SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

3 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 7 – Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Modalitajiet ta’ kumpens – Talba espressa fil-munita nazzjonali – Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-għażla tal-munita mill-kreditur”

Fil-Kawża C‑356/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy XV Wydział Gospodarczy (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il‑15‑il Sezzjoni Kummerċjali, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

Delfly sp. z o.o.

vs

Smartwings Poland sp. z o. o., li kienet Travel Service Polska sp. z o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Delfly sp. z o.o., minn J. Pruszyński, adwokat,

għal Smartwings Poland sp. z o. o., li kienet Travel Service Polska sp. z o.o., minn M. Skrzypek, adwokat,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Sasinowska u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Delfly sp. z o. o. u Smartwings Poland sp. z o. o., li kienet Travel Service sp. z o.o., kumpannija tat-trasport bl-ajru, dwar talba għal kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004 hija fformulata kif ġej:

“Azzjoni [mill-Unjoni Ewropea] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.”

4

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

(b)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

[…]

3.   Il-kumpens imsejjaħ fil-paragrafu 1 għandu jiġi mħallas fi flus, permezz ta’ trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, f’irċevuti tal-vjaġġ u/jew servizzi oħrajn.

[…]”

Id-dritt Pollakk

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

6

L-Artikolu 321 tal-ustawa Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-qorti hija pprojbita milli tiddeċiedi fuq talba li ma tkunx tressqet quddiemha u milli tiddeċiedi ultra petita.

7

Il-punt 1 tal-Artikolu 5051 ta’ dan il-kodiċi, li jirregola l-proċedura semplifikata, jipprovdi li din tapplika għal domandi li jirriżultaw minn kuntratti, meta l-valur tas-suġġett tat-tilwima ma jaqbiżx 20000 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 4487) u, għal talbiet li jirriżultaw minn kawżjoni, minn garanzija ta’ kwalità jew minn nuqqas ta’ konformità kuntrattwali ta’ oġġetti mibjugħa lill-konsumaturi, meta l-valur tas-suġġett tal-kuntratt ma jaqbiżx l-imsemmi ammont.

8

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5054(1) tal-imsemmi kodiċi hija fformulata kif ġej:

“Kull bidla tat-talba hija inammissibbli.”

Il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili

9

L-Artikolu 358 tal-ustawa Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili) tat‑23 ta’ April 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (Dz. U. tal‑2018, intestatura 1025), jipprevedi:

“1.   Meta l-obbligu li għandu jitwettaq fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja jkollu bħala suġġett somma ddenominata f’munita barranija, id-debitur jista’ jwettaq il-ħlas fil-munita Pollakka, sakemm ma jkunx hemm liġi, id-deċiżjoni ġudizzjarja li minnha joriġina l-obbligu jew att legali li jipprevedi li l-ħlas jista’ jitwettaq biss f’munita barranija.

2.   Il-valur tal-munita barranija huwa kkalkolat skont ir-rata tal-kambju medja ppubblikata mill-Bank Ċentrali tal-Polonja fid-data li fiha l-ħlas huwa dovut, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja f’liġi, f’deċiżjoni ġudizzjarja jew f’att legali.

3.   Jekk id-debitur iħallas tard, il-kreditur jista’ jeżiġi l-eżekuzzjoni tal-ħlas fil-munita Pollakka bir-rata tal-kambju medja ppubblikata mill-Bank Ċentrali tal-Polonja fid-data tal-ħlas.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

X kellha riżervazzjoni kkonfermata mal-kumpannija tat-trasport bl-ajru Smartwings Poland, li kienet Travel Service, stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), għal titjira li kienet tippermettilha tmur mill-belt A, li tinsab f’pajjiż terz, għall-belt B, li tinsab fil-Polonja. Fit‑23 ta’ Lulju 2017, hija ppreżentat ruħha fil-ħin għat-tlugħ fuq din it-titjira. It-titjira ttardjat b’iktar minn tliet sigħat. Ma ġiex stabbilit li X kienet ibbenefikat minn benefiċċji, minn kumpens jew minn assistenza fil-pajjiż terz tat-tluq, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004.

