SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

30 ta’ April 2020 ( *1 )

“Appell – Aċċess għal dokumenti tal-Istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni – Dokumenti li jirrigwardaw proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu matul il-kawża – Opinjonijiet iddettaljati maħruġin fil-kuntest ta’ proċedura ta’ notifikazzjoni abbażi tad-Direttiva 98/34/KE – Talba għal aċċess – Rifjut – Żvelar tad-dokumenti matul il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea –Żvelar – Inammissibbiltà – Interess ġuridiku – Persistenza”

Fil-Kawża C‑560/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-3 ta’ Settembru 2018

Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych, stabbilita fi Warszawa (il-Polonja), irrappreżentata minn P. Hoffman, adwokat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis u A. Spina, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer-Seitz, A. Falk, H. Shev, J. Lundberg u H. Eklinder, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn D. Lutostańska u M. Kamejsza-Kozłowska, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych (iktar ’il quddiem “Igpour”), organizzazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-manifatturi, tad-distributuri u tal-operaturi tal-magni tad-divertiment fil-Polonja, titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Lulju 2018Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni (T‑514/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem id-id-digriet appellat, EU:T:2018:500), li permezz tiegħu din iddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors ta’ Igpour intiż għall-annullament tad-deċiżjoni GestDem 2015/1291 tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Ġunju 2015, li rrefjutatilha l-aċċess għall-opinjonijiet iddettaljati mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika 2014/537/PL, kif ukoll tad-deċiżjoni GestDem 2015/1291 tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Lulju 2015, li rrefjutatilha l-aċċess għall-opinjoni iddettaljata mogħtija mir-Repubblika ta’ Malta fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika 2014/537/PL (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 3, p. 331), jipprovdi:

“[…]

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

– […]

l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

– jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

– […]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

3

Fl-20 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja u lil ċerti Stati Membri oħrajn, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu 2013/4218, ittra ta’ intimazzjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, li permezz tagħha talbet lid-destinatarji li jikkonformaw il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali tagħha relatat mas-servizzi ta’ logħob tal-azzard mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat FUE.

4

Fir-risposta tagħha, rċevuta mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Marzu 2014, ir-Repubblika tal-Polonja ddikjarat lil din tal-aħħar li hija kellha l-intenzjoni tinnotifikaha abbażi tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337) b’abbozz ta’ liġi li jemenda l-liġi Pollakka dwar il-logħob tal-azzard, sabiex tirrispondi għat-tħassib tagħha.

5

Fil-5 ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika ta’ Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ liġi ddikjarat, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34. Din in-notifika ġiet irreġistrata taħt ir-riferiment 2014/537/PL.

6

Il-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ Malta ħarġu opinjonijiet iddettaljati dwar l-abbozz ta’ liġi nnotifikat, skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34, rispettivament fit-3 u fis-6 ta’ Frar 2015.

7

Fis-17 ta’ Frar 2015, Igpour talbet l-aċċess għall-opinjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ Malta, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

8

Fl-10 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lil Igpour l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

9

Fis-16 ta’ April 2015, Igpour bagħtet lill-Kummissjoni talba konfermattiva għall-aċċess għad-dokumenti, konfermement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

10

Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni spjegat li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet tal-ispezzjoni, tal-investigazzjoni u tal-verifika, previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fir-rigward tal-proċedura għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu 2013/4218, peress li dawn l-opinjonijiet kienu inseparabbilment marbutin mal-imsemmija proċedura.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Settembru 2015, Igpour ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Ir-Renju tal-Isvezja ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Igpour, filwaqt li r-Repubblika tal-Polonja ġiet awtorizzata tintervjenti insostenn tal-Kummissjoni.

12

Fis-7 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni temmet il-proċedura għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu 2013/4218 fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja.

13

Fit-28 ta’ Frar 2018, hija ddeċidiet tagħti l-aċċess għad-dokumenti mitluba lil Igpour.

14

It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2017.

