SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/1535 – Artikolu 1 – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni –Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ – Logħob tal-ażżard – Taxxa lokali fuq l-operat tat-terminals fejn jintlagħbu l-imħatri – Leġiżlazzjoni fiskali – Assenza ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea – Infurzabbiltà fil-konfront tal-persuna taxxabbli”

Fil-Kawża C‑711/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

Admiral Sportwetten GmbH,

Novomatic AG,

Ako Gastronomiebetriebs GmbH

vs

Magistrat der Stadt Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn D. Šváby, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Admiral Sportwetten GmbH, Novomatic AG u AKO Gastronomiebetriebs GmbH, minn W. Schwartz, Rechtsanwalt,

għall-Magistrat der Stadt Wien, minn S. Bollinger, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u C. Drexel, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck kif ukoll minn J.-C. Halleux u S. Baeyens, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u R. Verbeke, avocats,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u J. Gomes de Almeida kif ukoll minn A. Pimenta, P. Barros da Costa u A. Silva Coelho, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Jauregui Gomez u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [Informazzjoni] (ĠU 2015, L 241, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Admiral Sportwetten GmbH, Novomatic AG u AKO Gastronomiebetriebs GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, “Admiral et”) u l-Magistrat der Stadt Wien (muniċipalità ta’ Vjenna, iktar ’il quddiem il-“muniċipalità ta’ Vjenna”) rigward il-ħlas tat-taxxa fuq it-terminali fejn jintlagħbu l-imħatri (iktar ’il quddiem it-“taxxa kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1(1)(b) sa (f) tad-Direttiva 2015/1535 jaqra kif ġej:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

‘servizz’, tfisser kull servizz tas-Soċjetà tal-Informatika [Informazzjoni], jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

(i)

‘mill-bogħod’ tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

(ii)

‘b’mezzi elettroniċi’ tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għalkollox permezz ta’ wajers, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

(iii)

‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’ tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali;

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness I;

c)

‘speċifikazzjoni teknika’ tfisser speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi tal- eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità;

[…]

d)

‘ħtiġijiet oħra’ tifsser ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

e)

‘regola dwar is-servizzi’ tfisser ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt (b), b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

f)

‘regolament tekniku’ tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis- suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz;

Ir-regolamenti tekniċi de facto għandhom jinkludu:

i)

il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, jew għall-kodiċijiet professjonali jew il-kodiċijiet ta’ prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, li l-ħarsien tagħhom jagħti preżunzjoni ta’ konformità mal-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq,

ii)

ftehim volontarji li awtorità pubblika tkun parti kontrattanti għalihom u li jipprovdu, fl-interess ġenerali, għal konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, għajr speċifikazzjonijiet dwar l-offerti tal-akkwist pubbliku,

iii)

speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jinkoraġġixxu l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra jew ir-regoli dwar servizzi; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi.

[…]”

4

L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jippreċiża li:

“1.   Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]

Rigward l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew ir-regoli dwar servizzi li hemm referenza għalihom fil-punt (iii) tat-tieni subparagrafu tal-punt (f) tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva, il-kummenti jew l-opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri jista’ jkollhom x’jaqsmu biss mal-aspetti li jistgħu jfixklu l-kummerċ jew, rigward ir-regoli dwar servizzi, il-moviment liberu tas-servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment ta’ operaturi tas-servizz u mhux l- aspetti fiskali jew finanzjarji tal-miżura.”

5

“Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti bit-tieni subparagrafu tal-punt (b) tal-Artikolu 1(1)” tinsab fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Il-punt 1(d) ta’ dan l-Anness I jipprovdi:

“1.   Servizzi mhux ipprovduti ‘mill-bogħod’

Servizzi pprovduti fil-preżenza fiżika tal-fornitur u tar-riċevitur, anke jekk jinvolvu l-użu ta’ mezzi elettroniċi:

[…]

d)

logħob elettroniku magħmul disponibbli f’video arcade fejn il-klijent ikun fiżikament preżenti.”

