SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja – Obbligu ta’ aċċess regolatorju għal-linja lokali għall-operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva – Kundizzjonijiet stabbiliti mill-operatur stabbilit għall-aċċess diżassoċjat ta’ operaturi oħra għal-linja lokali – Natura indispensabbli tal-aċċess – Kompressjoni tal-marġni – Spejjeż – Kompetitur effikaċi tal-inqas daqs l-impriża dominanti – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża C‑165/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑22 ta’ Frar 2019,

Slovak Telekom a.s., stabbilita fi Bratislava, irrappreżentata minn D. Geradin, avukat, u R. O’Donoghue, QC,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Farley, M. Kellerbauer, L. Malferrari, C. Vollrath u L. Wildpanner, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Slovanet a.s., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentata minn P. Tisaj, advokát,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-funzjoni tiegħu ta’ Mħallef tat-Tielet Awla, N. Wahl, F. Biltgen, u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Slovak Telekom a.s. qiegħda titlob, fl-ewwel lok, l-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑851/14, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:929), li biha din tal-aħħar ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 7465 final tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39523 – Slovak Telekom), kif irrettifikata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 10119 final tas-16 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2484 final tas-17 ta’ April 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), fit-tieni lok, l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni kontenzjuża, u, fit-tielet lok, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-imsemmija deċiżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 2887/2000

2

Il-premessi 3, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 83), kienu jiddikjaraw:

“(3)

Il-‘linja lokali’ hija iċ-ċirkuwitu fiżiku ta’ par mettalliku milwi tan-network tat-telefon pubbliku fiss li jqabbad il-punt tat-terminazjoni tan-network fil-fond ta’ l-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew faċilità ekwivalenti. Kif innutat fil-Ħames Rapport tal-Kummissjoni [Ewropea] dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet, in-network t’aċċess lokali jibqa’ wieħed mill-partijiet l-anqas kompettitivi tas-suq liberalizzat tat-telekomunikazzjonijiet. Operaturi ġodda m’għandhomx l-infrastrutturi mifruxa ta’ networks alternattivi u ma jistgħux, b’teknoloġiji tradizzjonali, ikunu ugwali ma’ l-ekonomiji ta’ l-iskala u l-kopertura ta’ operaturi nominati bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq għal dak li huwa suq tan-network tat-telefon pubbliku fiss. Dan jirriżulta mill-fatt li dawn l-operaturi qiegħdu l-infrastrutturi metalliċi ta’ aċċess lokali tagħhom matul perijodi sinjifikanti ta’ żmien protetti minn drittijiet esklussivi u kienu jistgħu jiffinanzjaw l-ispejjeż ta’ l-investiment permezz ta’ qligħ ta’ monopolju.

[…]

(6)

Ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi ġodda li jidduplikaw l-infrastruttura ta’ l-aċċess metalliku kollha kemm hi ta’ l-operatur li diġà jeżisti fi żmien raġonevoli. Infrastrutturi alternattivi bħal televiżjoni bil-cable, satellita, linji lokali mingħajr fili ma joffrux ġeneralment l-istess funzjonalità jew ubikwità għalissa, għalkemm is-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri jistgħu jkunu differenti.

(7)

Aċċess disassoċjat għal-linja lokali jippermetti lill-operaturi ġodda li jikkompetu ma’ operaturi notifikati billi joffru ta’ servizzi ta’ trasmissjoni ta’ tagħrif b’veloċità għolja għall-aċċess kontinwu ta’ l-Internet u għall-applikazzjonijiet multimedia bbażati fuq teknoloġija ta’ linji diġitali ta’ abbonati (DSL) kif ukoll ta’ servizzi ta’ telefonija bil-vuċi. Talba raġonevoli għal aċċess disassoċjat timplika li l-aċċess huwa meħtieġ għall-forniment tas-servizzi tal-benefiċjarju, u li r-rifjut tat-talba jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-settur.”

3

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jimmira li jintensifika l-kompetizzjoni u li jistimula l-innovazzjoni teknoloġika fis-suq ta’ l-aċċess lokali, permezz tat-twaqqif ta’ kondizzjonijiet armonizzati għall-aċċess disassoċjat għal-linja lokali, biex irawwem il-forniment kompetittiv ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

2.   Dan ir-Regolament għandu jgħodd għall-aċċess disassoċjat għal-linji lokali u faċilitajiet relatati ta’ operaturi notifikati kif definiti fl-Artikolu 2(a).

[…]”

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

(a)

‘operatur notifikat’ tfisser operaturi ta’ networks tat-telefon pubbliċi fissi li jkunu ġew notifikati mill-awtorità nazzjonali regolatorja tagħhom bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq fil-provvista ta’ networks tat-telefon pubbliċi fissi u servizzi skond l-Anness I, Taqsima 1, tad-Direttiva 97/33/KE jew id-Direttiva 98/10/KE

[…]

(ċ)

‘linja lokali’ tfisser iċ-ċirkuwitu fiżiku ta’ par metalliku milwi li jikkonnettja l-punt ta’ terminazzjoni tan-network fil-fond ta’ l-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew faċilità ekwivalenti fin-network tat-telefon pubbliku fiss;

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Operaturi notifikati għandhom jippublikaw mill-31 ta’ Diċembru 2000, u jżommu aġġornata, l-offerta ta’ riferenza għall-aċċess disassoċjat għal-linja lokali tagħhom u faċilitajiet relatati, li għandha tinkludi ta’ l-anqas l-affarijiet li hemm elenkati fl-Anness. L-offerta għandha tkun suffiċjentement disassoċjata biex il-benefiċjarju ma jkollux għalfejn iħallas għall-elementi jew faċilitajiet tan-network li mhux meħtieġa għall-forniment tas-servizzi tiegħu, u għandu jkun fiha deskrizzjoni tal-komponenti ta’ l-offerta, it-termini u l-kondizzjonijiet assoċjati, inkluż il-ħlasijiet.

2.   Operaturi notifikati għandhom mill-31 ta’ Diċembru 2000 jilqgħu talbiet raġonevoli minn benefiċjarji għal aċċess diżassoċjat għal-linji lokali tagħhom u faċilitajiet relatati, f’kondizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji. Talbiet għandhom ikunu rifjutati biss fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, li jirrelataw mal-fattibiltà teknika jew il-ħtieġa li tinżamm l-integrità tan-network. […] Operaturi notifikati għandhom ifornu lill-benefiċjarji b’faċilitajiet ekwivalenti għal dawk fornuti għas-servizzi tagħhom stess jew għall-kumpaniji assoċjati tagħhom, u bl-istess kondizzjonijiet u termini ta’ żmien.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 4 u 6 tad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2009, L 337, p. 37), ir-Regolament Nru 2887/2000 tħassar b’effett mid‑19 ta’ Diċembru 2009.

Id-Direttiva 2002/21/KE

7

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140, jipprovdi:

“[…]

2.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

[…]

(b)

jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, anke fit-trażmissjoni tal-kontenut;

[…]

5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fis-segwitu tal-għanijiet politiċi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, japplikaw prinċipji regolatorji oġġettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati billi, inter alia:

[…]

(f)

jimponu obbligi regolatorji ex-ante biss fejn m’hemm l-ebda kompetizzjoni effettiva u sostenibbli u jirrilassawhom jew ineħħuhom hekk kif tkun issodisfata kundizzjoni tali.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif ippreżentati fil-punti 1 sa 53 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.

9

Ir-rikorrenti, Slovak Telekom hija l-operatur stabbilit tat-telekomunikazzjonijiet fis-Slovakkja. Matul il-perijodu bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2010, Deutsche Telekom AG (iktar ’il quddiem “DT”), l-operatur stabbilit ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja u l-kumpannija li tmexxi l-grupp Deutsche Telekom, kellha sehem ta’ 51 % fil-kapital tar-rikorrenti.

10

Ir-rikorrenti, li sas-sena 2000 kienet tibbenefika minn monopolju legali fis-suq Slovakk tat-telekomunikazzjonijiet, hija l-ikbar operatur ta’ telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja fis-Slovakkja. In-networks tar-ram u mobbli tar-rikorrenti jkopru kważi t-territorju kollu tas-Slovakkja.

11

Wara analiżi tas-suq, l-awtorità regolatorja nazzjonali Slovakka fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem it-“TUSR”), fl‑2005, ħatret lir-rikorrenti bħala operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq bl-ingrossa għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, fis-sens tar-Regolament Nru 2887/2000.

12

Konsegwentement, it-TUSR obbligat lir-rikorrenti b’mod partikolari li tilqa’ t-talbiet kollha għal aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħha kkunsidrati bħala raġonevoli u ġġustifikati, sabiex tippermetti lil operaturi alternattivi jużaw din il-linja bil-għan li joffru s-servizzi tagħhom stess fis-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja. Sabiex tkun tista’ tissodisfa dan l-obbligu, ir-rikorrenti ppubblikat l-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam tal-aċċess diżassoċjat li ddefinixxa l-kundizzjonijiet kuntrattwali u tekniċi għall-aċċess għal-linja lokali tagħha.

