SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratti ta’ self ipotekarju ddenominati f’munita barranija (frank Svizzeru) – Preskrizzjoni – Artikolu 4(2) – Suġġett prinċipali tal-kuntratt – Klawżoli li jesponu lil min jissellef għal riskju relatat mar-rata tal-kambju – Rekwiżiti ta’ komprensibbiltà u ta’ trasparenza – Oneru tal-prova – Artikolu 3(1) – Żbilanċ sinjifikattiv – Artikolu 5 – Redazzjoni ċara u komprensibbli ta’ klawżola kuntrattwali – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawżi magħquda C‑776/19 sa C‑782/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑1 u tat‑2 ta’ Ottubru 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Ottubru 2019, fil-proċeduri

VB,

WA (C‑776/19),

XZ,

YY (C‑777/19),

ZX (C‑778/19),

DY,

EX (C‑781/19)

vs

BNP Paribas Personal Finance SA,

u

AV (C‑779/19),

BW,

CX (C‑780/19),

FA (C‑782/19)

vs

BNP Paribas Personal Finance SA,

Procureur de la République,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Ottubru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VB, WA, DY u EX, minn C. Constantin‑Vallet, avocat,

għal XZ, YY, ZX, AV, BW, CX u FA, minn A.‑V. Benoit, C. Fabre u S. Szames, avocats,

għal BNP Paribas Personal Finance SA, minn P. Metais u P. Spinosi, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères, E. De Moustier u E. Toutain, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero, N. Ruiz García u M. Van Hoof, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, l-ewwel, VB, WA, XZ, YY, ZX, DY u EX minn naħa, u BNP Paribas Personal Finance SA min-naħa l-oħra, u, it-tieni, AV, BW, CX u FA minn naħa, u BNP Paribas Personal Finance u l-Procureur de la République (il-Prosekutur tar-Repubblika, Franza) min-naħa l-oħra, dwar in-natura allegatament inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratti ta’ self ipotekarju ddenominati f’munita barranija li jipprevedu, b’mod partikolari, li l-frank Svizzeru huwa l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Is-sittax u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jipprovdu:

“Billi l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, b’mod partikolari fil-bejgħ jew f’attivitajiet ta’ provvista ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jqisu s-solidarjetà fost l-utenti, għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha;

[…]

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza [relazzjoni adegwata] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. […]”

7

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id‑dritt Franċiż

9

L-Artikolu 2224 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprovdi:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ azzjonijiet personali jew ta’ azzjonijiet relatati ma’ proprjetà mobbli għandu jkun ta’ ħames snin mill-jum li fih id-detentur ta’ dritt ikun sar jaf, jew kellu jsir jaf, dwar il-fatti li jippermettulu jeżerċitah.”

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Matul is-snin 2008 u 2009, VB, WA, XZ, YY, ZX, DY, EX, AV, BW, CX u FA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawżi prinċipali”) iffirmaw individwalment ma’ BNP Paribas Personal Finance kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija u msejjaħ “Helvet Immo”. Dawn il-kuntratti, li ġew prinċipalment ikkummerċjalizzati minn intermedjarji, ġew konklużi bil-għan tax-xiri ta’ proprjetà immobbli jew ta’ ishma f’kumpanniji immobbiljari, għal ammonti li jvarjaw bejn CHF 48000 u CHF 426000, jiġifieri bejn madwar EUR 44000 u EUR 389000, u għal tul ta’ bejn 22 u 25 sena.

11

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija kuntratti kienu jinkludu klawżoli kuntrattwali li skonthom:

il-krediti kkonċernati kienu ffinanzjati minn self meħud fi franki Svizzeri u dawn il-krediti kienu jiġu amministrati kemm fi franki Svizzeri (munita tal-kont) kif ukoll f’euro (munita ta’ ħlas);

fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ kambju, il-ħlasijiet fir-rigward tas-self inkwistjoni setgħu jsiru biss f’euro għal rimbors fi franki Svizzeri;

it-tranżazzjonijiet ta’ kambju li kellhom jitwettqu kienu elenkati fil-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u fil-każ ta’ nuqqas min-naħa ta’ min jissellef, min isellef kellu l-possibbiltà jissostitwixxi unilateralment il-frank Svizzeru bl-euro;

peress li l-amortizzazzjoni tiddependi fuq l-evoluzzjoni tar-rata tal-kambju euro/frank Svizzeru, din kienet tkun iktar bil-mod jekk it-tranżazzjoni ta’ kambju kienet tinvolvi somma iżgħar mill-pagament dovut fi franki Svizzeri, u l-eventwali parti mill-kapital mhux amortizzata tiġi rreġistrata fil-bilanċ dovut. Fil-każ kuntrarju, ir-rimbors tal-kreditu kien ikun iktar mgħaġġel;

jekk iż-żamma tal-ammont tal-ħlasijiet f’euro ma kinitx tippermetti li jitħallas il-bilanċ kollu tal-kont fuq it-tul residwu inizjali miżjud b’ħames snin, il-ħlasijiet kienu jiżdiedu. Jekk, fit-tmiem tal-ħames sena ta’ estensjoni, kien ikun għad hemm bilanċ dovut, il-ħlasijiet kellhom jitkomplew sal-ħlas sħiħ;

ir-rata ta’ interessi fissa, inizjalment miftiehma, kienet suġġetta għal reviżjoni kull ħames snin skont formola predeterminata u, f’din l-okkażjoni, min jissellef seta’ jagħżel li jaqleb il-munita tal-kont għal euro, billi jew jagħżel l-applikazzjoni ta’ rata ġdida ta’ interessi fissa ogħla jew jagħżel l-applikazzjoni ta’ rata varjabbli.

