KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fid‑29 ta’ Jannar 2020 ( 1 )
Kawża C‑570/18 P
HF
vs
Il-Parlament Ewropew
“Appell – Servizz pubbliku – Membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz tal-Parlament – Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Fastidju psikoloġiku – Ċaħda ta’ talba għal assistenza – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ – Aċċess għall-minuti tas-smigħ tax-xhieda – Kunċett ta’ ‘fastidju psikoloġiku’ – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest – Appell inċidentali – Ammissibbiltà”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Permezz tal-appell tagħha, HF titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament ( 2 ), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat‑3 ta’ Ġunju 2016 li permezz tagħha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) ċaħdet it-talba għal assistenza li kienet ressqet HF u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu mġarrab minn HF minħabba l-illegalitajiet imwettqa mill-Parlament fit-trattament tat-talba għal assistenza. |
|
2. |
Dan l-appell joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tikkonferma ġurisprudenza reċenti dwar il-portata tad-dritt għal smigħ qabel ma l-amministrazzjoni tieħu deċiżjoni li tikkawża preġudizzju ( 3 ) u li tippreċiża l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk aġir jikkostitwixxix fastidju psikoloġiku. |
|
3. |
Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jindirizzaw l-ewwel u t-tielet aggravju tal-appell prinċipali kif ukoll l-appell inċidentali ppreżentat mill-Parlament. |
|
4. |
Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara inammissibbli l-appell inċidentali, tilqa’ l-ewwel aggravju u tiċħad it-tielet aggravju tal-appell prinċipali. |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
5. |
Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ġew stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 31 (KEE)/11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedu fl-Artikolu 12a: “1. Uffiċjali jistgħu [għandhom] jżommu lura minn kull forma ta’ turment [fastidju] psikoloġiku jew sesswali. […] 3. ‘Turment psikoloġiku’; ifisser kull imġiba mhux xierqa li ssir tul perjodu, hija ripetittiva jew sitematika u tinvolvi atteġġament fisku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li huma intenzjonali u li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fisika jew psikoloġika ta’ xi persuna. […]” |
|
6. |
L-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula: “L-Unjoni għandha tassisti kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjetà li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu. Hija għandha tikkumpensa in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata.” |
III. Il-fatti li wasslu għat-tilwima, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
A. Il-fatti li wasslu għat-tilwima
|
7. |
Il-fatti li wasslu għat-tilwima ġew esposti fid-dettall fis-sentenza appellata ( 4 ). L-elementi essenzjali u neċessarji għall-komprensjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati fil-qosor kif ġej. |
|
8. |
HF ġiet irreklutata fl-2003 fi ħdan l-Unità tal-Awdjoviżiv fid-Direttorat Ġenerali “Komunikazzjoni” tal-Parlament u baqgħet fis-servizz ta’ din l-unità sal-2015, jiġifieri għal 12‑il sena. Ħlief għal perijodu ta’ madwar sena u nofs li matulu kienet impjegata minn kumpannija terza, filwaqt li kienet taħdem għal din l-unità, HF kienet impjegata direttament mill-Parlament u ħadmet għall-Parlament fil-kwalità suċċessiva ta’ membru tal-persunal awżiljarju, membru tal-persunal bil-kuntratt jew anki membru tal-persunal temporanju. |
|
9. |
Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Diċembru 2013, indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”), b’kopja lill-President tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni Tiegħu fuq il-Post tax-Xogħol (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Konsultattiv”) kif ukoll lill-President tal-Parlament u lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Persunal” tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament, HF, taħt l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ressqet talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”). |
|
10. |
Insostenn ta’ din it-talba, HF sostniet li kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, min-naħa tal-Kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, liema fastidju seħħ permezz ta’ aġir, kliem u kitbiet ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ laqgħat tad-dipartiment. B’mod iktar preċiż, hija talbet li jiġu adottati miżuri urġenti sabiex tiġi protetta immedjatament mill-persuna li allegatament kienet qiegħda tagħtiha fastidju u li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva mill-ASTK sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti. |
|
11. |
Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Frar 2015, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal informa lil HF li kienet ġiet adottata miżura ta’ tbegħid fil-konfront tal-Kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv favur HF, liema miżura kienet tikkonsisti fl-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ HF lill-Unità tal-Programm ta’ Żjarat. |
|
12. |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Diċembru 2015, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal informa lil HF bl-intenzjoni tiegħu li jqis it-talba għal assistenza bħala infondata u dan b’mod partikolari wara li l-Kumitat Konsultattiv sema’ lill-Kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv u lil erbatax‑il uffiċjal u membru tal-persunal oħra ta’ din l-unità. Huwa stieden lil HF, konformement mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. |
|
13. |
Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Diċembru 2015, HF talbet il-komunikazzjoni tar-rapport, li hija sejħet tal-“investigazzjoni”, imħejji mill-Kumitat Konsultattiv. Din it-talba reġgħet saret b’ittra tal‑5 ta’ Frar 2016. |
|
14. |
Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Frar 2016, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal ta lil HF terminu li kien jiskadi fl‑1 ta’ April 2016 sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Barra minn hekk, huwa indikalha li l-Kumitat Konsultattiv kien bagħatlu biss opinjoni fejn ikkonkluda li ma kienx hemm fastidju psikoloġiku. F’dan ir-rigward, kien normali li l-Kumitat Konsultattiv ma kienx ikkomunikalu rapport, kif imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regoli interni dwar il-fastidju, għaliex tali rapport jiġi stabbilit mill-Kumitat Konsultattiv fil-każijiet biss fejn l-imsemmi kumitat jikkonstata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku. |
|
15. |
