SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Eżami mill-ġdid tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Simpson vs Il‑Kunsill (T‑646/16 P) u HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P) – Servizz pubbliku – Kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenzi fl-ewwel istanza – Proċedura ta’ ħatra ta’ Mħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Qorti stabbilita bil-liġi – Stħarriġ tal-legalità inċidentali – Preġudizzju għall-unità u għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II,

li għandha bħala suġġett l-eżami mill-ġdid, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(2) TFUE, tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tad‑19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il‑Kunsill (T‑646/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:493), u HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:492), mogħtija fil-proċeduri

Erik Simpson, uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il‑Belġju),

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C‑542/18 RX‑II),

u

HG, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea (C‑543/18 RX‑II),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, M. Safjan, S. Rodin u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), C. Toader, D. Šváby, F. Biltgen u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Mejju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. Simpson, minn M. Velardo, avocate,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

għal HG, minn L. Levi, avocate,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Berscheid, T. S. Bohr u F. Erlbacher, bħala aġenti,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova, L. Zaharieva u T. Mitova, bħala aġenti,

wara li rat l-Artikolu 62a u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Dawn il-proċeduri għandhom bħala suġġett l-eżami mill-ġdid tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tad‑19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il‑Kunsill (T‑646/16 P, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza taħt eżami mill-ġdid”, EU:T:2018:493), u HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza taħt eżami mill-ġdid”, EU:T:2018:492) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi taħt eżami mill-ġdid”).

2

Permezz tal-ewwel sentenza taħt eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali annullat id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11 RENV, EU:F:2016:136), li permezz tiegħu dan ċaħad ir-rikors ta’ Erik Simpson intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Diċembru 2010 li tiċħad it-talba tiegħu għal avvanz għall-grad AD 9 wara li għadda mill-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/113/07 organizzata għar-reklutaġġ ta’ kapijiet ta’ unità ta’ grad AD 9, b’mod partikolari ta’ lingwa Estonjana, fil-qasam tat-traduzzjoni, kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas‑7 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tiegħu kontra din l-ewwel deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2011”) u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kunsill għall-ħlas tad-dannu allegatament imġarrab. Dan id-digriet kien ingħata wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kunsill vs Simpson (T‑130/14 P, EU:T:2015:796), li tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11, EU:F:2013:201), u li tagħmel riferiment għas-sentenza quddiem dan tal-aħħar.

3

Permezz tat-tieni sentenza taħt eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il‑Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155), li permezz tagħha dan kien ċaħad ir-rikors ta’ HG intiż, prinċipalment, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑10 ta’ Frar 2015 li timponilu s-sanzjoni dixxiplinari tas-sospensjoni tal-avvanz fl-iskala għal perijodu ta’ 18‑il xahar u li tikkundannah jikkumpensa d-dannu mġarrab mill-Kummissjoni fl-ammont ta’ EUR 108 596.35 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015”) kif ukoll, sa fejn huwa neċessarju, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab.

4

L-eżami mill-ġdid jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, is-sentenzi taħt eżami mill-ġdid jippreġudikawx l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali, bħala qorti tal-appell, iddeċidiet li l-kulleġġ ġudikanti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ta d-digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11 RENV, EU:F:2016:136), u s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il‑Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), kien kompost b’mod irregolari, minħabba irregolarità li kienet taffettwa l-proċedura ta’ ħatra ta’ wieħed mill-membri ta’ dan il-kulleġġ, li kkawżat ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali, stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

5

L-eżami mill-ġdid jikkonċerna wkoll il-punt dwar jekk, bħall-atti msemmija fl-Artikolu 277 TFUE, il-ħatra ta’ Mħallef tistax tkun suġġetta għal stħarriġ tal-legalità inċidentali jew jekk tali stħarriġ tal-legalità inċidentali huwiex – bħala prinċipju jew wara d-dekorriment ta’ ċertu perijodu ta’ żmien – eskluż jew limitat għal ċerti tipi ta’ irregolaritajiet sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà ġuridika u l-awtorità ta’ res judicata.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Karta

6

L-Artikolu 47 tal-Karta intitolat, “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jistabbilixxi dan li ġej fl-ewwel żewġ paragrafi tiegħu:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.”

Id-Deċiżjoni 2004/752/KE, Euratom u l-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

7

Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom tat‑2 ta’ Novembru 2004 li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2006, L 153M, p. 84, rettifika fil-ĠU 2006, L 251, p. 8), kienet tiddikjara:

“In-numru ta’ mħallfin ta’ l-awla ġurisdizzjonali għandu jkun addattat għall-ammont ta’ kawżi tagħha. Sabiex tiġi faċilitata d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta’ l-imħallfin, huwa l-każ li jiġi previst l-istabbiliment, mill-Kunsill, ta’ kumitat konsultattiv indipendenti, bid-dmir li jivverifika jekk il-kandidati preżentati jissodisfawx il-kondizzjonijiet rikjesti f’dan ir-rigward.”

8

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2004/752, Anness I, intitolat “It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea”, kien ġie anness mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-anness, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tad-deċiżjonijiet ikkontestati (iktar ’il quddiem l-“Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”), kien jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu:

“It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun kompost minn seba’ mħallfin. […]

L-imħallfin għandhom jiġu maħtura għal perjodu ta’ sitt snin. L-imħallfin li jispiċċaw il-mandat tagħhom jistgħu jiġu maħtura mill-ġdid.

Kull post vakanti għandu jimtela bil-ħatra ta’ mħallef ġdid għal perjodu ta’ sitt snin.”

9

L-Artikolu 3 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kien jiddisponi:

“1.   L-imħallfin għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill, li jaġixxi skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 257 [TFUE], wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst f’dan l-Artikolu. Fil-ħatra ta’ l-imħallfin, il-Kunsill għandu jiżgura li jkun hemm komposizzjoni ekwilibrata tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli minn fost ċittadini ta’ l-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi legali rappreżentati.

2.   Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni u li tissodisfa l-kondizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 257 [TFUE] tista’ tippreżenta l-kandidatura tagħha. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea], għandu jiffissa l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tal-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-kandidaturi.

