SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ April 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Direttiva 2003/4/KE – Dritt ta’ aċċess għat-tagħrif ambjentali miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi – Artikolu 2(2) – Kunċett ta’ ‘awtorità pubblika’ – Korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji – Tagħrif li jinsab fil-proċess ta’ proċedura ġudizzjarja magħluqa”

Fil-Kawża C‑470/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

Friends of the Irish Environment Ltd

vs

Commissioner for Environmental Information,

fil-preżenza ta’:

Courts Service of Ireland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla (Relatur), R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, u M. Ilešič, li qegħdin jaġixxu bħala Imħallfin tal-Ewwel Awla, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Friends of the Irish Environment Ltd, minn J. Kenny, BL, O. Clarke u A. Jackson, solicitors, kif ukoll minn J. Healy, SC,

għall-Commissioner for Environmental Information, minn F. Valentine, BL, E. Egan, SC, u R. Minch, solicitor,

għall-Courts Service of Ireland, minn C. Donnelly, BL, B. Murray u M. Collins, SC, kif ukoll minn M. Costelloe u H. Gibbons, solicitors,

għall-Irlanda, minn M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Carroll, BL, u minn C. Toland, SC,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Krawczyk, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u C. Cunniffe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għad-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Friends of the Irish Environment Ltd u l-Commissioner for Environmental Information (il-Kummissarju għat-Tagħrif Ambjentali, l-Irlanda) dwar l-aċċess għall-proċess tal-proċedura ġudizzjarja ta’ kawża magħluqa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi fl-Artikolu 2(2) tagħha:

“L-espressjoni ‘awtorità pubblika’ tirreferi għal:

a)

amministrazzjoni governattiva f’livell nazzjonali, reġjonali jew f’livell ieħor;

b)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu, bis-saħħa tal-liġijiet nazzjonali, funzjonijiet amministrattivi pubbliċi, inklużi kompiti, attivitajiet jew servizzi partikolari relatati mal-ambjent;

c)

kull persuna fiżika jew ġuridika oħra li jkollha responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi, jew li tipprovdi servizzi pubbliċi relatati mal-ambjent taħt l-awtorità ta’ korp jew ta’ persuna li taqa’ taħt il-kategoriji msemmija fil-punti preċedenti (a) u (b);

[…]

Din id-definizzjoni ma tinkorporax il-korpi jew l-istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi li, taħt ċertu numru ta’ riżervi, kull parti f’din il-konvenzjoni għandha tagħmel mezz li l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, it-tagħrif ambjentali li huwa mitlub minnhom.

5

L-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jippreċiża:

“Talba għal informazzjoni ambjentali tista’ tiġi miċħuda fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkollu effett ħażin fuq:

[…]

c)

il-kors tal-ġustizzja, il-possibbiltà li kull persuna tirċievi proċess ġudizzjarju ġust jew l-abbiltà ta’ awtorità pubblika li tmexxi investigazzjoni ta’ natura kriminali jew dixxiplinari;

[…]

Ir-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, meqjus l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent.”

Id-dritt tal-Unjoni

6

Il-premessi 1, 5, 11 u 16 tad-Direttiva 2003/4 jgħidu:

“(1)

L-aċċess pubbliku miżjud għat-tagħrif ambjentali u t-tixrid ta’ dan it-tagħrif jikkontribwixxu għal konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali, skambju ħieles tal-veduti, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijie u, eventwalment, ambjent aħjar.

[…]

(5)

[…] Id-disposizzjonijiet tal-liġijiet Komunitarji jridu jkunu konsistenti ma[l-Konvenzjoni ta’ Aarhus] bil-ħsieb tal-konklużjoni tagħha mill-Komunità Ewropea.

[…]

(11)

Sabiex jitqies il-prinċipju fl-Artikolu 6 tat-Trattat, illi l-ħtiġiet tal-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet Komunitarji, id-definizzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi mwessgħa sabiex tkopri l-amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjonijiet oħra pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali sewwa jekk ikollhom responsabbiltajiet speċifiċi rigward l-ambjent u sewwa jekk le. Bl-istess mod id-definizzjoni għandha tiġi mwessgħa sabiex tinkludi persuni jew korpi oħra li jwettqu l-funzjonijiet ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi fejn għandu x’jaqsam l-ambjent skond il-liġijiet nazzjonali, kif ukoll persuni jew korpi oħra li jaġixxu taħt il-kontroll tagħhom u li jkollhom responsabbilitajiet jew funzjonijiet pubbliċi fejn jidħol l-ambjent.”

