SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi ammont massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi – Artikolu 3(1) – Klawżola kuntrattwali li tgħaddi, fuq il-konsumatur, l-ispejjeż tal-attività ekonomika tal-persuna li ssellef – Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet – Artikolu 4(2) – Obbligu li jiġu abbozzati klawżoli kuntrattwali f’lingwaġġ ċar u li jinftiehem – Klawżoli kuntrattwali li ma jispeċifikawx is-servizzi li huma intiżi sabiex iħallsu – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 3(g) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi metodu ta’ kalkolu tal-ammont massimu tal-ispiża tal-kreditu minbarra l-interessi li jista’ jiġi impost fuq il-konsumatur”

Fil-Kawżi magħquda C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19,

li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa, minn naħa, mis-Sąd Rejonowy Szczecin – Prawobrzeże i Zachód w Szczecinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Szczecin, responsabbli għaż-żoni tax-xatt tal-lemin u tal-Punent, il-Polonja) (C‑84/19), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Jannar 2019 u, min-naħa l-oħra, mis-Sąd Rejonowy w Opatowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Opatów, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑4 ta’ Frar 2019 (C‑222/19) u tal‑31 ta’ Jannar 2019 (C‑252/19), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Marzu 2019 u fl‑20 ta’ Marzu 2019, rispettivament, fil-proċeduri,

Profi Credit Polska SA

vs

QJ (C‑84/19),

u

BW

vs

DR (C‑222/19),

u

QL

vs

CG (C‑252/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal BW, minn K. Tomczyk, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herbout-Borczak, G. Goddin, A. Szmytkowska u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑2 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2), tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 304, p. 64) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”), kif ukoll tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn, minn naħa, Profi Credit Polska, BW u QL, tliet stabbilimenti ta’ kreditu, u, min-naħa l-oħra, rispettivament, QJ, DR u CG, tliet konsumaturi, dwar l-irkupru, mingħand dawn tal-aħħar, ta’ somom mitluba minn dawn l-istabbilimenti ta’ kreditu fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ kreditu għall-konsum.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

It-tnax, it-tlettax, is-sittax u l-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 huma fformulati kif ġej:

“Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva;

Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra;

[…]

billi […] l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha;

[…]

Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

6

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jiddisponi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

7

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2).”

8

Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

9

L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat fit-termini segwenti:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

10

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

11

L-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 93/13 jiddisponi:

“Meta Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 8, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, kif ukoll bi kwalunkwe modifika sussegwenti […]”

Id-Direttiva 2008/48

12

Il-premessi 7, 9 u 20 tad-Direttiva 2008/48 huma fformulati kif ġej:

“(7)

Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. Bil-ħsieb tas-suq tal-kreditu lill-konsumaturi li qed jiżviluppa kontinwament u l-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej li qed tiżdied, leġiżlazzjoni Komunitarja li tħares il quddiem u li kapaċi tadatta ruħha għal forom futuri ta’ kreditu u li tippermetti lil Stati Membri l-livell xieraq ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tgħin biex jiġi stabbilit korp modern ta’ liġi dwar kreditu lill-konsumaturi.

[…]

(9)

Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. […]

[…]

(20)

L-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur għandha tinkludi l-ispejjeż kollha, inkluż interessi, kummissjonijiet, taxxi, onorarji għall-intermedjarji ta’ kreditu u kwalunkwe onorarju ieħor li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu, minbarra l-ispejjeż notarili. L-għarfien attwali ta’ l-ispejjeż tal-kreditur għandu jkun valutat b’mod objettiv b’kont meħud tal-ħtiġiet tad-diliġenza professjonali.”

13

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

‘konsumatur’ tfisser persuna fiżika li, fit-tranżazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma barra mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

[…]

(g)

‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati;

(h)

‘ammont totali pagabbli mill-konsumatur’ tfisser is-somma ta’ l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur;

[…]”

14

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit.”

15

L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprevedi:

“1.   Ftehim ta’ kreditu għandhom jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor.

Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja.

2.   Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(d)

l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ kreditu;

[…]

(g)

ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

[…]

(u)

fejn applikabbli, termini u kondizzjonijiet kuntrattwali oħrajn;

[…]”

16

L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/48 jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

[…]

(b)

jekk ikun hemm drittijiet pagabbli mill-konsumatur lill-intermedjarju tal-kreditu għas-servizzi tiegħu dawn jiġu mgħarrfa lill-konsumatur, u miftiehma bejn il-konsumatur u l-intermedjarju ta’ kreditu fuq il-karta jew mezz durabbli ieħor qabel il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu;

[…]”

17

Skont l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”:

“1.   Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.

[…]”

Id-dritt Pollakk

Il-Kodiċi Ċivili

18

Skont l-Artikolu 3851(1) tal-kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Ċivili”):

“Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment ma jorbtux lill-konsumatur jekk dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-moralità billi manifestament jippreġudikaw l-interessi tiegħu (klawżoli illeċiti). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.”

19

L-Artikolu 720(1) ta’ dan il-kodiċi jiddisponi:

“Bis-saħħa tal-kuntratt ta’ self, il-persuna li ssellef tobbliga ruħha li tibgħat lill-persuna li tissellef il-proprjetà ta’ kwantità definita ta’ flus jew ta’ oġġetti ddeterminati biss fir-rigward tal-ispeċi tagħhom u l-persuna li ssellef tobbliga ruħha li tħallas lura l-istess kwantità ta’ flus jew l-istess kwantità ta’ oġġetti tal-istess speċi u tal-istess kwalità.”

