SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 655/2014 – Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet – Artikolu 5(a) – Proċedura ta’ kisba – Punti 8 sa 10 tal-Artikolu 4 – Kunċetti ta’ “sentenza”, ta’ “tranżazzjoni ġudizzjarja” u ta’ “strument awtentiku” – Digriet nazzjonali ta’ ordni għal ħlas li jista’ jiġi kkontestat – Artikolu 18(1) – Termini – Artikolu 45 – Ċirkustanzi eċċezzjonali – Kunċett”

Fil-Kawża C‑555/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

K.H.K.

vs

B.A.C.,

E.E.K.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, L. Bay Larsen u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Zaloguin u M. Wilderspin kif ukoll minn M. Heller u C. Georgieva-Kecsmar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li jistabbixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2014, L 189, p. 59).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, K.H.K u, min-naħa l-oħra, B.A.C. u E.E.K. (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“debituri”), dwar l-irkupru forzat, minn K.H.K., tal-kreditu li huwa jallega li għandu fuq B.A.C. u E.E.K. permezz b’mod partikolari ta’ Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5, 13, 14 u 37 tar-Regolament Nru 655/2014 jistipulaw:

“(5)

Il-proċeduri nazzjonali biex jinkisbu miżuri protettivi bħalma huma ordnijiet għall-preservazzjoni tal-kontijiet jeżistu fl-Istati Membri kollha, iżda l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali miżuri kif ukoll l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tagħhom ivarjaw b’mod konsiderevoli. Barra minn hekk, l-applikazzjoni għal miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni tista’ tkun diffiċli f’każijiet li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, b’mod partikolari meta l-kreditur jipprova jippreserva diversi kontijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti. Għalhekk jidher li jkun meħtieġ u xieraq li jiġi adottat strument legali tal-Unjoni li jkun vinkolanti u applikabbli direttament li jistabbilixxi proċedura tal-Unjoni ġdida li tippermetti, f’każijiet transkonfinali, il-preservazzjoni b’mod effiċjenti u rapidu ta’ fondi miżmuma f’kontijiet bankarji.

[…]

(13)

Sabiex tiġi żgurata rabta mill-qrib bejn il-proċedimenti għall-Ordni ta’ Preservazzjoni u l-proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni, il-qrati tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkollhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-mertu tal-kwistjoni, għandu jkollhom ġurisdizzjoni internazzjonali biex joħorġu l-Ordni. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni għandhom ikopru kwalunkwe proċediment li għandu l-għan li jikseb titolu eżegwibbli dwar il-pretensjoni sottostanti inkluż, pereżempju, proċedimenti sommarji li jikkonċernaw ordnijiet għal pagament u proċedimenti bħal ‘procédure de référé’ Franċiża. Jekk id-debitur ikun konsumatur domiċiljat fi Stat Membru, huma l-qrati ta’ dak l-Istat Membru li jkollhom il-ġurisdizzjoni li joħorġu Ordni ta’ Preservazzjoni.

(14)

Il-kondizzjonijiet sabiex tinħareġ Ordni ta’ Preservazzjoni għandhom isibu bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-kreditur li jikseb Ordni u l-interessi tad-debitur li jevita abbuż tal-Ordni.

[…]

[…]

(37)

Sabiex jiġi żgurat li l-Ordni ta’ Preservazzjoni tinħareġ u tiġi eżegwita b’mod rapidu u mingħajr dewmien, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-limiti ta’ żmien li fihom iridu jkunu ttieħdu d-diversi passi fil-proċedura. Il-qrati u l-awtoritajiet involuti fil-proċedura għandhom ikunu jistgħu jidderogaw minn dawk il-limiti ta’ żmien f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, pereżempju f’każijiet li huma legalment jew fattwalment kumplessi.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura tal-Unjoni li tippermetti lil kreditur jikseb Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet (‘Ordni tal-Preservazzjoni’ jew ‘Ordni’) biex jiġi evitat ir-riskju li l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tal-kreditur tiġi pperikolata bit-trasferiment jew il-ġbid ta’ fondi sal-ammont speċifikat fl-Ordni li jinżammu mid-debitur jew f’ismu f’kont bankarju miżmum fi Stat Membru.

