SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/59/UE – Ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu – Mekkaniżmu ta’ finanzjament nazzjonali – Awtorità ta’ riżoluzzjoni – Fond nazzjonali – Artikoli 103 u 104 – Obbligu ta’ kontribuzzjoni – Kontribuzzjonijiet ex ante u kontribuzzjonijiet ex post straordinarji – Kalkolu – Traspożizzjoni tardiva tad-direttiva – Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 – Artikoli 12 u 14 – Kunċett ta’ ‘bidla fl-istatus’ – Effett fuq l-obbligu ta’ kontribuzzjoni”

Fil-Kawża C-255/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2018, fil-proċedura

State Street Bank International GmbH

vs

Banca d’Italia,

fil-preżenza ta’:

Banco delle Tre Venezie SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ April 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal State Street Bank International GmbH, minn S. Dettori, avvocato,

għal Banca d’Italia minn M. Mancini, D. Messineo u L. Sciotto, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, K-P. Wojcik u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), u tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn State Street Bank International GmbH (iktar ’il quddiem “SSBI”) u l-Banca d’Italia, fir-rigward tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lill-fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fl-Italja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2014/59

3

Il-premessi 103 sa 105 tad-Direttiva 2014/59 huma fformulati kif ġej:

“(103)

[…] Minkejja r-rwol ta’ banek ċentrali fil-forniment ta’ likwidità lis-sistema finanzjarja anke fi żminijiet ta’ stress, huwa importanti li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ finanzjament sabiex jiġi evitat li l-fondi meħtieġa għal dawn l-għanijiet jiġu mill-baġits nazzjonali. Għandha tkun l-industrija finanzjarja, kollha kemm hi, li tiffinanzja l-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja.

(104)

Bħala regola ġenerali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ finanzjament nazzjonali tagħhom permezz ta’ fond ikkontrollat minn awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li għandhom jintużaw għall-finijiet stabbiliti f’din id-Direttiva. […]

(105)

Bħala prinċipju, il-kontribuzzjonijiet għandhom jinġabru mill-industrija qabel kwalunkwe operazzjoni ta’ riżoluzzjoni u indipendentement minnha. Meta l-finanzjament minn qabel ma jkunx biżżejjed sabiex ikopri t-telf jew l-ispejjeż imġarrba mill-użu tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament, kontribuzzjonijiet addizzjonali għandhom jinġabru sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispiża jew it-telf addizzjonali”.

4

l-Artikolu 100(1), (4) u (5) tal-imsemmija direttiva jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġament [mekkaniżmu] ta’ finanzjament wieħed jew iżjed għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti mill-awtorità tar-riżoluzzjoni tal-għodod u s-setgħat tar-riżoluzzjoni.

[…]

4.   Għall-għan previst fil-paragrafu 3, l-arranġamenti ta’ finanzjament għandhom partikolarment ikollhom is-setgħa li:

a)

jiġbru kontribuzzjonijiet ex ante kif speċifikat fl-Artikolu 103 bil-ħsieb li jintlaħaq il-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102;

b)

jiġbru kontribuzzjonijiet straordinarji ex‑post kif speċifikat fl-Artikolu 104, meta l-kontribuzzjonijiet speċifikati fil-punt (a) ma jkunx biżżejjed, u

c)

jiksbu self u forom oħra ta’ għajnuna kif speċifikat fl-Artikolu 105.

5.   Bl-eċċezzjoni tal-każijiet skont il-paragrafu 6, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-arranġament finanzjarju nazzjonali tiegħu permezz ta’ fond, li l-użu tiegħu jista’ jitnieda mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiegħu, għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 101(1).

5

l-Artikolu 102(1) ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti ta’ finanzjament tagħhom, jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli mmirati li jeċċedu dak l-ammont”.

6

Bit-titolu “Kontribuzzjonijiet ex ante” l-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59 jipprovdi:

“1.   Sabiex jilħqu l-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jinġabru mill-anqas annwalment mill-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħhom inkluż mill-fergħat fl-Unjoni.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligu tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet speċifikat f’dan l-Artikolu jkun infurzabbli skont il-liġi nazzjonali, u li l-kontribuzzjonijiet dovuti jitħallsu bis-sħiħ.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ kontabilità, ta’ rappurtar u oħrajn xierqa sabiex jiżguraw illi l-kontribuzzjonijiet dovuti jitħallsu bis-sħiħ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw miżuri għal verifikazzjoni xierqa ta’ jekk il-kontribuzzjonijiet tħallsux korrettament. […]

5.   L-ammonti miġbura skont dan l-Artikolu għandhom jintużaw biss għall-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 101(1).

