SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Jannar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u tal-elettriku – Direttiva 2003/96/KE – Artikolu 7(2) u (3) – Kunċett ta’ ‘diżil kummerċjali użat bħala propellent’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa għad-diżil kummerċjali użat bħala propellent għall-ġarr regolari ta’ passiġġieri u mhux għall-ġarr okkażjonali ta’ passiġġieri – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑513/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Palermo (il-Kummissjoni tat-Taxxa Reġjonali ta’ Palermo, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

Autoservizi Giordano società cooperativa

vs

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli – Ufficio di Palermo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur), T. von Danwitz, C. Vajda, u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Autoservizi Giordano società cooperativa u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli – Ufficio di Palermo (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji – l-Uffiċċju ta’ Palermo, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħti lil Autoservizi Giordano rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa fuq id-diżil kummerċjali użat bħala propellent għat-tielet trimestru tas-sena 2017.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 sa 7, 9, 11, 12 u 24 tad-Direttiva 2003/96 jiddikjaraw:

“(2)

L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti enerġetiċi minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.

(3)

Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)

Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)

L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.

(6)

Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat [KE], il-ħtiġijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Komunità.

(7)

Bħala sieħba tal-konvenzjoni kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar tibdil fil-klima, il-Komunità irratifikat il-Protokoll ta’ Kyoto. It-tassazzjoni fuq prodotti enerġetiċi u, fejn xieraq, ta’ l-elettriku hija waħda mill-istrumenti disponibbli biex jinkisbu l-iskopijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto.

[…]

(9)

Stati Membri għandhom jingħataw il-flessibilità neċessarja biex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki xierqa skond iċ-cirkostanzi nazzjonali tagħhom.

[…]

(11)

Arranġamenti fiskali magħmula b’konnessjoni ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas fi ħdan il-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti enerġetiċi u elettriku huma suġġett għal kull Stat Membru li jiddeċiedi. F’dan ir-rigward, Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jgħollux il-piż globali tat-taxxa jekk huma jikkonsidraw li l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju ta’ newtralità fuq it-taxxa jista’ jikkontribwixxi għall-ristrutturar u l-immodernizzar tas-sistema tagħhom ta’ tassazzjoni billi jinkoraġixxi aġir li jwassal għall-protezzjoni ikbar ta’ l-ambjent u li jżid ix-xogħol.

(12)

Prezzijiet fuq l-enerġija huma elementi importanti għall-politiki tal-Komunità dwar enerġija, trasport u ambjent.

[…]

(24)

Stati Membri għandhom jiġu permessi li japplikaw eżenzjonijiet oħra jew livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni, sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għall-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern u li ma jirriżultax fi tfixkil tal-kompetizzjoni.”

4

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi:

“1.   Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli miimi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva.

2.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva “livell ta’ tassazzjoni” huwa il-piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief il-VAT) ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum.”

5

Skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva:

“1.   B’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2004 u mill-1 ta’ Jannar 2010, il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-karburanti ta’ karozzi għandhom ikunu fissi kif muri f’Annex I Table A.

Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament wara li jikkonsulta il-Parlament Ewropew, għandu, fuq il-bażi ta’ rapport u proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi fuq il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli fuq in-nafta għall-perjodu ieħor li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013.

2.   Stati Membri għandhom jagħmlu differenza bejn użu kummerċjali u dak li mhuwiex tan-nafta [diżil] użat bħala propellent, jekk kemm-il darba il-livelli minimi tal-Komunità ikunu osservati u r-rata għall-nafta kummerċjali użata bħala propellent ma tkunx inqas mill-livell ta’ tassazzjoni nazzjonali b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2003, minkejja xi derogi għal dan l-użu kif imniżżel f’din id-Direttiva.

3.   ‘Nafta [diżil] kummerċjali użata bħala propellent’ għandha tfisser nafta użata bħala propellent għall-skopijiet kif imniżżla hawn taħt:

a)

il-ġarr ta’ oġġetti għall-kiri jew għar-rigal, jew għall-persuna stess, permezz ta’ karozzi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi artikulati intenzjonati esklussivament għall-ġarr ta’ oġġetti bit-triq li l-piż massimu permissibli huwa ta’ mhux inqas minn 7,5 tunnellati;

b)

il-ġarr ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizz regolari jew okkażjonali, permezz ta’ vettura fil-kategorija M2 jew kategorija M3, kif definita fid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 fuq l-aprossimazzjoni tal-liġijiet ta’ Stati Membri li jsemmu it-tip approvat ta’ karozzi u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44)].

