SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Mejju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport intern tal-merkanzija perikoluża – Direttiva 2008/68/KE – Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ ‘rekwiżit ta’ kostruzzjoni’ – Projbizzjoni li jiġu previsti rekwiżiti ta’ kostruzzjoni iktar stretti – Awtorità ta’ Stat Membru li timponi fuq stazzjon ta’ pompi tal-petrol li ma jiġix ipprovdut gass likwifikat miż-żejt (LPG) ħlief minn vetturi bit-tank li jkollhom kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari mhux previst mill-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) – Illegalità – Deċiżjoni li ma tistax tiġi kkontestata fid-dritt minn kategorija ta’ partijiet fil-kawża – Possibbiltà strettament limitata sabiex jinkiseb l-annullament ta’ tali deċiżjoni f’każ ta’ kuntrarjetà manifesta mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑120/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il‑Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

X

vs

College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amersfoort

fil-preżenza ta’:

Tamoil Nederland BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, N. Wahl (Relatur), F. Biltgen, L. S. Rossi u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-College van burgemeester en wethouders van de gemeente Purmerend, minn J. R. van Angeren, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn C. S. Schillemans, K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn D. Klebs u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU 2008, L 260, p. 13), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/103/UE tal‑21 ta’ Novembru 2014 (ĠU 2014, L 335, p. 15) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/68”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u l-College van burgemeester en wethouders van de gemeente Purmerend (il-Kulleġġ tas-Sindki u tal-Aldermen tal-komun ta’ Purmerend, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Kulleġġ”) rigward deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar stabbilixxa rekwiżiti dwar il-provvista, ta’ gass likwifikat miż-żejt (LPG),ta’ stazzjon ta’ pompi tal-petrol stabbilit fit-territorju tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 5, 11 u 22 tad-Direttiva 2008/68 jistipulaw:

“(1)

It-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew fuq il-passaġġi ta’ l-ilma interni jġib miegħu riskju konsiderevoli ta’ inċidenti. Għandhom għalhekk jittieħdu miżuri sabiex jiżguraw li dan it-trasport jitwettaq bl-aħjar kondizzjonijiet ta’ sikurezza.

[…]

(5)

[Il-Ftehim Ewropew dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, konkluż f’Ġinevra fit-30 ta’ Settembru 1957, kif emendat (ADR)] […] [jistipula] regoli uniformi għat-trasport internazzjonali sikur ta’ oġġetti perikolużi. Regoli bħal dawn għandhom ukoll jiġu estiżi għat-trasport nazzjonali sabiex jarmonizzaw fil-Komunità il-kondizzjonijiet li fihom l-oġġetti perikolużi jiġu trasportati, u sabiex ikun żgurat il-funzjonament kif imiss tas-suq komuni tat-trasport.

[…]

(11)

Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt li jirregola jew li jipprojbixxi t-trasport ta’ oġġetti perikolużi fit-territorju tiegħu, għal raġunijiet li m’humiex ta’ sikurezza, bħalma huma raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ protezzjoni ambjentali.

[…]

(22)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-iżgurar ta’ l-applikazzjoni uniformi ta’ regoli tas-sikurezza armonizzati fil-Komunità u livell għoli ta’ sikurezza għall-operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali u internazzjonali, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. […]”

4

L-Artikolu 1(1) u (5) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew fuq passaġġi ta’ l-ilma interni fl-Istati Membri jew bejniethom, inkluż l-attivitajiet tat-tagħbija u l-ħatt, trasferimenti lejn jew minn mezz ieħor tat-trasport u waqfiet meħtieġa skond iċ-ċirkostanzi tat-trasport.

[…]

5.   L-Istati Membri jistgħu jirregolaw jew jipprojibixxu, strettament għal raġunijet li ma jkunux ta’ sikurezza waqt it-trasport, it-trasport ta’ oġġetti perikolużi fit-territorju tagħhom.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, l-oġġetti perikolużi ma għandhomx jiġu trasportati jekk dan ikun projbit mill-Anness I, Taqsima I.1, l-Anness II, Taqsima II.1, jew l-AnnessIII, Taqsima III.1.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali dwar l-aċċess għas-suq jew ir-regoli ġenerali applikabbli għat-trasport ta’ oġġetti, it-trasport ta’ oġġetti perikolużi għandu jiġi awtorizzat, suġġett għall-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness I, Taqsima I.1, l-Anness II, Taqsima II.1 u l-Anness III, Taqsima III.1.”

6

Skont l-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu, minħabba raġunijiet ta’ sikurezza tat-trasport, japplikaw dispożizzjonijiet, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti ta’ kostruzzjoni, aktar stretti dwar it-trasport nazzjonali ta’ oġġetti perikolużi permezz ta’ vetturi, vaguni u bastimenti ta’ passaġġi ta’ l-ilma interni reġistrati jew li jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tagħhom.”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/68 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, b’mod partikolari, minn ċerti regoli previsti fl-annessi ta’ din id-direttiva.

8

L-Anness I ta’ din id-direttiva jirrendi applikabbli l-Annessi A u B tal-ADR, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem l-“ADR 2015”).

9

L-unika premessa tal-ADIR 2015 tippreċiża li l-partijiet kontraenti “jixtiequ jżidu s-sigurtà tat-trasport internazzjonali bit-triq” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li l-Artikolu 3 tal-ADR 2015 jipprovdi li l-annessi ta’ dan il-ftehim jagħmlu parti integrali minnu.

10

Il-punt 1.2.1 tal-Kapitolu 1.2 tal-Parti 1 tal-Anness A tal-ADR 2015 jiddefinixxi l-parti ta’ barra tat-tankijiet bħala “parti tat-tank li żżomm fiha l-materja li għandha tinġarr, li tinkludi l-mezzi ta’ ftuħ u ta’ għeluq tagħhom, iżda ma tinkludix tagħmir ta’ servizz jew tagħmir strutturali estern” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11

It-Tabella A li tinsab fil-Parti 3 tal-Kapitolu 3.2 tal-ADR 2015 tinkludi lista ta’ merkanzija perikoluża u tindika b’mod partikolari:

NU

Isem u deskrizzjoni

Klassi

[…]

Tankijiet ADR

[…]

Kodiċi-tank

4.3

Dispożizzjonijiet speċjali

4.3.5, 6.8.4

(1)

(2)

(3a)

[…]

(12)

(13)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

1075

Gass likwifikat miż-żejt

2

[…]

PxBN (M)

