SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti – Direttiva 76/308/KEE – Artikolu 6(2) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/55/KE – Direttiva 2008/55/KE – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 u l-Artikolu 10 – Kreditu fiskali tal-Istat Membru applikant irkuprat mill-Istat Membru rikjest – Kwalità ta’ din it-talba – Kunċett ta’ ‘privileġġi’ – Tpaċija legali bejn din it-talba u kreditu fiskali tal-Istat Membru rikjest”

Fil-Kawża C‑19/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 KE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), b’deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2019, fil-kawża

L-Istat Belġjan

vs

Pantochim SA, fi stralċ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pantochim SA, fi stralċ minn J. Oosterbosch, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.-C. Halleux kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn A. Rubio González, sussegwentement minn S. Jiménez García, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin kif ukoll minn J. Jokubauskaitė u C. Perrin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta’ Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 44), kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6, u l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas-26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU 2008, L 150, p. 28).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Istat Belġjan u Pantochim SA, fi stralċ, dwar it-tpaċija ta’ kreditu ta’ din tal-aħħar fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru ma’ kreditu ta’ din il-kumpannija fil-konfront tal-Istat Ġermaniż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 76/308

3

L-ewwel sat-tielet premessa u t-tmien premessa tad-Direttiva 76/308 jistipulaw:

“Billi mhux possibli fil-preżent li tkun infurzata fi Stat Membru talba għall-irkupru msaħħa minn dokument imfassal mill-awtoritajiet ta’ xi Stat Membru ieħor;

billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-irkupru jikkostitwixxu, bis-sempliċi fatt li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għat-territorju nazzjonali, ostakolu għall-istabbiliment jew għall-funzjonament tas-suq komuni; is-sitwazzjoni ma tippermettix l-applikazzjoni sħiħa u ġusta tar-regoli tal-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika agrikola komuni, u tiffaċilita t-twettiq ta’ tranżazzjonijiet frawdolenti;

Billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu adottati regoli komuni dwar il-għajnuna reċiproka għall-irkupru;

[…]

Billi meta l-awtorità mitluba jkun jeħtiġilha taġixxi f’isem l-awtorità applikanti sabiex tirkupra xi talba, għandha tkun kapaċi, jekk id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab hekk jippermettu u bil-qbil ta’ l-awtorità applikanti, li tagħti żmien lid-debitur sabiex iħallas jew tawtorizza ħlas bin-nifs; billi xi interessi fuq faċilitajiet ta’ ħlas bħal dawn għandhom ukoll jintbagħtu lill-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab”.

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 76/308, din tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu inklużi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-irkupru f’kull Stat Membru tat-talbiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva li nħolqu fi Stat Membru ieħor.

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha, skond il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għall-irkupru ta’ talbiet bħalhom li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, tirkupra talbiet li huma s-suġġett ta’ xi dokument li jippermetti l-infurzar tagħhom.

2.   Għal dan l-iskop kull talba li għaliha jkun intalab l-irkupru għandha tiġi trattata bħala talba ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, ħlief fejn japplika Artikolu 12.”

6

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2008/55/KE tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008, L 150, p. 28), jipprevedi:

“1.   Il-pretensjonijiet għandhom jiġu rkuprati fil-munita ta’ l-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba. L-ammont kollu tal-pretensjoni li jiġi rkuprat mill-awtorità mitluba għandu jiġi mibgħut lura mill-awtorità mitluba lill-awtorità applikanti.

2.   L-awtorità mitluba tista’, fejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab jippermettu, u wara konsultazzjonijiet ma’ l-awtorità applikanti, tagħti lid-debitur żmien sabiex iħallas jew tawtorizza li l-ħlas isir bin-nifs. Kull imgħax miżmum mill-awtorità mitluba fir-rigward taż-żmien żejjed sabiex isir il-ħlas għandu wkoll jiġi mibgħut lura lill-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità applikanti.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 76/308:

“It-talbiet li jridu jiġu rkuprati m’għandhomx jingħataw trattament preferenzjali fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab.”

