SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
17 ta’ Settembru 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kunċett – Nawfraġju tat-tanker taż-żejt Erika – Skema ta’ għajnuna favur impriżi tal-akkwakultura u tas-sajd – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Evalwazzjoni tal-validità – Eżami ex officio – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ preżentatata ta’ rikors għal annullament mill-konvenuta fil-kawża prinċipali – Tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – Kontribuzzjonijiet salarjali – Vantaġġ –Determinazzjoni tad-debitur tal-obbligu ta’ restituzzjoni”
Fil-Kawża C‑212/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura
Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation
vs
Compagnie des pêches de Saint-Malo,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Compagnie des pêches de Saint-Malo, minn F.‑H. Briard u B. de Dreuzy, avocats, kif ukoll minn A. Bodmer, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u P. Dodeller, bħala aġenti |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bottka u C. Georgieva-Kecsmar, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/239/KE tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna implimentati minn Franza favur il-produtturi tal-akkwakultura u s-sajjieda (ĠU 2005, L 74, p. 49, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation (il-Ministru għall-Agrikultura u għall-Alimentazzjoni, Franza) u l-Compagnie des pêches de Saint-Malo dwar titolu ta’ ġbir maħruġ għall-irkupru tal-għajnuna li din il-kumpannija kienet irċeviet skont miżuri nazzjonali li huma s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 17, 18, 20, 55, 56, 98 u 99 tad-deċiżjoni inkwistjoni huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
4 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi: “Il-miżura ta’ għajnuna implimentata minn Franza favur is-sajjieda fil-forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-perijodu mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ottubru 2000 hija inkompatibbli mas-suq komuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
5 |
Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni: “1. Franza għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji [tagħha] l-għajnuna prevista [fl-Artikolu 3] u li tqiegħdet diġà għad-dispożizzjoni tagħhom illegalment. 2. L-irkupru għandu jsir minnufih skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sakemm dawn ikunu jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata tinkludi l-interessi mid-data li fiha tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tagħha. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-dritt Franċiż
6 |
L-Artikolu L. 741‑9 tal-code rural et de la pêche maritime (il-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu) jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali: “Ir-riżorsi tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegati agrikoli għandhom ikunu kkostitwiti: I.- Għall-assigurazzjoni għall-mard, maternità, invalidità u mewt: 1° Minn kontribuzzjoni bbażata:
2° Minn parti mid-dħul tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikoli L. 136–1, L. 136‑6, L. 136‑7, L. 136‑7‑1 tal-code de la sécurité sociale (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali). II.- Għall-assigurazzjoni tax-xjuħija, permezz ta’ kontribuzzjoni bbażata:
III.- Għall-assigurazzjoni tar-romol, minn kontribuzzjoni bbażata fuq ir-remunerazzjonijiet jew il-qligħ li jirċievu l-assigurati, pagabbli minn dawn tal-aħħar.” |
7 |
L-Artikolu 4 tad-décret du 17 juin 1938, relatif à la réorganisation et à l’unification du régime d’assurance des marins (id-Digriet tas-17 ta’ Ġunju 1938, dwar ir-Riorganizzazzjoni u l-Unifikazzjoni tal-Iskema ta’ Assigurazzjoni tal-Baħħara), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “Ħlief fir-rigward tal-baħħar imweġġa’ jew marid, sostnut mis-sid tiegħu jew mill-fond ġenerali ta’ previdenza, l-affiljazzjoni mal-fond ġenerali ta’ previdenza twassal għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni personali u ta’ kontribuzzjoni ta’ min iħaddem skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli L. 41 u L. 42 tal-code des pensions de retraite des marins (il-Kodiċi tal-Pensjonijiet tal-Irtirar tal-Baħħara). Meta perijodu ta’ servizz jittieħed inkunsiderazzjoni biss parzjalment għall-pensjoni tal-rtirar fil-fond tal-irtirar tal-baħħara, il-kontribuzzjonijiet jibqgħu dovuti lill-fond ġenerali ta’ previdenza għall-perijodu kollu inkwistjoni.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 |
