KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2020 ( 1 )

Kawża C‑18/19

WM

vs

Stadt Frankfurt am Main

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtsof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu irregolarment – Artikolu 16(1) – Detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija – Detenzjoni f’faċilità korrettiva – Ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika – Prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità – Garanziji minimi – Possibbiltà ta’ detenzjoni f’faċilità korrettiva ma’ persuni taħt arrest preventiv – Artikolu 15 – Stħarriġ ġudizzjarju – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 1 sa 4, 6 u 47”

1. 

F’liema kundizzjonijiet huwa possibbli li jiġi aċċettat li, sakemm isseħħ it-tneħħija, ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jkun fl-istess ħin, legalment miżmum u fiżikament detenut? B’mod iktar partikolari, tali ċittadin jista’ jiġi detenut f’faċilità korrettiva, u mhux f’ċentru speċjalizzat imsemmi fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 2 ), għar-raġuni li jirrappreżenta theddida serja għall-integrità fiżika u l-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti tas-sigurtà interna?

2. 

Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet li tqajjem il-Kawża C‑18/19.

3. 

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tispeċifika, għal darba oħra, il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sakemm isseħħ it-tneħħija skont id-Direttiva 2008/115.

4. 

Din il-kawża hija ta’ natura sensittiva, għax tgħaqqad il-kwistjoni tat-trattament tal-immigrazzjoni irregolari ma’ dik tat-tħassib dwar is-sitwazzjoni ta’ individwi kkunsidrati perikolużi.

I. Il-kuntest legali

A. Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”.

6.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi:

“1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba, jew

b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.   Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

a)

jew jipprovdu reviżjoni [stħarriġ] ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni,

b)

jew jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.   F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.   Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.   Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)

nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi”.

7.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Kondizzjonijiet tad-detenzjoni”, jistabbilixxi:

“1.   Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

2.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’detenzjoni għandhom jitħallew - fuq talba - jistabbilixxu kuntatt fi żmien dovut ma’ rappreżentanti legali, membri tal-familja u awtoritajiet konsulari kompetenti.

3.   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ persuni vulnerabbli. Għandhom jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali għal mard.

4.   Organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, internazzjonali u non-governattivi rilevanti u kompetenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jżuru l-faċilitajiet ta’ detenzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1 sa fejn huma wżati għad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi skond dan il-Kapitolu. Żjarat bħal dawn jistgħu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni.

5.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi miżmumin f’detenzjoni għandhom ikunu sistematikament provduti b’informazzjoni li tispjega r-regoli applikati fil-faċilità u li tindika d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar id-dritt tagħhom skond il-liġi nazzjonali li jagħmlu kuntatt ma’ l-organizzazzjonijiet u l-korpi msemmijin fil-paragrafu 4”.

8.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva, intitolat “Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   F’każijiet fejn għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura jkun ta’ piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, dak l-Istat Membru jista’, sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, […] jieħu miżuri urġenti dwar il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2).

2.   Meta jirrikorri għal dawn il-miżuri eċċezzjonali, l-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Huwa għandu wkoll jgħarraf lill-Kummissjoni hekk kif ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali ma jkunux għadhom jeżistu.

3.   L-ebda parti minn dan l-Artikolu ma għandha tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali jew partikolari, li jiżguraw it-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva”.

B. Id-dritt Ġermaniż

9.

L-Artikolu 62a tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), fil-verżjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2008 (BGBl. I, p. 162), kif emendata mill-Gesetz zur besseren Durchsetzung der Ausreisepflicht (il-Liġi dwar it-Titjib tal-Implimentazzjoni tal-Obbligu li Jitilqu mit-Territorju), tal-20 ta’ Lulju 2017 (BGBI. I, p. 2780) (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”) jipprovdi:

“(1)   Id-detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija għandha bħala prinċipju ssir f’ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni. F’każ li ma jkun jeżisti ebda ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni fit-territorju federali jew jekk il-barrani jkun ta’ theddida serja għall-integrità fiżika u l-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti ta’ sigurtà interna, id-detenzjoni tista’ ssir f’faċilitajiet korrettivi oħra; f’dan il-każ, id-detenuti għall-finijiet ta’ tneħħija għandhom jinżammu separatament mill-priġunieri ordinarji […]

(2)   Id-detenuti għall-finijiet ta’ tneħħija huma awtorizzati jikkuntattjaw ir-rappreżentanti legali tagħhom, il-membri tal-familja tagħhom, l-awtoritajiet konsulari kompetenti u l-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna u ta’ assistenza kkonċernati.

[…]

(4)   F’każ ta’ talba, l-impjegati tal-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna u ta’ assistenza kkonċernati huma awtorizzati jżuru lid-detenuti għall-finijiet ta’ tneħħija.

(5)   Id-detenuti għall-finijiet ta’ tneħħija għandhom jiġu informati bid-drittijiet u bl-obbligi tagħhom u bir-regoli fis-seħħ fi ħdan il-faċilità”.

II. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10.

WM, imwieled fl-1980, huwa ċittadin Tuneżin li kien qed jirresjedi fil-Ġermanja. Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2017, il-Ministeru kompetenti tal-Land ta’ Hesse (il-Ġermanja) ordna t-tneħħija tiegħu lejn it-Tuneżija abbażi tal-Artikolu 58a(1) tal-AufenthG ( 3 ), għar-raġuni li jirrappreżenta periklu partikolari għas-sigurtà nazzjonali.

11.

Skont il-qorti tar-rinviju, f’din id-deċiżjoni, l-imsemmi ministeru qies li WM jirrappreżenta tali periklu, b’mod partikolari, fid-dawl tal-personalità tiegħu, tal-aġir tiegħu, tal-fehmiet Iżlamiċi radikali tiegħu, tal-kwalifika tiegħu bħala trasportatur u reklutatur tal-organizzazzjoni terroristika tal-Istat Iżlamiku mis-servizzi tal-intelligence kif ukoll f’dak tal-attività tiegħu għal din l-istess organizzazzjoni fis-Sirja.

12.

WM ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni fl-1 ta’ Awwissu 2017 quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) u ppreżenta wkoll talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha quddiem din l-istess qorti. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2017, l-imsemmija qorti ċaħdet it-talba għal miżuri provviżorji għar-raġuni li kienet teżisti probabbiltà suffiċjenti li WM iwettaq attakk terroristiku fil-Ġermanja.

13.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2017, fuq talba tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni kompetenti, l-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali, il-Ġermanja) ordnat it-tqegħid ta’ WM f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija f’faċilità korrettiva sat-23 ta’ Ottubru 2017, skont l-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG ( 4 ).

14.

WM ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja), li ċaħditu permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Awwissu 2017. WM ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tad-detenzjoni tiegħu fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn it-18 ta’ Awwissu u t-23 ta’ Ottubru 2017.

15.

Sussegwentement, id-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija ġiet estiża diversi drabi. Rikorsi ppreżentati kontra dawn l-estensjonijiet jinsabu pendenti quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja).

16.

Fid-9 ta’ Mejju 2018, WM tneħħa lejn it-Tuneżija.

17.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jawtorizzax lil Stat Membru jqiegħed ċittadini ta’ pajjiż terz li jirresjedu irregolarment u li jirrappreżentaw periklu serju għall-integrità fiżika u għall-ħajja ta’ terzi jew għas-sigurtà nazzjonali, f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija f’faċilità korrettiva, b’mod separat mill-priġunieri ordinarji.

18.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2008/115] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li d-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija tista’ ssir f’faċilità korrettiva ordinarja jekk il-barrani jkun ta’ perikolu serju għall-integrità fiżika u l-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti ta’ sigurtà interna, u d-detenut għall-finijiet tat-tneħħija jkollu, anki f’dan il-każ, jinżamm separatament mill-priġunieri ordinarji ( 5 )?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Id-deċiżjoni tar-rinviju datata 22 ta’ Novembru 2018 waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2019.

20.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn WM, mill-Gvern Ġermaniż u minn dak Svediż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea fit-terminu stabbilit skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

IV. Analiżi

A. Fuq il-persistenza tat-tilwima fil-kawża prinċipali

21.

Kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jkunu msejħa jagħtu deċiżjoni li fiha jieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika, anki ex officio, il-persistenza tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 6 ).

22.

F’dan il-każ, mill-fajl li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li wara ċ-ċaħda, permezz tad-deċiżjoni tal-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) tal-24 ta’ Awwissu 2017, tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni li jitqiegħed f’detenzjoni fi ħdan faċilità korrettiva ordinarja, WM ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju intiża għall-konstatazzjoni tal-illegalità tad-detenzjoni tiegħu. Skont il-qorti Ġermaniża ( 7 ), WM isostni li l-ordni ta’ detenzjoni hija illegali, għaliex l-Artikolu 62a tal-AufenthG imur kontra l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

23.

Huwa stabbilit li WM tneħħa lejn it-Tuneżija fid-9 ta’ Mejju 2018, qabel l-introduzzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari fit-22 ta’ Novembru 2018.

24.

Fil-punt 8 tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tispeċifika li, skont l-Artikolu 70(3)(3) tal-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (il-Liġi dwar il-Proċedura fil-Qasam tal-Familja u fil-Kawżi ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja) (iktar ’il quddiem il-“FamFG”), l-appell huwa permess skont l-Artikolu 62 tal-FamFG u huwa wkoll ammissibbli (Artikolu 71 tal-FamFG), filwaqt li l-fondatezza tiegħu tiddependi essenzjalment fuq ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula.

25.

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tiddeċiedi fuq l-interpretazzoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ( 8 ). Konsegwentement, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li t-tilwima fil-kawża prinċipali għadha pendenti quddiem din il-qorti u li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula għadha utli għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Għalhekk, għandha tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari ( 9 ).

B. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115

26.

Il-Gvern Svediż jikkunsidra, prinċipalment, li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li skont l-Artikolu 72 TFUE, li jipprovdi li l-politika komuni tal-immigrazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex tippreġudika l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, l-imsemmija Stati jibqgħu kompetenti sabiex jieħdu miżuri ta’ sigurtà effettivi fil-kuntest tad-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirresjedi irregolarment.

27.

F’dan il-każ, il-Gvern Svediż huwa tal-fehma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija neċessarja għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għas-salvagwardja tas-sigurtà interna tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-sens tal-Artikolu 72 TFUE.

28.

Dan l-argument, li ma huwiex sostnut mill-Gvern Ġermaniż u li huwa kkontestat mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi aċċettat, peress li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, fil-fehma tiegħi, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

29.

Il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali ta’ din tal-aħħar, li kienet adottata b’mod partikolari abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63(3)(b) KE, dispożizzjoni riprodotta fl-Artikolu 79(2)(c) TFUE li jinsab fit-Titolu V tat-tielet parti tat-TFUE dwar l-“ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” ( 10 ).

30.

Kif jirriżulta kemm mit-titolu tagħha kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi “standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru fir-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu irregolarment. Mill-espressjoni msemmija iktar ’il fuq, iżda wkoll mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-imsemmija standards u proċeduri biss fil-kundizzjonijiet previsti minnha, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha ( 11 ).

31.

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi li hija tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-kunċett ta’ “soġġorn illegali [residenza irregolari]” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva bħala “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”. Minn din id-definizzjoni jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza f’dan il-pajjiż ikun, b’dan il-fatt biss, f’residenza irregolari, mingħajr ma din il-preżenza tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ perijodu minimu jew ta’ intenzjoni li wieħed jibqa’ f’dan it-territorju ( 12 ).

32.

Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li ma japplikawx din id-direttiva f’każijiet elenkati b’mod ċar u limitat, jiġifieri:

għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti għal deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul, skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex jirresjedu f’dak l-Istat Membru,

għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti għal sanzjoni tal-liġi kriminali li tipprovdi jew li għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, skont il-liġi nazzjonali, jew li huma suġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

33.

Ebda element tal-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerixxi li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqa’ taħt xi waħda mid-derogi msemmija iktar ’il fuq.

34.