[…]

(16)

Id-dritt għat-tagħrif ifisser illi l-iżvelar tat-tagħrif għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew li jirrifjutaw talba għat-tagħrif dwar l-ambjent f’każijiet speċifiċi u ddefiniti biċ-ċar. Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, li bih, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi ppeżat kontra l-interess moqdi bir-rifjut. […]”

7

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“Il-miri ta’ din id-Direttiva huma:

a)

li jiġi ggarantit id-dritt għall-aċċess tat-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom, u li jiġu ddikjarati t-termini u l-kondizzjonijiert bażiċi ta’ l-eżerċizzju tiegħu u l-arranġamenti prattiċi għalih; u

b)

li jiġi żgurat illi, bħala ħaġa naturali, it-tagħrif dwar l-ambjent jiġi magħmul disponibbli u jixxerred b’mod progressiv fost il-pubbliku sabiex jinkisbu id-disponibbiltà u t-tixrid l-iktar wiesa’ possibbli tat-tagħrif dwar l-ambjent fost il-pubbliku. Għal dan il-fini, għandhom jiġu promossi b’mod partikolari l-użu tat-telekomunikazzjoni bil-kompjuter u/jew tat-teknoloġija eletronika, meta disponibbli.”

8

L-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2.

‘Awtorita pubblika’ għandha tfisser:

a)

l-amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjoni oħra pubblika, inklużi l-korpi pubbliċi konsultattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

b)

kull persuna naturali jew legali li jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali, inklużi d-dmiritjiet, l-attivitajiet jew is-servizzi speċifiċi fejn jidħol l-ambjent; u

ċ)

kull persuna naturali jew legali li jkollhom responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi, jew li jipprovdu servizzi pubbliċi, li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent taħt il-kontroll ta’ korp jew persuna li jidħlu fil-(a) jew fil-(b).

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi din id-definizzjoni ma għandhiex tinkludi korpi jew istituzzjonijiet meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjali [ġudizzjarja] jew leġislattiva. Jekk id-disposizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħmlu l-ebda disposizzjoni għall-proċedura tar-rivista fit-tifsira ta’ l-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn il-korpi jew istituzzjonijiet minn din id-definizzjoni.”

9

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.”

10

Wara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, li jippermetti lill-Istati Membri li jipprevedu ċ-ċaħda ta’ talba għal tagħrif ambjentali f’ċerti każijiet, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva joffri wkoll din il-fakultà lill-Istati Membri fit-termini li ġejjin:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

[…]

(ċ)

il-kors tal-ġusizzja, l-abbiltà ta’ kull persuna li tirċievi proċess ġudizzjarju ġust jew l-abbiltà ta’ awtorità pubblika li tmexxi investigazzjoni ta’ natura kriminali jew dixxiplinarja;

[…]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

[…]”

11

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4 intitolat “L-aċċess għall-ġustizzja” jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex kull applikant għal tagħrif ambjentali, li jikkunsidra li t-talba tiegħu ġiet injorata, irrifjutata b’mod ħażin, ma ġietx imwieġba b’mod adegwat jew ma ġietx ittrattata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, ikun jista’ jibda azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja kontra l-atti jew l-ommissjonijiet tal-awtorità pubblika kkonċernata.

Id-dritt Irlandiż

12

Il-European Communities (Access to Information on the Environment) Regulations 2007–2018 (ir-Regolamenti 2007 sa 2018 – Komunitajiet Ewropej (Aċċess għat-Tagħrif dwar l-Ambjent)) (iktar ’il quddiem ir-“regoli nazzjonali Irlandiżi”) jittrasponu d-Direttiva 2003/4 fid-dritt Irlandiż.

13

L-Artikolu 3(1) tar-regoli nazzjonali Irlandiżi jittrasponi, fl-essenza tiegħu, l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva.

