur massimu tal-provvisti taħt il-kuntratt qafas li huwa s-suġġett tas-sejħa għal offerti, b’mod li l-kuntratt qafas inkwistjoni ma jkollux iktar effett meta jintlaħaq dan il-limitu?

[(b)]

Fil-każ li r-risposta għad-domanda tkun fl-affermattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab ukoll tiddeċiedi dwar jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni għandha tiġi stabbilita fir-rigward tal-kuntratt qafas (a) b’mod globali u/jew (b) fir-rigward tal-awtorità kontraenti oriġinali li wriet l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi ftehim fil-kuntest tal-proċedura għal sejħa għal offerti (f’dan il-każ: ir-Region Nordjylland) u/jew (c) fir-rigward tal-tal-awtorità kontraenti oriġinali li sempliċement uriet l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa b’għażla (f’dan il-każ: ir-Region Syddanmark).

3)

Fil-każ li r-risposti għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda jkunu fl-affermattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab ukoll – sa fejn huwa rilevanti għall-kontenut ta’ dawn ir-risposti – twieġeb id-domanda segwenti: L-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 92/13, moqri flimkien mal-Artikoli 33 u 49 tad-Direttiva 2014/24, u mal-punti 7 u 10 tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni li ‘l-entità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea’ tkopri każ bħal dak ineżami fejn l-awtorità kontraenti tkun ippubblikat avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar il-kuntratt qafas previst, iżda

(a)

l-avviż tal-kuntratt ma jkunx jissodisfa l-kundizzjoni li tiġi indikata l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat tal-provvisti taħt il-kuntratt qafas li huwa s-suġġett tas-sejħa għal offerti peress li tali stima tkun tirriżulta mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u

(b)

l-awtorità kontraenti tkun kisret ir-rekwiżit li, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, tistabbilixxi kwantità massima u/jew valur massimu tal-provvisti taħt il-kuntratt qafas li huwa s-suġġett tas-sejħa għal offerti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-punt (a) tal-ewwel domanda u l-punt (a) tat-tieni domanda

45

Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda u tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24, il-punti 7 u 8 kif ukoll il-punt 10(a) tal-Parti C tal-Anness V ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva u mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din tal-aħħar, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt għandu jindika l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat kif ukoll kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas u li ladarba jintlaħaq dan il-limitu, l-imsemmi ftehim ikun eżawrixxa l-effetti tiegħu.

46

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2014/24, ftehim qafas huwa ftehim konkluż bejn awtorità kontraenti waħda jew iktar u operatur ekonomiku wieħed jew iktar li l-għan tiegħu huwa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jingħataw matul perijodu partikolari, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet u, fejn xieraq, tal-kwantitajiet previsti. L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jipprevedi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jikkonkludu ftehimiet qafas sa fejn dawn japplikaw il-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva.

47

L-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-avviżi ta’ kuntratt għandhom jintużaw bħala mezz ta’ sejħa għal offerti għall-proċeduri kollha, bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(5) u għall-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva. Dawn għandu jkun fihom l-informazzjoni prevista fil-Parti C tal-Anness V tal-imsemmija direttiva u għandhom jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 51 tal-istess direttiva.

48

Minn dan isegwi li l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24 u, għaldaqstant, il-Parti C tal-Anness V tagħha japplikaw għall-ftehimiet qafas.

49

F’dan ir-rigward, ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, meħuda waħedhom, jistgħu jimplikaw li l-awtorità kontraenti għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-opportunità li tindika, fl-avviż ta’ kuntratt, valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas.

50

Il-punt 8 tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li, skont l-informazzjoni li għandha tidher fl-avviż ta’ kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha ssemmi l-ordni tal-kobor totali stmat tal-kuntratt jew tal-kuntratti, fejn din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għal kull lott meta l-kuntratt ikun maqsum f’lottijiet. Ir-riferiment għal sempliċi “ordni tal-kobor” iktar milli għal valur preċiżament iddefinit, jissuġġerixxi li l-evalwazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti tista’ tkun approssimattiva.

51

Il-punt 10 ta’ din il-Parti C, relatat mal-informazzjoni dwar il-perijodu għall-kunsinna jew għall-provvista tal-prodotti, tax-xogħlijiet jew tas-servizzi u, sa fejn huwa possibbli, it-tul tal-kuntratt, jipprovdi, fil-punt (a) tiegħu ddedikat speċifikament għall-ftehimiet qafas, li l-awtorità kontraenti għandha tindika, sa fejn huwa possibbli, il-valur jew l-ordni tal-kobor u l-frekwenza tal-kuntratti li għandhom jingħataw. Minn dan jirriżulta li, skont din id-dispożizzjoni, l-indikazzjoni mill-awtorità kontraenti tal-valur jew tal-ordni tal-kobor u tal-frekwenza tal-kuntratti li għandhom jingħataw ma hijiex meħtieġa fiċ-ċirkustanzi kollha.