Il-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur

20

L-ustawa o kredycie konsumenckim (il-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126, pożizzjoni 715), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur”), tittrasponi d-Direttiva 2008/48 fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

21

L-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi jiddefinixxi t-termini li ġejjin:

“[…]

(6)

l-ispiża totali tal-kreditu – l-ispejjeż kollha li l-konsumatur għandu jħallas bis-saħħa tal-kuntratt ta’ kreditu, b’mod partikolari:

a)

l-interessi, l-ispejjeż, il-kummissjonijiet, it-taxxi u l-marġnijiet, jekk magħrufa mill-persuna li ssellef u

b)

l-ispejjeż ta’ servizzi addizzjonali, b’mod partikolari assigurazzjonijiet, jekk dawn għandhom jitħallsu sabiex jinkiseb il-kreditu jew jinkiseb skont il-kundizzjonijiet offruti, ħlief għall-ispejjeż notarili mħallsa mill-konsumatur;

6‑a)

l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi – l-ispejjeż kollha sostnuti mill-konsumatur bis-saħħa tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, bl-eċċezzjoni tal-interessi;

7)

l-ammont totali tal-kreditu – l-ammont massimu ta’ flus, minbarra l-ispejjeż tal-kreditu, imħallas mill-persuna li ssellef lill-konsumatur bis-saħħa tal-kuntratt ta’ kreditu, u, għall-kuntratti li ma jipprovdux għal dan l-ammont massimu, l-ammont totali ta’ flus, minbarra l-ispejjeż tal-kreditu, imħallas mill-persuna li ssellef lill-konsumatur bis-saħħa tal-kuntratt ta’ kreditu;

8)

l-ammont totali li għandu jitħallas mill-konsumatur – is-somma tal-ispiża totali tal-kreditu u tal-ammont totali tal-kreditu.

[…]”

22

L-Artikolu 36a tal-imsemmija liġi jiddisponi:

“1.   L-ammont massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi għandu jiġi kkalkolat skont il-formula li ġejja:

MPKK ≤ (K × 25 %) + (K × N/R × 30 %)

fejn it-tifsira ta’ kull wieħed mis-simboli hija s-segwenti:

MPKK – l-ammont massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi,

K – l-ammont totali tal-kreditu,

n – il-perijodu ta’ rimbors, espress fi ġranet,

R – in-numru ta’ ġranet f’sena.

2.   Matul il-perijodu kollu tal-kreditu, l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi ma jistgħux jeċċedu l-ammont totali tal-kreditu.

3.   L-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma humiex dovuti għall-parti li teċċedi l-ammont massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi kkalkolati konformement mal-paragrafu 1, jew l-ammont totali tal-kreditu.”

Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kawża C‑84/19

23

Fid‑19 ta’ Settembru 2016, Profi Credit Polska tat, permezz ta’ intermedjarju, kreditu għall-konsum lil QJ. Dan il-kuntratt kien jirrigwarda somma ta’ 9000 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 2090) u r-rimbors kellu jitqassam fuq perijodu ta’ 36 xahar. L-imsemmi kuntratt kien jipprevedi rata tal-interessi ta’ 9.83 % fis-sena, kif ukoll il-ħlas minn qabel ta’ somma ta’ PLN 129 (madwar EUR 30), ta’ kummissjoni ta’ PLN 7771 (madwar EUR 1804) u ta’ somma ta’ PLN 1100 (madwar EUR 255) fir-rigward ta’ prodott finanzjarju msejjaħ “Il-Pakkett Tiegħek – Pakkett Extra”.

24

Profi Credit Polska talbet, quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Rejonowy Szczecin – Prawobrzeże i Zachód w Szczecinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Szczecin, responsabbli għaż-żoni tax-xatt tal-lemin u tal-Punent, il-Polonja), ordni ta’ ħlas ibbażata fuq kambjala maħruġa minn QJ. Din il-qorti tat sentenza fil-kontumaċja, li kontriha QJ ressaq oppożizzjoni u li fil-kuntest tagħha huwa argumenta dwar in-natura inġusta tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ self.

25

Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li dan il-kuntratt la kien jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “ħlas minn qabel” jew ta’ “kummissjoni” u lanqas ma kien jippreċiża għal liema servizzi konkreti huma kienu jikkorrispondu. Fir-rigward tal-prodott imsejjaħ “Il-Pakkett Tiegħek – Pakkett Extra”, dan kien jippermetti lill-konsumatur jibbenefika minn posponiment, għal darba biss, tal-ħlas ta’ żewġ pagamenti ta’ kull xahar jew minn tnaqqis fil-livell ta’ erba’ pagamenti ta’ kull xahar, u fl-istess ħin, f’każ ta’ posponiment, minn estensjoni b’konsegwenza tat-tul tal-kuntratt jew, fil-każ ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti ta’ kull xahar, mill-obbligu, għall-konsumatur, li jħallas f’data iktar tard.

26

Kien biss matul il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju li Profi Credit Polska ppreċiżat li l-“kummissjoni” kienet tikkostitwixxi l-korrispettiv tal-għoti tas-self u li l-“ħlas minn qabel” kien jikkorrispondi għall-ispejjeż sostnuti mill-bejjiegħ jew mill-fornitur abbażi tal-konklużjoni tal-kuntratt. L-interessi kienu jifformaw, min-naħa tagħhom, il-korrispettiv għall-użu, mill-persuna li tissellef, tal-fondi mislufa.

27

Skont din il-qorti, l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi previsti mill-kuntratt konkluż minn QJ kienu stabbiliti fl-ogħla limitu previst fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur. Qabelxejn, din il-qorti għandha dubji dwar jekk l-istħarriġ tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali relatati mal-ħlas ta’ dawn is-somom differenti fir-rigward tal-ispiża tal-kreditu huwiex eskluż jew le mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, konformement mal-Artikolu 1(2) tagħha.