8

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 76/308, kif emendata bid-Direttiva 2001/44, kien ifformulat kif ġej:

“Minkejja l-Artikolu 6(2), il-pretensjonijiet li għandhom jiġu rkuprati m’għandhomx neċessarjament igawdi mill-privileġġi mogħtija lill-pretensjonijiet li jixbhuhom li jqumu fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba.”

Id-Direttiva 2008/55

9

Il-premessi 1 u 10 tad-Direttiva 2008/55 kienu jiddikjaraw:

“(1)

Id-Direttiva [76/308] ġiet emendata diversi drabi b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

[…]

(10)

Meta l-awtorità mitluba jkun jeħtiġilha taġixxi f’isem l-awtorità applikanti sabiex tirkupra xi talba, għandha tkun kapaċi, jekk id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab hekk jippermettu u bil-qbil ta’ l-awtorità applikanti, li tagħti żmien lid-debitur sabiex iħallas jew tawtorizza ħlas bin-nifs. Xi interessi fuq faċilitajiet ta’ ħlas bħal dawn għandhom ukoll jintbagħtu lill-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab.”

10

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/55, din kienet tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu inklużi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-irkupru f’kull Stat Membru tat-talbiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva li nħolqu fi Stat Membru ieħor.

11

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“Fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha, skond il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għall-irkupru ta’ talbiet bħalhom li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, tirkupra talbiet li huma s-suġġett ta’ xi dokument li jippermetti l-infurzar tagħhom.

Għal dan l-iskop kull talba li għaliha jkun intalab l-irkupru għandha tiġi ttrattata bħala talba ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, ħlief fejn japplika l-Artikolu 12.”

12

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Minkejja t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 6, il-pretensjonijiet li għandhom jiġu rkuprati m’għandhomx neċessarjament igawdu mill-privileġġi mogħtija lill-pretensjonijiet li jixbhuhom li jqumu fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba.”

Id-dritt Belġjan

13

Id-Direttiva 76/308 ġiet trasposta fid-dritt Belġjan permezz tal-loi du 20 juillet 1979 concernant l’assistance mutuelle en matière de recouvrement des créances relatives à certaines cotisations, droits, taxes et autres mesures (il-Liġi tal‑20 ta’ Lulju 1979 dwar l-Assistenza Reċiproka għall-Irkupru ta’ Talbiet Relatati ma’ Ċerti Kontribuzzjonijiet, Dazji, Taxxi u Miżuri Oħra (Moniteur belge tat-30 ta’ Awwissu 1979, p. 9457).

14

Skont l-Artikolu 12 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-20 ta’ Lulju 1979”):

“L-awtorità Belġjana li lilha ssir it-talba għandha tipproċedi bl-irkupri mitluba mill-awtorità barranija applikanti daqslikieku kienu talbiet li joriġinaw mir-Renju.”

15

L-Artikolu 15 tal-Liġi tal-20 ta’ Lulju 1979 huwa fformulat kif ġej:

“It-talbiet li għandhom jiġu rkuprati ma għandhomx jibbenefikaw minn xi privileġġ.”

16

L-Artikolu 334 tal-loi-programme du 27 décembre 2004 (il-Liġi-Programm tas-27 ta’ Diċembru 2004) (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 2004, p. 87006), fil-verżjoni tagħha applikabbli sas-7 ta’ Jannar 2009, jipprevedi:

“Kull somma li għandha titħallas lura jew li għandha titħallas lil persuna taxxabbli fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali fil-qasam ta’ taxxi fuq id-dħul u taxxi simili, ta’ taxxa fuq il-valur miżjud jew skont ir-regoli tad-dritt ċivili dwar l-irkupru ta’ pagament mhux dovut tista’ tiġi assenjata mingħajr formalitajiet mill-uffiċjal kompetenti għall-ħlas bil-quddiem, tat-taxxi fuq id-dħul, tat-taxxi fuq id-dħul, tat-taxxi ekwivalenti għalihom, tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prinċipalment, addizzjonali u żidiet, tal-multi amministrattivi jew fiskali, tal-interessi u tal-ispejjeż dovuti minn din tal-aħħar, meta dawn ma jkunux iktar dovuti.

