SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
25 ta’ Novembru 2020 ( *1 )
“Appell – Akkordji – Swieq Ewropej tal-istabilizzaturi termiċi abbażi ta’ landa, żejt tas-sojja epossidizzat u esteri – Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-swieq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għal waħda mill-entitajiet li jikkostitwixxu l-impriża – Annullament tad-deċiżjoni li temenda l-multa ffissata fid-deċiżjoni inizjali ta’ konstatazzjoni tal-ksur – Multi – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Data ta’ eżiġibbiltà tal-multa fil-każ ta’ emenda”
Fil-Kawża C‑823/18 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑27 ta’ Diċembru 2018,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn T. Christoforou, P. Rossi u V. Bottka, sussegwentement minn Rossi u Bottka bħala aġenti,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
GEA Group AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Wagner u I. du Mont, Rechtsanwälte,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin, T. von Danwitz u P. G. Xuereb, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: M. Longar, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Frar 2020,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ottubru 2018, GEA Group vs Il‑Kummissjoni (T‑640/16, iktar’ il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:700), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 3920 final, tad‑29 ta’ Ġunju 2016, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 final, tal‑11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Kawża COMP/38589 – Stabilizzaturi termiċi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
I. Il-kuntest ġuridiku
2 |
L-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprovdi: “2. Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:
Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ [tad-dħul mill-bejgħ] fis-sena kummerċjali preċedenti. Fejn il-ksur ta’ assoċjazzjoni tirrelta mal-attivitajiet tal-membri tagħhom, il-multa ma taqbiż l-10 % tas-somma totali ta’ valur tal-bejgħ ta’ kull membru attiv fis-suq affetwat mil-ksur ta’ l-assoċjazzjoni. 3. Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.” |
3 |
Skont l-Artikolu 25(5) ta’ dan ir-regolament: “Il-preskrizzjoni terġa’ tibda tiddekorri mill-ġdid wara kull interruzzjoni. Madankollu, il-perjodu tal-preskrizzjoni jagħlaq ma l-aħħar ġurnata li jkun ugwali għad-doppju tal-perjodu tal-preskrizzjoni jkun għadda mingħajr ma l-Kummissjoni ma tkun imponiet xi multa jew pagamenti ta’ pieni perjodiċi. Dak il-perjodu għandu jiġi mtawwal mal-perjodu li fih il-preskrizzjoni tkun sospiża skond il-paragrafu 6.” |
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
4 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fil-punti 1 sa 23 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej. |
5 |
GEA Group AG (iktar ’il quddiem “GEA”) ġiet ikkostitwita mill-amalgamazzjoni, matul is-sena 2005, ta’ Metallgesellschaft AG (iktar ’il quddiem “MG”) u kumpannija oħra. MG kienet il-kumpannija holding li qabel l-2000, direttament jew permezz ta’ sussidjarji, kienet iżżomm il-kumpanniji Chemson Gesellschaft für Polymer‑Additive mbH (iktar ’il quddiem “OCG”) u Polymer‑Additive Produktions‑ und Vertriebs GmbH (iktar ’il quddiem “OCA”). |
6 |
Fis‑17 ta’ Mejju 2000, MG ittrasferixxiet lil OGC, li ngħatat l-isem ġdid Aachener Chemische Werke Gesellschaft für glastechnische Produkte und Verfahren mbH (iktar ’il quddiem “ACW”). |
7 |
Wara x-xoljiment ta’ OCA f’Mejju 2000, l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija ttieħdu minn kumpannija msemmija, mit‑30 ta’ Awwissu 2000, Chemson Polymer‑Additive AG (iktar ’il quddiem “CPA”), li, fid-data tal-għoti tas-sentenza appellata, ma kinitx tappartjeni iżjed lill-grupp li tiegħu GEA kienet il-kumpannija holding. |
A. Id-Deċiżjoni tal-2009
8 |
Permezz tad-deċiżjoni C(2009) 8682 final, tagħha tal‑11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabilizzaturi termiċi) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2009”), il-Kummissjoni kkunsidrat li numru ta’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), billi pparteċipaw f’żewġ settijiet ta’ ftehimiet u ta’ prattiċi miftiehma antikompetittivi li jkopru t-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea u li jikkonċernaw, minn naħa, is-settur tal-istabilizzaturi termiċi abbażi ta’ landa, u, min-naħa l-oħra, is-settur tal-istabilizzaturi termiċi abbażi taż-żejt tas-sojja epossidizzat u esteri (iktar ’il quddiem is-“settur ESBO/esteri”). |
9 |
Fl-Artikolu (2)(k) tad-Deċiżjoni tal-2009, il-Kummissjoni sabet lil GEA responsabbli għall-ksur imwettaq fis-suq tas-settur ESBO/esteri bejn il‑11 ta’ Settembru 1991 u s‑17 ta’ Mejju 2000. |
10 |
Hija nżammet responsabbli għall-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur, bħala s-suċċessur ta’ MG, għall-ksur imwettaq, mill‑11 ta’ Settembru 1991 sas‑17 ta’ Mejju 2000, minn OCG u, mit‑13 ta’ Marzu 1997 sas‑17 ta’ Mejju 2000, minn OCA. |
11 |
Barra minn hekk, bħala suċċessur ta’ OCG, ACW ġiet issanzjonata, minn naħa, għall-ksur imwettaq minn OCG matul il-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur, jiġifieri mill‑11 ta’ Settembru 1991 sas‑17 ta’ Mejju 2000, u, min-naħa l-oħra, għall-ksur imwettaq minn OCA mit‑30 ta’ Settembru 1999 sas‑17 ta’ Mejju 2000, filwaqt li 100 % tal-ishma ta’ din tal-aħħar kienu miżmuma minn OCG. |
12 |
Bħala suċċessur ta’ OCA, CPA ġiet issanzjonata, minn naħa, għall-ksur imwettaq minn OCA mit‑13 ta’ Marzu 1997 sas‑17 ta’ Mejju 2000, u, min-naħa l-oħra, għall-ksur imwettaq minn OCG mit‑30 ta’ Settembru 1995 sat-30 ta’ Settembru 1999, filwaqt li OCA kellha 100 % tal-ishma ta’ din tal-aħħar. |