TA4

T9

T11

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

12

Il-Kapitolu 4.3 tal-Parti 4 tal-Anness A tal-ADR 2015 huwa intitolat “Użu ta’ tankijiet fissi (vetturi bit-tank), tankijiet li jistgħu jitneħħew u kontenituri-tank u partijiet tat-tank interkambjabbli, bil-partijiet ta’ barra magħmula minn materjal metalliku, kif ukoll vetturi-batterija u kontenituri għall-gass b’elementi multepliċi (KGEM)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-paragrafu 4.3.2.1.2 ta’ dan il-kapitolu jistipula:

“It-tip meħtieġ ta’ tank, ta’ vettura-batterija u ta’ KGEM jingħata f’forma kkodifikata fil-kolonna (12) tat-Tabella A tal-Kapitolu3.2. […] […] L-ispjegazzjonijiet sabiex jinqraw l-erba’ partijiet tal-kodiċi jingħataw [fil-paragrafu] 4.3.3.1.1 (meta l-materjal li għandu jiġi ttrasportat jaqa’ taħt il-klassi 2) […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

Il-paragrafu 4.3.3.1.1 tal-Kapitolu 4.3 tal-Parti 4 tal-Anness A tal-ADR 2015 jinkludi t-tabella li ġejja:

Parti

Deskrizzjoni

Kodiċi-tank

1

Tipi ta’ tank, vettura-batterija jew KGEM

[…]

P = tank, vettura-batterija jew KGEM għall-gassijiet likwifikati jew xolti;

[…]

[…]

[…]

[…]

14

Il-Kapitolu 6.8 tal-Parti 6 tal-Anness A tal-ADR 2015 hija intitolata “Ir-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, għat-tagħmir, għall-approvazzjoni tat-tip, spezzjonijiet u testijiet, u mmarkar ta’ tankijiet fissi (vetturi bit-tank), tankijiet li jistgħu jitneħħew u kontenituri-tank u partijiet tat-tank interkambjabbli, bil-partijiet ta’ barra magħmula minn materjal metalliku, u vetturi-batterija u kontenituri għall-gass b’elementi multepliċi (KGEM)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-paragrafu 6.8.2.1.9 ta’ dan il-kapitolu jaqa’ taħt ir-rekwiżiti ta’ “kostruzzjoni” previsti fil-paragrafu 6.8.2.1 u huwa fformulat kif ġej:

“Il-materjali tal-partijiet ta’ barra jew tal-kisi protettivi tagħhom f’kuntatt mal-kontenut ma għandhomx jinkludu materji li jistgħu jirreaġixxu b’mod perikoluż […] bil-kontenut, jifformaw prodotti perikolużi jew idgħajfu l-materjal b’mod kunsiderevoli taħt l-effett tiegħu.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

Il-paragrafi 6.8.2.1.24 sa 6.8.2.1.26 ta’ dan il-Kapitolu 6.8, ippreċeduti mit-titolu “Rekwiżiti oħra ta’ kostruzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdu:

“6.8.2.1.24 Il-kisi protettiv għandu jiġi kkonċepit b’tali mod li l-issiġillar tiegħu jibqa’ ggarantit, ikunu xi jkunu d-deformazzjonijiet li jistgħu jseħħu fil-kundizzjonijiet normali ta’ trasport […]

6.8.2.1.25 L-iżolazzjoni termali għandha tiġi kkonċepita b’tali mod li ma tfixkilx, la l-aċċess għall-mezzi ta’ mili u ta’ tbattil u għall-valvijiet tas-sigurtà, u lanqas għall-funzjonament tagħhom.

6.8.2.1.26 Jekk il-partijiet ta’ barra intiżi għat-trasport ta’ materji likwidi li jieħdu n-nar b’temperatura sabiex jieħdu n-nar li ma taqbiżx 60°C għandhom kisi protettiv (saffi interni) mhux metalliku, il-partijiet ta’ barra u l-kisi protettiv għandhom jiġu kkonċepiti b’tali mod li ma jistax ikun hemm perikolu ta’ infjammazzjoni dovut għal ċarġ elettrostatiku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

Il-paragrafu 6.8.3 tal-imsemmi Kapitolu 6.8 huwa kompost unikament mit-titolu “Rekwiżiti partikolari applikabbli għall-klassi 2” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li l-paragrafu 6.8.3.1 ta’ din id-dispożizzjoni jkopri b’mod iktar partikolari l-“[k]onstruzzjoni ta’ partijiet ta’ barra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-paragrafu 6.8.3.1.1 tal-istess kapitolu jippreċiża:

“Il-partijiet ta’ barra intiżi għat-trasport tal-gassijiet ikkompressati, illikwidati jew xolti għandhom jinbnew tal-azzar. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17

Il-paragrafu 6.8.4 tal-Kapitolu 6.8 tal-Parti 6 tal-Anness A tal-ADR 2015 jinkludi, fost oħrajn, id-“[d]ispożizzjonijiet speċjali” TA 4, TT 9 u TT 11 magħmula applikabbli għat-tankijiet li jittrasportaw il-LPG skont it-Tabella A riprodotta fil-punt 11 ta’ din is-sentenza.

18

Il-paragrafu 6.8.5.1.1 ta’ dan il-Kapitolu 6.8 jistipula li, meta t-tankijiet imwaħħla jiġu wweldjati, il-partijiet ta’ barra intiżi għat-trasport tal-gassijiet ikkompressati, illikwifikati jew xolti tal-klassi 2 għandhom jinbnew tal-azzar, filwaqt li jistgħu wkoll jinbnew tal-aluminju, fil-liga tal-aluminju, tar-ram jew tal-liga tar-ram għal dak li jirrigwarda t-trasport tal-gassijiet illikwidati mkesħa ta’ klassi 2.

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

19

L-Artikolu 8:69a tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv, iktar ’il quddiem l-“Awb”) jipprovdi:

“L-Imħallef Amministrattiv ma għandux jannulla deċiżjoni minħabba li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni legali miktuba jew mhux miktuba jew għal prinċipju legali ġenerali, jekk din ir-regola jew dak il-prinċipju b’mod ċar ma jkollhomx bħala l-għan tagħhom il-protezzjoni tal-interessi ta’ dawk li jinvokawhom.”

