KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑316/19

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tas-Slovenja

“Proċedura ta’ ksur – Artikolu 343 TFUE – Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni – Statut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Artikolu 39 – Privileġġi u immunitajiet tal-BĊE – Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 2, 18 u 22 – Invjolabbiltà tal-arkivji tal-BĊE – Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri – Aġir bi qbil komuni fl-applikazzjoni tal-Protokoll – Tfittxija u konfiska ta’ dokumenti fil-bini ta’ Banka Slovenije – Dokumenti marbuta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-proċedura ta’ ksur għandha bħala suġġett l-aġir tal-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi fil-kuntest ta’ tfittxija u konfiska ta’ dokumenti u data fil-bini tal-Bank Ċentrali Sloven, Banka Slovenije. Dawn twettqu fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari nazzjonali mmexxija, fost oħrajn, kontra l-ex Gvernatur ta’ Banka Slovenije. B’mod iktar preċiż, din il-kawża tittratta l-allegazzjoni ta’ abbuż ta’ poter fir-ristrutturazzjoni ta’ bank privat Sloven fl-2013, jiġifieri qabel il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja Ewropea, li fil-kuntest tagħha, is-superviżjoni u l-ġestjoni tal-banek ġew ittrasferiti fil-parti l-kbira tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni – fil-każ tas-Slovenja, mill-Bank Ċentrali – lill-Unjoni ( 2 ).

2.

Id-dimensjoni ta’ dritt tal-Unjoni tal-kawża tirriżulta mill-pożizzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (iktar ’il quddiem is-“SEBĊ”). Fil-fatt, fit-twettiq tal-kompiti ċentrali tagħhom fil-qasam tal-politika monetarja, il-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“BĊE”) huma, fit-termini użati mill-Qorti tal-Ġustizzja, “assoċjati” u jikkooperaw tant mill-qrib ma’ xulxin “li fi ħdanha [il-kooperazzjoni] tipprevali struttura differenti u distinzjoni inqas ċara bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinamenti ġuridiċi interni” ( 3 ).

3.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea takkuża lill-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi li ma ħadux inkunsiderazzjoni l-invjolabbiltà tal-arkivji tal-BĊE, meta wettqu tfittxijiet u konfiski estensivi fil-bini ta’ Banka Slovenije mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-BĊE. Din hija ggarantita mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ( 4 ). L-awtoritajiet Sloveni jqisu li din l-akkuża tikkostitwixxi ndħil inaċċettabbli f’investigazzjoni preliminari purament nazzjonali.

4.

Għalhekk, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrisolvi t-tensjoni li jista’ jkun hemm bejn l-interess tal-Unjoni li tippreżerva l-funzjonament u l-indipendenza tal-BĊE, minn naħa, u l-interess tal-Istati Membri fl-effettività tal-proċeduri kriminali tagħhom, min-naħa l-oħra.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   L-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE

5.

Il-Protokoll Nru 4 tat-TFUE dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE) ( 5 ) jistabbilixxi fl-Artikolu 9.2 tiegħu:

“Il-BĊE għandha tiżgura li l-kompiti mogħtija lis-SEBĊ taħt l-Artikolu 127(2), (3) u (5) [TFUE] imsemmi jitwettqu bl-attivitajiet tiegħu stess, konformement ma’ dan l-Istatut, jew permezz tal-banek ċentrali nazzjonali konformement ma’ l-Artikoli 12.1 u 14.”

6.

L-Artikolu 12.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprevedi:

“Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta l-linji direttivi u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati f’idejn is-SEBĊ mit-Trattati u dan l-Istatut. […]

Sa fejn huwa meqjus possibbli u xieraq, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-BĊE għandu jirrikorri għand il-banek ċentrali nazzjonali sabiex iwettaq operazzjonijiet li jagħmlu parti mill-ħidmiet tas-SEBĊ.”

7.

L-Artikolu 14.3 ta’ dan l-istatut jgħid:

“Il-banek ċentrali nazzjonali huma parti integrali mis-SEBĊ u għandhom jaġixxu skond il-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiżgura li l-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE jiġu mħarsa, u għandu jirrikjedi li tingħatalu kull informazzjoni li tkun tinħtieġ.”

8.

L-Artikolu 39 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jgħid:

“Il-BĊE għandu jgawdi fit-territorji ta’ l-Istati Membri, dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għall-qadi ta’ d-dmirijiet tiegħu, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni.”

B.   Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni

9.

Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni:

“Il-postijiet u l-bini ta’ l-Unjoni ikunu invjolabbli. Ikunu eżenti minn tfittxija, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni. Il-proprjetà u l-assi ta’ l-Unjoni ma jkunu suġġetti għal ebda miżura amministrattiva jew legali li tirrestrinġihom mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

10.

L-Artikolu 2 ta’ dan il-protokoll jipprovdi:

“L-arkivji ta’ l-Unjoni ikunu invjolabbli.”

11.

Skont l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni:

“L-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom, bl-għan li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti.”

12.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-istess protokoll jipprevedi:

“Dan il-Protokoll għandu jkun japplika wkoll għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-membri ta’ l-organi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll fuq l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.”

C.   Ftehim dwar is-sede tal-BĊE

13.

L-Artikolu 3 tal-Ftehim tat-18 ta’ Settembru 1998 konkluż bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar is-sede tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar is-sede”) ( 6 ) jipprevedi kif ġej:

“L-invjolabbiltà tal-arkivji, kif prevista fl-Artikolu 2 tal-[Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni], tapplika b’mod partikolari għall-fajls, l-ittri, id-dokumenti, il-manuskritti, ir-ritratti, il-films u r-reġistrazzjonijiet tal-awdjo, il-programmi tal-kompjuter u t-tapes manjetiċi jew id-diskettes kollha li jappartjenu għall-BĊE jew li huma miżmuma minnu u l-informazzjoni kollha li tinsab fihom.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

14.

Bejn Settembru 2014 u April 2015, in-Nacionalni preiskovalni urad (l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Investigazzjoni, is-Slovenja) fetaħ, abbażi ta’ diversi provi, investigazzjoni preliminari kontra wħud mill-membri f’livell għoli tal-bord superviżorju tal-Bank Nazzjonali Sloven minħabba suspetti ta’ abbuż ta’ poter fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta’ bank privat Sloven fl-2013. L-investigazzjoni preliminari kienet tikkonċerna fost oħrajn lill-Gvernatur ta’dak iż-żmien ta’ Banka Slovenije.

15.

Matul il-perijodu bejn Frar u April 2015, l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni talbet diversi drabi lil Banka Slovenije sabiex, abbażi tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Sloven, jipprovdilha ċerti dokumenti u informazzjoni marbuta ma’ dawn l-akkużi. Fi kwalunkwe każ, Banka Slovenije ma kkonformax kompletament ma’ dawn it-talbiet.

16.

B’riżultat ta’ dan, l-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana, is-Slovenja) ordnat tfittxija u konfiska fil-bini ta’ Banka Slovenije fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Sloven. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Sloven oppona ruħu għal din l-azzjoni billi invoka l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.

17.

Madankollu, fis-6 ta’ Lulju 2016, il-pulizija daħlet tagħmel tfittxija f’Banka Slovenije u kkonfiskat, fost l-oħrajn, id-dokumenti u d-data segwenti:

il-komunikazzjoni kollha mibgħuta permezz tal-kont tal-posta elettronika tal-Gvernatur ta’ Banka Slovenije;

id-dokumenti elettroniċi kollha li kienu jinsabu fl-istazzjon tax-xogħol tal-Gvernatur jew fil-laptop tiegħu u bid-data bejn is-snin 2012 u 2014, indipendentement mill-kontenut tagħhom;

partijiet mid-dokumenti inkorporati li kienu jinsabu fl-uffiċċju tal-Gvernatur u bid-data bejn is-snin 2012 u 2014;

id-dokumenti kollha li kienu jinsabu fuq is-server ċentrali tal-informatika ta’ Banka Slovenije u li jikkonċernaw lill-Gvernatur.

18.

