SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

17 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Promozzjoni tal-koġenerazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi skema ta’ għajnuna – Skema ta’ għajnuna favur installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja li tmur lil hinn mill‑31 ta’ Diċembru 2010”

Fil-Kawża C‑92/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

Burgo Group SpA

vs

Gestore dei Servizi Energetici SpA – GSE

fil-preżenza ta’:

Ministero dello Sviluppo economico,

Autorità per l’Energia elettrica e il Gas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. Von Danwitz u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Burgo Group SpA, minn R. Montanaro, L. G. Ferrua Magliani u E. Assuntini, avvocati,

għal Gestore dei Servizi Energetici SpA ‐ GSE SpA, minn A. Police, A. Pugliese u P. R. Molea, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara kif ukoll minn D. Recchia, K. Talabér-Ritz u Y. G. Marinova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija u li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU 2004, L 52, p. 50), tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn Burgo Group SpA u Gestore dei Servizi Energetici SpA – GSE (kumpannija li topera s-servizzi tal-enerġija, l-Italja) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħti lil Burgo Group il-benefiċċju ta’ skema ta’ sostenn li tipprevedi b’mod partikolari l-eżenzjoni mix-xiri ta’ “ċertifikati ħodor”.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2004/8 ġiet adottata taħt il-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent abbażi tal-Artikolu 175(1) KE.

4

Il-premessi 2, 11, 16, 24, 26 u 32 ta’ din id-direttiva jiddikjaraw:

“(1)

Il-potenzal għal użu tal-koġenerazzjoni bħala miżura biex tfaddal l-enerġija hija sottoutilizzata fil-Komunità fil-preżent. Il-promozzjoni ta’ kogenerazzjoni b’effiċjenza għolja bbażata fuq id-domanda għal sħana utli hija prijorità tal-Komunità minħabba il-benefiċċji potenzali tal-koġenerazzjoni b’rigward lejn it-tfaddil ta’ l-enerġija primarja, tevita telf min-networks u tnaqqas l-emissjonijiet, partikolarment ta’ gassijiet serra. Barra dan, l-użu effiċjenti ta’ l-enerġija bil-koġenerazzjoni jista’ jikkontribwixxi pożittivament ukoll għas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija u għas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Huwa għalhekk neċessarju li jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-potenzal huwa esplojtjat aħjar ġewwa l-kwadru tas-suq intern ta’ l-enerġija.

(2)

Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tas‑26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE – Dikjarazzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ deklassifikazzjoni u ta’ mmaniġġjar tal-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211),) tistabbilixxi regoli komuni għal-ġenerazzjoni, trasmissjoni, distribuzzjoni u provvista ta’ l-elettriċità ġewwa s-suq intern fl-elettriċità. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni jikkontribwixxi għat-tijieb tal-Kompetizzjoni, ukoll b’rigward lejn atturi tas-suq ġodda.

[…]

(11)

Koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja hija f’din id-Direttiva definita mit-tfaddil ta’ enerġija miksuba bi produzzjoni kombinata minflok produzzjoni separata ta’ sħana u elettriċità. Tfaddil ta’ enerġija ta’ iktar minn 10 % jikkwalifikaw għat-terminu “koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja”. Biex tkabbar it-tfaddil ta’enerġija u biex tevita li t-tfaddil ta’ l-enerġija jintilef, l-akbar attenzjoni trid tingħata lill-kondizzjonijiet tal-ħidma ta’ l-unitajiet ta’ koġenerazzjoni.

[…]

(15)

L-għan ġenerali ta’ din id-Direttiva għandu jkun li tistabbilixxi metodu armonizzat għal kalkolazzjoni ta’ l-elettriċità mill-koġenerazzjoni u linji gwida neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha, tieħu qies tal-metodoloġiji bħal dawk bħalissa taħt żvilupp mill-organizzazzjonijiet ta’ standardazzjoni Ewropej. Dan il-metodu għandu jkun aġġustat biex jieħu qies tal-progress tekniku. L-Applikazzjoni tal-kalkulazzjonijiet fl-Annessi II u III għal unitajiet tal-mikro-koġenerazzjoni jistgħu, skont il-prinċipju ta’proporzjonalità, jkunu bbażati fuq valuri li rriżultaw minn proċess ta’ ttestjar iċċertifikat minn korp kompetenti, indipendenti.

