SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
28 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/62/KE – Direttiva 2006/38/KE – Ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastruttura – Artikolu 7(9) – Artikolu 7a(1) u (2) – Tariffi tat-triq – Prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura – Spejjeż ta’ infrastruttura – Spejjeż ta’ operat – Spejjeż relatati mal-pulizija tat-traffiku – Qbiż tal-ispejjeż – Effett dirett – Ġustifikazzjoni a posteriori ta’ rata tat-tariffi tat-triq eċċessiva – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”
Fil-Kawża C-321/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ April 2019, fil-proċedura
BY,
CZ
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Marzu 2020,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal CZ u BY, minn M. Pfnür u A. Winczura, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Bundesrepublik Deutschland, minn J. Hilf, F. Montag u M. Schleifenbaum, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn D. Klebs u J. Möller, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u N. Yerrell, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(9) u tal-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372), kif emendata bid-Direttiva 2006/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2006 (ĠU 2006, L 157, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/62 emendata”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, BY u CZ u, min-naħa l-oħra, il-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar it-talba tagħhom għal rimbors ta’ somom imħallsa bħala tariffi tat-triq għall-użu tal-awtostradi federali Ġermaniżi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/62 emendata jistipula: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq is-sistema tat-toroq trans-Ewropea, jew fuq partijiet ta’ dik is-sistema, biss skond il-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 2 sa 12. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat, li japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq mhux inklużi fis-sistema tat-toroq trans-Ewropea, fosthom fuq toroq paralleli li lejhom jista’ jiġi devjat it-traffiku mis-sistema tat-toroq trans-Ewropea u/jew li jkunu f’kompetizzjoni diretta ma’ ċerti partijiet minn dik is-sistema, jew għal tipi oħra ta’ vetturi bil-mutur mhux koperti bit-tifsira ta’ “vettura” fis-sistema tat-toroq trans-Ewropea, sakemm l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq dan it-tip ta’ toroq ma tiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma tirriżultax f’distorzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi. […] 9. Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ l-irkupru ta’ l-ispejjeż ta’ infrastruttura biss. B’mod speċifiku l-ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq għandhom ikunu relatati ma’ l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni u ma’ l-ispejjeż ta’ l-operazzjoni, tal-manutenzjoni u ta’ l-iżvilupp tas-sistema infrastrutturali kkonċernata. Il-ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq jistgħu jinkludu wkoll dħul fuq il-kapital jew marġni ta’ qligħ ibbażati fuq il-kondizzjonijiet tas-suq. […]” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 7a(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva: “1. Meta jiġu biex jiddeterminaw il-livelli ta’ ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq li għandhom jiġu mitluba fis-sistema infrastrutturali kkonċernata jew f’parti tas-sistema definita b’mod ċar, l-Istati Membri għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni d-diversi spejjeż imniżżla fl-Artikolu 7(9). L-ispejjeż li jittieħdu f’kunsiderazzjoni għandhom jirrelataw mas-sistema infrastrutturali jew parti minnha li fuqha huma mposti l-ħlasijiet għall-użu tat-triq u mal-vetturi li huma soġġetti għall-ħlasijiet għall-użu tat-triq. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jirkuprawx dawn l-ispejjeż permezz ta’ dħul minn ħlasijiet għall-użu tat-triq jew li jirkupraw biss perċentaġġ ta’ l-ispejjeż. 2. Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq għandhom jiġu ddeterminati skond l-Artikolu 7 u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. 