KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis‑16 ta’ Lulju 2020 ( 1 )

Kawża C‑352/19 P

Région de Bruxelles-Capitale

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Regolament (KE) Nru 1107/2009 — Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2324 — Sustanza attiva glifosat — Artikolu 263 TFUE — Locus standi tar-rikorrenti privati — Interess dirett — Artikolu 4(2) TUE — Reġjuni tal-Istati Membri — Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus — Interpretazzjoni konformi — Interess individwali — Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Entità ffederata ta’ Stat Membru, li skont il-kostituzzjoni ta’ dan l-Istat għandha l-kompetenza li tipproteġi l-ambjent, u li fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza tipprojbixxi l-użu tal-glifosat fit-territorju tagħha, minħabba li tikkunsidra din is-sustanza attiva bħala perikoluża, hija kkonċernata direttament mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2017/2324 ( 2 ) li jġedded l-approvazzjoni ta’ din l-istess sustanza attiva, billi jiddikjaraha effettivament sigura?

2.

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li tali reġjun, f’din il-kawża r-Région de Bruxelles-Capitale (ir-Reġjun ta’ Brussell, il-Belġju), ma huwiex ikkonċernat direttament b’miżura tal-Unjoni Ewropea bħal din. Hija għaldaqstant iddikjarat ir-rikors għall-annullament ippreżentat minn dan ir-reġjun bħala inammissibbli ( 3 ). Jiena tal-fehma li, billi ċaħdet il-locus standi lir-Région de Bruxelles-Capitale, il-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt, billi interpretat b’mod żbaljat ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju applikabbli.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

3.

L-Artikolu 2(2) u (4) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas‑17 ta’ Frar 2005 ( 4 ) (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), li jinkludi d-definizzjonijiet, jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni:

[…]

2.   L-espressjoni ‘awtorità pubblika’ tfisser:

(a)

l-amministrazzjoni pubblika fuq livell nazzjonali jew reġjonali jew f’livell ieħor;

(b)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw, skont id-dritt intern, funzjonijiet amministrattivi pubbliċi, inklużi kompiti, attivitajiet jew servizzi partikolari konnessi mal-ambjent;

(c)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tassumi responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi jew li tipprovdi servizzi pubbliċi konnessi mal-ambjent taħt l-awtorità ta’ korp jew ta’ persuna li taqa’ fil-kategoriji msemmija fil-punti (a) u (b) iktar ’il fuq;

[…]

4.   Il-kelma ‘pubbliku’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar u, konformement mal-leġiżlazzjoni jew mal-użanza tal-pajjiż, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi mwaqqfa minn dawn il-persuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.

L-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jikkonċerna l-aċċess għall-ġustizzja, jistabbilixxi:

“3.   […] kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4.   […] il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom joffru rimedji suffiċjenti u effettivi, inkluż rimedju permezz ta’ ordni jekk ikun il-każ, u dawn ir-rimedji għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u rapidi, mingħajr ma jkunu jinvolvu spejjeż projbittivi. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

Permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/99/KE tal‑20 ta’ Novembru 2001 li temenda l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-glifosat u t-tifensulfuron-metil bħala sustanzi attivi ( 5 ), is-sustanza attiva glifosat ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ( 6 ) u għaldaqstant ġiet approvata skont din l-aħħar direttiva, b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2002.

6.

Id-Direttiva 91/414 ġiet imħassra, b’effett mill‑14 ta’ Ġunju 2011 u suġġett għal ċerti miżuri tranżitorji, mir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414 ( 7 ).

7.

Il-premessi 10, 23 u 29 tar-Regolament Nru 1107/2009 jistabbilixxu:

“(10)

Is-sustanzi għandhom jiġu inklużi biss fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fejn ikun intwera li huma ta’ benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li mhumiex mistennija jkollhom xi effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew xi effett inaċċettabbli fuq l-ambjent. Sabiex jinkiseb l-istess livell ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha, id-deċiżjoni dwar l-aċċettabbiltà jew in-nuqqas ta’ aċċettabbiltà ta’ sustanzi bħal dawn għandha tittieħed fuq livell Komunitarju abbażi ta’ kriterji armonizzati. Dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati għall-ewwel approvazzjoni ta’ sustanza attiva skont dan ir-Regolament. Għas-sustanzi attivi li diġà ġew approvati, il-kriterji għandhom jiġu applikati fil-ħin tat-tiġdid jew tar-reviżjoni tal-approvazzjoni tagħhom.

[…]

(23)

[…] L-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom għalhekk jingħataw mill-Istati Membri.

[…]

(29)

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa wieħed mill-mezzi li bih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija fil-Komunità. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni tax-xogħol, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-industrija u għall-Istati Membri u biex tiġi prevista disponibbiltà iktar armonizzata tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija minn Stat Membru wieħed għandhom ikunu aċċettati mill-Istati Membri l-oħra fejn il-kondizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali (inkluż dawk klimatiċi) ikunu komparabbli. Għalhekk, il-Komunità għandha tiġi maqsuma f’żoni b’tali kondizzjonijiet komparabbli sabiex ikun iffaċilitat tali rikonoxximent reċiproku. Madankollu, iċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed jistgħu jirrekjedu li, mal-applikazzjoni, l-Istati Membri jirrikonoxxu jew jemendaw awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor, jew jirrifjutaw li jawtorizzaw il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħhom, fejn dan ikun ġustifikat bħala riżultat taċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi […]”.

8.

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 20(2), tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi, fil-parti rilevanti, li “[f]’każ li tiġi rtirata l-approvazzjoni jew jekk l-approvazzjoni ma tiġix imġedda minħabba tħassib immedjat għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali jew tal-ambjent, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernati għandhom jiġu rtirati mis-suq minnufih.”

9.

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 36(3), tar-Regolament Nru 1107/2009, fil-parti rilevanti, jistabbilixxi:

“Meta t-tħassib ta’ Stat Membru dwar is-saħħa tal-bniedem jew l-annimali jew tal-ambjent ma jistax ikun ikkontrollat billi jiġu stabbiliti l-miżuri nazzjonali ta’ tnaqqis tar-riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu, Stat Membru jista’ jirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tiegħu jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi tiegħu, huwa għandu raġunijiet sostanzjati biex iqis li l-prodott in kwistjoni għadu joħloq riskju serju jew inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent.”

10.

L-Artikolu 40(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi:

“Id-detentur ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 29 jista’ japplika għal awtorizzazzjoni għall-istess prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, l-istess użu u taħt il-prattiki agrikoli komparabbli fi Stat Membru ieħor skont il-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku, prevista f’din is-subtaqsima, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorizzazzjoni ngħatat minn Stat Membru (l-Istat Membru ta’ referenza) li jappartjeni għall-istess żona;

[…]”

11.

L-Artikolu 41(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“L-Istat Membru li lilu tiġi ppreżentata applikazzjoni skont l-Artikolu 40 għandu […] kif inhu xieraq b’rigward għaċ-ċirkostanzi fit-territorju tiegħu, jawtorizza l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni, ħlief meta japplika l-Artikolu 36(3).”

12.

L-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi:

“1.   Awtorizzazzjoni għandha tiġġedded wara applikazzjoni mid-detentur tal-awtorizzazzjoni, bil-kondizzjoni li r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 29 għadhom qed jiġu ssodisfatti.

[…]

5.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara t-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva, tal-aġent protettiv jew tas-sinerġist li jkun fih.

6.   Fejn, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, ma tittieħdet l-ebda deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni qabel l-iskadenza tagħha, l-Istat Membru kkonċernat għandu jestendi l-awtorizzazzjoni għall-perijodu meħtieġ sabiex ikun ikkompletat l-eżami u tiġi adottata deċiżjoni dwar it-tiġdid.”

13.

L-Artikolu 78(3) tar-Regolament Nru 1107/2009 kien jipprevedi l-adozzjoni ta’ regolament li jinkludi l-lista tas-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, peress li dawn is-sustanzi huma meqjusa approvati skont ir-Regolament Nru 1107/2009.

14.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal‑25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati ( 8 ) adotta l-lista prevista mill-Artikolu 78(3) tar-Regolament Nru 1107/2009. Il-glifosat kien inkluż f’din il-lista, b’data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ approvazzjoni tal‑31 ta’ Diċembru 2015.

15.

Ġiet ippreżentata applikazzjoni għat-tiġdid ta’ din l-approvazzjoni fil-perijodu stabbilit. Sussegwentement, il-Kummissjoni estendiet il-perijodu għall-approvazzjoni tal-glifosat darbtejn, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, minħabba li l-proċedura tat-tiġdid ġiet imdewma ( 9 ).

16.

Fit‑12 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat, u ġeddet l-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, sal‑15 ta’ Diċembru 2022.

C.   Id-dritt Belġjan

17.

Skont l-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni tar-Renju tal-Belġju, “Il-Belġju huwa Stat federali kompost minn Komunitajiet u Reġjuni”. Skont l-Artikolu 3 tal-Kostituzzjoni, “Il-Belġju jinkludi tliet Reġjuni: ir-Reġjun ta’ Vlaanderen, ir-Reġjun ta’ Wallonie u r-Reġjun ta’ Brussell.”

18.

Skont l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni: “Il-liġi tassenja lill-korpi reġjonali li toħloq u li huma komposti minn rappreżentanti eletti l-kompetenza li jiġġestixxu l-kwistjonijiet li hija tiddetermina […] fil-kamp ta’ applikazzjoni u skont il-mod stabbilit b’liġi. […]”

19.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1)(II) tal-Loi spéciale de réformes institutionnelles (il-Liġi Speċjali dwar Riformi Istituzzjonali tat‑8 ta’ Awwissu 1980) (iktar ’il quddiem “il-Liġi Speċjali”) ( 10 ), il-kwistjonijiet li għandhom jiġu ġġestiti mir-reġjuni jinkludu “l-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari dik tal-ħamrija, is-sottoswol, l-ilma u l-arja kontra t-tniġġis u l-aggressjoni […]”. Skont din id-dispożizzjoni, ir-reġjuni huma kompetenti li jirregolaw l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorji rispettivi tagħhom.

20.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1)(II), tal-Liġi Speċjali, l-awtorità federali hija kompetenti sabiex “tistabbilixxi standards ta’ prodotti”. Hija għaldaqstant l-awtorità federali li teżamina l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tagħti dawn l-awtorizzazzjonijiet, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009. Madankollu, skont is-subparagrafu 1 tal-Artikolu 6(4), tal-Liġi Speċjali, ir-reġjuni huma involuti fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza.

21.

L-Artikolu 7 tal-Arrêté royal relative à la conservation, à la mise sur le marché et à l’utilisation des pesticides à usage agricole (id-Digriet Irjali Belġjan tat‑28 ta’ Frar 1994 dwar il-konservazzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ pestiċidi għal użu agrikolu) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”) ( 11 ) jistipula li huwa pprojbit li pestiċida titqiegħed fis-suq, li tiġi ppreparata, ittrasportata, importata, offruta, eżebita, offruta għall-bejgħ, miżmuma, akkwistata jew użata għal użu agrikolu li ma ġiex preċedentement awtorizzat mill-Ministru. Skont l-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet, “il-Ministru jew uffiċjal magħżul għal dan l-għan mill-Ministru għandu jagħti l-awtorizzazzjoni fuq il-parir tal-[Kumitat ta’ Approvazzjoni msemmi fl-Artikolu 9]”. Skont l-Artikolu 9 tad-Digriet Irjali, il-Kumitat ta’ Approvazzjoni huwa kompost minn 12-il membru maħtura mill-Ministru, inkluż “espert mir-Reġjun ta’ Brussell, ippreżentat mill-Ministru-President tar-Région de Bruxelles-Capitale”.

22.

Fl‑20 ta’ Ġunju 2013, ir-Région de Bruxelles-Capitale adotta d-Digriet dwar l-Użu Sostenibbli ta’ pestiċidi fir-Région de Bruxelles-Capitale (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑2013”) ( 12 ). Skont l-Artikolu 1(1), dan id-digriet jittrasponi d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb l-użu sostenibbli tal-pestiċidi ( 13 ). Skont l-Artikolu 1(3), ir-Région de Bruxelles-Capitale “jista’ jidentifika pestiċidi li l-użu tagħhom huwa pprojbit minħabba r-riskji li għandhom għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent”.

23.

Fl‑10 ta’ Novembru 2016, ir-Région de Bruxelles-Capitale adotta, abbażi tad-Digriet tal‑2013, id-Digriet li jipprojbixxi l-użu ta’ pestiċidi li jinkludu l-glifosat fir-Région de Bruxelles-Capitale (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑2016”) ( 14 ). L-Artikolu 1 tad-Digriet tal‑2016 jistabbilixxi: “L-użu ta’ kwalunkwe pestiċida li jinkludi l-glifosat fit-territorju tar-Région de Bruxelles-Capitale huwa pprojbit”.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

24.

Fit‑8 ta’ Marzu 2018, ir-Région de Bruxelles-Capitale ppreżenta rikors għall-annullament tar-regolament ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali. Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Région de Bruxelles-Capitale invoka żewġ motivi.

25.

L-ewwel nett, ir-Région de Bruxelles-Capitale allega ksur tal-obbligu li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Dan sostna li r-Regolament 2017/2324 huwa bbażat fuq evalwazzjoni xjentifika ta’ riskji għas-saħħa u l-ambjent li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Il-Kummissjoni naqset milli twettaq evalwazzjoni ta’ politika u ta’ ġestjoni ta’ riskju li josservaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

26.

It-tieni nett, ir- Région de Bruxelles-Capitale allega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-regolament ikkontestat tqies li huwa internament inkonsistenti. Ir-Région de Bruxelles-Capitale sostna li l-preambolu u l-artikoli ta’ dan ir-regolament jissuġġerixxu li l-glifosat ma għandux effetti dannużi fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew kwalunkwe effett inaċċettabbli fuq l-ambjent, filwaqt li d-dispożizzjonijiet speċifiċi inklużi fl-Anness I ta’ dan ir-regolament jimplikaw l-eżistenza ta’ tali effetti.

27.

Fit‑28 ta’ Frar 2019, permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors imressaq mir-Région de Bruxelles-Capitale bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi. B’mod iktar speċifiku, din il-qorti ddeċidiet li r-Reġjun ta’ Brussell ma kienx direttament ikkonċernat mir-regolament ikkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

28.

Fl-appell tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl‑1 ta’ Mejju 2019, ir-Région de Bruxelles-Capitale jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-appell bħala ammissibbli u fondat, tannulla d-digriet appellat, tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrent, tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors u sabiex tikkundanna lir-Région de Bruxelles-Capitale għall-ispejjeż.

IV. Evalwazzjoni

30.

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li mhux indirizzat lilu jew lilha tista’ tirriżulta f’żewġ sitwazzjonijiet. L-ewwel nett, tali proċeduri jistgħu jitressqu jekk l-att ikun ta’ interess dirett u individwali għal din il-persuna. It-tieni nett, hija tista’ tressaq proċeduri kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan l-att ikun ta’ interess dirett għaliha.

31.

Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-locus standi tal-appellant fl-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet. L-analiżi tal-Qorti Ġenerali ntemmet meta hija kkonstatat li l-appellant ma kienx direttament ikkonċernat bir-regolament ikkontestat, peress li din il-kundizzjoni hija komuni għaż-żewġ sitwazzjonijiet previsti iktar ’il fuq.

32.

Fl-appell tiegħu, l-appellant jikkontesta din il-konstatazzjoni, u jinvoka aggravju wieħed li jikkonsisti f’allegat żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ eċċezzjonijiet. L-ewwel waħda, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat billi interpretat ħażin, u għalhekk ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. It-tieni waħda, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa, minħabba interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1107/2009), dwar il-punt sa fejn l-appellant ġie affettwat mir-regolament ikkontestat.