52

Bl-istess mod, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi li ftehim qafas għandu l-għan li jistabbilixxi, “fejn xieraq”, il-kwantitajiet previsti. Filwaqt li tirreferi għall-espressjoni “fejn xieraq”, din id-dispożizzjoni tippreċiża, f’dak li jirrigwarda speċifikament il-kwantitajiet tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti, li dawn għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu stabbiliti fi ftehim qafas. Mill-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1986 jirriżulta wkoll li l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata timla t-Taqsima II.1.5, intitolata “Stima tal-valur totali”, peress li dan il-valur jista’ jiġi speċifikat “jekk applikabbli”, kif jirriżulta mir-riferiment magħmul f’din it-taqsima għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2 ta’ din il-formola.

53

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-unika interpretazzjoni letterali tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma hijiex konklużiva sabiex jiġi ddeterminat jekk avviż ta’ kuntratt għandux jindika l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat kif ukoll kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas.

54

Madankollu, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll tal-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi aċċettat li l-awtorità kontraenti tastjeni milli tindika, fl-avviż ta’ kuntratt, valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas.

55

Fil-fatt, minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-awtorità kontraenti għandha tiddetermina l-kontenut tal-ftehim qafas li hija għandha l-intenzjoni li tikkonkludi.

56

L-ewwel, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, dwar il-metodi ta’ kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu, li, għall-ftehimiet qafas, il-valur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-valur massimu stmat mingħajr VAT tal-kuntratti pubbliċi kollha previsti matul it-tul totali tal-ftehim qafas.

57

Issa, peress li l-awtorità kontraenti hija obbligata tevalwa l-valur massimu stmat mingħajr VAT tal-kuntratti kollha previsti matul it-tul totali tal-ftehim qafas, hija tista’ tikkomunika dan il-valur lill-offerenti.

58

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 9(9) tad-Direttiva 2004/18, ifformulat f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2014/24, sabiex tikkunsidra, fil-punt 60 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice (C‑216/17, EU:C:2018:1034), li, għalkemm hija suġġetta biss għal obbligu li tagħmel l-aħjar sforz fir-rigward tal-preċiżazzjoni tal-valur u tal-frekwenza ta’ kull wieħed mill-kuntratti sussegwenti li għandhom jingħataw, l-awtorità kontraenti li oriġinarjament kienet parti għall-ftehim qafas għandha, mill-banda l-oħra, tispeċifika b’mod imperattiv, fir-rigward tal-ftehim qafas innifsu, il-volum globali, u għalhekk il-kwantità massima u/jew il-valur massimu, li fih jistgħu jiġu inklużi l-kuntratti sussegwenti.

59

It-tieni, skont il-punt 7 tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24, l-awtorità kontraenti għandha, bħala informazzjoni li għandha tidher fl-avviżi ta’ kuntratt, tiddeskrivi l-kuntratt u, għal dan l-għan, tindika l-kwantità jew il-valur tal-provvisti li ser ikunu koperti mill-ftehim qafas meħud fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, ma jistax ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu mingħajr ma tiġi indikata, tal-inqas, kwantità massima u/jew valur massimu ta’ dawn il-provvisti.

60

Barra minn hekk, meta awtorità kontraenti għandha timla l-formola li tinsab fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1986, hija għandha tinkludi, fit-Taqsima II.2.6 ta’ din il-formola, relatata mal-valur stmat, il-valur totali massimu għat-tul totali ta’ kull wieħed mil-lottijiet.

61

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-ugwaljanza fit-trattament u t-trasparenza huma applikabbli meta jiġi konkluż ftehim qafas, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2014/24. Issa, kemm il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom jimplikaw li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel, li jippermetti li l-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni, li jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice, C‑216/17, EU:C:2018:1034, punt 63).

62

Fil-fatt, il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati mill-konklużjoni tal-ftehim qafas, stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, ikunu affettwati jekk l-awtorità kontraenti li kienet oriġinarjament parti għall-ftehim qafas ma indikatx il-valur massimu jew il-kwantità massima kkonċernata minn tali ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice, C‑216/17, EU:C:2018:1034, punt 64).