12

Għar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑776/19, C‑778/19, C‑779/19 u C‑780/19, mal-offerta ta’ self kienu mehmuża żewġ simulazzjonijiet f’ċifri li juru l-effett tal-varjazzjonijiet tar-rati tal-kambju fuq l-ammont u fuq it-tul tas-self. L-ewwel waħda kienet tirrigwarda l-impatt ta’ żieda jew ta’ tnaqqis ta’ żewġ punti fir-rata ta’ interessi li jseħħu mill‑61 pagament dovut fuq l-ammont tal-ħlasijiet, it-tul, u l-ispiża totali tal-kreditu. It-tieni waħda, bit-titolu “Informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet ta’ kambju mwettqa fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-kreditu tiegħek”, kienet toħloq simulazzjoni tal-varjazzjonijiet ta’ dawn l-istess elementi fl-ipoteżi ta’ apprezzament tal-euro meta mqabbla mal-frank Svizzeru (fil-Kawża C‑776/19, EUR 1 għal CHF 1.5896; fil-Kawża C‑778/19, EUR 1 għal CHF 1.57; fil-Kawża C‑779/19, EUR 1 għal CHF 1.59; fil-Kawża C‑780/19, EUR 1 għal CHF 1.66) u ta’ deprezzament tal-euro (fil-Kawża C‑776/19, EUR 1 għal CHF 1.4296; fil-Kawża C‑778/19, EUR 1 għal CHF 1.41; fil-Kawża C‑779/19, EUR 1 għal CHF 1.43; fil-Kawża C‑780/19, EUR 1 għal CHF 1.5).

13

Għar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑777/19, C‑781/19 u C‑782/19, ebda simulazzjoni ma ġiet ipprovduta lilhom minn min isellef.

14

Minħabba l-evoluzzjoni sfavorevoli tar-rati tal-kambju kkonstatata mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ltaqgħu ma’ diffikultajiet sabiex jirrimborsaw is-self ipotekarju li huma kienu ħadu. Sussegwentement, matul is-snin 2015 sa 2018, dawn ir-rikorrenti ressqu proċeduri kontra BNP Paribas Personal Finance, kull wieħed minnhom għal dak li jikkonċernahom, quddiem il-qorti tar-rinviju fejn invokaw, b’mod partikolari, in-natura inġusta tal-klawżoli li jistabbilixxu l-mekkaniżmu finanzjarju previst mill-kuntratti “Helvet Immo”.

15

Barra minn hekk, wara investigazzjoni ġudizzjarja, BNP Paribas Personal Finance tressqet, fid‑29 ta’ Awwissu 2017, quddiem it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali, Franza) minħabba prattika kummerċjali qarrieqa. Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Frar 2020, it‑13‑il Awla Kriminali tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) sabet lil din l-istituzzjoni bankarja ħatja ta’ prattika kummerċjali qarrieqa. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet fil-kawżi prinċipali waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, BNP Paribas Personal Finance appellat minn din is-sentenza, li għalhekk ma hijiex definittiva.

16

Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jqajmu, b’mod partikolari, in-natura inġusta tal-klawżoli li jistabbilixxu l-mekkaniżmu finanzjarju previst mill-kuntratti ta’ self inkwistjoni. Min-naħa tagħha, BNP Paribas Personal Finance ssostni li t-talbiet li permezz tagħhom ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu n-natura inġusta tal-imsemmija klawżoli kuntrattwali huma preskritti u, fi kwalunkwe każ, infondati.

17

Fir-rigward, minn naħa, tal-kwistjoni tal-preskrizzjoni tat-talbiet imressqa mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, skont l-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, twassal għall-konstatazzjoni tal-preskrizzjoni tal-imsemmija talbiet. Dan it-terminu jibda jiddekorri, skont ġurisprudenza nazzjonali, mid-data tal-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ self.

18

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-applikazzjoni ta’ tali terminu ta’ preskrizzjoni għat-talbiet imressqa minn konsumaturi sabiex jinvokaw id-drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 93/13 hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fehma tagħha, peress li r-rata tal-kambju tista’ tibqa’ stabbli matul l-ewwel snin tal-kuntratt u tiddeterjora biss iktar tard matul il-perijodu ta’ dan il-kuntratt, ma jistax jiġi eskluż li dawk li jissellfu ma jkunux jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom.

19

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jinkludu diversi klawżoli li jagħmlu parti minn mekkaniżmu ta’ konverżjoni ta’ muniti, li għandhom bħala effett li min jissellef isostni r-riskju relatat mar-rata tal-kambju.

20

F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk, minħabba l-fatt li dawn il-klawżoli kuntrattwali jitrattaw il-kwistjoni tar-riskju relatat mar-rata tal-kambju, dawn għandhomx jitqiesu bħala li jifformaw parti mis-suġġett prinċipali tal-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li ma jistgħux, fuq din il-bażi, jiġu kklassifikati bħala inġusti sakemm dawn ikunu ċari u komprensibbli. F’dan ir-rigward, tqum ukoll il-kwistjoni tal-effett, fuq il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli kuntrattwali, ta’ klawżola oħra inkluża fil-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li tippermetti lil min jissellef jeżerċita għażla ta’ konverżjoni f’euro f’dati predeterminati.

21

Fir-rigward tal-elementi ta’ evalwazzjoni tan-natura ċara u komprensibbli ta’ klawżola tal-kuntratt u tal-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet f’dan il-kuntratt li jirriżultaw minnu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali rċevew informazzjoni dwar l-effett tal-varjazzjonijiet fil-parità bejn l-euro u l-frank Svizzeru fuq l-ispiża tas-self ikkonċernat. Madankollu, ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju bl-ebda mod ma jissemma fil-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

22

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, barra minn hekk, li, fil-ġurisprudenza nazzjonali, il-klawżoli tal-kuntratt bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tqiesu bħala ċari u komprensibbli minħabba, b’mod partikolari, li dawk li jissellfu rċevew informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet ta’ kambju mwettqa matul it-tul tal-kuntratt ta’ self ikkonċernat kif ukoll dwar l-effett tal-varjazzjonijiet tal-parità bejn l-euro u l-frank Svizzeru fuq it-tul ta’ dan il-kuntratt u fuq il-ħlasijiet għall-finijiet tal-ħlas tal-bilanċ tal-kont.

23

F’dan il-kuntest, peress li l-bejjiegħ jew fornitur għandu mezzi superjuri għall-konsumatur sabiex jantiċipa l-evoluzzjonijiet ekonomiċi u r-riskju relatat mar-rata tal-kambju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-informazzjoni speċifika dwar ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju li għandha tiġi trażmessa lil min jissellef li ma jkunx jaf il-previżjonijiet ekonomiċi li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-evoluzzjoni tal-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita ta’ ħlas, u fuq ir-riskji assoċjati magħha. F’dan ir-rigward, tqum ukoll il-kwistjoni tal-oneru tal-prova tan-natura ċara u komprensibbli ta’ klawżola tal-kuntratt, peress li l-komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni hija kkontestata fil-proċeduri fil-kawżi prinċipali.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva [93/13], interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, tipprekludi, f’[kawżi bħal dawk] prinċipali, l-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni, fil-każijiet li ġejjin: (a) id-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, (b) il-ħlasijiet lura eventwali (ċ) meta l-konsumatur huwa l-applikant u (d) meta l-konsumatur huwa l-konvenut, inkluża kontrotalba?