13 |
Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal‑2009: “[…] Għall-ksur fis-[settur tal-ESBO/esteri] huma imposti l-multi segwenti: […] (31) [GEA], [ACW] u [CPA] huma […] responsabbli in solidum għall-ammont ta’ [EUR] 1913971; (32) [GEA] u [ACW] huma […] responsabbli in solidum għall-ammont ta’ [EUR] 1432 229”. Il-multi għandhom jitħallsu fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]” |
14 |
Permezz ta’ talba sottomessa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Jannar 2010, GEA ippreżentat rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal‑2009. |
15 |
Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il‑Kummissjoni (T‑45/10, mhux ippubblikata, EU:T:2015:507), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors. Din is-sentenza ma ġietx appellata. |
B. Id-Deċiżjoni tal-2010
16 |
Fil‑15 ta’ Diċembru 2009, ACW ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-multa li kienet ġiet imposta fuqha permezz tad-Deċiżjoni tal-2009 kienet taqbeż il-limitu massimu awtorizzat ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament 1/2003. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit‑8 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 727 final, li temenda d-Deċiżjoni tal-2009 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2010”). |
18 |
Fid-Deċiżjoni tal-2010, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-multa li għaliha kienet ġiet ikkundannata ACW, in solidum, minn naħa, ma’ GEA u CPA u, min-naħa l-oħra, ma’ GEA, kienet teċċedi l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, b’tali mod li kien hemm lok li d-Deċiżjoni tal-2009 tiġi emendata. |
19 |
Fiha l-Kummissjoni speċifikat ukoll li l-ammont tal-multa imposta fuq GEA u fuq CPA ma kienx qiegħed jinbidel iżda li l-ammont tal-multa imposta fuq ACW kellu jitnaqqas u li d-Deċiżjoni tal-2010 ma kellha ebda impatt fuq id-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni tal-2009. |
20 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-2010 emenda t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009 kif ġej: “Il-punt 31 tat-[tieni paragrafu tal-]Artikolu 2 huwa ssostitwit bit-test segwenti: ‘31.a) [GEA], [ACW] u [CPA] huma responsabbli [in solidum] għall-ammont ta’ [EUR] 1086129; 31.b) [GEA] u [CPA] huma responsabbli [in solidum] għall-ammont ta’ [EUR] 827842.’ Il-punt 32 [tat-tieni paragrafu tal-]Artikolu 2 huwa ssostitwit bit-test segwenti: ‘[GEA] hija responsabbli għall-ammont ta’ [EUR] 1432229’. [traduzzjoni mhux uffiċjali]” |
21 |
Permezz ta’ talba sottomessa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ April 2010, GEA ppreżentat rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-2010 u talbet lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, tbiddel l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha. |
22 |
Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il‑Kummissjoni (T‑189/10, EU:T:2015:504), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-2010 sa fejn din kienet tikkonċerna lil GEA. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi adottat id-Deċiżjoni tal-2010 mingħajr ma semgħetha minn qabel. Din is-sentenza ma ġietx appellata. |
C. Id-deċiżjoni kontenzjuża
23 |
Fid‑29 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. |
24 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ipproduċa b’mod identiku l-kliem, iċċitati fil-punt 20 iktar ’il fuq, tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2010, li emenda t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal‑2009. |
25 |
L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża ffissa d-data tal-eżiġibbiltà tal-multi għall‑10 ta’ Mejju 2010. |
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
26 |
Permezz ta’ att sottomess quddiem il-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Settembru 2016, GEA ppreżentat appell intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
27 |
Insostenn ta’ dan ir-rikors, GEA invokat ħames motivi, ibbażati l-ewwel wieħed, fuq ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE u tad-drittijiet tad-difiża, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u, il-ħames wieħed, fuq eċċess ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. |
28 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-raba’ motiv kif ukoll l-ewwel parti tal-ħames motiv u, billi qieset li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża. |
IV. It-talbiet tal-partijiet
29 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
30 |
GEA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
V. Fuq l-appell
31 |
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-kunċett ta’ impriża u tar-regoli tar-responsabbiltà in solidum kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni wieħed, fuq ksur tar-regoli ta’ ffissar tad-data ta’ eżiġibbiltà tal-multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
A. Fuq l-ammissibbiltà
1. L-argumenti tal-partijiet
32 |
GEA tqis li l-appell tal-Kummissjoni huwa inammissibbli. |
33 |
F’dan ir-rigward, GEA ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma għandha ebda interess tippreżenta appell peress li d-Deċiżjoni tal‑2009 ma tikkostitwixxix iktar bażi legali li tippermetti li jintalab il-ħlas tal-multa. |
34 |
