SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Frar 2020 ( *1 )

“Appell – Rikors għal annullament – Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentanza tal-partijiet fir-rikorsi diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni – Avukat li għandu l-kwalità ta’ terz fir-rigward tar-rikorrent – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawżi magħquda C‑515/17 P u C‑561/17 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fis‑16 ta’ Awwissu 2017 (C‑515/17 P) u fit‑22 ta’ Settembru 2017 (C‑561/17 P),

Uniwersytet Wrocławski, stabbilita fi Wrocław (il-Polonja), irrappreżentata minn A. Krawczyk‑Giehsmann u K. Szarek, adwokaci, kif ukoll minn K. Słomka, radca prawny,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), irrappreżentata minn S. Payan‑Lagrou u V. Canetti, bħala aġenti, assistiti minn M. Le Berre, avocat, u G. Materna, radca prawny,

konvenuta fl-ewwel istanza (C‑515/17 P),

u

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, D. Lutostańska u A. Siwek-Slusarek, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

Krajowa Izba Radców Prawnych, stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), irrappreżentata minn P. K. Rosiak u S. Patyra, radcowie prawni,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Uniwersytet Wrocławski, stabbilita fi Wrocław, irrappreżentata minn A. Krawczyk‑Giehsmann u K. Szarek, adwokaci, kif ukoll minn K. Słomka, radca prawny,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), irrappreżentata minn S. Payan‑Lagrou u V. Canetti, bħala aġenti, assistiti minn M. Le Berre, avocat, u G. Materna, radca prawny,

konvenuta fl-ewwel istanza (C‑561/17 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, P. G. Xuereb u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, J. Malenovský, L. Bay Larsen, F. Biltgen (Relatur), N. Piçarra u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, l-Uniwersytet Wrocławski (l-Università ta’ Wrocław, il-Polonja) u r-Repubblika tal-Polonja qegħdin jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Uniwersytet Wrocławski vs REA (T‑137/16, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”, EU:T:2017:407), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala manifestament inammissibbli r-rikors tal-Università ta’ Wrocław intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), li taġixxi fuq delega tal-Kummissjoni Ewropea, li jiġi xolt il-ftehim ta’ sussidju Cossar (REA) (Nru 252908) u li din l-università tiġi obbligata tirrimborsa l-ammonti ta’ EUR 36 508.37, ta’ EUR 58 031.38 u ta’ EUR 6 286.68, kif ukoll tħallas danni li jammontaw għal EUR 5 803.14 u, min-naħa l-oħra, għall-ħlas lura mir-REA tas-somom korrispondenti bl-interessi kkalkolati mid-data tal-ħlas sad-data tal-ħlas lura.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Skont l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut:

“L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.

Minbarra l-Istati Membri, l-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u wkoll ta’ l-Awtorità għas-Sorveljanza ta’ l-EFTA msemmija f’dak il-Ftehim għandhom ikunu rappreżentati bl-istess mod.

Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat.

Avukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti.”

3

L-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li:

“Il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentati minn aġent jew minn avukat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tal-Istatut.”

Id-dritt Pollakk

4

Id-dritt Pollakk jirrikonoxxi, flimkien mal-professjoni ta’ avukat, dik ta’ konsulent legali (radca prawny). Il-konsulenti legali jistgħu jitolbu l-iskrizzjoni tagħhom mal-Kamra tal-Avukati u huma awtorizzati jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom quddiem il-qrati Pollakki.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Il-fatti li wasslu għall-kawża jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

6

Fil-kuntest ta’ programm għal azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni, ir-REA kkonkludiet mal-Università ta’ Wrocław ftehim ta’ sussidju li kien jistabbilixxi, b’mod partikolari, li r-riċerkatur impjegat full-time fil-kuntest tal-attività ssussidjata ma kienx awtorizzat jirċievi dħul ieħor minbarra dak relatat max-xogħol ta’ riċerka tiegħu.

7

Madankollu, irriżulta li r-riċerkatur inkwistjoni kien jirċievi wkoll remunerazzjonijiet minn attivitajiet oħra, b’tali mod li r-REA temmet il-ftehim ta’ sussidju, bagħtet nota ta’ debitu ta’ ammont ta’ EUR 36 508.37 lill-Università ta’ Wrocław u informat lil din tal-aħħar li hija kienet ipproċediet għall-ġbir ta’ somma ta’ EUR 6 286.68 direttament mill-fond ta’ garanzija kif previst mill-ftehim ta’ sussidju. L-Università ta’ Wrocław ħallset is-somma li tikkorrispondi għall-imsemmija nota ta’ debitu.