15

Permezz ta’ att li ġie ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali li tikkonstata li dan ir-rikors kien sar mingħajr għan u ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar dan, peress li ddeċidiet li tagħti lil Igpour l-aċċess għaż-żewġ dokumenti li kienu jirrigwardaw id-deċiżjonijiet ikkontestati. Il-Kummissjoni talbet ukoll li Igpour tkun ikkundannata għall-ispejjeż.

16

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura permezz tad-digriet tal-14 ta’ Marzu 2018 u stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni. Fl-osservazzjonijiet tagħha, Igpour ikkontestat li kienet tilfet kull interess ġuridiku. Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja llimitat ruħha li tirrileva li hija ma topponix it-talba tal-Kummissjoni. Ir-Renju tal-Isvezja ma ppreżentax osservazzjonijiet fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

17

Fid-digriet appellat, minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien ftit probabbli li sitwazzjoni daqstant atipika ser tinħoloq fil-futur. Min-naħa l-oħra, hija qieset li Igpour kienet limitat ruħha li tinvoka l-possibbiltà li tippreżenta rikors fil-futur għad-danni (mhux kuntrattwali) tal-Unjoni Ewropea kontra l-Kummissjoni mingħajr ma tippreċiża madankollu jekk hija jew il-membri tagħha kellhom l-intenzjoni li jużaw din il-possibbiltà.

18

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors u li l-partijiet ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

19

Permezz tal-appell tagħha Igpour titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat,

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid u tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

20

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala infondat;

tikkundanna lil Igpour għall-ispejjeż tal-proċeduri preżenti.

21

Ir-Renju tal-Isvezja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, kif ukoll id-deċiżjonijiet ikkontestati.

22

Ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha matul is-seduta u titlob, essenzjalment, li tiċħad l-appell bħala infondat.

Fuq l-appell

23

Igpour tinvoka ħames aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

24

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha Igpour issostni li l-paragrafi 30 u 32 tad-digriet appellat huma żbaljati b’żewġ modi.

25

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li kien ftit probabbli li l-illegalità allegata minn Igpour ser isseħħ fil-futur. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li d-domanda rilevanti kienet li wieħed isir jaf jekk kienx possibbli li fil-futur ikun hemm sitwazzjoni speċifika bħal dik f’dan il-każ, minkejja li dak li huwa rilevanti huwa li wieħed isir jaf il-Kummissjoni ser tapplika fil-futur l-interpretazzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 jew tad-Direttiva 98/34 li Igpour tikkontesta.

26

Skont Igpour, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li kien improbabbli li l-Kummissjoni tibbaża fil-futur fuq interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jgħid li huma koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar id-dokumenti li fihom jew le riferimenti għal ittri ta’ intimazzjoni, li huma “inseparabbilment marbutin” mal proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

27

Il-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-probabbiltà li din l-interpretazzjoni sseħħ fil-futur, iżda pjuttost il-probabbiltà li din l-interpretazzjoni tkun użata mill-ġdid f’sitwazzjoni simili għal dik f’dan il-każ, jiġifieri meta kawża ġdida li fiha proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun pendenti, Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ liġi li jissodisfa t-tħassib li ġġustifika l-imsemmija proċedura u l-Kummissjoni tagħmel opinjoni iddettaljata dwar dan l-abbozz, imbagħad tirrifjuta li tiżvela din l-opinjoni minħabba n-neċessità li tipproteġi l-għan tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

28

Minn naħa oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet l-istess żball bħal dak identifikat fil-paragrafi 26 u 27 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-prinċipju ta’ trasparenza sottostanti d-Direttiva 98/34, sostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), ma jwaqqafx milli jiġu invokati l-preżunzjonijiet ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar fir-rigward ta’ opinjonijiet iddettaljati mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ notifika mhux kunfidenzjali.

29

Barra minn hekk, fid-dawl tal-portata kunsiderevoli tal-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam tan-notifika imposti mid-Direttiva 2015/1535, huwa probabbli li numerużi abbozzi ta’ liġi nnotifikati jissodisfaw, għall-inqas parzjalment, it-tħassib tal-Kummissjoni li jiġġustifika proċedura pendenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u għalhekk li sitwazzjoni simili għal dik f’dan il-każ tiġi riprodotta. Il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma ġġustifikat id-dikjarazzjoni tagħha bil-maqlub u tali ġustifikazzjoni tkun impossibbli li tinġab.