[…]

7.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 115 sabiex tispeċifika l-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fi proporzjon tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu […]

[…]

8.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 115 […]

[…]”.

7

Skont kliem l-Artikolu 104 ta’ din id-direttiva:

“1.   Meta l-mezzi finanzjarji disponibbli mhumiex suffiċjenti biex ikopru t-telf, l-ispejjeż jew infiq ieħor imġarrab bl-użu tal-arranġamenti [mekkaniżmi] ta’ finanzjament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinġabbru kontribuzzjonijiet straordinarji ex post mingħand l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħhom, sabiex jiġu koperti l-ammonti addizzjonali. Dawk il-kontribuzzjonijiet straordinarji ex post għandhom jiġu allokati bejn l-istituzzjonijiet skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 103(2).

[…]

2.   L-Artikolu 103(4) sa (8) għandu jkun applikabbli għall-kontribuzzjonijiet li jinġabru taħt dan l-Artikolu..

[…].”

8

l-Artikolu 130(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sal-31 ta’ Diċembru 2014 liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2015.

[…].”

Ir-Regolament ta’ Delega 2015/63

9

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament ta’ delega jistipula:

“1.   L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet annwali li jitħallsu minn kull istituzzjoni fi propozjon mal-profil tar-riskju tagħha abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni skont l-Artikolu 14 billi japplikaw il-metodoloġija stipulata f’din it-Taqsima.

2.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-livell annwali fil-mira tal-arranġament [mekkaniżmu] ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni billi tqis il-livell fil-mira li jrid jintlaħaq sal‑31 ta’ Diċembru 2024 skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 102 tad-Direttiva 2014/59/UE u fuq il-bażi tal-ammont medju ta’ depożiti koperti fis-sena preċedenti, kalkolat kull tliet xhur, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħha.”

10

Bit-titolu “Istituzzjonijiet taħt superviżjoni ġodda jew bidla fl-istatus”, l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Meta istituzzjoni tkun istituzzjoni taħt superviżjoni ġdida għal parti biss minn perijodu kontributorju, il-kontribuzzjoni parzjali tiġi ddeterminata billi tiġi applikata l-metodoloġija stabbilita fit-Taqsima 3 għall-ammont tal-kontribuzzjoni annwali tagħha kalkulat matul il-perijodu kontributorju sussegwenti b’referenza għall-għadd ta’ xhur sħaħ mill-perijodu kontributorju li tulhom l-istituzzjoni tkun taħt superviżjoni.

2.   Bidla fl-istatus ta’ istituzzjoni, inkluża istituzzjoni żgħira, matul il-perijodu kontributorju ma jkollha l-ebda effett fuq il-kontribuzzjoni annwali li trid titħallas f’dik is-sena partikolari.”

11

L-Artikolu 14(1) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“1.   L-istituzzjonijiet jipprovdu lill-awtorità tar-riżoluzzjoni bl-aħħar rapporti finanzjarji annwali approvati disponibbli qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perjodu kontributorju, flimkien mal-opinjoni sottomessa mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-awditjar, skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU 2013, L 182, p. 19)].”

12

L-Artikolu 20(1) sa (4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprovdi:

“1.   […] B’deroga mill-Artikolu 13(1), rigward il-kontribuzzjonijiet li jridu jitħallsu fl-2015, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jinnotifikaw lil kull istituzzjoni bid-deċiżjoni tagħhom li tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali li jridu jħallsu sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2015.

2.   B’deroga mill-Artikolu 13(4), u fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet li jridu jitħallsu fl‑2015, l-ammont dovut skont id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 13(3) jitħallas sal‑31 ta’ Diċembru 2015.

3.   B’deroga mill-Artikolu 14(4), u fir-rigward tal-informazzjoni li trid tingħata lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fl‑2015, l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu tingħata sal‑1 ta’ Settembru 2015 l-aktar tard.

4.   B’deroga mill-Artikolu 16(1), l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti jipprovdu lill-awtorità tar-riżoluzzjoni sal-1 ta’ Settembru 2015 bl-informazzjoni dwar l-ammont ta’ depożiti koperti mill-31 ta’ Lulju 2015.”

13

Mill-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2015.

