SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Modalitajiet ta’ notifika”

Fil-Kawża C‑651/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

JP

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal JP, minn D. Andrien, avocat,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Van Regemorter u C. Van Lul, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Dubois u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u A. Azema, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn JP u l-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat, il-Belġju, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju Ġenerali”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tiddikjara inammissibbli l-applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn JP.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 18, 20, 23, 25, 50 u 60 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedu:

“(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(20)

F’ċirkostanzi definiti b’mod ċar fejn applikazzjoni x’aktarx li hi bla bażi […], l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jgħaġġlu l-proċedura ta’ eżami, b’mod partikolari billi jiġu introdotti limiti ta’ żmien iqsar, iżda raġonevoli, għal ċerti passi proċedurali, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u sħiħ u l-aċċess effettiv tal-applikant għal prinċipji bażiċi u garanziji previsti f’din id-Direttiva.

[…]

(23)

Fi proċeduri ta’ appelli, suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, l-applikanti għandhom jingħataw assistenza legali mingħajr ħlas u rappreżentanza minn persuni kompetenti li jipprovduhom taħt il-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, fl-istadji kollha tal-proċedura, l-applikanti għandhom ikollhom id-dritt li jikkonsultaw, bi spiża tagħhom, konsulenti legali jew kunsillieri ammessi jew permessi għal tali skop taħt il-liġi nazzjonali.

[…]

(25)

Fl-interess ta’ rikonoxximent korrett dawk il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni bħala rifuġjati fis-sens tal-Artikolu 1 tal-[Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Recueil des traités des Nations unies, vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], issupplimentat u emendat bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967] jew bħala persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, kull applikant għandu jkollu aċċess effettiv għall-proċeduri, l-opportunità li jikkopera u jikkomunika sewwa mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżenta l-fatti relevanti tal-każ tiegħu u l-garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegwi l-każ tiegħu matul l-istadji kollha tal-proċedura. Barra minn hekk, il-proċedura li fiha tiġi eżaminata applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali għandha normalment tagħti lil applikant għall-inqas id-dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sa meta tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, aċċess għas-servizzi ta’ interpretu sabiex ikun jista’ jippreżenta l-każ tiegħu jekk jiġi intervistat mill-awtoritajiet, l-opportunità li jikkomunika ma’ rappreżentant tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u ma’ organizzazzjonijiet li jipprovdu pariri jew konsulenza lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, id-dritt ta’ notifika adegwata ta’ deċiżjoni u tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni fil-fatt jew fid-dritt; l-opportunità li jikkonsulta ma’ konsulent legali jew konsulent ieħor; id-dritt li jiġi nfurmat dwar il-pożizzjoni legali tiegħu f’mumenti deċiżivi matul il-proċedura, f’ilsien li jifhem jew raġonevolment ikun mistenni jifhem u, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal.

[…]

(50)

Ikun jirrifletti prinċipju bażiku tal-liġi tal-Unjoni li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali […] jkunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal.

[…]

(60)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 18, 19, 21, 23, 24 u 47 tal-Karta u għandha tiġi implimentata għal dan il-għan.”

4

L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jingħataw bil-miktub.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, fejn applikazzjoni tiġi miċħuda, fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat u/jew l-istatus tal-protezzjoni sussidjarja ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt jiġu ddikjarati fid-deċiżjoni u tiġi mogħtija bil-miktub informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva:

“Fir-rigward tal-proċeduri provduti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha jgawdu l-garanziji li gejjin:

[…]

(e)

għandhom jingħataw notifika fi żmien raġonevoli tad-deċiżjoni mill-awtorità determinanti fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom. Jekk l-applikant ikun qiegħed jiġi rappreżentat legalment minn konsulent legali jew konsulent ieħor, l-Istati Membri jistgħu jagħzlu li jinnotifikaw lil dan bid-deċiżjoni minflok lill-applikant;

(f)

għandhom jiġu informati dwar ir-riżultat tad-deċiżjoni mill-awtorità determinanti f’ilsien li huma jifhmu jew raġonevolment huma mistennija jifhmu meta ma jkunux assistiti jew rappreżentati minn konsulent legali jew konsulent ieħor. L-informazzjoni provduta għandha tinkludi informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2).”