30

Igpour tosserva li digriet ieħor li jikkonċernaha, jiġifieri id-digriet tad-19 ta’ Lulju 2018, (T‑750/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:506), juri li l-Kummissjoni tiddefendi b’konsistenza l-interpretazzjoni tagħha tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza mniżżel fid-Direttivi 98/34 u 2015/1535 u tikkonferma li huwa probabbli li tali interpretazzjoni tiġi riprodotta fil-futur.

31

Igpour issostni, barra minn hekk, li huwa assolutament probabbli li hija stess tressaq, fil-futur, talbiet għal aċċess li għalihom il-Kummissjoni ser tirrispondi billi tieħu vantaġġ tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkontestata f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, fil-kwalità tagħha ta’ organizzazzjoni ta’ imprendituri, l-attivitajiet tagħha jikkonċernaw l-aspetti kollha tat-tranżazzjonijiet kummerċjali tal-membri tagħha u mhux biss l-aspetti direttament marbutin mas-settur partikolari li hija tirrappreżenta jew affettwati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal-logħob tal-azzard.

32

Il-Gvern Svediż josserva li, anki jekk Igpour tibbenefika issa mill-aċċess għal dokumenti inkwistjoni, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma ġewx formalment irtirati mill-Kummissjoni, b’tali mod li l-kawża żammet l-għan tagħha.

33

Skont il-Gvern Svediż, Igpour intenzjonalment fittxet l-aċċess għall-opinjonijiet iddettaljati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ notifika meta l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet għadha pendenti. Minħabba li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma seħħx qabel l-għeluq ta’ dawn il-proċeduri, dan ma kisibx b’mod sħiħ l-għanijiet imfittxija mit-talba għal aċċess.

34

Il-Gvern Svediż jaqbel mal-pożizzjoni ta’ Igpour li skontha l-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk ir-regola ta’ preżunzjoni ġenerali tal-Kummissjoni applikabbli għad-deċiżjonijiet ikkontestati setgħetx tiġi invokata mill-Kummissjoni fil-futur. Din il-konklużjoni hija direttament ikkonfermata mis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660), li minnha jirriżulta li dak li għandu jiġi eżaminat huwa jekk l-illegalità invokata tistax tirrepeti ruħha fil-futur.

35

Il-Gvern Svediż iqis, bħal Igpour, li tali repetizzjoni x’aktarx ħafna li sseħħ fil-futur. Fil-fatt, l-ewwel nett, jeżisti r-riskju immedjat li l-Kummissjoni tista’ timmotiva d-deċiżjonijiet li jiċħdu futuri talbiet għal aċċess għal dokumenti mressqa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ notifika previsti mid-Direttiva 2015/1535 b’riferiment għall-preżunzjoni ġenerali kkontestata. It-tieni nett, il-Kummissjoni fil-fatt diġà applikat din ir-regola ta’ preżunzjoni ġenerali wara li adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati, bl-għan li tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ talba addizzjonali ta’ Igpour li, imressqa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ notifika prevista mid-Direttiva 2015/1535, kienet tipprevedi l-aċċess għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u għal opinjoni ddettaljata. It-tielet nett, il-fatt li Igpour hija esposta għar-riskju kbir li fil-futur tiġi invokata l-imsemmija regola ġenerali ta preżunzjoni jirriżulta anki mill-fatt li Igpour hija organizzazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-produtturi, tad-distributuri u tal-operaturi ta’ magni tad-divertiment fil-Polonja, li l-attivitajiet tagħha jirrigwardaw l-aspetti kollha tat-tranżazzjonijiet kummerċjali tal-membri tagħha u mhux biss dawk l-aspetti li huma direttament marbuta mal-qasam partikolari li hija tirrappreżenta jew li huma affettwati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-azzard. Fl-aħħar nett, dan ir-riskju ma jirrigwardax biss it-talbiet għal aċċess għal dokumenti mressqa minn Igpour, iżda anki dawk imressqa minn persuni oħra.

