SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ April 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Ħlas magħmul skont klawżola inġusta – Arrikkiment indebitu tal-persuna li ssellef – Preskrizzjoni tad-dritt għall-ħlas lura – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ effettività – Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 – Informazzjoni li għandha tissemma f’kuntratt ta’ kreditu – Tneħħija ta’ ċerti rekwiżiti nazzjonali abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Interpretazzjoni tal-verżjoni preċedenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali skont din il-ġurisprudenza – Effetti ratione temporis

Fil-Kawża C‑485/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

LH

vs

Profi Credit Slovakia s. r. o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Profi Credit Slovakia s. r. o., minn A. Cviková, advokátka,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, N. Ruiz García u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, u ĠU 2011, L 234, p. 46), b’mod partikolari, l-Artikolu 10(2)(h) u (i) ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LH u Profi Credit Slovakia s. r. o., dwar arrikkiment indebitu ta’ din il-kumpannija, li jirriżulta minn ħlas magħmul mill-persuna li tissellef abbażi ta’ klawżoli allegatament inġusti jew illegali ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13/KEE

3

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288):

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

4

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-Direttiva 2008/48

5

Id-Direttiva 2008/48 għandha l-għan, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, li tarmonizza ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur.

6

L-Artikolu 3(i) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “rata ta’ imposta perċentwali fis-sena” (iktar ’il quddiem ir-“RIPS”), għall-finijiet ta’ din id-direttiva, bħala “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 19(2)”.

7

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jiddisponi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(g)

ir-[RIPS] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

(h)

l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur u, fejn ikun il-każ, l-ordni li biha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għal bilanċi pendenti differenti b’rati tas-self differenti għall-finijiet ta’ radd lura;

(i)

fejn ikun involut amortizzament ta’ kapital ta’ ftehim ta’ kreditu b’tul ta’ żmien fiss, id-dritt tal-konsumatur li jirċievi, fuq talba jew mingħajr ħlas, fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ amortizzament.

Tabella ta’ amortizzament għandha tindika l-ħlasijiet dovuti u l-perijodi u l-kondizzjonijiet relatati mal-ħlas ta’ tali ammonti; it-tabella għandu jkun fiha analiżi dettaljata ta’ kull radd lura li turi amortizzament kapitali, l-interessi kkalkolati abbażi tar-rata tas-self u, fejn applikabbli, l-ispejjeż addizzjonali; fejn ir-rata ta’ l-interessi mhix fissa jew l-ispejjeż addizzjonali jistgħu jitbiddlu taħt il-ftehim ta’ kreditu, it-tabella ta’ amortizzament għandha turi b’mod ċar u konċiż li d-data misjuba fit-tabella tibqa’ valida biss sakemm ir-rata tas-self jew l-ispejjeż addizzjonali jiġu mibdula skond il-ftehim ta’ kreditu;

[…]”

8

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

Id-dritt Slovakk

Il-Kodiċi Ċivili

9

L-Artikolu 53 tal-Občiansky zákonník (il-Kodiċi Ċivili) huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma għandux jinkludi dispożizzjonijiet li joħolqu, bi ħsara għall-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l‑obbligi tal-partijiet kontraenti (klawżola inġusta). […]

[…]

5)

Il-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma humiex validi”.

10

Skont l-Artikolu 107 ta’ dan il-kodiċi:

“1)   Id-dritt għall-ħlas lura minħabba arrikkiment indebitu jiġi preskritt f’terminu ta’ sentejn mid-data li fiha l-persuna kkonċernata ssir taf bl-arrikkiment indebitu u tiskopri min ġie arrikkit għad-detriment tagħha.

2)   Id-dritt għall-ħlas lura minħabba arrikkiment indebitu jiġi preskritt f’terminu ta’ mhux iktar minn tliet snin, u f’terminu ta’ għaxar snin f’każ ta’ arrikkiment indebitu intenzjonali, mid-data li fiha jkun seħħ l-arrikkiment indebitu.

[…]”

11

L-Artikolu 451(2) tal-imsemmi kodiċi jiddefinixxi l-“arrikkiment indebitu” bħala “vantaġġ pekunjarju miksub permezz ta’ benefiċċju li ma għandux bażi legali, benefiċċju bbażat fuq att legali null jew benefiċċju bbażat fuq raġuni legali li ma għadhiex teżisti, kif ukoll vantaġġ pekunjarju li ġej minn sorsi diżonesti”.