3.   Kumitat [ta’ Selezzjoni] kompost minn seba’ persuni magħżula minn fost ex membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta għandu jiġi stabbilit. Il-ħatra tal-membri tal-[Kumitat ta’ Selezzjoni] u r-regoli tal-ħidma tiegħu għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   Il-[Kumitat ta’ Selezzjoni] għandu jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati sabiex jeżerċitaw il-funzjoni ta’ mħallef tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-[Kumitat ta’ Selezzjoni] għandu jannetti ma’ din l-opinjoni lista tal-kandidati li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar adegwata. Tali lista għandha tikkonsisti f’numru ta’ kandidati li jikkorrispondi għall-inqas għad-doppju tan-numru ta’ mħallfin li għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill.”

Is-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013

10

Fit‑3 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill ippubblika sejħa pubblika għal kandidaturi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-ħatra ta’ Mħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, C 353, p. 11, iktar ’il quddiem is-“sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013”), li l-punt 4 tagħha kien ifformulat kif ġej:

“Billi ntemm il-mandat ta’ żewġ imħallfin fit‑30 ta’ Settembru 2014, tnediet sejħa għall-applikazzjonijiet bil-ħsieb li jinħatru żewġ imħallfin ġodda għal perijodu ta’ sitt snin mill‑1 ta’ Ottubru 2014 sat‑30 ta’ Settembru 2020.”

Id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2016/454

11

Il-premessi 1 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/454 tat‑22 ta’ Marzu 2016, li taħtar tliet Imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 79, p. 30), jiddikjaraw:

“(1)

Il-mandat taż-żewġ Imħallfin tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku […] intemm b’effett mit‑30 ta’ Settembru 2014, u l-mandat ta’ Mħallef ieħor intemm b’effett mill‑31 ta’ Awwissu 2015. Skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1) tal-Anness I [tal-]Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […], jeħtieġ għalhekk li jinħatru tliet Imħallfin biex jimlew dawk il-pożizzjonijiet vakanti.

(2)

Wara s-sejħa pubblika għal applikazzjonijiet ippubblikata [fit‑3 ta’ Diċembru] 2013 […], il-Kumitat [ta’ Selezzjoni] stabbilit bl-Artikolu 3(3) tal-Anness I [tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] ta opinjoni dwar l-adegwatezza tal-kandidati biex iwettqu l-kompiti ta’ Mħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Mal-opinjoni tiegħu l-[Kumitat ta’ Selezzjoni] hemeż lista ta’ sitt kandidati li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar adatta.

(3)

Wara l-ftehim politiku dwar ir-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 341, p. 14, rettifika fil-ĠU 16, L 40, p. 16)], il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] ppreżentat fis‑17 ta’ Novembru 2015 proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali […] tal-ġuriżdizzjoni ta’ prim’istanza f’każ ta’ tilwim bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2016.

(4)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, għal raġunijiet ta’ ħin, huwa xieraq li ma tiġix ippubblikata sejħa pubblika ġdida għal applikazzjonijiet, iżda li minflok tintuża l-lista tas-sitt kandidati li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar adatta stabbilita mill-[Kumitat ta’ Selezzjoni] wara s-sejħa pubblika għal applikazzjonijiet ippubblikata [fit‑3 ta’ Diċembru] 2013.

(5)

Għaldaqstant huwa xieraq li jinħatru tlieta mill-persuni inklużi f’dik il-lista bħala Mħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, filwaqt li tiġi żgurata kompożizzjoni ekwilibrata tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi legali nazzjonali rappreżentati. It-tliet persuni f’dik il-lista li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar idonea huma s-Sur Sean VAN RAEPENBUSCH, is-Sur João SANT’ANNA u s-Sur Alexander KORNEZOV. Is-Sur João SANT’ANNA u s-Sur Alexander KORNEZOV għandhom jinħatru b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Billi s-Sur Sean VAN RAEPENBUSCH diġà kien Mħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sat‑30 ta’ Settembru 2014 u baqa’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu sakemm tittieħed id-Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 5 tal-[Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea], huwa xieraq li hu jinħatar għal mandat ġdid b’effett mill-jum wara t-tmiem tal-mandat preċedenti tiegħu.

(6)

Mill-Artikolu 2 tal-Anness I [tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] jsegwi li kwalunkwe pożizzjoni vakanti għandha timtela permezz tal-ħatra ta’ Mħallef ġdid għal perijodu ta’ sitt snin. Madankollu, mal-applikazzjoni tar-Regolament propost dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni ta’ prim’istanza f’każ ta’ tilwim bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mhux ser jeżisti aktar, u b’hekk il-mandat tat-tliet Imħallfin maħtura b’din id-Deċiżjoni jintemm ipso facto fid-data ta’ qabel dik li fiha r-Regolament japplika”.

12

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2016/454 jipprevedi:

“Dawn li ġejjin huma b’dan maħtura bħala Mħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea:

Is-Sur Sean Van Raepenbusch, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2014,

Is-Sur João Sant’Anna, b’effett mill‑1 ta’ April 2016,

Is-Sur Alexander Kornezov, b’effett mill‑1 ta’ April 2016.”

Il-fatti li wasslu għall-kawżi ssottomessi għal eżami mill-ġdid

Il-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni

13

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/474/KE, Euratom tad‑9 ta’ Ġunju 2009 li taħtar Imħallef tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 156, p. 56), I. Rofes i Pujol inħatret Imħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal perijodu ta’ sitt snin bejn l‑1 ta’ Settembru 2009 u l‑31 ta’ Awwissu 2015.

14

Wara s-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013, imnedija bil-ħsieb li jintemmu, fit‑30 ta’ Settembru 2014, il-mandati ta’ żewġ Imħallfin oħra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jiġifieri S. Van Raepenbusch u H. Kreppel, il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Selezzjoni”) stabbilixxa lista ta’ sitt kandidati.

15

Peress li l-Kunsill ma ħatarx, qabel l-iskadenza ta’ dawn iż-żewġ mandati, Imħallfin fil-pożizzjonijiet okkupati minn S. Van Raepenbusch u H. Kreppel, dawn tal-aħħar komplew fil-kariga lil hinn mit‑30 ta’ Settembru 2014, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li skontu Mħallef ikompli fil-kariga sakemm is-suċċessur tiegħu jassumi d-doveri tiegħu. Din id-dispożizzjoni kienet applikabbli għall-Imħallfin tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness I tal-imsemmi statut.