(16)

Id-definizzjonijiet ta’ koġenerazzjoni u koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja użati f’din id-Direttiva ma jiġġudikawx minn qabel l-użu ta’ definizzjonijiet differenti fil-leġislazzjoni nazzjonali, għall-iskopijiet għajr dawk iddikjarati f’din id-Direttiva. […]

[…]

(24)

L-appoġġ pubbliku għandu jkun [L-għajnuna pubblika għandha tkun] konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal-Komunità fuq għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ta’ l-ambjent, inkluż fir-rigward ta’ non-kumulazzjoni ta’ l-għajnuna. Dawn il-linji gwida preżentament iħallu ċertu tip ta’ appoġġ pubbliku jekk jista’ jiġi esibit li l-miżuri ta’ appoġġ huma ta’ benefiċċju skond il-protezzjoni ta’ l-ambjent minħabba li l-konverż’joni ta’ l-effiċjenza hija partikolarment għolja, minħabba li l-miżuri ser iħalli l-konsum ta’ l-enerġija jiġi mnaqqas jew minħabba l-proċess ta’ produzzjoni ser ikun inqas ta’ ħsara għall-ambjent. Appoġġ bħal dan ser f’xi każi jkun neċessarju biex tesplojtja iktar il-potenzal għal koġenerazzjoni, partikolarment biex tieħu qies għal bżonn biex tassimila spejjeż esterni.

[…]

(26)

L-Istati Membri iħaddmu mekkaniżmi differenti ta’ appoġġ għal koġenerazzjoni f’livell nazzjonali, inkluż għajnuna għal investiment, eżenzjonijiet jew riduzzjonijet ta’ taxxa, ċertifikati ħodor u skemi ta’ appoġġ għal prezzijiet diretti. Mezz importanti biex totjeni l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiggarantixxi l-ħidma kif suppost ta’ dawn il-mekkaniżmi, sakemm kwadru armonizzat tal-Komunità jiġi mħaddem, sabiex iżomm l-kunfidenza ta’ l-investitur. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ssegwi s-sitwazzjoni u tirraporta fuq l-esperjenzi akkwistati mill-applikazzjoni ta’ l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali

[…]

(32)

Skond il-prinċipji tas-sussidjarità u l-proporzjonalità kif iddikjarati fl-Artikolu 5 [TUE], prinċipji ġenerali li jipprovdu kwadru għal promozzjoni tal-koġenerazzjoni fis-suq intern ta’ l-enerġija għandhom jiġu stabbiliti fil-livell Komunitarju, imma l-implimentazzjoni dettaljata għandha titħalla lill-Istati Membri, għalhekk tippermetti lil kull Stat Membru li jagħżel ir-reġim, li l-aħjar jikkorispondi għas-sitwazzjoni tiegħu partikolari. Din id-Direttiva tillimita lilha nnfisha għal minimu rikjest sabiex totjeni dawk l-għanijiet u ma tmurx oltre dak li hu neċessarju għal dak l-iskop.”

5

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/8, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa “li jkabbar l-effiċjenza ta’ l-enerġija u jtejjeb is-sigurtà tal-provvista billi joħloq kwadru għal promozzjoni u żvilupp ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja [b’effiċjenza għolja] ta’ enerġija elettrika u termali bbażata fuq id-domanda għal sħana utli u t-tfaddil ta’ enerġija primarja fis-suq intern ta’ l-enerġija, tieħu qies taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi speċjalment li jikkonċernaw l-kondizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi.”

6

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/8 jipprevedi li din id-direttiva “għandha tapplika għal koġenerazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 u teknoloġiji ta’ koġenerazzjoni elenkati fl-Anness I.”