Id-dritt Awstrijak

6

L-Artikolu 1 tal-Gesetz über die Einhebung einer Wettterminalabgabe, Wiener Wettterminalabgabegesetz (il-Liġi tal-Land ta’ Vjenna dwar il-Ġbir ta’ Taxxa fuq it-Terminals fejn Jintlagħbu l-Imħatri), tal‑4 ta’ Lulju 2016 (LGBl. I, 32/2016; iktar ’il quddiem il-“WWAG”), fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti, jipprovdi:

“Taxxa fuq it-terminals fejn jintlagħbu l-imħatri hija imposta fuq l-operat ta’ terminals fejn jintlagħbu l-imħatri fit-territorju tal-belt ta’ Vjenna.”

7

Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija liġi, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

1)

‘terminal fejn jintlagħbu l-imħatri’: punt ta’ ġbir tal-imħatri f’post partikolari, li huwa konness ma’ linji ta’ trażmissjoni ta’ data ma’ bookmaker jew ma’ totalizzatur u li jippermetti lil persuna li tipparteċipa direttament f’imħatra;

[…]”

8

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, intitolat “Ammont tat-taxxa”, huwa fformulat kif ġej:

“L-ammont tat-taxxa dovuta għall-operat ta’ terminals fejn jintlagħbu l-imħatri jammonta għal EUR 350 għal kull terminal u għal kull xahar kalendarju li jkun beda.

[…]”

9

L-Artikolu 8(1) tal-WWAG jipprevedi:

“L-atti jew l-ommissjonijiet li għandhom l-effett li jevadu t-taxxa jikkostitwixxu ksur amministrattiv u huma ssanzjonati b’multa għal ammont massimu ta’ EUR 42000; f’każ li jkun impossibbli li tinġabar il-multa, għandha tingħata piena ta’ priġunerija bħala sostituzzjoni għal tul massimu ta’ sitt ġimgħat. L-elużjoni tibqa’ sakemm il-persuna taxxabbli tkun wettqet l-awtolikwidazzjoni jew l-amministrazzjoni fiskali tiffissa l-ammont tat-taxxa b’deċiżjoni. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Admiral et jeżerċitaw attivitajiet marbuta mal-operat ta’ terminals fejn jintlagħbu l-imħatri. B’mod iktar preċiż, Admiral Sportwetten tinstalla tali terminals, Novomatic hija l-proprjetarja tagħhom u AKO Gastronomiebetriebs hija proprjetarja ta’ post użat għall-operat ta’ dawn it-terminals.

11

Mix-xahar ta’ Awwissu 2016, Admiral et ressqu quddiem il-muniċipalità ta’ Vjenna, sabiex jiksbu l-iffissar tal-ammont tat-taxxa kontenzjuża għal EUR 0, minħabba li ma kienx jeżisti obbligu fiskali.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2016, il-muniċipalità ta’ Vjenna stabbilixxiet għal EUR 350 għal kull xahar u għal kull terminal l-ammont ta’ din it-taxxa dovuta minn Admiral et għax-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2016. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Jannar u tal‑24 ta’ Lulju 2017, l-istess ammont ġie ffissat għall-perijodi minn Novembru sa Diċembru 2016 kif ukoll għax-xhur minn Jannar sa Ġunju 2017.

13

Admiral et ippreżentaw kull waħda rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet, billi sostnew li r-regoli dwar it-terminals fejn jintlagħbu l-imħatri li jinsabu fil-WWAG jikkostitwixxu regolamenti tekniċi li l-abbozz tagħhom kellu jiġi kkomunikat fil-pront lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535.

14

Fit‑23 ta’ Awwissu 2018, l-imsemmija rikorsi ġew miċħuda mill-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija) li kkonstatat li l-imsemmija regolamenti ma kinux jikkostitwixxu regolamenti tekniċi. Il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija) irrifjutat li teżamina l-appell kontra din id-deċiżjoni, li ġie ppreżentat quddiemha minn Admiral et.