Fl-istess jum, il-Gvernatur tal-BĊE pprotesta formalment kontra l-konfiska tal-imsemmija dokumenti billi invoka l-invjolabbiltà tal-arkivji tal-BĊE. B’mod partikolari, huwa kkritika lill-awtoritajiet Sloveni talli ma pprovawx jikkoordinaw ruħhom mal-BĊE qabel l-implimentazzjoni tal-miżura.

19.

Fil-kuntest tal-kuntatt sussegwenti bejn ir-rappreżentant Sloven tal-BĊE u l-awtoritajiet Sloveni inkarigati bl-investigazzjoni, dawn tal-aħħar ikkunsidraw li l-privileġġi u l-immunitajiet eventwalment applikabbli għal ċerti dokumenti kkonfiskati jistgħu jiġu deċiżi biss wara l-konsultazzjoni tagħhom. Il-proposta tal-BĊE li jkun hemm qbil fuq approċċ komuni għall-identifikazzjoni tad-dokumenti tal-BĊE, sabiex jiġi evitat li dawn id-dokumenti jiġu analizzati mingħajr ma jkunu rrilaxxati minn qabel mill-BĊE, ma ġietx aċċettata mill-awtoritajiet Sloveni, minkejja turija ta’ kooperazzjoni espressa fil-prinċipju. Fil-fatt, il-Prosekutur Ġenerali Sloven qies din il-proposta bħala ndħil inaċċettabbli fil-investigazzjoni preliminari pendenti. Madankollu, ġiet organizzata laqgħa bejn il-prosekutur kompetenti u r-rappreżentant tal-BĊE għat-18 ta’ Novembru 2016, li matulha kellhom jiġu diskussi d-dettalji tal-kooperazzjoni.

20.

Fis-27 ta’ Ottubru 2016, il-prosekutur kompetenti informa lir-rappreżentant tal-BĊE li l-investigaturi kienu ser jibdew bil-konservazzjoni tad-data elettronika, konformement mal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Sloven fis-17 ta’ Novembru 2016 ( 7 ) u li r-rappreżentant tal-BĊE kien mistieden sabiex jipparteċipa.

21.

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-BĊE ppreżenta rikors ġudizzjarju urġenti quddiem l-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana) sabiex tiġi prekluża l-konservazzjoni imminenti tad-dokumenti elettroniċi. Skont l-awtoritajiet Sloveni, il-legalità nnifisha tat-tfittxija u tal-konfiska kienet ukoll is-suġġett ta’ dan ir-rikors. Fi kwalunkwe każ, l-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana) ċaħdet dan ir-rikors il-jum ta’ wara, peress li l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ma jipprekludix il-konfiski u l-konservazzjoni.

22.

Ukoll fis-17 ta’ Novembru 2016, bdiet il-konservazzjoni tad-dokumenti elettroniċi, b’mod partikolari ta’ dawk misjuba fil-laptop tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Sloven. Ir-rappreżentant tal-BĊE pparteċipa f’dawn l-operazzjonijiet billi invoka espressament ksur tal-arkivji tal-BĊE. Dan ma wassalx għall-esklużjoni ta’ ċerti dokumenti. Il-laqgħa bejn il-prosekutur kompetenti u r-rappreżentant tal-BĊE, inizjalment iffissata għat-18 ta’ Novembru 2016, ġiet posposta għal żmien indeterminat.

23.

Fis-17 ta’ Jannar 2017, il-BĊE ppreżenta appell kontra d-deċiżjoni tal-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana) tas-17 ta’ Novembru 2016 quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Slovena. Fil-fehma tiegħu, l-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana) kellha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni u b’hekk kisret id-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq.

24.

Permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ Mejju 2017, il-prosekutur kompetenti informa lir-rappreżentant tal-BĊE li l-pulizija kienet qiegħda tevalwa attwalment id-dokumenti li kienu ġew ikkonfiskati u kkonservati u li kellha l-ordni li tidentifika d-dokumenti kollha uffiċjalment u formalment maħruġa mill-BĊE kif ukoll il-posta elettronika kollha mibgħuta mill-BĊE u rċevuta minn Banka Slovenije. Fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti, il-BĊE mbagħad kien jingħata l-opportunità sabiex jikkumenta dwar l-effetti potenzjali tal-użu tagħhom fl-investigazzjoni preliminari u fil-proċedura kriminali fuq l-eżerċizzju tal-kompiti u tas-setgħat tiegħu. Madankollu, is-Slovenja żammet il-pożizzjoni tagħha li dawn id-dokumenti ma oriġinawx mill-“arkivji tal-BĊE”. Fil-każ li l-BĊE kellu dubji dwar ċerti dokumenti, l-awtoritajiet Sloveni offrew li l-proċedura kriminali titmexxa b’mod strettament sigriet u bil-bibien magħluqa jekk dawn id-dokumenti kellhom jirriżultaw indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura kriminali.

25.

Min-naħa l-oħra, il-BĊE żamm il-pożizzjoni tiegħu li l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jkopri wkoll id-dokumenti ta’ Banka Slovenije, sa fejn dawn ikunu ġew prodotti fit-twettiq tal-kompiti tiegħu fil-kuntest tas-SEBĊ u tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-BĊE jkollu jirrilaxxa d-dokumenti kollha koperti minn dan il-Protokoll qabel l-użu tagħhom fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari jew fi proċeduri kriminali.

26.

Waqt laqgħa bejn iż-żewġ partijiet li seħħet fit-12 ta’ Ġunju 2017, ma seta’ jintlaħaq ebda ftehim dwar din il-kwistjoni.

27.

Fit-13 ta’ Frar 2018, il-BĊE bagħat il-proposta finali tiegħu għall-identifikazzjoni tad-dokumenti li huma koperti mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni lill-Uffiċċju tal-Prosekutur.

28.

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2018, il-Qorti Kostituzzjonali Slovena ċaħdet l-appell tal-BĊE tas-17 ta’ Jannar 2017 minħabba li huwa ma kellux drittijiet fundamentali.

29.

Fit-13 ta’ Ġunju 2018, waqt laqgħa konġunta, il-prosekutur kompetenti informa lir-rappreżentant tal-BĊE li l-pulizija kienet ikkompletat l-eżami tad-dokumenti kkonfiskati. Huwa ħabbar li l-BĊE jkun jista’ jivverifika d-dokumenti msemmija fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet wara t-tfassil tar-rapport finali tal-pulizija. Madankollu, sabiex jiġi evitat li l-BĊE jindaħal fl-investigazzjonijiet pendenti, id-dokumenti użati għar-rapport finali kienu ser jiġu kkomunikati lill-BĊE biss wara li dawn jintbagħtu mill-pulizija lill-Uffiċċju tal-Prosekutur.

IV. Il-proċedura prekontenzjuża

30.

Fit-28 ta’ April 2017, il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 258 TFUE, eżiġiet li s-Slovenja tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-allegazzjoni li s-Slovenja ma kinitx iggarantixxiet l-invjolabbiltà tal-arkivji tal-BĊE matul it-tfittxija u l-konfiska fil-bini ta’ Banka Slovenije fis-6 ta’ Lulju 2016 u li b’dan il-mod hija kisret l-Artikolu 343 TFUE, l-Artikolu 39 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE kif ukoll l-Artikolu 2 u l-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Sloveni huma akkużati li evitaw dibattitu kostruttiv, u b’hekk naqsu milli jwettqu d-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.

31.

Is-Slovenja wieġbet li d-dokumenti kkonfiskati ma setgħux jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “arkivji tal-BĊE” fis-sens tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Id-dokumenti kienu miżmuma minn u kienu jappartjenu lil Banka Slovenije, li kellu jitqies bħala “terza parti” fil-konfront tal-BĊE. Barra minn hekk, matul il-proċedura kollha, l-awtoritajiet Sloveni ħadu inkunsiderazzjoni bl-aħjar mod possibbli l-pariri legali tal-BĊE mingħajr madankollu ma waslu għall-konklużjoni li dawn kienu sostantivament korretti. Għall-kuntrarju, il-BĊE huwa akkużat li kiser id-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni leali billi fittex li jipprekludi l-konservazzjoni tal-provi għall-finijiet tal-investigazzjoni preliminari u tal-proċedura kriminali nazzjonali.

32.

