DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

10 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

“Appell – Disinn Komunitarju – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Talba li turi s-sinjifikat ta’ kwistjoni għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Ammissjoni tal-appell”

Fil-Kawża C‑382/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑23 ta’ Ġunju 2021,

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, D. Gája, E. Markakis u V. Ruzek, bħala aġenti,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR, stabbilita f’München (il-Ġermanja),

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli),

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. S. Rossi (Relatriċi) u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proposta tal-Imħallef Relatriċi u semgħet l-Avukata Ġenerali, T. Ćapeta,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ April 2021, The KaiKai Company Jaeger Wichmann vs EUIPO (Apparat u oġġetti għall-ġinnastika jew għall-isport) (T‑579/19, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:186), li permezz tagħha dik il-qorti annullat id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑13 ta’ Ġunju 2019 (Każ R 573/2019‑3), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ apparat u oġġetti għall-ġinnastika jew għall-isport bħala disinni Komunitarji li tinvoka d-dritt ta’ prijorità ta’ applikazzjoni internazzjonali għal privattiva ppreżentata skont it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi, konkluż f’Washington fid‑19 ta’ Ġunju 1970 u emendat l-aħħar fit‑3 ta’ Ottubru 2001 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1160, Nru 18336, p. 231).

Fuq it-talba għall-ammissjoni tal-appell

2

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżami tal-appelli li jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell indipendenti tal-EUIPO huwa suġġett għall-ammissjoni preliminari tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut, l-appell huwa ammess, kompletament jew parzjalment, skont ir-regoli ddettaljati li jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

4

Skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sitwazzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-imsemmi statut, l-appellant għandu jannetti mar-rikors tiegħu talba għall-ammissjoni tal-appell li fiha jesponi l-kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-appell u li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba.

5

Skont l-Artikolu 170b(1) u (3) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi t-talba għall-ammissjoni tal-appell fl-iqsar żmien possibbli permezz ta’ digriet motivat.

L‑argumenti tal‑appellant

6

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem aggravju wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

7

Dan l-aggravju huwa kompost minn tliet partijiet.

8

Permezz tal-ewwel waħda minn dawn il-partijiet, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 56, 57 u 64 sa 66 tas-sentenza appellata, qieset b’mod żbaljat li l-fatt li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jipprevedix li privattiva tista’ sservi bħala bażi għal invokazzjoni ta’ prijorità għal disinn Komunitarju sussegwenti jikkostitwixxi lakuna leġiżlattiva. Fir-realtà, skont l-appellant, dan il-fatt jirrifletti l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita l-invokazzjonijiet ta’ prijorità biss għad-disinni jew mudelli ta’ utilità preċedenti.

9

Fil-fatt, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li din tistabbilixxi kemm in-natura tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali li fuqhom tista’ tkun ibbażata invokazzjoni ta’ prijorità, jiġifieri disinn jew mudell ta’ utilità preċedenti, kif ukoll it-tul tat-terminu li fih tali prijorità tista’ tiġi invokata, jiġifieri sitt xhur mill-ġurnata tal-ewwel applikazzjoni. Il-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni ma tirreferix għall-applikazzjonijiet għal privattiva għandu neċessarjament jinftiehem bħala esklużjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Barra minn hekk, jekk applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”), tista’ tkun il-bażi għal dritt ta’ prijorità skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002, dan ikun possibbli biss sa fejn tali applikazzjoni tirrigwarda mudell ta’ utilità.

10

Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku, l-appellant isostni li, billi rrikonoxxiet dritt ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 75 sa 86 tas-sentenza appellata, sempliċement ma interpretatx l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 b’mod konformi mal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, peress li tali interpretazzjoni konformi ma tistax tiġi estiża sal-punt li tagħti terminu ta’ prijorità li ma huwiex previst minn dispożizzjoni ċara u inkundizzjonata tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali injorat fir-realtà, fl-imsemmija punti, l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 41 sabiex issostitwixxietu b’dan l-Artikolu 4. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tat lil din id-dispożizzjoni tal-aħħar effett dirett. Issa, minn naħa, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-applikabbiltà diretta tad-dritt internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni, skont b’mod partikolari is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 45), li teżiġi li d-dispożizzjoni inkwistjoni tkun ċara, preċiża u inkundizzjonata, u, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent ta’ tali effett dirett ta’ dan l-Artikolu 4 imur kontra l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u l-ġurisprudenza tas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI (C‑238/06 P, EU:C:2007:635, punti 37 sa 44), li jipprovdu, essenzjalment, li l-imsemmi Artikolu 4 ma jipproduċix effetti diretti.