Il-paragrafu preċedenti għandu jkompli japplika f’każ ta’ sekwestru, assenjazzjoni, trasferiment jew fejn ikun hemm talbiet kompetituri jew proċeduri ta’ insolvenza.”

17

L-Artikolu 334 tal-Liġi-Programm tas-27 ta’ Diċembru 2004, kif emendata bl-Artikolu 194 tal-Liġi-Programm tat-22 ta’ Diċembru 2008 (Moniteur belge tad-29 ta’ Diċembru 2008, p. 68649), applikabbli mit-8 ta’ Jannar 2009, kien jipprovdi:

“Kull somma li għandha titħallas lura jew li għandha titħallas lil persuna, jew fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-liġijiet tat-taxxa li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi jew li għalihom il-ġbir u l-irkupru huma żgurati minn dan is-Servizz Pubbliku Federali, jew skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili dwar l-irkupru ta’ pagament mhux dovut, tista’ tiġi assenjata mingħajr formalitajiet u bl-għażla tal-uffiċjal kompetenti għall-ħlas tas-somom dovuti minn din il-persuna skont il-liġijiet tat-taxxa kkonċernati jew il-ħlas ta’ krediti fiskali jew mhux fiskali li l-ġbir u l-irkupru tagħhom huma żgurati mis-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi permezz ta’ jew skont dispożizzjoni li għandha s-saħħa ta’ liġi. Din l-applikazzjoni hija limitata għall-ammont mhux ikkontestat tal-kreditu fir-rigward ta’ dan l-individwu.

Il-paragrafu preċedenti għandu jkompli japplika f’każ ta’ sekwestru, assenjazzjoni, trasferiment jew fejn ikun hemm talbiet kompetituri jew proċeduri ta’ insolvenza.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Pantochim tqiegħdet fi stralċ permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001 tat-Tribunal de commerce de Charleroi (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Charleroi, il-Belġju).

19

Fil-kuntest ta’ dan l-istralċ, l-Istat Belġjan iddikjara kreditu pprivileġġat fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), li ġie totalment imħallas minn Pantochim, kif ukoll kreditu tal-Istat Ġermaniż li jammonta għal EUR 634 257.50, li jinkludi l-VAT u interessi, li ġie aċċettat bħala passiv ta’ din il-kumpannija bħala kreditu mhux garantit.

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan il-kreditu tal-Istat Ġermaniż kien is-suġġett ta’ talba għal assistenza għall-irkupru minn dan l-Istat Membru u li ma tqajmet ebda kontestazzjoni dwar l-eżistenza u r-regolarità ta’ din it-talba.

21

Min-naħa tagħha, Pantochim għandha, fir-rigward tal-Istat Belġjan, kreditu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam fiskali, li dan l-Istat irid jikkumpensa, abbażi tal-Artikolu 334 tal-Liġi-Programm tas-27 ta’ Diċembru 2004, mal-kreditu msemmi iktar ’il fuq tal-Istat Ġermaniż.

22

Pantochim opponiet dan il-kumpens u adixxiet lit-tribunal de première instance du Hainaut, division de Mons (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Hainaut, it-Taqsima ta’ Mons, il-Belġju), li ddeċidiet li l-Istat Belġjan ma kienx fondat, fid-dritt, li jopponi tali kumpens.

23

Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2016 il-Cour d’appel de Mons (Belgique) (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju), ikkonfermat din id-deċiżjoni u ordnat lill-Istat Belġjan iħallas is-somma ta’ EUR 502 991.47 flimkien mal-interessi lil Pantochim.

24

L-Istat Belġjan ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju).

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Id-dispożizzjoni li l-kreditu [t-talba] li huwa s-suġġett ta’ talba għal irkupru ‘għand[u] [j]iġi ttrattat bħala talba [kreditu] ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab’, kif huwa previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6, tad-[Direttiva 2008/55] li jissostitwixxi l-Artikolu 6(2) tad-[Direttiva 76/308], għandha tinftiehem fis-sens li l-kreditu tal-Istat li jagħmel it-talba għandu jiġi assimilat għal dak tal-Istat li lilu ssir it-talba b’tali mod li l-kreditu tal-Istat li jagħmel it-talba jikseb il-kwalità ta’ kreditu tal-Istat li lilu ssir it-talba?

