SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali – Networks ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass naturali – Kundizzjonijiet għall-aċċess – Regolament (KE) Nru 714/2009 – Artikolu 14(1) – Regolament (KE) Nru 715/2009 – Artikolu 13(1) – Spejjeż – Iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 37(17) – Direttiva 2009/73/KE – Artikolu 41(17) – Rimedji nazzjonali – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”
Fil-Kawża C‑771/18,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis‑7 ta’ Diċembru 2018,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u K. Talabér‑Ritz, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
L-Ungerija, irrappreżentata inizjalment minn M. Z. Fehér u Z. Wagner, sussegwentement minn M. Z. Fehér, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, D. Šváby u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
|
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 714/2009
|
2 |
Skont il-premessi 3, 14 u 16 tar-Regolament Nru 714/2009:
[…]
[…]
|
|
3 |
L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “L-ispejjeż relatati mal-attivitajiet ta[n-Network Ewropew tal-Operaturi ta’ Network ta’ Trażmissjoni (ENTSO)] msemmi fl-Artikoli 4 sa 12 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 għandhom jiġġarrbu mill-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn l-ispejjeż biss jekk ikunu raġonevoli u xierqa.” |
|
4 |
L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “1. Il-ħlasijiet applikati minn operaturi tan-networks għal aċċess għan-networks għandhom ikunu trasparenti, waqt li jqisu l-ħtieġa għas-sigurtà tan-network u jirriflettu spejjeż attwalment minfuqa meta jistgħu jitqabblu ma’ dawk ta’ operatur ta’ network effiċjenti u strutturalment paragunabbli u applikati b’mod mhux diskriminatorju. Dawk il-piżijiet ma għandhomx ikunu relatati mad-distanza. 2. Fejn jixraq, il-livell ta’ tariffi applikati lill-produtturi u/jew lill-konsumaturi għandu jipprovdi sinjali tal-lokalità fil-livell tal-Komunità, u jqis l-ammont ta’ telf tan-networks u l-konġestjoni kkawżata, u kemm jiswew l-investimenti fl-infrastruttura. 3. Meta jiġu stabbiliti l-ħlasijiet għal aċċess għan-networks, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:
[…]” |
Ir-Regolament Nru 715/2009
|
5 |
Il-premessi 7 u 8 tar-Regolament Nru 715/2009 jistabbilixxu:
|
|
6 |
L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “L-ispejjeż relatati mal-attivitajiet tal-ENTSO tal-Gass msemmi fl-Artikoli 4 sa 12 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 jiġġarrbu mill-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn l-ispejjeż biss jekk ikunu raġonevoli u xierqa.” |
|
7 |
L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi: “It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, applikati minn operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u approvati mill-awtoritajiet regolatorji fl-Artikolu 41(6) tad-Direttiva 2009/73/KE kif ukoll it-tariffi ppubblikati fl-Artikolu 32(1) ta’ dik id-Direttiva, għandhom ikunu trasparenti, jieħdu kont tal-ħtieġa tal-integrità tas-sistema u t-titjib tagħha u jirriflettu l-ispejjeż effettivament magħmulin, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma’ dawk ta’ operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti filwaqt li jinkludu qligħ xieraq fuq l-investimenti, u fejn ikun il-każ b’kont meħud tal-benchmarking ta’ tariffi mill-awtoritajiet regolatorji. It-tariffi, jew il-metodi li jintużaw biex jikkalkulawhom, għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju. […]” |
Id-Direttiva 2009/72
|
8 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.” |
|
9 |
L-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:
[…] 6. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli għall-iffissar jew l-approvazzjoni fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu fis-seħħ għall-inqas tal-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkulati jew stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għal:
[…] 8. Meta jkunu qed jistipulaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji u s-servizzi ta’ bilanċjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-operaturi tan-netwerks ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni jingħataw inċentiva adegwata, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul, biex iżidu l-effiċjenzi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati. […] 17. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adatti fuq il-livell nazzjonali li taħthom, entità affettwata minn deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt tal-appell lil korp li huwa indipendenti mill-partijiet involuti u minn kull gvern.” |
Id-Direttiva 2009/73
|
10 |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/73: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u ħażna ta’ gass naturali. Hija tippreskrivi r-regoli marbuta mal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-gass naturali, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħżin ta’ gass naturali u l-operazzjoni tas-sistemi.” |
|
11 |
L-Artikolu 41 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:
[…] 6. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli biex jistipulaw jew japprovaw biżżejjed qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, mill-inqas il-metodoloġiji użati għall-kalkolu jew l-istabbiliment tat-termini u l-kondizzjonijiet għal:
[…] 8. Meta jkunu qed jistipulaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji u s-servizzi tal-ibbilanċjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni jingħataw inċentiva adatta, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul, biex iżidu l-effiċjenzi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati. […] 17. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adegwati fuq livell nazzjonali li bihom parti affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja jkollha d-dritt għall-appell lil entità indipendenti mill-partijiet involuti u ta’ kwalunkwe gvern.” |
Id-dritt Ungeriż
Il-Liġi dwar l-Elettriku
|
12 |
L-Artikolu 178 SZ tal-Liġi Nru LXXXVI tal‑2007 dwar l-Elettriku (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Elettriku”) jipprevedi: “1. Fl-immaniġġar tal-fatturazzjonijiet tagħhom, id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni skont din il-liġi u d-detenturi ta’ awtorizzazzjoni ta’ linja privata ma jistgħux jgħaddu fuq il-klijenti kuntrattwali tagħhom l-ispejjeż relatati mat-taxxa fuq it-tranżazzjonjiet finanzjarji (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż ta’ tranżazzjoni”) li għaliha tissuġġettahom il-Liġi Nru CXVI tal‑2012 dwar taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni ma jistgħux jiġu integrati, direttament jew indirettament, fil-prezz tal-prodott jew tas-servizz ipprovdut mid-detenturi msemmija iktar ’il fuq, u ma jistgħux jiġu ffatturati separatament, iżda għandhom jiġu sostnuti kompletament mill-imsemmija detenturi. 2. Id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni skont din il-liġi ma jistgħux jgħaddu fuq il-klijenti kuntrattwali tagħhom l-imposta speċjali fuq id-dħul u t-taxxa fuq in-networks ta’ servizzi ta’ utilità pubblika (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“imposti speċjali”) li għalihom jissuġġettawhom il-Liġi Nru LXVII tal‑2008 dwar il-Kompetittività tat-Tisħin Urban u l-Liġi Nru CLXVIII tal‑2012 dwar it-Taxxa fuq in-Networks ta’ Servizzi ta’ Utilità Pubblika (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Liġijiet dwar l-Imposti Speċjali”). Għaldaqstant, l-imposti speċjali ma jistgħux jiġu integrati, direttament jew indirettament, fil-prezz tal-prodott jew tas-servizz ipprovdut mid-detenturi msemmija iktar ’il fuq, u ma jistgħux jiġu ffatturati separatament. Il-piż fiskali għandu jiġi sostnut kompletament mill-persuni taxxabbli, fis-sens tal-Liġijiet dwar l-Imposti Speċjali.” |
Il-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali
|
13 |
Skont l-Artikolu 103 tal-Liġi Nru XL tal‑2008 dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali”): “[…] 4. Il-produtturi u d-detenturi ta’ awtorizzazzjoni skont din il-liġi ma jistgħux jgħaddu fuq il-klijenti kuntrattwali tagħhom l-imposta fuq id-dħul u t-taxxa fuq in-networks ta’ servizzi ta’ utilità pubblika (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“imposti speċjali”) li għalihom jissuġġettawhom il-Liġi Nru LXVII tal‑2008 dwar il-Kompetittività tat-Tisħin Urban u l-Liġi Nru CLXVIII tal‑2012 dwar it-Taxxa fuq in-Networks ta’ Servizzi ta’ Utilità Pubblika (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Liġijiet dwar l-Imposti Speċjali”). Għaldaqstant, l-imposti speċjali ma jistgħux jiġu integrati, direttament jew indirettament, fil-prezz tal-prodott jew tas-servizz ipprovdut mill-produtturi u mid-detenturi msemmija iktar ’il fuq, u ma jistgħux jiġu ffatturati separatament. Il-piż fiskali għandu jiġi sostnut kompletament mill-persuni taxxabbli fis-sens tal-Liġijiet dwar l-Imposti Speċjali. 4a. Fl-immaniġġar tal-fatturazzjonijiet tagħhom, il-produtturi u d-detenturi ta’ awtorizzazzjoni skont din il-liġi ma jistgħux jgħaddu fuq il-klijenti kuntrattwali tagħhom l-ispejjeż relatati mat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż ta’ tranżazzjoni”) li għaliha tissuġġettahom il-Liġi Nru CXVI tal‑2012 dwar taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni ma jistgħux jiġu integrati, direttament jew indirettament, fil-prezz tal-prodott jew tas-servizz ipprovdut mill-produtturi u mid-detenturi msemmija iktar ’il fuq, u ma jistgħux jiġu ffatturati separatament, iżda għandhom jiġu sostnuti kompletament mill-imsemmija produtturi u detenturi. […]” |
Il-Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija
|
14 |
