SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq imġarrab mir-Repubblika Ċeka – Regolament (KE) Nru 555/2008 – Artikoli 19 u 77 – Swieq tal-inbid – Regolament (KE) Nru 1122/2009 – Artikolu 33 – Sostenn għall-iżvilupp rurali – Għajnuna marbuta mas-superfiċje – Għajnuna diretta diżakkoppjata – Kontrolli fil-qasam tal-kundizzjonalità – Kontrolli fuq il-post tradizzjonali u permezz ta’ telerilevament – Oneru tal-prova – Korrezzjonijiet speċifiċi u fissi – Dubji dwar l-effiċjenza tal-kontrolli – Analiżi tar-riskji – Nuqqasijiet”

Fil-Kawża C‑742/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2018,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, O. Serdula, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn Z. Malůšková, K. Walkerová u J. Aquilina, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tal-Isvezja,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ċeka titlob l-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2018, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (T‑627/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata’’, EU:T:2018:538), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1059 tal-20 ta’ Ġunju 2016 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2016, L 173, p. 59, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lir-Repubblika Ċeka.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1975/2006

2

L-Artikolu 26(1) u (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006 tas-7 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali (ĠU 2008, L 330M, p. 455), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 484/2009 tad-9 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 145, p. 25) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1975/2006”), kien jipprovdi:

“1.   Għandhom isiru verifiki amministrattivi fir-rigward ta’ l-applikazzjonijiet kollha għat-talbiet ta’ sostenn jew ta’ ħlas, u dawn għandhom ikopru l-elementi kollha possibbli u xierqa sabiex jitwettqu l-kontrolli b’mezzi amministrattivi. Il-proċeduri jeħtieġu r-reġistrazzjoni tax-xogħol ta’ kontroll li jkun sar, tar-riżultati tal-verifika u tal-miżuri meħuda fir-rigward ta’ diskrepanzi.

[…]

4.   Il-verifiki amministrattivi li jirrigwardaw l-operazzjonijiet ta’ investiment għandhom jinkludu mill-inqas żjara waħda lill-operazzjoni appoġġjata jew fuq is-sit ta’ l-investiment sabiex jiġi verifikat it-twettiq ta’ l-investiment.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħmlux dawn iż-żjajjar għal investimenti iżgħar, jew fejn dawn jikkunsidraw li r-riskju li l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jirċievi l-għajnuna ma kinux milħuqa, jew li r-realtà ta’ l-investiment ma tkunx ġiet rispettata, huwa baxx. Dik id-deċiżjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha għandhom jiġu reġistrati.”

3

L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw verifiki fuq il-post dwar operazzjonijiet approvati fuq bażi ta’ kampjun xieraq. Dawn għandhom, safejn ikun possibbli, isiru qabel ma jsir il-ħlas finali għall-proġett.

2.   In-nefqa kkontrollata għandha tirrappreżenta tal-inqas 4 % tan-nefqa pubblika eliġibbli ddikjarata lill-Kummissjoni kull sena kalendarja u tal-inqas 5 % tan-nefqa pubblika eliġibbli ddikjarata lill-Kummissjoni matul il-perjodu kollu ta’ programmar.

3.   Il-kampjun ta’ l-operazzjonijiet approvati li jridu jiġu verifikati skond il-paragrafu 1 għandhom jikkunsidraw b’mod partikolari:

a)

il-ħtieġa li tiġi verifikata taħlita xierqa ta’ tipi u daqsijiet ta’ operazzjonijiet;

b)

kwalunkwe fattur ta’ riskju li jkun ġie identifikat wara l-verifiki nazzjonali jew Komunitarji;

c)

il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn l-assi u l-miżuri.

4.   Ir-riżultati tal-verifiki fuq il-post għandhom jiġu valutati sabiex jiġi stabbilit jekk il-problemi li jkunu nqalgħu jkunux ta’ natura sistematika, li tinvolvi riskju għal operazzjonijiet simili oħra, benefiċjarji jew korpi oħra. Il-valutazzjoni għandha tidentifika wkoll il-kawżi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, kwalunkwe eżami ieħor li jista’ jkun meħtieġ, u l-azzjoni korrettiva u preventiva meħtieġa.”

4

L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi kif ġej:

“1.   Permezz tal-verifiki fuq il-post, l-Istati Membri għandhom jirsistu sabiex jivverifikaw dan li ġej:

a)

li l-ħlasijiet li jkunu saru lill-benefiċjarji jkunu jistgħu jiġu appoġġjati bid-dokumenti ta’ kontabbiltà jew b’dokumenti oħra li jinżammu mill-korpi ta’ ditti li jwettqu l-operazzjonijiet appoġġjati;

b)

għal numru adekwat ta’ spejjeż kapitali, li n-natura u ż-żmien tan-nefqa rilevanti jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Komunità u li dawn ikunu jikkorrispondu ma’ l-ispeċifikazzjonijiet approvati ta’ l-operazzjoni u x-xogħlijiet li jkunu twettqu fil-fatt jew is-servizzi li jkunu saru;

c)

li l-użu jew l-użu maħsub ta’ l-operazzjoni jkun konsistenti ma’ l-użu deskritt fl-applikazzjoni għas-sostenn tal-Komunità;

d)

li l-operazzjonijiet iffinanzjati pubblikament ikunu ġew implimentati skond ir-regoli u l-politiki tal-Komunità, speċjalment ir-regoli dwar is-sejħat għall-offerti pubbliċi u l-istandards obbligatorji rilevanti stabbiliti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew stabbiliti fil-programm ta’ żvilupp rurali.

2.   Il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru r-rabtiet u l-obbligi kollha ta’ benefiċjarju li jista’ jiġi verifikat fiż-żmien taż-żjara.

3.   Ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, li jiġu reġistrati u spjegati kif xieraq mill-awtoritajiet nazzjonali, il-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu żjara lejn l-operazzjoni jew, jekk l-operazzjoni tkun waħda intanġibbli, għand il-promotur ta’ l-operazzjoni.

4.   Verifiki biss li jilħqu r-rekwiżiti kollha ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex tinkiseb ir-rata tal-kontroll stabbilita fl-Artikolu 27(2).”

Ir-Regolament (KE) Nru 479/2008

5

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008, L 148, p. 61, rettifika fil-ĠU 2008, L 220, p. 35), jipprovdi:

“1.   Jista’ jingħata appoġġ għal investimenti tanġibbli jew intanġibbli f’faċilitajiet ta’ pproċessar, infrastruttura ta’ l-inbid u kummerċjalizzazzjoni ta’ nbid, li jtejbu l-prestazzjoni ġenerali ta’ l-intrapriżi u li jikkonċerna wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

a)

il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti msemmijin fl-Anness IV;

b)

l-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda relatati mal-prodotti msemmijin fl-Anness IV.

2.   L-appoġġ skond il-paragrafu 1 fir-rata massima tiegħu għandu jkun limitat għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju [(ĠU 2003, L 124, p. 36)]. Għat-territorji ta’ l-Azores, il-Madejra, il-Gżejjer Kanarji, l-iżgħar gżejjer ta’ l-Eġew fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer iż-żgħar tal-gżejjer ta’ l-Eġew [(ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 485)] u għad-dipartimenti extra-Ewropej ta’ Franza, ma għandu japplika l-ebda limitu fuq id-daqs għar-rata massima. Għall-intrapriżi li m’humiex koperti mill-Artikolu 2(1) tat-Titolu I ta’ l-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE b’inqas minn 750 impjegat jew b’fatturat ta’ inqas minn EUR 200 miljun, l-intensità ta’ għajnuna massima hija mnaqqsa b’nofs.

M’għandux jingħata appoġġ għal intrapriżi f’diffikultajiet fis-sens tal-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-istat sabiex ikunu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultajiet.

3.   L-infiq eliġibbli għandu jeskludi l-elementi msemmijin fl-Artikolu 71(3)(a) sa (c) tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1698/2005 [tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 26)].

4.   Dawn ir-rati massimi ta’ għajnuna f’relazzjoni ma’ l-ispejjeż eliġibbli ta’ investiment għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni Komunitarja:

a)

50 % f’reġjuni kklassifikati bħala reġjuni ta’ konverġenza skond ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1083/2006 [tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 3, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36 u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40)];

b)

40 % f’reġjuni minbarra r-reġjuni ta’ konverġenza;

c)

75 % fir-reġjuni l-aktar imbiegħda skond ir-Regolament (KE) Nru 247/2006 tat-30 ta’ Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar il-bogħod ta’ l-Unjoni [(ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 182)];

d)

65 % fl-iżgħar Ġżejjer ta’ l-Eġew fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006.

5.   L-Artikolu 72 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandu japplika mutatis mutandis għall-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1.”

Ir-Regolament Nru 555/2008

6

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 tas-27 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 479/2008, fir-rigward ta’ programmi ta’ appoġġ, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur ta’ l-inbid (ĠU 2008, L 170, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 5, p. 28), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 702/2009 tat-3 ta’ Awwissu 2009 (ĠU 2009, L 202, p. 5) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 555/2008”), jipprovdi, fl-Artikolu 19(1) tiegħu:

“L-appoġġ għandu jitħallas ġaladarba jkun ġie aċċertat li jew applikazzjoni waħdanija jew l-operazzjonijiet kollha koperti mill-applikazzjoni għall-appoġġ, skond l-għażla li jagħmel l-Istat Membru għall-ġestjoni tal-miżura, jkunu ġew implimentati u kkontrollati fil-post.”