Fit-tieni lok, GEA tqis li l-Kummissjoni ma għandha ebda interess li tippreżenta l-appell peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex valida. Fil-fatt, it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-iffissar ta’ multa kien skada qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, peress li ddekorrew iktar minn għaxar snin, fis-sens tal-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan it-terminu ġiex interrott jew le. |
35 |
Il-Kummissjoni tirribatti li hija għandha interess li tippreżenta l-appell mis-sentenza fl-ewwel istanza, peress li, fl-ewwel lok, hija tilfet quddiem il-Qorti Ġenerali u, fit-tieni lok, billi ssostni li din l-istituzzjoni ma għandha ebda interess li tippreżenta dan l-appell minħabba allegata skadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multa, GEA tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, skont il-Kummissjoni, tali motiv la tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas ma ġie eżaminat minnha. Għaldaqstant ma hemmx lok li jiġi eżaminat. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
36 |
Bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħlief fil-każ ta’ kawżi bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha, appell jista’ jiġi ppreżentat mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni anki jekk ma jkunux intervjenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Sew jekk kienu partijiet fil-kawża fl-ewwel istanza u sew jekk le, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhom għalhekk juru ebda interess sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 171). |
37 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni hija libera li tevalwa l-opportunità li tippreżenta appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ l-għażliet magħmula minnha f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 172). |
38 |
Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-oġġezzjonijiet ta’ GEA dwar allegat nuqqas ta’ interess min-naħa tal-Kummissjoni huma infondati, b’tali mod li hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-appell huwa ammissibbli. |
B. Fuq il-mertu
1. Fuq l-ewwel aggravju
39 |
L-ewwel aggravju jinkludi żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-kunċett ta’ impriża u tar-regoli tar-responsabbiltà in solidum, billi kkunsidrat li hija setgħet tiddetermina b’mod differenti l-parti tal-multa li għaliha GEA u ACW kienu jibqgħu responsabbli in solidum għall-ħlas tagħha. It-tieni parti tal-imsemmi aggravju, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
a) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju
1) L-argumenti tal-partijiet
40 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha l-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjoni, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li hija kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tistrieħ fuq motivazzjoni kontradittorja żviluppata fil-punti 108 sa 110 tal-imsemmija sentenza u, b’mod partikolari, fuq il-kunsiderazzjoni vaga, magħmula fil-punt 108 tal-istess sentenza, li “il-Kummissjoni setgħet ċertament tiddetermina b’mod differenti s-sehem tal-multa li għall-ħlas tiegħu ACW u [GEA] kienu responsabbli in solidum”. |
41 |
GEA tikkontesta dawn l-argumenti. |
2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
42 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali bis-saħħa l-Artikolu 36 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jimponix li din tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u individwali r-raġunamenti kollha spjegati mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il‑Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 41). |
43 |
F’dan il-każ, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li r-raġunament espost mill-Qorti Ġenerali fil-punti 106 sa 111 tas-sentenza appellata huwa ta’ natura li jippermetti kemm lill-Kummissjoni li tkun taf ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-raba’ motiv imqajjem minn GEA fl-ewwel istanza kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. |
44 |
Fil-fatt, minn dawn il-punti jirriżulta, mingħajr ambigwità, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha, inizjalment, tiddefinixxi l-proporzjon eżistenti bejn il-parti tal-multa li għaliha ACW kienet responsabbli in solidum ma’ GEA u CPA kkunsidrati flimkien u l-parti li għaliha kienet responsabbli in solidum ma’ GEA kkunsidrata waħedha u, sussegwentement, tqassam it-tnaqqis tal-multa ta’ ACW bejn iż-żewġ relazzjonijiet ta’ responsabbiltà in solidum b’applikazzjoni tal-istess proporzjon. |
45 |
Fid-dawl tal-punti preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
b) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju
1) L-argumenti tal-partijiet
46 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, li hija setgħet tiddetermina b’mod differenti s-sehem tal-multa li għaliha GEA u ACW baqgħu responsabbli in solidum, sabiex tillimita s-sehem tal-multa li għaliha GEA waħedha setgħet tkun responsabbli. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 106 sa 111 tas-sentenza appellata, wettqet żball fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi marret kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ impriża u dwar ir-responsabbiltà in solidum kif ukoll dik dwar il-konsegwenzi ta’ tnaqqis tal-multa mogħti lil sussidjarja fi ħdan impriża ekonomika waħda. |
47 |
Skont il-Kummissjoni, ir-responsabbiltà in solidum hija biss manifestazzjoni tal-kunċett ta’ impriża u ma tistax tiġi ddissoċjata minnu. |
48 |