L-Artikolu 7 tal-Liġi Nru LIX tal‑2016 li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija (iktar ’il quddiem il-“Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija”) jipprovdi: “Fil-parti bit-titolu ‘Regoli ġenerali ta’ proċedura tal-Awtorità’ tal-Liġi dwar l-Elettriku, wara l-Artikolu 168, għandu jiżdied l-Artikolu 168 A sussegwenti: ‘Artikolu 168 A (1) Fil-kuntest tal-modalitajiet ta’ ffissar tat-tariffi ta’ użu, tar-remunerazzjoni għal servizzi mwettqa minn distributur permezz ta’ tarifikazzjoni speċjali u tat-tariffi ta’ konnessjoni, huwa biss id-detentur tal-awtorizzazzjoni tan-network ikkonċernata li għandu jitqies bħala klijent. (2) F’terminu ta’ 15-il jum min-notifika ta’ deċiżjoni tal-Awtorità li tiffissa tariffi ta’ użu, ir-remunerazzjoni għal servizzi mwettqa minn distributur permezz ta’ tarifikazzjoni speċjali u tariffi ta’ konnessjoni, il-klijent ikkonċernat jista’ jressaq quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam amministrattiv talba għal stħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmija deċiżjoni mill-perspettiva tal-legalità tagħha billi jippreżenta rikors kontra l-Awtorità. (3) It-talba għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tiffissa tariffi ta’ użu, ir-remunerazzjoni għal servizzi mwettqa minn distributur permezz ta’ tarifikazzjoni speċjali u tariffi ta’ konnessjoni hija rikors straordinarju u l-qorti adita għandha tiddeċiedi mhux iktar tard minn 30 jum mit-tressiq tal-imsemmija talba. […]’” |
|
15 |
L-Artikolu 23 tal-Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija jipprevedi: “Fil-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali, għandu jiżdied l-Artikolu 129 A sussegwenti qabel it-titolu ‘Kooperazzjoni internazzjonali u relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea’: ‘Artikolu 129 A: […] (4) F’terminu ta’ 15-il jum min-notifika ta’ deċiżjoni tal-Awtorità li tiffissa tariffi ta’ użu, ir-remunerazzjoni għal servizzi mwettqa minn operatur ta’ network permezz ta’ tarifikazzjoni speċjali u tariffi ta’ konnessjoni, il-klijent ikkonċernat jista’ jressaq quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam amministrattiv talba għal stħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmija deċiżjoni mill-perspettiva tal-legalità tagħha billi jippreżenta rikors kontra l-Awtorità. (5) It-talba għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tiffissa tariffi ta’ użu, ir-remunerazzjoni għal servizzi mwettqa minn operatur ta’ network permezz ta’ tarifikazzjoni speċjali u tariffi ta’ konnessjoni hija rikors straordinarju u l-qorti adita għandha tiddeċiedi mhux iktar tard minn 30 jum mit-tressiq tal-imsemmija talba. […]’” |
|
16 |
L-Artikolu 29(2) tal-Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija jipprovdi: “Fl-Artikolu 12 tal-Liġi Nru XXII tal‑2013 li Tistabbilixxi l-Awtorità Regolatorja Ungeriża tas-Settur tal-Enerġija u tas-Servizzi ta’ Utilità Pubblika, għandhom jiżdiedu l-punti (n) u (o) sussegwenti: ‘[Il-President tal-Awtorità]
|
Il-Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija
|
17 |
Il-Liġi Nru CLXXXIII tal‑2016 li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija (iktar ’il quddiem il-“Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija) tħassar, fl-Artikolu 6(4) tagħha, l-Artikolu 168 A tal-Liġi dwar l-Elettriku u, fl-Artikolu 12(3) tagħha, il-paragrafi 2 sa 7 tal-Artikolu 129 A tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali. |
|
18 |
L-Artikolu 4 tal-Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija jipprovdi: “Fil-[Liġi dwar l-Elettriku], għandu jiżdied l-Artikolu 178 U sussegwenti qabel it-titolu ‘Dispożizzjonijiet ta’ dħul fis-seħħ’: ‘Artikolu 178 U 1. Ir-regolamenti previsti fl-Artikolu 143(5), fl-Artikolu 146(4) u fl-Artikolu 146 A(3) ta’ din il-liġi, kif emendati bil-[Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija], sabiex jiġu ffissati t-tariffi dovuti, għandhom jiġu applikati għall-ewwel darba mill‑1 ta’ Jannar 2017. 2. Id-deċiżjonijiet ippubblikati abbażi tal-Artikolu 143(5), tal-Artikolu 146(4) u tal-Artikolu 146 A(3) ta’ din il-liġi, kif emendati bil-[Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija], ma għandhomx jidħlu fis-seħħ. 3. Jekk deċiżjoni ppubblikata abbażi tal-Artikolu 143(5), tal-Artikolu 146(4) u tal-Artikolu 146 A(3) ta’ din il-liġi, kif emendati bil-[Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija], tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-[Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija], il-qorti adita għandha ttemm din l-azzjoni. 4. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi kif emendati bil-[Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija] għandhom ukoll jiġu applikati għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji pendenti.’” |
|
19 |
L-Artikolu 10 tal-Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija jipprovdi: “Fil-Kapitolu XVIII tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali, għandu jiżdied l-Artikolu 146 M sussegwenti: ‘Artikolu 146 M 1. Ir-regolamenti previsti fl-Artikolu 104 B(4), fl-Artikolu 106(3) u fl-Artikolu 108(2) ta’ din il-liġi, kif emendati bil-[Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija], sabiex jiġu ffissati t-tariffi dovuti, għandhom jiġu applikati għall-ewwel darba mill‑1 ta’ Jannar 2017. 2. Id-deċiżjonijiet ippubblikati abbażi tal-Artikolu 104 B(4) tal-Artikolu 106(3) u tal-Artikolu 108(2) ta’ din il-liġi, kif emendati bil-[Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija], ma għandhomx jidħlu fis-seħħ. 3. Jekk deċiżjoni ppubblikata abbażi tal-Artikolu 104 B(4), tal-Artikolu 106(3) u tal-Artikolu 108(2) ta’ din il-liġi, kif emendati bil-[Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija], tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-[Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija], il-qorti adita għandha ttemm din l-azzjoni. 4. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi kif emendati bil-[Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija] għandhom ukoll jiġu applikati għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji pendenti.’” |