7

L-Artikolu 77(3) u (5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“3.   Ħlief għall-każijiet fejn kontrolli sistematiċi fil-post huma previsti mir-Regolament (KE) Nru 479/2008 jew minn dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli fil-post billi jieħdu kampjun ta’ perċentwali adatt ta’ benefiċjarji/produtturi abbażi ta’ analiżi tar-riskju skond l-Artikolu 79 ta’ dan ir-Regolament.

[…]

5.   Dwar il-miżuri previsti fl-Artikolu 15 tar-regolament (KE) Nru 479/2008, l-Artikoli 26, 27 u 28 tar-Regolament (KE) Nru 1975/2006 […] għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

Ir-Regolament Nru 1122/2009

8

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65, rettifika fil-ĠU 2013, L 246, p. 3), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1368/2011 tal-21 ta’ Diċembru 2011 (ĠU 2011, L 341, p. 33) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1122/2009”), jipprovdi fil-premessi 37 u 40 tiegħu:

“(37)

Għandu jiġi stabbilit l-għadd minimu ta’ bdiewa li għandhom jiġu vverifikati fuq il-post skont l-iskemi varji ta’ għajnuna. Fil-każ fejn l-Istati Membri jagħżlu l-applikazzjoni tal-iskemi varji ta’ għajnuna għall-bhejjem, għandu jiġi previst approċċ integrat abbażi tal-impriża b’relazzjoni mal-bdiewa li japplikaw għall-għajnuniet skont dawk l-iskemi.

[…]

(40)

Il-kampjun tar-rata minima tal-verifiki fuq il-post għandu jitfassal parzjalment fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju u parzjalment b’mod każwali. L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-fatturi tar-riskju peress li tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tagħżel l-fatturi rilevanti tar-riskju. Sabiex jiġi garantit analiżi rilevanti u effiċjenti tar-riskju, l-effikaċja tal-analiżi għandha tiġi vvalutata u aġġornata fuq bażi annwali filwaqt li titqies ir-rilevanza ta’ kull fattur tar-riskju, u jitqabblu r-riżultati tal-kampjuni magħżula każwalment u dawk abbażi tar-riskju u s-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri.”

9

Skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament:

“Il-kontrolli amministrattivi u l-verifiki fuq il-post previsti f’dan ir-Regolament għandhom isiru b’mod tali li tiġi żgurata l-verifika effettiva tal-konformità mat-termini li skonthom jingħataw l-għajnuniet u tar-rekwiżiti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità.”

10

L-Artikolu 30(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-għadd totali ta’ verifiki fuq il-post li jitwettqu kull sena għandu jkopri tal-inqas 5 % tal-bdiewa kollha li qed japplikaw għall-iskema tal-pagament uniku, għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja jew għall-pagamenti relatati mal-erja skont l-appoġġ speċifiku rispettivament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-verifiki fuq il-post ikopru tal-inqas 3 % tal-bdiewa li qed japplikaw għall-għajnuna skont kull skema oħra relatata mal-erja prevista skont it-Titoli III, IV u V tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 73/2009 [tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7)].”

11

L-Artikolu 31(1) sa (2) tal-istess regolament jipprovdi kif ġej:

“1.   Il-kampjuni tal-kontroll għall-verifiki fuq il-post skont dan ir-Regolament għandhom jiġu jintgħażlu mill-awtorità kompetenti abbażi ta’ analżi tar-riskju u tal-kwalità rappreżentattiva tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati.

Biex ikun provdut l-element tal-kwalità rappreżentattiva, l-Istati Membri għandhom jagħżlu b’mod każwali bejn 20 % u 25 % tal-għadd minimu ta’ bdiewa li għandhom ikunu soġġetti għallverifiki fuq il-post kif provdut fl-Artikolu 30(1) u (2).

Madankollu, jekk l-għadd ta’ bdiewa li se jkunu soġġetti għall-verifiki fuq il-post jaqbeż l-għadd minimu ta’ bdiewa li għandhom ikunu soġġetti għall-verifiki fuq il-post kif previst fl-Artikolu 30(1) u (2), il-perċentwal ta’ bdiewa magħżula b’mod każwali fil-kampjun addizzjonali ma għandux jaqbeż il-25 %.

2.   L-effettività tal-analiżi tar-riskju għandha tiġi valutata u aġġornata fuq bażi annwali:

a)

billi tiġi stabbilita r-relevanza ta’ kull fattur ta’ riskju;

b)

billi jitqabblu r-riżultati tal-kampjun ibbażat fuq ir-riskju u dak magħżul b’mod każwali kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1;

c)

billi titqies is-sitwazzjoni speċifika fl-Istat Membru.”

12

Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009:

“Il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru l-ħbula agrikoli kollha li għalihom issir talba għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Madankollu, id-determinazzjoni attwali tal-erjas bħala parti mill-verifika fuq il-post tista’ tiġi limitata għal kampjun ta’ mhux inqas minn 50 % tal-ħbula agrikoli li għalihom tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni skont l-iskemi tal-għajnuna stabbiliti fit-Titoli III, IV u V tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 sakemm il-kampjun jigarantixxi livell affidabbli u rappreżentattiv ta’ kontroll kemm fir-rigward tal-erja verifikata kif ukoll tal-għajnuna mitluba. Meta din il-verifika tal-kapmjun tikxef anomaliji, il-kampjun ta’ ħbula agrikoli li attwalment ġie spezzjonat għandu jiżdied.

L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-remote sensing skont l-Artikolu 35 u t-tekniki tas-Sistema ta’ Navigazzjoni Globali bis-Satellita (GNSS) fejn possibbli.”

13

L-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Bażi għall-kalkolu fir-rigward ta’ erjas dikjarati”, jipprevedi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Mingħajr ħsara għal tnaqqis u esklużjonijiet skont l-Artikoli 58 u 60, fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, jekk l-erja ddikjarata f’applikazzjoni unika tkun akbar mill-erja ddeterminata għal dak il-grupp ta’ uċuħ tar-raba’, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-erja ddeterminata għal dak il-grupp ta’ uċuħ tar-raba’.

Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, jekk id-differenza bejn l-erja totali determinata u l-erja totali dikjarata għall-pagament skont l-iskemi ta’ għajnuna stabbiliti bit-Titoli III, IV u V tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 tkun ta’ 0,1 ettaru jew inqas minn hekk, l-erja determinata għandha tiġi stabbilita daqs l-erja dikjarata. Għal dan il-kalkolu se jitqiesu d-dikjarazzjonijiet żejda ta’ erjas fil-livell ta’ grupp tal-uċuħ tar-raba’.

It-tieni subparagrafu ma għandux japplika meta dik id-differenza tirrapreżenta aktar minn 20 % tal-erja totali dikjarata għall-pagamenti.”

14

L-Artikolu 58 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tnaqqisiet u esklużjonijiet f’każijiet ta’ dikjarazzjoni żejda”, jipprovdi:

“Jekk, fir-rigward ta’ grupp ta’ uċuħ tar-raba’, l-erja ddikjarata għall-finijiet ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna relatata mal-erja tkun akbar mill-erja ddeterminata skont l-Artikolu 57, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-erja ddeterminata mnaqqsa bid-doppju tad-differenza misjuba jekk dik id-differenza tkun ta’ iktar minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda ma tkunx taqbeż l-20 % tal-erja ddeterminata.

Jekk id-differenza tkun ta’ iktar minn 20 % tal-erja stabbilita, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna marbuta mal-erja għall-grupp ta’ uċuħ tar-raba’ konċernat.

Jekk id-differenza hija ta’ iktar minn 50 %, il-bidwi għandu jkun eskluż għal darb’oħra milli jirċievi għajnuna tal-ammont daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u ż-żona stabbilita skont l-Artikolu 57 ta’ dan ir-Regolament. Dak l-ammont għandu jkun ibbilanċjat skont l-Artikolu 5(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 [tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 162)]. Jekk l-ammont ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat kompletament skont dak l-Artikolu matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, il-bilanċ li jkun għad fadal għandu jitħassar.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni

15

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 4 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-bżonnijiet tal-kawża preżenti, jitqassru kif ġej.

16

Fil-kuntest ta’ tliet missjonijiet ta’ awditu li seħħew mill-10 sal-14 ta’ Settembru 2012, mit-12 sas-16 ta’ Novembru 2012 u mit-8 sat-12 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“awditu”), il-Kummissjoni investigat il-kompatibbiltà tal-pagamenti magħmula mill-awtoritajiet Ċeki taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-kundizzjonalità, l-investimenti fis-settur tal-inbid u l-għajnuna diretta diżakkoppjata.