14

Skont l-Artikolu 3(2) tar-regoli nazzjonali Irlandiżi, huwa eskluż mid-definizzjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi kull korp “meta jaġixxi f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Fil‑25 ta’ Frar 2016, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) tat is-sentenza tagħha f’kawża bejn X & Y u An Bord Pleanala, li kontriha ma ġiex ippreżentat appell. Dik il-kawża kienet tirrigwarda l-kontestazzjoni ta’ permess tal-ippjanar għall-kostruzzjoni tat-turbini tar-riħ ġewwa County Cork (l-Irlanda).

16

Fid‑9 ta’ Lulju 2016, Friends of the Irish Environment kitbet lis-Central Office of the High Court (ir-Reġistru tal-Qorti Għolja, l-Irlanda), li l-amministrazzjoni tiegħu hija fdata lil reġistratur nnominat mill-Courts Service of Ireland (id-Dipartiment Amministrattiv għall-Qrati tal-Irlanda) (iktar ’il quddiem id-“Dipartiment Amministrattiv għall-Qrati”), sabiex titlob kopja tat-talbiet, affidavits, provi u sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet kollha, kif ukoll id-digrieti definittivi fl-imsemmija kawża. Dik it-talba saret skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u d-Direttiva 2003/4, trasposti mir-regoli nazzjonali Irlandiżi.

17

Id-Dipartiment Amministrattiv għall-Qrati ċaħad it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2016. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq il-fatt li r-regoli nazzjonali Irlandiżi ma kinux ikopru l-proċeduri ġudizzjarji u lanqas id-dokumenti prodotti f’tali proċeduri.

18

Fit‑18 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet li d-Dipartiment Amministrattiv għall-Qrati jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu. Peress li ma rċevietx risposta, hija ppreżentat, fil‑15 ta’ Settembru 2016, appell quddiem il-Kummissarju għat-Tagħrif Ambjentali.

19

Fid‑19 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissarju għat-Tagħrif Ambjentali kiteb lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li kienet diġà ngħatat deċiżjoni f’kawża simili, il-Kawża CEI/15/0008, An Taisce & The Courts Service. Filwaqt li enfasizza li kull kull kawża tiġi eżaminata fuq il-mertu, huwa talab lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tidentifika kwalunkwe raġuni li tiġġustifika deċiżjoni differenti fir-rigward tat-talba tagħha għall-aċċess għall-proċess ġudizzjarju fil-kawża bejn X & Y u An Bord Pleanala.

20

Fir-risposta tagħha tas‑26 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali indikat li hija xtaqet tadotta l-motivi mressqa fir-rikors tagħha u dawk ta’ An Taisce fl-ewwel kawża.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2017, il-Kummissarju għat-Tagħrif Ambjentali ċaħad dan l-appell. Huwa qies li d-Dipartiment Amministrattiv għall-Qrati kien iżomm l-proċessi mitluba fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji, f’isem l-awtorità ġudizzjarja. Huwa qies ukoll li d-Dipartiment Amministrattiv għall-Qrati, meta jaġixxi fl-eżerċizzju ta’ tali setgħat, ma huwiex “awtorità pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-regoli nazzjonali Irlandiżi.

22

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), billi sostniet, essenzjalment, li d-deroga favur korpi jew istituzzjonijiet “meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja”, prevista fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 u trasposta fl-Artikolu 3(2) tar-regoli nazzjonali Irlandiżi, ma tkoprix il-proċessi ta’ kawżi magħluqa.