11

X, peress li setgħet titlob kumpens ta’ ammont ta’ EUR 400, skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, ittrasferixxiet il-kreditu tagħha lil Delfly, kumpannija stabbilita f’Varsavja. Sussegwentement, Delfly talbet lill-qorti tar-rinviju tordna lil Smartwings Poland, li kienet Travel Service tħallasha s-somma ta’ PLN 1 698.64, li, skont ir-rata tal-kambju ffissata mill-Bank Ċentrali tal-Polonja fid-data tal-preżentata tat-talba għal kumpens, kienet ekwivalenti għal EUR 400. Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 5051 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, it-tilwimiet marbuta ma’ obbligi kuntrattwali għandhom obbligatorjament jinstemgħu skont il-proċedura msejħa “semplifikata”, meta l-ammont inkwistjoni ma jaqbiżx PLN 20000 (madwar EUR 4487).

12

Smartwings Poland, li kienet Travel Service talbet li t-talba għal kumpens tiġi miċħuda minħabba, b’mod partikolari, li din kienet ġiet espressa, kuntrarjament għar-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali, f’munita żbaljata, jiġifieri fi zloty Pollakk (PLN) u mhux f’euro. Il-qorti tar-rinviju tesponi li, fil-kuntest tal-proċedura msejħa “semplifikata”, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5054(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ma tipprevedi l-ebda possibbiltà li t-talba tiġi emendata. Issa, skont l-imsemmija qorti, il-bidla tal-munita li fiha t-talba hija espressa, jiġifieri l-fatt li l-kreditu ta’ ammont ta’ EUR 400 ta lok għal talba għal rimbors magħmula fil-munita nazzjonali, għandha titqies bħala emenda tat-talba.

13

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 358 tal-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili tat‑23 ta’ April 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, ġie interpretat mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Mejju 2012 mogħtija fil-Kawża III CSK 273/11. Hija tesponi li l-kreditu inkwistjoni f’din il-kawża kien iddenominat f’munita barranija u li l-partijiet ma kinux ftiehmu dwar l-aċċettabbiltà tal-konverżjoni tagħha fi zloty Pollakk (PLN). Peress li d-debitur ma kienx għażel li jħallas is-somma dovuta fil-munita Pollakka u ma kienx hemm ftehim bejn il-partijiet dwar dan is-suġġett, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) qieset li l-kreditur seta’ jitlob il-ħlas biss f’munita barranija. Għall-imsemmija qorti suprema, huwa biss id-debitur li għandu d-dritt li jagħżel il-munita li fiha huwa ser jissodisfa l-obbligu tiegħu, kemm jekk iħallas fit-terminu previst kif ukoll b’dewmien sempliċi jew ikkwalifikat. Fil-każ ta’ dewmien ikkwalifikat mid-debitur fl-eżekuzzjoni ta’ talba li għandha bħala suġġett somma flus espressa f’munita barranija, il-kreditur għandu biss id-dritt li jagħżel ir-rata tal-kambju li għandha tiġi applikata. Barra minn hekk, id-dritt tal-kreditur li jagħżel ir-rata tal-kambju jeżisti biss jekk id-debitur ikun għażel il-munita Pollakka.

14

Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li din is-sentenza wasslet għal ġurisprudenza li b’applikazzjoni tagħha l-qrati nazzjonali jiċħdu talbiet għal kumpens għall-konsegwenzi ta’ titjira li ttardjat, li fihom it-talba kienet ġiet espressa fil-munita nazzjonali, filwaqt li l-kreditu kien iddenominat f’munita barranija. Il-qorti tar-rinviju tesponi li huwa impossibbli, għal qorti, li tiddeċiedi f’tali każ minħabba l-projbizzjoni imposta fuqha, skont l-Artikolu 321(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li tagħti deċiżjoni fuq talba li ma tressqitx quddiemha.