Id-dritt Taljan

14

l-Artikolu 78 tad-Decreto legislativo 16 novembre 2015, n. 180. Attuazione della direttiva 2014/59/UE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/2015 tas-16 ta’ Novembru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59) (GURI Nru 267 tas-16 ta’ Novembru 2015) jipprovdi:

“sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mir-riżoluzzjoni […], fil-Banca d’Italia jiġi stabbilit mill-inqas fond ta’ riżoluzzjoni […]”

15

L-Artikolu 81 ta’ dan id-digriet huwa fformulat kif ġej:

“1.   Qabel il‑31 ta’ Diċembru 2024, l-allowance finanzjarja totali tal-fondi ta’ riżoluzzjoni tkun ugwali għal 1 % tad-depożiti koperti fid-data tal-għeluq tar-rapporti finanzjarji annwali ta’ dawk responsabbli mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, approvati minn dawn stess […]

2.   Sabiex jintlaħaq il-livell indikat fil-paragrafu 1, il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkolati u rkuprati konformement mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 82, annwalment u bl-iktar mod uniformi possibbli matul iż-żmien, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt proċikliku li l-ħlas tiegħu jista’ jħalli fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawk responsabbli mill-ħlas tiegħu”.

16

L-Artikolu 82(1) tal-imsemmi digriet jistipula:

“Il-banek b’sede fl-Italja u l-fergħat Taljani ta’ banek f’pajjiżi terzi jħallsu annwalment kontribuzzjonijiet ordinarji għall-fondi ta’ riżoluzzjoni b’ammont iddeterminat mill-Banca d’Italia, konformement mad-dispożizzjonijiet previsti mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE.”

17

L-Artikolu 83(1) ta’ dan l-istess digriet jipprevedi:

“jekk l-allowance finanzjarja tirriżulta insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 79(1), il-banek b’sede fl-Italja u l-fergħat Taljani ta’ banek f’pajjiżi terzi jħallsu kontribuzzjonijiet straordinarji għall-fondi ta’ riżoluzzjoni sabiex ikopru l-ispejjeż addizzjonali fir-rigward tal-ammont li jiddetermina l-Banca d’Italia”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

SSBI huwa bank li għandu s-sede prinċipali tiegħu fil-Ġermanja.

19

Sal-5 ta’ Lulju 2015, huwa eżerċità l-attivitajiet tiegħu fl-Italja permezz ta’ State Street Bank SpA (iktar ’il quddiem “SSB Italja”).

20

Mis-6 ta’ Lulju 2015, wara operazzjoni ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist, SSBI, il-kumpanija akwirenti ta’ SSB Italja, kompliet teżerċita l-attivitajiet tagħha fit-territorju Taljan permezz ta’ fergħa.

21

Matul is-snin 2015 u 2016, Banca d’Italia, fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni, talab lil SSBI jħallas, għas-sena 2015, il-kontribuzzjonijiet ex ante (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ordinarji”) u l-kontribuzzjonijiet ex post straordinarji (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet straordinarji”). B’mod iktar partikolari, permezz ta’ noti tat-23 u tas-26 ta’ Novembru 2015 kif ukoll tal-1 ta’ April u tal-25 ta’ Mejju 2016, Banca d’Italia talab lil SSBI jħallas l-ammont ta’ EUR 1275606 bħala kontribuzzjonijiet ordinarji u l-ammont ta’ EUR 3826819 bħala kontribuzzjonijiet straordinarji.

22

SSBI ressaq rikors għal annullament quddiem il-qorti tar-rinviju kontra dawn l-atti li fih ikkontesta kemm il-ħlas tal-kontribuzzjoni ordinarja kif ukoll il-ħlas tal-kontribuzzjoni straordinarja.

23

Insostenn tar-rikors tiegħu huwa jinvoka serje ta’ argumenti, fosthom, b’mod partikolari, dak li meta huwa ntalab iħallas l-imsemmija kontribuzzjonijiet huwa kien jeżerċita l-attività tiegħu fit-territorju Taljan biss permezz ta’ fergħa u li, għaldaqstant, huwa seta’ jiġi suġġett għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni fil-Ġermanja u mhux fl-Italja.

24

Barra minn dan, SSBI espona, b’mod partikolari, li l-istabbiliment, fit-22 ta’ Settembru 2015, ta’ korp indipendenti li permezz tiegħu l-Banca d’Italia jeżerċità r-rwol tiegħu ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-ħolqien, fit-18 ta’ Novembru 2015, ta’ fond ta’ riżoluzzjoni Taljan huma sussegwenti għall-imsemmija operazzjoni ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist, b’tali mod li SSBI ma kellu jiġi suġġett għall ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni.