28

Sussegwentement, jekk tali klawżoli kuntrattwali kellhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom hijiex possibbli fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, skont din il-qorti, il-kwistjoni dwar l-ammont ta’ pagamenti tista’ taqa’ taħt l-eċċezzjoni ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt” jew ta’ “suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

29

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li jeżistu differenzi sinjifikattivi bejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u dik tal-Artikolu 3851(1) tal-Kodiċi Ċivili, li ttraspona l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt intern. Fil-fatt, minn dan l-artikolu tal-Kodiċi Ċivili jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura abbużiva mill-qorti nazzjonali hija eskluża biss f’dak li jirrigwarda l-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni tal-obbligu prinċipali tal-partijiet.

30

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ trasparenza stabbilit mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-possibbiltà li kuntratt li jistabbilixxi interessi, pagament u kummissjoni jiġi kkunsidrat bħala abbozzat f’lingwaġġ ċar u li jinftiehem, mingħajr ma jispjega d-differenzi bejn dawn l-elementi u s-servizzi li għalihom jikkorrispondu dawn il-pagamenti. Barra minn hekk, il-mod kif il-klawżoli huma fformulati jista’ jagħti l-impressjoni li ċerti taxxi jirriżultaw minn obbligu legali. Barra minn hekk, l-użu tal-kunċett ta’ “kummissjoni” jista’ jissuġġerixxi li dan huwa l-ħlas tal-intermedjarju, li r-relazzjoni tiegħu mal-persuna li ssellef ma ġietx ippreċiżata.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy Szczecin – Prawobrzeże i Zachód w Szczecinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Szczecin, responsabbli għaż-żoni tax-xatt tal-lemin u tal-Punent, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1(2) tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva fil-qasam tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tad-diversi klawżoli relatati mal-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi, meta dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ fi Stat Membru jistabbilixxu limitu massimu għal dawn l-ispejjeż, billi huwa previst li l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsumtur ma humiex dovuti, għall-parti li taqbeż l-ispejjeż massimi tal-kreditu minbarra l-interessi, ikkalkolati bil-mod previst mil-liġi, jew għall-ammont totali tal-kreditu?

2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li tirrigwarda l-ispejjeż minbarra l-interessi, li huma sostnuti u mħallsa minn min jissellef b’mod parallel mas-self, flimkien mal-interessi, u marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt u mal-għoti tas-self innifsu (fil-forma ta’ ħlas, ta’ kummissjoni jew ta’ natura oħra), ma hijiex suġġetta għall-evalwazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, fil-kuntest tan-natura inġusta tagħha, jekk din l-istess klawżola hija fformulata b’mod ċar u komprensibbli?

3)

L-Artikolu 4(2) tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli kuntrattwali li jistabbilixxu diversi tipi ta’ spejjeż marbuta mal-għoti tas-self ma humiex ifformulati ‘f’lingwaġġ sempliċi u ċar’ jekk ma jippreċiżawx liema huma konkretament is-servizzi li għalihom l-imsemmija spejjeż huma imposti u jekk dawn ma jippermettux lill-konsumatur jiddetermina d-differenzi bejn dawn l-ispejjeż?”

Il-Kawża C‑222/19

32

Fit‑8 ta’ Marzu 2018, BW u DR ikkonkludew kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għal somma totali ta’ PLN 9225 (madwar EUR 2148) għal perijodu ta’ sentejn, li kellhom jitħallsu lura f’24 pagament ta’ kull xahar. Dan il-kuntratt kien iggarantit permezz ta’ kambjala vojta, iffirmata minn DR.

33

Din is-somma kienet magħmula minn kapital ta’ PLN 4500 (madwar EUR 1048), minn interessi remuneratorji kuntrattwali ta’ ammont ta’ PLN 900 (madwar EUR 210), minn spejjeż tal-għoti tas-self ta’ PLN 1125 (madwar EUR 262) u minn spejjeż ta’ ġestjoni tas-self għat-tul kollu tiegħu ta’ PLN 2700 (madwar EUR 628). L-interessi remuneratorji kuntrattwali kienu kkalkolati skont rata varjabbli li kienet tammonta għal 10 % fis-sena fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. Ir-rata annwali effettiva globali kienet stabbilita għal 119.42 %.

34

L-ispejjeż massimi tal-kreditu minbarra l-interessi, magħmula mill-ispejjeż tal-għoti tas-self u mill-ispejjeż ta’ ġestjoni, ikkalkolati skont il-formula prevista fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, kienu jammontaw għal PLN 3825 (madwar EUR 867). Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dan l-ammont ma ġiex innegozjat individwalment u li l-kuntratt kien ġie abbozzat skont mudell stabbilit minn qabel.

35

DR irċieva l-ammont tas-self u għamel pagamenti li ammontaw għal PLN 1913.10 (madwar EUR 445), li ttieħdu inkunsiderazzjoni bħala tnaqqis mis-somom dovuti għar-rimbors tiegħu, ta’ kapital u interessi moratorji kuntrattwali. Wara n-nuqqas ta’ ħlas ta’ DR, BW temm il-kuntratt u ressaq, quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Rejonowy w Opatowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Opatów, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), talba għal ordni ta’ ħlas ibbażata fuq il-kambjala vojta preċedentement iffirmata minn DR.

36

Fil-kuntest tal-proċedura quddiem din il-qorti, BW ippreċiża li l-kummissjoni għall-għoti tas-self kienet magħmula, inter alia, minn remunerazzjoni mħallsa lil intermedjarju finanzjarju, li tirrappreżenta 12 % tal-ammont totali tal-kreditu, mill-ispejjeż ta’ aċċess għas-sistema sabiex tiġi vverifikata s-solvenza tal-persuna li tissellef, mill-ispejjeż ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema responsabbli mill-għoti tas-self, u mill-ispejjeż ta’ verifika ta’ dokumenti, inklużi spejjeż ta’ appell sabiex jiġi vverifikat id-dħul iddikjarat. Is-somma kienet tammonta għal total ta’ 25 % tal-ammont totali tas-self fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur.