17

Fl-20 ta’ Ġunju 2016, hija adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-FAEG u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), b’mod iktar partikolari, fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, ta’ nfiq li jammonta għal:

EUR 29 485 612.55 bħala rekwiżiti marbuta mal-kundizzjonalità għas-snin finanzjarji 2011 sa 2014;

EUR 636 516.20 taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-investiment fis-settur tal-inbid għas-snin finanzjarji 2011 sa 2014;

EUR 462 517.83 taħt l-iskema ta’ għajnuna diretta diżakkoppjata għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Awwissu 2016, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni billi invokat erba’ motivi: l-ewwel tlieta bbażati fuq ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1306/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), u r-raba’ wieħed, ibbażat fuq ksur tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

19

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha invokati, minbarra t-tielet parti tar-raba’ motiv. Konsegwentement, hija annullat id-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn din teskludi l-ħlasijiet magħmula mir-Repubblika Ċeka taħt il-FAEG għal ammont ta’ EUR 6 356 909.30 bħala kontrolli fil-qasam tal-kundizzjonalità fir-rigward tas-sena finanzjarja 2011.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20

Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv u l-parti korrispondenti tas-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni, sa fejn din teskludi l-ispejjeż li jammontaw għal total ta’ EUR 462 517.83 marbuta mal-ħlas uniku għas-superfiċje;

tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni, sa fejn din teskludi l-ispejjeż li jammontaw għal total ta’ EUR 636 516.20 marbuta mal-investimenti fis-settur tal-inbid;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

22

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ir-Repubblika Ċeka, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Marzu 2020, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23

Skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex ittrattat.

24

Insostenn tat-talba tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati, fir-rigward tat-tielet motiv, fuq fatti manifestament żbaljati li jikkontradixxu l-allegazzjonijiet u l-provi prodotti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

25

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs EUIPO, C‑766/18 P, EU:C:2020:170, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għandu jitfakkar ukoll li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. In-nuqqas ta’ qbil mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistax, konsegwentement, jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs EUIPO, C‑766/18 P, EU:C:2020:170, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, mit-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura jirriżulta li, permezz ta’ din it-talba, ir-Repubblika Ċeka tfittex, fir-realtà, li tirrispondi għall-qari, imwettaq mill-Avukat Ġenerali, taċ-ċirkustanzi fattwali u legali li fuqhom huwa bbażat it-tielet aggravju. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, din ma hijiex raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dawn iċ-ċirkustanzi kienu s-suġġett ta’ dibattiti estensivi bejn il-partijiet fl-appell, b’mod partikolari waqt il-fażi bil-miktub tal-proċedura.

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tagħti deċiżjoni fuq l-appell.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l-appell

30

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ċeka tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravju huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi relatati, rispettivament, mal-oneru tal-prova, mal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009, u mal-Artikoli 19 u 77 tar-Regolament Nru 555/2008. It-tielet aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi kif ukoll żnaturament tal-fatti u tas-suġġett tal-kawża, marbuta mal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-mument tat-twettiq mill-awtoritajiet Ċeki tal-programm ta’ għajnuna nazzjonali.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

31

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat il-ġurisprudenza stabbilita dwar l-oneru tal-prova fil-qasam tal-FAEG. Fl-ewwel lok, hija tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 22 tas-sentenza appellata, sa fejn iddeċidiet li l-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament u l-kontrolli fuq il-post tradizzjonali għandhom jagħtu lok għal rati ta’ irregolaritajiet “fil-prinċipju simili”.

32

Fil-fatt, ir-Repubblika Ċeka tafferma, essenzjalment, li l-paragun tar-rati ta’ żbalji żvelati fil-kuntest taż-żewġ metodi ta’ kontrolli huwa irrilevanti fid-dawl tad-differenzi oġġettivi inerenti li jeżistu bejniethom fil-mod ta’ kif jintgħażel il-kampjun ta’ kontroll.

33

B’mod iktar partikolari, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-analiżi tar-riskji għat-telerilevament ma tistax tinkludi rata ta’ irregolaritajiet paragunabbli għal dik tal-analiżi tar-riskji għall-kontrolli fuq il-post tradizzjonali, peress li l-mira tal-analiżi tar-riskji għat-telerilevament hija oġġettivament inqas preċiża.

34

Dan jirriżulta, l-ewwel nett, mill-fatt li l-analiżi tar-riskji li jservu għall-kontrolli permezz ta’ telerilevament isseħħ iktar kmieni minħabba rekwiżiti previsti fil-paġna 36 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni tal-2013 imposti mill-Kummissjoni u hija bbażata fuq data inqas aġġornata minn dik imwettqa għall-kontrolli fuq il-post tradizzjonali.

35

It-tieni nett, l-analiżi tar-riskji għall-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament tagħti lok għall-għażla ta’ kampjuni ta’ kontroll fil-forma ta’ żoni ta’ 30 km b’20 km, li fihom l-artijiet agrikoli kollha huma kkontrollati, indipendentement mill-profil ta’ riskju tal-bdiewa li jinsabu f’din iż-żona, filwaqt li l-analiżi tar-riskji għall-kontrolli fuq il-post tradizzjonali tikkonċentra speċifikament fuq il-bdiewa msejħa “b’riskju”. Minn dan jirriżulta li l-mira tal-analiżi tar-riskji għat-telerilevament hija mnaqqsa meta mqabbla ma’ dik imwettqa għall-kontrolli fuq il-post tradizzjonali.

36

It-tielet u l-aħħar nett, sa fejn iż-żoni li fihom inqas minn 25 % ta’ superfiċje agrikola ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kontroll permezz ta’ telerilevament skont ir-rekwiżiti imposti mill-Kummissjoni, ċerti bdiewa b’riskju għoli ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ tali kontroll, b’tali mod li jistgħu jkunu suġġetti biss għal kontroll fuq il-post tradizzjonali.

37

Għaldaqstant, fid-dawl tad-differenzi oġġettivi bejn dawn iż-żewġ metodi, rata ta’ irregolaritajiet iktar dgħajfa fil-kuntest tal-analiżi tar-riskji għat-telerilevament ma tistax fiha nnifisha toħloq dubji serji u raġonevoli dwar il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll ta’ Stat Membru.

38

Minn dan isegwi li l-impossibbiltà oġġettiva li jsir paragun tal-mira tal-analiżi tar-riskju tipprekludi wkoll li tiġi ddeterminata d-differenza massima awtorizzata bejn ir-rati ta’ irregolaritajiet ikkonstatati bejn iż-żewġ metodi.

39

Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza wkoll li, għalkemm it-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 u l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1122/2009 jawtorizzaw lill-Istati Membri jivverifikaw is-superfiċje agrikola permezz ta’ żewġ metodi ta’ kontroll mingħajr ma jiffavorixxu wieħed minn dawn iż-żewġ metodi u lanqas ma jimponu kundizzjonijiet addizzjonali għall-użu tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li sistema ta’ kontroll effikaċi hija kkaratterizzata mill-użu ta’ dawn iż-żewġ metodi ta’ kontroll addizzjonali. Madankollu, il-fatt li jkun meħtieġ li dawn iż-żewġ metodi oġġettivament differenti jipproduċu riżultati paragunabbli jwassal, fil-prattika, għall-fatt li Stat Membru jkollu jnaqqas il-mira tal-analiżi tar-riskji għall-kontrolli fuq il-post tradizzjonali jew jabbanduna l-kontroll permezz ta’ telerilevament, f’liema każ id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament li jkunu jippermettu l-użu ta’ dan il-metodu ta’ kontroll jitilfu l-effett utli tagħhom.

40

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Qorti Ġenerali ma kkummentatx dwar l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-kampjun magħżul b’mod każwali għall-kontroll permezz ta’ telerilevament, li jiżvela rata ta’ irregolaritajiet ogħla meta mqabbel ma’ kampjun magħżul, bil-għan ta’ kontroll permezz ta’ telerilevament, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji, jagħti lok għal dubji serji u raġonevoli.

41

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet l-istess żball, fil-punti 23 u 24 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li r-Repubblika Ċeka ma kinitx ipproduċiet provi speċifiċi li jistgħu juru li d-diversi rati ta’ irregolaritajiet ikkonstatati kienu attribwibbli għan-natura tal-metodi kkonċernati jew għall-profil tar-riskju tal-operaturi kkontrollati u mhux għan-nuqqasijiet li jikkonċernaw l-għażliet magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk jitqies li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu jagħtu lok għal dubji serji u raġonevoli, ikun inutli, sabiex dawn jitneħħew, li jiġu spjegati r-raġunijiet tad-differenza bejn ir-rati ta’ irregolaritajiet ikkonstatati. Sabiex jitneħħew dawn id-dubji, ikun biżżejjed għall-Istat Membru li juri l-effikaċja tal-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll u l-użu xieraq taż-żewġ metodi ta’ kontroll. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li hija pproduċiet provi konkreti fil-kuntest tal-awditu u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li jistabbilixxu b’mod ċar li l-analiżi tar-riskji kienet konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1122/2009, fatt li l-Kummissjoni qatt ma kkontestat.

43

Bħala risposta, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 22 tas-sentenza appellata, li tgħid li huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-kontrolli fuq il-post tradizzjonali u permezz ta’ telerilevament jagħtu lok għal rati ta’ irregolaritajiet “bħala prinċipju simili”, hija materjalment korretta.