|
20 |
L-Artikolu 13 tal-Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija jipprovdi: “Fl-Artikolu 12(n) u (o) tal-Liġi Nru XXII tal‑2013 li Tistabbilixxi l-Awtorità Regolatorja Ungeriża tas-Settur tal-Enerġija u tas-Servizzi ta’ Utilità Pubblika, il-kliem ‘għandu jadotta deċiżjoni’ għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem ‘għandu jadotta regolament’.” |
Il-proċedura prekontenzjuża
|
21 |
Fil‑15 ta’ Lulju 2013, fil-kuntest tal-fajl “EU Pilot” Nru 5366/13/ENER, il-Kummissjoni għamlet lill-Ungerija diversi mistoqsijiet dwar it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 u l-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 715/2009 u 714/2009, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, in-natura nondiskriminatorja tal-aċċess għan-network minn terzi, l-indipendenza, is-setgħat u l-funzjonament tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, ir-regoli dwar it-tariffi ta’ aċċess għan-networks u l-aċċess transkonfinali għall-infrastrutturi tan-networks. |
|
22 |
L-awtoritajiet nazzjonali wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet permezz ta’ ittri tat‑23 ta’ Ottubru u tal‑11 ta’ Diċembru 2013. |
|
23 |
Fis‑27 ta’ Frar 2015, peress li kienet tqis li t-tweġiba mogħtija mill-Ungerija ma kinitx tneħħi d-dubji li hija kellha dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni Ungeriża mad-dritt tal-Unjoni u peress li, f’diversi aspetti, din il-leġiżlazzjoni ma kinitx konformi mad-direttivi u r-regolamenti msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru. |
|
24 |
L-Ungerija wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittri tat‑8 ta’ Mejju u tas‑7 ta’ Lulju 2015 u kkompletat l-informazzjoni kkomunikata permezz ta’ ittri tat‑23 ta’ Novembru u tas‑17 ta’ Diċembru 2015 kif ukoll tat‑13 u tal‑20 ta’ Mejju 2016. Mat-tweġiba supplimentari tiegħu tad‑19 ta’ Lulju 2016, dan l-Istat Membru hemeż it-test tal-Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija. |
|
25 |
Peress li kienet tqis li l-miżuri nnotifikati mill-awtoritajiet Ungeriżi bi tweġiba għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni ma kinux solvew il-problemi kollha rrilevati f’din tal-aħħar, il-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija, fid‑9 ta’ Diċembru 2016, opinjoni motivata li tikkonstata n-nuqqas ta’ dan l-Istat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 41(6) tad-Direttiva 2009/73, taħt l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u taħt l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009. |
|
26 |
L-Ungerija wieġbet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Frar 2017. |
|
27 |
Wara li eżaminat din it-tweġiba, il-Kummissjoni qieset li l-problemi rrilevati kienu solvuti. Madankollu, fid-dawl tal-emendi magħmula, sadanittant, fir-rigward tal-Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Regolazzjoni tal-Prezzijiet, Ċerti Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija, il-Kummissjoni qieset li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi ma stabbilixxietx mekkaniżmu adatt sabiex jiġi żgurat dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73. Fit‑28 ta’ April 2017, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata supplimentari lil dan l-Istat Membru. |
|
28 |
Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Ġunju 2017, l-Ungerija wieġbet għal din l-opinjoni motivata supplimentari, billi rreferiet għat-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata preċedenti, li fiha hija kienet indikat li, sadanittant, hija kienet emendat il-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali, fid-dawl tar-rekwiżiti tat-Tielet Pakkett “dwar l-Enerġija”, li kienu daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru u fit‑22 ta’ Diċembru 2016, u li b’hekk hija kienet irrendiet is-setgħat tal-awtorità regolatorja nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 41(6) tad-Direttiva 2009/73. |
|
29 |
Peress li kienet tqis li l-Ungerija ma kkonformatx mal-obbligi li jirriżultaw, minn naħa, mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u mill-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009
L-argumenti tal-partijiet
|
30 |
Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 jistabbilixxu l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks skont l-ispejjeż sostnuti mill-operaturi tagħhom u ma jipprevedux restrizzjonijiet fir-rigward tal-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks. Skont il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu li dawn it-tariffi jirriflettu l-ispejjeż kollha sostnuti minn dawn l-operaturi, sa fejn dawn l-ispejjeż ikunu trasparenti u jkunu jikkorrispondu għal dawk ta’ operatur ta’ network effikaċi u strutturalment paragunabbli, filwaqt li l-Artikolu 178 SZ(1) u (2) tal-Liġi dwar l-Elettriku u l-Artikolu 103(4) u (4a) tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali, li jipprekludu lill-operaturi ta’ network milli jgħaddu fuq il-konsumaturi l-ammonti tal-imposta speċjali fuq in-networks ta’ trażmissjoni ta’ enerġija kif ukoll it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, ma jippermettux lill-awtorità regolatorja nazzjonali, fl-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks, tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż relatati ma’ din l-imposta u ma’ din it-taxxa. |