37

Fir-rigward tal-ispejjeż ta’ ġestjoni tas-self, li jammontaw għal 30 % tal-ammont ta’ kreditu għal kull sena ta’ ġestjoni, dawn huma magħmula mill-ispejjeż ta’ remunerazzjoni tal-persunal responsabbli għall-ġbir ta’ kull xahar, mill-manutenzjoni tal-uffiċċji, miż-żamma tal-linji ta’ komunikazzjoni, mill-kontabbiltà, mill-ġestjoni tal-kontijiet individwali, mis-sistemi informatiċi għall-ġestjoni tad-dejn, mill-korrispondenza li tinkludi SMS ta’ tfakkira dwar il-pagament, u mill-materjal tal-uffiċċju u mill-aċċess għad-databases.

38

F’dak li jirrigwarda, f’dan il-każ, l-ispejjeż marbuta mal-konklużjoni u mal-ġestjoni tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ta’ DR, BW irrifjuta li jindika l-ammonti eżatti minħabba li dan jeħtieġ l-użu ta’ riżorsi sinjifikattivi, li jaqbżu l-ammonti allegatament dovuti, u jista’ jikser, barra minn hekk, is-sigriet bankarju u r-regoli ta’ protezzjoni tad-data personali.

39

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-metodu ta’ kalkolu tal-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, l-“ispiża totali tal-kreditu minbarra l-interessi” tista’ tammonta għal somom li jirrappreżentaw bejn 25 u 100 % tal-ammont totali tal-kreditu skont il-perijodu ta’ rimbors: 55 % fuq skala ta’ sena, 85 % fuq skala ta’ sentejn, u 100 % għal iktar minn sentejn.

40

Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 93/13. Hija tirrileva b’mod partikolari li l-limitu massimu stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali huwa kkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż realment marbuta mhux biss mal-konklużjoni u mal-ġestjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu konkret, iżda wkoll mal-attività ekonomika ġenerali tal-persuna li ssellef. Konsegwentement, dan il-limitu massimu imperattiv jippermetti t-trasferiment, għal fuq il-konsumatur, tal-ispejjeż marbuta mal-attività ekonomika ġenerali tal-persuna li ssellef.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Opatowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Opatów, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 93/13] u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ekwilibriju kuntrattwali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-introduzzjoni, fl-ordinament [ġuridiku] nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-‘ispejjeż massimi tal-kreditu esklużi l-interessi’ u tal-mudell matematiku ta’ kalkolu tal-ammont ta’ dawn l-ispejjeż, previsti fil-punt 6‑a tal-Artikolu 5 moqri flimkien mal-Artikolu 36‑a tal-[Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur], fejn dawn il-mekkaniżmi ġuridiċi jippermettu li jiġi inkluż ukoll, fl-ispejjeż relatati mal-kuntratt ta’ kreditu sostnuti mill-konsumatur (ammont totali tal-kreditu), l-ispejjeż tal-attività ekonomika eżerċitata mill-impriża?”

Il-Kawża C‑252/19

42

Fil‑31 ta’ Awwissu 2016, QL u CG ikkonkludew kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għal somma totali ta’ PLN 10764 (madwar EUR 2474), inklużi interessi ta’ 9.81 % fis-sena, u għal perijodu ta’ tliet snin, fejn ir-rimbors kellu jsir f’36 pagament ta’ kull xahar. Ir-rata effettiva globali tal-kreditu kienet tammonta għal 77.77 %. Bħala garanzija għar-rimbors tiegħu, CG iffirma kambjala vojta.

43

Is-somma totali ta’ PLN 10764 (madwar EUR 2474) kienet magħmula mill-kapital ipprovdut lil CG minn QL, jiġifieri PLN 5000 (madwar EUR 1149), minn spejjeż tal-fajl li jammontaw għal PLN 129 (madwar EUR 29), minn spejjeż relatati ma’ prodott imsejjaħ “Il-Pakkett Tiegħek” li jirrappreżenta ammont ta’ PLN 3939 (madwar EUR 905) u minn interessi remuneratorji ta’ PLN 796 (madwar EUR 182). Konsegwentement, l-ispiża totali tal-kreditu minbarra l-interessi kienet tammonta għal PLN 4968 (madwar EUR 1142). Din tal-aħħar ġiet ikkalkolata bl-applikazzjoni tal-formula matematika msemmija fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur u ma kinitx innegozjata individwalment.

44

CG wettaq pagamenti ta’ PLN 5783 (madwar EUR 1347). QL beda proċedura għal ordni ta’ ħlas quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Rejonowy w Opatowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Opatów, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), abbażi tal-kambjala mimlija favurih.

45

Din il-qorti għandha dubji dwar il-konformità ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur mad-Direttiva 2008/48. Dawn id-dubji huma b’mod partikolari marbuta mal-mod li bih il-leġiżlatur Pollakk ikkalkola dan il-limitu massimu ogħla, billi inkluda fil-kalkolu tiegħu mhux biss l-ispejjeż tal-kreditu normalment marbuta mal-konklużjoni u mal-ġestjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum b’mod partikolari, iżda wkoll l-ispejjeż marbuta mal-attività ekonomika tal-persuni li jsellfu, b’mod ġenerali.