7

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)

‘koġenerazzjoni’ għandha tfisser il-ġenerazzjoni simultanja fi proċess wieħed ta’ enerġija termali u elettrika u/jew enerġija mekkanika;

[…]

i)

‘koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja’ għandha tfisser koġenerazzjoni li tilħaq il-kriterja ta’ l-Anness III;

[…]”

8

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skemi ta’ appoġġ”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li appoġġ għal koġenerazzjoni – unitajiet eżisteni u futuri – huwa bbażat fuq id-domanda għal sħana utli u tfaddil ta’ enerġija primarja, fid-dawl ta’ l-opportunitajiet għad-dispożizzjoni għat-tnaqqis fid-domanda ta’ l-enerġija minn miżuri ekonomikament prattiċi jew ambjentalment vantaġġużi oħra bħal miżuri ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija oħra.”

9

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/8, intitolat “Kalkolazzjonijiet alternattivi”, fil-paragrafu 3 tiegħu jiddikjara:

“Sa l-aħħar ta’ l-2010, l-Istati Membri jistgħu, billi jużaw metodoloġiji alternattivi, jiddefinixxu koġenerazzjoni bħal koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja mingħjar ma’ jivverifikaw li l-produzzjoni tal-koġenerazzjoni taderixxi ma’ l-Anness III(a), jekk ikun pruvat fuq livell nazzjonali li l-produzzjoni ta# koġenerazzjoni ddentifikata b’metodoloġija ta’ kalkolazzjoni alternattiva bħal din fuq medja taderixxi mal-kriterja fl-Anness III(a). […]”

10

L-Anness III ta’ din id-direttiva, intitolat “Metodoloġija biex tistabilixxi l-effiċjenza tal-proċess ta’ koġenerazzjoni”, jippreċiża fil-punt (a) tiegħu li, għall-fini ta’ din id-direttiva, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja għandha tissodisfa kriterji differenti, b’mod partikolari dak li skontu “[p]roduzzjoni ta’ koġenerazzjoni prodotta minn unitajiet ta’ koġenerazzjoni għandhom jipprovdu tfaddil ta’ enerġija primarja kalkolati skond punt (b) ta’ mill-inqas 10 % komparati mar-referenzi għal produzzjoni separata ta’ sħana u elettriċità”.

Id-dritt Taljan

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999

11

Id-decreto legislativo n. 79 – Attuazione della direttiva 96/92/CE recante norme comuni per il mercato interno dell’energia elettrica (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 79, li jittrasponi d-Direttiva 96/92/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku), tas‑16 ta’ Marzu 1999 (GURI Nru 75, tal‑31 ta’ Marzu 1999), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999”), jipprevedi, fl-Artikolu 2(8) tiegħu:

“Il-koġenerazzjoni hija l-produzzjoni konġunta ta’ enerġija elettrika u ta’ sħana fil-kundizzjonijiet iddefiniti mill-[Autorità per l’Energia elettrica e il Gas (l-Awtorità għall-Enerġija Elettrika u l-Gass, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AEEG”)], li tiggarantixxi ekonomija sinjifikattiva ta’ enerġija meta mqabbla ma’ produzzjonijiet separati.”

12

Skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv:

“L-[AEEG] tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tali li jiggarantixxu lill-utenti kollha tan-network il-libertà ta’ aċċess taħt l-istess kundizzjonijiet, l-imparzjalità u n-newtralità tas-servizz ta’ trasport u ta’ dispaċċ. Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Awtorità ssegwi l-għan intiż għall-użu l-iktar effikaċi possibbli tal-enerġija elettrika prodotta jew, fi kwalunkwe każ, introdotta fin-netwerk tal-elettriku nazzjonali, fl-osservanza tar-restrizzjonijiet tekniċi ta’ dan tal-aħħar. L-awtorità tipprevedi wkoll l-obbligu li tintuża bi prijorità l-enerġija elettrika prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u dik prodotta mill-koġenerazzjoni.”