33.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Ser nibda l-analiżi tiegħi bit-tieni eċċezzjoni tal-appellant li tikkonċerna l-allegata interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ applikazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (A). Wara li nikkonkludi li l-argumenti tal-appellant f’dan ir-rigward huma fondati, ser imbagħad neżamina fil-qosor l-ewwel eċċezzjoni għall-fini ta’ kompletezza (B). Sussegwentement, ser nieħu l-opportunità sabiex nagħmel xi kummenti ġenerali dwar l-interpretazzjoni indebitament restrittiva tal-kundizzjonijiet dwar il-locus standi, li l-applikazzjoni awtomatika u kemxejn formalistika tagħhom għall-istanzi partikolari ta’ reġjuni jew entitajiet oħra ffederati tal-Istati Membri twassal għal riżultati dubjużi ħafna, kif muri b’mod ċar b’dan l-appell (C). Finalment, ser ngħaddi għall-konsegwenzi tal-evalwazzjoni tal-appell (D).

A.   It-tieni eċċezzjoni: interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni Ewropea

34.

Ser nibda l-evalwazzjoni tal-appell bit-tieni eċċezzjoni tal-appellant. Din il-parti tal-appell mhux biss hija diskussa iżjed fil-fond mill-partijiet fis-sottomissjonijiet rispettivi tagħhom, iżda hija wkoll tqajjem ċerti kwistjonijiet ta’ importanza kostituzzjonali.

35.

Wara li nistabbilixxi l-argumenti tal-partijiet (1), l-ewwel nett ser infakkar il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “interess dirett” (2). Imbagħad, ser niffoka iktar speċifikament fuq kif dan il-kunċett ġie applikat fir-rigward ta’ reġjuni u entitajiet lokali oħra (3). Dan ser jipprovdi l-isfond li fih ser nevalwa l-merti tal-argumenti tal-appellant (4).

1. L-argumenti tal-partijiet

36.

Fit-tieni eċċezzjoni tiegħu, l-appellant isostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li huwa ma huwiex direttament ikkonċernat mir-regolament ikkontestat tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE b’rabta mal-Artikolu 20(2), Artikolu 32(1), Artikolu 36(3), Artikolu 41(1) u l-Artikolu 43(5) u (6) tar-Regolament Nru 1107/2009.

37.

Kritika preliminari u ġenerali mill-appellant tikkonċerna allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ wħud mill-argumenti mressqa dwar l-ammissibbiltà fl-ewwel istanza. Essenzjalment, l-appellant kien argumenta li huwa ġie direttament affettwat mir-regolament ikkontestat b’żewġ modi: (i) minħabba l-kompetenza tiegħu li jirregola l-użu tal-pestiċidi fit-territorju tiegħu, u (ii) minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċeduri, imwettqa fil-livell federali fil-Belġju, dwar it-tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Madankollu, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali b’mod ġenerali injorat l-ewwel aspett, billi ffukat biss fuq it-tieni aspett. Għaldaqstant, uħud mill-argumenti tal-appellant ma ġewx indirizzati.

38.

It-tieni nett, l-appellant jikkritika l-punti 50 sa 55 tad-digriet appellat: it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat kellha l-effett immedjat li tikkonserva l-validità ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti sabiex prodotti li fihom il-glifosat jitqiegħdu fis-suq. Ir-regolament ikkontestat ippermetta li tali awtorizzazzjonijiet ikomplu jkollhom effett, filwaqt li, fl-assenza ta’ tiġdid, dawn l-awtorizzazzjonijiet kienu jkunu ipso facto skadew.

39.

It-tielet nett, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat, fil-punti 56 sa 59 tad-digriet appellat, meta ċaħdet l-argument tiegħu li huwa kien direttament affettwat bir-regolament ikkontestat, minħabba li huwa marbut li jipparteċipa fil-proċeduri nazzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet. Id-deċiżjoni finali tittieħed mill-ministru federali kompetenti wara li jisma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Approvazzjoni tal-Pestiċidi għal Użu Agrikolu (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Approvazzjoni”) li l-appellant għandu jkun membru tiegħu.

40.

Ir-raba’ nett, l-appellant jikkritika l-motivi li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 60 sa 63 tad-digriet appellat, l-argument tiegħu li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku prevista fir-Regolament Nru 1107/2009, l-effett tar-regolament ikkontestat huwa li jinnewtralizza l-kapaċità tal-Kumitat ta’ Approvazzjoni, u konsegwentement il-kapaċità tiegħu stess, li jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kwalunkwe prodott li fih il-glifosat, jekk dan il-prodott diġà ġie awtorizzat fi Stat Membru ieħor. Ir-regolament ma jħalli l-ebda lok għal ebda setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali, billi jirregola b’mod eżawrjenti l-kwistjoni ta’ jekk il-glifosat huwiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1107/2009. Għalhekk, ir-regolament ikkontestat jagħti lok, awtomatikament, għal drittijiet għall-produtturi u obbligi korrispondenti għall-awtoritajiet pubbliċi.

41.

Il-ħames nett, l-appellant jikkontesta l-motivi, stabbiliti fil-punti 66 sa 77 tad-digriet appellat, li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tiegħu bbażat fuq l-effetti tar-regolament ikkontestat fuq il-legalità tad-Digriet tal‑2016. L-appellant jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kkonfondiet il-kriterji sabiex jiġi stabbilit “interess dirett” ma’ dawk sabiex jiġi stabbilit “interess individwali”, billi applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. L-appellant isostni li, minħabba dan l-iżball, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapprezza li r-regolament ikkontestat jikkomprometti l-validità u l-effettività tad-Digriet tal‑2016.

42.

Il-Kummissjoni tiddefendi d-digriet appellat. Skont il-Kummissjoni, l-effetti prodotti mir-regolament ikkontestat fuq il-pożizzjoni tal-appellant ma humiex diretti minħabba li deċiżjoni tal-awtorità federali hija meħtieġa sabiex tiġi awtorizzata t-tqegħid fis-suq tal-prodotti li fihom il-glifosat.

43.

Il-Kummissjoni tafferma li l-parteċipazzjoni tal-appellant fil-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tirriżulta biss mid-dritt nazzjonali. Hija għalhekk irrilevanti għall-għanijiet ta’ dawn il-proċeduri. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tiċħad lill-appellant mid-dritt tiegħu li jipparteċipa, f’kapaċità konsultattiva, fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni Belġjani.

44.

Skont il-Kummissjoni, il-punt 61 tad-digriet appellat jistabbilixxi korrettement li, anki fil-każ ta’ applikazzjoni għal rikonoxximent reċiproku ta’ awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni li diġà ngħatat, Stat Membru ma huwiex awtomatikament meħtieġ li jagħti l-awtorizzazzjoni u għaldaqstant ma huwiex miċħud mid-diskrezzjoni kollha. Il-kritika tal-appellant ibbażata fuq l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1107/2009 hija wkoll, skont il-Kummissjoni, mhux xierqa. Din id-dispożizzjoni teħtieġ li detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni japplikaw għat-tiġdid tagħhom, u teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu deċiżjoni fir-rigward ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal tiġdid f’perijodu speċifiku.

45.

Il-Kummissjoni tikkunsidra, finalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat korrettement il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea dwar il-locus standi, u ma kkonfondietx iż-żewġ rekwiżiti ta’ interess dirett u individwali. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet li l-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu dwar il-legalità tad-Digriet tal‑2016 ma humiex attribwibbli għar-regolament ikkontestat.

2. Kummenti ġenerali dwar il-kunċett ta’ “interess dirett”

46.

Sabiex l-argumenti mressqa mill-partijiet jiġu evalwati b’mod xieraq, huwa utli li jitfakkar li rikorrent ikun “ikkonċernat” b’att tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, fejn is-sitwazzjoni legali tiegħu jew tagħha tiġi affettwata b’dan l-att. Dan huwa hekk meta l-pussess, mir-rikorrent, ta’ drittijiet u obbligi, ta’ natura privata jew pubblika, jiġi mibdul ( 15 ).

47.

Madankollu, dan l-appell jikkonċerna l-kunċett ta’ “interess dirett”. Skont ġurisprudenza stabbilita, “il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti fl-istess ħin, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra” ( 16 ).

48.

Dan ifisser, essenzjalment, li l-effetti legali tal-att ikkontestat għandhom jiġu prodotti mill-att innifsu, awtomatikament, mingħajr ma tkun neċessarja għal dan l-effett l-adozzjoni sussegwenti ta’ kwalunkwe miżura oħra, la mill-Unjoni u lanqas mill-Istati Membri ( 17 ). Għaldaqstant, il-kundizzjoni ta’ interess dirett tiġi ssodisfatta meta l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-att tal-Unjoni kkontestat u t-tibdil fis-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tkun tista’ tiġi stabbilita. Il-kundizzjoni ta’ interess dirett ma tiġix issodisfatta jekk hemm kwalunkwe intervent ulterjuri, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet nazzjonali, li jista’ jikser din ir-rabta ( 18 ).

49.

Fl-applikazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti iktar ’il fuq, il-qrati tal-Unjoni okkażjonalment, iżda mhux dejjem, ċaħdu interpretazzjoni riġida żżejjed taż-żewġ kriterji għal interess dirett. Il-qrati tal-Unjoni ġieli ħarsu lil hinn mill-velu tal-apparenzi, billi ċaħdu l-sofiżmi sostnuti mill-istituzzjonijiet konvenuti, sabiex jiġi evalwat in concreto l-mod li bih l-att tal-Unjoni kkontestat kellu impatt fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent ( 19 ). Għaldaqstant, l-analiżi tagħhom iffukat fuq jekk l-att inkwistjoni rrestrinġiex id-drittijiet sostantivi ( 20 ) jew proċedurali ( 21 ) tar-rikorrenti, jew skattatx ċerti obbligi għalihom ( 22 ).

50.

Preliminarjament, il-kriterju relatat mal-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ma jfissirx li kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni immedjatament u neċessarjament jeskludi interess dirett. B’mod partikolari, il-qrati tal-Unjoni kkonstataw li l-kundizzjoni ta’ interess dirett ġiet issodisfatta fejn miżura ta’ implimentazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali kienet teżisti iżda, fir-realtà, l-awtoritajiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali ma kellhom l-ebda diskrezzjoni ġenwina dwar il-mod li bih l-att prinċipali kellu jiġi implimentat ( 23 ).

51.

Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat interess dirett f’ċirkustanzi fejn l-att tal-Unjoni inkwistjoni kien jirregola b’mod eżawrjenti l-mod li bih l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom ( 24 ) jew ir-riżultat li għandu jinkiseb ( 25 ), fejn ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali kien estremament minuri u ta’ natura klerikali ( 26 ) jew purament mekkaniku ( 27 ), u fejn l-Istati Membri kienu prinċipalment qegħdin jadottaw miżuri anċillari ulterjuri għall-att tal-Unjoni inkwistjoni ( 28 ), anki meta dawn il-miżuri ġew espressament previsti fl-att tal-Unjoni inkwistjoni ( 29 ).

52.

Barra minn hekk, il-qrati tal-Unjoni ddikjaraw ukoll li l-kwistjoni jekk rikorrent huwiex direttament ikkonċernat b’miżura tal-Unjoni li ma hijiex indirizzata lilu għandha tiġi eżaminata wkoll “fid-dawl tal-għan ta’ din il-miżura” ( 30 ). Dan ifisser li huwa irrilevanti jekk effetti oħra tal-att tal-Unjoni kkontestat jistgħux jiġu fis-seħħ biss permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, sal-punt li l-effetti invokati mir-rikorrent jirriżultaw direttament u awtomatikament minn dan l-att ( 31 ).

53.

Approċċ simili ġie adottat fir-rigward tal-kriterju li l-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni ma għandhom l-ebda diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-att tal-Unjoni inkwistjoni. Dan ir-rekwiżit ukoll ġieli ġie evalwat b’livell xieraq ta’ realiżmu. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement aċċettat li l-interess dirett jeżisti “meta l-possibbiltà tad-destinatarji li ma jsegwux l-att inkwistjoni tkun biss ipotetika, peress li ma jkun hemm ebda dubju dwar l-intenzjoni tagħhom li jaġixxu b’mod konformi għal dan l-att” ( 32 ). Dan il-prinċipju jeħtieġ, f’kull każ, evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha, sabiex jiġi vverifikat jekk l-implimentazzjoni tal-att tal-Unjoni inkwistjoni hijiex ċerta ( 33 ).

54.

Il-Qorti Ġenerali ġabret il-loġika li fuqha hija bbażata din il-ġurisprudenza b’mod pjuttost tajjeb f’waħda mid-deċiżjonijiet tagħha: “fil-każ li att tal-Unjoni jkun indirizzat lil Stat Membru minn istituzzjoni, jekk l-azzjoni li għandha tiġi adottata mill-Istat Membru bħala risposta għall-att hija ta’ natura awtomatika jew jekk, fi kwalunkwe każ, ma hijiex dubjuża, l-att għaldaqstant jikkonċerna direttament lil kull persuna li hija affettwata minn din l-azzjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, l-att iħalli lill-Istat Membru l-possibbiltà li jieħu jew ma jiħux azzjoni, hija l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Istat Membru li tirrigwarda direttament lill-persuna affettwata, u mhux il-miżura fiha nnifisha. Fi kliem ieħor, l-att inkwistjoni ma għandux jiddependi, sabiex jipproduċi l-effetti tiegħu, mill-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali minn parti terza, sakemm ma jkunx evidenti li tali setgħa trid tiġi eżerċitata biss b’mod partikolari” ( 34 ).

55.

B’mod simili, il-qrati tal-Unjoni aċċettaw li l-interess dirett ma huwiex eskluż mill-fatt li r-rikorrent jista’ jressaq il-kwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni, fejn l-implimentazzjoni nazzjonali hija purament awtomatika u sabiex jintlaħqu mhux regoli nazzjonali intermedji iżda regoli tal-Unjoni biss ( 35 ). Bl-istess mod, il-kundizzjoni ta’ interess dirett ma hijiex eskluża mill-fatt li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent hija affettwata mill-att tal-Unjoni inkwistjoni huwa wkoll ir-riżultat ta’ ċerti għażliet magħmula mid-destinatarju tal-att ( 36 ).

56.

Dawn il-prinċipji huma, ovvjament, validi fir-rigward tal-persuni kollha fiżiċi u ġuridiċi li, għall-għanijiet tal-Artikolu 263 TFUE, huma rikorrenti “mhux ipprivileġġjati”. Dan jinkludi, għaldaqstant, kwalunkwe entità reġjonali jew lokali, sakemm din għandha personalità legali skont id-dritt nazzjonali ( 37 ).

57.

Madankollu, fl-istess ħin huwa ġust li jiġi rrikonoxxut li entitajiet iffederati tal-Istati Membri, min-natura tagħhom stess, ma humiex sempliċement kwalunkwe persuna (privata) fiżika jew ġuridika fil-kapaċità tagħha ta’ rikorrent mhux ipprivileġġat. F’dan l-istadju, huwa għaldaqstant utli li jiġi eżaminat kif dawn il-prinċipji ġew applikati, mill-qrati tal-Unjoni, fir-rigward ta’ reġjuni jew entitajiet lokali oħra.

3. Interess dirett fil-każ ta’ reġjuni jew entitajiet lokali oħra

58.

Fi Vlaams Gewest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istati kellha effett dirett u individwali fuq is-sitwazzjoni legali tar-Reġjun tal-Vlaanderen. Din id-deċiżjoni direttament ipprekludiet lir-reġjun milli jeżerċita l-kompetenzi tiegħu stess, li kienu jikkonsistu fl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni kif jidhirlu xieraq, u ġegħlitu jibdel kuntratt konkluż mal-benefiċjarju tal-għajnuna ( 38 ). Dikjarazzjonijiet simili jistgħu jinstabu wkoll f’deċiżjonijiet oħra tal-qrati tal-Unjoni, bħal Diputación Foral de Guipúzcoa: “[i]r-rikorrenti huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjonijiet [tal-Kummissjoni] ikkontestati [sa fejn dawn] jirreferu għal miżuri fiskali li r-rikorrenti huma l-awturi tagħhom u, barra minn hekk, jimpedixxu lir-rikorrenti milli jeżerċitaw, kif huma jridu, is-setgħat tagħhom stess, li huma jgawdu direttament taħt id-dritt nazzjonali Spanjol” ( 39 ).