6

Skont l-Artikolu 13(2)(c) tal-istess direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li “l l-applikanti jkunu meħtieġa jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti bil-post tar-residenza jew bl-indirizz attwali tagħhom u b’kull tibdil ta’ dan mill-aktar fis possibbli. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-applikant għandu jaċċetta kull komunikazzjoni fil-post ta’ residenza jew fl-indirizz l-aktar reċenti li huwa kien indika għal dan il-għan”.

7

L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħataw assistenza legali u rappreżentanza mingħajr ħlas meta dawn jiġu mitluba fil-proċeduri tal-appelli previsti fil-Kapitolu V. […]”

8

L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva jirrikonoxxi d-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għall-assistenza legali u għar-rappreżentazzjoni fl-istadji kollha tal-proċedura.

9

L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulent legali jew konsulent ieħor, li jkun ammess jew permess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali, li jgħin jew jirrappreżenta applikant taħt il-liġi nazzjonali, għandu jgawdi aċċess għall- informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-applikant li fuq il-bażi tiegħu jkun hemm jew tkun ser tittieħed deċiżjoni.”

10

Skont l-Artikolu 33(2) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[…]

d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)]

[…]”

11

L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 intitolat “Applikazzjonijet sussegwenti”, jipprevedi:

“1.   Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.

2.   Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95.

3.   Jekk l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2, jikkonkludi li jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skont il-Kapitolu II. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħrajn għal eżami ulterjuri ta’ applikazzjoni sussegwenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni tiġi eżaminata ulterjorament biss jekk l-applikant konċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara s-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu fil-proċedura preċedenti, partikolarment billi jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv taħt l-Artikolu 46.

5.   Fejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d).

6.   Il-proċedura msemmija f’dan l-Artikolu tista’ tkun applikabbli wkoll fil-każ ta’:

(a)

persuna dipendenti li tippreżenta applikazzjoni wara li hija, taħt l-Artikolu 7(2), tkun tat il-kunsens tagħha sabiex il-każ tagħha jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’isimha, u/jew

(b)

persuna minorenni mhux miżżewġa li tippreżenta applikazzjoni wara tkun ippreżentata applikazzjoni oħra f’isimha taħt l-Artikolu 7(5)(c).

F’ dawk il-każi l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2 jikkonsisti fl-eżami jekk hemmx xi fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti jew tal-persuna minorenni mhux miżżewġa li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.

7.   Fejn persuna li fir-rigward tagħha trid tiġi infurzata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31)] tagħmel rappreżentazzjonijiet addizjonali jew applikazzjoni sussegwenti fl-Istat Membru li jitrasferixxi, dawk ir-rappreżentazzjonijiet jew applikazzjonijiet sussegwenti għandhom ikunu eżaminati mill-Istat Membru responsabli, kif definit f’dak ir-Regolament, konformement ma’ din id-Direttiva.”

12

Skont l-Artikolu 46(1) u (4) ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

[…]

(ii)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2),

[…]

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu termini ta’ żmien raġonevoli u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. Il-limiti ta’ żmien ma għandhomx jagħmlu tali eżerċizzju impossibbli jew eċċessivament diffiċli.”

Id-dritt Belġjan

13

L-Artikolu 39/2(1) tal-loi sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers, du 15 décembre 1980 (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, l-Istabbiliment, ir-Residenza u t-Tneħħija tal-Barranin (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”), jipprevedi:

“Il-Conseil (Il-Kunsill) [du contentieux des étrangers (għall-Kwistjonijiet dwar Barranin)] jiddeċiedi, permezz ta’ sentenzi, fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-[Commissaire ġeneral (Kummissarju Ġenerali)].

