KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2020 ( 1 )
Kawża C‑311/19
BONVER WIN, a.s.
vs
Ministerstvofinancí ČR
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-operat ta’ logħob tal-ażżard f’ċerti postijiet – Applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE – Element transkonfinali”
I. Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) hija testimonjanza tal-fatt li l-kwistjoni legali speċifika mqajma minn kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ħafna drabi tkun mistoħbija taħt qafas fattwali fil-kawża prinċipali li apparentement ma jkunx problematiku, jekk ma jkunx ukoll ordinarju: fornitur ta’ servizzi ta’ mħatri li jkollu jwaqqaf in-negozju tiegħu minħabba digriet muniċipali li jipprojbixxi l-provvista ta’ tali servizzi f’ċerta parti tal-belt fejn jinsab il-fornitur ta’ servizzi ta’ mħatri. Dan in-negozjant qiegħed isostni li għandu klijenti ġejjin minn Stat Membru ieħor. Dan il-fatt huwa suffiċjenti sabiex jiskatta l-applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE? |
2. |
Din il-kawża b’hekk tikkonċerna direttament il-portata ratione materiae ta’ libertà fundamentali tas-suq intern. |
3. |
Id-delimitazzjoni ta’ tali portata hija kwistjoni ta’ importanza fundamentali: din hija waħda mill-eqdem kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u hija kwistjoni li tqum kontinwament f’kuntesti ġodda. Ikunu kemm ikunu differenti l-fatti inkwistjoni f’tali kawżi ( 2 ), il-punt komuni għalihom kollha huwa li dawn il-kawżi jikkonċernaw in-natura reali tas-suq intern u l-kostituzzjoni ekonomika tal-Unjoni. L-operaturi ekonomiċi u l-klijenti tagħhom jiddependu mill-eżitu ta’ tali kwistjonijiet, bħalma jagħmlu wkoll l-Istati Membri. Il-portata tal-libertajiet fundamentali tiddetermina sa fejn l-Istati Membri huma marbuta, fil-kuntest tal-għanijiet tal-politika (nazzjonali) tagħhom mid-dritt tal-Unjoni dwar is-suq intern u, b’mod korrispondenti, il-libertà li jgawdu l-operaturi ekonomiċi: jekk Stat Membru ma jkunx limitat, pereżempju, mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, f’sitwazzjoni partikolari l-portata ta’ azzjoni potenzjali tiegħu hija ferm usa’ milli kieku kien limitat. Għall-kuntrarju, jekk Stat Membru jkun limitat, il-portata ta’ azzjoni potenzjali ta’ fornituri ta’ servizz u tad-destinatarji tagħhom tkun ferm usa’. |
4. |
L-aspett proċedurali korrispondenti ta’ din ir-realtà materjali huwa li kawżi minn qrati nazzjonali li fihom il-fatti kollha fil-kawżi prinċipali jkunu limitati għal Stat Membru wieħed huma inammissibbli sa fejn hija kkonċernata l-interpretazzjoni tal-libertajiet fundamentali. |
5. |
Fil-kawża ineżami, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) qiegħda tistaqsi dwar il-portata tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE f’sitwazzjoni fejn l-element transkonfinali huwa li klijenti jaqbżu l-fruntiera sabiex jibbenefikaw (jekk din hija l-kelma t-tajba fir-rigward tal-logħob tal-ażżard) mis-servizzi inkwistjoni fir-Repubblika Ċeka. |
6. |
F’dawn il-konklużjonijiet ser nargumenta li din il-kwistjoni hija essenzjalment koperta mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE. F’dan il-kuntest, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni klassika tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-ġurisprudenza korrispondenti. B’mod iktar speċifiku, ser nissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja li attwalment ma hemm ebda ħtieġa li tiġi limitata l-portata ta’ din il-libertà fundamentali f’sitwazzjonijiet fejn il-miżuri inkwistjoni japplikaw b’mod indistint fid-dritt u fil-fatt. Jiena għalhekk ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirreżisti t-tentazzjoni possibbli li tinterpreta l-portata ratione materiae tal-Artikolu 56 TFUE f’sens iktar limitat milli fil-passat. Fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok għal “Keck għal servizzi”: il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tislet analoġija minn dik il-kawża ( 3 ). |
II. Il-kuntest ġuridiku
7. |
Skont l-Artikolu 50(4) taz-zákon č. 202/1990 Sb., o loteriích a jiných podobných hrách (il-Liġi Nru 202/1990 dwar il-Lotteriji u Logħob Simili Ieħor, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Lotteriji”), applikabbli fl‑2013, muniċipalità tista’ tadotta miżura vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali fil-forma ta’ digriet li jistipula li l-logħob tal-imħatri, lotteriji u logħob simili jistgħu jiġu operati biss f’postijiet u f’ħinijiet previsti fid-digriet, jew tista’ tispeċifika f’liema postijiet fil-muniċipalità u f’liema ħinijiet l-operat ta’ dawn il-lotteriji u logħob simili ieħor huwa pprojbit, jew tista’ tipprojbixxi kompletament l-operat ta’ lotteriji jew logħob simili ieħor fil-muniċipalità kollha. |
8. |
Il-Liġi dwar il-Lotteriji tiddefinixxi wkoll il-logħob tal-imħatri, il-lotteriji u logħob simili ieħor. |
9. |
Skont l-Artikolu 50(4) tal-Liġi dwar il-Lotteriji, il-belt ta’ Děčín (ir-Repubblika Ċeka) ħarġet l-obecně závazná vyhláška č. 3/2013, o regulaci provozování sázkových her, loterií a jiných podobných her (id-Digriet Muniċipali Nru 3/2013 dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Operat ta’ Logħob tal-Imħatri, Lotteriji u Logħob Simili Ieħor). Dan id-digriet ipprojbixxa l-operat ta’ logħob tal-imħatri, lotteriji u logħob simili ieħor fil-belt kollha konformement mal-liġi. Fl-istess ħin, l-Anness I ta’ dan id-digriet speċifika l-indirizzi preċiżi f’Děčín fejn kellu jkun permess l-operat ta’ każinos. |
III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula
10. |
BONVER WIN, a.s. (iktar ’il quddiem BONVER WIN), hija kumpannija kummerċjali Ċeka li kienet topera logħob tal-ażżard f’Děčín taħt liċenzja maħruġa mill-Ministerstvo financí ČR (il-Ministeru għall-Finanzi, ir-Repubblika Ċeka). |
11. |
Bid-dħul fis-seħħ tad-Digriet Muniċipali Nru 3/2013, l-attività ta’ BONVER WIN saret illegali taħt dan id-digriet, għaliex il-postijiet tal-operat tagħha ma kinux jinsabu f’wieħed mill-indirizzi elenkati fl-Anness ta’ dan id-digriet ministerjali. |
12. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2013, il-Ministeru għall-Finanzi rtira l-liċenzja ta’ BONVER WIN sabiex topera logħob tal-ażżard għar-raġuni li ma kinitx konformi mad-Digriet Muniċipali Nru 3/2013. |
13. |
BONVER WIN ikkontestat din id-deċiżjoni permezz ta’ appell amministrattiv, li ġie miċħud b’deċiżjoni tal-Ministru għall-Finanzi tat‑22 ta’ Lulju 2014. |
14. |
BONVER WIN imbagħad ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), li ġie miċħud. Fil-motivi tas-sentenza tagħha, il-qorti inter alia ċaħdet l-argument li r-regoli nazzjonali kienu jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni u qieset li d-dritt tal-Unjoni ma kienx japplika għal din is-sitwazzjoni sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx qiegħda teżerċita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
15. |
Peress li dan ir-raġunament ma ssodisfahiex, BONVER WIN appellat fuq punt ta’ liġi minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija n-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), fejn qiegħda tallega li l-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) kienet żbaljat meta naqset milli tapplika d-dritt tal-Unjoni. Skont BONVER WIN, id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Muniċipali Nru 3/2013, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Lotteriji, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni. |
16. |