63

F’dan ir-rigward, l-indikazzjoni mill-awtorità kontraenti tal-kwantità stmata u/jew tal-valur stmat kif ukoll ta’ kwantità massima u/jew ta’ valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas għandha importanza kunsiderevoli għal offerent, peress li huwa abbażi ta’ din l-istima, li dan ser ikun f’pożizzjoni li jevalwa l-kapaċità tiegħu li jeżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-ftehim qafas.

64

Barra minn hekk, jekk il-valur massimu stmat jew il-kwantità massima stmata li tirrigwarda tali ftehim ma tkunx indikata jew jekk tali indikazzjoni ma tkunx ta’ natura legalment vinkolanti, l-awtorità kontraenti tkun tista’ tevadi din il-kwantità massima. Konsegwentement, ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-offerent rebbieħ tista’ tiġi mfittxija minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim qafas jekk ma jirnexxilux jipprovdi l-kwantitajiet mitluba mill-awtorità kontraenti, anki jekk dawn jaqbżu l-kwantità massima fl-avviż ta’ kuntratt. Issa, tali sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24.

65

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ trasparenza jista’ jinkiser b’mod sostenibbli, peress li, kif jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 33(1) ta’ din id-direttiva, ftehim qafas jista’ jiġi konkluż għal perijodu li jista’ jdum sa erba’ snin, jew saħansitra iktar f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati, b’mod partikolari mill-għan tal-ftehim qafas. Barra minn hekk, kif tiddikjara l-premessa 62 tal-imsemmija direttiva, għalkemm il-kuntratti bbażati fuq ftehim qafas għandhom jingħataw qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ validità tiegħu, it-tul tal-kuntratti differenti bbażati fuq ftehim qafas ma għandux neċessarjament jikkoinċidi ma’ dak tal-imsemmi ftehim qafas, iżda jista’ xi drabi jkun iqsar jew itwal.

66

Fl-aħħar nett, interpretazzjoni estensiva tal-obbligu li jiġi ddefinit il-valur massimu stmat jew il-kwantità massima stmata koperta mill-ftehim qafas tista’ wkoll, minn naħa, tneħħi l-effett utli tar-regola stabbilita fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2014/24, li tipprovdi li l-kuntratti bbażati fuq il-ftehim qafas ma jistgħu fl-ebda każ iwasslu għal modifiki sostanzjali tat-termini ffissati fl-imsemmi ftehim qafas, u, min-naħa l-oħra, tikkaratterizza użu abbużiv jew użu intiż sabiex jostakola, jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif imsemmi fil-premessa 61 tal-imsemmija direttiva.

67

Minn dan isegwi li l-fatt li l-awtorità kontraenti li kienet oriġinarjament parti għall-ftehim qafas tiġi meħtieġa tindika, fil-ftehim qafas, il-kwantità massima jew il-valur massimu tas-servizzi li ser ikunu koperti minn dan il-ftehim jikkonkretizza l-projbizzjoni li l-ftehimiet qafas jintużaw b’mod abbużiv jew b’mod li jostakola, jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice, C‑216/17, EU:C:2018:1034, punt 69).

68

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-awtorità kontraenti li kienet oriġinarjament parti għall-ftehim qafas tista’ timpenja ruħha, f’isimha u għan-nom tal-awtoritajiet kontraenti potenzjali li huma indikati b’mod ċar f’dan il-ftehim, biss sal-limitu ta’ ċerta kwantità massima u/jew ta’ ċertu valur massimu u li ladarba dan il-limitu jintlaħaq, l-imsemmi ftehim ikun eżawrixxa l-effetti tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice, C‑216/17, EU:C:2018:1034, punt 61).

69

Madankollu, għandhom isiru żewġ kjarifiki addizzjonali.

70

Minn naħa, huma ammessi, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 33(2) u mal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24, il-modifiki tal-ftehim qafas li ma għandhomx natura sostanzjali, peress li, bħala prinċipju, tali modifika għandha natura kunsenswali b’tali mod li l-kunsens tal-offerent rebbieħ huwa meħtieġ.

71

Min-naħa l-oħra, l-indikazzjoni tal-kwantità massima jew tal-valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas tista’ tidher mingħajr distinzjoni jew fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, peress li, fir-rigward ta’ ftehim qafas, l-awtoritajiet kontraenti huma obbligati joffru, konformement mal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2014/24, b’mezz elettroniku, aċċess komplet, dirett, mingħajr ħlas u mingħajr restrizzjoni għad-dokumenti tal-kuntratt mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ avviż konformement mal-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva.

72

L-issodisfar ta’ tali kundizzjonijiet huwa għalhekk tali li jiżgura l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24.