[…]”

14

Skont l-Artikolu 39/57 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980:

“ 1. It-talbiet imsemmija fl-Artikolu 39/2 għandhom jitressqu permezz ta’ rikors, fi żmien tletin jum min-notifika tad-deċiżjoni li kontriha huma diretti.

Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fi żmien għaxart ijiem min-notifika tad-deċiżjoni li kontriha jkun sar ir-rikors.

[…]

3

meta r-rikors ikun dirett kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57/6(3). Madankollu r-rikors jiġi ppreżentat fi żmien ħamest ijiem min-notifika tad-deċiżjoni li kontriha huwa indirizzat fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà meħuda abbażi tal-punt 5 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57/6(3) u meta l-barrani jkun, fil-mument tal-applikazzjoni tiegħu, f’post iddeterminat previst fl-Artikoli 74/8 u 74/9 jew meta jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Gvern.

[…]

2.

It-termini għall-preżentata ta’ rikors imsemmija fil-paragrafu 1 jibdew jiddekorru:

[…]

2

meta n-notifika ssir permezz ta’ ittra rreġistrata jew bil-posta ordinarja, it-tielet jum ta’ xogħol li jsegwi dak li fih l-ittra ntbagħtet lis-servizzi tal-posta, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja min-naħa tad-destinatarju;

[…]

Il-jum tal-iskadenza għandu jkun inkluż fit-terminu. Madankollu, meta dan il-jum ikun is-Sibt, il-Ħadd jew jum ta’ btala, il-jum tal-iskadenza jiġi pospost għall-eqreb jum ta’ xogħol li jmiss.

[…]”

15

L-Artikolu 15/2 ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“Il-barrani li jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali konformement mal-Artikolu 50(3) għandu jistabbilixxi d-domiċilju tiegħu fil-Belġju.

Fin-nuqqas ta’ għażla ta’ domiċilju, l-applikant għandu jitqies li għażel bħala domiċilju lill-Commissariat général aux réfugiés et aux apatrides (l-Uffiċċju tal-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat.

[…]

Kull bidla fid-domiċilju magħżul elett għandha tiġi kkomunikata bil-posta rreġistrata lill-[Kummissarju Ġenerali] kif ukoll lill‑[Ministru li għandu l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin fil-kompetenzi tiegħu].

Mingħajr preġudizzju għal notifika personali, notifika għandha ssir b’mod validu fid-domiċilju magħżul, bil-posta rreġistrata jew b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta. Meta l-barrani jkun għażel domiċilju għand l-avukat tiegħu, in-notifika tista’ wkoll validament tintbagħat b’faks jew b’kull mezz ieħor ta’ notifika awtorizzat permezz ta’ digriet irjali.

[…]”

16

L-Artikolu 57/6(3) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Il-[Kummissarju Ġenerali] jista’ jiddikjara applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli meta:

[…]

5

l-applikant jippreżenta applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha ebda element jew fatt ġdid fis-sens tal-Artikolu 57/6/2 ma kien jidher u lanqas ma ġie ppreżentat mill-applikant;

[…]”

17

Skont l-Artikolu 57/6/2(1) tal-istess liġi, “[w]ara li jirċievi l-applikazzjoni sussegwenti mibgħuta mill-Ministru jew mid-delegat tiegħu abbażi tal-Artikolu 51/8, il-[Kummissarju Ġenerali] għandu jeżamina bi prijorità jekk provi jew fatti ġodda jidhrux, jew humiex ippreżentati mill-applikant, li jżidu b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li huwa jista’ jippretendi r-rikonoxximent bħala refuġjat fis-sens tal-Artikolu 48/3 jew għall-protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 48/4. Fl-assenza ta’ dawn l-elementi jew fatti, il-[Kummissarju Ġenerali] jiddikjara l-applikazzjoni inammissibbli […]”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

Wara ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil, ir-rikorent fil-kawża prinċipali ppreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ġiet iddikjarata inammissibbli permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2018 tal-Kummissarju Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 57/6/2 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

19

Peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx għażel domiċilju fil-Belġju, skont id-dritt nazzjonali, id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lilu, it-Tlieta 22 ta’ Mejju 2018, bil-posta rreġistrata fis-sede tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat.