16

L-ebda sejħa pubblika għal kandidaturi ma ġiet ippubblikata fid-dawl tal-iskadenza tal-mandat ta’ I. Rofes i Pujol. F’dan il-kuntest, u skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, din tal-aħħar kompliet fil-kariga wara l‑31 ta’ Awwissu 2015.

17

Permezz tad-Deċiżjoni 2016/454, il-Kunsill, fit‑22 ta’ Marzu 2016, ħatar tliet Imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jiġifieri S. Van Raepenbusch, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2014, kif ukoll J. Sant’Anna u A. Kornezov, b’effett mill‑1 ta’ April 2016. Sabiex jipproċedi bil-ħatriet għal dawn it-tliet pożizzjonijiet ta’ Mħallfin (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ ħatra inkwistjoni”), il-Kunsill uża l-lista ta’ kandidati stabbilita wara s-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013, inkluż għall-pożizzjoni vakanti li qabel kienet okkupata minn I. Rofes i Pujol (iktar ’il quddiem it-“tielet pożizzjoni”), minkejja li din is-sejħa pubblika għal kandidaturi ma kinitx tirrigwarda din il-pożizzjoni.

18

J. Sant’Anna u A. Kornezov ħadu l-ġurament fit‑13 ta’ April 2016.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2016 (ĠU 2016, C 146, p. 11), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku assenja l-Imħallfin K. Bradley, J. Sant’Anna u A. Kornezov lit-Tieni Awla tiegħu għall-perijodu bejn l‑14 ta’ April u l‑31 ta’ Awwissu 2016.

Il-Kawża C‑542/18 RX‑II

Il-fatti li wasslu għall-kawża

20

E. Simpson, li kien membru tal-persunal awżiljarju fl-unità ta’ traduzzjoni tal-lingwa Estonjana tal-Kunsill mill‑1 ta’ Ġunju 2004, ġie rreklutat fl‑1 ta’ Jannar 2005 bħala uffiċjal bi prova fil-grad AD 5, wara li għadda mill-kompetizzjoni ġenerali EPSO/LA/3/03 intiża sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ tradutturi fil-grad (LA) 8. Huwa ġie promoss għall-grad AD 6 fl‑1 ta’ Jannar 2008.

21

Matul is-sena 2009, E. Simpson għadda mill-kompetizzjoni EPSO/AD/113/07. Il-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġiet ippubblikata fit‑28 ta’ April 2009. Fil‑25 ta’ Ġunju 2010, E. Simpson talab, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li jibbenefika minn avvanz għall-grad AD 9, billi invoka l-fatt li huwa kien għadda mill-kompetizzjoni EPSO/AD/113/07 li tikkorrispondi għal dan il-grad u l-fatt li tliet uffiċjali, li kienu jinsabu, fil-fehma tiegħu, f’sitwazzjoni paragunabbli għal tiegħu, kienu bbenefikaw minn avvanz fil-grad, wara li għaddew minn kompetizzjoni fi grad ogħla minn tagħhom.

22

Permezz ta’ nota tad‑9 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill, li ċaħad din it-talba, indika li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li tagħti d-dritt lill-uffiċjali li jibbenefikaw awtomatikament minn avvanz fil-grad abbażi ta’ suċċess f’kompetizzjoni bi grad ogħla minn tagħhom, tali deċiżjoni setgħet tingħata biss fid-dawl tal-interess tas-servizz u li, f’dan il-każ, dan l-interess ma kienx jeżisti fir-rigward tas-sitwazzjoni, matul is-sena 2010, tal-unità ta’ traduzzjoni tal-lingwa Estonjana.

23

Fit‑8 ta’ Marzu 2011, E. Simpson ressaq ilment quddiem il-Kunsill, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra din id-deċiżjoni tal-Kunsill. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2011.

Il-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u quddiem il-Qorti Ġenerali li ppreċedew l-adozzjoni tal-ewwel sentenza taħt eżami mill-ġdid

24

Fis‑27 ta’ Diċembru 2011, E. Simpson ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kontra d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2011.

25

Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11, EU:F:2013:201), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2011 minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

26

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Frar 2014, il-Kunsill appella kontra din is-sentenza.

27

Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kunsill vs Simpson (T‑130/14 P, EU:T:2015:796), il-Qorti Ġenerali laqgħet dan l-appell, minħabba li ineżattezza materjali kienet ivvizzjat ir-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u bagħtet il-kawża lura quddiemu.

28

Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11 RENV, EU:F:2016:136), it-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħdet ir-rikors ta’ E. Simpson fl-intier tiegħu.

29

Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Settembru 2016, E. Simpson appella kontra dan id-digriet. Dan l-appell ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru T‑646/16 P.

30

Fil‑21 ta’ Marzu 2018, il-President tal-Awla tal-Appell tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jiftaħ mill-ġdid il-proċedura bil-miktub f’din il-kawża wara, minn naħa, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) annullat is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, FV vs Il‑Kunsill (F‑40/15, EU:F:2016:137), minħabba li l-kulleġġ ġudikanti li kien ta din l-aħħar sentenza ma kienx ġie kkostitwit b’mod regolari, u wara, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tad‑19 ta’ Marzu 2018, Eżami mill-ġdid FV vs Il‑Kunsill (C‑141/18 RX, EU:C:2018:218), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja (Awla għall-Eżami mill-Ġdid) iddeċidiet li ma kienx hemm lok għal eżami mill-ġdid ta’ din is-sentenza.

31

Fit‑22 ta’ Marzu 2018, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fil-Kawża T‑646/16 P, mis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22). Bi tweġiba għal din l-istedina, il-partijiet sostnew, minn naħa, li motiv ibbażat fuq irregolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti, bħal dik li ġiet ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza, kien jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku, li għandu jiġi eżaminat ex officio mill-qorti tal-appell, u, min-naħa l-oħra, li d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11 RENV, EU:F:2016:136), kien ġie ffirmat mill-istess kulleġġ ġudikanti bħal dak li l-kompożizzjoni tiegħu tqieset bħala irregolari mill-imsemmija sentenza. Għalhekk, skont il-partijiet, dan id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jiġi annullat għal raġunijiet identiċi għal dawk li ġew adottati mill-Qorti Ġenerali fl-istess sentenza.