59.

Fi Freistaat Sachsen, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Land ta’ Sachsen kienet direttament ikkonċernata b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sa fejn din tal-aħħar ma eżerċitat l-ebda diskrezzjoni fil-komunikazzjoni tad-deċiżjoni lil dan tal-ewwel ( 40 ). B’mod simili, f’Regione Friuli-Venezia-Giulia, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li deċiżjoni tal-Kummissjoni pprekludiet lir-reġjun rikorrent milli jkompli japplika l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, annullat l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni, u ġegħlitha tibda proċeduri amministrattivi sabiex tiżgura l-osservanza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Ir-reġjun rikorrent għalhekk kellu locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 41 ). Bl-istess mod, f’Nederlandse Antillen, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li żewġ regolamenti tal-Kummissjoni dwar l-importazzjonijiet tar-ross li joriġina mill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej kienu ta’ interess dirett għar-rikorrent, prinċipalment fuq il-bażi li dawn ir-regolamenti kienu jinkludu regoli komprensivi u vinkolanti li ma ħallew l-ebda diskrezzjoni lill-awtoritajiet tal-Istati Membri ( 42 ).

60.

Is-sensiela ta’ kawżi li għadhom kif ġew indikati tissuġġerixxi li entità reġjonali jew lokali hija kkonċernata b’att tal-Unjoni meta hija tiġi fdata b’kompetenzi li għandhom jiġu eżerċitati b’mod awtonomu fil-limiti tas-sistema kostituzzjonali nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, u l-att tal-Unjoni jipprekludi lil din l-entità milli teżerċita dawn il-kompetenzi kif jidhrilha xieraq ( 43 ). Jidher li l-qrati tal-Unjoni użaw dan l-eżami (sikwit imsemmi bħala l-eżami “Vlaams Gewest”) sabiex jiddeterminaw interess kemm dirett u kemm individwali għal reġjuni u entitajiet lokali oħra.

61.

Minkejja li ż-żewġ kundizzjonijiet għandhom, teoretikament, jibqgħu distinti, l-eżami Vlaams Gewest jidher li ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri li jaffettwaw entità reġjonali direttament (bil-bidla tas-sitwazzjoni legali tagħha awtomatikament) u individwalment (minħabba ċirkustanzi speċifiċi li jiddifferenzjaw din l-entità minn kull persuna oħra ġuridika u fiżika). Iż-żewġ kundizzjonijiet jidher li tqiegħdu taħt intestatura waħda: il-projbizzjoni tal-entità reġjonali milli teżerċita l-kompetenzi speċifiċi mogħtija lilha skont id-dritt nazzjonali. Għalhekk, fil-prattika, minkejja li aktarx mhux irrikonoxxut bil-miftuħ, l-entitajiet reġjonali u lokali li jissodisfaw l-eżami Vlaams Gewest fil-fatt ma humiex qegħdin jiġu ttrattati bl-istess mod bħal kwalunkwe rikorrent privat mhux ipprivileġġat ieħor ( 44 ).

62.

Madankollu, is-sempliċi fatt li reġjun għandu ċerta kompetenza – bħala organu kompetenti għal kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali fit-territorju tiegħu – fir-rigward tal-kwistjoni rregolata minn miżura ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Unjoni ma jistax, fih innifsu, ikun suffiċjenti sabiex dan ir-reġjun jitqies li huwa “ikkonċernat” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 45 ). Fi kliem ieħor, ir-reġjuni huma preklużi milli jippreżentaw rikors kontra atti tal-Unjoni li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod ġenerali ( 46 ). Xi ħaġa iktar minn hekk hija meħtieġa: restrizzjoni diretta fl-eżerċizzju ta’ kompetenza speċifika attribwita lir-reġjun fil-livell kostituzzjonali fl-Istat Membru ( 47 ).

63.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li issa ser nevalwa l-argumenti mressqa mill-partijiet f’dawn il-proċeduri.

4. Il-kawża inkwistjoni

64.

Diversi argumenti mressqa mir-rikorrent huma, fil-fehma tiegħi, fondati. Fil-fatt, hemm relazzjoni awtomatika u diretta, ta’ natura kawżali, bejn ir-regolament ikkontestat u t-tibdil fis-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

a) Restrizzjoni diretta fl-eżerċizzju ta’ kompetenzi speċifiċi attribwiti lir-reġjun f’livell kostituzzjonali

65.

L-ewwel nett, jiena tal-fehma li l-kritika ġenerali magħmula mill-appellant kontra d-digriet appellat, fir-rigward tal-fatt li wħud mill-argumenti tiegħu dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ġew interpretati b’mod żbaljat, hija fondata.

66.

Fil-fatt, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant ressaq żewġ settijiet ta’ argumenti insostenn tal-propożizzjoni li kien direttament affettwat mir-regolament ikkontestat. Minn naħa, l-appellant enfasizza l-effetti tar-regolament ikkontestat fuq il-kompetenza tiegħu li jirregola l-użu ta’ pestiċidi fit-territorju tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-appellant indika l-effetti tar-regolament ikkontestat fuq il-kompetenzi li huwa jeżerċita fil-kuntest tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ pestiċidi.

67.

Fid-dawl tal-ewwel sett ta’ argumenti, u skont linja konsistenti ta’ ġurisprudenza ( 48 ), il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk ir-regolament ikkontestat, minħabba l-effetti legali tiegħu, ipprekludiex lir-rikorrent milli jeżerċita xi kompetenzi speċifiċi, fdati lilu fil-livell kostituzzjonali, kif deherlu xieraq.

68.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx dan. Hija tat inqas importanza, jekk mhux saħansitra injorat, l-ewwel sett ta’ argumenti (dawk relatati mal-kompetenza tal-appellant li jirregola l-użu tal-pestiċidi fit-territorju tiegħu skont l-intestatura ta’ protezzjoni tal-ambjent) imbagħad malajr dawret l-analiżi tagħha għall-eżami ta’ jekk il-parteċipazzjoni tal-appellant fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni setgħetx titqies suffiċjenti għal konstatazzjoni ta’ interess dirett. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika l-eżami legali korrett f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, li kieku applikat dan l-eżami, hija, fil-fehma tiegħi, kienet issib li kien ikun ġie ssodisfatt għar-raġunijiet segwenti.

69.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1)(II) tal-Liġi Speċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni Belġjana, ir-rikorrent għandu kompetenza ġenerali u awtonoma fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali. Din il-kompetenza tinkludi l-kompetenza li jirregola l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tiegħu. L-eżistenza ta’ din il-kompetenza, li tirriżulta mill-kostituzzjoni federali, reċentement ġiet ikkonfermata li tappartjeni għar-reġjuni tar-Renju tal-Belġju f’żewġ sentenzi tal-Cour Constitutionelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) ( 49 ).

70.

Ir-regolament ikkontestat jillimita l-kapaċità tal-appellant li jeżerċita dawn il-kompetenzi?

71.

Dażgur li iva. Fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi, l-appellant xtaq li jipprojbixxi l-użu, fit-territorju tiegħu, tal-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu sustanza attiva speċifika: il-glifosat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkunsidra li l-glifosat huwa sustanza dannuża, li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 1107/2009.

72.

Madankollu, ir-regolament ikkontestat manifestament jillimita l-kompetenza tal-appellant li jieħu deċiżjoni bħal din. Fil-fatt, dan ir-regolament huwa, l-ewwel u qabel kollox, att li jiċċertifika l-fatt li s-sustanza glifosat tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1107/2009: is-sustanza hija kkunsidrata, fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, li ma għandhiex effett dannuż għas-saħħa tal-bniedem u effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent ( 50 ). Ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li dan l-aspett ġie deċiż definittivament u b’mod eżawrjenti mir-regolament ikkontestat.

73.

Jista’ l-kunflitt bejn il-kapaċità tal-appellant li jirregola l-użu tal-pestiċidi fit-territorju tiegħu u l-effetti legali li jirriżultaw minn regolament bħal dak ikkontestat f’dawn il-proċeduri jkun iktar dirett u apparenti, peress li l-pożizzjoni fil-livell tal-Unjoni hija li “l-glifosat huwa sigur”, filwaqt li fil-livell lokali l-pożizzjoni hija li “l-glifosat ma huwiex sigur”? Fl-assenza tar-regolament ikkontestat, l-appellant seta’ legalment jagħmel użu mill-kompetenzi speċifiċi tiegħu sabiex jipprojbixxi kwalunkwe prodott li fih il-glifosat fit-territorju tiegħu.

74.

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali kien iffokat fuq ir-rwol tar-rikorrent fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għal prodotti tal-pjanti, u għalhekk injora l-aspett ambjentali tal-kwistjoni. Skont formulazzjoni partikolari, pjuttost dubjuża, jista’ fil-fatt jiġi ssuġġerit li r-Regolament Nru 1107/2009 huwa miżura tas-suq intern, ikkonċernata biss b’awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi, iżda mhux bl-ambjent. Għalhekk, il-fatt li l-appellant għandu kompetenza speċifika u awtonoma fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali huwa irrilevanti għal-locus standi tiegħu quddiem il-qrati tal-Unjoni.

75.

Ikolli nammetti li, fil-fehma tiegħi, il-livell ta’ formaliżmu strumentali inkluż fi propożizzjoni bħal din huwa pjuttost notevoli.

76.

L-ewwel nett, sa fejn il-qasam tad-dritt huwa kkonċernat, ir-Regolament Nru 1107/2009 b’mod ċar ma huwiex biss miżura ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodott li hija marbuta esklużivament mar-regolazzjoni tas-suq intern. Huwa kompletament marbut mas-saħħa pubblika u mal-protezzjoni ambjentali: mhux biss fil-livell tal-għanijiet u l-kunsiderazzjonijiet ( 51 ), iżda wkoll fil-bażijiet legali ( 52 ). Ir-riperkussjonijiet, li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanzi attivi għandha fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-ambjent, huma ovvji.

77.

It-tieni nett, sa fejn il-mekkaniżmu speċifiku huwa kkonċernat, l-awtorizzazzjoni ta’ sustanzi attivi hija, fil-loġika tar-Regolament Nru 1107/2009, pass preliminari fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal prodotti. Iżda, hija ċertament tipproduċi wkoll effetti legali sinjifikattivi fiha nnifisha, indipendentement minn kwalunkwe deċiżjoni nazzjonali li tawtorizza prodotti speċifiċi. Il-fatt li deċiżjonijiet dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet speċifiċi għal prodotti li fihom il-glifosat ma humiex awtomatiċi, u jittieħdu mill-awtoritajiet federali, ma jnaqqasx mill-fatt li d-determinazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din is-sustanza ma għandha bżonn l-ebda miżura ta’ implimentazzjoni sabiex ikollha effetti legali ( 53 ).

78.

Id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ aspetti hija wkoll espressament riflessa fit-test tar-Regolament Nru 1107/2009. L-Artikolu 1(1) u (2) tiegħu jagħmilha ċara li r-regolament jistabbilixxi kemm“regoli għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f’forma kummerċjali u għat-tqegħid fis-suq, l-użu u l-kontroll tagħhom fil-Komunità”u“regoli għall-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi […] li jkunu fi jew li jikkostitwixxu prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”. F’sens simili, fir-rigward tal-livell ta’ regolazzjoni, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1107/2009 tistabbilixxi li “d-deċiżjoni dwar l-aċċettabbiltà jew in-nuqqas ta’ aċċettabbiltà ta’ sustanzi bħal dawn għandha tittieħed fuq livell Komunitarju abbażi ta’ kriterji armonizzati” filwaqt li l-premessa 23 tindika li “awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom […] jingħataw mill-Istati Membri” ( 54 ). Għal darba oħra, proċeduri differenti ma humiex biss riflessi bi kriterji differenti, iżda wkoll jitwettqu f’livelli differenti ta’ governanza.

79.

It-tielet nett, is-“saga” tad-Digriet tal‑2016, li involviet żewġ tilwimiet dwar il-legalità ta’ dan id-digriet imressqa minn kumpanniji involuti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti relatati quddiem il-Kunsill tal-Istat Belġjan ( 55 ), kontenzjużi rrepetuti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana mressqa kontra digrieti simili adottati mir-Reġjon ta’ Wallonie u r-Reġjun ta’ Vlaanderen rispettivament ( 56 ); u l-oppożizzjoni formali tal-Kummissjoni għal abbozz ta’ digriet ekwivalenti intiż li jħassar id-Digriet tal‑2016 ( 57 ), kollha juru l-impatt immedjat, sinjifikattiv u indipendenti li r-regolament ikkontestat għandu fuq il-kompetenzi regolatorji tal-appellant ( 58 ). Dan juri wkoll b’mod pjuttost ċar li ma huwiex possibbli li d-dimensjoni tas-“suq intern” tas-sistema introdotta mir-Regolament Nru 1107/2009 tiġi ddiżassoċjata mid-dimensjonijiet u implikazzjonijiet agrikoli, ambjentali, u dawk tas-saħħa pubblika u tal-annimali.

80.

Għal dawn ir-raġunijiet, nikkunsidra l-istruttura ġenerali tal-argument tal-Qorti Ġenerali, li sempliċement warrbet id-dimensjonijiet l-oħra tar-regolament ikkontestat u r-Regolament Nru 1107/2009, u sempliċement identifikat il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, sabiex tiċħad locus standi lill-appellant, bħala waħda dubjuża ħafna u daqsxejn strumentali. Il-kooperazzjoni leali u sinċiera, li hija meħtieġa mill-Istati Membri u minn kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom, inklużi entitajiet ffederati, sabiex jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat korrettement u osservat, għandha taqta’ miż-żewġ naħat. Ma tistax teżisti biss meta limitazzjonijiet u obbligi jiġu imposti, iżda mbagħad tisparixxi b’mod kurjuż meta jkunu kkonċernati l-locus standi u l-aċċess għall-qrati tal-Unjoni.

81.

Bħala sommarju, l-appellant huwa korrett li l-Qorti Ġenerali ma ttrattatx l-argumenti tiegħu dwar il-fatt li r-regolament ikkontestat, fih innifsu, impedih milli jeżerċita l-kompetenzi awtonomi tiegħu bil-mod li jidhirlu xieraq. L-appellant huwa korrett ukoll fir-rigward tal-merti ta’ dawn l-argumenti.

82.

Dawn l-iżbalji ta’ dritt huma fihom innifishom suffiċjenti sabiex id-digriet appellat jiġi annullat. Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza u sabiex nassisti b’mod komplet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-appell, jiena ser ukoll nindirizza argumenti oħra mressqa mill-appellant fit-tieni eċċezzjoni.

b) Konservazzjoni pro-tempore tal-validità ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti

83.

Fil-punti 50 sa 55 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali eskludiet kwalunkwe effett awtomatiku tar-regolament ikkontestat fuq l-awtorizzazzjonijiet eżistenti. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat essenzjalment li l-awtorizzazzjonijiet eżistenti ma humiex imġedda awtomatikament, bis-saħħa tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, it-tiġdid jista’ jingħata biss, wara talba speċifika mressqa mid-detentur tal-awtorizzazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali. Fil-Belġju, dawn l-awtoritajiet huma l-awtoritajiet federali.

84.

Madankollu, l-appellant qatt ma sostna li l-awtorizzazzjonijiet eżistenti jiġu, bħala riżultat tar-regolament ikkontestat, awtomatikament imġedda jew ikkonfermati ( 59 ). L-appellant sempliċement indika li l-validità tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti awtomatikament tinżamm matul il-perijodu li fih l-Istat Membru kien meħtieġ li jikkompleta il-proċeduri nazzjonali dwar it-tiġdid ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet.