44

Hija ssostni, essenzjalment, li l-argument espost mir-Repubblika Ċeka sabiex tiġġustifika d-differenzi bejn ir-rati ta’ irregolaritajiet tal-metodi differenti ta’ kontrolli fuq il-post huwa kontradett mill-Artikolu 26, mill-Artikolu 31(2) u mill-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009.

45

L-ewwel nett, l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jeżiġi li, indipendentement mill-metodu użat, il-kontrolli fuq il-post għandhom jiżguraw verifika effikaċi tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna.

46

It-tieni nett, minn qari flimkien tal-Artikolu 26, tal-Artikolu 31(2) u tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009, jirriżulta li l-użu ta’ dawn il-metodi ma għandux iwassal għal differenza fit-trattament bejn il-bdiewa. Skont il-Kummissjoni, tali differenza fit-trattament tkun inevitabbli jekk il-probabbiltà ta’ detezzjoni tal-iżbalji kienet ogħla fost dawk li ġew ikkontrollati permezz ta’ telerilevament milli fost dawk li kienu s-suġġett ta’ kontroll fuq il-post tradizzjonali. Sabiex jiġi kkumpensat dan ir-riskju ta’ trattament differenti, il-paragun tar-rati ta’ żbalji kkonstatati bejn il-metodi ta’ kontroll fuq il-post huwa indikatur ta’ effikaċja kjarament xieraq u jippermetti li jiġi identifikat nuqqas fis-sistema ta’ kontroll.

47

Madankollu, peress li hija konxja mill-partikolaritajiet speċifiċi għal kull metodu ta’ kontroll fuq il-post, il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ fejn proporzjon ikbar ta’ irregolaritajiet jiġi identifikat permezz ta’ metodu pjuttost milli permezz ta’ ieħor, u dan għal diversi snin, huwa l-Istat Membru li għandu jispjega r-raġunijiet għal dawn id-diskrepanzi, u fin-nuqqas ta’ dan, dawn id-differenzi jkunu l-indizju ta’ effikaċja ta’ livell inqas ta’ metodu jew ta’ għażla mhux xierqa tal-kampjun ta’ kontroll, u dan a fortiori meta l-Istat Membru jkun wettaq madwar 50 % tal-kontrolli tiegħu fuq il-post permezz ta’ telerilevament. Skont din l-istituzzjoni, il-kisba ta’ rati ta’ irregolaritajiet paragunabbli hija mezz sabiex tintwera l-effikaċja tal-imsemmija kontrolli u ma tistax titqies bħala għan fiha innifisha. Il-Kummissjoni hija tal-fehma, f’dan il-każ, li d-differenza kkonstatata tindika nuqqas fis-sistema ta’ kontroll li jista’ joħloq dubji serji u raġonevoli.

48

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Ċeka, ibbażati fuq il-karatteristiċi inerenti għall-metodi ta’ kontrolli użati, huma ġenerali wisq sabiex ineħħu d-dubji serji u raġonevoli tal-Kummissjoni. Ir-Repubblika Ċeka b’hekk ma pprovdietx il-provi fattwali speċifiċi li juru li l-metodu ta’ kontroll magħżul kien effikaċi. B’mod iktar partikolari, hija ma esponietx ir-raġunijiet speċifiċi għalfejn l-għażla tal-kampjun jew il-metodu permezz ta’ telerilevament wasslu għal differenza kbira bejn ir-rati ta’ irregolaritajiet matul ċerti snin, u lanqas il-mod li bih hija bidlet l-analiżi tar-riskju u t-teħid ta’ kampjuni sabiex tirrimedja dan l-istat ta’ fatt.

49

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li, peress li kienet konxja mid-diffikultajiet ikkawżati mid-differenzi bejn ir-rati ta’ irregolaritajiet, ir-Repubblika Ċeka kienet akkwistat softwer ta’ analiżi ġdid matul is-sena 2013, li kellu riperkussjonijiet pożittivi għat-talbiet li kienu jikkonċernaw is-sena 2014.

50

Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li, l-ewwel nett, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1122/2009 jeżiġi effikaċja tas-sistema ta’ kontroll fl-intier tagħha, u mhux rata ta’ żbalji identika jew simili kkonstatata fil-kuntest tat-tipi differenti ta’ kontroll.

51

It-tieni nett, hija ssostni li, waqt il-kontroll, hija pprovdiet lill-Kummissjoni l-ispjegazzjonijiet dwar ir-riskju għoli tal-applikanti fil-kuntest ta’ kampjun magħżul fuq bażi każwali, u li, barra minn hekk, hija ppreżentat ukoll dokumenti li jinkludu analiżi f’iktar dettall.

52

It-tielet nett, anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-paragun tar-rati ta’ irregolaritajiet bejn iż-żewġ modalitajiet ta’ kontrolli jista’ jikkostitwixxi dubju serju u raġonevoli fir-rigward tal-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll, l-Istat Membru ma jistax jintalab jispjega ruħu dwar ir-raġunijiet sottostanti d-differenza bejn dawn ir-rati. Skont ir-Repubblika Ċeka, dan l-Istat Membru jista’ jintalab jipprovdi biss provi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-mod kif jintgħażlu l-bdiewa għall-kontroll kif ukoll il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-analiżi tar-riskji għaż-żewġ metodi ta’ kontroll, inklużi evalwazzjoni u aġġornament annwali tal-analiżi tar-riskji konformement mal-Artikolu 31(2)(b) tar-Regolament Nru 1122/2009. Huma preċiżament il-provi li r-Repubblika Ċeka pproduċiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-awditu. Għalhekk, hija pprovdiet deskrizzjoni fid-dettall tal-analiżi tar-riskju għaż-żewġ metodi ta’ kontroll, inklużi l-fatturi ta’ riskju użati u r-rilevanza tagħhom, kif ukoll evalwazzjoni u aġġornament annwali tal-effikaċja ta’ dawn l-analiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni t-tagħlim mislut.

53

Ir-raba’ u l-aħħar nett, hija tikkontesta l-fatt li l-akkwist ta’ softwer matul is-sena 2013 jista’ jsostni l-argument tal-insuffiċjenza fl-analiżi tar-riskji. It-titjib progressiv tal-analiżi tar-riskji permezz tal-akkwist ta’ softwer ma jistax jitqies li jikkostitwixxi rikonoxximent tad-dgħufija tal-istatus quo. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-analiżi tar-riskji għall-kontrolli permezz ta’ telerilevament għandha l-limiti oġġettivi tagħha, li jispjega li hija qatt ma tista’ tkun ugwali għall-effikaċja tal-analiżi tar-riskji għall-kontrolli fuq il-post tradizzjonali, mingħajr ma dan jista’ jaffettwa l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll fl-intier tagħha.

54

Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ttenni li l-paragun tar-rati ta’ żbalji identifikati fil-kampjuni huwa indikatur xieraq tal-effikaċja tal-metodi ta’ kontroll użati. Il-metodu bbażat fuq kampjuni rappreżentattivi huwa bbażat fuq l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1122/2009, li jipprovdi li l-effikaċja tal-analiżi tar-riskji għandha tiġi evalwata billi jiġu pparagunati r-riżultati tal-kampjun magħżul skont ir-riskji ma’ dawk tal-kampjun magħżul b’mod każwali. Skont din l-istituzzjoni, dan huwa l-uniku mezz sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli permezz ta’ telerilevament jibbenefikaw minn effikaċja ekwivalenti għal dik tal-kontrolli fuq il-post tradizzjonali.

55

Din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax jekk, għall-paragun ta’ dawn iż-żewġ riżultati, għandhiex issir distinzjoni skont jekk dawn tal-aħħar inkisbux permezz ta’ kontroll fuq il-post tradizzjonali jew permezz ta’ telerilevament b’tali mod li hemm lok li jitqies li dawn il-modalitajiet ta’ kontroll huma intiżi li jiggarantixxu effikaċja ekwivalenti.

56

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ttenni li, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali korrettament qieset li l-provi prodotti mir-Repubblika Ċeka ma kinux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw id-differenza fir-rati ta’ irregolaritajiet u sabiex ineħħu d-dubji li hija kellha dwar l-effikaċja tal-kontrolli permezz ta’ telerilevament. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li t-titjib tar-riżultati minħabba l-isforzi ta’ eliminazzjoni tal-lakuni, li hija kienet indikat, juri li tali titjib kien possibbli għar-Repubblika Ċeka.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka essenzjalment issostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 22 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li l-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament u l-kontrolli fuq il-post tradizzjonali għandhom jagħtu lok għal rati ta’ irregolaritajiet “fil-prinċipju simili” u li huwa raġonevoli, għal dan il-għan, li wieħed jistenna li r-rati ta’ irregolaritajiet li jirriżultaw minnhom fuq skala nazzjonali ma jurux diskrepanza, bħal dawk f’dan il-każ, li jikkonsistu f’rati ta’ irregolaritajiet tlieta sa erba’ darbiet ikbar ikkonstatati fil-kuntest ta’ kontrolli fuq il-post tradizzjonali, meta mqabbla ma’ dawk ikkonstatati fil-kuntest ta’ kontrolli permezz ta’ telerilevament. Skont ir-Repubblika Ċeka, kuntrarjament għall-approċċ hekk adottat mill-Qorti Ġenerali, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ differenza bejn dawn ir-rati ta’ irregolaritajiet ma tistax tkun il-bażi ta’ dubji serji u raġonevoli dwar l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll tagħha.

