KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fi 17 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑709/19

Vereniging van Effectenbezitters

vs

BP plc

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Regolament (UE) Nru 1215/2012 — Ġurisdizzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà ta’ delitt jew kważi delitt — Kawża fi kwistjoni ta’ investimenti — Post tal-avveniment dannuż — Dannu li jikkonsisti esklużivament f’telf ekonomiku — Azzjoni dikjaratorja mressqa minn entità ta’ difiża kollettiva tal-interessi”

1.

Assoċjazzjoni ta’ detenturi ta’ titoli ressqet quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) kawża għad-danni li rriżultaw mit-telf tal-kwotazzjoni tal-ishma tagħha f’kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, wara t-tixrid ta’ żejt fl-installazzjonijiet ta’ din il-kumpannija fil-Golf tal-Messiku.

2.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-awtorità ġudizzjarja trid tikseb l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 2 ). Peress li d-danni li huma s-suġġett tat-talba huma purament patrimonjali, hija qiegħda ssib diffikultà biex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha, fid-dawl ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, speċjalment is-sentenzi Kolassa, Universal u Löber ( 3 ).

3.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jenfasizzaw ir-riskji inerenti għal interpretazzjonijiet ta’ natura miftuħa f’dan il-qasam, bħal dik li torbot il-ġurisdizzjoni internazzjonali maċ-“ċirkustanzi partikolari” tal-kawża. Huma joffru, fl-istess ħin, l-opportunità li jiġu ċċarati jew, jekk meħtieġ, riveduti dawn l-interpretazzjonijiet.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament Nru 1215/2012

4.

Is-sittax‑il premessa tindika:

“Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi […]”.

5.

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan tal-aħħar:

“1.   Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

[…]”.

6.

Skont l-Artikolu 7:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

2)

fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”.

B. Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Burgerlijk Wetboek ( 4 )

7.

Skont l-Artikolu 305a tal-ktieb 3 tal-BW ( 5 ):

“1.   Kull istituzzjoni jew assoċjazzjoni li għandha kapaċità ġuridika sħiħa tista’ tressaq azzjoni quddiem il-qrati sabiex tiddefendi l-interessi simili ta’ persuni oħra, bil-kundizzjoni li hija tipproċedi għal tali difiża skont l-istatuti tagħha.

[…]

3.   Talba bħal dik imsemmija fil-paragrafu 1 ma jistax ikollha bħala suġġett […] kumpens fi flus.

[…]”.

II. Il-fatti, il-kawżi quddiem il-qrati nazzjonali u d-domanda preliminari

8.

Vereniging van Effectenbezitters (Assoċjazzjoni tad-detenturi ta’ titoli, iktar ’il quddiem “VEB”) hija assoċjazzjoni Olandiża stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), li l-għan statutorju tagħha huwa d-difiża tal-interessi ta’ proprjetarji ta’ titoli trasferibbli.

9.

BP plc (iktar ’il quddiem “BP”) hija impriża taż-żejt u tal-gass stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), attiva fuq livell dinji. L-azzjonijiet ordinarji tagħha huma kkwotati fil-boroż ta’ Londra u ta’ Frankfurt.

10.

F’April 2010, kien hemm splużjoni fuq pjattaforma taż-żejt mikrija minn BP fil-Golf tal-Messiku, li kkawżat danni ambjentali serji.

11.

Fis-17 ta’ April 2015, VEB ressqet lil BP quddiem ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) billi ppreżentat, skont l-Artikolu 3:305a tal-BW, azzjoni kollettiva f’isem il-persuni kollha li akkwistaw, żammew jew biegħu azzjonijiet ordinarji ta’ BP matul il-perijodu bejn is-16 ta’ Jannar 2007 u l-25 ta’ Ġunju 2010, permezz ta’ kont tal-investiment li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi jew permezz ta’ kont tal-investiment ta’ bank jew ta’ impriża ta’ investiment stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem “azzjonisti ta’ BP”).

12.

VEB talbet lir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Amsterdam) biex tagħmel dawn id-dikjarazzjonijiet:

l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawżi għad-danni mressqa mill-azzjonisti ta’ BP;

ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Amsterdam) għandha ġurisdizzjoni territorjali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet;

BP aġixxiet illegalment rigward l-azzjonisti tagħha, billi għamlet komunikazzjonijiet mhux eżatti, mhux kompluti u qarrieqa dwar: i) il-programmi ta’ sigurtà u ta’ manutenzjoni tagħha qabel it-tniġġis miż-żejt tal-20 ta’ April 2010; jew (ii) il-portata ta’ dan it-tniġġis miż-żejt; jew iii) ir-rwol ta’ BP u r-responsabbiltà tagħha għal dan it-tniġġis miż-żejt;

il-bejgħ ta’ azzjonijiet ta’ BP mill-azzjonisti ta’ BP kien isir bi prezz tas-suq iktar favorevoli, jew saħansitra ma jsirx, kieku ma kienx għal dan l-aġir illegali ta’ BP;

tirriżulta r-rabta indispensabbli bejn l-aġir illegali ta’ BP u d-dannu subit mill-azzjonisti ta’ BP għall-perijodu mis-16 ta’ Jannar 2007 sal-25 ta’ Ġunju 2010.

13.

BP ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Olandiżi billi bbażat ruħha fuq ir-Regolament Nru 1215/2012. Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Amsterdam) iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni u l-gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkonfermat din id-deċiżjoni.

14.

VEB appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), li qiegħda tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)

a)

L-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-seħħ dirett ta’ dannu purament finanzjarju ta’ kont ta’ investiment fil-Pajjiżi l-Baxxi jew ta’ kont ta’ investiment ta’ bank u/jew ta’ impriża ta’ investiment stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, liema dannu jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ investiment li ttieħdet skont informazzjoni ġeneralment disponibbli iżda skorretta, inkompleta u qarrieqa u li toriġina minn kumpannija internazzjonali kkwotata fil-borża, huwa fattur ta’ rabta sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti Olandiża skont il-post tas-seħħ tad-dannu (Erfolgsort)?

b)

Fin-negattiv, huma neċessarji ċirkustanzi addizzjonali sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ qorti Olandiża u liema huma ċ-ċirkustanzi? Iċ-ċirkustanzi addizzjonali (imsemmija fil-punt 4.2.2) [ ( 6 )] huma suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk it-talba titressaq skont l-Artikolu 3.305a tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili Olandiż) minn assoċjazzjoni li l-għan tagħha huwa li tiddefendi, bil-prerogattiva tagħha stess, l-interessi kollettivi ta’ investituri li jkunu ġarrbu dannu bħal dak imsemmi fl-ewwel domanda, u dan jimplika b’mod partikolari li la d-domiċilji tal-imsemmija investituri, u lanqas iċ-ċirkustanzi partikolari tat-tranżazzjonijiet individwali ta’ xiri jew ta’ deċiżjonijiet individwali li ma jinbigħux l-azzjonijiet li kienu miżmuma, ma ġew stabbiliti?

3)

Jekk il-qorti Olandiża ikollha ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012], sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba mressqa skont l-Artikolu 3.305a tal-Kodiċi Ċivili Olandiż, din il-qorti għandha wkoll ġurisdizzjoni territorjali internazzjonali u nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012], sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għad-danni kollha mressqa mill-investituri li jkunu ġarrbu dannu bħal dak li hemm riferiment għalih fl-ewwel domanda?

4)

Jekk il-qorti Olandiża jkollha ġurisdizzjoni territorjali internazzjonali iżda mhux nazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għad-danni kollha mressqa mill-investituri li jkunu ġarrbu dannu bħal dak li hemm riferiment għalih fl-ewwel domanda, il-ġurisdizzjoni territorjali nazzjonali għandha għalhekk tiġi ddeterminata abbażi tad-domiċilju tal-investitur leż, tal-post ta’ stabbiliment tal-bank li fih dan l-investitur ikollu l-kont personali tiegħu, tal-post ta’ stabbiliment tal-bank li fih jinżamm il-kont ta’ investiment, jew abbażi ta’ fattur ta’ rabta ieħor?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2019.