11

Permezz tat-tielet parti tal-aggravju uniku, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ssostitwixxiet l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 bl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, b’interpretazzjoni żbaljata ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 77 sa 84 tas-sentenza appellata, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma tistabbilixxi ebda regola ġenerali li tgħid li n-natura tad-dritt preċedenti tiddetermina t-terminu tad-dritt ta’ prijorità marbut miegħu. Ir-regola ġenerali tipprevedi pjuttost li l-applikazzjoni preċedenti li fuqha huwa bbażat id-dritt ta’ prijorità għandu jkollha l-istess suġġett bħall-applikazzjoni sussegwenti. Huwa biss bħala eċċezzjoni li l-Artikolu 4, Taqsima E, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprovdi li applikazzjoni li għandha bħala suġġett mudell ta’ utilità tista’ tkun il-bażi ta’ dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn, li għandha, għaldaqstant, suġġett differenti minn dak tal-applikazzjoni preċedenti. Għalhekk, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li t-terminu applikabbli għall-invokazzjoni tal-prijorità ta’ applikazzjoni għal privattiva għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn huwa ta’ tnax-il xahar, hija nieqsa minn bażi legali.

12

Insostenn tat-talba tiegħu għall-ammissjoni tal-appell, l-appellant isostni li l-aggravju uniku tiegħu jqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

13

F’dan ir-rigward, huwa jirrileva, fl-ewwel lok, li l-konsegwenzi tal-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jmorru lil hinn mill-ambitu tad-dritt tad-disinni. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura ġenerali tal-prinċipju stabbilit fil-punti 77 sa 80 u 85 tas-sentenza appellata, li n-natura tad-dritt preċedenti hija deċiżiva għad-determinazzjoni tat-tul tat-terminu ta’ prijorità, dan il-prinċipju jista’ jaffettwa s-sistema ta’ invokazzjonijiet ta’ prijorità applikabbli għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minbarra d-disinni, bħat-trade marks tal-Unjoni Ewropea.

14

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi torbot, minn naħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni, li ma jistax jinvalidaha billi jemenda r-Regolament Nru 6/2002 jew id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar l-invokazzjonijiet ta’ prijorità, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri, li, ilkoll partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, huma, skont id-dritt tal-Unjoni, marbuta b’din il-konvenzjoni kif interpretata mill-qorti tal-Unjoni, kif jirriżulta mis-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1998(Hermès, C‑53/96, EU:C:1998:292, punt 32).

15

Fit-tielet lok, ir-rikonoxximent, mill-Qorti Ġenerali, ta’ dritt, għall-individwi, li jinvokaw direttament dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi f’dak li jikkonċerna l-invokazzjonijiet ta’ prijorità jikkostitwixxi preċedent għall-kawżi futuri u jillimita l-marġni ta’ manuvra tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-qasam. Għalhekk, deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex jiġu ddeterminati n-natura u l-portata tal-obbligi imposti mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi fuq l-Unjoni u fuq l-Istati Membri.

16

Fir-raba’ lok, billi tagħti effett dirett lill-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u billi b’hekk tinjora l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza appellata mhux biss tippreġudika l-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni u l-awtonomija tas-sistema legali tagħha, iżda tinvolvi konsegwenzi sistemiċi li jmorru kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ, li jinsabu fl-Anness 1 Ċ tal-Ftehim ta’ Marrakech li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

17

Minn naħa, is-sentenza appellata toħloq diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bejn l-applikazzjonijiet għal disinni, li jagħtu dritt ta’ prijorità ta’ sitt xhur, u l-applikazzjonijiet għal privattivi, li jagħtu dritt ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar, li tista’ twassal lill-operaturi ekonomiċi sabiex jippreżentaw l-ewwel applikazzjonijiet għal privattiva sabiex jevitaw it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 f’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet għal disinni.

18

Min-naħa l-oħra, is-sentenza appellata twassal għal inċertezza legali u nuqqas ta’ reċiproċità f’ċerti Stati terzi. L-appellant jieħu l-eżempju tal-Istati Uniti tal-Amerika, fejn id-disinni industrijali huma protetti fl-ambitu tad-dritt tal-privattivi (design patent). Issa, jekk in-natura tad-dritt preċedenti tiddetermina t-tul tat-terminu ta’ prijorità, l-applikanti għal design patent fl-Istati Uniti jibbenefikaw minn terminu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar fir-rigward ta’ disinn Komunitarju sussegwenti, filwaqt li l-applikanti tad-disinni Komunitarji jingħataw biss terminu ta’ prijorità ta’ sitt xhur fir-rigward ta’ applikazzjoni sussegwenti għal design patent.

19

Fil-ħames lok, is-sentenza appellata tista’ twassal għal żbilanċ fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-mertu tan-novità ta’ disinn Komunitarju, sa fejn din testendi minn 18 sa 24-il xahar il-perijodu li matulu, skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, l-iżvelar mill-applikant stess ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni meta l-invokazzjoni ta’ prijorità tkun ibbażata fuq applikazzjoni għal privattiva.