Fl-osservazzjonijiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u fit-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż għat-talba għal informazzjoni li saritlu, tissemma proċedura għall-finijiet ta’ estradizzjoni lejn it-Tuneżija flimkien ma’ detenzjoni, proċedura li ngħalqet permezz ta’ deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja) f’Novembru 2016. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi l-annullament mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) ta’ mandat ta’ arrest maħruġ f’Jannar 2017 fil-konfront tal-persuna kkonċernata ssuspettata li tappoġġja organizzazzjoni terroristika barranija u t-temma sussegwenti tad-detenzjoni provviżorja li għaliha kien suġġett ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, deċiżjoni ta’ annullament li ngħatat fis-17 ta’ Awwissu 2017. Għalhekk, ebda sanzjoni kriminali ma ngħatat fil-konfront tal-persuna kkonċernata.

35.

Minkejja li huwa minnu li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk fil-bidu r-rikorrent fil-kawża prinċipali kienx jirresjedi regolarment fil-Ġermanja, huwa stabbilit li, permezz tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2017, il-Ministeru kompetenti tal-Land ta’ Hesse ordna t-tneħħija tiegħu lejn it-Tuneżija abbażi tal-Artikolu 58a(1) tal-AufenthG, u din id-deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, tikkostitwixxi a priori deċiżjoni amministrattiva adottata abbażi tar-residenza irregolari tal-persuna kkonċernata u mhux sanzjoni kriminali jew konsegwenza ta’ tali sanzjoni.

36.

Għalhekk, l-eventwali dritt ta’ residenza tal-persuna kkonċernata spiċċa sa minn din id-deċiżjoni, segwita, fit-18 ta’ Awwissu 2017, bl-ordni ta’ detenzjoni, f’faċilità korrettiva, adottata abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG li għandu l-għan li jittrasponi l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż.

37.

Għalhekk, jidher li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqa’ tabilħaqq taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 16(1) tagħha li jipprovdi eżekuzzjoni prijoritarja tad-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat.

38.

Is-sempliċi invokazzjoni mill-Gvern Svediż tal-Artikolu 72 TFUE ma tistax tkun suffiċjenti sabiex teskludi, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, anki jekk fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jsir riferiment, essenzjalment, għall-kunċett ta’ periklu partikolari għas-sigurtà nazzjonali.

39.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, dan ma jfissirx madankollu li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 13 ).

40.

Il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika u tas-sigurtà nazzjonali hija espressament meħuda inkunsiderazzjoni fl-Artikolu 6(2), fl-Artikolu 7(4), fl-Artikolu 11(2) u (3) u fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 ( 14 ), mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi raġuni ta’ eċċezzjoni għall-applikazzjoni tagħha. Għalhekk, anki dawn id-dispożizzjonijiet jirriflettu l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jieħu inkunsiderazzjoni r-riżerva tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-immigrazzjoni klandestina u tar-residenza irregolari stabbilita fl-Artikolu 72 TFUE, sa fejn is-sitwazzjoni kollha tirrifletti “koeżistenza” ( 15 ) ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f’dan il-qasam.

41.

L-Artikolu 72 TFUE ma jistax jiġi interpretat, kif jistedinni nagħmel il-Gvern Svediż, bħala li jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jeskludu purament u sempliċement l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 16 tagħha, peress li dan jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni ( 16 ).

42.

Din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, waqt l-adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni skont it-Titolu V TFUE relattiv għall-“ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”, peress li l-ksur tiegħu mil-leġiżlatur tal-Unjoni jista’, jekk ikun il-każ, iwassal għall-konstatazzjoni, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, tal-invalidita ta’ tali att, u min-naħa l-oħra, waqt l-interpretazzjoni tal-imsemmija atti, kif ser naraw iktar ’il quddiem fir-rigward tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115.

43.

Finalment, għandu jitfakkar li minkejja l-fatt li la l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63(3)(b) KE, dispożizzjoni li ġiet riprodotta fl-Artikolu 79(2)(c) TFUE, u lanqas id-Direttiva 2008/115, adottata b’mod partikolari abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE, ma jeskludu l-kompetenza kriminali tal-Istati Membri fil-qasam tal-immigrazzjoni klandestina u ta’ residenza irregolari, dawn tal-aħħar għandhom jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan il-qasam sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-imsemmija Stati ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni anki jekk fil-qasam kriminali, li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet li jridu jintlaħqu minn direttiva u għalhekk li jċaħħduha mill-effett utli tagħha ( 17 ).

44.

Id-dmir tal-Istati Membri li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, huwa li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/115 u li jevitaw kull miżura oħra li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tagħha. Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli ma jkunux jistgħu jikkompromettu l-applikazzjoni tajba ta’ standards u ta’ proċeduri komuni introdotti mill-imsemmija direttiva ( 18 ).

45.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-argument tal-Gvern Svediż ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi miċħud u għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li tipprovdi possibbiltà ta’ priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija, tistax tikkomprometti l-applikazzjoni tajba ta’ standards u proċeduri komuni introdotti mill-imsemmija direttiva, u kif ukoll jekk tipperikolax l-għanijiet tagħha.

C. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115

46.

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti ( 19 ).

47.

Għalhekk għandha ssir interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-acquis ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħna marbuta ma’ dan l-att ( 20 ).

48.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi l-prinċipju li d-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment għandha ssir f’ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni. It-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi deroga minn dan il-prinċipju li, bħala tali, għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 21 ).

1.   Fuq l-interpretazzjoni letterali

49.

Huwa stabbilit li t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 ma hijiex ifformulata b’mod identiku fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha. Fil-fatt, fil-verżjoni tagħha bil-Ġermaniż, din id-dispożizzjoni tipprovdi li “meta Stat Membru ma jkollux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni u meta t-tqegħid taħt detenzjoni jkollu jsir f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mqiegħda taħt detenzjoni għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji”. Fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, li huma ta’ natura uniformi, l-imsemmija dispożizzjoni ma tirreferix għall-fatt li ma jkunx hemm faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni iżda għall-fatt li Stat Membru “ma jkunx jista’” jqiegħed lill-imsemmija ċittadini f’tali faċilitajiet ( 22 ), filwaqt li din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax ir-raġunijiet li għalihom Stat Membru jista’ jkun f’tali impossibbiltà ( 23 ).

50.

Issa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, verżjoni lingwistika differenti waħda ma tistax tipprevali kontra l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha ( 24 ) u għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali tat-test li minnu tifforma parti d-dispożizzjoni kkonċernata kif ukoll l-għan imfittex mill-leġiżlatur tal-Unjoni ( 25 ). Nosserva biss li, minkejja li l-verżjonijiet lingwistiċi, minbarra dik fil-lingwa Ġermaniża, huma ta’ natura li jħallu marġni diskrezzjonali iktar wiesa’ lill-awtoritajiet nazzjonali, dawn lanqas ma jesprimu approċċ restrittiv tad-deroga mill-prinċipju ta’ detenzjoni f’ċentru speċjalizzat, u b’hekk l-Istati Membri għandhom ikunu jinsabu f’sitwazzjoni limitata, f’dan il-każ dik li ma għandhomx għażla oħra ħlief li jeżegwixxu d-detenzjoni f’faċilità korrettiva.

51.

Fi kwalunkwe każ, interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 ma tistax toffri tweġiba inekwivoka għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2.   Fuq l-interpretazzjoni sistematika

52.

Wara li l-miżura ta’ detenzjoni tiġi analizzata fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2008/115, ser ikun hemm lok li tiġi eżaminata b’mod iktar partikolari l-kwistjoni tar-rabta bejn l-Artikoli 16 u 18 tal-imsemmija direttiva kif ukoll dik tal-użu, f’dan l-att iżda wkoll f’direttivi oħra, tal-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika”.

a)   Fuq il-miżura ta’ detenzjoni

53.

Għandu jiġi rrilevat li ladarba ċittadin ta’ pajjiż terz, bħal WM, jiġi kkunsidrat bħala li qiegħed jirresjedi irregolarment fi Stat Membru u jaqa’ għalhekk, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, huwa għandu jiġi suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minnha fir-rigward tat-tneħħija tiegħu ( 26 ).

54.

Id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi bi preċiżjoni l-proċedura li għandha tiġi applikata minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari u tiffissa l-ordni tal-iżvolġiment tad-diversi stadji li tinvolvi suċċessivament din il-proċedura ( 27 ).

55.

L-ordni tal-iżvolġiment tal-istadji tal-proċedura ta’ ritorn stabbilita bid-Direttiva 2008/115 tikkorrispondi għal gradazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, gradazzjoni li tmur minn miżura li tħalli l-iktar libertà lill-persuna kkonċernata, jiġifieri l-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju tiegħu, għall-miżuri restrittivi li jillimitawha l-iktar, jiġifieri d-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat, fejn l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi dejjem żgurata matul dawn l-istadji kollha. Anki l-użu ta’ din l-aħħar miżura, li tikkostitwixxi l-iktar miżura restrittiva tal-libertà gravi permessa mill-imsemmija direttiva fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija forzata, hija strettament irregolata, skont l-Artikoli 15 u 16 tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati ( 28 ).

56.

F’dan ir-rigward, il-miżura li ċċaħħad il-libertà għandha, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, tkun qasira kemm jista’ jkun u ddum biss sakemm l-ordni ta’ tneħħija tkun qed tiġi implimentata u eżegwita bid-diliġenza kollha meħtieġa. Skont il-paragrafi (3) u (4) tal-imsemmi Artikolu 15, tali ċaħda ta’ libertà hija suġġetta għal eżami mill-ġdid f’intervalli raġonevoli u għandha tintemm meta jkun jidher li ma għadhiex teżisti perspettiva raġonevoli ta’ tneħħija. Il-paragrafi (5) u (6) tal-istess artikolu jiffissaw it-tul massimu tal-imsemmija ċaħda għal 18-il xahar, u dan huwa limitu li japplika għall-Istati Membri kollha ( 29 ).

57.

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2008/115 jipprevedu garanziji minimi ( 30 ). L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jeħtieġ li l-persuni kkonċernati jkunu prijoritament imqiegħda f’ċentru speċjalizzat, u fi kwalunkwe każ, separati minn priġunieri ordinarji, jingħataw informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom matul id-detenzjoni, u jista’ jkollhom kuntatt ma’ organizzazzjonijiet jew istanzi nazzjonali, internazzjonali u nongovernattivi kompetenti. L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprovdi sistema ta’ detenzjoni speċifika, iktar favorevoli, għal pubbliku vulnerabbli, jiġifieri l-minuri mhux akkumpanjati u l-familji.

58.

Għalhekk jidher li, għalkemm imfassla bħala miżura aħħarija, iċ-ċaħda ta’ libertà ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija tifforma parti integrali mid-dispożittiv implimentat mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri ta’ ritorn previsti mid-Direttiva 2008/115 li għan tagħhom huwa preċiżament li jiżguraw politika ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni effikaċi bbażata fuq standards komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu mneħħija b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom kif ukoll tad-dinjità tagħhom.

59.

Dan l-istess leġiżlatur ipprovda wkoll, b’mod inekwivoku, li ċ-ċaħda ta’ libertà tista’ tiġi eżegwita f’faċilità korrettiva ordinarja. Din l-osservazzjoni, għalkemm hija dikjarazzjoni vera iżda mingħajr importanza, għandha tiġi meqjusa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni.

60.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huwa biss fil-każ fejn ikun hemm ir-riskju li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ tneħħija tiġi, fid-dawl ta’ evalwazzjoni ta’ kull sitwazzjoni speċifika, kompromessa bl-aġir tal-persuna kkonċernata li l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għaċ-ċaħda ta’ libertà ta’ din tal-aħħar permezz ta’ detenzjoni ( 31 ).

61.

Din il-preċiżazzjoni tirrileva mingħajr dubju t-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir individwali tal-immigrant ikkonċernat fl-evalwazzjoni tal-effettività tal-proċeduri ta’ ritorn u b’mod iktar partikolari l-possibbiltà li jiġi suġġett għal miżura li tinvolvi ċ-ċaħda ta’ libertà. Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprovdi miżura ta’ koerċizzjoni bbażata neċessarjament fuq evalwazzjoni tas-sitwazzjonijiet individwali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-periklu potenzjali tagħhom.

b)   Fuq ir-rabta bejn l-Artikoli 16 u 18 tad-Direttiva 2008/115

62.