Il-Liġi Nru 129/2010

12

Iż-zákon č. 129/2010 Z. z. o spotrebiteľských úveroch a o iných úveroch a pôžičkách pre spotrebiteľov a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 129/2010 dwar il-Krediti għall-Konsum u l-Krediti u Self Ieħor Mogħti għall-Konsumaturi u li Temenda Ċerti Liġijiet Oħra) hija intiża sabiex tittrasponi fid-dritt Slovakk id-Direttiva 2008/48.

13

Fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, l-Artikolu 9(2)(k) tal-Liġi Nru 129/2010 kien jipprevedi li l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum kellu jinkludi l-ammont, in-numru u l-iskadenzi tar-rimborsi tal-kapital, tal-interessi u tal-ispejjeż l-oħra sostnuti mill-persuna li tissellef, kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-ordni li fiha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għad-diversi bilanċi dovuti li ġew iffissati b’rati tas-self differenti għall-finijiet tar-rimbors.

14

Sabiex jikkonforma ruħu mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 adottata fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 51 sa 59), il-leġiżlatur Slovakk emenda l-Liġi Nru 129/2010 b’tali mod li, fil-verżjoni tagħha applikabbli mill‑1 ta’ Mejju 2018, l-Artikolu 9(2)(i) ta’ din il-liġi jistabbilixxi li l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għandu jsemmi “l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur u, fejn ikun il-każ, l-ordni li fiha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għal bilanċi dovuti differenti b’rati tas-self differenti għall-finijiet tar-rimbors”.

15

Skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 129/2010, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, il-kreditu għall-konsum huwa “meqjus eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż” jekk il-kuntratt relatat ma jkunx fih l-elementi meħtieġa, b’mod partikolari, mill-Artikolu 9(2)(a) sa (k) ta’ din il-liġi, jew ma jindikax korrettament ir-RIPS għad-detriment tal-konsumatur.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fit‑30 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u Profi Credit Slovakia kkonkludew kuntratt ta’ kreditu għall-konsum fl-ammont ta’ EUR 1500, flimkien ma’ rata ta’ interessi ta’ 70 % u ta’ RIPS ta’ 66.31 %, jiġifieri somma totali ta’ EUR 3 698.40, li għandha tiġi mħallsa lura f’48 pagament fix-xahar ta’ EUR 77.05, mingħajr ma huwa speċifikat it-tqassim tar-rimborsi bejn il-kapital, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra sostnuti mill-persuna li tissellef.

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li, skont l-imsemmi kuntratt, Profi Credit Slovakia setgħet, sa mill-ewwel jum tar-relazzjoni kuntrattwali, titlob li jitħallsu l-ispejjeż, fl-ammont ta’ EUR 367.49, inkambju għall-possibbiltà mogħtija lill-konsumatur li fil-futur jikseb differiment tar-rimbors tal-kreditu. Minħabba li ġew applikati dawn l-ispejjeż, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma rċeviex l-ammont miftiehem ta’ EUR 1500, iżda l-ammont residwu ta’ EUR 1 132.51, jiġifieri tnaqqis ta’ 24 %, minkejja li l-konsumatur ma kienx ċert li kien ser jagħmel użu mill-possibbiltà li jiddiferixxi r-rimbors.

18

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li r-RIPS imsemmija f’dan il-kuntratt (66.31 %) hija inqas mir-rata ta’ interessi (70 %), li tista’ tkun marbuta mal-fatt li r-RIPS ma ġietx ikkalkolata abbażi tal-ammont effettivament imħallas minn Profi Credit Slovakia. Din id-deċiżjoni tippreċiża li, fid-dritt Slovakk, l-indikazzjoni żbaljata tar-RIPS hija ssanzjonata bit-telf, għall-persuna li ssellef, tad-dritt għall-ħlas tal-interessi u tal-ispejjeż relatati mal-kreditu.