58

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 23 u 24 tas-sentenza appellata, billi eżaminat jekk dan l-Istat Membru kienx neħħa d-dubji tal-Kummissjoni, b’tali mod li, meta jiġu kkonstatati tali diskrepanzi, ikun l-Istat Membru li għandu jipproduċi provi fid-dettall li jiġġustifikaw dawn id-diskrepanzi, billi jindika, għal dan il-għan, serje ta’ fatturi li dan l-Istat Membru seta’ jirreferi għalihom, u billi kkonstatat li r-Repubblika Ċeka ma kinitx ipproduċiet provi speċifiċi li jistgħu juru li d-diskrepanzi osservati huma attribwibbli għal dawn il-fatturi pjuttost milli għal nuqqasijiet fir-rigward ta’ għażliet li saru mill-awtoritajiet nazzjonali dwar l-implimentazzjoni ta’ kontrolli permezz ta’ telerilevament.

59

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, il-Kummissjoni ma għandhiex turi b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom, iżda għandha tippreżenta prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija għandha fir-rigward tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew tal-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom. Huwa l-Istat Membru li għandu jipproduċi l-prova l-iktar iddettaljata u kompleta tar-realtà tal-kontrolli jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑610/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2349, punt 58).

60

Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-metodu ta’ telerilevament, skont l-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament, u t-tekniki tas-sistemi globali ta’ navigazzjoni bis-satellita, meta jkun possibbli.

61

Madankollu, il-kontrolli fuq il-post, li jistgħu jkunu tradizzjonali jew permezz ta’ telerilevament, għandhom, skont l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, isiru b’mod li jiżguraw verifika effettiva tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, kif ukoll tar-rekwiżiti u tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kundizzjonalità.

62

Minn dan isegwi li l-Istati Membri huma awtorizzati jagħżlu, sakemm l-għażla tagħhom tiżgura verifika effikaċi, il-kontrolli fuq il-post tradizzjonali, jew inkella l-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament, u, skont il-każ, kombinazzjoni taż-żewġ metodi ta’ kontroll.

63

Barra minn hekk, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1122/2009 jipprevedi r-rata minima tal-bdiewa kollha li għandha tiġi kkontrollata fuq il-post kull sena.

64

Għal dan il-għan, l-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li l-għażla tal-kampjuni ta’ kontroll għall-finijiet tal-kontrolli fuq il-post għandha ssir abbażi ta’ analiżi tar-riskji kif ukoll tar-rappreżentattività tat-talbiet għall-għajnuna ppreżentati. Sabiex jiżguraw ir-rappreżentattività tal-kampjun, l-Istati Membri għandhom jagħżlu b’mod każwali bejn 20 % u 25 % tan-numru minimu ta’ bdiewa li għandhom ikunu suġġetti għall-kontrolli fuq il-post, konformement mal-Artikolu 30(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

65

Sabiex jinkisbu analiżijiet ta’ riskju xierqa u effikaċi, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 31(2) tal-istess regolament jipprevedi li għandhom isiru evalwazzjoni u aġġornament tal-effikaċja tal-analiżi ta’ riskju fuq bażi annwali, l-ewwel nett, billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-rilevanza ta’ kull fattur ta’ riskju, it-tieni nett, billi jiġu pparagunati r-riżultati tal-kampjun ibbażat fuq ir-riskju u magħżul b’mod każwali, u, it-tielet nett, skont is-sitwazzjoni speċifika fl-Istat Membru kkonċernat.

66

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li l-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament u l-kontrolli fuq il-post tradizzjonali jwasslu għal rati ta’ irregolaritajiet li ma humiex simili huwiex ta’ natura li jqajjem, waħdu, dubju serju u raġonevoli dwar in-natura mhux xierqa tal-analiżi tar-riskji rispettivi li fuqhom huma bbażati dawn il-kontrolli.

67

Fl-ewwel lok, mill-punti 50 sa 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ebda wieħed mill-artikoli tar-Regolament Nru 1122/2009 li huma msemmija fih ma jeħtieġ li l-Istati Membri jeżiġu li l-kontrolli fuq il-post tradizzjonali u l-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament jagħtu lok għal rati ta’ irregolaritajiet li fil-prinċipju huma simili.

68

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-analiżi tar-riskji li fuqhom huwa bbażat l-kontroll permezz ta’ telerilevament għandha titwettaq, kif issostni r-Repubblika Ċeka mingħajr ma hija kontradetta mill-Kummissjoni, qabel ma l-għażla li jintuża dan il-metodu ta’ kontroll tkun saret mill-Istat Membru kkonċernat, li ma huwiex il-każ għall-kontrolli fuq il-post tradizzjonali.

69

Għaldaqstant, il-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament huma bbażati, minħabba l-karatteristiċi inerenti għal dan it-tip ta’ kontroll, fuq analiżi tar-riskji bbażata fuq data inqas aġġornata minn dik li fuqha hija bbażata l-analiżi tar-riskji tal-kontrolli fuq il-post tradizzjonali.

70

Minn dan jirriżulta li, minħabba din il-karatteristika, li hija inerenti għalih, il-metodu ta’ kontroll permezz ta’ telerilevament jista’, bħala prinċipju, iwassal sabiex jiġu kkonstatati rati ta’ irregolaritajiet li huma differenti minn dawk ikkonstatati wara l-eżitu ta’ kontrolli fuq il-post tradizzjonali.

71

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, skont id-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka, li ma humiex kontradetti mill-Kummissjoni, it-telerilevament jista’ jsir biss fuq żoni ta’ 30 km b’20 km, peress li ż-żona kkontrollata għandha tinkludi mill-inqas 25 % ta’ art agrikola u l-kontroll għandu jikkonċerna lill-bdiewa kollha ta’ din iż-żona.

72

Għaldaqstant, sabiex il-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament iwasslu għall-istess rati ta’ irregolaritajiet bħal dawk li jirriżultaw mill-kontrolli fuq il-post tradizzjonali, dawn għandhom jintużaw mhux biss għal żoni ta’ 30 km b’20 km li fihom mill-inqas 25 % ta’ art agrikola, iżda għandhom ikunu wkoll intiżi biss għall-bdiewa li jifformaw parti mill-kampjun magħżul abbażi ta’ analiżi tar-riskji sabiex jitwettqu kontrolli fuq il-post tradizzjonali.

73

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li s-sempliċi diskrepanza bejn ir-rati ta’ irregolaritajiet ikkonstatati wara l-eżitu ta’ kontrolli fuq il-post tradizzjonali u dawk ikkonstatati wara kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament ma setgħetx, waħedha, tagħti lok sabiex il-Kummissjoni jkollha dubji serji u raġonevoli dwar l-effikaċja tal-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament.

74

Għaldaqstant, peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

75

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka tallega essenzjalment li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 33, 57 u 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, fil-punti 38 u 40 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ sopradikjarazzjoni li tirrappreżenta bejn 0.1 u 2 ettari jew 3 % tas-superfiċje ddeterminata, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li għandha testendi l-kampjun ta’ kontroll sakemm ma tiġi kkonstatata l-ebda sopradikjarazzjoni ta’ dan it-tip.

76

B’mod iktar partikolari, dan l-Istat Membru jsostni, fl-ewwel lok, li l-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 ma humiex rilevanti fil-kuntest tal-estensjoni tal-kampjun ta’ kontroll, sa fejn il-limiti ta’ 0.1 ettaru, ta’ 2 ettari jew ta’ 3 % tas-superfiċje ddeterminata, previsti f’dawn l-artikoli, huma relatati mal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mir-riżultati definittivi miksuba fil-kuntest tal-kontroll.

77

Fit-tieni lok, la l-kliem tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 u lanqas dak tal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-metodoloġija ma jistabbilixxu limitu ta’ anomaliji identifikati li l-qbiż tiegħu jiġġustifika l-estensjoni awtomatika tal-kampjun ta’ kontroll. Barra minn hekk, dan l-artikolu u dawn l-istruzzjonijiet ma jippreċiżawx sa fejn huwa neċessarju li l-kampjun ta’ kontroll jiġi estiż.

78

Ir-Repubblika Ċeka b’hekk tirrakkomanda li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-imsemmi artikolu li jipprovdi li estensjoni tal-kampjun ta’ kontroll huwa neċessarju biss sabiex jiġi żgurat kontroll effikaċi u livell rappreżentattiv ta’ dan il-kampjun. B’hekk, l-estensjoni ta’ tali kampjun tkun neċessarja biss jekk in-natura tar-riżultati u l-għarfien tal-artijiet l-oħra mhux spezzjonati tal-bidwi kkonċernat jimplikaw li l-iżbalji jistgħu jikkonċernaw artijiet oħra. Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-użu tal-kunċett ta’ “anomaliji”, fil-plural, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, li għandu jinftiehem fis-sens li jeżiġi irregolaritajiet ta’ ċerta gravità u mhux konstatazzjonijiet iżolati u negliġibbli.