4.   Minkejja paragrafu 2, Stati Membri li jintroduċu sistema ta’ piżijiet għall-karozzi fit-triq jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi artikulati intenzjonati esklussivament għall-ġarr ta’ oġġetti bit-triq jistgħu japplikaw rata mnaqqsa fuq diżil użat minn dawn il-vetturi, li hija inqas mill-livell ta’ tassazzjoni nazzjonali b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2003, jekk kemm-il darba il-piż tat-taxxa ġenerali tibqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess, ukoll il-livelli minimi tal-Komunità huma osservati u li l-livell ta’ tassazzjoni nazzjonali b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2003 fuq diżil użat bħala propellent hija minn ta’ l-inqas id-doppju tal-livell ta’ tassazzjoni minimu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2004.”

Id-dritt Taljan

6

L-Artikolu 6 tad-decreto legislativo n. 26 – Attuazione della direttiva 2003/96/CE che ristruttura il quadro comunitario per la tassazione dei prodotti energetici e dell’ elettricità (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 26, li jittrasponi d-Direttiva 2003/96), tat-2 ta’ Frar 2007 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 68, tat-22 ta’ Marzu 2007, p. 5), jistabbilixxi r-rata tad-dazju tas-sisa fuq id-diżil użat bħala propellent.

7

L-Artikolu 24b tad-decreto legislativo n. 504 – Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le imposte sulla produzione e sui consumi e relative sanzioni penali e amministrative (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 504 li jistabbilixxi t-test uniku li jipprovdi dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-konsum u s-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi relatati), tas-26 ta’ Ottubru 1995 (is-Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 279, tad-29 ta’ Novembru 1995, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995”), intitolat “diżil kummerċjali”, introdott mid-decreto-legge n. 193 - Disposizioni urgenti in materia fiscale e per il finanziamento di esigenze indifferibili (id-Digriet Liġi Nru 193 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti fi kwistjonijiet ta’ taxxa u għall-finanzjament ta’ ħtiġijiet immedjati) tat‑22 ta’ Ottubru 2016 ikkonvertit, b’xi emendi, fil-Liġi Nru 225 tal‑1 ta’ Diċembru 2016 (GURI Nru 282, tat-2 ta’ Diċembru 2016, p. 1), intitolat “diżil kummerċjali”, jipprevedi:

“1.   Id-diżil kummerċjali użat bħala propellent huwa suġġett għal taxxa tas-sisa permezz tal-applikazzjoni tar-rata prevista għal dan l-użu bin-numru 4a tat-Tabella A annessa għal dan it-test uniku.

2.   Diżil kummerċjali użat bħala propellent ifisser id-diżil użat minn vetturi, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fil-kategorija Euro 2 jew inqas, użati mill-proprjetarju tagħhom jew bis-saħħa ta’ titolu ieħor li jiżgura d-dispożizzjoni esklużiva tagħhom, għall-għanijiet li ġejjin:

a)

attivitajiet ta’ trasport ta’ merkanzija permezz ta’ vetturi b’piż massimu awtorizzat ta’ 7.5 tunnellata jew iktar magħmula minn […];

b)

attivitajiet ta’ trasport ta’ persuni mwettqa minn:

1)

entitajiet pubbliċi u kumpanniji pubbliċi lokali li jwettqu l-attività ta’ trasport koperta mid-decreto legislativo n. 422 – Conferimento alle regioni ed agli enti locali di funzioni e compiti in materia di trasporto pubblico locale, a norma dell’articolo 4, comma 4, della legge 15 marzo 1997, n. 59 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 422, trasferiment ta’ funzjonijiet u ta’ kompiti fil-qasam tat-trasport pubbliku lokali lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali, bis-saħħa tal-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 59 tal-15 ta’ Marzu 1997), tad-19 ta’ Novembru 1997, (GURI Nru o287, tal-10 ta’ Diċembru 1997, p. 4)] u mil-leġiżlazzjonijiet reġjonali ta’ implimentazzjoni;

2)

impriżi li jipprovdu servizzi ta’ trasport interreġjonali taħt il-kompetenza tal-Istat koperti mid-decreto legislativo n. 285 – Riordino dei servizi automobilistici interregionali di competenza statale (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 285, li jistabbilixxi r-riorganizzazzjoni tas-servizzi interreġjonali ta’ trasport pubbliku bit-triq taħt il-kompetenza tal-Istat), tal-21 ta’ Novembru 2005; (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 6, tat-9 ta’ Jannar 2006, p. 12)];

3)

impriżi li jipprovdu servizzi ta’ trasport li jaqgħu taħt il-kompetenza reġjonali u lokali msemmija mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 422 tad-19 ta’ Novembru 1997;

4)

impriżi li jipprovdu servizzi ta’ trasport regolari fil-qafas Komunitarju msemmi fir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 [dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006) (ĠU 2009, L 300, p. 88)].