36

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Igpour, imsostnija mill-Gvern Svediż, issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-paragrafi 30 u 32 tad-digriet appellat, li kien ftit probabbli li l-illegalità allegata minnha sseħħ fil-futur u li għalhekk hija ma kellha ebda interess li ssegwi r-rikors. Fil-fehma tagħha, id-domanda rilevanti f’dan il-kuntest ma kinitx li wieħed isir jaf jekk kienx possibbli li sseħħ fil-futur sitwazzjoni speċifika analoga għal dik ta’ din il-kawża, iżda dik li wieħed isir jaf jekk kienx hemm riskju, b’mod ġenerali, li l-illegalità allegata tirrepeti ruħha fil-futur u, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni tagħmel fil-futur l-istess interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 li tgħid li hija fid-dritt li tapplika preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità fil-proċeduri pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-kawża, bl-istess mod bħall-interess ġuridiku, irid jissussisti sad-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas tiegħu, ma jkunx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni, fatt li jimplika li r-rikors, bl-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’ċerti ċirkustanzi, rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att ikkontestat sabiex l-awtur tal-att ikkontestat jagħmel, fil-futur, l-emendi xierqa u għalhekk jiġi evitat ir-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità li l-att huwa allegatament ivvizzjat biha (sentenzi tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 48).

40

Il-persistenza ta’ dan l-interess tippreżumi li din l-illegalità tista’ terġa’ tirrepeti ruħha fil-futur, indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C-362/05 P, EU:C:2007:322, punt 52, u tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 48).

41

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi evalwata in concreto, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi tal-allegata illegalità u tan-natura tad-dannu allegatament subit (sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 65).

42

F’dan il-każ, fil-punt 30 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li, sa fejn ir-rikors ta’ Igpour isemmi rifjut ta’ aċċess għal opinjonijiet iddettaljati maħruġa abbażi tad-Direttiva 98/34 u li tirrigwarda abbozz ta’ liġi, innotifikat minn Stat Membru abbażi ta’ din id-direttiva, u li l-Kummissjoni ġġustifikat ir-rifjut tagħha li tiżvela din l-opinjoni min-neċessità li tipproteġi l-għan tal-proċedura pendenti għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa ftit probabbli li sitwazzjoni hekk atipika sseħħ fil-futur.

43

Ċertament, huwa stabbilit li l-Kummissjoni bbażat ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, b’mod partikolari, fuq l-eżistenza allegata ta’ rabta inseparabbli bejn l-opinjonijiet iddettaljati u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kontra r-Repubblika tal-Polonja u, għaldaqstant, fuq preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tapplika għad-dokmenti relattivi għall-proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

44

B’hekk, ma jistax jiġi eskluż, kif issostni Igpour, li, biex tirrifjuta l-aċċess għal kull dokument intrinsikament marbut ma’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni terġa’ tibbaża fil-futur il-motivazzjoni tagħha fuq din il-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar.

45

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għall-benefiċċju tad-dokumenti relatati ma’ proċedura prekontenzjuża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, inkluż id-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest ta’ proċedura Pilota UE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għaldaqstant, billi tibbaża l-interess ġuridiku tagħha fuq l-argument li l-illegalità allegata minnha tista’ tirrepeti ruħha fil-futur, irrispettivament miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni, Igpour trid fir-realtà tikkontesta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, li diġà ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

47

Jekk interpretazzjoni għal tali livell ta’ astrazzjoni ta’ “illegalità li tista’ tirrepeti ruħha fil-futur” kienet inżammet, hija għandha, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali, fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, konsegwenzi paradossali. Fil-fatt, l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, f’kull proċedura fil-qasam ta’ aċċess għal dokumenti tippersisti awtomatikament mill-fatt biss li, fil-futur, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tinterpreta dispożizzjoni ta’ dritt speċifiku bil-mod ikkontestat.

48

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Igpour, u kif l-Avukat Ġenerali wkoll osserva, essenzjalment, fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma teżisti, f’dan il-każ, ebda raġuni partikolari li wieħed jaħseb li Igpour tkun “partikolarment esposta għal tali implimentazzjonijiet tal-imsemmija preżunzjoni fil-futur”.