79

Fit-tielet lok, il-kwistjoni tal-estensjoni ta’ kampjun sabiex jiġi ggarantit kontroll effettiv u livell rappreżentattiv ta’ dan il-kampjun għandha tiġi eżaminata, fil-prattika, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ sitwazzjoni partikolari. L-evalwazzjoni każ b’każ, ta’ preferenza għal soluzzjonijiet uniformi, tikkostitwixxi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 70), waħda mill-approċċi fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

80

Fir-raba’ lok, l-approċċ tal-awtoritajiet Ċeki ma implika ebda riskju għall-fondi tal-Unjoni, peress li huwa biss fil-każ fejn l-awtoritajiet kompetenti jqisu bi grad ta’ ċertezza suffiċjenti li żbalji fis-superfiċje agrikola ddikjarata tal-bidwi kkonċernat ma jkunux, skont l-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, iktar previsti, li ma jkunx hemm estensjoni tal-kampjun ikkontrollat.

81

Fil-ħames u fl-aħħar lok, il-proċedura meħtieġa mill-Qorti Ġenerali teżiġi estensjoni tal-kampjun ta’ kontroll, mingħajr ebda valur miżjud.

82

Il-Kummissjoni twieġeb li, anki jekk hija taqbel mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, hija ma tirrikonoxxix ċerti aspetti tal-motivazzjoni ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari fil-punti 37, 38 u 41 tagħha u għalhekk titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex iżżomm is-sentenza appellata u tiċħad it-tieni aggravju, filwaqt li tibdel il-motivazzjoni ta’ din is-sentenza.

83

Fil-fatt, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fl-ewwel lok, li, fir-rigward tal-punti 37 u 38 tas-sentenza appellata, l-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 jiċċaraw il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta’ żbalji fid-dikjarazzjoni tas-superfiċje agrikola ammissibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna, iżda ma għandhomx rabta diretta mal-estensjoni tal-kampjun ta’ kontroll.

84

Fit-tieni lok, hija tenfasizza li l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 ma jinkludi ebda limitu li taħtu ma hijiex meħtieġa estensjoni tal-kampjun. Fil-punti 39 u 40 tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni (T‑667/14, EU:T:2016:34), il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet Sloveni li tgħid li, meta l-perċentwali ta’ żball kien inqas minn 3 %, il-kampjun ma kienx awtomatikament estiż, iżda kien l-ispettur li kellu jiddeċiedi jekk il-kontroll kellux jew le jiġi estiż għall-operat kollu.

85

Il-Kummissjoni tqis li din is-soluzzjoni għandha tiġi rrikonoxxuta, peress li ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 li jsostni l-argument tar-Repubblika Ċeka. B’mod iktar partikolari, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi ebda limitu li lil hinn minnu l-estensjoni tal-kampjun tkun obbligatorja u li taħtu din l-estensjoni tkun fid-diskrezzjoni tal-awtorità ta’ kontroll.

86

Barra minn hekk, hija ssostni li, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009, moqri fid-dawl tal-premessa 44 ta’ dan tal-aħħar, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu t-twettiq ta’ kontrolli fuq il-post għal kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 50 % tal-artijiet agrikoli tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li l-artijiet agrikoli kollha li għalihom tkun ġiet ippreżentata talba għal għajnuna għandhom jiġu kkontrollati fuq il-post, u għandha, għalhekk, tingħata interpretazzjoni stretta. Konsegwentement, l-għażla tar-Repubblika Ċeka li tqis bħala superfluwa l-estensjoni tal-kampjun ta’ kontroll meta d-differenza bejn is-superfiċje ddikjarata u dik ikkonstatata tal-artijiet tkun inqas minn 3 %, tipprekludi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-possibbiltà li jiġu ristretti l-kontrolli stabbiliti fl-Artikoli 26 u 33 tar-Regolament Nru 1122/2009.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, sa fejn hija ma interpretatx l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 fis-sens li l-kampjun ta’ kontroll kellu jiġi estiż biss għal każijiet ta’ irregolaritajiet iktar serji, liema fatt jaqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 33, 57 u 58 ta’ dan ir-regolament, fil-punti 38 u 40 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li l-estensjoni tal-kampjun ta’ kontroll hija obbligatorja mhux biss fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ sopradikjarazzjoni li timplika possibbiltà mhux negliġibbli li jinqabeż il-limitu ta’ 3 % jew ta’ 2 ettari taż-żona ddikjarata, iżda wkoll fil-każ ta’ sopradikjarazzjoni li timplika possibbiltà mhux negliġibbli li jinqabeż 0.1 ettaru.

88

Fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, meta l-kontroll fuq kampjun ta’ artijiet koperti minn talba għal għajnuna unika jiżvela sopradikjarazzjonijiet li jirrappreżentaw bejn 0.1 u 2 ettari jew 3 % tas-superfiċje ddeterminata, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li għandha testendi l-kampjun ta’ kontroll, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009, sakemm ebda sopradikjarazzjoni ta’ din l-ordni ma tiġi kkonstatata iktar.

89

Fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-Repubblika Ċeka indikat li l-261 bidwi li fir-rigward tagħhom il-kontrolli ma kinux ġew estiżi kienu jaqgħu taħt il-grupp ta’ bdiewa li ssottomettew talbiet ivvizzjati b’sopradikjarazzjonijiet li ma jaqbżux il-limitu ta’ 3 %, li ma kienx jeskludi, skont il-Qorti Ġenerali, il-possibbiltà li tnaqqis tal-għajnuna fil-livell li jikkorrispondi għas-superfiċje ddeterminata, mingħajr sanzjoni, kien neċessarju.

90

Il-Qorti Ġenerali bbażat din il-konklużjoni, kif jirriżulta mill-punti 30 sa 36 tas-sentenza appellata, fuq it-test tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009, tal-Artikolu 57(3) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 58 tal-imsemmi regolament.

91

Fl-ewwel lok, kif ikkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-kliem stess tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 jirriżulta li, meta jkunu kkonstataw li l-kontroll tal-kampjun jiżvela anomaliji, l-awtoritajiet nazzjonali ma jkollhom, bħala prinċipju, ebda marġni ta’ diskrezzjoni. Peress li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetenza relatata, huma għandhom għalhekk jestendu l-kampjun ta’ kontroll.

92

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, skont il-premessa 39 ta’ dan ir-regolament, huwa biss fil-każ, mhux invokat fil-każ ineżami, fejn ikun impossibbli li l-kampjun ta’ kontroll jiġi estiż b’mod li jiġi ggarantit livell ta’ assigurazzjoni affidabbli u rappreżentattiv, li jista’ ma jkunx hemm estensjoni ta’ dan il-kampjun.

93

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ċeka li l-preżenza tat-terminu “anomaliji” fil-plural fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 tfisser li hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet serji li tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali jestendu l-kampjun ta’ kontroll, dan għandu jiġi miċħud peress li mill-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-kunċett ta’ “irregolaritajiet”, li huwa simili għal dak ta’ “anomaliji” ma jirreferix biss għall-irregolaritajiet serji, iżda għall-kuntrarju, huwa ddefinit f’din id-dispożizzjoni bħala “kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza tar-regoli rilevanti għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni”.

94

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati jestendu l-kampjun ta’ kontroll meta l-kontroll imwettaq ikun żvela anomaliji, irrispettivament mill-grad ta’ dawn tal-aħħar.

95

Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-formulazzjonijiet rispettivi tagħhom, l-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 jirrigwardaw, minn naħa, il-bażi ta’ kalkolu applikabbli għas-superfiċji ddikjarati u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ sopradikjarazzjonijiet. Permezz tal-portata tagħhom, huma jiċċaraw il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta’ żbalji fid-dikjarazzjoni tas-superfiċje agrikola ammissibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna.

96

B’mod kuntrarju, dawn l-artikoli bl-ebda mod ma jipprevedu li, f’ċerti każijiet, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligu ta’ estensjoni tal-kampjun ta’ kontroll, li huwa previst fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament.

97

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi rreferiet, fil-punti 38 u 40 tas-sentenza appellata, għall-Artikoli 57 u 58 tal-imsemmi regolament sabiex tiġġustifika l-obbligu li għandha l-awtorità nazzjonali li testendi l-kampjun ta’ kontroll meta kontroll li jirrigwarda kampjun ta’ artijiet jiżvela sopradikjarazzjonijiet li jirrappreżentaw bejn 0.1 u 2 ettari jew 3 % tas-superfiċje ddeterminata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

98

Madankollu, peress li l-Qorti Ġenerali, sabiex tiċħad, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, l-argument intiż kontra l-motiv ta’ korrezzjoni relatat mar-rati minimi ta’ kontrolli fuq il-post, ibbażat ruħha, ġustament, fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 li saret fil-punt 30 tas-sentenza appellata, it-tieni aggravju tar-Repubblika Ċeka għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

99

Permezz tat-tielet aggravju, ir-Repubblika Ċeka tallega li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-għajnuna mħallsa għall-investimenti mwettqa wara l-implimentazzjoni tal-programm ta’ għajnuna nazzjonali, iżda qabel l-approvazzjoni tat-talbiet għal għajnuna individwali, kienet ineffettiva, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi kif ukoll bi żnaturament tal-fatti u tas-suġġett tal-kawża.