3.   Huwa meqjus ukoll bħala diżil kummerċjali d-diżil użat għall-attivitajiet ta’ trasport ta’ persuni mwettqa minn entitajiet pubbliċi jew minn impriżi li joperaw trasport permezz tal-funivija li jaqa’ taħt is-servizz pubbliku.

4.   Ir-rimbors tal-ispiża ogħla li tirriżulta mid-dazju tas-sisa applikat għad-diżil kummerċjali huwa ffissat għal ammont daqs id-differenza bejn ir-rata tad-dazju tas-sisa fuq id-diżil użat bħala propellent, imsemmija fl-Anness I, u dik imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Għall-finijiet tar-rimbors iċċitat iktar ’il fuq, il-persuni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni għal dan il-għan lill-uffiċċju kompetenti tal-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji) fi żmien xahar mit-tmiem ta’ kull tliet xhur ċivili li matulhom ikun seħħ il-konsum tad-diżil kummerċjali.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Autoservizi Giordano teżerċita l-attività ta’ trasport ta’ passiġġieri, permezz ta’ servizzi ta’ kiri ta’ xarabank b’xufier.

9

Din il-kumpannija talbet lill-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji sabiex jibbenefikaw, fir-rigward tat-tielet trimestru tas-sena 2017, mir-rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa fuq id-diżil kummerċjali użat bħala propellent, prevista fl-Artikolu 24b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995.

10

L-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji ċaħdet din it-talba għar-raġuni li l-attività ta’ trasport ta’ passiġġieri, permezz ta’ servizzi ta’ kiri ta’ xarabank b’xufier, bħal dik eżerċitata minn Autoservizi Giordano, ma kienet taqa’ taħt ebda waħda mill-kategoriji ta’ attivitajiet ta’ trasport li jibbenefikaw, skont l-Artikolu 24b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995, minn rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fuq id-diżil kummerċjali użat bħala propellent.

11

Autoservizi Giordano kkontestat dan ir-rifjut quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Palermo (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Palermo, l-Italja).

12

Insostenn tar-rikors tagħha, Autoservizi Giordano ssostni li l-benefiċċju ta’ rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa jirriżulta mill-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96 u li, konsegwentement, ir-restrizzjoni li tinsab fl-Artikolu 24b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995 hija arbitrarja u illegali.

13

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96 iħalli lil kull Stat Membru setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn użu kummerċjali u mhux kummerċjali tad-diżil. Hija tindika, madankollu, li dan l-artikolu ma jidhirx li jagħti lill-Istati Membri l-istess marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedu li jipprevedu rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa għall-kategorija ta’ diżil kummerċjali użat bħala propellant, peress li din il-kategorija għandha tkun konformi mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diżil kummerċjali” previst mill-imsemmi artikolu.

14

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, billi jagħti l-benefiċċju tar-rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fuq id-diżil kummerċjali użat bħala propellant għal ċerti attivitajiet biss, u mhux għal oħrajn, bħall-attività ta’ kiri ta’ xarabank b’xufier fis-settur tat-trasport privat ta’ persuni, l-Artikolu 24b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995 jillimita l-portata tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2003/96, li jirreferi għall-“ġarr ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizz regolari jew okkażjonali”.

15

Fl-aħħar nett il-qorti tar-rinviju tindika li hija qiegħda tfittex li tiddetermina jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96 jistax jiġi invokat direttament minn persuni privati sabiex jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u r-rimbors tad-dazji tas-sisa mħallsa indebitament. Hija tenfasizza li, jekk dan huwa l-każ, id-dritt Taljan diffiċilment jista’ jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.

16

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk is-setgħa diskrezzjonali, mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/96, timplikax li l-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li jinkludi fil-kunċett ta’ “diżil kummerċjali” dak intiż għall-“ġarr ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizz regolari jew okkażjonali”, ma huwiex suffiċjentement ċar, preċiż u inkundizzjonat.