|
31 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-projbizzjoni, għall-awtorità regolatorja nazzjonali, li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż inkwistjoni, fl-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks, ma hija ġġustifikata minn ebda raġuni oġġettiva. Fil-fatt, ir-raġuni invokata mill-Ungerija fit-tweġiba tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet kontenzjużi jikkonsisti fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku mħallsa mill-utent resident finali, ma hijiex rilevanti. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li, ċertament, l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/73 jippermettu lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari għall-ġlieda kontra l-faqar tal-enerġija. Madankollu, huma jistgħu jagħmlu dan biss bil-kundizzjoni li tali miżuri ma jostakolawx il-funzjonament tajjeb tas-suq, li jeżiġi, b’mod partikolari, l-osservanza tal-“prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks”. |
|
33 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li mir-Regolamenti Nri 714/2009 u 715/2009 u mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 jirriżulta li huwa l-leġiżlatur nazzjonali, fl-adozzjoni tar-regoli dwar l-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks, li għandu jsib il-bilanċ adegwat bejn l-interessi kontradittorji tal-operaturi ta’ network u tal-konsumaturi, il-Kummissjoni ssostni li t-“Tielet Pakkett dwar l-Enerġija”, adottat fit‑13 ta’ Lulju 2009, li jinkludi b’mod partikolari d-Direttivi 2009/72 u 2009/73, kif ukoll ir-Regolamenti Nri 714/2009 u 715/2009, ma jħallix marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Fil-fatt, l-interessi tal-operaturi ta’ network u dawk tal-konsumaturi kienu ttieħdu kompletament inkunsiderazzjoni, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009. B’hekk, jekk it-tariffi ta’ aċċess għan-networks ma jirriflettux l-ispejjeż kollha sostnuti mill-operaturi, dawn ma jkunux jilħqu livell raġonevoli. |
|
34 |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis li, indipendentement mill-effetti ekonomiċi tal-miżura inkwistjoni, huwa stabbilit li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u taħt l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni turi l-effett tal-leġiżlazzjoni kkontestata. |
|
35 |
L-Ungerija ssostni, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 1983, Roussel Laboratoria et (181/82, EU:C:1983:352, punt 25), li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ġiet adottata fil-kuntest tal-awtonomija fiskali tal-Istati Membri fil-qasam tal-imposti diretti u hija applikabbli għall-operaturi kollha ta’ network b’mod ġenerali u nondiskriminatorju, b’osservanza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-persuni taxxabbli. L-Ungerija tqis li t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet u l-imposta fuq id-dħul tal-fornituri ta’ enerġija ma humiex rilevanti għall-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks. |
|
36 |
L-Ungerija tilmenta li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009, sa fejn hija la qed tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-suq u lanqas l-għan u l-portata tar-regolazzjoni tal-prezzijiet. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, l-Ungerija ssostni, fl-ewwel lok, li l-operazzjoni ta’ networks hija qasam speċjali tas-suq tal-enerġija, li fih jeżisti monopolju naturali, jiġifieri, in-network ta’ trażmissjoni ta’ elettriku u n-network ta’ trażmissjoni ta’ gass naturali. L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 għandhom għalhekk l-għan li jżommu t-tariffi ta’ aċċess għal dawn in-networks fuq livell baxx u ekwu u li jnaqqsu r-riskju li dawn l-operaturi, li għandhom monopolju, jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom, inkluż permezz ta’ tarifikazzjoni eċċessiva. |
|
38 |
Fit-tieni lok, l-Ungerija ssostni li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 ma jinkludux regoli jew metodoloġiji ddettaljati dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tat-tariffi. Skont dan l-Istat Membru, mil-loġika tas-sistema stabbilita minn dawn ir-regolamenti, kif ukoll mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73, jirriżulta li huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jevalwa, fil-limiti stabbiliti mill-imsemmija regolamenti u direttivi, l-interessi tal-atturi kollha tas-suq tal-enerġija, inklużi dawk tal-konsumaturi, kif ukoll l-interess pubbliku, b’mod partikolari s-sigurtà ta’ provvista u l-protezzjoni tal-ambjent, u li għandu jadotta, abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, regoli nazzjonali ddettaljati, konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