Insegwitu, minn naħa, tat-tniġġis minn idrokarburi kkawżat min-nawfraġju tal-bastiment Erika li seħħ fit-12 ta’ Diċembru 1999 fil-golf ta’ Gascogne u, min-naħa l-oħra, tal-ħsarat sostanzjali kkawżati fin-naħa ta’ isfel ta’ Franza mill-maltempata vjolenti li seħħet fis-27 u fit-28 ta’ Diċembru 1999, ir-Repubblika Franċiża adottat skema ta’ kumpens favur is-sajjieda u l-produtturi tal-akkwakultura, sabiex tirrimedja d-danni li ġew ikkawżati lilhom. |
9 |
Inizjalment ġew previsti diversi miżuri ta’ kumpens fir-rigward tas-sajjieda u l-produtturi tal-akkwakultura tas-sitt dipartimenti Franċiżi tal-kosta tal-Atlantika milquta direttament minn dawn l-avvenimenti, jiġifieri dawk mill-Finistère sal-Gironde. |
10 |
Permezz ta’ żewġ ċirkulari tal-15 ta’ April u tat-13 ta’ Lulju 2000, ir-Repubblika Franċiża adottat diversi miżuri addizzjonali li jikkonsistu, b’mod partikolari, fil-benefiċċju li jkollhom l-impriżi kollha tas-settur ikkonċernat għal tnaqqis ta’ 50 % tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, għall-perijodu ta’ bejn il-15 ta’ April u l-15 ta’ Lulju 2000 għall-produtturi tal-akkwakultura u bejn il-15 ta’ April u l-15 ta’ Ottubru 2000 għas-sajjieda. Dan it-tnaqqis kien jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet kemm ta’ min iħaddem kif ukoll il-kontribuzzjonijiet salarjali u ġie applikat għas-sajjieda u għall-produtturi tal-akkwakultura kollha ta’ Franza metropolitana u tad-dipartimenti extra-Ewropej. |
11 |
L-awtoritajiet Franċiżi implimentaw dawn id-diversi miżuri immedjatament, li ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni biss permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ġunju 2000. |
12 |
Permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kkwalifikat parti minn dawn il-miżuri, b’mod partikolari dik dwar it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tas-sajjieda, bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat l-irkupru immedjat tas-somom li jikkorrispondu għal dan it-tnaqqis. La r-Repubblika Franċiża u lanqas ebda wieħed mill-benefiċjarji tal-miżuri kkonċernati ma kkontestaw il-legalità ta’ din id-deċiżjoni permezz ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. |
13 |
Wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, saru diversi skambji ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi, li fihom dawn tal-aħħar, inizjalment, stiednu lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha u, sussegwentement, informawha bil-fatt li, skont studju dwar l-impriżi li kellha tiġi rkuprata l-għajnuna inkwistjoni mingħandhom, kien jidher li wħud minnhom kienu sparixxew, filwaqt li oħrajn kellhom diffikultajiet sinjifikattivi fuq il-livell ekonomiku. |
14 |
Fit-23 ta’ Diċembru 2009, peress li qieset li r-Repubblika Franċiża kienet għadha ma eżegwietx id-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat, li ta lok għas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑549/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:672). |
15 |
Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma eżegwietx id-deċiżjoni inkwistjoni fit-terminu previst, ir-Repubblika Franċiża kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, hija qieset, fil-punti 42 u 43 tal-imsemmija sentenza, b’risposta għall-argument imqajjem mir-Repubblika Franċiża, riprodott fil-punt 23 tal-istess sentenza u bbażat fuq il-fatt li “peress li l-ammonti li jikkorrispondu [għat-]tnaqqis tal-ispejjeż salarjali jitħallsu mill-impriżi lill-korpi kompetenti f’isem l-impjegati, dawn tal-aħħar ma humiex obbligati li jħallsuhom lura”, li dan l-argument fir-realtà jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inkwistjoni, tan-natura ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kemm minn min iħaddem kif ukoll salarjali, u li ma kinitx awtorizzata, fil-kuntest ta’ tali rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li tieħu pożizzjoni dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni. |
16 |
Wara li ngħatat is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑549/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:672), il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2012, talbet lir-Repubblika Franċiża tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna kkonċernata mingħand l-impriżi benefiċjarji tagħha, sabiex tirkupra wkoll is-somom li jikkorrispondu għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali, fatt li r-Repubblika Franċiża ħadet nota tiegħu permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2013. |
17 |
Skont din it-talba, fit-22 ta’ Frar 2013 inħarġet ordni għall-ġbir mid-directeur régional des finances publiques de Bretagne (id-Direttur Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Bretagne,Franza) kontra l-Compagnie des pêches de Saint‑Malo, għal ammont li jikkorrispondi għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali li din il-kumpannija kienet allegatament ibbenefikat minnhom bejn il-15 ta’ April u l-15 ta’ Ottubru 2000, jiġifieri EUR 84 550.08 flimkien mal-interessi moratorji. |
