SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
7 ta’ Novembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikoli 3(1) u (2) – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Finanzjament tad-defiċit tariffarju – Taxxi li huma suġġetti għalihom biss l-impriżi li jużaw l-enerġija nukleari għall-produzzjoni tal-elettriku”
Fil-Kawżi magħquda C‑80/18 sa C‑83/18,
li għandhom bħala suġġett erba’ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑27 ta’ Ġunju 2017 kif ukoll tal‑10 u tat‑18 ta’ Lulju 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2018 u fis‑7 ta’ Frar 2018, fil-proċeduri
Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA) (C‑80/18),
Endesa Generación, SA (C‑82/18)
vs
Administración General del Estado,
Iberdrola Generación Nuclear SAU (C‑80/18 u C‑82/18)
u
Endesa Generación, SA (C‑81/18)
Iberdrola Generación Nuclear SAU (C‑83/18)
vs
Administración General del Estado (C‑81/18 u C‑83/18)
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Frar 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA), minn J. C. García Muñoz u J. M. Mohedano Fuertes, abogados, assistiti minn M. C. Villaescusa Sanz, procuradora, |
– |
għal Endesa Generación SA, minn J. L. Buendía Sierra, F. J. López Villalta y Peinado, E. Gardeta González, J. M. Cobos Gómez u A. Lamadrid de Pablo, abogados, |
– |
għal Iberdrola Generación Nuclear SAU, minn J. Ruiz Calzado, J. Domínguez Pérez u L. Cazorla Prieto, abogados, assistiti minn J. L. Martín Jaureguibeitia, procurador, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u V. Ester Casas, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, S. Pardo Quintillán u C. Hermes, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jjikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 191(2) TFUE, tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009 L 211, p. 55), tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista ta’ l-elettriku u ta’ l-investiment fl-infrastruttura (ĠU 2006, L 33, p. 22), u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, l-Asociación Española de la industria eléctrica (UNESA) u Endesa Generación SA u, min-naħa l-oħra, Iberdrola Generación Nuclear SAU u l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja), u, min-naħa l-oħra, Endesa Generación u Iberdrola Generación Nuclear u din l-amministrazzjoni, dwar il-legalità tat-taxxi fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li ġej mill-produzzjoni tal-elettriku nukleari kif ukoll fuq il-ħażna ta’ dan il-kombustibbli nukleari u ta’ dan l-iskart f’faċilitajiet iċċentralizzati (iktar il quddiem it-“taxxi fuq l-enerġija nukleari”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2005/89
3 |
L-Artikolu 3(1) u (4) tad-Direttiva 2005/89 kien jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku billi jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiffaċilitaw klima ta’ investiment stabbli u billi jiddefinixxu l-irwoli u r-responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet regolatorji fejn relevanti, u l-atturi relevanti kollha tas-suq, u jippubblikaw informazzjoni dwarhom. […] […] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull miżura adottata skond din id-Direttiva tkun non-diskriminatorja u ma timponix piż eċċessiv fuq l-atturi tas-suq, inklużi l-atturi ġodda fis-suq u l-kumpanniji b’ishma żgħar fis-suq. […]” |
4 |
L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex iżommu bilanċ bejn id-domanda għall-elettriku u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni disponibbli. […]” |
5 |
Id-Direttiva 2005/89 tħassret permezz tar-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 (ĠU 2019, L 158, p. 1). |
Id-Direttiva 2009/72
6 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.” |
7 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-elettriku jiħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom. 2. B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. […]” |
Id-dritt Spanjol
8 |