46

Fid-dawl tal-armonizzazzjoni kompleta mwettqa mid-Direttiva 2008/48 f’ċerti oqsma tal-kreditu għall-konsum, l-Istati Membri ma jistgħux jinkludu kategoriji ġodda ta’ spejjeż li ma jkunux kompatibbli mal-oqsma armonizzati minn din id-direttiva. Issa, permezz tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont massimu tal-“ispiża totali tal-kuntratt minbarra l-interessi”, il-leġiżlatur Pollakk ippermetta lill-persuni li jsellfu li jimponu fuq il-konsumaturi piżijiet finanzjarji ogħla minn dawk previsti fl-Artikolu 3(g) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tippreġudika l-protezzjoni tal-konsumatur, kuntrarjament għall-intenzjonijiet tal-leġiżlatur nazzjonali.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Opatowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Opatów, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2008/48], u b’mod partikolari l-Artikolu 3(g) u l-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu interpretati li jipprekludu l-introduzzjoni, fl-ordinament [ġuridiku] nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-‘ispejjeż massimi tal-kreditu esklużi l-interessi’ u tal-mudell matematiku ta’ kalkolu tal-ammont ta’ dawn l-ispejjeż, previsti fil-punt 6‑a tal-Artikolu 5 moqri flimkien mal-Artikolu 36‑a tal-[Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur], fejn dawn il-mekkaniżmi ġuridiċi jippermettu li jiġi inkluż ukoll, fl-ispejjeż relatati mal-kuntratt ta’ kreditu sostnuti mill-konsumatur (ammont totali tal-kreditu) l-ispejjeż tal-attività ekonomika eżerċitata mill-impriża?”

48

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Mejju 2019, il-Kawżi C‑222/19 u C‑252/19 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tas-sentenza.

49

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Diċembru 2019, il-Kawżi C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19 ġew magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq id-domanda fil-Kawża C‑252/19

50

Permezz tad-domanda tagħha fil-Kawża C‑252/19, li għandha tiġi analizzata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(g) u l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kreditu għall-konsum li tistabbilixxi metodu ta’ kalkolu tal-ammont massimu tal-ispiża tal-kreditu minbarra l-interessi li jistgħu jiġu imposti fuq il-konsumatur, peress li dan il-metodu ta’ kalkolu jippermetti lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jġiegħel lil dan il-konsumatur ibati parti mill-ispejjeż ġenerali marbuta mal-eżerċizzju tal-attività ekonomika tiegħu.

51

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/48 għandha l-għan li tarmonizza ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam ta’ kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur.

52

Sussegwentement, mill-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, peress li din fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali minbarra dawk previsti mill-imsemmija direttiva.

53

Fl-aħħar nett, sabiex tiġi żgurata protezzjoni wiesgħa tal-konsumaturi, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 3(g) tal-imsemmija direttiva, jagħti definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” bħala li jkopri l-ispejjeż kollha, inklużi l-interessi, il-kummissjonijiet, it-taxxi, u kull tip ieħor ta’ spejjeż li l-konsumatur għandu jħallas għall-kuntratt ta’ kreditu u li huma magħrufa mill-persuna li ssellef, minbarra l-ispejjeż notarili (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, C‑779/18, EU:C:2020:236, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-definizzjoni ma tinkludi l-ebda limitazzjoni dwar it-tip jew il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż li jistgħu jiġu imposti fuq il-konsumatur fil-kuntest ta’ tali kuntratt ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, C‑779/18, EU:C:2020:236, punti 4042). Għalhekk, ma jistax jiġi dedott mit-termini tal-imsemmija definizzjoni li l-ispejjeż marbuta mal-attività ekonomika tal-persuna li ssellef, bħalma huma l-ispejjeż tal-infrastruttura jew tal-persunal, ma jistgħux ikunu imposti fuq il-konsumatur.

55

Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2008/48 ma hijiex intiża sabiex tarmonizza t-tqassim tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, b’tali mod li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jipprevedu mekkaniżmi regolatorji ta’ dawn l-ispejjeż, sakemm dawn ma jmorrux kontra r-regoli armonizzati mill-imsemmija direttiva.

56

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tivverifika li tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma timponix obbligi ta’ informazzjoni minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, li twettaq armonizzazzjoni kompleta fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, C‑779/18, EU:C:2020:236, punti 4547).

57

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 3(g) u l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kreditu għall-konsum li tistabbilixxi metodu ta’ kalkolu tal-ammont massimu tal-ispiża tal-kreditu minbarra l-interessi li jistgħu jiġu imposti fuq il-konsumatur, anki jekk dan il-metodu ta’ kalkolu jippermetti lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jġiegħel lil dan il-konsumatur ibati parti mill-ispejjeż ġenerali marbuta mal-eżerċizzju tal-attività ekonomika tiegħu, sakemm, permezz tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar dan l-ammont massimu, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tiksirx ir-regoli armonizzati minn din id-direttiva.

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑84/19

58

Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑84/19, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi l-ispiża tal-kreditu minbarra l-interessi konformement mal-limitu massimu stabbilit minn leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kreditu għall-konsum hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, meta din il-leġiżlazzjoni tipprevedi li l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi ma humiex dovuti għall-parti li taqbeż dan il-limitu massimu jew l-ammont totali tal-kreditu.

59

Il-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz inwestycyjny Zamknięty (C‑779/18, EU:C:2020:236), kienet tikkonċerna b’mod partikolari l-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur. Fil-punt 50 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, fakkret li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, li jkopri l-klawżoli li jirriflettu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji imperattivi, jistabbilixxi esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, suġġetta, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tkun imperattiva.

60

Sussegwentement, mill-punt 55 tas-sentenza msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, stabbilixxiet il-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, hija madankollu l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għaċ-ċirkustanzi tal-kawża li jkollha quddiemha u li tislet minnhom il-konsegwenzi konkreti.

61

Fl-aħħar nett, fil-punt 57 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, bla ħsara għal verifiki mill-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża, li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur ma tidhirx, fiha nnifisha, li tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, iżda tillimita ruħha li tirrestrinġi l-libertà tagħhom li jiffissaw l-ispiża tal-kreditu minbarra l-interessi f’livell ogħla minn ċertu livell u bl-ebda mod ma tipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tistħarreġ in-natura possibbilment inġusta ta’ tali ffissar, anki taħt il-limitu legali.

