SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

30 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Deroga – Artikolu 1(3) – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 2(2) – Attivitajiet tal-iskwadra ta’ intervent tal-pulizija”

Fil-Kawża C‑211/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Miskolci Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Miskolc, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

UO

vs

Készenléti Rendőrség,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, E. Juhász u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UO, minn I. Balázs, kamarai jogtanácsos,

għall-Készenléti Rendőrség, minn A. Kenyhercz, kamarai jogtanácsos,

għall-Gvern Ungeriż, minn G. Koós, Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas, M. van Beek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), kif ukoll tal-Artikolu 1(3) u tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UO u l-Készenléti Rendőrség (l-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija, l-Ungerija), dwar ir-remunerazzjoni dovuta għall-perijodi ta’ servizz fi stat ta’ disponibbiltà mwettqa minnu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 89/391

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

Id-Direttiva 2003/88

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Diretiva tapplika għal:

(a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

(b)

ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

[…]”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.

‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]”

6

L-Artikolu 17(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

[…]

(ċ)

fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa, partikolarment:

[…]

(iii)

servizzi ta’ l-istampa, tar-radju, tat-televiżjoni, tal-produzzjoni ċinematografika, tal-posta jew tat-telekommunikazzjonijiet, ta’ l-ambulanza, servizzi tal-protezzjoni tan-nar jew ċivili;

[…]

[…]”

Id-dritt Ungeriż

7

L-Artikolu 102(1) tar-rendvédelmi feladatokat ellátó szervek hivatásos állományának szolgálati jogviszonyáról szóló 2015. évi XLII. törvény (il-Liġi Nru XLII tal-2015 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal Professjonali tal-Korpi Responsabbli għaż-Żamma tal-Ordni) jipprovdi:

“Fit-twettiq tas-servizz, kull membru tal-persunal professjonali huwa meħtieġ

(a)

li jżomm ruħu lest sabiex jaġixxi fil-post u matul il-ħin mitlub, li jibqa’ lest sabiex jaġixxi matul il-perijodu kollu tas-servizz u li jwettaq il-missjoni tiegħu, kif ukoll li jkun disponibbli għal dan il-għan,

[…]”

8

L-Artikolu 141(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Uffiċjal superjuri jista’ jobbliga lil membru tal-persunal professjonali sabiex imur f’post differenti mill-post ta’ assenjazzjoni, fejn ikun jista’ jiġi kkuntattjat u fejn għandu jkun lest sabiex jaġixxi barra mis-sigħat tas-servizz u fl-interess tas-servizz, u minn fejn jista’ jintbagħat fuq missjoni fi kwalunkwe mument.

[…]”

9

L-Artikolu 364(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Din il-liġi, flimkien mad-digrieti adottati skont is-setgħat mogħtija mill-Artikoli 340 u 341, hija intiża li timplimenta

[…]

5.

id-[Direttiva 2003/88]

[…]”.

10

L-Artikolu 58(1) tar-rendőrségről szóló 1994. évi XXXIV. törvény (il-Liġi Nru XXXIV tal-1994 dwar il-Pulizija) jipprovdi:

“L-uffiċjali tal-pulizija jistgħu jintużaw f’pattulja […]

(b)

sabiex jitwaqqfu avvenimenti b’folol li jipperikolaw il-ħajja u l-proprjetà tal-persuni, jew sabiex jipprekludu atti ta’ vjolenza li jista’ jkollhom tali konsegwenzi u sabiex jiġu arrestati l-persuni li jwettquhom;

[…]

(j)

fil-każijiet l-oħra ddeterminati mil-liġi.”