25

Fil-fehma tiegħu, lanqas mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jirriżulta li huwa għandu l-obbligu li jikkontribwixxi għall-fond ta’ riżoluzzjoni Taljan. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament isostnu l-argument tiegħu fis-sens li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni kellha tieħu bħala bażi ta’ riferiment is-sitwazzjoni ta’ SSBI kif kienet fid-data tal-31 ta’ Lulju 2015 u mhux dik fid-data tal-31 ta’ Diċembru 2014.

26

Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma huwiex applikabbli fil-konfront ta’ dan tal-aħħar għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-5 ta’ Lulju 2015, u dan ifisser li ma jeżisti, fil-konfront tiegħu, l-ebda obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet.

27

Sussidjarjament, SSBI kien sostna li huwa kellu jiġi suġġett biss għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ordinarji korrispondenti għall-perijodu li matulu SSB Italja eżerċità l-attivitajiet tiegħu fl-Italja.

28

Banca d’Italia ċaħad l-argumenti ta’ SSBI filwaqt li kkonferma l-obbligu ta’ kontribuzzjoni ta’ dan tal-aħħar. Huwa sostna, b’mod partikolari, li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ġermaniża ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist ta’ SSB Italja u li, bil-kontra ta’ dak li jallega SSBI, l-assenza ta’ obbligu ta’ kontribuzzjoni fl-Italja kienet twassal għal riżultat fejn SSBI la jkun suġġett għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni fl-Italja u lanqas fil-Ġermanja.

29

Banca d’Italia għalhekk ikkonferma l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, sa fejn il-kontribuzzjoni għal fond Taljan ta’ riżoluzzjoni għandha titħallas mill-banek kollha li għandhom is-sede prinċipali tagħhom fl-Italja kif ukoll, barra minn hekk, mil-fergħat kollha ta’ banek stabbiliti barra mill-Unjoni Ewropea f’din id-data.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għandha tiġi inkluża fost il-‘bidliet fl-istatus’ li ma għandhomx effett, konformement mal-Artikolu 12 tar-Regolament [ta’Delega] 2015/63, fuq l-obbligu ta’ kontribuzzjoni l-amalgamazzjoni ta’ istituzzjoni, preċedentement suġġetta għas-superviżjoni ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, assorbita mill-kumpannija omm li tappartjeni lil Stat Membru ieħor, amalgamazzjoni li sseħħ matul il-perijodu kontributorju? Din ir-regola għandha tapplika wkoll f’sitwazzjoni fejn l-amalgamazzjoni u l-estinzjoni konsegwenti tal-istituzzjoni seħħew matul is-sena 2015, meta la l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u lanqas il-fond nazzjonali ma kienu għadhom formalment istitwiti mill-Istat Membru u meta l-kontribuzzjonijiet kienu għadhom ma ġewx ikkalkolati?

2)

L-Artikolu 12 tar-Regolament [ta’Delega] 2015/63, moqri flimkien mal-Artikolu 14 tal-istess regolament u mal-Artikoli 103 u 104 tad-Direttiva 2014/59, għandu jiġi interpretat fis-sens li, anki fil-każ ta’ amalgamazzjoni b’assorbiment ta’ kumpannija fi ħdan il-kumpannija omm tagħha li tinsab fi Stat Membru ieħor matul il-perijodu kontributorju, l-istituzzjoni hija marbuta għall-pagament sħiħ tal-kontribuzzjoni għal din is-sena u mhux għal pagament pro rata skont in-numru ta’ xhur li matulhom l-istituzzjoni inkwistjoni kienet suġġetta għas-superviżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-ewwel Stat Membru, b’analoġija ma’ dak previst għall-‘istituzzjonijiet taħt superviżjoni ġodda’ fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament [ta’Delega] 2015/63?

