DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

3 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur huwa ddomiċiljat – Artikolu 18(2) – Azzjoni mressqa kontra l-konsumatur mill-bejjiegħ jew mill-fornitur – Kunċett ta’ ‘domiċilju tal-konsumatur’ – Mument rilevanti sabiex jiġi ddeterminat id-domiċilju tal-konsumatur – Trasferiment tad-domiċilju tal-konsumatur wara l-konklużjoni tal-kuntratt u qabel il-preżentata tar-rikors”

Fil-Kawża C‑98/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 8 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 8, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

mBank S.A.

vs

PA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn mBank S.A., bank stabbilit fil-Polonja li jwettaq attivitajiet online fir-Repubblika Ċeka minn fergħa, u PA dwar kreditu li jirriżulta minn skadenzi mhux imħallsa ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 15 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdu:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. […]

[…]

(34)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)], ir-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42),] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-[imsemmija Konvenzjoni] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi għaxar taqsimiet. It-Taqsima 1, hija stess intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tinkludi l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

It-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tinkludi l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, li jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)

(a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati;

(c)

jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

[…]”

6

It-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolata “Ġurisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”, tinkludi l-Artikoli 17 sa 19 tiegħu.

7

Skont l-Artikolu 17(1) u (2) ta’ dan ir-regolament:

“1.   Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima […]:

(a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti li jitħallsu bin-nifs;

(b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

(c)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.

2.   Meta konsumatur jidħol f’kuntratt ma’ parti li ma tkunx domiċiljata fi Stat Membru iżda li jkollha fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dik il-parti għandha, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment, tkun meqjusa bħala domiċiljata f’dak l-Istat Membru.”

8

L-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

9

L-Artikolu 26, li jinsab fit-Taqsima 7 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Proroga tal-ġurisdizzjoni”, jistabbilixxi:

“1.   Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandhiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex tkun ikkontestata l-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 24.

2.   Fi kwistjonijiet li jsir riferiment għalihom fit-Taqsimiet 3, 4 jew 5 meta d-detentur tal-polza tal- assigurazzjoni, l-assigurat, il-benefiċjarju tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, il-parti li tkun ġarrbet il-ħsara, il-konsumatur jew l-impjegat ikun il-konvenut, il-qorti għandha, qabel ma tassumi l-ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 1, tiżgura li l-konvenut jiġi infurmat dwar id-dritt tiegħu li jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti u dwar il-konsegwenzi li jsegwu jekk jidher jew jekk ma jidhirx għall-proċeduri.”

10

Il-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 62 tal-imsemmi regolament, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex jiġi ddeterminat jekk parti jkollhiex id-domiċilju fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikunu invokati bil-kwistjoni, il-qorti għandha tapplika l-liġi interna tiegħu.”

Id-dritt Ċek

11

Mill-Artikolu 11(1) taż-zákon č. 99/1963 Sb., Občanský soudní řád (il-Liġi Nru 99/1963 li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) jirriżulta li ċ-ċirkustanzi li jeżistu fil-mument li qorti tiġi adita jibqgħu rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni ratione materiae u territorjali tagħha sakemm tingħalaq l-istanza. Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni territorjali, mill-Artikolu 85 ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, il-qorti ordinarja ta’ persuna fiżika hija l-qorti distrettwali tal-post tad-domiċilju tagħha.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fil‑21 ta’ Lulju 2014, kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ġie konkluż b’mod elettroniku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li skontu kreditu ta’ 50000 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 1820) ingħata lil PA, persuna fiżika li għandha l-kwalità ta’ konsumatur.

13

Skont il-qorti tar-rinviju, PA kien, diversi drabi, tardiv fil-ħlas u ma ħallasx il-pagamenti ta’ kull xahar relatati mal-imsemmi kuntratt, minkejja diversi tfakkiriet dwarhom u minkejja tentattiv prekontenzjuż ta’ ftehim bonarju mibdi mill-istabbiliment bankarju.

14

Fis‑7 ta’ Marzu 2018, mBank ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex PA jiġi kkundannat iħallasha s-somma prinċipali, l-interessi fuq is-somma prinċipali kif ukoll il-kapitalizzazzjoni tal-interessi.