19

Fit‑2 ta’ Frar 2017, wara li rrimborsa l-kreditu kollu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie informat minn avukat li l-klawżola tal-imsemmi kuntratt dwar l-ispejjeż ta’ differiment kienet ta’ natura inġusta u li l-indikazzjonijiet li kienu ngħatawlu fir-rigward tar-RIPS ma kinux korretti.

20

Fit‑2 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għall-finijiet tal-ħlas lura tal-ispejjeż li skontu kienu nġabru indebitament. Bħala difiża, Profi Credit Slovakia invokat il-preskrizzjoni tad-dritt ta’ azzjoni tal-persuna kkonċernata. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Novembru 2018, l-Okresný súd Prešov (il-Qorti Distrettwali ta’ Prešov, is-Slovakkja) ċaħdet dan ir-rikors.

21

Adita b’appell ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), tqis li l-kuntratt inkwistjoni jista’, f’diversi aspetti, jitqies li jmur kontra r-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

22

Fl-ewwel lok, din il-qorti tesponi li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 107 tal-Kodiċi Ċivili, id-dritt għall-ħlas lura minħabba arrikkiment indebitu jintemm:

jew fi tmiem terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sentejn, imsejjaħ “suġġettiv”, li jibda meta l-persuna kkonċernata ssir taf b’arrikkiment indebitu u tkun identifikat il-persuna li tkun arrikkixxiet ruħha għad-detriment tagħha; dan it-terminu jidher li ġie osservat f’dan il-każ, peress li inqas minn sentejn jisseparaw l-informazzjoni rċevuta mir-rikorrent fil-kawża prinċipali (it‑2 ta’ Frar 2017) u l-preżentata tar-rikors tiegħu (it‑2 ta’ Mejju 2017);

jew wara terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, imsejjaħ “oġġettiv”, li jibda jiddekorri mill-jum li fih seħħ l-arrikkiment indebitu; dan it-terminu jidher li diġà skada f’dan il-każ, peress li għaddew iktar minn tliet snin bejn il-ħlas tal-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-preżentata tar-rikors;

jew, fil-każ ta’ arrikkiment indebitu “intenzjonali”, fi tmiem terminu ta’ preskrizzjoni “oġġettiv” estiż għal għaxar snin, li jibda jiddekorri wkoll minn meta jseħħ l-arrikkiment indebitu; dan it-terminu jidher li ma skadiex f’dan il-każ.

23

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin jibda jiddekorri u jiskadi anki meta l-konsumatur leż ma jkunx jaf bin-natura inġusta jew illegali tal-klawżola kuntrattwali li tat lok għall-arrikkiment indebitu. Fil-fehma tagħha, tali regola nazzjonali tista’ tippreġudika d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, żgurata fl-Artikolu 47 tal-Karta, u tkun inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, prevista, b’mod partikolari, mid-Direttiva 93/13 u mid-Direttiva 2008/48.

24

Sussegwentement, fil-każ li tali terminu ta’ preskrizzjoni, applikabbli minkejja l-possibbiltà tan-nuqqas ta’ għarfien tal-konsumatur, jitqies li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan japplikax ukoll fir-rigward tal-oneru tal-prova li għandu. F’dan ir-rigward, hija tindika li, fil-passat, il-qrati Slovakki applikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija iktar ’il fuq b’mod li kien favorevoli għall-konsumaturi, billi aċċettaw b’mod flessibbli n-natura intenzjonali tal-arrikkiment indebitu u b’hekk ippermettew lill-persuni kkonċernati jibbenefikaw mit-terminu ta’ preskrizzjoni twil ta’ għaxar snin, iżda li dan l-approċċ ġie kkontestat permezz ta’ deċiżjoni tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) tat‑18 ta’ Ottubru 2018.

25

Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li huwa l-konsumatur li jinvoka t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv speċjali ta’ għaxar snin li għandu juri li l-persuna li ssellef kellha l-intenzjoni li tarrikkixxi ruħha indebitament għad-detriment tiegħu u li, fin-nuqqas ta’ tali prova, it-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ġenerali ta’ tliet snin jista’ jiġi invokat kontrih. Il-qrati Slovakki inferjuri huma obbligati jikkonformaw mal-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li din tista’ tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, peress li, fil-fehma tagħha, huwa prattikament impossibbli għal konsumatur li ma jkollux l-informazzjoni kollha li jipproduċi l-prova meħtieġa.