15

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw mill-fatt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 ma humiex interpretati b’mod uniformi mill-qrati Pollakki fir-rigward tas-soluzzjonijiet li għandhom jingħataw f’tilwimiet li fihom l-applikant jitlob kumpens, espress fil-munita nazzjonali, għad-dannu li ġie kkawżat lilu minħabba d-dewmien ta’ titjira.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy XV Wydział Gospodarczy (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il‑15‑il Sezzjoni Kummerċjali, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(1) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tirregolax biss il-portata tal-obbligu tal-ħlas ta’ kumpens iżda wkoll il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tiegħu?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-passiġġier jew l-aventi kawża tiegħu jista’ jeżiġi, b’mod validu, il-ħlas tal-ammont ta’ EUR 400 f’munita oħra, b’mod partikolari fil-munita nazzjonali tal-post ta’ residenza tal-passiġġier li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata jew ittardjat?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, skont liema kriterji għandha tiġi ddeterminata l-munita li fiha l-passiġġier jew l-aventi kawża tiegħu jista’ jitlob il-ħlas u liema rata ta’ skambju għandha tapplika?

4)

L-Artikolu 7(1) jew dispożizzjonijiet oħrajn tar-[Regolament Nru 261/2004] jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni ta’ obbligi li jipprevedu li t-talba ta’ passiġġier jew tal-aventi kawża tiegħu għandha tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li dan ikun esprima t-talba b’mod żbaljat fil-munita nazzjonali tal-post ta’ residenza tal-passiġġier, minflok f’euros, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-regolament?”

Fuq id-domandi preliminari

17

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li passiġġier, li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata jew ittardjat sinjifikattivament, jew l-aventi kawża tiegħu, jistax jeżiġi l-ħlas tal-ammont ta’ kumpens imsemmi f’din id-dispożizzjoni fil-munita nazzjonali li għandha valuta legali fil-post ta’ residenza tiegħu, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika ġurisprudenzjali ta’ Stat Membru li tipprevedi li t-talba magħmula għal dan l-għan minn tali passiġġier jew mill-aventi kawża tiegħu għandha tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li dan ikun esprimiha f’din il-munita nazzjonali.

18

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi li, meta jsir riferiment għal dan l-artikolu, il-passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li l-ammont tiegħu jvarja minn EUR 250 sa EUR 600 skont id-distanza koperta mit-titjiriet ikkonċernati.

19

Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004, il-kumpens dovut skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament għandu jitħallas fi flus, permezz ta’ trasferiment bankarju elettroniku, permezz ta’ trasferiment bankarju jew b’ċekk jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, fil-forma ta’ vouchers tal-ivvjaġġar u/jew servizzi oħra.

20

Minn paragun tal-formulazzjonijiet rispettivi tal-paragrafu 1 u tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 7 jirriżulta li, għalkemm il-ħlas tal-imsemmi kumpens jista’ jsir, skont il-każ, permezz ta’ wieħed mill-modalitajiet li jkunu previsti fih, madankollu, l-ebda flessibbiltà paragunabbli ma hija prevista b’mod espliċitu fir-rigward ta’ munita nazzjonali, li ma hijiex l-euro, li fiha dan il-kumpens għandu jitħallas.

21

Madankollu, minn dan il-paragun ma jistax jiġi dedott, billi jsir riferiment għal argument a contrario, li flessibbiltà fir-rigward tal-munita nazzjonali, li ma hijiex l-euro, hija eskluża a priori.

22

Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-għan prinċipali li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 261/2004 jikkonsisti, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 1 tiegħu, f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, konformement ma’ dan l-għan, id-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 45, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair, C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 23).

24

Minn dan isegwi li d-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’.

25

F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż sabiex jikkumpensa, b’mod standardizzat u immedjat, id-danni differenti li jikkostitwixxu l-inkonvenjenzi serji fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punti 4345), u, b’mod partikolari, sabiex jikkumpensa lill-passiġġieri li jkunu leżi.