15

Sabiex jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-Obvodní soud pro Prahu 8 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 8, ir-Repubblika Ċeka), mBank ibbażat ruħha fuq il-fatt li PA kellu jitqies li għandu d-domiċilju tiegħu fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), kif jirriżulta mill-indirizz imniżżel mill-persuna kkonċernata fit-talba għall-għoti ta’ kreditu u fil-kuntratt innifsu.

16

Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li, fid-data tal-preżentata tar-rikors, id-domiċilju ta’ PA kien jinsab fit-territorju tar-Repubblika Slovakka u mhux f’dak tar-Repubblika Ċeka. Fil-fatt, minbarra l-fatt li kull tentattiv magħmul lill-persuna kkonċernata ta’ notifika tal-atti ġudizzjarji f’dan l-aħħar Stat Membru ma rnexxiex, din, informata skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, kienet sostniet, bil-provi, li, fid-data tal-preżentata tar-rikors, id-domiċilju fiss tagħha kien jinsab fis-Slovakkja u, konsegwentement, ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qorti Ċeka li kienet ġiet adita.

17

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ “domiċilju tal-konsumatur”, fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għad-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-preżentata tar-rikors, hija madankollu tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dan huwiex effettivament il-każ jew jekk dan il-kunċett jirreferix għad-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-ħolqien tar-relazzjoni kuntrattwali, jiġifieri, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu kkonċernat.

18

Din il-qorti żżid li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali la jirrigwarda bejgħ ta’ oġġetti mobbli korporali bin-nifs u lanqas self marbut mal-finanzjament ta’ oġġetti mobbli korporali, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1215/2012 u li, fil-fehma tagħha, skont l-imsemmi Artikolu 17(1)(c), dan ma jistax ikun kuntratt konkluż minn konsumatur ħlief jekk il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Obvodní soud pro Prahu 8 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 8) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kunċett ta’ ‘domiċilju tal-konsumatur’ konformement mal-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament [Nru 1215/2012], għandu jinftiehem bħala d-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-preżentata tal-azzjoni, jew ukoll fid-data tal-ħolqien ta’ relazzjoni ta’ obbligu bejn il-konsumatur u l-parti kontraenti l-oħra (jiġifieri, pereżempju fid-data tal-iffirmar tal-kuntratt), jiġifieri fil-każ fejn fid-data tal-preżentata tal-azzjoni d-domiċilju tal-konsumatur ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-pajjiż fejn il-parti kontraenti l-oħra jkollha l-attività professjonali jew kummerċjali tagħha, dan għandu wkoll jitqies li huwa kuntratt konkluż mal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1)(c) tal-imsemmi regolament?

2)

Konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 1215/2012] konsumatur li jkollu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor jista’ jiġi mħarrek fil-qorti tal-post li fih ġie eżegwit jew kellu jiġi eżegwit l-obbligu kuntrattwali (irrispettivament mill-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 26(2) ta’ dan ir-regolament), għar-raġuni li l-parti kontraenti l-oħra ma għandhiex l-attività professjonali jew kummerċjali tagħha fil-pajjiż li fih il-konsumatur ikollu d-domiċilju tiegħu fid-data tal-preżentata tal-azzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

21

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, World Comm Trading Gfz, C‑684/18, EU:C:2020:403, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għalhekk, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “domiċilju tal-konsumatur” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jindika d-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni jew id-domiċilju tiegħu fid-data tal-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja.

24

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż minn persuna fiżika li għandha l-kwalità ta’ konsumatur u l-ebda element ieħor tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li PA kien ikkonkluda dan il-kuntratt għal użu marbut ma’ attività professjonali, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

25

Minn dan isegwi li, konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “kuntratti konklużi minn konsumatur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

26

Fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam ta’ kuntratti konklużi minn konsumatur, fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, l-azzjoni titressaq kontra l-konsumatur mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, li permezz tagħha l-kawża tista’ titressaq biss quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur ikun iddomiċiljat.

27

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li PA, li kellu d-domiċilju tiegħu fit-territorju tar-Repubblika Ċeka fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn dak iż-żmien biddel id-domiċilju tiegħu, mingħajr ma nnotifika din il-bidla la lill-parti kontraenti l-oħra u lanqas lill-awtoritajiet Ċeki.