Fl‑1 ta’ April 2016, HF ippreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha bi tweġiba għall-ittri tad-Direttorat Ġenerali tal-Persunal tat‑8 ta’ Diċembru 2015 u tad-9 ta’ Frar 2016. Fihom, filwaqt li tenniet il-fatt li l-aġir tal-Kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv fil-konfront tagħha kien jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, hija b’mod partikolari kkontestat l-affermazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal li tgħid li l-Kumitat Konsultattiv ma ħejjiex rapport, skont l-Artikolu 14 tar-Regoli interni dwar il-fastidju, imma ta biss opinjoni. F’dan ir-rigward, hija sostniet li r-rifjut tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal li jikkomunikalha l-konklużjonijiet kollha kemm huma tal-Kumitat Konsultattiv jikser id-drittijiet tad-difiża tagħha u jċaħħad minn kull effett utli l-osservazzjonijiet li hija ppreżentat. |
|
16. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2016, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal, li kien qiegħed jaġixxi fil-kwalità ta’ ASTK, ċaħad it-talba għal assistenza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). F’din id-deċiżjoni, huwa b’mod partikolari indika li HF kienet ġiet informata, b’mod sħiħ u ddettaljat, bil-motivi li għalihom huwa kellu l-intenzjoni, fit‑8 ta’ Diċembru 2015, li jiċħad it-talba għal assistenza. Barra minn hekk, skont dan id-direttur, minn naħa, HF ma kellha ebda dritt suġġettiv għall-komunikazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni, ta’ opinjoni jew ta’ minuti tas-smigħ tax-xhieda stabbiliti mill-Kumitat Konsultattiv. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi direttur żamm mal-analiżi li huwa kien espona fl-ittra tat‑8 ta’ Diċembru 2015 u, għaldaqstant, iddeċieda li ma jirrikonoxxix li s-sitwazzjoni deskritta minn HF kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
17. |
Fis‑6 ta’ Settembru 2016, HF ressqet, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn ta’ dan l-ilment, hija invokat ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 41 tal-Karta, tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll irregolaritajiet fil-proċedura segwita mill-Kumitat Konsultattiv, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, il-ksur tal-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ksur tal-obbligu ta’ assistenza u tad-dmir ta’ premura. |
|
18. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2017, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad l-imsemmi lment. |
|
19. |
Fir-rigward tal-ilment ta’ HF dwar l-assenza ta’ komunikazzjoni, mill-ASTK, tar-rapport imħejji mill-Kumitat Konsultattiv u tal-minuti tas-smigħ tax-xhieda, is-Segretarju Ġenerali qies b’mod partikolari li, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Tzirani vs Il-Kummissjoni ( 5 ) u Cerafogli vs BĊE ( 6 ), ma kien hemm l-ebda obbligu, għall-ASTK, li tibgħat dawn id-dokumenti lil HF, b’mod partikolari peress li, fi ħdan il-Parlament, il-Kumitat Konsultattiv kellu jaħdem bl-ikbar kunfidenzjalità u peress li l-ħidma tiegħu kienet sigrieta. Issa, sabiex tkun żgurata l-libertà tal-espressjoni ta’ dawk kollha involuti, b’mod partikolari tax-xhieda, kien ikun impossibbli, għall-ASTK, li tibgħat dawn id-dokumenti lil HF. |
|
20. |
Fir-rigward tal-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, is-Segretarju Ġenerali kkonċeda li l-elementi mressqa minn HF setgħu jikkostitwixxu atti intenzjonali u rrepetuti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, huwa kkunsidra dan li ġej: “[M]a għandux jintesa li l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju [hija] s-superjur fil-ġerarkija [ta’ HF]. Issa, huwa fin-natura tal-funzjonijiet ta’ kap tal-unità li jfakkar lill-kollaboraturi tiegħu li dawn għandhom jobdu l-istruzzjonijiet tiegħu u jikkontribwixxu sabiex ikun hemm kollaborazzjoni bejn il-kollegi, il-kondiviżjoni xierqa tal-informazzjoni rilevanti fuq il-post tax-xogħol jew li jagħtu spjegazzjonijiet meta dawn ikunu assenti mil-laqgħat. Għalhekk, b’mod ġenerali, il-fatti invokati [minn HF] ma jidhrux li jikkostitwixxu abbuż minn kap tal-unità fil-konfront ta’ subordinat. Il-fatti jissuġġerixxu li, minflok, il-kap tal-unità kkunsidra li t-tmexxija tiegħu kienet tpoġġiet fid-dubju, u dan iġġenera tensjonijiet filwaqt li kien neċessarju li jsir intervent sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-servizz. L-allegat tmaqdir [ta’ HF] quddiem il-kollegi tagħha mingħajr possibbiltà li tiddefendi ruħha sar preċiżament waqt laqgħat li kellhom l-għan li tiġi diskussa d-disfunzjoni tas-servizz. Id-diskors attribwit lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, ċertament spjaċevoli, għalhekk għandu jitqiegħed f’dan il-kuntest ta’ tensjoni u ta’ disfunzjoni […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
B. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
21. |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ April 2017, HF ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-kumpens tad-dannu li kienet allegatament ġarrbet minħabba l-illegalitajiet imwettqa mill-ASTK fit-trattament tat-talba għal assistenza tagħha u għall-kundanna tal-Parlament għall-ispejjeż. |
|
22. |
Insostenn tat-talbiet għal annullament tagħha, HF invokat tliet motivi bbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 41 tal-Karta, tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju tal-kontradittorju, it-tieni wieħed, fuq żbalji proċedurali li jivvizzjaw il-proċedura segwita mill-Kumitat Konsultattiv sa fejn kienet irregolari u, it-tielet wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-obbligu ta’ assistenza u tad-dmir ta’ premura kif ukoll fuq ksur tal-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
23. |
Insostenn tat-talbiet għal kumpens tagħha, HF titlob il-ħlas ta’ EUR 70000 bħala kumpens għad-dannu morali li hija allegatament ġarrbet minħabba l-illegalitajiet imwettqa mill-ASTK fit-trattament tat-talba għal assistenza tagħha u ta’ EUR 20000 bħala kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-irregolaritajiet li affettwaw il-proċedura ta’ investigazzjoni, f’dan il-każ fir-rigward tal-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv. B’hekk, skont HF, l-ASTK kienet kisret b’mod partikolari l-prinċipju tat-terminu raġonevoli għat-trattament tat-talba għal assistenza tagħha. |
|
24. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat. |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
25. |
Permezz ta’ att tal‑10 ta’ Settembru 2018, HF ippreżentat dan l-appell kontra s-sentenza appellata. |
|
26. |
Permezz tal-appell tagħha, HF titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
27. |
Permezz tar-risposta tiegħu, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
28. |
Permezz tal-appell inċidentali tiegħu, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
29. |
Matul is-seduta li nżammet fit‑13 ta’ Novembru 2019, HF u l-Parlament ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom. |
V. Analiżi
|
30. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha żewġ appelli. Insostenn tal-appell prinċipali, HF tqajjem tliet aggravji li minnhom ser nindirizza biss, f’dawn il-konklużjonijiet, l-ewwel u t-tielet wieħed, konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn l-aggravji huma bbażati, rispettivament, fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dritt għal smigħ konformement mal-Artikolu 41 tal-Karta u fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti mill-Qorti Ġenerali. |
|
31. |
Barra minn hekk, il-Parlament ippreżenta appell inċidentali. Dan huwa bbażat fuq żewġ aggravji bbażati rispettivament fuq żewġ żbalji ta’ liġi, li l-ewwel wieħed jinsab fil-punt 81 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Parlament kien imissu bagħat lil HF l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv, filwaqt li t-tieni wieħed jinsab fil-punt 123 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma wettqitx biss analiżi tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni iżda wettqet analiżi tas-sempliċi żball ta’ evalwazzjoni. |
|
32. |
Ser nibda l-ewwel bl-eżami tal-ammissibbiltà tal-appell inċidentali qabel ma ngħaddi mbagħad għall-analiżi tal-ewwel u tat-tielet aggravju tal-appell prinċipali. |
A. Fuq l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali
|
33. |
Fil-fehma tiegħi l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-appell inċidentali għandha titqajjem ex officio. |
|
34. |
Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell jista’ jiġi ppreżentat minn kull parti li tkun tilfet parzjalment jew kompletament fit-talbiet tagħha. Din ir-regola, li tapplika għall-appelli kollha u għalhekk kemm għall-appell prinċipali kif ukoll għall-appell inċidentali, hija riflessa, fil-każ tal-ewwel, fl-Artikolu 169(1) u, fil-każ tat-tieni, fl-Artikolu 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, it-talbiet tal-appell inċidentali għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. |
|
35. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell ma jistax jikkonċerna biss l-oneru u l-ammont tal-ispejjeż. |
|
36. |
Fir-rigward tal-ewwel żewġ talbiet tal-appell inċidentali, dawn jikkonċernaw rispettivament l-annullament tas-sentenza appellata u ċ-ċaħda tal-appell. |
|
37. |
Madankollu nikkonstata li permezz ta’ dawn iż-żewġ talbiet, il-Parlament ma huwiex qiegħed jipprova jikseb, konformement mal-Artikolu 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fl-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet preċiżament ir-rikors ta’ HF u b’hekk it-talba ta’ din tal-aħħar għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Konsegwentement, il-Parlament mhux talli ma tilifx fit-talbiet tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali iżda rebaħ il-kawża, b’tali mod li l-ewwel żewġ talbiet tiegħu ma jissodisfawx il-kundizzjoni prevista fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 7 ). |
|
38. |
Permezz taż-żewġ aggravji ( 8 ) li invoka insostenn tal-appell inċidentali tiegħu, il-Parlament qiegħed fil-verità jipprova jikseb sostituzzjoni tal-motivi. |
|
39. |
Fil-fatt, il-Parlament irid jikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja li din tibdel l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 81 u 123 tas-sentenza appellata, jiġifieri tnejn mill-motivi ta’ din is-sentenza. Madankollu, tali talbiet ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ appell prinċipali jew inċidentali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Konsegwentement, dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
|
40. |
Ninnota li l-Parlament jidher li rrikonoxxa dan, minn tal-inqas b’mod impliċitu, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Bi tweġiba għal mistoqsija orali min-naħa ta’ din tal-aħħar, il-Parlament fil-fatt indika li kien qiegħed jirrinunzja għall-ewwel żewġ talbiet tiegħu. |
|
41. |
Fir-rigward tat-tielet talba dwar l-ispejjeż, din hija inammissibbli għaliex appell ma jistax jikkonċerna biss l-ispejjeż, kif jistabbilixxi l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
42. |
Ngħid ukoll li, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament sostna li ma kienx korrett li huwa ġie kkundannat ibati kwart mill-ispejjeż ta’ HF, u dan minħabba l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 81 tas-sentenza appellata u li huwa kien għalhekk qiegħed jitlob l-annullament ta’ dan il-punt. |
|
43. |
Apparti l-fatt li hija inammissibbli sa fejn tikkonċerna biss motiv tas-sentenza appellata ( 9 ), din it-talba fi kwalunkwe każ ma tistax tintlaqa’ għaliex hija marbuta ma’ talba li tikkonċerna biss l-oneru u l-ammont tal-ispejjeż. |
|
44. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala inammissibbli. |
B. Fuq l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali
|
45. |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha HF issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li “huwa mingħajr ma kisret id-dritt għal smigħ, kif imsemmi fl-Artikolu 41 tal-[Karta], li l-ASTK, f’dan il-każ, irrifjutat li tibgħat lir-rikorrenti d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda fil-fażi prekontenzjuża”. HF issostni li, meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 41(2) tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 12a(1) u l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont HF, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ukoll lilha nnifisha u ma tatx motivazzjoni valida għall-pożizzjoni tagħha. |
|
46. |
HF issostni, fl-ewwel lok, li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata dwar id-dritt għal smigħ li l-Qorti Ġenerali użat bħala bażi sabiex iddeċidiet li l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv kellha tiġi kkomunikata lilha japplikaw ukoll għall-kwistjoni tal-għoti lil din tal-aħħar tal-minuti tas-smigħ. Peress li l-Parlament ibbaża ruħu fuq dawn il-minuti sabiex adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, huma kien imisshom ġew ikkomunikati lil HF sabiex din tkun tista’ tinstema’ b’mod utli. |
|
47. |
Fit-tieni lok, HF tikkontesta l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 83 sa 85 tas-sentenza appellata sabiex tiġġustifika l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-minuti tas-smigħ, billi tibbaża ruħha fuq iż-żewġ argumenti segwenti. |
|
48. |
L-ewwel nett, l-għan li titrawwem is-serenità fi ħdan id-dipartiment, li jirrikjedi li dawn il-minuti jinżammu kunfidenzjali, ma jistax, skont HF, jiġi ggarantit b’mod inkundizzjonat, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan l-ieħor segwit mill-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal jiġu protetti kontra l-fastidju. |
|
49. |
It-tieni nett, il-protezzjoni tal-anonimat tax-xhieda, fl-interess tal-istess rekwiżit ta’ kunfidenzjalità, lanqas ma tista’ tiġġustifika l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-minuti tas-smigħ. Kien possibbli li dawn tal-aħħar jiġu anonimizzati, kif barra minn hekk sar fir-rigward tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv. |
|
50. |
