SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali’ – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali tad-deċedut’ – Artikolu 3(2) – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Issuġġettar tan-nutara għar-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali – Artikolu 3(1)(g) u (i) – Kunċetti ta’ ‘deċiżjoni’ u ta’ ‘strument awtentiku’ – Artikoli 5, 7 u 22 – Ftehim dwar l-għażla tal-qorti u dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni – Artikolu 83(2) u (4) – Dispożizzjonijiet tranżitorji”

Fil-Kawża C‑80/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Frar 2019, fil-proċedura mibdija minn

E. E.

fil-preżenza ta’:

Kauno miesto 4-ojo notaro biuro notarė Virginija Jarienė,

K.‑D. E.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Ströholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Litwan, minn V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, V. Vasiliauskienė u K. Dieninis, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, J. Rodríguez de la Rúa Puig u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u D. R. Gesztelyi, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(g) u (i) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2), tal-Artikoli 4, 5, 7, 22 u 59 kif ukoll tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn E. E. għall-finijiet tal-ħruġ ta’ ċertifikat tas-suċċessjoni minn nutar stabbilit f’Kaunas (il-Litwanja), wara l-mewt ta’ ommu fil-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 1, 7, 20, 22 sa 24, 29, 32, 37, 39, 59, 61 u 67 tar-Regolament Nru 650/2012:

“(1)

L-Unjoni għandha l-għan illi żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex dan l-ispazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

[…]

(7)

Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali.

[…]

(20)

Dan ir-Regolament għandu jirrispetta s-sistemi differenti biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta’ suċċessjoni applikati fl-Istati Membri. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament it-terminu ‘qorti’ għandu għalhekk jingħata tifsira wiesgħa sabiex ikopri mhux biss il-qrati fil-veru sens tal-kelma, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll in-nutara jew l-uffiċċji tar-reġistru f’xi Stati Membri li, f’ċerti kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bħal qrati, u n-nutara u l-professjonisti legali li, f’xi Stati Membri, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji f’suċċessjoni speċifika permezz tad-delega tas-setgħa minn qorti. Il-qrati kollha kif iddefiniti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu marbutin bir-regoli tal-ġuriżdizzjoni msemmijin f’dan ir-Regolament. Kuntrarjament, it-terminu ‘qorti’ ma għandux ikopri l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji ta’ Stat Membru bis-setgħa skont il-liġi nazzjonali li jittrattaw kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, bħan-nutara fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn, bħal ma ssoltu jkun il-każ, huma ma jkunux qed jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

[…]

(22)

L-atti maħruġin min-nutara fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri għandhom jiċċirkolaw skont dan ir-Regolament. Meta n-nutara jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji huma marbutin mir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni, u d-deċiżjonijiet li jagħtu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet. Meta n-nutara ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji, mhumiex marbutin mir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni, u l-istrumenti awtentiċi li huma joħorġu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar strumenti awtentiċi.

(23)

Minħabba l-mobbiltà taċ-ċittadini li qed tiżdied u sabiex tkun żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl-Unjoni u jkun żgurat li jeżisti fattur ġenwin ta’ konnessjoni bejn is-suċċessjoni u l-Istat Membru li fih hija eżerċitata l-ġuriżdizzjoni, dan ir-Regolament għandu jipprovdi li l-fattur ta’ konnessjoni ġenerali għall-finijiet li jiġu determinati kemm il-ġuriżdizzjoni kif ukoll il-liġi applikabbli għandu jkun ir-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt. Sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali, l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni għandha twettaq valutazzjoni ġenerali taċ-ċirkostanzi tal-ħajja tad-deċedut fis-snin qabel mewtu u fil-mument ta’ mewtu, filwaqt li tieħu kont tal-elementi fattwali rilevanti kollha, b’mod partikolari t-tul ta’ żmien u r-regolarità tal-preżenza tad-deċedut fl-Istat ikkonċernat kif ukoll il-kondizzjonijiet u r-raġunijiet għal dik il-preżenza. Ir-residenza abitwali hekk determinata għandha tiżvela rabta stabbli u mill-qrib mal-Istat ikkonċernat b’kont meħud tal-għanijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament.

(24)

F’xi każijiet, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tad-deċedut tista’ tkun kumplessa. Każ bħal dan jista’ jirriżulta, b’mod partikolari, fejn id-deċedut għal raġunijiet professjonali jew ekonomiċi jkun mar jgħix barra biex jaħdem hemm, xi drabi għal żmien twil, iżda jkun żamm rabta stabbli u mill-qrib mal-Istat tal-oriġini tiegħu. F’każ bħal dan, id-deċedut, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, jista’ jitqies bħala wieħed li għad għandu r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat ta’ oriġini tiegħu li fih kien jinsab iċ-ċentru ta’ interess tal-familja tiegħu u tal-ħajja soċjali tiegħu. Jistgħu jirriżultaw każijiet kumplessi oħra meta d-deċedut ikun għex f’diversi Stati alternattivament jew ikun vjaġġa minn Stat għall-ieħor mingħajr ma jkun issetilja b’mod permanenti f’xi wieħed minnhom. Jekk id-deċedut kien ċittadin ta’ wieħed minn dawk l-Istati jew kellu l-beni ewlenin tiegħu kollha f’wieħed minn dawk l-Istati, iċ-ċittadinanza tiegħu jew il-post ta’ dawk il-beni jista’ jkun fattur speċjali fil-valutazzjoni ġenerali taċ-ċirkostanzi fattwali kollha.

[…]

(29)

Jekk proċedimenti dwar suċċessjoni jinfetħu minn qorti ex officio, kif huwa l-każ f’ċerti Stati Membri, dik il-qorti għandha tagħlaq il-proċedimenti jekk il-partijiet jaqblu li jsolvu l-kwistjoni dwar is-suċċessjoni b’mod amikevoli barra l-qorti fl-Istat Membru tal-liġi magħżula. Fejn ma jinfetħux proċedimenti dwar suċċessjoni minn qorti ex officio, dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi lill-partijiet milli jsolvu l-kwistjoni dwar is-suċċessjoni b’mod amikevoli barra l-qorti, bħal bħala eżempju, quddiem nutar, fi Stat Membru tal-għażla tagħhom, fejn dan ikun possibbli skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Dan għandu jkun il-każ anki jekk il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma tkunx il-liġi ta’ dan l-Istat Membru.