Il-Kummissjoni ma ngħaqditx ma’ din il-pożizzjoni u, fl-20 ta’ Lulju 2018, bagħtet l-osservazzjonijiet motivati tagħha lis-Slovenja, li għalihom is-Slovenja rrispondiet fil-11 ta’ Settembru 2018.

V. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33.

B’att proċedurali tas-16 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

34.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata, konformement mal-Artikolu 258 TFUE, li s-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 343 TFUE, l-Artikolu 39 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, l-Artikoli 2, 18 u 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni kif ukoll l-Artikolu 4(3) TUE, meta l-awtoritajiet Sloveni unilateralment ikkonfiskaw mill-bini ta’ Banka Slovenije dokumenti marbuta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ u tal-Eurosistema, u billi ma kkooperawx b’mod leali mal-BĊE dwar din il-kwistjoni;

tikkundanna lis-Slovenja għall-ispejjeż.

35.

Is-Slovenja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni.

36.

Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Settembru 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza l-intervent tal-BĊE insostenn tal-Kummissjoni.

37.

Is-Slovenja, il-Kummissjoni u l-BĊE pparteċipaw fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2020.

VI. Evalwazzjoni ġuridika

38.

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi marbuta ma’ atti distinti tal-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi.

39.

L-ewwel motiv jikkonċerna l-avvenimenti li seħħew fis-6 ta’ Lulju 2016, jiġifieri t-tfittxija nnifisha tal-bini ta’ Banka Slovenije u l-konfiska ta’ ċerti dokumenti u mezzi għall-ġarr ta’ data ( 8 ). Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, billi pproċediet b’dan il-mod, is-Slovenja naqset milli tosserva l-invjolabbiltà tal-arkivji tal-BĊE, li tirriżulta mill-Artikolu 343 TFUE, mill-Artikolu 39 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, mill-Artikoli 2 u 22 moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, u marret ukoll kontra l-Artikolu 4(3) TUE (ara (A)).

40.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Sloveni ma kkoordinawx suffiċjentement mal-BĊE qabel u wara t-tfittxija u l-konfiska. Dan l-aġir huwa s-suġġett tat-tieni motiv, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tinvoka ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni u l-Artikolu 4(3) TUE (ara (B)).

A.   Fuq il-legalità tat-tfittxija u tal-konfiska fil-bini ta’ Banka Slovenije (l-ewwel motiv)

41.

Fir-rigward tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni, il-partijiet ma jaqblux, minn naħa, dwar il-kwistjoni jekk dokumenti miżmuma minn bank ċentrali nazzjonali jistgħux jitqiesu li huma koperti mill-protezzjoni tal-arkivji tal-BĊE, li hija prevista fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Filwaqt li, skont is-Slovenja, dan huwa diġà eskluż fuq il-livell kunċettwali, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li tali dokumenti huma protetti sa fejn huma marbuta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ jew tal-Eurosistema.

42.

Min-naħa l-oħra, hemm nuqqas ta’ qbil fir-rigward tas-sistema legali applikabbli għall-“arkivji tal-BĊE”. Fil-fatt, il-BĊE u l-Kummissjoni jqisu li tal-ewwel għandu jagħti l-kunsens tiegħu fir-rigward tad-dokumenti kollha li jaqgħu taħt dan il-kunċett qabel l-użu tagħhom f’investigazzjoni preliminari jew fi proċedura kriminali nazzjonali. Min-naħa l-oħra, is-Slovenja tqis li, fi kwalunkwe każ, il-BĊE jista’ jopponi l-konfiska tad-dokumenti għall-finijiet tal-investigazzjoni preliminari u tal-proċedura kriminali biss jekk juri li dan ikun jippreġudika l-funzjonament u l-indipendenza tal-BĊE.

43.

Konsegwentement, fl-ewwel stadju, għandu jiġi vverifikat jekk u, jekk ikun il-każ, liema tip ta’ dokumenti miżmuma minn bank ċentrali nazzjonali jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-“arkivji tal-BĊE” prevista fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni (ara (1) iktar ’l isfel).

44.

Fit-tieni stadju, wieħed għandu jistaqsi liema huma l-atti konkretament mitluba jew ipprojbiti mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni fir-rigward tal-arkivji tal-BĊE (ara (2) iktar ’l isfel).

1. Fuq il-kunċett tal-“arkivji tal-BĊE”

a) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 moqri flimkien mal-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni

45.

L-Artikolu 2 u l-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ arkivji tal-BĊE.

46.

Skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim dwar is-sede bejn il-BĊE u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-arkivji jinkludu “b’mod partikolari [il-]fajls, l-ittri, id-dokumenti, il-manuskritti, ir-ritratti, il-films u r-reġistrazzjonijiet tal-awdjo, il-programmi tal-kompjuter u t-tapes manjetiċi jew id-diskettes kollha li jappartjenu għall-BĊE jew li huma miżmuma minnu u […] l-informazzjoni kollha li tinsab fihom”.

47.

Il-kwistjoni dwar sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar is-sede jistgħu jkunu ta’ applikazzjoni ġenerali ( 9 ) ma titlobx risposta f’dan il-każ, peress li mill-formulazzjoni tiegħu (“b’mod partikolari”) jirriżulta li l-Artikolu 3 tal-Ftehim dwar is-sede ma jelenkax b’mod eżawrjenti d-dokumenti protetti u peress li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq protezzjoni iktar estensiva tal-arkivji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-invjolabbiltà tal-arkivji tal-BĊE tapplika mhux biss għad-dokumenti “li jappartjenu jew li huma miżmuma” mill-BĊE, iżda wkoll għad-dokumenti miżmuma minn bank ċentrali nazzjonali u li joriġinaw minnu, sa fejn dawn ikunu marbuta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ.

48.

Is-Slovenja tikkontesta dan billi ssostni li l-limitazzjoni tal-protezzjoni għad-dokumenti “li jappartjenu jew li huma miżmuma” mill-organizzazzjoni kkonċernata hija konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali ( 10 ). Il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni kienu joħorġu mill-immunitajiet mogħtija lill-organizzazzjonijiet internazzjonali taħt id-dritt internazzjonali sabiex dawn jiġu protetti minn indħil mhux iġġustifikat min-naħa tal-Istat li fih huma rreġistrati. Barra minn hekk, peress li l-Unjoni bl-integrazzjoni dejjem tikber tagħha ma tistax tibqa’ titqies bħala organizzazzjoni internazzjonali klassika, il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lilha jitilfu l-ġustifikazzjoni tagħhom u għalhekk għandhom jiġu applikati b’mod restrittiv. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li huwa tipikament il-każ fir-rigward ta’ organizzazzjoni internazzjonali, l-Unjoni ma tinsabx f’pożizzjoni iktar dgħajfa meta mqabbla mal-Istati Membri tagħha. Fi kwalunkwe każ, dokument ma jibqax protett mill-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni meta l-istituzzjoni kkonċernata tikkomunika jew tgħaddi dan id-dokument lil awtorità nazzjonali, bħal bank ċentrali. Fil-fatt, it-trażmissjoni lil terzi għandha tiġi kkunsidrata bħala rinunzja tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Protokoll. Fl-aħħar nett, in-natura funzjonali tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni teżiġi hija wkoll interpretazzjoni restrittiva.

49.

Il-kunċett ta’ arkivji tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu ( 11 ) taħt id-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tad-dritt internazzjonali. Għall-finijiet ta’ tali interpretazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll is-sens u l-għan tagħha ( 12 ).

50.

Mill-interazzjoni mal-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jista’ jiġi dedott li d-dokumenti u l-mezzi għall-ġarr ta’ data inkwistjoni ma humiex esklużi mill-ambitu tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 2 moqri flimkien mal-Artikolu 22 tal-Protokoll, sempliċement minħabba li ma kinux jinsabu fil-bini tal-BĊE. Fil-fatt, l-oġġetti kollha li jinsabu fil-bini u l-postijiet tal-BĊE huma diġà protetti mill-Artikolu 1 moqri flimkien mal-Artikolu 22 tal-Protokoll. B’dan il-mod, għalkemm l-Artikolu 2 tal-Protokoll huwa intiż ukoll sabiex iżomm kamp ta’ applikazzjoni awtonomu, huwa għandu, bħala prinċipju, ikopri wkoll id-dokumenti u l-mezzi għall-ġarr ta’ data li jinsabu f’postijiet differenti mill-bini tal-BĊE, sa fejn dawn ikunu “arkivji tal-Unjoni”.