26

Issa, il-fatt li d-dritt għal kumpens għal tali danni huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-kumpens dovut għandu jitħallas lill-passiġġier leż f’euro, bl-esklużjoni ta’ kull munita nazzjonali oħra, iwassal sabiex jillimita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt u ma jissodisfax, għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni wiesgħa mfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza.

27

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 261/2004 japplika għall-passiġġieri, mingħajr ma ssir distinzjoni bejniethom, abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta’ residenza, peress li l-kriterju rilevanti huwa dak imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-post fejn jinsab l-ajruport tat-tluq ta’ dawn il-passiġġieri.

28

Għaldaqstant, il-passiġġieri li jibbenefikaw minn dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jitqiesu bħala li huma kollha f’sitwazzjonijiet paragunabbli, peress li huma kollha kemm huma għandhom jikkumpensaw, b’mod standardizzat u immedjat, id-dannu li jista’ jiġi kkumpensat bis-saħħa ta’ dan.

29

F’dan ir-rigward, kull att tad-dritt tal-Unjoni, bħar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi mad-dritt primarju kollu, inkluż b’konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 48).

30

Madankollu, il-fatt li tiġi imposta kundizzjoni li abbażi tagħha l-ammont tal-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, mitlub mill-passiġġier leż jew mill-aventi kawża tiegħu, jista’ jitħallas biss f’euro, bl-esklużjoni, bħal fil-kawża prinċipali, tal-munita li għandha valuta legali fi Stat Membru li ma jagħmilx parti miż-żona tal-euro, jista’ jwassal għal differenza fit-trattament tal-passiġġieri leżi jew tal-aventi kawża tagħhom, mingħajr ma tkun tista’ tiġi invokata l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal din id-differenza fit-trattament.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li jkun inkompatibbli mar-rekwiżit li jikkonsisti f’interpretazzjoni wiesgħa tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru msemmija fir-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-passiġġieri leżi u tal-aventi kawża tagħhom, li passiġġier li jibbenefika mid-dritt għal kumpens abbażi tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jiġi rrifjutat li jkun jista’ jeżiġi l-ħlas tal-ammont ta’ dan il-kumpens fil-munita nazzjonali li għandha valuta legali fil-post ta’ residenza tiegħu.

32

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-ħlas tal-ammont tal-kumpens dovut fil-munita nazzjonali li għandha valuta legali fil-post ta’ residenza tal-passiġġieri kkonċernati neċessarjament jippreżumi tranżazzjoni ta’ konverżjoni tal-euro lejn din il-munita.

33

F’dan ir-rigward, peress li r-Regolament Nru 261/2004 ma jinkludi l-ebda indikazzjoni, il-modalitajiet tat-tranżazzjoni ta’ konverżjoni, inkluż l-iffissar tar-rata tal-kambju applikabbli għaliha, għandhom jibqgħu jaqgħu taħt id-dritt intern tal-Istati Membri, bl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

34

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li r-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier, li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata jew ittardjat sinjifikattivament, jew l-aventi kawża tiegħu, jista’ jeżiġi l-ħlas tal-ammont ta’ kumpens imsemmi f’din id-dispożizzjoni fil-munita nazzjonali li għandha valuta legali fil-post ta’ residenza tiegħu, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika ġurisprudenzjali ta’ Stat Membru li tipprevedi li t-talba magħmula għal dan l-għan minn tali passiġġier jew mill-aventi kawża tiegħu għandha tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li dan ikun esprimiha f’din il-munita nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier, li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata jew ittardjat sinjifikattivament, jew l-aventi kawża tiegħu, jista’ jeżiġi l-ħlas tal-ammont ta’ kumpens imsemmi f’din id-dispożizzjoni fil-munita nazzjonali li għandha valuta legali fil-post ta’ residenza tiegħu, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika ġurisprudenzjali ta’ Stat Membru li tipprevedi li t-talba magħmula għal dan l-għan minn tali passiġġier jew mill-aventi kawża tiegħu għandha tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li dan ikun esprimiha f’din il-munita nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.