8

Wara investigazzjoni mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), ir-REA bagħtet lill-Università ta’ Wrocław żewġ noti ta’ debitu supplimentari, għall-ammonti, rispettivament, ta’ EUR 58 031.38, li jirrappreżentaw il-bilanċ tas-sussidju li għandu jiġi rkuprat, u ta’ EUR 5 803.14, bħala danni b’eżekuzzjoni tal-klawżola li timponi penali prevista mill-ftehim ta’ sussidju. L-Università ta’ Wrocław ħallset ukoll dawn iż-żewġ noti ta’ debitu.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

9

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Marzu 2016, l-Università ta’ Wrocław ressqet rikors li permezz tiegħu hija talbet, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet tar-REA, li jxolju l-ftehim ta’ sussidju u li jobbligawha tirrimborsa parti mis-sussidji inkwistjoni kif ukoll tħallas danni, u, min-naħa l-oħra, il-ħlas lura tas-somom korrispondenti, miżjuda bl-interessi kkalkolati mid-data tal-ħlas tagħhom minn din l-università sa dik tal-ħlas lura tagħhom mir-REA.

10

Fir-risposta tagħha, ir-REA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, ibbażata b’mod partikolari fuq il-fatt li l-konsulent legali li rrappreżenta lill-Università ta’ Wrocław kien impjegat f’ċentru ta’ riċerka tal-fakultà tad-dritt u tal-ġestjoni ta’ din l-università, u li għaldaqstant ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza meħtieġa mill-Istatut.

11

L-Università ta’ Wrocław sostniet li, għalkemm il-konsulent legali li rrappreżentaha quddiem il-Qorti Ġenerali kien, fil-passat, marbut magħha permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol, dan ma kienx iktar il-każ fil-mument tal-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza. Fil-fatt, mit‑3 ta’ Ottubru 2015, dan il-konsulent legali kien marbut magħha permezz ta’ kuntratt irregolat mid-dritt ċivili li jirrigwarda dmirijiet ta’ tagħlim. Dan il-kuntratt huwa kkaratterizzat minn assenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni u ma jistax, għaldaqstant, jiġi assimilat ma’ kuntratt ta’ xogħol.

12

Fil-punt 14 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali indikat li t-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, jipprovdu li l-partijiet imsejħa “mhux privileġġati” għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat u li huwa biss avukat li jista’ jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru li jista’ jirrappreżenta jew jassisti lil dawn il-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

13

Fil-punti 16 u 17 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali osservat, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, li, kuntrarjament għall-awtorizzazzjoni li persuna tipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru, il-kunċett ta’ avukat ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tiegħu. Hija ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod awtonomu, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni kif ukoll l-għan li għandu jintlaħaq, mingħajr ma jsir riferiment għad-dritt nazzjonali.

14

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 18 tad-digriet appellat, billi rreferiet għall-kunċett tar-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri u li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 19 tal-Istatut, u, b’mod partikolari, għas-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157, punt 24), tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 42), u tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 23), li r-rwol tal-avukat huwa dak ta’ kollaboratur tal-ġustizzja msejjaħ sabiex jipprovdi, b’indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri tagħha, l-assistenza legali li l-klijent ikollu bżonn.

15

Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 19 tad-digriet appellat, li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-avukat jimplika l-assenza ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg bejn dan tal-aħħar u l-klijent tiegħu, peress li l-kunċett ta’ indipendenza huwa ddefinit mhux biss b’mod pożittiv, jiġifieri b’riferiment għad-dixxiplina professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv, jiġifieri bl-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

16

Fil-punt 20 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu japplikaw f’dan il-każ, jiġifieri sitwazzjoni fejn kunsulent legali jkun marbut b’kuntratt ta’ servizzi lill-parti li huwa għandu jirrappreżenta, sa fejn, anki jekk, fuq livell formali, kellu jitqies li tali kuntratt ma jwassalx għal relazzjoni ta’ impjieg bejn dawn iż-żewġ partijiet, xorta jibqa’ l-fatt li tali sitwazzjoni toħloq riskju li l-opinjoni professjonali ta’ dan il-konsulent legali tkun, għall-inqas parzjalment, influwenzata mill-ambjent professjonali tiegħu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, essenzjalment, fil-punt 25 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553).