13

L-Artikolu 11 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv jipprevedi:

“1.   Sabiex jiġi mgħejjun l-użu tal-enerġiji rinnovabbli, l-iffrankar tal-enerġija, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u l-użu tar-riżorsi nazzjonali tal-enerġija, mill-2001, l-importaturi u l-entitajiet responsabbli mill-installazzjonijiet li, kull sena, jimportaw jew jipproduċu enerġija elettrika minn sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli għandhom l-obbligu li jdaħħlu fin-netwerk nazzjonali, matul is-sena ta’ wara, kwota ta’ elettriku aħdar li joriġina minn installazzjonijiet li daħlu fis-servizz jew li żiedu l-produzzjoni tagħhom, fil-limiti tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni supplimentari, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.

2.   L-obbligu previst fil-paragrafu 1 japplika għall-importazzjonijiet u għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, sa fejn mhux inkluża l-koġenerazzjoni, il-konsum proprju tal-impjant u l-esportazzjonijiet, ta’ iktar minn 100 GWh; il-kwota msemmija fil-paragrafu 1 hija inizjalment stabbilita għal tnejn fil-mija ta’ din l-enerġija ta’ iktar minn 100 GWh.

3.   L-istess entitajiet jistgħu wkoll jissodisfaw dan l-obbligu billi jiksbu, kompletament jew parzjalment, il-kwota ekwivalenti jew id-drittijiet relatati mingħand produtturi oħra, bil-kundizzjoni li tiġi injettata l-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fin-network tal-elettriku nazzjonali, jew mingħand l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali. […]”

4.   L-operatur tan-network ta’ trażmissjoni nazzjonali għandu jiggarantixxi l-prijorità għall-enerġija elettrika prodotta minn installazzjonijiet li jużaw, fl-ordni, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, sistemi ta’ koġenerazzjoni, abbażi ta’ kriterji speċifiċi ddefiniti mill-[AEEG], u sorsi nazzjonali ta’ enerġija primarja tal-kombustibbli, dawn tal-aħħar għal kwota massima annwali li ma taqbiżx ħmistax fil-mija tal-enerġija primarja kollha meħtieġa għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika kkunsmata.

[…]”

14

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ għajnuna previst fl-Artikolu 11(1) sa (4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 tneħħa għal installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni għajr dawk b’effiċjenza għolja, u dan mill‑1 ta’ Jannar 2016, bl-Artikolu 25 tad-decreto legislativo n. 28 – Attuazione della direttiva 2009/28/CE sulla promozione dell’uso dell’energia da fonti rinnovabili, recante modifica e successiva abrogazione delle direttive 2001/77/CE e 2003/30/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28 li jittrasponi d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE), tat‑ 3 ta’ Marzu 2011 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 71, tat‑28 ta’ Marzu 2011).

15

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-decreto legislativo n. 102 – Attuazione della direttiva 2012/27/UE sull’efficienza energetica, che modifica le diretive 2009/125/CE e 2010/30/UE e abroga le direttive 2004/8/CE e 2006/32/KE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 102 li jittrasponi d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE), tal‑4 ta’ Lulju 2014 (GURI Nru 165, tat‑18 ta’ Lulju 2014), ressaq id-data tat-tneħħija ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ għajnuna għad‑19 ta’ Lulju 2014.

Id-Deċiżjoni Nru 42/02 tal-AEEG

16

Skont l-Artikolu 2(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999, l-AEEG iddefinixxiet, permezz tad-Deċiżjoni tagħha Nru 42/02, tad‑19 ta’ Marzu 2002, il-kundizzjonijiet minimi neċessarji sabiex impjant ikun jista’ jikklassifika bħala impjant ta’ produzzjoni ta’ elettriku bħala installazzjoni ta’ “koġenerazzjoni”.

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 20/2007

17

Id-decreto legislativo n. 20 – Attuazione della direttiva 2004/8/CE sulla promozione della cogenerazione basata su una domanda di calore utile nel mercato interno dell’energia, nonché modifica alla direttiva 92/42/CEE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 20, li jittrasponi d-Direttiva 2004/8), tat‑8 ta’ Frar 2007 (GURI Nru 54, tas‑6 ta’ Marzu 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 20/2007”), jipprevedi, fl-Artikolu 3(1) tiegħu:

“Sal‑31 ta’ Diċembru 2010, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu2, għandha titqies bħala koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja l-koġenerazzjoni li tissodisfa d-definizzjoni li hemm fl-Artikolu 2(8) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 79/1999].”