F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 55 tas-sentenza appellata, GEA, ACW u CPA kienu jifformaw, għat-tul kollu tal-ksur inkwistjoni, l-istess impriża waħda li fuqha hija imponiet multa waħda u li, f’dan il-kuntest, il-punti 31 u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, minn naħa, u l-punti 31.a), 31.b) u 32 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif emendata bid-deċiżjoni kontenzjuża, min-naħa l-oħra, huma l-espressjoni tal-ammonti massimi differenti tal-multa li għaliha kull waħda mill-entitajiet ġuridiċi li jifformaw parti minn din l-impriża setgħet titqies li hija responsabbli konġuntament u in solidum. |
49 |
Il-Kummissjoni tippreċiża li peress li GEA, ACW u CPA kienu jifformaw l-istess impriża waħda, ma kienx hemm lok li tiġi evalwata l-ugwaljanza fit-trattament bejn dawn it-tliet kumpanniji. |
50 |
Il-Kummissjoni tqis li, minkejja l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati kienu jifformaw parti mill-istess impriża, il-Qorti Ġenerali pproċediet, fil-punti 106 sa 111 tas-sentenza appellata, għal separazzjoni artifiċjali bejn żewġ gruppi ta’ entitajiet responsabbli in solidum, b’tali mod li din il-qorti applikat teorija analoga għat-teorija tat-tqassim intern tar-responsabbiltà in solidum, approċċ li huwa pprojbit, fil-fehma tagħha, konformement mal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256). |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li xejn ma jiġġustifika l-esklużjoni ta’ kumpannija jew oħra li tappartjeni lill-istess impriża waħda mir-responsabbiltà in solidum għall-ħlas ta’ kwalunkwe parti mill-multa imposta fuqhom u li dawn il-kumpanniji normalment jaqsmu ishma komuni ta’ multa imposta sa limitu individwali ta’ kull waħda minnhom. |
52 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-ammont massimu tal-multa li għall-ħlas tiegħu kull kumpannija li tifforma parti mill-impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE kienet responsabbli in solidum ma jikkorrispondix għal perijodu speċifiku ta’ parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni. |
53 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-multa imposta fuq ACW tnaqqset għal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, applikabbli għal din il-kumpannija, mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), jirriżulta li r-responsabbiltà ta’ GEA ma għandhiex tiġi affettwata mit-tnaqqis mogħti lill-ex sussidjarja tagħha ACW peress li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2009, din l-aħħar kumpannija u GEA ma kinux jifformaw iktar l-istess impriża. |
54 |
GEA twieġeb, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-Kummissjoni, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dan il-prinċipju ma huwiex applikabbli biss għal impriżi differenti iżda wkoll fir-relazzjonijiet bejn kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess impriża. |
55 |
Sussegwentement, GEA tqis li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx multa waħda iżda żewġ multi distinti għal żewġ gruppi ta’ entitajiet distinti responsabbli konġuntament u in solidum bejniethom fi ħdan kull grupp u għal żewġ perijodi ta’ ksur differenti. Minn naħa, il-punt 31 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009 kien jirreferi għall-perijodu mit‑30 ta’ Settembru 1995 sas‑17 ta’ Mejju 2000 u, min-naħa l-oħra, il-punt 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jirreferi għall-perijodu mill‑11 ta’ Settembru 1991 sad‑29 ta’ Settembru 1995. Tali tqassim huwa l-konsegwenza tal-fatt li CPA ma pparteċipatx fil-ksur inkwistjoni matul dan l-aħħar perijodu. |
56 |
Barra minn hekk, GEA tqis li l-Qorti Ġenerali ma applikatx b’analoġija t-teorija tat-tqassim intern tar-responsabbiltà in solidum, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni. Is-sentenza appellata ma tikkonċernax ir-responsabbiltà minn perspettiva interna, iżda kemm il-kumpanniji tal-“grupp GEA” huma “esternament” responsabbli fil-fehma tal-Kummissjoni. |
57 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ favur ACW, GEA ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), ma tistax tiġi interpretata fis-sens li ex kumpannija parent ma għandhiex tiġi affettwata mill-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għal ex sussidjarja tagħha. |
2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
58 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan il-prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni, C‑601/18 P, EU:C:2020:751, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Kummissjoni hija marbuta tosserva dan il-prinċipju meta teżerċita s-setgħa li hija għandha bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li timponi multa fuq impriżi li jkunu wettqu ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tiddetermina l-ammont tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
B’danakollu, meta diversi persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli personalment mill-parteċipazzjoni fi ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni minħabba l-appartenenza tagħhom għal waħda u l-istess impriża li lilha dan il-ksur jista’ jiġi attribwit il-Kummissjoni għandha, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, is-setgħa li timponi fuqhom multa in solidum (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 120). |
60 |
Madankollu, meta hija tiddeċiedi li teżerċita din is-setgħa ta’ sanzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiddetermina liberament ir-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum u, b’mod partikolari, l-ammont tal-multa li tagħha hija tista’ teħtieġ il-ħlas sħiħ ta’ minn wieħed mill-kodebituri in solidum (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 121). |