2.   L-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha tkun disponibbli għall-kreditur bħala alternattiva għall-miżuri ta’ preservazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.”

5

Skont il-punti 8 sa 10 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, għall-finijiet tar-regolament:

“8)

‘sentenza’ tfisser kwalunkwe sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, irrispettivament minn kif tissejjaħ is-sentenza, inkluż deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-kosti jew spejjeż minn uffiċjal tal-qorti;

9)

‘transazzjoni ġudizzjarja’ tfisser transazzjoni li ġiet approvata minn qorti ta’ Stat Membru jew li ġiet konkluża quddiem qorti ta’ Stat Membru matul il-proċedimenti;

10)

‘strument awtentiku’ tfisser dokument li jkun ġie imfassal jew irreġistrat b’mod formali bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:

a)

hija relatata mal-firma u l-kontenut tal-istrument; u

b)

tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra li jkollha s-setgħa għal dak il-għan”.

6

Skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Disponibbiltà” u li jagħmel parti mill-Kapitolu 2 tiegħu, intitolat “Proċedura Biex Tinkiseb Ordni Ta’ Preservazzjoni”:

“L-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha tkun disponibbli għall-kreditur fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

qabel ma l-kreditur jibda proċedimenti fi Stat Membru kontra d-debitur dwar il-mertu tal-kwistjoni, jew fi kwalunkwe stadju matul tali proċedimenti sal-pubblikazzjoni tas-sentenza jew il-konklużjoni ta’ transazzjoni ġudizzjarja;

b)

wara li l-kreditur ikun kiseb sentenza, transazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku fi Stat Membru, li jitlob li d-debitur iħallas il-pretensjoni tal-kreditur.”

7

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 655/2014, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Fejn il-kreditur ma jkunx għadu kiseb sentenza, transazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku, il-qrati li għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex joħorġu Ordni tal-Preservazzjoni għandhom ikunu l-qrati tal-Istat Membru li jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jieħdu deċiżjoni dwar il-mertu tal-kwistjoni f’konformità mar-regoli rilevanti tal-ġurisdizzjoni applikabbli.

[…]

4.   Fejn il-kreditur ikun kiseb strument awtentiku, il-ġurisdizzjoni għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni għal-pretensjoni speċifikata f’dak l-istrument għandha taqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati nnominati għal dak l-iskop fl-Istat Membru li fih ikun tfassal dak l-istrument.”

8

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament huwa mfassal kif ġej:

“1.   Il-qorti għandha toħroġ l-Ordni ta’ Preservazzjoni meta l-kreditur ikun ippreżenta evidenza suffiċjenti biex tissodisfaw il-qorti li hemm ħtieġa urġenti għal miżura protettiva fil-forma ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni għax hemm riskju reali li, mingħajr tali miżura, l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tal-kreditur kontra d-debitur ser tkun ostakolata jew issir sostanzjalment aktar diffiċli.

2.   Fejn il-kreditur ma jkunx għadu kiseb fi Stat Membru sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku li jitolbu li d-debitur iħallas il-pretensjoni tal-kreditur, il-kreditur għandu jippreżenta wkoll evidenza suffiċjenti li tissodisfa l-qorti li x’aktarx li l-kreditur jingħata raġun dwar il-mertu tal-pretensjoni tiegħu kontra d-debitur.”

9

Skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament:

“Ir-rikorsi għal Ordni ta’ Preservazzjoni għandhom isiru bl-użu tal-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2).”

10

L-Artikolu 14(1) tal-istess regolament jipprevedi:

“Meta l-kreditur ikun kiseb fi Stat Membru sentenza, soluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku eżegwibbli li jeħtieġ li d-debitur iħallas il-pretensjoni tal-kreditur u l-kreditur ikollu raġunijiet biex jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fi Stat Membru speċifikat, iżda ma jkun jaf la l-isem u/jew lanqas l-indirizz tal-bank u lanqas l-IBAN, il-BIC jew numru bankarju ieħor li jippermetti li l-bank jiġi identifikat, huwa jista’ jitlob lill-qorti li sarilha ir-rikors għall-Ordni ta’ Preservazzjoni biex titlob li l-awtorità tal-informazzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni tikseb l-informazzjoni neċessarja biex til-bank jew banek u l-kont jew kontijiet tad-debitur ikunu jistgħu jiġu identifikati.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, il-kreditur jista’ jagħmel it-talba msemmija f’dak is-subparagrafu fejn is-sentenza, it-transazzjoni ġudizzjarja jew l-istrument awtentiku miksub mill-kreditur ikun għadu ma ġiex eżegwit u l-ammont li għandu jiġi preservat ikun sostanzjali b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti, u l-kreditur ikun ippreżenta evidenza suffiċjenti li tissodisfa l-qorti li hemm ħtieġa urġenti għal informazzjoni dwar il-kontijiet għaliex hemm riskju li, mingħajr tali informazzjoni, l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tal-kreditur kontra d-debitur x’aktarx tiġi pperikolata u li dan konsegwentement jista’ jwassal għal deterjorament sostanzjali tas-sitwazzjoni tal-kreditur.”

11

L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 655/2014 huwa dwar it-termini mogħtija sabiex tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal ordni ta’ preservazzjoni. Huwa jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Meta l-kreditur ikun għadu ma kisibx sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku, il-qorti għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha sa tmiem l-għaxar jum ta’ xogħol wara li l-kreditur ikun ippreżenta, jew fejn applikabbli, ikkompleta r-rikors tiegħu.

2.   Meta l-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku, il-qorti għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha sa tmiem il-ħames jum ta’ xogħol wara li l-kreditur ikun ippreżenta, jew fejn applikabbli, lesta r-rikors tiegħu.”

12

L-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “[m]eta, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx possibbli li l-qorti jew l-awtorità involuta tirrispetta l-iskedi ta’ żmien previsti fl-[…] Artikolu 18, […] il-qorti jew l-awtorità għandha tieħu l-passi meħtieġa minn dawk id-dispożizzjonijiet kemm jista’ jkun malajr”.

Id-dritt Bulgaru

13

L-Artikolu 47 tal-grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GPK”), intitolat “Notifika permezz ta’ affissjoni ta’ notifika” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[m]eta huwa impossibbli, matul perijodu ta’ xahar, li jinstab il-konvenut fl-indirizz indikat fil-fajl u li tinstab persuna li taċċetta li tirċievi n-notifika, l-awtur tagħha għandu jwaħħal notifika fuq il-bieb jew il-kaxxa postali tal-persuna kkonċernata; meta dan ma għandux aċċess għalihom, l-affissjoni ssir fuq il-bieb ta’ barra tal-immobbli, jew anki f’post viżibbli fil-qrib. Meta jkollu aċċess għall-kaxxa postali, l-awtur tan-notifika għandu wkoll iħalli notifika fl-imsemmija kaxxa. L-impossibbiltà li l-konvenut jinstab fl-indirizz indikat fil-fajl hija kkonstatata permezz ta’ mill-inqas tliet żjarat fl-indirizz inkwistjoni, f’mill-inqas ġimgħa bejniethom, u li mill-inqas waħda minnhom għandha ssir f’festa. Din ir-regola ma tapplikax meta l-awtur tan-notifika jkun irċieva informazzjoni mill-amministratur tal-kondominju, mis-sindku taċ-ċentru abitat jew minn sors ieħor, li l-konvenut ma jgħixx fl-indirizz inkwistjoni, u li huwa ċċertifika dan billi indika s-sors ta’ din l-informazzjoni fin-notifika”.

14

Skont l-Artikolu 410 tal-GPK, intitolat “Talba sabiex tinħareġ ordni” u li jagħmel parti mill-Kapitolu 37 tagħha, dwar il-proċedura ta’ ordni għal ħlas:

“(1)   Ir-rikorrent jista’ jitlob ordni:

1. li tirrigwarda dejn monetarju jew beni funġibbli, meta t-talba taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti Distrettwali;

2. għar-ritorn ta’ proprjetà mobbli li d-debitur irċieva bl-obbligu li jirritornaha, li hija mirhuna jew li ġiet ikkonsenjata lid-debitur bl-obbligu li jwassal il-pussess tagħha, meta t-talba taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti Distrettwali.