Fl-aħħar lok, HF tesponi li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha meta ddeċidiet li l-minuti tas-smigħ ma kellhomx jintbagħtu lilha filwaqt li indikat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li l-ASTK ma bbenefikatx biss mill-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv, anki jekk f’forma qasira, iżda wkoll minn dawn il-minuti li kienu jipprovdu perspettiva ġenerali u ddettaljata tar-realtà tal-fatti kkontestati. Skont HF, il-Qorti Ġenerali b’hekk irrikonoxxiet l-utilità ta’ dawn il-minuti sabiex tiġi kkompletata din l-opinjoni. HF iżżid li mill-punt 90 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ukoll li hija kienet ressqet argumenti ġodda bbażati fuq l-imsemmija minuti. Minn dan jirriżulta, skont HF, li dawn l-argumenti kien imisshom tqiesu bħala argumenti li seta’ jkollhom impatt fuq id-deċiżjoni kontenzjuża u li l-annullament ta’ din tal-aħħar kellu jiġi ammess. |
|
51. |
Min-naħa tiegħu, il-Parlament isostni li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud u jsostni, b’mod partikolari, li r-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità jikkostitwixxi limitu leġittimu għad-dritt għal smigħ. Il-kunfidenzjalità tax-xhieda hija indispensabbli sabiex il-persuni kkonċernati jaċċettaw li jixhdu volontarjament u, għalhekk, sabiex l-investigazzjonijiet ikunu jistgħu jitmexxew tajjeb. Il-Parlament iżid li l-awtur tat-talba għal assistenza ma jibbenefikax minn protezzjoni legali wiesgħa daqs dik mogħtija fil-kuntest tad-drittijiet tad-difiża. |
|
52. |
Jiena nqis, għall-kuntrarju tal-Parlament, li dan l-ewwel aggravju huwa fondat u li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li din l-istituzzjoni ma kinitx obbligata tikkomunika lil HF il-minuti tas-smigħ sabiex tisma’ lil HF b’mod utli qabel ċaħdet it-talba għal assistenza tagħha. |
|
53. |
Ser neżamina dan l-aggravju billi nfakkar il-portata tad-dritt għal smigħ fid-dawl tad-drittijiet tad-difiża u tal-problema marbuta mal-kunfidenzjalità tax-xhieda, qabel ma nislet il-konklużjonijiet li jirriżultaw minn dan fir-rigward tal-fatt li ntbagħtu l-minuti tas-smigħ lil HF. |
|
54. |
Infakkar li d-dritt ta’ kull persuna għal smigħ huwa sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba. Dan tal-aħħar jinkludi, minbarra dan id-dritt għal smigħ ( 10 ), b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, b’osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità ( 11 ), u l-obbligu tal-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha ( 12 ). |
|
55. |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal smigħ jeżisti anki fl-assenza ta’ kull regola interna li tipprevedih b’mod espliċitu u jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tressaq il-pożizzjoni tagħha, b’mod utli u effettiv, matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tagħha ( 13 ). Il-persuna li tkun ikkonċernata b’dan il-mod għandha tkun tista’ tesprimi l-osservazzjonijiet tagħha sabiex l-awtorità kompetenti tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod utli l-elementi rilevanti kollha u tkun tista’ tieħu d-deċiżjoni tagħha b’għarfien sħiħ tal-kawża ( 14 ). Din l-istess persuna għandha tkun tista’ tikkorreġi żball jew issostni ċerti elementi li fil-fehma tagħha jkunu importanti ( 15 ). |
|
56. |
Nenfasizza li d-dritt għal smigħ jagħmel parti integrali mid-drittijiet tad-difiża ( 16 ). Għaldaqstant, ma hemmx lok li dawn iż-żewġ kunċetti jitqiegħdu kontra xulxin billi jiġi sostnut, kif għamel il-Parlament, li l-awtur tat-talba għal assistenza ma jibbenefikax minn protezzjoni legali wiesgħa daqs dik mogħtija fil-kuntest tad-drittijiet tad-difiża. |
|
57. |
Għalhekk, id-dritt għal smigħ japplika meta l-amministrazzjoni tipproponi li twettaq fil-konfront ta’ persuna att li jikkawżalha preġudizzju ( 17 ) u ma huwiex meħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun il-konvenut jew, f’dan il-każ, il-persuna li allegatament wettqet il-fastidju sabiex tibbenefika minn dan id-dritt. |
|
58. |
Minn dan isegwi, kif barra minn hekk osservat b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, li HF kellha d-dritt għal smigħ b’mod utli qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tikkawżalha preġudizzju. |
|
59. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement implimentat il-ġurisprudenza tagħha dwar id-dritt għal smigħ fis-sentenza OZ vs BEI ( 18 ), fil-kuntest ta’ tilwima fil-qasam tal-fastidju li kienet timplika uffiċjali Ewropej. |
|
60. |
F’din is-sentenza dwar ilment minħabba fastidju sesswali mressaq minn impjegata tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorrenti kienet intitolata, sabiex tkun tista’ tippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha lill-Bank qabel dan jieħu deċiżjoni dwar l-ilment tagħha, li tirċievi, minn tal-inqas, sunt tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata bil-fastidju u tad-diversi xhieda li nstemgħu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dan kellu jkun il-każ sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet kienu ntużaw fir-rapport ippreżentat lill-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment u kienu jinkludu rakkomandazzjonijiet li fuqhom dan tal-aħħar kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu li tiċħad l-ilment ( 19 ). |
|
61. |
Inqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kompletament applikabbli għal din il-kawża. |
|
62. |
Sa fejn il-minuti tas-smigħ ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-ASTK għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, HF kellha tkun tista’ tesprimi ruħha dwarhom. |
|
63. |
Fadal li jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ dawn ix-xhieda setgħetx tikkostitwixxi limitu għall-komunikazzjoni ta’ dawn il-minuti. |
|
64. |
F’dan ir-rigward, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fil-punt 57 tas-sentenza OZ vs BEI li l-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-persuni li nstemgħu kellha titwettaq “fl-osservanza, skont il-każ, tal-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità” ( 20 ). |
|
65. |
Nenfasizza li l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, li huwa marbut mad-dritt għal smigħ, jiggarantixxi d-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, b’osservanza, madankollu, tal-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali. |
|
66. |
Madankollu, il-kunfidenzjalità ma timplikax dritt għal sigriet. Anki meta l-kwistjoni tikkonċerna s-sigurtà tal-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-ħtieġa, sabiex jitħarsu d-drittijiet tad-difiża, li lill-persuna kkonċernata tiġi kkomunikata minn tal-inqas is-sustanza tal-motivi ta’ deċiżjoni ( 21 ). |
|
67. |
Fil-punt 83 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li l-amministrazzjoni tista’ tipprevedi l-possibbiltà li tiggarantixxi lix-xhieda, li jaċċettaw li jagħmlu d-depożizzjonijiet tagħhom dwar il-fatti kontenzjużi f’allegat każ ta’ fastidju, li d-depożizzjonijiet tagħhom jibqgħu kunfidenzjali, fir-rigward kemm tal-persuna li allegatament wettqet il-fastidju u kemm fir-rigward tal-allegata vittma, minn tal-inqas fil-kuntest tal-proċedura segwita għat-trattament ta’ talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