3)

Konformement mad-Direttiva 2014/59, mar-Regolament [ta’Delega] 2015/63 u mal-prinċipji li jirregolaw is-sistema tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni tal-kriżijiet bankarji, ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjoni ordinarja, u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tar-Regolament [ta’Delega] 2015/63 dwar il-mument ta’ identifikazzjoni tal-istituzzjonijiet marbuta li jħallsu l-kontribuzzjoni u l-ammont tagħha, huma applikabbli għall-kontribuzzjoni straordinarja, fid-dawl tan-natura tagħha u tal-kundizzjonijiet previsti għall-impożizzjoni tagħha?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda u fuq it-tieni domanda

31

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda u permezz tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “bidla fl-istatus”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi operazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha stabbiliment, li kien preċedentement suġġett għas-superviżjoni ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, ma jibqax, matul il-perijodu kontributorju, taħt is-superviżjoni ta’ din l-awtorità wara amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist mill-kumpannija omm tiegħu u jekk, b’konsegwenza ta’ dan, din l-operazzjoni ma għandha l-ebda effett f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ stabbiliment li jħallas il-kontribuzzjonijiet ordinarji kollha dovuti għas-sena ta’ kontribuzzjoni inkwistjoni.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati awtonomament u b’mod uniformi (sentenza tal-11 ta’ April 2019, Tarola, C-483/17, EU:C:2019:309, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tal-kunċett ta’ “bidla fl-istatus”. L-imsemmi kunċett għandu jitqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament ta’ delega, li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha.

34

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini tagħha, il-kuntest li minnu tifforma parti u l-għan li hija tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, PF (il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja), C-509/18, EU:C:2019:457, punt 28).

35

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni letterali tal-kunċett ta’ “bidla fl-istatus”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, għandu jiġi osservat li dawn it-termini jistgħu jinkludu, kif jirriżulta mill-punt 58 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, kull tip ta’ bidla fis-sitwazzjoni legali jew fattwali ta’ stabbiliment li jista’ jkollha effett fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament ta’ delega.

36

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 hija kkonfermata mit-termini “inkluża istituzzjoni żgħira”, li jindikaw li l-bidla fid-daqs ta’ stabbiliment, rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet favur l-istabbilimenti ż-żgħar, ma tikkostitwixxix waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

37

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament ta’ delega jipprevedi li l-istabbilimenti l-ġodda li jkunu taħt superviżjoni biss għall-parti mill-perijodu kontributorju jħallsu biss, fil-fond ta’ riżoluzzjoni ta’ Stat Membru, il-kontribuzzjonijiet ordinarji bi prorata temporis, ikkalkolati abbażi tan-numru ta’ xhur sħaħ tal-ewwel perijodu kontributorju li matulhom l-istabbiliment kien taħt superviżjoni.

38

Għalhekk, l-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, li jipprevedi li l-bidla fl-istatus ta’ stabbiliment ma għandhiex effett fuq l-obbligu ta’ dan l-istabbiliment li jħallas il-kontribuzzjonijiet ordinarji annwali dovuti għas-sena inkwistjoni, jirrigwarda, b’mod ġenerali, il-bidliet li jistgħu jaffettwaw stabbiliment, filwaqt li l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament ta’ delega jiċċara l-metodu ta’ kalkolu li għandu jiġi applikat, bħala eċċezzjoni, għal stabbiliment li kien taħt superviżjoni biss għal parti mill-perijodu kontributorju.

39

Sa fejn l-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, peress li jistabbilixxi deroga mir-regola ġenerali stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat b’mod strett, dan ma jippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn minn din iċ-ċirkustanza waħda prevista b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2011, Eva-Maria Painer, C-145/10, EU:C:2011:798, punt 74, u tas-6 ta’ Ġunju 2019, Ágnes Weil, C-361/18, EU:C:2019:473, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

B’konsegwenza ta’ dan, operazzjoni li tikkostitwixxi bidla fl-istatus, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tal-istess regolament ta’ delega, ma tibbenefikax, bħala prinċipju, mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni kif previst fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

41

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan imfittex mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament ta’ Delega 2015/63, mill-Artikolu 102(1) u mill-Artikolu 103(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament ta’ delega jirriżulta li l-ġbir annwali tal-kontribuzzjonijiet ordinarji tal-stabbilimenti ġie stabbilit sabiex jiġi żgurat li, l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2024, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-Istati Membri jilħqu minn tal-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istabbilimenti kollha awtorizzati li joperaw fit-territorju tagħhom.

42

Sabiex dan l-għan jintlaħaq, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(1) sa (3) tal-istess regolament ta’ delega jimponu l-obbligu fuq l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni li tikkalkola l-kontribuzzjonijiet dovuti billi tagħmel riferiment għall-informazzjoni ta’ kontabbiltà tal-aħħar karti tal-bilanċ approvati u awditjati disponibbli fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, flimkien mal-opinjoni tal-awditur statutorju jew tal-uffiċċju tal-awdituri.