51.

Fir-rigward tal-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-invjolabbiltà tal-arkivji tal-Unjoni ma hijiex assoluta, iżda għandha tinftiehem minn perspettiva funzjonali ( 13 ). Madankollu, kuntrarjament għall-fehma tas-Slovenja, minn dan ma jirriżultax obbligu ġenerali li tingħata interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 2 moqri flimkien mal-Artikolu 22 tal-Protokoll. Għall-kuntrarju, dan ifisser li l-portata tal-protezzjoni tiġi limitata mis-sens u mill-għan tal-immunità inkwistjoni ( 14 ). Fl-istess waqt, minn dan isegwi li l-portata tal-protezzjoni tista’ tiġi ddeterminata, ukoll, biss fid-dawl ta’ dan l-għan ( 15 ).

52.

L-għan tal-imsemmija dispożizzjonijiet huwa, kif jaqblu l-partijiet f’din il-proċedura, li jitħarsu l-funzjonament u l-indipendenza tal-BĊE ( 16 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-invjolabbiltà tal-arkivji hija intiża b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti protetti tiġi żvelata meta dan l-iżvelar ikollu mnejn jippreġudika l-funzjonament jew l-indipendenza tal-istituzzjoni kkonċernata, b’mod partikolari billi jikkomprometti t-twettiq tal-kompiti ta’ din l-istituzzjoni ( 17 ).

53.

Madankollu, skont l-Artikolu 127 TFUE, il-BĊE ma jwettaqx waħdu l-missjoni prinċipali tiegħu, jiġifieri ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet ( 18 ), iżda jagħmel dan f’ħidma konġunta mal-banek ċentrali nazzjonali li, flimkien mal-BĊE, jikkostitwixxu s-SEBĊ (ara l-Artikolu 282(1) TFUE).

54.

Il-funzjonament tas-SEBĊ u tal-Eurosistema ( 19 ) u l-eżekuzzjoni korretta tal-kompiti tagħhom jeżiġu kooperazzjoni mill-qrib, ibbażata fuq tqassim tal-kompiti, kif ukoll skambju kostanti bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali. Għal dan il-għan, skont l-Artikolu 9.2 tal-Istatut tal-BĊE u tas-SEBĊ, il-kompiti kollha fdati lis-SEBĊ abbażi tal-Artikolu 127 TFUE għandhom jitwettqu jew mill-BĊE nnifsu jew mill-banek ċentrali nazzjonali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali huma “magħquda” fi ħdan is-SEBĊ u jikkooperaw mill-qrib bejniethom, b’tali mod li teżisti distinzjoni inqas ċara bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali ( 20 ).

55.

Għal din ir-raġuni, għandu jiġi miċħud l-argument tas-Slovenja li l-BĊE jirrinunzja dokument meta jittrażmettih jew jibagħtu lill-banek ċentrali nazzjonali u li tali dokument għalhekk ma jibqax kopert mill-protezzjoni tal-Artikoli 2 u 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Fil-fatt, sa fejn dan huwa dokument marbut mal-attivitajiet tas-SEBĊ, l-iżvelar tiegħu lil bank ċentrali nazzjonali ma jneħħihx mill-qafas tas-SEBĊ. Iżda sakemm dokument ikun jinsab fil-qafas tas-SEBĊ, huwa għandu, bħala prinċipju, jaqa’ wkoll taħt is-sistema ta’ protezzjoni prevista mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni għall-arkivji tal-BĊE.

56.

F’dan ir-rigward, lanqas ma tista’ tkun kwistjoni ta’ trażmissjoni lil “terzi”. Huwa minnu li l-banek ċentrali u l-gvernaturi tagħhom huma wkoll awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, huma għandhom rwol funzjonali doppju fir-rigward tas-SEBĊ. ( 21 ) F’dan ir-rigward, il-banek ċentrali nazzjonali ma humiex paragunabbli mal-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’oqsma oħra. Għall-kuntrarju, konformement mal-Artikolu 14.3 tal-Istatut tal-BĊE u tas-SEBĊ, il-banek ċentrali nazzjonali jifformaw “parti integrali” mis-SEBĊ. Skont l-Artikolu 283(1) TFUE, il-Gvernatur tal-bank ċentrali ta’ Stat Membru, li l-munita tiegħu hija l-euro, huwa wkoll membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE.

57.

Li kieku kien hemm l-intenzjoni li l-protezzjoni tal-arkivji tal-BĊE fil-kuntest tas-SEBĊ tkun limitata għal dokumenti li joriġinaw mill-BĊE jew li, fi kwalunkwe każ, huma miżmuma minnu, bl-esklużjoni ta’ dawk kollha li joriġinaw jew huma miżmuma mill-banek ċentrali nazzjonali, jiġu esklużi minn din il-protezzjoni numru kbir ta’ dokumenti li l-iżvelar tagħhom jista’ jipperikola l-eżekuzzjoni korretta tal-kompiti tas-SEBĊ jew tal-Eurosistema. L-invjolabbiltà tal-arkivji tal-BĊE ma tkunx tista’, għaldaqstant, taqdi l-funzjoni tagħha.

58.

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li ċerti miżuri tal-politika monetarja jeżiġu livell partikolarment għoli ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni, li tista’ wkoll, jekk mhux prinċipalment, tappartjeni jew tkun miżmuma mill-banek ċentrali nazzjonali. Dan huwa evidenti fl-eżempju tal-Public Sector Purchase Programme (PSPP) tas-SEBĊ, li fil-kuntest tiegħu l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema prinċipalment jixtru titoli ta’ dejn, b’mod partikolari bonds tal-Istat, fis-swieq sekondarji. Il-funzjonament ta’ dan il-programm jirrikjedi li l-fattur ewlieni u l-volum tax-xiri ta’ bonds tal-Istat ta’ ċerti Stati Membri fis-swieq sekondarji ma jkunux magħrufa ( 22 ). Iżda din l-informazzjoni x’aktarx tinsab ukoll f’dokumenti li jappartjenu jew li jkunu miżmuma mill-banek ċentrali nazzjonali kkonċernati.

59.

Barra minn hekk, mill-inqas fir-rigward tal-istituzzjonijiet tas-SEBĊ u tal-Eurosistema, l-argument tas-Slovenja li l-integrazzjoni dejjem tikber tal-Unjoni ttellef mill-importanza li għandhom il-privileġġi u l-immunitajiet tal-istituzzjonijiet tagħha lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, l-indipendenza tal-BĊE, li l-Artikolu 343 TFUE, l-Artikolu 39 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE u l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni huma intiżi preċiżament sabiex jipproteġu, ma toriġinax biss mill-istatus tal-Unjoni bħala organizzazzjoni internazzjonali. Għall-kuntrarju, din l-indipendenza tikkostitwixxi, skont kif huma kkonċepiti t-Trattati, rekwiżit indispensabbli għaż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet u teżiġi, b’mod partikolari, l-indipendenza tal-istituzzjonijiet responsabbli għal din il-missjoni ( 23 ). Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ indipendenza japplika wkoll għall-banek ċentrali nazzjonali, skont l-Artikolu 130(1) TFUE.

60.

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ arkivji għandu jinkludi d-dokumenti kollha stabbiliti, ipproċessati u mibgħuta mill-BĊE jew mill-banek ċentrali nazzjonali, b’rabta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ u tal-Eurosistema, kemm jekk ikunu miżmuma mill-BĊE jew mill-banek ċentrali nazzjonali.

61.

F’dan ir-rigward, kemm tkun mill-qrib ir-rabta tad-dokument mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ għadu ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala parti mill-arkivji. Fil-fatt, jekk l-iżvelar tal-informazzjoni inkluża f’dokument ma jheddidx li jippreġudika l-funzjonament jew l-indipendenza tal-BĊE minħabba l-importanza minuri tiegħu għall-attivitajiet tas-SEBĊ, dan ma jfissirx, kuntrarjament għal dak li ssostni s-Slovenja, li tali dokument ma għandux jitqies bħala parti mill-“arkivji tal-BĊE”. Għall-kuntrarju, dan ir-rekwiżit funzjonali jikkonċerna l-portata tal-immunità f’kull każ speċifiku ( 24 ), u dan għandu jiġi eżaminat fit-tieni stadju (ara (2) iktar ’l isfel).

b) Fuq jekk humiex affettwati “arkivji tal-BĊE” f’dan il-każ

62.

Skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-allegazzjoni li l-obbligu ma twettaqx ( 25 ). Fil-kuntest tal-każ inkwistjoni, dan ifisser li l-Kummissjoni għandha qabelxejn tipprova li fost id-dokumenti kkonfiskati mill-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi fis-6 ta’ Lulju 2016, kien hemm ukoll dokumenti marbuta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ. F’dan ir-rigward, bħala prinċipju, ma huwiex biżżejjed li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni ( 26 ).

63.

Iżda f’dan il-każ teżisti l-partikolarità li d-dokumenti kollha inkwistjoni diġà jinsabu fil-pussess tal-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina b’ċertezza liema dokumenti individwali ġew ikkonfiskati.

64.

Madankollu, ma huwiex ikkontestat li, waqt it-tfittxija, ġew ikkonfiskati l-komunikazzjonijiet kollha mibgħuta permezz tal-kont tal-posta elettronika tal-Gvernatur ta’ Banka Slovenije, flimkien mad-dokumenti elettroniċi kollha li jinsabu fl-istazzjoni tax-xogħol tal-Gvernatur jew fuq il-laptop tiegħu u bid-data bejn is-snin 2012 u 2014. Fost dawn id-dokumenti hemm neċessarjament dawk marbuta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ. Fil-fatt, skont l-Artikolu 283(1) TFUE, il-Gvernatur ta’ Banka Slovenije huwa membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, li, skont l-Artikolu 129(1) TFUE, imexxi s-SEBĊ u jieħu d-deċiżjonijiet essenzjali kollha għall-funzjonament tagħha ( 27 ).

65.

F’din is-sitwazzjoni, hija s-Slovenja li għandha tikkontesta b’mod iddettaljat li huma affettwati dokumenti marbuta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ ( 28 ). Madankollu, peress li s-Slovenja ssostni li l-awtoritajiet kompetenti ma kinux f’pożizzjoni li jidentifikaw dawn id-dokumenti, jista’ jiġi preżunt li l-“arkivji tal-BĊE” kienu wkoll affettwati mit-tfittxija u l-konfiska fil-bini ta’ Banka Slovenije fis-6 ta’ Lulju 2016.

2. Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni

a) Fuq in-natura funzjonali tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni

66.

Madankollu, is-sempliċi konstatazzjoni li, fi kwalunkwe każ, anki dokumenti li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “arkivji tal-BĊE” kienu affettwati mill-konfiska, ma tagħtix lok għal ksur tal-immunità. Għall-kuntrarju, fl-istadju li jmiss, għandu jiġi ċċarat dak li tfisser konkretament l-“invjolabbiltà” tal-arkivji tal-BĊE u ċ-ċirkustanzi li fihom jista’ jiġi preżunt ksur tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.

67.

L-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni lanqas ma jagħti definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ “invjolabbiltà”. Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-postijiet u l-bini tal-Unjoni, li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll, huma wkoll “invjolabbli”, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll tippreċiża li dawn huma eżenti minn “tfittxija, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni”.

68.

Dawn l-eżempji ta’ atti pprojbiti għandhom, bħala prinċipju, japplikaw ukoll għall-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Fil-fatt, ma huwiex ċar għaliex il-kunċett ta’ “invjolabbiltà” fl-Artikolu 2 tal-Protokoll għandu jkollu tifsira oħra minn dik fl-Artikolu 1. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma, f’dan ir-rigward, li fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-Protokoll għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni u l-evalwazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet l-oħra tiegħu ( 29 ).

69.

Is-Slovenja tqis li xorta jibqa’ l-fatt li fiċ-ċirkustanzi konkreti ta’ dan il-każ, il-konfiska tad-dokumenti kkonċernati ma tikkostitwixxix ksur tal-arkivji tal-BĊE. Fil-fatt, tali ksur jista’ jiġi preżunt biss jekk b’dan il-mod jiġu ppreġudikati l-funzjonament jew l-indipendenza tal-BĊE.

70.

Insostenn tal-fehma tagħha, is-Slovenja tibbaża ruħha essenzjalment fuq in-natura funzjonali tal-immunità li tinsab fl-Artikolu 2 moqri flimkien mal-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ( 30 ). L-immunità funzjonali tipprekludi l-komunikazzjoni ta’ tali dokumenti biss jekk b’tali mod jistgħu jiġu ppreġudikati l-funzjonament u l-indipendenza tal-korp tal-Unjoni ( 31 ). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-korpi u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, obbligati li jassistu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-investigazzjonijiet kriminali, meta dawn jirrigwardaw informazzjoni dwar fatti miżmuma minn dawn l-istituzzjonijiet; pereżempju, billi jipprovdulhom id-dokumenti rilevanti.

71.

Minn dan is-Slovenja tiddeduċi li, f’dan il-każ, l-invjolabbiltà tal-arkivji tal-BĊE tista’ tiġi invokata kontra l-miżuri ta’ investigazzjoni tal-awtoritajiet Sloveni biss sa fejn il-konfiska tad-dokumenti inkwistjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni preliminari u tal-proċedura kriminali setgħet tippreġudika l-funzjonament u l-indipendenza tal-BĊE. Madankollu, la l-BĊE u lanqas il-Kummissjoni ma ressqu provi fir-rigward ta’ dan.

72.

Għall-kuntrarju, dawn iż-żewġ istituzzjonijiet jindikaw li skont l-istruttura ġenerali tal-privileġġi u l-immunitajiet, l-aċċess tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri dejjem jirrikjedi, bħala prinċipju, il-kunsens tal-korp ikkonċernat ( 32 ). Fil-każ li dan tal-aħħar jirrifjuta awtorizzazzjoni, ikun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess japplika, skont il-ġurisprudenza ta’ din tal-aħħar, għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-arkivji tal-Unjoni ( 33 ). Madankollu, peress li l-awtoritajiet Sloveni la kisbu awtorizzazzjoni mingħand il-BĊE u lanqas ressqu l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tfittxija u l-konfiska tad-dokumenti inkwistjoni jikkostitwixxu ksur tal-arkivji tal-BĊE. Għalhekk, ma huwiex rilevanti kwalunkwe preġudizzju għall-funzjonament jew għall-indipendenza tal-BĊE.

73.

Ma jidhirlix li din il-pożizzjoni tista’ tiġi rrikonċiljata man-natura purament funzjonali tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni. Fl-istess waqt, madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri lanqas ma jistgħu jitħallew jwettqu konfiski mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-eventwali privileġġi u immunitajiet li jista’ jkollhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sakemm sussegwentement jiġi stabbilit li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux jinkludu informazzjoni li setgħet tikkomprometti t-twettiq tal-kompiti ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan ir-riżultat ikun, min-naħa tiegħu, inkompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni effettiva u sħiħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn preġudizzju jew riskju għall-funzjonament xieraq u tal-indipendenza tagħhom ( 34 ).

74.

Din it-tensjoni tista’ tiġi riżolta billi ssir distinzjoni bejn il-ksur materjali u dak proċedurali tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.

75.

Sostantivament, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 22 tal-Protokoll jipproteġu l-funzjonament u l-indipendenza tal-BĊE. Madankollu, sabiex din il-protezzjoni tkun tista’ tiġi żgurata b’mod sħiħ u effettiv, huwa neċessarju li din il-protezzjoni tiġi kkompletata b’garanziji proċedurali f’ċerti sitwazzjonijiet.

76.

Għalhekk, skont l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri għandhom jaġixxu bi ftehim komuni meta japplikaw il-Protokoll. Din id-dispożizzjoni tagħti espressjoni konkreta, f’dan ir-rigward, lill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE ( 35 ). Minn din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet obbligu ta’ żvelar ta’ dokumenti għall-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, sa fejn ma jkun hemm ebda riskju ta’ preġudizzju għall-funzjonament jew għall-indipendenza ta’ dan il-korp. ( 36 ) B’mod korrispondenti, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma, bħala prinċipju, obbligati li jiksbu tali deċiżjoni ta’ żvelar meta jkunu jixtiequ jkollhom aċċess għal arkivji tal-Unjoni, f’dan il-każ għal dokumenti marbuta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ ( 37 ).