17

Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 21 tad-digriet appellat, li, peress li r-rikors promotur kien ġie ffirmat minn tali konsulent legali, ir-rikors fl-ewwel istanza ma kienx ġie ppreżentat minn persuna li tissodisfa r-rekwiżiti tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut u tal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, hija ċaħdet dan ir-rikors bħala manifestament inammissibbli.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet fl-appelli

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Novembru 2017, ġie deċiż li ż-żewġ appelli jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

19

Ir-Repubblika Ċeka ppreżentat, fis‑6 ta’ Frar 2018, talba għal intervent fil-kuntest tal-appelli magħquda. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

20

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2018, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:553), il-Krajowa Izba Radców Prawnych (il-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali, il-Polonja) ġiet awtorizzata tintervjeni fil-Kawża C‑561/17 P insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

21

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2019, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:174), it-talba għal intervent tal-Association of Corporate Counsel Europe (l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Avukati tal-Kumpanniji) ġiet miċħuda.

22

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑515/17 P, l-Università ta’ Wrocław, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tikkonstata li r-rikors fl-ewwel istanza ġie ppreżentat b’mod regolari; u

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż kollha.

23

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑561/17 P, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka u mill-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż rispettivi tagħha; u

tiddeċiedi l-kawża fl-Awla Manja, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut.

24

Ir-REA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli;

tikkundanna lill-Università ta’ Wrocław u lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż; u

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka u lill-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Fuq l-appelli

25

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑515/17 P, l-Università ta’ Wrocław tinvoka żewġ aggravji, ibbażati, rispettivament, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 19 tal-Istatut u fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat. Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑561/17 P, ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem tliet aggravji, ibbażati, rispettivament, fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dan l-artikolu, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ dan id-digriet.

26

Fid-dawl tal-konnessjoni tagħhom, l-ewwel aggravju taż-żewġ appelli u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑561/17 P għandhom jiġu eżaminati flimkien, ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 19 tal-Istatut kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

L-argumenti tal-partijiet

27

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-Università ta’ Wrocław tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li konsulent legali, marbut mal-parti li huwa jirrappreżenta permezz ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi li huwa għandu jagħti lectures, ma għandux l-indipendenza meħtieġa fir-rigward tal-mandant tiegħu sabiex ikun jista’ jirrappreżentah fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni.

28

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-Università ta’ Wrocław issostni li n-natura u l-karatteristiċi prinċipali tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi inkwistjoni f’dan il-każ ma jippermettux li jiġi assimilat ma’ kuntratt ta’ xogħol, għaliex ir-rabta ta’ subordinazzjoni li tikkaratterizza dan it-tip ta’ kuntratt hija, b’mod partikolari, nieqsa.

29

Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-Università ta’ Wrocław issostni li l-motiv tad-digriet appellat li jgħid li kull relazzjoni legali bejn parti u r-rappreżentant tagħha tinvolvi riskju ta’ influwenza fuq l-opinjoni legali ta’ dan tal-aħħar jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, peress li jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni s-setgħa esklużiva li jiddeċiedu min jista’ jidher b’mod validu quddiem il-qrati tal-Unjoni.

30

Permezz tat-tielet parti tal-imsemmi aggravju, l-Università ta’ Wrocław, sostnuta mir-Repubblika Ċeka u mill-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet nazzjonali, u, b’mod iktar partikolari, id-dritt Pollakk, li jiggarantixxi l-indipendenza u l-assenza ta’ kull subordinazzjoni tal-konsulent legali fil-konfront ta’ terzi. Hija tenfasizza li, bħall-professjoni ta’ avukat, il-professjoni ta’ konsulent legali sservi kemm l-interess tal-ġustizzja kif ukoll dak tal-persuni li d-difiża tagħhom hija fdata lilha, hija bbażata fuq il-fiduċja pubblika u hija rregolata minn kodiċi tal-etika.

31

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, fl-ewwel lok, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tal-Istatut adottata mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat la għandha bażi fit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri u lanqas fid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li l-Qorti Ġenerali tikkontradixxi lilha nnifisha sa fejn hija tqis li r-rwol tal-avukat huwa ispirat mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri u hija tinterpreta l-kunċett ta’ avukat mingħajr riferiment għad-dritt nazzjonali.

32

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-evalwazzjoni tal-indipendenza fil-konfront tal-mandant ma tistax issir mingħajr riferiment għall-garanziji li jirriżultaw mid-diversi drittijiet nazzjonali.