85.

F’dan ir-rigward, l-appellant għandu raġun. Skont l-Artikolu 43(6) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-Istati Membri “għand[hom] jestend[u] l-awtorizzazzjoni għall-perijodu meħtieġ sabiex ikun ikkompletat l-eżami u tiġi adottata deċiżjoni dwar it-tiġdid” ( 60 ). Fl-assenza tar-regolament ikkontestat, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti kienu immedjatament jiskadu. Fil-fatt, kif jistabbilixxi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, “[f]’każ li tiġi rtirata l-approvazzjoni jew jekk l-approvazzjoni ma tiġix imġedda minħabba tħassib immedjat għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali jew tal-ambjent, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernati għandhom jiġu rtirati mis-suq minnufih” ( 61 ).

86.

L-effett ta’ konservazzjoni pro-tempore tal-validità ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti tirriżulta, għaldaqstant, direttament mir-regolament ikkontestat. Kwalunkwe att li l-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw għal dan l-għan huwa purament awtomatiku, minħabba li ma jgawdu l-ebda diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali – minbarra l-interpretazzjoni żbaljata tal-argument imressaq mill-appellant – huwa wkoll ivvizzjat minn żball ta’ non sequitur: il-fatt li l-awtorizzazzjonijiet ma humiex imġedda awtomatikament bl-ebda mod ma jimplika li l-validità tagħhom ma hijiex awtomatikament ikkonservata pro-tempore.

87.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt billi interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 43(6) tar-Regolament Nru 1107/2009.

c) Parteċipazzjoni tal-appellant fil-proċeduri federali għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet

88.

Fil-punti 56 sa 59 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat irrilevanti l-parteċipazzjoni obbligatorja tal-appellant fil-proċeduri nazzjonali għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali indikat li l-Kumitat ta’ Approvazzjoni li fih jipparteċipa l-appellant jagħti biss opinjoni mhux vinkolanti, minħabba li d-deċiżjoni finali hija biss f’idejn il-federazzjoni. It-tieni nett, hija ddikjarat li l-argument tal-appellant, fil-prattika, qiegħed jikkontesta l-validità tar-Regolament Nru 1107/2009, minflok dik tar-regolament ikkontestat.

89.

Filwaqt li ma naħsibx li l-parteċipazzjoni fil-Kumitat ta’ Approvazzjoni kienet tkun, fiha nnifisha, argument konklussiv, jiena naqbel ma’ wħud mill-kritika tal-appellant tad-digriet appellat.

90.

Qabel kollox, ma narax għalfejn il-fatt li l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Approvazzjoni ma hijiex ta’ natura vinkolanti huwa deċiżiv f’dan il-kuntest. Ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li l-adozzjoni ta’ din l-opinjoni hija rekwiżit proċedurali essenzjali skont ir-regoli kostituzzjonali Belġjani. Fil-fatt, mingħajr l-opinjoni tal-kumitat, il-federazzjoni sempliċement ma tistax tipproċedi la mod u lanqas ieħor. In-natura mhux vinkolanti tal-opinjoni ma tfissirx, għaldaqstant, li din l-opinjoni ma għandhiex rilevanza ( 62 ).

91.

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt huwa iktar stramb minħabba li diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ proċeduri simili fil-livell tal-Unjoni. Skont din il-ġurisprudenza, jekk l-intervent ta’ istituzzjoni jew organu partikolari huwa meħtieġ bil-liġi, isegwi li l-parteċipazzjoni tagħhom hija essenzjali għall-iżvilupp legali ta’ din il-proċedura. Il-fatt li din l-istituzzjoni jew dan l-organu għandhom, min-natura tagħhom stess jew minħabba l-fatturi speċifiċi tal-proċedura inkwistjoni, rwol purament konsultattiv jew ta’ għoti ta’ parir huwa irrilevanti. L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja kien konsistenti, irrispettivament mit-tip ta’ istituzzjoni jew organu li kellu jipparteċipa fil-proċedura ( 63 ).

92.

L-adozzjoni tar-regolament ikkontestat tiskatta, f’livell nazzjonali, proċedura għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet fl-Istati Membri. Fil-Belġju, din il-proċedura teħtieġ il-parteċipazzjoni tal-appellant. Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat jiskatta obbligu, ta’ natura proċedurali u rilevanza kostituzzjonali, għall-appellant.

93.

Barra minn hekk, dan l-obbligu jmur lil hinn milli sempliċement jeħtieġ l-appellant jipparteċipa fil-Kumitat ta’ Approvazzjoni. Ċertament li huwa korrett, kif issostni l-Kummissjoni, li r-regolament ikkontestat ma jċaħħadx lill-appellant mid-dritt tiegħu li jipparteċipa f’dan il-kumitat. Madankollu, din l-oġġezzjoni hija irrilevanti. Dak li huwa kruċjali, f’dan ir-rigward, huwa li r-regolament ikkontestat jirrestrinġi ħafna l-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-appellant fil-Kumitat ta’ Approvazzjoni.

94.

L-appellant – reġjun tar-Renju tal-Belġju – huwa, skont l-Artikolu 4(3) TUE, meħtieġ li jieħu kwalunkwe miżura xierqa sabiex jiżgura li jiġu ssodisfatti l-obbligi li jirriżultaw mir-regolament ikkontestat u joqgħod lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola l-kisba tal-għan imfittex minn dan ir-regolament.

95.

Konsegwentement, il-Kumitat ta’ Approvazzjoni u l-membri tiegħu ma għandhom l-ebda marġni reali ta’ manuvra fir-rigward tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Sal-punt li r-regolament ikkontestat iddikjara l-glifosat bħala sustanza “sigura”, il-konklużjoni ta’ dawn il-proċeduri nazzjonali hija fil-biċċa l-kbira konklużjoni mistennija ( 64 ), li fuqha l-parteċipazzjoni tal-appellant ma jista’ jkollha l-ebda influwenza reali. Kwalunkwe oppożizzjoni jew oġġezzjoni f’dan il-kuntest tista’ possibbilment tammonta għal ksur tal-Artikolu 4(3) TFUE li jista’ jwassal, inter alia, għal proċedura ta’ ksur kontra l-Belġju skont l-Artikoli 258 u 259 TFUE ( 65 ), u/jew għal rikorsi għal responsabbiltà tal-Istat mid-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet skont il-ġurisprudenza ta’ Francovich ( 66 ).

96.

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-parteċipazzjoni tal-appellant fil-kumitat hija irrilevanti għall-għanijiet ta’ dawn il-proċeduri minħabba li tirriżulta biss mil-liġi nazzjonali.

97.

Din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’. Id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax u ma jistax jirregola t-tqassim intern ta’ kompetenzi fl-Istati Membri, b’mod partikolari bejn l-awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali ( 67 ). Meta dispożizzjonijiet tal-Unjoni jagħtu kompetenzi lill-Istati Membri jew jimponu fuqhom obbligi għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar b’liema mod l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi u l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi jista’ jiġi fdat mill-Istati lil organi interni speċifiċi taqa’ biss taħt is-sistema kostituzzjonali ta’ kull Stat ( 68 ). L-Artikolu 4(2) TUE jeħtieġ li l-Unjoni għandha tosserva, inter alia, l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija reġjonali u lokali ( 69 ). F’dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni għalhekk tidher li ssofri minn “għama reġjonali” ( 70 ): l-oġġezzjoni tagħha timplika nuqqas ta’ rispett tal-istruttura kostituzzjonali Belġjana u għalhekk tmur kontra l-Artiklu 4(2) TUE.

98.

Finalment, għandi nżid li l-punt 58 tad-digriet appellat huwa, kif indikat mill-appellant, żbaljat. F’dawn il-proċeduri, l-appellant bl-ebda mod ma qiegħed jikkontesta l-qafas stabbilit fir-Regolament Nru 1107/2009. L-appellant ma jsostnix, pereżempju, li l-proċedura stabbilita f’dan ir-regolament hija illegali jew inapplikabbli għall-kawża inkwistjoni. L-appellant qiegħed fil-fatt jikkontesta r-riżultat li din il-proċedura wasslet għalih f’każ wieħed speċifiku, minħabba ċerti allegati żbalji, li jirriżultaw minn applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009.

d) Rikonoxximent reċiproku

99.

Nikkunsidra wkoll li l-argumenti tal-appellant fir-rigward tal-punti 60 sa 64 tad-digriet appellat huma persważivi. Essenzjalment, f’dawn is-siltiet il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-awtomatizzazzjoni inerenti fil-proċedura għal rikonoxximent reċiproku stabbilita fl-Artikoli 40 sa 42 tar-Regolament Nru 1107/2009. L-interpretazzjoni mogħtija lil dawn id-dispożizzjonijiet mill-Qorti Ġenerali hija, fil-fehma tiegħi, żbaljata.

100.

Skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-awtorizzazzjoni mogħtija minn Stat Membru ieħor iżda, jekk dan tal-aħħar jappartjeni għall-istess żona ( 71 ), l-Istat Membru għandu (f’termini imperattivi) jawtorizzaha skont l-istess kundizzjonijiet bħall-Istat Membru ta’ referenza.

101.

Ċertament, skont l-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament, teżisti l-possibbiltà għall-Istat Membru li jirrifjuta li jirrikonoxxi l-awtorizzazzjoni ta’ Stati Membri li jkunu jappartjeni għall-istess żona. Madankollu, dan huwa possibbli biss jekk (i) miżuri oħra huma ineffettivi, u (ii) “minħabba ċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi tiegħu, huwa għandu raġunijiet sostanzjati biex iqis li l-prodott in kwistjoni għadu joħloq riskju serju jew inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent” ( 72 ).

102.

Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1107/2009 ma jawtorizza lil ebda awtorità Belġjana, la ċentrali u lanqas reġjonali, sabiex jopponu l-applikazzjoni tas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku f’każijiet, bħal dak inkwistjoni, fejn jemmnu li l-prodott inkwistjoni huwa intrinsikament dannuż għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew l-ambjent (minflok minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi ambjentali jew agrikoli prevalenti fit-territorju tagħhom). Skont l-Anness I tar-Regolament Nru 1107/2009, il-Belġju jappartjeni għaż-“Żona B — Iċ-Ċentru”, li ma tidhirx li hija waħda partikolarment żgħira, u li tinkludi wkoll ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja (u sal‑31 ta’ Jannar 2020, din iż-żona kienet tinkludi wkoll ir-Renju Unit).

103.

Għaldaqstant, sabiex jiġi oppost rikonoxximent reċiproku meta awtorizzazjoni tkun ingħatat minn Stat Membru li jappartjeni għall-istess żona, l-awtoritajiet Belġjani effettivament ikollhom jevitaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009. Huma jkollhom jivvintaw argument fittizju u jsostnu li l-glifosat ma huwiex sigur minħabba ċerti ċirkustanzi partikolari agrikoli jew ambjentali fil-Belġju, fl-għarfien li l-argument huwa falz u artifiċjali. Fil-qosor, dawn l-awtoritajiet ikollhom jiksru d-dritt tal-Unjoni sabiex il-partijiet interessati jibdew il-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali ( 73 ), u dawn il-qrati jistgħu mbagħad iressqu talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE dwar il-validità tar-Regolament Nru 1107/2009. Din hija preċiżament is-sitwazzjoni li dawk li abbozzaw it-Trattati xtaqu li jevitaw meta ddeċidew li jemendaw (dak li issa huwa) l-Artikolu 263 TFUE, speċifikament fir-rigward ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati ( 74 ). Huwa forsi korrett li wieħed jassumi li, jekk il-ksur tad-dritt ma ġiex ikkunsidrat li huwa l-azzjoni iktar xierqa għal persuni privati fiżiċi jew legali, dan huwa saħansitra inqas il-każ għal awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri.

104.

L-importanza tal-konsegwenzi legali għall-aġir tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jirriżultaw mill-mekkaniżmi ta’ rikonoxximent reċiproku previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ma tistax tiġi injorata, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat. Meta kellhom quddiemhom mekkaniżmi simili għal rikonoxximent reċiproku, il-qrati tal-Unjoni fil-fatt ħadu dawn il-konsegwenzi inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk rikorrent kienx direttament ikkonċernat minn att tal-Unjoni li jiskatta dawn il-mekkaniżmi ( 75 ).

e) Konklużjoni intermedja

105.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ interess dirett.

106.

Fil-qosor, ir-regolament ikkontestat ipproduċa effetti legali li biddlu s-sitwazzjoni legali tal-appellant tal-inqas b’erba’ modi. L-ewwel wieħed, l-appellant ma setax jeżerċita, bil-mod li jidhirlu xieraq, il-kompetenzi awtonomi tiegħu sabiex jirregola l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tiegħu. It-tieni wieħed, ir-regolament ikkontestat obbliga lill-awtoritajiet Belġjani – inkluż lill-appellant – sabiex jikkonservaw il-validità ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti għaż-żmien kollu meħtieġ sabiex jiġu kkompletati l-proċeduri għat-tiġdid ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet. It-tielet wieħed, ir-regolament ikkontestat skatta proċedura li fiha l-appellant kien meħtieġ jipparteċipa, u li fiha huwa ma setax la de jure u lanqas de facto jagħmel użu mill-prerogattivi mogħtija lilu skont il-kostituzzjoni Belġjana. Ir-raba’ wieħed, ir-regolament ikkontestat obbliga wkoll lill-appellant jirrikonoxxi, skont is-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku, kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija minn Stat Membru li jappartjeni għall-istess żona. Minkejja d-dubji tal-appellant dwar in-natura dannuża tal-glifosat b’mod ġenerali, ma huwiex intitolat li jirrifjuta r-rikonoxximent, sakemm ma jinjorax l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni.

107.

Fuq kollox, dawn l-effetti kollha huma imputabbli għar-regolament ikkontestat. Ma hemm l-ebda miżura “intermedja” ta’ implimentazzjoni li tikser ir-rabta kawżali bejn ir-regolament ikkontestat u t-tibdil tas-sitwazzjoni legali tal-appellant.

B.   L-ewwel eċċezzjoni: interpretazzjoni żbaljata tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

108.

Sa fejn jiena kkonkludejt li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009, ma kien ikun hemm l-ebda bżonn li nidħol fil-kwistjonijiet imqajma mill-ewwel eċċezzjoni tal-appellant. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi fuq dan il-punt, jiena ser nagħmel kunsiderazzjonijiet qosra dwar l-argumenti tal-appellant ibbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

1. L-argumenti tal-partijiet

109.

Permezz tal-ewwel eċċezzjoni tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-paragrafi 34 sa 37 tad-digriet appellat, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus meta eżaminat l-ammissibbiltà tar-rikors. L-appellant jikkunsidra li, minħabba li r-rikors jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jirrigwarda l-aċċess għall-ġustizzja. B’rabta ma’ dan, l-appellant jibbaża ruħu fuq żewġ rapporti maħruġa fl‑2011 u fl‑2017 mill-Kumitat għall-Konformità (Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti inkarigat sabiex jistħarreġ l-osservanza ta’ din il-konvenzjoni), li skonthom il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-locus standi, ma hijiex konformi mal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ( 76 ).

110.

Fil-fehma tal-appellant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat iż-żewġ kunċetti ta’ “pubbliku” u “awtoritajiet pubbliċi” skont l-Artikolu 2(2) u (4) tal-Konvenzjoni bħala reċiprokament esklużivi, u meta kkunsidrat li l-appellant jaqa’ f’dan tal-aħħar. L-appellant huwa tal-fehma li distinzjoni riġida bħal din hija kontra l-formulazzjoni u l-ispirtu tal-Konvenzjoni. Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata wkoll, indirettament, mill-Artikolu 2(2)(b) u (c) li jestendi l-kunċett ta’ awtorità pubblika għal ċerti suġġetti privati: jiġifieri, isostni l-appellant, il-kuntrarju għandu jkun veru wkoll.

111.