Minkejja li jidhru b’mod separat u mhux kontinwu fit-test tad-Direttiva 2008/115, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16 u 18 tagħha huma, b’mod evidenti, marbuta u għandhom ikunu s-suġġett ta’ qari konġunt, peress li fil-formulazzjoni tiegħu t-tieni Artikolu jesprimi li huwa eċċezzjoni għall-ewwel wieħed. Għalhekk, meta l-Istat Membru jsib ruħu f’“sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”, kif deskritti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, huwa jkollu l-possibbiltà li jidderoga mill-prinċipju tal-eżekuzzjoni tad-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat peress li jkun f’impossibbiltà materjali li jimplimentah.

63.

Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 “jeżawrixxix” il-motivi possibbli għal deroga mill-imsemmi prinċipju.

64.

Il-fatt li s-“sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”, kif iddefiniti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, huwa l-uniku motiv ta’ deroga espressament previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni mill-eżekuzzjoni prijoritarja tad-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat ma jfissirx neċessarjament li dan huwa ta’ natura esklużiva. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Bero u Bouzalmate ( 32 ), it-test tad-Direttiva 2008/115 ma jidhirx li jippermetti risposta affermattiva għall-kwistjoni fuq imsemmija.

65.

Minkejja li l-analiżi letterali tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 turi effettivament rabta mal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva, il-portata ta’ dan ir-riferiment jillimita ruħu, fil-fehma tiegħi, li jistabbilixxi biss ir-regola li tista’ tiġi temporanjament eskluża, jiġifieri t-tqegħid f’ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, fil-każ tal-wasla għal għarrieda ta’ numru kbir ta’ immigranti li toħloq sitwazzjoni ta’ emerġenza. Ir-riferiment għall-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 hija intiża biss sabiex tiddetermina waħda mill-konsegwenzi li tirriżulta meta sseħħ sitwazzjoni ta’ emerġenza, li magħha għandha tiżdied l-estensjoni tat-termini marbuta mal-istħarriġ ġudizzjarju, previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva, u l-possibbiltà li ma josservawx l-obbligu li jipprovdu akkomodazzjoni separata għall-familji, stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-imsemmi att ( 33 ).

66.

Barra minn hekk, nirrileva, li l-Artikolu 18 attwali tad-Direttiva 2008/115 ma kienx inkluż fil-proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment tal-1 ta’ Settembru 2005 ( 34 ). Din tal-aħħar kienet diġà tinkludi, min naħa l-oħra, Artikolu 15(2) ifformulat bi kliem kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 16(1), jiġifieri li jipprovdi possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju ta’ tqegħid f’ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, mingħajr preċiżjoni tal-motivi għal tali deroga. Għalhekk, il-proċess leġiżlattiv wassal għall-introduzzjoni tal-Artikolu 18 fid-Direttiva 2008/115, li jista’ jiġi analizzat bħala l-volontà tal-leġiżlatur li jifformalizza, minn naħa, motiv speċifiku ta’ deroga li jirrigwarda l-kwistjoni sensittiva għall-Istati Membri ta’ influss massiv ta’ immigranti irregolari fit-territorju tagħhom, u min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 tad-diffikultajiet iġġenerati minn tali sitwazzjoni.

67.

Bilfors għandu jiġi kkonstatat li wara l-introduzzjoni tal-Artikolu 18 fid-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, bil-formulazzjoni ta’ natura ġenerali tiegħu, baqa’ mhux mittiefes.

68.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas-16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn ( 35 ), jissemma li: “id-deroga prevista fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2008/115] tista’ tiġi applikata meta żidiet mhux preveduti fin-numru ta’ detenuti kkawżati minn flutwazzjonijiet kwantitattivi imprevedibbli inerenti għall-fenomenu tal-migrazzjoni irregolari (li jkun għandhom ma laħqux il-livell ta’ ‘sitwazzjoni ta’ emerġenza’ rregolata b’mod ċar mill-Artikolu 18 tad-Direttiva [2008/115]) jikkawżaw problemi”. Għalhekk, huwa previst b’mod ċar motiv ta’ deroga mill-eżekuzzjoni prijoritarja tad-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat li huwa differenti minn dak deskritt fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, li għalhekk ma għandu ebda natura ta’ esklużività.

69.

Finalment, nikkunsidra li fid-dawl tal-awtonomija tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 u fl-assenza ta’ natura esklużiva tal-motiv ta’ deroga mid-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat li huwa jinkludi, ma jidhirlix li din id-dispożizzjoni għandha sservi bħala riferiment obbligatorju fir-rigward tad-determinazzjoni tal-karatteristiċi ta’ sitwazzjoni li tista’ tiġi invokata minn Stat Membru sabiex jibbaża l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni f’faċilità korrettiva.

c)   Fuq il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika”

70.

Għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprovdi l-possibbiltà ta’ detenzjoni f’faċilità korrettiva sakemm isseħħ it-tneħħija ta’ immigrant li jirrappreżenta “theddida serja għall-integrità fiżika u l-ħajja ta’ terzi” jew għal “interessi legali importanti ta’ sigurtà interna”. Din il-formulazzjoni tirrifletti b’mod ċar, fil-fehma tiegħi, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku jew mas-sigurtà pubblika.

71.

Dawn iż-żewġ kunċetti huma magħrufa sewwa fid-dritt tal-Unjoni, peress li raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika huma użati f’diversi direttivi sabiex jiġġustifikaw l-implimentazzjoni ta’ deroga minn libertà fundamentali jew minn dritt fundamentali, u jikkostitwixxu għalhekk, eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika. Approċċ sistematiku tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jimplika li din id-dispożizzjoni ma tiġix analizzata biss fid-dawl tal-att li minnu tifforma parti iżda wkoll f’dak tad-diversi direttivi li jagħmlu riferiment għal dawn il-kunċetti regolarment interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

72.

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċittadin tal-Unjoni li jkun għamel użu mid-dritt għall-moviment liberu tiegħu u ċerti membri tal-familja tiegħu, jistgħu jitqiesu bħala li jirrappreżentaw theddida għall-ordni pubbliku biss jekk l-aġir individwali tagħhom jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, il-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku” ġie interpretat bl-istess mod fil-kuntest ta’ diversi direttivi, inkluża d-Direttiva 2008/115, li jirregolaw is-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jagħmlux parti mill-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 36 ).

73.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan ikopri s-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna tiegħu, u li, għalhekk, it-theddida għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal-popolazzjoni, kif ukoll ir-riskju ta’ perturbazzjoni gravi tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew anki t-theddida għall-interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika ( 37 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffikar tad-droga fi grupp organizzat ( 38 ) jew kontra t-terroriżmu ( 39 ) hija inkluża fil-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikjediet il-prova ta’ aġir individwali li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa s-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat ( 40 ).

74.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat reċenti ħafna li kull riferiment, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, għall-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku” ma għandux neċessarjament jinftiehem bħala li jirreferi b’mod esklużiv għal aġir individwali li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-kunċett relatat ta’ “theddida għas-sigurtà pubblika”, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju ( 41 ), dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’ minn kif huwa interpretat fil-ġurisprudenza dwar il-persuni li jgawdu mid-dritt għall-moviment liberu u li dan il-kunċett jista’ b’mod partikolari jkopri theddid potenzjali għas-sigurtà pubblika. Għalhekk, sabiex tippreċiża l-portata tal-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirreferu għal dan il-kunċett, il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 42 ).

75.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq nikkunsidra li r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika li għalihom tagħmel riferiment il-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jiġġustifikaw deroga mit-tqegħid tal-imsemmi immigrant f’ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni previst prijoritament fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, bil-kundizzjoni li l-aġir tal-immigrant ikkonċernat ikun ta’ natura li jippreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istati Membru kkonċernat. Il-fatt li f’dan l-artikolu ma jissemmewx espressament il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” jew ta’ “sigurtà pubblika”, bid-differenza ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din l-istess direttiva, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din il-konklużjoni.

76.

Għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ diversi aspetti, marġni ta’ diskrezzjoni għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 billi jieħdu inkunsiderazzjoni aspetti speċifiċi tad-dritt nazzjonali ( 43 ). Barra minn hekk, kif ġie speċifikat iktar ’il fuq, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 72 TFUE li jipprovdi riżerva ta’ kompetenza tal-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna. Għalhekk, il-fatt li l-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika” ma jissemmewx espressament fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 ma jfissirx li waqt id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ deroga mit-tqegħid ta’ immigrant f’ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni sakemm isseħħ it-tneħħija tiegħu, Stat Membru ma jistax jagħmel kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw interess fundamentali tas-soċjetà, jew tas-sigurtà interna jew esterna.

77.

Fuq il-livell kuntestwali, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika u tas-sigurtà nazzjonali hija espressament meħuda inkunsiderazzjoni fl-Artikolu 6(2), fl-Artikolu 7(4), fl-Artikolu 11(2) u (3) u fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115, madankollu mingħajr definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti f’dan l-istess att. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku”, kif previst fl-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva, jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra t-tfixkil tal-ordni soċjali li jikkostitwixxi kull ksur tal-liġi, ta’ periklu reali, attwali u suffiċjentement serju, li jaffettwa interess fundamentali tas-soċjetà ( 44 ). Ir-rekwiżit ta’ tali theddida, bħala bażi għat-tnaqqis jew għall-projbizzjoni tat-terminu ta’ tluq volontarju, huwa impost a fortiori sabiex tiġi ġġustifikata l-miżura ta’ koerċizzjoni ferm iktar serja li tikkostitwixxi detenzjoni eżegwita f’faċilità korrettiva, b’deroga mill-prinċipju ta’ detenzjoni f’ċentru speċjalizzat. Soluzzjoni kuntrarja tintroduċi inkoerenza fid-Direttiva 2008/115.

78.

Fir-rigward tal-għan prinċipali tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 tagħha, dan jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni fl-osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati ( 45 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, peresss li d-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat hija r-regola, it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 46 ) u l-marġni ta’ manuvra li hija tagħti lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva u l-effett utli tagħha.

79.

Għalhekk jidher li sa fejn id-deċiżjoni ta’ detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija f’faċilità korrettiva tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, li jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, minbarra t-tfixkil tal-ordni soċjali li jikkostitwixxi kull ksur tal-liġi, l-eżistenza ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat, tali deċiżjoni tista’ tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

80.

F’dan ir-rigward, waqt l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sempliċi suspett li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jwettaq att punibbli kklassifikat bħala reat jew att kriminali fid-dritt nazzjonali jista’, flimkien ma’ fatturi oħra relatati mal-każ partikolari, jibbaża konstatazzjoni ta’ periklu għall-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-istess soluzzjoni tintuża meta jkun hemm kundanna kriminali ( 47 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li evalwazzjoni speċifika tal-interessi inerenti għas-salvagwardja tal-ordni pubbliku fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ma tikkoinċidix neċessarjament mal-evalwazzjonijiet li jifformaw il-bażi ta’ kundanna kriminali, u fil-fehma tiegħi ferm iktar importanti, li huwa rilevanti, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “periklu għall-ordni pubbliku”, “kull punt ta’ fatt jew ta’ liġi relatat mas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz li jista’ jiċċara l-kwistjoni dwar jekk il-kondotta personali ta’ dan tal-aħħar tikkostitwixxix tali perikolu” ( 48 ).

81.

Din il-formulazzjoni ta’ natura ġenerali ħafna tirrifletti, fil-fehma tiegħi, l-approċċ empiriku u miftuh tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prova tal-eżistenza ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-konstatazzjoni waħedha ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ reat, ta’ kundanna kriminali, jew anki ta’ suspett ta’ twettiq ta’ reat, ma hijiex ta’ natura li teskludi awtomatikament il-fatt li l-individwu kkonċernat jista’ jiġi kkunsidrat bħala theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat.

82.

Għalkemm il-punti fattwali li fuqhom tiddependi l-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-imsemmija theddida għandhom jiġu eżaminati mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi indikazzjonijiet dwar il-punti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali eżami.

83.

Mill-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sitwazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ordnata d-detenzjoni f’faċilità korrettiva ( 49 ), donnha hija dik ta’ individwu radikalizzat, li jippreżenta indizji ta’ periklu u magħruf bħala tali mis-servizzi tas-sigurtà kompetenti, periklu ta’ natura li jqajjem suspett ta’ intenzjoni kriminali, fis-sens ta’ probabbiltà ta’ twettiq ta’ atti vjolenti li jippreġudikaw il-persuna umana jew interessi superjuri tal-Istat u jaqgħu taħt volontà terroristika.

84.