33

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-kunċett ta’ indipendenza msemmi fid-digriet appellat imur kontra r-realtajiet tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, sa fejn dan huwa bbażat fuq il-premessa li l-avukat intern, li jeżerċita l-professjoni tiegħu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg, ikun suġġett għal pressjoni iktar qawwija min-naħa tal-persuna li timpjegah milli l-avukat estern, suġġett biss għall-pressjoni tal-klijent tiegħu.

34

Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, jekk wieħed kellu jaderixxi għas-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq il-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rappreżentanza tal-partijiet quddiem il-qrati tal-Unjoni, dan ikollu bħala konsegwenza li joħloq sistema fejn żewġ gradi ta’ rekwiżit ta’ indipendenza jkunu applikabbli għall-istess avukat, jiġifieri wieħed quddiem il-qrati nazzjonali u l-ieħor, iktar strett, meta jaġixxi quddiem il-qrati tal-Unjoni.

35

Ir-Repubblika Ċeka tqis f’dan il-kuntest li għandha tiġi interpretata b’mod strett kull limitazzjoni għad-dritt tal-avukati li ma jkollhom ebda relazzjoni ta’ impjieg mal-klijenti tagħhom li jirrappreżentaw lil dawn tal-aħħar.

36

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tal-Istatut adottata mill-Qorti Ġenerali tmur lil hinn mil-limiti tal-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rappreżentanza tal-partijiet quddiem il-qrati tal-Unjoni.

37

Minn naħa, din il-ġurisprudenza torbot ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-avukat mal-unika kundizzjoni negattiva li ma jkunx jeżisti kuntratt ta’ xogħol bejnu u l-klijent tiegħu. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali stess ikkonstatat, fil-punt 20 tad-digriet appellat, li l-firmatarju tar-rikors fl-ewwel istanza ma kienx marbut minn kuntratt ta’ xogħol mal-Università ta’ Wrocław. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet, abbażi ta’ applikazzjoni, b’analoġija, tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553), li l-eżistenza ta’ kuntratt irregolat mid-dritt ċivili li jorbot lill-partijiet inkwistjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li r-rappreżentant ta’ din l-università ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza.

38

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Polonja tikkritika d-digriet appellat sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni biss il-kuntratt konkluż bejn il-konsulent legali u l-Università ta’ Wrocław dwar il-missjoni ta’ tagħlim, iżda ma analizzatx ir-rabtiet bejn il-partijiet fir-rigward tal-għajnuna legali pprovduta.

39

Il-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali tinsisti fuq in-natura żbaljata tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li jwassal sabiex jitqies li l-indipendenza totali tal-avukat teħtieġ assenza ta’ kwalunkwe relazzjoni ta’ dan tal-aħħar mal-ambjent professjonali tal-klijent tiegħu. Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li mandatarju jkun jista’ jaġixxi mingħajr ma jkun influwenzat b’xi mod mill-ambjent professjonali dirett tal-klijent tiegħu.

40

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, peress li d-digriet appellat ma jippreċiżax il-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat ir-rekwiżit ta’ indipendenza meħtieġ skont il-Qorti Ġenerali, dan jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, sa fejn il-konsegwenza tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ indipendenza tar-rappreżentant hija ċ-ċaħda tar-rikors, ir-rikorrent ikun imċaħħad minn rimedju effettiv u mid-dritt ta’ aċċess tiegħu għal qorti.

41

Ir-Repubblika Ċeka tfakkar li r-rappreżentanza minn avukat quddiem il-qrati ġudizzjarji tifforma parti mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantita fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Il-fatt li rikorrent jiġi pprojbit milli jikkonkludi ftehim ta’ rappreżentanza ġudizzjarja ma’ avukat li miegħu jkun hemm, barra minn hekk, rabta kuntrattwali jista’ jesponih għal spejjeż addizzjonali.

42

Il-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali ssostni li jikkostitwixxu limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem il-Qorti Ġenerali, kif protett mill-Artikolu 47 tal-Karta, mhux biss il-fatt li tiġi pprojbita r-rappreżentanza ta’ parti msemmija fit-tielet u fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut minn avukat kuntrattwalment marbut magħha, iżda wkoll is-sitwazzjoni li tirriżulta minnha, jiġifieri ċ-ċaħda tar-rikors mingħajr il-possibbiltà li jiġi rrettifikat l-allegat difett proċedurali.