L-ewwel sentenza taħt eżami mill-ġdid

32

Permezz tal-ewwel sentenza taħt eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali annullat id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11 RENV, EU:F:2016:136), u bagħtet il-kawża lura quddiem awla tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik li kienet iddeċidiet fuq l-appell sabiex din tiddeċiedi fuq ir-rikors fl-ewwel istanza.

33

Il-punti 38 sa 46 tal-ewwel sentenza taħt eżami mill-ġdid huma fformulati kif ġej:

“38

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku, li għandu jiġi eżaminat ex officio mill-qorti tal-appell, anki fil-każ li din l-irregolarità ma tkunx ġiet invokata fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 44 sa 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, bħala prinċipju, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq motiv ta’ liġi mqajjem ex officio, anki jekk ikun ta’ ordni pubbliku, mingħajr ma qabel tistieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmi motiv (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti u mqajjem mir-rikorrent minħabba li l-proċedura ta’ ħatra ta’ wieħed mill-Imħallfin li kien jifforma parti minn dan il-kulleġġ ġudikanti kienet ivvizzjata b’irregolarità, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dan li ġej.

41

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla), meta ta s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, FV vs Il‑Kunsill (F‑40/15, EU:F:2016:137), kien kompost mill-Imħallfin K. Bradley, J. Sant’Anna u A. Kornezov. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li, skont id-dispożittiv u l-premessa 5 tad-[Deċiżjoni 2016/454], il-Kunsill ħatar bħala Mħallfin fit-Tribunal tas-Servizz Pubbliku, fl-ewwel lok, lil S. Van Raepenbusch, fit-tieni lok, lil J. Sant’Anna u, fit-tielet lok, lil A. Kornezov. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Imħallef K. Bradley ma kienx inħatar Imħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz tad-Deċiżjoni 2016/454 u għalhekk ma setax ikun l-Imħallef ikkonċernat mill-motiv imsemmi fil-punt 40 iktar ’il fuq, iżda li, min-naħa l-oħra, l-Imħallfin J. Sant’Anna u A. Kornezov kienu nħatru Mħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz ta’ din id-deċiżjoni.

42

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq irregolarità tal-proċedura ta’ ħatra, minħabba li l-Kunsill ħatar Imħallef għat-[tielet pożizzjoni] mil-lista ta’ kandidati stabbilita wara s-sejħa pubblika għal kandidaturi [tat‑3 ta’ Diċembru 2013] sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti okkupati mill-Imħallfin S. Van Raepenbusch u H. Kreppel fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, filwaqt li din il-lista ma kinitx ġiet stabbilita għall-ħatra ta’ Mħallef għat-[tielet pożizzjoni]. F’dan ir-rigward, fil-punt 51 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, billi uża l-lista stabbilita wara s-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013, sabiex jimtela t-tielet pożizzjoni […], il-Kunsill ma kienx osserva l-qafas ġuridiku impost mis-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013. Għalhekk, wara li fakkret li, skont id-dispożittiv u l-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2016/454, il-Kunsill kien ħatar bħala Mħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fl-ewwel lok, lil S. Van Raepenbusch, fit-tieni lok, lil J. Sant’Anna u, fit-tielet lok, lil A. Kornezov, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din l-istituzzjoni kellha dritt tuża din il-lista fir-rigward tal-ewwel żewġ ħatriet, iżda mhux fir-rigward tat-tielet waħda.

43

It-tielet nett, fil-punt 78 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tal-importanza tal-osservanza tar-regoli li jirregolaw il-ħatra ta’ Mħallef għall-fiduċja tal-partijiet f’kawża u tal-pubbliku fl-indipendenza u fl-imparzjalità tal-qrati, l-Imħallef inkwistjoni ma jistax jitqies li huwa qorti legali fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta] u, konsegwentement, annullat is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, FV vs Il‑Kunsill (F‑40/15, EU:F:2016:137), fl-intier tagħha.

44

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-digriet [tal‑24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11 RENV, EU:F:2016:136)] ġie adottat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla), kompost mill-Imħallfin K. Bradley, J. Sant’Anna u A. Kornezov, jiġifieri mill-istess kulleġġ ġudikanti bħal dak li ta s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, FV vs Il‑Kunsill (F‑40/15, EU:F:2016:137), u li l-kompożizzjoni tiegħu tqieset bħala irregolari fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22).

45

Għalhekk, hemm lok li jiġi eżaminat ex officio l-motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 38 iktar ’il fuq, jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku, li għandu jiġi eżaminat ex officio mill-qorti tal-appell, anki fil-każ li din l-irregolarità ma tkunx ġiet invokata fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 44 sa 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, wara li nstemgħu l-partijiet, li jiġu applikati l-prinċipji mfakkra mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), f’dan il-każ.

46

Għaldaqstant, id-digriet appellat għandu jiġi annullat fl-intier tiegħu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta], mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-rikorrent.”

Il-Kawża C‑543/18 RX‑II

Il-fatti li wasslu għall-kawża

34

Bejn is‑16 ta’ Mejju 2007 u l‑31 ta’ Awwissu 2013, HG, uffiċjal tal-Kummissjoni, ġie assenjat lid-delegazzjoni tal-Kummissjoni fin-Nazzjonijiet Uniti f’New York (l-Istati Uniti).