15

Fit‑23 ta’ Awwissu 2018, Admiral et ippreżentaw quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija) appell fuq punt ta’ liġi kontra d-deċiżjoni tal-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi).

16

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-WWAG kellhom jiġu kklassifikati bħala “regolamenti tekniċi”, fis-sens tad-Direttiva 2015/1535, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni jkollu l-effett li jipprojbixxi l-ġbir tat-taxxa kontenzjuża u li, bħala konsegwenza, ikun hemm lok li tiġi kkonstatata l-assenza ta’ obbligu fiskali tal-appellanti fl-appell fuq punt ta’ liġi.

17

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “regolament tekniku”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535, il-qorti tar-rinviju tqis li, għalkemm il-WWAG tirreferi għat-terminals fejn jintlagħbu l-imħatri, din madankollu ma tirregolax il-karatteristiċi konkreti tat-terminals fejn jintlagħbu l-imħatri, b’mod li ma tikkostitwixxix “speċifikazzjoni teknika”.

18

Filwaqt li tiċċita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kategorija ta’ “ħtiġijiet oħra”, din il-qorti tosserva li, għalkemm il-WWAG ma tinkludix projbizzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li din il-leġiżlazzjoni hija intiża, minbarra għat-tassazzjoni, li tiskoraġġixxi dawn it-tipi ta’ mħatri, b’mod li, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ma jistax jiġi eskluż li hija tikkonċerna ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott wara t-tqegħid fis-suq tiegħu, li huwa ta’ natura li jaffettwa direttament il-kummerċjalizzazzjoni tat-terminals fejn jintlagħbu l-imħatri. Issa, il-qorti tar-rinviju tosserva li n-numru ta’ dawn it-terminals fi Vjenna essenzjalment baqa’ l-istess.

19

Fir-rigward tal-kategorija tar-“regoli dwar is-servizzi”, il-qorti tar-rinviju tosserva li din tikkonċerna biss is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Skont din il-qorti, ma jidhirx li huwa eskluż, għall-istess kunsiderazzjonijiet imressqa fir-rigward tal-kategorija ta’ “ħtiġijiet oħra”, li d-dispożizzjonijiet tal-WWAG jistgħu jikkostitwixxu “regoli dwar is-servizzi”, sa fejn dawn jistgħu jikkonċernaw il-provvista ta’ informazzjoni fuq l-imħatri possibbli u l-konklużjoni ta’ mħatri li jinvolvu l-operat ta’ terminals fejn jintlagħbu l-imħatri.

20

Fir-rigward tal-kategorija tal-“projbizzjonijiet”, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjonijiet tal-WWAG ma jaqgħux taħt l-imsemmija kategorija sa fejn dawn ma jinkludu ebda projbizzjoni, iżda jipprevedu sanzjonijiet fil-każijiet ta’ atti jew ta’ ommissjonijiet li għandhom l-effett li tiġi evaża t-taxxa.

21

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kategorija tar-“regolamenti tekniċi de facto”, din il-qorti tosserva li l-WWAG ma tirreferix għal dispożizzjonijiet oħra u b’mod partikolari mhux għall-Gesetz über den Abschluss und die Vermittlung von Wetten, Wiener Wettengesetz (il-Liġi dwar il-Konklużjoni u l-Medjazzjoni tal-Imħatri, il-Liġi tal-Land ta’ Vjenna dwar l-Imħatri), tat‑13 ta’ Mejju 2016 (LGBI 26/2016), kif emendata mill-Gesetz, mit dem das Gesetz über den Abschluss und die Vermittlung von Wetten (Wiener Wettengesetz) geändert wird (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Konklużjoni u l-Medjazzjoni tal-Imħatri, il-Liġi tal-Land ta’ Vjenna fuq l-Imħatri), tas‑6 ta’ Awwissu 2019 (LGBl. 43/2019, iktar ’il quddiem il-“WW”), b’mod li ma taqax taħt din il-kategorija.