2)

F’każ ta’ risposta totalment jew parzjalment negattiva għall-ewwel domanda, id-Direttiva [93/13], interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, tipprekludi, f’[kawżi bħal dawk] prinċipali, l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni fid-data li fiha l-offerta ta’ self ġiet aċċettata, pjuttost mid-data li fiha seħħew diffikultajiet finanzjarji gravi?

3)

Klawżoli bħal dawk inkwistjoni [fit-tilwimiet fil-kawżi] prinċipali, li jipprevedu b’mod partikolari li l-frank Svizzeru hija l-munita tal-kont u l-euro l-munita ta’ ħlas, li għandhom bħala effett li jqiegħdu r-riskju tal-munita [relatat mar-rata tal-kambju] fuq min jissellef, jaqgħu taħt l-għan [is-suġġett] prinċipali tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fl-assenza ta’ kontestazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż tal-munita [kambju] u fil-preżenza ta’ klawżoli li jipprevedu, fid-dati stabbiliti, il-possibbiltà għal min jissellef li jeżerċita għażla ta’ konverżjoni f’euro skont formula predeterminata?

4)

Id-Direttiva [93/13], interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-Dritt [tal-Unjoni], tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tqis li klawżola jew sett klawżoli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma ‘ċari u komprensibbli’ fis-sens tad-Direttiva, minħabba li:

l-offerta qabel is-self tagħti fid-detall it-tranżazzjonijiet tal-kambju mwettqa matul il-ħajja tal-kreditu u tippreċiża li r-rata tal-kambju euros kontra franki Svizzeri ser tkun dik applikabbli żewġ ġranet tax-xogħol qabel id-data tal-avveniment li tiddetermina t-tranżazzjoni u li hija ppubblikata fis-sit tal-Bank Ċentrali Ewropew;

issemma’ fl-offerta li min jissellef jaċċetta t-tranżazzjonijiet ta’ kambju ta’ franki Svizzeri f’euros u ta’ euros f’franki Svizzeri neċessarji għall-funzjonament u għall-ħlas lura tal-kreditu, u li min isellef ser jaħdem il-konverżjoni fi franki Svizzeri tal-bilanċ tal-pagamenti fix-xahar f’euros wara l-ħlas tal-piżijiet miżjuda tal-kreditu;

l-offerta tindika li, għalkemm [jekk] jirriżulta mit-tranżazzjoni tal-munita somma inqas fi tmiem [somma inqas mill-pagament] f’franki Svizzeri pagabbli, l-ammortizzament tal-kapital huwa inqas rapidu u l-eventwali parti tal-kapital mhux ammortizzat fit-tmiem [fir-rigward ta’ pagament dovut] ser ikun mniżżel għall-bilanċ tad-debitur [fil-bilanċ dovut] tal-kont fi franki Svizzeri, u li huwa ppreċiżat li l-ammortizzament tal-kapital tas-self ser jiżviluppa skont il-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju applikat għall-pagamenti fix-xahar, ’il fuq jew ’l isfel, li dan l-iżvilupp jista’ jtawwal jew inaqqas it-tul tal-amortizzament tas-self u, skont il-każ, jemenda l-piż totali tal-ħlas lura;

l-artikoli ‘kont intern f’euros’ u ‘kont intern fi franki Svizzeri’ juru fid-dettal it-tranżazzjonijiet imwettqa għal kull pagament tat-tmiem [għal kull ħlas ta’ pagament dovut] għall-kreditu u għad-debitu ta’ kull kont, u li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija;

u minkejja li [meta] […] fl-offerta, b’mod partikolari, la jissemma’ b’mod espress […]ir-‘riskju tal-kambju’ li jaqa’ fuq min isellef [jissellef] fid-dawl tal-assenza tal-perċezzjoni tad-dħul [ta’ ġbir ta’ dħul] fil-moneta tal-kont, u lanqas ma jissemma’ b’mod espliċitu […]ir-‘riskju tar-rata tal-interessi’?

5)

Fl-eventwalità ta’ risposta [fl-affermattiv] għar-raba’ domanda, id-Direttiva [93/13] interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt [tal-Unjoni], tipprekludi ġurisprudenza [nazzjonali] li tqis li klawżola jew sett ta’ klawżoli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma ‘ċari u komprensibbli’ fis-sens tad-direttiva, peress li [meta] jiżdiedu waħedhom mal-elementi li jaqgħu taħt ir-raba’ domanda, simulazzjoni ta’ waqgħa ta’ [5 sa 6 %] tal-munita ta’ regolazzjoni meta mqabbla mal-munita tal-kont, f’kuntratt ta’ tul inizzjali ta’ [22 sa 25 sena], u mingħajr riferiment ieħor għat-termini bħal ‘riskju’ jew ‘diffikultà’?

6)

L-oneru tal-prova tan-natura ‘ċara u komprensibbli’ ta’ klawżola fis-sens tad-Direttiva 93/13 jaqa’, inklużi dwar iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni tal-kuntratt, fuq il-professjonist [bejjiegħ jew fornitur] jew fuq il-konsumatur?

7)

Għalkemm [Jekk] l-oneru tal-prova tan-natura ċara u komprensibbli tal-klawżola jaqa’ fuq il-professjonist, id-Direttiva 93/13 tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tqis, fil-preżenza ta’ dokumenti dwar tekniki ta’ bejgħ, li jaqa’ fuq min isellef [dawk li jissellfu] li jipprova[w], minn naħa, li ġew iddestinati b’informazzjoni li jinsabu f’dawn id-dokumenti u, min-naħa l-oħra, li hija l-bank li indirizzathom, jew, bil-kontra, jeħtieġ [teħtieġ] li dawn l-elementi jikkostitwixxu preżunzjoni li l-informazzjoni li ntstabet f’dawn id-dokumenti ġiet trażmessa, inkluż verbalment, lil min isellef [jissellef], preżunzjoni sempliċi li taqa’ fuq il-professjonist, li għandu jirrispondi b’[għall-]informazzjoni kkomunikata mill-intermedjarji li għażel, li jirrifjutaw [jikkonfuta]?