20

Konformement mad-dritt Belġjan, it-terminu ta’ għaxart ijiem għall-preżentata ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni beda jiddekorri mit-tielet jum tax-xogħol wara dak li fih l-ittra ntbagħtet lid-dipartimenti tal-posta, jiġifieri l-Ġimgħa 25 ta’ Mejju 2018. Peress li l-jum tal-iskadenza ta’ dan it-terminu kien il-Ħadd, dan ġie pospost għat-Tnejn 4 ta’ Ġunju 2018.

21

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta ruħu fis-sede tal-Kummissarju Ġenerali fit‑30 ta’ Mejju 2018 u, f’din id-data, ikkonferma li rċieva l-ittra rreġistrata dwar id-deċiżjoni kkontestata.

22

Fis‑7 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2018, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors minħabba n-natura tardiva tiegħu.

23

Fit‑18 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju).

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (Il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 46 tad-[Direttiva 2013/32], li jistipula li l-applikanti għandu jkollhom dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ‘dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali’, u l-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola ta’ proċedura nazzjonali, bħall-Artikolu 39/57 tal-[Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980], moqri flimkien mal-Artikolu 51/2, il-ħames punt tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57/6(3), u l-Artikolu 57/6/2(1) tal-istess liġi, li tistabbilixxi għal għaxar ġranet ‘tal-kalendarju’ sa min-notifika tad-deċiżjoni amministrattiva, it-terminu għat-tressiq ta’ kawża kontra deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz, b’mod partikolari meta n-notifika tkun saret lill-[Uffiċċju tal-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni mingħajr Stat] fejn ir-rikorrent huwa ‘meqjus’ mil-liġi li għażel id-domiċilju?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta r-rikors kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għal terminu ta’ dekadenza ta’ għaxart ijiem, li jinkludi l-jiem ta’ btajjel pubbliċi u mingħajr xogħol, li jibdew jiddekorru min-notifika ta’ tali deċiżjoni, inkluż meta, fl-assenza ta’ għażla ta’ domiċilju f’dan l-Istat Membru mill-applikant ikkonċernat, tali notifika titwettaq fis-sede tal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex teżamina dawn l-applikazzjonijiet.

26

L-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluż kontra d-deċiżjonijiet li jiddikjaraw li l-applikazzjoni hija inammissibbli.

27

Il-karatteristiċi tar-rikors previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, li skontu kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni inkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, E. G., C‑662/17, EU:C:2018:847, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq in-notifika fis-sede tal-awtorità kompetenti

28

Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha d-deċiżjonijiet dwar l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li ma għażlux domiċilju fl-Istat Membru kkonċernat jiġu nnotifikati fis-sede tal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex teżamina dawn l-applikazzjonijiet, fejn tali notifika tibda tiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ azzjoni legali kontra dawn id-deċiżjonijiet.

29

In-notifika tad-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali lill-applikanti kkonċernati hija essenzjali sabiex tiggarantixxi d-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, sa fejn tippermetti lil dawn l-applikanti jieħdu konjizzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, u, jekk ikun il-każ, jekk id-deċiżjoni nnotifikata hija negattiva, li jikkontestawha quddiem il-qrati fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst mil-liġi nazzjonali.