61 |
Fil-fatt, peress li l-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa huwa biss manifestazzjoni ta’ effett ipso jure tal-kunċett ta’ impriża, id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għall-ħlas sħiħ li għalih kull wieħed mill-kodebituri in solidum jista’ jitqies responsabbli mill-Kummissjoni tirriżulta mill-applikazzjoni, f’każ ineżami, ta’ dan il-kunċett ta’ impriża (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 122). |
62 |
F’dan ir-rigward, l-għażla tal-awturi tat-Trattati kienet li jintuża l-kunċett ta’ impriża sabiex jiġi kopert l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jista’ jiġi ssanzjonat b’applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE, u mhux kunċetti oħra bħal dawk ta’ kumpannija jew ta’ persuna ġuridika (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 123). |
63 |
Huwa wara kollox dan l-istess kunċett ta’ impriża li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex jiddefinixxi l-entità li lilha l-Kummissjoni tista’ timponi multa sabiex tissanzjona ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 124). |
64 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jindika kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u tal-metodu ta’ finanzjament tagħha. Dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 125, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 47 u 48). |
65 |
Meta l-Kummissjoni jkollha, bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-possibbiltà li tikkundanna in solidum għall-ħlas ta’ multa lil diversi persuni ġuridiċi li jagħmlu parti minn waħda u l-istess impriża responsabbli mill-ksur, id-determinazzjoni mill-Kummissjoni, tal-ammont ta’ din il-multa, sa fejn hija tapplika, f’każ ineżami, il-kunċett ta’ impriża, li huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, hija suġġetta għal ċerti restrizzjonijiet li jimponu li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, hekk kif kienet ikkostitwita matul il-perijodu meta twettaq il-ksur (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 51). |
66 |
F’dan ir-rigward, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kompożizzjoni tal-impriża kkonċernata tista’ tieħu diversi konfigurazzjonijiet matul il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fi ksur. Dawn il-varjazzjonijiet jistgħu jseħħu, b’mod partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, il-ksur jittawwal għal perijodu twil. |
67 |
Sa fejn tali varjazzjonijiet ma jqiegħdux inkwistjoni l-uniċità tal-impriża bħala persuna li lilha huwa imputabbli l-ksur, dawn ma jaffettwawx is-setgħa tal-Kummissjoni, imfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li timponi multa in solidum fuq diversi persuni ġuridiċi li jappartjenu lil waħda u l-istess impriża. |
68 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 1 sa 3 u 6 sa 8 tas-sentenza appellata, l-istruttura tal-grupp GEA, matul il-perijodu li fih twettaq il-ksur, kienet is-segwenti. Bejn is-sena 1991 u s‑17 ta’ Mejju 2000, OCG, li, wara din l-aħħar data, ġiet imsemmija ACW, kienet 100 % sussidjarja ta’ MG li min-naħa tagħha saret GEA mis-sena 2005. Matul dan l-istess perijodu, OCA, li mit‑30 ta’ Awwissu 2000 hija msemmija CPA, kienet miżmuma 100 % minn MG u, matul perijodi differenti, hija kienet jew is-sussidjarja jew il-kumpannija parent diretta ta’ OCG. OCA kienet il-kumpannija parent b’kontroll dirett ta’ 100 % ta’ OCG mit‑30 ta’ Settembru 1995 sat‑30 ta’ Settembru 1999. Mit‑30 ta’ Settembru 1999 sas‑17 ta’ Mejju 2000, OCG kienet il-kumpannija parent b’kontroll dirett ta’ 100 % ta’ OCA u eżerċitat kontroll dirett fuq din il-kumpannija tal-aħħar. |
69 |
Fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536), il-Kummissjoni kellha d-dritt tikkonstata fid-Deċiżjoni tal-2009 li, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lill-kumpanniji kkonċernati, billi teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha, MG, li saret GEA, kienet tagħmel parti, flimkien ma’ OCG u OCA, li saru ACW u CPA rispettivament, minn impriża waħda, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. |
70 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra li GEA, ACW u CPA kienu jifformaw waħda u l-istess impriża li, taħt il-konfigurazzjonijiet suċċessivi tagħha, wettqet il-ksur inkwistjoni. |
71 |
B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, meta kkunsidrat, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li kien hemm, minn naħa, impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, komposta minn GEA, minn ACW u minn CPA mit‑30 ta’ Settembru 1995 sas‑17 ta’ Mejju 2000, u, min-naħa l-oħra, impriża, fis-sens ta’ dan id-dritt, komposta minn GEA u minn ACW mill‑11 ta’ Settembru 1991 sad‑29 ta’ Settembru 1995, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet l-eżistenza ta’ żewġ impriżi fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u għaldaqstant wettqet żball ta’ liġi billi marret kontra l-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE. |
72 |
Sa fejn ir-responsabbiltà in solidum hija biss manifestazzjoni ta’ effett ipso jure tal-kunċett ta’ impriża u li, f’dan il-każ, kien hemm waħda u l-istess impriża, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tiddetermina, inizjalment fil-punti 31 u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, u, sussegwentement, fil-punti 31.a), 31.b) u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif emendata bid-deċiżjoni kontenzjuża, l-ammonti massimi tal-multa li għaliha setgħu jinżammu responsabbli konġuntament u in solidum GEA, ACW u CPA għall-ħlas ta’ multa waħda bħala entitajiet li jagħmlu parti minn waħda u l-istess impriża li lilha huwa imputabbli l-ksur inkwistjoni. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, l-iffissar ta’ tali ammonti massimi ma jirriflettix perijodi speċifiċi tal-parteċipazzjoni tal-entitajiet li jikkostitwixxu l-impriża unika fil-ksur inkwistjoni. |