Finalment, l-appellant isostni li, kuntrarjament għal dak iddikjarat fid-digriet appellat, huwa kien spjega b’mod suffiċjenti kif interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jista’, f’din il-kawża, ikollha impatt fuq jekk l-appellant huwiex ikkonċernat direttament mir-regolament ikkontestat.

112.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ma jistgħux jiddependu fuq l-interpretazzjoni tagħhom fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni taqbel mal-Qorti Ġenerali li, fl-ewwel istanza, l-appellant ma kienx spjega b’mod xieraq u konkret kif id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus seta’ jkollhom impatt fuq l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà f’din il-kawża.

113.

Barra minn hekk, id-dipendenza fuq iż-żewġ Rapporti tal-Kumitat għall-Konformità hija, kif issostni l-Kummissjoni, barra minn lokha. L-ewwel nett, dawn ir-rapporti qatt ma ġew formalment adottati mill-Partijiet għall-Konvenzjoni. It-tieni nett, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħhom huwa iktar dejjaq minn dak deskritt mill-appellant. It-tielet nett, ir-rapporti ma jinkludu l-ebda rekwiżit speċifiku għall-estensjoni tal-prerogattivi, li għandhom jingħataw lil organizzizzjonijiet mhux governattivi (iktar ’il quddiem “NGOs”) u għaqdiet oħra, u lil awtoritajiet lokali.

2. Analiżi

114.

Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma għandux effett dirett ( 77 ). Madankollu, f’din il-kawża, il-qrati tal-Unjoni ma ġewx mitluba jivverifikaw il-validità ta’ att tal-Unjoni fil-konfront tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, iżda sempliċement sabiex jinterpretaw ir-regoli tat-Trattat FUE dwar il-locus standi fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni. Għalhekk, (id-dmir ta’) interpretazzjoni konformi ma hijiex suġġetta għall-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija direttament effettiva.

115.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati nazzjonali għandhom “[jinterpretaw], sa fejn huwa possibbli, ir-regoli proċedurali li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ikunu konformi kemm l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll mal-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni b’tali mod li [organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent] ikunu jistgħu [jikkontestaw] quddiem qorti deċiżjoni adottata wara proċedura amministrattiva li tista’ tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent” ( 78 ). F’ċerti każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja saħansitra ddikjarat li ċerti rekwiżiti li jillimitaw l-aċċess għall-qrati skont id-dritt nazzjonali jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 79 ).

116.

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex opportunità tagħmel dikjarazzjonijiet simili fir-rigward tal-proċeduri ġudizzjarji tal-Unjoni, ma nara l-ebda raġuni għalfejn dawn il-prinċipji ma jistgħux ikunu ugwalment validi. Il-Kummissjoni hija korretta li t-trattati internazzjonali ma jistgħux jidderogaw jew jipprevalixxu fuq id-dritt primarju tal-Unjoni. Madankollu, id-dritt primarju jista’ u għandu jiġi interpretat, fejn xieraq u sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mad-dritt internazzjonali ( 80 ).

117.

Jiena għalhekk ma nistax ma naqbilx mal-fehma espressa mill-Avukat Ġenerali Jääskinen li enfasizza l-bżonn għal approċċ konsistenti fuq din il-kwistjoni ( 81 ). Dak li huwa meħtieġ mill-qrati nazzjonali huwa wkoll meħtieġ mill-qrati tal-Unjoni. L-Artikolu 263 TFUE huwa manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huwa wkoll, fil-qasam speċifiku tagħha, espressjoni tal-istess prinċipju. Il-Qorti tal-Ġustizzja espressament għamlet ir-rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet fil-ġurisprudenza tagħha ( 82 ).

118.

Madankollu, ma narax kif dan għandu jkollu effett kbir f’din il-kawża, għal raġuni pjuttost sempliċi.

119.

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tagħmel distinzjoni ċara bejn id-detenturi ta’ dritt (“il-pubbliku” jew “il-pubbliku kkonċernat”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(4) u (5) tagħha), u “awtoritajiet pubbliċi” (iddefiniti fl-Artikolu 2(2) tagħha) li għandhom ċerti obbligi korrispondenti.

120.

Huwa fil-fatt possibbli li ċerti partijiet tal-“pubbliku” okkażjonalment jinbidlu u jitqiesu, f’ċirkustanzi speċifiċi, bħala “awtoritajiet pubbliċi” għall-għanijiet tal-Artikolu 2(2)(b) jew (c) tal-Konvenzjoni. Wieħed jista’, pereżempju, jimmaġina s-sitwazzjoni ta’ persuna (fiżika) li aġenzija għall-protezzjoni ambjentali tkun iddelegatilha ċerti kompiti. Din il-persuna tista’ tkun, fl-istess ħin: (i) “awtorità pubblika” meta twettaq, fuq bażi professjonali, il-kompiti ddelegati mill-awtorità pubblika, u (ii) il-“pubbliku kkonċernat” meta taġixxi bħala individwu privat fi kwistjonijiet ambjentali mhux relatati mal-funzjonijiet uffiċjali tagħha.

121.

Madankollu, kuntrarjament għal dak sostnut mill-appellant, dan ma jfissirx li x-xenarju kuntrarju huwa ugwalment possibbli. Ma nara l-ebda bażi, fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sabiex nikkunsidra li, f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, awtorità pubblika – wisq inqas gvern f’livell reġjonali, li jaqa’ b’mod ċar taħt l-Artikolu 2(2)(a) tagħha – tista’ wkoll issir il-“pubbliku kkonċernat”.

122.

Dan huwa l-każ speċjalment fir-rigward ta’ kwistjoni li fiha l-awtorità taġixxi bħala persuna rregolata mid-dritt pubbliku, kif huwa l-każ b’mod ċar f’dawn il-proċeduri, meta tagħmel projbizzjonijiet u timponi obbligi fuq persuni oħra fir-rigward tal-istess suġġett. Mhux ser nidħol fid-dibattitu bla dubju interessanti dwar jekk persuna legali rregolata mid-dritt pubbliku tistax, skont id-definizzjoni tagħha stess, qatt tkun “il-pubbliku (ikkonċernat)” fir-rigward ta’ kwistjonijiet fejn ma tistax taġixxi bil-prerogattivi ta’ awtorità pubblika ( 83 ). Dak li huwa, fil-fehma tiegħi, fi kwalunkwe każ eskluż b’mod evidenti huwa li awtorità pubblika tista’, fl-istess waqt, tkun “il-pubbliku kkonċernat”, fir-rigward tas-suġġett li jaqa’ fil-kompetenza tagħha fejn taġixxi bħala l-awtorità pubblika.

123.

Dan tal-aħħar huwa preċiżament il-każ tar-Région de Bruxelles-Capitale fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent, ir-regolazzjoni tal-użu tal-pestiċidi, u l-projbizzjoni tal-glifosati fit-territorju tiegħu. F’dawn il-kwistjonijiet, kif ġie rrikonoxxut fit-taqsima preċedenti, ir-reġjun huwa l-awtorità pubblika kompetenti. Dan għalhekk ma jistax ikun, fl-istess ħin, il-pubbliku (ikkonċernat).

124.

Għalhekk, minkejja li ma hemm l-ebda dubju li min abbozza l-Konvenzjoni ta’ Aarhus kellu f’moħħu l-iktar parteċipazzjoni wiesgħa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-ambjent u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, ma naħsibx li dan l-għan kien ukoll intiż li jinkludi l-awtoritajiet pubbliċi li jaġixxu ġudizzjarjament kontra xulxin jew anki kontrihom stess.

125.

Sabiex nikkonkludi, jiena tal-fehma li, kuntrarjament għat-tieni eċċezzjoni tal-appellant, l-ewwel eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.

C.   Intermezz, pass lura, u l-istampa globali (mhux sodisfaċenti)

126.

Jiena nikkunsidra li l-ewwel eċċezzjoni tal-appellant ma jistax b’mod ċar tintlaqa’. Dan l-argument huwa madankollu indikattiv ta’ sitwazzjoni iktar wiesgħa. Fil-fatt, prima facie, it-tentattivi ta’ awtorità pubblika, li hija inkarigata bl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-livell ta’ governanza tagħha (jiġifieri, hija l-awtorità pubblika), sabiex f’daqqa waħda tinvoka strument li kien intiż għal individwi u NGOs (jiġifieri, dawk li, sa ċertu punt, jixtiequ jipproteġu ruħhom kontra din l-awtorità) hija stramba.

127.

Mat-tieni ħsieb u b’mod iktar riflettiv, din l-idea tieqaf tkun stramba. Din issir pjuttost inkwetanti. Il-possibbiltajiet għalhekk rimanenti għal reġjun bħal dan li, iffaċjat b’applikazzjoni mekkanika u formalistika ta’ regoli dwar locus standi li ġew iddisinjati żmien twil ilu għal persuni (primarjament privati) fiżiċi u legali, jaqgħu essenzjalment bejn żewġ alternattivi: ma huwiex Stat Membru stricto sensu, li għall-għanijiet ta’ aċċess għal qrati tal-Unjoni dejjem fisser il-gvern ċentrali biss, u lanqas ma huwa l-pubbliku (ikkonċernat).

128.

Nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex nieqaf u nirrifletti fil-qosor dwar il-kwistjonijiet iktar wiesgħa li jirriżultaw minn dan l-appell. L-argumenti “tekniċi” li ġew diskussi fit-taqsimiet preċedenti ma għandhomx inaqqsu minn ċerti kwistjonijiet li jistħoqqilhom li jiġu diskussi: x’għandhom allura jkunu r-regoli dwar l-aċċess għal reġjuni u entitajiet oħra ffederati tal-Istati Membri għall-qrati tal-Unjoni (1) u kif jista’ dan l-aċċess, diskutibbilment iktar wiesa’, jidħol fl-istruttura preżenti tal-qrati tal-Unjoni (2).

1. Reġjuni u entitajiet oħra ffederati bħala partijiet quddiem il-qrati tal-Unjoni

129.

L-Artikolu 4(2) TUE jiddikjara solennement li “[l]-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali.”

130.

Għalhekk ma hijiex sorpriża li, skont numru ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tad-dritt primarju, il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni varji Ewropej, minkejja l-fatt li huma fil-qalba tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni Ewropea ( 84 ), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-ġestjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ politiki tal-Unjoni, inkluż l-ambjent ( 85 ). Ir-reġjuni Ewropej għandhom rwol importanti x’jaqdu fi ħdan il-proġett Ewropew. Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni hija biss eżempju wieħed ta’ dan. Barra minn hekk, reġjuni jew entitajiet oħra ffederati tal-Istati Membri jistgħu jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom.

131.

Ma huwiex issuġġerit li fuq din il-bażi, reġjuni jew entitajiet nazzjonali sottostatali għandhom awtomatikament jitqiesu li huma Stat Membru. Mill-perspettiva tat-Trattati, ma humiex l-Istati Membri. Tibqa’, madankollu, il-kwistjoni ta’ dawk l-entitajiet tal-Istati Membri li skont il-kostituzzjoni nazzjonali jirrappreżentaw, għall-finijiet prattiċi kollha u fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ ċerti kompetenzi, fil-fatt l-Istat Membru. Xi ngħidu għal kompetenzi speċifiċi u konkreti, iddelegati lil dawn l-entitajiet, li huma jeżerċitaw b’mod awtonomu, li permezz tagħhom dawn l-istess entitajiet jeżerċitaw l-awtorità pubblika tal-Unjoni? Tista’ għażla nazzjonali u kostituzzjonali bħal din tiġi akkomodata fi ħdan it-Trattati sa fejn l-aċċess għall-qrati tal-Unjoni huwa kkonċernat?

132.

Ċertament li tista’. Fil-fatt, tali għażla, sa ċertu punt, diġà ġiet aċċettata. It-tweġiba hija, fil-fehma tiegħi, sempliċi ħafna: l-eżami Vlaams Gewest ( 86 ) applikat fi spirtu miftuħ ta’ kooperazzjoni leali u sinċiera. Kull darba li, prima facie, entità ffederata ta’ Stat Membru tingħata, skont il-kostituzzjoni nazzjonali, kompetenzi awtonomi speċifiċi fuq kwistjoni partikolari li hija ma tistax teżerċita kif jidhrilha xieraq bħala konsegwenza diretta ta’ miżura tal-Unjoni, din l-entità għandu jkollha locus standi sabiex tikkontesta l-att inkwistjoni.

133.

Żewġ elementi jistħoqqilhom jiġu enfasizzati b’mod ċar: prima facie u fi spirtu miftuħ ta’ kooperazzjoni leali u sinċiera.

134.

Prima facie tfisser sempliċement li jiġi ddeterminat li teżisti kompetenza fil-kwistjoni, li l-eżerċizzju tagħha huwa direttament prekluż: tista’ l-entità federali validament tadotta leġiżlazzjoni fuq il-kwistjoni partikolari? Ma hemm l-ebda bżonn, lanqas ma jkun xieraq, li l-qrati tal-Unjoni jidħlu f’diskussjoni ddettaljata fuq it-tqassim tal-kompetenzi fi Stat Membru, billi jidħlu f’dissezzjoni tal-irqaqat ta’ kwistjonijiet li fil-fatt hija l-qorti nazzjonali (kostituzzjonali) li għandha tiddeċiedi. Barra minn hekk, f’termini komparattivi u strutturali, dejjem tendenzjalment ikun hemm xi ħaġa stramba dwar sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju li fiha tiġi ddedikata ħafna iktar enerġija fuq kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà milli fuq merti.

135.

Bi spirtu miftuħ ifisser li dawn it-tipi ta’ kontestazzjonijiet jintwerew għal dak li effettivament huma: tip sui generis ta’ Organstreitigkeiten intra-Unjoni, li fihom unità tal-awtorità pubblika tal-Istat Membru inkarigata bit-traspożizzjoni u bl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-regolatur effettiv, mhux (sempliċement) destinatarju (ieħor) tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tixtieq tirreġistra n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħha. Għalhekk, l-applikazzjoni mekkanika u formal(istika) tal-ġurisprudenza restrittiva dwar il-locus standi ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati għal tali entitajiet hija kunċettwalment żbaljata.

136.

Bħala sommarju, b’estrapolazzjoni żgħira tal-kunċetti ewlenin ta’ xogħol pjuttost magħruf tat-teorija soċjali: jekk il-lealtà hija meħtieġa (jew, fil-fatt, l-aġenzija), għandha tingħata vuċi, inkella l-ħruġ x’aktarx jiġi kkunsidrat ( 87 ).

2. Interess dirett u individwali u l-arti tal-kontroll tat-traffiku

137.

Hemm, finalment, l-istampa ġenerali tal-aċċess tal-individwi għall-qrati tal-Unjoni. Jiena bl-ebda mod ma qiegħed nissuġġerixxi li l-kategoriji ta’ interess dirett jew individwali għandhom jiġu interpretati mill-ġdid b’mod radikali u li l-bibien f’salt wieħed jinfetħu. Fil-fatt, numru ta’ sistemi legali, inklużi dawk tal-Istati Membri, jeżiġu prova li l-individwi jkunu affettwati sabiex ikun jistgħu jikkontestaw leġiżlazzjoni applikabbli b’mod ġenerali.

138.

Dak li huwa, madankollu, konċernanti hija t-tendenza restrittiva żżejjed fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, speċjalment għaxar snin wara t-Trattat ta’ Lisbona, li suppost kellu jnaqqas tal-inqas ftit minn dan it-tħassib. Jekk wieħed jaqra l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni minn perspettiva kritika, b’mod partikolari d-diversi digrieti tal-Qorti Ġenerali, wieħed ma jistax ħlief ikun sorpriż bil-ħeġġa u bil-kreattività li bihom jiġu identifikati l-assenza ta’ interess dirett, jew anki kwalunkwe interess sabiex wieħed jaġixxi. Dan l-appell joffri eżempju ieħor ta’ dan l-approċċ u spirtu ġenerali. Iqajjem il-kwistjoni segwenti: jekk anki r-reġjuni tal-Istati Membri ma humiex ikkonċernati b’miżuri tal-Unjoni li huma inkarigati li jimplimentaw u jsostnu, allura min qatt jista’ jkun ikkonċernat?