(2)

It-terminu ‘privileġġ[i]’ imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [2008/55], u, qabel il-kodifikazzjoni, mill-Artikolu 10 tad-Direttiva [76/308], għandu jinftiehem bħala d-dritt preferenzjali marbut mal-kreditu li jagħtih dritt ta’ prijorità fuq il-krediti l-oħra fil-każ ta’ kompetizzjoni [fil-każ ta’ talbiet kompetituri], jew bħala kwalunkwe mekkaniżmu li għandu bħala effett li jwassal, fil-każ ta’ kompetizzjoni, għal ħlas preferenzjali tal-kreditu?

Il-fakultà li għandu l-uffiċċju tat-tassazzjoni li jagħti kumpens [li jwettaq tpaċija] fil-każ ta’ kompetizzjoni, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 334 tal-Liġi-Programm tas-27 ta’ [Diċembru] 2004, għandha titqies bħala preferenzjali fis-sens tal-Artikolu 10 tad-direttivi ċċitata [ċċitati] iktar ’il fuq?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 76/308 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/55 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kreditu tal-Istat Membru applikant huwa assimilat ma’ kreditu tal-Istat Membru rikjest u jikseb il-kwalità ta’ kreditu ta’ dan tal-aħħar.

27

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 76/308 u d-Direttiva 2008/55, imsemmija fid-domandi preliminari, għalkemm issa mħassra, kienu fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Istat Belġjan għamel l-imputazzjoni, bi ħlas tal-kreditu tal-Istat Ġermaniż li kien is-suġġett tat-talba għall-irkupru inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ krediti fiskali differenti li għalihom Pantochim setgħet tinvoka quddiem l-amministrazzjoni fiskali Belġjana bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-20 ta’ April 2009.

28

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 76/308 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/55, li għandhom, rispettivament, jinqraw flimkien mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/308 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/55, meta kreditu jkun is-suġġett ta’ talba għall-irkupru, dan għandu jiġi ttrattat “bħala” kreditu tal-Istat Membru rikjest, fejn dan tal-aħħar għandu jipproċedi għall-irkupru ta’ dan il-kreditu skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-irkupru ta’ krediti simili ta’ dan l-Istat Membru.

29

Għalhekk, mill-kliem stess tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 76/308 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/55 jirriżulta li l-kreditu li huwa s-suġġett ta’ talba għall-irkupru ma jiksibx il-kwalità ta’ kreditu tal-Istat Membru rikjest, iżda li hija “tiġi trattata bħala” talba ta’ dan l-Istat għall-finijiet biss tal-irkupru tiegħu minnu, peress li dan tal-aħħar huwa b’hekk imġiegħel jimplimenta l-kompetenzi u l-proċeduri ddefiniti mil-taħt il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għat-talbiet relatati mad-dazji, taxxi jew ħlasijiet identiċi jew simili fl-ordinament ġuridiku tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 48).

30

Konsegwentement, jekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istat Membru rikjest huwa, għall-finijiet tal-irkupru ta’ kreditu li huwa s-suġġett ta’ tali talba, obbligat li jittratta lil din tal-aħħar bl-istess mod bħall-krediti tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 43), dan ma jimplikax trasferiment tal-kreditu ikkonċernat tal-Istat Membru applikant lill-Istat Membru rikjest. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-kreditu jibqa’, mil-lat materjali, kreditu tal-Istat Membru applikant, distint minn dak tal-Istat Membru rikjest.

31

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-kliem tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 76/308, kif emendata bid-Direttiva 2001/44, u dak tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/55, li jipprovdi li l-krediti li għandhom jiġu rkuprati mhux neċessarjament igawdu minn privileġġ ta’ krediti analogi li jinħolqu fl-Istat Membru rikjest.