23

Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-kontroll tal-aċċess għall-fajls ġudizzjarji relatati ma’ proċeduri li fihom ingħatat deċiżjoni definittiva, it-terminu għall-preżentata ta’ appell skada u l-ebda appell jew applikazzjoni oħra ma hija pendenti, iżda fejn applikazzjonijiet oħra f’ċirkustanzi speċifiċi għadhom possibbli, jikkostitwixxi eżerċizzju ta’ ‘kapaċità ġudizzjarja’ fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva [2003/4]?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-fakultà li hija tagħti lill-Istati Membri li ma jikkunsidrawx bħala “awtoritajiet pubbliċi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, il-“korpi jew istituzzjonijiet meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja”, tista’ tiġi eżerċitata biss sakemm ikun ikkonċernat tagħrif li jinsab fil-proċessi ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti, bl-esklużjoni tal-proċeduri magħluqa.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa neċessarju, qabel kollox, li jiġi ddeterminat jekk il-qrati u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi taħt il-kontroll tagħhom jikkostitwixxux “awtoritajiet pubbliċi”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, u, għaldaqstant, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta aderixxiet mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tiżgura, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, aċċess fil-prinċipju għat-tagħrif ambjentali miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/4, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni ma’ din il-konvenzjoni bil-ħsieb tal-konklużjoni tagħha mill-Komunità billi ppreveda sistema ġenerali li biha jiġi żgurat li kull persuna fiżika jew ġuridika ta’ Stat Membru jkollha dritt ta’ aċċess għat-tagħrif ambjentali miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom mingħajr ma din il-persuna jkollha għalfejn tiddikjara interess (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għandu wkoll jiġi enfasizzat li d-dritt ta’ aċċess ggarantit mid-Direttiva 2003/4 japplika biss sa fejn it-tagħrif mitlub ikun jissodisfa r-rekwiżiti dwar l-aċċess pubbliku previsti minn din id-direttiva, u dan jippreżumi b’mod partikolari li dan it-tagħrif jikkostitwixxi “tagħrif ambjentali” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan f’dak li jirrigwarda t-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 32).

29

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita billi jitqies il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan li jrid jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 34).

30

Wara li saru dawn l-osservazzjonijiet introduttorji, għandu jiġi osservat li, skont id-definizzjoni mogħtija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, huma “awtoritajiet pubbliċi”, suġġetti, inkwantu tali, għall-obbligu li jagħtu aċċess lill-pubbliku għat-tagħrif ambjentali li huma jżommu, il-korpi u l-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt“l-amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjoni oħra pubblika, inklużi l-korpi pubbliċi konsultattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali” kif ukoll il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw, taħt id-dritt nazzjonali “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali, inklużi d-dmiritjiet, l-attivitajiet jew is-servizzi speċifiċi fejn jidħol l-ambjent;”. Skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, huma wkoll “awtoritajiet pubbliċi” il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi “li jkollhom responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi, jew li jipprovdu servizzi pubbliċi, li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent taħt il-kontroll ta’ korp jew persuna li jidħlu fil-(a) jew fil-(b)”.

31

L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandha, min-naħa tagħha, l-għan li tippermetti lill-Istati Membri, b’mod partikolari, li jistabbilixxu r-regoli xierqa sabiex jiżguraw l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri ġudizzjarji billi jagħtuhom il-possibbiltà li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva korpi jew istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità pubblika”, li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva meta jaġixxu “fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji”.

32

Fl-aħħar nett, it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn il-korpi jew istituzzjonijiet mid-definizzjoni ta’ “awtoritajiet pubbliċi” li tinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 2(2), jekk, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom ma kinux jipprevedu proċedura ta’ rikors, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva. It-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, intiża sabiex tirregola l-każ partikolari ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma setgħux jiġu kkontestati b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva fid-data tal-adozzjoni tagħha, madankollu la għandha l-għan u lanqas l-effett li tillimita l-fakultà tal-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva l-korpi jew l-istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi jew ġudizzjarji, li hija barra minn hekk prevista mingħajr ebda restrizzjoni mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus innifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punti 45 sa 48).

33

Mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, meħud fl-intier tiegħu, jirriżulta li l-fakultà mogħtija lill-Istati Membri li jeskludu mill-kunċett ta’ “awtorità pubblika” l-korpi jew l-istituzzjonijiet li “jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja”, prevista fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li għandha tiġi interpretata b’mod funzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 49), tista’ tikkonċerna biss il-korpi jew l-istituzzjonijiet li jissodisfaw id-definizzjoni istituzzjonali tal-kunċett ta’ “awtorità pubblika” mogħtija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva. L-osservanza ta’ din id-definizzjoni tikkostitwixxi fil-fatt prerekwiżit indispensabbli għall-użu tal-fakultà ta’ deroga prevista fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4.