18 |
Din l-ordni għall-ġbir ġiet ikkontestata minn din il-kumpannija quddiem it-tribunal administratif de Rennes (il-Qorti Amministrattiva ta’ Rennes, Franza), li annullatha b’sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015. L-appell ippreżentat mill-ministre de l’Environnement, de l’Énergie et de la mer, chargé des relations internationales sur le climat (il-Ministru għall-Ambjent, għall-Enerġija u għall-Baħar Inkarigat mir-Relazzjonijiet Internazzjonali dwar il-Klima, Franza) ġie miċħud mill-cour administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes, Franza), permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ April 2017. Dan tal-aħħar kien is-suġġett ta’ appell fil-kassazzjoni, ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2017, mill-Ministru għall-Agrikultura u għall-Alimentazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), li fil-kuntest tiegħu huwa sostna, b’mod partikolari, li l-qorti tal-appell kienet, minn naħa, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet salarjali inkwistjoni ma kinux ibbenefikaw minnhom l-impriżi tas-sajd, minkejja li kienu ġew ikklassifikati, mill-Kummissjoni, bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, li hija kienet żnaturat id-dokumenti fil-fajl li kienu ġew sottometti lilha, billi qieset li mill-istruzzjoni kien jirriżulta li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali kellu mekkanikament bħala effett li jżid l-ammont tas-salarju nett imħallas lill-impjegati kkonċernati. |
19 |
Mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, wara li ċaħad l-ewwel motivi mqajma mill-Compagnie des pêches de Saint-Malo, ibbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li l-ordni għall-ġbir inkwistjoni kienet tikser ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad it-talba ta’ din il-kumpannija intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita, skont l-Artikolu 267 TFUE, b’domanda preliminari dwar il-validità ta’ deċiżjoni preliminari. Billi bbażat ruħha fuq is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), tad-19 ta’ Ottubru 2000, Italie u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C‑15/98 u C‑105/99, EU:C:2000:570), u tal-25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:582), il-qorti tar-rinviju effettivament qieset li, bħala benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha, l-imsemmija kumpannija kienet direttament u individwalment ikkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, mid-deċiżjoni inkwistjoni u li, peress li ma kinitx ikkontestatha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rikors għal annullament, hija ma setgħetx tikkontesta l-validità tagħha fil-każ ta’ istanza kontenzjuża diretta kontra l-miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali. |
20 |
Fir-rigward tal-aħħar motiv imqajjem mill-Compagnie des pêches de Saint-Malo, ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni timplika biss l-irkupru tas-somom li jikkorrispondu għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet minn min iħaddem, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-kontribuzzjonijiet salarjali, peress li dawn tal-aħħar għandhom jiġu rkuprati mill-impjegati tal-impriżi tas-sajd li kienu l-uniċi benefiċjarji effettivi tagħhom, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) osserva mill-ewwel li, għalkemm id-deċiżjoni inkwistjoni kienet issemmi, fil-premessa 18 tagħha, dwar id-deskrizzjoni ta’ miżuri nazzjonali salarjali, li t-tnaqqis inkwistjoni kien jikkonċerna l-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem u l-kontribuzzjonijiet salarjali, fil-bqija ta’ din id-deċiżjoni, kien hemm biss riferiment għal “kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali” mingħajr preċiżjoni espressa fir-rigward tal-punt dwar jekk dan it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet li ġie ordnat l-irkupru tagħhom kinux jikkonċernaw ukoll il-kontribuzzjonijiet salarjali. Barra minn hekk, huwa ppreċiża li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punti 6 u 7 ta’ din is-sentenza, il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem imħallsa lill-iskema ta’ impjegati agrikoli u lill-iskema tal-baħħara kienu dovuti mill-impriżi tas-sajd, fil-kwalità tagħhom ta’ min iħaddem, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet salarjali kienu dovuti mill-impjegati stess. Dawn l-aħħar kontribuzzjonijiet ma humiex, fil-fatt, sostnuti mill-impriżi tas-sajd, iżda huma biss imħallsa b’mod antiċipat minnhom mir-remunerazzjoni tal-impjegati tagħhom, minn kull rendikont tal-ħlas. Għalhekk, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali jiġi ttrasferit lill-impjegati, li huma l-benefiċjarji diretti tiegħu, peress li jirċievu salarju nett miżjud b’somma li tikkorrispondi għat-tnaqqis ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. |