73 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 106 u 109 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, kien hemm żewġ relazzjonijiet ta’ solidarjetà bejn GEA, ACW u CPA meta dawn kienu jagħmlu parti minn waħda u l-istess impriża, u żewġ multi imposti għal żewġ perijodi speċifiċi li jirriflettu l-parteċipazzjoni ta’ dawn it-tliet kumpanniji fil-ksur inkwistjoni u għalhekk kisret ir-regoli tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà in solidum kif jirriżultaw mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. |
74 |
Fir-rigward tal-fatt li, bis-saħħa tad-deċiżjoni kontenzjuża, GEA tibqa’ l-unika responsabbli għall-ammont ta’ EUR 1432229, din iċ-ċirkustanza hija, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, konsegwenza purament awtomatika tat-tnaqqis applikat għall-multa imposta fuq ACW. |
75 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, meta żewġ persuni ġuridiċi distinti, bħal kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, ma jikkostitwixxux iżjed impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponilhom multa, huma għandhom id-dritt li jiġi applikat individwalment fil-konfront tagħhom il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 57). |
76 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 2 u 3 tas-sentenza appellata, huwa paċifiku li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2009, GEA ma kinitx tikkostitwixxi iżjed entità ekonomika ma’ ACW u CPA fis-sens tal-Artikolu 81 KE. |
77 |
Din in-natura partikolari wasslet lill-Kummissjoni tikkalkola separatament l-imsemmi limitu massimu fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ hekk kif seħħ matul is-sena finanzjarja li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 67). |
78 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 8 tas-sentenza appellata, l-ammont li l-Kummissjoni inizjalment qieset xieraq li tikkunsidra għar-responsabbiltà in solidum ta’ ACW minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kien jikkorrispondi għal EUR 3346200, jiġifieri eżattament l-istess ammont bħal dak stabbilit għal GEA. |
79 |
Issa, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni żammet, minn naħa, lil GEA responsabbli in solidum għall-ħlas tal-ammont totali tal-multa, li jammonta għal EUR 3346200, u, min-naħa l-oħra, lil ACW responsabbli in solidum għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 1086129 jirriżulta mill-applikazzjoni fil-konfront ta’ ACW tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. |
80 |
B’hekk, il-fatt li GEA tibqa’ l-unika responsabbli għall-ammont ta’ EUR 1432229 miċ-ċirkustanza speċifika jirriżulta li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2009, din il-kumpannija ma kinitx tikkostitwixxi iżjed impriża waħda ma’ ACW u CPA fis-sens tal-Artikolu 81 KE. |
81 |
F’dan il-kuntest, GEA ma tistax utilment issostni li twettaq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għad-detriment tagħha. F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat li ksur ta’ dan il-prinċipju ma jistax jiġi kkonstatat f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn kumpannija sussidjarja, li, fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa fuq l-impriża unika li minnha tagħmel parti, ma tibqax tifforma parti minn din l-impriża unika, għandha d-dritt li jiġi applikat individwalment fil-konfront tagħha l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ. Din iċ-ċirkustanza speċifika ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-kumpanniji kkonċernati kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 68). |
82 |
Fi kwalunkwe każ, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġi invokat b’mod utli peress li, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 73 ta’ din is-sentenza, ma hemmx żewġ relazzjonijiet ta’ solidarjetà li jirriflettu perijodi speċifiċi u, għaldaqstant, ma jista’ jsir ebda tqassim tar-responsabbiltà in solidum. |
83 |
Għaldaqstant, il-punt 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif emendata bid-deċiżjoni kontenzjuża, li jimponi l-ammont tal-multa ta’ EUR 1432229 fuq GEA, ma huwiex indirizzat lil CPA mhux għaliex dan il-punt jirrigwarda perijodu ta’ ksur speċifiku li matulu din ma pparteċipatx fil-ksur uniku kkonstatat mill-Kummissjoni, li ma huwiex il-każ, iżda sempliċement għaliex l-ammont tal-multa li għalih hija responsabbli CPA għall-parteċipazzjoni individwali tagħha f’dan il-ksur minħabba l-appartenenza tagħha lill-impriża li wettqitu, huwa totalment kopert mill-ammonti msemmija fil-punti 31.a) u 31.b) tal-imsemmi tieni paragrafu tal-Artikolu 2. |
84 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
85 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’. |
2. Fuq it-tieni aggravju
86 |
It-tieni aggravju jinkludi żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball meta kkunsidrat li d-data tal-eżiġibbiltà tal-multa inkwistjoni setgħet tiġi ddeterminata biss mid-data ta’ riċeviment tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża. It-tieni parti tal-imsemmi aggravju, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
a) Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju
1) L-argumenti tal-partijiet