43

Ir-REA teċċepixxi, qabelxejn, l-inammissibbiltà taż-żewġ appelli sa fejn dawn iqajmu argumenti dwar l-evalwazzjoni tal-fatti u huma bbażati fuq motivi u argumenti diġà diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali. Sussegwentement, l-appell tal-Università ta’ Wrocław huwa inammissibbli sa fejn huwa bbażat fuq fatti li jirrigwardaw is-sitwazzjoni tal-avukat inkwistjoni li ma ġewx ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar nett, l-argument għall-intervent tar-Repubblika Ċeka u tal-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali huwa inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li tali argument la kien tressaq mill-Università ta’ Wrocław u lanqas mir-Repubblika tal-Polonja. L-argument tar-Repubblika Ċeka huwa inammissibbli wkoll sa fejn hija ma tidentifika ebda punt preċiż tad-digriet appellat.

44

Fir-rigward tal-mertu, ir-REA tqis li l-argument li jgħid li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tal-Istatut għandha ssir abbażi tar-regoli nazzjonali jwassal sabiex dan l-artikolu, li jirregola r-rappreżentanza tal-partijiet quddiem il-qrati tal-Unjoni, jiġi ssostitwit b’regoli nazzjonali ddeterminati każ b’każ. B’hekk, mhux talli ma hijiex “limitazzjoni” iżda l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi garanzija li l-avukati kollha tal-Unjoni jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet fir-rigward tar-rappreżentanza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

45

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma marritx lil hinn mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, li huwa iktar estensiv minn dak li jissuġġerixxu l-appelli, sa fejn hija diġà stabbilixxiet ir-rekwiżit li l-konsulent għandu jkun suffiċjentement bla rbit mal-parti li huwa jirrappreżenta.

46

L-argument ibbażat fuq l-Artikolu 47 tal-Karta għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala infondat, sa fejn l-inammissibbiltà tar-rikors ma tipprekludix li l-Università ta’ Wrocław tiġi rrappreżentata minn konsulent ieħor sabiex taġixxi mill-ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 272 TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ammissibbiltà

47

Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mir-REA, l-ewwel nett, peress li l-appelli jinkludu argumenti dwar l-evalwazzjoni tal-fatti, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti.

48

F’dan il-każ, sabiex issir evalwazzjoni tan-natura u tal-kontenut tar-relazzjoni professjonali bejn l-Università ta’ Wrocław u r-rappreżentant tagħha, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq elementi ta’ natura fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ il-klassifikazzjoni tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 19 tal-Istatut, kif għandu jiġi interpretat.

49

It-tieni nett, sa fejn ir-REA ssostni li l-appelli jqajmu biss argumenti diġà diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkun diġà ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-REA li l-Università ta’ Wrocław qajmet fatti ġodda fl-appell tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, dawn il-fatti ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

51

Ir-raba’ nett, u għal dak li jirrigwarda l-interventi tar-Repubblika Ċeka u tal-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali, għandu jitfakkar li parti li, skont l-Artikolu 40 tal-Istatut, hija awtorizzata tintervjeni f’tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma tistax tbiddel is-suġġett tat-tilwima hekk kif iddefinit mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali, b’tali mod li huma ammissibbli biss l-argumenti ta’ intervenjent li jaqgħu fil-kuntest iddefinit minn dawn it-talbiet u motivi (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 116).

52

Madankollu, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, l-argumentazzjoni tar-Repubblika Ċeka u tal-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali, imsemmija fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, ma hijiex ta’ natura li tbiddel is-suġġett tat-tilwima hekk kif iddefinit mit-talbiet u mill-motivi tar-Repubblika tal-Polonja.

53

Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument tar-REA dwar l-assenza ta’ identifikazzjoni mir-Repubblika Ċeka ta’ punti preċiżi tad-digriet appellat, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ċeka, billi qiegħda ssostni l-argumenti rispettivi tal-Università ta’ Wrocław u tar-Repubblika tal-Polonja, qiegħda tirreferi għall-istess punti ta’ dan id-digriet bħal dawk imsemmija minn dawn iż-żewġ partijiet.