[…]

(32)

Sabiex titħaffef il-ħajja tal-eredi u l-legatarji li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru apparti minn dak li fih is-suċċessjoni qed tiġi jew ser tiġi ttrattata, dan ir-Regolament għandu jħalli lil kwalunkwe persuna intitolata skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħmel id-dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja għas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat jew dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha għad-djun skont is-suċċessjoni tagħmel tali dikjarazzjonijiet fil-forma prevista mil-liġi tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħha quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru. Dan ma għandux jipprekludi tali dikjarazzjonijiet milli jsiru quddiem awtoritajiet oħrajn f’dak l-Istat Membru li huma kompetenti li huma kompetenti biex jirċievu dikjarazzjonijiet taħt il-liġi nazzjonali. Persuni li jagħżlu li jiddisponu ruħhom mill-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom għandhom huma nfushom jinformaw lill qorti jew lill-awtorità li qed jew tkun ser tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet fi kwalunkwe żmien stabbilit mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

[…]

(37)

Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermettilhom jkunu jafu minn qabel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati ta’ kunflitti ta’ liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li s-suċċessjoni tkun irregolata minn liġi prevedibbli li magħha tkun marbuta mill-qrib. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, dik il-liġi għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-proprjetà kollha li tifforma parti mill-partimonju, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

[…]

(39)

L-għażla ta’ liġi għandha ssir b’mod espliċitu f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera bit-termini ta’ tali trasferiment. Din l-għażla għandha tkun limitata għal-liġi ta’ Stat taċ-ċittadinanza tagħhom sabiex tkun żgurata konnessjoni bejn id-deċedut u l-liġi magħżula u sabiex jiġi evitat li tingħażel liġi bl-intenzjoni li jixxekklu l-aspettattivi leġittimi ta’ persuni intitolati għal sehem riżervat.

[…]

(59)

Fid-dawl tal-objettiv ġenerali tiegħu, li hu r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ suċċessjonijiet, irrispettivament minn jekk tali deċiżjonijiet kinux mogħtija fi proċedimenti kontenzjużi jew mhux kontenzjużi, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli relatati mar-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet simili għal dawk ta’ strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili.

[…]

(61)

L-istrumenti awtentiċi għandu jkollhom l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor bħal ma għandhom fl-Istat Membru tal-oriġini jew l-aktar effetti komparabbli. Meta jkunu qed jiġu ddeterminati l-effetti evidenzjarji ta’ strument awtentiku partikolari fi Stat Membru ieħor jew l-aktar effetti komparabbli, għandha ssir referenza għan-natura u l-ambitu tal-effetti evidenzjarji tal-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini. L-effetti evidenzjarji li strument awtentiku partikolari għandu jkollu fi Stat Membru ieħor għaldaqstant ser jiddependi mil-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini.

[…]

(67)

Sabiex suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni tiġi riżolta b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv, il-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi testamentarji jew l-amministraturi tal-patrimonju għandhom ikunu jistgħu juru faċilment l-istatus u/jew drittijiet u setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħala eżempju, fi Stat Membru li fih tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni. […]”

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. Ma japplikax għall-materji fiskali, doganali u amministrattivi.”

5

L-Artikolu 3(1)(g) u (i) u l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament jipprevedu li:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(g)

‘deċiżjoni’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni f’materja ta’ suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, ikun xi jkun l-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;

[…]

(i)

‘strument awtentiku’ tfisser dokument fi kwistjoni ta’ suċċessjoni li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:

(i)

tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku; kif ukoll

(ii)

tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra bis-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru tal-oriġini.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘qorti’ jfisser kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b’kompetenza f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja dment li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:

(a)

jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; kif ukoll

(b)

għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn imsemmijin fl-ewwel subparagrafu f’onformità mal-Artikolu 79.”

6

Taħt il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 650/2012, l-Artikolu 4 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Ġuriżdizzjoni ġenerali”, jipprevedi li:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.”

7

Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ftehim dwar l-għażla tal-qorti”:

“1.   Fejn il-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 hija l-liġi tal-Istat Membru, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jaqblu li qorti jew il-qrati ta’ dak l-Istat Membru għandu jkollhom ġuriżdizzjoni esklużiva biex jieħdu deċiżjoniji dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mas-suċċessjoni.

2.   Tali ftehim dwar l-għażla tal-qorti għandu jiġi espress bil-miktub, iddatat u ffirmat mill-partijiet ikkonċernati. Kull komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni dejjiema tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għal kitba.”

8

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni f’każ ta’ għażla tal-liġi”, jgħid li:

“Il-qrati ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula mid-deċedut skont l-Artikolu 22 għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jieħdu deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni jekk:

[…]

(b)

il-partijiet għall-proċedimenti jkunu qablu, f’konformità mal-Artikolu 5, li jagħtu ġuriżdizzjoni lil qorti jew lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru; jew

(c)

il-partijiet għall-proċedimenti aċċettaw espressament il-ġuriżdizzjoni tal-qorti invokata.”

9

L-Artikolu 13 ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi li:

“Minbarra l-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-Regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe persuna li, taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, tista’ tagħmel, quddiem qorti, dikjarazzjoni li tirrigwarda l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat, jew dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun skont is-suċċessjoni, għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tirċievi dikjarazzjonijiet bħal dawn fejn, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, dikjarazzjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru quddiem qorti.”

10

Taħt il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Il-liġi applikabbli”, l-Artikolu 21 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Regola ġenerali”, jgħid li:

“1.   Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.

2.   Fejn, bħala eċċezzjoni, ikun ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li, fil-mument tal-mewt, id-deċedut kien manifestament aktar marbut ma’ Stat li mhux l-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikabbli skont il-paragrafu 1, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni għandha tkun il-liġi ta’ dak l-Istat l-ieħor.”

11

L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għażla ta’ liġi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.   Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

Persuna li għandha ċittadinanzi multipli tista’ tagħżel il-liġi ta’ kwalunkwe Stat li hija għandha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla jew fil-ħin tal-mewt.

2.   L-għażla ta’ liġi għandha ssir b’mod espliċitu f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera b’mod ċar bit-termini ta’ tali trasferiment.”