Il-preambolu tal-Ley 15/2012 de medidas fiscales para la sostenibilidad energética (il-Liġi 15/2012, dwar Miżuri Fiskali għal Enerġija Sostenibbli), tas‑27 ta’ Diċembru 2012, p. 88081 (BOE Nru 312 tat‑28 ta’ Diċembru 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi Fiskali dwar l-Enerġija”), jipprovdi: “L-għan [ta’ din il-liġi] huwa li s-sistema fiskali tagħna tiġi adattata għal użu iktar effiċjenti u favur l-ambjent u għall-żvilupp sostenibbli […]. […]. Il-bażi ta’ din il-liġi huwa l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni […]. Għalhekk, wieħed mill-assi ta’ din ir-riforma fiskali huwa li jiġu internalizzati l-ispejjeż ambjentali li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku […]. Il-Liġi għandha sservi bħala stimolu għat-titjib tal-livelli ta’ effiċjenza enerġetika tagħna filwaqt li fl-istess ħin tiżgura ġestjoni aħjar tar-riżorsi naturali u tkompli ttejjeb il-mudell ġdid ta’ żvilupp sostenibbli, kemm mil-lat ekonomiku u soċjali, kif ukoll mil-lat ambjentali […] Għal dan il-għan, dan l-Att jirregola tliet taxxi ġodda: […] it-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari, u t-taxxa fuq il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’faċilitajiet iċċentralizzati […]. […]. Il-produzzjoni tal-elettriku bl-użu tal-enerġija nukleari timplika l-aċċettazzjoni mis-soċjetà ta’ numru ta’ piżijiet u obbligi, minħabba l-karatteristiċi partikolari ta’ din it-tip ta’ enerġija, li l-impatt ekonomiku tagħha huwa diffiċli li jiġi ddeterminat. Is-soċjetà għandha tassumi firxa wiesgħa ta’ responsabbiltajiet li jirriżultaw minn aspetti speċifiċi ta’ din il-produzzjoni, bħall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv iġġenerat u l-użu possibbli ta’ materjali għal skopijiet mhux paċifiċi. […] [L]-evalwazzjoni tal-ispiża totali tal-għeluq ta’ impjanti tal-enerġija nukleari u l-ġestjoni finali ta’ skart radjuattiv għad għandha inċertezzi sinjifikattivi li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw lis-soċjetà wara l-waqfien tal-operat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni finali tal-kombustibbli nukleari eżawrit u skart ta’ livell għoli. […] Għalhekk, minħabba l-ħajja twila ta’ ċertu skart radjuattiv, li jestendi fuq ġenerazzjonijiet, huwa essenzjali li, wara l-ġestjoni finali tiegħu, jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni li aġent estern jikkawża r-rilaxx tiegħu fl-ambjent jew kwalunkwe effetti negattivi oħra, li jeżiġi monitoraġġ istituzzjonali fit-tul, li jkun ir-responsabbiltà tal-Istat. […] Karatteristika distintiva oħra tal-industrija tal-enerġija nukleari hija l-użu u l-produzzjoni ta’ materjali li għandhom jiġu kkontrollati b’mod strett sabiex jiġi evitat l-użu tagħhom għal skopijiet mhux paċifiċi jew kwalunkwe tip ieħor ta’ att malizzjuż permezz tagħhom, li jġiegħel lil Spanja […] tassumi r-responsabbiltajiet konsegwenti u, għalhekk, li tipprovdi riżorsi sabiex jiġu indirizzati. Għalhekk, l-Istat għandu jipprovdi r-riżorsi meħtieġa sabiex il-pjanijiet ta’ emerġenza nukleari eżistenti jibqgħu operattivi […]. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa xieraq li tiġi stabbilita imposta fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’installazzjonijiet nukleari u fuq il-ħażna tagħhom f’faċilitajiet iċċentralizzati sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż li s-soċjetà jkollha tħallas minħabba din il-produzzjoni.” |
9 |
Skont l-Artikolu 12 tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija, intitolat “Natura”: “It-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li ġej mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari u t-taxxa fuq il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’faċilitajiet iċċentralizzati huma taxxi diretti ta’ natura reali, li huma imposti fuq attivitajiet, inklużi l-avvenimenti rispettivi li jagħtu lok għal responsabbiltà, li huma ddefiniti fl-Artikoli 15 u 19 ta’ din il-Liġi.” |
10 |
L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jipprevedi: “Il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-produzzjoni ta’ elettriku nukleari tikkostitwixxi l-fatt taxxabbli.” |
11 |
L-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi jipprovdi: “1. Huma persuni taxxabbli, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 35(4) tal-Ley 58/2003, de 17 de diciembre, General Tributaria (il-Liġi 58/2003, tas‑17 ta’ Diċembru 2003, dwar il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi), li jeżerċitaw l-attività msemmija fl-Artikolu 15. 2. Huma responsabbli in solidum għad-dejn fiskali fir-rigward tat-taxxa, il-proprjetarji tal-faċilitajiet nukleari li jipproduċu l-fatt taxxabbli jekk ma jkunux l-operaturi tagħhom.” |