73

Mill-banda l-oħra, dawn il-prinċipji ma jkunux issodisfatti fil-każ fejn operatur ekonomiku li jixtieq jaċċessa l-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt sabiex jevalwa l-opportunità li jagħmel offerta jkun obbligat jesprimi, minn qabel, xi interess lill-awtorità kontraenti.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda u għall-punt (a) tat-tieni domanda hija li l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24, il-punti 7 u 8 kif ukoll il-punt 10(a) tal-Parti C tal-Anness V ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva u mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din tal-aħħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt għandu jindika l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat kif ukoll kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas u li ladarba jintlaħaq dan il-limitu, l-imsemmi ftehim qafas ikun eżawrixxa l-effetti tiegħu.

Fuq il-punt (b) tal-ewwel domanda u l-punt (b) tat-tieni domanda

75

Permezz tal-punt (b) tal-ewwel domanda u tal-punt (b) tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll il-punt 7 u l-punt 10(a) tal-Parti C tal-Anness V ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din tal-aħħar, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kwantità stmata jew il-valur stmat tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas kif ukoll il-kwantità massima jew il-valur massimu ta’ dawn il-prodotti għandhom jiġu indikati fl-avviż ta’ kuntratt b’mod globali.

76

Peress li, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-punt (a) tal-ewwel domanda u għall-punt (a) tat-tieni domanda, l-avviż ta’ kuntratt għandu jindika l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat kif ukoll kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas, il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprekludu li awtorità kontraenti tillimita ruħha li tikkomunika informazzjoni parzjali dwar is-suġġett u l-portata, prevista fuq il-livell kwantitattiv u/jew finanzjarju, ta’ ftehim qafas.

77

Din l-indikazzjoni tista’ tidher b’mod globali fl-avviż ta’ kuntratt, fejn tali riferiment huwa suffiċjenti sabiex jiżgura l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva.

78

Madankollu, xejn ma jipprekludi li awtorità kontraenti, sabiex ittejjeb l-informazzjoni tal-offerenti u tippermettilhom jevalwaw bl-aħjar mod l-opportunità li jippreżentaw offerta, tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali u taqsam il-kwantità stmata globali jew il-valur stmat globali tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-ftehim qafas sabiex tikkaratterizza l-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti oriġinali li jkollha l-intenzjoni tikkonkludi ftehim qafas u dawk tal-awtorità jew awtoritajiet kontraenti oriġinali li jkunu wrew ix-xewqa li jipparteċipaw f’dan il-ftehim qafas b’mod fakultattiv.

79

Bl-istess mod, awtorità kontraenti tista’ tippreżenta b’mod distint, fl-avviż ta’ kuntratt, il-kwantità stmata u/jew il-valur stmat kif ukoll kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas għal kull waħda mill-awtoritajiet kontraenti li jkollhom l-intenzjoni li jikkonkludu l-ftehim qafas jew li għandhom għażla għal dan l-għan. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti pubbliċi sussegwenti, l-operaturi ekonomiċi jiġu mistiedna jissottomettu offerti għal-lottijiet kollha jew għall-pożizzjonijiet kollha msemmija fl-avviż ta’ kuntratt jew inkella meta l-kuntratti sussegwenti jkollhom jiġu eżegwiti f’postijiet imbiegħda.

80

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (b) tal-ewwel domanda u għall-punt (b) tat-tieni domanda hija li l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll il-punt 7 u l-punt 10(a) tal-Parti C tal-Anness V ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din tal-aħħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt għandu jindika l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat kif ukoll il-kwantità massima u/jew il-valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas b’mod globali u li dan l-avviż jista’ jiffissa rekwiżiti addizzjonali li l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li żżid fih.

Fuq it-tielet domanda

81

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet biss tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom meta ressqet id-domandi tagħha jew le. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 81; tat‑22 ta’ Marzu 2012, Nilaş et, C‑248/11, EU:C:2012:166, punt 31, kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Impresa di Costruzioni Ing. E. Mantovani u Guerrato, C‑178/16, EU:C:2017:1000, punt 28).

82

F’dan il-każ, id-Direttiva 92/13, li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tagħha hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, tikkonċerna r-regoli dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali. Issa, tali servizzi ma humiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda r-rikorsi relatati mal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti bbażati fuq id-Direttiva 2014/24 li huma rregolati mid-Direttiva 89/665, li l-Artikolu 2d(1)(a) tagħha huwa fformulat f’termini analogi għal dawk tad-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva 92/13.

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 89/665 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli fil-każ fejn avviż ta’ kuntratt ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, anki jekk, minn naħa, il-kwantità stmata u/jew il-valur stmat tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-ftehim qafas previst ma jirriżultax minn dan l-avviż ta’ kuntratt, iżda mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, la l-imsemmi avviż ta’ kuntratt u lanqas dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jsemmu kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-imsemmi ftehim qafas.