12

Skont l-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament:

“Dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat jew ta’ dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha tkun valida rigward il-forma jekk tissodisfa r-rekwiżiti ta’:

[…]

(b)

il-liġi tal-Istat fejn il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha r-residenza abitwali tagħha.”

13

L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi li:

“1.   Strument awtentiku stabbilit fi Stat Membru għandu jkollu l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor bħal ma għandu fl-Istat Membru tal-oriġini jew l-aktar effetti komparabbli, dment li dan ma jkunx manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (‘ordre public’) fl-Istat Membru kkonċernat.

Persuna li tixtieq tagħmel użu minn strument awtentiku fi Stat Membru ieħor tista’ titlob lill-awtorità li tistabbilixxi l-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini biex timla l-formola tiġi stabbilita f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2) li tiddeskrivi l-effetti evidenzjarji li l-istrument awtentiku jipproduċi fl-Istat Membru tal-oriġini.

[…]”

14

L-Artikolu 60(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li:

“Att awtentiku li huwa infurzabbli fl-Istat Membru tal-oriġini għandu jiġi ddikjarat bħala infurzabbli fi Stat Membru ieħor mal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe parti interessata f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 45 sa 58.”

15

L-Artikolu 64 tal-imsemmi regolament jgħid li:

“Iċ-Ċertifikat għandhu jinħareġ fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 7, l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11. L-awtorità emittenti għandha tkun:

(a)

qorti kif definit fl-Artikolu 3(2); jew

(b)

awtorità oħra li, skont il-liġi nazzjonali, għandha kompetenza biex tittratta materji ta’ suċċessjoni.”

16

Skont l-Artikolu 83 tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet transizzjonali”:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni ta’ persuni li mietu fi jew wara is‑17 ta’ Awwissu 2015.

2.   Fejn id-deċedut ikun għażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, dik l-għażla għandha tkun valida jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk kienet valida fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument meta tkun saret l-għażla, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza.

[…]

4.   Jekk trasferiment causa mortis kien sar qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 skont il-liġi li l-mejjet ikun għażel skont dan ir-Regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.”

Id-dritt Litwan

Il-Kodiċi Ċivili

17

L-Artikolu 5.4 tal-Lietuvos Respublikos civilinis kodeksas (il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja) huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni huwa dak fejn jinsab l-aħħar domiċilju tad-deċedut (Artikolu 2(12) ta’ dan il-kodiċi).

2.   Fil-każ li t-testatur ma kellux post ta’ residenza permanenti, il-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni għandu jitqies li huwa:

1)

il-post fejn it-testatur kien jgħix ħafna mill-ħin matul l-aħħar sitt xhur qabel mewtu;

2)

jekk it-testatur kien jirrisjedi f’diversi postijiet, il-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni għandu jitqies li huwa l-post tal-interessi ekonomiċi jew personali dominanti tat-testatur (il-post fejn jinsabu l-beni tiegħu jew il-parti l-kbira tagħhom, meta l-proprjetà tinsab f’diversi postijiet; il-post ta’ residenza tal-konjuġi li miegħu t-testatur ikun żamm relazzjoni matrimonjali matul l-aħħar sitt xhur qabel il-mewt tiegħu, jew il-post ta’ residenza tal-wild li kien jirrisjedi mat-testatur).

3.   Jekk il-post ta’ residenza tat-testatur ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat skont iċ-ċirkustanzi indikati fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, il-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni jista’ jiġi ddeterminat skont in-nazzjonalità tat-testatur, il-post fejn ikun irreġistrat, il-post tar-reġistrazzjoni tal-vetturi tiegħu, u ċirkustanzi oħra.

4.   Fil-każ ta’ tilwima, il-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni jista’ jiġi ddeterminat mill-qorti fuq talba tal-persuni kkonċernati, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha.”

18

L-Artikolu 5.66 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li l-eredi legali jew testamentarji jistgħu jitolbu lin-nutar tal-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni sabiex joħroġ attestazzjoni dwar is-suċċessjoni (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat tas-suċċessjoni”).

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

19

L-Artikolu 444 taċ-Civilinio proceso kodeksas (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jistabbilixxi li:

“1.   Qorti għandha tistabbilixxi l-fatti li minnhom jiddependi l-ftuħ, il-modifika, jew it-tmiem tad-drittijiet personali jew għall-proprjetà ta’ persuni.

2.   Il-qrati għandhom ġurisdizzjoni fuq kawżi:

[…]

8)

dwar l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni u d-determinazzjoni tal-post effettiv tal-ftuħ tas-suċċessjoni.”

20

Skont l-Artikolu 511 tal-imsemmi kodiċi, l-atti nutarili, jew ir-rifjut li jitfassal att nutarili, jistgħu jiġu kkontestati. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post fejn jipprattika n-nutar ikkonċernat.

Il-Liġi dwar il-Professjoni Nutarili

21

L-Artikolu 1 tal-Lietuvos Respublikos notariato įstatymas (il-Liġi dwar il-Professjoni Nutarili tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Professjoni Nutarili”) jipprevedi li:

“Il-Professjoni Nutarili tinkludi lin-nutara kollha li, skont din il-liġi, għandhom is-setgħa legali li jistabbilixxu d-drittijiet suġġettivi mhux ikkontestati u l-fatti ta’ rilevanza legali li jikkonċernaw persuni fiżiċi u ġuridiċi u li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi leġittimi tagħhom u ta’ dawk tal-Istat.”

22

Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, in-nutara huma maħtura u rrevokati mill-Ministru għall-Ġustizzja.

23

L-Artikolu 12 tal-imsemmija liġi, intitolat “Indipendenza tan-nutara”, jistabbilixxi li n-nutara għandhom jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom indipendentement mill-influwenza eżerċitata mill-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Istat jew tal-amministrazzjoni, u li huma għandhom jikkonformaw ruħhom biss mal-liġijiet.

24

Skont l-Artikolu 26 tal-istess liġi, in-nutara għandhom joħorġu b’mod partikolari ċertifikati tas-suċċessjoni. Il-fatti kkonstatati fid-dokumenti ċċertifikati fil-forma nutarili għandhom jitqiesu stabbiliti u ma huwiex neċessarju li dawn jiġu pprovati, sakemm ma tkunx ġiet iddikjarata n-nullità ta’ dawn id-dokumenti skont il-modalitajiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni.