139.

Ċertament li, it-tweġiba tradizzjonali kienet li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni joffri sistema ta’ rimedji kompleta. Għalhekk, l-assenza ta’ locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jipprekludix li l-kwistjoni eventwalment titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domanda preliminari dwar il-validità sottomessa minn qorti nazzjonali ( 88 ).

140.

Mhux ser nirrepeti l-argumenti dwar għalfejn dan ma huwiex kunċettwalment leġittimu b’mod sħiħ ( 89 ). Lanqas ma jiena ser nidentifika kawżi individwali li fihom din id-domma regolarment tirriżulta li hija żbaljata. Bl-istess mod, ma nixtieqx nerġa’ niftaħ id-dibattitu dwar standards doppji u l-portata ta’ interpretazzjoni bħal din tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fir-rigward tad-dritt tal-aċċess għal qorti skont l-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 19(1) TUE.

141.

Minflok, ser sempliċement nikkonkludi b’żewġ punti strutturali li jimmilitaw favur interpretazzjoni iktar miftuħa tal-kriterji ta’ interess dirett u individwali tal-inqas għal ċerti kategoriji ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati atipiċi, bħar-reġjuni f’kawżi bħal din.

142.

L-ewwel nett, hemm l-arkitettura l-ġdida tal-qrati tal-Unjoni. Ir-restrizzjoni tal-aċċess dirett permezz tal-ġurisprudenza, filwaqt li kien permess b’mod liberali dak indirett permezz tal-proċedura tad-domanda preliminari, forsi kienet riċetta tajba fil-bidu tas-snin 2000. Madankollu, bl-istruttura radikalment mibdula tal-qrati tal-Unjoni madwar 20 sena wara ( 90 ), l-insistenza li jinżamm aċċess limitat permezz tal-bieb li għandu l-kapaċità, filwaqt li l-għoti ta’ aċċess bla limiti fuq l-istess kwistjonijiet permezz tal-bieb l-ieħor li, illum, għandu kapaċità limitata, żgur li ser twassal għal konġestjoni u tnaqqis evidenti tal-kwalità tat-traffiku.

143.

It-tieni nett, dan għandu jkun il-każ, b’mod partikolari, fi kwistjonijiet kumplessi, regolatorji u tekniċi, li jeħtieġu ġabra pjuttost estensiva ta’ evidenza, opinjoni ta’ esperti, jew data (xjentifika). Il-kwistjoni ta’ sigurtà ta’ ċerti pestiċidi hija eżempju prinċipali f’din il- kategorija. Ma jkunx aħjar jekk kwistjoni bħal din l-ewwel tiġi diskussa fil-profond fuq il-merti quddiem qorti tal-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali, bl-evidenza u bid-data kollha miġbura u bl-intervenjenti interessati mismugħa, qabel ma potenzjalment titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell? Din it-triq ma tkunx preferibbli minflok jiġu indirizzati kwistjonijiet simili li, finalment, jikkonċernaw il-validità ta’ miżuri regolatorji tal-Unjoni, fi proċedura ta’ domanda preliminari?

144.

Huwa partikolarment f’każijiet kumplessi bħal dawn li d-domma standard tat-triq alternattiva kompletament operazzjonali, fil-forma ta’ talba għal domanda preliminari, tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji. Jista’ jitfakkar li f’deċiżjonijiet preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiġbor l-ebda evidenza, kważi qatt ma tisma’ xhieda ta’ esperti, u l-fatti jibqgħu esklużivament f’idejn il-qorti tar-rinviju sabiex tistabbilixxi (jew pjuttost frekwentement, f’kawżi tekniċi kumplessi bħal dawn, sfortunatament sabiex ma jiġux stabbiliti). Bħala konsegwenza tar-restrizzjonijiet fuq in-numru ta’ intervenjenti potenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss ikollha tiddeċiedi fuq kwistjonijiet xjentifiċi u fattwali ħafna bi ftit data jew mill-partijiet intervenjenti jew mill-qorti tar-rinviju.

145.

Ma jkunx, għaldaqstant, iktar raġonevoli li kawżi simili jitħallew jibdew quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-evidenza u bix-xjenza kollha neċessarji miġbura u mismugħa b’mod xieraq, minflok ma tinfetaħ il-kwistjoni tal-glifosat indirettament permezz ta’ domanda preliminari ( 91 )? Lil hinn mill-kwistjoni ta’ għarfien espert u profondità neċessarja tal-argument, hemm ukoll il-kwistjonijiet iktar wiesgħa ta’ aċċess u leġittimità: kif jista’ reġjun inkarigat bil-kompetenzi fi kwistjonijiet ambjentali ma jkollu l-ebda locus standi sabiex jikkontesta l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-glifosati, filwaqt li individwi li jkissru t-twieqi u l-vetrini tal-ħwienet ikollhom kemm interess kif ukoll locus standi ( 92 )?

146.

Ċertament, dawn huma żewġ tipi differenti ta’ proċeduri. Madankollu, hija preċiżament l-istampa globali, inkluża l-interazzjoni reċiproka bejn it-tipi ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-aċċess għaliha, li hija inkwetanti. Ikun jinqeda’ aħjar ir-Région de Bruxelles-Capitale jekk, minflok ma debitament jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa (naturalment, b’mod totalment ipotetiku) jagħti struzzjonijiet lill-impjegati tiegħu sabiex joħorġu jivvandalizzaw ftit ħwienet fi Brussell ( 93 )?

147.

Bħala konklużjoni, jekk jintrabtu flimkien iż-żewġ punti ġenerali magħmula f’din it-taqsima, minflok ma wieħed jistenna t-twettiq tal-possibbiltà stabbilita fl-Artikolu 256(3) TFUE, li l-kumplessità tagħha tagħmilha xenarju improbabbli għall-futur immedjat ( 94 ), l-alternattiva vijabbli fuq medda ta’ żmien qasir u medju hija li dawn it-tipi ta’ kawżi jiġu diretti quddiem il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ interpretazzjoni iktar raġonevoli tal-kriterji tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fir-rigward ta’ mill-inqas ftit rikorrenti mhux ipprivileġġati, bħal dawk f’dawn il-proċeduri.

D.   Konsegwenzi tal-evalwazzjoni: dispożizzjoni tal-kawża preżenti

148.

Jiena wasalt għall-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddikjarat ir-rikors fl-ewwel istanza bħala inammissibbli fuq il-bażi li l-appellant ma kienx direttament ikkonċernat. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-istess konklużjoni, hija jkollha teżamina jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għal-locus standi tal-appellant skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE humiex issodisfatti. Fil-fatt, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għal-locus standi stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti, id-digriet appellat ikollu jiġi kkonfermat, u l-appell miċħud, minkejja l-iżbalji ta’ dritt magħmula mill-Qorti Ġenerali ( 95 ).

1. Ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza

149.

L-appellant isostni li huwa kien kemm direttament kif ukoll individwalment ikkonċernat bir-regolament ikkontestat. Huwa jsostni wkoll li dan ir-regolament ikkostitwixxa att regolatorju li ma involviex miżuri ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkontesta ż-żewġ argumenti.

150.

Jiena ser nevalwa dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet waħda wara l-oħra.

a) Att ta’ interess dirett u individwali

151.

Jiena diġà fakkart il-ġurisprudenza li skontha entità reġjonali jew lokali hija kkonċernata – kemm direttament u individwalment – b’att tal-Unjoni meta hija tiġi fdata b’kompetenzi li huma eżerċitati b’mod awtonomu fil-limiti tas-sistema kostituzzjonali nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, u l-att tal-Unjoni jipprekludi lil din l-entità milli teżerċita dawn il-kompetenzi kif jidhrilha xieraq (l-eżami “Vlaams Gewest”) ( 96 ).

152.

Jiena spjegajt ukoll għalfejn dan l-eżami jidher li ġie ssodisfatt f’din il-kawża. Jiena mbagħad enfasizzajt kif l-impatt fuq il-prerogatttivi tal-appellant irriżulta awtomatikament mir-regolament ikkontestat ( 97 ).

153.

Sa fejn dan ma jkunx suffiċjenti għall-għanijiet tal-eżami Vlaams Gewest, li naħseb li għandu jkun, l-uniku element li potenzjalment jifdal ikun kif ir-regolament ikkontestat jibdel is-sitwazzjoni legali tal-appellant minħabba s-sitwazzjoni speċifika ta’ dan tal-aħħar (jiġifieri, il-kriterju ta’ interess individwali).

154.

Il-kompetenzi mogħtija lir-reġjuni fil-Belġju sabiex jirregolaw l-użu tal-pestiċidi fit-territorju rispettiv tagħhom huma, ovvjament, speċifiċi għall-ordinament ġuridiku Belġjan. Is-sitwazzjoni hija differenti fi (tal-inqas ċerti) Stati Membri l-oħra. Mhux kull reġjun jew entità lokali oħra fl-Istati Membri l-oħra għandhom kompetenzi awtonomi komparabbli. L-entitajiet reġjonali jew lokali b’kompetenzi speċifiċi sabiex jirregolaw l-użu ta’ pestiċidi fit-territorji rispettivi tagħhom jikkostitwixxu grupp ta’ persuni (ġuridiċi) magħluq, predeterminat, u ċertament pjuttost żgħir.

155.

L-istess loġika tapplika fir-rigward tat-tipi l-oħra ta’ effetti prodotti mir-regolament ikkontestat fuq is-sitwazzjoni tal-appellant. B’mod partikolari, is-sitwazzjoni legali tal-appellant hija mibdula bl-istess mod mill-fatt li r-regolament ikkontestat jagħti ċerti drittijiet lil kumpanniji jew individwi (inter alia, il-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tas-sustanza attiva, u d-detenturi tal-awtorizzazzjoni). Pereżempju, detenturi tal-awtorizzazzjoni li japplikaw għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom għandhom id-dritt li jiksbu deċiżjoni mill-awtoritajiet fi 12‑il xahar u, fejn ikun neċessarju, ikollhom il-validità tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom ikkonservata għall-perijodu meħtieġ għal dan l-għan ( 98 ). Dawn id-drittijiet jistgħu, f’kull evidenza, jiġu invokati kontra l-awtoritajiet Belġjani responsabbli li, għall-kuntrarju tal-Istati Membri l-oħra, jinkludu entitajiet reġjonali minħabba l-kompetenza speċifika tagħhom fir-regolazzjoni tal-pestiċidi.

156.

Barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat jiskatta wkoll obbligu proċedurali mill-appellant. Il-gvern federali ma jistax jiddeċiedi dwar awtorizzazzjonijiet mingħajr ma jisma’ lill-Kumitat ta’ Approvazzjoni, li tiegħu l-appellant huwa membru. Għal darba oħra, il-bżonn għall-awtoritajiet tar-Région de Bruxelles-Capitale sabiex, inter alia, jibdew azzjoni ta’ segwitu, jagħtu istruzzjonijiet għall-fajls rilevanti, u jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, huwa r-riżultat tal-istruttura kostituzzjonali tal-Belġju.

157.

Sa fejn din l-istruttura u loġika kollha tkun tista’ fil-fatt tiġi applikata għar-regolaturi, minflok għad-destinatarji tal-leġiżlazzjoni, li għalihom hija intiża ( 99 ), dawn l-elementi, kemm individwalment u (iktar minn hekk) meta kkunsidrati flimkien, jiddistingwu b’mod ċar l-appellant minn kwalunkwe awtoritajiet reġjonali jew lokali oħra fl-Unjoni li jistgħu jiġu affettwati biss indirettament, sa fejn dawn huma inkarigati bil-missjoni li jieħdu ħsieb il-benesseri ġenerali taċ-ċittadini tagħhom jew l-integrità tat-territorju tagħhom. A fortiori, dawn l-elementi jiddifferenzjaw lill-appellant minn persuni oħra ġuridiċi jew fiżiċi li jaġixxu fil-qasam ambjentali, jew li huma potenzjalment affettwati mir-regolament ikkontestat (bħal ċittadini li huma esposti għas-sustanza).

158.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-appellant huwa kemm direttament kif ukoll individwalment ikkonċernat mir-regolament ikkontestat, u għalhekk għandu locus standi sabiex jikkontesta r-regolament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza, ser nevalwa wkoll il-locus standi tiegħu skont is-sitwazzjoni skont it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

b) Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni

159.

L-ewwel nett, huwa pjuttost ċar li r-regolament ikkontestat huwa “att regolatorju” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

160.

Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-kunċett “ikopri l-atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali kollha” ( 100 ). Ir-regolament ikkontestat jissodisfa dan ir-rekwiżit b’mod ċar. Ma huwiex att leġiżlattiv, iżda att ta’ implimentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291 TFUE, adottat mill-Kummissjoni bl-intenzjoni li jiġi implimentat ir-Regolament Nru 1107/2009. Barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat ikopri sitwazzjonijiet li huma ddeterminati oġġettivament, u jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt ( 101 ).

161.

It-tieni nett, jiena wkoll tal-fehma li r-regolament ikkontestat ma “jinvolvix miżura ta’ implimentazzjoni” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

162.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-kwistjoni jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tippreżenta r-rikors u s-suġġett ta’ dan ir-rikors ( 102 ). Dan ifisser li huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ persuni oħra ( 103 ), u jekk partijiet oħra tal-att ikkontestat, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrent, jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni ( 104 ). Dak li huwa kruċjali, f’dan il-kuntest, huwa jekk l-effetti legali speċifiċi li jibdlu s-sitwazzjoni tar-rikorrent jimmaterjalizzawx fil-konfront ta’ din il-persuna b’riżultat tal-att tal-Unjoni kkontestat, jew ta’ kwalunkwe att ieħor adottat mill-Unjoni jew Stat Membru inkwistjoni ( 105 ).

163.

F’dan l-isfond, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-appellant u tas-suġġett ta’ dawn il-proċeduri, ir-regolament ikkontestat ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni għall-għanijiet tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Kif repetutament imsemmi f’dawn il-konklużjonijiet, l-appellant ma huwa qiegħed jikkontesta l-ebda awtorizzazzjoni speċifika li tista’ tingħata (jew tiġi mġedda) lil prodott wieħed jew iktar li jinkludi l-glifosat. L-appellant qiegħed jikkontesta s-sigurtà tas-sustanza skont l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1107/2009, aspett li dwaru r-regolament ikkontestat jistabbilixxi determinazzjoni finali. L-ebda miżura ta’ implimentazzjoni ma hija neċessarja jew ma hija stabbilita f’dan ir-rigward.

164.

Il-fatt li miżuri ta’ implimentazzjoni għar-regolament ikkontestat għandhom jiġu adottati fil-konfront ta’ persuni oħra (pereżempju, detenturi ta’ awtorizzazzjoni u produtturi tal-glifosat) jew fir-rigward ta’ aspetti oħra tar-regolament ikkontestat (b’mod partikolari, is-sigurtà tal-prodotti speċifiċi li fihom l-glifosat) ma għandu, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, l-ebda rilevanza.

165.

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni li l-ġurisprudenza reċenti tappoġġja interpretazzjoni partikolarment restrittiva tal-espressjoni “ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

166.

Jiena naqbel mal-punt ta’ tluq tal-Kummissjoni, iżda ma ninterpretax il-ġurisprudenza msemmija mill-Kummissjoni bl-istess mod u għalhekk ma naqbilx mal-konsegwenzi li l-Kummissjoni tislet minnha għal din il-kawża.

167.

L-ewwel nett, jiena naqbel li din il-kundizzjoni li skontha l-att ikkontestat ma jistax “jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni” ma tistax tiġi mfixkla ma’ dik ta’ “interess dirett” ( 106 ). Iż-żewġ kundizzjonijiet fil-fatt għandhom l-istess għan: li jiġi evitat kontenzjuż mhux neċessarju quddiem il-qrati tal-Unjoni filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva għall-persuni kollha direttament affettwati minn miżura tal-Unjoni ( 107 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tifsira tagħhom madankollu ma humiex identiċi.