30

Għalkemm id-Direttiva 2013/32 issemmi, fil-premessa 25 tagħha, il-fatt li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandhom jingħataw id-dritt għal notifika korretta tad-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet tagħhom, din id-direttiva madankollu ma tipprevedix il-modalitajiet konkreti ta’ notifika ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

31

Fil-fatt, minn naħa, fl-Artikolu 11(1) u (2) tagħha, id-Direttiva 2013/32 sempliċement tindika li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-possibbiltajiet ta’ rimedju kontra deċiżjoni negattiva jiġu kkomunikati bil-miktub lill-applikanti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, fost il-garanziji previsti minn din id-direttiva favur dawn l-applikanti, din sempliċement issemmi, mingħajr ebda forma oħra ta’ preċiżjoni, rispettivament fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 12 tagħha, fl-ewwel lok, dik li jiġu avżati f’terminu raġonevoli bid-deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti dwar l-applikazzjonijiet tagħhom, kif ukoll, fit-tieni lok, dik li jkunu informati bir-riżultat tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti f’lingwa li huma jifhmu u dwar il-possibbiltajiet ta’ rimedju kontra deċiżjoni negattiva, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva.

32

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13(2)(c) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti lill-Istati Membri li jimponu fuq l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali l-obbligu li jindikaw il-post ta’ residenza tagħhom jew l-indirizz tagħhom għall-finijiet tal-komunikazzjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet tagħhom. Madankollu, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tipprevedi l-eventwali konsegwenzi li l-Istati Membri li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà għandhom jiddeduċu mill-assenza ta’ tali indikazzjoni għall-finijiet tal-imsemmija komunikazzjonijiet.

33

Fl-aħħar nett, l-Artikolu46(3) tad-Direttiva 2013/32 iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jipprevedu r-regoli neċessarji sabiex l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

34

Issa, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-proċeduri tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sakemm, madankollu, dawn il-proċeduri ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, LH (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għaldaqstant, ir-regoli proċedurali dwar in-notifika tad-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jaqgħu taħt il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

36

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-osservanza tiegħu teħtieġ trattament ugwali tal-azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u ta’ dawk, simili, ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

B’hekk, minn naħa, għan jeħtieġ li jiġu identifikati l-proċeduri jew l-azzjonijiet paragunabbli u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat jekk l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali humiex itrattati b’mod iktar favorevoli mill-azzjonijiet li jirrigwardaw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fir-rigward tan-natura paragunabbli tal-azzjonijiet, hija l-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali applikabbli, li għandha tivverifika x-xebh tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fir-rigward tat-trattament simili tal-azzjonijiet, jeħtieġ li jitfakkar li kull każ fejn tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali dwar l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni hijiex inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw azzjonaijiet simili ta’ natura interna għandu jiġi analizzat mill-qorti nazzjonali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura fl-intier tagħha, tal-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u tal-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza sa fejn, minn naħa, il-ġurisprudenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ma turix, ħlief fil-qasam tal-ażil, li notifika fid-domiċilju magħżul, bħala effett tal-liġi nazzjonali, fis-sede ta’ awtorità nazzjonali, tippermetti li jibda jiddekorri terminu ta’ dekadenza, u li, min-naħa l-oħra, konformement ma; din il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ att li la għandu jiġi ppubblikat u lanqas innotifikat, huwa l-għarfien suffċjenti ta’ dan l-att li jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

41

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 36 sa 39 ta’ din is-sentenza, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

42

Fir-rigward tal-osservanza, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar il-prinċipju ta’ effettività fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura fl-intier tagħha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan ir-rigward, għandu, jiġi rrilevat li regola ta’ proċedura nazzjonali li tipprevedi li, fl-assenza ta’ għażla ta’ domiċilju mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, id-deċiżjoni adottata fir-rigward tiegħu tiġi nnotifikata lilu fis-sede tal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex teżamina dawn l-applikazzjonijiet, liema notifika tibda tiddekorri t-terminu stabbilit mid-dritt nazzjonali għall-preżentata ta’ rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni, tista’, bħala prinċipju, tiġi ġġustifikata għal raġunijiet marbuta maċ-ċertezza legali u mal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

44

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali regola, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikanti li ma għażlux domiċilju ma jkunux jistgħu jiġu nnotifikati uffiċjalment lilhom u b’hekk ikollhom l-effetti tagħhom. Barra minn hekk, li kieku n-notifika mwettqa fis-sede tal-imsemmija awtorità ma kinitx tibda tiddekorri t-termini għall-preżentata ta’ rikors mogħtija fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lil dawn l-applikanti, dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu kkontestati ġudizzjarjament mingħajr limitu ta’ żmien, jew saħansitra qatt ma jsiru definittivi, b’tali mod li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu preklużi milli jisiltu l-konsegwenzi neċessarji mid-deċiżjonijiet negattivi f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-residenza tal-applikanti kkonċernati.