8)

L-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv tista’ tkun ikkaratterizzata f’[kuntratti bħal dawk] inkwistjoni fil-kawż[i] prinċipali li [fihom] iż-żewġ partijiet jissubixxu riskju ta’ kambju, peress li, minn naħa, il-professjonist għandu mezzi superjuri għall-konsumatur biex jantiċipa ir-risju tal-kambju u li, minn naħa l-oħra, ir-riskju sostnut mill-professjonist huwa b’kappa filwaqt li dak sostnut mill-konsumatur ma huwiex?”

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Novembru 2019, il-Kawżi C‑776/19 sa C‑782/19 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u ta’ dik orali tal-proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

26

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tressiq ta’ talba minn konsumatur għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur jew għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens ta’ din id-direttiva, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mid-data tal-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ self.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista mid-Direttiva 93/13 jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’mod li fil-prattika jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, l-uniku prinċipju inkwistjoni f’din il-kawża, hemm lok li jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilita wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, applikabbli, fost oħrajn, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fir-rigward tal-analiżi tal-karatteristiċi tat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-analiżi għandha tirrigwarda t-tul ta’ tali terminu kif ukoll il-modalitajiet tal-applikazzjoni tiegħu, inkluża l-modalità magħżula sabiex jingħata bidu għad-dekorrenza ta’ dan it-terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

L-ewwel, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għat-talbiet imressqa minn konsumaturi sabiex isostnu drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, termini raġonevoli stabbiliti għall-preżentata ta’ rikors, taħt piena ta’ dekadenza, fl-interess taċ-ċertezza legali ma humiex ta’ natura li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jekk tali termini jkunu materjalment suffiċjenti sabiex jippermettu lill-konsumatur jipprepara u jippreżenta rikors effettiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex ta’ natura assoluta u li l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 56, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Madankollu, filwaqt li enfasizzat il-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tiżgura lill-konsumaturi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali, wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ dekadenza, milli tirrileva n-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2002, Cofidis, C‑473/00, EU:C:2002:705, punt 38, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 55).

34

F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda żewġ sitwazzjonijiet distinti, jiġifieri, minn naħa, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għal talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ tali terminu għal talba mressqa mill-imsemmi konsumatur għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13.

35

Fir-rigward, minn naħa, tal-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għal talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jorbtux lil dan il-konsumatur.

36

Fit-tieni lok, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li l-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, jipprevedu mezzi adegwati u effettivi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti bejn bejjiegħ jew fornitur u l-konsumaturi. Għal dan il-għan, il-qrati nazzjonali għandhom jeskludu l-applikazzjoni tal-klawżoli inġusti sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fir-rigward tal-konsumatur, ħlief jekk dan jopponi għal dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, bħala li qatt ma eżistiet, b’mod li din ma jistax ikollha effett fir-rigward tal-konsumatur. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha bħala konsegwenza l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali tal-konsumatur li huwa kien ikun jinsab fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola, b’mod li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li ma humiex dovuti jimplika, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fir-rigward ta’ dawn l-istess somom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 6162, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 54).

38

F’din il-perspettiva, hemm lok li jitqies li, sabiex b’mod partikolari tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet li l-konsumatur jislet mid-Direttiva 93/13, dan għandu jkun jista’ jqajjem, f’kull mument, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali mhux biss bħala mezz ta’ difiża, iżda wkoll għall-finijiet li l-qorti tiddikjara n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, b’tali mod li talba mressqa mill-konsumatur għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma tistax tkun suġġetta għal kwalunkwe terminu ta’ preskrizzjoni.

39

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għal talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament, fuq il-bażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura mhux preskrittibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu inforzati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 58, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 84).

40

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għat-talbiet ta’ natura restituttiva, imressqa minn konsumaturi sabiex jinforzaw drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 93/13 ma tmurx, fiha nnifisha, kontra l-prinċipju ta’ effettività, sakemm l-applikazzjoni tiegħu fil-prattika ma tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva.

41

It-tieni, f’dak li jirrigwarda t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni li għalih hija suġġetta talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività ta’ termini ta’ preskrizzjoni komparabbli ma’ dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li kienu ta’ tliet snin u ta’ ħames snin, li ġew applikati għal azzjonijiet intiżi sabiex jiġu inforzati l-effetti restituttivi ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm ikunu stabbiliti u magħrufa minn qabel, dawn it-termini huma, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex jippermettu lill-konsumatur ikkonċernat jipprepara u jippreżenta rikors effettiv. Għalhekk, perijodi ta’ tliet sa ħames snin ma humiex, fihom infushom, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punti 6264, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Konsegwentement, għandu jitqies li, sa fejn ikun stabbilit u magħruf minn qabel, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, applikat għal talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13, ma jidhirx li huwa ta’ natura li jirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13. Fil-fatt, terminu ta’ tali tul huwa, bħala prinċipju, materjalment suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konsumatur jipprepara u jippreżenta rikors effettiv sabiex jinforza d-drittijiet li huwa jislet minn din id-direttiva, u dan, b’mod partikolari, fil-forma ta’ talbiet, ta’ natura restituttiva, ibbażati fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

43

Madankollu, fir-rigward, it-tielet, tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jeżisti riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ma jkunx f’pożizzjoni li jinvoka, matul dan it-terminu, id-drittijiet li tagħtih id-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, previst fl-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili, jibda jiddekorri, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-qrati Franċiżi, mid-data tal-aċċettazzjoni tal-offerta tas-self inkwistjoni.

45

F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ inferjorità tal-konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaċċetta l-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-konsumaturi jistgħu ma jkunux jafu dwar in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju jew ma jipperċepixxux il-portata tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Hemm lok li jiġi rrilevat li terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività biss jekk il-konsumatur kellu l-possibbiltà jkun jaf id-drittijiet tiegħu qabel ma dan it-terminu jibda jiddekorri jew ikun skada (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 45; tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 67; u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argenltaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 91).