20

La circulaire effectafstanden externe veiligheid LPG-tankstations voor besluiten met gevolgen voor de effecten van een ongeval (iċ-ċirkulari dwar id-distanzi li għandhom jiġu osservati fil-qasam ta’ sigurtà esterna tal-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol LPG fil-kuntest tad-deċiżjonijiet li għandhom effett fuq l-effetti ta’ inċident) tal-iStaatssecretaris van Infrastructuur en Milieu (is-Segretarju tal-Istat għall-Infrastruttura u għall-Ambjent), tal‑14 ta’ Ġunju 2016 (Stcrt. 2016, Nru 31453, iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari tal‑14 ta’ Ġunju 2016”) tistieden lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jadottaw deċiżjonijiet fil-qasam ta’ ppjanar tat-territorju, ċerti distanzi tas-sigurtà li jippermettu l-prevenzjoni tal-effetti ta’ inċidenti li jistgħu jaffettwaw stazzjon ta’ pompi tal-petrol waqt il-provvista ta’ dan f’LPG billi jibbażaw ruħhom, b’riferiment għas-“Safety Deal hittewerende bekleding op LPG-autogastankwagens” (Ftehim ta’ Sigurtà dwar il-Kisi ta’ Protezzjoni mis-Sħana ta’ Vetturi bit-Tank għal-LPG) (Stcrt. 2016, Nru 31448, iktar ’il quddiem is-“Safety Deal”), fuq l-ipoteżi li, minn naħa, vetturi bit-tank Olandiżi kollha li jiffornixxu tali stazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol fil-prattika huma mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari li huwa kapaċi jdewwem ix-xenarju ta’ “splużjoni ta’ fwar li jespandi prodott minn likwidu li jkun qiegħed jagħli” (boiling liquid expanding vapour explosion jew “xenarju BLEVE”) għal mill-inqas 75 minuta wara l-bidu ta’ nar (iktar ’il quddiem il-“kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni”) u, min-naħa l-oħra, l-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol ikkonċernati normalment jingħataw provvista minn servizz ta’ trakkijiet mgħammra b’tali kisi.

21

Is-Safety Deal, sottoskritt mis-Segretarju tal-Istat għall-Infrastruttura u għall-Ambjent u l-Vereniging Vloeibaar Gas (l-Assoċjazzjoni tal-Gass Likwidu, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ukoll minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet oħra attivi fis-settur tal-LPG, jikkonferma, essenzjalment, l-impenn tal-membri tal-imsemmija assoċjazzjoni li jużaw, waqt il-provvista ta’ LPG fl-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol, unikament tankers tat-triq mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni, filwaqt li l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet l-oħra jimpenjaw ruħhom sabiex jissottoskrivu għal dan il-għan billi jimpenjaw ruħhom li jippromwovuh mal-membri tagħhom u li jiżguraw l-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-partijiet kollha għas-Safety Deal approvaw il-kontenut taċ-ċirkulari tal‑14 ta’ Ġunju 2016.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

X tirrisjedi f’distanza ta’ madwar 125 metru minn stazzjon ta’ pompi tal-petrol li, b’mod partikolari, ibigħ il-LPG, sa mis-sena 1977. Filwaqt li xtaqet li jintemm il-bejgħ ta’ LPG minn dan l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol minħabba r-riskji li jġib miegħu dan il-bejgħ għas-sigurtà tal-abitazzjonijiet li jinsabu f’prossimita miegħu, X talbet lill-Kulleġġ biex jirtira l-permess ambjentali maħruġ għal dan il-għan lill-imsemmi stazzjon ta’ pompi tal-petrol.

23

Filwaqt li ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2015, il-Kulleġġ, permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2016”), impona fuq l-imsemmi stazzjon ta’ pompi tal-petrol żewġ rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-provvista tiegħu f’LPG. Kien previst fih li dan tal-aħħar kellu minn issa ’l quddiem jiġi fornit f’LPG permezz ta’ tankers tat-triq mgħammra, minn naħa, b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, b’pajp għall-mili mtejjeb. Skont il-Kulleġġ, dawn iż-żewġ rekwiżiti kienu jippermettu li jitnaqqsu għal livell aċċettabbli r-riskji ta’ inċident waqt il-provvista tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol ikkonċernat f’LPG.

24

Fir-rigward tar-rekwiżit dwar kisi ta’ protezzjoni mis-sħana, l-awtoritajiet Olandiżi kienu, xi xhur qabel, minn naħa, implimentaw is-Safety Deal u, min-naħa l-oħra, adottaw iċ-ċirkulari tal‑14 ta’ Ġunju 2016 li tistabbilixxi politika addizzjonali ta’ ġestjoni tar-riskji għall-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol li joffru l-LPG għall-bejgħ, ibbażata fuq l-idea li dawn l-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol jingħataw provvista unikament minn tankers tat-triq mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din iċ-ċirkulari ma tindikax espressament li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jimponu tali rekwiżit ta’ kisi fil-permessi ambjentali li huma joħorġu lill-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol li joffru l-LPG għall-bejgħ. Hija żżid li l-awtoritajiet Olandiżi ppreferew li ma jimponux dan ir-rekwiżit permezz ta’ dispożizzjoni ġenerali vinkolanti, peress li huma kienu jqisu li tali dispożizzjoni setgħet tikser l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68.

25

Peress li qieset li ż-żewġ rekwiżiti imposti mid-deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2016 kellhom jiġu annullati minħabba li ma setgħux jiġu implimentati minħabba l-inkompatibbiltà tagħhom, b’mod partikolari, mad-Direttiva 2008/68, X ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti tal-Provinċja ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-qorti, permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2017, ċaħdet dan ir-rikors.

26

Adita b’appell minn X kontra din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li r-rekwiżit dwar l-użu ta’ pajp għall-mili mtejjeb ma jiksirx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/68, b’tali mod li dan jista’ jinżamm. Min-naħa l-oħra, hija għandha dubji rigward il-kompatibbiltà tar-rekwiżit dwar il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni ma’ din id-direttiva.

27

Wara li kkunsidrat li l-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana ta’ vettura bit-tank huwa element ta’ “kostruzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit dwar il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni jistax jitqies bħala “rekwiżit ta’ kostruzzjoni”, ipprojbit minn din id-dispożizzjoni, peress li, minn naħa, dan ir-rekwiżit ma huwiex indirizzat direttament lill-proprjetarju jew lill-operatur ta’ tanker tat-triq, iżda lill-operatur tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol, u li, min-naħa l-oħra, ma jinsabx f’dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali ġenerali, iżda f’permess ambjentali maħruġ lil stazzjon ta’ pompi tal-petrol partikolari. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja li l-awtoritajiet Olandiżi astjenew milli jimponu r-rekwiżit iċċitat iktar ’il fuq permezz ta’ dispożizzjoni vinkolanti ġenerali minħabba l-possibbiltà ta’ inkompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68, huma implimentaw is-Safety Deal u adottaw iċ-ċirkulari tal‑14 ta’ Ġunju 2016 sabiex jiżguraw li, fit-territorju nazzjonali kollu, l-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol jiġu pprovduti f’LPG unikament permezz ta’ vetturibit-tank mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni.