77.

Dan l-obbligu joffri garanzija proċedurali għall-funzjonament u l-indipendenza tal-korpi tal-Unjoni, li huma protetti materjalment mill-Artikolu 2 tal-Protokoll. Dan għaliex huwa jiżgura li l-korpi tal-Unjoni kkonċernati jkunu f’pożizzjoni li jinvokaw id-drittijiet li jagħtihom il-Protokoll. Fil-fatt, meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jixtiequ jaċċedu għal ċerti dokumenti jew data ma jidħlux fi skambji mal-korpi tal-Unjoni kkonċernati, dawn tal-aħħar ma jkunux f’pożizzjoni li jevalwaw sa fejn il-funzjonament u l-indipendenza tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn din it-talba għal aċċess u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu, jekk ikun il-każ, sabiex jipprevjenu jew inaqqsu tali ħsara. Dan japplika b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal f’dan il-każ, fejn id-dokumenti inkwistjoni ma jkunux fil-pussess tal-korp tal-Unjoni kkonċernat.

78.

L-allegazzjoni tal-Kummissjoni tirrigwarda preċiżament dan l-aspett proċedurali tal-protezzjoni tal-arkivji tal-Unjoni. Fil-fatt, hija tikkritika essenzjalment lill-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi li aġixxew mingħajr ma kkoordinaw minn qabel mal-BĊE. Min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni ma tirrigwardax preġudizzju speċifiku għall-funzjonament jew għall-indipendenza tal-BĊE.

79.

Ċertament, kif jirrileva ġustament il-Gvern Sloven, l-effettività ta’ ċerti miżuri investigattivi tista’ tiġi pperikolata minn obbligu ta’ koordinazzjoni minn qabel mal-awtoritajiet tal-Unjoni kkonċernati. Madankollu, dan għandu mnejn ikollu jiġi aċċettat fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi kunfliġġenti inkwistjoni, li huwa inerenti fid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. B’dan il-mod, l-interessi tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-fatt li l-korp tal-Unjoni kkonċernata huwa, min-naħa tiegħu, assolutament marbut b’obbligu ta’ kooperazzjoni leali ( 38 ). Dan jinvolvi miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-interessi tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tiegħu hija kompletament suġġetta għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 39 ).

80.

F’dan ir-rigward, it-tieni digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Zwartveld juri li allegazzjonijiet ġenerali jew standard ma jistgħux jiġġustifikaw rifjut ta’ żvelar ta’ dokumenti ( 40 ). Dan jiżgura li l-korpi tal-Unjoni ma jindaħlux fil-miżuri kriminali tal-Istati Membri b’mod inadegwat jew arbitrarju. Għalhekk, it-tħassib tas-Slovenja li kwalunkwe rabta bejn id-dokumenti ta’ banek ċentrali u l-kompiti tas-SEBĊ tista’ tipprekludi kull aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali u, għaldaqstant, tostakola kompletament l-investigazzjonijiet preliminari tagħhom, huwa infondat.

81.

Barra minn hekk, ma jidhirx li l-konfiska li saret fis-6 ta’ Lulju 2016 twettqet billi ġie użat effett ta’ sorpriża. Għall-kuntrarju, Banka Slovenije kien diġà jaf dwar it-tfittxija permezz ta’ kuntatt minn qabel mal-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi, fejn dawn tal-aħħar għarrfu li huma kienu qegħdin jipprovaw ikollhom aċċess għal ċerti dokumenti.

82.

Għalhekk, ksur tal-garanziji proċedurali fir-rigward tal-protezzjoni tal-arkivji tal-Unjoni ma jirrikjedix li jkun diġà ntwera materjalment preġudizzju għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-korp tal-Unjoni inkwistjoni ( 41 ).

83.

Din id-differenzazzjoni bejn il-ksur proċedurali u dak materjali kontra l-Protokoll tista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikollha effett fuq l-użu tal-provi. Dan għaliex il-kwistjoni dwar jekk dokument ikunx inkiseb bi ksur materjali tal-privileġġi u tal-immunitajiet tal-Unjoni jew bi ksur tal-aspett proċedurali tal-immunità jista’ jkun għal kollox rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk dokument ikunx ammissibbli bħala prova fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali nazzjonali ( 42 ).

84.

Peress li huwa stabbilit, f’dan il-każ, li l-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi wettqu tfittxija u konfiska fis-6 ta’ Lulju 2016, b’mod unilaterali u mingħajr koordinazzjoni minn qabel mal-BĊE u wkoll mingħajr ma kisbu deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma kisru l-Artikoli 2 u 22 moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.

b) B’mod sussidjarju: Fuq il-prova ta’ preġudizzju għall-funzjonament u l-indipendenza tal-BĊE

85.

Għalkemm l-ewwel motiv tal-Kummissjoni jista’ jintlaqa’ għar-raġunijiet li għadhom kif ġew esposti, jista’ jkun deċiżiv, fis-segwitu tat-tilwima bejn il-BĊE u s-Slovenja, il-punt dwar jekk il-konfiska wasslitx ukoll għal ksur materjali tal-immunità. F’dan il-kuntest, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk hemmx prova ta’ preġudizzju għall-funzjonament jew għall-indipendenza tal-BĊE.

86.

Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-fehma tas-Slovenja li l-klassifikazzjoni stess ta’ dokument bħala li jagħmel parti mill-“arkivji tal-BĊE” tippreżupponi l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ preġudizzju għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-BĊE ( 43 ), din il-kwistjoni tkun rilevanti ukoll għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

87.

F’dan ir-rigward, mid-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Zwartveld jirriżulta li hija l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata li għandha, bħala prinċipju, turi sa fejn l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni jippreġudika l-funzjonament u l-indipendenza tal-Unjoni u jikkomprometti t-twettiq tal-kompiti fdati lill-istituzzjoni kkonċernata ( 44 ).

88.

Madankollu, hawnhekk ukoll tqum ukoll il-problema li ġiet indirizzata diġà, li d-dokumenti kkonfiskati huma fil-pussess tal-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi u li, konsegwentement, la l-BĊE u lanqas il-Kummissjoni ma jafu liema dokumenti individwali huma kkonċernati ( 45 ). Madankollu, l-għarfien tad-dokumenti u tal-kontenut tagħhom huwa essenzjali sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fihom jippreġudikax il-funzjonament u l-indipendenza tal-BĊE.

89.

F’dan il-kuntest ukoll, l-użu tal-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni huwa għalhekk neċessarju. Dan jobbliga lill-Istati Membri jikkooperaw mal-korpi tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-Protokoll. B’mod konkret, l-awtoritajiet Sloveni għandhom, għalhekk, jippermettu li jiġu identifikati d-dokumenti li għandhom jitqiesu bħala “arkivji tal-BĊE” u jagħtu lill-BĊE l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti.

90.

B’mod simili, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 4(3) TUE jimponi fuq Stat Membru, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur, l-obbligu li jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tippermettilha tevalwa l-eżistenza ta’ ksur ( 46 ). Kif ġie espost iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jista’ saħansitra jwassal sabiex ikun l-Istat Membru li jkollu jikkontesta b’mod sostanzjali u fid-dettall l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha, meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet provi suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq mill-Istat Membru ( 47 ).

91.

Madankollu, mhux kull vantaġġ f’termini ta’ informazzjoni min-naħa tal-Istat Membru konvenut jista’ jwassal għal tali inverżjoni tal-oneru tal-prova. Għall-kuntrarju, devjazzjoni fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova għandha tidher iġġustifikata miċ-ċirkustanzi ġenerali tal-każ, min-natura tal-fatt li għandu jiġi pprovat u mid-dritt tal-Unjoni rilevanti ( 48 ).

92.