11

Skont l-Artikolu 2(1) tar-rendőrség szerveiről és a rendőrség szerveinek feladat- és hatásköréről szóló 329/2007 korm. rendelet (id-Digriet tal-Gvern Nru 329/2007 dwar il-Korpi tal-Pulizija u dwar il-Missjonijiet u l-Kompetenzi tal-Korpi tal-Pulizija), tat-13 ta’ Diċembru 2007:

“Il-korpi tas-servizz tal-pulizija ġenerali mwaqqfa sabiex jaqdu missjonijiet speċifiċi huma:

(a)

l-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija;

[…]”

12

Il-Magyar Köztársaság rendőrségének csapatszolgálati Szabályzatá kiadásáról szóló 11/1998 ORFK utasítás (l-Ordni Nru 11/1998 tad-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tat-23 ta’ April 1998 dwar ir-Regoli tas-Servizz f’Pattulja tal-Pulizija tar-Repubblika tal-Ungerija), tat-23 ta’ April 1998, jipprevedi:

“[…]

12. […]

[…]

Servizz fi stat ta’ allert ta’ pattulja

L-għan tas-servizz fi stat ta’ allert huwa li l-pattulja tinżamm fi stat ta’ preparazzjoni li jiggarantixxi li l-missjonijiet ikunu jistgħu jibdew bl-iktar mod rapidu possibbli. Dan jimplika t-twaqqif ta’ pattulja, l-akkomodazzjoni tagħha u l-provvista ta’ ikel u xorb għaliha, it-twaqqif, jekk ikun meħtieġ, ta’ timijiet jew ta’ gruppi ta’ timijiet tas-servizz, l-implimentazzjoni ta’ proċedura għall-akkwist tal-provvisti materjali meħtieġa għall-attività ta’ pattulja, il-preparazzjoni tal-unitajiet u ż-żamma tagħhom f’livell operattiv.

14. Il-pattulja tista’ titqiegħed f’servizz fi stat ta’ allert b’mod ippjanat minn qabel, meta l-missjoni tkun prevedibbli, jew tista’ tissejjaħ f’sitwazzjoni urġenti. Dan il-każ tal-aħħar jista’ jseħħ, b’mod partikolari, meta missjoni tkun diġà ġiet assenjata lil servizz fi stat ta’ allert eżistenti u jkun meħtieġ li jiġi previst servizz fi stat ta’ allert ġdid iżda l-assenjazzjoni tal-forzi tal-pulizija li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom taħt forom ta’ servizz oħra ma tkunx possibbli jew ma tkunx biżżejjed.

[…]

17. Il-livell ta’ preparazzjoni ta’ pattulja fuq servizz fi stat ta’ allert għandu jirrifletti l-ħeffa li biha din il-pattulja għandha tkun kapaċi tibda missjoni partikolari fdata lilha. Dan jiddependi minn sa fejn il-kmandant tal-iskwadra tal-pulizija jkun stabbilixxa minn qabel il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tinbeda l-missjoni. Skont jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunux preżenti jew le, il-pattulja tista’ ssib ruħha fi stat ta’ allert ġenerali jew fi stat ta’ allert ogħla.

[…]

19. Is-servizz fi stat ta’ allert jibda meta l-livell ta’ allert meħtieġ jintlaħaq u jkompli sakemm jintemm jew sakemm l-imsemmi servizz ma jinbidilx f’attività oħra. Il-pattulja li tiżgura servizz fi stat ta’ allert għandha tkun kapaċi tibda twettaq il-missjonijiet previsti fi żmien 15-il minuta meta tkun fi stat ta’ allert ogħla jew fi żmien siegħa meta tkun fi stat ta’ allert ġenerali. Dawn il-ħinijiet standard jistgħu jitqassru mill-kmandant li jkun ordna l-użu ta’ pattulja skont in-natura tal-missjoni mħabbra jew tal-istat ta’ preparazzjoni tal-unità.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fl-1 ta’ Jannar 2011, UO assuma l-kariga tiegħu fis-servizz tal-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija. Bħala korp speċifiku fi ħdan il-pulizija ġenerali, din tal-aħħar għandha setgħat speċjali u teżerċita missjonijiet partikolari fit-territorju Ungeriż kollu. L-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija tipparteċipa, b’mod partikolari, fit-twettiq ta’ missjonijiet li jeħtieġu intervent urġenti, mhux prevedibbli, u l-użu ta’ pattulji. Fi ħdan l-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija, UO kien assenjat lill-grupp ta’ intervent mal-fruntieri ta’ Miskolc (l-Ungerija).