16.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn VEB, BP u mill-Kummissjoni Ewropea. Wara l-annullament tas-seduta inizjalment miftiehma, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub, li wieġbu għalihom fit-8 ta’ Ottubru 2020.

IV. Analiżi

A. Preċiżazzjonijiet ta’ natura ġenerali

17.

Skont l-indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw biss l-ewwel żewġ domandi preliminari.

18.

Qabel ma nibda l-eżami tiegħi, nixtieq infakkar li:

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu ( 7 ).

Sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 8 ) (li huwa stess jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell) ( 9 ), l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet preliminari ekwivalenti għal dawk tal-istrument fis-seħħ tibqa’ valida ( 10 ).

L-identifikazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni jew manifestazzjoni konkreta ta’ dannu, fil-kuntest tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandha l-għan uniku li tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru.

Din l-identifikazzjoni sservi għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet f’tilwimiet transkonfinali tad-dritt privat, billi tiftaħ forum alternattiv fid-domiċilju tal-konvenut sabiex tissodisfa “bżonn[ijiet] oġġettiv[i] fir-rigward ta’ evidenza jew it-tmexxija tal-proċeduri” ( 11 ).

Fis-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012, id-deżinjazzjoni bħala kompetenti tal-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent (forum actoris) għandha natura eċċezzjonali ( 12 ).

B. Osservazzjonijiet preliminari dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari

19.

L-ewwel u t-tieni domanda jqajmu diversi mistoqsijiet dwar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.

20.

Is-sekwenza ta’ dawn il-mistoqsijiet tista’ tiġi miġbura fil-qosor kif ġej:

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk telf purament finanzjarju, subit direttament fuq kont tal-investiment ( 13 ) miżmum fil-Pajjiżi l-Baxxi, jippermettix li tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ dan l-Istat, bħala post ta’ manifestazzjoni tad-dannu, meta t-telf jirriżulta minn deċiżjonijiet meħuda fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli għal kulħadd, maħruġa minn kumpannija internazzjonali kkwotata fil-borża ta’ titoli ta’ Stat Membru ieħor;

fil-każ ta’ risposta negattiva, hija tistaqsi jekk humiex neċessarji ċirkustanzi addizzjonali u liema huma;

hija titlob eżami speċifiku taċ-ċirkustanzi partikolari inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 14 ); u

fl-aħħar nett, hija tixtieq tkun taf l-impatt li tista’ teżerċita n-natura kollettiva tal-azzjoni mressqa fuq ir-risposta.

21.

Għandhom jiġu ppreċiżati, fi kwalunkwe każ, il-punti li ma humiex relatati mad-dibattitu u li huma preżunti. Dawn jinkludu:

il-klassifikazzjoni tal-azzjoni bħala mhux kuntrattwali;

il-lokalizzazzjoni tal-avveniment kawżali barra mill-Pajjiżi l-Baxxi; u

in-natura purament ekonomika u individwalizzabbli tad-dannu, li hija kkwantifikata fit-telf tal-valur tal-azzjonijiet ordinarji ta’ BP ( 15 ).

22.

Id-dubji tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) għandhom bħala premessa dak li ġie kklassifikat bħala “approċċ ħolistiku” ( 16 ), użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, sabiex jiġi applikat għal ċerti kawżi fil-qasam tal-investimenti ( 17 ), fejn id-dannu fihom tqies li seħħ fil-kont tal-investitur ( 18 ).

23.

Għalkemm huwa minnu li l-post tal-kont tal-investitur kien iservi sabiex jidentifika l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, nirrileva madankollu li dan huwa f’kuntesti li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala “partikolari” ( 19 ) u dan għaliex:

indirizzat il-kwistjoni minn perspettiva preċiża ħafna, peress li fittxet li tirratifika l-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent; u

l-importanza tal-post tal-kont bħala punt ta’ konnessjoni kienet relattiva, peress li elementi oħra jikkorroboraw, fl-intier tagħhom, il-kapaċità ta’ tali post li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni, minħabba l-prossimità bejn il-kawża u l-forum u l-prevedibbiltà tiegħu għall-partijiet.

1.   Diffikultajiet li jiġi aċċettat il-post ta’ kont ta’ investiment bħala post ta’ manifestazzjoni tad-dannu

24.

Ma inix ċert jekk is-sitwazzjoni ta’ kont tar-rikorrent fl-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija inkwistjoni hijiex riferiment utli, anki fil-preżenza ta’ elementi supplimentari, għal kwalunkwe kawża għal responsabbiltà mhux kuntrattwali għal danni kkawżati lill-investimenti minħabba nuqqasijiet ta’ informazzjoni. Naħseb, pjuttost, li din hija kwistjoni miftuħa, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-approssimazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda.

25.

Sa fejn kont tal-investiment jirrifletti valur patrimonjali u sa fejn dan ibati dannu, il-post ta’ dan il-kont jista’, fil-prinċipju, jirrappreżenta l-post tal-manifestazzjoni tal-preġudizzju purament ekonomiku għad-detentur tiegħu. Dan l-istabbiliment ġeografiku tad-dannu huwa, madankollu, figurattiv jew fittizju, bħal kwalunkwe ħaġa ta’ dannu immaterjali ( 20 ).

26.

Issa, il-preferenza, f’dak li jirrigwarda dawn id-danni, sabiex jitqiegħdu f’post wieħed jew l-ieħor fost dawk immaġinabbli ma tistax tinsa l-għan tar-regola inkwistjoni. Ir-rilevanza ta’ kont ta’ investiment (jew ta’ kont bankarju f’sens wiesa’) tista’ tiġi kkontestata minn din il-perspettiva: il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tikkonferma d-dgħjufija ta’ din ir-rabta.

27.

Il-post tal-kont iservi l-iktar lill-azzjonist, speċjalment jekk jikkoinċidi mad-domiċilju jew mar-residenza tiegħu, li, fir-rigward tal-konsumaturi jew investituri żgħar, huwa koerenti mal-għanijiet tal-politika leġiżlattiva tar-regoli sostantivi ( 21 ). Issa, din il-politika ma tistax tiġi mħeġġa għad-detriment tal-għan proprju tar-Regolament Nru 1215/2012, kif jirriżulta mill-formulazzjoni attwali tiegħu.

28.

Il-post ta’ kont jista’ jikkontribwixxi għall-prossimità oġġettiva bejn il-kawża u l-forum, iżda dan ma għandux ikun sopravvalutat. Il-kontijiet li fihom jiġu ddepożitati l-valuri tal-borża jew li jirriflettu d-deprezzament tagħhom, pereżempju, ma jikkundizzjonaw la r-rabta kawżali bejn il-fatt u d-dannu, u lanqas l-importanza tad-dannu li jirriżulta minn dan.

29.

Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-kumpannija li toħroġ l-ishma kkwotati, is-sitwazzjoni tal-kontijiet tal-azzjonisti tagħha hija informazzjoni mhux determinabbli, li ma tippermettix livell minimu ta’ previżjoni fir-rigward tal-qrati internazzjonalment kompetenti li quddiemhom tista’ tiġi mħarrka.

30.

Huwa minnu li, meta tittieħed id-deċiżjoni li tikkwota fil-borża ta’ Stat li ma jkunx dak li fih tinsab is-sede tagħha, persuna li toħroġ l-ishma taċċetta impliċitament li tista’ tiġi mħarrka barra mid-domiċilju tagħha. Madankollu, sa fejn ma għandux kontroll fuq il-moviment ulterjuri tat-titoli, is-sitwazzjoni ta’ kont tal-investitur ( 22 ) hija għalih aleatorja kif ukoll imprevedibbli ( 23 ).

31.

F’dan il-kuntest, l-aċċettazzjoni li l-post tal-kont huwa l-element determinanti tal-ġurisdizzjoni ma tevitax “[i]l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi” ( 24 ). Pjuttost tiffaċilita din il-possibbiltà.

2.   Riżervi għall-użu tal-“approċċ ħolistiku” f’każijiet bħal dak inkwistjoni

32.

Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Verein für Konsumenteninformation, indikajt li n-nuqqas ta’ ħsara fiżika tagħmilha iktar diffiċli li jiġi identifikat il-post fejn seħħ id-dannu u jqajjem dubji dwar jekk huwiex opportun li dan il-post jinżamm bħala punt ta’ konnessjoni fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 25 ).

33.

Kont fakkart li, għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna diversi drabi sabiex tabbanduna l-għażla bejn il-post tal-fatt u dak tad-dannu, fil-każ ta’ danni purament patrimonjali. Qbilt ma’ din il-pożizzjoni, filwaqt li spjegajt li hija setgħet ikkunsidratha għal ċerti ipoteżijiet, u mhux neċessarjament b’mod globali ( 26 ).

34.

Għalhekk, jiena naqbel mar-riżervi sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-investimenti mobbli, billi nibda mill-finzjoni li dannu immaterjali jimmanifesta ruħu f’post partikolari u billi neżiġi, barra minn hekk, il-konċentrazzjoni ta’ ċirkustanzi partikolari sabiex il-ġurisdizzjoni tiġi attribwita lill-qrati ta’ tali post ( 27 ).

35.

Argument marbut maċ-ċertezza legali jikkorrobora l-adegwatezza li wieħed jerġa’ jirrifletti fuq dan l-approċċ: fil-mument tal-proċedura rilevanti (f’ċerti każijiet, anki jekk a limine litis), il-qorti adita għandha tidentifika l-elementi ta’ konnessjoni mal-Istat tal-forum, li minnhom tirriżulta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha stess, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Għal raġunijiet mhux biss ta’ natura prattika, iżda nirrepeti, ta’ ċertezza legali, hija għandha tkun tista’ tiddeċiedi faċilment fuq din ir-rekwiżit, qabel l-eżami tal-mertu.

36.

Interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 li tirrikjedi analiżi taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, f’każijiet bħal dan, ma tiffavorixxix iċ-ċertezza tar-riżultat. Barra minn hekk, in-natura stess tal-kriterju probabbilment ser toħloq dubji fl-operaturi ġuridiċi u tiffavorixxi strateġiji proċedurali dilatorji, minbarra interpretazzjonijiet diverġenti fl-Istati Membri u talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ġodda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 28 ).

3.   Konklużjoni intermedja

37.

Għalhekk, f’kawżi bħal dik inkwistjoni, jista’ ma jkunx indispensabbli li jintuża l-metodu ta’ aggregazzjoni ta’ kuntatti sabiex tiġi attribwita l-ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012. Għalhekk, dan ifisser li d-dannu jitqiegħed f’post iktar adattat għall-għanijiet imfittxija mir-regola billi jiġi skartat dak tal-post fejn jinsab il-kont ta’ investiment.

38.

Fl-opinjoni tiegħi, dan l-approċċ huwa possibbli u, fil-fatt, ġie adottat mill-qrati f’xi Stati Membri, li janalizzaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq il-bażi ta’ informazzjoni oħra, billi jagħtu preferenza, pereżempju, lis-suq li fih huma elenkati l-azzjonijiet ( 29 ). Dan huwa post (mhux neċessarjament fiżiku) magħruf sew ex ante, li għażel l-emittent u li huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ obbligi ta’ informazzjoni; min-naħa tiegħu, l-investitur jaf dan, jew għandu jkun jafu, qabel jakkwista azzjonijiet fil-kumpannija ( 30 ).

39.

Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domandi preliminari, ser nirrispondi mill-premessi tagħhom stess, jiġifieri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija sal-lum, billi neżamina, jekk ikun il-każ, is-soluzzjonijiet alternattivi proposti.

C. L-ewwel domanda preliminari

1.   Risposta fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)   Ittra a): il-post tal-kont tal-investiment “fattur ta’ rabta” suffiċjenti?

40.

Mis-sentenzi Kolassa, Universal u Löber jirriżulta li l-post, fi Stat Membru, tal-kont bankarju (fis-sens wiesa’) li jirrifletti l-preġudizzju ekonomiku ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti ġurisdizzjoni internazzjonali lill-qrati ta’ dan l-Istat. Barra minn hekk, għandu jkun hemm ċirkustanzi partikolari li jippermettu, fl-intier tagħhom, li tingħata tali ġurisdizzjoni ( 31 ).

41.

Minbarra, fil-preżent, l-effett li jista’ jkollu f’dan il-każ il-metodu ta’ azzjoni (kollettiva) adottat minn VEB ( 32 ), ma nsib ebda element distintiv ta’ tali piż li jista’ jitbiegħed minn din il-ġurisprudenza.

42.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fis-sentenza Universal, id-dannu finanzjarju ġie subit fuq kont bankarju tar-rikorrent li huwa stess kien għażel sabiex iħallas id-dejn tiegħu; il-persuna leża stess iddeċidiet is-sitwazzjoni tat-telf tagħha, li jnaqqas l-affidabbiltà tal-pożizzjoni tal-kont bħala element ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, id-dannu patrimonjali li jsegwi t-tnaqqis fil-valur tal-azzjonijiet miżmuma fil-kontijiet tal-investiment iseħħ direttament fihom.

43.

Ma jidhirlix li l-argument huwa konvinċenti, għal diversi raġunijiet:

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma semmietx in-natura mhux affidabbli tal-kont magħżul mir-rikorrent bħala raġunament prinċipali, iżda bħala wieħed kumplimentari ( 33 ).

Wieħed ma jistax jeskludi l-intervent ta’ azzjonist sabiex jagħżel kont li fuqu huwa jiddepożita t-titoli tiegħu, u dan jippermettilu li jistabbilixxi minn qabel is-sitwazzjoni ta’ dan il-kont, bħala rabta ma’ territorju, għal talba futura kontra l-emittent tal-azzjonijiet ( 34 ).

In-nuqqas ta’ għażla ta’ tali post mill-azzjonist li t-titoli tiegħu ġew iddeprezzati ma jirrendix dan, kif diġà indikajt, f’fattur inqas imprevedibbli għall-emittent.

44.

Bl-istess mod, id-disparità bejn din il-kawża u dawk tas-sentenzi Kolassa u Löber, fir-rigward tal-forma u tal-portata tal-informazzjoni allegatament qarrieqa pprovduta mill-konvenut, ma tiġġustifikax li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tiġi attribwita lill-qrati tal-post fejn jinsabu l-kontijiet tal-investiment.

45.

Fir-realtà, il-fatt li l-informazzjoni tal-kumpannija emittenti ma hijiex speċifikament jew separatament indirizzata lill-investituri tal-Pajjiżi l-Baxxi tidher li ssostni pjuttost konklużjoni kuntrarja ( 35 ). Madankollu, sa fejn dan il-fattur huwa, għal VEB, ċirkustanza partikolari li tikkorrobora l-kompetenza ġudizzjarja tal-korpi ġudizzjarji tal-Pajjiżi l-Baxxi, jiena ser nanalizzah iktar minn dik il-perspettiva.

46.

Fil-qosor, il-materjalizzazzjoni tad-dannu ekonomiku f’kont tal-investiment li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax jiġi aċċettat bħala “fattur ta’ rabta sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali” lill-qrati ta’ dan l-Istat.

b)   Ittra b): ċirkustanzi partikolari tal-kawża

47.

Fid-dawl tal-possibbiltà li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tagħha tkun fin-negattiv, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tixtieq tkun taf jekk humiex “neċessarji ċirkustanzi addizzjonali sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ qorti Olandiża u liema huma ċ-ċirkustanzi. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dawk imsemmija fil-punt 4.2.2 tad-digriet tar-rinviju humiex suffiċjenti ( 36 ).

48.

Kif diġà esponejt f’mument ieħor, huwa impossibbli li jiġu speċifikati fl-astratt iċ-ċirkustanzi partikolari li, flimkien, joħolqu rabta suffiċjenti bejn il-kawża u forum, meta d-dannu deskritt fit-talba jkun purament finanzjarju ( 37 ).

49.