26

Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tali oneru tal-prova huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, iqumu l-kwistjonijiet dwar, minn naħa, liema hija l-persuna fiżika li lilha l-konsumatur għandu juri l-għarfien dwar il-ksur tad-drittijiet tiegħu stess meta l-persuna li ssellef hija persuna ġuridika u, min-naħa l-oħra, liema hija l-intensità tal-ksur tad-drittijiet tiegħu li huwa obbligat jistabbilixxi.

27

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842), il-leġiżlatur Slovakk emenda l-Liġi Nru 129/2010 billi neħħa, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2018, l-obbligu li jiġu indikati fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum l-iskadenzi tal-ħlasijiet tal-kapital, tal-interessi u tal-ispejjeż l-oħra sostnuti mill-persuna li tissellef, li kien jinsab fl-Artikolu 9(2)(k) ta’ din il-liġi fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, li fir-rigward tagħha d-data rilevanti hija t‑30 ta’ Mejju 2011. Dan l-obbligu ġie ssostitwit b’dak li jindika f’tali kuntratti “il-frekwenza tal-ħlasijiet”, li huwa previst fl-Artikolu 9(2)(i) tal-imsemmija liġi fil-verżjoni tagħha applikabbli b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2018.

28

Issa, f’deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 2018, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li, fir-rigward tal-kuntratti konklużi qabel l‑1 ta’ Mejju 2018 bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qrati Slovakki kienu obbligati jaslu għar-riżultat prodott mill-imsemmija emenda leġiżlattiva, billi jinterpretaw id-dispożizzjoni inizjali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni u li twassal sabiex il-persuni li jsellfu jkollhom jindikaw l-informazzjoni mitluba minn din id-dispożizzjoni, f’tali kuntratti, biss b’mod globali, u mhux b’tqassim bejn il-kapital, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra marbuta mal-kreditu.

29

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-effetti tad-direttivi, kif irrikonoxxuti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludux li qorti ta’ Stat Membru twettaq, fir-rigward ta’ dispożizzjoni nazzjonali ddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, interpretazzjoni konformi ma’ dan id-dritt mingħajr ma timmotiva d-deċiżjoni tagħha u mingħajr ma tibbażaha fuq il-metodi normali ta’ interpretazzjoni. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk, fil-każ li hija tqis li interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni twassal għal interpretazzjoni contra legem, din tistax tipproduċi effett dirett tal-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48 u ma tapplikax id-dispożizzjoni nazzjonali kkonċernata għar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, b’analoġija ma’ dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fil-qasam tad-diskriminazzjoni.

30

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza r-rabtiet ta’ konnessjoni li jeżistu bejn dawn l-aħħar domandi u dawk li hija kienet għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665), li ġiet għalhekk deċiża wara t-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“A

1)

L-Artikolu 47 tal-[Karta], kif ukoll, impliċitament, id-dritt tal-konsumatur għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 107(2) tal-[Kodiċi Ċivili Slovakk] dwar il-preskrizzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għal terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin, li jipprevedi li d-dritt tal-konsumatur għal ħlas lura minħabba klawżola inġusta jiddekadi anki jekk il-konsumatur ma jkunx f’pożizzjoni li jevalwa huwa nniffsu l-klawżola inġusta u li jkun hemm preskrizzjoni anki meta l-konsumatur ma kienx konxju min-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali?

2)

Fil-każ li l-istabbiliment tal-preskrizzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għal terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin huwa konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju ta’ effettività, anki minkejja li huwa ma kienx konxju ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda li ġejja:

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħd fuq il-konsumatur l-oneru li jipprova, quddim il-qorti, li l-persuna li taġixxi f’isem il-kreditur kien konxju mill-fatt li l-kreditur jikser id-drittijiet tal-konsumatur, f’dan il-każ konxju mill-fatt li, billi ma jindikax ir-[RIPS it-tajba], il-kreditur jikser dispożizzjoni legali, kif ukoll konxju mill-fatt li, f’tali każ, il-kreditu huwa eżenti minn interessi u li, billi jirċievi l-interessi, il-kreditur jikseb arrikiment indebitu?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva [għat-tieni domanda], fir-rigward ta’ liema persuni minn fost dawk li jaġixxu mal-kreditur, bħad-direttur, is-soċji jew ir-rappreżentanti kummerċjali, għandu l-konsumatur juri l-kienu konxji fis-sens [tat-tieni domanda]?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva [għat-tieni domanda], liema livell ta’ għarfien huwa suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan li tintwera l-intenzjoni tal-fornitur li jikser ir-regoli applikabbli fis-suq finanzjarju?