25

Skont l-Artikolu 41 tal-Liġi dwar il-Professjoni Nutarili, il-persuna li tqis li ma kellux isir it-tfassil ta’ att nutarili jew li ma kellhiex titressaq oppożizzjoni kontra r-rifjut li jitfassal tali att, tista’ tressaq kawża quddiem qorti.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

26

E. E. huwa ċittadin Litwan. Ommu, ukoll ta’ nazzjonalità Litwana, iżżewġet lil K.‑D. E., ċittadin Ġermaniż, u bidlet id-domiċilju tagħha sabiex tgħix, flimkien ma’ E. E., ma’ żewġha fil-Ġermanja. Fl‑4 ta’ Lulju 2013, hija stabbilixxiet quddiem nutar, li l-uffiċċju tiegħu jinsab f’Garliava (il-Litwanja), testment li fih hija ħatret lil binha bħala eredi universali.

27

Mal-mewt tal-omm ta’ E. E., li seħħ fil-Ġermanja, proprjetà immobbli, jiġifieri appartament li jinsab f’Kaunas, kienet irreġistrata f’isem id-deċeduta. Fis‑17 ta’ Lulju 2017, E. E. qabbad nutar stabbilita f’Kaunas għall-finijiet tal-ftuħ tal-fajl tas-suċċessjoni u tal-ħruġ ta’ ċertifikat tas-suċċessjoni.

28

Fl‑1 ta’ Awwissu 2017, din in-nutar irrifjutat li tistabbilixxi l-imsemmi ċertifikat għar-raġuni li r-residenza abitwali tad-deċeduta, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, kellha, fil-fehma tagħha, titqies li kienet tinsab fil-Ġermanja.

29

E. E. ikkontesta dan ir-rifjut quddiem il-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas, il-Litwanja). Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2018, din il-qorti laqgħet it-talba tar-rikorrent għar-raġuni li d-deċeduta ma kinitx kisret ir-rabtiet tagħha mal-Litwanja.

30

In-nutar imqabbad minn E. E. appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, E. E. ressaq talba intiża li tiġi inkluża fil-proċess dikjarazzjoni ta’ K.‑D. E. li fiha huwa kien iddikjara li ma kellux pretensjonijiet fuq is-suċċessjoni tad-deċeduta u ta l-kunsens tiegħu għall-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani, peress li ebda proċedura ta’ suċċessjoni ma kienet infetħet fil-Ġermanja.

31

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2018, din il-qorti annullat id-deċiżjoni kkontestata u ċaħdet it-talba ta’ E. E., li ppreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja).

32

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Sitwazzjoni bħal dik li qed tiġi eżaminata – li fiha ċittadina Litwana li l-post ta’ residenza abitwali tagħha fid-data ta’ mewtha kien possibbilment fi Stat Membru ieħor iżda li, fi kwalunkwe każ, qatt ma qatgħet ir-rabtiet tagħha ma’ pajjiżha u li, b’mod partikolari, kienet irrediġiet, qabel mewtha, testment fil-Litwanja fejn ħalliet l-assi kollha tagħha lill-eredi tagħha, ċittadin Litwan, u fejn fil-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni ġie stabbilit li l-eredità kienet komposta fl-intier tagħha minn proprjetajiet immobbli li kienu jinsabu esklużivament fil-Litwanja u fejn il-konjuġi superstiti, ċittadin tal-imsemmi Stat Membru ieħor, iddikjara espliċitament l-intenzjoni tiegħu li jirrinunzja kull dritt fuq l-eredità tal-persuna li ddeċediet, ma ħax sehem fil-proċeduri ġudizzjarji mressqa fil-Litwanja u aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani u l-applikazzjoni tal-liġi Litwana – għandha titqies li hija suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali skont it-tifsira tar-Regolament Nru 650/2012 li għaliha għandu jiġi applikat dan ir-regolament?

2)

Nutar Litwan li jiddikjara l-ftuħ tas-suċċessjoni, joħroġ iċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni u jwettaq l-azzjonijiet ulterjuri neċessarji għall-eredi sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu għandu jitqies li huwa ‘qorti’ fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, fid-dawl tal-fatt li, fl-iżvolġiment tal-funzjonijiet tagħhom, in-nutara josservaw il-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza, li d-deċiżjonijiet tagħhom huma vinkolanti għalihom infushom jew għall-awtoritajiet ġudizzjarji u li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, iċ-ċertifikati ta’ suċċessjoni maħruġa min-nutara Litwani għandhom jiġu kkunsidrati li huma deċiżjonijiet skont l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 u, għal din ir-raġuni, għall-finijiet tal-ħruġ tagħhom huwa meħtieġ li tiġi ddikjarata l-ġurisdizzjoni?

4)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 59 tar-Regolament Nru 650/2012 (moqrija flimkien jew separatament, iżda mhux waħedhom) għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-nutara Litwani għandhom id-dritt li joħorġu ċertifikati ta’ suċċessjoni mingħajr ma japplikaw ir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll fis-sens li l-imsemmija ċertifikati jitqiesu li huma atti pubbliċi li jagħtu lok għal effetti ġuridiċi anki fl-Istat Membri l-oħra?

5)

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 (jew dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament) għandu jiġi interpretat fis-sens li r-residenza abitwali tal-persuna ddeċeduta tista’ tiġi stabbilita biss fi Stat Membru speċifiku wieħed biss?

6)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 5, 7 u 22 tar-Regolament Nru 650/2012 (moqrija flimkien jew separatament, iżda mhux waħedhom) għandhom jiġu interpretati u applikati b’tali mod li, fil-każ inkwistjoni, abbażi tal-fatti spjegati fl-ewwel domanda, għandu jiġi konkluż li l-partijiet ikkonċernati jaqblu fuq il-fatt li għandhom ġurisdizzjoni l-qrati Litwani u li għandha tiġi applikata l-liġi Litwana?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u l-ħames domanda

33

Permezz tal-ewwel u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali” sitwazzjoni li fiha d-deċedut kien ċittadin ta’ Stat Membru li kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor fid-data tal-mewt tiegħu, iżda li ma kienx kiser ir-rabtiet tiegħu mal-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, u jekk, f’din is-sitwazzjoni, l-aħħar residenza abitwali tad-deċedut, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandhiex tiġi stabbilita fi Stat Membru wieħed biss.