21 |
Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), ir-risposta għal dan l-aħħar motiv tal-Compagnie des pêches de Saint-Malo tiddependi fuq jekk id-deċiżjoni inkwistjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni biss it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem, sa fejn it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali ma jibbenefikax direttament lill-impriżi tas-sajd u ma jistax, għaldaqstant, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE, jew, għall-kuntrarju, fis-sens li l-inkompatibbiltà tipprevedi wkoll dan l-aħħar tip ta’ eżenzjoni. Fil-każ li jintlaqa’ dan it-tieni każ, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-impriżi tas-sajd, li jagħmlu parti minnhom l-impjegati li jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali, għandhomx jitqiesu bħala li bbenefikaw minn dan it-tnaqqis kollu jew minn parti minnu biss. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan l-aħħar każ, dwar il-mod kif għandha tiġi evalwata din il-parti tat-tnaqqis. Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru li lilu hija indirizzata l-ordni ta’ rkupru huwiex obbligat jordna r-rimbors, mill-impjegati kkonċernati, tal-parti ta’ għajnuna li huma bbenefikaw minnha. |
22 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
23 |
Billi tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90) u tal-25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:582), il-Kummissjoni tinvoka, prinċipalment, l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fehma tagħha, iż-żewġ domandi magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), filwaqt li ġew ifformulati bħala domandi għall-finijiet ta’ interpretazzjoni, fir-realtà huma intiżi li jikkontestaw il-validità tad-deċiżjoni inkwistjoni, sa fejn din ikkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u ordnat l-irkupru tal-ammonti li jikkorrispondu għal dan it-tnaqqis. Din il-kwalifika tad-domandi preliminari hija kkorroborata kemm mill-għan u mis-sens stess tad-domandi kif ifformulati kif ukoll mill-kuntest li fih tqajmu, jiġifieri appell fil-kassazzjoni quddiem qorti nazzjonali, li fil-kuntest tiegħu l-konvenuta fil-kawża prinċipali kkontestat il-validità ta’ din id-deċiżjoni. |
24 |
Skont il-Kummissjoni, interpretazzjoni restrittiva tad-deċiżjoni inkwistjoni, li tagħti x’tifhem li t-talba għall-irkupru tikkonċerna biss is-somom li jikkorrispondu għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-kontribuzzjonijiet salarjali, twassal, essenzjalment, sabiex tagħti l-possibbiltà lill-Compagnie des pêches de Saint-Malo tikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni permezz ta’ domanda preliminari li allegatament tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, tali possibbiltà hija eskluża mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, sa fejn din il-kumpannija ma ppreżentatx rikors għal annullament abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra l-imsemmija deċiżjoni, minkejja li, fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, hija kienet tkun “mingħajr ebda dubju ammissibbli” sabiex tikkontestaha. Għaldaqstant, peress li ma għamlitx użu minn dan ir-rimedju ġudizzjarju fit-termini mogħtija, l-imsemmija kumpannija ma tistax tikkontesta l-validità tal-istess deċiżjoni fil-każ ta’ rikors ippreżentat kontra l-miżuri nazzjonali ta’ eżekuzzjoni tagħha. |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, indipendentement mill-portata tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, it-tieni domanda tinkludi b’mod ċar talba għal interpretazzjoni. Għalhekk, għalkemm il-fatt li l-Compagnie des pêches de Saint-Malo ma kkontestatx il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni permezz ta’ rikors għal annullament jista’ eventwalment ikollu effett fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda, dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-intier tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Bolton Alimentari, C‑494/09, EU:C:2011:87, punt 21). |