35

Fil‑15 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni u HG iffirmaw ftehim ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-persunal li jikkorrispondi għall-bżonnijiet tal-familja tiegħu (iktar ’il quddiem l-“akkomodazzjoni għall-persunal”) skont l-Artikolu 5 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

36

F’Ottubru 2008, HG informa lill-kap ta’ amministrazzjoni tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fin-Nazzjonijiet Uniti f’New York, is-Sinjura A, minn naħa, li huwa ma setax imur jgħix fl-akkomodazzjoni għall-persunal minħabba problemi tas-saħħa ta’ bintu, li twieldet f’Ġunju tal-istess sena, u, min-naħa l-oħra, li huwa kien jokkupa l-akkomodazzjoni għall-persunal, iżda kien jgħix ukoll b’mod regolari fl-appartament tal-konjuġi tiegħu, sabiex jibbenefika mill-kumpannija tal-familja tiegħu. HG isostni wkoll li huwa informa lis-Sinjura A, f’data mhux speċifikata, li wieħed mill-ħbieb tiegħu, is-Sinjur B, jokkupa l-akkomodazzjoni għall-persunal għal “ftit sigħat” jew “jumejn kull ġimagħtejn” bħala “gwardjan” tagħha. F’dan ir-rigward, HG jindika, minn naħa, li huwa talab lis-Sinjur B, f’Settembru 2008, sabiex iwettaq il-formalitajiet mal-fornitur tal-elettriku għall-akkomodazzjoni għall-persunal u, min-naħa l-oħra, li huwa kien tah iċ-ċavetta tal-akkomodazzjoni għall-persunal f’Diċembru 2008.

37

Permezz tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015, l-Awtorità tal-Ħatra tripartitika (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra tripartitika”) qieset li, l-ewwel nett, billi astjena milli jgħix mal-familja tiegħu fl-akkomodazzjoni għall-persunal, HG kien kiser l-Artikolu 5 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni nett, billi naqas milli jiffirma huwa stess il-kuntratt ta’ provvista tal-elettriku, huwa kien kiser l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-punt 22.10.11.4 tal-vade-mecum tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Relazzjonijiet esterni” għall-attenzjoni tal-persunal irreklutat fid-delegazzjonijiet u, it-tielet nett, l-aġir żbaljat ta’ HG kien il-kawża tad-dannu li rriżulta mit-teħid ta’ responsabbiltà mill-istituzzjoni tal-ispejjeż tal-kiri inġustifikat tal-akkomodazzjoni għall-persunal. Konsegwentement, l-Awtorità tal-Ħatra tripartitika imponiet fuq HG is-sanzjoni dixxiplinari tas-sospensjoni tal-avvanz fl-iskala għal perijodu ta’ 18‑il xahar u kkundannatu jikkumpensa l-imsemmi dannu fl-ammont ta’ EUR 108 596.35.

38

Fid‑9 ta’ Mejju 2015, HG ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tripartitika tal‑10 ta’ Settembru 2015.

Il-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u quddiem il-Qorti Ġenerali li ppreċedew l-adozzjoni tat-tieni sentenza taħt eżami mill-ġdid

39

Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil‑21 ta’ Diċembru 2015, HG ippreżenta rikors intiż, prinċipalment, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015 kif ukoll, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab.

40

Permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il‑Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155), it-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħdet dan ir-rikors u kkundannat lil HG għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

41

Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Settembru 2016, HG appella kontra din is-sentenza. Dan l-appell ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru T‑693/16 P.

42

Wara l-għoti tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), li l-kontenut tagħha huwa miġbur fil-qosor fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, HG talab lill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ att ippreżentat fil‑31 ta’ Jannar 2018, jekk kinitx ser tiġbor l-osservazzjonijiet tal-partijiet dwar il-konsegwenzi ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-proċedura marbuta mal-appell tiegħu.

43

Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Marzu 2018, il-President tal-Awla tal-Appell tal-Qorti Ġenerali reġa’ fetaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fis‑26 ta’ Marzu 2018, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, f’dan il-każ, mill-imsemmija sentenza.

44

Bi tweġiba għal din l-istedina, il-partijiet indikaw li s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il‑Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155), kienet ingħatat mill-istess kulleġġ ġudikanti bħal dak li l-kompożizzjoni tiegħu kienet tqieset li hija irregolari fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22). HG sostna wkoll li motiv ibbażat fuq irregolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti, bħal dak li ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali f’din l-aħħar sentenza, kien jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku u minn dan ikkonkluda li s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il‑Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155), kellha tiġi annullata għall-istess raġunijiet bħal dawk li ġew adottati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22). Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija rrikonoxxiet li l-motivi li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali tat din l-aħħar sentenza jistgħu jwasslu sabiex jiġi ġġustifikat l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il‑Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155), u r-rinviju tal-kawża lil awla tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik li kellha tiddeċiedi dwar l-appell ippreżentat minn HG.

It-tieni sentenza taħt eżami mill-ġdid

45

Permezz tat-tieni sentenza taħt eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il‑Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155), u bagħtet lura l-kawża quddiem awla tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik li kienet iddeċidiet l-appell sabiex din tiddeċiedi fl-ewwel istanza fuq ir-rikors.

46

Din id-deċiżjoni hija bbażata, fil-punti 39 sa 47 tat-tieni sentenza taħt eżami mill-ġdid, fuq motivazzjoni li hija, essenzjalment, identika għal dik riprodotta fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

47

Wara l-proposta tal-Avukat Ġenerali Ewlieni, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid qieset, permezz tad-deċiżjonijiet tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2018, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill (C‑542/18 RX), u Eżami mill-ġdid HG vs Il‑Kummissjoni (C‑543/18 RX), adottati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 193(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kien hemm lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenzi kkonċernati sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jippreġudikawx l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 195(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid iddeċidiet, fl‑14 ta’ Frar 2019, li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tibgħat lura ż-żewġ kawżi taħt eżami mill-ġdid lill-Awla Manja.

48

Minħabba l-konnessjoni bejn il-Kawżi C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, dawn għandhom jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, filwaqt li l-partijiet kellhom il-possibbiltà li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-opportunità ta’ tali tgħaqqid waqt is-seduta.

Fuq l-eżami mill-ġdid

49

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-tweġiba għall-mistoqsija li hija s-suġġett tal-eżami mill-ġdid, riprodotta fil-punti 4 u 5 ta’ din is-sentenza, ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li, permezz tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Marzu 2018, Eżami mill-ġdid FV vs Il‑Kunsill (C‑141/18 RX, EU:C:2018:218), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat is-sentenzi taħt eżami mill-ġdid. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, din kienet immotivata mill-fatt li, fil-proposta tiegħu ta’ eżami mill-ġdid tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), l-Avukat Ġenerali Ewlieni, filwaqt li espona r-raġunijiet partikolari li wassluh sabiex jadixxi lill-awla għall-eżami mill-ġdid, indika li huwa qies li din is-sentenza “ma tippreżentax, fil-raġunament ġuridiku tagħha, riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni”. Għalhekk, minn din il-proposta ta’ eżami mill-ġdid jirriżulta li l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma kinux issodisfatti.