Għalkemm ir-realtà tal-atti ta’ terroriżmu internazzjonali imputabbli lill-organizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkontestabbli u tiġġustifika l-possibbiltà li Stat Membru jinvoka protezzjoni tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina r-rwol li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat effettivament għandu fil-kuntest tas-sostenn tiegħu tal-imsemmija organizzazzjoni u tevalwa l-grad ta’ serjetà tat-theddida għas-sigrutà pubblika jew għall-ordni pubbliku li tirriżulta mill-aġir tal-persuna kkonċernata, u b’mod iktar partikolari, l-eżistenza ta’ responsabbiltà individwali fl-implimentazzjoni tal-atti ta’ din l-organizzazzjoni ( 50 ).

85.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-istanza nazzjonali kompetenti, sabiex tordna d-detenzjoni ta’ WM f’faċilità korrettiva, kellha a priori provi dokumentarji, jiġifieri dokumenti li jsostnu r-realtà tal-aġir kriminali tal-persuna kkonċernata u d-determinazzjoni tagħha li twettaq reat, u b’mod iktar partikolari li twettaq attakk fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ( 51 ). Din iċ-ċirkustanza hija rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-persuna kkonċernata tikkostitwixxix periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, peress li l-imsemmija ċirkustanza tirrigwarda l-affidabbiltà tas-suspett li jeżisti fil-konfront ta’ WM u konsegwentement tista’ tiċċara l-kwistjoni dwar jekk l-aġir personali tiegħu tikkostitwixxix periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-mument li fih kien is-suġġett tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni f’faċilità korrettiva ( 52 ).

86.

Finalment, hija din il-qorti li għandha tivverifika, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li għandu jiġi osservat mill-miżura li għandha tittieħed, jekk l-aġir taċ-ċittadin ikkonċernat jikkostitwixxix periklu reali u attwali għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika tal-Istat Membru, u għalhekk li tiddetermina jekk it-theddida li l-persuna kkonċernata setgħet, jekk ikun il-każ, fil-passat, tippreżenta għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kinitx għadha teżisti fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 53 ), verifika li għandha ssir ukoll waqt l-evalwazzjoni taż-żamma f’detenzjoni ( 54 ).

3.   Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

87.

Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 79(2) TFUE, l-għan tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 11 tagħha, huwa li tiġi stabbilita politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq regoli u fuq garanziji ġuridiċi komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu rripatrijati b’mod uman u b’osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom ( 55 ). L-għan tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jiġi dedott b’mod ċar mill-prinċipju ewlieni espress mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-premessi msemmija iktar ’il fuq.

88.

Kif jirriżulta mill-premessi 13, 16, 17 u 24 tad-Direttiva 2008/115, kull detenzjoni ordnata li taqa’ taħt din id-direttiva hija rregolata b’mod strett mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva b’mod li tiġi żgurata, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-mezzi użati u l-għanijiet imfittxija ( 56 ) u min-naħa l-oħra r-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiżi terzi ( 57 ). Barra minn hekk, skont il-premessa 13 tal-istess direttiva, l-użu ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni għandu jkun suġġett espliċitament għall-osservanza mhux biss tal-prinċipju ta’ proporzjonalità iżda wkoll tal-prinċipju ta’ effettività ( 58 ).

89.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk id-detenzjoni ta’ immigrant sakemm isseħħ it-tneħħija f’faċilità korrettiva ordinarja, ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-imsemmi immigrant jirrappreżenta theddida serja għall-integrità fiżika u l-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti ta’ sigurtà interna, hijiex miżura konformi mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata.

a)   Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività

90.

Għalkemm id-Direttiva 2008/115 tiffavorixxi t-tluq volontarju taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirresjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, hija tipprovdi l-użu ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għan tagħha, jiġifieri l-eżekuzzjoni tad-deċizjoni ta’ ritorn. Il-miżura ta’ koerċizzjoni aħħarija hija ċ-ċaħda ta’ libertà individwali li tikkostitwixxi d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata, li b’mod eċċezzjonali tista’ titwettaq f’faċilità korrettiva ordinarja skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

91.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi għalhekk miżura li b’mod ċar tifforma parti mid-dispożittiv stabbilit minn din id-direttiva sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ proċeduri ta’ ritorn, u n-natura tar-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru sabiex jiġġustifika tali priġunerija li tidderoga mill-prinċipju ta’ detenzjoni f’ċentru speċjalizzat tikkostitwixxi, mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, element irrilevanti. Huwa stabbilit ukoll li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tikkorrispondi għal miżura ta’ koerċizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1) u (4) tad-Direttiva 2008/115, bħala kontributur għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, u konsegwentement, għat-twettiq tal-imsemmija direttiva.

92.

Mill-bqija l-għan innifsu taċ-ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni huwa li jiffaċilita l-istadji kollha li jippermettu li jiġi żgurat ritorn rapidu u effettiv tal-individwu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu fl-osservanza tad-drittijiet mogħtija lilu, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kuntatti ta’ immigrant li qed jistenna tneħħija mal-awtoritajiet konsulari kompetenti previsti fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2008/115 jew mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi responsabbli minn sostenn lill-immigranti f’detenzjoni. Għalhekk, eżekuzzjoni tad-detenzjoni f’faċilità korrettiva ma għandhiex tikkomprometti din il-komunikazzjoni, għaliex jekk ikun mod ieħor dan jippreġudika l-effett utli tal-imsemmija direttiva, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

b)   Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

93.

Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”, kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom. Fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma għandhomx isiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet, f’dan il-każ id-dritt għall-libertà sanċit fl-Artikolu 6 tal-Karta, ħlief jekk dawn ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew bżonnijiet ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn.

94.

Peress li l-limitazzjoni inkwistjoni tirriżulta mill-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG, hija għandha bażi legali. Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-kuntenut essenzjali tad-dritt għal-libertà sanċit fl-Artikolu 6 tal-Karta. Fil-fatt, hija ma tqiegħedx inkwistjoni l-garanzija ta’ dan id-dritt u kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, tippermetti d-detenzjoni ta’ immigrant f’faċilità korrettiva biss minħabba l-aġir individwali tiegħu u fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali previsti f’din l-istess dispożizzjoni ( 59 ).

95.

Peress li l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubbliku tikkostitwixxi l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li miżura ta’ eżekuzzjoni tad-detenzjoni f’faċilità korrettiva li hija bbażata fuqha tissodisfa a priori għan leġittimu ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut mill-Unjoni.

96.

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-indħil ikkonstatat, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-miżuri jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-anqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija ( 60 ).

97.

F’dan ir-rigward, id-detenzjoni f’faċilità korrettiva ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija hija, min-natura tagħha, miżura xierqa sabiex tipproteġi lill-pubbliku mill-periklu li jista’ jikkostitwixxi l-aġir ta’ tali persuna u għalhekk tista’ tissodisfa l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 61 ).

98.

Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżura, għandu jiġi enfasizzat li l-fomulazzjoni tal-Artikolu 62a tal-AufenthG tirrivela kuntest strett tal-użu tal-miżura inkwistjoni, li jirrigwarda kemm ir-rekwiżit ta’ theddida “serja” għall-integrità fiżika u l-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali “importanti” ta’ sigurtà interna li tikkostitwixxi l-persuna kkonċernta kif ukoll l-osservanza assoluta tal-kundizzjoni marbuta mas-separazzjoni ta’ din il-persuna mill-priġunieri l-oħra ordinarji.

99.

Id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkorrispondi għal miżura speċifika ta’ eżekuzzjoni tad-detenzjoni, li min-naħa tagħha hija rregolata b’mod strett mill-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115, peress li din hija għażla aħħarija fil-kuntest tal-proċedura ta’ ritorn. F’dan ir-rigward, it-tul massimu previst fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu l-għan li jillimita ċ-ċaħda ta’ libertà taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni ta’ tneħħija forzata, peress li d-detenzjoni għandha tkun kemm jista’ jkun qasira u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

100.

Il-limitazzjoni stretta li għaliha hija suġġetta s-setgħa mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ tqegħid ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jistenna tneħħija f’detenzjoni f’faċilità korrettiva hija żgurata wkoll mill-interpretazzjoni, mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-kunċetti ta’ “sigurtà nazzjonali” u ta’ “ordni pubbliku” ( 62 ).

101.

Għalhekk, preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jista’ jiġġustifika, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ neċessità, it-tqegħid jew iż-żamma f’detenzjoni f’faċilità korrettiva ta’ immigrant li qed jistenna tneħħija, biss bil-kundizzjoni li l-aġir individwali tiegħu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat ( 63 ), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali fil-kundizzjonijiet esposti fil-punti 79 sa 86 iktar ’il fuq.

102.

Kif ġie espost iktar ’il fuq, miżura hija neċessarja meta l-għan leġittimu mfittex ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżura daqstant xierqa iżda inqas restrittiva ( 64 ).

103.

Fir-rigward tal-karatteristiċi taċ-ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni ( 65 ) u tal-obbligu li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom li jipproteġu l-persuni detenuti jew miżmuma ( 66 ), l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni f’tali ċentri ma jidhirlix li hija xierqa fil-każ fejn din il-miżura tikkonċerna individwu li jirrappreżenta theddida serja għall-integrità fiżika u l-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti tas-sigurtà interna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit ta’ sigurtà previst mill-perspettiva kemm tal-prevenzjoni ta’ riskju li l-imsemmi individwu jaħrab kif ukoll tal-preżervazzjoni tal-integrità fiżika tal-persunal assenjat f’dawn iċ-ċentri kif ukoll tal-persuni l-oħra detenuti, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ssodisfatt.

104.

Iċ-ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni, li l-mod ta’ funzjonament tagħhom jikkorrispondi għal dak tal-ħajja f’komunità, ma humiex intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ sigurtajiet speċifiċi li jirrigwardaw ċerti individwi partikolarment perikolużi ( 67 ). L-integrazzjoni ta’ dawn il-bżonnijiet f’ċentri speċjalizzati mingħajr ma tinbidel l-istruttura twassal neċessarjament għal rinfurzar globali tad-dispożittivi ta’ sigurtà bi preġudizzju għal-libertà ta’ moviment ġewwa l-istabbiliment tal-persuni l-oħra detenuti, li a priori ma jippreżentaw ebda periklu, u għalhekk għall-istabbiliment ta’ ambjent ta’ ħabs għal kulħadd. L-alternattiva li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ unità speċjali ġewwa dawn iċ-ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni, li jkollha bħala għan il-ġestjoni speċifika ta’ individwu partikolarment perikoluż, jidhirli li twassal għal piż organizzattiv u għal spiża sproporzjonata fir-rigward tan-numru żgħir ta’ persuni kkonċernati, meta mqabbla maċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kollha li huma suġġetti għal proċedura ta’ ritorn li timplika detenzjoni.

105.

Id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni lanqas ma tirriżulta sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet previsti, fis-sens li hija tirriżulta minn tweżin ibbilanċjata bejn l-għan ta’ interess ġenerali li tfittex li tilħaq, jiġifieri l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubbliku, u l-indħil fid-dritt għal-libertà kkawżat minn miżura ta’ detenzjoni eżegwita f’faċilità korrettiva, filwaqt li d-dritt għad-dinjità tal-individwu kkonċernat għandu, min-naħa tiegħu, ikun is-suġġett ta’ rispett assolut. Fil-fatt, tali dispożizzjoni ma tistax tikkostitwixxi l-bażi ta’ miżuri ta’ detenzjoni mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu vverifikaw minn qabel, każ b’każ, jekk il-periklu li l-persuni kkonċernati jirrappreżentaw għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jikkorrispondix tal-inqas għall-gravità tal-indħil li jikkostitwixxu tali miżuri fid-dritt għal-libertà ta’ dawn il-persuni u jekk id-dritt għad-dinjità ta’ dawn tal-aħħar huwiex irrispettat b’mod sħiħ ( 68 ).

c)   Fuq l-osservanza tal-garanziji minimi tad-Direttiva 2008/115 u tad-drittijiet fundamentali

106.

Kif ġie speċifikat iktar ’il fuq, l-iskop tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jista’ jinftiehem biss b’konformità u b’koerenza mad-drittijiet stabbiliti mill-Karta u b’mod iktar partikolari mal-Artikoli 1 sa 4 tagħha li jiżguraw r-rispett tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll tad-dritt għall-ħajja u għall-integrità tal-persuna, u jipprojbixxu t-trattamenti inumani u degradanti. Fil-fatt, dawn ir-riferimenti huma neċessarjament inklużi fir-riferiment għad-drittijiet fundamentali magħmul fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115.