(2)   It-talba għandha tinkludi talba għal titolu eżekuttiv u għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 127(1) u (3), u tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 128. It-talba għandha tindika wkoll informazzjoni dwar kontijiet bankarji jew mezzi oħra ta’ ħlas.”

15

L-Artikolu 414 tal-GPK huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Id-debitur jista’ jopponi bil-miktub għall-ordni għall-eżekuzzjoni jew għal parti minnha. Minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 414a, ma hijiex meħtieġa motivazzjoni għall-kontestazzjoni.

(2)   Il-kontestazzjoni għandha ssir f’terminu ta’ ġimagħtejn min-notifika tal-ordni, liema terminu ma jistax jiġi estiż.”

16

Skont l-Artikolu 415(1) u (5) tal-GPK:

“(1)   Il-qorti għandha tinforma lir-rikorrent li jista’ jippreżenta kawża sabiex isostni l-kreditu tiegħu fil-każijiet li ġejjin:

1. meta tiġi ppreżentata kontestazzjoni fit-terminu stabbilit;

2. meta l-ordni hija nnotifikata lid-debitur fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 47(5);

3. meta l-qorti tkun irrifjutat li toħroġ ordni.

[…]

(5)   Meta r-rikorrent ma jippreżentax prova li huwa ressaq il-kawża tiegħu fiż-żmien konċess, il-qorti għandha tannulla l-ordni parzjalment jew kollha kemm hi, kif ukoll it-titolu eżekuttiv maħruġ skont l-Artikolu 418.”

17

L-Artikolu 416 tal-GPK jirrigwarda l-akkwist tas-saħħa eżekuttiva tal-ordni u jipprevedi li “[m]eta l-kontestazzjoni ma tiġix ippreżentata fiż-żmien stabbilit jew tiġi rtirata, jew meta s-sentenza ġudizzjarja li tikkonstata l-kreditu tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, l-ordni għandha ssir eżekuttiva. Abbażi tal-ordni, il-qorti għandha tordna l-eżekuzzjoni forzata ta’ dak li jkun ġie inkluż fl-ordni”.

18

Skont l-Artikolu 618a tal-GPK, dwar l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet skont ir-Regolament Nru 655/2014:

“(1)   Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet tista’ tintalab qabel il-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tal-prim’istanza kompetenti sabiex tiddeċiedi fil-mertu.

(2)   Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet tista’ tintalab wara li jiġi stabbilit strument awtentiku fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 655/2014] mill-qorti ta’ prim’istanza kompetenti.

(3)   F’kull każ, matul il-proċedura ġudizzjarja u sal-konklużjoni tagħha, ir-rikorrent jista’ jitlob lill-qorti li quddiemha tkun tinstema’ l-kawża sabiex toħroġ Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet. Fil-każ li tiġi ppreżentata talba għal Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet fil-kuntest ta’ proċedura fil-kassazzjoni, l-ordni għandha tingħata mill-qorti tal-appell.

(4)   Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet tista’ tintalab wara sentenza ġudizzjarja mogħtija mill-qorti tal-prim’istanza li tkun iddeċidiet fuq il-mertu, jew wara l-approvazzjoni ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali adixxa lill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l‑155-il Awla, it-Tielet Sezzjoni, tas-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) b’ordni ta’ ħlas skont l-Artikolu 410 tal-GPK fil-konfront tad-debituri, miżmuma responsabbli in solidum sabiex iħallsuh somma li tikkorrispondi ma’ ħlas bil-quddiem skont kuntratt ta’ wegħda ta’ bejgħ iddatat l‑20 ta’ Ottubru 2017 u l-emenda għalih, miżjuda bl-interessi legali relatati miegħu mit‑2 ta’ Marzu 2018 sal-ħlas definittiv tal-ammont mitlub.

20

Fil‑5 ta’ April 2018, il-qorti tar-rinviju ħarġet ordni għal ħlas abbażi tal-Artikolu 410 tal-GPK. Fit‑18 ta’ April 2018, xi kopji tal-imsemmija ordni ġew innotifikati lid-debituri fl-indirizzi rispettivi tagħhom f’Sofija (il-Bulgarija), kif indikati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jikkorrispondu ma’ dawk li kienu jinsabu fir-reġistru nazzjonali tal-popolazzjoni.