Skont id-dritt proċedurali nazzjonali, il-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet inizjalment assenjata lill-Ħames Awla tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li qieset li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt id-dritt tal-Unjoni hija applikabbli għall-kawża peress li wħud mill-klijenti ta’ BONVER WIN jiġu minn Stati Membri oħra. Għaldaqstant, dik l-awla ma ratx, bħala prinċipju, il-ħtieġa li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
17. |
Madankollu, f’kuntest fejn, f’kawżi komparabbli, l-awli l-oħra tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) waslu għall-konklużjoni li d-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali, u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi b’mod partikolari, ma kienx japplika ( 4 ), il-Ħames Awla ddeċidiet li tirreferi l-kwistjoni, taħt id-dritt proċedurali nazzjonali, lill-Awla Estiża tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), bil-għan li tinbidel il-ġurisprudenza tal-awli l-oħra li, fil-fehma tal-Ħames Awla, kienet żbaljata. |
18. |
Min-naħa tagħha, l-Awla Estiża ddeċidiet li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
19. |
L-Awla Estiża taġixxi fuq il-preżunzjoni li, f’din il-kawża, il-kwistjoni tikkonċerna restrizzjoni possibbli tal-libertà tal-klijenti li jiksbu servizzi u mhux restrizzjoni possibbli tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi min-naħa tal-fornitur tagħhom, li huwa kumpannija Ċeka stabbilita f’dan l-Istat Membru. Il-qorti tar-rinviju tosserva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li servizzi li fornitur stabbilit fi Stat Membru jipprovdi, mingħajr ma jivvjaġġa, lil destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxu provvista transkonfinali ta’ servizzi u li tali destinatarji jinkludu wkoll turisti jew persuni li jivvjaġġaw għal finijiet ta’ studju. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni Ċeka fil-kawża ineżami, li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għal ċittadin ta’ dan l-Istat Membru u għal dawk tal-Istati Membri l-oħra, tista’, bħala regola ġenerali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE sa fejn dawn japplikaw biss għal sitwazzjonijiet konnessi man-negozju bejn l-Istati Membri. |
20. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE għal sitwazzjonijiet li fihom fornitur joffri s-servizzi tiegħu bit-telefon jew bl-internet u għal sitwazzjonijiet marbuta ma’ gruppi ta’ turisti li huma d-destinatarji ta’ servizzi, hija għadha ma stabbilixxietx b’mod ċar jekk dan l-artikolu japplikax sempliċement għaliex grupp ta’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor jistgħu jiksbu jew fil-fatt jiksbu, fi Stat Membru partikolari, servizz li prinċipalment jiġi pprovdut lil ċittadini nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li hija ma taqbilx mal-fehma li żjara okkażjonali, anki minn ċittadin wieħed ta’ Stat Membru ieħor, fi stabbiliment li jipprovdi ċerti servizzi tiskatta b’mod awtomatiku l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE għal kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola b’mod ġenerali dan is-settur nazzjonali ta’ servizzi. |
21. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ikunx adegwat li tiġi stabbilita, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, regola de minimis, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja applikabbli fuq livell muniċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. |
22. |
Huwa f’dan l-isfond li, b’digriet tal‑21 ta’ Marzu 2019, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ April 2019, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) għamlet id-domandi preliminari segwenti:
|
23. |
Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. BONVER WIN, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ħadu sehem fis-seduta, li nżammet fit‑12 ta’ Marzu 2020. |
IV. Evalwazzjoni
24. |
Permezz taż-żewġ domandi tagħhom, li jistħoqqilhom risposta waħda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq li jiġi ddeterminat jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE tapplikax għal sitwazzjoni li fiha kumpannija stabbilita fi Stat Membru titlef, wara d-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-postijiet li fihom hija tista’ twettaq l-attività tagħha, l-awtorizzazzjoni sabiex topera din l-attività għar-raġuni li wħud mill-klijenti tagħha jiġu minn Stat Membru differenti minn dak li fiha hija stabbilita din il-kumpannija. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk in-natura mhux diskriminatorja ta’ dawn ir-regoli u l-eżistenza ta’ regola de minimis fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din ir-risposta. |
25. |
Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tad-domandi joħroġ b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju hija konxja tal-fatt li, fil-każ li l-kawża ineżami taqa’ taħt l-Artikolu 56 TFUE, ma hemmx dubju dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni u li mbagħad ir-Repubblika Ċeka jkollha tiġġustifika din ir-restrizzjoni. |
A. Il-kuntest tad-domanda — fuq l-ammissibbiltà
26. |
Għall-kuntrarju tal-ewwel impressjonijiet, ma hemm l-ebda dubju dwar l-ammissibbiltà tal-kawża ineżami. |
27. |
Sabiex nuri dan u sabiex nasal għall-qofol tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, huwa meħtieġ fil-fehma tiegħi li neżamina fil-qosor l-istorja tal-fenomenu ta’ dak li llum huwa magħruf bħala “sitwazzjoni purament interna”. |
28. |
Skont ġurisprudenza magħrufa u stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal sitwazzjoni li tkun limitata minn kull aspett għal Stat Membru wieħed biss ( 5 ). Madankollu, fil-ġurisprudenza voluminuża tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar sitwazzjonijiet purament interni, għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ livelli ta’ sustanza u ta’ ammissibbiltà. |
1. Mis-sustanza …
29. |
L-oriġini ġurisprudenzjali ( 6 ) tar-regola ta’ sitwazzjoni purament interna jista’ jinsab f’numru ta’ sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sa mill-aħħar tas-snin 1970, li kollha ngħataw matul iż-żmien tas-sentenza Rewe-Zentral ( 7 ) (“Cassis de Dijon”): Koestler ( 8 ), Knoors ( 9 ), Auer ( 10 ), Debauve et ( 11 ) u Saunders ( 12 ). Filwaqt li fis-sentenza Knoors ( 13 )“saret dikjarazzjoni f’kuntest limitat ħafna” ( 14 ), dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u filwaqt li s-sentenzi Koestler ( 15 ) u Auer ( 16 ) kienu jinvolvu sitwazzjoni transkonfinali, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ir-regola ta’ sitwazzjoni purament interna fis-sentenza Saunders ( 17 ). |
30. |
L-aħħar sentenza msemmija kienet tikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema taħt dak li llum huwa l-Artikolu 45 TFUE. Ċittadina Brittanika, wara li ddikjarat li kienet ħatja ta’ reat kriminali, kienet ġiet ikkundannata sabiex tmur mill-Ingilterra lejn l-Irlanda ta’ Fuq u sabiex ma tmurx lura lejn l-Ingilterra jew Wales. Il-fatti kollha kienu għalhekk limitati għar-Renju Unit. F’tali sitwazzjoni, kien pjuttost faċli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li l-Artikolu 45 TFUE ( 18 )“ma huwiex […] intiż li jillimita s-setgħa tal-Istati Membri li jistabbilixxu restrizzjonijiet, fit-territorju tagħhom stess, fuq il-libertà tal-moviment tal-persuni kollha li huma suġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-liġi kriminali domestika” ( 19 ) u li “id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ma jistgħux, għaldaqstant, jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li huma kompletament interni għal Stat Membru, fi kliem ieħor, meta ma jkun hemm ebda element li jorbothom ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt [tal-Unjoni]” ( 20 ). |