B

1)

L-effetti tad-direttivi u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari s-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278), is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 113114), is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 48), is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 100), is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punti 2527) kif ukoll is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 38), jipprekludu prassi nazzjonali li abbażi tagħha il-qorti nazzjonali ddeċidiet li hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma użat ir-regoli ta’ interpretazzjoni u mingħajr il-motivazzjoni meħtieġa?

2)

Jekk, wara li tkun applikat il-metodi ta’ interpretazzjoni bħall-interpretazzjoni teleoloġika, l-interpretazzjoni awtentika, l-interpretazzjoni storika, l-interpretazzjoni sistematika, l-interpretazzjoni loġika (metodu a contrario, metodu reductione ad absurdum) kif ukoll l-ordinament nazzjonali fit-totalità tiegħu sabiex tilħaq l-għan previst fl-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48 […], qorti tiddeċiedi li interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni twassal għal sitwazzjoni contra legem, jista’ jingħata, pereżempju abbażi ta’ paragun tar-relazzjonijiet fil-każ ta’ diskriminazzjoni jew ta’ protezzjoni tal-impjegati, effett dirett għad-dispożizzjoni iċċitata iktar ’il fuq tad-Direttiva għall-finijiet tal-protezzjoni tal-bejjiegħ jew tal-fornitur fil-konfront tal-konsumaturi fir-relazzjonijiet ta’ kreditu tagħhom u jistgħu ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet tal-liġi li ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

32

Fl-ewwel lok, Profi Credit Slovakia tesprimi dubji dwar ir-regolarità tal-proċedura li ġiet segwita mill-qorti tar-rinviju sabiex tressaq it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, billi targumenta li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tesprimi ruħha minn qabel dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni tal-proċedura.

33

Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li domanda preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni tista’ tqum mingħajr trattazzjoni kontradittorju minn qabel ma jipprekludix li tali domanda titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx skont ir-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Blue Air – Airline Management Solutions, C‑584/18, EU:C:2020:324, punti 39 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fit-tieni lok, Profi Credit Slovakia ssostni li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma humiex ammissibbli, minħabba, minn naħa, li dawn jirrigwardaw la l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jarmonizzaw ir-regoli nazzjonali ta’ preskrizzjoni u lanqas l-effetti tad-direttivi, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 51 tal-Karta jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għas-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u, fl-aħħar nett, li dawn id-domandi ma humiex utli għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

35

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Slovakk jallega li l-ewwel domanda hija inammissibbli, peress li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont dan il-gvern, isegwi li ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tliet domandi segwenti, magħmula bħala segwitu tal-ewwel waħda. Fi kwalunkwe każ, it-tielet u r-raba’ domanda ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, il-ħames u s-sitt domanda ma humiex neċessarji sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, peress li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi jekk interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni hijiex possibbli jew le fir-rigward tar-regoli tad-dritt Slovakk imsemmija u li, barra minn hekk, teżisti bażi legali oħra li tippermetti li r-rikors jiġi milqugħ direttament.

36

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

37

Issa, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jippreżumi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni li tmur lil hinn mill-fatt li l-oqsma kkonċernati jkunu relatati jew li wieħed mill-oqsma jkollu effett indirett fuq qasam ieħor, fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punti 57 sa 59, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punti 5152).

38

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 73, kif ukoll tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Union des industries de la protection des plantes, C‑514/19, EU:C:2020:803, punti 2829).

39

F’dan il-każ, l-ewwel żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jsemmux, ċertament, att tad-dritt tal-Unjoni minbarra l-Karta. Madankollu, mill-motivi esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hemm rabta stabbilita, b’mod ċar u suffiċjenti, bejn ir-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 107(2) tal-Kodiċi Ċivili li japplikaw għal rikors ippreżentat minn konsumatur, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, u d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li għandhom l-iskop li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi.