68. |
Inqis li x-xhieda li jaċċettaw li jieħdu sehem volontarjament fil-proċedura ta’ investigazzjoni jistgħu, fil-fatt, ikunu jixtiequ li l-identità tagħhom ma tiġix żvelata u li ma tkunx tista’ tiġi dedotta mill-fatti msemmija fid-depożizzjonijiet tagħhom. |
|
69. |
Fil-fehma tiegħi, dan it-tħassib huwa leġittimu, ikunu xi jkunu r-raġunijiet tax-xhieda, u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, sa fejn ikun possibbli, mill-amministrazzjoni, u dan anki jekk għall-finijiet biss li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni ta’ persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni utli għall-istabbiliment tal-fatti. |
|
70. |
Madankollu, għandu jinstab bilanċ bejn l-interess tax-xhieda li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-depożizzjonijiet tagħhom u d-dritt tal-awtur tat-talba għal assistenza li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu b’mod utli dwar il-kontenut ta’ dawn id-depożizzjonijiet. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma għandux jiġi mċaħħad mill-konoxxenza tal-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tiċħad it-talba għal assistenza tiegħu. |
|
71. |
B’dan il-għan, jistgħu jintużaw ċerti tekniki, bħalma huma l-anonimizzazzjoni jew, bħal fis-sentenza OZ vs BEI, l-iżvelar tas-sustanza tad-depożizzjonijiet fil-forma ta’ sunt, jew inkella, kif sar f’dan il-każ fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-ħabi ta’ ċerti partijiet tal-kontenut ta’ dawn id-depożizzjonijiet. |
|
72. |
Fil-fehma tiegħi, l-osservanza tal-kunfidenzjalità setgħet tiġi żgurata f’din il-kawża qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-ASTK bl-użu tal-istess tekniki ta’ anonimizzazzjoni u ta’ ħabi bħal dawk li ntużaw matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
73. |
Il-komunikazzjoni ta’ verżjoni anonimizzata tal-minuti, parzjalment moħbija biss, bħal dik li ġiet ordnata mill-Qorti Ġenerali, kienet iktar importanti minħabba li l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv kienet qasira ħafna. |
|
74. |
Fil-fatt, minn naħa, din l-opinjoni kien fiha biss żewġ paġni li kienu jinkludu lista anonimizzata tax-xhieda li nstemgħu u tliet punti li jiddeskrivu fil-qosor il-pożizzjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Min-naħa l-oħra, kif il-Qorti Ġenerali stess osservat fil-punt 89 tas-sentenza appellata, din in-natura qasira kienet ikkumpensata mill-minuti tas-smigħ tax-xhieda li għalihom setgħet tirreferi l-ASTK sabiex tikseb perspettiva ġenerali u ddettaljata tar-realtà tal-fatti. |
|
75. |
F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li HF ingħatat ir-raġunijiet li l-ASTK kellha l-intenzjoni tinvoka insostenn taċ-ċaħda tat-talba għal assistenza tagħha. Kif sostniet HF, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju ma jistax jitqies li huwa l-istess bħad-dritt tal-persuna kkonċernata għal smigħ ( 22 ). Dan id-dritt jirrikjedi li l-awtur tat-talba għal assistenza jkollu, barra minn hekk, aċċess, b’osservanza tal-kunfidenzjalità, għad-depożizzjonijiet li fuqhom l-ASTK tkun ibbażat ruħha sabiex l-awtur ikun jista’ jindika jekk l-elementi kkonstatati matul l-investigazzjoni kinux rilevanti u jekk elementi oħra setgħux, fil-fehma tiegħu, jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
|
76. |
Inqis, konsegwentement, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-ASTK ma kisritx id-dritt għal smigħ, kif previst fl-Artikolu 41 tal-Karta, meta, f’dan il-każ, irrifjutat li tgħaddi lil HF il-minuti tas-smigħ tax-xhieda fil-fażi prekontenzjuża. Sa fejn id-deċiżjoni li tiċħad it-talba għal assistenza ta’ HF tikkawża preġudizzju lil din tal-aħħar, inqis li l-elementi li fuqhom il-Parlament ibbaża ruħu sabiex jieħu din id-deċiżjoni, f’dan il-każ is-smigħ tax-xhieda, kellhom jitressqu għall-għarfien ta’ HF, minn tal-inqas b’mod anonimizzat fil-forma ta’ sunt, sabiex din tal-aħħar kienet tkun tista’ tinstema’ b’mod utli dwar dawn l-elementi qabel ma l-Parlament jieħu d-deċiżjoni tiegħu. Dan l-iżball għandu jitqies li huwa ta’ natura li jista’ jkollu effett fuq id-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
77. |
Dan ifisser li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’. |
|
78. |
Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata. |
|
79. |
Minkejja li l-fondatezza ta’ dan l-ewwel aggravju tiġġustifika, fiha nnifisha, annullament tas-sentenza appellata, inqis li, barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat it-tielet aggravju mqajjem minn HF, sa fejn jikkonċerna l-mertu tat-tilwima u jista’ jikkostitwixxi, favur HF, it-tieni raġuni għall-annullament tas-sentenza appellata. |
C. Fuq it-tielet aggravju tal-appell prinċipali
|
80. |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, HF issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 12a(1) u (3) u l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-Artikolu 31(1) tal-Karta meta kkonkludiet, fil-punti 158, 164 u 166 tas-sentenza appellata, li l-aġir tal-Kap tal-Unità ma kienx abbużiv u li l-Parlament kien ċaħad it-talba għal assistenza tagħha b’mod validu u mingħajr ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni. Skont HF, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha u adottat evalwazzjonijiet li jmorru kontra l-ġurisprudenza tagħha stess. |
|
81. |
Insostenn ta’ dan l-aggravju, HF tinvoka erba’ argumenti li ser neżamina f’dan l-ordni: fl-ewwel lok, l-ewwel u r-raba’ argument, li fil-fehma tiegħi huma inammissibbli sa fejn jikkonċernaw evalwazzjoni tal-fatti, fit-tieni lok, it-tielet argument, li fil-fehma tiegħi huwa manifestament infondat u, fl-aħħar lok, it-tieni argument, li fil-fehma tiegħi jqajjem punt ta’ liġi li ser neżamina f’iktar dettall. |
|
82. |
Permezz tal-ewwel argument tagħha, HF issostni li mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 141, 143, 144, 158 u 163 tas-sentenza appellata dwar l-użu mill-Kap tal-Unità ta’ ton mhux xieraq, li jista’ kultant jidher pjuttost familjari jew inqas elaborat, dwar il-ġestjoni diffiċli tiegħu, xi drabi goffa, ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt u dwar l-aġir partikolarment dirett u spuntat, jew anki sarkastiku jew saħansitra ta’ ċerta aggressività, jirriżulta li l-Kap tal-Unità kellu aġir abbużiv. B’konsegwenza ta’ din il-konstatazzjoni, skont HF, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li ma kienx hemm fastidju psikoloġiku. |
|
83. |
Nosserva li HF ma hijiex qiegħda tikkritika d-deskrizzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali iżda qiegħda tislet konklużjoni differenti minnhom. Hija tqis li, fid-dawl tad-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif imfakkra fil-punt 119 tas-sentenza appellata, din id-deskrizzjoni kellha neċessarjament twassal għal konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku. |