47

Issa, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għal talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13, li jibda jiddekorri mid-data tal-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ self, ma hijiex ta’ natura li tiżgura lill-imsemmi konsumatur protezzjoni effettiva, peress li dan it-terminu jista’ jkun skada anki qabel ma l-konsumatur jista’ jkun jaf dwar in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt inkwistjoni. Tali terminu jirrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li dan il-konsumatur jislet mid-Direttiva 93/13 u, għaldaqstant, jikser il-prinċipju ta’ effettività (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punti 6775, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argenltaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 91).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tressiq ta’ talba minn konsumatur:

għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur għal terminu ta’ preskrizzjoni;

għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament, abbażi ta’ tali klawżoli inġusti, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, meta dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data tal-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ self b’tali mod li l-konsumatur seta’, f’dak il-mument, ma kienx jaf id-drittijiet kollha tiegħu li jirriżultaw minn din id-direttiva.

Fuq it‑tielet domanda

49

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef.

50

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt la tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt u lanqas ir-relazzjoni adegwata bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sakemm dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u komprensibbli. Il-qorti tista’ għalhekk tistħarreġ in-natura inġusta ta’ klawżola, li tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, biss jekk din il-klawżola ma tkunx ċara u komprensibbli.

51

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi eċċezzjoni mill-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti, kif previst fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implimentat minn din id-direttiva, u li, għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fir-rigward tal-kategorija tal-klawżoli tal-kuntratt li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dawn il-klawżoli għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-provvisti essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li huma ta’ natura anċillari meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza nnifisha tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fid-dawl tan-natura, l-istruttura ġenerali u l-istipulazzjonijiet tal-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kif ukoll fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u fattwali li fih ikunu jinsabu dawn tal-aħħar, jekk il-klawżoli li hemm riferiment għalihom fit-tielet domanda jikkostitwixxux element essenzjali tal-obbligu tad-debitur li jikkonsisti fir-rimbors tal-ammont ipprovdut lilu minn min isellef (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Minkejja li dan huwa l-każ, hija madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 il-kriterji applikabbli waqt tali eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 33).

55

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-esklużjoni mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jirrigwardaw ir-relazzjoni adegwata bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, ma tistax tapplika għal klawżoli li sempliċement jiddeterminaw, bl-għan tal-kalkolu tar-rimborsi, ir-rata ta’ konverżjoni tal-munita barranija li fiha l-kuntratt ta’ self huwa ddenominat, iżda mingħajr ma min isellef ikun ipprovda servizz ta’ kambju waqt l-imsemmi kalkolu, u għalhekk ma jinkludu l-ebda “remunerazzjoni” li n-natura adegwata tagħha inkwantu korrispettiv għal provvista mwettqa minn min isellef ma tistax tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 58).

56

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll, mingħajr madankollu ma llimitat din il-konstatazzjoni biss għall-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija u rimborsabbli f’din l-istess munita, li l-klawżoli tal-kuntratt li jirrigwardaw ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiddefinixxu s-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 48).

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ kuntratt ta’ kreditu, min isellef jobbliga ruħu, prinċipalment, li jipprovdi lil min jissellef somma ta’ flus, u dan tal-aħħar jobbliga ruħu, min-naħa tiegħu, prinċipalment li jirrimborsa, bħala regola ġenerali flimkien mal-interessi, dan l-ammont skont l-intervalli previsti. Il-prestazzjonijiet ta’ tali kuntratt huma marbuta, għaldaqstant, ma’ somma ta’ flus li għandha tiġi ddefinita b’relazzjoni mal-muniti ta’ ħlas u ta’ rimbors stipulati fih. Għaldaqstant, il-fatt li kreditu għandu jiġi rrimborsat f’ċerta munita huwa marbut, bħala prinċipju, mhux ma’ modalità anċillari ta’ ħlas, iżda man-natura nnifisha tal-obbligu tad-debitur, u b’hekk jikkostitwixxi element essenzjali ta’ kuntratt ta’ self (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 38).

58

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fil-punti 55 sa 57 ta’ din is-sentenza, jekk il-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef, jirrigwardawx in-natura stess tal-obbligu tad-debitur li jirrimborsa l-ammont imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu minn min isellef, u dan indipendentement mill-punt dwar jekk il-kontestazzjoni tal-konsumatur tirrigwardax ukoll l-ispejjeż ta’ kambju.

59

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżistenza, f’kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, ta’ klawżola oħra li tippermetti lil min jissellef jeżerċita għażla ta’ konverżjoni f’euro f’dati predeterminati ma tistax tfisser li l-klawżoli dwar ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju jakkwistaw minħabba dan il-fatt dimensjoni anċillari. Fil-fatt, il-fatt li l-partijiet għandhom il-possibbiltà li jemendaw, f’ċerti skadenzi, waħda mill-klawżoli essenzjali tal-kuntratt jippermetti lil min jissellef jemenda l-kundizzjonijiet tas-self tiegħu ex nunc, mingħajr ma l-eżistenza ta’ tali possibbiltà jkollha effett dirett fuq l-evalwazzjoni tal-provvista essenzjali li tikkaratterizza l-kuntratt inkwistjoni.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni fil-każ fejn dawn il-klawżoli jistabbilixxu element essenzjali li jikkaratterizza l-imsemmi kuntratt.

Fuq ir‑raba’ u l‑ħames domanda

61

Permezz tar-raba u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef, huwa ssodisfatt meta l-bejjiegħ jew fornitur ikun ipprovda lill-konsumatur informazzjoni dwar l-effett fuq l-obbligi finanzjarji ta’ dan il-konsumatur tal-eventwali żieda jew deprezzament fil-valur tal-euro meta mqabbla mal-munita barranija li fiha s-self ġie ddenominat.

62

Skont ġurisprudenza stabbilita rigward ir-rekwiżit ta’ trasparenza, l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa b’mod partikolari abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ bejjiegħ jew fornitur billi jaċċetta l-kundizzjonijiet imfassla minn qabel minn dan tal-aħħar (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali ta’ dawn. Peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata minn din id-direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u komprensibbli tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza, impost mill-imsemmija direttiva, għandu jinftiehem b’mod estensiv (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Konsegwentement, l-imsemmi rekwiżit għandu jinftiehem bħala li jeżiġi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tinftiehem mill-konsumatur fuq il-livell formali u grammatikali, iżda wkoll li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret ta’ din il-klawżola u li b’hekk jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.

65

Dan jimplika, b’mod partikolari, li l-kuntratt għandu jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih il-klawżola kkonċernata tagħmel riferiment kif ukoll, fejn applikabbli, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’tali mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Dexia Nederland, C‑229/19 u C‑289/19, EU:C:2021:68, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, ir-rekwiżit ta’ trasparenza ġiex osservat għandha tiġi eżaminata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, fosthom ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduti, fil-kuntest tan-negozjar tal-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, mhux biss minn min isellef innifsu, iżda wkoll minn kull persuna oħra li tkun ipparteċipat, f’isem dan il-bejjiegħ jew fornitur, fil-kummerċjalizzazzjoni tas-self ikkonċernat.