43

F’dan ir-rigward, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, li kieku l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet fis-sitwazzjoni legali u finanzjarja tal-istabbilimenti li seħħew matul is-sena finanzjarja kkonċernata, ikun diffiċli għalihom li jikkalkolaw b’mod affidabbli l-kontribuzzjonijiet ordinarji dovuti matul is-sena ta’ wara u, b’konsegwenza ta’ dan, li jilħqu l-għan li, l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2024, jintlaħaq minn tal-inqas il-1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istabbilimenti kollha awtorizzati li joperaw fit-territorju ta’ Stat Membru.

44

Għaldaqstant, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jikkalkolaw il-kontribuzzjonijiet u għalhek sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-għan imfittex mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-kunċett ta’ “bidla fl-istatus” previst fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmi regolament ta’ delega għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ bħala li jinkludi, b’mod partikolari, amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist li seħħet matul il-perijodu kontributorju.

45

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 hija kkonfermata wkoll mill-għan imfittex mir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), li l-preparazzjoni tat-twettiq tiegħu hija wkoll wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2014/59 u ta’ dan ir-regolament ta’ delega.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħolqien, matul is-sena 2015, tal-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, kif previst minn din id-direttiva u mill-imsemmi regolament ta’ delega, ġie impost flimkien mal-ħolqien ippjanat, matul is-sena 2016, ta’ Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni bejn l-Istati Membri li jifformaw parti mill-unjoni bankarja, abbażi tar-Regolament Nru 806/2014, intiż sabiex progressivament jissostitwixxi l-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Il-ftehim intergovernattiv, li jiċċara l-implimentazzjoni ta’ dan il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, jipprevedi, fl-Artikolu 3(3) u (5) tiegħu, li anki l-kontribuzzjonijiet irċevuti b’mod konformi mal-Artikoli 103 u 104 tad-Direttiva 2014/59 qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2016, għandhom jiġu ttrasferiti lejn l-imsemmi Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.

47

Minn din il-perspettiva, il-kunċett ta’ “bidla fl-istatus” ma għandux ikun limitat għal bidliet ta’ stabbiliment fi Stat Membru, bl-esklużjoni tal-bidliet li jinvolvu diversi Stati Membri, bħall-amalgamazzjonijiet transkonfinali permezz ta’ akkwist. Għall-istess raġuni, l-argument li jgħid li l-istabbiliment akkwistat ma jkunx jista’ jibbenefika mill-fond ta’ riżoluzzjoni tal-Istat Membru li lilu ħallas il-kontribuzzjonijiet ordinarji jista’ biss jiġi miċħud.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “bidla fl-istatus”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi operazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha stabbiliment ma jibqax, matul is-sena, suġġett għas-superviżjoni tal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni wara amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist mill-kumpannija omm tiegħu u li, b’konsegwenza ta’ dan, din l-operazzjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-obbligu ta’ dan l-istabbiliment li jħallas il-kontribuzzjonijiet ordinarji kollha dovuti għas-sena ta’ kontribuzzjoni inkwistjoni.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda

49

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni fejn l-amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist ta’ stabbiliment, li jinstab fi Stat Membru, mill-kumpannija omm tiegħu, stabbilita fi Stat Membru ieħor, u l-għajbien konsekuttiv ta’ dan l-istabbiliment akkwistat seħħew matul is-sena 2015, meta la l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u lanqas il-fond nazzjonali ma kienu għadhom formalment istitwiti mill-Istat Membru u meta l-kontribuzzjonijiet kienu għadhom ma ġewx ikkalkolati.

50

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li dan ir-regolament ta’ delega kien vinkolanti fl-elementi kollha tiegħu u kien applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha sa mill-1 ta’ Jannar 2015. B’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmi regolament kien fis-seħħ fid-data tal-amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist tal-istabbiliment inkwistjoni mill-kumpannija omm tiegħu.

51

Wara dan, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2014/59, li, fl-Artikoli 101 sa 104 tagħha, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni amministrati minn awtoritajiet nazzjonali u ffinanzjati mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet, tipprevedi, fl-Artikolu 130(1) tagħha li, sal-31 ta’ Diċembru 2014, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva, u li huma għandhom jibdew japplikaw dawn il-miżuri sa mill-1 ta’ Jannar 2015.