13

Wara investigazzjoni ex officio li għandha bħala suġġett, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tar-rikorrenti, ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta lir-rikorrenti u lil DT rispettivament fis‑7 u fit‑8 ta’ Mejju 2012, ta’ proposta ta’ impenji, u ta’ diversi skambji ta’ korrispondenza u ta’ laqgħat, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fil‑15 ta’ Ottubru 2014.

14

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-impriża li jifformaw ir-rikorrenti u DT kienet wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja fis-Slovakkja matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2010.

15

B’mod partikolari, hija rrilevat li n-network tal-linja lokali tar-rikorrenti seta’ jintuża sabiex jiġu pprovduti ta’ servizzi aċċess għall-internet b’veloċità għolja wara d-diżassoċjazzjoni tal-linji tagħha u li kien ikopri 75.7 % tad-djar kollha Slovakki matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2005 u s-sena 2010. Madankollu, matul dan l-istess perijodu, kienu biss xi linji lokali rari tar-rikorrenti li kellhom l-aċċess tagħhom iddiżassoċjat, sa mit-18 ta’ Diċembru 2009, u ntużaw biss minn operatur alternattiv wieħed sabiex jiġi pprovdut servizz bl-imnut ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna lil impriżi.

16

Skont il-Kummissjoni, il-ksur imwettaq mill-impriża ffurmata mir-rikorrent u DT kien jikkonsisti, fl-ewwel lok, fid-dissimulazzjoni lill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni marbuta man-networks neċessarji għad-diżassoċjazzjoni tal-linji lokali, fit-tieni lok, fit-tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tar-rikorrenti b’rabta mad-diżassoċjazzjoni tal-linji lokali, fit-tielet lok, fl-istabbiliment ta’ metodi u ta’ kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tar-rikorrenti fil-qasam tad-diżassoċjazzjoni b’rabta mal-kolokalizzazzjoni, il-klassifikazzjoni, il-previżjonijiet, it-tiswijiet kif ukoll il-garanziji bankarji, u, fir-raba’ lok, fl-applikazzjoni ta’ tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur effikaċi daqs ir-rikorrenti li jserraħ fuq l-aċċess bl-ingrossa għal-linji lokali ddiżassoċjati ta’ dan l-operatur li jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti mill-imsemmi operatur mingħajr ma jġarrab telf.

17

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet, abbażi ta’ dan il-ksur, minn naħa, multa ta’ EUR 38838000 fuq ir-rikorrenti u DT in solidum u, min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 31070000 fuq DT.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż prinċipalment għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernaha, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

19

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat ħames motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, fit-tieni lok, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni, fit-tielet lok, fuq żbalji mwettqa fil-konstatazzjoni tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, fir-raba’ lok, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi meta l-Kummissjoni kkonkludiet li din kienet tikkostitwixxi impriża unika ma’ DT u li t-tnejn li huma kienu responsabbli għall-ksur inkwistjoni, u, fil-ħames lok, u sussidjarjament, fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

20

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mressqa mir-rikorrenti, ħlief għat-tielet motiv li hija laqgħet parzjalment minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet il-prova li r-rikorrenti kienet wettqet il-prattika li wasslet għal kompressjoni tal-marġni bejn it-12 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2005. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża u ffissat għal EUR 38061963 l-ammont tal-multa li għall-ħlas tagħha ġew iddikjarati responsabbli in solidum DT u r-rikorrenti. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

21

B’mod partikolari, permezz tal-ewwel motiv tagħha, li kien jinkludi ħames ilmenti, ir-rikorrenti b’mod partikolari kkritikat lill-Kummissjoni, permezz tal-ewwel u l-ħames ilmenti, li kklassifikat bħala rifjut ta’ provvista ta’ aċċess għal-linja lokali tagħha, fl-ewwel lok, id-dissimulazzjoni lill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-network tagħha meħtieġa għad-diżassoċjazzjoni tal-linja lokali tagħha (punti 431 sa 534 tad-deċiżjoni kontenzjuża), fit-tieni lok, it-tnaqqis ta’ obbligi marbuta mad-diżassoċjazzjoni naxxenti mill-kuntest leġiżlattiv applikabbli (punti 535 sa 651 tad-deċiżjoni kontenzjuża) u fit-tielet lok, li hija kienet stabbilixxiet diversi klawżoli u kundizzjonijiet mhux ġusti fl-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam tad-diżassoċjazzjoni (punti 655 sa 819 tad-deċiżjoni kontenzjuża), mingħajr ma vverifikat minn qabel in-natura indispensabbli ta’ tali aċċess fis-sens tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bronner, EU:C:1998:569). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-ilmenti fil-punti 107 sa 129 tas-sentenza appellata billi qieset, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni marbuta mas-settur tat-telekomunikazzjonijiet applikabbli f’dan il-każ kienet tirrikonoxxi il-ħtieġa ta’ aċċess għal-linja lokali tar-rikorrenti sabiex ikun permess il-ħruġ u l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effikaċi fil-suq Slovakk tas-servizzi tal-internet b’veloċità għolja, b’tali mod li ma kienx rikjest li l-Kummissjoni turi li tali aċċess kien ta’ natura indispensabbli.

22

Permezz tat-tieni lment tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti sostniet li, billi naqset milli tapplika l-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet tmur kontra t-tagħlim li rriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-ilment fil-punti 138 sa 140 tas-sentenza appellata, minħabba li l-kawża li kellha quddiemha ma kinitx simili għal dik li tat lok għal din is-sentenza.

23

Permezz tat-tielet ilment tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti sostniet li, jekk rifjut impliċitu ta’ provvista ta’ aċċess ma għandux jiġi suġġett għall-verifika tan-natura indispensabbli, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner, ikun iktar faċli li jiġi stabbilit rifjut impliċitu ta’ provvista ta’ aċċess milli rifjut pur u sempliċi ta’ provvista ta’ aċċess. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-ilment fil-punti 133 sa 135 tas-sentenza appellata, minħabba li l-gravità ta’ ksur setgħet tiddependi fuq diversi fatturi indipendenti min-natura espliċita jew impliċita tal-imsemmi rifjut, b’tali mod li l-appellanti ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-forma ta’ ksur sabiex tevalwa l-gravità tiegħu.

24

Fir-rigward tar-raba’ lment tal-ewwel aggravju, li kien ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt dwar il-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni sabiex tidderoga mill-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner minħabba li dawn ma japplikawx meta n-network ikkonċernat isib l-oriġini storika tiegħu f’monopolju tal-Istat, il-Qorti Ġenerali ċaħditu fil-punti 153 u 154 tas-sentenza appellata, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti li toriġina minn monopolju legali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 102 TFUE.

25

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti sostniet, b’mod partikolari, li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew miksura peress li hija ma nstemgħetx mill-Kummissjoni fir-rigward tal-metodoloġija, tal-prinċipji u tad-data użata minn din l-istituzzjoni sabiex tikkalkola l-“ispejjeż medji inkrementali fit-tul” tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem is-“SMIFT”), intiżi sabiex jiġi stabbilit sa fejn hija wettqet kompressjoni tal-marġni tagħha. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv billi kkunsidrat b’mod partikolari, fil-punti 186 sa 192 u 209 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet debitament ikkomunikat lill-appellanti l-metodu tagħha u l-prinċipji ta’ kalkolu tagħha u li hija ma kinitx obbligata tiżvela l-kalkoli finali tagħha tal-marġni qabel ma indirizzatilha d-deċiżjoni kontenzjuża.

26

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx ikkonstatat b’mod korrett il-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aġġustamenti tagħha ta’ ottimizzazzjoni fil-kalkolu tas-SMIFT. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv fil-punti 223 sa 239 tas-sentenza appellata billi indikat, essenzjalment, li ċ-ċaħda tal-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni proposti mill-appellanti kienet iġġustifikata, sa fejn it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom kien iwassal, waqt il-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni, sabiex jeskludi indebitament l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti stess matul il-perijodu tal-ksur.

It-talbiet tal-partijiet

27

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza appellata;

tannulla, kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas iktar l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

28

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

29

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti ssostni tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-klassifikazzjoni, minnha, ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, tar-restrizzjonijiet imposti mill-appellanti għall-aċċess għan-network tal-linja lokali tagħha. It-tieni aggravju huwa bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha waqt l-evalwazzjoni ta’ kompressjoni tal-marġni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni.

30

Barra minn hekk, l-appellanti titlob li tkun tista’ tibbenefika mill-ilqugħ tal-motivi mqajma minn DT fil-Kawża konnessa C‑152/19 P, dwar l-appell ippreżentat minn DT mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), li permezz tagħha DT tikkontesta li hija kienet tifforma l-istess impriża mar-rikorrenti.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

31

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li jinkludi ħames partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li, sabiex turi li hija abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, billi llimitat l-aċċess għan-network tal-linja lokali tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprova li l-imsemmi aċċess kien indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, fis-sens tas-sentenza Bronner, peress li hija kienet diġà marbuta b’obbligu regolamentari li tagħti aċċess għan-network tal-linja lokali tagħha.