100

Hija tirrileva li, diversi drabi matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni akkużatha li laqgħet talbiet għal għajnuna favur investimenti diġà mwettqa, billi ppreżentat, għal dan il-għan, eżempju ta’ investiment imwettaq fid-29 ta’ Settembru 2009. Il-Kummissjoni kkritikatha wkoll talli ħallset tali għajnuna qabel l-eżami u l-approvazzjoni jew il-preżentazzjoni tat-talbiet għal għajnuna individwali.

101

Ir-Repubblika Ċeka tosserva li, matul din il-proċedura, l-awtoritajiet Ċeki rrikonoxxew li wettqu żbalji fil-kuntest ta’ tmien investimenti mwettqa qabel l-approvazzjoni tal-programm ta’ għajnuna nazzjonali u pprovdew informazzjoni dwar il-każijiet l-oħra kollha li fihom l-għajnuna għall-investiment kienet tħallset favur azzjonijiet implimentati wara l-approvazzjoni ta’ dan il-programm iżda qabel il-preżentazzjoni jew l-approvazzjoni tat-talba għal għajnuna individwali. In-nuqqas ta’ qbil persistenti mal-Kummissjoni kien jirrigwarda r-regolarità tal-għajnuna relatata ma’ dawn l-investimenti tal-aħħar.

102

Fin-noti tagħha ppreżentati fil-kuntest tar-rikors għal annullament, il-Kummissjoni sostniet li l-ħlas ta’ għajnuna favur investimenti diġà mwettqa kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan l-ilment kien jifforma parti mill-kawża pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li l-korrezzjoni imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-finanzjament retroattiv ta’ dawn l-investimenti.

103

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tirrikonoxxi li l-Qorti Ġenerali ddelimitat b’mod korrett is-suġġett tal-kawża fil-punt 43 tas-sentenza appellata. Madankollu, hija tinnota li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, interpretat b’mod żbaljat il-punt 7.1.1.1 tar-rapport ta’ sinteżi tal-Kummissjoni, meta kkonstatat li din kienet ikkritikat lir-Repubblika Ċeka talli ffinanzjat proġett ta’ investiment, minkejja li dan l-investiment kien kompletament tlesta anki qabel ma ġie implimentat il-programm ta’ għajnuna nazzjonali. Fil-fatt, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li l-proġett inkwistjoni, jiġifieri dak imwettaq fid-29 ta’ Settembru 2009, twettaq wara l-approvazzjoni tal-programm ta’ għajnuna nazzjonali.

104

Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

105

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka tikkontesta, essenzjalment, iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, ta’ parti mill-argumenti tagħha mqajma kontra l-korrezzjoni li tikkonċerna l-ħlasijiet retroattivi bħala ineffettiva.

106

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li din ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali laqgħet insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, sa fejn dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod legali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli proċedurali applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-kwistjonijiet li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-27 ta’ Frar 2020, Il-Litwanja vs Il-Kummissjoni, C‑79/19 P, EU:C:2020:129, punt 70).

107

Ikun hemm tali żnaturament meta, mingħajr ma jsir rikors għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher li hija manifestament żbaljata. Madankollu, dan l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Barra minn hekk, meta appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa jrid jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati minn din tal-aħħar u jrid juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, allegatament wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tas-27 ta’ Frar 2020, Il-Litwanja vs Il-Kummissjoni, C‑79/19 P, EU:C:2020:129, punt 71).

108

Fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-Repubblika Ċeka ma kinitx qiegħda tirreferi għal ċirkustanzi speċifiċi jew għal provi li jistgħu juru l-veraċità tal-allegazzjoni tagħha li tgħid li kien biss fi tmien każijiet li investimenti kienu rċevew għajnuna minkejja li kienu twettqu qabel ma ġie stabbilit il-programm ta’ għajnuna nazzjonali.

109

Fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-argument tar-Repubblika Ċeka dwar l-għajnuna mħallsa għall-investimenti mwettqa wara l-implimentazzjoni tal-programm ta’ għajnuna nazzjonali, iżda qabel l-approvazzjoni tat-talba għal għajnuna individwali, kien ineffettiv.

110

F’dan ir-rigward, hija rrilevat, fil-punt 50 tal-imsemmija sentenza, li, skont il-punt 7.1.1.1 tar-rapport ta’ sinteżi, il-korrezzjoni inkwistjoni kienet ibbażata esklużivament, minn naħa, fuq il-fenomenu marbut mal-investimenti li rċevew għajnuna minkejja li dawn kienu twettqu qabel ma ġie implimentat il-programm ta’ għajnuna nazzjonali u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-awtoritajiet Ċeki ma kinux ipproduċew provi li juru li dawn l-investimenti kienu jikkonċernaw biss tmien każijiet.

111

Sa fejn ir-Repubblika Ċeka ssostni li ċ-ċaħda ta’ dan l-argument bħala ineffettiv hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li jirriżultaw mill-kontenut tal-punt 7.1.1.1 tar-rapport ta’ sinteżi, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet imponiet korrezzjoni finanzjarja “esklużivament” minħabba l-investimenti mwettqa qabel l-implimentazzjoni tal-programm ta’ għajnuna nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ċeka baqgħet ma stabbilixxietx dan l-iżnaturament, kif teżiġi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 107 ta’ din is-sentenza.

112

Fil-fatt, dan l-Istat Membru llimita ruħu, mingħajr ma rrefera għal parti speċifika ta’ dan ir-rapport ta’ sinteżi jew ta’ dokumenti oħra prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, li jallega li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet din tal-aħħar, mill-korrispondenza skambjata mal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni u tar-rapport ta’ sinteżi, mir-riferiment fil-punt 7.1.1.1 ta’ dan ir-rapport ta’ sinteżi ta’ eżempju ta’ investiment allegatament imwettaq wara l-implimentazzjoni tal-programm ta’ għajnuna nazzjonali, u mill-affermazzjoni li tinsab fir-risposta mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, kien jirriżulta li l-korrezzjoni finanzjarja kienet ukoll ġiet imposta minħabba l-investimenti fis-settur tal-inbid imwettqa wara l-implimentazzjoni tal-programm ta’ għajnuna nazzjonali, iżda qabel il-preżentazzjoni tat-talba għal għajnuna.

113

Minn dan isegwi li, peress li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li ma kien hemm ebda konstatazzjoni fir-rapport ta’ sinteżi dwar dawn l-investimenti, hija setgħet, ġustament, tikkonstata li l-argument tar-Repubblika Ċeka dwar l-għajnuna mħallsa favur tali investimenti kien ineffettiv.

114

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

115

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 77(5) tar-Regolament Nru 555/2008 ma kienx jippermetti li jiġu kkontrollati l-investimenti fis-settur tal-inbid permezz ta’ kampjuni.

116

Fl-ewwel lok, skont ir-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 555/2008 ma jikkostitwixxix lex specialis fid-dawl tal-Artikolu 77(5) ta’ dan ir-regolament, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex dispożizzjoni ġenerali, iżda dispożizzjoni speċjali li tistabbilixxi l-modalitajiet speċifiċi tal-kontrolli fil-qasam tal-azzjonijiet ta’ investiment. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi espressament għall-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 479/2008 li ma jikkonċernax is-settur tal-inbid kollu, iżda biss l-investimenti.

117

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, ixxejjen ir-riferiment għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1975/2006 li jinsab fl-Artikolu 77(5) tar-Regolament Nru 555/2008, għaliex huwa impossibbli li jkun hemm konformità miegħu.

118

Fit-tielet lok, hija ssostni li dan ir-riferiment għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1975/2006 kien ta’ natura determinanti, peress li, matul is-sena 2013, il-Kummissjoni kienet imġiegħla tagħmel emenda leġiżlattiva li tikkonsisti, b’mod partikolari, fit-tneħħija tat-test tar-Regolament Nru 555/2008.

119

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li l-Kummissjoni ma tistax timponi korrezzjoni fuq Stat Membru li tirriżulta mill-formulazzjoni mhux ċara ta’ dispożizzjoni li tkun adottat hija stess. Hija tenfasizza li, skont il-punt 60 tas-sentenza appellata, ir-Regolament Nru 555/2008 “jistabbilixxi żewġ rekwiżiti ta’ portata differenti”.

120

Il-Kummissjoni tirrispondi li r-riferiment għall-“operazzjonijiet kollha”, fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 555/2008, ifisser li l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli tal-investimenti kollha u mhux biss ta’ kampjun minimu. Iktar minn hekk, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament fl-intier tiegħu, u mhux biss għall-Artikolu 77(5). Barra minn hekk, l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mal-Artikolu 77 tal-istess regolament, peress li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 555/2008 jikkostitwixxi effettivament wieħed mill-każijiet fejn, skont l-Artikolu 77(3) ta’ dan ir-regolament, “kontrolli sistematiċi fil-post huma previsti [minn dan ir-regolament]”.