49

Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi fil-kawża preżenti huma differenti minn dawk fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660). F’din, minn naħa, it-talba għal aċċess kienet tikkonċerna d-dokumenti marbutin mal-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni fil-qasam ambjentali. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet hemmhekk l-eżistenza ta’ interess tar-rikorrenti li tkompli l-proċedura minkejja l-iżvelar tad-dokumenti mitlubin minħabba li l-appell kien intiż li jikseb annullament tas-sentenza li kienet għall-ewwel darba rrikonoxxiet l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għal ċerta kategorija ta’ dokumenti abbażi tal-imsemmija bażi legali. L-użu ta’ tali preżunzjoni li l-legalità tagħha kienet ikkontestata kienet tista’ effettivament għalhekk tirrepeti ruħha fil-futur, irrispettivament miċ-ċirkustanzi partikolari tal-imsemmija kawża, filwaqt li, f’dan il-każ, l-allegata illegalità tirrelata mal-implimentazzjoni ta’ preżunzjoni, diġà aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ċirkustanzi partikolari, b’mod li tali illegalità ma tistax tirrepeti ruħha barra minn dawn iċ-ċirkustanzi.

50

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li huwa ġust li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod konkret iċ-ċirkustanzi, li fihom l-allegata illegalità seħħet u qieset li tali ċirkustanzi, fid-dawl tal-partikolaritajiet tagħhom, ma setgħux jirrepetu ruħhom, b’tali mod li l-allegata illegalità ma setgħetx tirrepeti ruħha barra miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża.

51

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti esposti fil-punti 28 sa 31 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, għal dawn, Igpour tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet l-istess żball ta’ liġi bħal dik diġà analizzata fil-punti 42 sa 50 ta’ din is-sentenza. Huma għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet.

52

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

53

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Igpour issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, essenzjalment, fil-punt 33 tad-digriet appellat, li tagħlaq il-kawża mingħajr ma tiddeċiedi fuq il-mertu ma tippermettix lill-Kummissjoni li tevadi minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ dejjem tiddeċiedi li tagħti aċċess għal dokumenti mitlubin meta tirrealizza li hija tirriskja li tispiċċa f’kawża.

54

Igpour issostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li bis-saħħa tiegħu “jiġi aċċettat [l-]argument [li jgħid li l-għeluq tal-kawża mingħajr ma jiġi deċiż il-mertu jippermetti lill-Kummissjoni li tevadi stħarriġ ġudizzjarju effettiv] iwassal li jitqies li, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi xierqa għal kull każ inkwistjoni, peress li kull rikorrent inizjalment ġie miċħud mit-talba tiegħu ta’ aċċess għal dokumenti jista’ jitlob li l-kawża li topponih għall-istituzzjoni kkonċernata mit-talba inkwistjoni kienet deċiża, u dan minkejja l-fatt li t-talba tagħha kienet ġiet issodisfatta wara l-preżentata tar-rikors tagħha quddiem il-qorti tal-Unjoni”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] tibbaża fuq interpretazzjoni ineżatta ta’ dan l-argument.

55

Fl-ewwel lok, l-interess li titkompla l-azzjoni teżisti f’dan il-każ minħabba li, minn naħa, ir-rifjut għal aċċess għad-dokumenti kkontestati jibbaża fuq allegata “rabta inseparabbli” bejn id-dokumenti mitluba u l-proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, min-naħa l-oħra, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija magħluqa u d-dokumenti ġew ipprovduti wara l-għeluq kemm tal-fażi bil-miktub kif ukoll tal-fażi orali tal-proċedura. Meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, huwa neċessarju li l-qrati tal-Unjoni jagħtu deċiżjonijiet fuq ir-rikors. Peress li hija esklużivament il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi l-opportunità u l-mument ta’ għeluq tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tista’ tieħu din id-deċiżjoni jekk, wara s-seduta u fl-aħħar tal-proċedura orali, hija tipperċepixxi r-riskju li titlef il-kawża. B’hekk hija tista’ tiddeċiedi biex taħrab minn eżitu li ma kienx ikun favorevoli għaliha. Fil-prattika, jekk l-għeluq tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jwaqqaf in-neċessità għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, tali kritika tkun tista’ tippermetti lill-Kummissjoni li tittardja l-aċċess għal kull dokument matul xi snin mingħajr ebda stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni.