26 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel domanda, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-intenzjoni tal-qorti tar-rinviju tidher li tirrigwarda talba għal interpretazzjoni, sabiex isir magħruf jekk l-ordni ta’ rkupru maħruġa mill-Kummissjoni skont id-deċiżjoni inkwistjoni tirrigwardax biss is-somom li jikkorrispondu għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem, jew inkella wkoll dawk li jikkorrispondu għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali, jirriżulta wkoll mill-kliem stess ta’ din id-domanda li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inkwistjoni, tan-natura ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali. Għaldaqstant, għandu jitqies li hija tqajjem, impliċitament, kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-validità ta’ din id-deċiżjoni. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, fil-kuntest tat-tqassim tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula, madankollu jibqa’ rriżervat għall-Qorti tal-Ġustizzja li tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali dawk l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża, interpretazzjoni jew evalwazzjoni ta’ validità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères, 145/79, EU:C:1980:234, punt 7). |
28 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 sa 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-validità ta’ att tal-Unjoni, jew inkella l-fatt li tali kwistjoni tkun tqajmet fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar jekk hemmx lok li titqajjem ex officio l-kwistjoni tal-validità ta’ att li, formalment, tkun biss l-interpretazzjoni tiegħu li tkun intalbet mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Paris, C‑204/88, EU:C:1989:643, punt 8; tal-11 ta’ Ġunju 2009, Hans & Christophorus Oymanns, C‑300/07, EU:C:2009:358, punti 46 u 47; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 67, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punti 159 sa 161). |
29 |
Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza, il-Compagnie des pêches de Saint-Malo kkontestat direttament il-validità tad-deċiżjoni inkwistjoni, sa fejn hija kienet ikkwalifikat it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, billi enfasizzat, kif ġie rrilevat fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, li t-tnaqqis ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet salarjali, peress li ma jibbenefikax direttament lill-impriżi tas-sajd, ma setax, għaldaqstant, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE, din il-qorti b’hekk esprimiet id-dubji tagħha dwar il-validità tad-deċiżjoni inkwistjoni. |
30 |
Addizzjonalment, għalkemm id-domandi preliminari jirrigwardaw formalment l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandha tiġi eżaminata wkoll il-validità ta’ din id-deċiżjoni. |
31 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kwistjoni ta’ validità ma tistax titqajjem ex officio fil-każ fejn il-konvenuta fil-kawża prinċipali tkun mingħajr dubju ġiet ammessa titlob l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 56, tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 19 sa 25, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 37). |
32 |
Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jitqies li, f’dan il-każ, fil-mument meta l-Compagnie des pêches de Saint-Malo setgħet tikkontesta d-deċiżjoni inkwistjoni permezz ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, ma kienx ċert li hija kellha interess ġuridiku kontra l-parti ta’ din id-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet salarjali, b’mod partikolari, peress li, hekk kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-kontribuzzjonijiet ma kinux sostnuti mill-impriżi tas-sajd, fil-kwalità tagħhom ta’ persuni li jimpjegaw, iżda kienu sostnuti mill-impjegati, peress li dawn kienu l-benefiċjarji effettivi tat-tnaqqis dwar l-imsemmija kontribuzzjonijiet. |
33 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li, kif ġie enfasizzat fil-punti 16 u 17 ta’ din is-sentenza, kien biss wara l-għoti tas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑549/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:672), li l- Compagnie des pêches de Saint-Malo ġiet debitament informata bil-fatt li l-ordni ta’ rkupru maħruġa mill-Kummissjoni kienet tikkonċerna wkoll is-somom li jikkorrispondu għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali, hija setgħet tqis, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors mogħti lilha mill-Artikolu 263 TFUE, li ma kellhiex interess ġuridiku sabiex tikkontesta d-deċiżjoni inkwistjoni, bil-għan li topponi l-irkupru ta’ dawn is-somom. Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li, anki li kieku din il-kumpannija ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kienet tqajjem ex officio, għal dawn ir-raġunijiet, kif ukoll għal dawk esposti mill-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assenza ta’ interess ġuridiku tal-imsemmija kumpannija. |
34 |