45

Barra minn hekk, kif irrileva l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali toffri lill-applikanti li ma humiex f’pożizzjoni li jindikaw lill-awtoritajiet kompetenti indirizz postali sigur il-possibbiltà li jirrimedjaw għal dan l-inkonvenjent sinjifikattiv, peress li dawn jibbenefikaw minn mekkaniżmu legali li jippermetti li d-deċiżjonijiet, is-sejħiet u t-talbiet l-oħra għal informazzjoni li jikkonċernawhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom f’post sigur, li huma, bħala prinċipju, diġà ffrekwentaw. F’din il-perspettiva, tali leġiżlazzjoni tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv ta’ dawn l-applikanti u tikkontribwixxi għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

46

Madankollu, din il-leġiżlazzjoni jista’ jkollha tali effett biss fil-kundizzjoni doppja jekk, minn naħa, l-applikant ikun debitament informat li, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ indirizz fl-Istat Membru kkonċernat, l-ittri li l-amministrazzjoni kompetenti ser tibgħatlu fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ser jiġu indirizzati lilu fis-sede tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat, u li, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal din is-sede ma jagħmlux ir-riċevuta tal-imsemmija ittri eċċessivament diffiċli.

47

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha d-deċiżjonijiet dwar l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li ma għażlux domiċilju fl-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu nnotifikati fis-sede tal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex teżamina dawn l-applikazzjonijiet, sakemm, fl-ewwel lok, dawn l-applikanti jiġu informati li, fin-nuqqas li jagħżlu domiċilju għan-notifika tad-deċiżjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni tagħhom, dawn għandhom jitqiesu li jkunu għażlu domiċilju għal dan il-għan fis-sede tal-awtorità nazzjonali kompetenti għall-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-imsemmija applikanti għal din is-sede ma jagħmlux eċċessivament diffiċli li dawn tal-aħħar jirċievu deċiżjonijiet dwarhom, u, fit-tielet lok, li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jkun osservat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

Fuq it-terminu ta’ dekadenza ta’ għaxart ijiem, inklużi l-jiem ta’ btajjel pubbliċi u mingħajr xogħol

48

Insegwitu għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi terminu ta’ dekadenza ta’ għaxart ijiem, inklużi l-jiem ta’ btajjel pubbliċi u mingħajr xogħol, sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali.

49

L-Artikolu 46(4) tad-Direttiva 2013/32 iħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jipprevedu termini raġonevoli sabiex l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, billi jippreċiża li t-termini previsti ma għandhomx jirrendu dan l-eżerċizzju impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

50

Kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-iffissar tat-termini għall-preżentata ta’ rikors fil-kuntest tal-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali jaqa’ taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

51

F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi għal għaxart ijiem, inklużi l-jiem ta’ btajjel pubbliċi u mingħajr xogħol, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali tikser dan il-prinċipju sa fejn, konformement mad-dritt nazzjonali, minn naħa, ir-rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi ta’ portata individwali minbarra dawk adottati skont il-liġijiet dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ 60 jum wara l-pubblikazzjoni, in-notifika jew l-għarfien tad-deċiżjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet meħuda dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għal ażil li huma suġġetti għal rikors quddiem il-cour de travail (il-Qorti Industrijali) f’terminu ta’ tliet xhur min-notifika tagħhom.

52

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 36 sa 39 ta’ din is-sentenza, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tipprevedi, minn naħa, terminu ta’ għaxart ijiem għall-preżentata ta’ rikors, u min-naħa l-oħra, jekk dan it-terminu jinkludix il-jiem ta’ btajjel pubbliċi u mingħajr xogħol, tosservax il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

53

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali, peress li tali termini ma humiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali huma suġġetti għal terminu iqsar huwa konformi mal-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li jissodisfa l-interess kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għal tali protezzjoni, konformement mal-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32.