54

Konsegwentement, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mir-REA għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-mertu

55

Fir-rigward tal-mertu, u b’mod iktar preċiż tal-kwistjoni tar-rappreżentanza ta’ parti mhux imsemmija fl-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut quddiem il-qrati tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret, ġustament, fil-punt 16 tad-digriet appellat, li dan l-artikolu jinkludi żewġ kundizzjonijiet distinti u kumulattivi. B’hekk, l-ewwel kundizzjoni, stabbilita fit-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu, timponi l-obbligu għal tali parti li tkun irrappreżentata minn avukat. It-tieni kundizzjoni, li tinsab fir-raba’ paragrafu tal-istess artikolu, tipprevedi li l-avukat li jirrappreżenta lil din il-parti għandu jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim ŻEE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ Frar 2008, Comunidad Autónoma de Valencia vs Il-Kummissjoni, C‑363/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:99, punt 21).

56

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, mill-formulazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut jirriżulta li s-sens u l-portata ta’ din il-kundizzjoni għandhom jiġu interpretati b’riferiment għad-dritt nazzjonali kkonċernat. F’dan il-każ, ma ġiex ikkontestat li l-imsemmija kundizzjoni kienet osservata mill-konsulent legali li jirrappreżenta lill-Università ta’ Wrocław fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza.

57

Għall-kuntrarju, għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, dwar il-kunċett ta’ avukat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ riferiment, permezz tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha, billi tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan tagħha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet tal‑20 ta’ Frar 2008, Comunidad Autónoma de Valencia vs Il-Kummissjoni, C‑363/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:99, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li ġie ppreċiżat li l-imsemmi kunċett, fis-sens ta’ dan l-artikolu, huwa bla ħsara għall-possibbiltà, mogħtija lill-persuni awtorizzati, skont id-dritt nazzjonali, li jirrappreżentaw parti f’kawża, li jirrappreżentaw lil din l-istess parti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

58

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, u b’mod partikolari mill-użu tat-terminu “rappreżentati”, jirriżulta li “parti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tkun xi tkun il-kwalità tagħha, ma hijiex awtorizzata taġixxi hija stess quddiem qorti tal-Unjoni, iżda għandha tirrikorri għas-servizzi ta’ terz. Dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-Istatut jew tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-imsemmi Statut, kif ukoll l-Artikolu 44(1)(b), l-Artikolu 57(1) u l-Artikolu 119(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jikkonfermaw ukoll li parti u r-rappreżentant tagħha ma jistgħux ikunu l-istess persuna (digrieti tal‑5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, EU:C:1996:473, punt 11; tas‑16 ta’ Marzu 2006, Correia de Matos vs Il-Kummissjoni, C‑200/05 P, mhux ippubblikat, EU:C:2006:187, punt 10; u tas‑6 ta’ April 2017, PITEE vs Il-Kummissjoni, C‑464/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:291, punt 23).

59

Peress li, fir-rigward tar-rikorsi diretti, ebda deroga jew eċċezzjoni għal dan l-obbligu ma hija prevista mill-Istatut jew mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, il-preżentata ta’ rikors iffirmat mir-rikorrent innifsu ma tistax tkun suffiċjenti għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors, u dan anki jekk ir-rikorrent huwa avukat awtorizzat jidher quddiem qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, EU:C:1996:473, punti 810; tas‑16 ta’ Marzu 2006, Correia de Matos vs Il-Kummissjoni, C‑200/05 P, mhux ippubblikat, EU:C:2006:187, punt 11; kif ukoll tas‑6 ta’ April 2017, PITEE vs Il-Kummissjoni, C‑464/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:291, punt 24).

60

L-evalwazzjonijiet li saru huma kkonfermati mill-kuntest tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod espliċitu li r-rappreżentanza legali ta’ parti mhux imsemmija fl-ewwel żewġ paragrafi ta’ dan l-artikolu tista’ tiġi żgurata biss minn avukat, filwaqt li l-partijiet imsemmija f’dawn l-ewwel żewġ paragrafi jistgħu jiġu rrappreżentati minn aġent li, jekk ikun il-każ, jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.

61

Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-għan tar-rappreżentanza, minn avukat, tal-partijiet mhux imsemmija fl-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut li huwa, minn naħa, li jipprekludi li l-partijiet privati jaġixxu huma stess fi proċeduri ġudizzjarji mingħajr ma jirrikorru għal intermedjarju u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxi li l-persuni ġuridiċi jiġu difiżi minn rappreżentant li jkun suffiċjentement bla rbit mal-persuna ġuridika li huwa jirrappreżenta (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il-Kunsill, C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punt 14; tal‑4 ta’ Diċembru 2014, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑259/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2417, punt 25; u tas‑6 ta’ April 2017, PITEE vs Il-Kummissjoni, C‑464/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:291, punt 27).