107.

Konsegwentement, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Bero u Bouzalmate ( 69 ), l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, u b’mod iktar ġenerali, id-dispożizzjonijiet li jitrattaw b’mod speċifiku l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-barranin sakemm isseħħ it-tneħħija, jistgħu jkunu applikati b’mod konkret u b’konformità ma’ dawn it-testi biss jekk jiżguraw l-osservanza ta’ dawn il-valuri.

108.

Huwa għalhekk fid-dawl, minn naħa, tal-provvedimenti tad-Direttiva 2008/115, u min-naħa l-oħra tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-kuntest tal-Karta, li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-detenzjoni ta’ WM f’faċilità korrettiva tirrispettax id-drittijiet mogħtija lil dan tal-aħħar fl-Unjoni.

1) Fuq il-garanziji minimi tad-Direttiva 2008/115

109.

Fost il-garanziji minimi konkreti previsti mid-Direttiva 2008/115 favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi sakemm isseħħ it-tneħħija hemm il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 16 ta’ dan l-att, li għandhom jiġu osservati mill-proċeduri nazzjonali.

110.

Il-konfrontazzjoni tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mat-test tal-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG turi li l-garanziji kollha previsti mid-Direttiva huma espressament riprodotti fl-imsemmija dispożizzjoni, bl-eċċezzjoni notevoli tal-obbligu li tingħata attenzjoni għas-sitwazzjoni ta’ persuni vulnerabbli u li jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali għal mard ( 70 ).

111.

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-garanziji kollha relatati mal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115 huma osservati, b’mod konkret, fis-sitwazzjoni ta’ priġunerija tal-persuna detenuta. Din l-evalwazzjoni tirriżulta iktar neċessarja u importanti fid-dawl tal-formulazzjoni relattivament lakunika tal-imsemmija garanziji u għandha tiġi żgurata l-portata reali tar-rekwiżiti inklużi fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa neċessarju li jsiru ċerti osservazzjonijiet wara t-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż għat-talba għal informazzjoni magħmula lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja.

112.

L-ewwel nett, l-informazzjoni li tispjega r-regolament tal-faċilità korrettiva u li tispeċifika d-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi detenuti fiha, għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi kkomunikata fil-lingwi normalment użati mill-persuni kkonċernati. Nosserva li t-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar l-osservanza ta’ din l-informazzjoni obbligatorja tal-persuni detenuti, li għandha b’mod partikolari ssemmi d-dritt tal-persuna detenuta li tikkuntattja l-organizzazzjonijiet u l-istanzi nazzjonali, internazzjonali u nongovernattivi kompetenti ( 71 ).

113.

It-tieni nett, mit-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż jirriżulta li l-individwu detenut “kien awtorizzat minn żmien għal żmien konversazzjonijiet telefoniċi sorveljati ta’ 30 minuta mal-qraba tiegħu”, konversazzjonijiet li saru ta’ siegħa darbtejn f’xahar sa mill-4 ta’ Ottubru 2017 u mbagħad konversazzjonijiet telefoniċi sorveljati ta’ 30 minuta darba f’ġimgħa sa mill-1 ta’ Diċembru 2017. Din il-limitazzjoni stretta tal-komunikazzjoni mal-qraba tiegħu hija ta’ natura li tqajjem diffikultajiet fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2008/115, li jinvoka kuntatt mill-persuni detenuti mal-membri tal-familja tagħhom “fi żmien dovut” u fuq kollox “fuq talba”. L-użu konkominanti ta’ dawn iż-żewġ espressjonijiet juri, fil-fehma tiegħi, il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jasal għal bilanċ ġust bejn ir-regoli ta’ funzjonament ta’ entità, ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni jew faċilità korrettiva, neċessarjament iffokati fuq l-amministrazzjoni ta’ komunità f’kuntest sigur, u l-garanziji mogħtija lil kull wieħed mill-persuni detenuti li jista’ jżomm kuntatt mal-familja tiegħu ( 72 ).

114.

It-tielet nett, mit-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż, jirriżulta kuntatt tad-detenut ma’ persuni taħt arrest preventiv, sabiex iġibulu ikel fiċ-ċella tiegħu, u sa mill-4 ta’ Ottubru 2017, fil-kuntest ta’ ħin liberu ta’ siegħa mqatta’ fil-kumpannija ta’ xi detenuti oħra “xierqa”. Din is-sitwazzjoni tqajjem diffikultajiet marbuta mal-interpretazzjoni tal-kliem tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

115.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li din timponi obbligu inkundizzjonat ta’ separazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu irregolarment mill-priġunieri ordinarji meta Stat Membru ma jkunx jista’ jqiegħed lil dawn iċ-ċittadini f’ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni. Hija żżid li l-obbligu ta’ separazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu irregolarment mill-priġunieri ma huwa akkumpanjat minn ebda eċċezzjoni u jikkostitwixxi garanzija tar-rispett tad-drittijiet irrikonoxxuti espliċitament mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-imsemmija ċittadini fil-kuntest tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’faċilitajiet korrettivi għall-finijiet ta’ tneħħija, minn naħa, u huwa iktar minn sempliċi modalità ta’ eżekuzzjoni speċifika ta’ tqegħid taħt detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’faċilitajiet korrettivi u jikkostitwixxi kundizzjoni sostantiva ta’ dan it-tqegħid li mingħajra, bħala prinċipju, dan it-tqegħid ma jkunx konformi mal-imsemmija direttiva, min-naħa l-oħra ( 73 ).

116.

Anki jekk huwa possibbli li jiġi sostnut li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tinterpreta l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 b’mod strett ( 74 ), xorta waħda jibqa’ kwistjonijiet dwar il-portata eżatta ta’ dan l-obbligu ta’ separazzjoni mill-priġunieri ordinarji, b’mod partikolari fir-rigward tas-sens li għandu jingħata lil din l-aħħar espressjoni. Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza d-differenza bejn il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, bl-użu tal-kelma “Strafgefangenen” li tirreferi bħala regola ġenerali għal detenuti kkundannati għal piena ta’ priġunerija, li tissemma fid-domanda preliminari, u dik f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod partikolari, dik bil-lingwa Ingliża (“ordinary prisoners”), dik bil-lingwa Franċiża (“prisonniers de droit commun”), dik bil-lingwa Spanjola (“presos ordinarios”), dik bil-lingwa Taljana (“detenuti ordinari”) u dik bil-lingwa Estonjana (“tavalistest vangidest”) li donnha tinkludi l-persuni mqiegħda taħt arrest preventiv.

117.

Fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 jissemma li: “It-terminu ‘priġunieri ordinarji’ jkopri kemm il-priġunieri kkundannati kif ukoll il-priġunieri rimandati: dan huwa kkonfermat mill-paragrafu 4 tal-Linja gwida 10 tal-‘20 Linja Gwida dwar ir-ritorn furzat’ tal-Kumitat tal-Ministeri tal-Kunsill tal-Ewropa (‘KTE’), li jenfasizza b’mod espliċitu li ‘persuni detenuti sakemm jitneħħew mit-territorju normalment ma għandhomx jinżammu ma’ priġunieri ordinarji, ikkundannati jew rimandati’. Għalhekk, id-detenuti għandhom ikunu separati wkoll mill-priġunieri rimandati [taħt arrest preventiv]”.

118.

Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/115 hija intiża sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-“20 Linja Gwida dwar ir-ritorn forzat” tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li għalihom tagħmel riferiment fit-tielet premessa tagħha, fatt li għandu jwassal a priori l-kunċett ta’ priġunieri ordinarji jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-persuni kkundannati u dawk taħt arrest preventiv.

119.

Madankollu, ma jidhirlix li din is-soluzzjoni hija totalment konvinċenti kemm fuq livell teoretiku kif ukoll prattiku.

120.

L-eżekuzzjoni prijoritarja tad-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat u l-obbligu ta’ separazzjoni mill-priġunieri ordinarji waqt il-priġunerija eċċezzjonali ta’ immigrant sakemm isseħħ it-tneħħija joriġinaw mill-kunsiderazzjoni li l-persuni kkonċernati mir-ritorn ma humiex “kriminali” u għalhekk għandhom ikunu s-suġġett ta’ trattament differenti minnhom, peress li l-miżura ta’ detenzjoni hija ta’ natura purament amministrattiva. Għalkemm seta’ ġustament jiġi kkunsidrat li dan l-obbligu ta’ separazzjoni jipparteċipa direttament fl-osservanza tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali ta’ immigrant li ma wettaq ebda reat gravissimu u ebda delitt ( 75 ), din l-aħħar konstatazzjoni tapplika wkoll għall-persuna mqiegħda taħt arrest preventiv li għadha ma hija s-suġġett ta’ ebda kundanna u tibbenefika mill-preżunjoni ta’ innoċenza ( 76 ). Jidher li huwa diffiċli li jinħoloq, minn tal-inqas mill-perspettiva legali, detenut “infrekwentabbli”.

121.

Fuq livell prattiku, evalwazzjoni stretta tal-obbligu ta’ separazzjoni tirriskja li twassal għal sitwazzjoni tal-inqas paradossali, fis-sens li l-prevenzjoni ta’ kull kuntatt mal-priġunieri, ikun x’ikun l-istat kriminali tagħhom, twassal sabiex l-immigrant jitqiegħed taħt forma ta’ iżolament, li jista’ jippreġudika d-dinjità tiegħu, minkejja li l-imsemmi obbligu kien perċepit f’perspettiva ta’ protezzjoni tal-persuna kkonċernata ( 77 ). Il-kwistjoni ssir iktar kumplessa jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-profil partikolari tal-immigrant ikkonċernat, arrestat sakemm isseħħ it-tneħħija minħabba l-periklu li huwa jirrappreżenta, li manifestament ma huwiex dak li ttieħed inkunsiderazzjoni waqt it-tfassil tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115. Għalhekk, ir-riskju għas-sigurtà li l-imsemmi immigrant jista’ jirrappreżenta għall-integrità fiżika tal-persuni, leġittimament użat sabiex jiġġustifika d-detenzjoni f’faċilità korrettiva, donnu jimmilita favur il-projbizzjoni assoluta ta’ kull komunikazzjoni mal-priġunieri, ikkundannati jew li qed jistennew sentenza, bil-għan li jiġu protetti, f’dan il-każ, dawn tal-aħħar.

122.

Ir-riflessjoni timponi, f’dan l-istadju, li ssir mistqosija dwar l-eventwali preġudizzju għad-dinjità ta’ immigrant li sakemm isseħħ it-tneħħija jiġi arrestat u mċaħħad, skont id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, minn kull kuntatt mal-“priġunieri ordinarji”.

2) Fuq ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-trattamenti inumani jew degradanti

123.

Is-sens u l-portata tal-Artikolu 4 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikol 3 tal-KEDB, huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk mogħtija lilhom mill-imsemmija konvenzjoni ( 78 ).

124.

Fir-rigward tal-projbizzjoni tal-pieni u tat-trattamenti inumani jew degradanti, prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta, hija għandha natura assoluta peress li hija strettament marbuta mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Karta. In-natura assoluta tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 4 tal-Karta huwa kkonfermat mill-Artikolu 3 tal-KEDB. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tal-KEDB, l-ebda deroga ma hija possibbli mill-Artikolu 3 tal-KEDB ( 79 ). L-Artikoli 1 u 4 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 3 tal-KEDB jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Din hija r-raġuni li għaliha, fi kwalunkwe ċirkustanza, inkluż fil-każ tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, il-KEDB tipprojbixxi f’termini assoluti t-tortura u l-pieni u trattamenti inumani u degradanti, ikun xi jkun l-aġir tal-persuna kkonċernata ( 80 ).

125.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-Artikolu 3 tal-KEDB jitfa’, fuq l-awtoritajiet tal-Istat li fih isseħħ id-detenzjoni, obbligu pożittiv li jiġi żgurat li l-priġunieri kollha jinżammu f’detenzjoni fil-kundizzjonijiet li jiżguraw ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, li l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri ma jissuġġettawx lill-persuna kkonċernata għal ansjeta jew tbatija ta’ intensità li teċċedi l-limitu inevitabbli ta’ sofferenza inerenti fid-detenzjoni u li, fid-dawl tar-rekwiżiti prattiċi tal-priġunerija, is-saħħa u l-benesseri tal-priġunier jiġu żgurati b’mod adegwat ( 81 ).