52

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-miżura Taljana li tittrasponi l-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali daħlet fis-seħħ biss fis-16 ta’ Novembru 2015, li jfisser li fid-data tal-amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist tal-istabbiliment inkwistjoni mill-kumpannija omm tiegħu la l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u lanqas il-fond nazzjonali ma kienu għadhom formalment istitwiti fl-Italja.

53

Madankollu, għandu jiġi osservat li dispożizzjonijiet tranżitorji kienu ġew inklużi fl-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, sabiex jiġu organizzati t-termini relatati mal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ordinarji għall-ewwel sena ta’ kontribuzzjoni, jiġifieri għas-sena 2015.

54

Fil-fatt, l-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament ta’ delega jipprevedi li, b’deroga mill-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu għas-sena 2015, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jistgħu jinformaw lil kull stabbiliment, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru 2015, bid-deċiżjoni tagħhom li tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali li huwa mistenni li jħallas.

55

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-Banca d’Italia, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali Taljana ta’ riżoluzzjoni, ħoloq il-fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fit-18 ta’ Novembru 2015 u talab il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ordinarji u straordinarji mingħand l-stabbilimenti, inkluż mingħand ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, rispettivament fit-23 u fis-26 ta’ Novembru 2015.

56

Minn dan isegwi li l-Istat Taljan ittraspona d-Direttiva 2014/59 fid-dritt nazzjonali tiegħu f’mument li kien jippermetti, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, li l-Banca d’Italia, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, tiddetermina l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ordinarji tal-istabbilimenti sa mis-sena 2015 b’mod konformi mal-Artikoli 102 u mal-Artikolu 103(1) tal-imsemmija direttiva.

57

Il-fatt li l-istabbiliment ikkonċernat ma baqax jeżisti, wara amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist, fid-data li fiha l-Banca d’Italia talab il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, ma huwiex rilevanti f’dan il-kuntest, minħabba l-fatt li, kif diġà ġie indikat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkalkolaw il-kontribuzzjonijiet ordinarji dovuti billi jagħmlu riferiment għall-informazzjoni ta’ kontabbiltà tal-aħħar karti tal-bilanċ approvati u awditjati disponibbli fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni fejn l-amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist ta’ stabbiliment, li jinstab fi Stat Membru, mill-kumpannija omm tiegħu, stabbilita fi Stat Membru ieħor, u l-għajbien konsekuttiv ta’ dan l-istabbiliment akkwistat seħħew matul is-sena 2015, meta la l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u lanqas il-fond nazzjonali ma kienu għadhom formalment istitwiti mill-Istat Membru u meta l-kontribuzzjonijiet kienu għadhom ma ġewx ikkalkolati.

Fuq it-tielet domanda

59

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2014/59 u r-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li stabbiliment li jinstab fi Stat Membru, li ġie amalgamat permezz ta’ akkwist ma’ kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru ieħor f’data preċedenti għall-istabbiliment ta’ kontribuzzjoni straordinarja mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-ewwel Stat Membru, huwiex obbligat iħallas din il-kontribuzzjoni.

60

Il-Banca d’Italia jsostni li r-risposta għal din id-domanda hija pprovduta fir-Regolament ta’ Delega 2015/63, b’mod partikolari fl-Artikolu 12(2) tiegħu. Madankollu, mit-titolu nnifsu ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet ex ante, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet annwali. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(2) tal-imsemmi regolament isemmi biss il-kontribuzzjoni annwali.

61

Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda tista’ tiġi dedotta biss mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 104 tad-Direttiva 2014/59, li jirrigwarda, kif jindika t-titolu tiegħu, il-“Kontribuzzjonijiet ex post straordinarji”. Madankollu, la l-formulazzjoni tal-Artikolu 104 ta’ din id-direttiva u lanqas l-Artikolu 103(2) u (4) sa (8) tagħha applikabbli għall-kontribuzzjonijiet ordinarji, li għalihom jagħmel riferiment l-imsemmi Artikolu 104, ma jinkludu xi indikazzjoni dwar id-data li għandha sservi ta’ riferiment għall-identifikazzjoni tal-istabbilimenti li huma obbligati li jħallsu l-kontribuzzjoni straordinarja u għall-kalkolu tal-ammont tagħha. Għaldaqstant, l-Artikolu 104 tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifforma parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C-649/17, EU:C:2019:576, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 104(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinġabbru kontribuzzjonijiet straordinarji mingħand l-istabbilimenti awtorizzati fit-territorju tagħhom, meta r-riżorsi finanzjarji disponibbli ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġu koperti t-telf, l-ispejjeż u nfieq ieħor sostnut minħabba l-użu tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament.