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-missjoni ta’ rappreżentanza minn avukat prevista fit-tielet u fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut għandha tiġi eżerċitata fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-għan ta’ din il-missjoni jikkonsisti fuq kollox, hekk kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġu protetti u difiżi bl-aħjar mod l-interessi tal-mandant, b’indipendenza sħiħa kif ukoll fl-osservanza tal-liġi u tar-regoli professjonali u etiċi.

63

Kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 19 tad-digriet appellat, il-kunċett ta’ indipendenza tal-avukat, fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 19 tal-Istatut, huwa ddefinit mhux biss b’mod negattiv, jiġifieri bl-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg, iżda wkoll b’mod pożittiv, jiġifieri b’riferiment għad-dixxiplina professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni, C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dan il-kuntest, id-dmir ta’ indipendenza li jaqa’ fuq l-avukat għandu jitqies bħala l-assenza mhux ta’ kwalunkwe rabta mal-klijent tiegħu, iżda ta’ rabtiet li jippreġudikaw manifestament il-kapaċità tiegħu li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu.

65

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li ma huwiex suffiċjentement indipendenti mill-persuna ġuridika li huwa jirrappreżenta l-avukat li jkollu kompetenzi amministrattivi u finanzjarji sostanzjali fi ħdan din il-persuna ġuridika, li jinsabu fil-funzjoni tiegħu f’livell eżekuttiv għoli fi ħdanha, b’mod li jikkomprometti l-kwalità tiegħu ta’ terz indipendenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Settembru 2010, EREF vs Il-Kummissjoni, C‑74/10 P u C‑75/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:557, punti 5051), l-avukat li jkollu funzjonijiet ta’ tmexxija għolja fi ħdan il-persuna ġuridika li huwa jirrappreżenta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ April 2017, PITEE vs Il-Kummissjoni, C‑464/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:291, punt 25), jew inkella l-avukat li jkollu azzjonijiet tal-kumpannija li huwa jirrappreżenta u li tagħha jippresiedi l-bord tat-tmexxija (digriet tal‑4 ta’ Diċembru 2014, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑259/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2417, punt 27).

66

Madankollu, ma tistax tiġi assimilata ma’ tali sitwazzjonijiet dik is-sitwazzjoni, inkwistjoni f’dan il-każ, fejn, kif jirriżulta mid-digriet appellat, il-konsulent legali mhux biss iddefenda l-interessi tal-Università ta’ Wrocław fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni magħha, iżda, barra minn hekk, kien sempliċement marbut ma’ din l-università permezz ta’ kuntratt li jirrigwarda dmirijiet ta’ tagħlim fi ħdanha.

67

Fil-fatt, tali rabta hija insuffiċjenti sabiex tippermetti li jitqies li dan il-konsulent legali kien jinsab f’sitwazzjoni li manifestament tippreġudika l-kapaċità tiegħu li jiddefendi bl-aħjar mod, b’indipendenza sħiħa, l-interessi tal-klijent tiegħu.

68

Konsegwentement, billi ddeċidiet, fil-punt 20 tad-digriet appellat, li s-sempliċi eżistenza, bejn l-Università ta’ Wrocław u l-konsulent legali li jirrappreżentaha fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza, ta’ kuntratt irregolat mid-dritt ċivili li jirrigwarda dmirijiet ta’ tagħlim setgħet tinfluwenza l-indipendenza ta’ dan il-konsulent minħabba l-eżistenza ta’ riskju li l-opinjoni professjonali tal-imsemmi konsulent tiġi, għall-inqas parzjalment, influwenzata mill-ambjent professjonali tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

69

Konsegwentement, l-ewwel aggravju invokat mill-Università ta’ Wrocław u mir-Repubblika tal-Polonja insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom għandu jintlaqa’. Għaldaqstant, u mingħajr il-bżonn li la jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra, imqajma fil-kuntest tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑561/17 P, dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal rimedju effettiv, u lanqas l-aggravji l-oħra tal-appelli, hemm lok li d-digriet appellat jiġi annullat.

Fuq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali

70

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

71

F’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-mertu, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiemha.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati mal-appelli għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Uniwersytet Wrocławski vs REA (T‑137/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:407), hija annullata.

 

2)

Il-Kawża T‑137/16 għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.