22

Barra minn hekk u jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet tal-WWAG għandhom jiġu kklassifikati bħala “regolamenti tekniċi”, fis-sens tad-Direttiva 2015/1535, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-nuqqas tal-komunikazzjoni minn qabel tal-abbozz tal-WWAG, b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535, huwiex rifless fin-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-individwi.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1 tad-Direttiva [2015/1535] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-[WWAG] li jistabbilixxu taxxa fuq l-operat ta’ terminals ta’ tqegħid fl-imħatri għandhom jitqiesu bħala “regolamenti tekniċi” fis-sens ta’ dan l-artikolu?

2)

L-ommissjoni li jiġu kkomunikati d-dispożizzjonijiet [tal-WWAG] fis-sens tad-Direttiva 2015/1535 tostakola l-ġbir ta’ taxxa bħat-taxxa fuq it-terminals ta’ tqegħid fl-imħatri?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2015/1535 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali fiskali li tistabbilixxi taxxa fuq l-operat ta’ terminals fejn jintlagħbu l-imħatri tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

25

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” ikopri erba’ kategoriji ta’ miżuri, jiġifieri, l-ewwel nett, l-“ispeċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2015/1535, it-tieni nett, il-“ħtiġijiet oħra” kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1)(d) ta’ din id-direttiva, it-tielet nett, ir-“regola dwar is-servizzi” prevista fl-Artikolu 1(1)(e) tal-imsemmija direttiva, u, ir-raba’ nett, il-“liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tal-istess direttiva (ara, fir-rigward tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r- regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [Informazzjoni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8), sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, VG Media,C‑299/17, EU:C:2019:716, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li, sabiex miżura nazzjonali taqa’ taħt l-ewwel kategorija ta’ regolamenti tekniċi, imsemmija fl-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2015/1535, jiġifieri taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika”, din il-miżura għandha tirreferi neċessarjament għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu inkwantu tali u għaldaqstant tistabbilixxi waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, VG Media, C‑299/17, EU:C:2019:716, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata)

27

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-terminals fejn jintlagħbu l-imħatri ma humiex irregolati mill-WWAG, iżda mill-WW, leġiżlazzjoni li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni b’mod konformi mad-Direttiva 2015/1535.

28

Għalhekk, l-Artikolu 1, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-WWAG, sempliċement jiddefinixxi dak li għandu jinftiehem b’ “terminal fejn jintlagħbu l-imħatri” għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa kontenzjuża, jiġifieri, l-operat ta’ dawn it-terminals, mingħajr madankollu ma jiddetermina l-karatteristiċi meħtieġa tagħhom u minkejja l-fatt li jipproċedi għad-deskrizzjoni tagħhom.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 1, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-WWAG, ma tikkostitwixxix “speċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2015/1535.

30

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħtiġijiet oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) tad-Direttiva 2015/1535, għandu jitfakkar li dan il-kunċett ikopri rekwiżit, minbarra speċifikazzjoni teknika, impost fir-rigward ta’ prodott għal raġunijiet ta’ protezzjoni, b’mod partikolari tal-konsumaturi jew tal-ambjent, u li jirrigwarda ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara t-tqegħid fis-suq, bħall-kundizzjonijiet tiegħu ta’ użu, ta’ riċiklaġġ, ta’ użu mill-ġdid jew ta’ eliminazzjoni meta dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.

31

F’dan il-każ, l-ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 1, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-WWAG, jinkludi kundizzjoni li tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni, l-użu jew il-kummerċjalizzazzjoni tat-terminals fejn jintlagħbu l-imħatri. Dawn id-dispożizzjonijiet huma limitati, hekk kif dan diġà ġie rrilevat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa kontenzjuża.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 1, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-WWAG, ma taqax taħt il-kategorija ta’ “ħtiġijet oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) tad-Direttiva 2015/1535.