31. |
Din il-konstatazzjoni innovattiva ( 21 ) mbagħad iddakkret bil-libertajiet fundamentali l-oħra. Ftit wara s-sentenza Saunders ( 22 ), fis-sentenza Debauve et ( 23 ) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jistgħux japplikaw għal attivitajiet li l-elementi rilevanti tagħhom huma limitati fi Stat Membru wieħed biss”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-fatti tal-kawża ineżami kienu jinvolvu sitwazzjoni transkonfinali. |
32. |
Minn dejjem kien ċar u lil hinn minn kull dubju li dawn il-kawżi bikrin kienu jikkonċernaw kwistjoni ta’ sustanza: sabiex ikunu applikabbli ratione materiae, il-libertajiet fundamentali tat-Trattat jeħtieġu dak li huwa magħruf bħala element transkonfinali. Sitwazzjonijiet purament interni jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-libertajiet fundamentali, peress li l-għan ta’ dawn il-libertajiet huwa li jiġi lliberalizzat il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
2. … għall-ammissibbiltà
33. |
Il-konsegwenza loġika proċedurali ta’ sitwazzjonijiet purament interni li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali hija li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal tali domandi, b’tali mod li r-rinviji għal deċiżjoni preliminari li joriġinaw minn kawżi ta’ sitwazzjonijiet purament interni jkunu inammissibbli ( 24 ). Id-dritt tal-Unjoni sempliċement ma japplikax għal tali sitwazzjoni. |
34. |
Iżda, minkejja dan, matul is-snin kien hemm diversi każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal domandi li joriġinaw minn kawżi prinċipali li fihom il-fatti kollha kienu limitati għal Stat Membru wieħed biss. |
35. |
Ma għadux meħtieġ li tingħata espożizzjoni sommarja tal-ġurisprudenza għaliex reċentement saru sunt u klassifikazzjoni tagħha fis-sentenza Ullens de Schooten ( 25 ): il-kawżi li joriġinaw minn sitwazzjonijiet purament interni huma xorta waħda ammissibbli ( 26 ) għal rinviju għal deċiżjoni preliminari f’erba’ sitwazzjonijiet speċifiċi. Dawn is-sitwazzjonijiet huma: (1) ma kienx inkonċepibbli li ċittadini stabbiliti fi Stati Membri oħra kienu jew huma interessati li jużaw dawn il-libertajiet sabiex iwettqu attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru li kien adotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u, għaldaqstant, li l-leġiżlazzjoni, applikabbli mingħajr distinzjoni għal ċittadini ta’ dan l-Istat Membru u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, setgħet tipproduċi effetti li ma kinux limitati għal dan l-Istat Membru ( 27 ); (2) meta l-qorti tar-rinviju tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari f’kawża għall-annullament ta’ dispożizzjonijiet li ma japplikawx biss għaċ-ċittadini nazzjonali tagħha iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, id-deċiżjoni eventwalment adottata mill-qorti tar-rinviju wara d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha effetti wkoll fuq iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ( 28 ); (3) meta l-interpretazzjoni tal-libertajiet fundamentali tirriżulta li hija rilevanti meta l-liġi nazzjonali teżiġi li l-qorti tar-rinviju tagħti l-istess drittijiet lil ċittadin tal-Istat Membru tagħha stess bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fl-istess sitwazzjoni jgawdi minnhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ( 29 ); u (4) meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jkunu saru applikabbli bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li, meta tittratta sitwazzjonijiet limitati minn kull aspett għal Stat Membru wieħed biss, issegwi l-istess approċċ bħal dak previst fid-dritt tal-Unjoni ( 30 ). |
3. Applikazzjoni għall-kawża ineżami: is-sitwazzjoni ta’ BONVER WIN
36. |
Meta nħarsu lejn il-kawża ineżami, hija kbira ħafna t-tentazzjoni li tingħata r-risposta li, kif tipproponi l-Kummissjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk hemmx element transkonfinali fil-kawża ineżami. |
37. |
Madankollu, din ir-risposta ma tiħux inkunsiderazzjoni l-punt inkwistjoni. |
38. |
Il-qorti tar-rinviju tmur lil hinn minn dan fid-domandi tagħha. Hija ma hijiex qiegħda tipprova tistabbilixxi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tagħti risposta għad-domanda (li, fi kwalunkwe każ, tkun domanda stramba li ssir lill-Qorti tal-Ġustizzja) iżda jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE għandhiex tapplika f’sitwazzjonijiet li għandhom b’mod ċar element transkonfinali. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. Hija tixtieq tanalizza l-qofol tal-kwistjoni ta’ “sitwazzjonijiet purament interni” u, kif qiegħed nara l-affarijiet jien, qiegħda tistaqsi jekk sitwazzjonijiet purament interni għandhomx jiġu interpretati b’mod usa’ milli sar sal-lum il-ġurnata. |
39. |
Din għalhekk hija domanda dwar is-sustanza u mhux dwar l-ammissibbiltà. |
40. |
Fl-aħħar nett, nixtieq nenfasizza li l-ammissibbiltà tal-kawża ineżami diġà tirriżulta mis-sentenza Trijber u Harmsen tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ). F’dik il-kawża, R. L. Trijber talab awtorizzazzjoni sabiex jorganizza mawriet bid-dgħajsa f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Sabiex il-kawża titqies li kienet ammissibbli, għall-Qorti tal-Ġustizzja kien biżżejjed li “dan is-servizz jista’ jkun ta’ benefiċċju wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u li l-iskema inkwistjoni tista’ tostakola l-aċċess għas-suq mill-fornituri kollha, inklużi dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jipprovdu tali servizz” ( 32 ). |
41. |
Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-ammissibbiltà tal-kawża inter alia fuq il-fatt li d-destinatarji tas-servizz kienu minn Stati Membri oħra ( 33 ). Ir-raġuni għaliex il-kawża kienet ammissibbli huwa l-fatt li d-destinatarji tas-servizzi inkwistjoni ma kinux mill-Istat Membru li fih kienu offruti s-servizzi. Il-kawża ineżami tippreżenta sitwazzjoni simili. |
42. |
Bħala konklużjoni dwar l-ammissibbiltà tal-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, u ma għandhiex, tirreferi għas-sentenza Ullens de Schooten ( 34 ) sabiex tirrispondi għall-qorti tar-rinviju, u dan għaliex il-kawża hija, b’mod ċar, ammissibbli. |
B. Fuq is-sustanza
43. |
Ngħaddi għalhekk sabiex nanalizza s-sustanza tal-kawża ineżami u l-portata tal-Artikolu 56 TFUE ( 35 ). |
1. Il-portata tal-Artikolu 56 TFUE
44. |
Bħala punt preliminari, għandu jkun enfasizzat li din il-kawża tikkonċerna biss il-portata ratione materiae tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt it-Trattat FUE. Hija ma tikkonċernax il-kompatibbiltà ġenerali ta’ regola nazzjonali mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fi kliem ieħor, l-unika kwistjoni li l-qorti tar-rinviju tixtieq li taqta’ bl-għajnuna tal-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk hemmx restrizzjoni taħt l-Artikolu 56 TFUE (li kien ikun il-każ kieku s-sitwazzjoni kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni) u mhux jekk, barra dan, restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku. |
45. |
Skont l-Artikolu 56 TFUE, fil-qafas tad-dispożizzjonijiet tal-kapitlu tat-Trattat FUE rigward is-servizzi, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni huma pprojbiti fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tal-persuna li għaliha s-servizz ikun intenzjonat. |
46. |