21

Dawn in-notifiki ġew irritornati lill-mittent, peress li d-debituri ma nstabux fl-indirizzi indikati. Barra minn hekk, huma ma segwewx it-terminu għan-notifiki mwettqa konformement mal-Artikolu 47(1) tal-GPK, billi jitwaħħlu fuq il-bieb tagħhom jew il-kaxxa postali tagħhom. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ma setgħetx tidentifika indirizz ieħor tad-debituri.

22

Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Awwissu 2018, innotifikat fit‑3 ta’ Awwissu 2018, din il-qorti infurmat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li huwa seta’ jippreżenta azzjoni għall-konstatazzjoni tal-kreditu tiegħu fil-konfront tad-debituri skont il-punt 2 tal-Artikolu 415(1) tal-GPK.

23

L-istess jum tal-adozzjoni ta’ din l-ordni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lill-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 618a tal-GPK u tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 655/2014, joħroġlu Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet miżmuma mid-debituri fl-Iżvezja, għar-raġuni li dawn kienu telqu mill-Bulgarija u kienu qegħdin jirrisjedu, dak iż-żmien, l-Iżvezja.

24

Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Awwissu 2018, il-qorti tar-rinviju kkomunikat din it-talba ġdida u l-annessi tagħha lill-President tat-Tieni Sezzjoni Ċivili tas-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) għall-ftuħ ta’ proċedura distinta u għan-nomina ta’ mħallef relatur. Madankollu, dan bat il-kawża lura quddiem il-qorti tar-rinviju u ordnalha tiddeċiedi, għar-raġuni li l-ordni għal ħlas tal‑5 ta’ April 2018, maħruġa abbażi tal-Artikolu 410 tal-GPK, kien jikkostitwixxi “strument awtentiku” fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 655/2014, u li ma kienx hemm lok li tinfetaħ proċedura distinta.

25

Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ta’ din il-fehma. Hija tqis li ordni skont l-Artikolu 410 tal-GPK ma tiksibx immedjatament saħħa eżekuttiva, peress li din tista’ tiġi kkontestata skont l-Artikolu 414 tal-GPK. Għaldaqstant, tali ordni ma tistax tikkostitwixxi “strument awtentiku”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 655/2014. Din l-assenza ta’ saħħa eżekuttiva immedjata tirriżulta wkoll mill-Artikolu 415(5) tal-GPK, skont liema hija r-responsabbiltà tal-kreditur li jipprova li huwa ressaq l-azzjoni tiegħu fit-terminu mogħti, u fin-nuqqas ta’ dan l-ordni tiġi annullata. F’dan il-każ, għaldaqstant, ma hemmx ordni li għandha saħħa eżekuttiva li tikkostitwixxi strument awtentiku u li abbażi tiegħu l-qorti tar-rinviju tista’, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas, toħroġ Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet abbażi tal-Artikolu 618a(2) tal-GPK. Tali ordni tista’ tiġi adottata biss fil-kuntest ta’ proċedura distinta fil-mertu, skont l-Artikolu 618a(3) tal-GPK.

26

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tesponi li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas stabbilita fl-Artikolu 410 tal-GPK, il-qorti adita b’tali proċedura ma hija marbuta b’ebda terminu ieħor ħlief dak stabbilit mid-dritt nazzjonali sabiex tinħareġ ordni, li huwa sospiż matul il-vaganzi ġudizzjarji. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 655/2014 jipprevedi terminu li fih il-qorti għandha tiddeċiedi dwar it-talba għal Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan it-terminu jipprevalixxix fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, b’tali mod li hija jkollha tagħti deċiżjoni fit-terminu msemmi fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, anki jekk din l-iskadenza sseħħ matul il-vaganzi ġudizzjarji.

27

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li s-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Ordni għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu monetarju prevista fl-Artikolu 410 tal-[GPK], li ma tkunx għadha daħlet fis-seħħ, tikkostitwixxi strument awtentiku fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 655/2014]?

2.

Fil-każ li l-ordni prevista fl-Artikolu 410 tal-GPK ma tikkostitwixxix strument awtentiku, għandhom jinfetħu proċeduri separati fir-rigward tat-talba, li jkunu differenti mill-proċeduri taħt l-Artikolu 410 tal-GPK, fis-sens tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament [Nru 655/2014]?