33

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kategorija tar-“regoli dwar is-servizzi”, għandu jiġi rrilevat li mill-ittra (d) tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2015/1535 jirriżulta li “logħob elettroniku magħmul disponibbli f’video arcade fejn il-klijent ikun fiżikament preżenti”, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ logħob tal-imħatri permezz tat-terminals inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi servizz mhux ipprovdut mill-bogħod.

34

Issa, il-klassifikazzjoni bħala “regoli dwar is-servizzi”, prevista fl-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva, tippreżumi, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ servizz ipprovdut mill-bogħod.

35

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi servizz li ma huwiex ipprovdut mill-bogħod ma taqax taħt il-kategorija tar-“regoli dwar is-servizzi”.

36

Fir-raba’ lok, f’dak li jikkonċerna l-kategorija tar-“regolamenti tekniċi” li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535, għandu jitfakkar li din tirrigwarda l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jipprojbixxu l-manifattura, l-importazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu ta’ prodott jew li jipprojbixxu l-provvista jew l-użu ta’ servizz jew li persuna tistabbilixxi ruħha bħala fornitur ta’ servizzi. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-projbizzjonijiet ta’ użu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn il-projbizzjonijiet jinkludu miżuri li għandhom portata li b’mod ċar tmur lil hinn minn limitazzjoni għal ċerti użi possibbli tal-prodott inkwistjoni u għalhekk ma humiex limitati għal sempliċi restrizzjoni tal-użu tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Lindberg, C‑267/03, EU:C:2005:246, punt 76).

37

Issa, f’dan il-każ, l-Artikolu 1, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-WWAG, ma jinkludi ebda projbizzjoni, b’tali mod li ma jaqax taħt din il-kategorija ta’ regolamenti tekniċi. Il-fatt li jiġi stabbilit li l-Artikolu 8(1) tal-WWAG jipprevedi sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa kontenzjuża ma jikkontestax din il-konklużjoni inkwistjoni. Fil-fatt, is-sanzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni ma japplikawx għall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas għas-servizz tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-imħatri, iżda għall-persuna suġġetta għat-taxxa kontenzjuża.

38

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tar-regolamenti tekniċi de facto, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f)(iii) tad-Direttiva 2015/1535, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni fiskali li ma hija akkumpanjata minn ebda speċifikazzjoni teknika u lanqas minn xi rekwiżit ieħor li hija tfittex li tiżgura l-osservanza tiegħu ma tistax tiġi kklassifikata bħala “regolament tekniku de facto” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 97).

39

F’dan il-każ, minn naħa, ma jistax jiġi sostnut li l-Artikolu 1, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-WWAG, jikkostitwixxi miżura fiskali li taffettwa l-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi tinkoraġġixxi l-osservanza ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, rekwiżiti jew regoli dwar is-servizzi oħra, sa fejn ma hemm xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jindika li l-obbligu li titħallas din it-taxxa huwa intiż li jiżgura l-osservanza tar-regolamenti tekniċi dwar it-terminals fejn jintlagħbu l-imħatri li, min-naħa tagħhom, jinsabu f’leġiżlazzjoni oħra, jiġifieri, l-WW. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tinkludix speċifikazzjonijiet tekniċi, ħtiġijiet jew regoli dwar is-servizzi oħra.

40

Isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 1, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-WWAG, ma taqax taħt il-kategorija ta’ “regolamenti tekniċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535.

41

Konsegwentement, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2015/1535 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali fiskali li tistabbilixxi taxxa fuq l-operat ta’ terminals fejn jintlagħbu l-imħatri ma tikkostitwixxix “regolament tekniku”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

Fuq it-tieni domanda

42

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [Informazzjoni], għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali fiskali li tistabbilixxi taxxa fuq l-operat ta’ terminals fejn jintlagħbu l-imħatri ma tikkostitwixxix “regolament tekniku”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.