67

B’mod iktar partikolari, hija l-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-konklużjoni tal-kuntratt, li għandha tivverifika li, fil-kawża kkonċernata, ikunu ġew ikkomunikati lill-konsumatur l-elementi kollha li jistgħu jkollhom effett fuq il-portata tal-obbligi tiegħu li jkunu jippermettulu li jevalwa, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu. F’din l-evalwazzjoni għandhom rwol deċiżiv, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli jkunux redatti b’mod ċar u komprensibbli b’tali mod li jippermettu lil konsumatur medju, kif deskritt fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li jivvaluta tali spiża u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza marbuta mal-assenza ta’ indikazzjoni, fil-kuntratt ta’ kreditu, tal-informazzjoni kkunsidrata, fid-dawl tan-natura tal-beni jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, bħala essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali rċevew, qabel ma ħadu s-self tagħhom, informazzjoni dwar l-effett tal-varjazzjonijiet tal-parità bejn l-euro u l-frank Svizzeru fuq it-tul tal-kuntratt u fuq il-ħlasijiet għall-finijiet tal-ħlas tal-bilanċ tal-kont. Madankollu, ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju bl-ebda mod ma ssemma.

69

Fir-rigward tal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li hija rilevanti, għall-finijiet tal-imsemmija evalwazzjoni, kull informazzjoni pprovduta mill-bejjiegħ jew fornitur li hija intiża sabiex tinforma lill-konsumatur dwar il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-kambju u r-riskju marbut miegħu. Il-kjarifiki dwar ir-riskji mġarrba minn min jissellef fil-każ ta’ deprezzament sinjifikattiv tal-munita li għandha valuta legali fl-Istat Membru fejn dan huwa ddomiċiljat u ta’ żieda fir-rata barranija ta’ interessi jikkostitwixxu elementi ta’ importanza partikolari.

70

F’dan ir-rigward, kif enfasizza l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, fir-rakkomandazzjoni tiegħu CERS/2011/1 tal‑21 ta’ Settembru 2011 dwar self f’munita barranija (ĠU 2011, C 342, p. 1), l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jipprovdu lil dawk li jissellfu informazzjoni suffiċjenti sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet prudenti u informati sew u din l-informazzjoni għandha ta’ mill-inqas tindirizza l-impatt fuq ir-rimborsi ta’ deprezzament qawwi fil-munita legali tal-Istat Membru fejn ikun iddomiċiljat min jissellef u ta’ żieda fir-rata barranija ta’ interessi (Rakkomandazzjoni A – Għarfien ta’ dawk li jissellfu dwar ir-riskju, punt 1) (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b’mod partikolari, li min jissellef għandu jiġi informata b’mod ċar bil-fatt li, meta jiffirma kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, huwa jesponi ruħu għal riskju relatat mar-rata tal-kambju li eventwalment ikun ekonomikament diffiċli li jassumi fil-każ ta’ deprezzament tal-munita li fiha jirċievi d-dħul tiegħu. Barra minn hekk, il-bejjiegħ jew fornitur għandu jispjega l-varjazzjonijiet possibbli tar-rati tal-kambju u r-riskji inerenti għall-konklużjoni ta’ tali kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ trasparenza, l-informazzjoni kkomunikata mill-bejjiegħ jew fornitur għandha tkun tista’ tippermetti lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, mhux biss li jifhem li, skont il-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju, l-evoluzzjoni tal-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita ta’ ħlas tista’ twassal għal konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward tal-obbligi finanzjarji tiegħu, iżda wkoll li jifhem, fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ self iddenominat f’munita barranija, ir-riskju reali li għalih jesponi ruħu, matul il-perijodu kollu tal-kuntratt, fil-każ ta’ deprezzament importanti tal-munita li fiha huwa jirċievi d-dħul tiegħu meta mqabbla mal-munita tal-kont.

73

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li s-simulazzjonijiet f’ċifri, bħal dawk inklużi f’ċerti offerti ta’ self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jistgħu jikkostitwixxu element ta’ informazzjoni utli, jekk ikunu bbażati fuq data suffiċjenti u eżatta, u jekk jinkludu evalwazzjonijiet oġġettivi li huma kkomunikati b’mod ċar u komprensibbli lill-konsumatur. Huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi li tali simulazzjonijiet jistgħu jippermettu lill-bejjiegħ jew fornitur jiġbed l-attenzjoni ta’ dan il-konsumatur għar-riskju tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, potenzjalment sinjifikattivi, tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni. Issa, bħal kull informazzjoni oħra dwar il-portata tal-impenn tal-konsumatur, ikkomunikata mill-bejjiegħ jew fornitur, is-simulazzjonijiet f’ċifri għandhom jikkontribwixxu sabiex dan il-konsumatur jifhem il-portata reali tar-riskju, fit-tul, marbut mal-varjazzjonijiet possibbli fir-rati tal-kambju u b’hekk tar-riskji inerenti għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija.

74

Għalhekk, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija li jesponi lill-konsumatur għal riskju relatat mar-rata tal-kambju, ma tistax tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza l-komunikazzjoni lil dan il-konsumatur ta’ informazzjoni, anki estensiva, jekk din tkun ibbażata fuq l-ipoteżi li l-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita ta’ ħlas ser tibqa’ stabbli matul il-perijodu kollu ta’ dan il-kuntratt. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-konsumatur ma jkunx ġie avżat mill-bejjiegħ jew fornitur bil-kuntest ekonomiku li jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju, b’tali mod li l-konsumatur ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jifhem konkretament il-konsegwenzi potenzjalment onerużi, li jistgħu jirriżultaw mill-iffirmar ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.

75

Fit-tieni lok, hemm ukoll fost l-elementi rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, il-kliem użat mill-istituzzjoni finanzjarja fid-dokumenti prekuntrattwali u kuntrattwali. B’mod partikolari, l-assenza ta’ termini jew ta’ spjegazzjonijiet li javżaw lil min jissellef, b’mod espliċitu, bl-eżistenza ta’ riskji partikolari marbuta mal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija tista’ tikkonferma li r-rekwiżit ta’ trasparenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ma huwiex issodisfatt.