Din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi r-regola fundamentali, jew il-Grundnorm ( 36 ), tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern u li magħha żdiedu għadd ta’ liġijiet sekondarji, b’mod partikolari id-Direttiva dwar is-servizzi, ġiet żviluppata kunsiderevolment fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm fit-Trattat kienet maħsuba li tkun libertà fundamentali residwa ( 37 ), il-Qorti tal-Ġustizzja sa minn stadju bikri ddeskrivietha bħala “wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Trattat” ( 38 ). Barra minn hekk hija kkonstatat li din il-libertà fundamentali għandha effett dirett ( 39 ) kif ukoll li tkopri miżuri applikabbli b’mod indistint ( 40 ). L-Artikolu 56 TFUE, l-istess bħall-Artikoli 34, 45 u 49 TFUE, għandu l-iskop għalhekk li jwarrab l-ostakoli għall-kummerċ iktar milli s-sempliċi diskriminazzjoni bejn operaturi fis-suq domestiku u dawk fis-suq barrani. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet lill-Istati Membri li jirrikorru għal raġunijiet mhux miktuba li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-forma ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. Barra minn hekk, u dan b’mod kruċjali għall-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-libertà li jkunu pprovduti servizzi qiegħda għall-benefiċċju kemm tal-fornituri tas-servizzi kif ukoll tad-destinatarji ta’ dawn is-servizzi ( 41 ). Dan il-proċess fl-iżvilupp tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi seħħ pass pass mat-tranżizzjoni tal-ekonomiji u tas-soċjetajiet tal-Istati Membri mill-manifattura għas-servizzi. |
47. |
Huwa iktar diffiċli li jkun iddeterminat jekk hemmx sitwazzjoni transkonfinali fil-każ tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi milli fil-każ tal-moviment liberu tal-ħaddiema jew tal-libertà ta’ stabbiliment ( 42 ) u kellu jgħaddi ċertu żmien sabiex ikun hemm erba’ sitwazzjonijiet transkonfinali possibbli li jkunu komunement aċċettati ( 43 ) li fihom tapplika l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-ewwel, is-sitwazzjoni fejn il-fornitur ta’ servizzi jaqsam il-fruntiera sabiex joffri s-servizzi ( 44 ). Din hija bla dubju il-paradigma ( 45 ) tal-Artikolu 56 TFUE u hija riflessa b’mod ċar fil-formulazzjoni tiegħu. It-tieni, is-sitwazzjoni fejn id-destinatarju tas-servizz jaqsam il-fruntiera sabiex jirċievi s-servizzi ( 46 ). It-tielet, sitwazzjonijiet fejn il-fornitur u d-destinatarju t-tnejn li huma jaqsmu fruntiera u sussegwentement jiġi pprovdut is-servizz ( 47 ). U r-raba’, sitwazzjonijiet fejn is-servizz stess jaqsam il-fruntiera ( 48 ). |
48. |
Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ libertajiet fundamentali oħra bħalma huwa l-moviment liberu tal-ħaddiema jew saħansitra r-regoli dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ma hijiex in-nazzjonalità imma l-istabbiliment ( 49 ) tal-persuni kkonċernati li jiddetermina l-element transkonfinali ( 50 ). |
49. |
Rigward b’mod iktar speċifiku t-tieni sitwazzjoni fejn id-destinatarju tas-servizz jaqsam il-fruntiera sabiex jibbenefika mis-servizz, ir-restrizzjonijiet kemm fuq il-fornitur tas-servizz kif ukoll fuq id-destinatarji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. Rigward ir-restrizzjonijiet fuq il-fornitur tas-servizz, ir-raġuni li għaliha jaqgħu taħt l-Artikolu 56 TFUE hija li dawn inevitabbilment jinvolvu restrizzjonijiet fuq id-destinatarji tas-servizz. |
50. |
Restrizzjoni tista’ għalhekk toriġina jew fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizz jew fl-Istat Membru tad-destinatarju tas-servizz. It-Trattat jindirizza ż-żewġ restrizzjonijiet bl-istess mod. Din hija ħaġa loġika. Filwaqt illi, pereżempju, fil-każ tal-moviment liberu ta’ merkanzija t-Trattat ġustament jagħmel distinzjoni bejn importazzjonijiet ( 51 ) u esportazzjonijiet ( 52 ) u huwa, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ġustament) iktar strett fuq l-importazzjonijiet ( 53 ), tali distinzjoni ma teżistix fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għas-sempliċi raġuni li huwa iktar diffiċli li wieħed jiddistingwi mentalment “importazzjonijiet” minn “esportazzjonijiet”. Kif ser naraw iktar ’l isfel, it-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari hija każ tipiku f’dan is-sens. |
51. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet illi “il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Istati Membri […] tista’ titqies minn intrapriża bħala li tmur kontra l-Istat li fih tkun stabbilita, jekk is-servizzi jkunu pprovduti lil persuni stabbiliti fi Stat Membru ieħor” ( 54 ). |
52. |
Barra minn hekk, rigward il-prattika ta’ dak li komunement jissejjaħ “cold calling”, jiġifieri li jsir kuntatt bit-telefon ma’ individwi mingħajr il-kunsens tagħhom minn qabel sabiex ikunu offruti servizzi finanzjarji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-fatt li s-servizzi in kwistjoni […] għad m’għandhomx destinatarju speċifiku [ma] jostakolax l-applikazzjoni [tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi]” ( 55 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll il-motivazzjoni tagħha sabiex waslet għal din id-deċiżjoni: il-“libertà li jiġu pprovduti servizzi ssir illużorja jekk il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali setgħu liberament jirrestrinġu l-offerti tas-servizzi” ( 56 ). Hekk, it-tħejjija sabiex ikun ipprovdut servizz diġà taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE ( 57 ). |
53. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li restrizzjoni potenzjali hija biżżejjed sabiex il-kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. |
54. |
Sabiex niġbor fil-qosor, nixtieq nirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’TÜV Rheinland LGA Products and Allianz IARD ( 58 ) li fiha ddikjara b’mod xieraq li: “Il-potenzjalità transkonfinali tibqa’ fil-livell ta’ ipoteżi raġonevolment konċepibbli: għalhekk, fil-kuntest ta’ servizzi, il-fatt li, pereżempju, xi destinatarji ta’ servizz probabbilment jiġu minn Stat Membru ieħor huwa biżżejjed sabiex ikunu applikabbli r-regoli tat-Trattat dwar is-servizz”. |
2. Applikazzjoni għall-kawża ineżami: is-sitwazzjoni ta’ BONVER WIN
55. |
Dan iwassalna għall-kawża ineżami u għall-punti mqajma mill-qorti tar-rinviju. |
56. |
Abbażi tal-analiżi preċedenti, jidher li l-kawża preżenti taqa’ preċiżament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE: għandek fornitur ta’ servizz stabbilit fir-Repubblika Ċeka li jipprovdi s-servizzi tiegħu inter alia lil klijenti normalment stabbiliti fil-Ġermanja li jaqsmu l-fruntiera bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja sabiex jibbenefikaw minn dawk is-servizzi. |
57. |
Barra minn hekk, hemm restrizzjoni fuq l-attività ta’ BONVER WIN: il-fatt li ma tistax tkompli twettaq l-attivitajiet tagħha fl-istess post bħal qabel jissodisfa t-termini tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Bħala konsegwenza, il-klijenti ta’ BONVER WIN ukoll huma ristretti fil-kapaċità tagħhom li jibbenefikaw mis-servizzi. Jekk BONVER WIN ikollha twaqqaf in-negozju tagħha fil-parti tal-belt li fiha kienet stabbilita, il-klijenti ma jkunux jistgħu jkomplu jilagħbu flushom hemmhekk. |
58. |
Mill-perspettiva tal-fornitur tas-servizz, BONVER WIN, il-fatt li r-restrizzjoni hija imposta mill-Istat Membru ta’ oriġini ( 59 ) huwa immaterjali f’dan ir-rigward. Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ toqgħod fuq id-deċiżjoni tagħha f’Alpine Investments ( 60 ) li fiha ddikjarat li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt it-Trattat “[t]ipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi [fl-Unjoni] in ġenerali” u li bħala konsegwenza, dik il-libertà “tikkonċerna mhux biss ir-restrizzjonijiet stabbiliti mill-Istat ospitanti, iżda wkoll dawk stabbiliti mill-Istat ta’ oriġini”. |