40

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar speċifiku, dwar jekk dawn ir-regoli nazzjonali jistgħux mhux biss jaffettwaw id-dritt għal rimedju effettiv li huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, iżda wkoll li jippreġudikaw l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet relatati mal-klawżoli inġusti li jinsabu fid-Direttiva 93/13 u tad-dispożizzjonijiet dwar krediti lill-konsumaturi li jinsabu fid-Direttiva 2008/48.

41

Fi kliem ieħor, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 31 sa 33 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, din il-qorti tfittex li tikseb kjarifiki sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konformità, mad-Direttivi 93/13 u 2008/48, ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Slovakk li jikkonċernaw it-termini ta’ preskrizzjoni li huma applikabbli għal kawża mressqa fil-qasam tal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.

42

Għaldaqstant, l-ewwel żewġ domandi huma ammissibbli.

43

Fir-rigward tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari, għandu jiġi rrilevat li dawn jirrigwardaw, essenzjalment, il-prova tan-natura intenzjonali tal-arrikkiment indebitu li hija meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi applikat it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-aħħar parti tal-Artikolu 107(2) tal-Kodiċi Ċivili, u b’mod iktar partikolari d-determinazzjoni tal-persuni li fir-rigward tagħhom tali intenzjoni għandha tintwera kif ukoll il-livell ta’ għarfien li dawn il-persuni għandu jkollhom f’dan ir-rigward.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la l-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ domandi u lanqas il-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju relatati magħhom ma jinkludu elementi ta’ natura li jistabbilixxu rabta bejniethom u xi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Issa, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva skrupolożament ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti tar-rinviju hija mistennija li għandha għarfien tagħhom. Għalhekk, huwa indispensabbli, kif jipprevedi l-imsemmi Artikolu 94 taħt piena ta’ inammissibbiltà tad-domandi magħmula, li d-deċiżjoni tar-rinviju tkun tinkludi, minn naħa, espożizzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti jew, minn tal-inqas, l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punti 212224 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju għandhom jitqiesu bħala inammissibbli, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix motivazzjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli għal dawn iż-żewġ domandi.

46

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ħames u tas-sitt domanda preliminari, l-argumenti mressqa minn Profi Credit Slovakia u mill-Gvern Slovakk ma humiex suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha jibbenefikaw dawn id-domandi, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, peress li dawn jirrigwardaw, essenzjalment, il-modalitajiet ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, tar-regoli tad-dritt nazzjonali li japplikaw għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ta’ inammissibbiltà bbażat, mill-Gvern Slovakk, fuq l-eżistenza ta’ bażi legali oħra, jiġifieri l-indikazzjoni ineżatta tar-RIPS fil-kuntratt inkwistjoni, li tippermetti li r-rikors fil-kawża prinċipali jintlaqa’ mingħajr ma jiġi eżaminat in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jiġi indikat it-tqassim tar-rimborsi bejn il-kapital, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra sostnuti mill-persuna li tissellef, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jintlaqa’. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet argument simili fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665, punti 3538), u, min-naħa l-oħra, li d-differenzi li jeżistu bejn it-tilwima fil-kawża prinċipali u dik li tat lok għal din is-sentenza, li huma invokati minn dan il-gvern, ma jiġġustifikawx li jintgħażel approċċ ieħor ħlief iċ-ċaħda hekk magħmula.

48

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames u s-sitt domanda huma ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

49

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 33, u tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 24).

50

F’din il-kawża, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat l-ewwel domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħtiha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, billi tislet mill-elementi kollha pprovduti minn din il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 34, u tat‑8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 43).

51

F’dan il-każ, l-ewwel domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju ta’ effettività għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li azzjoni mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13 jew ta’ klawżoli li jmorru kontra r-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/48, hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mill-jum li fih seħħ l-arrikkiment indebitu.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad‑dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dawn il-proċeduri ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 83, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 223 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dak li jirrigwarda speċifikament il-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku wieħed imsemmi f’din il-kawża, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’dan id-dawl, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 53, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 60).

54

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li għandhom il-partijiet fil-kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta, li japplika, b’mod partikolari, fir-rigward tal-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 35, kif ukoll tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 49).