84

L-Artikolu 2d(1) tad-Direttiva 89/665 jipprevedi li l-assenza ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma dan ikun awtorizzat bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, iċċaħħad il-kuntratt ikkonċernat, jew bħal f’dan il-każ, il-ftehim qafas ikkonċernat, mill-effetti tiegħu.

85

Dan l-Artikolu 2d ġie inkluż fil-verżjoni inizjali tad-Direttiva 89/665 permezz tad-Direttiva 2007/66. Il-leġiżlatur tal-Unjoni spjega l-emendi li saru billi indika, fil-premessa 13 tad-Direttiva 2007/66 li, sabiex jiġġieled kontra l-għoti dirett illegali ta’ kuntratti li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat, fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, EU:C:2005:5, punti 3637), bħala l-iktar ksur serju tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi minn awtorità kontraenti jew minn entità kontraenti, għandha tiġi prevista sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva u jiġi kkunsidrat li f’dan ir-rigward kuntratt li jirriżulta minn għoti dirett illegali għandu, bħala prinċipju, ikun ineffettiv. Fil-premessa 14 ta’ din id-direttiva, huwa ppreċiża li l-assenza ta’ effetti hija l-mod l-iktar effettiv sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-kompetizzjoni u sabiex jinħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-operaturi ekonomiċi li jkunu ġew illegalment imċaħħda mill-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u li l-għoti dirett ta’ kuntratti, fis-sens ta’ din id-direttiva, għandu jinkludi l-kuntratti kollha mogħtija mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

86

B’hekk mill-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-premessi 13 u 14 tad-Direttiva 2007/66, jirriżulta li, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2007/66, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jintroduċi sanzjoni severa fid-dritt applikabbli li l-applikazzjoni tagħha għandha madankollu tkun limitata għall-każijiet l-iktar gravi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri dawk b’għoti dirett ta’ kuntratt mingħajr ebda pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

87

Minn dan isegwi li jkun sproporzjonat li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tiġi estiża għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha r-Reġjuni ppubblikaw avviż ta’ kuntratt u għamlu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt aċċessibbli mingħajr ma semmew, f’dan l-avviż jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kwantità stmata u/jew il-valur stmat, u l-kwantità massima u/jew il-valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ dan il-ftehim qafas.

88

F’tali sitwazzjoni, il-ksur tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-punti 7 u 8 kif ukoll mal-punt 10(a) tal-Parti C tal-Anness V ta’ din id-direttiva, ma jilħaqx il-grad ta’ gravità meħtieġ sabiex iwassal għall-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 89/665.

89

Fil-fatt, in-nuqqas tal-awtorità kontraenti li twettaq l-obbligu tagħha li ssemmi l-portata ta’ ftehim qafas huwa, f’każ bħal dan, suffiċjentement ċar sabiex ikun jista’ jiġi identifikat minn operatur ekonomiku li kellu l-intenzjoni li jagħmel offerta u li, minħabba f’hekk, kellu jitqies li kien ġie avżat.

90

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli fil-każ fejn avviż ta’ kuntratt ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, anki jekk, minn naħa, il-kwantità stmata u/jew il-valur stmat tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-ftehim qafas previst ma jirriżultax minn dan l-avviż ta’ kuntratt, iżda mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, la l-imsemmi avviż ta’ kuntratt u lanqas dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jsemmu kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-imsemmi ftehim qafas.

Fuq l-ispejjeż

91

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, il-punti 7 u 8 kif ukoll il-punt 10(a) tal-Parti C tal-Anness V ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva u mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din tal-aħħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt għandu jindika l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat kif ukoll kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas u li ladarba jintlaħaq dan il-limitu, l-imsemmi ftehim qafas ikun eżawrixxa l-effetti tiegħu.

 

2)

L-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll il-punt 7 u l-punt 10(a) tal-Parti C tal-Anness V ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din tal-aħħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt għandu jindika l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat kif ukoll il-kwantità massima u/jew il-valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas b’mod globali u li dan l-avviż jista’ jiffissa rekwiżiti addizzjonali li l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li żżid fih.

 

3)

L-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli fil-każ fejn avviż ta’ kuntratt ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, anki jekk, minn naħa, il-kwantità stmata u/jew il-valur stmat tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-ftehim qafas previst ma jirriżultax minn dan l-avviż ta’ kuntratt, iżda mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, la l-imsemmi avviż ta’ kuntratt u lanqas dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jsemmu kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-imsemmi ftehim qafas.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.