34

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 650/2012 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 81(2) TFUE, li jirreferi biss għall-materji ċivili b’implikazzjonijiet transkonfinali.

35

Skont il-premessi 1 u 7 tiegħu, dan ir-regolament għandu b’mod partikolari l-għan li jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jiġu affaċċjati b’diffikultajiet sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali. Skont il-premessa 67 tiegħu, dan huwa intiż sabiex suċċessjoni b’tali implikazzjonijiet tiġi riżolta b’mod rapidu, faċli u effettiv.

36

Sabiex jiġi ddeterminat jekk suċċessjoni għandhiex l-imsemmija implikazzjonijiet u taqax, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012, hemm lok, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, l-Istat Membru tar-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu u, fit-tieni lok, jekk din ir-residenza tistax tiġi stabbilita fi Stat Membru ieħor minħabba l-lokalizzazzjoni ta’ element ieħor relatat mas-suċċessjoni fi Stat Membru differenti minn dak tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 ma tiddefinixxi l-kunċett ta’ “residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, hemm indikazzjonijiet utli fil-premessi 23 u 24 tiegħu.

38

Skont il-premessa 23 ta’ dan ir-regolament, hija l-awtorità li tkun qiegħda tittratta s-suċċessjoni li għandha tiddetermina r-residenza abitwali tad-deċedut u, għal dan il-għan, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-fatt li l-fattur ġenerali ta’ rabta huwa kkostitwit mir-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt kif ukoll miċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja tiegħu matul is-snin ta’ qabel il-mewt tiegħu u fil-mument tal-mewt tiegħu, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt rilevanti kollha, b’mod partikolari t-tul u r-regolarità tal-preżenza tad-deċedut fl-Istat ikkonċernat kif ukoll il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet għal din il-preżenza. Ir-residenza abitwali hekk ddeterminata għandha turi rabta stretta u stabbli bejn is-suċċessjoni u l-Istat ikkonċernat.

39

F’dan ir-rigward, il-premessa 24 tal-imsemmi regolament issemmi diversi ipoteżijiet li fihom id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tista’ tirriżulta kumplessa. Għalhekk, skont l-aħħar sentenza ta’ din il-premessa, jekk id-deċedut kien ċittadin ta’ Stat jew kellu hemmhekk il-beni ewlenin tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu jew il-post fejn jinsabu dawn il-beni jista’ jikkostitwixxi kriterju partikolari għall-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi fattwali kollha, meta, għal raġunijiet professjonali jew ekonomiċi, id-deċedut ikun mar jgħix fi Stat ieħor sabiex jaħdem hemmhekk, xi drabi għal żmien twil, iżda jkun żamm rabta mill-qrib u stabbli mal-Istat ta’ oriġini tiegħu.

40

Minn dan jirriżulta li r-residenza abitwali tad-deċedut għandha tiġi stabbilita, mill-awtorità li tkun qiegħda tittratta s-suċċessjoni, permezz ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fi Stat Membru wieħed biss.

41

Fil-fatt, hekk kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 li tgħid li r-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu tista’ tiġi stabbilita f’diversi Stati Membri tkun tirriżulta fil-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, peress li l-imsemmija residenza tikkostitwixxi l-kriterju għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 4 u 21 ta’ dan ir-regolament, li jipprevedu li kemm il-ġurisdizzjoni tal-qrati sabiex jiddeċiedu dwar suċċessjoni fl-intier tagħha kif ukoll il-liġi applikabbli bis-saħħa tal-imsemmi regolament, għandhom jiġu ddeterminati skont din ir-residenza. Għaldaqstant, din l-interpretazzjoni hija inkompatibbli mal-għanijiet tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka, C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 57, u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C‑20/17, EU:C:2018:485, punti 53 sa 55).

42

Barra minn hekk, għandu jiġi evalwat jekk is-suċċessjoni hijiex ta’ natura transkonfinali minħabba l-lokalizzazzjoni ta’ element ieħor relatat magħha fi Stat differenti minn dak tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li suċċessjoni jkollha implikazzjonijiet transkonfinali meta din tkun tinkludi beni li jinsabu f’diversi Stati Membri u, b’mod partikolari, fi Stat differenti minn dak tal-aħħar residenza tad-deċedut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 32). Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 650/2012 jirrigwarda, b’mod mhux eżawrjenti, ċirkustanzi oħra li jistgħu jiżvelaw l-eżistenza ta’ suċċessjoni li tinvolvi diversi Stati Membri.

44

Kif osserva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, serje ta’ indizji konkordanti, bħal dawk imsemmija fil-premessi 23 u 24 tar-Regolament Nru 650/2012 u msemmija, b’mod partikolari, fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, huma ta’ natura, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, li jwasslu għall-konklużjoni li suċċessjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha implikazzjonijiet transkonfinali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għall-ħames domanda hija li r-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali” sitwazzjoni li fiha d-deċedut, ċittadin ta’ Stat Membru, kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor fid-data tal-mewt tiegħu, iżda ma kienx kiser ir-rabtiet tiegħu mal-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, li fih jinsabu l-beni li jifformaw is-suċċessjoni tiegħu, filwaqt li s-suċċessuri tiegħu jkollhom ir-residenza tagħhom f’dawn iż-żewġ Stati Membri. L-aħħar residenza abitwali tad-deċedut, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi stabbilita mill-awtorità li tkun qiegħda tittratta s-suċċessjoni f’wieħed biss mill-imsemmija Stati Membri.

Fuq it-tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li n-nutara Litwani jistgħu jitqiesu bħala “qrati”, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

47

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, awtorità mhux ġudizzjarja jew professjonist legali, b’kompetenza fil-qasam tas-suċċessjoni, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta huma jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu b’delega ta’ setgħat minn awtorità ġudizzjarja jew taħt is-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja, bil-kundizzjoni li huma joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità tagħhom u tad-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu, u d-deċiżjonijiet li huma jagħtu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu appellati quddiem awtorità ġudizzjarja jew mistħarrġa minn tali awtorità, u jkollhom forza u effett ekwivalenti għal sentenza mogħtija minn awtorità ġudizzjarja fl-istess qasam.