3.

Fil-każ li l-ordni prevista fl-Artikolu 410 tal-GPK tikkostitwixxi strument awtentiku, il-qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha fit-terminu previst fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament [Nru 655/2014] f’sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali jipprevedi li t-termini ma jiddekorrux matul il-perijodi ta’ vaganzi ġuridiċi?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

28

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2019, UTEP 2006., C‑600/18, EU:C:2019:784, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompitu li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bżonn il-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu fuq tilwim quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux indikati espressament fid-domandi li jkunu indirizzati lilha minn dawn il-qrati.

29

Konsegwentement, anki jekk, fil-livell formali, id-domandi magħmula jirreferu prinċipalment għall-interpretazzjoni tal-punt 10 tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 5(a) u tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 655/2014, tali ċirkustanza ma żżommx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex il-kawża prinċipali tiġi deċiża. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 33 kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2019, UTEP 2006., C‑600/18, EU:C:2019:784, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 10 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 655/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li ordni għal ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma hijiex eżekuttiva, taqax taħt il-kunċett ta’ “strument awtentiku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

31

Għandu jiġi rrilevat qabel xejn li mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 655/2014 jirriżulta li dan jistabbilixxi proċedura tal-Unjoni li tippermetti lil kreditur jikseb Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet, bħala alternattiva għall-miżuri kawtelatorji previsti mid-dritt nazzjonali, li jipprekludi li l-irkupru sussegwenti tal-kreditu tiegħu jiġi mhedded bit-trasferiment jew l-irtirar ta’ fondi sal-ammont ippreċiżat fid-digriet, miżmuma mid-debitur jew f’isem id-debitur f’kont bankarju miftuħ fi Stat Membru.

32

Bħalma jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 655/2014, dan huwa intiż li jipprevedi dispożizzjonijiet vinkolanti u direttament applikabbli li jistabbilixxu proċedura Ewropea uniformi ta’ preżervazzjoni ta’ kontijiet bankarji li tippermetti, f’każijiet transkonfinali, b’mod effiċjenti u rapidu, iż-żamma ta’ fondi miżmuma f’kontijiet bankarji.

33

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni prattika tal-imsemmi regolament, dan jistabbilixxi formola standard għar-rikors għal ordni, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1823 tal‑10 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi l-formoli li ssir referenza għalihom fir-Regolament Nru 655/2014 (ĠU 2016, L 283, p. 1), li l-kreditur għandu juża skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 655/2014.

34

Konformement mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 655/2014, il-kreditur jista’ jippreżenta talba intiża għall-kisba ta’ tali ordni ta’ preżervazzjoni, minn naħa, qabel tinbeda proċedura fil-mertu fi Stat Membru kontra d-debitur jew fi kwalunkwe mument matul din il-proċedura, sal-mument meta tingħata d-deċiżjoni jew sal-approvazzjoni jew il-konklużjoni ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja. Min-naħa l-oħra, il-kreditur jista’ jippreżenta tali talba wara li jkun kiseb, fi Stat Membru, sentenza, tranżazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku li jeżiġu mid-debitur il-ħlas tad-dejn tiegħu.

35

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 655/2014, fejn il-kreditur ma jkunx għadu kiseb sentenza, tranżazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku, il-qrati li għandu jkollhom ġurisdizzjoni biex joħorġu Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet għandhom ikunu l-qrati tal-Istat Membru li jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jieħdu deċiżjoni fil-mertu, konformement mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli. Il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu jirrigwardaw il-każ fejn il-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, tranżazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku. Mill-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta, minn naħa, li l-qrati tal-Istat Membru li fih tkun ingħatat is-sentenza jew tkun ġiet approvata jew konkluża t-tranżazzjoni ġudizzjarja għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni li joħorġu tali ordni ta’ preżervazzjoni għall-kreditu msemmi fid-deċiżjoni jew fit-tranżazzjoni ġudizzjarja. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(4) tal-imsemmi regolament, meta l-kreditur ikun kiseb strument awtentiku, il-qrati indikati għal dan l-għan fl-Istat Membru li fih l-imsemmi strument ikun ġie mfassal għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex joħorġu ordni Ewropea tal-preżervazzjoni tal-kontijiet għall-kreditu msemmi f’dan l-istrument. Din id-distinzjoni hija rrepetuta fit-titolu 5, intitolat “Ġurisdizzjoni” tal-formola li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1823.