50

Fir-rigward tat-tweġiba għall-mistoqsija li hija s-suġġett ta’ dan l-eżami mill-ġdid, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi meta annullat id-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba li l-kulleġġ ġudikanti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ta dawn id-deċiżjonijiet kien kompost b’mod irregolari minħabba irregolarità li affettwat il-proċedura ta’ ħatra ta’ wieħed mill-membri ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti u li wassal għal ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali, stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

51

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, f’liema kundizzjonijiet il-ħatra ta’ Mħallef tista’, bħall-atti msemmija fl-Artikolu 277 TFUE, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ tal-legalità inċidentali. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat jekk, sakemm tiġi stabbilita l-irregolarità fir-rigward tal-proċedura ta’ ħatra, ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali, din effettivament wasslitx għal ksur tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiġġustifika l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

52

Fil-każ li l-imsemmi eżami juri li s-sentenzi taħt eżami mill-ġdid huma effettivament ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi, ikun hemm lok li jiġi evalwat, fit-tieni lok, jekk dawn is-sentenzi jippreġudikawx l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq il-kundizzjonijiet ta’ stħarriġ tal-legalità inċidentali tal-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni

53

Fis-sentenzi taħt eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien hemm lok li jitqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li ta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375), kif ukoll fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), hija qieset, fil-fatt, li dan kien motiv ta’ ordni pubbliku li kellu, f’dan ir-rigward, jiġi eżaminat ex officio mill-qorti tal-appell, anki fl-ipoteżi fejn din l-irregolarità ma kinitx ġiet invokata fl-ewwel istanza.

54

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni 2016/454, li permezz tagħha s-suċċessur fit-tielet pożizzjoni nħatar bħala Mħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma tikkostitwixxix, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punti 118 sa 124 tal-konklużjonijiet tagħha, att ta’ portata ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE.

55

Madankollu, mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti, imparzjali u stabbilit minn qabel bil-liġi, żgurat mill-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li kull parti f’kawża għandha, bħala prinċipju, ikollha l-possibbiltà li tinvoka ksur ta’ dan id-dritt. Minn dan jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tivverifika jekk irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni setgħetx twassal għal ksur ta’ dan id-dritt fundamentali.

56

Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-fatt li l-ebda waħda mill-partijiet f’dawn il-kawżi ma kienet qajmet kontestazzjoni dwar ir-regolarità tal-kulleġġ ġudikanti li adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati jipprekludix lill-Qorti Ġenerali milli teżamina din ir-regolarità ex officio.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett tagħha kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq. Dan jimplika li kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fil-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix tali qorti meta jitnissel dubju serju fuq dan il-punt. Din il-verifika hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-parti f’kawża. F’dan is-sens, tali stħarriġ jikkostitwixxi formalità essenzjali li l-osservanza tagħha taqa’ taħt l-ordni pubbliku u għandha tiġi vverifikata ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 4648).

58

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ddeċidiet, fis-sentenzi taħt eżami mill-ġdid, li teżamina ex officio r-regolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li ta d-deċiżjonijiet ikkontestati peress li l-irregolarità ta’ dan l-istess kulleġġ ġudikanti kienet ġiet ikkonstatata fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22).

Fuq l-irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni u l-effett tagħha fuq id-dritt tal-partijiet għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi

L-irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni

59

Fis-sentenzi taħt eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), ikkonkludiet li l-Kunsill ma kienx osserva l-qafas ġuridiku impost mis-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013 billi uża l-lista ta’ kandidati stabbilita wara din is-sejħa sabiex timtela t-tielet pożizzjoni.

60

Din il-konklużjoni ma tinkludi l-ebda żball ta’ liġi.

61

Fil-fatt, sa fejn, skont il-punt 4 tas-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013, din kienet espliċitament u esklużivament inħarġet sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet taż-żewġ Imħallfin li l-mandat tagħhom kien jiskadi fit‑30 ta’ Settembru 2014, jiġifieri dawk okkupati mill-Imħallfin S. Van Raepenbusch u H. Kreppel, u mhux sabiex timtela wkoll it-tielet pożizzjoni, li qabel kienet okkupata mill-Imħallef I. Rofes i Pujol li l-mandat tagħha kien jiskadi fil‑31 ta’ Awwissu 2015, il-Kunsill, billi ħatar din l-aħħar pożizzjoni mil-lista ta’ kandidati stabbilita wara din is-sejħa pubblika għal kandidaturi, ma osservax il-qafas ġuridiku li huwa nnifsu kien stabbilixxa meta ppubblika l-imsemmija sejħa pubblika għal kandidaturi u li huwa kien obbligat josserva. Ir-“raġunijiet ta’ ħin”, li tirreferi għalihom il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2016/454 fil-kuntest tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-istess sejħa pubblika għal kandidaturi.

62

Madankollu, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punti 52 sa 58 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), kunsiderazzjonijiet li barra minn hekk ma ġewx espressament riprodotti fis-sentenzi taħt eżami mill-ġdid, l-użu ta’ din il-lista għall-ħatra tat-tielet pożizzjoni jidher li kien, għall-bqija, konformi mar-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

63

Fil-fatt, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 3(4) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-lista ta’ kandidati kellha tikkonsisti f’numru ta’ kandidati li jikkorrispondi mill-inqas għad-doppju tan-numru ta’ Mħallfin li kellhom jinħatru mill-Kunsill. Issa, il-lista stabbilita wara s-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013 kienet tinkludi sitt kandidati, li jikkorrispondi għad-doppju tan-numru tal-Imħallfin li ġew maħtura abbażi ta’ din il-lista. Għalhekk, f’dan il-każ, din id-dispożizzjoni ġiet osservata b’mod sħiħ.