32

Mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 76/308, kif emendata bid-Direttiva 2001/44, u mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/55 jirriżulta wkoll li l-kreditu tal-Istat Membru applikant irkuprat mill-Istat Membru rikjest, ma jiksibx il-kwalità ta’ kreditu ta’ dan tal-aħħar, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li l-Istat Membru rikjest huwa obbligat jittrasferixxi lill-Istat Membru applikant l-ammont kollu tal-kreditu li jkun ġabar kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-interessi dovuti abbażi tal-għoti ta’ terminu ta’ ħlas.

33

Barra minn hekk, mill-premessa 8 tad-Direttiva 76/308 u mill-premessa 10 tad-Direttiva 2008/55 jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li l-Istat Membru rikjest jipproċedi għall-irkupru ta’ kreditu “f’isem” l-Istat Membru rikorrenti.

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 76/308 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/55 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kreditu tal-Istat Membru applikant huwa assimilat ma’ kreditu tal-Istat Membru rikjest u jikseb il-kwalità ta’ kreditu ta’ dan tal-aħħar.

Fuq it-tieni domanda

35

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 76/308 u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/55 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-terminu “privileġġi”, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet, jirreferi għal dritt preferenzjali marbut ma’ kreditu, li jagħti lil dan tal-aħħar dritt ta’ prijorità fuq il-krediti l-oħra fil-każ ta’ kompetizzjoni, jew għal kwalunkwe mekkaniżmu li għandu l-effett li jwassal, fil-każ ta’ kompetizzjoni, għal ħlas preferenzjali ta’ dan il-kreditu. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 76/308 u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/55 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-possibbiltà, li għandha l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru mitlub, li twettaq tpaċija fil-każ ta’ kompetizzjoni tikkostitwixxix “privileġġi”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

36

Għandu jiġi rrilevat li d-Direttivi 76/308 u 2008/55 ma jiddefinixxux it-terminu “privileġġi” u lanqas ma jinkludu riferiment għad-dritt tal-Istati Membri għal dan il-għan.

37

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 44, u tas-16 ta’ Novembru 2017, Kozuba Premium Selection, C‑308/16, EU:C:2017:869, punt 38).

38

Fir-rigward tal-għan segwit mid-Direttivi 76/308 u 2008/55, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 rispettiv tagħhom, dawn jistabbilixxu regoli komuni dwar l-assistenza reċiproka sabiex jiġi ggarantit l-irkupru f’kull Stat Membru tal-krediti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi li nħolqu fi Stat Membru ieħor.

39

Mill-ewwel sat-tielet premessi tad-Direttiva 76/308 jirriżulta li din għandha l-għan li telimina l-ostakoli għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq komuni li jirriżultaw mil-limitazzjoni territorjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-irkupru (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, X, C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 45).

40

Din id-direttiva tipprevedi għalhekk miżuri ta’ assistenza fil-forma ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni utli għall-irkupru, ta’ notifika tal-atti lid-destinatarju kif ukoll fil-forma ta’ rkupru tal-krediti li huma s-suġġett ta’ titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, X, C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 46).

41

Fir-rigward tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li d-djun li għandhom jiġu rkuprati ma jgawdu minn ebda privileġġ fl-Istat Membru rikjest. Huwa jistabbilixxi għalhekk ir-regola li l-privileġġi mogħtija lill-krediti tal-Istat Membru rikjest ma jingħatawx lill-krediti li huma s-suġġett ta’ talba għal irkupru.

42

Dan l-Artikolu 10 ġie emendat bid-Direttiva 2001/44, u sussegwentement issostitwit bl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/55. Dawn id-direttivi introduċew, b’deroga minn din ir-regola, il-possibbiltà, għall-Istat Membru rikjest, li jagħti dawn il-privileġġi għall-krediti li għandhom jiġu rkuprati mill-Istat Membru applikant.

43

Dawn id-dispożizzjonijiet jikkorroboraw il-fatt li, anki jekk, kif ġie rrilevat fil-punti 28 sa 30 ta’ din is-sentenza, dawn il-krediti għandhom, għall-finijiet tal-irkupru tagħhom, jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-krediti tal-Istat Membru rikjest, huma madankollu distinti minn dawn tal-aħħar u ma jgawdux, bħala prinċipju, minn privileġġ f’dan l-Istat Membru.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata tifsira wiesgħa tat-terminu “privileġġi”, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet, li jinkludi l-mekkaniżmi kollha li jippermettu lill-Istat Membru rikjest jikseb, fil-każ ta’ kompetizzjoni, il-ħlas preferenzjali jew prijoritarju tal-krediti tiegħu, b’deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-kredituri.