18

L-Artikolu 6(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 20/2007 jiddisponi li:

“Sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna għall-koġenerazzjoni tkun ibbażata fuq id-domanda għal sħana utli u fl-istess ħin fuq l-iffrankar tal-enerġija primarja, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3), tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 11(2) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 79/1999]. Il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja tibbenefika minn vantaġġi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 79/1999] u tal-Artikolu 16(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 164 tat‑23 ta’ Mejju 2000.”

19

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Anness III tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 20/2007 ittraspona fl-ordinament ġuridiku Taljan l-Anness III tad-Direttiva 2004/8.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Burgo Group għandha diversi installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni fl-Italja, li simultanjament jipproduċu l-elettriku u s-sħana utli. Din il-kumpannija talbet lill-GSE jeżentah mill-obbligu li jixtri ċertifikati ħodor, previst fid-dritt nazzjonali, għall-2011 sal-2013, għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni tagħha.

21

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija installazzjonijiet kienu bbenefikaw minn tali eżenzjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2010, skont id-Deċiżjoni Nru 42/02 adottata mill-AEEG.

22

Kull waħda mill-applikazzjonijiet għal eżenzjoni mill-obbligu li jinxtraw ċertifikati ħodor magħmula minn Burgo Group mingħand il-GSE għall-2011 sal-2013 ġiet miċħuda minn din tal-aħħar, minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, jiġifieri d-Digriet Leġiżlattiv Nru 20/2007, li ttraspona d-Direttiva 2004/8 fid-dritt nazzjonali, tipprevedi li, mill‑1 ta’ Jannar 2011, huma biss l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li josservaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta’ dan id-digriet, li jittrasponi l-Anness III ta’ din id-direttiva, li jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi previsti fid-dritt nazzjonali, li skonthom tinsab l-eżenzjoni minn xiri ta’ ċertifikati ħodor. Issa, l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jappartjenu lil Burgo Group ma josservawx dawn il-kriterji minħabba li ma għandhomx il-karatteristiċi tal-installazzjonijiet b’effiċjenza għolja.

23

Burgo Group ippreżentat diversi rikorsi għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li kollha ġew miċħuda permezz ta’ sentenzi mogħtija matul l-2015.

24

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, permezz ta’ dawn is-sentenzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) qieset, essenzjalment, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/8 u konformement mal-miżura nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni, mill‑1 ta’ Jannar 2011, huma biss l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja li jkunu jew li jkunu saru konformi mal-kriterji ta’ effiċjenza enerġetika msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva li jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi previsti fid-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, mill-eżenzjoni miċ-ċertifikati ħodor. Hija tindika, fit-tieni lok, li l-qorti tal-ewwel istanza qieset li minn dan l-Artikolu 12(3) kif ukoll mill-miżura nazzjonali li tittrasponih kien jirriżulta wkoll li, sal‑31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jiffissaw metodu ieħor ta’ definizzjoni tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, bil-kundizzjoni li jkun intwera li dan il-metodu kien jikkorrispondi, bħala medja, għall-kriterji msemmija f’dan l-Anness III.

25

B’hekk, id-Deċiżjoni Nru 42/02 tal-AEEG tipprevedi tali metodu alternattiv ta’ definizzjoni tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, li jista’, konformement mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/8, kif ukoll mad-dritt nazzjonali li jittrasponi dan l-artikolu, japplika sal‑31 ta’ Diċembru 2010. Barra minn hekk, kull interpretazzjoni kuntrarja, l-ewwel nett, iċċaħħad minn kull sinjifikat il-kelma indikat f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2010, it-tieni nett, ixxejjen il-portata tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva u, it-tielet nett, trendi inutli l-isforz teknoloġiku u ekonomiku tal-persuni li investew sabiex jadattaw l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni sabiex dawn ikunu konformi mal-kriterji ta’ effiċjenza enerġetika msemmija f’dan l-anness.

