SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

17 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Rimbors tal-VAT – Direttiva 2008/9/KE – Artikolu 8(2)(d) – Artikolu 15 – Indikazzjoni tan-numru tal-fattura – Talba għal rimbors”

Fil-Kawża C‑346/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

Bundeszentralamt für Steuern

vs

Y-GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Y-GmbH, minn G. Thurmayr, Steuerberater, u S. Ledermüller, Steuerberaterin,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u R. Pethke, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2)(d) u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU 2008, L 44, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/66/UE tal‑14 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, L 275, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/9”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors bejn il-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Federali tat-Taxxi, il-Ġermanja) u Y-GmbH dwar ir-rifjut tar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lil din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2006/112

3

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”), tipprevedi, fl-Artikolu 170 tagħha, li:

“Il-persuni taxxabbli kollha li […] mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetta għall-VAT għandhom ikunu intitolati jirċievu rifużjoni ta’ dik il-VAT safejn il-merkanzija u s-servizzi huma użati għall-finijiet ta’ dan li ġej:

(a)

transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 169;

(b)

transazzjonijiet li għalihom it-taxxa hija pagabbli biss mill-konsumatur skond l-Artikoli 194, 197 u 199.”

4

Skont l-Artikolu 171(1) ta’ din id-direttiva:

“Għandha ssir rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetti għall-VAT, imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fid-Direttiva 2008/9/KE.”

5

Il-punt (a) tal-Artikolu 178 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li, sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt għal tnaqqis, il-persuna taxxabbli għandha, fir-rigward tal-kunsinni ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi, iżżomm fattura mħejjija skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu XI, Kapitolu 3, Taqsimiet 3 sa 6 ta’ din id-direttiva.

6

L-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI tagħha, huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221[:]

[…]

(2)

numru ta’ sekwenza, ibbażat fuq serje waħda jew aktar, li jidentifika l-fattura b’mod uniku;

[…]”

Id-Direttiva 2008/9

7

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/9 jistabbilixxi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli dettaljati għar-rifużjoni [tal-VAT], previsti fl-Artikolu 170 tad-Direttiva [2006/112]”.

8

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(5)

‘applikant’ tfisser il-persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni li jagħmel l-applikazzjoni għal rifużjoni.”

9

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/9 jipprevedi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kwalunkwe persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tul il-perijodu ta’ rifużjoni, ma kellhiex fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, is-sede ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tagħha, jew stabbiliment fiss li minnu ġew effettwati transazzjonijiet ta’ negozju, jew, jekk l-ebda tali sede jew stabbiliment fiss ma eżistew, id-domiċilju jew il-post normali ta’ residenza tagħha;

(b)

tul il-perijodu ta’ rifużjoni, ma tkun forniet l-ebda oġġett jew servizz meqjus li kien fornut fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, bl-eċċezzjoni tat-transazzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-forniment ta’ servizzi ta’ trasport u servizzi anċillari għalihom, eżentati skond l-Artikoli 144, 146, 148, 149, 151, 153, 159 jew 160 tad-Direttiva [2006/112];

(ii)

il-forniment ta’ oġġetti u servizzi lil persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199 tad-Direttiva [2006/112].”

10

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva:

“Kull Stat Membru għandu jirrimborża lil kwalunkwe persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni kwalunkwe VAT imposta fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi fornuti lilha minn persuni oħra taxxabbli f’dak l-Istat Membru jew fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ oġġetti f’dak l-Istat Membru, sakemm tali oġġetti u servizzi jintużaw għall-finijiet tat-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-transazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 169(a) u (b) tad-Direttiva [2006/112];

(b)

it-transazzjonijiet lil persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199 tad-Direttiva [2006/112] kif applikat fl-Istat Membru ta’ rifużjoni.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-jedd għal rifużjoni ta’ taxxa fuq id-dħul għandu jiġi ddeterminat skond id-Direttiva [2006/112] kif applikat fl-Istat Membru ta’ rifużjoni.”

11

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex tirċievi rifużjoni tal-VAT fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, il-persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni għandha tindirizza applikazzjoni elettronika għal rifużjoni lil dak l-Istat Membru u tippreżentaha lill-Istat Membru li fih hija stabbilita permezz tal-portal elettroniku stabbilit minn dak l-Istat Membru.”

12

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2008/9 jistabbilixxi li:

“Flimkien ma’ l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1, l-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tindika, għal kull Stat Membru ta’ rifużjoni u għal kull fattura jew dokument ta’ importazzjoni, id-dettalji li ġejjin:

(a)

l-isem u l-indirizz sħiħ tal-fornitur;

(b)

ħlief fil-każ ta’ importazzjoni, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa tal-fornitur, kif allokat mill-Istat Membru ta’ rifużjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 239 u 240 tad-Direttiva [2006/112];

(ċ)

ħlief fil-każ ta’ importazzjoni, il-prefiss ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni skond l-Artikolu 215 tad-Direttiva [2006/112];

(d)

id-data u n-numru tal-fattura jew tad-dokument ta’ importazzjoni;

(e)

l-ammont taxxabbli u l-ammont tal-VAT imniżżlin fil-munita ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni;

(f)

l-ammont tal-VAT deduċibbli kkalkolat skond l-Arikolu 5 u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 6 espress fil-munita ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni;

(ġ)

fejn applikabbli, il-proporzjon deduċibbli kkalkolat skond l-Artikolu 6, espress bħala perċentwali;

(h)

in-natura tal-merkanzija u s-servizzi akkwistati, deskritti skond il-kodiċijiet fl-Artikolu 9.”

13

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jgħid li:

“Mingħajr preġudizzju għat-talbiet għal informazzjoni skond l-Artikolu 20, l-Istati Membru ta’ rifużjoni jista’ jesiġi li l-applikant jippreżenta b’mezzi elettroniċi kopja tal-fattura jew tad-dokument ta’ importazzjoni ma’ l-applikazzjoni għal rifużjoni fejn l-ammont taxxabbli fuq fattura jew dokument ta’ importazzjoni huwa ta’ EUR 1000 jew aktar jew l-ekwivalenti f’munita nazzjonali. Fejn il-fattura tikkonċerna karburant, il-limitu huwa EUR 250 jew l-ekwivalenti f’munita nazzjonali.”

14

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“1.   L-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Istat Membru ta’ stabbiliment sat‑30 ta’ Settembru tas-sena kalendarja ta’ wara l-perijodu ta’ rifużjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li ġiet ippreżentata biss jekk l-applikant ikun mela l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt l-Artikoli 8, 9 u 11.

[…]

2.   L-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jibgħat lill-applikant konferma elettronika li jkun irċeviha mingħajr dewmien.”

15

Skont l-Artikolu 20 tal-istess direttiva:

“1.   Fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jikkunsidra li huwa m’għandux l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex jieħu deċiżjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni sħiħa jew ta’ parti minnha, huwa jista’ jitlob, b’mezz elettroniku, għal informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari mill-applikant jew mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment, fi żmien il-perijodu ta’ erba’ xhur imsemmi fl-Artikolu 19(2). Fejn l-informazzjoni addizzjonali tintalab minn xi ħadd ieħor minbarra l-applikant jew awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, it-talba għandha ssir biss b’mezz elettroniku jekk dan il-mezz ikun disponibbli għar-riċevitur tat-talba.

Jekk meħtieġ, l-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jitlob aktar informazzjoni addizzjonali.

L-informazzjoni mitluba skond dan il-paragrafu tista’ tinkludi l-preżentazzjoni ta’ l-oriġinal jew ta’ kopja tal-fattura rilevanti jew dokument rilevanti ta’ importazzjoni fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jkollu dubbji raġonevoli rigward il-validità jew il-preċiżjoni ta’ talba partikolari. F’dak il-każ, il-limiti msemmijin fl-Artikolu 10 m’għandhomx japplikaw.

2.   L-Istat Membru ta’ rifużjoni għandu jiġi pprovdut bl-informazzjoni addizzjonali mitluba taħt il-paragrafi 1 fi żmien xahar mid-data li fiha t-talba tasal għand il-persuna li lilha tkun indirizzata.”

Id-dritt Ġermaniż

16

L-Artikolu 61(1) tal-Umsatzsteuer-Durchführungsverordnung (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għas-sena finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri s-sena finanzjarja 2012, huwa fformulat kif ġej:

“L-imprenditur stabbilit fil-bqija tal-[Unjoni] għandu jibgħat lill-Uffiċċju Federali tat-Taxxi, permezz tal-portal elettroniku stabbilit fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-imprenditur, talba għal rimbors elettronika, skont id-digriet dwar it-trasferiment tad-data fiskali, li tissodisfa d-data regolatorja kollha.”

17

Dan l-istess artikolu jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “t-talba għal rimbors għandha titressaq fi żmien disa’ xhur wara t-tmiem tas-sena kalendarja li matulha tkun inħolqot din it-talba”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Fid‑29 ta’ Ottubru 2012, Y, kumpannija stabbilita fl-Awstrija, ippreżentat quddiem l-Uffiċċju Federali tat-Taxxi talba għar-rimbors tal-kreditu tal-VAT li hija kellha għall-perijodu mix-xahar ta’ Lulju sax-xahar ta’ Settembru 2012, permezz tal-portal elettroniku mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha.

19

Fil-formola tat-talba, mimlija minn Y, in-numri msemmija bħala numri ta’ fattura kienu jikkonsistu, għal kull wieħed mis-servizzi jew mill-oġġetti kkonċernati, mhux f’numru sekwenzjali tal-fattura, iżda f’numru ieħor, li kien jirreferi għall-fattura.

20

Permezz ta’ avviż tal‑25 ta’ Jannar 2013, l-Uffiċċju Federali tat-Taxxi ċaħad it-talbiet għal rimbors li jikkorrispondu għall-fatturi msemmija fil-punt preċedenti.

21

Fit‑8 ta’ Frar 2013, Y ikkontestat dan l-avviż.

22

Din il-kontestazzjoni ġiet miċħuda mill-Uffiċċju Federali tat-Taxxi permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Jannar 2014.

23

Sabiex jimmotiva din iċ-ċaħda, l-Uffiċċju Federali tat-Taxxi indika li Y ma kinitx ressqet talba għal rimbors, skont ir-rekwiżiti legali, fit-terminu stabbilit, jiġifieri qabel it‑30 ta’ Settembru 2013. F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju Federali tat-Taxxi sostna li huwa kien informa lil Y tliet darbiet u qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu li n-numri ta’ fattura msemmija fir-rikors tagħha ma kinux konformi mar-rekwiżiti legali.

24

Adita bil-kontestazzjoni taċ-ċaħda, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, laqgħet it-talba ta’ Y għar-raġuni li, minn naħa, l-indikazzjoni, fit-talba, tan-numru ta’ referenza li jidher fuq il-fatturi, maġenb in-numru sekwenzjali ta’ dawn tal-aħħar, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet formali meħtieġa għal talba għal rimbors u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ numru ta’ fattura ma kinitx tinvalida talba għar-rimbors tal-VAT, sa fejn din it-talba ma setgħetx titqies li hija “nieqsa minn kontenut”.

25

L-Uffiċċju Federali tat-Taxxi adixxa lill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), billi sostna li d-deċiżjoni tal-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) kienet tikser l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2008/9.

26

Il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tistaqsi, qabelxejn, dwar jekk it-termini “numru tal-fattura” li jinsabu fl-Artikolu 8(2)(d) tad-Direttiva 2008/9 jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jkopru n-numru ta’ referenza ta’ fattura li huwa indikat bħala kriterju ta’ klassifikazzjoni supplimentari, maġenb in-numru ta’ fattura.

27

F’dan ir-rigward, hija tindika li l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT jeżiġi li t-termini “numru tal-fattura” li jinsabu fl-Artikolu 8(2)(d) tad-Direttiva 2008/9 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tat-talba għal rimbors, ir-riferiment għal kriterju ieħor ta’ klassifikazzjoni ċar u usa’, indikat fuq din it-talba, huwa suffiċjenti.

28

L-istess japplika għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, “l-Artikolu 8(2)(d) tad-Direttiva 2008/9 […] ikun qiegħed jiġi osservat ukoll, bħal f’dan il-każ, meta jiġi indikat in-numru ta’ referenza fit-talba, għaliex dan jippermetti lill-[Uffiċċju Federali tat-Taxxi] jidentifika b’mod ċar il-fattura inkwistjoni fil-kuntest tal-eżami tiegħu tat-talba għar-rimbors tal-VAT”.

29

Madankollu, hija ssostni li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT huwa suġġett għall-osservanza ta’ rekwiżiti kemm materjali kif ukoll formali, li jimplika li, sabiex jinkiseb ir-rimbors, hija biss il-preżenza ta’ numru sekwenzjali li għandha tkun sinjifikattiva, fis-sens tal-Artikolu 226(2) tad-Direttiva 2006/112. Hija żżid li, madankollu, l-indikazzjoni ta’ tali numru, jekk tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ identifikazzjoni ċara tal-fattura, ma hijiex neċessarja.

30

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal din l-ewwel domanda, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tistaqsi dwar jekk talba għal rimbors għandhiex titqies formalment kompluta u mressqa fit-terminu previst meta din it-talba tirreferi għan-numri ta’ fattura mogħtija mill-persuna li tressaq it-talba għal rimbors u mhux għal numri sekwenzjali.

31

F’dan ir-rigward, hija tqis li l-validità ta’ talba għar-rimbors tal-VAT tal-input imħallsa ma tippresupponix l-eżattezza tal-kontenut tagħha, iżda l-kompletezza formali tagħha. Dan jimplika li talba għal rimbors li tirreferi għal numru ta’ fattura mogħti mill-persuna li tressaq it-talba hija ċertament ineżatta, iżda mhux inkompleta.

32

Il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tistaqsi, fl-aħħar nett, dwar jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iżball imwettaq huwa dovut parzjalment lill-Uffiċċju Federali tat-Taxxi li l-formoli tiegħu ta’ talba għar-rimbors tal-VAT jirreferu għat-titolu ġenerali ta’ “numru ta’ dokument ta’ sostenn” u mhux għan-“numru ta’ fattura”.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 8(2)(d) tad-[Direttiva 2008/9] […], li jipprovdi li l-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tinkludi fost l-oħrajn, għal kull Stat Membru ta’ rifjużjoni u għal kull fattura, in-numru tal-fattura, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-numru ta’ referenza tal-fattura, indikat bħala kriterju ta’ klassifikazzjoni supplimentari, flimkien man-numru ta’ fattura, huwa wkoll suffiċjenti?

2)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għad-domanda preċedenti tkun fin-negattiv: applikazzjoni għal rifużjoni, li tindika n-numru ta’ referenza ta’ fattura minflok in-numru tal-fattura, għandha titqies li hija formalment kompluta u ppreżentata fit-terminu previst għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9?

3)

Fir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni setgħet raġonevolement tippreżupponi li, minn perspettiva ta’ applikant avżat, u minħabba l-istruttura tal-portal elettroniku fl-Istat Membru ta’ residenza, huwa biżżejjed, sabiex l-applikazzjoni tkun korretta u, fi kwalunkwe każ, sabiex tkun formalment kompluta u ppreżentata fit-terminu previst, li jiġi indikat kodiċi ieħor għajr in-numru tal-fattura sabiex tiġi identifikata l-fattura li hija s-suġġett tal-applikazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

34

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(2)(d) u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta talba għar-rimbors tal-VAT ma jkunx fiha numru sekwenzjali tal-fattura, iżda jkun fiha numru ieħor li jippermetti li tiġi identifikata din il-fattura u, għalhekk, l-oġġett jew is-servizz ikkonċernat, l-awtorità tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ rimbors għandha l-obbligu li tqis li din it-talba tkun ġiet “imressqa”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9, u li tipproċedi bl-evalwazzjoni tagħha.

35

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikoli 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2008/9 jirregolaw il-kundizzjonijiet sostantivi tad-dritt għar-rimbors tal-VAT (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 76).

36

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li d-dritt, għal persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru, li tikseb rimbors tal-VAT imħallsa fi Stat Membru ieħor, kif irregolat mid-Direttiva 2008/9, jirrifletti d-dritt, mogħti lil din il-persuna taxxabbli mid-Direttiva 2006/112, li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa fl-Istat Membru tagħha stess (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

L-Artikolu 171(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi li “[g]ħandha ssir rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetti għall-VAT, imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fid-Direttiva 2008/9/KE”. Min-naħa tagħha, id-Direttiva 2008/9 fiha diversi riferimenti għad-Direttiva 2006/112 sabiex tippreċiża l-kontenut tad-dritt għar-rimbors.

38

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9, talba għal rimbors titqies li tressqet biss meta r-rikorrent ikun ipprovda l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikoli 8, 9 u 11 tagħha.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-qari tal-Artikolu 8(2)(d) tad-Direttiva 2008/9 juri li, bl-użu tal-espressjoni “n-numru tal-fattura”, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera għal numru wieħed biss, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe numru ieħor.

40

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, peress li teżisti rabta stretta bejn id-Direttiva 2006/112 u d-Direttiva 2008/9, ma jistax jingħata sens differenti lil kunċett importanti tas-sistema tal-VAT skont iċ-ċirkustanza li dan ikun jinsab f’waħda jew fl-oħra minn dawn id-direttivi.

41

Issa, fost l-indikazzjonijiet li, għall-finijiet tal-VAT, għandhom jidhru b’mod obbligatorju fuq il-fatturi maħruġa, il-punt 2 tal-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi “numru ta’ sekwenza […] li jidentifika l-fattura b’mod uniku”.

42

Minn dan jirriżulta li n-numru tal-fattura li jissemma fl-Artikolu 8(2)(d) tad-Direttiva 2008/9 jirreferi għal numru sekwenzjali li jidentifika l-fattura b’mod uniku.

43

Madankollu, l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ tali numru ta’ fattura fit-talba għal rimbors ma jistax iwassal għar-rifjut ta’ din it-talba fil-każ fejn tali rifjut jikser il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jew il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

44

Fil-fatt, minkejja l-importanza tal-użu ta’ numru sekwenzjali ta’ fattura għall-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT, dan ir-rekwiżit jibqa’ kundizzjoni formali li, f’ċerti ċirkustanzi, għandha ċċedi l-prijorità għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għar-rimbors, skont il-prinċipji ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, Vădan, C‑664/16, EU:C:2018:933, punti 4142).

45

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħad-dritt għal tnaqqis, id-dritt għal rimbors jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, intiż li jeħles kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, konsegwentement, in-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Sea Chefs Cruise Services, C‑133/18, EU:C:2019:354, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Id-dritt għal tnaqqis u, għaldaqstant, għal rimbors jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u, bħala prinċipju, ma jistax jiġi llimitat. Dan id-dritt jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha li jkunu ġew imposti fuq it-tranżazzjonijiet tal-input imwettqa (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Il-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT jeżiġi li t-tnaqqis jew ir-rimbors tal-VAT tal-input jingħata jekk ir-rekwiżiti sostantivi jkunu ssodisfatti, anki jekk il-persuni taxxabbli jkunu naqsu milli jissodisfaw ċerti rekwiżiti proċedurali (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, dan ma jkunx il-każ jekk il-ksur ta’ tali rekwiżiti proċedurali jkollu l-effett li jwaqqaf milli tiġi prodotta l-prova ċerta li r-rekwiżiti sostantivi ġew issodisfatti (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Issa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/9 toffri lill-Istat Membru ta’ rimbors, meta dan iqis li ma jkollux l-informazzjoni li tippermettilu jiddeċiedi fuq it-totalità ta’ tali talba jew fuq parti minnha, il-possibbiltà li jitlob, b’mod partikolari mingħand il-persuna taxxabbli jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, informazzjoni addizzjonali, li trid tiġi pprovduta fi żmien xahar mid-data ta’ riċezzjoni tat-talba ta’ informazzjoni mid-destinatarju.

50

Din id-dispożizzjoni tkun fil-parti l-kbira nieqsa mill-effett utli tagħha jekk l-Istat Membru jkun jista’ jirrifjuta immedjatament t-talba għal rimbors, indipendentement mill-fatt li numru li jippermetti li tiġi identifikata l-fattura jkun ġie inkluż fit-talba.

51

F’dan il-każ, il-prinċipju ta’ newtralità u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġu li l-awtorità tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ rimbors tqis it-talba bħala “mressqa”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9, u tuża l-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva sabiex titlob informazzjoni addizzjonali li tista’ tinkludi t-talba li jiġi kkomunikat in-numru sekwenzjali tal-fattura (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 88).

52

Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn Stat Membru, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif jirriżulta mis-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi) (C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 74), ikun għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/9, b’tali mod li r-rikorrent jintalab jannetti mat-talba tiegħu għal rimbors kopja tal-fattura u li din il-kopja tal-fattura tkun disponibbli għall-awtorità tat-taxxa, din hija obbligata tipproċedi bl-evalwazzjoni ta’ din it-talba mingħajr ma teżiġi informazzjoni addizzjonali dwar in-numru sekwenzjali ta’ din il-fattura.

53

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-awtorità tat-taxxa jkollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi li l-persuna taxxabbli hija responsabbli għall-ħlas tal-VAT, hija ma tistax timponi kundizzjonijiet addizzjonali li jista’ jkollhom l-effett li jġibu fix-xejn l-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis jew għar-rimbors tal-VAT (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Dan ikun, b’mod partikolari, il-każ jekk l-awtorità tat-taxxa diġà kellha l-oriġinal jew kopja tal-fattura kkonċernata, abbażi tad-Direttiva 2008/9.

55

Minn naħa, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/9, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jitolbu lil kull rikorrent jannetti mal-applikazzjoni tiegħu għal rimbors kopja tal-fattura jekk il-valur taxxabbli li jidher fuq il-fattura jkun ta’ EUR 1000 jew iktar jew l-ekwivalenti f’munita nazzjonali – fejn dan il-limitu huwa ffissat għal EUR 250 jew l-ekwivalenti f’munita nazzjonali meta l-fattura tkun tirrigwarda l-karburant.

56

Min-naħa l-oħra, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tal-imsemmija direttiva, jekk l-Istat Membru ta’ rimbors ikollu raġunijiet li jiddubita mill-validità jew l-eżattezza ta’ kreditu partikolari, huwa jista’ jitlob l-oriġinal jew kopja tal-fattura li tiġġustifika l-kreditu, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti msemmija fl-imsemmi Artikolu 10.

57

Ħlief fil-każijiet fejn l-oriġinal jew il-kopja tal-fattura jkunu diġà disponibbli għall-awtorità tat-taxxa, din tista’ titlob lir-rikorrent jikkomunika n-numru sekwenzjali ta’ din il-fattura u, jekk din it-talba ma tiġix issodisfatta fit-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9, hija għandha d-dritt li tiċħad it-talba għar-rimbors tal-VAT.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula hija li l-Artikolu 8(2)(d) u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta talba għar-rimbors tal-VAT ma jkunx fiha numru sekwenzjali tal-fattura, iżda jkun fiha numru ieħor li jippermetti li tiġi identifikata din il-fattura u, għalhekk, l-oġġett jew is-servizz ikkonċernat, l-awtorità tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ rimbors għandha l-obbligu li tqis li din it-talba tkun ġiet “imressqa”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9, u li tipproċedi bl-evalwazzjoni tagħha. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, u ħlief fil-każ fejn din l-awtorità diġà jkollha l-oriġinal tal-fattura jew kopja tagħha, hija tista’ titlob lir-rikorrent jikkomunika n-numru sekwenzjali ta’ din il-fattura u, jekk din it-talba ma tiġix issodisfatta fit-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, hija għandha d-dritt li tiċħad it-talba għar-rimbors tal-VAT.

59

F’dan il-kuntest, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-elementi msemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(2)(d) u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/66/UE tal‑14 ta’ Ottubru 2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta talba għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud ma jkunx fiha numru sekwenzjali tal-fattura, iżda jkun fiha numru ieħor li jippermetti li tiġi identifikata din il-fattura u, għalhekk, l-oġġett jew is-servizz ikkonċernat, l-awtorità tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ rimbors għandha l-obbligu li tqis li din it-talba tkun ġiet “imressqa”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/66, u li tipproċedi bl-evalwazzjoni tagħha. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, u ħlief fil-każ fejn din l-awtorità diġà jkollha l-oriġinal tal-fattura jew kopja tagħha, hija tista’ titlob lir-rikorrent jikkomunika n-numru sekwenzjali ta’ din il-fattura u, jekk din it-talba ma tiġix issodisfatta fit-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/66, hija għandha d-dritt li tiċħad it-talba għar-rimbors tal-VAT.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.