55

Barra minn hekk, billi jiżgura pproċessar iktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet inammissibbli għall-protezzjoni internazzjonali, it-tqassir ta’ tali terminu għall-preżentata ta’ rikors jippermetti pproċessar iktar effikaċi ta’ applikazzjonijiet ippreżentati minn persuni li huma adatti li jibbenefikaw minn status ta’ refuġjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 65) u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

56

B’hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huwa stabbilit għal għaxart ijiem, inklużi l-jiem ta’ btajjel pubbliċi u mingħajr xogħol, tista’, bħala prinċipju, tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-għan ta’ ħeffa li ttendi għalih id-Direttiva 2013/32, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

57

Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività, dan it-terminu għandu jkun materjalment suffiċjenti sabiex wieħed jipprepara u jippreżenta rikors effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat, minn naħa, li kull applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali hija ppreċeduta mill-ewwel applikazzjoni li ġiet definittivament miċħuda, li fil-kuntest tagħha l-awtorità kompetenti wettqet eżami eżawrjenti sabiex tiddetermina jekk l-applikant ikkonċernat kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, qabel ma d-deċiżjoni ta’ ċaħda tkun kisbet natura definittiva, dan l-applikant ikun ibbenefika minn dritt ta’ rikors kontriha.

59

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali ttendi għall-preżentazzjoni, mill-applikant ikkonċernat, ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda meta mqabbla ma’ dawk eżaminati fil-kuntest tal-applikazzjoni preċedenti, li jżidu b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li dan l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jitlob l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. Meta l-eżami preliminari li għalih tkun suġġetta din l-applikazzjoni juri li tali elementi jew tali fatti ġodda jkunu dehru jew ġew ippreżentati mill-applikant, l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, meta dan l-eżami preliminari ma jurix tali elementi jew tali fatti, l-imsemmija applikazzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva.

60

B’hekk, il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tillimita ruħha li tivverifika jekk, kontrarjament għal dak li ddeċidiet l-awtorità kompetenti, l-eżami preliminari ta’ din l-applikazzjoni jurix elementi jew fatti ġodda, fis-sens indikat fil-punt preċedenti. Minn dan jirriżulta li, fir-rikors tiegħu quddiem din il-qorti, l-applikant għandu, essenzjalment, jillimita ruħu li jistabbilixxi li kien intitolat li jikkunsidra li jeżistu elementi jew fatti ġodda meta mqabbla ma’ dawk li ġew eżaminati fil-kuntest tat-talba preċedenti tiegħu.

61

Għaldaqstant, il-kontenut utli tat-talba fil-kuntest ta’ tali rikors ma huwiex limitat biss għall-elementi msemmija fil-punt preċedenti, iżda wkoll strettament marbut ma’ dak tat-talba sussegwenti li tat lok għad-deċiżjoni ta’ ċaħda, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-redazzjoni ta’ tali rikors ma għandhiex, a priori, kumplessità partikolari li tirrikjedi terminu ta’ iktar minn għaxart ijiem, li jinkludu l-jiem ta’ btajjel pubbliċi u dawk mingħajr xogħol.

62

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, ċertu numru ta’ drittijiet proċedurali speċifiċi huma ggarantiti lir-rikorrenti, fosthom, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-Artikoli 20 u 22 tad-Direttiva 2013/32, moqrija fid-dawl tal-premessa 23 tagħha, il-possibbiltà ta’ assistenza legali u ta’ rappreżentanza bla ħlas, kif ukoll l-aċċess għal konsulent legali. Barra minn hekk, l-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva jiżgura lill-konsulent legali tal-applikant l-aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl ta’ dan tal-aħħar li abbażi tagħha tkun ittieħdet jew ser tittieħed deċiżjoni.