126.

Fost il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trattament inuman jew degradanti, hemm it-tqegħid tal-priġunier f’iżolament. F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB indikat li: “l-iżolament sensorjali komplut flimkien ma’ iżolament soċjali totali jista’ jeqred il-personalità u jikkostitwixxi forma ta’ trattament inuman li ma tistax tiġi ġġustifikata mir-rekwiżiti tas-sigurtà jew kwalunkwe raġuni oħra. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ta’ kuntatti ma’ detenuti oħra għal raġunijiet ta’ sigurtà, ta’ dixxiplina u ta’ protezzjoni ma tikkostitwixxix fiha nnifisha forma ta’ piena jew trattament inuman”. Il-Qorti EDB ippreċiżat ukoll li waqt l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi tagħhom, li jwassal sabiex minbarra l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkomodazzjoni f’ċella, jiġi vverifikat ukoll it-tul tat-tqegħid f’iżolament ( 82 ).

127.

L-awtorità kompetenti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ detenzjoni ta’ immigrant, sakemm isseħħ it-tneħħija, f’faċilità korrettiva għandha għalhekk tevalwa, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati, u fid-dawl tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurat mid-dritt tal-Unjoni, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li l-persuna kkonċernata hija s-suġġett ta’ trattamenti inumani jew degradanti minħabba kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha ( 83 ).

128.

Għalkem l-elementi fattwali li fuqhom tiddependi din l-evalwazzjoni għandhom jiġi eżaminati mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi indikazzjonijiet dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali eżami.

129.

Mit-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż ( 84 ) jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-immigrant ikkonċernat ma jidhrux, skont il-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja u ħlief f’każ ta’ evidenza kuntrarja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jirrivelaw trattament inuman jew degradanti, kif iddefinit fil-punti 125 u 126 iktar ’il fuq, u dan iktar u iktar peress li l-persuna kkonċernata ma kinitx is-suġġett ta’ tqegħid f’iżolament, peress li setgħet tikkomunika mad-dinja esterna u ġewwa l-ħabs, b’mod partikolari, mad-detenuti li qed jistennew sentenza.

130.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar il-projbizzjoni unika ta’ iżolament sensorjali komplut flimkien ma’ iżolament soċjali totali, għandu jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni fuq imsemmija tal-assenza ta’ trattament inuman jew degradanti tibqa’ valida anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kuntratt tal-immigrant ikkonċernat mal-priġunieri ordinarji, ikun x’ikun l-istatus kriminali tagħhom, peress li f’tali każ, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata tista’ tiġi kklassifikata biss bħala iżolament parzjali u relattiv ( 85 ).

131.

Interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 u tal-obbligu ta’ separazzjoni hemm inkluż, ibbażata fuq aċċettazzjoni tal-kunċett ta’ “priġunieri ordinarji” bħala li jinkludi detenuti kkundannati u provviżorji, tista’ għalhekk tiġi sostnuta mingħajr ma tippreġudika n-neċessità tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-immigrant detenut sakemm isseħħ it-tneħħija tiegħu, bla ħsara għal evalwazzjoni tal-effetti kumulattivi tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni.

132.

Madankollu, jidhirli li tali raġunament huwa teoretiku ħafna u fih riġidità eċċessiva, fis-sens li jwassal għal sistema li tiffunzjona b’mod purament mekkaniku, bl-esklużjoni ta’ eżami speċifiku ta’ kull sitwazzjoni individwali, meħtieġ madankollu mill-prinċipju ta’ proporzjonalità u regolarment rikjest mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115. F’dan ir-rigward, l-eżempju tat-tilwima fil-kawża prinċipali jidhirli li huwa partikolarment illuminanti fir-rigward ta’ din l-iskema li tista’ twassal għal soluzzjonijiet qrib ta’ aberazzjoni, sa fejn is-sempliċi konstatazzjoni tal-kuntatt ta’ detenut provviżorju, responsabbli milli jġib l-ikel fiċ-ċelel, mal-immigrant ikkonċernat hija suffiċjenti sabiex tikkaratterizza ksur tal-obbligu ta’ separazzjoni. Obbligu ta’ separazzjoni miftiehem b’mod strett ħafna jwassal għall-impossibbiltà ta’ kull kuntatt, anki okkażjonali, li ma huwiex prattikament sostenibbli.

133.

Barra minn hekk, it-tqegħid f’iżolament tal-immigrant, anki jekk parzjali u relattiv minħabba l-projbizzjoni biss ta’ kuntatt mal-bqija tal-priġunieri ordinarji, iċaħħad, min-natura tiegħu stess, lill-persuna kkonċernata mill-aċċess għall-attivitajiet sportivi, kulturali u ta’ xogħol bi ħlas li huma proposti b’mod kollettiv għad-detenuti l-oħra, li jagħti natura punittiva lil miżura li hija meqjusa totalment ħielsa minn tali natura punittiva u joħloq diskriminazzjoni inġustifikata għad-detriment tal-immigrant fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ residenza f’faċilità korrettiva ( 86 ).

134.

Konsegwentement, għandu jinstab bilanċ ġust bejn in-neċessità li jiġi evitat kull riskju ta’ trattament diskriminatorju, inuman jew degradanti tal-immigranti f’detenzjoni f’faċilità korrettiva u dik li tiġi żgurata, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115, is-separazzjoni ta’ dawn l-immigranti mill-priġunieri ordinarji, bil-għan tal-protezzjoni tal-integrità fiżika u psikika tal-imsemmija immigranti, li magħha għandu jiżdied, f’każ ta’ immigrant li jirrappreżenta periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, dik tal-popolazzjoni fil-ħabs u tal-persunal ta’ sorveljanza. Din il-konċiljazzjoni, li teħtieġ implimentazzjoni delikata, tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi bbażata fuq żewġ elementi.

135.

L-ewwel wieħed huwa li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “priġunieri ordinarji” għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi d-detenuti provviżorji, preżunti innoċenti. It-tieni wieħed huwa li tintuża sistema fejn l-immigrant ikkonċernat jinżamm sistematikament f’ċelel individwali, fejn jistgħu jiġu awtorizzati kuntatti mad-detenuti provviżorji fil-kuntest tal-attivitajiet kollettivi ċċitati iktar ’il fuq u mfassla mill-persuni responsabbli mill-faċilità li huma pjenament informati bir-realtà kwotidjana tal-ħabs u li jieħdu inkunsiderazzjoni r-raġuni tad-detenzjoni, l-għan li jrid jintlaħaq kif ukoll il-personalità u l-aġir tal-immigrant ikkonċernat. Din is-soluzzjoni, perċepibbli teoretikament, jidhirli li hija prattikament mixtieqa.

3) Fuq id-dritt għal-libertà u għar-rimedju effettiv

136.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115 ma jsemmix li għandha tiġi adottata deċiżjoni speċifika dwar id-detenzjoni, ta’ immigrant li qed jistenna tneħħija, f’faċilità korrettiva. Fir-realtà, peress li din hija modalità partikolari tal-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ detenzjoni, hemm lok, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2008/115 li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha ( 87 ), li jsir riferiment għall-Artikolu 15 ta’ dan l-att.

137.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi kundizzjonijiet sostantivi stretti għat-tqegħid u ż-żamma f’detenzjoni u jiddefinixxi l-istħarriġ ġudizzjarju marbut mal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

138.

Mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li d-detenzjoni tista’ tiġi ordnata minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja, u l-Istati Membri għandhom l-obbligu jew li jipprevedu li stħarriġ ġudizzjarju mħaffef tal-legalità tad-detenzjoni jsir kemm jista’ jkun malajr sa mill-bidu tad-detenzjoni, jew li jagħtu liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz id-dritt li jibda proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju mħaffef li jsir kemm jista’ jkun malajr sa mill-bidu tal-proċedimenti inkwistjoni, fejn iċ-ċittadin ikkonċernat għandu jiġi rrilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni tiġi kkunsidrata illegali.

139.

Kemm jekk tkun ordnata minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja, skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 id-detenzjoni hija suġġetta għal eżami mill-ġdid f’intervalli raġonevoli fuq talba taċ-ċittadin jew ex officio, filwaqt li, f’każ ta’ detenzjoni estiża, huwa previst stħarriġ ġudizzjarju. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżami mill-ġdid ta’ kull detenzjoni estiża ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għandha tkun suġġetta għal stħarriġ minn awtorità ġudizzjarja, li meta tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li d-detenzjoni inizjali tiġi estiża għandha obbligatorjament tistħarreġ l-imsemmija detenzjoni, anki jekk dan l-istħarriġ ma ntalabx espliċitament mill-awtorità li ressqet it-talba quddiemha u anki jekk id-detenzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat diġà kienet is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid mill-awtorità li ordnat id-detenzjoni inizjali ( 88 ).

140.

Għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115 għandha ssir, kif jirriżulta mill-premessa 24 u mill-Artikolu 1 tagħha, fl-osservanza tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta. Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari r-rimedji kontra d-deċiżjonijiet marbuta mad-detenzjoni, previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, il-karatteristiċi tagħhom għandhom jiġu ddeterminati b’konformità mal-Artikolu 6 tal-Karta li jirrigwarda d-dritt għal libertà ta’ kull persuna u l-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi artikolu ( 89 ).

141.

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq talba ta’ detenzjoni jew għall-estensjoni tal-miżura, flimkien ma’ eżekuzzjoni f’faċilità korrettiva minħabba l-periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika li jirrappreżenta l-immigrant ikkonċernat, għandha tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex tiddetermina jekk il-miżura mitluba hijiex iġġustifikata, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 u ta’ dawk marbuta mal-prova tal-eżistenza ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membri kkonċernat ( 90 ).

142.

Meta d-detenzjoni ma tkunx iġġustifikata jew ma tkunx iktar iġġustifikata fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li tissostitwixxi bid-deċiżjoni tagħha d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva jew, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li ordnat id-detenzjoni inizjali u li tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li tordna miżura ta’ sostituzzjoni jew ir-rilaxx taċ-ċittadin ikkonċernat. Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-punti ta’ fatt u l-provi invokati mill-awtorità amministrattiva li ordnat id-detenzjoni inizjali kif ukoll kull osservazzjoni eventwali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Barra minn hekk, hija għandha tkun f’pożizzjoni li tfittex kull element ieħor rilevanti għad-deċiżjoni tagħha fil-każ li tqis li dan huwa neċessarju. Minn dan isegwi li s-setgħat li l-awtorità ġudizzjarja għandha fil-kuntest ta’ stħarriġ ma jistgħu, fl-ebda każ, ikunu limitati biss għall-elementi ppreżentati mill-awtorità amministrattiva kkonċernata ( 91 ).

143.

Kwalsiasi interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 jkollha l-effett li ċċaħħad kemm il-paragrafi 1, 2, 4 u 6 ta’ dan l-artikolu kif ukoll l-paragrafu 1 tal-Artikolu 16, mill-effett utli tagħhom u l-istħarriġ ġudizzjarju meħtieġ mill-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jitlef is-sinjifikat tiegħu, bil-konsegwenza li jiġi pperikolat it-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva ( 92 ).

144.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/1159 għandhom jinqraw mhux biss fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta iżda wkoll tad-dispożizzjonijiet tal-KEDB li għalihom isir riferiment fil-Karta, fejn id-drittijiet korrispondenti huma, f’dan il-każ, l-Artikoli 5, dwar id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, u 6 u 13 dwar id-dritt għal smigħ xieraq u għal rimedju effettiv, tal-KEDB ( 93 ).

145.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal eżami mill-ġdid individwali ppreżentata mill-immigrant ikkonċernat, prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115, għandha, sabiex tiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, tippermetti li jiġu eżaminati, fi żmien qasir u indipendentement min-nuqqas ta’ skadenza tat-terminu stabbilit għal eżami mill-ġdid ex officio tad-detenzjoni, il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata sabiex jiġi vverifikat eventwali preġudizzju għad-dinjità ta’ din tal-aħħar li jmur kontra l-Artikoli 1 sa 4 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB.

146.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji dwar l-osservanza tal-garanziji minimi previsti mid-Direttiva 2008/115 u tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz f’detenzjoni f’faċilità korrettiva fid-dawl tal-indikazzjonijiet esposti iktar ’il fuq.