32

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li, billi ddeċidiet, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner ma kinux japplikaw f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat milli tieħu inkunsiderazzjoni d-differenza bejn l-istħarriġ ex post imwettaq skont l-Artikolu 102 TFUE, intiż sabiex itemm aġir abbużiv, u dak imwettaq ex ante minn awtorità regolatorja fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, intiż sabiex jippromwovi forom speċifiċi ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, is-swieq inkwistjoni ma humiex identiċi. L-obbligu regolamentari ta’ aċċess jirrigwarda n-natura indispensabbli tal-aċċess għas-suq bl-ingrossa tal-aċċess għan-network lokali diżassoċjat, filwaqt li l-abbuż ikkonstatat mill-Kummissjoni jirrigwarda suq bl-imnut ħafna ikbar minn dak tas-servizzi bbażati fuq il-linja lokali, li fil-kuntest tiegħu ma ġietx stabbilita n-natura indispensabbli tal-aċċess għall-imsemmija linja. Fl-aħħar nett, l-appellanti tallega li l-kunsiderazzjoni li l-ksur ta’ obbligu regolamentari jikkostitwixxi ex officio ksur tal-Artikolu 102 TFUE tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni li hija iktar stretta u li twassal għat-trattament iddifferenzjat ta’ impriża dominanti suġġetta għal kundizzjoni leġiżlattiva diġà eżistenti.

33

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li, fil-punti 126 u 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet b’mod żbaljat mis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza TeliaSonera, EU:C:2011:83), li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner ma kinux applikabbli f’dan il-każ. Skont l-appellanti, is-sentenza TeliaSonera ma kinitx tikkonċerna rifjut li jiġi konkluż kuntratt, bħal f’dan il-każ, iżda kompressjoni tal-marġni. Barra minn hekk, fil-punti 55 sa 58 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal mistoqsijiet li ma jqumux fil-kuntest ta’ din il-kawża.

34

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 138 u 139 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317), ma kinitx rilevanti. Skont l-appellanti, fl-ewwel lok, minn din l-aħħar sentenza ma jirriżultax li l-eżistenza ta’ ex monopolju tal-Istat jew ta’ obbligu regolamentari kellha effett fuq l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza. Fit-tieni lok, l-imsemmija sentenza hija bbażata fuq kundizzjoni leġiżlattiva ex ante, bħal f’dan il-każ. Fit-tielet lok, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, Clearstream kien għad għandha monopolju meta abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, filwaqt li s-sitwazzjoni monopolistika tal-appellanti kienet intemmet ħames snin qabel il-bidu tal-abbuż allegat. Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, ir-rifjut ta’ Clearstream u tal-appellanti huma simili.

35

Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, żball manifest jew nuqqas ta’ motivazzjoni meta kkunsidrat, fil-punti 133 u 134 tas-sentenza appellata, li rifjut impliċitu ma kienx neċessarjament inqas gravi minn rifjut effettiv u li evalwazzjoni fil-forma ta’ każ b’każ kienet meħtieġa. Skont l-appellanti, xejn ma jiġġustifika l-approċċ tal-Qorti Ġenerali li, sabiex jiġi kklassifikat bħala abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, ir-rifjut impliċitu inkwistjoni f’dan il-każ ma għandux jissodisfa l-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner, filwaqt li rifjut espliċitu jew kategoriku għandu jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. Tali approċċ iwassal sabiex aġir iktar serju jiġi ttrattat b’mod iktar favorevoli minn aġir inqas gravi.

36

Bil-ħames u l-aħħar parti tal-istess aggravju, l-appellanti targumenta li, fil-punti 153 u 154 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-fatt li hija kellha ex monopolju preċedenti tal-Istat seta’ jiġġustifika in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bronner. Skont l-appellanti, dan l-approċċ ma huwiex kompatibbli mat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172), imur kontra l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet fil-mument tal-abbuż allegat, jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ nondiskriminazzjoni u ma jiħux inkunsiderazzjoni l-investimenti li hija għamlet fin-network tagħha.

37

Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li l-kriterji tas-sentenza Bronner ma kinux japplikaw f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kien differenti minn dak inkwistjoni f’din il-kawża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika, b’mod partikolari, il-punti 113 sa 122 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn ma kinitx il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi n-natura indispensabbli tal-aċċess tal-operaturi alternattivi għan-network tal-linja lokali tal-appellanti sabiex tkun tista’ tikklassifika bħala “abbużivi” il-prattiki tagħha, li din l-istituzzjoni qieset bħala li jikkostitwixxu rifjut impliċitu ta’ provvista fil-premessa 365 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tikkonsisti, fl-ewwel lok, f’dissimulazzjoni lill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni marbuta man-network tagħha neċessarja għad-diżassoċjazzjoni tal-linja lokali, fit-tieni lok, fi tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi marbuta mad-diżassoċjazzjoni naxxenti mill-kuntest regolatorju applikabbli, u, fit-tielet lok, fl-istabbiliment ta’ diversi klawżoli u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam tad-diżassoċjazzjoni (iktar ’il quddiem il-“prattiċi kontenzjużi”).

39

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li, peress li l-qafas regolamentari applikabbli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet kien jirrikonoxxi b’mod ċar in-neċessità ta’ aċċess għal-linja lokali tal-appellanti, sabiex jippermetti t-tnissil u l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq Slovakk tas-servizzi tal-internet b’veloċità għolja, il-prova mill-Kummissjoni, li tali aċċess kien ta’ natura indispensabbli fis-sens tal-aħħar kundizzjoni stabbilita fil-punt 41 tas-sentenza Bronner, ma kinitx meħtieġa. Hija żiedet, essenzjalment, fil-punti 123 sa 127 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza Bronner, u b’mod iktar partikolari dik dwar in-natura indispensabbli ta’ servizz jew ta’ infrastruttura miżmuma mill-impriża dominanti, ma japplikawx għal aġir differenti minn rifjut ta’ aċċess, bħall-prattiki kontenzjużi.

40

Sabiex jiġi evalwat jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi kif tallega l-appellanti, għandu jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, sa fejn il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat, il-fatt li impriża waħda jew iktar tuża b’mod abbużiv pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Għaldaqstant, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 153 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, għandu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ servizzi tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 148 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

L-eżami tan-natura abbużiva ta’ prattika ta’ impriża dominanti skont l‑Artikolu 102 TFUE għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi TeliaSonera, punt 68; tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark, C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 68, kif ukoll tad‑19 ta’ April 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C‑525/16, EU:C:2018:270, punti 2728).

43

Kif jirriżulta mill-punt 37 tas-sentenza Bronner, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-fatt, għall-proprjetarju tal-unika sistema ta’ holding fid-djar eżistenti fuq skala nazzjonali fit-territorju ta’ Stat Membru, li juża din is-sistema għad-distribuzzjoni ta’ kuljum tiegħu, li jirrifjuta l-aċċess għall-editur kompetitur jikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, minħabba li dan ir-rifjut iċaħħad lill-imsemmi kompetitur minn metodu ta’ distribuzzjoni meqjus essenzjali għall-bejgħ tiegħu.

44

B’risposta għal dik id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 41 ta’ dik is-sentenza li kien jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti mhux biss dment li r-rifjut tas-servizz ifformat mill-kunsinna fid-djar kien tali li jelimina kull kompetizzjoni fuq is-suq tal-gazzetti ta’ kuljum min-naħa ta’ min jitlob is-servizz u ma setax jiġi oġġettivament iġġustifikat, imma wkoll li s-servizz kien fih innifsu indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ dan tal-aħħar, fis-sens li ma kien jeżisti l-ebda sostitut reali jew potenzjali għall-imsemmija sistema ta’ kunsinna fid-djar.

45

L-impożizzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża li kienu jikkonsistu f’rifjut minn impriża dominanti li tagħti aċċess lil kompetitur għal infrastruttura li hija kienet żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kull aġir ieħor.

46

F’dan ir-rigward, kif indika, essenzjalment, ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 68, 73 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konstatazzjoni li impriża dominanti abbużat mill-pożizzjoni tagħha minħabba rifjut li tikkuntratta ma’ kompetitur għandha l-konsegwenza li din l-impriża hija sfurzata li tikkuntratta ma’ dan il-kompetitur. Issa, tali obbligu huwa partikolarment ta’ preġudizzju għal-libertà li jiġi konkluż kuntratt u għad-dritt ta’ proprjetà tal-impriża dominanti peress li impriża tal-istess dominanti, bħala prinċipju, tibqa’ libera li tirrifjuta li tikkuntratta u li topera l-infrastruttura li hija żviluppat għall-bżonnijiet tagħha stess. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Volvo, 238/87, EU:C:1988:477, punt 8).

47

Barra minn hekk, għalkemm, għal żmien qasir, il-kundanna ta’ impriża talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha minħabba rifjut li tikkuntratta ma’ kompetitur għandha l-konsegwenza li tiffavorixxi l-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, fuq medda twila ta’ żmien, ġeneralment tiffavorixxi l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u fl-interess tal-konsumaturi li kumpannija tkun tista’ tirriżerva għall-użu tagħha l-installazzjonijiet li hija żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha. Fil-fatt, jekk aċċess għal faċilità ta’ produzzjoni, xiri jew distribuzzjoni kellu jitħalla jkun faċli ħafna ma jkun hemm ebda inċentiv għal kompetitur li jiżviluppa faċilitajiet kompetittivi. Barra minn hekk, impriża dominanti tkun inqas fil-pront li tinvesti f’installazzjonijiet effikaċi jekk hija tkun tista’ ssib ruħha kostretta, fuq sempliċi talba tal-kompetituri tagħha, li taqsam magħhom il-profitti li jirriżultaw mill-investimenti tagħha stess.