26

Peress li qieset li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) wettqet żbalji fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2004/8, Burgo Group appellat minn dawn is-sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

27

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Burgo Group sostniet, b’mod partikolari, li kien b’mod żbaljat li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Settembru 2013, IBV AP Cie (C‑195/12, EU:C:2013:598), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-iskema nazzjonali ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza mhux biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, iżda wkoll għall-installazzjonijiet kollha ta’ koġenerazzjoni. Barra minn hekk, skont din il-kumpannija, id-dritt nazzjonali jippermetti l-applikazzjoni tal-vantaġġi u, b’mod partikolari, tal-eżenzjoni mix-xiri ta’ ċertifikati ħodor, għall-kumpanniji li joperaw installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li ma għandhomx effiċjenza għolja, u dan anki wara Diċembru 2010. B’hekk, l-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999, li jipprevedi, b’mod partikolari, l-eżenzjoni mill-akkwist ta’ ċertifikati ħodor għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni tħassar biss mid‑19 ta’ Lulju 2014.

28

Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva [2004/8] (b’mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha) tipprekludi interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 20/2007 fis-sens li jippermettu r-rikonoxximent tal-vantaġġi previsti fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 (b’mod partikolari, dawk previsti fl-Artikolu 11 kif ukoll fid-Deċiżjoni 42/02 tad‑19 ta’ Marzu 2002 tal-[AEGG], li tikkostitwixxi l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni preċedenti) ukoll għall-impjanti ta’ koġenerazzjoni mhux ta’ effiċjenza għolja, anki wara l‑31 ta’ Diċembru 2010?

2)

L-Artikolu 107 TFUE jipprekludi interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 20/2007, fis-sens indikat taħt (a), sa fejn din id-dispożizzjoni, interpretata b’dan il-mod, tista’ timplika “għajnuna mill-Istat”, u għalhekk, tikkontradixxi l-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera?

3)

Korrelattivament ma’ dak li huwa espost taħt (a) u (b), u b’kunsiderazzjoni għal dak li huwa espressament sostnut [minn Burgo Group], leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ż-żamma ta’ skemi ta’ sostenn għall-koġenerazzjoni li ma hijiex [ta’ effiċjenza għolja] sal‑31 ta’ Diċembru 2015 tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni], peress li din tista’ tkun l-interpretazzjoni tad-dritt Taljan b’riżultat tal-Artikolu 25(11)(c)(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 8 tat‑3 ta’ Marzu 2011, li jabroga d-dispożizzjonijiet iċċitati tal-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2016, jew issa pjuttost b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2014 (b’riżultat tal-Artikolu 10(15) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 102 tal‑4 ta’ Lulju 2014).”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/8 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li ma għandhomx il-karatteristika li huma installazzjonijiet b’effiċjenza għolja, fis-sens ta’ din id-direttiva, li jkomplu jibbenefikaw, anki wara l‑31 ta’ Diċembru 2010, minn skema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni, li abbażi tagħha huma b’hekk jiġu eżentati b’mod partikolari mill-obbligu li jixtru ċertifikati ħodor.

30

Għandu jiġi rrilevat li l-iskemi ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni li jistgħu jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali ma humiex irregolati mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/8, iżda mill-Artikolu 7 tagħha.

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma huwiex limitat biss għall-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li għandhom il-karatteristika li huma installazzjonijiet b’effiċjenza għolja fis-sens ta’ din id-direttiva. Hija ppreċiżat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jillimita l-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni biss għall-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja fis-sens tal-Artikolu 3(i) tal-imsemmija direttiva u rrilevat li l-Artikolu 2 ta’ din l-istess direttiva, li għandu l-għan, kif jindika t-titolu tiegħu, li jiddefinixxi l-“Kamp ta’ applikazzjoni” ta’ din id-direttiva, jenfasizza li din tapplika għall-“koġenerazzjoni kif definita fl-Artikolu 3” u li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jiddefinixxi l-kunċetti rispettivi ta’ “koġenerazzjoni” u ta’ “koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja” għall-finijiet tad-Direttiva 2004/8 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punti 36 u 37).