|
39 |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tfittex l-interess pubbliku li jikkonsisti fiż-żamma tal-prezz tal-elettriku u tal-gass naturali fuq livell raġonevoli għall-konsumatur finali, impost mill-konċiljazzjoni, li huma l-Istati Membri li għandhom jagħmlu, bejn, minn naħa, l-interess tal-operaturi ta’ network li t-tariffi ta’ aċċess għan-networks ikunu jinkludu l-ispejjeż kollha sostnuti u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-konsumaturi u tal-utenti l-oħra tan-networks li dawn it-tariffi jibqgħu fuq livell ekwu. |
|
40 |
Fit-tielet lok, l-Ungerija ssostni li t-tariffi ta’ aċċess għan-networks għandhom jirriflettu b’mod adatt l-ispejjeż tal-operaturi ta’ network, b’mod konformi mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009. Hija tenfasizza li l-Kummissjoni ma tallegax li, minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, it-tariffi ta’ aċċess għan-networks huma ffissati fuq livell li jikkomprometti l-attività tal-operaturi ta’ networks jew il-manutenzjoni adatta tan-networks. |
|
41 |
Fl-aħħar nett, l-Ungerija tosserva li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Il-Kummissjoni ma ressqitx ir-raġunijiet li għalihom il-profitti tal-operaturi ta’ network, fl-Ungerija, ma jistgħux jitqiesu bħala adatti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
42 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 jimponux li l-ispejjeż kollha, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, inklużi l-ispejjeż relatati mal-imposta speċjali fuq in-networks ta’ trażmissjoni ta’ enerġija u mat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji inkwistjoni, għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali fl-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li dawn jiffurmaw parti minnha trid tilħaq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Inkriminazzjoni doppja), C‑717/18, EU:C:2020:142, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa limitat għal dikjarazzjoni ġenerali tal-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks, mingħajr ma jiġi ppreċiżat jekk dawn l-ispejjeż “kollha” għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali. |
|
44 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li jaqgħu taħtu l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009, għandu jiġi rrilevat li dawn ir-regolamenti jidentifikaw biss xi kategoriji tal-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ għall-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet tan-network Ewropew tal-operaturi ta’ network ta’ trażmissjoni ta’ elettriku, li għandhom ikunu raġonevoli u adatti (Artikolu 11 tar-Regolament Nru 714/2009 u Artikolu 11 tar-Regolament Nru 715/2009) u għall-ispejjeż ta’ investiment relatati mal-infrastrutturi (Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 714/2009). |
|
45 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li taħtha jaqgħu d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 714/2009 u mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 715/2009 jirriżulta li dawn ir-regolamenti huma intiżi li jistabbilixxu regoli nondiskriminatorji ta’ aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass naturali u li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ swieq bl-ingrossa li jkunu trasparenti, li jiffunzjonaw tajjeb u li jkollhom livell għoli ta’ sigurtà ta’ provvista. |
|
46 |
Issa, dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu b’mod effikaċi mingħajr ma t-tariffi ta’ aċċess għan-networks għandhom jirriflettu l-ispejjeż kollha effettivament sostnuti mill-operaturi ta’ dawn in-networks. Dawn it-tariffi jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ tali għanijiet sa fejn dawn għandhom, minn naħa, ikunu trasparenti u applikati b’mod nondiskriminatorju għall-utenti kollha (premessa 16 u Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 kif ukoll il-premessa 7 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009) u, min-naħa l-oħra, jiżguraw livell ta’ qligħ adatt, li jippermetti lill-operaturi jwettqu l-investimenti neċessarji għall-vijabbiltà tan-networks ta’ trażmissjoni ta’ elettriku u ta’ gass naturali (Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 714/2009 kif ukoll il-premessa 8 u l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 715/2009). |
|
47 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 jimponu li l-ispejjeż kollha, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, inklużi dawk relatati mal-imposta speċjali fuq in-networks ta’ trażmissjoni ta’ enerġija u mat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji inkwistjoni, għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali fl-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks, ma tistax tiġi aċċettata. |
|
48 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tal-Kummissjoni li, jekk l-operaturi ta’ network ma jistgħux jgħaddu l-ispejjeż relatati mal-imposta speċjali fuq in-networks ta’ trażmissjoni ta’ enerġija u mat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, il-profitti tagħhom ma jilħqux livell raġonevoli. Fil-fatt, il-livell tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks ma huwiex iddeterminat biss abbażi tal-ispejjeż sostnuti mill-operaturi ta’ network. |