62

Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu trasposti għall-Kawża C‑84/19, li tikkonċerna l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali, u huma rilevanti sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari. Għalhekk, il-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi ma humiex dovuti għall-parti li taqbeż il-limitu massimu legali jew l-ammont totali tal-kreditu, ma għandux l-effett li jeskludi l-imsemmija klawżola kuntrattwali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi l-ispiża tal-kreditu minbarra l-interessi konformement mal-limitu massimu previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kreditu għall-konsum ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, meta din il-leġiżlazzjoni tipprevedi li l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi ma humiex dovuti għall-parti li taqbeż dan il-limitu massimu jew l-ammont totali tal-kreditu.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑84/19

64

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑84/19, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jimponu fuq il-konsumatur spejjeż oħra minbarra l-ħlas tal-interessi kuntrattwali, jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, meta dawn il-klawżoli la jispeċifikaw in-natura ta’ dawn l-ispejjeż u lanqas is-servizzi li huma intiżi sabiex iħallsu.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali la tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas l-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sakemm dawn il-klawżoli jkunu abbozzati b’mod ċar u li jinftiehem.

66

Issa, peress li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti kif previst fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implimentat minn din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove, C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li dan huwa intiż biss sabiex jistabbilixxi l-modalitajiet u l-portata tal-istħarriġ fil-mertu tal-klawżoli kuntrattwali li ma kinux ġew innegozjati individwalment, li jiddeskrivu l-obbligi essenzjali tal-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li jikkaratterizzawh. Għall-kuntrarju, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 32).

68

F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, il-persuna li ssellef tobbliga ruħha, prinċipalment, li tipprovdi lill-persuna li tissellef ċertu ammont ta’ flus, u din tal-aħħar tobbliga ruħha, min-naħa tagħha, prinċipalment li tirrimborsa, bħala regola ġenerali bl-interessi, dan l-ammont skont l-iskadenzi previsti. L-obbligi essenzjali ta’ tali kuntratt huma marbuta, għaldaqstant, ma’ ammont ta’ flus li għandu jiġi ddefinit inkwantu l-munita tal-ħlas u tar-rimbors stabbilita (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 38).

69

Issa, il-portata eżatta tal-kunċetti ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt” u ta’ “prezz”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ma tistax tiġi ddeterminata permezz tal-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48 (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 47). Għalhekk, il-fatt li tipi differenti ta’ spejjeż jew “kummissjoni” huma inklużi fl-ispiża totali ta’ kreditu għall-konsum ma huwiex determinanti sabiex jiġi stabbilit li dawn l-ispejjeż jaqgħu taħt l-obbligi essenzjali ta’ kuntratt ta’ kreditu.

70

F’dan il-każ, il-klawżoli kuntrattwali li, skont il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑84/19, ma kinux innegozjati individwalment, jikkonċernaw pagamenti dovuti mill-konsumatur, minbarra r-rimbors tas-self ta’ kapital u ta’ interessi. Fil-fatt, dawn huma b’mod partikolari klawżoli li jirrigwardaw servizz addizzjonali intitolat “Il-Pakkett Tiegħek – Pakkett Speċjali”, kummissjoni u ħlas minn qabel.

71

Hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża li għandha tevalwa, fid-dawl tan-natura, tal-istipulazzjonijiet u tal-istruttura ġenerali tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll tal-kuntest fattwali u legali li fih jaqa’ dan tal-aħħar, jekk il-klawżoli inkwistjoni jirrigwardawx obbligi li jikkostitwixxu element essenzjali ta’ dan il-kuntratt, u b’mod iktar partikolari l-obbligu, tad-debitur, li jwettaq ir-rimbors tal-ammont ipprovdut lilu mill-persuna li ssellef.

72

B’mod partikolari, il-klawżoli ċari u li jinftiehmu jistgħu jiġu kklassifikati bħala li jaqgħu taħt is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, peress li l-istess rekwiżit ta’ trasparenza bħal dak imsemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jinsab ukoll fl-Artikolu 5 tagħha, li jipprevedi li l-klawżoli kuntrattwali bil-miktub għandhom “dejjem” ikunu abbozzati b’mod ċar u li jinftiehem. Ir-rekwiżit ta’ trasparenza kif jinsab fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-istess portata bħal dak imsemmi fit-tieni waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 36, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 46).

73

F’dan ir-rigward, peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata minn din id-direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward, b’mod partikolari, tal-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu jinftiehem b’mod estensiv, jiġifieri bħala li jimponi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda li dan il-konsumatur ikun ukoll f’pożizzjoni li jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 50).

74

Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk il-klawżoli inkwistjoni dwar l-ispejjeż imposti fuq il-konsumatur jaqgħux taħt is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑84/19 li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha, fosthom ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduti mill-persuna li ssellef fil-kuntest tan-negozjati tal-kuntratt ta’ self kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, tal-klawżoli kollha tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum iffirmat minn QJ, konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat setax mhux biss ikun jaf bl-ammont dovut bis-saħħa tal-“ħlas minn qabel”, tal-“kummissjoni” u tal-prodott finanzjarju msejjaħ “Il-Pakkett Tiegħek – Pakkett Speċjali”, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi għalih (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove, C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 47).

75

Ċertament, il-bejjiegħ jew fornitur ma huwiex obbligat li jagħti fid-dettall in-natura ta’ kull servizz ipprovdut bħala korrispettiv għall-ispejjeż imposti fuq il-konsumatur permezz tal-klawżoli tal-kuntratt, bħall-“kummissjoni” jew il-“ħlas minn qabel”. Madankollu, sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ trasparenza, in-natura tas-servizzi effettivament ipprovduti għandhom ikunu jistgħu raġonevolment jinftiehmu jew jiġu dedotti mill-kuntratt ikkunsidrat fil-globalità tiegħu. Barra minn hekk, il-konsumatur għandu jkun f’pożizzjoni li jivverifika li ma jkunx jeżisti rduppjar ta’ dawn id-diversi spejjeż jew bejn is-servizzi li dawn tal-aħħar iħallsu għalihom (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 43).