L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

20

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li huwa l-appellant li għandu l-obbligu juri li l-kwistjonijiet imqajma bl-appell tiegħu huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Porsche vs EUIPO, C‑613/19 P, EU:C:2019:905, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Minbarra dan, kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tinkludi l-elementi neċessarji kollha li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-appell u tiddetermina, f’każ ta’ ammissjoni parzjali ta’ dan tal-aħħar, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li fir-rigward tagħhom għandha ssir ir-risposta. Fil-fatt, peress li l-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut huwa intiż sabiex jillimita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li għandhom sinjifikat għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huma biss l-aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet u li huma stabbiliti mill-appellant li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (ara, b’mod partikolari, id-digrieti tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Porsche vs EUIPO, C‑613/19 P, EU:C:2019:905, punt 14, u tal‑11 ta’ Novembru 2021, Sun Stars & Sons vs EUIPO, C‑425/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:927, punt 13).

22

Għalhekk, talba għall-ammissjoni tal-appell għandha, fi kwalunkwe każ, tiddikjara b’mod ċar u preċiż il-motivi li fuqhom huwa bbażat l-appell, tidentifika bl-istess preċiżjoni u ċarezza l-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn kull aggravju, tippreċiża jekk din il-kwistjoni hijiex sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tesponi b’mod speċifiku r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija kwistjoni hija sinjifikattiva fir-rigward tal-kriterju invokat. F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-aggravji, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tippreċiża d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li kienet ġiet miksura mis-sentenza appellata, tesponi b’mod konċiż fiex jikkonsisti l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali u tindika sa fejn dan l-iżball eżerċita influwenza fuq ir-riżultat tas-sentenza jew tad-digriet appellat. Meta l-iżball ta’ liġi invokat jirriżulta mill-ksur tal-ġurisprudenza, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tesponi, b’mod konċiż iżda ċar u preċiż, l-ewwel, fejn tinsab il-kontradizzjoni allegata, billi tidentifika kemm il-punti tas-sentenza jew tad-digriet appellat li l-appellant jikkontesta kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li kienu ġew miksura, u, it-tieni, ir-raġunijiet konkreti li għalihom tali kontradizzjoni tqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Porsche vs EUIPO, C‑613/19 P, EU:C:2019:905, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, mill-punt 56 tas-sentenza appellata, iċċitata mill-appellant, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jipprevedix is-sitwazzjoni li fiha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal disinn billi tiġi invokata l-prijorità ta’ applikazzjoni għal privattiva u ma jirregolax it-terminu sabiex tiġi invokata tali prijorità. Kif ġie indikat fil-punt 66 tas-sentenza appellata, iċċitat ukoll mill-appellant, l-użu tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi huwa intiż sabiex jimla lakuna tal-imsemmi regolament, li ma jipprovdi xejn dwar it-terminu ta’ prijorità li jirriżulta minn applikazzjoni internazzjonali għal privattiva. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali interpretat il-Konvenzjoni ta’ Pariġi u, kif fakkar l-appellant, qieset, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li n-natura tad-dritt preċedenti hija deċiżiva għad-determinazzjoni tat-tul tat-terminu ta’ prijorità.

24

Issa, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-appellant jiddeskrivi bi preċiżjoni l-aggravju uniku tiegħu, billi jippreċiża li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002 fis-sens li dan għandu lakuna fir-rigward tat-terminu ta’ prijorità ta’ applikazzjoni għal disinni Komunitarji li tirreferi għal applikazzjoni internazzjonali għal privattiva preċedenti u mliet din il-lakuna billi tat, bi ksur tal-ġurisprudenza rilevanti, effett dirett lill-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u billi, barra minn hekk, interpretat b’mod żbaljat din id-dispożizzjoni.

25

Fir-rigward b’mod partikolari tal-argument li l-Qorti Ġenerali tat, b’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, EU:C:2007:635, punti 37 sa 44), effett dirett għall-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, kif espost fil-punt 10 ta’ dan id-digriet, għandu jiġi enfasizzat li l-appellant jippreċiża fejn tinsab l-allegata kontradizzjoni, billi jidentifika kemm il-punti tas-sentenza appellata kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li allegatament ġew miksura.

26

It-tieni, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali sa fejn iddeċidiet li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jawtorizza terminu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar għal disinn Komunitarju sussegwenti u sa fejn, konsegwentement, annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO li kienet illimitat għal sitt xhur it-terminu sabiex tinvoka l-prijorità ta’ applikazzjoni internazzjonali għal privattiva. Għalhekk, jirriżulta b’mod ċar mit-talba għall-ammissjoni tal-appell li l-allegat ksur tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu influwenza fuq ir-riżultat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, jekk, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, it-terminu ta’ prijorità kien ta’ sitt xhur minflok tnax-il xahar, ir-rikors kellu jiġi miċħud.