3. Fir-rigward ta’ arranġamenti ġodda ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq, minbarra dawk li jinvolvu konċessjoni għall-ħlasijiet għall-użu tat-triq introdotti mill-Istati Membri wara 10 ta’ Ġunju 2008, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż bl-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq il-prinċipji ċentrali ta’ kalkolu mniżżla fl-Anness III. Għal ħlasijiet konċessjonarji ġodda għall-użu tat-triq li jiddaħħlu wara 10 ta’ Ġunju 2008, il-livell massimu ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq għandu jkun ekwivalenti għal, jew anqas minn, il-livell li jkun irriżulta mill-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq il-prinċipji ċentrali ta’ kalkolu mniżżla fl-Anness III. Il-valutazzjoni ta’ tali ekwivalenza għandha ssir abbażi ta’ perjodu ta’ riferenza raġonevolment twil li jkun xieraq għan-natura tal-kuntratt ta’ konċessjoni. Arranġamenti ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq li jkunu diġà fis-seħħ fl10 ta’ Ġunju 2008 jew li għalihom ġew riċevuti offerti jew risposti għal stediniet ta’ negozjar taħt il-proċedura nnegozjata b’segwitu għal proċedura ta’ akkwist pubbliku qabel 10 ta’ Ġunju 2008 m’għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi mniżżla f’dan il-paragrafu, sakemm dawn l-arranġamenti jibqgħu fis-seħħ u dment li ma jiġux modifikati sostanzjalment.” |
|
6 |
L-Anness III tad-Direttiva 1999/62 emendata, intitolat “Prinċipji Ċentrali għall-Allokazzjoni ta’ l-Ispejjeż u l-Kalkolu tal-Ħlasijiet għall-Użu tat-Triq”, jipprovdi, fil-punt 3 tiegħu: “Spejjeż operattivi, ta’ ġestjoni u ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq Dawn l-ispejjeż għandhom jinkludi l-ispejjeż kollha li jsiru mill-operatur ta’ l-infrastruttura li m’humiex koperti taħt is-Sezzjoni 2 u li huma relatati ma’ l-implimentazzjoni, l-operazzjoni u l-ġestjoni ta’ l-infrastruttura u tas-sistema ta’ ħlas għall-użu tat-triq. B’mod partikolari dawn għandhom jinkludu:
L-ispejjeż jistgħu jinkludu ritorn fuq kapital jew marġni ta’ qligħ li jirriflettu l-grad ta’ riskju trasferit. Dawn l-ispejjeż għandhom jiġu diviżi skond bażi ġusta u trasparenti bejn il-klassijiet kollha ta’ vetturi li huma soġġetti għas-sistema ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq.” |
Id-dritt Ġermaniż
|
7 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-ammont tat-tariffi tat-triq għall-użu tal-awtostradi federali Ġermaniżi għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2014 huwa stabbilit, abbażi tal-Artikolu 14(3) tal-Bundesfernstraßenmautgesetz (il-Liġi dwar it-Tariffi tat-Triq fuq it-Toroq Prinċipali Federali) tat-12 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I S, p. 1378), permezz tal-Anness 4 tiegħu. Dan l-anness jistabbilixxi dawn it-tariffi tat-triq abbażi, minn naħa, ta’ ammont stabbilit għal kull kilometru għall-vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li għandhom sa tliet axles u dawk li għandhom erba’ axles jew iktar u, min-naħa l-oħra, għall-kategorija li taqa’ taħtha il-vettura, li hija skont il-livell ta’ tniġġis. Ir-rati tat-tariffi tat-triq jvarjaw bejn EUR 0.141 u EUR 0.288. |
|
8 |
Din il-qorti tippreċiża li r-rata tat-tariffi tat-triq applikabbli għall-perijodu tar-rimbors mitlub, mill-1 ta’ Jannar 2010 sat‑18 ta’ Lulju 2011, ġiet ikkalkolata abbażi tal-Aktualisierung der Wegekostenrechnung der Wegekostenrechnung der Wegekostenrechnung für die Bundesfernstraßen in Deutschland (ir-Rapport ta’ Espert dwar l-ispejjeż tal-infrastruttura tat-toroq fil-Ġermanja) tat-30 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem il-“WKG 2007”), dwar perijodu ta’ kalkolu mis-sena 2007 sas-sena 2012, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-kapital investit fl-akkwist tal-art li fuqha ġew ikkostruwiti l-awtostradi u l-ispejjeż tal-operat tal-infrastruttura tat-toroq, jiġifieri l-ispejjeż ta’ manutenzjoni, l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, l-ispejjeż relatati mas-sistema ta’ ġbir tat-tariffi tat-triq kif ukoll l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
9 |
By u CZ operaw, sal-31 ta’ Awwissu 2015, kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk li teżerċita attivitajiet ta’ trasport bit-triq b’mod partikolari fit-territorju Ġermaniż. |
|
10 |
F’dan ir-rigward, BY u CZ ħallsu, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-18 ta’ Lulju 2011, ammont totali ta’ EUR 12 420.53 lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala tariffi tat-triq għall-użu tal-awtostradi federali Ġermaniżi. |