Hemm lok li jitfakkar f’dan ir-rigward li skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku, li għandu jkun eżistenti u effettiv, jikkostitwixxi wkoll kundizzjoni għall-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, ACEA vs Il-Kummissjoni, C‑319/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:857, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), li n-nuqqas tagħha jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mandatorja li tista’ titqajjem ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Ottubru 1987, d. M. vs Il-Kunsill u CES, 108/86, EU:C:1987:426, punt 10). |
35 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jitqies li ma huwiex manifest li rikors għal annullament ippreżentat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kien ikun ammissibbli. |
36 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli fl-intier tagħha. |
Fuq il-validità tad-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn din tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali kkonċernat
37 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 42 tas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑549/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:672), fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kklassifikat it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kemm ta’ min iħaddem kif ukoll salarjali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, għalkemm, fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirreferi għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, mill-premessi 18 u 20 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali” ikopri kemm il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem kif ukoll il-kontribuzzjonijiet salarjali. |
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet segwenti jkunu kollha ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, il-miżura għandha tagħti vantaġġ selettiv lill-impriża benefiċjarja. Ir-raba’ nett, il-miżura għandha toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Azienda Napoletana Mobilità, C‑659/17, EU:C:2019:633, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tkun tista’ tiġi analizzata bħala l-għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha, minn ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jitqiesu bħala għajnuna l-interventi li, indipendentement mill-għamla tagħhom, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament impriżi jew li jitqiesu li jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 83 u 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-kunċett ta’ għajnuna jinkludi l-vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt għamliet differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża. Għalhekk, tnaqqis parzjali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jinkombu lill-impriżi ta’ settur industrijali partikolari jikkostitwixxi għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk din il-miżura tkun intiża sabiex teżenta parzjalment lil dawn l-impriżi mill-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni normali tas-sistema ġenerali ta’ previdenza soċjali, mingħajr ma din l-eżenzjoni tkun iġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ta’ din is-sistema (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1999, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑251/97, EU:C:1999:480, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li n-natura soċjali tal-interventi Statali ma hijiex suffiċjenti sabiex teskludihom qabelxejn mill-kwalifika ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1999, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑251/97, EU:C:1999:480, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma jistabbilixxix distinzjoni skont il-kawżi u l-għanijiet tal-interventi Statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Fil-każ ineżami, fir-rigward tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali mogħtija mir-Repubblika Franċiża favur is-sajjieda għall-perijodu bejn il-15 ta’ April u l-15 ta’ Ottubru 2000, huwa paċifiku li dawn il-kontribuzzjonijiet ma humiex sostnuti mill-impriżi tas-sajd, fil-kwalità tagħhom ta’ persuni li jimpjegaw, iżda huma mħallsa mill-impjegati, peress li dawn ta’ l-aħħar huma l-benefiċjarji effettivi tal-imsemmi tnaqqis. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, li l-kontenut tagħhom ġie riprodott fil-punti 6 u 7 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija impriżi, fil-kwalità tagħhom ta’ persuni li jimpjegaw, huma obbligati biss li jieħdu b’mod antiċipat l-imsemmija kontribuzzjonijiet mir-remunerazzjonijiet tal-impjegati tagħhom, minn kull rendikont tal-ħlas, sabiex iħallsuhom lill-korpi soċjali kompetenti. |
43 |