87 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma mmotivatx suffiċjentement il-konstatazzjoni tagħha, magħmula fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ ħlas tal-multi jirriżulta biss mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża u li t-terminu għall-eżiġibbiltà ta’ dawn il-multi seta’ jiġi stabbilit biss mid-data ta’ riċeviment tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. |
88 |
GEA tirribatti li s-sentenza appellata hija suffiċjentement motivata. |
2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
89 |
Kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali jobbligaha tispjega b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit minnha b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. |
90 |
F’dan il-każ, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li r-raġunament espost mill-Qorti Ġenerali fil-punti 122 sa 125 tas-sentenza appellata huwa ta’ natura li jippermetti kemm lill-Kummissjoni ssir taf ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-ħames motiv imqajjem minn GEA fl-ewwel istanza kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. |
91 |
Fil-fatt, minn dawn il-punti jirriżulta, essenzjalment, li, minħabba l-fatt li r-redazzjoni inizjali tal-punti 31 u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009 ġiet issostitwita b’dik li tirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, fil-punt 126 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali waslet għall-konstatazzjoni li l-obbligu ta’ ħlas tal-multi jirriżulta biss mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża u li d-data tal-eżiġibbiltà ta’ dawn il-multi setgħet tiġi ddeterminata biss mid-data ta’ riċeviment tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. |
92 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
b) Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju
1) L-argumenti tal-partijiet
93 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multa f’dan il-każ setgħet tiġi ddeterminata biss mid-data ta’ riċeviment tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
94 |
Il-Kummissjoni tippreċiża li l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2010 kellu bħala effett li jattiva mill-ġdid mhux biss il-punti 31 u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, iżda wkoll id-data ta’ eżiġibbiltà inizjali stabbilita fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni. |
95 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li hija kellha d-dritt li tbiddel l-ammont tal-multa imposta u r-responsabbiltà in solidum mingħajr ma neċessarjament tiffissa data ġdida ta’ eżiġibbiltà ta’ din il-multa. B’hekk, il-Kummissjoni tqis li, anki jekk, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija emendat il-partijiet tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni tal-2009 li kienu jiddeterminaw l-ammont tal-multa u r-responsabbiltà in solidum, hija ma kinitx obbligata tiffissa data ta’ eżiġibbiltà tal-multa imposta li tkun sussegwenti għad-data tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
96 |
Skont din l-istituzzjoni, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonferma li hija għandha tiffissa data ta’ eżiġibbiltà tal-multi li tkun sussegwenti għal dik tan-notifika ta’ deċiżjoni li temenda bħad-deċiżjoni kontenzjuża, dan iwassal għat-telf tal-interessi inkorsi fuq il-parti residwa tal-multa mid-data ta’ eżiġibbiltà inizjalment stabbilita, liema ċirkustanza tillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha u jnaqqas l-effikaċja tal-multi imposti minnha. |
97 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, sabiex GEA ma titqiegħedx f’pożizzjoni iktar żvantaġġjuża meta mqabbla ma’ ACW u ma’ CPA, hija kellha d-dritt li tiffissa d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multi għall‑10 ta’ Mejju 2010. |
98 |
GEA twieġeb li, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddetermina d-data li fiha l-multi huma eżiġibbli u d-data li minnha jibdew jiddekorru l-interessi moratorji, din is-setgħa ma testendix għall-iffissar ta’ data ta’ eżiġibbiltà tal-interessi moratorji li tkun tippreċedi d-data li fiha l-multi ġew iffissati. Ma huwiex possibbli li jiġi ġġustifikat bl-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni l-iffissar ta’ data ta’ eżiġibbiltà ta’ multa li tippreċedi n-notifika tad-deċiżjoni li tikkostitwixxi l-bażi ta’ din il-multa. |
99 |
Konsegwentement, skont GEA, sa fejn id-data ta’ eżiġibbiltà tal-multa ma tistax tiġi ffissata f’data li tippreċedi n-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-interessi relatati mal-ħlas tal-multa jistgħu jibdew jiddekorru biss mid-data ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni konformement mal-prinċipju li l-aċċessorju jsegwi l-prinċipal. |
2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
100 |
Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li permezz tagħhom hija timponi multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jiddeterminaw, b’mod partikolari, l-ammont tal-multi inkwistjoni u l-interessi moratorji kif ukoll id-dettalji tal-kont bankarju tal-Kummissjoni li fuqu l-impriżi kkonċernati għandhom iħallsu dawn il-multi. Dawn id-deċiżjonijiet jistabbilixxu wkoll it-terminu għall-ħlas tal-multi imposti. Sabiex jiġi evitat irkupru forzat, il-ħlas għandu jsir qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu. |
101 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 299 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu obbligu pekunjarju fuq persuni minbarra l-Istati Membri jikkostitwixxu titolu eżekuttiv. |