28

Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-rekwiżit dwar il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni jikkostitwixxi “rekwiżit ta’ kostruzzjoni”, ipprojbit mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68, il-qorti tar-rinviju tosserva li tali konstatazzjoni, waħedha, ma tippermettilhiex li tannulla d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2016 li timponi dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8:69a tal-Awb, il-Qorti Amministrattiva ma tistax tannulla deċiżjoni li tikser dispożizzjoni legali li ma hijiex intiża manifestament sabiex tipproteġi l-interess tar-rikorrent inkwistjoni. Issa, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 ma għandux manifestament bħala għan li jipproteġi l-interessi ta’ X sabiex tinkiseb protezzjoni materjali fiż-żona ta’ abitazzjoni li tinsab qrib l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol ikkonċernat.

29

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-dritt Olandiż, il-Kulleġġ ma jistax jinkludi f’permess rekwiżit li ma jistax jiżgura l-osservanza tiegħu mid-destinatarju u li għalhekk ma jistax jiġi implimentat fil-kuntest ta’ deċiżjoni sussegwenti. B’kunsiderazzjoni ta’ dan l-argument, il-qorti tar-rinviju tispjega li, abbażi tad-dritt Olandiż applikabbli, hija tista’ tannulla r-rekwiżit dwar il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni għar-raġuni li dan ma jistax sussegwentement jiġi implimentat minħabba l-fatt li jmur kontra dispożizzjoni legali bħall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68, bil-kundizzjoni madankollu li jkun evidenti, abbażi ta’ eżami sommarju li ma jħalli ebda dubju, li r-rekwiżit inkwistjoni ma setax jiġi impost (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-evidenza”). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk il-kriterju tal-evidenza huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ effettività, li skont dan ir-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali ma għandhomx irendu l-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni fil-prattika impossibbli jew estremament diffiċli.

30

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi ostakolata bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-evidenza, sa fejn dan il-kriterju huwa ssodisfatt biss f’każijiet eċċezzjonali u b’hekk jimponi livell għoli fuq il-parti fil-kawża u fejn, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fis-sentenzi tagħha tad‑29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212), u tas‑6 ta’ April 2006, ED & F Man Sugar (C‑274/04, EU:C:2006:233), li obbligu li jirriżulta minn deċiżjoni li ma tistax tiġi kkontestata fid-dritt jista’ jiġi eskluż, fil-kuntest tal-eżami ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni sussegwenti, ibbażata fuq l-ewwel minn dawn id-deċiżjonijiet, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ din l-ewwel deċiżjoni mad-dritt tal-Unjoni.

31

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tfakkar l-importanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jista’ jiġġustifika li rekwiżit li ma jistax jiġi kkontestat fid-dritt, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’, fir-rigward ta’ parti fil-kawża bħal X, jiġi kkontestat biss, fl-istadju ta’ deċiżjoni intiża li timplimentah, fil-każ, previst mid-dritt Olandiż, fejn huwa evidenti li dan ma setax jiġi impost minħabba l-fatt li kien kontra d-dritt tal-Unjoni. Il-livell għoli impost f’dan ir-rigward mill-kriterju tal-evidenza huwa għalhekk iġġustifikat mill-piż sinjifikattiv mogħti lill-interessi taċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt preċedenti hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali, sa fejn il-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi kienu bbażati fuq deċiżjoni sussegwenti li timponi sanzjoni fuq il-parti fil-kawża, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [2008/68] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi rekwiżit ta’ permess mogħti għal pompa tal-petrol LPG, li jipprevedi li l-pompa tal-petrol [2008/68] LPG speċifika inkwistjoni tista’ tiġi fornuta biss minn tankers tat-triq tal-LPG mgħammar b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana, minkejja li dan l-obbligu ma huwiex impost direttament fuq operaturi jew operaturi ta’ tankers tat-triq [vetturi bit-tank] tal-LPG?

b)

Ir-risposta għall-ewwel domanda hija influwenzata mill-fatt li l-Istat Membru kkonkluda ftehim fil-forma [tas-Safety Deal] ma’ organizzazzjonijiet ta’ operaturi tas-settur LPG (fost oħrajn operaturi ta’ pompi tal-petrol LPG u produtturi, bejjiegħa u trasportaturi ta’ LPG), fejn l-operaturi impenjaw ruħhom li jużaw il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana u li, f’dak ir-rigward, l-Istat Membru ħareġ ċirkulari, jiġifieri ċ-[ċirkulari tal‑14 ta’ Ġunju 2016], fejn hija żviluppata politika komplementari ta’ ġestjoni ta’ riskji bbażata fuq l-ipoteżi li l-pompi tal-petrol LPG huma fornuti permezz ta’ tankers tat-triq [vetturi bit-tank] [tas-Safety Deal] mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana?

2)

a)

Meta qorti nazzjonali teżamina deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li għandha l-għan li timponi fuq id-destinatarju obbligu ta’ rekwiżit li ma jistax jiġi kkontestat fid-dritt u kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni:

id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-awtonomija tal-proċedura nazzjonali, jippermetti lill-qorti nazzjonali li titlaq fil-prinċipju mill-idea li tali rekwiżit ta’ permess huwa legali sakemm ma jkunx manifestament kuntrarju għad-dritt superjuri, u b’mod partikolari għad-dritt tal-Unjoni? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi rekwiżiti (supplimentari) għal din l-eċċezzjoni?

jew id-dritt tal-Unjoni jimplika li, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C-224/97, EU:C:1999:212) u tas-6 ta’ April 2006, ED ED & F Man Sugar (C‑274/04, EU:C:2006:233), li l-qorti nazzjonali għandha tinjora tali rekwiżit ta’ permess peress li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

b)

Fir-rigward tar-risposta għad-domanda 2) a. għandu jkun magħruf jekk id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni hijiex sanzjoni ta’ kumpens (remedy) jew sanzjoni ta’ ripressiva (criminal charge)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi rekwiżit, impost mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru fuq stazzjon ta’ pompi tal-petrol skont deċiżjoni amministrattiva li tieħu l-forma ta’ permess ambjentali, li jiġi pprovdut il-LPG unikament permezz ta’ vetturi bit-tank mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68, l-Istati Membri jistgħu, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà tat-trasport, japplikaw dispożizzjonijiet, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti ta’ kostruzzjoni, iktar stretti dwar it-trasport nazzjonali ta’ merkanzija perikoluża permezz ta’ vetturi, vaguni u bastimenti ta’ passaġġi tal-ilma interni rreġistrati jew li jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tagħhom.

35

Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li, fir-rigward ta’ tali trasport nazzjonali, dan l-Artikolu 5(1) jipprojbixxi lill-Istati Membri milli japplikaw, għal raġunijiet ta’ sigurtà tat-trasport, rekwiżiti iktar stretti fil-qasam tal-kostruzzjoni.

36

Madankollu la l-imsemmi Artikolu 5(1), u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2008/68 ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni” u lanqas ma jsemmu l-istandard ta’ rekwiżiti li fir-rigward tiegħu l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti.