59. |
Kieku kelli noqgħod fuq din il-konstatazzjoni, kont ngħid: il-kawża magħluqa. |
3. Huwa meħtieġ li jiġi llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE?
60. |
Madankollu, il-kawża preżenti hija mħallta ma’ żewġ fatturi oħra: l-ewwel, il-fatt li r-restrizzjoni ma hijiex indirizzata lid-destinatarju tas-servizz li jaqsam il-fruntiera u hekk jiskatta l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE imma lill-fornitur tas-servizz u, it-tieni, it-tħassib tal-qorti nazzjonali rigward is-sempliċi possibbiltà potenzjali ta’ klijenti Ġermaniżi u l-kwistjoni konnessa ta’ regola de minimis. |
a) Destinatarju ta’ servizz li jiskatta l-Artikolu 56 TFUE għall-fornitur ta’ servizz
61. |
Jiena ma narax kif il-fatt li huwa d-destinatarju ta’ servizz li jaqsam il-fruntiera għandu b’xi mod ibiddel din il-konstatazzjoni tiegħi. Il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE hija waħda oġġettiva fis-sens li jew hija ssodisfatta, jekk ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, jew ma hijiex. |
62. |
Din il-kwistjoni għandha tkun distinta minn dik dwar jekk f’sitwazzjoni bħal din il-fornitur ta’ servizz jistax jorbot fuq l-Artikolu 56 TFUE kontra l-Istat Membru tiegħu stess, jiġifieri jekk jistax jakkwista dritt li jkun bħal dritt ekonomiku fundamentali. |
63. |
Ir-risposta għal din id-domanda hija “iva”. |
64. |
Kif intwera iktar ’il quddiem, il-libertà ta’ destinatarju ta’ servizz li jirċievi servizzi hija biss in-naħa l-oħra tal-munita tal-libertà tal-fornitur ta’ servizzi li jipprovdi servizzi. F’sitwazzjoni bħal din kienet tkun ħaġa stramba kieku, pereżempju, il-klijenti Pollakki jew Ġermaniżi ta’ BONVER WIN biss setgħu jorbtu fuq l-Artikolu 56 TFUE fi proċeduri fil-qrati Ċeki filwaqt li BONVER WIN innifisha ma setgħetx. F’dan ir-rigward, għandha tinġibed analoġija mid-deċiżjoni fil-kamp tal-moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 45 TFUE fil-kawża Clean Car Autoservice ( 61 ) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li min iħaddem jista’ wkoll joqgħod fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 45 TFUE sabiex jimpjega, fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit, ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor. |
b) Keck għal servizzi?
65. |
Jidher ċar, li tali konstatazzjoni timplika li skont il-liġi kif inhi bħalissa l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae huwa wiesa’ ħafna, u dan iqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tikkunsidra li tintroduċi limitu l-istess kif għamlet f’Keck u Mithouard ( 62 ) fl‑1993 rigward il-moviment liberu tal-merkanzija. L-argument favur tali limitu jista’ jsegwi din il-linja: l-istess bħal f’Keck u Mithouard ( 63 ), hawnhekk għandna quddiemna miżura applikabbli indistintament, fid-dritt u fil-fatt, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà korrispondenti li wieħed jirċievi tali servizzi. Għalhekk ma hemm l-ebda element diskriminatorju involut: mill-perspettiva tal-fornitur tas-servizz, kwalunkwe kumpannija li tixtieq tkun stabbilita f’Děčín bil-għan li toffri attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard issib ruħha preċiżament fl-istess sitwazzjoni bħal BONVER WIN u ma tkunx tista’ twettaq l-attività tagħha fil-parti speċifikata tal-belt. Għall-kuntrarju, rigward id-destinatarju tas-servizz, ebda destinatarju, ikunx jew le destinatarju Ċek, ma jkun jista’ jirċievi servizzi ta’ logħob tal-ażżard fil-parti speċifikata tal-belt. Jekk nassumu li l-kunċett ta’ “ċertu arranġament ta’ bejgħ”, kif żviluppat f’Keck u Mithouard ( 64 ), għandu fil-fatt ifisser l-aċċess għas-suq ta’ kumpannija li għandha l-għan li tbigħ merkanzija jew, fil-kawża preżenti, li toffri s-servizzi tagħha, għaliex ma jiġux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE dawk il-miżuri applikabbli indistintament fid-dritt u fil-fatt li ma jostakolawx l-aċċess għas-suq ta’ fornituri ta’ servizz li jkunu minn Stati Membri oħrajn? |
66. |
Din il-mistoqsija twassal għall-qalba tal-kostituzzjoni ekonomika tal-Unjoni u għall-kunċett ta’ x’jikkostitwixxi u x’għandu jikkostitwixxi restrizzjoni għall-kummerċ transkonfinali. |
67. |
Jiena nixtieq inwieġeb għal kwalunkwe kunsiderazzjoni tal-idea stess li tkun introdotta regola bħal din fil-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE b’“le” qawwija. |
68. |
L-ewwel nett, jiena ma nara ebda indikazzjoni fl-istat preżenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ kunsiderazzjonijiet bħal dawn ( 65 ). |
69. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi b’mod konsistenti approċċ ibbażat fuq l-ostakoli (kuntrarju għal approċċ ibbażat fuq diskriminazzjoni) meta tiġi sabiex tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. Dan jidher b’mod espliċitu f’kawżi ( 66 ) bħal Gebhard ( 67 ) u Alpine Investments ( 68 ), żewġ kawżi li diġà għamilt referenza għalihom. |
70. |
Huwa minnu li issa wieħed jista’ jqajjem il-kwistjoni ta’ jekk restrizzjoni għall-Artikolu 56 TFUE fuq il-linji ta’ Keck u Mithouard ( 69 )“forsi għadha pendenti” ( 70 ). Jiena jkolli ngħid li ma hemm ebda raġuni għal bidla fil-ġurisprudenza bħal din għar-raġunijiet li issa ser nippreżenta. |
71. |
L-ewwel, hemm dubju dwar jekk Keck u Mithouard ( 71 ) għandhiex liġi tajba fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija. L-okkażjonijiet meta l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi espliċitament għall-kawża spiċċaw u l-okkażjonijiet meta l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikorri għall-kunċett sottostanti tagħha huma rari. Jiena konxju tal-fatt li preċedentement kont ikkonkludejt li “Keck għadha ħajja” ( 72 ), imma issa pjuttost nistaqsi lili nnifsi jekk ma’ din il-frażi għandhomx jiżdiedu l-kliem “nominalment, b’mod passiv”. Jew pjuttost, li Keck inbidlet minn iljun għal qattus domestiku: immansat forsi, imma xorta waħda impossibbli li taqbdu. |
72. |
It-tieni, dak iż-żmien kien diffiċli li tifhem ir-raġunament f’Keck u Mithouard ( 73 ) u l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġustament ikkritikata fis-sens li l-espressjoni “ċerti arranġamenti ta’ bejgħ” ma hijiex adatta sabiex tkun faċilment applikata fil-prattika minħabba nuqqas ta’ kriterji ċari li fuqhom każ speċifiku jista’ jkun evalwat ( 74 ). Iktar tard deher ċar li Keck u Mithouard ( 75 ) ma kinitx fil-fatt dwar “ċerti arranġamenti ta’ bejgħ”, imma dwar jekk l-aċċess għas-suq kienx qiegħed isir iktar diffiċli, jekk mhux ukoll qiegħed ikun ostakolat. U anki hekk, li tiddefinixxi preċiżament x’inhuwa l-aċċess għas-suq, hija biċċa xogħol iebsa u hija problematika mill-perspettiva taċ-ċertezza legali. |
73. |
It-tielet, għalkemm bħala prinċipju għandha tkun ippreferuta interpretazzjoni parallela tal-libertajiet fundamentali, hija ħaġa diffiċli li wieħed jagħmel paragun bejn il-moviment liberu ta’ merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi meta wieħed jiġi għal duttrina rigward l-arranġamenti ta’ bejgħ u l-aċċess għas-suq. Huwa iktar faċli li tali duttrina tkun żviluppata fil-kuntest ta’ merkanzija (fil-biċċa l-kbira) ( 76 ) tanġibbli. Fejn jidħlu servizzi, is-sitwazzjoni hija differenti: minħabba n-natura mhux tanġibbli ta’ servizz, huwa iktar diffiċli li tistabbilixxi x’inhu dak li jikkostitwixxi s-servizz innifsu u x’inhu dak li ma huwiex direttament marbut mas-servizz. |