48

Barra minn hekk, mill-premessa 20 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, it-terminu “qorti” għandu jingħata tifsira wiesgħa, billi jinkludi wkoll in-nutara meta jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji għal ċerti kwistjonijiet ta’ suċċessjoni.

49

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-assenza ta’ notifika dwar l-eżerċizzju min-nutara ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, minn Stat Membru, ma hijiex determinanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ “qorti” ta’ dawn in-nutara (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB, C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 64).

50

Għandu jitfakkar ukoll li r-Regolament Nru 650/2012 jippreċiża, fl-Artikolu 3(2) tiegħu, li l-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jinkludi mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda wkoll kull awtorità oħra u kull professjonist legali ieħor b’kompetenza fil-qasam tas-suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din l-istess dispożizzjoni (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB, C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 40).

51

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li awtorità teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji meta tista’ tkun kompetenti fil-każ ta’ kontestazzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni. Dan il-kriterju japplika indipendentement min-natura kontenzjuża jew mhux kontenzjuża tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ ċertifikat tas-suċċessjoni (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB, C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 56).

52

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Professjoni Nutarili, in-nutara Litwani jingħataw is-setgħa legali li jistabbilixxu d-drittijiet suġġettivi mhux ikkontestati.

53

Minn dan jidher li jirriżulta, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, li nutar Litwan ma għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kontroversjali bejn il-partijiet u ma għandux is-setgħa li jistabbilixxi fatti li ma humiex ċari u evidenti, u lanqas li jiddeċiedi dwar il-fatti kkontestati.

54

Għalhekk, għandu jitqies li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-ħruġ ta’ ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni min-nutara Litwani ma jimplikax l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji.

55

Madankollu, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, il-kwalità ta’ “qorti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ tirriżulta wkoll mill-fatt li l-awtoritajiet u l-professjonisti kkonċernati jaġixxu b’delega jew taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ tan-nutara Litwani meta joħorġu ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, in-nutara Litwani ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji meta joħorġu ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dawn in-nutara jaġixxux b’delega jew taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja u, konsegwentement, jistgħux jiġu kklassifikati bħala “qrati”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

Fuq it-tielet domanda

57

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li hija tqis li n-nutara Litwani jistgħu jiġu kklassifikati bħala “qrati”, fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012, iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni li huma joħorġu jistax jitqies li huwa “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, u jekk, għall-finijiet tal-ħruġ tiegħu, dawn in-nutara jistgħux japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

58

Skont l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, “deċiżjoni” tfisser kwalunkwe deċiżjoni fil-qasam tas-suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, irrispettivament mill-isem mogħti lilha.

59

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-unika kundizzjoni prevista minn dan ir-regolament sabiex att ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni” hija li din tingħata minn “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament.

60

Għalhekk, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li n-nutara Litwani jistgħu jiġu kklassifikati bħala “qrati”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni maħruġ minn wieħed minn dawn in-nutara jista’ jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) ta’ dan ir-regolament.

61

Għal dak li jirrigwarda r-regoli ta’ ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 650/2012, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu, jiddetermina l-ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward tal-proċeduri li jirrigwardaw miżuri dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha, bħal, b’mod partikolari, il-ħruġ ta’ ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali, indipendentement min-natura kontenzjuża jew mhux kontenzjuża ta’ dawn il-proċeduri, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 59 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C‑20/17, EU:C:2018:485, punti 4445).

62

Kif jirriżulta mill-premessa 22 tar-Regolament Nru 650/2012, meta n-nutara jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu b’delega jew taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, huma jkunu marbuta bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni, previsti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, u d-deċiżjonijiet li huma jagħtu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent, is-saħħa eżekuttiva u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, imsemmija fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li n-nutara Litwani jistgħu jiġu kklassifikati bħala “qrati”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni li huma joħorġu jista’ jitqies li huwa “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li, għall-finijiet tal-ħruġ tiegħu, dawn in-nutara jistgħu japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament.

Fuq ir-raba’ domanda

64

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 4 u 59 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li nutar ta’ Stat Membru, li ma huwiex ikklassifikat bħala “qorti”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jista’, mingħajr ma japplika r-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmi regolament, joħroġ iċ-ċertifikati tas-suċċessjoni u jekk dawn tal-aħħar għandhomx jitqiesu bħala “strumenti awtentiċi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(i) ta’ dan l-istess regolament, li jipproduċu effetti fl-Istati Membri l-oħra.

65

B’mod iktar preċiż, permezz tal-ewwel parti tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi żgurata l-unità ta’ suċċessjoni, fil-każ fejn in-nutara Litwani ma jiġux ikklassifikati bħala “qrati”, fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012, dawn humiex marbuta bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Ġuriżdizzjoni”, u jekk, qabel ma joħorġu ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni, huma għandhomx jiddeterminaw liema qrati għandhom, jekk ikun il-każ, ġurisdizzjoni skont l-imsemmija dispożizzjonijiet.

66

F’dan ir-rigward, mill-kliem ċar tal-premessa 22 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li meta n-nutara ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji, huma ma humiex marbuta bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni.

67

Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jiddetermina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri li jirrigwardaw miżuri dwar suċċessjoni fl-intier tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 44). Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 650/2012 dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni.

68

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi osservat li, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis li n-nutara Litwani ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “qrati”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, dawn in-nutara ma jkunux suġġetti għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 650/2012 u lanqas ma għandhom jiddeterminaw liema qrati għandhom, jekk ikun il-każ, ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

69

Barra minn hekk, il-prinċipju tal-unità tas-suċċessjoni ma huwiex assolut, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu. Ir-Regolament Nru 650/2012 jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet ta’ diversi Stati Membri jintervjenu fl-istess suċċessjoni. Mill-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan jippermetti li, meta l-eredi jew il-legatarji jirrisjedu abitwalment fi Stat Membru differenti minn dak li fih is-suċċessjoni hija jew ser tiġi rregolata, l-awtoritajiet tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom jistgħu jirċievu dikjarazzjonijiet dwar is-suċċessjoni. Dan jissodisfa l-għan tal-imsemmi regolament, intiż li jiffaċilita l-ħajja tal-eredi u tal-legatarji, kif jirriżulta mill-premessa 32 tal-istess regolament.