17

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, il-Commissione tributaria provinciale di Siracusa (il-Qorti tat-Taxxa Reġjonali ta’ Palermo, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/96] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impriżi u l-persuni pubbliċi jew privati kollha li joperaw fis-settur tat-trasport tal-persuni bix-xarabank, inkluż il-kiri ta’ xarabank b’xufier, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta [din id-]direttiva, sa fejn ma tinkludix ukoll l-operaturi li joperaw kiri ta’ xarabank b’xufier fost il-persuni li jużaw id-diżil għal użu kummerċjali?

2)

Is-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati, li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/96/KE (“Stati Membri għandhom jagħmlu differenza bejn użu kummerċjali u dak li mhuwiex tan-nafta [diżil] użat bħala propellant, jekk kemm-il darba il-livelli minimi tal-Komunità ikunu osservati u r-rata għall-nafta kummerċjali użata bħala propellant ma tkunx inqas mill-livell ta’ tassazzjoni nazzjonali b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2003”) jimplika li d-dispożizzjoni li tinkludi fid-diżil għal użu kummerċjali dak maħsub għat-“trasport okkażjonali ta’ persuni” ma hijiex immedjatament effikaċi u inkundizzjonata?

3)

L-Artikolu 7 tad-[Direttiva 2003/96] huwa, mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, suffiċjentement preċiż, minn naħa, u inkundizzjonat, min-naħa l-oħra, sabiex ikun jista’ jiġi invokat direttament minn individwu kontra l-awtoritajiet tal-Istat Membru?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija impriża privata u mhux impriża pubblika. Għaldaqstant, u minkejja l-formulazzjoni tal-ewwel domanda, hemm lok, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha impriża privata li teżerċita l-attività ta’ ġarr ta’ passiġġieri, permezz ta’ servizzi ta’ kiri ta’ xarabank b’xufier u, min-naħa l-oħra, jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rata mnaqqsa ta’ sisa għad-diżil kummerċjali użat bħala propellent għall-ġarr regolari ta’ passiġġieri, mingħajr madankollu ma jipprevedi tali rata għal dak użat għall-ġarr okkażjonali tal-passiġġieri.

19

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tal-livell ta’ tassazzjoni, jistabbilixxu differenza bejn id-diżil kummerċjali u d-diżil privat użat bħala propellant bil-kundizzjoni li l-livelli minimi Komunitarji ta’ tassazzjoni jiġu osservati u li r-rata stabbilita għad-diżil kummerċjali ma tkunx inqas minn ċertu livell ta’ tassazzjoni nazzjonali. Fir-rigward tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva, dan jippreċiża dak li għandu jinftiehem b’ “diżil kummerċjali użat bħala propellant” u jirreferi, b’mod partikolari, fil-punt (b) tiegħu, għad-diżil użat bħala propellent għall-ġarr ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizz regolari jew okkażjonali permezz ta’ vettura bil-mutur fil-kategorija M2 jew M3, fis-sens tad-Direttiva 70/156.

20

Kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li l-kunċett ta’ “[diżil] kummerċjali użat bħala propellant” huwa ddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni b’riferiment mhux għan-natura pubblika jew privata tal-entitajiet li jużaw id-diżil, iżda għall-finijiet li għalihom jintuża d-diżil, jiġifieri l-ġarr ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri, permezz ta’ ċerti vetturi bil-mutur.

21

Konsegwentement, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha impriża privata li teżerċita l-attività ta’ trasport ta’ passiġġieri permezz ta’ servizzi ta’ kiri ta’ xarabank b’xufier, bil-kundizzjoni li l-vetturi mikrija minn din l-impriża jkunu ta’ kategorija M2 jew M3, fis-sens tad-Direttiva 70/156.

22

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel domanda, għandu, preliminarjament, jitfakkar li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini, l-istruttura u l-għanijiet tagħha (sentenza tad-19 ta’ April 2018, CMR, C-645/16, EU:C:2018:262, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2003/96, għandu jiġi rrilevat li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-Istati Membri jistabbilixxu differenza bejn id-diżil kummerċjali u d-diżil għall-użu privat użat bħala propellant, u li l-paragrafu 3 (b) tal-imsemmi artikolu jispeċifika li l-kunċett ta’ “Nafta (diżil) kummerċjali użata bħala propellant” inkluż id-diżil użat bħala propellant għall-“ġarr ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizz regolari jew okkażjonali”.

24

Għandu jiġi enfasizzat li t-termini “regolari” u “okkażjonali”, li jinsabu fl-espressjoni “ġarr ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizz regolari jew okkażjonali” msemmija fl-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2003/96, huma marbuta bil-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”. F’dan ir-rigward, huwa minnu li, il-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew” tista’, minn perspettiva lingwistika, ikollha sens kemm alternattiv kif ukoll kumulattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, EU:C:2005:444, punt 83, kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C-391/16, C‑77/17 u C-78/17, EU:C:2019:403, punt 102).