37

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/68 jawtorizza t-trasport ta’ merkanzija perikoluża unikament bil-kundizzjoni li jiġu osservati kundizzjonijiet stabbiliti, b’mod partikolari, fit-Taqsima I.1 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li tirreferi għall-Annessi A u B tal-ADR fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-ADIR 2015.

38

Issa, kemm il-Parti 6 tal-Anness A kif ukoll il-Parti 9 tal-Anness B tal-ADR 2015 jinkludu “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni”. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni”, imsemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68, għandu jinftiehem b’riferiment għar-rekwiżiti korrispondenti li jinsabu fl-imsemmija partijiet ta’ dawn l-annessi, u għalhekk l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jistipulaw rekwiżiti iktar stretti.

39

F’dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-vetturi bit-tank intiżi għat-trasport tal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont dispożizzjonijiet magħquda tal-paragrafi 4.3.2.1.2 u 4.3.3.1.1 tal-Kapitolu 4.3 tal-Parti 4 tal-Anness A u tal-paragrafi 6.8.3.1.1 u 6.8.5.1.1 tal-Kapitolu 6.8 tal-ADR 2015, moqrija flimkien mal-Parti 3 tal-Kapitolu 3.2 tat-Tabella A ta’ dan l-anness, it-trasport ta’ LPG, inkwantu merkanzija perikoluża li taqa’ taħt il-klassi 2, għandu jseħħ permezz ta’ vetturi bit-tank li l-partijiet ta’ barra tagħhom huma magħmula minn materjal metalliku. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kapitolu 6.8 tal-Parti 6 tal-Anness A tal-ADR 2015 jinkludi, b’mod partikolari, “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni”, applikabbli, b’mod partikolari, għall-vetturi bit-tank li l-partijiet ta’ barra tagħhom huma magħmula minn materjal metalliku.

40

Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-vetturi bit-tank intiżi għat-trasport tal-LPG, il-kunċett ta’ “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni”, li jinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68, għandu jinftiehem bħala li jikkorrispondi għar-“rekwiżiti ta’ kostruzzjoni”, iddefiniti fil-Kapitolu 6.8 tal-Parti 6 tal-Anness A tal-ADIR 2015, u, b’mod partikolari, mar-regoli subordinati li jinsabu fil-paragrafi 6.8.2.1, 6.8.3.1 u 6.8.5.1 ta’ dan il-kapitolu kif ukoll għad-dispożizzjonijiet speċjali TA 4, TT9 u TT11 li jinsabu fil-paragrafu 6.8.4 tal-imsemmi kapitolu u applikabbli għal tali vetturi bit-tank skont il-Kapitolu 3.2 tal-Parti 3 tal-Anness A tat-Tabella A tal-ADR 2015.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 jirriżulta li, fir-rigward tat-trasport nazzjonali ta’ LPG imwettaq, b’mod partikolari, minn vetturi bit-tank irreġistrati jew imqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet ta’ sigurtà, japplikaw rekwiżiti ta’ kostruzzjoni iktar stretti minn dawk espressament previsti fil-Kapitolu 6.8 tal-Parti 6 tal-Anness A tal-ADR 2015.

42

Issa, f’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li l-Kapitolu 6.8 tal-Parti 6 tal-Anness A tal-ADR 2015 jinkludi diversi rekwiżiti ta’ kostruzzjoni tal-kisi protettiv jew tal-iżolazzjoni termali tal-parti ta’ barra jew tat-tank, bħal dawk stabbiliti fil-paragrafi 6.8.2.1.9 u 6.8.2.1.24 sa 6.8.2.1.26 ta’ dan il-kapitolu, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jinkludi ebda rekwiżit li jimponi kisi ta’ protezzjoni mis-sħana bħal dak meħtieġ fil-kawża prinċipali, jiġifieri kisi ta’ protezzjoni mis-sħana li jkun jista’ jdewwem ix-xenarju BLEVE għal mill-inqas 75 minuta wara l-bidu tan-nar.

43

Isegwi li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 jipprekludi li, fir-rigward tat-trasport nazzjonali ta’ merkanzija perikoluża mwettaq, b’mod partikolari, minn vetturi rreġistrati jew imqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jimponu, għal raġunijiet ta’ sigurtà tat-trasport, li dawn il-vetturi jkunu mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana li ma huwiex previst mir-rekwiżiti tal-ADR fil-qasam tal-kostruzzjoni, sa fejn tali kisi jikkostitwixxi rekwiżit ta’ kostruzzjoni iktar strett, ipprojbit minn din id-dispożizzjoni tad-Direttiva.

44

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li rekwiżit bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta dan huwa stipulat bi ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68, kien, minn naħa, impost fuq stazzjon ta’ pompi tal-petrol u mhux direttament fuq il-proprjetarji jew fuq l-operaturi ta’ vetturi bit-tank u, min-naħa l-oħra, adottat f’każ individwali u mhux fil-kuntest ta’ dispożizzjoni vinkolanti ġenerali.

45

Fil-fatt, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 jimponi projbizzjoni ċara, ġenerali u assoluta fuq l-Istati Membri li għandhom jiżguraw l-osservanza tagħha f’kull ċirkustanza u b’kull mezz, filwaqt li huwa ppreċiżat li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/68, il-kunċett ta’ “trasport” jinkludi wkoll l-operazzjonijiet ta’ rilaxx ta’ merkanzija perikoluża, bħal dik imwettqa waqt il-provvista f’LPG ta’ stazzjoni ta’ pompi tal-petrol

46

Għalhekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 jipprekludi kull miżura meħuda minn Stat Membru, inkluża miżura adottata minn awtorità komunali li tieħu l-forma ta’ deċiżjoni amministrattiva individwali, bħall-permess ambjentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tmur kontra l-projbizzjoni stipulata f’din id-dispożizzjoni, anki jekk tali miżura timponi biss b’mod indirett rekwiżit fil-qasam tal-kostruzzjoni fuq l-operaturi ta’ vetturi bit-tank ikkonċernati jew inkarigati li jiżguraw il-provvista f’LPG tad-destinatarju ta’ din il-miżura.

47

Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi implimentaw is-Safety Deal u adottaw iċ-ċirkulari tal‑14 ta’ Ġunju 2016 sabiex jiġi żgurat fil-livell nazzjonali li l-vetturi bit-tank użati għall-provvista f’LPG tal-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol li jinsabu fit-territorju Olandiż jiġu mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni ma jista’ jkollu ebda influwenza fuq ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda, peress li l-użu ta’ tali strumenti ma jistax jiġġustifika b’kwalunkwe mod deċiżjoni amministrattiva, bħall-permess ambjentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimponi rekwiżit ta’ kostruzzjoni pprojbit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68.