48

Konsegwentement, meta impriża dominanti tirrifjuta li tagħti aċċess għal infrastruttura li hija żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess, id-deċiżjoni li tobbliga lil din l-impriża tagħti dan l-aċċess tista’ tiġi ġġustifikata biss, fuq il-livell tal-politika tal-kompetizzjoni, meta l-impriża dominanti jkollha żżomm realment fis-suq ikkonċernat.

49

L-applikazzjoni, għal każ partikolari, tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner, imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari dik dwar in-natura indispensabbli tal-aċċess għall-infrastruttura tal-impriża dominanti, tippermetti lill-awtorità jew lill-qorti nazzjonali kompetenti li tiddetermina jekk din l-impriża għandhiex tali żamma permezz ta’ din l-infrastruttura. Għalhekk, tali impriża tista’ tkun obbligata tagħti aċċess lil kompetitur għal infrastruttura li hija tkun żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha biss meta tali aċċess ikun indispensabbli għall-attività ta’ tali kompetitur, jiġifieri fl-assenza ta’ sostitut reali jew potenzjali għal din l-infrastruttura.

50

Min-naħa l-oħra, meta impriża dominanti tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha iżda tissuġġetta dan l-aċċess jew il-provvista ta’ servizzi jew il-bejgħ ta’ prodotti għal kundizzjonijiet inġusti, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza Bronner ma japplikawx. Ċertament, meta l-aċċess għal tali infrastruttura, jew saħansitra għal servizz jew għal input, huwa indispensabbli sabiex il-kompetituri tal-impriża dominanti jkunu jistgħu joperaw b’mod profittabbli f’suq downstream, ikun iktar u iktar probabbli li prattiki inġusti f’dan is-suq ikollhom effetti antikompetittivi tal-inqas potenzjali u jikkostitwixxu abbuż, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 234, kif ukoll TeliaSonera, punti 70 u 71). Madankollu, fir-rigward ta’ prattiki oħra minbarra rifjut ta’ aċċess, l-assenza ta’ tali natura indispensabbli ma hijiex determinanti fiha nnifisha għall-finijiet tal-eżami ta’ aġir potenzjalment abbużiv min-naħa ta’ impriża dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera, punt 72).

51

Fil-fatt, minkejja li tali aġir jista’ jikkostitwixxi forma ta’ abbuż meta dan jista’ joħloq effetti antikompetittivi għall-inqas potenzjali, jew saħansitra effetti ta’ esklużjoni, fuq is-swieq ikkonċernati, dan ma jistax jiġi assimilat ma’ rifjut pur u sempliċi li jippermetti lil kompetitur li jaċċedi għal infrastruttura meta l-awtorità tal-kompetizzjoni jew il-qorti nazzjonali kompetenti ma jkollhiex għalfejn iġġiegħel lill-impriża dominanti tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha, peress li dan l-aċċess diġà ngħata. Il-miżuri li ser jittieħdu f’tali kuntest huma, għaldaqstant, inqas ta’ preġudizzju għal-libertà li tiġi kkuntrattata mill-impriża dominanti u għad-dritt ta’ proprjetà tagħha milli l-fatt li tobbligaha tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha meta hija tirriżervaha għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess.

52

F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 75 u 96 tas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062), li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza Bronner, u b’mod partikolari dik dwar in-natura indispensabbli tal-aċċess, ma japplikawx fil-każ ta’ abbuż li tikkostitwixxi l-kompressjoni tal-marġni ta’ operaturi kompetituri f’suq downstream.

53

Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza TeliaSonera, essenzjalment, li ma jistax jiġi rikjest li l-eżami tan-natura abbużiva ta’ kull tip ta’ aġir ta’ impriża dominanti fir-rigward tal-kompetituri tagħha jsir sistematikament fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner, li kienet tirrigwarda rifjut ta’ provvista ta’ servizz. Huwa, għalhekk, ġustament li, fil-punti 125 sa 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fil-punt 58 tas-sentenza TeliaSonera, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx biss għall-forma partikolari ta’ abbuż li tikkostitwixxi l-kompressjoni tal-marġni ta’ operaturi kompetituri f’suq downstream meta evalwat il-prattiki li għalihom il-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner ma kinux japplikaw.

54

F’din il-kawża, is-sitwazzjoni tal-appellanti kienet ikkaratterizzata b’mod partikolari mill-fatt, imfakkar fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li hija kienet suġġetta għal obbligu regolamentari fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, li abbażi tiegħu hija kienet obbligata tagħti aċċess għan-network tal-linja lokali tagħha. Fil-fatt, wara d-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2005 tat-TUSR, ikkonfermata mid-Direttur ta’ din l-istess awtorità fl-14 ta’ Ġunju 2005, l-appellanti kienet obbligata li taċċedi fil-kwalità tagħha ta’ operatur b’saħħtu għat-talbiet kollha għal aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħha kkunsidrati bħala raġonevoli u ġġustifikati, li joriġinaw minn operaturi alternattivi sabiex ikunu jistgħu, fuq din il-bażi, joffru s-servizzi tagħhom stess fis-suq bl-imnut tal-massa tas-servizzi tal-internet b’veloċità għolja f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja.

55

Tali obbligu jissodisfa l-għanijiet ta’ żvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Kif jippreċiżaw il-premessi 3, 6 u 7 tar-Regolament Nru 2887/2000, l-impożizzjoni ta’ tali obbligu ta’ aċċess hija ġġustifikata mill-fatt li, minn naħa, peress li l-operaturi b’saħħithom setgħu, matul perijodi relattivament twal, jużaw in-networks ta’ aċċess lokali tagħhom billi jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet esklużivi u li huma setgħu jiffinanzjaw l-ispejjeż ta’ investiment tagħhom permezz ta’ dħul ta’ monopolju, ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi l-ġodda li jirriproduċu l-infrastruttura ta’ aċċess lokali, u, min-naħa l-oħra, l-infrastrutturi l-oħra ma jikkostitwixxux sostitut ekonomikament vijabbli għall-operaturi ġodda li jissostitwixxu l-infrastruttura ta’ aċċess lokali. L-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali huwa għalhekk ta’ natura li jippermetti lill-operaturi li jidħlu fis-suq li jikkompetu mal-operaturi b’saħħithom. Minn dan isegwi li, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 119 tas-sentenza appellata, l-obbligu ta’ aċċess impost f’dan il-każ mit-TUSR kien jirriżulta mir-rieda li l-appellanti kif ukoll il-kompetituri tagħha jiġu inkoraġġuti jinvestu u jinnovaw, filwaqt li jiġi żgurat li l-kompetizzjoni fis-suq tiġi ppreżervata.

56

Dan l-obbligu leġiżlattiv kien japplika għall-appellanti matul il-perijodu kollu tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri mit‑12 ta’ Awwissu 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2010. Fil-fatt, minbarra l-fatt li, skont l-Artikolu 8(5)(f) tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, l-awtoritajiet regolatorji fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet jistgħu jimponu tali obbligu ta’ aċċess biss meta ma jkunx hemm kompetizzjoni effettiva u sostenibbli u jkunu obbligati jissospenduha jew iħassruha malli din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta, l-appellanti la allegat u lanqas ma wriet li hija kienet suġġetta għal dan l-obbligu matul il-perijodu tal-ksur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mmotivat il-bażi tal-eżistenza ta’ tali obbligu ta’ aċċess fit-Taqsima 5.1 tad-deċiżjoni kontenzjuża u indikat, fil-punt 377 tagħha, li hija kienet wettqet l-analiżi tagħha ex post tas-swieq inkwistjoni, sabiex tikkonkludi li s-sitwazzjoni f’dawn is-swieq ma kinitx inbidlet b’mod sinjifikattiv f’dan ir-rigward matul il-perijodu tal-ksur.

57

B’mod analogu għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat fil-punt 224 tas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603), imsemmija fil-punt 117 tas-sentenza appellata, għandu jitqies li obbligu regolamentari jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi evalwat aġir abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, min-naħa ta’ impriża dominanti suġġetta għal regoli settorjali. F’dan il-kuntest tal-kawża odjerna, għalkemm l-obbligu ta’ aċċess għan-network lokali impost fuq l-appellanti ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni mir-rekwiżit li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ġurisprudenza applikabbli, l-impożizzjoni ta’ dan l-obbligu għandha l-konsegwenza li, matul il-perijodu kollu tal-ksur ikkonstatat f’dan il-każ, l-appellanti ma setgħetx u ma rrifjutatx verament li tagħti aċċess għan-network tal-linja lokali tagħha.

58

Madankollu, matul l-imsemmi perijodu, l-appellanti żammet awtonomija deċiżjonali, minkejja l-obbligu regolamentari msemmi iktar ’il fuq, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ tali aċċess. Fil-fatt, minbarra ċerti prinċipji gwida, il-kontenut obbligatorju tal-offerta ta’ riferiment fil-qasam tal-aċċess mhux marbut mal-linja lokali, imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2887/2000, ma kienx preskritt mill-qafas regolatorju jew mid-deċiżjonijiet tat-TUSR. Huwa b’applikazzjoni ta’ din l-awtonomija deċiżjonali li l-appellanti adottat il-prattiki kontenzjużi.