|
49 |
Għaldaqstant, l-ewwel nett, minn qari flimkien tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u tal-Artikolu 37(6)(a) tad-Direttiva 2009/72, minn naħa, kif ukoll tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 u tal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-livell ta’ dawn it-tariffi għandu jiġi ddeterminat ukoll abbażi tal-investimenti neċessarji għall-vijabbiltà tan-networks ta’ trażmissjoni ta’ elettriku u ta’ gass naturali. |
|
50 |
It-tieni nett, skont l-Artikolu 37(8) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73, fl-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jipprevedu miżuri ta’ inċentivi adatti, kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul, sabiex jinkoraġġixxu lill-operaturi ta’ network itejbu l-prestazzjoni tagħhom, jippromwovu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista kif ukoll isostnu attivitajiet ta’ riċerka relatati. |
|
51 |
It-tielet nett, minn qari flimkien tal-premessa 14 u tal-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament Nru 714/2009 jirriżulta li l-livell tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni ta’ elettriku għandu jirrifletti l-ispejjeż ta’ investiment relatati mal-infrastrutturi u l-bilanċ bejn il-produzzjoni u l-konsum tar-reġjun ikkonċernat. Għal dan il-għan, it-telf ta’ network u l-konġestjoni kkawżati, kif ukoll il-ħlasijiet li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ kumpens bejn operaturi ta’ network u l-ħlasijiet effettivament imwettqa, ikkalkolati abbażi tal-perijodi passati, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
|
52 |
Fl-aħħar nett, minn qari flimkien tal-Artikolu 13(1) u tal-premessi 7 u 8 tar-Regolament Nru 715/2009 jirriżulta li l-livell tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali għandu jinkludi qligħ adatt fuq l-investimenti u inċentivi għall-bini ta’ infrastrutturi ġodda u wkoll jieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-analiżi komparattivi tat-tariffi mwettqa mill-awtoritajiet regolatorji. |
|
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-ewwel ilment imressaq mill-Kummissjoni jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73
L-argumenti tal-partijiet
|
54 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u taħt l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73, billi ma stabbilixxietx mekkaniżmu adatt sabiex jiġi żgurat dritt għal azzjoni legali effettiva kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, tali dritt għal azzjoni legali huwa korollarju tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
55 |
Il-Kummissjoni tosserva, fl-ewwel lok, li d-dritt għal azzjoni legali, quddiem qorti amministrattiva, kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità amministrattiva regolatorja nazzjonali, imsemmi fl-Artikolu 168(10) tal-Liġi dwar l-Elettriku u fl-Artikolu 129 tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali, ma jestendix għar-regolamenti li permezz tagħhom din l-awtorità tiffissa t-tariffi ta’ aċċess għan-networks. Fil-fatt, dawn ir-regolamenti jistgħu jiġu kkontestati biss quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija), permezz ta’ lment minħabba antikostituzzjonalità, skont l-Artikolu 26 tal-Liġi Nru CLI tal‑2011 dwar il-Qorti Kostituzzjonali. Ebda rimedju ġudizzjarju ieħor ma huwa previst sabiex jiġu kkontestati dawn ir-regolamenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 29 ta’ din il-liġi, l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) tista’ tiġi adita biss b’ilmenti minħabba antikostituzzjonalità “relatati ma’ kwistjoni kostituzzjonali fundamentali”. |
|
56 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttivi 2009/72 u 2009/73 saħħew ir-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, billi jistabbilixxu rekwiżiti iktar stretti ta’ indipendenza fir-rigward tal-entitajiet pubbliċi u privati u billi jagħtuhom setgħat ġodda li jippermettulhom jieħdu deċiżjonijiet legalment vinkolanti f’ċertu numru ta’ oqsma. Dawn id-direttivi kkontrobilanċjaw l-indipendenza u s-setgħa ikbar ta’ dawn l-awtoritajiet permezz ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà tagħhom, li fosthom l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73 għandhom rwol ċentrali. |
|
57 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C‑462/99, EU:C:2003:297, punt 37), li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda dispożizzjoni analoga għall-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72, u għall-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73, jiġifieri, l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387/KEE tat‑28 ta’ Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni permezz tal-implimentazzjoni tal-provvista ta’ network miftuħ ta’ telekomunikazzjoni (ĠU 1990, L 192, p. 1), li dritt għal azzjoni legali quddiem qorti kostituzzjoni, limitat għal ksur tal-liġi kostituzzjonali jew ta’ trattat internazzjonali, ma jistax jikkostitwixxi mekkaniżmu adatt, fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni. |
|