56

Fit-tieni lok, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali ma jaqbilx manifestament mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta fil-punti 78 u 79 tas-sentenza tagħha tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), li tgħid li l-interess li titkompla l-azzjoni wara l-waqfien tal-effetti legali ta’ att ikkontestat jista’ jiġi ġġustifikat mill-fatt li r-rikonoxximent tal-allegata illegalità tista’ tipprovdi benefiċċju lir-rikorrent.

57

Fit-tielet lok, Igpour issostni li l-Qorti Ġenerali ma kkontestatx verament profondament l-affermazzjoni tagħha li tgħid li l-Kummissjoni ħarbet minn kull stħarriġ ġudizzjarju u li din l-affermazzjoni hija suffiċjenti biex tistabbilixxi li Igpour għandha interess li żżomm ir-rikors tagħha. Id-dritt għal aċċess jirriżulta direttament mill-Artikolu 15 TFUE u mill-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, huwa partikolarment importanti li jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar rifjut ta’ aċċess għal dokumenti.

58

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju ma huwiex fondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Igpour issostni, essenzjalment, li l-għeluq tal-kawża mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma din iddeċidiet dwar il-mertu jippermetti lill-Kummissjoni li tevita stħarriġ ġudizzjarju effettiv u li, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan ma kienx il-każ, il-punt 33 tad-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi.

60

F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza diġà ċċitata jirriżulta li jekk, f’ċerti ċirkustanzi, rikorrent iżomm l-interess ġuridiku tiegħu għal annullament anki meta l-att li jkun qed jintalab l-annullament tiegħu waqaf milli jipproduċi effetti wara l-preżentata tar-rikors tiegħu, dan ma huwiex il-każ f’kull ipoteżi.

61

Issa, mill-analiżi tal-ewwel aggravju tal-appell jirriżulta li Igpour ma wasslitx li tistabbilixxi li ċ-ċirkustanzi tal-każ f’dan il-każ kienu tali li, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali kien imissha kkonstatat il-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha minkejja l-fatt li, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kienet tat aċċess għal żewġ dokumenti li kienu jirrigwardawhom id-deċiżjonijiet ikkontestati.

62

Barra minn hekk, sa fejn, permezz ta’ dan l-aggravju, Igpour tallega, essenzjalment, li, permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħditha minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni ma għandhiex bħala għan li tibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mit-Trattati, b’mod partikolari ir-regoli relatati mal-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2017, Ir-Rumanija vs Il‑KummissjoniC‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata) u għalhekk, bl-istess mod, ma tbiddilx il-kundizzjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-interess ġuridiku.

63

Għaldaqstant huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 33 tad-digriet appellat, li tammetti l-argument ta’ Igpour iwassal li tikkunsidra li, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi proprji għal kull każ f’din il-kwistjoni, ir-rikorrenti li għaliha l-aċċess għad-dokumenti ġie inizjalment irrifjutat tista’ titlob li tittieħed deċiżjoni fuq il-kawża li topponiha għall-istituzzjoni kkonċernata mit-talba inkwistjoni minkejja li t-talba tagħha ġiet issodisfatta wara l-preżentata tar-rikors tagħha quddiem il-qorti tal-Unjoni.

64

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni aggravju tal-appell bħala infondat.

Fuq it-tielet u r-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

65

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Igpour issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li l-fatt li, fil-kuntest ta’ eventwali rikors ippreżentat kontra l-Kummissjoni, hija għandha tistabbilixxi li l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma tikkostitwixxix responsabbiltà mhux iġġustifikata, peresss li għalhekk hija tista’ tibbaża ruħha fuq l-argumenti diġà sottomessi fil-kuntest tar-rikors għal annullament.