70

Din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata mill-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012, dwar il-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li għandu l-għan li jippreċiża li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikoli 4, 7, 10 u 11 ta’ dan l-istess regolament japplikaw mhux biss għall-qrati, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, iżda wkoll għall-awtoritajiet l-oħra li, skont id-dritt nazzjonali, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jirregolaw is-suċċessjonijiet. Fil-fatt, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li nħoloq permezz tar-Regolament Nru 650/2012, igawdi minn sistema legali awtonoma, stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 46).

71

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, permezz tat-tieni parti tar-raba’ domanda tagħha, dwar il-klassifikazzjoni taċ-ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni bħala “strument awtentiku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012, kif ukoll dwar l-effetti tiegħu.

72

L-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012 jiddefinixxi l-“istrument awtentiku” bħala dokument fil-qasam tas-suċċessjoni li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala att awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu, minn naħa, tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku u, min-naħa l-oħra, tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra li jkollha s-setgħa tagħmel dan mill-Istat Membru ta’ oriġini.

73

Barra minn hekk, mill-premessa 62 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li għandha tiġi adottata interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “awtentiċità”, li tissodisfa sensiela ta’ elementi, b’mod partikolari l-veraċità tal-istrument, ir-rekwiżiti proċedurali applikabbli għalih, is-setgħat tal-awtorità li tfasslu u l-proċedura segwita għat-tfassil tiegħu. L-awtentiċità għandha tkopri wkoll l-elementi fattwali rreġistrati fl-istrument awtentiku mill-awtorità kkonċernata, bħall-fatt li l-partijiet indikati jkunu dehru quddiem din l-awtorità fid-data indikata u jkunu għamlu d-dikjarazzjonijiet indikati.

74

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dawn l-elementi humiex issodisfatti. Madankollu, għalkemm hija biss din il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija mitluba tipprovdi risposti utli lill-qorti nazzjonali, hija kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess għad-dispożizzjoni tagħha.

75

F’dan il-każ, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni huwa strument awtentiku skont id-dritt nazzjonali u, kif jirriżulta mill-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-Professjoni Nutarili, in-nutara huma awtorizzati joħorġu ċertifikati relatati ma’ suċċessjoni, li jinkludu elementi li jitqiesu bħala stabbiliti.

76

Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel, ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012.

77

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li dan iċ-ċertifikat jikkostitwixxi strument awtentiku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi osservat, fir-rigward tal-effetti tiegħu, fl-ewwel lok, li mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li l-istrumenti awtentiċi mfassla fi Stat Membru għandhom l-istess saħħa probatorja fi Stat Membru ieħor jew jipproduċu hemmhekk l-effetti l-iktar komparabbli. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat fil-premessa 61 ta’ dan ir-regolament li, fid-determinazzjoni tas-saħħa probatorja ta’ strument awtentiku partikolari fi Stat Membru ieħor jew tal-effetti l-iktar komparabbli, għandu jsir riferiment għan-natura u għall-portata tas-saħħa probatorja tal-istrument awtentiku fl-Istat Membru ta’ oriġini. Is-saħħa probatorja li strument awtentiku partikolari għandu jkollu fi Stat Membru ieħor tiddependi fuq il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini.

78

Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 650/2012, sabiex jintuża strument awtentiku fi Stat Membru ieħor, huwa possibbli li l-awtorità li tfasslu fl-Istat Membru ta’ oriġini tintalab timla l-formola li tikkorrispondi għal dik li tinsab fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad‑9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 650/2014 (ĠU 2014, L 359, p. 30, rettifika fil-ĠU 2016, L 9, p. 14).

79

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 650/2012, strument awtentiku li huwa eżegwibbli fl-Istat Membru ta’ oriġini għandu jiġi ddikjarat eżegwibbli fi Stat Membru ieħor, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 45 sa 58 tal-imsemmi regolament.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikoli 4 u 59 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li nutar ta’ Stat Membru, li ma huwiex ikklassifikat bħala “qorti”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jista’, mingħajr ma japplika r-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmi regolament, joħroġ iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni. Jekk il-qorti tar-rinviju tqis li dawn iċ-ċertifikati jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1)(i) tal-istess regolament, u jistgħu, għaldaqstant, jitqiesu bħala “strumenti awtentiċi”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, dawn jipproduċu, fl-Istati Membri l-oħra, l-effetti li l-Artikolu 59(1) u l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 650/2012 jagħtu lill-istrumenti awtentiċi.

Fuq is-sitt domanda

81

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4, 5, 7 u 22 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rieda tad-de cujus kif ukoll il-ftehim bejn is-suċċessuri tiegħu jistgħu jwasslu għad-determinazzjoni ta’ qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni u għall-applikazzjoni ta’ liġi tas-suċċessjoni ta’ Stat Membru għajr dawk li kieku jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament.

82

Għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi regola ġenerali, li tgħid li l-qrati ta’ Stat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar suċċessjoni fl-intier tagħha, filwaqt li l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw minn din ir-regola ġenerali u jippermetti l-possibbiltà, għall-partijiet fil-proċedura ta’ suċċessjoni, li jiftiehmu li l-qrati ta’ Stat Membru għajr dak li kieku jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament għandhom ġurisdizzjoni.

83

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 650/2012, il-partijiet fil-proċedura jistgħu jiftiehmu li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet mid-deċedut sabiex tirregola s-suċċessjoni tiegħu, skont l-Artikolu 22 ta’ dan l-istess regolament, għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jiddeċiedu fuq kull kwistjoni li tikkonċerna s-suċċessjoni.

84

L-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 650/2012 jippreċiżaw il-kundizzjonijiet formali li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-ftehim dwar l-għażla tal-qorti jkun validu. B’mod partikolari, mill-Artikolu 5(2) u mill-Artikolu 7(b) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan il-ftehim għandu jiġi konkluż bil-miktub u għandu jkun iddatat u ffirmat mill-partijiet fil-proċedura, jew li dawn il-partijiet għandhom ikunu aċċettaw espressament il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, kif previst fl-Artikolu 7(c) tal-imsemmi regolament.