74. |
Ir-raba’, jekk wieħed jaċċetta li s-sentenza Keck u Mithouard ( 77 ) kienet (ukoll) dwar docket-control f’każijiet li kellhom inqas x’jaqsmu mal-merkanzija stess milli mal-libertajiet kummerċjali tan-negozjanti, li hija xi ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet mingħajr eżitazzjoni – u li tista’ tispjega waħda mill-ironiji l-kbar ta’ Keck u Mithouard ( 78 ), jiġifieri li l-fatti kienu limitati għal Stat Membru wieħed ( 79 ), bil-konsegwenza li f’dak il-każ il-moviment liberu tal-merkanzija xorta waħda ma kienx japplika u l-każ ma setax, bħala konsegwenza, jitqies bħala ammissibbli – isegwi fil-fehma tiegħi li ma hemmx ħtieġa li Keck u Mithouard ( 80 ) tkun estiża għal drittijiet fundamentali oħra. Rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jiena ma nosserva ebda “tendenza dejjem tiżdied” ( 81 ) ta’ fornituri ta’ servizz li jinvokaw id-drittijiet tagħhom taħt l-Artikolu 56 TFUE u ma jienx konxju ta’ oħrajn li jaraw tali tendenza. Anzi bil-maqlub. Fil-fatt, tul l-aħħar żewġ deċennji l-leġiżlatur tal-Unjoni kkonċentra wħud mill-isforzi tiegħu sabiex jinkoraġġixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni kollha, b’mod speċjali bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi. Hawnhekk, inħass li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha ssir iktar aċċessibbli għal operaturi ekonomiċi. L-introduzzjoni fid-dritt primarju ta’ regola restrittiva tkun qiegħda f’kontradizzjoni ċara ma’ dan l-iżvilupp u hekk tikkostitwixxi pass lura xejn adattat f’dan ir-rigward. |
75. |
Fl-istess linja ta’ ħsieb, il-ħames, u b’mod kruċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja (ġustament) ma rrikorrietx għal Keck u Mithouard ( 82 ) meta setgħet għamlet hekk sabiex tinterpreta il-libertà ta’ stabbiliment ta’ fornitur ta’ servizz fil-kuntest tad-Direttiva dwar is-servizzi. F’X u Visser ( 83 ), hija ddeċidiet li miżura li kienet bla dubju tikkostitwixxi “arranġament ta’ bejgħ” skont Keck u Mithouard ( 84 ) xorta madankollu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment taħt id-Direttiva dwar is-servizzi, u b’hekk “tirrappreżenta pass lura mill-ideat li wasslu għad-deċiżjoni Keck” ( 85 ). |
76. |
Għalhekk ma hemm ebda raġuni għaliex il-prinċipji fundamentali li wasslu għal waħda mis-sentenzi l-iktar ikkontestati fil-qasam tal-moviment liberu ta’ merkanzija ( 86 ) tkun trasposta lil hinn minn dik il-libertà fundamentali partikolari. |
c) Regola de minimis għall-Artikolu 56 TFUE?
77. |
Sal-lum ma hemm ebda indikazzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 56 TFUE – jew kwalunkwe libertà fundamentali oħra wara kollox – huwa suġġett għal regola de minimis fis-sens li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tiskatta biss jekk ikun hemm ċertu numru ta’ destinatarji ta’ servizz li jibbenefikaw minn servizz. |
78. |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tapplikax għal sett partikolari ta’ fatti kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, dak x’aktarx kien f’sitwazzjonijiet fejn ir-rabta bejn il-miżura nazzjonali inkwistjoni u l-libertà fundamentali kienet dgħajfa ħafna. |
79. |
Hemm raġuni tajba għal din il-ġurisprudenza u għall-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrikorrix għal kunsiderazzjonijiet de minimis: il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jrid ikun iddeterminat fuq kriterji kwalitattivi, li jkunu jistgħu jiġu faċilment applikati fl-Unjoni kollha. Bil-maqlub, kriterji kwantitattivi ma jistgħux u ma għandhomx jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Apparti dan, ikun impossibbli li jiġi stabbilit jew iġġustifikat il-limitu minimu kwantitattiv. Fil-każ ta’ BONVER WIN, pereżempju, x’jista’ jkun il-kriterju użat bħala kejl? Għaxar klijenti? Mija? Elf? Ċertu ammont perċentwali ta’ klijenti bħala porzjon mit-“total globali” ta’ klijenti, pereżempju ħmistax fil-mija? Jew skont l-ammont ta’ flus li jilagħbu l-klijenti? Klijent li jagħmel imħatra fuq EUR 1000 jagħmel daqs 10 klijenti li jagħmlu mħatra fuq EUR 100? Ukoll jekk dawn l-eżempji jidhru sempliċi wisq, jiena jkolli ngħid li juru perfettament li ser ikun il-kunċett de minimis fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali li ser ikun għerq futur ta’ problemi. |
80. |
Il-fatt li l-kunċett kwantitattiv ta’ de minimis huwa iktar marbut mal-fatti konkreti ta’ każ milli mal-aspetti legali tiegħu jaf iwassal għal problema iktar fundamentali. Ma hijiex żgur xi ħaġa inkonċepibbli li l-istess miżura titqies bħala de minimis fi Stat Membru wieħed tal-Unjoni, imma mhux fl-ieħor. Dan ikun jipperikola l-ugwaljanza bejn l-operaturi tas-suq li d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern jipprovaw jistabbilixxu. Jew de minimis għandu jkun iddefinit f’termini astratti? U jekk inhu hekk, kif u minn min? Ma għandniex ninsew li hawnhekk qegħdin f’żona mhux armonizzata fejn il-miżuri tal-Istati Membri jridu jiġu evalwati fl-isfond ta’ libertà stabbilita mit-Trattat u li s-suq intern jibqa’ żona fejn il-kompetenza tal-Unjoni hija kondiviża. Din is-sitwazzjoni ma tistax titqabbel ma’ dik tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess tistabbilixxi ċerti limiti minimi. |
81. |
Biex niġbru fil-qosor ir-raġunament kontra l-introduzzjoni ta’ regola de minimis fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE, jew ukoll taħt kull libertà oħra, għandu jkun enfasizzat li din hija domanda fattwali u mhux waħda legali. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi fuq il-fatti. Li l-qrati nazzjonali jitħallew jintroduċu regola bħal din iwassal għal frammentazzjoni tas-suq intern u jipperikola l-mira li jkun hemm ugwaljanza bejn l-operaturi tas-suq. |
82. |
Isegwi li regola de minimis fil-kuntest tal-Artikolu 56 TFUE għandha tiġi miċħuda bħala prinċipju. |
V. Konklużjoni
83. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) kif ġej: Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE, li ma jinkludix regola de minimis, tapplika għal sitwazzjoni li fiha kumpannija stabbilita fi Stat Membru titlef, minħabba miżura pubblika li tiddetermina l-modalitajiet tal-provvista ta’ servizzi, bħalma huwa post speċifiku, l-awtorizzazzjoni sabiex topera l-attività tagħha, meta wħud mill-klijenti tagħhom jiġu minn Stat Membru differenti minn dak li fih hija stabbilita din il-kumpannija, irrispettivament minn jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex applikabbli b’mod indistint (fid-dritt u fil-fatt). |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Pereżempju: diskriminazzjoni jew ostakolu, ftehim dwar il-bejgħ u/jew l-aċċess għas-suq, sitwazzjonijiet purament interni.