14

Bejn Lulju 2015 u April 2017, UO kien fuq servizz fi stat ta’ allert bħala membru ta’ pattulja. Matul dan il-perijodu, il-missjonijiet mal-fruntiera ma kinux jitwettqu fil-post ta’ assenjazzjoni abitwali f’Miskolc iżda f’parti mill-fruntiera fin-Nofsinhar, fil-kontea ta’ Csongrád (l-Ungerija).

15

Matul l-imsemmi perijodu, il-persuna li timpjega lil UO ordnat, fil-kuntest tal-missjonijiet imwettqa mal-fruntiera, minn naħa, servizz fi stat ta’ allert straordinarju u, min-naħa l-oħra, servizz fi stat ta’ disponibbiltà barra mill-ħin ta’ servizz ordinarju, fejn iż-żewġ servizzi kellhom jitwettqu f’pattulja.

16

L-imsemmija persuna li timpjega qieset li l-ħin ta’ servizz fi stat ta’ disponibbiltà kien jikkostitwixxi perijodu ta’ mistrieħ. Għall-kuntrarju, UO qies li, matul dan il-perijodu, huwa kien fil-verità qiegħed iwettaq servizz fi stat ta’ allert lil hinn mill-ħin ta’ servizz ordinarju ta’ kuljum, li kellu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” u li fir-rigward tiegħu kellu jibbenefika minn allowance għal servizz fi stat ta’ allert straordinarju u mhux minn ħlas għal servizz fi stat ta’ disponibbiltà.

17

Il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li, skont it-termini tal-punt 5 tal-Artikolu 364(1) tal-Liġi dwar ir-Regolamenti tal-Persunal Professjonali tal-Korpi Responsabbli għaż-Żamma tal-Ordni, din il-liġi hija intiża li timplimenta d-Direttiva 2003/88, iżda la tiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” u lanqas ma tiddefinixxi l-kunċett ta’ “perijodu ta’ mistrieħ”, u, min-naħa l-oħra, li UO jibbaża ruħu fuq din id-direttiva sabiex jissostanzja t-talbiet tiegħu.

18

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tagħha jistgħux jiġu applikati għal UO, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija, sa fejn l-attività kkonċernata hija differenti minn attivitajiet eżerċitati f’ċirkustanzi ordinarji.

19

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2003/88 huwiex iddeterminat fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391. Fl-affermattiv, hija tistaqsi jekk l-attività ta’ membru tal-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija għandhiex karatteristiċi inerenti għal ċerti attivitajiet speċifiċi tas-servizz pubbliku, li jipprekludu b’mod inevitabbli l-applikazzjoni tad-Direttiva 89/391 u tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, dan huwa l-każ fil-kawża ineżami. Fil-fatt, hija tosserva li l-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija hija korp speċjali tal-forzi tal-pulizija li tiżgura missjonijiet ta’ żamma ta’ ordni partikolari, kif iddefiniti mil-liġi, għalkemm huwa ammess li, f’dan il-każ, UO kellu jwettaq ukoll missjonijiet ta’ żamma ta’ ordni ġenerali. Hija żżid li UO jagħmel parti mill-persunal ta’ dawn l-unitajiet speċjali u li, f’dan il-kuntest, kien jeżerċita huwa stess attività ta’ żamma ta’ ordni speċifika fis-servizz pubbliku, b’tali mod li d-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 ma għandhomx ikunu jistgħu jikkonċernawh.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Miskolci Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Miskolc, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 1(3) tad-[Direttiva 2003/88] għandu jiġi interpretat, fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni [ratione personae] ta’ din id-direttiva huwa ddeterminat mill-Artikolu 2 tad-[Direttiva 89/391]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 2(2) tad-[Direttiva 89/391] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2003/88] ma għandhomx japplikaw għal uffiċjali tal-pulizija li huma membri tal-persunal professjonali tal-Pulizija ta’ Intervent Rapidu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

22

Skont il-Gvern Ungeriż, id-domandi magħmula huma inammissibbli minħabba li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna r-remunerazzjoni tal-ħaddiema.

23

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, ħlief għal eċċezzjoni fir-rigward tal-każ partikolari tal-leave annwali mħallas, prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva tirregola biss ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, b’tali mod li, bħala prinċipju, ma hijiex applikabbli għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma timplikax li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula f’din il-kawża.