76

F’dan il-każ, u bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑84/19, fir-rigward tal-ispejjeż intitolati “ħlas minn qabel” u “kummissjoni”, QJ seta’ leġittimament jistaqsi kemm dwar is-servizzi li dawn l-ispejjeż kienu intiżi sabiex iħallsu kif ukoll dwar il-possibbiltà tal-irduppjar tagħhom. Fil-fatt, minn naħa, il-kuntratt kien jinkludi żewġ klawżoli li jipprevedu spejjeż amministrattivi, intitolati rispettivament “ħlas minn qabel” u “kummissjoni”, li jissuġġerixxu, it-tnejn li huma, li dawn huma somom li għandhom jitħallsu għall-għoti tal-kreditu.

77

Min-naħa l-oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk entrata ta’ spejjeż intitolata “kummissjoni” setgħetx, skont it-tifsira abitwali tagħha fid-dritt Pollakk, tissuġġerixxi li din kienet ir-remunerazzjoni ta’ intermedjarju tal-kreditu, bħal dak li intervjena waqt il-konklużjoni tal-kuntratt iffirmat minn QJ, u jekk, f’tali sitwazzjoni, il-konsumatur kienx f’pożizzjoni, kuntrarjament barra minn hekk għal dak li jipprevedi l-Artikolu 21(b) tad-Direttiva 2008/48, li jevalwa jekk huwa għandux iħallas is-servizzi tal-bejjiegħ jew tal-fornitur li miegħu huwa kkonkluda l-kuntratt jew dawk tal-intermedjarju.

78

F’tali ċirkustanzi, għarfien globali, mill-konsumatur, tal-obbligi ta’ ħlas tiegħu u tal-konsegwenzi ekonomiċi tal-klawżoli li jipprevedu dawn l-ispejjeż ma jkunx żgurat.

79

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-istħarriġ tal-“adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u oġġett u servizz, min-naħa l-oħra”, hija ġurisprudenza stabbilita li din il-kategorija ta’ klawżoli, li fir-rigward tagħhom ma tistax issir evalwazzjoni tan-natura possibbilment inġusta tagħhom, għandha portata mnaqqsa, peress li din tikkonċerna biss l-adegwatezza bejn il-prezz jew ir-remunerazzjoni previsti u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, u din l-esklużjoni hija spjegata mill-fatt li ma teżisti l-ebda skala jew kriterju legali oġġettiv li jista’ jfassal u jmexxi l-istħarriġ ta’ din l-adegwatezza (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 55, kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 34).

80

Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni stretta, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-klawżoli dwar il-korrispettiv dovut mill-konsumatur lill-persuna li ssellef jew li għandhom effett fuq il-prezz effettiv li għandu jitħallas lil dan tal-aħħar mill-konsumatur ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt din it-tieni kategoriji ta’ klawżoli, ħlief fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ammont tal-korrispettiv jew tal-prezz kif stabbilit fil-kuntratt ikunx adegwat għas-servizz ipprovdut bħala korrispettiv mill-persuna li ssellef (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 56, u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 35).

81

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-“adegwatezza” tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-Kawża C‑84/19, jiġifieri tar-relazzjoni bejn il-pagamenti meħtieġa u s-servizz li għalih dawn jikkorrispondu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija klawżoli ma kinux jippreċiżaw liema servizz kien jinkludi l-ispejjeż imsejħa “ħlas minn qabel” u “kummissjoni”.

82

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li t-test tal-Artikolu 3851(1) tal-Kodiċi Ċivili, li ttraspona fid-dritt Pollakk l-eċċezzjoni dwar il-verifika tal-adegwatezza tal-prezz u tal-korrispettiv tiegħu, stabbilita permezz tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ikopri biss il-klawżoli li huma marbuta mas-suġġett prinċipali tal-kuntratt.

83

Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-Artikolu 3851(1) tal-Kodiċi Ċivili, li ttraspona l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dritt Pollakk, jagħti portata iktar stretta lill-eċċezzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, billi jiżgura protezzjoni ogħla lill-konsumatur, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, huwa jippermetti stħarriġ iktar estiż tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

84

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-direttiva, l-iktar dispożizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat FUE, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur. Dan jirrifletti l-idea stipulata fit-tnax-il premessa tal-imsemmija direttiva, li tipprovdi li din twettaq biss armonizzazzjoni parzjali u minima tal-liġijiet nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti.

85

Issa, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li tagħti portata iktar stretta lill-eċċezzjoni stabbilita mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, tagħmel parti mill-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Condominio di Milano, via Meda, C‑329/19, EU:C:2020:263, punt 36).

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑84/19 hija li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jimponu fuq il-konsumatur spejjeż oħra minbarra r-rimbors tal-kreditu prinċipali u l-interessi, ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, meta dawn il-klawżoli la jispeċifikaw in-natura ta’ dawn l-ispejjeż u lanqas is-servizzi li huma intiżi sabiex iħallsu u li huma fformulati b’mod li joħolqu konfużjoni f’moħħ il-konsumatur fir-rigward tal-obbligi tiegħu u tal-konsegwenzi ekonomiċi ta’ dawn il-klawżoli, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq id-domanda fil-Kawża C‑222/19

87

Permezz tad-domanda tagħha, li għandha tingħata risposta fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑222/19 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu massimu għall-ispiża totali tal-kreditu li tista’ tiġi imposta fuq il-konsumatur, li fih jistgħu jiġu inklużi spejjeż marbuta mal-attività ekonomika ġenerali tal-persuna li ssellef.