|
11 |
Peress li qiesu li din is-somma kienet eċċessiva, BY u CZ ippreżentaw rikors intiż sabiex jiksbu r-rimbors tagħha quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja), li ċaħditu. |
|
12 |
By u CZ appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi argumentaw, essenzjalment, li l-modalitajiet ta’ kalkolu li abbażi tagħhom ġew iffissati r-rati tat-tariffi tat-triq li huma kellhom iħallsu wasslu sabiex jiġu stabbiliti rati eċċessivi, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
|
13 |
Sabiex tiddeċiedi fuq id-domanda li saritilha, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm lok li jiġi eżaminat preliminarjament jekk l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62 emendata għandhomx effett dirett u jekk dawn id-dispożizzjonijiet ġewx trasposti b’mod korrett fid-dritt Ġermaniż. |
|
14 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar, fl-ewwel lok, li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte (C‑157/02, EU:C:2004:76), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 ma setax jiġi invokat minn individwi kontra awtorità tal-Istat fil-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni jew ta’ traspożizzjoni inkompleta ta’ din id-direttiva. Madankollu, wara l-emendi magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni għal din id-direttiva bis-saħħa tad-Direttiva 2006/38, hija tqis li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata għandu effett dirett. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni issa tinkludi projbizzjoni li jinqabżu l-ispejjeż skont liema rati ta’ tariffi tat-triq eċċessivi mhux iġġustifikati mill-ispejjeż ta’ infrastruttura huma pprojbiti. |
|
15 |
Fit-tieni lok, hija tistaqsi, essenzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż relatati mal-pulizija tat-traffiku, li ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-istabbiliment tar-rata tat-tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “spejjeż ta’ operat” fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata. |
|
16 |
Barra minn hekk, filwaqt li tirrileva li l-modalitajiet ta’ kalkolu tar-rati ta’ tariffi tat-triq stabbiliti fid-dritt Ġermaniż fihom żbalji, b’mod partikolari fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż li jikkorrispondu għar-remunerazzjoni tal-kapital investit fl-akkwist tal-artijiet li fuqhom inbnew l-awtostradi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ksur tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata jistax jiġi kkonstatat fil-każ li l-ispejjeż ta’ infrastruttura jinqabżu bi ftit. |
|
17 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fid-dritt nazzjonali, in-natura eċċessiva ta’ rata ta’ tariffa tat-triq tista’ tiġi korretta permezz ta’ kalkolu tal-ispejjeż prodott a posteriori fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. Billi tagħmel riferiment għall-punt 138 tas-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑205/98, EU:C:2000:493), hija tistaqsi madankollu jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ li dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-metodu li għandu jiġi segwit sabiex isir tali kalkolu. |
|
18 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda
|
19 |
Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż marbuta mal-pulizija tat-traffiku jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spejjeż ta’ operat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata tipprovdi li t-tariffi tat-triq huma bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura. It-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tispeċifika li t-tariffi tat-triq medji ppeżati għandhom ikunu relatati mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni u mal-ispejjeż ta’ operat, ta’ manutenzjoni u ta’ żvilupp tan-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat. It-tielet sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni tispeċifika li t-tariffi tat-triq medji ppeżati jistgħu jinkludu wkoll dħul fuq il-kapital jew marġni ta’ qligħ skont il-kundizzjonijiet tas-suq. |
|
21 |