147.

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mit-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni u tal-estensjoni tal-miżura jitteħdu, b’mod ġenerali, minn qorti u li l-immigrant ikkonċernat għandu l-possibbiltà li jippreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, jissemma li t-tul massimu tad-detenzjoni inizjali huwa stabbilit għal sitt xhur, bil-possibbiltà ta’ estensjoni għal perijodu massimu ta’ tnax-il xahar. Mistoqsi dwar il-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju, il-Gvern Ġermaniż indika li d-deċiżjoni li tordna jew testendi ċaħda ta’ libertà għandha tiġi annullata ex officio qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit meta r-raġuni ta’ ċaħda ta’ libertà tispiċċa u li l-persuna kkonċernata jew l-awtorità tista’ titlob ukoll it-tneħħija taċ-ċaħda ta’ libertà, u l-qorti tiddeċiedi dwar din it-talba permezz ta’ digriet li kontrih jista’ jitressaq rikors.

148.

Bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex suffiċjentement sostnut sabiex tinftiehem b’mod preċiż is-sistema proċedurali tar-rikorsi li jistgħu jiġu ppreżentati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u sabiex jiġu pprovduti, f’dan ir-rigward, indikazzjonijiet iktar wiesgħa lill-qorti tar-rinviju.

V. Konklużjoni

149.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva u fid-dawl tal-Artikoli 1 sa 4, 6 sa 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti d-detenzjoni f’faċilità korrettiva ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jistenna tneħħija u li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew tas-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-awtorità nazzjonali kompetenti, mingħajr ħsara għall-projbizzjoni ta’ kuntatt mad-detenuti kkundannati.

Hija wkoll l-awtorità nazzjonali kompetenti, adita b’rikors dwar id-deċiżjoni ta’ detenzjoni jew għall-estensjoni ta’ detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jistenna tneħħija f’faċilità korrettiva, li għandha tivverifika b’mod konkret u preċiż il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ta’ dan iċ-ċittadin sabiex tiżgura l-osservanza kemm tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-garanziji minimi previsti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tal-imsemmija ċittadin, kif sanċiti fl-Artikoli 1 sa 4, 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

( 3 ) L-Artikolu 58a(1) tal-AufenthG huwa fformulat kif ġej: “Abbażi ta’ previżjonijiet ibbażati fuq fatti, l-awtorità suprema ta’ Land tista’ tieħu deċiżjoni ta’ tneħħija, mingħajr miżuri ta’ tkeċċija minn qabel, fil-konfront ta’ barrani sabiex teskludi periklu partikolari għas-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew theddida terroristika. Id-deċiżjoni ta’ tneħħija hija immedjatament eżekuttiva, mingħajr il-bżonn ta’ avviż ta’ tneħħija”.

( 4 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax jekk kinitx ġiet adottata deċiżjoni oħra, minn qabel jew konkominanti, speċifikament fir-rigward tat-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna kkonċernata għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 15(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/115 jew is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni waħda tat-18 ta’ Awwissu 2017 tal-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali) kienx kemm l-imsemmija detenzjoni kif ukoll id-determinazzjoni ta’ modalità partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-miżura, jiġifieri l-priġunerija tal-immigrant ikkonċernat, ibbażata fuq motivazzjoni separata. Huwa stabbilit li l-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, ma jinkludix il-kundizzjonijiet għal detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115. F’kull każ, nirrileva li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax il-kundizzjonijiet li jirregolaw id-detenzjoni, kif stabbiliti minn dan l-artikolu, iżda l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tad-detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva. Nosserva wkoll li l-proposta ta’ direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Settembru 2018, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [[COM(2018) 634 final], sallum pendenti, tipprovdi motiv ġdid ta’ detenzjoni, jiġifieri s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jikkostitwixxi periklu għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

( 5 ) It-terminu użat mill-qorti tar-rinviju huwa dak ta’ “Strafgefangenen”, li jinsab fl-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG, li bħala regola ġenerali jindika d-detenuti kkundannati, skont sentenza definittiva, għal piena ta’ priġunerija, b’kuntrast għal dak ta’ “Untersuchungsgefangene” li jikkorrispondi għal detenuti provviżorji.

( 6 ) Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 31).

( 7 ) Punt 7 tal-osservazzjonijiet tal-qorti Ġermaniża.

( 8 ) Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 34).

( 9 ) Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Pham (C‑474/13, EU:C:2014:2096), l-informazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi kienet analoga għal din il-kawża, fejn inkwistjoni kien hemm ċittadin ta’ pajjiż terz li tqiegħed taħt detenzjoni f’faċilità korrettiva fil-Ġermanja abbażi tal-Artikolu 62(1) tal-AufenthG, fil-verżjoni tagħha applikabbli dakinhar, u mbagħad imkeċċi lejn il-Vjetman. Wara din it-tneħħija, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) kienet għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115, sa fejn is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq kienet tindika li r-rikors quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) kien intiż għall-konstatazzjoni li d-drittijiet tal-persuna detenuta kienu ġew miksura permezz tad-digrieti dwar l-estensjoni tad-detenzjoni tagħha f’faċilità korrettiva. Il-punt 10 tal-imsemmija sentenza jsemmi: “Skont il-Bundesgerichtshof, fid-dawl tal-ksur ta’ dritt fundamentali partikolarment sinjifikattiv, ir-rimedji kontra miżura li ċċaħħad il-libertà jibqgħu miftuħa inkluż wara l-eżekuzzjoni ta’ tali miżura peress li l-persuna kkonċernata għandha interess, li jistħoqqlu protezzjoni, li l-illegalità ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà tiġi kkonstatata anki wara l-eżekuzzjoni tagħha”. Minkejja li din l-aħħar preċiżazzjoni ma tinsabx fid-deċiżjoni tar-rinviju, mingħajr dubju hija kienet tinsab wara l-kunsiderazzjonijiet tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) dwar l-ammissibbiltà tal-appell f’din il-kawża.

( 10 ) Dan it-titolu jinkludi l-Artikolu 72 TFUE li jipprovdi “[d]an it-titolu m’għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri rigward iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna”.

( 11 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 32).

( 12 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C-47/15, EU:C:2016:408, punt 48).

( 13 ) Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadini ta’pajjiżi terzi li jirresjedu irregolarment iżda li għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor (l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115), l-assenza ta’ għoti ta’ perijodu għat-tluq volontarju jew it-tnaqqis tiegħu għal inqas minn sebat ijiem (l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115), l-assenza ta’ deċiżjoni dwar il-projbizzjoni fuq id-dħul jew l-estensjoni tat-tul tagħha (l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115) u l-limitazzjoni tal-motivazzjoni fil-fatt tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn, ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ tneħħija (l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115).

( 15 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) u Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) u Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17EU:C:2019:917, punt 212). F’dawn il-konklużjonijiet (punti 202 sa 223), ġie ġustament indikat li “l-Artikolu 72, b’mod l-ikar ovvju, iservi biex ifakkar lil-leġislatur tal-Unjoni fil-ħtieġa li jipprovdi b’mod xieraq, f’kull leġiżlazzjoni sekondarja magħmula skont it-Titolu V, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaqdu dawk ir-responsabbiltajiet” iżda li, fl-eżerċizzju ta’ dawn ir-responsabbiltajiet f’qasam partikolari, l-imsemmija Stati għandhom josservaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

( 16 ) Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPUEU:C:2011:268, punti 5455).

( 18 ) Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11EU:C:2011:807, punt 43).

( 19 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya (C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi darbtejn dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 fir-rigward tal-modalitajiet ta’ detenzjoni previsti mid-dritt Ġermaniż, filwaqt li jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża kienet introdotta biss wara dawn id-deċiżjonijiet. Fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Bero u Bouzalmate (C‑473/13 u C‑514/13EU:C:2014:2095), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru bi struttura federali għandu jwettaq id-detenzjoni, bħala regola ġenerali, f’ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni anki fl-assenza ta’ tali ċentri fl-Istat federali kompetenti. Fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Pham (C‑474/13EU:C:2014:2096), il-Qorti tal-Ġustizzja qiset li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi d-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu irregolarment f’faċilità korrettiva ma’ priġunieri ordinarji hija inkompatibbli mad-Direttiva 2008/115, u li l-kunsens tal-imsemmija ċittadini għal din id-detenzjoni ma għandu l-ebda effett f’dan ir-rigward.

( 21 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Bero u Bouzalmate (C‑473/13 u C‑514/13, EU:C:2014:2095, punt 25).

( 22 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Bero u Bouzalmate (C‑473/13 u C‑514/13, EU:C:2014:2095, punt 26).

( 23 ) Il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 tispjega b’mod ċar l-argument tal-Gvern Ġermaniż (punti 10 sa 13 tal-osservazzjonijiet) li jipprovdi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva, peress li l-problema inkwistjoni ma hijiex dik tal-ineżistenza ta’ ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, jiġifieri każ ta’ impossibbiltà, iżda tikkostitwixxi eċċezzjoni leġittima għall-prinċipju stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva. Dan l-argument imur kontra l-istruttura u għalhekk is-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq li tipprovdi, bi kliem mill-iktar ċar, prinċipju u eċċezzjoni għal dan tal-aħħar, fl-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 rispettivament, sa fejn il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha neċessarjament tiġi evalwata fid-dawl tal-kliem tat-tieni sentenza tal-imsemmi artikolu.

( 24 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑219/95 P, EU:C:1997:375, punt 15).

( 25 ) Sentenza tat-3 ta’ April 2008, Endendijk (C‑187/07, EU:C:2008:197).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 61).

( 27 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 34).

( 28 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPUEU:C:2011:268, punti 4142).

( 29 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPUEU:C:2011:268, punt 40).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 62).

( 31 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 39).

( 32 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi Bero u Bouzalmate (C‑473/13, C‑474/13 u C‑514/13, EU:C:2014:295).

( 33 ) L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi li l-familji mqiegħda f’detenzjoni sakemm isseħħ it-tneħħija għandhom jiġu pprovduti akkomodazzjoni separata li tiggarantixxi privatezza adegwata.

( 34 ) COM (2005) 391 final.

( 35 ) ĠU 2017, L 339, p. 83

( 36 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku) (C‑380/18, EU:C:2019:1071, punti 2930).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 4344); tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 6566), kif ukoll is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, K. u H. F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitt tal-gwerra) (C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 42).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 4546).

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal (C‑100/01, EU:C:2002:712, punt 35).

( 40 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPUEU:C:2016:84, punt 67), li tirrigwarda l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

( 41 ) ĠU 2004, L 375, p. 12.

( 42 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku) (C‑380/18, EU:C:2019:1071, punti 31 sa 33).

( 43 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 39).

( 44 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 48) u tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Bero u Bouzalmate (C‑473/13 u C‑514/13, EU:C:2014:2095, punt 25).

( 47 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punti 5152).

( 48 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punti 51525961).

( 49 ) Minkejja li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tispeċifikax il-motivi tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2017 tal-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali) li tordna d-detenzjoni ta’ WM f’faċilità korrettiva, ma hemm ebda dubju li s-sitwazzjoni deskritta fil-punti 10 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet ittieħdet inkunsiderazzjoni sabiex tikkaratterizza l-eżistenza ta’ theddida serja għall-integrità fiżika u l-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti ta’ sigurtà interna fis-sens tal-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG. It-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż għat-talba għal informazzjoni ssemmi l-fatt li mill-15 ta’ Awwissu sas-26 ta’ Settembru 2016, WM kien skonta l-bqija tal-piena ta’ priġunerija sostittuttiva ta’ 43 jum għal offiża fuq il-persuna, kundanna li ma tissemmix fid-deċiżjoni tar-rinviju u li ma jidhirx li ttieħdet inkunsiderazzjoni bħala bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

( 50 ) Fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt waħdu li refuġjat isostni organizzazzjoni terroristika ma jistax ikollu bħala konsegwenza awtomatika r-revoka tal-permess ta’ residenza tiegħu. Hija, għal darba oħra, ċaħdet kull raġunament kawżali awtomatiku bbażat fuq fatt rilevanti wieħed, għall-benefiċċju ta’ “evalwazzjoni individwali ta’ fatti speċifiċi” kemm fir-rigward tal-attività tal-organizzazzjoni inkwistjoni kif ukoll tal-aġir tal-persuna kkonċernata.