28

Madankollu, kif ġie espost fil-punt 16 ta’ dan id-digriet, il-qorti tar-rinviju waslet, billi applikat il-lex fori konformement mal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, għall-konklużjoni li l-aħħar domiċilju magħruf ta’ PA kien jinsab fis-Slovakkja.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod partikolari fil-verżjonijiet tiegħu bil-lingwa Ċeka, Ġermaniża, Ingliża, Pollakka, Rumena u Finlandiża, hija ċara fejn issemmi “l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur”. Għaldaqstant, interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni twassal għall-konklużjoni li rikors ippreżentat minn bejjiegħ jew minn fornitur kontra konsumatur jista’ jitressaq biss quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur ikollu d-domiċilju tiegħu fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors.

30

It-tieni nett, kif juri r-rapport ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1), il-fatt li jiġi ppreferut id-domiċilju reali fid-data tal-preżentata tar-rikors meta mqabbel mal-indirizz indikat fil-kuntratt kien diġà jikkostitwixxi s-soluzzjoni prevista fiż-żmien tal-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, fil-paġna 33 ta’ dan ir-rapport, P. Jenard indika li “[d]-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, fil-każ ta’ azzjoni mressqa mill-bejjiegħ jew mill-persuna li ssellef, hija kemxejn diffiċli meta x-xerrej jew min jissellef jistabbilixxi ruħu barra mill-pajjiż wara li jkun ikkonkluda l-kuntratt” u ppreċiża li “[l]-għan ta’ protezzjoni ta’ dawn il-persuni jimplika li dawn għandhom jitressqu biss quddiem il-qrati tal-Istat fejn huma stabbilixxew id-domiċilju l-ġdid tagħhom”.

31

It-tielet nett, interpretazzjoni differenti tista’ toħloq inċertezza legali fir-rigward tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fis-sitwazzjonijiet fejn il-konsumatur biddel id-domiċilju tiegħu darba jew diversi drabi matul it-tul tar-relazzjoni legali inkwistjoni. Fil-fatt, tali multiplikazzjoni tal-qrati li jistgħu jiġu aditi tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1215/2012, stabbilit fil-premessa 15 tiegħu, li jipprovdi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà.

32

Fid-dawl ta’ dan il-ħsieb, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 47 tas-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745), li kienet tikkonċerna r-Regolament Nru 44/2001, iżda li tista’ tiġi applikata wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “f’sitwazzjoni […] fejn konsumatur li huwa parti f’kuntratt ta’ self […] ma jibqax domiċiljat qabel il-preżentata ta’ rikors kontrih għall-ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-aħħar domiċilju magħruf tal-konsumatur għandhom ġurisdizzjoni”. Għalhekk, fil-każ ta’ sensiela ta’ domiċilji, huwa biss l-aħħar domiċilju magħruf tal-konsumatur fid-data tal-preżentata tal-azzjoni kkonċernata li huwa deċiżiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ Stat Membru.

33

Minn dan isegwi li l-qrati ta’ Stat Membru ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima li tirrigwarda kuntratt konkluż minn konsumatur konformement mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, l-aħħar domiċilju magħruf tal-konsumatur ma jkunx jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

34

Għandu jiġi rrilevat ukoll li din is-soluzzjoni hija kkorroborata, fl-ewwel lok, mill-istruttura tar-regoli li jinsabu fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2015, dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ “kuntratti konklużi minn konsumaturi”, li għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta, peress li jikkostitwixxu deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, li skontha l-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn l-obbligu li hija l-bażi tat-talba kienet jew għandha tiġi eżegwita (ara, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Mühlleitner, C‑190/11, EU:C:2012:542, punti 2627 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fit-tieni lok, kif jindika r-rapport ta’ P. Jenard imsemmi fil-punt 30 ta’ dan id-digriet, tali soluzzjoni hija konformi mal-għan partikolari tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar il-“[ġ]urisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”, li tistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali favur il-konsumaturi bħala partijiet għall-kuntratt meqjusa li huma ekonomikament iktar dgħajfa u legalment inqas esperjenzati mill-parti kontraenti professjonali l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hobohm, C‑297/14, EU:C:2015:844, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari hija li l-kunċett ta’ “domiċilju tal-konsumatur” imsemmi fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għad-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kunċett ta’ “domiċilju tal-konsumatur” imsemmi fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għad-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ‑Ċek.