25

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha bżonn l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 sabiex tkun tista’ taqta’ t-tilwima li għandha quddiemha. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk membri tas-servizzi tal-pulizija li jiżguraw funzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk il-klassifikazzjoni tal-perijodi ta’ servizz fi stat ta’ disponibbiltà mwettqa minn UO, bħala “ħin tax-xogħol” jew bħala “ħin ta’ mistrieħ”, għandhiex titwettaq fid-dawl tad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, qabel ma tiffissa l-iskala tas-salarju li għandha tiġi applikata għall-imsemmija perijodi. Minn dan isegwi li l-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija direttiva hijiex applikabbli għat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, l-istess bħall-kwistjoni ta’ jekk din l-applikabbiltà tiddependix mid-Direttiva 89/391, għandha tiġi eżaminata qabel il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ dritt għall-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali, li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-domandi magħmula huma rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, b’tali mod li dawn id-domandi huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

27

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva japplikaw għall-membri tal-forzi tal-ordni li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ sorveljanza mal-fruntieri esterni ta’ Stat Membru, fil-każ ta’ wasla ta’ numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mal-imsemmija fruntieri.

28

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mis-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna r-remunerazzjoni tal-perijodi ta’ servizz fi stat ta’ disponibbiltà mwettqa minn UO bejn Lulju 2015 u April 2017. Bejn dawn iż-żewġ dati, UO eżerċita funzjonijiet ta’ sorveljanza mal-fruntieri li l-Ungerija tikkondividi kemm mar-Repubblika tas-Serbja u kemm mar-Repubblika tal-Kroazja u mar-Rumanija, li ma jagħmlux parti miż-żona ta’ Schengen.

29

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’riferiment għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391.

30

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/931, din tal-aħħar tapplika “għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati”, fosthom l-attivitajiet “ta’ servizz”.

31

Madankollu, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/931 jirriżulta li din tal-aħħar ma tapplikax meta l-karatteristiċi partikolari inerenti għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku, b’mod partikolari fil-forzi armati jew fil-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, jipprekludu l-applikazzjoni tagħha b’mod inevitabbli. Minkejja dan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jispeċifika li, f’dan il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom jiġu żgurati sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

32

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk funzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, li għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi li hija tippermetti lill-Istati Membri jipproteġu (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 54, kif ukoll tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 53).

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li s-sorveljanza mal-fruntieri esterni ta’ Stat Membru, f’kuntest ta’ wasla ta’ numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, tikkostitwixxi attività li tagħmel parti mis-servizz pubbliku, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/39.

34

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li tali attività jista’ jkollha ċerti karatteristiċi speċifiċi fil-konfront ta’ attivitajiet oħra li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku, b’mod ġenerali, jew fil-konfront taż-żamma tal-ordni, b’mod partikolari.

35

Għaldaqstant, fit-tielet lok, għandu jiġi ddeterminat jekk karatteristiċi partikolari inerenti għal din l-attività speċifika tas-servizz pubbliku jipprekludux b’mod inevitabbli, minħabba l-ħtieġa assoluta li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tas-soċjetà, li d-Direttiva 2003/88 tiġi applikata għall-imsemmija attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 55).

36

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż isostni li ma kienx possibbli li l-ħin tax-xogħol tal-membri tal-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija assenjati mal-fruntieri esterni jiġi ppjanat minħabba l-ħtieġa li jiġu żgurati preżenza u servizz kontinwi u minħabba li kien impossibbli li tiġi antiċipata l-portata tal-missjonijiet li kellhom jiġu żgurati minn dan is-servizz. Matul is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija sostniet, essenzjalment, l-istess pożizzjoni.

37

Huwa minnu li l-fatt li ċerti attivitajiet speċifiċi li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku ma jippermettux, min-natura tagħhom, ippjanar tal-ħin tax-xogħol huwa wieħed mill-karatteristiċi partikolari inerenti għal tali attivitajiet, li jiġġustifikaw, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, eċċezzjoni għar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 55, kif ukoll tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 64).