76

Fit-tielet u fl-aħħar lok, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali rrilevati fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni tan-natura żleali ta’ prattika kummerċjali, li fuqha l-partijiet fil-kawża prinċipali jkunu ddiskutew waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tikkostitwixxi wkoll element fost oħrajn li fuqhom il-qorti nazzjonali tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 43).

77

Madankollu, dan l-element ma jistax jistabbilixxi awtomatikament u waħdu li r-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma huwiex issodisfatt, għaliex din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef, huwa ssodisfatt meta l-bejjiegħ jew fornitur ikun ipprovda lill-konsumatur informazzjoni suffiċjenti u eżatta li tippermetti lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jifhem il-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu finanzjarju inkwistjoni u jevalwa għaldaqstant ir-riskju tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżoli fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu matul il-perijodu kollu ta’ dan l-istess kuntratt.

Fuq is‑sitt u s‑seba’ domanda

79

Permezz tas-sitt u tas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-oneru tal-prova tan-natura ċara u komprensibbli ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, jaqa’ fuq il-konsumatur u jekk dan huwiex ukoll il-każ f’dak li jirrigwarda t-trażmissjoni tal-informazzjoni li tinsab f’dokumenti dwar tekniki ta’ bejgħ użati mill-bejjiegħ jew fornitur, jew minn persuna oħra li tkun ipparteċipat, f’isem dan il-bejjiegħ jew fornitur, fil-kummerċjalizzazzjoni tas-self inkwistjoni.

80

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li d-Direttiva 93/13 ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar l-oneru tal-prova fir-rigward tan-natura ċara u komprensibbli ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

81

Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, tali modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi, prevista mid-Direttiva 93/13, jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, filwaqt li huwa ppreċiżat li dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’mod li fil-prattika jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

82

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 93/13 hija intiża, b’mod partikolari, li tipproteġi lill-konsumatur sabiex tiġi bbilanċjata mill-ġdid l-asimetrija bejn il-pożizzjoni tal-bejjiegħ jew fornitur u dik tal-konsumatur fir-relazzjoni kuntrattwali. Din l-asimetrija tirriżulta mis-sitwazzjoni ta’ inferjorità tal-konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twassal lill-konsumatur sabiex jaċċetta, hekk kif tfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom.

83

Bl-istess mod, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ trasparenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-bejjiegħ jew fornitur għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni suffiċjenti u eżatta li tippermetti lil dan tal-aħħar jevalwa r-riskju tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, potenzjalment sinjifikattivi, tal-klawżoli kuntrattwali fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu.

84

F’din il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività u t-twettiq tal-għan li fuqu hija bbażata d-Direttiva 93/13 li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-konsumatur billi tiġi bbilanċjata mill-ġdid l-asimetrija bejn il-pożizzjoni tal-bejjiegħ jew fornitur u dik tal-konsumatur ma jistgħux jiġu żgurati jekk l-oneru tal-prova tan-natura ċara u komprensibbli ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, jaqa’ fuq il-konsumatur.

85

Fil-fatt, hekk kif essenzjalment osservaw il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-effettività tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma tkunx tista’ tiġi żgurata jekk il-konsumatur ikun obbligat jipprova fatt negattiv, jiġifieri li l-bejjiegħ jew fornitur ma jkunx ipprovdilu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jiġi ssodisfatt r-rekwiżit ta’ trasparenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

86

Għall-kuntrarju, għandu jitqies li l-effettività tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 tista’ tiġi żgurata meta l-bejjiegħ jew fornitur huwa, bħala prinċipju, obbligat jiġġustifika quddiem il-qorti l-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi prekuntrattwali u kuntrattwali tiegħu marbuta b’mod partikolari mar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. B’hekk tkun tista’ tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumatur, mingħajr ma jiġi ppreġudikat b’mod eċċessiv id-dritt tal-bejjiegħ jew fornitur għal smigħ xieraq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 28).

87

F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi ppreċiżat, fir-rigward tad-“dokumenti dwar tekniki ta’ bejgħ”, imsemmija speċifikament fis-seba’ domanda, li l-obbligu tal-bejjiegħ jew fornitur li jiġġustifika l-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi prekuntrattwali u kuntrattwali tiegħu għandu jkopri wkoll il-prova dwar il-komunikazzjoni tal-informazzjoni li tinsab f’tali dokumenti lill-konsumatur mill-bejjiegħ jew fornitur, jew minn kull persuna oħra li tkun ipparteċipat, f’isem dan il-bejjiegħ jew fornitur, fil-kummerċjalizzazzjoni tas-self inkwistjoni. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta jitqies li dawn id-dokumenti jistgħu jkunu utli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura ċara u komprensibbli ta’ klawżola kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

88

Hekk kif ġustament irrilevat il-qorti tar-rinviju, huwa, fl-aħħar mill-aħħar, il-bejjiegħ jew fornitur li għandu jikkontrolla l-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu, kemm fir-rigward tal-għażla tal-intermedjarji kif ukoll fir-rigward tal-komunikazzjoni kummerċjali fil-konfront tal-konsumatur. Għaldaqstant, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jkollu provi li d-dokumenti inkwistjoni ma ntużawx jew ma kinux iktar użati fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt sabiex jiġġustifika l-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi prekuntrattwali u kuntrattwali tiegħu marbuta b’mod partikolari mar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali.

89

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għas-sitt u għas-seba’ domanda għandha tkun li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-oneru tal-prova tan-natura ċara u komprensibbli ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, jaqa’ fuq il-konsumatur.

Fuq it‑tmien domanda

90

Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef, joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt għad-detriment tal-konsumatur peress li, minn naħa, il-bejjiegħ jew fornitur għandu mezzi superjuri għall-konsumatur sabiex jantiċipa r-riskju relatat mar-rata tal-kambju u, min-naħa l-oħra, ir-riskju sostnut minn dan il-bejjiegħ jew fornitur huwa limitat filwaqt li dak sostnut mill-konsumatur ma huwiex.

91

Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur titqies li hija inġusta meta, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, hija toħloq, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt.