32

Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/8 relatat mal-iskemi ta’ għajnuna fil-livell nazzjonali ma huwiex limitat biss għall-koġenerazzjoni “ta’ effiċjenza għolja” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 38), l-Istati Membri jistgħu, taħt il-kundizzjonijiet previsti f’dak l-artikolu, jipprevedu skemi ta’ għajnuna għal installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li ma humiex ta’ effiċjenza għolja.

33

Issa, l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, li jagħti lill-Istati Membri, “sa l-aħħar a’ [ta’] l-2010”, il-fakultà li jiddeterminaw, abbażi tal-kriterji tagħhom stess, “koġenerazzjoni bħal koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja” ma taffettwax l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7.

34

Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/8 jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri, sal‑31 ta’ Diċembru 2010, li jiddeterminaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, li koġenerazzjoni hija koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja billi jsegwu metodu ieħor ta’ kalkolu differenti minn dak previst fil-punt (a) tal-Anness III tal-imsemmija direttiva, din id-dispożizzjoni ma għandhiex effett fuq il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu skemi ta’ għajnuna favur il-koġenerazzjoni li ma għandhiex effiċjenza għolja jew skemi ta’ għajnuna komuni għal dawn iż-żewġ forom ta’ koġenerazzjoni.

35

Għaldaqstant, l-imsemmi paragrafu ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jimplimentaw, anki wara l‑31 ta’ Diċembru 2010, mekkaniżmi ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni, bħall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ xiri ta’ ċertifikati ħodor, favur il-koġenerazzjoni li ma hijiex b’effiċjenza għolja.

36

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/8 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li ma għandhomx il-karatteristika li jkunu installazzjonijiet b’effiċjenza għolja, fis-sens ta’ din id-direttiva, li jkomplu jibbenefikaw, anki wara l‑31 ta’ Diċembru 2010, minn skema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni, li permezz tagħha huma b’hekk jiġu eżentati b’mod partikolari mill-obbligu li jixtru ċertifikati ħodor.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

37

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107 TFUE u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li ma għandhomx il-karatteristika li huma installazzjonijiet b’effiċjenza għolja, fis-sens ta’ din id-direttiva, li jkomplu jibbenefikaw, anki wara l‑31 ta’ Diċembru 2010, minn skema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni, li abbażi tagħha huma b’hekk jiġu eżentati b’mod partikolari mill-obbligu li jixtru ċertifikati ħodor.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrikjedi b’mod partikolari li t-talba għal domanda preliminari jkun fiha espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

39

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti l-ġudizzju tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Issa, fir-rigward tat-tieni u tat-tielet domanda, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà msemmija fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza.

42

Fil-fatt, fl-ewwel lok, din id-deċiżjoni ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 107 TFUE. Ċertament, tali skemi ta’ għajnuna jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Madankollu, minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn l-iskemi u, b’mod partikolari, l-elementi li jippermettu li jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax ir-raġunijiet li għalihom l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE mill-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha.

43

Fit-tieni lok, l-imsemmija deċiżjoni lanqas ma tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li titkompla l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni li ma għandhiex effiċjenza għolja sal‑31 ta’ Diċembru 2015. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma tesponix ir-raġunijiet li setgħu wassluha tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma’ dawn il-prinċipji, iżda sempliċement issemmi l-konklużjonjiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali dwar dan il-punt.

44

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula, hemm lok li dawn jiġu ddikjarati inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li ma għandhomx il-karatteristika li jkunu installazzjonijiet b’effiċjenza għolja, fis-sens ta’ din id-direttiva, li jkomplu jibbenefikaw, anki wara l‑31 ta’ Diċembru 2010, minn skema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni, li permezz tagħha huma b’hekk jiġu eżentati b’mod partikolari mill-obbligu li jixtru ċertifikati ħodor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.