L-Artikolu 7a(1) tad-Direttiva 1999/62 emendata jipprevedi li, meta jiddeterminaw il-livelli ta’ tariffi tat-triq medji ppeżati li għandhom jinġabru fuq in-netwerk tal-infrastruttura kkonċernata jew fuq parti tagħha ddelimitata b’mod ċar, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi spejjeż iddefiniti fl-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 7a jippreċiża li t-tariffi tat-triq huma stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta’ dan tal-aħħar u l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. |
|
22 |
Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li t-tariffi tat-triq medji ppeżati għandhom jiġu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-“ispejjeż ta’ l-infrastruttura” imsemmija fl-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata, li f’dan ir-rigward jirreferi għall-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, ta’ operat, ta’ manutenzjoni u ta’ żvilupp tan-netwerk tal-infrastruttura kkonċernat. |
|
23 |
Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu qabel kollox jiġi kkunsidrat li l-ispejjeż rilevanti għall-finijiet tar-risposta għal din id-domanda ma humiex dawk relatati mal-kostruzzjoni, mal-manutenzjoni jew mal-iżvilupp tan-netwerk tal-infrastruttura kkonċernat iżda dawk relatati mal-operat. |
|
24 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kunċett ta’ “spejjeż ta’ operat” imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata, dan jirrigwarda l-ispejjeż li jirriżultaw mill-operat tal-infrastruttura kkonċernata. |
|
25 |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta bid-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 1999/62 emendata, skont liema l-ispejjeż ta’ operat jinkludu l-ispejjeż kollha sostnuti mill-operatur tal-infrastruttura marbuta mal-operat tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm mill-Artikolu 7a(3) ta’ din id-direttiva jsegwi li l-prinċipji fundamentali stabbiliti fl-Anness III tagħha japplikaw għall-kalkolu ta’ tariffi tat-triq medji ppeżati għas-sistemi ta’ tariffi tat-triq stabbiliti wara l-10 ta’ Ġunju 2008, u li dan l-anness ma huwiex, għaldaqstant, applikabbli fil-kawża prinċipali, huwa madankollu jipprovdi indizji dwar il-portata tal-kunċetti ekwivalenti użati fil-kuntest tal-imsemmija direttiva. |
|
26 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-attivitajiet tal-pulizija jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat li jaġixxi fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika u mhux bħala operatur tal-infrastruttura tat-toroq. |
|
27 |
L-ispejjeż marbuta mal-pulizija tat-traffiku ma jistgħux, għaldaqstant, jitqiesu bħala “spejjeż ta’ l-operazzjoni” imsemmija fl-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata. |
|
28 |
Interpretazzjoni bħal din hija kkorroborata mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, mill-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li temenda d-Direttiva 1999/62, ippreżentata fit-23 ta’ Lulju 2003 (COM (2003) 448 final, p. 4), jirriżulta li l-Kummissjoni Ewropea kienet inizjalment ipproponiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rati tat-tariffi tat-triq, l-ispejjeż esterni bħall-ispejjeż tal-inċidenti mhux koperti mill-assigurazzjonijiet li jibqgħu responsabbiltà tal-kumpannija kollha kemm hi. Dawn l-ispejjeż għandhom jinkludu, b’mod partikolari, l-ispejjeż amministrattivi tas-servizzi pubbliċi użati fil-kuntest ta’ inċidenti tat-traffiku. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax din il-proposta fid-Direttiva 1999/62 emendata. |
|
29 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż marbuta mal-pulizija tat-traffiku ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “spejjeż ta’ operat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq il-punt (b) tat-tieni domanda
|
30 |
Permezz tal-punt (b) tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li t-tariffi tat-triq medji ppeżati jaqbżu l-ispejjeż tal-infrastruttura tan-netwerk tal-infrastruttura kkonċernat b’ 3.8 % jew b’ 6 %, b’mod partikolari minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “spejjeż ta’ infrastruttura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 20 u 22 ta’ din is-sentenza, minn naħa, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata tipprevedi li t-tariffi tat-triq huma bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw it-tariffi tat-triq medji ppeżati billi jieħdu inkunsiderazzjoni biss l-“ispejjeż ta’ infrastruttura”, kif elenkati espressament f’dan l-artikolu. |
|