|
84. |
F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku huwa ddefinit fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal bħala kull imġiba abbużiva li titwettaq fit-tul, b’mod irrepetut jew b’mod sistematiku permezz ta’ aġir, kliem, atti, ġesti u kitbiet li jkunu intenzjonali u li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Il-Qorti Ġenerali tagħmel żewġ preċiżazzjonijiet dwar dan il-kunċett fil-punti 119 u 120 tas-sentenza appellata. L-ewwel nett, il-kliem “li ssir tul perjodu, hija ripetittiva jew sitematika” jimplika li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li neċessarjament iseħħ matul iż-żmien u jeħtieġ l-eżistenza ta’ aġir “intenzjonali”, għall-kuntrarju ta’ “aċċidentali”. It-tieni nett, sabiex jaqa’ taħt dan il-kunċett, dan l-aġir għandu jkollu l-effett li jippreġudika l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit li l-persuna li allegatament wettqet il-fastidju aġixxiet b’dan il-mod bl-intenzjoni li tipproduċi tali effett. |
|
85. |
Inqis li dawn il-preċiżazzjonijiet, li jipproduċu ġurisprudenza stabbilita kemm tal-Qorti Ġenerali kif ukoll tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ( 23 ), huma kompletament fondati. |
|
86. |
Nenfasizza li minn din id-definizzjoni ta’ fastidju psikoloġiku ma jirriżultax li l-istabbiliment ta’ ċerti fatti awtomatikament iwassal għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali fastidju. Għall-kuntrarju, dan il-fastidju għandu jirriżulta minn evalwazzjoni fid-dettall tal-fatti li tikkonsisti, fl-ewwel lok, f’verifika ta’ jekk l-aġir ikkritikat ikkunsidrat individwalment jippermettix il-konklużjoni li hemm fastidju psikoloġiku u, fit-tieni lok, jekk ikun il-każ, f’verifika ta’, jekk eżaminat globalment, dan l-aġir iwassalx għal tali konstatazzjoni. |
|
87. |
Issa, fl-assenza ta’ żnaturament tal-fatti jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, li ma humiex allegati minn HF, hija l-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, li għandha tevalwa jekk il-fatti kkonstatati jikkostitwixxux fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali b’dik tagħha ( 24 ). |
|
88. |
Sabiex twettaq din l-evalwazzjoni, din tal-aħħar irreferiet għat-test imfakkar, ġustament fil-fehma tiegħi, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-klassifikazzjoni ta’ “fastidju” hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan il-fastidju jkollu realtà oġġettiva suffiċjenti, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, b’sensittività normali u mqiegħed fl-istess kundizzjonijiet, iqis li l-aġir jew l-att inkwistjoni huwa eċċessiv jew kritikabbli ( 25 ). |
|
89. |
B’hekk, permezz tal-ewwel argument tagħha, HF qiegħda fil-verità tipprova tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja li din tal-aħħar twarrab l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali u tissostitwixxiha bl-evalwazzjoni tagħha stess. |
|
90. |
Inqis, konsegwentement. li dan l-ewwel argument huwa inammissibbli. |
|
91. |
Permezz tar-raba’ argument tagħha, HF issostni li, fil-punti 156 u 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, eskludiet li l-aġir tal-Kap tal-Unità jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, għar-raġuni li dan l-aġir kien jikkonċerna l-persuni kollha f’din l-unità u ma kienx indirizzat biss kontra tagħha. Dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa kuntrarju għal dak segwit fil-punt 89 tas-sentenza Tzirani vs Il-Kummissjoni ( 26 ). |
|
92. |
Fil-fehma tiegħi, HF qiegħda taqra b’mod żbaljat il-punti 156 u 160 tas-sentenza appellata u qiegħda tiċċita fil-kuntest żbaljat is-sentenza Tzirani vs Il-Kummissjoni. |
|
93. |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx li t-theddida ma setgħetx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal fuq il-bażi biss tan-natura kollettiva tagħha. Filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni din it-theddida, hija ddeċidiet, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li HF kienet xorta waħda naqset milli tipprova r-realtà ta’ theddida li l-Kap tal-Unità kien allegatament esprima speċifikament fil-konfront tagħha fir-rigward tat-tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha. |
|
94. |
Fis-sentenza Tzirani vs Il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva li “sabiex jiġu evitati akkużi ta’ fastidju fir-rigward ta’ persuna, il-persuna li allegatament tagħti fastidju, minflok ma ttemm l-imġiba ħażina, tista’ testendi l-imġiba tagħha għal numru ikbar ta’ persuni, li huwa evidentement assurd”. B’hekk dan it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li persuna ma setgħetx, billi tinħeba wara theddida kollettiva indirizzata lil grupp ta’ persuni, taħbi dak li fil-verità kien aġir indirizzat lil persuna partikolari. Nenfasizza, madankollu, li minn dan ma jirriżultax li kull kritika kollettiva hija fil-verità kritika indirizzata lil persuna speċifika. |
|
95. |
Hawnhekk, għal darba oħra, huwa involut punt ta’ fatt. Issa, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li jagħmel riferiment għall-punt 135 tagħha, ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali żnaturat dawn il-fatti. |
|
96. |
Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, dan ir-raba’ argument għandu jitwarrab bħala inammissibbli sa fejn, bħall-ewwel argument, fil-verità ma jikkonċernax punt ta’ liġi iżda evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali. |
|
97. |
Permezz tat-tielet argument tagħha, HF issostni li, fil-punti 141 u 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kklassifikat bħala aċċidentali ċerti ġesti u ċerti kitbiet tal-Kap tal-Unità. Issa, fil-fehma ta’ HF, filwaqt li kliem jista’ jkun aċċidentali, dan materjalment ma jistax ikun il-każ għal ġesti u kitbiet. |
|
98. |
Bl-esklużjoni ta’ dawn tal-aħħar mill-kunċett ta’ “aċċidentali”, HF qiegħda tipproponi, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett li ma hija bbażata fuq ebda bażi. L-istess bħall-kliem, il-ġest għandu natura rapida u effimera li jista’ jmur lil hinn mill-ħsieb. Huwa minnu li l-kitba taqa’ f’perijodu ta’ żmien itwal, iżda ma hemm xejn li jwaqqafha milli tmur ukoll lil hinn mill-ħsieb tal-awtur. Huwa preċiżament minħabba din ir-raġuni li d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tipprevedi, kemm għall-ġesti u l-kitbiet u kemm għall-kliem, li dawn għandhom jitwettqu fit-tul, u għandhom ikunu rrepetuti jew sistematiċi sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku. |
|
99. |
Permezz ta’ dan l-argument, HF qiegħda tipprova tikseb klassifikazzjoni mill-ġdid, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-ġesti u tal-kitbiet tal-Kap tal-Unità bħala “intenzjonali” u mhux bħala “aċċidentali”, mingħajr lanqas tipprova turi din l-affermazzjoni fil-fatti. Hija ssostni li dawn il-ġesti għalhekk għandhom din il-kwalità min-natura tagħhom. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan l-argument jidhirli li huwa manifestament infondat. |