64

Barra minn hekk, l-ebda element ma jippermetti li tiġi ddubitata l-osservanza tal-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 257 TFUE, li jeżiġi li l-membri tal-qrati speċjalizzati jintgħażlu minn fost persuni li joffru l-garanziji kollha ta’ indipendenza u li jkollhom il-kapaċità meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji, tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li abbażi tagħha kull persuna li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u li jkollha ċ-ċittadinanza tal-Unjoni setgħet tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-pożizzjonijiet ta’ Mħallef lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jew tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(4) ta’ dan l-anness, li abbażi tiegħu l-lista stabbilita mill-Kumitat ta’ Selezzjoni kellu jindika l-kandidati li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-iktar idonea.

65

Għalhekk, imkien ma ġie ddubitat li s-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013 kienet miftuħa għal kull ċittadin tal-Unjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 257 TFUE, li s-sitt kandidati kollha inklużi fil-lista stabbilita wara din is-sejħa pubblika kellhom iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u kienu ġew ikkunsidrati mill-Kumitat ta’ Selezzjoni bħala adatti għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Mħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li din il-lista kienet tindika effettivament il-kandidati li kellhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-iktar idonea.

66

Fir-rigward tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li hija dispożizzjoni li tipprovdi li l-Kunsill, meta jaħtar Imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għandu jiżgura kompożizzjoni bbilanċjata ta’ din il-qorti fuq bażi ġeografika l-iktar wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi legali nazzjonali rrappreżentati, il-Qorti Ġenerali ċertament qieset, fil-punt 56 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), li ma setax jiġi eskluż li l-użu ta’ din il-lista ta’ kandidati stabbilita wara s-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013 għall-ħatra ta’ Mħallef fit-tielet pożizzjoni kellu l-konsegwenza li jeskludi parti mill-kandidati potenzjali għal din il-pożizzjoni, b’mod partikolari dawk ta’ nazzjonalità Spanjola li, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ din id-dispożizzjoni, kienu possibbilment skoraġġuti milli jipparteċipaw f’din is-sejħa pubblika peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku diġà kellu membru Spanjol meta saret is-sejħa pubblika għal kandidaturi u l-pożizzjoni ta’ dan il-membru ma kienx kopert minn din is-sejħa.

67

Madankollu, tali konstatazzjoni bl-ebda mod ma tippermetti li jitqies li l-ħatra ta’ Mħallef fit-tielet pożizzjoni kienet twassal għal kompożizzjoni mhux ibbilanċjata f’termini ta’ tqassim ġeografiku jew ta’ rappreżentanza tas-sistemi legali nazzjonali fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li l-Kunsill għalhekk kien jipproċedi b’din il-ħatra bi ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-fatt li ċerti kandidati potenzjali kienu ġew skoraġġuti milli jipparteċipaw fis-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013, identifikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), irriżulta direttament u esklużivament mill-fatt li din is-sejħa pubblika ma kinitx intiża sabiex timtela t-tielet pożizzjoni, b’tali mod li dan il-fatt ma jistax jitqies bħala irregolarità distinta minn dik identifikata fil-punt 61 ta’ din is-sentenza.

68

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni tirriżulta esklużivament min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kunsill, tas-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013 u mhux minn ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 257 TFUE jew mill-Artikolu 3 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-effett tal-irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni fuq id-dritt tal-partijiet għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi

69

Fis-sentenzi taħt eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li bbażat ruħha mill-ġdid fuq is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22), iddeċidiet li, fid-dawl tal-importanza tal-osservanza tar-regoli li jirregolaw il-ħatra ta’ Mħallef għall-fiduċja tal-partijiet f’kawża u tal-pubbliku fl-indipendenza u fl-imparzjalità tal-qrati, l-Imħallef maħtur fit-tielet pożizzjoni ma jistax jitqies li huwa qorti legali fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

70

Skont din id-dispożizzjoni, kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

71

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jagħmlu parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-istat tad-dritt. L-imsemmija rekwiżiti jistabbilixxu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra, huwa b’mod partikolari neċessarju li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ikunu tali li ma jkunux jistgħu jqajmu tali dubji leġittimi fir-rigward tal-Imħallfin maħtura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 120123134, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72

L-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li tikkorrispondi għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), it-tifsira u l-portata tagħha huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk stabbiliti mill-imsemmija konvenzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti lit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak żgurat mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-introduzzjoni tal-espressjoni “mwaqqaf b’liġi” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandha l-għan li tevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tal-eżekuttiv u li tiżgura li din il-materja tkun irregolata minn liġi adottata mis-setgħa leġiżlattiva b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha. Din l-espressjoni tirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-istat tad-dritt u tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tas-sede f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ Mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 2014, Biagioli vs San Marino, CE:ECHR:2014:0708DEC000816213, punti 72 sa 74, u Qorti EDB, 2 ta’ Mejju 2019, Pasquini vs San Marino, CE:ECHR:2019: 0502JUD005095616, punti 100 u 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74

Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li d-dritt għal smigħ minn qorti “stabbilita bil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jinkludi, min-natura tiegħu stess, il-proċess ta’ ħatra tal-Imħallfin (Qorti EDB, 12 ta’ Marzu 2019, Ástráðsson vs L‑Islanda, CE:ECHR:2019:0312JUD002637418, mhux finali, punt 98).

75

Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 71 u 73 ta’ din is-sentenza jirriżulta li irregolarità mwettqa matul il-ħatra ta’ Mħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari meta din l-irregolarità hija ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li partijiet oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għaliha l-proċess ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-Imħallef jew tal-Imħallfin ikkonċernati, li jkun il-każ meta r-regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali tal-istabbiliment u tal-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja jkunu inkwistjoni.

76

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk l-irregolarità mwettqa fil-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni wasslitx f’dan il-każ għal ksur tad-dritt tal-partijiet li l-kawża tagħhom tinstema’ minn qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, żgurat mill-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

77

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, din l-irregolarità tirriżulta esklużivament min-nuqqas ta’ osservanza mill-Kunsill tas-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013.