34

Issa, kemm mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus innifisha kif ukoll mid-Direttiva 2003/4, li għandha l-għan li timplimenta din il-konvenzjoni fid-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li, bir-riferiment għall-“awtoritajiet pubbliċi”, l-awturi tagħhom ma kellhomx l-intenzjoni li jindikaw l-awtoritajiet ġudizzjarji, b’mod partikolari l-qrati, iżda, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, biss l-awtoritajiet amministrattivi peress li, fi ħdan l-Istati, huma dawn li normalment ikun mitluba, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, iżommu tagħrif ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 40).

35

Fil-fatt, il-qrati, b’mod ċar, la jagħmlu parti mill-gvern u lanqas mill-amministrazzjonijiet pubbliċi l-oħra msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4. Huma lanqas ma jistgħu jiġu assimilati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali, inklużi d-dmiritjiet, l-attivitajiet jew is-servizzi speċifiċi fejn jidħol l-ambjent” imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li jindika l-korpi jew l-istituzzjonijiet li, għalkemm ma jagħmlux parti mill-gvern jew l-amministrazzjonijiet pubbliċi l-oħra msemmija f’din l-ewwel dispożizzjoni, jeżerċitaw funzjonijiet li jaqgħu taħt is-setgħa eżekuttiva jew li jikkontribwixxu għall-eżerċizzju ta’ dan tal-aħħar u li jkunu marbuta mal-ambjent. Fir-rigward tal-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, dan jikkonċerna biss il-persuni jew il-korpi li jaġixxu taħt il-kontroll ta’ wieħed mill-korpi jew ta’ waħda mill-istituzzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(2) tagħha u li għandhom responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi relatati mal-ambjent, b’tali mod li la jista’ jinkludi l-qrati u lanqas, a fortiori, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi suġġetti għall-kontroll tagħhom.

36

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/4, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 1 u mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, din hija intiża sabiex tippromwovi aċċess ikbar tal-pubbliku għat-tagħrif ambjentali u parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet f’dan il-qasam, bil-għan li jittieħdu deċiżjonijiet aħjar u li jiġu applikati b’mod iktar effikaċi kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex tippromwovi t-titjib tal-ambjent.

37

Għalhekk, għalkemm l-implimentazzjoni ta’ dan l-għan timplika li l-awtoritajiet amministrattivi jagħtu aċċess lill-pubbliku għat-tagħrif ambjentali fil-pussess tagħhom, sabiex jagħtu rendikont tad-deċiżjonijiet li huma jieħdu f’dan il-qasam u jassoċjaw liċ-ċittadini fl-adozzjoni tagħhom, dan ma japplikax għan-noti u għall-atti l-oħra inklużi fil-proċessi ta’ proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal-ambjent, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jippromwovi l-informazzjoni lill-pubbliku fil-qasam ġudizzjarju u l-parteċipazzjoni tiegħu fit-teħid ta’ deċiżjoni f’dan il-qasam.

38

Fil-fatt, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/4, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni d-diversità tar-regoli eżistenti fl-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-aċċess taċ-ċittadini għat-tagħrif li jinsab fil-proċess ġudizzjarji, kif juru l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) u l-punt (ċ) tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, li jagħtu rispettivament lill-Istati Membri, minn naħa, il-possibbiltà li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva l-korpi jew l-istituzzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-definizzjoni ta’ “awtorità pubblika” li, bħal ċerti awtoritajiet amministrattivi indipendenti, jistgħu okkażjonalment jiġu mitluba jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji mingħajr ma għandhom, huma nfushom in-natura ta’ qrati (ara, b’analoġija, fir-rigward ta’ ministeru mitlub jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi mingħajr ma, huwa nnifsu, jagħmel parti mill-poter leġiżlattiv, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 49), u, min-naħa l-oħra, il-fakultà li jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess taċ-ċittadini għat-tagħrif ambjentali miżmum mill-“awtoritajiet pubbliċi” meta l-iżvelar ta’ dan it-tagħrif ikollu mnejn jaffettwa b’mod negattiv “il-kors tal-ġusizzja, l-abbiltà ta’ kull persuna li tirċievi proċess ġudizzjarju ġust jew l-abbiltà ta’ awtorità pubblika li tmexxi investigazzjoni ta’ natura kriminali jew dixxiplinarja”.