38

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jippermetti, għalhekk, li titħares l-effettività ta’ tali attivitajiet speċifiċi, li l-kontinwità tagħhom hija indispensabbli sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Madankollu, dan ir-rekwiżit ta’ kontinwità għandu jiġi evalwat fid-dawl tan-natura speċifika tal-attività kkunsidrata (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 66).

40

B’hekk, fl-ewwel lok, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżit ta’ kontinwità tas-servizzi attivi fl-oqsma tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà pubblika u tal-ordni pubbliku ma jipprekludix li, meta jseħħu f’kundizzjonijiet normali, l-attivitajiet ta’ dawn is-servizzi jkunu jistgħu jiġu organizzati, inkluż fir-rigward tal-ħin tax-xogħol tal-impjegati tagħhom, b’tali mod li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 tkun applikabbli għal tali servizzi fil-każ biss li jkun hemm ċirkustanzi ta’ gravità u ta’ portata eċċezzjonali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 5557; tat-12 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑132/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:18, punt 26, kif ukoll tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 67).

41

B’hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva 2003/88 tapplika għal attivitajiet fl-oqsma tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà pubblika u tal-ordni pubbliku, anki meta jiġu eżerċitata mill-forzi tal-intervent fuq il-post u meta jkunu intiżi li jipprovdu l-ewwel għajnuna, f’sitwazzjoni fejn jitwettqu f’kundizzjonijiet abitwali, konformement mal-missjoni mogħtija lis-servizz ikkonċernat, u dan anki meta l-interventi li għalihom jistgħu jagħtu lok dawn l-attivitajiet ikunu, min-natura tagħhom, imprevedibbli u ta’ natura li jesponu lill-ħaddiema li jwettquhom għal ċerti riskji fir-rigward tas-sigurtà tagħhom jew tas-saħħa tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 57, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg, C‑52/04, EU:C:2005:467, punt 52).

42

Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 għas-servizzi attivi fl-oqsma tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà pubblika u tal-ordni pubbliku hija ġġustifikata biss minn avvenimenti eċċezzjonali, bħalma huma katastrofi naturali jew teknoloġiċi, attenti jew inċidenti maġġuri, li l-gravità u l-portata tagħhom jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri indispensabbli għall-protezzjoni tal-ħajja, tas-saħħa kif ukoll tas-sigurtà tas-soċjetà, u li l-eżekuzzjoni tajba tagħhom tkun kompromessa jekk ikollhom jiġu osservati r-regoli kollha stabbiliti fid-Direttiva 2003/88. Tali każijiet jiġġustifikaw li tiġi rrikonoxxuta prijorità assoluta lill-għan ta’ protezzjoni tal-popolazzjoni, għad-detriment tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tal-aħħar, li b’mod provviżorju jistgħu ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fi ħdan l-imsemmija servizzi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg, C‑52/04, EU:C:2005:467, punti 53 sa 55).

43

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi interpretata fis-sens li huwa eskluż li ċerti attivitajiet partikolari tas-servizz pubbliku jkollhom, anki meta jiġu eżerċitati f’kundizzjonijiet normali, karatteristiċi tant speċifiċi li n-natura tagħhom tipprekludi, b’mod inevitabbli, ippjanar tal-ħin tax-xogħol li josserva r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2003/88 (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 68).

44

Madankollu, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-missjonijiet ta’ sorveljanza mal-fruntieri esterni mwettqa mill-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija għandhom karatteristiċi tant speċifiċi. B’hekk, ma ġiex stabbilit li l-fatt li membru tal-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija ikollu jingħata, f’intervalli regolari, id-dritt għal sigħat jew għal jiem ta’ mistrieħ wara li jkun wettaq ċertu numru ta’ sigħat jew ta’ jiem ta’ xogħol jippreġudika aspett essenzjali tal-missjonijiet li dan il-ħaddiem huwa meħtieġ jeżerċita b’mod abitwali, għar-raġuni li dawn il-missjonijiet jistgħu jitwettqu biss, minħabba karatteristiċi speċifiċi inerenti għalihom, b’mod kontinwu u unikament minn dan il-ħaddiem biss. Għandu jingħad ukoll li l-ispejjeż li jirriżultaw, għall-persuna li timpjega, mill-ħtieġa li l-imsemmi ħaddiem jiġi ssostitwit matul il-perijodi ta’ mistrieħ li dan il-ħaddiem għandu jingħata skont id-Direttiva 2003/88 ma jistgħux jikkostitwixxu ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punti 6667).