85

F’dan il-każ, għalkemm mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-partijiet fil-proċedura ta’ suċċessjoni kkonkludew ftehim konformement mal-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, sabiex tingħata ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati Litwani, il-qorti tar-rinviju tindika li l-konjuġi superstiti tad-deċeduta, ta’ nazzjonalità Ġermaniża u li kien jgħix magħha fil-Ġermanja fil-mument tal-mewt tagħha, kien iddikjara l-kunsens tiegħu għal tali ġurisdizzjoni.

86

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk tali dikjarazzjoni għandhiex, fil-kawża prinċipali, effett li jattribwixxi ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(c) tar-Regolament Nru 650/2012.

87

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 29 tar-Regolament Nru 650/2012, dan tal-aħħar ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-partijiet milli jirregolaw is-suċċessjoni permezz ta’ ftehim bonarju, mingħajr ebda tilwima, fi Stat Membru tal-għażla tagħhom, fil-każ fejn id-dritt ta’ dan l-Istat Membru jippermetti dan u anki jekk il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma tkunx il-liġi ta’ dan tal-aħħar.

88

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rieda tad-de cujus kif ukoll il-ftehim bejn is-suċċessuri tiegħu jistgħux iwasslu għall-applikazzjoni ta’ liġi tas-suċċessjoni ta’ Stat Membru għajr dak li kieku jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti mir-Regolament Nru 650/2012, għandu jiġi osservat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tiegħu, intitolat “Għażla ta’ liġi”, persuna tista’ tagħżel bħala liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li tiegħu hija jkollha n-nazzjonalità fil-mument meta hija tagħmel din l-għażla jew fil-mument tal-mewt tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 22(2) jippreċiża li l-imsemmija għażla għandha tiġi fformulata b’mod espress f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tirriżulta mit-termini ta’ tali dispożizzjoni.

89

Kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 39 ta’ dan tal-aħħar, li tgħid li l-għażla tal-liġi tista’ tirriżulta mill-kliem ta’ trasferiment causa mortis, b’mod partikolari meta d-deċedut ikun għamel riferiment għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tiegħu.

90

F’dan il-każ, peress li l-liġi Litwana hija l-liġi tal-Istat Membru li tiegħu d-deċeduta kellha n-nazzjonalità fil-mument tal-mewt tagħha, din il-liġi setgħet tintgħażel b’mod validu skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali għażla tirriżultax mill-kliem tat-testment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konformement mal-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament.

91

Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmi testment ġie stabbilit fil-Litwanja, fl‑4 ta’ Lulju 2013, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 650/2012, u li l-mewt tal-persuna kkonċernata seħħ wara s‑17 ta’ Awwissu 2015, jiġifieri wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli previsti minn dan ir-regolament. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tranżitorji, imsemmija fl-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 650/2012, jistgħu wkoll ikunu rilevanti, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

92

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 83 tal-imsemmi regolament jirrigwarda l-każijiet li fihom id-deċedut kien għażel, qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tippreżerva r-rieda tat-testatur u, sabiex din l-għażla tkun valida, hija għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jirregola l-każijiet li fihom trasferiment causa mortis ma jkunx jinkludi tali għażla.

93

B’mod iktar speċifiku, skont il-paragrafu 4, jekk trasferiment causa mortis ikun sar qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 skont il-liġi li d-deċedut seta’ għażel skont dan ir-regolament, din il-liġi għandha titqies li tkun intgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

94

Din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’dan il-każ, peress li, minn naħa, it-testment inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfassal qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 u, min-naħa l-oħra, il-liġi Litwana setgħet tintgħażel, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012, peress li d-deċeduta kellha n-nazzjonalità Litwana fil-mument meta tfassal dan it-testment. Konsegwentement, din il-liġi, skont liema l-imsemmi testment tfassal, għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

95

F’dan ir-rigward, fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 27 ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar huma maħsuba sabiex jiżguraw li l-awtorità li tkun qiegħda tittratta s-suċċessjoni tasal, fil-parti l-kbira tal-każijiet, sabiex tapplika d-dritt nazzjonali tagħha.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda hija li l-Artikoli 4, 5, 7 u 22 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rieda tad-de cujus kif ukoll il-ftehim bejn is-suċċessuri tiegħu jistgħu jwasslu għad-determinazzjoni ta’ qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni u għall-applikazzjoni ta’ liġi tas-suċċessjoni ta’ Stat Membru għajr dawk li kieku jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

97

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali” sitwazzjoni li fiha d-deċedut, ċittadin ta’ Stat Membru, kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor fid-data tal-mewt tiegħu, iżda ma kienx kiser ir-rabtiet tiegħu mal-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, li fih jinsabu l-beni li jifformaw is-suċċessjoni tiegħu, filwaqt li s-suċċessuri tiegħu jkollhom ir-residenza tagħhom f’dawn iż-żewġ Stati Membri. L-aħħar residenza abitwali tad-deċedut, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi stabbilita mill-awtorità li tkun qiegħda tittratta s-suċċessjoni f’wieħed biss mill-imsemmija Stati Membri.

 

2)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, in-nutara Litwani ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji meta joħorġu ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dawn in-nutara jaġixxux b’delega jew taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja u, konsegwentement, jistgħux jiġu kklassifikati bħala “qrati”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

 

3)

L-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li n-nutara Litwani jistgħu jiġu kklassifikati bħala “qrati”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni li huma joħorġu jista’ jitqies li huwa “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li, għall-finijiet tal-ħruġ tiegħu, dawn in-nutara jistgħu japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament.

 

4)

L-Artikoli 4 u 59 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li nutar ta’ Stat Membru, li ma huwiex ikklassifikat bħala “qorti”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jista’, mingħajr ma japplika r-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmi regolament, joħroġ iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni. Jekk il-qorti tar-rinviju tqis li dawn iċ-ċertifikati jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1)(i) tal-istess regolament, u jistgħu, għaldaqstant, jitqiesu bħala “strumenti awtentiċi”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, dawn jipproduċu, fl-Istati Membri l-oħra, l-effetti li l-Artikolu 59(1) u l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 650/2012 jagħtu lill-istrumenti awtentiċi.

 

5)

L-Artikoli 4, 5, 7 u 22 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rieda tad-de cujus kif ukoll il-ftehim bejn is-suċċessuri tiegħu jistgħu jwasslu għad-determinazzjoni ta’ qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni u għall-applikazzjoni ta’ liġi tas-suċċessjoni ta’ Stat Membru għajr dawk li kieku jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.