66

Fil-fehma ta’ Igpour, dan ir-raġunament huwa żbaljat doppjament. Minn naħa, l-annullament ta’ att mill-qrati tal-Unjoni jorbot l-imħallfin tal-Unjoni jew nazzjonali li jieħdu konjizzjoni ta’ rikors jew jista’ jikkostitwixxi l-bażi tan-negozjati extraġudizzjarji mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni intiżi li jikkumpensaw id-dannu subit. Fi kliem ieħor, in-natura vinkolanti ta’ sentenza tal-Qorti tagħtiha vantaġġ. Min-naħa l-oħra, meta wieħed iqis l-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li quddiemha d-digriet appellat ittieħed, jiġifieri wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub u orali, il-piż li jinġarr minn Igpour jekk dawn l-elementi kollha għandhom jirrepetu ruħhom fil-kuntest ta’ rikors futur għad-danni jkun fi kwalunkwe każ inġustifikat.

67

Permezz tar-raba’ aggravju, Igpour issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet, fil-punt 34 tad-digriet appellat, l-argument tagħha li jgħid li l-annullament tad-deċiżjonijietjista’ jagħtiha vantaġġ fid-diskussjonijiet tagħha mal-Kummissjoni kif ukoll matul rikors għad-danni eventwali ppreżentat kontra l-Kummissjoni sempliċement minħabba li ma pproduċietx provi preċiżi, konkreti u verifikabbli fir-rigward tal-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, Igpour tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkundannatha tbati l-ispejjeż tagħha stess, li jikkostitwixxu ħsara speċifika u ċerta ikkawżata mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

68

Fil-fehma ta’ Igpour, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, hija ma għandha bl-ebda mod l-obbligu li tikkonvinċi lil din li trid “verament” tippreżenta rikors għad-danni. Dan huwa l-interess tagħha, u mhux il-possibbiltà ta’ rikors għad-danni, li ma għandux ikun purament ipotetiku. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li tesponi r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjonijiet ikkontestati kkawżawlha materjal. Ma huwiex neċessarju li jingħataw b’mod preċiż jew verifikabbli l-fatti invokati insostenn ta’ dan l-espost, għaliex ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tivverifikahom. Tali ħtieġa hija għalhekk mingħajr għan. Barra minn hekk, hija ttaqqal il-kundizzjonijiet tar-rikors għal annullament bħar-rikors għad-danni billi tikkumplikahom bla bżonn.

69

Fi kwalunkwe każ, teżisti rabta kawżali bejn, minn naħa, id-deċiżjonijiet ikkontestati u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż għal rikors għal annullament. Barra minn hekk, jekk id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż tittieħed inkunsiderazzjoni, dawn tal-aħħar saru rikuperabbli wara li jittieħed id-digriet appellat. Igpour issostni li, billi tressaq dan l-argument, hija tikkontesta mhux id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż, iżda biss dik adottata minn din tal-aħħar inkwantu għall-assenza tan-neċessità li tittieħed deċiżjoni sa fejn ma kkunsidratx il-fatt li l-ispejjeż sostnuti minnha kienu jikkostitwixxu dannu partikolari kkawżat mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

70

Il-Kummissjoni ssostni li dawn iż-żewġ aggravji huma infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Permezz ta’ dawn iż-żewġ aggravji, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Igpour issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-fatt li, fil-kuntest ta’ eventwali rikors għad-danni, hija għandha tirrepeti l-argumenti diġà mressqa fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal annullament ma jikkostitwixxix responsabbiltà inġustifikabbli ta’ natura li tistabbillixi l-interess ġuridiku f’dan il-każ. Barra minn hekk, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli hija kkunsidrat li hija ma ppreċiżatx jekk kellha “verament” l-intenzjoni li tippreżenta tali rikors lanqas li tipproduċi provi preċiżi, konkreti u verifikabbli fir-rigward tal-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li kkonkludiet minn dan, li l-eventwalità ta’ tali rikors ma kinitx ta’ natura li tistabbilixxi li l-interess ġuridiku tagħha ppersista.

72

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li jikkostitwixxi l-prerekwiżit essenzjali u fundamentali għal kwalunkwe proċeduri legali (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 33).

73

Issa, għalkemm jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-possibbiltà ta’ rikors għad-danni huwa suffiċjenti biex wieħed jibbaża interess ġuridiku, madankollu huwa bil-kundizzjoni li dan ma jkunx ipotetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 69 u 79, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 43). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-persistenza ta’ tali interess ġuridiku għandu jiġi evalwat konkretament billi jitqiesu, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tal-allegata illegalità u n-natura tad-dannu allegatament subit.