32 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata jipprekludi li b’xi mod jinqabżu l-ispejjeż tal-infrastruttura tan-netwerk tal-infrastruttura kkonċernat li jirriżulta minn żbalji ta’ kalkolu mhux negliġibbli jew mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż li ma jaqgħux taħt dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni, bħall-ispejjeż marbuta mal-pulizija tat-traffiku. |
|
33 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-punt (b) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li t-tariffi tat-triq medji ppeżati jaqbżu l-ispejjeż tal-infrastruttura tan-netwerk tal-infrastruttura kkonċernat bi 3.8 % jew b’ 6 %, minħabba żbalji ta’ kalkolu mhux negliġibbli jew it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “spejjeż ta’ infrastruttura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ewwel domanda
|
34 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk individwu jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(9) u tal-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62 emendata quddiem il-qrati nazzjonali kontra Stat Membru meta dan ma jkunx osserva dawn id-dispożizzjonijiet jew ikun għamel traspożizzjoni skorretta tagħhom. |
|
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom kontra Stat Membru quddiem il-qrati tiegħu, meta dan l-Istat Membru jkun naqas li jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod skorrett (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Ayubi, C‑713/17, EU:C:2018:929, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-implimentazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għat-teħid ta’ xi miżura mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri. Hija preċiża biżżejjed sabiex tiġi invokata minn individwu u applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr, C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 45). |
|
37 |
Fil-punt 42 tas-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte (C‑157/02, EU:C:2004:76), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li la l-Artikolu 7(h) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/89/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ taxxi fuq ċerti vetturi użati għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq u tariffi tat-triq u dazji ta’ użu għall-użu ta’ ċerta infrastruttura (ĠU 1993, L 279, p. 32), u lanqas l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 ma setgħu jiġu invokati minn individwi kontra awtorità tal-Istat fil-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni jew ta’ traspożizzjoni inkompleta ta’ dawn id-direttivi. |
|
38 |
Fil-fatt, fir-rigward tal-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89, skont liema ir-“rati tat-tariffi tat-triq huma marbuta mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, ta’ operat u ta’ żvilupp tan-netwerk tal-infrastruttura kkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, li din id-dispożizzjoni ma setgħetx titqies li hija inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwi kontra awtorità tal-Istat, għar-raġuni, l-ewwel, li l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tippreċiża n-natura tar-rabta li għandha teżisti bejn ir-rati ta’ tariffi tat-triq ikkonċernati u l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, ta’ operat u ta’ żvilupp tan-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernata, it-tieni, li hija ma kinitx tiddefinixxi dawn it-tliet tipi ta’ spejjeż u, fl-aħħar, it-tielet, li, filwaqt li hija kienet timponi linja gwida ġenerali għall-kalkolu tar-rata ta’ tariffi, hija ma kienet tindika ebda metodu għall-kalkolu konkret u kienet tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ ħafna f’dan ir-rigward. |
|
39 |
Fil-punt 41 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din l-evalwazzjoni kienet tapplika a fortiori għall-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62, sa fejn din id-dispożizzjoni kienet ifformulata fi kliem identiku għal dak tal-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89, bl-eċċezzjoni tal-fatt li hija ma kinitx tkopri l-kunċett ta’ “rata ta’ tariffi tat-triq”, iżda dak ta’ “ħlas medju ppeżat għall-użu tat-triq”, mingħajr madankollu ma tiddefinixxih. |
|
40 |
F’dan il-każ, bħalma jsegwi mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata u mill-Artikolu 7a(1) u (2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li t-tariffi tat-triq medji ppeżati għandhom jiġu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-“ispejjeż ta’ infrastruttura”. |