( 51 ) Illum il-prevenzjoni tal-atti terroristiċi tirrappreżenta kwistjoni politika mill-iktar importanti u kultant twassal lill-awtoritajiet nazzjonali jrażżnu l-fażi ta’ qabel it-twettiq ta’ att terroristiku, u b’hekk iħawwdu d-distinzjoni tradizzjonali bejn il-pulizija amministrattiva u ġudizzjarja. Issa, l-approċċ tradizzjonalment sostnut fid-dritt kriminali huwa li l-intenzjoni waħedha li jitwettaq reat ma tistax tiġi sanzjonata (cogitationis poenam nemo patitur). Anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma taqax fil-qasam tad-dritt kriminali, peress li l-miżura inkwistjoni hija min-natura tagħha amministrattiva u ma għandha ebda natura punittiva, l-evalwazzjoni, oġġettivament delikata, tal-periklu li tirrappreżenta l-persuna kkonċernata fid-dawl tal-profil psikoloġiku tagħha u tal-intenzjoni kriminali tagħha għandha ssir bl-ikbar rigorożità, permezz tas-sodisfazzjon ta’ indizji konkreti, serji u konkordanti li l-materjalità u r-rilevanza tagħhom għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.

( 52 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 64).

( 53 ) Sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 57); tal-24 ta’ Ġunju 2015, T., (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 92), kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 73).

( 54 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 67).

( 55 ) Sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 38), u tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 48).

( 56 ) B’mod partikolari, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi żgurata matul l-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-imsemmija direttiva, li jinkludu neċessarjament dak marbut mad-detenzjoni, inkluż l-istadju relatat mad-deċiżjoni ta’ ritorn, li fil-kuntest tagħha l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju skont l-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 49)).

( 57 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 55).

( 58 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 42).

( 59 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 52).

( 60 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, EU:C:1989:303, punt 21); tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 81), kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 91).

( 61 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 55).

( 62 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 64).

( 63 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 67).

( 64 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 69).

( 65 ) Minbarra l-garanziji minimi previsti fl-Artikoli 15, 16 u 17 tad-Direttiva 2008/115, diversi testi jikkostitwixxu sors legali mhux vinkolanti, jiġifieri l-“20 Linja Gwida dwar ir-ritorn furzat” adottati fl-4 ta’ Mejju 2005 mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-Regoli Ewropej dwar il-Ħabsijiet u l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar it-trattament tal-immigranti mqiegħda f’detenzjoni kif ukoll ir-regoli tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti (CPT), li jistabilixxu kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-immigranti sakemm isseħħ it-tneħħija li kemm jista’ jkun għandhom jitbiegħdu mill-ambjent normali ta’ ħabs, kemm għal dak li jirrigwarda l-post innifsu kif ukoll ir-regoli ta’ funzjonament taċ-ċentri, dan kollu ffokat fuq il-ħajja f’komunità u l-kunċett ta’ “ħajja mingħajr libertà”. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) bbażat ruħha fuq dawn it-testi sabiex tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji li fid-dawl tagħhom hija tevalwa n-natura xierqa tal-post, tal-kundizzjonijiet u tas-sistema tad-detenzjoni (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi Bero u Bouzalmate, C‑473/13, C‑474/13 u C‑514/13, EU:C:2014:295, punti 8788).

( 66 ) B’applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jipprojbixxi f’termini assoluti t-tortura u t-trattament inuman jew degradanti, il-Qorti EDB speċifikat li l-persuni msakkra jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli u li l-awtoritajiet għandhom id-dmir li jipproteġuhom, b’mod partikolari, mill-aġir vjolenti jew mhux xieraq tal-kodetenuti (sentenzi tal-Qorti EDB tal-20 ta’ Ottubru 2011, Saadi vs Franza, u tal-15 ta’ Jannar 2019, Gjini vs Is-Serbja, CE:ECHR:2019:0115JUD000112816).

( 67 ) Il-punt 28 tal-Kapitolu IV, iddedikat għad-detenzjoni ta’ barranin, tal-istandards taċ-CPT isemmi li, “[f]’ċerti każi eċċezzjonali, jista’ jkun xieraq li barrani jiġi detenut f’ħabs minħabba t-tendenza magħrufa tiegħu għall-vjolenza”.

( 68 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 6869).

( 69 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi Bero u Bouzalmate (C‑473/13, C‑474/13 u C‑514/13, EU:C:2014:295, punt 82).

( 70 ) Huwa ferm probabbli li tali kunsiderazzjonijiet huma inklużi fil-leġiżlazzjoni, fl-organizzazzjoni u fil-funzjonament tal-faċilitajiet korrettivi. F’dan ir-rigward nirrileva, li ngħatat attenzjoni partikolari lil WM ġewwa ċ-ċentru ta’ detenzjoni wara r-rakkomandazzjonijiet tas-“servizz psikoloġiku”, meta ġie kkonstatat li kien fiżikament aġitat jew, għall-kuntrarju, magħluq fih innifsu. Il-persuna kkonċernata kienet ukoll is-suġġett ta’ eżami psikjatriku fil-bidu tad-detenzjoni tagħha u rċeviet, kuljum u mbagħad f’intervalli iktar fit-tul, iż-żjara tas-servizz psikoloġiku sabiex tiġi evitata rikaduta. Dawn il-fatti juru kura medika tal-persuna detenuta li tippermetti li jiġi kkunsidrat, a priori, li fil-faċilità korrettiva jistgħu jiġu żgurati l-kura tas-saħħa f’emerġenza u t-trattament essenzjali għal mard, u li tal-inqas dawn ma jirrappreżentawx natura ta’ gravità.

( 71 ) Barra minn hekk, it-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż tiddikjara kura regolari ta’ WM mis-“servizzi soċjali” tal-faċilità korrettiva, isem li wieħed ma jistax jgħid jekk ikoprix organizzazzjoni jew istanza nazzjonali “nongovernattiva” fis-sens tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2008/115.

( 72 ) Għalkemm jinftiehem perfettament u huwa aċċettabli li immigrant li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew tas-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat, ma jistax ikollu telefon ċellulari jew juża l-mezz ta’ komunikazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu f’kull ħin, lejl u nhar, il-limitazzjoni ratione temporis awtoritarja ta’ dritt ta’ komunikazzjoni, imnaqqas għal darbtejn f’xahar jew darba f’ġimgħa, jew anki b’mod każwali, skont il-bona volontà tal-amministrazzjoni tal-ħabs, ma tidhirx li hija kompatibbli mar-rekwiżiti u mal-iskop tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115. Min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn il-konversazzjonijiet telefoniċi huma ssorveljati, jidhirli li huwa xieraq fid-dawl tal-profil partikolari tal-immigrant ikkonċernat.

( 73 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Pham (C‑474/13, EU:C:2014:2096, punti 171921).

( 74 ) Il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Pham (C‑474/13, EU:C:2014:2096) tqajjem, fil-fehma tiegħi, mistoqsija dwar interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115. Kif diġà ssemma, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi l-possibbiltà li Stat Membru jieħu miżuri ta’ emerġenza “dwar il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) [tad-Direttiva]”, formulazzjoni ta’ natura ġenerali li tista’ tkopri mhux biss l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni f’ċentri speċjalizzata iżda wkoll, konsegwenza neċessarja, l-obbligu ta’ separazzjoni tal-priġunieri ordinarji mill-immigranti mqiegħda f’detenzjoni f’faċilità korrettiva speċifikament fil-kuntest ta’ miżuri ta’ emerġenza. Il-fondatezza tal-użu tal-aġġettiv “inkundizzjonat”, applikat għall-obbligu ta’ separazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu irregolarment mill-priġunieri ordinarji, jidhirli li hija inċerta.

( 75 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi Bero u Bouzalmate (C‑473/13, C‑474/13 u C‑514/13, EU:C:2014:295, punt 99).

( 76 ) Ara l-Artikolu 48 tal-Karta kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

( 77 ) Ċertament huwa possibbli li jiġi previst każ ta’ priġunerija konkominanti ta’ diversi immigranti sakemm isseħħ it-tneħħija u għalhekk, ikunu jistgħu jaqsmu l-ħin liberu b’attivitajiet jew mixjiet mingħajr ma jqajmu l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115. Huwa ferm probabbli li dan il-każ ipotetiku, għalkemm ma huwiex teoretiku, huwa statistikalment marġinali.

( 78 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 91).

( 79 ) Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 8586).

( 80 ) Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 87).

( 81 ) Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata tal-Qorti EDB).

( 82 ) Qorti EDB, 4 ta’ Lulju 2006, Ramirez Sanchez vs Franza (CE:ECHR:2006:0704JUD005945000, § 119 u 123, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 83 ) Ara b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 90), u tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 8889).

( 84 ) WM ġie detenut fil-faċilità korrettiva ta’ Frankfurt am Main I, ċentru ta’ arrest preventiv normali ta’ livell ta’ sigurtà 1, li ma għandux “kwartieri ta’ sigurtà għolja”. Il-persuna kkonċernata tqiegħdet f’ċelel individwali “normali” jew partikolarment sorveljati, jiġifieri nieqsa minn oġġetti perikolużi b’vidjo sorveljanza, bid-dritt ta’ siegħa kuljum ta’ ħin liberu f’kumpannija ta’ detenuti oħra li qed jistennew sentenza kif ukoll fuq barra, għal doxxa ta’ kuljum, u kellu l-possibbiltà li jagħmel sport darba fil-ġimgha u jixtru prodotti tal-ikel. Minbarra l-kuntatti mas-servizz tas-saħħa, mas-servizzi soċjali, mal-qraba, mal-avukati tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati), WM irċieva l-viżta regolari ta’ imam. Barra minn hekk, ma tissemma ebda konsegwenza negattiva fuq is-saħħa tal-persuna kkonċernata marbuta mad-detenzjoni tagħha. Dawn l-indikazzjonijiet jikkontradixxu l-kontenut tal-osservazzjonijiet magħmula għan-nom tal-parti rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jinvoka detenut li kien ipprojbit kuntatt mad-detenuti l-oħra u mad-dinja esterna.

( 85 ) Qorti EDB, 4 ta’ Lulju 2006, Ramirez Sanchez vs Franza (CE:ECHR:2006:0704JUD005945000, § 135). Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti kumulattivi tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, it-tul tad-detenzjoni f’iżolament relattiv, jekk ikun il-każ flimkien ma’ dak ta’ detenzjoni minn qabel marbuta ma’ proċedura kriminali.

( 86 ) Għandu jiġi enfasizzat li t-tul massimu tad-detenzjoni previst fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 huwa ta’ 18-il xahar. Id-detenzjoni ta’ WM ġewwa l-faċilità korrettiva ta’ Frankfurt am Main damet 8 xhur u 21 jum.

( 87 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 57).

( 88 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 56).

( 89 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 5152).

( 90 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 62); tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 57); tal-24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 92), kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 6773).

( 91 ) Ara, b’analoġija, s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 62).

( 92 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 63).

( 93 ) Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li r-rimedju meħtieġ għandu jeżisti bi grad suffiċjenti ta’ ċertezza, fil-prattika kif ukoll fit-teorija, u ma għandux ikun nieqes mill-aċċessibbiltà u mill-effettività meħtieġa (Qorti EDB, 11 ta’ Ottubru 2007, Nasroulloiev vs Ir-Russja, CE:ECHR:2007:1011JUD000065606, § 86, u Qorti EDB, 5 ta’ April 2011, Rahimi vs Il-Greċja, CE:ECHR:2011:0405JUD000868708, § 120 u 121, minħabba nuqqas ta’ aċċess għal rimedju ġudizzjarju, għaliex il-fuljett ma kienx ifformulat f’lingwa miftehma mir-rikorrent), ikun possibbli fi żmien qasir matul il-perijodu ta’ detenzjoni u jiġi implimentat quddiem korp ġudizzjarju indipendenti u imparzjali, bil-possibbiltà li jwassal, jekk ikun il-każ, għar-rilaxx tal-persuna kkonċernata (Qorti EDB, 20 ta’ Ġunju 2002, Al-Nashif vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2002:0620JUD005096399, § 92, u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Nasroulloiev vs Ir-Russja, CE:ECHR:2007:1011JUD000065606, § 86) jew minn tal-inqas, għal rimedju xieraq b’titjib tal-kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni (Qorti EDB, 21 ta’ Mejju 2015, Yengo vs Franza, CE:ECHR:2015:0521JUD005049412, § 58 sa 62).