( 3 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905)
( 4 ) Mingħajr, milli jidher, ma rreferew il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 5 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47).
( 6 ) Qiegħed nissellef dan it-terminu minn Arena, A., “The Wall Around EU Fundamental Freedoms: the Purely Internal Rule at the Forty-Year Mark”, Yearbook of European Law, 2019, Vol. 38, p. 153‑219, fil-paġna 163.
( 7 ) Sentenza tal‑20 ta’ Frar 1979 (120/78, EU:C:1979:42).
( 8 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1978 (15/78, EU:C:1978:184).
( 9 ) Sentenza tas‑7 ta’ Frar 1979 (115/78, EU:C:1979:31).
( 10 ) Sentenza tas‑7 ta’ Frar 1979 (136/78, EU:C:1979:34).
( 11 ) Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1980 (52/79, EU:C:1980:83).
( 12 ) Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1979 (175/78, EU:C:1979:88).
( 13 ) Sentenza tas‑7 ta’ Frar 1979 (115/78, EU:C:1979:31, punt 24): “id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-istabbiliment u l-provvista ta’ servizzi ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li huma purament interni għal Stat Membru”.
( 14 ) Fi kliem il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner fil-kawża Saunders (175/78, mhux ippubblikati, EU:C:1979:63, p. 1141).
( 15 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1978 (15/78, EU:C:1978:184, punt 3).
( 16 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 1979 (136/78, EU:C:1979:34).
( 17 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1979 (175/78, EU:C:1979:88, punt 10).
( 18 ) Li kien l-Artikolu 48 tat-Trattat KEE.
( 19 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1979, Saunders (175/78, EU:C:1979:88, punt 10).
( 20 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1979, Saunders (175/78, EU:C:1979:88, punt 11). Huwa xorta waħda interessanti li jingħad li l-Avukat Ġenerali f’din il-kawża indirizza l-kwistjoni ta’ sitwazzjonijiet li jkunu kompletament domestiċi fil-konklużjonijiet tiegħu iżda wasal għal konklużjoni differenti minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, li waslitu sabiex janalizza l-atti nazzjonali inkwistjoni taħt il-moviment liberu tal-ħaddiema; ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner fil-kawża Saunders (175/78, mhux ippubblikati, EU:C:1979:63).
( 21 ) F’kawżi preċedenti, bħal fis-sentenza influwenti tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64,EU:C:1964:66), pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma dehritx li ħasset il-ħtieġa li tanalizza l-kwistjoni ta’ sitwazzjoni purament interna.
( 22 ) Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1979 (175/78, EU:C:1979:88).
( 23 ) Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1980 (52/79, EU:C:1980:83, punt 9).
( 24 ) Minkejja li hemm ir-riskju li niġi akkużat b’ereżija, għal faċilità ta’ referenza ser nirreferi għall-kliem “kompetenza” u “ammissibbiltà” b’mod interkambjabbli. Dan ma jfissirx li ma iniex konxju tad-differenza legali bejn dawn il-kliem: il-kompetenza hija oġġettiva u tirreferi għall-abbiltà legali tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti sentenza filwaqt li l-ammissibbiltà għandha element suġġettiv sa fejn tista’ tiġi parzjalment iddeterminata mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, kawża tkun ammissibbli biss jekk il-qorti nazzjonali tkun osservat ir-regoli proċedurali rilevanti meta ressqet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u tkun immotivat b’mod debitu għaliex dan ir-rinviju kien meħtieġ. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward naqbel kompletament mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C. (C‑497/12, EU:C:2015:168, punti 21 u 25), fejn tqajjem punt simili filwaqt li ġie enfasizzat li d-differenza bejn iż-żewġ kelmiet ma għandhiex tiġi enfasizzata ż-żejjed.
( 25 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016 (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 50 sa 53). Għal sommarju komprensiv tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam qabel din is-sentenza, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529).
( 26 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 115).
( 27 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 50).
( 28 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 51).
( 29 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 52).
( 30 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 53).
( 31 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015 (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641).
( 32 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 41). Enfasi miżjuda minni.
( 33 ) Is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641), hija għalhekk kawża b’eżitu interessanti: wara li stabbilixxiet li ċerti sitwazzjonijiet ma kinux purament interni min-natura tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tagħti risposta għad-domandi materjali tal-qorti tar-rinviju intiżi speċifikament li jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36) (iktar ’il quddiem id-Direttiva dwar is-servizzi) dwar il-libertà ta’ stabbiliment ta’ fornituri ta’ servizzi japplikawx għal sitwazzjonijiet purament interni. Kien biss iktar tard, fis-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44) li l-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta għal din id-domanda, fl-affermattiv.
( 34 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016 (C‑268/15, EU:C:2016:874).
( 35 ) Il-kawża ineżami għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Id-Direttiva dwar is-servizzi ma tapplikax għal attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard; ara l-Artikolu 2(2)(h) ta’ dik id-direttiva. Li kieku l-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard kienu koperti minn dik id-Direttiva, id-domanda tal-qorti tar-rinviju ma kinitx tqum sa fejn il-kapitolu dwar l-istabbiliment ta’ fornituri ta’ servizzi japplika ratione materiae għal sitwazzjonijiet purament interni; ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44).
( 36 ) Fi kliem Müller-Graff, P‑Chr., fi Streinz, R. (editur), EUV/AEUV Kommentar, C. H. Beck, München, it-tielet edizzjoni, 2018, Artikel 56 AEUV, punt 1.
( 37 ) Ara l-Artikolu 57 TFUE, li jipprovdi li servizzi għandhom jitqiesu li huma servizzi fis-sens tat-Trattati meta normalment jiġu pprovduti bi ħlas, sa fejn ma jkunux irregolati mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta’ merkanzija, ta’ kapital u ta’ persuni. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “servizzi” ikopri servizzi li ma humiex irregolati mil-libertajiet l-oħra, sabiex jiġi żgurat li l-attività ekonomika kollha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali, li minnu niddeduċi li din ma hijiex libertà fundamentali sussidjarja iżda waħda residwi. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 88).
( 38 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1981, Webb (279/80, EU:C:1981:314, punt 17).
( 39 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, EU:C:1974:131, punt 27).
( 40 ) Għalhekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE teżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni għal fornituri ta’ servizzi nazzjonali u fornituri ta’ servizzi minn Stati Membri oħra. Dan jikkostitwixxi ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, Säger (C‑76/90, EU:C:1991:331, punt 12). Ara wkoll is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux (C‑265/12, EU:C:2013:498, punt 35), u tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 51). Fis-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37), għalkemm dik kienet kawża dwar il-libertà ta’ stabbiliment, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx riferiment biss għal din il-libertà speċifika: “l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat anqas attraenti”. Enfasi miżjuda minni.
( 41 ) Ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, EU:C:1984:35, punt 16), u tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 51).
( 42 ) Din il-fehma hija kondiviża wkoll minn Randelzhofer, A. u Forsthoff, U., fi Grabitz, E., Hilf, M., Nettesheim, M., Das Recht der Europäischen Union, 57. aġġornat fi Frar 2020, C. H. Beck, München, Art. 56, Art. 57 AEUV, punt 3.