92

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari waqt l-eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, filwaqt li huwa speċifikat li hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha li tagħti indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, tali klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ ekwilibriju u ta’ trasparenza stabbiliti minn din id-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

B’dan il-mod, in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, kif meħtieġ fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, u dan għandu jsir mill-qorti nazzjonali abbażi tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

F’dan il-każ, il-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, inklużi f’kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija, jipprevedu li ż-żewġ partijiet jissubixxu riskju relatat mar-rata tal-kambju, iżda li r-riskju sostnut mill-bejjiegħ jew fornitur, f’dan il-każ, istituzzjoni bankarja, huwa limitat filwaqt li dak sostnut mill-konsumatur ma huwiex. B’dan il-mod dawn il-klawżoli jqiegħdu, fil-każ ta’ deprezzament sinjifikattiv tal-munita nazzjonali meta mqabbla mal-munita barranija, ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur.

96

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, u, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-għarfien espert u l-konoxxenzi tal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jirrigwarda l-varjazzjonijiet possibbli fir-rati tal-kambju u r-riskji inerenti għall-iffirmar ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, fl-ewwel lok, l-eventwali nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ bona fide u, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ eventwali żbilanċ sinjifikattiv, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 56).

97

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ bona fide, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mis-sittax‑il premessa tad-Direttiva 93/13, li, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni s-saħħa tal-pożizzjonijiet rispettivi ta’ negozjar tal-partijiet u l-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur ġiex inkoraġġut b’xi mezz li jagħti l-kunsens tiegħu għall-klawżola kkonċernata.

98

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk klawżola toħloqx, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt li jirriżultaw minnu, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk il-bejjiegħ jew fornitur, fuq il-bażi ta’ aġir leali u ġust fil-konfront tal-konsumatur, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta din il-klawżola wara negozjar individwali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk il-klawżoli ta’ kuntratt, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, joħolqux għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt ta’ self li jinkludi dawn il-klawżoli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li min isellef professjonalment seta’ jkun jaf bihom fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, fid-dawl b’mod partikolari tal-għarfien espert tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-varjazzjonijiet possibbli fir-rati tal-kambju u r-riskji inerenti għall-iffirmar ta’ kuntratt ta’ tali self u li kienu tali li jkollhom riperkussjonijiet fuq l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-kuntratt kif ukoll fuq is-sitwazzjoni legali tal-konsumatur.

100

Fid-dawl tal-konoxxenzi u tal-mezzi superjuri tal-bejjiegħ jew fornitur sabiex jantiċipa r-riskju relatat mar-rata tal-kambju, li jista’ jimmaterjalizza fi kwalunkwe mument matul il-perijodu tal-kuntratt, kif ukoll tar-riskju mhux limitat marbut mal-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju li l-klawżoli kuntrattwali bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jimponu fuq il-konsumatur, għandu jitqies li tali klawżoli jistgħu jagħtu lok għal żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ self ikkonċernat għad-detriment tal-konsumatur.

101

Fil-fatt, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, il-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jidhru li jimponu fuq il-konsumatur, sa fejn il-bejjiegħ jew fornitur ma osservax ir-rekwiżit ta’ trasparenza fil-konfront ta’ dan il-konsumatur, riskju sproporzjonat meta mqabbel mas-servizzi mogħtija u l-ammont tas-self irċevut, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli għandha bħala konsegwenza li l-konsumatur ikollu jbati l-ispiża tal-evoluzzjoni tar-rati tal-kambju fuq perijodu twil ta’ żmien. Skont din l-evoluzzjoni, dan il-konsumatur jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, l-ammont tal-kapital li jibqa’ dovut fil-munita ta’ ħlas, f’dan il-każ f’euro, ikun kunsiderevolment ogħla mis-somma inizjalment mislufa u, min-naħa l-oħra, il-pagamenti mensili mħallsa jkunu koprew kważi esklużivament biss l-interessi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta din iż-żieda fil-kapital li jkun għadu dovut fil-munita nazzjonali ma tkunx ibbilanċjata mid-differenza bejn ir-rata tal-interessi tal-munita barranija u dik tal-munita nazzjonali, filwaqt li huwa speċifikat li l-eżistenza ta’ tali differenza tikkostitwixxi l-vantaġġ prinċipali ta’ self iddenominat f’munita barranija għal min jissellef.

102

F’ċirkustanzi bħal dawn, fid-dawl b’mod partikolari tar-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ma jistax jitqies li l-bejjiegħ jew fornitur seta’ raġonevolment jistenna, fuq il-bażi ta’ aġir trasparenti mal-konsumatur, li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżoli wara negozjar individwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 96), u dan għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

103

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut, mingħajr ma jkun limitat, minn min jissellef, jistgħu joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt għad-detriment tal-konsumatur, meta l-bejjiegħ jew fornitur ma setax raġonevolment jistenna, filwaqt li josserva r-rekwiżit ta’ trasparenza fir-rigward tal-konsumatur, li dan tal-aħħar jaċċetta, wara negozjar individwali, riskju sproporzjonat relatat mar-rata tal-kambju li jirriżulta minn tali klawżoli.

Fuq l‑ispejjeż

104

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tressiq ta’ talba minn konsumatur:

għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur għal terminu ta’ preskrizzjoni;

għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament, abbażi ta’ tali klawżoli inġusti, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, meta dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data tal-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ self b’tali mod li l-konsumatur seta’, f’dak il-mument, ma kienx jaf id-drittijiet kollha tiegħu li jirriżultaw minn din id-direttiva.

 

2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni fil-każ fejn dawn il-klawżoli jistabbilixxu element essenzjali li jikkaratterizza l-imsemmi kuntratt.

 

3)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef, huwa ssodisfatt meta l-bejjiegħ jew fornitur ikun ipprovda lill-konsumatur informazzjoni suffiċjenti u eżatta li tippermetti lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jifhem il-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu finanzjarju inkwistjoni u jevalwa għaldaqstant ir-riskju tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżoli fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu matul il-perijodu kollu ta’ dan l-istess kuntratt.

 

4)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-oneru tal-prova tan-natura ċara u komprensibbli ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, jaqa’ fuq il-konsumatur.

 

5)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut, mingħajr ma jkun limitat, minn min jissellef, jistgħu joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt għad-detriment tal-konsumatur, meta l-bejjiegħ jew fornitur ma setax raġonevolment jistenna, filwaqt li josserva r-rekwiżit ta’ trasparenza fir-rigward tal-konsumatur, li dan tal-aħħar jaċċetta, wara negozjar individwali, riskju sproporzjonat relatat mar-rata tal-kambju li jirriżulta minn tali klawżoli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.