Madankollu, naħseb li huwa rilevanti li ntenni li ċ-“ċirkustanzi partikolari” li huma importanti għall-finijiet tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni huma dawk li juru l-prossimità bejn il-kawża u l-qorti, kif ukoll il-prevedibbiltà tat-tieni waħda għall-partijiet, għaliex dawn huma l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat il-kriterju ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali “il-post tad-dannu” ( 38 ).

50.

Dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jinkorporaw:

l-elementi ta’ interess għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni utli tal-proċedura; u

il-fatturi li setgħu servew sabiex jiffurmaw il-konvinzjoni tal-partijiet dwar fejn jippreżentaw ir-rikors jew fejn jistgħu jiġu eventwalment imħarrka bħala korollarju tal-azzjonijiet tagħhom.

51.

Mid-dokumentazzjoni fid-digriet jirriżulta li fil-kawża prinċipali ma jeżistux ċirkustanzi partikolari simili għal dawk tal-kawżi Kolassa u Löber. Min-naħa l-oħra, jista’ jkun hemm oħrajn, skont id-digriet tar-rinviju ( 39 ). Jiena nqis li l-maġġoranza ta’ dawn tal-aħħar (mingħajr ma ninkludu, għalissa, dawk li jikkonċernaw l-azzjoni kollettiva) ma humiex sinjifikattivi għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni ( 40 ).

1) Il-ftehim ta’ BP ma’ azzjonisti oħra

52.

Jidhirli li huwa irrilevanti li BP laħqet ftehim mal-azzjonisti tagħha fl-Istati Uniti tal-Amerika, li ma kienx offrut lill-azzjonisti Ewropej. Il-fajl ma jgħid xejn, f’termini ta’ prevedibbiltà, ta’ prossimità jew ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, favur li l-Pajjiżi l-Baxxi jitqiesu li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea.

2) Il-kundizzjoni ta’ azzjonisti konsumaturi

53.

Fil-fehma tiegħi, huwa wkoll insinjifikattiv li fost il-partijiet interessati xi wħud għandhom l-istatus ta’ konsumaturi ( 41 ). Jista’ jkun mixtieq li tiġi rregolata s-sitwazzjoni tal-investituri bl-imnut skont ir-raba’ taqsima tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 42 ), iżda dan ma huwiex il-każ illum.

54.

Il-konsumatur protett skont ir-Regolament Nru 1215/2012 huwa biss dak li jieħu sehem f’kuntratt fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 17 ( 43 ). F’dan ir-Regolament, fil-kliem attwali tiegħu, ma hemm l-ebda prinċipju globali ta’ protezzjoni tal-konsumatur li jassoċja ma’ kundizzjoni sostantiva bħal din is-setgħa li dejjem jintalab id-domiċilju.

55.

Fin-nuqqas ta’ tali regola ġenerali, il-kwalità ta’ “konsumatur” għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-Artikolu 7(2) bħall-fatturi l-oħra: jiġifieri, f’termini ta’ prossimità u prevedibbiltà tal-qorti. F’dan ir-rigward, ma narax kif il-kundizzjoni ta’ konsumatur ta’ ċerti investituri ta’ BP tqarreb oġġettivament il-qorti u l-kawża, jew tagħmel il-qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi ftit jew wisq prevedibbli mill-perspettiva tal-konvenut ( 44 ).

3) L-informazzjoni ta’ BP dwar l-azzjonijiet tagħha

56.

L-informazzjoni ta’ BP dwar l-azzjonijiet tagħha hija intiża għal pubbliku li jinvesti fuq livell dinji. Għalhekk BP ma tinjorax il-fatt li dawn it-titoli jistgħu jinxtraw minn investituri ta’ Stati differenti minn dak tas-sede tagħha, jew fis-sede tas-suq jew fis-swieq tal-borża li fihom ddeċidiet tikkwota ( 45 ).

57.

Ċertament, operatur ekonomiku ma jistax jinħeba wara l-ġeneralità ta’ informazzjoni li huwa jxandar huwa stess sabiex jevita li jitressaq f’post partikolari. Madankollu, lanqas ma jidher li huwa raġonevoli li jiġi suġġett għall-qrati kollha li, minħabba l-aċċessibbiltà tal-internet, tasal għandhom din l-informazzjoni, meta l-għan huwa li jintwerew il-karatteristiċi ta’ azzjonijiet ikkwotati, li normalment jistgħu jiġu trażmessi permezz ta’ katina ta’ intermedjarji li ma hijiex fil-kontroll tal-emittent.

58.

Fi kliem ieħor, inqis li, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, it-tixrid ta’ informazzjoni, fuq livell dinji, li kumpannija tiffaċilita fuq l-azzjonijiet tagħha ma jipprovdi xejn favur il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat partikolari ( 46 ).

59.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma naħsibx li ċ-ċirkustanzi partikolari li tirreferi għalihom it-tieni domanda preliminari jimmilitaw favur attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati Olandiżi.

2.   Soluzzjoni alternattiva?

60.

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi interpretat, eċċezzjonalment, li d-dannu jimmaterjalizza ruħu fil-kont ta’ investiment miżmum fi Stat Membru u jippermetti li tingħata ġurisdizzjoni lill-qrati tiegħu, mingħajr ma jkunu ssodisfatti ċirkustanzi addizzjonali, fin-nuqqas ta’ elementi li jawtorizzaw li jiġi lokalizzat fi Stat Membru ieħor.

61.

Kieku dan ma kienx il-każ, ir-rikorrent jitlef l-għażla mogħtija mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, filwaqt li, fis-sitwazzjoni deskritta, il-post tal-avveniment kawżali jikkoinċidi mad-domiċilju tal-konvenut.

62.

Jiena tal-fehma li dan ir-riżultat, għalkemm ħażin, ma jmurx kontra s-sistema ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tar-Regolament Nru 1215/2012. Għall-kuntrarju, jista’ jkun il-każ l-oppost.

63.

Il-Konvenzjoni ta’ Brussell, u sussegwentement ir-Regolamenti, jitilqu mill-premessa (bl-eċċezzjonijiet previsti minnhom) li d-domiċilju tal-konvenut huwa u għandu jkun il-qorti prinċipali. Il-qrati speċjali li jiżdiedu jirrispondu għal numru ta’ kunsiderazzjonijiet, li fosthom ma hemmx espressament, bħala għan fih innifsu, dik li joffru alternattivi lill-applikant ( 47 ).

64.

Ċertament, fl-oriġini tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, hemm l-effett utli tiegħu, b’mod li jinkludi kemm il-post tal-fatt kif ukoll dak tad-dannu. Tali effett jintilef jekk id-dispożizzjoni tiġi interpretata biss, u sistematikament, bħall-post tal-avveniment kawżali, għaliex hija ġeneralment tikkoinċidi mad-domiċilju tal-konvenut ( 48 ).

65.

Fiż-żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, b’mod kostanti, li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta, għax inkella tintilef is-sustanza tal-prinċipju ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu ( 49 ).

66.

Infakkar, f’dan il-kuntest, li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma huwiex qorti għall-protezzjoni tar-rikorrent. Din il-konstatazzjoni hija assoċjata, normalment, mat-twissija kontra interpretazzjoni tad-dispożizzjoni intiża sabiex tiffavorixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent ( 50 ).

67.

Għalhekk, ma huwiex possibbli li, fuq l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ prossimità fiżika bejn il-kawża u l-qorti, ikun prevalenti dak li jiffaċilita l-azzjoni tar-rikorrent.

68.

Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li ma huwiex imperattiv — u fi kwalunkwe każ ċertament ma huwiex assolut — li r-rikorrent jingħata għażliet sabiex jimmilita u, wisq inqas, li jippreżenta l-azzjoni tiegħu f’post li huwa meqjus li juri d-dannu, meta, min-natura tiegħu, fir-realtà, fittizja, dan il-post ma jirrappreżentax ir-rabta neċessarja bejn il-kawża u l-qorti.

69.

F’din il-perspettiva, infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuna kkonċernata hija dik li għandha tressaq kawża quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ id-dannu f’sitwazzjonijiet fejn ikun impossibbli jew diffiċli li jiġi ddeterminat fejn seħħ l-avveniment kawżali ( 51 ).

70.