45

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk il-missjonijiet eżerċitati minn UO, matul il-perijodu kontenzjuż, ġewx eżerċitati f’ċirkustanzi ta’ gravità u ta’ portata eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391.

46

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari l-fatt li l-missjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet damet għal diversi xhur.

47

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk wasla ta’ numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mal-fruntieri esterni tal-Ungerija pprekludietx li s-sorveljanza mal-imsemmija fruntieri titwettaq, matul il-perijodu kontenzjuż kollu, f’ċirkustanzi abitwali, konformement mal-missjoni mogħtija lill-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija.

48

Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dan is-servizz inħoloq preċiżament sabiex jipparteċipa fit-twettiq ta’ missjonijiet ta’ urġenza u, min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, fis-sens li d-Direttiva 2003/88 tapplika għall-attivitajiet tal-forzi tal-ordni mwettqa f’kundizzjonijiet abitwali, konformement mal-missjoni mogħtija lilhom, anki meta l-interventi li għalihom jistgħu jagħtu lok dawn l-attivitajiet ikunu, min-natura tagħhom, imprevedibbli u jirrappreżentaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema.

49

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura ruħha li ma kienx possibbli, fid-dawl tal-gravità u tal-portata taċ-ċirkustanzi, li s-servizz ikkonċernat jiġi organizzat b’tali mod li kull wieħed mill-membri tiegħu seta’ jibbenefika minn ħin ta’ mistrieħ skont ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2003/88.

50

Għal dan il-għan, hija għandha tiddetermina jekk kienx impossibbli li jiġi previst, minn tal-inqas b’effett minn mument partikolari matul il-perijodu kontenzjuż, mekkaniżmu ta’ rotazzjoni tal-persunal li kien jippermetti li kull ħaddiem jiġi ggarantit ħin ta’ mistrieħ b’mod konformi ma’ dak li tirrikjedi d-Direttiva 2003/88.

51

Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-karatteristiċi partikolari inerenti għall-missjonijiet imwettqa mill-membri tal-Iskwadra ta’ Intervent tal-Pulizija bejn Lulju 2015 u April 2017 ma setgħux ikunu s-suġġett, min-natura tagħhom, ta’ ppjanar tal-ħin tax-xogħol, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jipprevedi li, anki f’dan il-każ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema sa fejn ikun possibbli.

52

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva japplikaw għall-membri tal-forzi tal-ordni li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ sorveljanza mal-fruntieri esterni ta’ Stat Membru fil-każ ta’ wasla ta’ numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mal-imsemmija fruntieri, ħlief fil-każ li jkun jidher, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li l-missjonijiet imwettqa huma mwettqa fil-kuntest ta’ avvenimenti eċċezzjonali, li l-gravità u l-portata tagħhom jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri indispensabbli għall-protezzjoni tal-ħajja, tas-saħħa kif ukoll tas-sigurtà tas-soċjetà, u li l-eżekuzzjoni tajba tagħhom tkun kompromessa jekk ikollhom jiġu osservati r-regoli kollha stabbiliti mill-imsemmija direttiva, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva japplikaw għall-membri tal-forzi tal-ordni li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ sorveljanza mal-fruntieri esterni ta’ Stat Membru fil-każ ta’ wasla ta’ numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mal-imsemmija fruntieri, ħlief fil-każ li jkun jidher, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li l-missjonijiet imwettqa huma mwettqa fil-kuntest ta’ avvenimenti eċċezzjonali, li l-gravità u l-portata tagħhom jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri indispensabbli għall-protezzjoni tal-ħajja, tas-saħħa kif ukoll tas-sigurtà tas-soċjetà, u li l-eżekuzzjoni tajba tagħhom tkun kompromessa jekk ikollhom jiġu osservati r-regoli kollha stabbiliti mill-imsemmija direttiva, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.