|
100. |
Permezz tat-tieni argument tagħha, HF issostni li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-“kuntest” li kien hemm fi ħdan l-unità, fil-punti 143, 144, 158 u 159 tas-sentenza appellata, meta l-fastidju huwa pprojbit mingħajr kundizzjoni u irrispettivament mill-kuntest. Meta ħadet inkunsiderazzjoni dan il-“kuntest”, filwaqt li rrikonoxxiet li l-aġir tal-persuna li allegatament wettqet il-fastidju kellu natura minn tal-inqas mhux xierqa, il-Qorti Ġenerali neċessarjament kisret l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-Artikolu 31 tal-Karta. |
|
101. |
Fir-risposta tiegħu, il-Parlament isostni li l-kuntest li fih iseħħ l-aġir inkwistjoni għandu importanza kapitali. |
|
102. |
Fil-fehma tiegħi, dan it-tieni argument juri d-diffikultà li jista’ jkun hemm sabiex issir distinzjoni bejn dak li jaqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fatti, li, ħlief fil-każ ta’ żnaturament jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali biss, u dak li jikkostitwixxi punt ta’ liġi, li jista’ jiġi suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. |
|
103. |
Fil-fatt, sa fejn il-kuntest kien jikkonċerna essenzjalment il-fatti tal-kawża, huwa jqajjem prinċipalment kwistjoni ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti. Barra minn hekk, HF ammettiet, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma kienx possibbli li jiġi injorat kompletament il-kuntest tal-kawża. |
|
104. |
Madankollu, skont HF, il-fatt li ma kienx hemm biżżejjed impjegati, il-volum kbir ta’ xogħol, ir-riorganizzazzjoni tad-dipartiment u t-tqassim ħażin tal-funzjonijiet fi ħdan l-unità ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. It-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom iwassal sabiex jiżdied fattur li ma huwiex previst fid-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku, fl-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jintuża sabiex aġir abbużiv jiġi eskluż mill-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku billi jiġi ġġustifikat mill-kuntest tiegħu. |
|
105. |
Minn din il-perspettiva, il-kwistjoni ta’ jekk ċerti tipi ta’ fatti jistgħux jew le jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-fastidju psikoloġiku, jew jekk jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sa ċertu punt biss, tqajjem, fil-fehma tiegħi, punt ta’ liġi. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt il-kuntest fattwali jidħol fil-klassifikazzjoni legali tal-fastidju psikoloġiku. |
|
106. |
F’dan id-dawl, kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 123 tas-sentenza appellata, għandu jiġi enfasizzat li d-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tikkostitwixxi kunċett oġġettiv li huwa bbażat fuq “klassifikazzjoni kuntestwali” ta’ atti u ta’ aġir ta’ terzi, f’dak il-każ ta’ uffiċjali u ta’ membri tal-persunal. Il-kwistjoni ta’ jekk persuna kinitx suġġetta għal sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku tirrikjedi, għalhekk, li jiġi evalwat l-aġir ikkonċernat f’kuntest partikolari. |
|
107. |
B’hekk, l-evalwazzjoni oġġettiva tal-aġir ikkritikat ma tistax titwettaq b’mod purament astratt u għalhekk lil hinn mill-kuntest, iżda teħtieġ, għall-kuntrarju, li dan l-aġir jiġi evalwat b’mod konkret billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih twettaq. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-test imfakkar fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirreferi għal osservatur imparzjali u raġonevoli, b’sensittività normali u mqiegħed fl-istess kundizzjonijiet. Din l-espressjoni tal-aħħar timplika, fil-fehma tiegħi, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-aġir inkwistjoni. |
|
108. |
Il-kwistjoni li tqum hija dik ta’ liema kuntest huwa rilevanti. |
|
109. |
Inqis li għandha ssir distinzjoni skont jekk il-kuntest huwiex estern għall-persuna li allegatament wettqet il-fastidju, f’dan il-każ il-Kap tal-Unità, jew jekk il-kuntest jirriżultax, jew saħansitra huwiex ipprovokat, mill-attitudni ta’ dan tal-aħħar. |
|
110. |
Fost l-eżempji ta’ kuntest imsemmija minn HF u esposti fil-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-fatt li ma kienx hemm biżżejjed impjegati, il-volum kbir ta’ xogħol u r-riorganizzazzjoni tad-dipartiment humiex esterni għall-Kap tal-Unità jew jekk, għall-kuntrarju, it-tqassim ħażin tal-funzjonijiet fi ħdan l-unità kienx imputabbli lilu. |
|
111. |
Fil-fehma tiegħi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika r-realtà ta’ dawn l-eżempji, li għandha tistabbilixxi f’liema kategorija għandhom jiġu kklassifikati u x’importanza għandhom jingħataw, jekk ikun il-każ. |
|
112. |
F’dan il-każ, HF takkuża lill-Qorti Ġenerali li rreferiet għall-kuntest fil-punti 143, 144, 158 u 159 tas-sentenza appellata. |
|
113. |
Nosserva li f’dawn l-erba’ punti, il-Qorti Ġenerali ssemmi l-“kuntest amministrattiv diffiċli”, id-“diffikultajiet ta’ funzjonament tas-servizz, wara r-ristrutturar tiegħu” u l-“eżistenza ta’ diffkultajiet organizzattivi”. |
|
114. |
Jekk id-diffikultajiet, ikkonstatati b’dan il-mod, fi ħdan id-dipartiment kienu dovuti għall-personalità tal-Kap tal-Unità, għall-eventwali nuqqas ta’ esperjenza tiegħu jew għal ġestjoni inkompetenti, dawn id-diffikultajiet ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, iservu bħala ġustifikazzjoni għall-aġir inkwistjoni. Għall-kuntrarju, huma jistgħu jenfasizzaw in-natura eċċessiva jew abbużiva tagħhom u jistgħu jidentifikaw aġir li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku. |
|
115. |
Jekk dawn id-diffikultajiet joriġinaw għall-kuntrarju mir-ristrutturazzjoni tal-unità, li ma kinitx dovuta għal deċiżjoni amministrattiva li tista’ tiġi kkontestata tal-Kap tal-Unità iżda setgħet tidher bħala oġġettivament neċessarja, dawn id-diffikultajiet għandhom, fil-fehma tiegħi, jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-kuntest estern għal dan tal-aħħar. Huma jistgħu wkoll, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni u jista’ jkollhom rwol ftit jew xejn importanti sabiex tiġi evalwata n-natura eċċessiva jew abbużiva tal-aġir ikkritikat. |
|
116. |
B’hekk, inqis, għall-kuntrarju ta’ HF, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta rreferiet għall-kuntest. |
|
117. |
Inqis, għaldaqstant, li t-tieni argument imqajjem minn HF ma huwiex fondat. |
|
118. |
Minn dan jirriżulta li t-tielet aggravju tal-appell prinċipali għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
D. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
119. |
Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament it-tilwima hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
120. |
Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza OZ vs BEI, inqis li dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, jimplika l-annullament ta’ deċiżjoni fi tmiem proċedura fil-każ biss li, fl-assenza ta’ din l-irregolarita, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ minn tal-inqas sunt tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata li wettqet il-fastidju u tad-diversi xhieda kienet affettwat b’mod inevitabbli kemm il-kontenut tar-rapport tal-Kumitat ta’ Investigazzjoni u kemm il-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża, b’tali mod li dan ir-rapport kif ukoll din id-deċiżjoni setgħu raġonevolment wasslu għal riżultat differenti ( 28 ). |
|
121. |
Inqis li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-minuti tas-smigħ tax-xhieda f’din il-kawża għandu jitqies, fih innifsu, bħala li jikkostitwixxi irregolarità li tista’ taffettwa b’mod simili l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv u, għalhekk, id-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
122. |
Kif indikajt fil-punti 62 u 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn il-minuti ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-ASTK għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u r-rwol tagħhom kien iktar u iktar importanti minħabba li l-opinjoni kienet biss dokument qasir ħafna. |
|
123. |
Nixtieq nenfasizza, b’mod partikolari, li kieku HF ingħatat il-possibbiltà li tinstema’ b’mod utli dwar id-diversi elementi tal-kuntest, kif jinsabu fil-minuti tas-smigħ li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-ASTK, ma jistax jiġi eskluż li kienu jingħataw piż differenti, li setgħet twassal lill-ASTK sabiex tadotta deċiżjoni favur it-talba għal assistenza mressqa minn HF. |
|
124. |
Fir-rigward tat-talbiet għal kumpens imsemmija fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis, irrispettivament mit-tieni aggravju u mingħajr preġudizzju għall-fondatezza tiegħu, li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jikkostitwixxi kumpens adegwat għal kwalunkwe dannu morali li HF setgħet ġarrbet f’dan il-każ. It-talbiet għal kumpens intiżi għall-kumpens ta’ dan id-dannu morali huma għalhekk mingħajr skop u ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwarhom. |
E. Fuq l-ispejjeż
|
125. |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
126. |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
127. |
Peress li l-Parlament tilef fir-rigward tal-parti essenzjali tat-talbiet tiegħu, huwa għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn HF u marbuta, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar, kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza u kemm mal-proċedura tal-appell. |
VI. Konklużjoni
|
128. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) T‑218/17, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:393.
( 3 ) Sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, iktar ’il quddiem is-sentenza OZ vs BEI, EU:C:2019:289, punt 53).
( 4 ) Ara l-punti 1 sa 33 tas-sentenza appellata.
( 5 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013 (F‑46/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tzirani vs Il-Kummissjoni, EU:F:2013:115.)
( 6 ) Sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2015 (T‑114/13 P, EU:T:2015:678).
( 7 ) Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa u Il-Pajjiżi Baxxi vs Al-Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 43 u 44); tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punti 32 sa 34); tal‑21 ta’ April 2016, Il-Kunsill vs Bank Saderat Iran (C‑200/13 P, EU:C:2016:284, punti 114 u 115); kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services (C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punti 41 u 42).
( 8 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 9 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.
( 11 ) Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.
( 12 ) Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta.
( 13 ) Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punt 21); tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 36 sa 38); tat‑22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87); tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35); tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 38); tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 46); kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 36).
( 14 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017, M (C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 32).
( 15 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 47).
( 16 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 82).
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 36 u 37).
( 18 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ninnota li din is-sentenza ngħatat wara s-sentenza appellata.
( 19 ) Ara s-sentenza OZ vs BEI, punt 57.
( 20 ) Ara wkoll, fir-rigward tad-dritt għal smigħ fi proċedura li tinvolvi l-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 25).
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punti 64, 65 u 68).
( 22 ) L-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi wieħed mill-aspetti tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta.
( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2017, HQ vs CPVO (T‑592/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:897, punt 101); tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament (F‑12/13, EU:F:2014:214, punti 76 u 77); tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Cantisani vs Il-Kummissjoni (F‑71/10, EU:F:2012:71, punt 89); kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il-Parlament (T‑275/17, EU:T:2018:479, punti 76 u 77).
( 24 ) Konformement mal-Artikolu 256 TFUE, l-appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu limitati għall-punti ta’ liġi. L-appellant ma jistax, konsegwentement, jikseb sostituzzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali bl-evalwazzjoni tagħha. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali biss hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, kif ukoll sabiex tevalwa l-provi prodotti. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma hijiex, għalhekk, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2017, Zucchetti Rubinetteria vs Il-Kummissjoni (C‑618/13 P, EU:C:2017:48, punt 68); u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion (C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 79)).
( 25 ) Dan it-test jirriproduċi ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tal-Qorti Ġenerali. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni (F‑42/10, EU:F:2012:64, punt 65); tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament (F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 78); kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il-Parlament (T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 78).
( 26 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 27 ) Sentenza OZ vs BEI, punt 76.
( 28 ) Sentenza OZ vs BEI, punt 78.