59

Madankollu, peress li l-prattiki kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu rifjut ta’ aċċess għal-linja lokali tal-appellanti, iżda kienu jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ tali aċċess, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 45 sa 51 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza Bronner, imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ma japplikawx f’dan il-każ.

60

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi n-natura “indispensabbli”, fis-sens tal-aħħar kundizzjoni stabbilita fil-punt 41 tas-sentenza Bronner, sabiex tikkonstata abbuż ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa tal-appellanti minħabba l-prattiki kontenzjużi.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq premessa li hija żbaljata fid-dritt, għandu, għalhekk, jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

62

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta naqset milli tikkonstata ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, minħabba li l-metodoloġija, il-prinċipji u d-data użata mill-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż sostnuti intiżi sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni kienu bbażati fuq id-data dwar l-ispejjeż storiċi li joriġinaw minn sistema interna ta’ dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-appellanti, jiġifieri d-data msejħa “účelové členenie nákladov” (“klassifikazzjoni tal-ispejjeż speċifiċi”, iktar ’il quddiem id-“data UCN”), filwaqt li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, kienu bbażati fuq SMIFT, filwaqt li l-Kummissjoni ma ppermettietx lill-appellanti li tieħu pożizzjoni utli dwar dan is-suġġett.

63

Barra minn hekk, l-appellanti tallega li l-Kummissjoni wettqet inverżjoni tal-oneru tal-prova, sa fejn din l-istituzzjoni talbitha tesponi l-prinċipji tagħha, il-metodoloġija tagħha u d-data tagħha dwar id-determinazzjoni tas-SMIFT, filwaqt li hija stess baqgħet ma pprovdietx mill-ewwel il-prinċipji, il-metodoloġija u d-data tagħha stess. Il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex qabelxejn il-mudell tal-ispejjeż tagħha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni kellu jiġi rrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali bħala li jikkostitwixxi inverżjoni illegali tal-oneru tal-prova. F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 186 u 189 tas-sentenza appellata, li jgħidu li, minn naħa, l-appellanti kellha l-okkażjoni li tirrispondi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bbażat ruħha, f’dan id-dokument, fuq is-SMIFT, huma rispettivament irrilevanti u żbaljati, peress li, fid-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma kienx hemm data dwar is-SMIFT.

64

Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 189 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kienet stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ebda lment ġdid dwar il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Il-fatt li, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-ewwel lok, li kompetitur daqstant effikaċi daqs l-appellanti kien juri marġni negattivi, u, fit-tieni lok, li l-konklużjoni dwar il-marġni negattivi baqgħet valida jekk ċerti servizzi oħra ttieħdu inkunsiderazzjoni fid-dħul u wkoll il-fatt li l-perijodu tal-ksur ikkunsidrat fid-deċiżjoni kontenzjuża kien iqsar minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti kinux ġew miksura minħabba li l-metodoloġija, il-prinċipji u d-data meħuda inkunsiderazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinux jikkorrispondu għal dawk ikkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

65

Barra minn hekk, l-appellanti tikkritika l-punt 190 tas-sentenza appellata minħabba li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż tan-network, il-metodoloġija u l-prinċipji kkunsidrati mill-Kummissjoni huma sostanzjalment differenti fl-istadji rispettivi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kontenzjuża. L-appellanti tikkunsidra wkoll li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 192 tas-sentenza appellata, li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew irrispettati peress li l-Kummissjoni kienet irrispondiet għall-argumenti tagħha. Il-komunikazzjoni mill-appellanti ta’ riżultati li jirriżultaw minn xogħlijiet ġodda mwettqa fuq is-SMIFT fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fid-dokumenti ppreżentati matul is-sena 2013 hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti, peress li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma esponietx l-elementi kollha tal-prinċipji tagħha, il-metodoloġija tagħha u tad-data tagħha dwar il-kalkolu tas-SMIFT.

66

Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi u żnaturament tal-fatti kif ukoll tal-provi fil-punt 209 tas-sentenza appellata billi injorat ir-rilevanza tal-“laqgħa tal-bilanċ” tas-16 ta’ Settembru 2014, li għaliha jirreferi dan il-punt. L-iżvelar għall-ewwel darba, waqt din il-laqgħa, tal-kalkoli preliminari tagħha tas-SMIFT, huwa rikonoxximent, mill-Kummissjoni, tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tagħha preċedentement u tal-obbligu tagħha li tikkomunikahom. Dan l-iżvelar f’dak l-istadju tal-proċedura juri wkoll li din l-istituzzjoni kienet deċiża li tadotta deċiżjoni ta’ projbizzjoni, b’tali mod li l-appellanti ma setgħetx tinstema’ b’mod korrett f’dan l-istadju.

67

Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud, peress li, minn naħa, ma ntweriex li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li ħadet inkunsiderazzjoni u, min-naħa l-oħra, li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti ġew irrispettati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-kliem tal-Artikolu 256 TFUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li tikkunsidra insostenn ta’ dawn il-fatti. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ dritt imressqa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan il-każ, l-appellanti ma tallegax li l-fatti segwenti, deskritti fil-punti 177 u 185 sa 187 tas-sentenza appellata, kienu s-suġġett ta’ żnaturament min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

70

Matul l-investigazzjoni li saret qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni talbet lill-appellanti tikkomunikalha d-data neċessarja għall-kalkolu tal-ispejjeż relattivi għall-inputs addizzjonali neċessarji sabiex is-servizzi bl-ingrossa jinbidlu f’servizzi bl-imnut. Bħala risposta, l-appellanti bagħtet lill-Kummissjoni tabelli li jinkludu kalkoli tal-ispejjeż li jirrigwardaw is-snin 2003 sa 2010 u bbażati fuq id-data UCN. L-ispejjeż li jinsabu f’dawn it-tabelli kienu għalhekk ġew ikkalkolati abbażi ta’ spejjeż storiċi kompletament repartiti u kienu differenti mis-SMIFT. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, talbet lill-appellanti tipprovdi d-data ta’ profittabbiltà għas-servizzi tal-internet b’veloċità għolja, ikkalkolati mill-ġdid bl-użu tal-metodoloġija tas-SMIFT. Peress li l-appellanti wieġbet li għal dak li jirrigwarda s-servizzi tal-internet b’veloċità għolja, hija ma tikkalkolax iċ-ċifri tal-profittabbiltà skont il-metodoloġija tas-SMIFT, il-Kummissjoni użat, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-data UCN li hija kellha, sabiex tevalwa l-kompressjoni tal-marġni li kienet ikkontestata mill-appellanti. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li, fl-assenza ta’ data dwar is-SMIFT, id-data UCN kienet tikkostitwixxi l-aħjar sors disponibbli sabiex titwettaq din l-evalwazzjoni. Abbażi ta’ din id-data, hija kkonkludiet, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kompetitur effikaċi daqs l-appellanti u li għandu aċċess għal-linja lokali tiegħu kien ikollu marġni negattivi sinjifikattivi li kieku pprova jirriproduċi l-portafoll bl-imnut tal-appellanti matul is-snin 2005 sa 2010. Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-appellanti ppreżentat data ġdida sabiex tevalwa l-ispejjeż għall-perijodu bejn is-sena 2005 u s-sena 2010. Din id-data kienet ibbażata fuq id-data tas-sena 2011. L-appellanti, b’mod partikolari, sostniet f’din ir-risposta li, waqt il-kalkolu tas-SMIFT, kien meħtieġ, minn naħa, li ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi tagħha u, min-naħa l-oħra, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ineffiċjenzi tan-network tagħha għall-provvista ta’ internet b’veloċità għolja billi jsiru aġġustamenti msejħa ta’ “ottimizzazzjoni”, jiġifieri, fl-ewwel lok, is-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti moderni tagħhom, iktar effikaċi u irħas, fit-tieni lok, iż-żamma, sa fejn huwa possibbli, tal-koerenza teknoloġika u fit-tielet lok, it-tnaqqis tal-attivi abbażi tal-kapaċità attwali b’oppożizzjoni għall-kapaċità installata (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni”). Fid-deċiżjoni kontenzjuża tagħha, il-Kummissjoni aċċettat li tinkludi b’mod partikolari l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi tal-appellanti fl-analiżi tagħha tal-kompressjoni tal-marġni, iżda ċaħdet l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni. Huwa b’dan il-mod li l-Kummissjoni waslet għal riżultati differenti fid-deċiżjoni kontenzjuża u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-importanza tal-kompressjoni tal-marġni tagħha mill-appellanti.

71

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-fatti, li l-iżnaturament tagħhom ma huwiex allegat, li għandu jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx l-iżbalji ta’ liġi invokati mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha.