121

Barra minn hekk, mill-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 555/2008 jirriżulta b’mod ċar li l-Artikoli 26 sa 28 tar-Regolament Nru 1975/2006, li jistabbilixxu l-modalitajiet tal-proċeduri ta’ kontroll għall-miżuri ta’ żvilupp rurali ffinanzjati mill-FAEŻR, japplikaw mutatis mutandis għall-investimenti fis-settur tal-inbid. L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1975/2006 jipprevedi kontrolli amministrattivi, jiġifieri kontrolli mwettqa mill-Istati Membri qabel it-twettiq tal-kontroll fuq il-post, li jirrigwardaw it-talbiet kollha għal għajnuna jew għal ħlas u li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu “l-ewwel kontroll” imwettaq mill-Istati Membri.

122

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament Nru 1975/2006 jinkludu regoli iktar iddettaljati dwar il-kampjun tal-ispejjeż ikkontrollati, fejn dawn tal-aħħar għandhom jirrappreżentaw “tal-inqas 4 % tan-nefqa pubblika eliġibbli”, u dwar il-kontenut effettiv tal-kontrolli fuq il-post. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1975/2006, li jinkludi firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ żvilupp rurali, huwa ħafna iktar wiesa’ minn dak tal-Artikoli 19 u 77 tar-Regolament Nru 555/2008, li jestendi biss għall-investimenti fis-settur tal-inbid. Hija tenfasizza li, minkejja li wħud mill-miżuri ta’ żvilupp rurali koperti mir-Regolament Nru 1975/2006 jaqgħu taħt l-“investimenti”, ħafna minnhom huma ta’ natura oħra.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

123

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka essenzjalment tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 u tal-Artikolu 77(5) tar-Regolament Nru 555/2008 billi eskludiet il-possibbiltà ta’ kontrolli fuq il-post permezz ta’ kampjuni.

124

F’dan ir-rigward, fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, wara qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19 u 77 tar-Regolament Nru 555/2008, li dan l-Artikolu 19 jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel ma’ dan l-Artikolu 77 u li l-imsemmi Artikolu 19 jipprevedi rekwiżit ta’ kontroll fuq il-post sistematiku qabel kull ħlas ta’ għajnuna għall-investiment.

125

Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv, jeħtieġ għalhekk li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati.

126

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha kif ukoll l-għanijiet li din tfittex (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, X, C‑213/17, EU:C:2018:538, punt 26).

127

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 555/2008, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jinsab fil-Kapitolu I, intitolat “Prinċipji ta’ kontroll”, tat-Titolu V, intitolat “Kontrolli fis-settur ta’ l-inbid”, ta’ dan ir-regolament. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom iwettqu, mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna, kontrolli fuq il-post permezz ta’ kampjuni, “[ħ]lief għall-każijiet fejn kontrolli sistematiċi fil-post huma previsti [minn dan ir-regolament]”. Barra minn hekk, l-Artikolu 77(5) tal-imsemmi regolament jeżiġi, għall-miżuri ta’ investiment fis-settur tal-inbid, kif iddefiniti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 479/2008, li sar l-Artikolu 103u tar-Regolament Nru 1234/2007, l-applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament Nru 1975/2006, li jipprevedu l-modalitajiet speċifikati tal-kontrolli fuq il-post permezz ta’ kampjuni tal-imsemmija investimenti.

128

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 555/2008, intitolat “Ġestjoni finanzjarja”, li jinsab fit-Taqsima 6, intitolata “Investimenti”, tal-Kapitolu II, intitolat “Miżuri eliġibbli”, li jinsab fit-Titolu II, intitolat “Programmi ta’ appoġġ”, ta’ dan ir-regolament, jipprevedi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-għajnuna għandha titħallas ladarba jiġi stabbilit li azzjoni individwali jew l-azzjonijiet kollha koperti mit-talba għal sostenn, skont il-metodu ta’ ġestjoni tal-miżura magħżula mill-Istat Membru, ikunu ġew ikkontrollati u jkunu ġew implimentati mill-Istat Membru.

129

Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 555/2008 ma tipprevedix obbligu għall-Istati Membri li jwettqu kontrolli sistematiċi. Din id-dispożizzjoni b’hekk tillimita ruħha li tindika li l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli fuq il-post tal-miżuri implimentati.

130

Din l-interpretazzjoni letterali hija wkoll konformi mal-kuntest u mal-istruttura ġenerali ta’ dan ir-regolament.

131

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li mit-titolu u mill-pożizzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 555/2008 f’dan ir-regolament jirriżulta li dan l-artikolu għandu l-għan li jirregola l-modalitajiet ta’ ġestjoni finanzjarja tal-għajnuna għall-investimenti fis-settur tal-inbid u mhux il-modalitajiet tal-kontrolli fuq il-post għal dawn l-investimenti. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprovdi li l-ħlas tal-għajnuna jiddependi mill-kontroll fuq il-post minn qabel tal-azzjoni individwali jew tal-azzjonijiet kollha koperti minn talba għal sostenn, mingħajr madankollu ma jippreċiża l-modalità ta’ dan il-kontroll fuq il-post. Il-formulazzjoni u l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni ma jipprekludux għalhekk li dawn l-azzjonijiet ikunu rrappreżentati minn kampjun ikkontrollat fuq il-post.

132

Min-naħa l-oħra, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tagħha, l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 555/2008 timplika li huwa biss b’mod espliċitu li dan ir-regolament jobbliga lill-Istati Membri jwettqu kontrolli sistematiċi. Minn dan isegwi li, peress li ebda obbligu espliċitu f’dan is-sens ma huwa previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament, ebda obbligu ta’ din in-natura ma jista’ jiġi impost fuq l-Istati Membri.

133

Minn dan isegwi li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 555/2008 ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika deroga mill-Artikolu 77(3) ta’ dan ir-regolament, li tipprevedi t-twettiq ta’ kontrolli abbażi ta’ kampjun ħlief, b’mod partikolari, meta kontrolli fuq il-post sistematiċi jkunu previsti minn dan ir-regolament.

134

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 555/2008 jeżiġi t-twettiq, mill-Istati Membri, ta’ kontrolli sistematiċi.

135

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jintlaqa’ r-raba’ aggravju, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa fil-kuntest ta’ dan l-aggravju.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

136

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew inkella tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

137

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet, minn naħa, korrezzjoni speċifika ta’ ammont ta’ EUR 462 517.83, għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015, minħabba, b’mod partikolari, diversi nuqqasijiet, ta’ natura differenti, fl-analiżi tar-riskji, u, min-naħa l-oħra, korrezzjoni b’rata fissa ta’ ammont ta’ EUR 636 516.20, għas-snin finanzjarji 2011 sa 2014, minħabba kemm pagamenti li saru fil-kuntest ta’ investimenti ffinalizzati qabel ma ġiet approvata t-talba għal sussidju kif ukoll kontrolli fuq il-post insuffiċjenti fir-rigward tal-investimenti ffinanzjati fis-settur tal-inbid.

138

Madankollu, fir-rigward tal-korrezzjoni speċifika ta’ EUR 462 517.83, mill-punt 19 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni inkwistjoni, minbarra fuq il-provi li l-evalwazzjoni tagħhom mill-Qorti Ġenerali hija kkritikata bħala żbaljata fid-dritt fil-kuntest tal-ewwel aggravju, ukoll fuq il-konstatazzjoni ta’ diverġenzi bejn ir-rati ta’ irregolaritajiet żvelati mill-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament ibbażati fuq analiżi tar-riskji u dawk żvelati minn dan l-istess tip ta’ kontroll, iżda bbażati fuq teħid ta’ kampjuni każwali.

139

Minkejja li l-paragun ta’ dawn ir-rati ta’ irregolaritajiet jista’ jagħti lok għal dubji serji u raġonevoli dwar l-effikaċja tal-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament, b’mod partikolari dwar in-natura xierqa tal-analiżi tar-riskji li fuqhom huma bbażati dawn il-kontrolli fuq il-post, għandu jiġi rrilevat li l-provi eventwalment prodotti mir-Repubblika Ċeka sabiex turi, f’dan il-kuntest, l-effikaċja tas-sistema ta’ stħarriġ tagħha, ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

140

Barra minn hekk, fir-rigward tal-korrezzjoni b’rata fissa ta’ EUR 636 516.20, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddetermina l-parti minnha li hija affettwata mill-fatt li jintlaqa’ r-raba’ aggravju, peress li din il-korrezzjoni hija bbażata fuq diversi motivi.

141

Minn dan isegwi li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar l-elementi esposti fil-punti 139 u 140 ta’ din is-sentenza.

Fuq l-ispejjeż

142

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2018, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (T‑627/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:538), hija annullata sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tar-rikors li jikkonċerna l-korrezzjoni speċifika tal-ammont ta’ EUR 462 517.83 għas-snin finanzjarji 2013 sa 2015, sa fejn jirrigwarda l-argument dwar nuqqasijiet fl-analiżi tar-riskji, u l-motiv tar-rikors li jikkonċerna korrezzjoni b’rata fissa ta’ EUR 636 516.20 għas-snin finanzjarji 2011 sa 2014, sa fejn jirrigwarda l-argument dwar kontrolli fuq il-post insuffiċjenti fir-rigward tal-investimenti ffinanzjati fis-settur tal-inbid.

 

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

3)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

4)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.