63

Konsegwentement, terminu għall-preżentata ta’ rikors jista’ jitqies li huwa materjalment suffiċjenti għall-preparazzjoni u għall-preżentata ta’ rikors effettiv biss sakemm l-aċċess tal-applikant għall-garanziji proċedurali msemmija fil-punt preċedenti jiġi żgurat f’tali terminu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

64

F’dan ir-rigward, u mingħajr preġudizzju għall-imsemmija verifiki, terminu ta’ għaxart ijiem li jinkludi l-jiem ta’ btajjel pubbliċi u mingħajr xogħol ma jidhirx li huwa materjalment insuffiċjenti sabiex wieħed jipprepara u jippreżenta rikors effettiv kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali.

65

Tali kunsiderazzjoni tapplika iktar u iktar, f’dan il-każ, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 14 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li, minn naħa, meta n-notifika ssir permezz ta’ ittra rreġistrata, dan it-terminu jiżdied bi tlett ijiem ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, meta l-jum tal-iskadenza tat-terminu jkun is-Sibt, il-Ħadd jew btala pubblika, din l-iskadenza tiġi posposta għall-eqreb jum tax-xogħol, fejn barra minn hekk dawn ir-regoli kienu ġew applikati f’dan il-każ.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi terminu ta’ dekadenza ta’ għaxart ijiem, inklużi l-jiem ta’ btajjel pubbliċi u mingħajr xogħol, sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni ta’ inammisibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti ta’ protezzjoni internazzjonali, sakemm l-aċċess effettiv tal-applikanti kkonċernati minn tali deċiżjoni għall-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mid-dritt tal-Unjoni jkun żgurat f’tali terminu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta r-rikors kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għal terminu ta’ dekadenza ta’ għaxart ijiem, inklużi l-jiem ta’ btajjjel pubbliċi u mingħajr xogħol, li jibdew jiddekorru min-notifika ta’ tali deċiżjoni, inkluż meta, fin-nuqqas ta’ għażla ta’ domiċilju f’dan l-Istat Membru mill-applikant ikkonċernat, tali notifika ssir fis-sede tal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex teżamina dawn l-applikazzjonijiet, sakemm, l-ewwel nett, dawn l-applikanti jiġu informati li, fin-nuqqas ta’ għażla tad-domiċilju għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom, dawn għandhom jitqiesu li għażlu domiċilju għal dawn il-finijiet fis-sede ta’ din l-awtorità nazzjonali kompetenti, it-tieni nett, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-imsemmija applikanti għal din is-sede ma jagħmlux eċċessivament diffiċli li dawn tal-aħħar jirċievu deċiżjonijiet dwarhom, u t-tielet nett l-aċċess effettiv għall-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mid-dritt tal-Unjoni jiġi żgurat lilhom f’tali terminu, u, ir-raba’ nett, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jkun osservat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta r-rikors kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għal terminu ta’ dekadenza ta’ għaxart ijiem, inklużi l-jiem ta’ btajjjel pubbliċi u mingħajr xogħol, li jibdew jiddekorru min-notifika ta’ tali deċiżjoni, inkluż meta, fin-nuqqas ta’ għażla ta’ domiċilju f’dan l-Istat Membru mill-applikant ikkonċernat, tali notifika ssir fis-sede tal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex teżamina dawn l-applikazzjonijiet, sakemm, l-ewwel nett, dawn l-applikanti jiġu informati li, fin-nuqqas ta’ għażla tad-domiċilju għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom, dawn għandhom jitqiesu li għażlu domiċilju għal dawn il-finijiet fis-sede ta’ din l-awtorità nazzjonali kompetenti, it-tieni nett, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-imsemmija applikanti għal din is-sede ma jagħmlux eċċessivament diffiċli li dawn tal-aħħar jirċievu deċiżjonijiet dwarhom, u t-tielet nett l-aċċess effettiv għall-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mid-dritt tal-Unjoni jiġi żgurat lilhom f’tali terminu, u, ir-raba’ nett, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jkun osservat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.