– Fuq l-inverżjoni tal-oneru tal-prova

72

Fir-rigward tal-ilment li l-Qorti Ġenerali wettqet b’mod żbaljat inverżjoni tal-oneru tal-prova mill-Kummissjoni, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-awtorità li tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għandha tipproduċi l-prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Sabiex tistabbilixxi abbuż konsistenti f’kompressjoni tal-marġni, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari turi li d-differenza bejn il-prezz bl-ingrossa tas-servizzi kkonċernati u dawk bl-imnut għal servizzi pprovduti downstream lill-klijenti finali kienet negattiva, jiġifieri insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-imsemmija provvisti ta’ servizzi kkonċernati li l-kumpannija f’pożizzjoni dominanti għandha ssostni għall-provvista tas-servizzi bl-imnut lill-klijenti finali, b’tali mod li din id-differenza ma tippermettix lil kompetitur li huwa effiċjenti daqs din l-impriża sabiex jidħol f’kompetizzjoni magħha għall-provvista tal-imsemmija servizzi lill-klijenti finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera, punt 32).

74

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn impriża dominanti, għandu, bħala prinċipju, isir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha (sentenza TeliaSonera, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, kif miġbura fil-qosor fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li din tal-aħħar ikkonfermat inverżjoni tal-oneru tal-prova fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li l-Kummissjoni ma kinitx esponiet, mill-bidu, il-metodoloġija tagħha u d-data tagħha dwar il-kalkolu tas-SMIFT.

76

Fil-fatt, mill-imsemmija fatti jirriżulta li, sa mill-bidu tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni indikat lill-appellanti li hija kienet ser tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni fuq il-metodoloġija tas-SMIFT. B’hekk, wara l-komunikazzjoni tad-data UCN mill-appellanti, qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni talbitha tipprovdilha d-data ta’ profittabbiltà għas-servizzi tal-internet b’veloċità għolja, ikkalkolati mill-ġdid bl-użu tal-metodoloġija tas-SMIFT. Issa, mill-premessa 870 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li għaliha jirreferi l-punt 185 tas-sentenza appellata, jirriżulta li, bi tweġiba għal din it-talba, l-appellanti indikat li hija kienet tapplika s-SMIFT għall-kalkolu tat-tariffi għas-servizzi ta’ interkonnessjoni u li hija kienet, darba biss, matul is-sena 2005, wettqet il-kalkoli tas-SMIFT għas-servizzi tal-internet b’veloċità għolja. Barra minn hekk, mingħajr ma ġie allegat żnaturament f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 189 tas-sentenza appellata, li mill-punti 996 sa 1002 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni kienet esponiet il-prinċipji gwida għall-kalkolu tal-ispejjeż abbażi tas-SMIFT. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet esponiet il-metodoloġija tagħha għad-determinazzjoni tal-ispejjeż sa mill-bidu tal-proċedura amministrattiva u li l-appellanti kienet taf bihom.

77

Fir-rigward tal-informazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 73 ta’ din is-sentenza, li sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, bħala prinċipju, fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti. Konsegwentement, il-fatt li l-Kummissjoni talbet lill-appellanti tipprovdilha informazzjoni dwar l-ispejjeż tagħha ma jikkostitwixxix inverżjoni tal-oneru tal-prova. Bl-istess mod, ma jikkostitwixxix tali inverżjoni, il-fatt li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni data maħduma mill-ġdid, ipprovduta mill-appellanti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

78

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika l-metodoloġija tagħha bbażata fuq is-SMIFT fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fin-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata, ma huwiex ekwivalenti għal nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li telabora l-metodoloġija tagħha stess intiża sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ prova impost fuqha.

79

Għaldaqstant, l-ilment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma rrikonoxxietx inverżjoni illegali tal-oneru tal-prova li kellha l-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

– Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

80

Fir-rigward tal-ilment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fin-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, għandu jitfakkar li d-drittijiet tad-difiża huma drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u japplika meta l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li kull destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkonstata li wettaq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jingħata l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li jesponi utilment il-perspettiva tiegħu dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jkunu attribwiti lilu kif ukoll dwar id-dokumenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 41, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2017, LG Electronics u Koninklijke Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, C‑588/15 P u C‑622/15 P, EU:C:2017:679, punt 43).

82

F’dan is-sens, kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 179 sa 183 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi li tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-partijiet. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dikjarazzjoni għandha tindika, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għaliex din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju u l-evalwazzjonijiet tal-punti ta’ fatt ta’ liġi magħmula fiha huma ta’ natura purament provviżorja (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-KummissjoniC‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Minn dan isegwi li peress li l-klassifikazzjoni legali tal-fatti ritenuti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont it-tifsira tagħha, tista’ tkun biss ta’ natura proviżorja, deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li l-konklużjonijiet definittivi dderivati minn dawn il-fatti ma jikkorrispondux b’mod preċiż ma’ din il-klassifikazzjoni provviżorja. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tisma’ lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom magħmulin bi tweġiba għall-ilmenti ikkunsidrati billi tibdel l-analiżi tagħha preċiżament sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tingħata l-possibbiltà li tippreċiża din il-klassifikazzjoni fid-deċiżjoni finali tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva, sabiex jew tabbanduna oġġezzjonijiet li jirriżultaw li huma infondati, jew sabiex tiżviluppa u tikkompleta kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija ssostni, madankollu bil-kundizzjoni li hija tirrileva biss fatti li dwarhom l-partijiet ikkonċernati kellhom il-possibbiltà li jispjegaw ruħhom u li tipprovdi, matul il-proċedura amministrattiva, l-elementi neċessarji għad-difiża tal-interessi tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punti 4344 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84

F’dan il-każ, l-appellanti tallega, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba l-fatt li, sabiex tevalwa sa fejn kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tagħha setgħet tiġi akkużata lill-appellanti, il-Kummissjoni bbażat ruħha, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż, fuq metodoloġija, prinċipji u data differenti, rispettivament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kontenzjuża.

85

F’dan ir-rigward, mill-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, kif miġbura fil-qosor fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni talbet lill-appellanti tipprovdilha data ta’ profittabbiltà kkalkolata mill-ġdid bl-użu tal-metodoloġija tas-SMIFT. Billi ma kisbitx din id-data, il-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, evalwat l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni abbażi tad-data UCN li hija kellha f’idejha f’dak il-mument partikolari. Kif jirriżulta mill-premessa 875 tad-deċiżjoni kontenzjuża li jsir riferiment għaliha fil-punt 185 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni qieset li din id-data kienet tikkostitwixxi indikatur suffiċjentement affidabbli għall-kalkolu tas-SMIFT. Sussegwentement, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-appellanti pprovdiet data ġdida u ppreċiżat li waqt il-kalkolu tas-SMIFT, kien meħtieġ, minn naħa, li tittieħed inkunsiderazzjoni evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi tagħha u, min-naħa l-oħra, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ineffiċjenzi tan-network tagħha għall-offerta tal-internet b’veloċità għolja. Fl-aħħar nett, ma huwiex ikkontestat li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija tas-SMIFT.

86

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, b’mod partikolari tal-fatt li l-appellanti ssottomettiet stimi ta’ SMIFT għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2005 u s-sena 2011 bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-proċedura amministrattiva, l-appellanti kienet kompletament konxja mill-fatt li l-Kummissjoni kienet qiegħda tipprova tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni abbażi ta’ metodoloġija u tal-prinċipji bbażati fuq is-SMIFT.

87

Barra minn hekk, miċ-ċirkustanzi fattwali li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, kif imqassra fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li hija setgħet ġustament tikkunsidra, fil-punti 189 u 190 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet applikat l-istess metodoloġija u l-istess prinċipji ta’ kalkolu tas-SMIFT fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-fatt li, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni qieset li d-data UCN tal-appellanti kienet tikkostitwixxi indikatur suffiċjentement affidabbli għall-istabbiliment tas-SMIFT ma jimplikax li l-Kummissjoni mmodifikat il-metodoloġija tagħha u l-prinċipji tagħha ta’ kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż.

88

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament tenfasizza, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, il-korrispondenza bejn it-tabelli riprodotti rispettivament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kontenzjuża sabiex issostni l-motiv li l-Kummissjoni użat l-istess metodoloġija waħda matul il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, fid-dawl tat-titoli tagħhom, dawn it-tabelli huma intiżi sabiex jiġbru data ekwivalenti.

89

Minn dan isegwi li l-appellanti tallega b’mod żbaljat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba li l-metodoloġija u l-prinċipji ta’ kalkolu tal-ispejjeż sabiex tiġi stabbilita kompressjoni fuq il-marġni kienu differenti fl-istadji rispettivi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, l-ilment tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tirrikonoxxi tali ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha huwa infondat.

90

Fit-tieni lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma rrikonoxxietx ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, fid-dawl tad-differenza bejn id-data dwar l-ispejjeż ikkunsidrati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kontenzjuża rispettivament.