74

Minn dan jirriżulta li Igpour ma setgħetx tiġġustifika interess ġuridiku minn sempliċi invokazzjoni tal-possibbiltà li tippreżenta fil-futur rikors intiż għal kumpens tad-dannu, mingħajr ma jiġu invokati provi konkreti li jikkonċernaw il-konsegwenzi tal-allegata illegalità fuq is-sitwazzjoni tagħha u n-natura tad-dannu li hija kienet allegat li ssubixxiet u li tali rikors kien intiż li jikseb kumpens tiegħu.

75

Issa, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti u tal-provi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 34 tad-digriet appellat li r-rikorrenti evokat il-possibbiltà ta’ tali rikors għad-danni mingħajr ma ppreċiżat jekk hija stess jew il-membri tagħha kellhom effettivament l-intenzjoni li jużaw din il-possibbiltà billi jillimitaw ruħhom, fir-rigward tad-dannu subit, li jindikaw li “rikorsi ġew miċħuda u li konvenuti ġew ikkundannati”, madankollu, mingħajr ma jipprovdu kwalunkwe prova preċiża, konkreta u verifikabbli, barra minn hekk, billi r-rikorrenti b’ebda mod ma argumentat f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti jew l-argumentazzjoni li hija ppreżentat lilha.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet, essenzjalment, tqies li l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, imfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, u li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-possibbiltà ta’ rikors għad-danni hija ta’ natura li tibbaża interess ġuridiku għal annullament ma kinux issodisfatti.

77

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li jgħid li Igpour kienet issubixxiet dannu speċifiku tal-fatt li l-Qorti Ġenerali kkundannatha tbati l-ispejjeż tagħha stess, għandu jiġi rrilevat li tali ċirkustanza ma tistax tkun manifesta, minnha stess, li tippermetti li tiġi stabbilita l-persistenza ta’ interess ġuridiku għal annullament, ħlief li din il-kundizzjoni tiċċaħħad minn kull portata.

78

Fir-rigward tal-argumentazzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li l-fatt li, fil-kuntest ta’ possibbli rikors għad-danni, Igpour għandha tirrepeti l-argumenti diġà mressqa fil-kuntest tar-rikors tagħha għal annullament, ma jikkostitwixxix responsabbiltà mhux iġġustifikata ta’ natura li tistabbilixxi interess ġuridiku f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li tospita tali argumentazzjoni jkollu bħala riżultat li l-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina r-rikors għad-danni, anki jekk dan huwa purament ipotetiku. Issa, kif jirriżulta mill-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament, f’dan il-każ, li tali invokazzjoni hija insuffiċjenti li tistabbilixxi l-persistenza tal-interess ġuridiku fl-assenza ta’ kull prova konkreta prodotta f’dan is-sens mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

79

Għaldaqstant it-tielet u r-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

80

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Igpour issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li hija ma kellhiex interess li tkompli r-rikors, minkejja li l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati kien neċessarju għall-kumpens tad-dannu morali subit minnha bħala organizzazzjoni professjonali u li ma jeżisti ebda mezz ieħor ta’ kumpens ta’ tali dannu.

81

Il-Kummissjoni ssostni illi dan l-aggravju huwa inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82

Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jbiddilx l-għan tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti quddiem l-ewwel istanza. Għalhekk parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, ladarba dan jippermettilha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha bħala qorti tal-appell hija limitata, kawża li s-suġġett tagħha huwa iktar wiesa’ minn dak li kien ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li Igpour ma sostnietx quddiem il-Qorti Ġenerali li hija kienet żammet interess li tikseb l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba li dan l-annullament kien ikkostitwixxa kumpens tal-allegat dannu morali tagħha li jirriżulta mill-allegata illegalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet, iżda tinvokaha għall-ewwel darba fl-appell tagħha.

84

Minn dan isegwi li l-ħames aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

85

Konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

86

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

87

F’dan il-każ, peress li Igpour tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni.

88

Skont l-Artikolu 140 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.