Inżid, bħal f’okkażjoni oħra ( 52 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (illum l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012) fir-rigward ta’ obbligu li “ma jistax ikun lokalizzat f’post speċifiku u lanqas ma jista’ jkun marbut ma’ qorti partikolarment adatta sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim marbut miegħu” ( 53 ).

71.

Fl-aħħar nett, sa fejn id-domiċilju tal-konvenut f’xi Stat Membru jkun kundizzjoni għall-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-rikorrent għandu, mill-inqas, l-aċċess għal qrati kull darba li l-istrument ikun applikabbli. Għaldaqstant, ma jeżistix riskju ta’ ċaħda tal-ġustizzja ( 54 ).

D. It-tieni domanda preliminari

72.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandhiex effett fuq in-natura tal-azzjoni mressqa minn VEB (jiġifieri n-natura kollettiva tagħha) u li titressaq talba purament dikjaratorja.

73.

F’dan il-kuntest, hija tirreferi għas-sentenza CDC Hydrogen Peroxide ( 55 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferimenti ta’ krediti, magħmula minn kull kreditur oriġinali favur ir-rikorrent, ma għandhomx effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.

74.

Skont il-qorti tar-rinviju, jekk din l-istess soluzzjoni kienet prevista fil-kawża prinċipali, il-mekkaniżmu tal-azzjoni kollettiva jitlef l-effettività tiegħu.

1.   L-azzjoni kollettiva u l-post tad-dannu

a)   It-talba purament dikjaratorja tar-responsabbiltà

75.

Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fil-mument tal-introduzzjoni tagħha, kumpannija għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi bħal VEB ma għandhiex locus standi għal talba għal kumpens (fi flus) għad-danni. Huma biss il-persuni interessati individwali li jistgħu jitolbu tali kumpens.

76.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ikopri azzjonijiet purament dikjaratorji għal responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali ( 56 ), inklużi dawk intiżi għal dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ responsabbiltà ( 57 ), kif ukoll għal azzjonijiet preventivi intiżi sabiex jipprevjenu dannu futur ( 58 ).

77.

Skont din il-ġurisprudenza, il-qrati tal-Istat Membru fejn seħħ l-avveniment kawżali jew seħħ jew huwa previst li jseħħ id-dannu, jistgħu validament jirrikonoxxu l-ġurisdizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għal talbiet li fihom (għad) ma jkunx hemm talba għal kumpens partikolari ( 59 ).

78.

Fis-sentenza DFDS Torline, il-Qorti tal-Ġustizzja:

ibbażat ir-raġunament tagħha, fost elementi oħra, fuq ir-relazzjoni bejn l-ewwel fażi tad-domanda (dwar il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ aġir determinat) u t-tieni waħda (dwar il-kumpens li jirriżulta minn dan l-istess aġir);

hija qieset li d-diviżjoni taż-żewġ fażijiet, għall-finijiet ta’ kompetenza ġudizzjarja internazzjonali, tobbliga lir-rikorrent iressaq kawża quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, u li dan “imur kontra l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ multiplikazzjoni ta’ kriterji ta’ ġurisdizzjoni għall-istess relazzjoni ġuridika” ( 60 ).

79.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma nsib ebda oġġezzjoni li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 japplika għal azzjonijiet dikjaratorji bħal dawk imressqa minn VEB, qabel it-talbiet sussegwenti għal kumpens li huma biss il-persuni kkonċernati, li l-identità u r-residenza tagħhom ma humiex magħrufa fil-mument (l-ewwel) azzjoni, li jistgħu jressquhom individwalment.

80.

L-affermazzjoni preċedenti għandha l-premessa, fi kwalunkwe każ, li teżisti ċerta rabta, jew orjentazzjoni funzjonali, bejn il-proċess dikjaratorju mibdi minn VEB u dawk li sussegwentement jiġu rreklutati sabiex jinkiseb il-kumpens ( 61 ). Jekk din il-premessa teżistix, jew le, fil-kuntest tal-Artikolu 3:305a tal-BW, għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

81.

Wieħed ma għandux jinsa li l-identifikazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu ssir iktar kumplessa f’dawn ix-xenarji proċedurali f’żewġ stadji, sa fejn dan id-dannu huwa assoċjat ma’ detenturi mhux neċessarjament identifikati. Fil-fehma tiegħi, dan l-element lanqas ma jannulla l-“konsistenza reali, u mhux biss astratta” ( 62 ) tad-dannu.

82.

F’dan il-każ, id-diffikultà hija attenwata bid-delimitazzjoni tal-interessi difiżi mir-rikorrenti, jiġifieri dawk li jirriżultaw mil-lokalizzazzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ kontijiet ta’ investiment li jirriflettu d-deprezzament tal-valur tal-azzjonijiet.

b)   Azzjoni kollettiva u pluralità ta’ postijiet fejn isiru d-danni

83.

Il-post fejn isir id-dannu bħala kriterju li jattribwixxi l-kompetenza ġudizzjarja internazzjonali huwa dak li fih il-konsegwenzi avversi ta’ fatt huma manifestati b’mod konkret ( 63 ). Għalhekk, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li wieħed ikun jaf liema ħsara saret, li għaliha huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati l-assi legali potenzjalment affettwati.

84.

L-interessi materjali li jistgħu jġarrbu dannu jistgħu jkunu ta’ diversi tipi. Sabiex nissimplifikaw, huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn interessi diffużi ( 64 ), interessi kollettivi ( 65 ) u interessi individwali: f’dawn tal-aħħar, il-proprjetà tagħhom hija magħrufa ex ante jew tista’ tiġi ddeterminata wara l-preżentata tat-talba (jew anki wara l-għoti tas-sentenza).

85.

Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qorti tar-rinviju dik li għandha tikklassifika n-natura tal-interess difiż mir-rikorrenti fil-mudell ta’ azzjoni kollettiva stabbilit fl-Artikolu 3:305a tal-BW, li jidher li ntlaqa’.

86.

Jekk il-qorti tar-rinviju tqis li, fl-azzjoni kollettiva mressqa minn VEB, l-interessi inkwistjoni huma (kif jidher) ( 66 ) ta’ detenturi ddeterminati jew faċilment identifikabbli, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tibda mill-ġurisprudenza mogħtija sal-lum mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

87.

Fis-sentenza CDC, li fiha r-riunifikazzjoni tal-krediti ta’ persuni individwali seħħet wara t-trasferiment tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li dan it-trasferiment ikollu effett fuq id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ( 67 ).

88.

Meta għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dak li kienet diġà ddikjarat fis-sentenza ÖFAB, fid-dawl tal-fatt li: (a) ir-rabta partikolarment mill-qrib bejn il-post tal-fatt dannuż u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tinżamm, anki jekk il-kreditur inizjali jbigħ il-kreditu; u (b) risposta differenti tippreġudika l-għan tar-Regolament, li jgħid li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà ( 68 ).

89.

Skont din il-ġurisprudenza, fl-ipoteżi fejn VEB tiddefendi, fl-azzjoni kollettiva tagħha, l-interessi individwali tal-investituri li jkunu tawha l-protezzjoni ġudizzjarja, għandu jiġi dedott minn dan li d-difiża kollettiva ma tibdilx il-kundizzjonijiet li fihom il-qrati Olandiżi għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.

90.

Dik l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni għalhekk tiddependi fuq il-kundizzjonijiet ġenerali meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: (a) lokalizzazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-post jew postijiet fejn id-dannu jidher b’mod konkret għal kull persuna; u (b) preżenza ta’ kundizzjonijiet partikolari li jiġġustifikaw ir-rabta stretta bejn il-qorti u l-kawża.

91.

Il-qorti tar-rinviju tassumi li, f’dan il-każ, “la d-domiċilji tal-imsemmija investituri ( 69 ), u lanqas iċ-ċirkustanzi partikolari tat-tranżazzjonijiet individwali ta’ xiri jew ta’ deċiżjonijiet individwali li ma jinbigħux l-azzjonijiet li kienu miżmuma, ma ġew stabbiliti”. Madankollu, fid-dawl tan-natura tal-azzjoni ġudizzjarja mressqa, dawn l-ommissjonijiet ma jidhrux li jostakolaw ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Olandiżi, jekk il-kundizzjonijiet ġenerali li semmejt preċedentement kienu ssodisfatti.

2.   Effikaċja tal-azzjoni kollettiva

92.

Għall-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), l-effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ azzjoni kollettiva tintilef jekk entità bħal VEB jkollha tressaq talba f’kull wieħed mill-postijiet fejn iseħħ id-dannu individwali.

93.

Ma għandix dubju li l-argument tal-qorti nazzjonali huwa korrett ( 70 ), iżda ma nsib ebda alternattiva fis-sistema ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea, rappreżentata fir-Regolament Nru 1215/2012.

94.

Madankollu ma neskludix li, jekk jirriżulta li kull wieħed mid-danni rilevanti jseħħ fi Stat Membru wieħed, raġunijiet ta’ speċjalizzazzjoni ta’ qorti lokali partikolari jippermettu li tinqabeż il-frammentazzjoni territorjali li tirriżulta mill-applikazzjoni stretta tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 71 ).

95.

Għall-bqija, ningħaqad ma’ dak li pprovda l-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Schrems, rigward in-nuqqas, fir-Regolament Nru 44/2001, ta’ “dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trasferiment tad-drittijiet […] jew proċeduri għal rimedju kollettiv”: ma huwiex il-kompitu tal-qrati, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, li jistabbilixxu mekkaniżmi proċedurali ġodda, li jantiċipaw il-leġiżlatur f’tali kwistjoni delikata ( 72 ), u lanqas ma hija r-responsabbiltà tagħhom li joħolqu kriterju ta’ ġurisdizzjoni ad hoc ( 73 ).

V. Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod li ġej:

“1)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, (riformulazzjoni), għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)

Ma huwiex fattur ta’ rabta suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali lill-qrati ta’ Stat Membru li d-deprezzament tal-valur tal-azzjonijiet ta’ kumpannija kkwotata fil-boroż ta’ Stati Membri oħra jkun ġie rifless f’kontijiet tal-investiment li jinsabu fl-ewwel Stat Membru, jew f’kontijiet ta’ investiment ta’ bank jew ta’ impriża ta’ investiment stabbiliti f’dan l-Istat Membru, meta dan id-dannu jirriżulta mid-deċiżjonijiet meħuda mill-investituri b’riżultat ta’ informazzjoni allegatament skorretta, inkompleta u qarrieqa, li l-kumpannija kkwotata fil-borża tkun xerrdet globalment.

b)

Ma humiex ċirkustanzi partikolari rilevanti għall-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-kumpannija konvenuta u ċerti azzjonisti fi Stat terz, li ma ġiex offrut lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u lanqas il-kwalità ta’ konsumatur ta’ xi wħud minnhom. Lanqas ma huwa t-tixrid fuq livell dinji tal-informazzjoni rilevanti mill-kumpannija konvenuta.

2)

L-eżerċizzju ta’ azzjoni kollettiva, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, minn assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tad-detenturi ta’ titoli li jkunu ġarrbu dannu ma jbiddilx l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 3 ) Sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kolassa”); tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, iktar ’il quddiem is-“sentenza Universal”); u tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber (C‑304/17, EU:C:2018:701, iktar ’il quddiem is-“sentenza Löber”).

( 4 ) Il-Kodiċi Ċivili tal-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“BW”.

( 5 ) Iktar ’il quddiem l-“Artikolu 3:305a tal-BW”.

( 6 ) Huma dawn li ġejjin: BP qed tindirizza komunità ta’ investiment globali, inklużi dawk Olandiżi; VEB tirrappreżenta l-interessi ta’ numru kbir ta’ investituri, li l-parti l-kbira tagħhom huma ddomiċiljati fil-Pajjiżi l-Baxxi; il-ftehim bejn BP u l-azzjonisti tagħha fl-Istati Uniti ma ġiex propost lill-investituri li l-interessi tagħhom huma rrappreżentati minn VEB, mingħajr ma saret proċedura oħra simili fl-Ewropa; fost l-azzjonisti li f’isimhom taġixxi l-VEB hemm konsumaturi, li għalihom ir-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi protezzjoni legali speċjali.

( 7 ) Ara, fir-rigward tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważidelitt, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685), punt 38.

( 8 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2001, Vol. 12, p. 1).

( 9 ) Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32; test konsolidat fil-ĠU 1998, C 27, p. 1; iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

( 10 ) Ara l-premessa erbgħa u tletin tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 11 ) Sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:364, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kronhofer”, punt 18).

( 12 ) Sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C‑364/93, EU:C:1995:289), iktar ’il quddiem is-“sentenza Marinari”, punt 13; u Kronhofer, punt 20.

( 13 ) Il-qorti tar-rinviju tinkludi f’din l-espressjoni “il-kontijiet ta’ investiment fil-Pajjiżi l-Baxxi” u “il-kontijiet ta’ investiment ta’ bank jew ta’ ditta ta’ investiment stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

( 14 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Fl-osservazzjonijiet tagħha, BP tikkontesta l-klassifikazzjoni tad-dannu rifless fil-kontijiet tal-investiment bħala “dirett”, iżda ma tistaqsi xejn lill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward. Jekk jittieħed inkunsiderazzjoni, inqis li ma hemmx dannu indirett mifhum bħala “aċċessorju għal dannu li seħħ u subit minn vittma diretta”, skont il-kliem tal-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:24, punt 45), meta d-dannu jikkonsisti fit-telf fil-valur ta’ azzjonijiet, rifless f’kont tal-investiment: m’hemmx żewġ danni differenti f’katina, iżda dannu wieħed biss. It-tnaqqis fil-valur tat-titoli u l-ftaqir patrimonjali tal-azzjonist ma humiex, fil-fehma tiegħi, separabbli; f’dan ir-rigward naqbel mal-Avukat Ġenerali Léger. Fl-aħħar nett, nikkonstata li l-qorti nazzjonali ma tirrikorrix għall-aġġettiv “dirett” (jew għall-avverbju “direttament”) sabiex tiddistingwi bejn id-danni diretti u indiretti, iżda sabiex turi d-diverġenza mal-fatti li wasslu għas-sentenza Universal, fejn ir-rikorrent stess għażel il-kont li minnu ħarġu l-fondi mitluba (ara l-punt 4.9.1 tad-digriet tar-rinviju).

( 16 ) Il-ġurisprudenza tuża din l-espressjoni (bħal dik ta’ “minimum contacts approach” jew ta’ “théorie du groupement des points de contact”) sabiex tiddeskrivi l-mod ta’ operazzjoni fis-sentenzi Universal, Kolassa u Löber: Gargantini, M., “Competent Courts and Applicable Law”, f’Busch, D., Ferrarini, G. u Franx, J. P., Prospectus Regulation and Prospectus Liability, OUP, 2020, punt 19.27.

( 17 ) Sentenzi Kolassa u Löber. Din ma rriżultatx fis-sentenza Kronhofer, li ġiet qabilhom, fejn il-konvenut ma kienx l-emittent tat-titoli, iżda l-intermedjarju finanzjarju, li kellu kuntatt dirett mal-attur.

( 18 ) Sentenzi Kolassa, punti 55 u 3 tad-dispożittiv; u Löber, punti 16 u 35 u d-dispożittiv. Preċedentement, fis-sentenza Kronhofer, punt 18) b’mod indirett. Minn dawn is-sentenzi, li kienu jipprevedu rati ta’ kontabbiltà differenti, ma jirriżultax b’mod ċar liema ġie ritenut — jekk hux dak li minnu joħorġu l-fondi jew dak fejn it-titolu huma ddepożitati — bħala post ta’ materjalizzazzjoni tad-dannu: Gargantini, M., loc. cit., punti 19.21 u 19.24.

( 19 ) Sentenzi Universal, punt 37, b’referenza għas-sentenza Kolassa; u Löber, punt 29.

( 20 ) Fis-sentenza Kronhofer, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-attur filwaqt li rrikonoxxiet li kien sar telf finanzjarju f’dan il-post. Fir-realtà, hija aċċettat il-preżunzjoni tal-qorti tar-rinviju li d-dannu kien jirrigwarda simultanjament il-patrimonju kollu; ikkunsidrat li l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu u dak tal-avveniment kawżali huma identiċi; ammettiet li jeżistu postijiet oħra ta’ manifestazzjoni tal-istess dannu (pereżempju, il-kont ta’ provenjenza tal-fondi), iżda rrifjutat li tikkonferma l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post tad-domiċilju u taċ-ċentru tal-patrimonju tar-rikorrent, li jikkoinċidu magħhom. Ara l-punti 17 et seq. u d-dispożittiv.

( 21 ) Bħar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU 2017, L 168, p. 12).

( 22 ) U anki l-identità tal-investitur, f’ċerti każijiet. L-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu li l-kumpanniji jkollhom id-dritt li jsiru jafu b’din l-informazzjoni ġie previst fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti tal-kumpanniji kkwotati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2007, Vol. 184, p. 17), wara d-Direttiva (UE) 2017/828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva 2007/36 fir-rigward tal-promozzjoni tal-involviment fit-tul tal-azzjonisti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2017, Vol. 132, p. 1).

( 23 ) Ara Staedler, A., “Der deliktische Erfolgsort als internationaler Gerichtsstand bei reinen Vermögensdelikten”, f’Festschrift für Reinhold Geimer zum 80. Geburtstag, C.H. Beck, 2017, pp. 715 sa 722. Jekk il-kont jintuża bħala kriterju li jattribwixxi ġurisdizzjoni, il-persuna li toħroġ l-azzjonijiet li tfittex li tinnewtralizza r-riskju ta’ rikorsi quddiem qrati imprevedibbli għandha teskludi l-bejgħ lil investituri bl-imnut.

( 24 ) Is-sittax-il premessa tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 25 ) C‑343/19, EU:C:2020:253, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Verein für Konsumenteninformation”, punti 46 u 48.

( 26 ) Loc. ult. cit.

( 27 ) Pereżempju, ma neskludix li, f’kawżi oħra li jirrigwardaw danni purament finanzjarji, id-dannu jista’ jkun, b’mod sempliċi, skont l-“approċċ ħolistiku”, mingħajr ma tingħata risposta serja għall-prevedibbiltà ta’ dan il-post jew il-prossimità tiegħu mal-kawża u lanqas, fl-aħħar mill-aħħar, l-utilità tiegħu għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Sostnejt hekk fil-konklużjonijiet tal-kawża Verein für Konsumenteninformation (billi rrilevajt, madankollu, in-neċessità ta’ prekawzjoni: ara l-punt 70). L-istess japplika għall-kawżi relatati mar-retenzjoni ta’ kontijiet bankarji bħala miżura preventiva f’sitwazzjonijiet transkonfinali, meta d-debitur ikollu dritt għal kumpens għaliex ir-retenzjoni ma kinitx dovuta. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn jinsab il-kont li ġie adit mingħajr raġuni valida ma tidhirx li hija kontestabbli.

( 28 ) Qabel dan, ara d-domanda preliminari li wasslet għas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation (C‑343/19, EU:C:2020:534).

( 29 ) Ara s-sentenzi tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), tas-7 ta’ Jannar 2014, Nru 11-24.157 (JurisData Nru 2014-000040); u tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema ċivili u kriminali, l-Awstrija), tas-7 ta’ Lulju 2017 (6Ob18/17s).

( 30 ) Jiena nirrikonoxxi, madankollu, li mhix soluzzjoni immuni għall-kritika: ma tiffavorixxix lill-investitur żgħir residenti fi Stat ieħor (iżda l-Artikolu 7(2) ma huwiex maħsub għall-protezzjoni tiegħu); u huwa possibbli li l-azzjonijiet elenkati fuq iktar minn suq wieħed. Barra minn hekk, jirriżulta li tali punt ta’ konnessjoni jista’ jwassal għar-residenza tal-konvenut, jekk dan jagħżel l-Istat Membru fejn jinsab bħala Stat ta’ oriġini, fis-sens tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004, dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2004, Vol. 390, p. 38). Nirrikonoxxi wkoll li jista’ jwassal sabiex jiġi implikat li l-“post tal-fatt” u l-“post tad-dannu” huma identiċi. Hawnhekk nirreferi għal dak li ddikjara l-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:161), punt 38: “Meta wieħed ikun fil-preżenza ta’ […] dannu li jikkonsisti biss fi tnaqqis ta’ assi finanzjarji, ma naħsibx li l-kunċett ta’ ‘Erfolgsort’ huwa għalkollox pertinenti. F’ċerti sitwazzjonijiet, il-kunċetti ta’ ‘Handlungsort’ u ta’ ‘Erfolgsort’ ma jistgħux jiġu distinti […]”. Ara wkoll, iktar ’il quddiem, il-punti 60 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Sentenzi Universal, punti 36 u 37; u Löber, paragrafu 31 u d-dispożizzjoni.

( 32 ) It-tieni domanda preliminari tirrigwarda dan l-effett.

( 33 ) Punt 38.

( 34 ) Id-differenza mis-sentenza Universal għalhekk ma hijiex l-għażla tal-kont ta’ referenza, iżda l-mument ta’ din l-għażla.

( 35 ) Il-korp nazzjonali stess jammetti li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti hija imprevedibbli għall-konvenut: ara l-punt 4.9.3 tad-digriet tar-rinviju.

( 36 ) Riprodotti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Sa fejn il-qorti tar-rinviju titlob evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi, id-domanda preliminari ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, ipotetika, kuntrarjament għal dak li ssostni BP fir-risposta bil-miktub tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja (punti 3 sa 6).

( 37 ) Konklużjonijiet tal-kawża Verein für Konsumenteninformation, punt 67.

( 38 ) Loc. ult. cit.

( 39 ) Ara supra, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Ir-residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ azzjonisti ta’ BP affettwati bit-telf fil-valur tal-azzjonijiet tista’ tkun is-suġġett ta’ kunsiderazzjoni differenti mill-perspettiva tal-ġestjoni tal-proċedura (pereżempju, għall-finijiet tan-notifika, jew jekk id-dikjarazzjonijiet tagħha setgħu jkunu neċessarji bħala prova). Il-qorti għandha tkun dik li tiddetermina jekk dan ikunx il-każ, fid-dawl tat-tip ta’ proċedura u tal-għan tagħha.

( 41 ) L-osservazzjoni tiegħi ma tkunx differenti anki kieku l-partijiet interessati kollha kienu konsumaturi. Barra minn hekk, f’din il-kawża, il-konsumaturi stess lanqas huma r-rikorrenti: VEB hija r-rikorrenti.

( 42 ) Dak li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet fis-sentenza Kolassa, billi ċaħdet il-klassifikazzjoni kuntrattwali tat-talba u, għalhekk, l-applikabbiltà ta’ din it-taqsima, kif ukoll dik tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

( 43 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jsegwix l-għan li joffri lill-parti l-aktar dgħajfa protezzjoni msaħħa: ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, iktar ’il quddiem “is-sentenza Folien Fischer u Fofitec”, punt 46).

( 44 ) Naturalment, konsumatur huwa ġeneralment investitur li jkollu iktar ċans li jagħmel parti mill-kategorija ta’ “mhux informati biżżejjed” imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Kolassa, punt 56, u Löber, punt 35, bħala fattur li għandu jiġi evalwat mill-konvenut. Issa, ma huwiex dan l-element fih innifsu, iżda t-tixrid tal-prospett fl-Istat tas-sede tal-investituri, dak (jew wieħed minn dawk) determinanti għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 45 ) It-tixrid tal-informazzjoni mingħajr elementi li jipprovaw limitazzjoni ġeografika (bħat-tekniki ta’ bblokkar ġeografiku jew l-użu ta’ lingwa mitkellma esklużivament fuq territorju) jista’ jirrispondi preċiżament għall-għarfien ta’ dan il-fatt.

( 46 ) Fir-risposta bil-miktub tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, VEB tidher li tammetti d-dgħufija tal-argument tagħha fuq dan il-punt, meta hija tirrileva (il-punti 19 u 21) li x-xandir fuq livell dinji tal-informazzjoni jista’ jirrappreżenta rabta suffiċjenti mal-Pajjiżi l-Baxxi, “mill-inqas, flimkien mar-residenza tal-azzjonist” f’dan l-Istat.

( 47 ) Premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura oġġettiva tar-raġunament għal qrati speċjali: ara s-sentenza Folien Fischer u Fofitec, punt 45, fejn huwa indikat li l-għanijiet ta’ prevedibbiltà tal-qorti u taċ-ċertezza legali segwiti mill-Artikolu 7(2) “ma għandhom l-ebda relazzjoni mal-attribuzzjoni tar-rwoli rispettivi ta’ rikorrent u ta’ konvenut u lanqas mal-protezzjoni ta’ wieħed minnhom”.

( 48 ) Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976Bier (21/76, EU:C:1976:166), punti 2023.

( 49 ) Sentenza Marinari, punt 13; is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509), punt 29; jew is-sentenza Universal, punt 25, fost ħafna oħrajn.

( 50 ) Sentenzi Marinari (punt 13); u Kronhofer (punt 20).

( 51 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509), punt 33.

( 52 ) Konklużjonijiet fil-kawża Verein für Konsumenteninformation, punti 49 u 50.

( 53 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99), punt 49. Il-kawża kienet tittratta obbligu li ma jsirx mingħajr limitazzjoni ġeografika.

( 54 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja hija ġeneruża fl-interpretazzjoni tad-domiċiljazzjoni bħala rekwiżit għall-applikabbiltà tal-istrument Ewropew: ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745). Jekk il-konvenut ma huwiex iddomiċiljat fl-Unjoni, ir-Regolament Nru 1215/2012 ma huwiex applikabbli, iżda japplikaw is-sistemi residwi previsti mill-Istati Membri.

( 55 ) Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, iktar ’il quddiem is-“sentenza CDC”).

( 56 ) Sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline (C‑18/02, EU:C:2004:74, iktar ’il quddiem is-“sentenza DFDS Torline”).

( 57 ) Sentenza Folien Fischer u Fofitec.

( 58 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, iktar ’il quddiem is-“sentenza Henkel”). Attwalment, u mir-Regolament Nru 44/2001, tali possibbiltà hija inkorporata fit-test tiegħu.

( 59 ) Id-domandi li taw lok għas-sentenzi Henkel u Folien Fischer u Fofitec ma rrigwardawx direttament l-utilità tal-kriterju “post fejn seħħ id-dannu” fl-azzjonijiet rispettivi, iżda l-klassifikazzjoni tagħhom bħala “mhux kuntrattwali”. Ara, b’mod partikolari, il-punti 42 et seq. tas-sentenza Henkel; u l-punti 39, 48 u 52 tas-sentenza Folien Fischer u Fofitec.

( 60 ) Sentenza DFDS Torline, punti 25 u 26. Fil-punt 27, il-Qorti tal-Ġustizzja żżid l-argument tipiku dwar il-prossimità tal-kawża u l-faċilità ta’ produzzjoni tal-prova, billi tirrileva li “dan jgħodd ukoll kemm jekk il-kawża tirrigwarda l-kumpens għal dannu li jkun diġà seħħ kif ukoll jekk is-suġġett tal-azzjoni huwa intiż li jwaqqaf id-dannu”. F’sens simili, is-sentenza Folien Fischer u Fofitec, punt 48. Inqis li, meta l-għan tat-talba huwa d-dikjarazzjoni ta’ mġiba illegali, il-ġustifikazzjoni fil-faċilità tal-prova tad-dannu hija, loġikament, sekondarja, iżda mhix ineżistenti — kuntrarjament għal dak li taħseb BP fl-osservazzjonijiet tagħha—. L-istess jiġri bir-relazzjoni kawżali, safejn din tiġi tradotta, kif jidher li jiġri fil-mudell Olandiż, f’test astratt, li jippermettilna nagħrfu jekk hemmx relazzjoni sine qua non bejn l-azzjoni u d-dannu. Ir-rabta bejn il-kawża u l-effett fis-sens strett għandha sussegwentement tiġi stabbilita, f’kull talba individwali. Ara Bosters, T., Collective redress and private international law in the EU, T.M.C. Asser Press, 2017, p. 41, u s-sentenza tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tas-27 ta’ Novembru 2009, LJN BH2162 (VEB vs World Online).

( 61 ) L-eżistenza ta’ rabta jew orjentazzjoni funzjonali bejn il-proċeduri jidhirli li tinvalida l-opinjoni espressa minn BP fil-punti 14 sa 18 tar-risposta bil-miktub tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha hija tissuġġerixxi li l-post fejn id-dannu huwa subit ma jaġixxix bħala kriterju li jattribwixxi ġurisdizzjoni f’azzjonijiet bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża.

( 62 ) Skont l-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:226, punt 49).

( 63 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 27); u s-sentenza CDC, punt 52, fost oħrajn.

( 64 ) Dawn ifissru l-interessi ġenerali li, fil-prinċipju, jikkonċernaw iċ-ċittadini kollha u li r-rikonoxximent tagħhom jinsab f’test leġiżlattiv (legali jew kostituzzjonali).

( 65 ) Dawn huma l-interessi ta’ grupp soċjali speċifiku (bħal, pereżempju, il-konsumaturi), marbutin skont kwalitajiet oġġettivi jew ċerti rabtiet ġuridiċi, li r-rappreżentazzjoni tagħhom tista’ tiġi fdata lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew lil entità pubblika.

( 66 ) Id-digriet tar-rinviju ma jirriflettix argumenti dwar il-ksur ta’ beni ġuridiċi oħra minbarra dawk ekonomiċi ta’ kull azzjonist, bħal-libertà ta’ deċiżjoni tas-suġġetti tas-suq — li jkunu wettqu investimenti użati permezz ta’ informazzjoni (allegatament) falza — jew il-fiduċja tas-suq innifsu.

( 67 ) Punt 2 tad-dispożittiv.

( 68 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490), punti 5758, kif ukoll il-paragrafu 3 tad-dispożittiv.

( 69 ) Fir-realtà, il-fattur ta’ rabta ma huwiex il-post ta’ residenza tal-investitur, iżda l-post fejn jinsab il-kont tal-investiment, skont id-digriet tar-rinviju nnifsu.

( 70 ) Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tipprovdix dan b’mod espliċitu, nemmen li t-telf eventwali ta’ effiċjenza huwa esperjenzat ukoll b’żewġ modi: l-entità li tiddefendi l-interessi kollettivi tista’ titwassal sabiex tħarrek fi qrati differenti, skont il-post tad-danni, jekk dawn iseħħu f’diversi Stati Membri; u fi ħdan dawn, huwa possibbli li hija jkollha wkoll tibda proċeduri f’diversi distretti, peress li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni territorjali fl-istess żmien bħal dik internazzjonali.

( 71 ) Ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13 EU:C:2014:2461).

( 72 ) Kawża C‑498/16, EU:C:2017:863, punti 119 sa 123.

( 73 ) Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2020, L 409, p. 1) iżżomm intatta s-sistema ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tar-Regolament Nru 1215/2012, kif diġà ssuġġeriet il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE tal-11 ta’ April 2018 (COM(2018) 184 final): ara l-premessa 21 u l-Artikolu 2(3). Id-direttiva tipprevedi, minbarra r-rikonoxximent awtomatiku tal-leġittimazzjoni tal-entitajiet ikkwalifikati ta’ Stat Membru sabiex iressqu azzjonijiet f’oħrajn, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejniethom sabiex jiġu ffaċilitati l-azzjonijiet kontra l-ksur b’portata transkonfinali: ara l-premessi 32 u 71, u l-Artikoli 6(2) u (3), u 20(4). Huwa jipprevedi wkoll l-obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu mekkaniżmi sabiex il-konsumaturi li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru jkunu rrappreżentati f’azzjonijiet kollettivi għal kumpens imressqa fi Stat Membru ieħor: ara l-premessa 31 u l-Artikolu 6(2).