168.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-espressjoni “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, li jiġi evitat li individwu jkollu jikser il-liġi sabiex ikun jista’ jkollu aċċess għal qorti. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni, ikun hemm ir-riskju li din tal-aħħar tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma kellhiex rimedju quddiem il-qrati tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fl-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, minkejja li tkun ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, ma tkunx f’pożizzjoni li tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att ħlief wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tiegħu, billi tinvoka l-illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontra tagħha quddiem il-qrati nazzjonali ( 108 ).

169.

Jiena naqbel ukoll mal-Kummissjoni li s-segwenti hija differenza prinċipali bejn dawn iż-żewġ kunċetti: b’differenza mill-interess dirett, is-sempliċi eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni tal-att tal-Unjoni, anki fejn dawn il-miżuri huma ta’ natura purament mekkanika u ma jifdal l-ebda diskrezzjoni f’dan ir-rigward għad-destinatarji tal-att tal-Unjoni, hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-kundizzjoni skont it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma hijiex issodisfatta ( 109 ). Fi kliem ieħor, l-att ikkontestat tal-Unjoni għandu, fih innifsu, jagħti lok għall-effetti legali li huma s-suġġett tal-ilment ( 110 ). Għaldaqstant, il-kundizzjoni relatata mal-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ssegwi l-loġika fil-bażi tal-kundizzjoni ta’ interess dirett, iżda tagħmel din il-kundizzjoni sa ċertu punt iktar restrittiva ( 111 ).

170.

Ir-raġuni wara l-għażla kostituzzjonali sabiex din il-kundizzjoni tiġi inkluża fit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija, probabbilment, sabiex jiġi bbilanċjat il-fatt li (i) rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni jsir ammissibbli kontra atti ta’ applikazzjoni ġenerali (jiġifieri, potenzjalment taffettwa numru kbir ta’ individwi) u (ii) il-locus standi jiġi estiż għal kwalunkwe persuna direttament ikkonċernata b’dawn l-atti (minħabba li l-kundizzjoni ta’ interess individwali ġiet irrevokata f’dawn is-sitwazzjonijiet). Il-ħtieġa li tiġi evitata actio popularis quddiem il-qrati tal-Unjoni għalhekk wasslet lil dawk li abbozzaw it-Trattat ta’ Lisbona sabiex isaħħu r-rekwiżit li l-effetti legali tal-att ikkontestat minn rikorrent isegwu preċiżament u immedjatament mill-att tal-Unjoni kkontestat.

171.

Madankollu, din il-kundizzjoni ma tistax tinqaleb u tiġi interpretata (mill-ġdid) b’mod li fil-fatt iwassal għal saħansitra inqas aċċess minn qabel, u għaldaqstant iċaħħad din l-emenda espliċita tat-Trattat minn kwalunkwe kontenut. Dan ikun imur kontra r-rieda ċara tal-leġiżlatur kostituzzjonali tal-Unjoni ( 112 ).

172.

Jiena għaldaqstant ma naqbilx mal-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minflok, naqbel totalment mal-fehma tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón li sostna li “atti […] mhux sostanzjali, anċillari” ma jistgħux jikkostitwixxu miżuri ta’ implimentazzjoni. Il-qrati tal-Unjoni minflok għandhom jikkunsidraw jekk l-att ikkontestat huwiex “kompletament u [fih innifsu operattiv]” fid-dawl tal-għan, kontenut u l-effetti tiegħu fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent ( 113 ).

173.

Jiena nemmen li l-ġurisprudenza fil-biċċa l-kbira tirrifletti din il-pożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamiltha ċara li huwa irrilevanti jekk l-att ikkontestat inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ persuni oħra, u jekk partijiet oħra tal-att ikkontestat, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrent, jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni ( 114 ). Barra minn hekk, f’Montessori, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rikorrenti kellhom locus standi skont it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sa fejn huma ma setgħux jiġi mistennija li joħolqu kontenzjuż artifiċjali sabiex jikkontestaw atti nazzjonali li, li kieku ma kienx għall-ksur tad-dritt, qatt ma kienu jsiru jeżistu, u għaldaqstant jiskattaw talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-att bażiku tal-Unjoni ( 115 ).

174.

L-istess loġika ġiet segwita, f’numru ta’ kawżi reċenti, mill-Qorti Ġenerali. F’Gazprom Neft, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li jkun artifiċjali jew eċċessiv li jiġi rikjest minn operatur li jitlob miżura ta’ implimentazzjoni bl-uniku skop li jkun jista’ jikkontesta din il-miżura quddiem il-qrati nazzjonali, meta jkun evidenti li tali talba ser neċessarjament tirriżulta f’rifjut, b’tali mod li hija ma kinitx tiġi ppreżentata fil-kors normali tan-negozju ( 116 ). Barra minn hekk, f’Tilly-Sabco u Doux, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li huma biss miżuri li jiġu adottati mill-Unjoni jew minn qrati nazzjonali fil-kors normali tal-kawżi li jistgħu jikkostitwixxu miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Jekk, fil-kors normali tal-kawżi, dawn l-awtoritajiet ma jadottaw l-ebda miżura sabiex jimplimentaw l-att regolatorju, u sabiex jispeċifikaw il-konsegwenzi tiegħu fil-konfront tar-rikorrent, dan l-att ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni ( 117 ).

175.

Bħala sommarju, it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kienet inkluża fit-Trattat sabiex timla l-vojt fis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji fir-rigward ta’ dawk il-kawżi kollha fejn l-istħarriġ indirett ta’ atti tal-Unjoni (jiġifieri, permezz tal-proċedura ta’ domanda preliminari) huwa: (i) impossibbli minħabba li l-att tal-Unjoni huwa awto-eżegwibbli (bħal f’Microban ( 118 )), jew (ii) purament artifiċjali u mhux raġonevoli minħabba li ma hemm l-ebda miżuri ta’ implimentazzjoni fil-konfront tar-rikorrent (bħal f’Montessori, Gazprom, Tilly-Sabco u Doux ( 119 )) u/jew fir-rigward tal-effetti kkontestati mir-rikorrent (is-sitwazzjoni prevista f’Telefónica ( 120 )).

176.

Essenzjalment, din il-kawża jew taqa’ fl-ewwel grupp deskritt fl-ewwel punt (fir-rigward tad-determinazzjoni dwar is-sigurtà tal-glifosat ma hemm l-ebda miżura ta’ implimentazzjoni) jew, fi kwalunkwe każ, fit-tieni grupp (l-appellant ikollu artifiċjalment jikkontesta xi deċiżjoni tal-federazzjoni adottata f’dan il-kuntest sabiex ikollu l-possibbiltà jqajjem il-kwistjoni tal-validità tar-regolament ikkontestat fil-proċedura nazzjonali, bit-tama li l-qorti tar-rinviju tagħmel domanda preliminari dwar din il-kwistjoni skont l-Artikolu 267 TFUE).

177.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li l-appellant ukoll għandu locus standi sabiex jikkontesta r-regolament ikkontestat skont it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE: ir-regolament ikkontestat huwa att regolatorju li ma jinvolvi l-ebda miżura ta’ implimentazzjoni.

E.   Rinviju lill-Qorti Ġenerali

178.

Wara li kkonkludejt favur l-ammissibbiltà tar-rikors, u sa fejn il-merti ta’ dan ir-rikors ma ġewx eżaminati fl-ewwel istanza, il-kawża għandha tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-ispejjeż jiġu rriżervati.

179.

Madankollu, jiena nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-materjal neċessarju kollu quddiemha sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni li biha tiċħad l-eċċezzjoni preliminari ta’ inammissibbiltà magħmula mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza. Fl-interess ta’ effiċjenza u ekonomija tal-proċedura, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu din it-triq.

V. Konklużjoni

180.

Nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-digriet tat‑28 ta’ Frar 2019, Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (T‑178/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:130);

tiddikjara r-rikors għal annullament tal-appellant bħala ammissibbli;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu; u

tordna li l-ispejjeż jiġu rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2324 tat‑12 ta’ Diċembru 2017 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2017, L 333, p. 10) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

( 3 ) Digriet tat‑28 ta’ Frar 2019, Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (T‑178/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:130, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”).

( 4 ) ĠU 2006, L 164M, p. 17.

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 182.

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332.

( 7 ) ĠU 2009, L 309, p. 1.

( 8 ) ĠU 2011, L 153, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 26, p. 38.

( 9 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1885 tal‑20 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi […] Glifosat […] (ĠU 2015, L 276, p. 48); u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1056 tad‑29 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat (ĠU 2016, L 173, p. 52).

( 10 ) Moniteur Belge tal‑15 ta’ Awwissu 1980, p. 9434.

( 11 ) Moniteur Belge tal‑11 ta’ Mejju 1994, p. 12504.

( 12 ) Moniteur Belge tal‑21 ta’ Ġunju 2013, p. 40062.

( 13 ) ĠU 2009, L 309, p. 71, rettifika fil-ĠU 2010, L 161, p. 11.

( 14 ) Moniteur Belge tat‑2 ta’ Diċembru 2016, p. 79492.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 1990, Weddel vs Il‑Kummissjoni (C‑354/87, EU:C:1990:371, punt 23) u d-digriet tal‑10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑223/01, EU:T:2002:205, punt 50). Għal diskussjoni akkademika, ara pereżempju Barents, R., Remedies and Procedures before the EU Courts, Kluwer Law International, Alphen aan den Rijn, 2016, p. 238. B’kuntrast, l-effetti ta’ att tal-Unjoni fuq l-interessi tar-rikorrent li ma humiex legalment protetti ma humiex rilevanti skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE: ara, pereżempju, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il‑Parlament (C‑486/01 P, EU:C:2004:394, punti 3536).

( 16 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 17 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et C‑665/17 P, u C‑669/17P, vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, EU:C:2019:923, punt 103), u tad‑29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il‑Parlament (C‑486/01 P, EU:C:2004:394, punt 34).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 1995, CCE Vittel vs Il‑Kummissjoni (T‑12/93, EU:T:1995:78, punt 58). Fl-istudji legali, ara, pereżempju, Schermers, H.G., Waelbroeck, D., Judicial Protection in the European Union, is-sitt edizzjoni, Kluwer Law International, Alphen aan den Rijn, 2001, p. 914; Albors Llorens, A., Private Parties in European Community Law: Challenging Community Measures, Clarendon Press, Oxford, 1996, p. 73; u Mariatte, F., Ritleng, D., Contentieux de l’union européenne 1: Annulation. Exception d’’llégalité, Lamy, Paris, 2010, p. 179.

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il‑Kummissjoni (C‑404/96 P, EU:C:1998:196, punti 38 sa 54).

( 20 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 50), u tal‑10 ta’ Marzu 2020, IFSUA vs Il‑Kunsill (T‑251/18, EU:T:2020:89, punt 51).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il‑Kummissjoni (T‑3/93, EU:T:1994:36, punt 80), u tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il‑Kummissjoni (T‑119/02, EU:T:2003:101, punti 284285).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2015, Hitachi Chemical Europe et vs ECHA (T‑135/13, EU:T:2015:253, punti 29 sa 38).

( 23 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina (C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 49).

( 24 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 1990, Weddel vs Il‑Kummissjoni (C‑354/87, EU:C:1990:371, punt 19).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 62).

( 26 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il‑Kummissjoni (41/70 sa 44/70, EU:C:1971:53, punti 23 sa 26).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il‑Kunsill (T‑80/97, EU:T:2000:216, punti 61 sa 65), u tal‑1 ta’ Lulju 2009, ISD Polska et (T‑273/06 u T‑297/06, EU:T:2009:233, punt 68).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il‑Kummissjoni (C‑135/92, EU:C:1994:267, punt 27).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni (T‑262/10, EU:T:2011:623, punt 29).

( 30 ) Sentenza tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il‑Kummissjoni (T‑119/02, EU:T:2003:101, punt 276).

( 31 ) Ibid., punti 277 sa 281.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville vesuviane u Ente per le Ville vesuviane vs Il‑Kummissjoni (C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:52, punt 46), tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni (C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 44), u tas‑17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, EU:C:1985:18, punti 8 sa 10). Enfasi miżjuda minni.

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 1971, Bock vs Il‑Kummissjoni (62/70, EU:C:1971:108, punti 6 sa 8), u tal‑31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il‑Kummissjoni (C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 51).

( 34 ) Digriet tal‑10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑223/01, EU:T:2002:205, punt 46). Enfasi miżjuda minni.

( 35 ) Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 1979, NTN Toyo Bearing vs Il‑Kunsill (113/77, EU:C:1979:91, punti 1112). Wara kollox, ma jistgħux ikunu l-qrati tal-Unjoni li għandhom jeżaminaw u jinterpretaw id-dritt proċedurali nazzjonali sabiex jiddeterminaw jekk ir-rikorrent għandux, teoretikament, rimedji legali oħra sabiex jasserixxi d-drittijiet tiegħu skont id-dritt nazzjonali: ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Marquis Energy vs Il‑Kunsill (T‑277/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:343, punt 108), u tas‑6 ta’ Ġunju 2013, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (T‑279/11, EU:T:2013:299, punti 70 sa 72).

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punti 49 sa 52), tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il‑Kummissjoni (T‑33/01, EU:T:2005:461, punti 133 sa 135, u 138 et seq.), u tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni (T‑262/10, EU:T:2011:623, punt 28).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni (C‑417/04 P, EU:C:2006:282, punt 24).

( 38 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni (T‑214/95, EU:T:1998:77, punt 29).

( 39 ) Sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa vs Il‑Kummissjoni (T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, EU:T:2002:258, punt 41).

( 40 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni (T‑132/96 u T‑143/96, EU:T:1999:326, punti 89 sa 90). B’mod simili, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2005, Land Oberösterreich vs Il‑Kummissjoni (T‑366/03 u T‑235/04, EU:T:2005:347, punt 29).

( 41 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Regione Autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il‑Kummissjoni (T‑288/97, EU:T:1999:125, punt 32).

( 42 ) Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2000, Nederlandse Antillen vs Il‑Kummissjoni (T‑32/98 u T‑41/98, EU:T:2000:36, punti 6061).

( 43 ) B’mod simili, Barents, R., op. cit., p. 275; Lenaerts, K., Maselis, I., Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press, Oxford, 2014, p. 330; u Lenaerts, K., Cambien, N., “Regions and the European Courts: Giving Shape to the Regional Dimension of Member State”, European Law Review, 2010, Vol. 35, p. 609 sa 635.

( 44 ) Li huwa viżibbli b’mod ċar meta l-istess eżami jiġi applikat għal rikorrent komuni privat. Pereżempju, kwalunkwe kumpannija tista’ ssostni li, minħabba xi leġiżlazzjoni partikolari tal-Unjoni, hija prekluża milli teżerċita, kif jidhrilha xieraq, il-kompetenzi tagħha stess, li tgawdi direttament skont id-dritt nazzjonali. Hija ma tistax tikkonkludi kuntratti, negozju, jew twettaq in-negozju tagħha kif kieku tkun tista’. Iżda, tali pretensjonijiet, fil-każ ta’ kwalunkwe rikorrent komuni mhux ipprivileġġat bl-ebda mod ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ interess dirett u individwali għal dan ir-rikorrent.

( 45 ) Ara d-digriet tad‑19 ta’ Settembru 2006, Benkö et vs Il‑Kummissjoni (T‑122/05, EU:T:2006:262 punt 64).

( 46 ) Ara wkoll Van Nuffel, P., “What’s in a Member State? Central and Decentralised Authorities before the Community Courts’, Common Market Law Review, 2001, Vol. 38, p. 871, f’ 887.