39

Fir-rigward tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4, dan jikkonċerna biss l-aċċess għall-ġustizzja taċ-ċittadini li jixtiequ jinvokaw id-drittijiet li huma għandhom taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, li jagħtuhom b’mod partikolari l-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ aċċess għat-tagħrif ambjentali li jista’ jiġi invokat kontrihom.

40

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-assenza ta’ riferiment espliċitu f’dan is-sens fid-Direttiva 2003/4, il-qrati u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma taħt il-kontroll tagħhom ma humiex “awtoritajiet pubbliċi”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, huma ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u, għalhekk, ma humiex suġġetti għall-obbligu previst minn din tal-aħħar li jagħtu aċċess lill-pubbliku għat-tagħrif ambjentali fil-pussess tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu, jekk ikun il-każ, dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għat-tagħrif inkluż fil-proċessi ġudizzjarji u li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-eżerċizzju tiegħu.

41

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ġie allegat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok li wieħed jistaqsi dwar jekk l-istħarriġ tal-aċċess għall-proċessi ġudizzjarji jaqax taħt l-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, u lanqas ma hemm lok li ssir distinzjoni skont jekk il-proċessi li jinkludu t-tagħrif mitlub humiex relatati ma’ proċeduri pendenti jew magħluqa, jew jekk jirrigwardawx proċeduri li jistgħu jinfetħu mill-ġdid.

42

F’dan ir-rigward, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punti 54 sa 58), ma tistax twassal, b’analoġija, għal konklużjoni differenti peress li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-aċċess għal tagħrif miżmum minn “awtorità pubblika”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4. Dan lanqas ma huwa l-każ fir-rigward tas-soluzzjoni adottata fis-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P, C‑532/07 P, EU:C:2010:541), kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Breyer (C‑213/15 P, EU:C:2017:563), li kienu jirrigwardaw l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti marbuta ma’ proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni, peress li tali aċċess huwa rregolat minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-kontenut tagħhom huwa kunsiderevolment differenti minn dak tad-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija inkwistjoni f’din il-proċedura.

43

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-talba għal aċċess minn organizzazzjoni mhux governattiva, Friends of the Irish Environment, għat-tagħrif ambjentali li jinsab fil-proċess ġudizzjarju relatat ma’ proċedura magħluqa, peress li dan il-proċess huwa, fid-data ta’ din it-talba, miżmum mid-Dipartiment Amministrattiv għall-Qrati. Skont l-osservazzjonijiet li ppreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-organu huwa inkarigat bil-ħażna, bl-arkivjar u bil-ġestjoni tal-proċessi ġudizzjarji, f’isem u taħt il-kontroll tal-qorti kkonċernata. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula fil-punti 30 sa 40 ta’ din is-sentenza, jekk l-imsemmi organu għandux jiġi kkunsidrat bħala “awtorità pubblika”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, f’liema każ l-aċċess għat-tagħrif ambjentali li jinsab fil-proċessi fil-pussess tiegħu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jew jekk, minħabba l-fatt li huwa għandu rabtiet mill-qrib mal-qrati Irlandiżi, li huwa jinsab taħt il-kontroll tagħhom, hemm lok li jitqies li huwa jikkostitwixxi, bħal dawn il-qrati, awtorità ġudizzjarja, li, bil-kontra, joħorġu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

44

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jirregolax l-aċċess għat-tagħrif ambjentali inkluż fil-proċessi ġudizzjarji, peress li la l-qrati, u lanqas il-korpi jew l-istituzzjonijiet taħt il-kontroll tagħhom u li għalhekk għandhom rabtiet mill-qrib ma’ dawn tal-aħħar, ma jikkostitwixxu “awtoritajiet pubbliċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jirregolax l-aċċess għat-tagħrif ambjentali inkluż fil-proċessi ġudizzjarji, peress li la l-qrati, u lanqas il-korpi jew l-istituzzjonijiet taħt il-kontroll tagħhom u li għalhekk għandhom rabtiet mill-qrib ma’ dawn tal-aħħar, ma jikkostitwixxu “awtoritajiet pubbliċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.