27

It-tielet, skont l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-awtur ta’ talba għall-ammissjoni ta’ appell, l-appellant għandu juri li, indipendentement mill-kwistjonijiet ta’ liġi li jinvoka fl-appell tiegħu, dan tal-aħħar iqajjem kwistjoni jew diversi kwistjonijiet li huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, bil-portata ta’ dan il-kriterju taqbeż il-kuntest tas-sentenza appellata u, b’mod definittiv, dak tal-appell tagħha (digriet tal‑4 ta’ Mejju 2021, Dermavita vs EUIPO, C‑26/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:355, punt 16).

28

Din il-prova timplika hija stess li għandha tistabbilixxi kemm l-eżistenza kif ukoll is-sinjifikat ta’ tali kwistjonijiet, permezz ta’ elementi konkreti u speċifiċi għall-każ inkwistjoni, u mhux sempliċement argumenti ta’ natura ġenerali (digriet tal‑4 ta’ Mejju 2021, Dermavita vs EUIPO, C‑26/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:355, punt 20).

29

Issa, minn naħa, l-appellant jidentifika l-kwistjoni mqajma permezz tal-aggravju uniku tiegħu, li jikkonsisti, essenzjalment, fil-kwistjoni dwar jekk lakuna leġiżlattiva eventwali f’att tad-dritt tal-Unjoni tistax tiġi rrimedjata bl-applikazzjoni diretta ta’ dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproduċi effetti diretti.

30

Min-naħa l-oħra, l-appellant jesponi r-raġunijiet konkreti għalfejn tali kwistjoni hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

31

F’dan ir-rigward, l-appellant jenfasizza, qabelxejn, li l-kwistjoni ta’ dritt imqajma mill-appell tiegħu tmur lil hinn mill-ambitu tiegħu peress li l-interpretazzjoni allegatament żbaljata tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ser ikollha riperkussjonijiet fuq l-ammissibbiltà tal-invokazzjonijiet ta’ prijorità għad-disinni Komunitarji kif ukoll fuq l-evalwazzjoni tan-novità ta’ disinn Komunitarju. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett, l-appellant jipprovdi elementi konkreti sabiex juri l-iżbilanċ potenzjali li jirriżulta mill-estensjoni minn 18 sa 24-il xahar tal-perijodu li matulu, skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, l-iżvelar mill-applikant stess ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni meta l-invokazzjoni ta’ prijorità tkun ibbażata fuq applikazzjoni għal privattiva.

32

Sussegwentement, l-appellant jindika li l-appell tiegħu jmur ukoll lil hinn mill-ambitu tad-dritt tad-disinni Komunitarji sa fejn il-prinċipju stabbilit mis-sentenza appellata jista’ jiddetermina s-sistema ta’ invokazzjonijiet ta’ prijorità applikabbli għal tipi oħra ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. Huwa jipprovdi, f’dan ir-rigward, eżempji konkreti ta’ konsegwenzi li jista’ jkollha s-sentenza appellata għad-depożitanti tal-privattivi u jindika r-riskju ta’ inċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ reċiproċità f’ċerti Stati terzi li jirriżulta mir-rikonoxximent ta’ terminu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar għad-disinni Komunitarji meta l-invokazzjoni ta’ prijorità tkun ibbażata fuq applikazzjoni għal privattiva.

33

Fl-aħħar nett, l-appellant jenfasizza l-konsegwenzi sistemiċi, li jippreġudikaw l-unità, il-konsistenza u l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, tar-rikonoxximent ta’ effett dirett tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi sa fejn, minn naħa, l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu mill-qorti tal-Unjoni torbot lil-leġiżlatur tal-Unjoni u kif ukoll lill-Istati Membri tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, dan ir-rikonoxximent imur kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u tal-ftehim imsemmi fil-punt 16 ta’ dan id-digriet.

34

Fid-dawl tal-elementi prodotti mill-appellant, għandu jiġi kkonstatat li t-talba ppreżentata minnu turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-appell iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi kif ukoll tal-fatt li l-appell huwa bbażat fuq aggravju wieħed u li dan huwa kompost minn tliet partijiet marbuta bejniethom, hemm lok li l-appell jiġi milqugħ fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

36

Skont l-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun ammess, kompletament jew parzjalment, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura tkompli skont l-Artikoli 171 sa 190a tal-imsemmija regoli.

37

Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

38

Konsegwentement, peress li t-talba għall-ammissjoni tal-appell intlaqgħet, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammisjoni tal-Appelli) tordna:

 

1)

L-appell huwa ammess.

 

2)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.