55

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi eżaminat jekk regola nazzjonali ta’ preskrizzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza tistax titqies li hija konformi mal-prinċipju ta’ effettività, peress li dan l-eżami għandu jirrigwarda mhux biss it-tul tat-terminu kkontestat fil-kawża prinċipali, iżda wkoll il-modalitajiet tal-applikazzjoni tiegħu, inkluż il-fattur magħżul sabiex jingħata bidu għad-dekorrenza tal-imsemmi terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 61).

56

L-ewwel, fir-rigward tal-oppożizzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet imressqa minn konsumaturi sabiex jinvokaw id-drittijiet li għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li tali regola ma tmurx, fiha nnifisha, kontra l-prinċipju ta’ effettività, sakemm l-applikazzjoni tagħha fil-prattika ma tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija, b’mod partikolari, mid-Direttiva 93/13 u mid-Direttiva 2008/48.

57

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex ta’ natura assoluta u li l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza, fl-interess taċ-ċertezza legali, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 56, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura mhux preskritibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 58, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 84).

59

It-tieni, fir-rigward tat-tul previst għat-terminu ta’ preskrizzjoni eżaminat, li f’dan il-każ huwa ta’ tliet snin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sakemm dan il-perijodu ta’ żmien ikun stabbilit u magħruf minn qabel, terminu ta’ tali tul jidher, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jipprepara u jippreżenta rikors effettiv, b’tali mod li dan it-tul, fih innifsu, ma huwiex inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punti 6264, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Madankollu, fir-rigward, it-tielet, tal-bidu tad-dekorrenza stabbilit għat-terminu ta’ preskrizzjoni eżaminat, jeżisti, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, riskju sinjifikattiv li l-konsumatur ikkonċernat ma jinvokax, matul it-terminu impost, id-drittijiet mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jqegħedha f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li jinvoka dawn id-drittijiet.

61

Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha, jirriżulta li t-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 107(2) tal-Kodiċi Ċivili jibda jiddekorri mid-data li fiha jkun seħħ l-arrikkiment indebitu u li l-preskrizzjoni tagħlaq anki jekk il-konsumatur ma jkunx f’pożizzjoni li jevalwa huwa stess li klawżola kuntrattwali hija inġusta jew ma kienx jaf bin-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali inkwistjoni.

62

F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ inferjorità li fiha jinsabu l-konsumaturi fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, u l-fatt li huwa possibbli li l-konsumaturi ma jkunux jafu dwar jew ma jkunux jifhmu l-portata tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 jew inkella mid-Direttiva 2008/48 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punti 65 sa 67, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kuntratti ta’ kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġeneralment jiġu eżegwiti matul perijodi ta’ tul taż-żmien twil u, minħabba f’hekk, jekk l-avveniment li jagħti bidu għad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin huwa kull pagament magħmul mill-persuna li tissellef, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi eskluż li, tal-inqas għal parti mill-ħlasijiet magħmula, il-preskrizzjoni sseħħ anki qabel ma jintemm il-kuntratt ikkonċernat, b’tali mod li tali sistema ta’ preskrizzjoni tista’ sistematikament iċċaħħad lill-konsumaturi mill-possibbiltà li jitolbu l-ħlas lura tal-pagamenti magħmula skont klawżoli li jmorru kontra l-imsemmija direttivi.

64

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-modalitajiet proċedurali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn jeżiġu mill-konsumatur li jaġixxi quddiem qorti f’terminu ta’ tliet snin mid-data tal-arrikkiment indebitu u sa fejn dan l-arrikkiment jista’ jseħħ matul l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal perijodu twil, huma ta’ natura li jagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13 jew mid-Direttiva 2008/48 u li, għalhekk, tali modalitajiet jiksru l-prinċipju ta’ effettività (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punti 6775, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 91).

65

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 87 u 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-intenzjoni tal-bejjiegħ jew tal-fornitur li jirrikorri għal klawżola meqjusa inġusta hija irrilevanti fir-rigward tad-drittijiet li l-konsumaturi għandhom bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u l-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48. Għaldaqstant, sabiex jiġu invokati d-drittijiet li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, konsumatur ma jistax ikun obbligat jipprova n-natura intenzjonali tal-aġir tal-bejjiegħ jew tal-fornitur inkwistjoni. Minn dan isegwi li l-possibbiltà li t-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi estiż għal tliet snin bil-kundizzjoni li l-konsumatur jipprova l-intenzjoni tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, kif prevista fl-Artikolu 107(2) tal-Kodiċi Ċivili, ma tistax tinvalida l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li azzjoni mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13 jew ta’ klawżoli li jmorru kontra r-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/48, hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mill-jum li fih seħħ l-arrikkiment indebitu.

Fuq it-tieni domanda

67

Peress li t-tieni domanda saret biss fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha fid-dawl tar-risposta fl-affermattiv mogħtija għal din l-ewwel domanda.

Fuq il-ħames u s-sitt domanda

68

Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar kif għandha tingħata interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ddikjarata li ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48, kif interpretati mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842), meta l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni ġie konkluż qabel l-għoti ta’ dik is-sentenza u qabel emenda tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali magħmula sabiex ikun hemm konformità mal-interpretazzjoni adottata fiha.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-punt 59 tal-imsemmija sentenza, dwar l-Artikolu 9(2) tal-Liġi Nru 129/2010 fil-verżjoni tagħha applikabbli matul is-sena 2011 ukoll imsemmija f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48 fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu b’tul ta’ żmien fiss, li jipprevedi l-ammortizzament tal-kapital permezz tal-pagamenti konsekuttivi, ma għandux jispeċifika, fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament, liema parti ta’ kull pagament ser tiġi allokata għar-rimbors ta’ dan il-kapital u li dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, jipprekludu li Stat Membru jipprevedi tali obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

70

Fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 51), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 10(2)(h) sa (j) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 22(1) tagħha, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jispeċifika t-tqassim ta’ kull rimbors bejn, skont il-każ, l-ammortizzament tal-kapital, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra.

71

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil dispożizzjoni legali tal-Unjoni tiċċara u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni quddiem il-qrati kompetenti jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť, C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 53).

72

Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, billi tagħmel użu mill-metodi rrikonoxxuti mid-dritt intern, id-dispożizzjonijiet Slovakki applikabbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri t‑30 ta’ Mejju 2011, sa fejn huwa possibbli, f’konformità mad-Direttiva 2008/48, kif interpretata mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842). Din il-qorti ma tistax validament tqis li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni minħabba s-sempliċi fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati, mill-qrati Slovakki, f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť, C‑331/18, EU:C:2019:665, punti 5455, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punti 4244).

73

Għalkemm dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari minn dak taċ-ċertezza legali, fis-sens li ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali, inklużi dawk li jagħtu deċiżjoni finali, għandhom madankollu jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza nazzjonali stabbilita meta din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť, C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 56, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punti 4345).

74

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 57), li l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, kif interpretati mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842), japplikaw għal kuntratt ta’ kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġie konkluż qabel l-għoti ta’ din it-tieni sentenza u qabel emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali magħmula bl-għan li jkun hemm konformità mal-interpretazzjoni adottata fiha. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kienu saru mingħajr skop id-domandi sussidjarji tal-qorti tar-rinviju fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665), li kienu jirrigwardaw, l-istess bħal f’din il-kawża, l-effetti possibbli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 fir-rigward tar-relazzjoni li teżisti bejn l-individwi kkonċernati mit-tilwima fil-kawża prinċipali, fil-każ, li ma seħħx, li jkun impossibbli li l-imsemmija leġiżlazzjoni tiġi interpretata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames u għas-sitt domanda hija li l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, kif interpretati mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842), huma applikabbli għal kuntratt ta’ kreditu li ġie konkluż qabel l-għoti ta’ dik is-sentenza u qabel emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali magħmula sabiex ikun hemm konformità mal-interpretazzjoni adottata fl-imsemmija sentenza.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li azzjoni mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur jew ta’ klawżoli li jmorru kontra r-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mill-jum li fih seħħ l-arrikkiment indebitu.

 

2)

L-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, kif interpretati mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842), huma applikabbli għal kuntratt ta’ kreditu li ġie konkluż qabel l-għoti ta’ dik is-sentenza u qabel emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali magħmula sabiex ikun hemm konformità mal-interpretazzjoni adottata fl-imsemmija sentenza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.