58 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li, fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni, l-Ungerija rrikonoxxiet in-neċessità li tirrimedja din is-sitwazzjoni u adottat, sussegwentement, matul is-sena 2016, il-Liġi li Temenda, għal Finijiet ta’ Armonizzazzjoni, il-Liġijiet li Jirregolaw is-Settur tal-Enerġija. Skont din il-liġi, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiddefinixxi biss, permezz ta’ regolament, il-prinċipji u l-kuntest għall-iffissar tat-tariffi, filwaqt li t-tariffi fil-veru sens tal-kelma għandhom jiġu ffissati permezz ta’ deċiżjonijiet individwali, fatt li jirrendi possibbli stħarriġ ġudizzjarju sħiħ u totali ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Madankollu, skont liġi sussegwenti, adottata wkoll matul is-sena 2016, li temenda, għal finijiet ta’ regolazzjoni tal-prezzijiet, ċerti liġijiet li jirregolaw is-settur tal-enerġija, it-tariffi fil-veru sens tal-kelma għandhom, minn issa ’il quddiem, jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti tal-awtorità regolatorja nazzjonali u, għal din ir-raġuni, jistgħu jkunu suġġetti biss għal rikors quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali). |
|
59 |
L-Ungerija ssostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, sa fejn din tipprevedi l-possibbiltà li jiġu kkontestati r-regolamenti tal-awtorità regolatorja nazzjonali quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), hija konformi mal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u mal-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73. Fil-fatt, l-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks jeżiġi l-adozzjoni ta’ regolament u mhux ta’ att amministrattiv individwali. |
|
60 |
L-Ungerija tippreċiża li l-eżami mwettaq mill-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) huwa limitat biss għall-kwistjonijiet ta’ natura kostituzzjonali li bihom hija adita din il-qorti u għall-kwistjonijiet li hija tista’ teżamina ex officio taħt ċerti kundizzjonijiet. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
61 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73 jimponu lill-Istati Membri jistabbilixxu, fuq livell nazzjonali, mekkaniżmi adatti li jippermettu lil parti leża minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja tadixxi lil organu indipendenti mill-partijiet ikkonċernati u mill-gvern. Tali rekwiżit huwa korollarju tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 52). |
|
62 |
Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jidentifika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe‑Zentralfinanz u Rewe‑Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5, kif ukoll tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 39), mingħajr madankollu ma jippreġudika d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2015, E.On Földgáz Trade, C‑510/13, EU:C:2015:189, punt 50, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 115). |
|
63 |
Huwa minnu li l-leġiżlazzjoni Ungeriża stabbilixxiet, fl-Artikolu 168(10) tal-Liġi dwar l-Elettriku u fl-Artikolu 129 tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali, dritt għal azzjoni legali ġenerali quddiem qorti amministrattiva kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali. Madankollu, fir-rigward tal-iffissar, permezz ta’ regolament, tal-ammont tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks, li għandu jkun kopert mill-garanzija prevista fl-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u fl-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali ffissar, peress li għandu l-forma ta’ regolament, jista’ jkun biss is-suġġett ta’ lment quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) “relata[t] ma’ kwistjoni kostituzzjonali fundamentali”, skont l-Artikolu 29 tal-Liġi Nru CLI tal‑2011 dwar il-Qorti Kostituzzjonali. |
|
64 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, sabiex tali organu jkun jista’ jiddeċiedi dwar kontestazzjoni li tirrigwarda drittijiet u obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa għandu jkollu kompetenza sabiex jeżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li huwa jkun adit biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punti 48 u 49). |
|
65 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), previst mil-leġiżlazzjoni Ungeriża, kontra r-regolamenti tal-awtorità regolatorja nazzjonali li jiffissaw t-tariffi ta’ aċċess għan-networks, sa fejn dan huwa limitat għall-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti elementi tad-dritt kostituzzjonali, ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi mekkaniżmu adatt, fis-sens tal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73. |
|
66 |
Għaldaqstant, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ sa fejn dan jirrigwarda l-possibbiltajiet limitati li jiġu kkontestati, quddiem qorti, ir-regolamenti tal-awtorità regolatorja nazzjonali li jiffissaw it-tariffi ta’ aċċess għan-networks. |
|
67 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti:
|
Fuq l-ispejjeż
|
68 |
Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Fil-kawża preżenti, peress li l-partijiet tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.