F’dan il-każ, jidhirli li ma hemmx inverżjoni tal-oneru tal-prova li hija xierqa fir-rigward tal-preġudizzju għall-funzjonament tas-SEBĊ. Għall-kuntrarju, il-BĊE għandu jesponi b’mod konkret ir-raġunijiet li għalihom l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab f’ċerti dokumenti jista’ jikkomprometti t-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ ( 49 ). Madankollu, din il-prova tista’ tiġi prodotta mill-BĊE biss jekk l-awtoritajiet Sloveni jikkooperaw miegħu u jipprovdulu l-informazzjoni kollha li tippermettilu jwettaq din l-evalwazzjoni. Barra minn hekk, din in-neċessità tenfasizza r-rekwiżit li jiġi stabbilit, f’dan il-każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni diġà abbażi tal-ksur tal-aspett proċedurali tal-immunità.

B.   Fuq l-obbligu ta’ koordinazzjoni mal-BĊE qabel u wara t-tfittxija u l-konfiska (it-tieni motiv)

93.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni takkuża lis-Slovenja bi ksur tal-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali, li jirriżulta mill-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni kif ukoll mill-Artikolu 4(3) TUE, sa fejn l-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi ma daħlux f’“djalogu kostruttiv” mal-BĊE. Hawnhekk, il-Kummissjoni takkuża essenzjalment lill-awtoritajiet Sloveni li ma kinux ikkoordinaw suffiċjentement mal-BĊE, la qabel u lanqas wara t-tfittxija u l-konfiska tad-dokumenti, bil-għan li jnaqqsu l-preġudizzju għall-funzjonament u l-indipendenza tiegħu.

94.

Fir-rigward tal-aġir tal-awtoritajiet Sloveni qabel it-tfittxija u l-konfiska fil-bini ta’ Banka Slovenije, il-kontenut tat-tieni motiv jikkoinċidi ma’ dak tal-ewwel motiv. Dan għaliex l-allegazzjoni magħmula fil-kuntest tal-ewwel motiv tirrigwarda preċiżament l-azzjoni unilaterali tal-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi fit-tfittxija u l-konfiska, jiġifieri l-assenza ta’ koordinazzjoni minn qabel mal-BĊE. F’dan ir-rigward, diġà ġie stabbilit li dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ( 50 ).

95.

Għaldaqstant, għad irid jiġi eżaminat jekk u, jekk ikun il-każ, liema obbligi jirriżultaw mill-Artikolu 18 tal-Protokoll fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-proprja tfittxija u konfiska.

96.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 4(3) TUE jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ( 51 ).

97.

L-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, li jagħti espressjoni konkreta lill-Artikolu 4(3) TUE f’dan ir-rigward, jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri obbligu ta’ kooperazzjoni bejniethom, sabiex jiġu evitati l-kunflitti fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ( 52 ). Min-natura tiegħu, dan l-obbligu huwa ta’ natura reċiproka ( 53 ). Jekk, bħal f’dan il-każ, ikollhom jiġu bbilanċjati interessi kunfliġġenti, dan jimplika li kull parti għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’mod ikkunsidrat sabiex tippreġudika mill-inqas possibbli l-interessi leġittimi tal-parti l-oħra ( 54 ).

98.

Għalhekk, sabiex il-BĊE jkun jista’ jeżerċita d-drittijiet li huwa għandu taħt il-Protokoll, is-Slovenja għandha qabelxejn tippermetti l-identifikazzjoni tad-dokumenti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-“arkivji tal-BĊE” kif ukoll tagħti lill-BĊE l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ eventwali preġudizzju għall-funzjonament u għall-indipendenza tiegħu ( 55 ). F’dan il-kuntest, il-BĊE jkollu sussegwentement iressaq raġunijiet speċifiċi kontra l-użu tagħhom f’investigazzjoni preliminari jew fi proċedura kriminali nazzjonali.

99.

Sabiex inaqqsu l-preġudizzji mhedda filwaqt li ma jdewmux b’mod eċċessiv il-progress tal-investigazzjonijiet preliminari, iż-żewġ partijiet għandhom jikkontribwixxu għal eżami rapidu. Is-Slovenja indikat, f’dan ir-rigward, li l-BĊE ħalla jgħaddu iktar minn sitt xhur qabel ma ttrażmetta lill-awtoritajiet Sloveni l-kriterji tiegħu għall-identifikazzjoni tad-dokumenti protetti ( 56 ). Il-BĊE ma setax jispjega dan id-dewmien waqt is-seduta. Madankollu, huwa biss fir-rigward tad-dokumenti msemmija fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-awtoritajiet Sloveni offrew lill-BĊE l-opportunità li jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu. Minflok ma jirrifjutaw li jiġu eżaminati d-dokumenti l-oħra kollha, diġà l-maġistrat inkwirenti, bħal fil-kawża Zwartveld, jew il-qorti adita bl-ilment tal-BĊE ( 57 ) kellhom jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 2 u l-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ( 58 ).

100.

Dan l-obbligu lanqas ma jsir superfluwu bl-offerta tal-awtoritajiet Sloveni li jmexxu l-proċeduri kriminali nazzjonali f’kundizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità stretti jew bil-bibien magħluqa. Ċertament, dawn jistgħu jkunu elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-użu ta’ ċerti dokumenti fil-proċedura kriminali nazzjonali jheddidx li jippreġudika l-funzjonament u l-indipendenza tal-BĊE. Madankollu, jekk is-Slovenja tiddefendi pożizzjoni differenti fuq din il-kwistjoni, hija għandha tikseb deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u ma tistax tiddeċiedi unilateralment li tuża d-dokumenti kkonċernati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali.

101.

F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li biss l-iżvelar ta’ dokumenti rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni preliminari jew tal-proċedura kriminali nazzjonali jista’ effettivament jintalab ( 59 ).

102.

Minn dan isegwi li, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, l-awtoritajiet Sloveni kellhom, mhux iktar tard mill-mument tal-konservazzjoni tad-dokumenti kkonfiskati, jillimitaw ruħhom għal dawk id-dokumenti li huma neċessarji għall-finijiet tal-investigazzjoni preliminari nazzjonali. Dan japplika, fi kwalunkwe każ, sa fejn ma jistax jiġi eskluż li dokument partikolari jista’ jippreġudika l-interessi tal-BĊE li jistħoqqilhom protezzjoni, u dan għandu jiġi pprovat mill-BĊE stess ( 60 ). Barra minn hekk, bl-għan ta’ eżerċizzju b’mod ikkunsidrat tal-kompetenzi proprji tagħhom ( 61 ), l-awtoritajiet Sloveni kellhom jirritornaw immedjatament id-dokumenti kollha li setgħu jiġu kklassifikati bħala arkivji tal-BĊE u li huma irrilevanti għal din il-proċedura. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jeżiġi wkoll l-eliminazzjoni tal-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 62 ).

103.

Madankollu, sal-preżentata tar-rikors mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Sloveni ma ppreċiżawx liema dokumenti kienu użaw jew kellhom l-intenzjoni li jużaw għall-finijiet tal-investigazzjoni preliminari u tal-proċedura kriminali, u għal liema raġunijiet, u lanqas ma rrilaxxaw lil Banka Slovenije jew lill-BĊE d-dokumenti li jagħmlu parti mill-arkivji tal-BĊE u li ma kinux neċessarji.

104.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-Slovenja kisret ukoll l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni bl-aġir tagħha wara t-tfittxija u l-konfiska fil-bini ta’ Banka Slovenije.

VII. Fuq l-ispejjeż

105.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn jintalbu. Peress li s-Slovenja tilfet il-kawża, din għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talba tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, il-BĊE għandu jbati l-ispejjeż tiegħu ( 63 ).

VIII. Konklużjoni

106.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.