102 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, bis-saħħa tal-Artikolu 278 TFUE, ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra tali tipi ta’ deċiżjonijiet ma għandhomx effett sospensiv. |
103 |
Minn dan isegwi li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom saħħa eżekuttiva fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 299 TFUE u li l-multi inklużi fihom huma, bħala prinċipju, eżiġibbli mal-iskadenza tat-terminu ffissat f’dawn id-deċiżjonijiet. |
104 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata l-osservanza effettiva tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, id-debitur għandu jħallas il-ħlas dovut minnu qabel id-data ta’ eżiġibbiltà ta’ dan il-ħlas iffissata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha. |
105 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni inizjalment ipprevediet, fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, data ta’ eżiġibbiltà tal-multi imposti, li ġiet stabbilita mal-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni għall-impriżi kollha destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni. |
106 |
Kif jirriżulta mill-punt 124 tas-sentenza appellata, id-Deċiżjoni tal-2010, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li kien hemm lok li temenda d-Deċiżjoni tal-2009 peress li, minn naħa, il-multa imposta fuq ACW kienet taqbeż il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ u, min-naħa l-oħra, l-ammont tal-multa li għaliha ACW kienet miżmuma responsabbli in solidum ma’ GEA u CPA kellu jitnaqqas, ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il‑Kummissjoni (T‑189/10, EU:T:2015:504), sa fejn din kienet tikkonċerna lil GEA. Dan l-annullament kellu bħala effett ir-riattivazzjoni tar-redazzjoni inizjali tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 125 tas-sentenza appellata. |
107 |
Madankollu, din ir-redazzjoni ġiet issostitwita mill-ġdid b’dik li tirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża. L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni ffissa data ġdida ta’ eżiġibbiltà tal-multi, jiġifieri l‑10 ta’ Mejju 2010. |
108 |
Din id-data, minn naħa, tippreċedi d-data ta’ riċeviment tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, wara d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multi stabbilita fid-Deċiżjoni tal-2009. Din tikkorrispondi għad-data ta’ eżiġibbiltà indikata f’ittra tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Frar 2010 li takkumpanja d-Deċiżjoni tal-2010. |
109 |
F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha setgħa li tinkludi l-possibbiltà li tiddetermina d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multa deċiża minnha u dik ta’ meta jibdew jiddekorru l-interessi moratorji, li tiffissa r-rata ta’ dawn l-interessi u li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha billi tirrikjedi, jekk ikun il-każ, il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja li tkopri l-ammont prinċipali u l-interessi fuq il-multa imposta. Fl-assenza ta’ tali setgħa, il-vantaġġ li l-impriżi jkunu jistgħu jieħdu mill-ħlas tardiv tal-multi jkollu l-effett li jdgħajjef is-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kompitu mogħti lilha li tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. |
110 |
F’dan il-każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-emenda li saret fil-punti 31 u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal‑2009, qabel kollox permezz tad-Deċiżjoni tal‑2010, li fil-frattemp ġiet annullata, u sussegwentement permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, kienet tirrigwarda biss l-ammont tal-multa imposta fuq ACW u d-determinazzjoni ġdida tar-relazzjonijiet ta’ solidarjetà, iżda ma kinitx tirrigwarda l-impożizzjoni tal-multa bħala tali, u lanqas ma kienet tirrigwarda l-ammont globali tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 126 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal‑2009 jikkostitwixxi l-bażi legali tal-obbligu għal GEA, ACW u CPA li jħallsu l-multa, u mhux l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
111 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li t-terminu ta’ eżiġibbiltà tal-multi seta’ jiġi ddeterminat biss mid-data ta’ riċeviment tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
112 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tintlaqa’ l-ewwel parti tat-tieni aggravju. |
113 |
Konsegwentement, jeħtieġ li s-sentenza appellata tiġi annullata. |
Fuq ir-rinviju tal-kawża lill-Qorti Ġenerali
114 |
Konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ l-kawża definittivament meta din tkun fi stat li tiġi deċiża jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi. |
115 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-motivi kollha invokati fl-ewwel istanza. |
116 |
L-aspetti tat-tilwima mqajma minn dawn l-aggravji jimplikaw l-eżami ta’ kwistjonijiet ta’ fatt fuq il-bażi ta’ elementi li, minn naħa, ma ġewx evalwati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, peress li din qieset, fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, li tali eżami kien superfluwu, peress li hija laqgħet ir-raba’ motiv u l-ewwel parti tal-ħames motiv imqajma minn GEA, u, min-naħa l-oħra, ma ġewx diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u minn dan jirriżulta li l-kawża ma hijiex, fuq dan il-punt, f’qagħda li tiġi deċiża. |
117 |
Għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
Fuq l-ispejjeż
118 |
Peress li l-kawża qiegħda tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.