|
41 |
Billi jipprevedi li t-tariffi tat-triq huma bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-“ispejjeż ta’ infrastruttura”, l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata jippreċiża b’mod ċar in-natura tar-rabta li għandha teżisti bejn ir-rati tat-tariffi tat-triq u l-ispejjeż ta’ infrastruttura kkonċernati. |
|
42 |
Barra minn hekk, mill-qari flimkien tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata jsegwi li s-“sistema infrastrutturali kkonċernata” msemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar tikkorrispondi għal sistema ta’ infrastruttura li tinsab fis-“sistema tat-toroq trans-Ewropea”, li hija ddefinita fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva. L-imsemmija direttiva tiddefinixxi wkoll, fl-Artikolu 2 tagħha, il-kunċetti ta’ “tariffi tat-triq”, ta’ “tariffi tat-triq medji ppeżati” kif ukoll ta’ “spejjeż ta’ kostruzzjoni”. |
|
43 |
Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-nuqqasijiet prinċipali enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte (C‑157/02, EU:C:2004:76), li jipprekludu lill-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 milli jkollu effett dirett, għalhekk ġew mimlija mil-leġiżlatur tal-Unjoni waqt l-emendi magħmula lil din id-direttiva permezz tad-Direttiva 2006/38. |
|
44 |
Għalkemm id-Direttiva 1999/62 emendata tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ kalkolu tat-tariffi tat-triq, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax in-natura preċiża u inkundizzjonata tal-obbligu li jiġu ddeterminati t-tariffi tat-triq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-“ispejjeż ta’ infrastruttura”, imsemmija fl-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva. |
|
45 |
Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata u l-Artikolu 7a(1) u (2) ta’ din id-direttiva jimponu fuq l-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu tariffi tat-triq fuq is-sistema tat-toroq trans-Ewropea obbligu preċiż u inkundizzjonat li jiddeterminaw il-livell ta’ dawn it-tariffi tat-triq billi jieħdu inkunsiderazzjoni biss l-“ispejjeż ta’ infrastruttura”, jiġifieri l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, ta’ operat, ta’ manutenzjoni u ta’ żvilupp tas-sistema ta’ infrastruttura kkonċernata. |
|
46 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li individwu jista’ jinvoka direttament quddiem il-qrati nazzjonali l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż ta’ infrastruttura msemmija fl-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata, impost minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-Artikolu 7a(1) u (2) tagħha, kontra Stat Membru meta dan ma jkunx osserva dan l-obbligu jew ikun għamel traspożizzjoni skorretta tiegħu. |
Fuq it-tielet domanda
|
47 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 1999/62 emendata, moqrija fid-dawl tal-punt 138 tas-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑205/98, EU:C:2000:493), għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li rata tat-tariffa tat-triq eċċessiva tkun iġġustifikata a posteriori permezz ta’ kalkolu ġdid tal-ispejjeż ta’ infrastruttura prodott fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali kalkolu għandux ikun ibbażat esklużivament fuq l-ispejjeż reali u d-dħul ta’ tariffi tat-triq realment riċevut u mhux fuq l-ipoteżijiet li kienu ġew adottati fil-kalkolu provviżorju. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, li r-Repubblika tal-Awstrija ma setgħetx tiġġustifika ż-żieda tar-rata tat-tariffi tat-triq applikabbli għall-awtostrada kkonċernata bil-produzzjoni ta’ metodu ġdid ta’ kalkolu tal-ispejjeż peress li, minn naħa, hija ma kinitx spjegat sa liema punt dan il-metodu kien iktar xieraq u li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89, skont liema r-rati tat-tariffi tat-triq huma marbuta mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, ta’ operat u ta’ żvilupp tal-infrastruttura kkonċernata, kien jimplika li l-adattazzjoni tar-rata tat-tariffi tat-triq tiġi wara l-kalkolu li jiġġustifikaha. |
|
49 |