( 43 ) Dawn huma bażikament analogi għad-definizzjoni ta’ “kummerċ fis-servizzi” taħt il-Ftehim ġenerali dwar il-kummerċ fis-servizzi, anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO (iktar ’il quddiem il-“GATS”). Skont l-Artikolu 1(2) tal-GATS, il-kummerċ fis-servizzi huwa ddefinit bħala li jinkludi erba’ modi ta’ provvista ta’ servizzi: (1) provvisti transkonfinali li ma jinvolvu ebda moviment ta’ persuni; (2) konsum barra mill-pajjiż, li jinvolvi l-moviment tal-konsumatur fit-territorju tal-pajjiż membru tal-WTO li fih ikun stabbilit il-fornitur; (3) preżenza kummerċjali, jiġifieri l-preżenza ta’ sussidjarja jew ta’ fergħa fit-territorju tal-pajjiż membru tal-WTO li fih għandu jingħata s-servizz; (4) il-preżenza ta’ persuni fiżiċi minn pajjiż membru tal-WTO, li tippermetti lil fornitur minn pajjiż membru wieħed jipprovdi servizzi fit-territorju ta’ kwalunkwe pajjiż membru ieħor.
( 44 ) Dan ħafna drabi jissejjaħ moviment liberu “attiv” ta’ servizzi.
( 45 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Cowan (186/87, mhux ippubblikati, EU:C:1988:526, punt 14).
( 46 ) Dan ħafna drabi jissejjaħ moviment liberu “passiv” ta’ servizzi. Fuq dan il-kunċett, ara Völker, St., Passive Dienstleistungsfreiheit im Europäischen Gemeinschaftsrecht, Duncker & Humblot, Berlin, 1990, p. 61 et seq.
( 47 ) Eżempji tipiċi jinkludu gruppi ta’ turisti li jaqsmu fruntiera flimkien ma’ gwida.
( 48 ) B’mod partikolari permezz ta’ telekomunikazzjoni jew tal-internet.
( 49 ) Ara wkoll il-formulazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.
( 50 ) B’kuntrast mal-moviment liberu tal-ħaddiema u mal-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tiddeterminax l-element transkonfinali meħtieġ b’riferiment għad-detentur tal-libertà, iżda b’riferiment għar-relazzjoni ta’ servizz. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma hijiex prekluża, b’mod partikolari, minħabba li d-destinatarji jew il-fornituri ta’ servizzi jkollhom l-istess nazzjonalità. Ara għal iktar dettall Randelzhofer, A. u Forsthoff, U., op. cit.
( 51 ) Ara l-Artikolu 34 TFUE.
( 52 ) Ara l-Artikolu 35 TFUE.
( 53 ) Inċidentalment, il-ġurisprudenza Keck, li ser nerġa’ nindirizza f’iktar dettall iktar ’il quddiem, tapplika biss għall-importazzjonijiet. Din is-sentenza ngħatat taħt dak li llum huwa l-Artikolu 34 TFUE u tapplika biss fil-kuntest ta’ miżuri applikabbli b’mod indistint fil-liġi u fil-fatt. B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 35 TFUE japplika biss għal miżuri diskriminatorji.
( 54 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C‑18/93, EU:C:1994:195, punt 30).
( 55 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 19).
( 56 ) Ibid.
( 57 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Müller-Graff, P.-Chr., op. cit., u Holoubek, M., fi Schwarze, J., Becker, U., Hatje, A. u Schoo, J., (edituri), EU-Kommentar, ir-raba’ edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2019, Art.57 AEUV, punt 42.
( 58 ) C‑581/18, EU:C:2020:77, punt 30. Enfasi miżjuda minni.
( 59 ) B’differenza mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni.
( 60 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 1995 (C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 30).
( 61 ) Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1998 (C‑350/96, EU:C:1998:205, punt 25).
( 62 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 63 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 64 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 65 ) Fl-analiżi tiegħi qiegħed neskludi intenzjonalment il-ġurisprudenza dwar il-kwistjoni speċifika tat-taxxi. F’dan ir-rigward huwa magħruf li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi, b’mod korrett, approċċ li huwa eqreb lejn dak ta’ restrizzjonijiet ibbażati fuq diskriminazzjoni. Anki meta l-kawżi jkunu kumplessi. Ir-raġuni hija sempliċi: min-natura tagħhom it-taxxi aktarx ikunu applikabbli b’mod indistint fil-liġi u fil-fatt. Ikun diffiċli li jiġi ġġustifikat li dawn jaqgħu awtomatikament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali u li, bħala pożizzjoni ta’ tluq, l-Istati Membri għandhom jiġġustifikawhom. Huwa għalhekk li jiena naqbel kompletament mal-Qorti tal-Ġustizzja jekk f’dan il-qasam speċifiku tiddeċiedi li jekk l-uniku effett tat-taxxi jkun li jinħolqu spejjeż addizzjonali fir-rigward tas-servizz inkwistjoni u jekk jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri u l-provvista fi Stat Membru wieħed, f’dan il-każ dawn it-taxxi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. Bħala eżempju ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518, punt31), u tas‑17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor (C‑134/03, EU:C:2005:94, punt 38).
( 66 ) Inċidentalment, mhux wisq wara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905). Dan huwa indikazzjoni li minn tal-inqas dak iż-żmien il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħassitx il-ħtieġa li tintroduċi limitazzjoni għall-portata tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
( 67 ) Sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995 (C‑55/94, EU:C:1995:411).
( 68 ) Sentenza tal‑10 ta’ Mejju 1995 (C‑384/93, EU:C:1995:126).
( 69 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 70 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża TÜV Rheinland LGA Products u Allianz IARD (C‑581/18, EU:C:2020:77, punt 31).
( 71 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 72 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Deutsche Parkinson Vereinigung (C‑148/15, EU:C:2016:394, punt 23).
( 73 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 74 ) F’dan is-sens ara, pereżempju, Müller-Graff, P.-Chr., f’von der Groeben, H., Schwarze, J. u Hatje, A. (edituri), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), is-seba’ edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, Artikel 34 AEUV, punt 247.
( 75 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 76 ) L-elettriku huwa, pereżempju, eċċezzjoni notevoli fir-rigward tar-rekwiżit ta’ tanġibbiltà.
( 77 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 14).
( 78 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 79 ) Operaturi ekonomiċi Franċiżi xtaqu jbigħu fi Franza, b’telf, “picon bière”, prodott li joriġina fi Franza, u kienu preklużi milli jagħmlu dan fuq il-bażi ta’ liġi Franċiża.
( 80 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 81 ) Ibid., punt 14.
( 82 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 83 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018 (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 97). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punti 87 sa 104).
( 84 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).
( 85 ) Ara Snell, J., “Independence day for the Services Directive: Visser”, Common Market Law Review, 2019, Vol. 56, p. 1119 sa 1136, fil-paġna 1129.
( 86 ) Ara, fost ħafna oħrajn, Mattera, A., “De l’arrêt ‘Dassonville’ à l’arrêt ‘Keck’: l’obscure clarté d’une jurisprudence riche en principes novateurs et en contradictions”, Revue du marché unique européen, 1994, Nru 1 p. 117 sa 160; Gormley, L., “Reasoning Renounced? The Remarkable Judgment in Keck & Mithouard”, European Business Law Review, 1994, p. 63 sa 67; Steindorff, E., “Unvollkommener Binnenmarkt”, Zeitschrift für das gesamte Handelsrecht und Wirtschaftsrecht, 1994, p. 149 sa 169; Lenz, C.O., “Ein undeutlicher Ton”, Neue juristische Wochenschrift, 1994, p. 1633 u 1634. Għal difiża tas-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905), ara Joliet, R. (wieħed mill-Imħallfin f’dik is-sentenza), “Der freie Warenverkehr: Das Urteil Keck und Mithouard und die Neuorientierung der Rechtsprechung”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, internationaler Teil, 1994, p. 979 sa 987. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Deutsche Parkinson Vereinigung (C‑148/15, EU:C:2016:394, punti 21 et seq.).