36

Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis, essenzjalment, li l-ordni għal ħlas li hija ħarġet fil-kuntest tal-kawża prinċipali, abbażi tal-Artikolu 410 tal-GPK, ma kinitx akkwistat saħħa eżekuttiva fid-data li fiha r-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta r-rikors tiegħu intiż li jikseb Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 655/2014. Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tadotta tali ordni.

37

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-qorti li tat deċiżjoni ta’ ordni għal ħlas abbażi tad-dritt nazzjonali għandhiex ġurisdizzjoni wkoll sabiex toħroġ Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet, għandu jiġi vverifikat jekk is-“sentenza”, it-“transazzjoni ġudizzjarja” jew l-“istrument awtentiku” li l-kreditur ikun kiseb fl-Istat Membru ta’ oriġini, għandux, fis-sens tar-Regolament Nru 655/2014, ikollhom saħħa eżekuttiva.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB, C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Il-punti 8 sa 10 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 655/2014, li jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “sentenza”, ta’ “transazzjoni ġudizzjarja” u ta’ “strument awtentiku”, rispettivament, ma jippreċiżawx espressament li l-att inkwistjoni għandu jkollu natura eżegwibbli. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix, fiha nfisha, li jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “strument awtentiku”, fis-sens tal-imsemmi regolament, teħtieġx li l-istrument inkwistjoni jkollu saħħa eżekuttiva.

40

Dwar l-analiżi tal-kuntest li tidħol fih l-imsemmija dispożizzjoni, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 655/2014, moqri flimkien mal-premessa 14 tiegħu, huwa intiż li jistabbilixxi bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-kreditur u dawk tad-debitur, sa fejn dan jipprevedi kundizzjonijiet differenti għall-ħruġ tal-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet skont jekk il-kreditur ikunx diġà kiseb titolu li jeżiġi mid-debitur il-ħlas tal-kreditu tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini, jew le. B’mod partikolari, fil-każ li jkun diġà kisbu, il-kreditur għandu juri biss in-natura urġenti tal-miżura minħabba l-eżistenza ta’ perikolu imminenti, filwaqt li fil-każ li ma jkunx għadu kiseb tali titolu, huwa għandu wkoll jikkonvinċi lill-qorti bil-fumus boni juris.

41

Bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni tal-punti 8 sa 10 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 655/2014, skont liema t-titolu miksub mill-kreditur li ma huwiex eżekuttiv fl-Istat Membru ta’ oriġini jikkostitwixxi “sentenza”, “strument awtentiku” jew “transazzjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, tista’ timmina l-bilanċ imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

42

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 655/2014, moqri flimkien mal-premessa 20 tiegħu, li jipprevedi li t-talba biex tinkiseb informazzjoni fuq il-kontijiet bankarji tad-debitur tista’ tiġi ppreżentata flimkien b’mod partikolari ta’ titolu eżekuttiv. Tali talba tista’ tiġi bbażata fuq titolu mhux eżekuttiv b’mod eċċezzjonali u biss jekk ċerti kundizzjonijiet iktar stretti jkunu ssodisfatti.

43

Ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 655/2014 jikkonferma wkoll tali interpretazzjoni. Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Li joħloq Ordni Ewropea tal-Priżervazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali (KUMM/2011/0445 finali) kienet tiddistingwi, minn naħa, il-każ li fih il-kreditur diġà jkollu sentenza, tranżazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku eżekuttiv fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u, min-naħa l-oħra, dak li fih il-kreditur ma jkunx għadu nhieda proċedura ġudizzjarja fil-mertu jew meta jkun kiseb titolu kontra l-konvenut li huwa eżekuttiv fl-Istat Membru ta’ oriġini, iżda li jkun għadu ma ġiex iddikjarat eżekuttiv fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