63

Hekk kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 86 u 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kontribuzzjoni straordinarja hija għalhekk differenti mill-kontribuzzjoni ordinarja f’dak li jirrigwarda l-mument u l-finalità tal-ġbir tagħha. Fil-fatt, huwa diffiċli li tiġi prevista d-data li fiha jinġabru l-kontribuzzjonijiet straordinarji, sa fejn dan jiddependi fuq id-data tal-operazzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li taw lok għall-iżbilanċ tal-fond nazzjonali. Għal din ir-raġuni, il-kontribuzzjonijiet straordinarji ma jistgħux jiġu ppjanati bl-istess mod bħall-kontribuzzjonijiet ordinarji, li jiġu kkalkolati billi jsir riferiment għall-informazzjoni ta’ kontabbiltà tal-aħħar karti tal-bilanċ approvati u awditjati disponibbli fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni u miġbura għas-sena kalendarja ta’ kontribuzzjoni.

64

Id-data tal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, prevista fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, ukoll ma hijiex rilevanti fid-dawl tal-għan li l-kontribuzzjoni straordinarja tfittex li tilħaq. Din it-taxxa ex post hija effettivament intiża sabiex l-istabbilimenti kollha suġġett għas-superviżjoni tal-awtorità nazzjonali fid-data li tiġi deċiża l-kontribuzzjoni jiġu obbligati jħallsu din il-kontribuzzjoni b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja effettiva tagħhom u tal-espożizzjoni reali tagħhom għar-riskju ta’ kriżi finanzjarja f’dik id-data. F’din il-perspettiva, stabbiliment li, fid-data li din il-kontribuzzjoni tiġi deċiża, ma kienx għadu taħt is-superviżjoni tal-awtorità nazzjonali wara l-amalgamazzjoni tiegħu permezz ta’ akkwist ma kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru ieħor, ma jistax ikun obbligat li jħallas din il-kontribuzzjoni.

65

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-kontribuzzjoni ordinarja hija dovuta mill-istabbilimenti kollha li jibbenefikaw mill-kopertura offruta mis-sistema nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, minn tal-inqas matul parti mis-sena, il-ġbir ta’ kontribuzzjoni straordinarja mingħand stabbiliment li ma għadux kopert mis-sistema nazzjonali ta’ riżoluzzjoni huwa ġġustifikat f’miżura ħafna inqas minn riskju ikbar għas-sistema minħabba l-attività ta’ dan l-istabbiliment.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2014/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li stabbiliment li jinstab fi Stat Membru, li ġie amalgamat permezz ta’ akkwist ma’ kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru ieħor f’data preċedenti għall-istabbiliment ta’ kontribuzzjoni straordinarja mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-ewwel Stat Membru, ma huwiex obbligat iħallas din il-kontribuzzjoni.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “bidla fl-istatus”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi operazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha stabbiliment ma jibqax, matul is-sena, suġġett għas-superviżjoni tal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni wara amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist mill-kumpannija omm tiegħu u li, b’konsegwenza ta’ dan, din l-operazzjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-obbligu ta’ dan l-istabbiliment li jħallas il-kontribuzzjonijiet ordinarji kollha dovuti għas-sena ta’ kontribuzzjoni inkwistjoni.

 

2)

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni fejn l-amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist ta’ stabbiliment, li jinstab fi Stat Membru, mill-kumpannija omm tiegħu, stabbilita fi Stat Membru ieħor, u l-għajbien konsekuttiv ta’ dan l-istabbiliment akkwistat seħħew matul is-sena 2015, meta la l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u lanqas il-fond nazzjonali ma kienu għadhom formalment istitwiti mill-Istat Membru u meta l-kontribuzzjonijiet kienu għadhom ma ġewx ikkalkolati.

 

3)

L-Artikolu 104 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal 15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi interpretat fis-sens li stabbiliment li jinstab fi Stat Membru, li ġie amalgamat permezz ta’ akkwist ma’ kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru ieħor f’data preċedenti għall-istabbiliment ta’ kontribuzzjoni straordinarja mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-ewwel Stat Membru, ma huwiex obbligat iħallas din il-kontribuzzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.