91

F’dan ir-rigward, mill-punti 187, 190 u 192 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-differenzi bejn l-ispejjeż u l-marġni msemmija rispettivament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ċerti aġġustamenti proposti mill-appellanti nnifisha sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħha. Issa, kif jirriżulta mill-punt 83 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax biss li l-Kummissjoni tisma’ lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, li hija tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom intiżi sabiex iwieġbu għall-oġġezzjonijiet ikkunsidrati billi tibdel l-analiżi tagħha, preċiżament sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Għaldaqstant, f’dan il-każ, id-differenzi li ssemmi l-appellanti ma jistgħux juru ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

92

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni għamlet dawn l-aġġustamenti f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-marġni tal-appellanti mingħajr ma reġgħet semgħat lil din tal-aħħar ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, l-imsemmija aġġustamenti saru abbażi tad-data pprovduta mill-appellanti stess skont il-prinċipji u l-metodoloġija tas-SMIFT, kif kienet ħabbret il-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

93

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kritiki indirizzati kontra l-punt 209 tas-sentenza appellata dwar l-“laqgħa tal-bilanċ” dwar l-istat tal-fajl tas‑16 ta’ Settembru 2014, għandu jiġi kkonstatat li, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat fl-imsemmi punt li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiżvela l-kalkoli finali tagħha tal-marġni qabel ma tindirizza d-deċiżjoni kontenzjuża lill-appellanti. L-imsemmi prinċipju jimponi biss lill-Kummissjoni li tagħti lill-appellanti l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni utli fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li hija ser tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Issa, l-appellanti ma turix li d-data żvelata matul din il-laqgħa kienet ġejja minn punti ta’ fatt jew ta’ liġi li fuqhom hija ma setgħetx tieħu pożizzjoni matul il-proċedura amministrattiva li ppreċediet din il-laqgħa.

94

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kienet ġiet informata bl-elementi rilevanti kollha relatati mal-kalkolu tal-marġni mwettaq mill-Kummissjoni u ngħatat il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

95

Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, it-tieni aggravju mqajjem mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

Fuq l-ammissibbiltà

– L-argumenti tal-partijiet

96

Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-tielet aggravju tal-appellanti sa fejn, permezz tiegħu, hija ssostni li din l-istituzzjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni sostanzjali meta ma ġabritx data ta’ terz jew billi ma żviluppatx il-kalkolu tagħha stess tas-SMIFT għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju msejjaħ tal-“operatur daqstant effikaċi”, sa fejn dan l-ilment ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali.

97

L-appellanti tikkontesta din l-inammissibbiltà. Hija tqis li, fir-replika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija lmentat li l-Kummissjoni ma esponietx kompletament il-metodu, il-prinċipji u d-data ta’ kalkolu tas-SMIFT li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

98

Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jbiddilx l-għan tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti quddiem l-ewwel istanza.

99

Għaldaqstant, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Ramondín et vs Il-Kummissjoni, C‑186/02 P u C‑188/02 P, EU:C:2004:702, punt 60).

100

Għaldaqstant, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju u qabel kollox, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża kkonċernata fis-suq tas-servizzi bl-imnut. Huwa biss meta ma huwiex possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għal dawk il-prezzijiet u dawk l-ispejjeż, li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri fl-istess suq (sentenza TeliaSonera, punt 46).

101

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat it-talbiet tagħha għal aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, l-appellanti tallega b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ddeċidietx li, peress li l-istruttura tas-SMIFT tal-appellanti ma kinitx identifikabbli preċiżament għal raġunijiet oġġettivi, il-Kummissjoni kellha tiġbor id-data tal-kompetituri tagħha jew toħloq id-database koerenti tagħha bil-għan li telabora mudell ibbażat fuq is-SMIFT.

102

Madankollu, l-appellanti ma turix li ressqet tali lment quddiem il-Qorti Ġenerali. Meta, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kkritikat lill-Kummissjoni li ma esponietx, fl-intier tagħhom, il-metodu, il-prinċipji u d-data ta’ kalkolu tas-SMIFT li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni f’dan il-każ, l-appellanti allegat biss ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha. Hija ma sostnietx li kien żbaljat, għal dan il-għan, li tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż tagħha. Barra minn hekk, l-appellanti ma allegatx li, fil-punt 231 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet żnaturat l-argumenti tagħha. Issa, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat espressament li l-appellanti ma kinitx sostniet li f’dan il-każ kellhom jiġu eżaminati l-prezzijiet u l-ispejjeż tal-kompetituri tagħha, sa fejn, ma kienx possibbli li jsir riferiment għall-prezzijiet u għall-ispejjeż tagħha stess.

103

Għalhekk ma ġiex ipprovat li l-appellanti allegat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq id-data tagħha sabiex tistabbilixxi l-ispejjeż rilevanti jew li hija biss id-data tal-kompetituri tagħha jew tad-data kompletament mibnija li kienet tippermetti li jiġu stabbiliti l-imsemmija spejjeż.

104

Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-punt 98 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi miċħud bħala inammissibbli l-ilment imressaq mill-appellanti insostenn tat-tielet motiv tagħha, li permezz tiegħu hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni sostanzjali meta ma ġabritx data minn terzi jew billi ma żviluppatx il-kalkolu tagħha stess tas-SMIFT għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-“operatur daqstant effikaċi”.

Fuq il-mertu

– L-argumenti tal-partijiet

105

L-appellanti tikkunsidra li, fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva ta’ kompressjoni tal-marġni, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat fid-dritt il-kriterju msejjaħ tal-“operatur daqstant effikaċi” meta ċaħdet l-aġġustamenti tagħha ta’ ottimizzazzjoni.

106

Skont l-appellanti, għalkemm il-Kummissjoni aċċettat iċ-ċifri tagħha relatati mas-SMIFT fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-ġdid u tad-deprezzament tal-attivi, ma kienet teżisti ebda raġuni sabiex jiġu miċħuda l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, peress li dawn kienu wkoll ibbażati fuq l-ispejjeż maħluqa minn network mibni fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża. Din hija kwistjoni ta’ koerenza jew ta’ ugwaljanza fit-trattament.

107

Hija tqis li, fl-assenza ta’ mudell ta’ spejjeż stabbilit mill-Kummissjoni abbażi tas-SMIFT tagħha u minħabba l-fatt li s-SMIFT tagħha għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2005 u s-sena 2010 kienu bbażati fuq proporzjonijiet li jirriżultaw mill-analiżi tas-SMIFT tagħha dwar is-sena 2011, ebda raġuni valida ma kienet tiġġustifika ċ-ċaħda tal-aġġustamenti tagħha ta’ ottimizzazzjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, fil-punt 233 tas-sentenza appellata, li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni kienu jwasslu sabiex “jiġu esklużi” l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti matul il-perijodu tal-ksur, u lanqas tindika li dawn jimplikaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ network modern. Bl-istess mod, il-kunsiderazzjoni, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, li l-kwistjonijiet tal-evalwazzjoni mill-ġdid u tad-deprezzament tal-attivi, minn naħa, u tal-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, min-naħa l-oħra, kellhom “għan differenti” hija irrilevanti fl-assenza ta’ mudell stabbilit mill-Kummissjoni u ineżatt peress li dawn iż-żewġ kwistjonijiet jikkonċernaw il-kalkolu tas-SMIFT. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li, fir-rigward tal-aġġustamenti magħmula sabiex l-ispejjeż tal-attivi u tad-deprezzamenti jkunu bbażati fuq il-prinċipji tal-kontabbiltà fi spejjeż kurrenti (iktar ’il quddiem l-“aġġustamenti KSK”), il-Kummissjoni aċċettat il-prinċipju li jgħid li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni aġġornament tal-ispejjeż ta’ tagħmir u ta’ operazzjoni li l-kostruzzjoni ta’ network fil-mument meta jsiru l-kalkoli abbażi ta’ dawn l-ispejjeż, filwaqt li hija ċaħdet l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, madankollu bbażati fuq l-istess prinċipju. L-appellanti tikkontesta wkoll l-affermazzjoni, fil-punt 234 tas-sentenza appellata, li l-aġġustamenti tagħha ta’ ottimizzazzjoni kienu bbażati fuq “operatur perfettament effikaċi”, peress li huma bbażati fuq operatur daqstant effiċjenti li jibni network fl-2011 u fuq is-SMIFT tiegħu relatati mas-sena 2011 li kienu l-uniċi disponibbli. L-ispejjeż hekk miksuba jikkorrispondu għal dawk li l-appellanti tevita jekk hija ma tipproponix is-servizzi ikkonċernati tal-internet b’veloċità għolja.

108

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji ta’ liġi fil-punti 233 sa 235 tas-sentenza appellata peress li l-pożizzjoni tal-appellanti la tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-effetti ta’ kull tip ta’ aġġustamenti u lanqas ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni aċċettathom jew ċaħdithom.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109

Għandu jitfakkar li l-implimentazzjoni, minn impriża dominanti, ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-kompetituri tagħha effikaċi daqsha tikkostitwixxi abbuż, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, peress li hija ta’ natura li tipproduċi effetti ta’ esklużjoni għal dawn il-kompetituri billi tagħmel iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-aċċess għas-suq ikkonċernat minn dawn il-kompetituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera, punti 63 sa 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

110

Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn impriża dominanti, għandu, bħala prinċipju, isir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ prattika tariffarja li twassal għall-pressjoni tal-marġni tal-tal-kompetituri tagħha, l-użu ta’ tali kriterji ta’ analiżi jippermetti li jiġi vverifikat jekk l-impriża dominanti stess kinitx suffiċjentement effiċjenti sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha lill-klijenti finali ħlief b’telf li kieku hija kienet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 201, u TeliaSonera, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

111

F’dan il-każ, mill-punti 186, 187 u 217 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex tevalwa l-ispejjeż ta’ kompetitur effiċjenti tal-inqas daqs l-appellanti li toffri servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja permezz tan-network tagħha stess, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-assi li jikkostitwixxu dan in-network. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 70 ta’ din is-sentenza, billi ssuġġettat dawn l-ispejjeż lill-Kummissjoni, l-appellanti talbet lil din tal-aħħar, minn naħa, li tevalwa mill-ġdid l-attivi u, min-naħa l-oħra, li tieħu inkunsiderazzjoni l-ineffiċjenzi tan-network tagħha permezz ta’ aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni. Il-Kummissjoni aċċettat li tinkludi b’mod partikolari l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi tal-appellanti fl-analiżi tagħha tal-kompressjoni tal-marġni u li tnaqqas, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż fissi speċifiċi, l-ispejjeż assoċjati u komuni. Għall-kuntrarju, hija ċaħdet l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni.