88

Preliminarjament, mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li din għandha l-għan li tapprossima d-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tat-tlettax-il premessa tagħha, kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tagħha, l-imsemmija direttiva ma hijiex intiża sabiex tistabbilixxi stħarriġ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar in-natura potenzjalment żvantaġġuża tagħhom għall-konsumatur, iżda biss stħarriġ tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratti mal-konsumaturi mingħajr ma jkunu ġew innegozjati individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med, C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 28).

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑222/19, id-domanda preliminari għandha tiġi fformulata mill-ġdid bħala li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li ma kinitx innegozjata individwalment u li timponi fuq il-konsumatur l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi li jinkludu l-ispejjeż tal-attività ekonomika tal-persuna li ssellef, taħt limitu massimu legali, tista’ titqies bħala inġusta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

90

Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola ta’ kuntratt mhux innegozjata titqies li hija inġusta meta, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, tikkawża, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

91

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar f’dan il-qasam tkopri l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 u fl-anness tagħha, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, filwaqt li hija l-imsemmija qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi biss indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Fir-rigward tal-eżami tal-iżbilanċ sinjifikattiv maħluq minn klawżoli li jipprevedu spejjeż, imposti fuq il-konsumatur, minbarra l-interessi, tali eżami ma jistax ikun limitat għal evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva, ibbażata fuq paragun bejn l-ammont totali tat-tranżazzjoni li kienet is-suġġett tal-kuntratt, minn naħa, u l-ispejjeż imposti fuq il-konsumatur minn din il-klawżola, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li żbilanċ sinjifikattiv jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt ta’ preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab il-konsumatur, bħala parti fil-kuntratt inkwistjoni, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kemm jekk fil-forma ta’ restrizzjoni għall-kontenut tad-drittijiet li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu skont dan il-kuntratt kif ukoll jekk fil-forma ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tagħhom jew inkella tal-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu addizzjonali, li ma huwiex previst mir-regoli nazzjonali (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 51).

93

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi jinħoloq tali żbilanċ “minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide”, fid-dawl tas-sittax-il premessa tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-ġurisprudenza tagħha, lill-qrati nazzjonali li huma għandhom jivverifikaw jekk il-bejjiegħ jew fornitur, billi jittratta l-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, fl-ispejjeż marbuta mal-għoti tal-kreditu, dawk marbuta mal-eżerċizzju tal-attività ekonomika tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, huma diġà inklużi.

95

Għalhekk, l-ispiża tal-kreditu minbarra l-interessi għall-konsumatur, li hija, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, limitata, tista’ madankollu tagħti lok għal żbilanċ sinjifikattiv fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li hija tkun inqas minn dan il-limitu massimu, jekk is-servizzi pprovduti bħala korrispettiv ma jkunux raġonevolment jaqgħu taħt is-servizzi mwettqa fil-kuntest tal-konklużjoni jew tal-ġestjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, jew li l-ammonti imposti fuq il-konsumatur bħala spejjeż tal-għoti u tal-ġestjoni tas-self jidhru b’mod ċar sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont tas-self. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, l-effett tal-klawżoli kuntrattwali l-oħra sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija klawżoli joħolqux żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-persuna li tissellef.

96

F’tali ċirkustanzi, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ma jistax jitqies li l-bejjiegħ jew fornitur seta’ raġonevolment jistenna li, billi jittratta lill-konsumatur b’mod trasparenti, dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati.

97

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali dwar l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi, li tistabbilixxi din l-ispiża taħt limitu massimu legali u li tgħaddi, fuq il-konsumatur, l-ispejjeż tal-attività ekonomika tal-persuna li ssellef, tista’ toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt għad-detriment tal-konsumatur, meta din timponi fuq dan tal-aħħar spejjeż sproporzjonati meta mqabbla mas-servizzi u mal-ammont ta’ self rċevuti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

98

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(g) u l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kreditu għall-konsum li tistabbilixxi metodu ta’ kalkolu tal-ammont massimu tal-ispiża tal-kreditu minbarra l-interessi li jistgħu jiġu imposti fuq il-konsumatur, anki jekk dan il-metodu ta’ kalkolu jippermetti lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jġiegħel lil dan il-konsumatur ibati parti mill-ispejjeż ġenerali marbuta mal-eżerċizzju tal-attività ekonomika tiegħu, sakemm, permezz tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar dan l-ammont massimu, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tiksirx ir-regoli armonizzati minn din id-direttiva.

 

2)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi l-ispiża tal-kreditu minbarra l-interessi konformement mal-limitu massimu previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kreditu għall-konsum ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, meta din il-leġiżlazzjoni tipprevedi li l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi ma humiex dovuti għall-parti li taqbeż dan il-limitu massimu jew l-ammont totali tal-kreditu.

 

3)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, kif emendata bid-Direttiva 2011/83, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jimponu fuq il-konsumatur spejjeż oħra minbarra r-rimbors tal-kreditu prinċipali u l-interessi, ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, meta dawn il-klawżoli la jispeċifikaw in-natura ta’ dawn l-ispejjeż u lanqas is-servizzi li huma intiżi sabiex iħallsu u li huma fformulati b’mod li joħolqu konfużjoni f’moħħ il-konsumatur fir-rigward tal-obbligi tiegħu u tal-konsegwenzi ekonomiċi ta’ dawn il-klawżoli, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

4)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, kif emendata bid-Direttiva 2011/83, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali dwar l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi, li tistabbilixxi din l-ispiża taħt limitu massimu legali u li tgħaddi, fuq il-konsumatur, l-ispejjeż tal-attività ekonomika tal-persuna li ssellef, tista’ toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt għad-detriment tal-konsumatur, meta din timponi fuq dan tal-aħħar spejjeż sproporzjonati meta mqabbla mas-servizzi u mal-ammont ta’ self rċevuti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Pollakk.