25

Madankollu, kif sostna essenzjalment il-Gvern Taljan, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li r-rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fuq id-diżil kummerċjali tapplika għal kull attività tat-ġarr tal-passiġġieri, mingħajr distinzjoni bejn it-trasport regolari u t-trasport okkażjonali, huwa kien juża fl-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2003/96 l-espressjoni “ġarr tal-passiġġieri”. L-użu tal-espressjoni “ġarr ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizz regolari jew okkażjonali” donnu għalhekk jindika li l-ġarr regolari ta’ passiġġieri u l-ġarr okkażjonali ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizz regolari jew okkażjonali, marbuta bil-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”, ma għandhomx neċessarjament ikunu suġġetti b’mod kumulattiv għar-rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa, iżda jistgħu wkoll jiġu ssuġġettati b’mod alternattiv.

26

Fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2003/96, mill-premessa 3 u mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jirriżulta li hija ma wettqitx armonizzazzjoni totali tar-rati tas-sisa fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku iżda sempliċement tiffissa livelli minimi ta’ tassazzjoni armonizzati. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 30 u 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, minbarra l-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva, l-Artikoli 5, 14 sa 17 u 19 ta’ din tal-aħħar jipprevedu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati, eżenzjonijiet ta’ tassazzjoni jew tnaqqis fiskali tad-dazji tas-sisa. Dawn id-dispożizzjonijiet jixhdu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fil-qasam tad-dazji tas-sisa.

27

L-istruttura tad-Direttiva 2003/96 timmilita għalhekk favur interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3)(b) ta’ din id-direttiva, fis-sens li l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa ma għandhiex neċessarjament tinkludi l-ġarr regolari u okkażjonali ta’ passiġġieri, iżda tista’ wkoll tkun limitata għal waħda minn dawn il-forom ta’ ġarr ta’ passiġġieri.

28

Barra minn hekk, fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/96, infakkar li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li mill-premessi 9 u 11 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tal-aħħar għandha l-għan li tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni sabiex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki adattati għall-kuntesti nazzjonali u li s-sistemi stabbiliti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, IRCCS - Fondazione Santa Luċija, C-189/15, EU:C:2017:17, punt 50)

29

Kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rikonoxximent lill-Istati Membri tal-possibbiltà li jipprevedu rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa għad-diżil użat għall-ġarr regolari ta’ passiġġieri, u mhux għal dik użata għall-ġarr okkażjonali ta’ passiġġieri, jippermettilhom jimplementaw politiki adattati għall-kuntesti nazzjonali tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport u tal-aċċessibbiltà tat-territorji.

30

Fit-tieni lok, billi tipprevedi sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku, id-Direttiva 2003/96 għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 5 u 24 tagħha, li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi tevita, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C-31/17, EU:C:2018:168, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, mill-premessa 3 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li huwa sabiex jiġi ggarantit dan il-funzjonament tajjeb tas-suq intern li din stabbilixxiet livelli minimi Komunitarji ta’ tassazzjoni.

31

Issa, sakemm il-livelli minimi Komunitarji ta’ tassazzjoni jiġu osservati, dan l-għan ma jipprekludix li l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2003/96 jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa biss għall-ġarr regolari ta’ passiġġieri.

32

Fit-tielet lok, id-Direttiva 2003/96 hija intiża wkoll, kif jirriżulta mill-premessi 6, 7, 11 u 12 tagħha, li tinkoraġġixxi għanijiet ta’ politika ambjentali (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C-31/17, EU:C:2018:168, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Kif enfasizza l-Gvern Taljan, dawn l-għanijiet jimmilitaw favur interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2003/96 fis-sens li ma jipprekludix li l-leġiżlatur nazzjonali jipprevedi rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa fuq id-diżil kummerċjali użat bħala propellent għall-ġarr regolari ta’ passiġġieri, mingħajr madankollu ma jipprevedi tali rata għall-ġarr okkażjonali ta’ passiġġieri. Fil-fatt, sa fejn rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa fuq id-diżil kummerċjali użat bħala propellent tnaqqas l-ispejjeż marbuta mal-konsum tad-diżil, it-tnaqqis tan-numru ta’ benefiċjarji ta’ tali vantaġġ jista’ jinkoraġġixxi l-limitazzjoni ta’ dan il-konsum għall-forom ta’ ġarr tal-passiġġieri li ma jibbenefikawx minnu u, għaldaqstant, jikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ politika ambjentali inkoraġġita minn din id-direttiva.