48

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68 ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jistipulaw, għal raġunijiet minbarra s-sigurtà tat-trasport, rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti mill-ADR fil-qasam ta’ kostruzzjoni.

49

L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jirregolaw jew jipprojbixxu, strettament għal raġunijet li ma jkunux ta’ sigurtà waqt it-trasport, it-trasport ta’ merkanzija perikoluża fit-territorju tagħhom.

50

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 1(5) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68, li t-tnejn li huma għandhom jiġu interpretati b’mod strett peress li jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva, li bis-saħħa tagħha t-trasport tal-merkanzija perikoluża huwa suġġett għall-projbizzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet previsti fl-annessi rilevanti tal-imsemmija direttiva, jinsabu f’interrelazzjoni loġika sa fejn jippermettu lill-Istati Membri li jidderogaw minn din ir-regola ġenerali għal raġunijiet differenti.

51

Fir-rigward tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68, għandu jiġi rrilevat, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-użu tal-avverbju “strettament” f’din id-dispożizzjoni jimplika li l-Istati Membri jistgħu jirregolaw jew jipprojbixxu t-trasport ta’ merkanzija fit-territorju tagħhom biss għal raġunijiet minbarra s-sigurtà tat-trasport, jiġifieri għal raġunijiet li ma għandhom ikollhom ebda rabta mas-sigurtà tat-trasport.

52

Din l-interpretazzjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68 hija sostnuta mill-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva. Fil-fatt, mill-premessi 1, 5 u 22 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża sabiex it-trasport transkonfinali u nazzjonali ta’ merkanzija perikoluża bit-triq, bil-ferrovija jew permezz ta’ passaġġi tal-ilma interni fl-Unjoni jsir fl-aħjar kundizzjonijiet ta’ sigurtà possibbli, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li japplika, fost l-oħrajn, ir-regoli ta’ sigurtà li jinsabu fl-Annessi A u B tal-ADR b’mod li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ regoli ta’ sigurtà armonizzati fl-Unjoni kollha u li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni tat-trasport.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-fatt li, skont l-unika premessa tal-ADR, ir-regoli li jinsabu f’dan il-ftehim, li r-rekwiżiti tagħhom dwar il-kostruzzjoni jagħmlu parti minnu, huma intiżi sabiex iżidu s-sigurtà tat-trasport bit-triq, l-Istati Membri ma jistgħux, bla ħsara għad-derogi espressament previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/68, jistipulaw, skont l-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva, regoli ta’ sigurtà tat-trasport minbarra dawk stipulati mill-imsemmija direttiva u mill-Annessi A u B tal-ADR, u fin-nuqqas ta’ dan huma jirriskjaw li jipperikolaw l-għan doppju ta’ armonizzazzjoni tar-regoli tas-sigurtà u ta’ garanzija tal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni tat-trasport billi barra minn hekk iqajmu dubju dwar l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li skont din ir-regoli tas-sigurtà tat-trasport stipulati mill-istess direttiva u mill-annessi tal-ADR huma intiżi li jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet possibbli ta’ sigurtà.

54

Għalhekk, meta Stat Membru jkun jixtieq jirregola jew jipprojbixxi t-trasport ta’ merkanzija perikoluża fit-territorju tiegħu skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68, huwa jista’ jagħmel dan biss għal raġunijiet li ma humiex relatati mas-sigurtà tat-trasport, taħt piena li jippreġudika l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva. Għalkemm tali raġunijiet jistgħu jkunu marbuta, hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 11 tal-imsemmija direttiva, mas-sigurtà nazzjonali jew mal-protezzjoni tal-ambjent, huwa importanti, għall-finijiet li jinżammu dawn l-għanijiet, li tali motivi, meta jiġu invokati, ma jkunux marbuta, fil-fatti, mas-sigurtà tat-trasport. B’mod partikolari, Stat Membru ma jistax, taħt il-kopertura tal-protezzjoni tal-ambjent, jistipula rekwiżiti ta’ kostruzzjoni, filwaqt li tali rekwiżiti, li jinsabu fl-Annessi A u B tal-ADR, huma intiżi, hekk kif tfakkar fil-punt preċedenti, sabiex tiżdied is-sigurtà tat-trasport. Tali motiv jista’, min-naħa l-oħra, jiġi invokat, hekk kif irrileva l-Gvern Ġermaniż, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sabiex, pereżempju, jiġi rregolat jew ipprojbit it-trasport ta’ merkanzija perikoluża li tgħaddi minn żoni ekoloġikament sensittivi tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, billi leġiżlazzjoni f’dan is-sens bl-ebda mod ma taffettwa s-sigurtà tat-trasport inkwantu tali.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri ma jistgħux, kemm taħt l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68 jew taħt l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, jistipulaw rekwiżiti ta’ kostruzzjoni, bħall-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari inkwistjoni.

56

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, indipendentement mill-fatt li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kulleġġ fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħata provvista ta’ LPG esklużivament permezz tal-vetturi ta’ fornitur Olandiż mgħammar b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana, li, meta rekwiżit ta’ kostruzzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi impost b’mod indirett fuq l-operaturi ta’ vetturi bit-tank LPG, permezz ta’ permess maħruġ lil stazzjon ta’ pompi tal-petrol, tali rekwiżit jista’ mhux biss jikser l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 sa fejn jikkonċerna l-kunsinni ta’ LPG imwettqa fil-kuntest ta’ trasport nazzjonali permezz ta’ vetturi bit-tank irreġistrati fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda wkoll, hekk kif dan jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68 sa fejn jikkonċerna kull kunsinna ta’ LPG li tista’ b’mod partikolari titwettaq fil-kuntest ta’ trasport transkonfinali permezz ta’ vetturi bit-tank irreġistrati fi Stat Membru ieħor.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-istipulazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ kostruzzjoni iktar stretti minn dawk li jinsabu fl-Annessi A u B tal-ADR, bħal rekwiżit, impost mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru fuq stazzjon ta’ pompi tal-petrol skont deċiżjoni amministrattiva li tieħu l-forma ta’ permess ambjentali, li jingħata provvista f’LPG biss permezz ta’ vetturi bit-tank mgħammra b’kisi ta’protezzjoni mis-sħana partikolari bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq it-tieni domanda

58

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, jipprekludix regola proċedurali nazzjonali li tipprovdi li, sabiex rekwiżit li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, impost minn deċiżjoni amministrattiva li bħala prinċipju ma tistax tiġi kkontestata fid-dritt minn kategorija ta’ partijiet fil-kawża, ikun jista’ jiġi annullat minħabba n-natura mhux eżegwibbli tiegħu jekk dan kellu jiġi implimentat permezz ta’ deċiżjoni sussegwenti, billi l-parti fil-kawża għandha tistabbilixxi li r-rekwiżit inkwistjoni b’mod ċar ma setax, abbażi ta’ eżami sommarju li ma jħalli lok għal ebda dubju, jiġi adottat fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-ammissibbiltà

59

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kulleġġ iqis li t-tieni domanda ma għandhiex rabta mat-tilwima u hija ta’ natura teoretika, peress li d-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkontestata fid-dritt u peress li deċiżjoni sussegwenti ta’ implimentazzjoni ma kinitx ġiet adottata. Mingħajr ma kkonkluda minn dan li t-tieni domanda hija inammissibbli, il-Gvern Olandiż ukoll isemmi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kunsiderazzjonijiet simili.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24, kif ukoll tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 31).

61

Isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25, u tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 32).

62

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta tilwima (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 194 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan il-każ, ċertament, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li, anki jekk jiġi kkonstatat, fir-rigward tar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għall-ewwel domanda, li l-argument tar-rikorrenti li r-rekwiżit inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikser l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 huwa fondat, tali konstatazzjoni, waħedha, ma tippermettix lil din il-qorti, minħabba l-Artikolu 8:69a tal-Awb, li tannulla dan ir-rekwiżit.

64

Barra minn hekk, huwa minnu li, fil-formulazzjoni tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju effettivament issemmi “deċiżjoni ta’ implimentazzjoni intiża sabiex iġġiegħel lid-destinatarju ta’ rekwiżit ta’ permess li ma jistax jiġi iktar ikkontestat fid-dritt u li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni li josserva dan ir-rekwiżit” u li hija bl-ebda mod ma tindika, fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-eżistenza ta’ deċiżjoni li l-Kulleġġ kien adotta sabiex jimplimenta r-rekwiżit impost fid-deċiżjoni tiegħu tat‑18 ta’ Jannar 2016.

65

Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li X invokat, fil-kuntest tar-rikors tagħha, il-prinċipju tad-dritt amministrattiv Olandiż li skont dan permess ma jista’ jimponi ebda rekwiżit li l-awtorità kompetenti ma tkunx tista’ tiżgura l-osservanza mid-destinatarju. Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirrikonoxxi li X tista’ tinvoka dan il-prinċipju, tikkonkludi minn dan li r-rekwiżit inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi annullat kieku kellu jiġi kkunsidrat li ma jistax jiġi implimentat minħabba l-inkompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68. Minbarra dan, hija tirrileva li hija għandha tevalwa din l-kwistjoni fuq il-mertu sa mill-preżent u mhux fil-kuntest ta’ eventwali proċedura sussegwenti intiża sabiex tiġi vverifikata l-legalità ta’ deċiżjoni sussegwenti ddestinata sabiex timplimenta r-rekwiżit inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tesponi b’mod ċar li hija għandha, skont id-dritt nazzjonali, tiddeċiedi l-imsemmija kwistjoni fl-istadju tal-proċedura pendenti quddiemha, anki jekk deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tar-rekwiżit inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li għadha ġiet adottata mill-kulleġġ. Għaldaqstant, it-tieni domanda ma hijiex ta’ natura ipotetika u tissodisfa bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva tal-kawża prinċipali.

67

Isegwi li t-tieni domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

68

B’mod preliminari, għandu jitfakkar, hekk kif ġie espost fil-punti 28 u 63 ta’ din is-sentenza, li, minkejja r-risposta mogħtija għall-ewwel domanda magħmula fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ma tistax, minħabba l-Artikolu 8:69a tal-Awb, tannulla, fuq it-talba ta’ parti fil-kawża bħal X, ir-rekwiżit li jinsab fil-permess ambjentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sempliċement minħabba l-kuntrarjetà tiegħu mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68, peress li, skont il-konstatazzjonijiet tagħha stess, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma hijiex intiża sabiex tipproteġi l-interessi ta’ X sabiex tinkiseb protezzjoni materjali fiż-żona ta’ abitazzjoni li tinsab qrib l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol ikkonċernat, billi dan ir-rekwiżit għandu konsegwentement jitqies, sa minn dan l-istadju, bħala prinċipju, bħala li ma jistax jiġi kkontestat fid-dritt minn parti fil-kawża bħal X. Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinvju tesponi li, skont il-prinċipju tad-dritt amministrattiv Olandiż li skont dan permess, anki jekk bħala prinċipju ma jkunx jista’ iktar jiġi kkontestat minn parti fil-kawża bħal X, ma jista’ jimponi ebda rekwiżit li l-awtorità kompetenti ma tkunx tista’ tiżgura l-osservanza tiegħu mid-destinatarju permezz ta’ deċiżjoni sussegwenti li timplimenta dan ir-rekwiżit, X tista’ in fine, tikseb l-annullament tar-rekwiżit inkwistjoni fil-kuntest tar-rikors tagħha ppreżentat kontra l-permess li jimponi dan ir-rekwiżit li wkoll huwa pendenti quddiem il-qorti tar-rinivju, bil-kundizzjoni madankollu li jiġi ssodisfat il-kriterju tal-evidenza, jiġifieri, hekk kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjoni legali Olandiża li tgħid li għandu jkun evidenti, fuq il-bażi ta’ eżami sommarju li ma jagħti lok għal ebda dubju, li r-rekwiżit ikkonċernat ma setax jiġi impost minħabba l-ksur ta’ regoli tad-dritt superjuri.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kriterju tal-evidenza jissodisfa l-prinċipju ta’ ekwivalenza, sa fejn, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, ma ssir ebda distinzjoni bejn il-kuntrarjetà mar-regoli tad-dritt nazzjonali superjuri u l-kuntrarjetà mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

71

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-konformità tal-imsemmi kriterju mal-prinċipju ta’ effettività.

72

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

Il-qorti tar-rinviju tesponi, b’mod partikolari, li l-kriterju tal-evidenza, kif previst mid-dritt amministrattiv Olandiż, huwa intiż sabiex iħares il-prinċipju ta’ ċertezza legali b’mod li n-natura eżegwibbli u, għaldaqstant, il-legalità ta’ deċiżjonijiet definittivi jkunu jistgħu jiġu kkontestati biss fil-każ fejn il-kuntrarjetà ta’ tali deċiżjonijiet mar-regoli tad-dritt superjuri, bħalma huma r-regoli tad-dritt tal-Unjoni, tkun manifesta.

74

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ċ-ċertezza legali hija fost in-numru ta’ prinċipji ġenerali rrikonoxxuti fid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddikjarat li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva, tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali, u li d-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li korp ikun, bħala prinċipju, obbligat li jmur lura fuq deċiżjoni amministrattiva li tkun saret definittiva (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, f’ċerti ċirkustanzi, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni partikolaritajiet tas-sitwazzjonijiet u tal-interessi inkwistjoni sabiex jinstab ekwilibriju bejn ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali, minn naħa, u dak tal-legalità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Byankov, C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

F’dan il-kuntest, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-regola proċedurali nazzjonali li tikkostitwixxi l-kriterju tal-evidenza, sa fejn tippermetti lil parti fil-kawża bħal X sabiex tagħmel mezz li jiġi kkonstatat li rekwiżit li jinsab f’deċiżjoni definittiva jista’ jiġi implimentat u li tikseb, konsegwentement, l-annullament ta’ dan ir-rekwiżit biss bil-kundizzjoni li tiġi stabbilita kuntrarjetà manifesta bejn l-imsemmi rekwiżit u d-dritt tal-Unjoni, hija intiża sabiex jinstab ekwilibriju ġust bejn il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ legalità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, billi jingħata, bħala reġola ġenerali, piż superjuri għan-natura definittiva tar-rekwiżit ikkonċernat, sabiex titħares iċ-ċertezza legali, filwaqt li jiġi ammess, taħt kundizzjonijiet stretti, li ssir eċċezzjoni għal dan.

76

Fid-dawl ta’ dan l-iskop, għandu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix, bħala prinċipju, regola proċedurali nazzjonali bħall-kriterju tal-evidenza.

77

Madankollu, sabiex jiġi żgurat li dan l-iskop effettivament jintlaħaq, dan il-kriterju ma għandux jiġi applikat b’mod strett tant li l-kundizzjoni marbuta mal-kuntrarjetà manifesta mad-dritt tal-Unjoni tirrendi illużorja, fil-fatti, il-possibbiltà għal parti fil-kawża bħal X li tikseb l-annullament effettiv tar-rekwiżit inkwistjoni.

78

Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, il-prinċipju ta’ effettività, li jeżiġi, hekk kif tfakkar fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, li dispożizzjoni proċedurali nazzjonali ma tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jiġix osservat b’mod ċar.

79

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, imfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li l-awtoritajiet Olandiżi ppreferew ma jimponux ir-rekwiżit inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz ta’ dispożizzjoni ġenerali vinkolanti, peress li huma qiesu li tali dispożizzjoni setgħet tikser l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68.

80

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mis-sentenzi tad‑29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212), u tas‑6 ta’ April 2006, ED & F Man Sugar (C‑274/04, EU:C:2006:233), imsemmija mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, dawn iż-żewġ sentenzi ngħataw f’kuntest differenti minn dak li fuqu hija bbażata l-kawża prinċipali, b’tali mod li t-tagħlim li jirriżulta minnhom huwa irrilevanti għal din il-kawża.

81

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sentenza tad‑29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212), il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, iddeċidiet li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi li tiġi eskluża deċiżjoni amministrattiva definittiva li tmur kontra dan id-dritt fl-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ deċiżjoni sussegwenti bbażata fuq l-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kinitx tikkonċerna l-legalità bħala tali ta’ din l-ewwel deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, il-kawża prinċipali tikkonċerna, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni legali proċedurali nazzjonali, li l-applikazzjoni tagħha tippermetti preċiżament li tiġi eskluża deċiżjoni amministrattiva li bħala prinċipju hija definittiva fir-rigward ta’ kategorija ta’ partijiet fil-kawża fil-każ ta’ kuntrarjetà manifesta ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari, mad-dritt tal-Unjoni, hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività.

82

Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-sentenza tas‑6 ta’ April 2006, ED & F Man Sugar (C‑274/04, EU:C:2006:233), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li deċiżjoni li timponi sanzjoni ma setgħetx tkun motivata mis-sempliċi fatt li deċiżjoni definittiva ta’ rkupru tal-ħlas lura kienet diġà ġiet adottata abbażi tal-istess regolament. Issa, tali sitwazzjoni ma tikkorrispondix ma’ dik li fuqha hija bbażata l-kawża prinċipali, li, hekk kif tfakkar fil-punt preċedenti, tikkonċerna essenzjalment il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività ta’ regola proċedurali nazzjonali li tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tiġi eskluża deċiżjoni amministrattiva definittiva.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix regola proċedurali tad-dritt amministrattiv nazzjonali li tipprevedi li, sabiex rekwiżit li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni impost minn deċiżjoni amministrattiva li bħala prinċipju ma tistax tiġi kkontestata fid-dritt minn kategorija ta’ partijiet fil-kawża jkun jista’ jiġi annullat minħabba n-natura mhux eżegwibbli tiegħu kieku kien ġie implimentat permezz ta’ deċiżjoni sussegwenti, il-parti fil-kawża għandha tistabbilixxi li r-rekwiżit inkwistjoni b’mod ċar ma setax, abbażi ta’ eżami sommarju li ma jħalli lok għal ebda dubju, jiġi adottat fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, bla ħsara madankollu, hekk kif il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, li din ir-regola ma tiġix applikata b’mod strett sa tali punt li tkun illużorja, fil-fatti, il-possibbiltà għal parti fil-kawża li tikseb l-annullament effettiv tar-rekwiżit inkwistjoni.

Fuq l-ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/103/UE tal‑21 ta’ Novembru 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-istipulazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ kostruzzjoni iktar stretti minn dawk li jinsabu fl-Annessi A u B tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq, konkluż f’Genève fit30 ta’ Settembru 1957, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-‑1 ta’ Jannar 2015, bħal rekwiżit, impost mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru fuq stazzjon ta’ pompi tal-petrol skont deċiżjoni amministrattiva li tieħu l-forma ta’ permess ambjentali, li jingħata provvista f’gass likwifikat miż-żejt biss permezz ta’ vetturi bit-tank mgħammra b’kisi ta’protezzjoni mis-sħana partikolari bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix regola proċedurali tad-dritt amministrattiv nazzjonali li tipprevedi li, sabiex rekwiżit li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni impost minn deċiżjoni amministrattiva li bħala prinċipju ma tistax tiġi kkontestata fid-dritt minn kategorija ta’ partijiet fil-kawża jkun jista’ jiġi annullat minħabba n-natura mhux eżegwibbli tiegħu kieku kien ġie implimentat permezz ta’ deċiżjoni sussegwenti, il-parti fil-kawża għandha tistabbilixxi li r-rekwiżit inkwistjoni b’mod ċar ma setax, abbażi ta’ eżami sommarju li ma jħalli lok għal ebda dubju, jiġi adottat fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, bla ħsara madankollu, hekk kif il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, li din ir-regola ma tiġix applikata b’mod strett sa tali punt li tkun illużorja, fil-fatti, il-possibbiltà għal parti fil-kawża li tikseb l-annullament effettiv tar-rekwiżit inkwistjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.