112

Fil-punti 222 sa 239 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ġustament irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni. Il-Qorti Ġenerali mmotivat din id-deċiżjoni billi qieset b’mod partikolari, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, li dawn l-aġġustamenti kienu jikkonsistu fil-korrezzjoni tal-attivi fil-livell approssimattiv ta’ operatur effikaċi li bena network ottimali adatt sabiex jissodisfa domanda futura bbażata fuq l-informazzjoni “tal-lum” u l-previżjonijiet tad-domanda. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni kienu fondati fuq projezzjoni kif ukoll fuq mudell ta’ network ottimali u mhux fuq stima li tirrifletti l-ispejjeż inkrementali tal-attivi eżistenti tal-appellanti.

113

Minn dan kollu, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, b’mod ġenerali, u s-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti moderni tagħhom, b’mod partikolari, kellhom għan differenti mill-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi proposta mill-appellanti. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi eżistenti proposta mill-appellanti minħabba l-assenza ta’ data iktar affidabbli fuq is-SMIFT tagħha bl-ebda mod ma jimplika li l-Kummissjoni kienet, minħabba f’hekk, neċessarjament aċċettat l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, b’tali mod li din l-istituzzjoni kellha raġun tittratta b’mod differenti, minn naħa, is-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti iktar moderni tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi proposta mill-appellanti.

114

Barra minn hekk, fil-punti 227 sa 235 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni jwasslu għall-kalkolu tas-SMIFT mhux abbażi tal-attivi tar-rikorrenti, iżda abbażi ta’ dawk ta’ kompetitur ipotetiku. B’mod partikolari, fil-punt 232 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, minn naħa, li s-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti moderni tagħhom kienet intiża sabiex taġġusta l-ispejjeż tal-attivi billi jinżamm il-valur tal-attivi “attwali”, mingħajr madankollu ma twettaq aġġustamenti xierqa tad-deprezzamenti u, min-naħa l-oħra, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità eċċessiva tan-networks abbażi tal-kapaċità “attwalment” użata kien ikollu bħala riżultat li jeskludi l-assi tal-appellanti li ma humiex is-suġġett ta’ użu produttiv. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 233 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni kien iwassal sabiex jiġu esklużi l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti bejn it-12 ta’ Awwissu 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2010. Finalment, fil-punt 234 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju li l-eżami ta’ kompressjoni tal-marġni għandu jkun ibbażat fuq il-kriterju tal-“operatur daqstant effikaċi” meta hija rrilevat, essenzjalment, li kien inevitabbli li ċerti kapaċitajiet jibqgħu kultant mhux użati. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset li, li kieku l-Kummissjoni aċċettat l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni marbuta mal-kapaċitajiet eċċessivi tal-appellanti, il-kalkoli tas-SMIFT tal-appellanti kienu jirriflettu l-ispejjeż marbuta ma’ network ottimali korrispondenti għad-domanda u ma jkunux affettwati bl-ineffiċjenzi tan-network ta’ dan l-operatur.

115

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat dan il-kriterju tal-“operatur daqstant effikaċi” u kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta aċċettat iċ-ċaħda, mill-Kummissjoni, tal-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni. Insostenn ta’ dan l-ilment, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li dawn l-aġġustamenti kienu jirrigwardaw biss id-data dwar is-SMIFT eżistenti, jiġifieri d-data tagħha tas-sena 2011, li ntużat b’mod indikattiv għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2005 u s-sena 2011. Barra minn hekk, hija ssostni li l-imsemmija aġġustamenti kienu intiżi sabiex jirriflettu l-ispejjeż attwali ta’ tagħmir u tal-operat li jinvolvi network mibni fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża (“illum”), bl-istess mod bħall-aġġustamenti KSK li l-Kummissjoni kienet aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni.

116

Madankollu, il-fatt li s-SMIFT meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2005 u s-sena 2010 kienu ġew stmati abbażi tad-data tal-appellanti tas-sena 2011 u li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni kienu intiżi sabiex jaġġornaw l-ispejjeż ta’ tagħmir u tal-operat meta mqabbla ma’ network mibni fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma huwiex biżżejjed sabiex juri n-natura żbaljata fid-dritt tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 225 u 232 tas-sentenza appellata, li dawn l-aġġustamenti kienu jirriflettu biss l-ispejjeż eżistenti tagħhom b’mod li jirrifletti wkoll l-ispejjeż eżistenti permezz tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti u tas-sentenza appellata, li tgħid li dawn l-aġġustamenti ma jirriflettux iktar l-ispejjeż eżistenti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 226 u 233 tas-sentenza appellata, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni kellu għan differenti mill-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi u kien iwassal sabiex jitwarrbu l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti bejn it-12 ta’ Awwissu 2005 u t-31 ta’ Diċembru 2010.

117

Bl-istess mod, il-fatt li l-unika data meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola s-SMIFT kienet dik tal-appellanti dwar is-sena 2011 u li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni kienu intiżi sabiex jaġġornaw l-ispejjeż ta’ tagħmir u ta’ operat meta mqabbla ma’ network mibni fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, u lanqas żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, minħabba l-applikazzjoni li għamlet fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ tal-kriterju msejjaħ tal-“operatur daqstant effikaċi” billi qieset, fil-punt 234 tas-sentenza appellata, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni marbuta mal-kapaċitajiet eċċessivi kien jirrifletti l-ispejjeż marbuta ma’ network ottimali korrispondenti għad-domanda u li ma humiex milquta mill-ineffiċjenzi tan-network tal-appellanti.

118

Peress li ma ntweriex li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-fondatezza tal-esklużjoni mill-Kummissjoni tal-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni proposti mill-appellanti skont il-kriterju tal-“operatur daqstant effikaċi”, il-fatt li dawn l-aġġustamenti saru abbażi tal-istess data bħal dik li kienet is-suġġett ta’ aġġustamenti oħra meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni bħall-aġġustamenti KSK tal-appellanti huwa irrilevanti. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż u tal-aġġustamenti tagħhom għall-eżami ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-kompetituri tal-impriża dominanti għandu jiġi evalwat mhux fid-dawl tal-fatt li aġġustamenti oħra ta’ dawn l-ispejjeż diġà ġew aċċettati mill-Kummissjoni, iżda fid-dawl tal-kriterju ta’ kompetitur tal-inqas effikaċi daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti.

119

Fi kwalunkwe każ, applikazzjoni skorretta ta’ dan il-kriterju minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti aġġustamenti tal-ispejjeż ma tistax tiġġustifika, fiha nnifisha, il-fatt li aġġustamenti oħra wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni f’isem il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-istat tad-dritt, li jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jinvoka, għal benefiċċju tiegħu stess, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, Pappalardo et vs Il-Kummissjoni, C‑350/16 P, EU:C:2017:672, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

120

Konsegwentement, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, u lanqas żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, li l-Qorti Ġenerali approvat il-fondatezza, mill-Kummissjoni, tar-rifjut tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni.

121

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-talba li persuna tkun tista’ tibbenefika minn deċiżjoni favorevoli

122

L-appellanti titlob li tkun tista’ tibbenefika mill-eventwali akkoljenza tal-aggravju mqajjem minn DT insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑152/19 P kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), li permezz tagħha DT tikkritika din is-sentenza sa fejn iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li l-appellanti u hija stess kienu jifformaw parti minn impriża unika u li t-tnejn li huma kienu responsabbli għall-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn ta’ din it-talba, l-appellanti tallega li l-imsemmi aggravju għandu l-istess suġġett bħal dak tar-raba’ aggravju tagħha mqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali.

123

Il-Kummissjoni ssostni li tali talba għandha tiġi miċħuda, peress li dan ma huwiex aggravju, peress li r-responsabbiltà tal-appellanti ma toriġinax mill-aġir ta’ DT u li, fi kwalunkwe każ, l-appell ta’ DT fil-Kawża C‑152/19 P għandu jiġi miċħud.

124

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ sentenza tal-lum, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑152/19 P), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ta’ DT f’din il-kawża, b’tali mod li t-talba tal-appellanti hija ineffettiva, minħabba nuqqas ta’ suġġett.

125

Għalhekk, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

126

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

127

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

128

Peress li l-appellanti tilfu u l-Kummissjoni talbet li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Slovak Telekom a.s. għandha tbati kemm l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.