( 47 ) Dan jista’ jintwera’ bis-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni (C‑417/04 P, EU:C:2006:282). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-reġjun ma kienx direttament ikkonċernat b’deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkanċellat l-għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għal proġett f’Sicilia minħabba li ma kien hemm l-ebda relazzjoni diretta bejn l-għajnuna finanzjarja (formalment ipprovduta lill-Istat Membru) u l-indikazzjoni ta’ entità reġjonali (bħar-Regione Siciliana) bħala l-awtorità responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ proġett tal-FEŻR. Din l-indikazzjoni ma implikatx li r-reġjun kien minnu nnifsu intitolat għal għajnuna: ma kien hemm l-ebda restrizzjoni diretta fl-eżerċizzju ta’ xi kompetenza speċifika attribwita lir-reġjun fil-livell kostituzzjonali.

( 48 ) Ara supra, punti 58 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Kawża Nru 32/2019, paragrafu B.16. sa B.19.1. (dwar il-projbizzjoni ta’ pestiċidi maħruġa mir-Reġjun ta’ Wallonie fit-territorju tiegħu), u tat‑28 ta’ Frar 2019, Kawża Nru 38/2019, paragrafi B.13.1 sa B.14. (dwar il-projbizzjoni adottata mir-Reġjun ta’ Vlaanderen fit-territorju tiegħu).

( 50 ) Ara speċjalment il-premessa 17 tar-regolament ikkontestat: “Dwar l-użu rappreżentattiv, wieħed jew aktar, ta’ mill-inqas prodott wieħed tal-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva glifosat, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għalhekk, qed jitqies li ġew issodisfati dawk il-kriterji għall-approvazzjoni.”

( 51 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(3): “L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola.” Ara wkoll pereżempju l-premessi 7, 8, 10, 23, 24, 29 u oħrajn. Enfasi miżjuda minni.

( 52 ) Il-bażijiet legali msemmija tar-Regolament Nru 1107/2009 ma kinux biss l-ex Artikolu 95 TKE (issa l-Artikolu 114 TFUE – approssimazzjoni ta’ liġijiet fis-suq intern), iżda wkoll l-ex Artikolu 37(2) TKE (issa l-Artikolu 43(2) TFUE – agrikoltura u sajd) u l-ex Artikolu 152(4)(b) TKE (issa l-Artikolu 168(4)(b) TFUE – Is-Saħħa Pubblika).

( 53 ) Pereżempju, ara b’analoġija s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA (T‑115/15, EU:T:2017:329, punti 3031).

( 54 ) Enfasi miżjuda minni.

( 55 ) Skont l-informazzjoni fil-fajl, dan id-digriet huwa s-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal annullament imressqa quddiem il-Kunsill tal-Istat Belġjan. Ir-rikorsi jikkonċernaw, inter alia, allegat ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009 u l-Artikoli 34, 35 u 36 TFUE. F’dawn il-kawżi, ir-rikorrenti (kumpanniji involuti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti bbażati fuq il-glifosat) jikkunsidraw li l-approvazzjoni fl-Unjoni b’mod ġenerali tal-glifosat u l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza mill-awtorità federali Belġjana ma jistgħux jiġu kompromessi bi projbizzjoni totali fuq l-użu ta’ dawn il-prodotti fit-territorju tar-Région de Bruxelles-Capitale. Sa fejn naf jien, dawn il-kawżi għadhom pendenti.

( 56 ) Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana essenzjalment iddeċidiet li l-kompetenza għall-protezzjoni tal-ambjent tinkludi l-kompetenza li jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni u limitazzjoni ta’ riskji marbuta ma’ pestiċidi. Minħabba li l-leġiżlazzjoni fir-reġjuni differenti ma tistipulax l-istandards li l-pestiċidi għandhom jissodisfaw sabiex jitqiegħdu fis-suq, iżda sempliċement tirregola l-użu tal-pestiċidi, il-leġiżlazzjoni ma hijiex ikkunsidrata li tistabbilixxi standards tal-prodotti. Ir-reġjuni huma għalhekk kompetenti. Madankollu, tali leġiżlazzjoni ma tistax tammonta (de facto) għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti jew l-istabbiliment ta’ standard ta’ prodott. Dan ikun jikser il-lealtà federali.

( 57 ) Osservazzjonijiet sottomessi fil-kuntest ta’ proċeduri għan-notifika ta’ standards tekniċi – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Awwissu 2018, TRIS/(2018) 02325. B’mod kurjuż, f’dawn l-osservazzjonijiet il-Kumissjoni essenzjalment kienet tal-fehma li att li jipprevedi projbizzjoni totali ta’ prodotti li fihom il-glifosat imur kontra s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1107/2009. Huwa għalhekk daqsxejn sorprendenti li l-argumenti tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri jissuġġerixxu essenzjalment li projbizzjoni territorjali totali bħal din ma għandha xejn x’taqsam ma’ din l-istess sistema, u li għalhekk ma tippermettix locus standi għar-reġjun inkwistjoni.

( 58 ) Jista’ jkun interessanti li jiġi nnotat, f’dan il-kuntest, li l-Qorti Ġenerali konsistentement iddikjarat li interess fit-tressiq ta’ proċeduri skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jista’ jiġi dedott minn riskju ġenwin li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tiġi affettwata bil-proċeduri legali eżistenti, jew anki mill-fatt li r-riskju ta’ proċeduri legali huwa stabbilit u preżenti fid-data li fiha r-rikors jiġi ppreżentat quddiem il-ġudikatura tal-Unjoni: ara, pereżempju, id-digriet tal‑25 ta’ Marzu 2019, Solwindet las Lomas vs Il‑Kummissjoni (T‑190/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:205, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jiena tal-fehma li ċirkustanzi simili jistgħu, mutatis mutandis, ikunu ta’ ċerta rilevanza wkoll fl-evalwazzjoni ta’ jekk att tal-Unjoni kkontestat skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jikkonċernax lir-rikorrent individwalment.

( 59 ) Skont l-Artikolu 43(1) sa (5) tar-Regolament Nru 1107/2009, awtorizzazzjoni tiġi mġedda, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, fuq rikors tad-detentur tal-awtorizzazzjoni.

( 60 ) Enfasi miżjuda minni.

( 61 ) Enfasi miżjuda minni.

( 62 ) Ara, inter alia, l-Artikolu 8, l-Artikolu 19, l-Artikolu 24(1), l-Artikolu 25, l-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 29(1) u (2) tad-Digriet Irjali.

( 63 ) Kemm jekk kien il-Parlament (ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 1995, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑417/93, EU:C:1995:127, punt 9) jew organi oħra li jintervjenu fil-proċeduri leġislattivi, bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ara, għal dan il-għan, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni281/85, 283/85 to 285/85 u 287/85, EU:C:1987:351, punti 37 sa 39). L-istess prinċipju ġie applikat f’kawżi li kkonċernaw organi ta’ għoti ta’ parir li jintervjenu fil-proċedura amministrattiva, pereżempju fl-oqsma tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni, C‑85/15 P, EU:C:2017:709, punti 23 sa 48), jew kwistjonijiet dwar il-persunal (ara pereżempju s-sentenza tal‑21 ta’ April 1983, Ragusa vs Il‑Kummissjoni, 282/81, EU:C:1983:105, punt 18).

( 64 ) Fis-sens tal-ġurisprudenza kkwotata iktar ’il fuq f’punt 54.

( 65 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑388/01, EU:C:2003:30, punti 2627).

( 66 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428)

( 67 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group (C‑46/08, EU:C:2010:505, punti 6970).

( 68 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Digibet u Albers (C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 33).

( 69 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 40), u tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Digibet u Albers (C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 34).

( 70 ) L-espressjoni hija mislufa minn Weatherhill, S., “The Challenge of the Regional Dimension in the European Union”, f’Weatherill u Bernitz (edituri), The Role of Regions and Sub-National Actors in Europe, Hart, Oxford, 2005, p. 1.

( 71 ) Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ awtorizzazzjonijiet, l-Unjoni ġiet maqsuma f’żoni differenti fejn il-kundizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u dawk ambjentali (inkluż klimatiċi) huma kkunsidrati komparabbli. Ara b’mod partikolari l-premessa 29, l-Artikolu 3(17) u l-Anness I għar-Regolament Nru 1107/2009.

( 72 ) Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1107/2009.

( 73 ) Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 36(3), jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu possibbiltà li tiġi sfidata deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ tali prodott quddiem il-qrati nazzjonli jew istanzi oħra ta’ appell.”

( 74 ) Ara infra, il-punt 168 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 75 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 51), u s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07, EU:T:2011:42, punti 4041).

( 76 ) Rapport tal-Kumitat għall-Konformità, Addendum, Konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-komunikazzjoni ACCC/C/2008/32 (Parti I) dwar l-osservanza mill-Unjoni Ewropea, Adottati fl‑14 ta’ April 2011; u Konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità fir-rigward tal-komunikazzjoni ACCC/C/2008/32 (Parti II) dwar l-osservanza mill-Unjoni Ewropea, Adottati mill-Kumitat għall-Konformità fis‑17 ta’ Marzu 2017.

( 77 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 78 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punti 5051), u tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy (C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 57).

( 79 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289).

( 80 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 22); tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 49); u tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C-621/18, EU:C:2018:999, punti 7071).

( 81 ) Kawżi magħquda Il‑Kunsill u Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2014:310, punt 132).

( 82 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et (C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 33).

( 83 ) B’mod partikolari fl-Istati Membri fejn il-prinċipju ta’ legalità tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika kollha huwa applikat b’mod rigoruż, li jfisser li l-Istat u l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jaġixxu biss fuq bil-bażi ta’, u skont, il-liġi.

( 84 ) It-Tielet Parti, Titolu XVIII, tat-Trattat FUE.

( 85 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 39(2) TFUE (Politika Agrikola Komuni), l-Artikolu 46 (suq intern), l-Artikolu 91(2) u l-Artikolu 96(2) TFUE (trasport), l-Artikolu 107(3) TFUE (Għajnuna mill-istati), l-Artikolu 167(1) TFUE (kultura), l-Artikolu 170(2) TFUE (networks trans-Ewropej), u l-Artikolu 191(1) u (3) TFUE (ambjent).

( 86 ) Indikat iktar ’il fuq, punti 58 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 87 ) Hirschman, A. O., Exit, Voice, and Loyalty: Responses to Decline in Firms, Organizations, and States, Harvard University Press, Cambridge, MA, 1970.

( 88 ) Ara reċentement, pereżempju, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 66 sa 68 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punti 112 sa 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 89 ) B’numru tal-argumenti konvinċenti mressqa fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:197) għadhom validi sal-lum.

( 90 ) Wara l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 341, p. 14, rettifika fil-ĠU 2016, L 40, p. 16).

( 91 ) Ara f’dan ir-rigward it-talba għal deċiżjoni preliminari (pjuttost qasira) magħmula mit-tribunal correctionnel de Foix (il-Qorti Kriminali ta’ Foix, Franza), li tat lok għas-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800). F’dan il-każ, il-fatt li Mathieu Blaise u individwi oħra daħlu fi ħwienet fid-dipartiment ta’ Ariège (Franza) u sfiguraw kontenituri ta’ erbiċidi li kien fihom il-glifosat, kif ukoll vetrini tal-ħġieġ, wassal għal proċeduri kriminali kontra dawn l-individwi fuq akkużi ta’ sfigurazzjoni jew ħsara għall-proprjetà ta’ ħaddieħor. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat numru ta’ kwistjonijiet pjuttost kumplessi dwar il-validità tar-Regolament Nru 1107/2009 fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni tal-glifosat bħala sustanza attiva.

( 92 ) Forsi ma huwiex immedjatament ovvju x’effett ikollu stħarriġ tal-validità tar-Regolament Nru 1107/2009 fil-proċeduri kriminali nazzjonali għal distruzzjoni volontarja tal-proprjetà, speċjalment minħabba li l-awtorizzazzjoni inkwistjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi l-glifosat ingħatat mir-Repubblika Franċiża u b’mod ċar ma tirriżultax direttament minn ebda att tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punti 31 sa 39).

( 93 ) F’dan ir-rigward, l-argument li “ħadd ma għandu jkun meħtieġ jikser il-liġi sabiex jaċċessa qorti”, diskuss fil-konklużjonijiet diġà ċċitati tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:197, punt 43) jagħmel ċirku sħiħ u pjuttost mhux mistenni.

( 94 ) Ara l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-Rapport ippreżentat skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, p. 4 sa 7 (onlajn fuq: https://curia.europa.eu).

( 95 ) Ara pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni (C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 96 ) Ara iktar ’il fuq, punti 58 sa 62.

( 97 ) Ara iktar ’il fuq, punti 65 sa 81.

( 98 ) L-Artikolu 43(6) tar-Regolament Nru 1107/2009, diskuss fid-dettall iktar ’il fuq fil-punti 83 u 87.

( 99 ) Kif indikat iktar ’il fuq fil-punti 129 sa 136.

( 100 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 60), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 28).

( 101 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA (T‑115/15, EU:T:2017:329, punti 32 sa 34), u tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 95).

( 102 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punti 3031).

( 103 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 63 sa 65), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il‑Kummissjoni (T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, EU:T:2018:927, punt 40).

( 104 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 31).

( 105 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punti 4345), u tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni (C‑145/17 P, EU:C:2018:839, punti 5657).

( 106 ) Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2015, Forgital Italy vs Il‑Kunsill (C‑84/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:517, punt 43).

( 107 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 93).

( 108 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 109 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), u d-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2012, Eurofer vs Il‑Kummissjoni (T‑381/11, EU:T:2012:273, punt 59).

( 110 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Canon Europa vs Il‑Kummissjoni (C‑552/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:804, punt 48).

( 111 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2015, Federcoopesca et vs Il‑Kummissjoni (T‑312/14, EU:T:2015:472, punti 34 sa 37).

( 112 ) Ara, b’mod partikolari, in-nota ta’ komunikazzjoni tal-Praesidium lill-Konvenzjoni Ewropea (CONV 734/03) tat‑12 ta’ Mejju 2003, p. 20: “[…] il-Praesidium jirrakkomanda li l-kundizzjonijiet għall-istituzzjoni ta’ proċeduri diretti jinfetħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il‑Kummissjoni (T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, EU:T:2018:927, punt 40). Fl-istudji legali, fost il-ħafna twissijiet kontra interpretazzjoni restrittiva żżejjed tal-emenda tat-Trattat, ara pereżempju Wildemeersch, J., “Standing Requirements of Private Parties in Actions for Annulment Concerning Regulatory Acts: The State of Affairs 10 Years After the Entry into Force of the Lisbon Treaty”, fi Sarmiento et al (edituri), Yearbook on Procedural Law of the Court of Justice of the European Union: First Edition – 2019, MPILux Research Paper 2020, p. 49 sa 73, f’62 sa 64; jew Rhimes, M., “The EU Courts stand their ground: why are the standing rules for direct actions still so restrictive?”, European Journal of Legal Studies 1, Vol. 9, Nru. 1, 2016, p. 103 sa 172, f’116.

( 113 ) Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fi T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2014:2283, punt 32). Ara wkoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni (T‑262/10, EU:T:2011:623, punt 29).

( 114 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 162 sa 164.

( 115 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 66). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fl-istess kawżi (EU:C:2018:229, punt 71).

( 116 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Gazprom Neft vs Il‑Kunsill (T‑735/14 u T‑799/14, EU:T:2018:548, punt 102).

( 117 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, Tilly-Sabco vs Il‑Kummissjoni (T‑397/13, EU:T:2016:8, punt 43) u Doux vs Il‑Kummissjoni (T‑434/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:7, punt 44).

( 118 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni (T‑262/10, EU:T:2011:623). Ara wkoll is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2013, Bloufin Touna Ellas Naftiki Etaireia et vs Il‑Kummissjoni (T‑367/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:97), u tat‑12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il‑Kummissjoni (T‑296/12, EU:T:2015:375).

( 119 ) Ara, supra, punti 173 sa 174 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 120 ) Ara supra, punt 162 ta’ dawn il-konklużjonijiet.