44

Issa, din id-distinzjoni bejn in-natura eżekuttiva tat-titoli fl-Istat Membru ta’ oriġini u fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ġiet abbandunata mil-leġiżlatur tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet li kienu maħsuba fl-ipoteżi li l-kreditur diġà jkollu titolu eżekuttiv fl-Istat Membru ta’ oriġini ġew ittrasferiti minn din l-ipoteżi għal dik li fiha l-kreditur ikollu titolu li jeżiġi mid-debitur il-ħlas tal-kreditu. B’dan il-mod, mill-analiżi tax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 655/2014 jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jitqies bħala “sentenza”, “tranżazzjoni ġudizzjarja” jew “strument awtentiku”, fis-sens tal-imsemmi regolament, dan it-titolu għandu jkun eżekuttiv fl-Istat Membru ta’ oriġini.

45

Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 10 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 655/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li ordni għal ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma hijiex eżekuttiva, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “strument awtentiku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 655/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ ordni għal ħlas pendenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tiġi kklassifikata bħala “proċedimenti […] dwar il-mertu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

47

Mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-kunċett ta’ proċedura fil-mertu għandu jinkludi kull proċedura intiża sabiex jinkiseb titolu eżekuttiv fir-rigward tal-kreditu sottostanti, inklużi, pereżempju, proċeduri sommarji ta’ ordni għal ħlas. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 655/2014 jagħti lil dan il-kunċett portata wiesgħa.

48

F’dan il-każ, peress li d-debituri ma setgħux jinstabu fl-indirizz indikat fil-Bulgarija u li dawn ma rreaġixxewx għall-affissjoni tan-notifiki fit-terminu ta’ ġimagħtejn previst fl-Artikolu 414 tal-GPK, il-qorti infurmat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li huwa seta’ jippreżenta azzjoni sabiex jafferma l-kreditu tiegħu abbażi tal-punt (2) tal-Artikolu 415(1) tal-GPK.

49

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 415(5) tal-GPK, meta r-rikorrent ma jipproduċi ebda prova li huwa ppreżenta l-azzjoni tiegħu fit-terminu mogħti, il-qorti għandha tannulla l-ordni għal ħlas parzjalment jew fit-totalità tagħha. Madankollu u bla ħsara għal verifiki mill-qorti tar-rinviju, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-proċedura ġiet sospiża jew annullata.

50

Minn dan isegwi li, bla ħsara għal verifiki li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li twettaq, il-proċedura ta’ ordni għal ħlas ippreżentata quddiemha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala proċedura fil-mertu pendenti quddiem din il-qorti, fis-sens tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 655/2014.

51

Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma għandux ikun neċessarju li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jippreżenta azzjoni distinta, differenti mill-proċedura skont l-Artikolu 410 tal-GPK.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 655/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ ordni għal ħlas pendenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kklassifikata bħala “proċedimenti […] dwar il-mertu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tielet domanda

53

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 655/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-vaganzi ġudizzjarji jaqgħu fil-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

54

F’dak li jirrigwarda l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar l-osservanza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 655/2014, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-qorti kompetenti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha sa tmiem l-għaxar jum tax-xogħol wara l-jum li fih il-kreditur ikun ippreżenta jew, fejn applikabbli, lesta r-rikors tiegħu.

55

Issa, mill-premessa 37 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dawn it-termini huma previsti sabiex l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet tinħareġ u tiġi eżegwita malajr. L-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament jipprevedi madankollu l-possibbiltà li wieħed jidderoga mill-imsemmija termini meta ċirkustanzi eċċezzjonali jiġġustifikaw dan, pereżempju f’każijiet legalment jew fattwalment kumplessi, bħalma tindika l-premessa 37 tal-istess regolament. F’dan ir-rigward, il-perijodi ta’ vaganzi ġudizzjarji ma jistgħux jiġu kklassifikata bħala “ċirkostanzi eċċezzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 655/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vaganzi ġudizzjarji ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 10 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li jistabbixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ordni għal ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma hijiex eżekuttiva, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “strument awtentiku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni .

 

2)

L-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 655/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ ordni għal ħlas pendenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kklassifikata bħala “proċedimenti […] dwar il-mertu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

3)

L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 655/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vaganzi ġudizzjarji ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.