Tali kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali li fih il-ġustifikazzjoni tar-rati tat-tariffi tat-triq ikkunsidrati bħala eċċessivi ma tirriżultax mill-applikazzjoni a posteriori ta’ metodoloġija ġdida ta’ kalkolu iżda mill-aġġornament tal-ispejjeż ta’ infrastruttura meħuda inkunsiderazzjoni inizjalment, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. |
|
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 1999/62 emendata, moqrija fid-dawl tal-punt 138 tas‑sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑205/98, EU:C:2000:493), għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li rata tat-tariffa tat-triq eċċessiva tkun iġġustifikata a posteriori minn kalkolu ġdid tal-ispejjeż ta’ infrastruttura prodotta fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. |
Dwar il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza
|
51 |
Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza fil-każ li hija tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(9) u tal-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62 emendata jipproduċu effett dirett. |
|
52 |
Insostenn tat-talba tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet, fl-ewwel lok, li teżisti inċertezza dwar il-portata tal-kunċett ta’ “spejjeż ta’ operat” fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata, li tirriżulta, fil-parti l-kbira tagħha, mill-aġir adottat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-opinjonijiet tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2014, skont l-Artikolu 7h(2) tad-Direttiva 1999/62/KE dwar l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ tariffi tat-triq fil-Ġermanja (C(2014)9313 final) [traduzzjoni mhux uffiċjali], u tas‑16 ta’ Jannar 2019, skont l-Artikolu 7h(2) tad-Direttiva 1999/62/KE dwar l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ tariffi tat-triq fil-Ġermanja (C(2019)60) [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż relatati mal-pulizija tat-traffiku jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett. |
|
53 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-konsegwenzi finanzjarji gravi li jirriżultaw mill-applikazzjoni retroattiva ta’ din is-sentenza. |
|
54 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet ġuridiċi li nħolqu jew ġew stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’, skont prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jkollha tillimita l-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jinvokaw dispożizzjoni li hija tkun interpretat bl-għan li jiġu kkontestati relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti b’bona fide. Sabiex tkun tista’ tingħata tali limitazzjoni, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Iktar speċifikament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna, b’mod partikolari meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi dovuti b’mod partikolari għan-numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti b’bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa sabiex jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva għal dak li jirrigwarda l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha kien eventwalment ikkontribwixxa l-aġir stess adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma pproduċietx provi ta’ natura li jissodisfaw il-kriterju dwar il-bona fide tal-persuni kkonċernati. |
|
58 |
B’mod partikolari, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 99 u 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom l-opinjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħhom din l-istituzzjoni tat opinjoni favorevoli għal sistemi ġodda ta’ tariffi tat-triq li jinkludu spejjeż ta’ infrastruttura marbuta mal-pulizija tat-traffiku, ikkontribwixxew sabiex jaffettwaw il-portata tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 emendata b’inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva. |
|
59 |
Fil-fatt, ir-rata tat-tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u t-18 ta’ Lulju 2011, kienet ikkalkolata abbażi tal-WKG 2007, li jirrigwarda perijodu ta’ kalkolu bejn is-sena 2007 u s-sena 2012. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija opinjonijiet tal-Kummissjoni seħħew wara dan il-perijodu ta’ kalkolu, u ma setgħux, għaldaqstant, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rata tat-tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-effetti tas-sentenza odjerna jiġu limitati ratione temporis. |
Fuq l-ispejjeż
|
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.