Is-somom li impriża tas-sajd, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, tirċievi mis-salarju tal-impjegati tagħha bħala kontribuzzjonijiet salarjali, għandhom jikkorrispondu eżattament għal dawk li hija tħallas lill-korpi soċjali f’isem l-impjegati tagħha. Għalhekk, sa fejn l-impriżi tas-sajd jissodisfaw funzjoni waħda ta’ sempliċi intermedjarju bejn l-impjegati tagħhom u dawn il-korpi soċjali u li, għalhekk, il-miżura ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tibqa’ newtrali fil-konfront tagħhom, hemm lok li jitqies li din il-miżura ma tirrigwardax piżijiet fuq il-baġit ta’ dawn l-impriżi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑530/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:727, punti 32 sa 34). |
44 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li l-obbligu ta’ ħlas lill-korpi kompetenti tas-somom li jikkorrispondu għall-kontribuzzjonijiet salarjali ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi dedott li t-tnaqqis ta’ dawn l-istess kontribuzzjonijiet jagħti lill-impriżi kkonċernati vantaġġ dirett ta’ ammont ekwivalenti għal dak ta’ dan it-tnaqqis. |
45 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati mir-riferiment, kemm mill-Gvern Franċiż kif ukoll mill-Kummissjoni, għas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990), peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 68 u 71 sa 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’differenza minn din il-kawża, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza tqiesu mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li kellhom effett fuq il-baġit ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru. |
46 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija kunsiderazzjonijiet huma kkorroborati mill-fatt li l-miżura ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet indirizzata biss lill-impjegati tal-impriżi tas-sajd, li kienu l-uniċi benefiċjarji effettivi tiegħu, peress li din il-miżura kienet twassal, essenzjalment, sabiex timponi fuq dawn l-impriżi l-obbligu li jżidu s-salarju nett tal-impjegati tagħhom bi proporzjon mal-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet salarjali normalment imħallsa minn kull wieħed minnhom. |
47 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-fatt li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali jiffavorixxi direttament lill-impjegati tal-impriżi kkonċernati u mhux lil dawn l-impriżi, ma jeskludix li għajnuna li l-benefiċjarji diretti tagħha huma l-impjegati ta’ impriża tista’ tikkostitwixxi għajnuna indiretta mogħtija lil din l-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni, C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 81). |
48 |
Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li la d-deċiżjoni inkwistjoni u lanqas il-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludu indikazzjonijiet li l-impriżi kkonċernati bbenefikaw indirettament minn għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar, b’mod partikolari, mill-premessa 55 tagħha, li, fil-każ ineżami, il-vantaġġ invokat mill-Kummissjoni kien jikkonsisti, għal dawn l-impriżi, fi profitt mhux indirett iżda dirett. |
49 |
Madankollu, għandu jitqies li, billi sostniet, fil-premessa 55 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kienu, fl-intier tagħhom, miżuri li jagħtu vantaġġ lill-impriżi tas-sajd, sa fejn dawn kienu ġew eżentati minn ċerti spejjeż li normalment kien ikollhom isostnu, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. |
50 |
Dan l-iżball huwa biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tad-deċiżjoni inkwistjoni, sa fejn din tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil impriża, indispensabbli għal din il-kwalifika abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, hija nieqsa. |
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni inkwistjoni hija invalida sa fejn din tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali mogħti mir-Repubblika Franċiża favur is-sajjieda għall-perijodu mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ottubru 2000. |
52 |
Peress li din il-konstatazzjoni ta’ invalidità trendi superfluwa r-risposta għaż-żewġ domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi. |
Fuq l-ispejjeż
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/239/KE tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna implimentati minn Franza favur il-produtturi tal-akkwakultura u s-sajjieda, hija invalida sa fejn tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni t-tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet salarjali mogħtija mir-Repubblika Franċiża favur is-sajjieda għall-perijodu mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ottubru 2000. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.