Ir-Repubblika tas-Slovenja

marret kontra l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 2 u mill-Artikolu 22 moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea minħabba li, fis-6 ta’ Lulju 2016, l-awtoritajiet Sloveni tal-infurzar tal-liġi kkonfiskaw, fil-bini ta’ Banka Slovenije, fost l-oħrajn il-komunikazzjonijiet kollha mibgħuta permezz tal-kont tal-posta elettronika tal-Gvernatur ta’ Banka Slovenije, kif ukoll id-dokumenti elettroniċi kollha li kienu jinsabu fl-istazzjon tax-xogħol tal-Gvernatur jew fuq il-laptop tiegħu, u bid-data bejn is-snin 2012 u 2014, mingħajr ma kkoordinaw minn qabel mal-BĊE jew mingħajr ma kisbu deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja,

marret ukoll kontra l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 18 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea billi, wara l-konfiska, ma ppermettietx lill-BĊE li jidentifika d-dokumenti marbuta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ sabiex tagħti lil dan tal-aħħar l-opportunità li jieħu pożizzjoni dwar eventwali preġudizzju għall-funzjonament u għall-indipendenza tiegħu, ma tatx raġunijiet sabiex tispjega liema dokumenti kienu essenzjali għall-finijiet tal-proċedura kriminali u tal-investigazzjoni preliminari nazzjonali, u lanqas ma rritornat id-dokumenti l-oħra kollha li setgħu jiġu kklassifikati bħala arkivji tal-BĊE.

2.

Ir-Repubblika tas-Slovenja hija kkundannata għall-ispejjeż.

3.

Il-BĊE għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.

( 2 ) It-trasferiment twettaq permezz tal-ħolqien ta’ mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni bankarja (Single Supervisory Mechanism, SSM), immexxi mill-BĊE jew mill-Bord Superviżorju (Supervisory Board) tiegħu, stabbilit b’mod ġdid, u ta’ mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni bankarja (Single Resolution Mechanism, SRM), immexxi mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Board, SRB).

( 3 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 69).

( 4 ) Protokoll Nru 7 tat-TFUE dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni”), ĠU 2016, C 202, p. 266.

( 5 ) ĠU 2016, C 202, p. 230.

( 6 ) BGB1. 1998 II, p. 2744.

( 7 ) B’dan għandu jinftiehem, essenzjalment, il-ħolqien ta’ kopja elettronika.

( 8 ) Ara l-punti 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Ara dwar din il-kwistjoni l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Feyerbacher (C‑62/11, EU:C:2012:305, punti 43 et seq.).

( 10 ) F’dan ir-rigward, is-Slovenja tikkwota, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta’ Frar 1946 u dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Aġenziji Speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta’ Novembru 1947, kif ukoll l-Artikolu 5 tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa, konkluż f’Pariġi fit-2 ta’ Settembru 1949.

( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1973, Muras (12/73, EU:C:1973:100, punt 7), tal-14 ta’ Jannar 1982, Corman (64/81, EU:C:1982:5, punt 8), u tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakite (C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 27). Ara, dwar l-interpretazzjoni awtonoma tal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, AGF Belgium (C‑191/94, EU:C:1996:144, punt 16), u tat-22 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑437/04, EU:C:2007:178, punti 44 sa 46).

( 12 ) Sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, EU:C:2000:468, punt 43), tat-2 ta’ Settembru 2010, Kirin Amgen (C‑66/09, EU:C:2010:484, punt 41), u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs (C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 25).

( 13 ) Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punti 19 u 20).

( 14 ) Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 20).

( 15 ) Ara, f’dak li jikkonċerna l-immunità parlamentari, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt‑29).

( 16 ) Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 19). Ara, fir-rigward tal-protezzjoni tal-proprjetà u l-assi tal-Unjoni, id-digrieti tal-11 ta’ Mejju 1971, X vs Il-Kummissjoni (1/71 SA, EU:C:1971:48, punti 3/5 u 6/8), u tal-24 ta’ Novembru 2005, Gil do Nascimento et vs Il-Kummissjoni (C‑5/05 SA, mhux ippubblikat, EU:C:2005:723, punt 11), kif ukoll is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2018, Dell’Acqua (C‑370/16, EU:C:2018:344, punt 34).

( 17 ) Digriet tas-6 ta’ Diċembru 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:440, punt 11).

( 18 ) Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-BĊE (C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 92), tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 43), u tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 51).

( 19 ) Peress li l-Istati Membri, li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro, iżommu, skont l-Artikolu 282(4) TFUE, il-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-politika monetarja, il-politika monetarja tal-Unjoni tiġi finalment ddefinita u implimentata mill-Eurosistema, jiġifieri l-BĊE u l-banek ċentrali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 69).

( 21 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 70).

( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 106).

( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-BĊE (C‑11/00, EU:C:2002:556, punt 150) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Rimšēvičs vs Il-Latvja u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2018:1030, punti 5 u 76). Fuq ir-rabta bejn l-indipendenza tal-BĊE u l-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, ara wkoll l-abbozz ta’ trattat li jemenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea bil-għan li jistabbilixxi Unjoni Ekonomika u Monetarja, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Awwissu 1990, Bulletin of the European Communities (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, verżjoni bil-Malti mhux disponibbli), Suppliment 2/91, b’mod partikolari p. 14, 20 u 58.

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 20).

( 25 ) Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑209/00, EU:C:2002:747, punt 38), tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 32), u tad-9 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑87/14, EU:C:2015:449).

( 26 ) Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑209/00, EU:C:2002:747, punt 38), tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Ċipru (C‑340/10, EU:C:2012:143, punt 53), u tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 32).

( 27 ) Ara wkoll l-Artikolu 12.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

( 28 ) Sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 44), tat-2 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑526/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:734, punt 22), tat-18 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑301/10, EU:C:2012:633, punt 72).

( 29 ) Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 20).

( 30 ) Is-Slovenja tirreferi, f’dan ir-rigward, għad-digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88-IMM, EU:C:1990:315, punti 19 u 20).

( 31 ) Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88-IMM, EU:C:1990:315, punt 25).

( 32 ) Ara, fir-rigward tal-immunità parlamentari, l-Artikolu 9(3) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni; għar-rilaxx tal-proprjetà u l-assi tal-Unjoni ara s-sentenza tad-29 ta’ April 1993, Forafrique Burkinabe vs Il-Kummissjoni (C‑182/91, EU:C:1993:165, punt 14), kif ukoll id-digriet tal-24 ta’ Novembru 2005, Gil do Nascimento et vs Il-Kummissjoni (C‑5/05 SA, mhux ippubblikat, EU:C:2005:723, punt 14).

( 33 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-BĊE qegħdin jirreferu għad-digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punti 22 sa 24).

( 34 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 82)

( 35 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 41).

( 36 ) Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punti 21 u 22).

( 37 ) F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(3) TUE jenfasizza r-reċiproċità tal-obbligi, ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C‑339/00, EU:C:2003:545, punt 72).

( 38 ) Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 21).

( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-digrieti tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 24), u tas-6 ta’ Diċembru 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:440, punt 7).

( 40 ) Digriet tas-6 ta’ Diċembru 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:440, punt 11).

( 41 ) Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li konfiska tal-assi tal-Unjoni mingħajr rilaxx minn qabel jew mill-korp ikkonċernat jew mill-Qorti tal-Ġustizzja, tmur kontra l-Protokoll, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-konfiska tippreġudikax il-funzjonament u l-indipendenza tal-korp ikkonċernat, ara s-sentenza tad-29 ta’ April 1993, Forafrique Burkinabe vs Il-Kummissjoni (C‑182/91, EU:C:1993:165, punt 14).

( 42 ) Għalkemm huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw l-effetti tal-privileġġi u tal-immunitajiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali nazzjonali, meta huma jagħmlu dan huma għandhom madankollu jieħdu debitament inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(3) TUE, ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 93).

( 43 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Digrieti tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 25), u tas-6 ta’ Diċembru 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:440, punt 11).

( 45 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑209/00, EU:C:2002:747, punti 39 sa 43).

( 47 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Ara, fuq dan il-punt, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑441/02, EU:C:2005:337, punti 52 sa 55).

( 49 ) F’dan ir-rigward, ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara l-punti 76 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2010, Stils Met (C‑382/09, EU:C:2010:596, punt 44), tal-5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 94), u tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 95).

( 52 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punti 41 u 42).

( 53 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C‑339/00, EU:C:2003:545, punt 72).

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 1983, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament (230/81, EU:C:1983:32, punti 37 u 38).

( 55 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 89 u 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Ara l-perijodu msemmi fil-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 21 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 24).

( 59 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Diċembru 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:440, punti 7 u 8).

( 60 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Ara l-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 98).

( 63 ) Ara bl-istess mod is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 101).