34

Konsegwentement, fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel domanda, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl kemm tal-kliem tal-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2003/96 kif ukoll tal-istruttura u tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa għad-diżil kummerċjali użat bħala propellent fil-kuntest tal-attività ta’ ġarr regolari ta’ passiġġieri, mingħajr madankollu ma tipprevedi tali rata għal dik użata fil-kuntest tal-attività ta’ ġarr regolari ta’ passiġġieri, mingħajr madankollu ma tipprevedi tali rata għal dik użata fil-kuntest tal-attività ta’ ġarr okkażjonali ta’ passiġġieri.

35

Madankollu, kif fakkret, essenzjalment, il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fl-eżerċizzju tas-setgħa li huma għandhom sabiex jimplementaw l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2016, Polihim-SS, C-355/14, EU:C:2016:403, punt 59, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ, C-499/16, EU:C:2017:846, punti 2930).

36

Għalhekk, il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni hija suġġetta għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha kull indikazzjoni utli sabiex issolvi l-kawża li tressqet quddiemha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Fontana, C-648/16, EU:C:2018:932, punti 3738).

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 164 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Dan il-prinċipju jipprekludi li oġġetti jew provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu, li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tar-rata tad-dazju tas-sisa (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C-597/17, EU:C:2019:544, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Sabiex jiġi stabbilit jekk oġġetti jew provvista ta’ servizzi jixxibhux, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni prinċipalment il-perspettiva tal-konsumatur medju. Oġġetti jew provvista ta’ servizzi jkunu jixxiebhu meta jkollhom karatteristiċi analogi u jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur, skont kriterju ta’ tqabbil fl-użu, u meta d-differenzi eżistenti ma jinfluwenzawx b’mod kunsiderevoli d-deċiżjoni tal-konsumatur medju li jirrikorri għal wieħed jew għal ieħor mill-imsemmija oġġetti jew provvista ta’ servizzi (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C-597/17, EU:C:2019:544, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, is-servizzi ta’ ġarr regolari ta’ passiġġieri jiżguraw, mid-definizzjoni tagħhom, il-ġarr tal-passiġġieri skont frekwenza u fuq traġitt iddeterminat, filwaqt li s-servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizzi ta’ ġarr okkażjonali jissodisfaw bżonnijiet speċifiċi. Barra minn hekk, l-operaturi li jipprovdu servizzi ta’ ġarr regolari ta’ passiġġieri huma ġeneralment inkarigati minn missjonijiet ta’ servizz pubbliku.

41

Għalhekk, peress li s-servizzi ta’ ġarr regolari u s-servizzi ta’ ġarr okkażjonali ta’ passiġġieri ma jidhrux li jissodisfaw l-istess bżonnijiet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2003/96, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu taqa’ l-impriża privata li teżerċita l-attività ta’ ġarr ta’ passiġġieri, permezz ta’ servizzi ta’ kiri ta’ xarabank b’xufier, bil-kundizzjoni li l-vetturi mikrija minn din l-impriża jkunu ta’ kategorija M2 jew M3, fis-sens tad-Direttiva 70/156, min-naħa l-oħra, li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rata tas-sisa mnaqqsa għall-propellent tad-diżil għall-użu kummerċjali użat bħala propellent għall-ġarr regolari tal-passiġġieri, mingħajr madankollu ma jipprevedi tali rata għal dak użat għall-ġarr okkażjonali tal-passiġġieri, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tosserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

43

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2003/96 jistax jiġi invokat direttament minn individwu kontra l-awtoritajiet Taljani.

44

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn iż-żewġ domandi

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-impriża privata li teżerċita l-attività ta’ ġarr ta’ passiġġieri, permezz ta’ servizzi ta’ kiri ta’ xarabank b’xufier, bil-kundizzjoni li l-vetturi mikrija minn din l-impriża jkunu ta’ kategorija M2 jew M3, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ Stati Membri li jsemmu it-tip approvat ta’ karozzi u l-karrijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rata tas-sisa mnaqqsa għall-propellent tad-diżil għall-użu kummerċjali użat bħala propellent għall-ġarr regolari tal-passiġġieri, mingħajr madankollu ma jipprevedi tali rata għal dak użat għall-ġarr okkażjonali tal-passiġġieri, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tosserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan