SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Regolament (KE) Nru 510/2006 – Regolament (UE) Nru 1151/2012 – Artikolu 13(1)(d) – Prattika li tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott – Riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizza prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta – Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) ‘Morbier’”

Fil-Kawża C‑490/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier

vs

Société fromagère du Livradois SAS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, M. Ilešič, C. Lycourgos u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għas-Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier, minn J.-J. Gatineau, avocat,

għas-Société Fromagère du Livradois SAS, minn E. Piwnica, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn C. Mosser u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos, E. Leftheriotou u I.-E. Krompa, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Bianchi u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13(1) rispettivi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 335M, p. 213, u rettifiki fil-ĠU 2009, L 64M, p. 74, u fil-ĠU 2011, L 293, p. 38), u tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (iktar ’il quddiem is-“Syndicat”) u s-Société Fromagère du Livradois SAS dwar ksur tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Morbier” u ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali u parassitika li bihom ġiet akkużata din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 4 u 6 tar-Regolament Nru 510/2006, li tħassar bir-Regolament Nru 1151/2012, kienu jipprovdu:

“(4)

Bil-ħsieb tal-varjetà kbira ta’ prodotti kummerċjalizzati u l-abbundanza ta’ informazzjoni dwar dawn il-prodotti li hija pprovduta, il-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni ċara u konċiża dwar l-oriġini tal-prodott, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażliet.

[…]

(6)

Għandha ssir dispożizzjoni għal approċċ Komunitarju għad-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Qafas ta’ regoli Komunitarji dwar sistema ta’ protezzjoni jippermetti l-iżvilupp ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ l-oriġini billi, filwaqt li jipprovdi approċċ aktar uniformi, qafas bħal dan jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti li jkollhom indikazzjonijiet bħal dawn u jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-prodotti f’għajnejn il-konsumatur.”

4

L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament kien redatt kif ġej:

“Ismijiet reġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

(a)

kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem reġistrat fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex koperti mir-reġistrazzjoni safejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew safejn l-użu ta’ l-isem jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-isem protett;

(b)

kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, ukoll jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat minn espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’ jew simili;

(ċ)

kwalunkwe indikazzjoni falza jew qarrieqa oħra fir-rigward tal-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq l-ippakkjar minn ġewwa jew minn barra, il-materjal ta’ reklamar jew dokumenti relatati mal-prodott konċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’konteni li x’aktarx jagħti impressjoni falza rigward l-oriġini tiegħu;

(d)

kwalunkwe prattika oħra li x’aktarx tqarraq lill-konsumatur fir-rigward ta’ l-oriġini vera tal-prodott.

[…]”

5

Il-premessi 18 u 29 tar-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxu:

“(18)

L-objettivi speċifiċi tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi huma li jinkiseb dħul ġust għall-bdiewa u l-produtturi għall-kwalitajiet u l-karatteristiċi ta’ prodott partikolari, jew tal-mod ta’ produzzjoni tiegħu, u li jipprovdu informazzjoni ċara dwar il-prodotti li jkollhom karatteristiċi speċifiċi marbutin mal-oriġini ġeografika, u b’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati ta’ xiri.

[…]

(29)

Għandha tingħata protezzjoni lill-ismijiet inklużi fir-reġistru bl-għan li jkun żgurat li dawn jintużaw b’mod ġust u sabiex jitrażżnu prattiċi li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi. […]”

6

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“B’dan hija stabbilita skema għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti sabiex tgħin lill-produtturi ta’ prodotti relattivi għal żona ġeografika billi:

(a)

tiżgura li jkollhom dħul ġust għall-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom;

(b)

tiżgura li jkun hemm protezzjoni uniformi tal-ismijiet bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali fit-territorju tal-Unjoni;

(ċ)

tipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni ċara dwar l-attributi li jżidu l-valur tal-prodott.”

7

L-Artikolu 5(1)(a) u (b) tal-imsemmi regolament, li jirriproduċi essenzjalment il-kliem tal-Artikolu 2(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 510/2006, jipprovdi:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, ‘denominazzjoni ta’ oriġini’ huwa isem li jidentifika prodott:

(a)

li joriġina f’post speċifiku, f’reġjun jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’pajjiż;

(b)

li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu […]”.

8

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament tirriproduċi, essenzjalment, dik tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 510/2006. Sempliċement ġiet miżjuda, fl-aħħar tal-punti (a) u (b), l-espressjoni “inkluż f’każijiet fejn dawn il-prodotti jintużaw bħala ingredjenti”.

9

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2400/96 tas‑17 ta’ Diċembru 1996 dwar l-iskrizzjoni ta’ ċerti ismijiet fir-“Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet geografiċi protetti” li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet geografiċi u denominazzjoni ta’ oriġini għal prodotti agrikoli u prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 143), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1241/2002 tal‑10 ta’ Lulju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 177), id-denominazzjoni “Morbier” ġiet inkluża fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, li jinsabu fl-Anness għal dan ir-regolament, bħala DOP.

10

Id-deskrizzjoni tal-prodott li tinsab fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1128/2013 tas‑7 ta’ Novembru 2013 li japprova emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Morbier (DPO)] (ĠU 2013, L 302, p. 7) hija s-segwenti:

“Il-‘Morbier’ huwa ġobon magħmul minn ħalib mhux ippasturizzat tal-baqra, ippressat u mhux imsajjar, bis-sura ta’ ċilindru ċatt b’dijametru ta’ bejn it-30 u l-40 ċentimetru, għoli minn 5 sa 8 ċentimetri, li jiżen minn 5 kg sa 8 kg, u li għandu uċuħ ċatti u ġenb xi ftit konvess.

Dan il-ġobon għandu strixxa sewda ċentrali orizzontali, amalgamata, tul il-qatgħa kollha.

Il-qoxra tiegħu hija naturali, magħruka, b’dehra regolari, imtebba’ u li tħalli tidher il-marka tal-forma. Il-lewn tagħha huwa beige li jagħti fl-oranġjo bi sfumaturi ta’ oranġjo fil-kannella, ta’ oranġjo fl-aħmar u ta’ oranġjo fir-roża. Il-konsistenza ta’ ġewwa tiegħu hija omoġenja, lewn l-avorju li jagħti fl-isfar ċar u spiss b’xi toqob mifruxa kbar daqs passolina ħamra jew bżieżaq żgħar iċċattjati. Hija ratba meta tmissha, kremuża, li tinħall, teħel xi ftit mal-ħalq u hija wkoll lixxa u fina. It-togħma hija friska bi sfrumaturi lattiċi, tal-karamella, tal-vanilja u tal-frott. Maż-żmien, il-firxa aromatika tistagħna bi sfumaturi ta’ xiwi, ta’ ħwawar u ta’ ħxejjex. It-togħmiet huma bbilanċjati. Dan il-ġobon fih mill-inqas 45 gramma ta’ xaħam għal kull 100 gramma wara li jitnixxef kompletament. Il-kontenut tal-ilma fil-ġobon mingħajr ix-xaħam (HFD - Humidité dans le Fromage Dégraissé) għandu jkun ta’ bejn 58 % u 67 %. Il-maturazzjoni tal-ġobon issir matul perjodu minimu ta’ 45 jum, li jibda jiddekorri minn jum il-produzzjoni tiegħu, mingħajr interruzzjoni taċ-ċiklu.”

Id-dritt Franċiż

11

L-Artikolu L. 722‑1 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“Kull ksur ta’ indikazzjoni ġeografika jagħti lok għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur tiegħu.

Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, ‘indikazzjoni ġeografika’ għandha tfisser:

[…]

(b)

id-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel;

[…]”

12

Il-ġobon Morbier jibbenefika minn denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata (AOC) mid-digriet tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Morbier” (JORF Nru 302, tat‑30 ta’ Diċembru 2000, p. 20944), imħassar minn dak iż-żmien, li ddefinixxa żona ġeografika ta’ referenza, kif ukoll il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tintalab din id-denominazzjoni ta’ oriġini, u ppreveda, fl-Artikolu 8 tiegħu, perijodu tranżitorju għall-impriżi li jinsabu barra minn din iż-żona ġeografika li kienu jipproduċu u jikkummerċjalizzaw ġobon taħt l-isem “Morbier” b’mod kontinwu, sabiex jiġu permessi jkomplu jużaw dan l-isem mingħajr l-indikazzjoni “DOK”, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin wara l-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Morbier” bħala DOP.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Konformement mad-Digriet tat‑22 ta’ Diċembru 2000, is-Société Fromagère du Livradois, li kienet timmanifattura l-ġobon morbier mis-sena 1979, ġiet awtorizzata tuża d-denominazzjoni “Morbier”, mingħajr l-indikazzjoni DOK, sal‑11 ta’ Lulju 2007, data li minnha ssostitwixxietha d-denominazzjoni “Montboissié du Haut Livradois”. Barra minn hekk, fil‑5 ta’ Ottubru 2001, is-Société Fromagère du Livradois ippreżentat, fl-Istati Uniti, it-trade mark Amerikana “Morbier du Haut Livradois”, li hija ġeddedt fl-2008 għal għaxar snin u, fil‑5 ta’ Novembru 2004, it-trade mark Franċiża “Montboissier”.

14

Filwaqt li akkuża lis-Société Fromagère du Livradois li kisret id-denominazzjoni protetta u li wettqet atti ta’ kompetizzjoni żleali u parassitika billi mmanifatturat u kkummerċjalizzat ġobon bid-dehra viżiva tal-prodott kopert mid-DOP “Morbier” sabiex toħloq konfużjoni ma’ dak il-prodott u tapprofitta mill-fama tad-dehra assoċjata miegħu mingħajr ma jkollha tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tad-denominazzjoni ta’ oriġini, is-Syndicat ressaq proċedimenti kontriha, fit‑22 ta’ Awwissu 2013, quddiem it-Tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza), sabiex hija tiġi kkundannata twaqqaf kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett tad-denominazzjoni tad-DOP “Morbier” għal prodotti li ma tkoprix, kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni, jew evokazzjoni ta’ din id-DOP, kwalunkwe indikazzjoni oħra falza jew qarrieqa rigward il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott bi kwalunkwe mezz li jista’ joħloq impressjoni żbaljata dwar l-oriġini tal-prodott, kull prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur rigward l-oriġini reali tal-prodott, u b’mod speċjali kwalunkwe użu ta’ strixxa sewda li tissepara ż-żewġ partijiet tal-ġobon, u tikkumpensa d-dannu li kkawżat.

15

Dawn it-talbiet ġew miċħuda b’deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2016, li ġiet ikkonfermata mill-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2017. Din tal-aħħar ddeċidiet li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ġobon li jippreżenta karatteristika waħda jew iktar li jidhru fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-ġobon Morbier u li għalhekk jixbah lil dan tal-aħħar ma kinitx nuqqas.

16

F’din is-sentenza, wara li ddikjarat li l-leġiżlazzjoni dwar id-DOP ma hijiex intiża sabiex tipproteġi d-dehra ta’ prodott jew il-karatteristiċi tiegħu deskritti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, iżda d-denominazzjoni tiegħu, b’tali mod li hija ma tipprojbixxix il-manifattura ta’ prodott skont l-istess tekniki bħal dawk iddefiniti fir-regoli applikabbli għall-indikazzjoni ġeografika u wara li qieset li, fin-nuqqas ta’ dritt privattiv, ir-riproduzzjoni tal-apparenza ta’ prodott taqa’ taħt il-libertà tal-kummerċ u tal-industrija, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet li l-karatteristiċi invokati mis-Syndicat, b’mod partikolari linja orizzontali blu, ġejjin minn tradizzjoni antika, minn teknika tal-antenati preżenti f’ġobnijiet oħrajn differenti mill-Morbier, implimentati mis-Société Fromagère du Livradois saħansitra qabel ma nkisbet id-DOP “Morbier” u li ma jiddependux fuq investimenti magħmula mis-Syndicat jew il-membri tiegħu. Hija qieset li għalkemm id-dritt li jintuża l-karbonju veġetali jingħata biss lill-ġobon b’din id-DOP, is-Société Fromagère du Livradois kellha, sabiex tikkonforma ruħha mal-leġiżlazzjoni Amerikana, tissostitwixxih bil-polifenol tal-għeneb b’tali mod li ż-żewġ ġobnijiet ma jistgħux jiġu assimilati b’din il-karatteristika. Filwaqt li rrilevat li s-Société Fromagère du Livradois sostniet differenzi oħra bejn il-ġobon Montboissié u l-ġobon Morbier fir-rigward, b’mod partikolari, tal-użu ta’ ħalib ippasturizzat għall-ewwel ġobon u ta’ ħalib mhux ipproċessat għat-tieni wieħed, hija qieset li ż-żewġ ġobnijiet kienu distinti u li s-Syndicat kien qiegħed jipprova jestendi l-protezzjoni tad-DOP “Morbier” f’interess kummerċjali illegali u li jmur kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera.

17

Is-Syndicat appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza). Insostenn tal-appell tiegħu, huwa jsostni, qabelxejn, li denominazzjoni ta’ oriġini hija protetta kontra kull prattika li tista’ tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott u li meta ddeċidiet, madankollu, li huwa biss l-użu tad-denominazzjoni tad-DOP li huwa pprojbit, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) kisret l-Artikoli 13 rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012. Is-Syndicat isostni, sussegwentement, li billi llimitat ruħha li tirrileva, minn naħa, li l-karatteristiċi li huwa invoka kienu jaqgħu taħt tradizzjoni storika u ma kinux ibbażati fuq investimenti magħmula minnu u mill-membri tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-ġobon Montboissié kkummerċjalizzat mis-sena 2007 mis-Société Fromagère du Livradois kien jippreżenta differenzi mal-ġobon Morbier, mingħajr ma rriċerkat, kif mitlub minnha, jekk il-prattiki tas-Société Fromagère du Livradois, b’mod partikolari l-kopja tal-“istingray” karatteristika tal-ġobon Morbier, ma setgħux iqarrqu bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott, il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell) ċaħħdet id-deċiżjoni tagħha minn bażi legali fil-konfront tal-istess testi.

18

Min-naħa tagħha, is-Société Fromagère du Livradois issostni li d-DOP tipproteġi l-prodotti li ġejjin minn territorju ddelimitat, li jistgħu biss jużaw id-denominazzjoni protetta, iżda ma tipprojbixxix lil produtturi oħra milli jipproduċu u jikkummerċjalizzaw prodotti simili, peress li ma jagħtux x’jifhmu li huma jibbenefikaw mid-denominazzjoni inkwistjoni. Mid-dritt nazzjonali jista’ jiġi dedott li huwa pprojbit kull użu tas-sinjal li jikkostitwixxi d-DOP sabiex jindika prodotti simili li ma għandhomx dritt għaliha, jew li ma joriġinawx miż-żona ddelimitata, jew li joriġinaw minnha mingħajr ma jippreżentaw il-proprjetajiet meħtieġa, iżda li ma huwiex ipprojbit li jiġu kkummerċjalizzati prodotti simili, sakemm din il-kummerċjalizzazzjoni ma tkun akkumpanjata minn ebda prattika ta’ natura li twassal għal konfużjoni, b’mod partikolari minħabba l-abbuż jew l-evokazzjoni ta’ din id-DOP. Hija ssostni wkoll li “prattika li x’aktarx tqarraq lill-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott” fis-sens tal-Artikoli 13(1)(d) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 għandha neċessarjament tirrigwarda l-“oriġini” tal-prodott u għaldaqstant għandha tkun prattika li twassal lill-konsumatur jaħseb li huwa għandu quddiemu prodott li jibbenefika mid-DOP inkwistjoni. Hija tikkunsidra li din il-“prattika” ma tistax tirriżulta mis-sempliċi dehra tal-prodott bħala tali, lil hinn minn kull referenza fuq l-imballaġġ tiegħu li jagħmel riferiment għall-provenjenza protetta.

19

Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-appell li hija adita bih iqajjem il-kwistjoni, għall-ewwel darba quddiemha, dwar jekk l-Artikoli 13(1) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu biss l-użu minn terz tad-denominazzjoni rreġistrata jew jekk għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu wkoll kull preżentazzjoni tal-prodott li tista’ tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tiegħu, anki jekk id-denominazzjoni rreġistrata ma tkunx intużat mit-terz. Filwaqt li tosserva b’mod partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet fuq din il-kwistjoni, hija tikkunsidra li jeżisti dubju dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “prattika oħra” li tinsab f’dawn l-artikoli, li tikkostitwixxi forma partikolari ta’ preġudizzju għal denominazzjoni protetta jekk din tista’ tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott.

20

Għalhekk, fil-fehma tagħha, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-tkomplija tal-karatteristiċi fiżiċi ta’ prodott protett minn DOP tistax tikkostitwixxi prattika li tista’ tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott, ipprojbita mill-Artikoli 13(1) rispettivi ta’ dawn ir-regolamenti. Din il-kwistjoni twassal sabiex jiġi ddeterminat jekk il-preżentazzjoni ta’ prodott protett minn denominazzjoni ta’ oriġini, b’mod partikolari r-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizzah, tistax tikkostitwixxi preġudizzju għal din id-denominazzjoni, minkejja n-nuqqas ta’ teħid tad-denominazzjoni.

21

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 13(1) rispettivi [tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu unikament l-użu minn terz ta’ denominazzjoni rreġistrata jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-preżentazzjoni ta’ prodott protett minn denominazzjoni ta’ oriġini, b’mod partikolari ir-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizzaha, li tista’ tqarraq bil-konsumatur għal dak li jirrigwarda l-oriġini vera tal-prodott, anki jekk id-denominazzjoni rreġistrata ma tintużax?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ewwel parti tad-domanda

22

Permezz tal-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(1) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu biss l-użu minn terz tad-denominazzjoni rreġistrata.

23

Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet isegwi li d-denominazzjonijiet irreġistrati huma protetti kontra diversi atti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ denominazzjoni rreġistrata, it-tieni, l-użu ħażin, l-imitazzjoni jew l-evokazzjoni, it-tielet, l-indikazzjoni falza jew qarrieqa fir-rigward tal-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott li jidhru fuq l-ippakkjar jew l-imballaġġ, fuq ir-reklamar jew fuq dokumenti relatati mal-prodott ikkonċernat kif ukoll l-użu għall-ippakkjar ta’ kontenitur ta’ natura li joħloq impressjoni żbaljata dwar l-oriġini tal-prodott u, ir-raba’, kull prattika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott.

24

L-imsemmija dispożizzjonijiet jinkludu għaldaqstant lista gradwata ta’ aġir ipprojbit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego, C‑614/17, EU:C:2019:344, punt 27). Filwaqt li l-Artikoli 13(1)(a) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 jipprojbixxu l-użu dirett jew indirett ta’ denominazzjoni rreġistrata għall-prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni, f’forma li hija identika għal din id-denominazzjoni jew simili ħafna minn perspettiva fonetika u/jew viżiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punti 29, 3139), l-Artikoli 13(1)(b) sa (d) rispettivi ta’ dawn ir-regolamenti jipprojbixxu tipi oħra ta’ aġir li d-denominazzjonijiet irreġistrati huma protetti kontrih u li ma jużawx id-denominazzjonijiet infushom la direttament u lanqas indirettament.

25

Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 13(1)(a) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 għandu neċessarjament jiġi distint minn dak relatat mar-regoli l-oħra ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati li jinsabu fl-Artikoli 13(1)(b) sa (d) rispettivi ta’ dawn ir-regolamenti. B’mod partikolari, l-Artikoli 13(1)(b) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 jipprojbixxu aġir li, b’differenza għal dak imsemmi fl-Artikoli 13(1)(a) rispettivi ta’ dawn ir-regolamenti, ma jużax id-denominazzjoni protetta nnifisha la direttament u lanqas indirettament, iżda jixxuġġerixxiha b’tali mod li l-konsumatur jitwassal li jagħmel rabta suffiċjenti ta’ prossimità ma’ din id-denominazzjoni (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16), is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 33).

26

Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-kunċett ta’ “evokazzjoni”, il-kriterju determinanti huwa dak dwar jekk il-konsumatur, fil-preżenza ta’ denominazzjoni kontenzjuża, jitwassalx sabiex ikollu direttament f’moħħu, bħala immaġni ta’ riferiment, il-merkanzija koperta mid-DOP, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-inkorporazzjoni parzjali ta’ DOP fid-denominazzjoni kkontestata, ta’ familjarità fonetika u/jew viżiva ta’ din id-denominazzjoni ma’ din id-DOP, jew inkella ta’ prossimità kunċettwali bejn l-imsemmija denominazzjoni u l-imsemmija DOP (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 51).

27

Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:344), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evokazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata tista’ tiġi prodotta bl-użu ta’ sinjali figurattivi. Sabiex tiddeċiedi b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod partikolari, fil-punt 18 ta’ dik is-sentenza, li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem bħala li tagħmel riferiment mhux biss għat-termini li bihom denominazzjoni rreġistrata tista’ tiġi evokata, iżda wkoll għal kwalunkwe sinjal figurattiv li jista’ jfakkar lill-konsumatur fil-prodotti li jibbenefikaw minn din id-denominazzjoni. Fil-punt 22 tal-imsemmija sentenza, hija rrilevat li, bħala prinċipju, ma jistax jiġi eskluż li sinjali figurattivi jistgħu jservu sabiex ifakkru direttament lill-konsumatur, bħala immaġni ta’ riferiment, fil-prodotti li jibbenefikaw minn denominazzjoni rreġistrata minħabba l-prossimità kunċettwali tagħhom ma’ tali denominazzjoni.

28

Fir-rigward tal-aġir imsemmi fl-Artikoli 13(1)(c) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jestendu, fir-rigward tal-punti (a) u (b) ta’ dawn l-artikoli, il-perimetru protett, billi jinkorporaw fihom b’mod partikolari “kwalunkwe indikazzjoni oħra”, jiġifieri l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi, li tidher fuq l-ippakkjar jew l-imballaġġ tal-prodott ikkonċernat, fuq ir-reklamar jew fuq id-dokumenti relatati ma’ dan il-prodott, li, minkejja li ma jevokawx l-indikazzjoni ġeografika protetta, huma kklassifikati bħala foloz jew żbaljati fir-rigward tar-rabtiet tal-prodott ma’ din tal-aħħar. L-espressjoni “kwalunkwe indikazzjoni oħra” tinkludi informazzjoni li tista’ tidher fi kwalunkwe forma fuq l-ippakkjar jew l-imballaġġ tal-prodott ikkonċernat, fuq ir-reklamar jew fuq id-dokumenti relatati ma’ dan il-prodott, b’mod partikolari fil-forma ta’ test, ta’ immaġni jew ta’ kontenitur li jista’ jinforma dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali ta’ dan il-prodott (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punti 6566).

29

Fir-rigward tal-aġir imsemmi fl-Artikoli 13(1)(d) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kliem “kwalunkwe prattika oħra” u “kull prattika oħra” użat f’dawn id-dispożizzjonijiet rispettivament isegwi li dawn huma intiżi sabiex ikopru kull aġir li ma huwiex diġà kopert mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istess artikoli u, għalhekk, li jagħlaq is-sistema ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati.

30

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 13(1) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 ma humiex limitati għall-projbizzjoni tal-użu tad-denominazzjoni rreġistrata stess, iżda li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa iktar vast.

31

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 13(1) tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprojbixxux biss l-użu minn terz tad-denominazzjoni rreġistrata.

Fuq it-tieni parti tad-domanda

32

Permezz tat-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 13(1)(d) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu r-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizza prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata meta din ir-riproduzzjoni tista’ tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott.

33

Billi jipprevedu li d-denominazzjonijiet irreġistrati huma protetti kontra “kwalunkwe prattika oħra li x’aktarx tqarraq lill-konsumatur fir-rigward ta’ l-oriġini vera tal-prodott” u “kull prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott”, rispettivament, l-Artikoli 13(1)(d) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 ma jispeċifikawx l-aġir ipprojbit minn dawn id-dispożizzjonijiet, iżda jirrigwardaw kunsiderevolment l-aġir kollu, minbarra dak ipprojbit mill-Artikoli 13(1)(a) sa (c), rispettiv ta’ dawn ir-regolamenti, li jista’ jkollu bħala riżultat li jqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott inkwistjoni.

34

L-Artikoli 13(1)(d) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 jissodisfaw l-għanijiet stipulati fil-premessi 4 u 6 tar-Regolament Nru 510/2006 kif ukoll fil-premessi 18 u 29 u fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1151/2012, li minnhom jirriżulta li s-sistema ta’ protezzjoni tad-DOP u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) hija intiża, b’mod partikolari, li tipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni ċara dwar l-oriġini u l-proprjetajiet tal-prodott, b’mod li tippermettilhom jieħdu d-deċiżjoni tagħhom li jixtru b’għarfien aħjar tal-fatti, kif ukoll sabiex jipprevjenu prattiki li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi.

35

B’mod iktar ġenerali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li s-sistema ta’ protezzjoni tad-DOP u tal-IĠP hija intiża essenzjalment li tiżgura lill-konsumaturi li l-prodotti agrikoli li għandhom denominazzjoni rreġistrata jkollhom, minħabba l-provenjenza tagħhom minn żona ġeografika speċifika, ċerti karatteristiċi partikolari u, għaldaqstant, joffru garanzija ta’ kwalità dovuta għall-provenjenza ġeografika tagħhom, bl-għan li jippermetti lill-operaturi agrikoli li jkunu għamlu sforz kwalitattiv reali li jiksbu f’korrispettiv l-aħjar dħul u jipprekludu li terzi japprofittaw ruħhom abbużivament mir-reputazzjoni li tirriżulta mill-kwalità ta’ dawn il-prodotti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto, C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punt 82; tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑393/16, EU:C:2017:991, punt 38, kif ukoll tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punti 3869).

36

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra ta’ prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata tistax tikkostitwixxi prattika pprojbita mill-Artikoli 13(1)(d) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012, għandu jiġi osservat li, ċertament, hekk kif sostnew is-Société fromagère du Livradois u l-Kummissjoni Ewropea, il-protezzjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha bħala għan, skont il-kliem stess ta’ dawn tal-aħħar, id-denominazzjoni rreġistrata u mhux il-prodott kopert minnha. Minn dan isegwi li din il-protezzjoni ma għandhiex l-għan li tipprojbixxi, b’mod partikolari, l-użu tat-tekniki ta’ manifattura jew ir-riproduzzjoni ta’ karatteristika waħda jew iktar indikati fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata, minħabba li huma jidhru f’dawn l-ispeċifikazzjonijiet, sabiex jagħmlu prodott ieħor mhux kopert mir-reġistrazzjoni.

37

Madankollu, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, DOP hija, skont l-Artikolu 5(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1151/2012, li essenzjalment jieħu l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 510/2006, denominazzjoni li tidentifika prodott bħala li joriġina f’post speċifiku, f’reġjun jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’pajjiż, li l-kwalitajiet jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklużivament dovuti għall-ambjent ġeografiku bil-fatturi naturali u umani tiegħu. Id-DOP huma għalhekk protetti sa fejn jindikaw prodott li għandu ċerti kwalitajiet jew ċerti karatteristiċi. Għalhekk, id-DOP u l-prodott kopert minnha huma marbuta mill-qrib.

38

Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura mhux eżawrjenti tal-espressjonijiet “kwalunkwe prattika oħra” u “kull prattika oħra” rispettivament li jinsabu fl-Artikoli 13(1)(d) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012, ma jistax jiġi eskluż li r-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra ta’ prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata, mingħajr ma din id-denominazzjoni ma tidher la fuq il-prodott inkwistjoni u lanqas fuq l-imballaġġ tiegħu, tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Dan ikun il-każ jekk din ir-riproduzzjoni tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott inkwistjoni.

39

Sabiex jiġi evalwat jekk dan huwiex il-każ għandu, bħalma indika l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 55 u 57 sa 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, isir riferiment għall-perċezzjoni ta’ konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 2528, kif ukoll tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 47), u, min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, inklużi modalitajiet ta’ preżentazzjoni lill-pubbliku u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni kif ukoll tal-kuntest fattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Consorzio Tutela Aceto Balsamico di Modena, C‑432/18, EU:C:2019:1045, punt 25).

40

B’mod partikolari, fir-rigward, bħal fil-kawża prinċipali, ta’ element tad-dehra tal-prodott kopert mid-denominazzjoni rreġistrata, għandu b’mod partikolari jiġi evalwat jekk dan l-element jikkostitwixxix karatteristika ta’ referenza u partikolarment distintiva ta’ dan il-prodott sabiex ir-riproduzzjoni tiegħu tkun tista’, flimkien mal-fatturi rilevanti kollha f’dan il-każ, twassal lill-konsumatur sabiex jemmen li l-prodott li fih din ir-riproduzzjoni huwa prodott kopert minn din id-denominazzjoni rreġistrata.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 13(1)(d) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu r-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizza prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata meta din ir-riproduzzjoni tista’ twassal lill-konsumatur sabiex jemmen li l-prodott inkwistjoni huwa kopert minn din id-denominazzjoni rreġistrata. Għandu jiġi evalwat jekk l-imsemmija riproduzzjoni tistax tqarraq bil-konsumatur Ewropew, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 13(1) rispettivi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel, u tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprojbixxux biss l-użu minn terz tad-denominazzjoni rreġistrata.

 

L-Artikoli 13(1)(d) rispettivi tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu r-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizza prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata meta din ir-riproduzzjoni tista’ twassal lill-konsumatur sabiex jemmen li l-prodott inkwistjoni huwa kopert minn din id-denominazzjoni rreġistrata. Għandu jiġi evalwat jekk l-imsemmija riproduzzjoni tistax tqarraq bil-konsumatur Ewropew, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.