45

Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ tpaċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-amministrazzjoni fiskali Belġjana fir-rigward tal-krediti fiskali tagħha stess, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ din il-possibbiltà jippermettix lil din l-amministrazzjoni tikseb, fil-każ ta’ għajnuna, ħlas preferenzjali jew prijoritarju tal-krediti tagħha jew jekk tikkostitwixxix mekkaniżmu ta’ kumpens tad-dritt komuni.

46

Fl-ipoteżi fejn l-imsemmija fakultà tikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ kumpens tad-dritt komuni, intiż li jissimplifika l-proċedura ta’ rkupru, mingħajr ma tagħti lill-Istat Belġjan dritt ta’ preferenza jew ta’ prijorità għall-finijiet tal-ħlas tal-krediti tiegħu u lanqas xi privileġġ li jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-kredituri, din għandha titqies li taqa’ taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/308 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/55, b’tali mod li dan l-Istat għandu wkoll jirrikorri għaliha sabiex jirkupra l-krediti ta’ Stat Membru ieħor li huwa s-suġġett ta’ talba għal irkupru, abbażi ta’ dawn id-direttivi.

47

Fil-każ kuntrarju, fejn l-użu tal-possibbiltà ta’ kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollu l-effett li jagħti lill-Istat Belġjan tali dritt ta’ preferenza jew ta’ prijorità li ma jkollhomx il-kredituri l-oħra, din il-fakultà tikkostitwixxi, bħala deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-kredituri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, “privileġġi” fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 76/308 u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/55.

48

F’din l-ipoteżi, l-Istat Belġjan ma jistax jirrikorri għall-imsemmija fakultà sabiex jirkupra d-djun ta’ Stat Membru ieħor li huma s-suġġett ta’ talba għall-irkupru, abbażi ta’ dawn id-direttivi, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 15 tal-Liġi tal-20 ta’ Lulju 1979, il-krediti li għandhom jiġu rkuprati ma jgawdu minn ebda privileġġ.

49

F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Istat Membru rikjest jista’ jirrikorri għal fakultà ta’ kumpens bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss favur u għall-benefiċċju tal-Istat Membru applikanti.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda:

l-Artikolu 10 tad-Direttiva 76/308 u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/55 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu “privileġġi”, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet, jirreferi għal kull mekkaniżmu li għandu l-effett li jwassal, fil-każ ta’ kompetizzjoni, għal ħlas preferenzjali ta’ kreditu.

l-Artikolu 10 tad-Direttiva 76/308 u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/55 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-possibbiltà, li għandu l-Istat Membru rikjest, li jwettaq tpaċija fil-każ ta’ kompetizzjoni tikkostitwixxi privileġġ, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta l-użu ta’ din il-fakultà jkollu l-effett li jagħti lil dan l-Istat Membru dritt ta’ preferenza jew ta’ prijorità għall-finijiet tal-ħlas tal-krediti tiegħu, li ma għandhomx il-kredituri l-oħra, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta’ Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6, tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas-26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kreditu tal-Istat Membru applikant ma huwiex assimilat ma’ kreditu tal-Istat Membru rikjest u ma jiksibx il-kwalità ta’ kreditu ta’ dan tal-aħħar.

 

2)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 76/308 u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/55 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

it-terminu “privileġġi”, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet, jirreferi għal kull mekkaniżmu li għandu l-effett li jwassal, fil-każ ta’ kompetizzjoni, għal ħlas preferenzjali ta’ kreditu;

il-fakultà disponibbli għall-Istat Membru rikjest biex titlaq f’każ ta’ kompetizzjoni tikkostitwixxi privileġġ, fit-tifsira ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, meta l-użu ta’ din l-għażla għandu l-effett li jagħti lil dak l-Istat Membru dritt ta’ preferenza jew prijorità għall-ħlas tat-talbiet tagħha, li kredituri oħra ma għandhomx, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.