78

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ħatra ta’ Mħallef fit-tielet pożizzjoni saret b’osservanza tar-regoli fundamentali għall-ħatra tal-Imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jikkostitwixxu r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 257 TFUE u l-Artikolu 3 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

79

F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt li l-Kunsill għamel użu tal-lista stabbilita wara s-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013 sabiex timtela t-tielet pożizzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur ta’ regola fundamentali tal-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ta’ natura u ta’ gravità tali li ħoloq riskju reali li l-Kunsill għamel użu inġustifikat tas-setgħat tiegħu billi pperikola l-integrità tar-riżultat tal-proċess ta’ ħatra u billi ħoloq b’hekk dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-Imħallef maħtur fit-tielet pożizzjoni, jew fl-awla li lilha huwa ġie assenjat.

80

F’dan ir-rigward, l-irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni hija differenti minn dik inkwistjoni fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-EFTA tal‑14 ta’ Frar 2017, Pascal Nobile vs DAS Rechtsschutz-Versicherungs (E‑21/16), imsemmija fil-punt 75 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill (T‑639/16 P, EU:T:2018:22). Fil-fatt, din l-aħħar irregolarità kienet tikkonsisti fil-ħatra ta’ Mħallef fil-Qorti tal-EFTA għal mandat li t-tul tiegħu kien ġie eċċezzjonalment iffissat għal tliet snin minflok sitta u b’hekk kien jikkonċerna, b’differenza mill-irregolarità eżaminata f’dawn il-kawżi, il-ksur ta’ regola fundamentali dwar it-tul tal-mandati ta’ Mħallef fi ħdan din il-qorti, intiża sabiex tipproteġi l-indipendenza tagħhom.

81

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kunsill, tas-sejħa pubblika għal kandidaturi tat‑3 ta’ Diċembru 2013, ma jikkostitwixxix ksur tar-regoli fundamentali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-ħatra tal-Imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li wassal għal ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal qorti stabbilita bil-liġi, żgurat mill-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

82

Għaldaqstant, u peress li s-sentenzi taħt eżami mill-ġdid ma jinkludux elementi oħra li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-osservanza tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, f’dawn is-sentenzi, li din id-dispożizzjoni kienet inkisret. L-irregolarità msemmija fil-punt preċedenti ma setgħetx għalhekk tiġġustifika waħedha l-annullament ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata mill-kulleġġ ġudikanti li lilu ġie assenjat l-Imħallef maħtur fit-tielet pożizzjoni.

83

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta annullat id-deċiżjonijiet ikkontestati abbażi biss tal-irregolarità mwettqa fil-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni.

Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni

84

L-iżball ta’ liġi li jivvizzja s-sentenzi taħt eżami mill-ġdid huwa ta’ natura li jippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

85

Fil-fatt, is-sentenzi taħt eżami mill-ġdid jistgħu jikkostitwixxu preċedenti għal kawżi futuri, peress li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq kawżi oħra li jinvolvu l-ħatra ta’ membru ta’ kulleġġ ġudikanti u, b’mod iktar ġenerali, fuq id-dritt għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi.

86

Barra minn hekk, dan id-dritt għandu natura fundamentali u trażversali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li l-interpretazzjoni tiegħu kif ukoll il-koerenza tiegħu għandhom jiġu żgurati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan b’mod partikolari meta jqumu kwistjonijiet f’dan ir-rigward f’kuntest speċifiku li jkun għadu ma tax lok għal ġurisprudenza stabbilita tagħha.

87

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenzi taħt eżami mill-ġdid jippreġudikaw l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali, bħala qorti ta’ appell, iddeċidiet li l-kulleġġ ġudikanti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea li ta d-deċiżjonijiet ikkontestati kien kompost b’mod irregolari minħabba irregolarità li kienet taffettwa l-proċedura ta’ ħatra ta’ wieħed mill-membri ta’ dan il-kulleġġ, li kkawżat ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali, stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, u annullat l-imsemmija deċiżjonijiet.

Fuq l-effetti tal-eżami mill-ġdid

88

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali li tkun marbuta bil-punti ta’ liġi deċiżi minnha. Barra minn hekk, meta tibgħat il-kawża lura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindika l-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li għandhom jitqiesu li huma definittivi fir-rigward tal-partijiet involuti fit-tilwima. Bħala eċċezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija nnifisha tiddeċiedi b’mod definittiv, jekk is-soluzzjoni tat-tilwima tirriżulta, fid-dawl tar-riżultat tal-eżami mill-ġdid, mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

89

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax sempliċement tikkonstata l-preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tislet konsegwenzi minn din il-konstatazzjoni fir-rigward taż-żewġ tilwimiet inkwistjoni (ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Peress li l-Qorti Ġenerali annullat, fis-sentenzi taħt eżami mill-ġdid, id-deċiżjonijiet ikkontestati abbażi ta’ ksur tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta mingħajr ma eżaminat l-aggravji li l-appellanti kienu invokaw insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom, is-sentenzi taħt eżami mill-ġdid għandhom jiġu annullati u l-kawżi għandhom jintbagħtu lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi dwar dawn l-aggravji.

Fuq l-ispejjeż

91

Skont l-Artikolu 195(6) tar-Regoli tal-Proċedura, meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett tal-eżami mill-ġdid tkun ingħatat skont l-Artikolu 256(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

92

Fl-assenza ta’ regoli partikolari li jirregolaw it-tqassim tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Kawżi C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II huma magħqudin għall-finijiet tas-sentenza.

 

2)

Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tad‑19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il‑Kunsill (T‑646/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:493), u HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:492), jippreġudikaw l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, bħala qorti ta’ appell, iddeċidiet li l-kulleġġ ġudikanti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea li ta rispettivament id-digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11 RENV, EU:F:2016:136), u s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il‑Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155), kien kompost b’mod irregolari minħabba irregolarità li kienet taffettwa l-proċedura ta’ ħatra ta’ wieħed mill-membri ta’ dan il-kulleġġ, li kkawżat ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali, stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u annullat l-imsemmija deċiżjonijiet.

 

3)

L-imsemmija sentenzi huma annullati.

 

4)

Il-kawżi huma mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

5)

Erik Simpson, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, HG, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Bulgaru għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

 

Firem


( *1 ) Lingwi tal-kawża: l‑Ingliż u l‑Franċiż