12 |
Skont l-Artikolu 17 tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija: “1. “Il-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-produzzjoni ta’ elettriku nukleari huwa kkostitwit minn:
2. Il-valur taxxabbli ddefinit f’dan l-artikolu huwa ddeterminat għal kull faċilità li twettaq l-attivitajiet li jikkostitwixxu l-fatt taxxabbli għall-finijiet ta’ din it-taxxa.” |
13 |
L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi jipprevedi: “L-ammont tat-taxxa huwa kkalkolat bl-applikazzjoni tar-rati li ġejjin għall-valur taxxabbli:
|
14 |
L-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi jipprovdi: “Il-fatt taxxabbli huwa l-attività tal-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’faċilità ċentrali. Għall-finijiet ta’ din it-taxxa, il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv tfisser kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-immobilizzazzjoni temporanja jew permanenti tagħhom, bi kwalunkwe mod, u installazzjoni ċentrali tfisser faċilità li tista’ taħżen tali materjali ġej minn installazzjonijiet jew postijiet ta’ oriġini differenti.” |
15 |
L-Artikolu 21 tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija jiddefinixxi l-persuni taxxabbli bħala “il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 35(4) [tal-Liġi 58/2003], li għandhom il-faċilitajiet li fihom jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 19.” |
16 |
Skont l-Artikolu 22 ta’ din il-liġi: “1. Il-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjoattiv f’faċilitajiet iċċentralizzati huwa kkostitwit minn:
2. Il-valur taxxabbli ddefinit f’dan l-artikolu huwa ddeterminat għal kull faċilità li twettaq l-attivitajiet li jikkostitwixxu l-fatt taxxabbli għall-finijiet ta’ din it-taxxa.” |
17 |
L-Artikolu 24 tal-imsemmija liġi jipprovdi: “1. L-ammont tat-taxxa jirriżulta mill-applikazzjoni għall-valur taxxabbli, jew għall-valur nett taxxabbli skont l-Artikolu 23, tar-rati li ġejjin:
|
18 |
L-Artikolu 26 tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija jipprovdi: “1. Il-persuni taxxabbli għandhom l-obbligu li jevalwaw huma stess it-taxxa u jħallsuha fl-ewwel 20 jum tal-kalendarju li jsegwu l-eżiġibbiltà tat-taxxa, skont ir-regoli u l-mudelli stabbiliti mill-Ministru għall-Finanzi u għall-Amministrazzjoni Pubblika. Matul l-ewwel 20 jum ta’ April, ta’ Lulju u ta’ Ottubru, il-persuni taxxabbli li jwettqu l-fatt taxxabbli msemmi fl-Artikoli 15 u 19 għandhom jagħmlu ħlas frazzjonat għal-likwidazzjoni tal-ħlas li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ tassazzjoni kurrenti, skont ir-regoli u l-mudelli stabbiliti mill-Ministru għall-Finanzi u għall-Amministrazzjoni Pubblika. L-ammont tal-pagamenti frazzjonati huwa kkalkolat skont il-kriterji li jiddeterminaw il-valur taxxabbli tat-tliet xhur tal-kalendarju preċedenti għall-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għat-twettiq ta’ kull wieħed mill-pagementi frazzjonati, u bl-applikazzjoni tar-rata ta’ taxxa, skont il-każ, imsemmija fl-Artikoli 18 u 24 tal-Liġi.” |
19 |
It-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija, li tirrigwarda l-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku, tipprovdi: “Kull sena, il-liġijiet finanzjarji ġenerali tal-Istat jallokaw fondi għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku previsti fl-Artikolu 16 ta’ Ley 54/1997, de 27 de noviembre, del Sector Eléctrico [il-Liġi Nru 54/1997 tas‑27 ta’ Novembru 1997 dwar is-settur tal-elettriku] f’ammont ekwivalenti għas-somma ta’: (a) stima tal-ammonti annwali miġbura mill-Istat bħala imposti u t-taxxi inklużi f’din il-Liġi; (b) id-dħul stmat iġġenerat mill-irkant ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’massimu ta’ EUR 500 miljun.” |
20 |
Il- Ley 16/2013, por la que se establecen determinadas medidas en materia de fiscalidad medioambiental y se adoptan otras medidas tributarias y financieras (il-Liġi 16/2013, li tistabbilixxi ċerti miżuri fil-qasam ta’ tassazzjoni ambjentali u li tadotta miżuri fiskali u finanzjarji oħra,tad‑29 ta’ Ottubru 2013), (BOE Nru 260, tat-30 ta’ Ottubru 2013, p. 87528), ipprevediet ċerti miżuri fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali li jemendaw parzjalment il-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija, bl-istabbiliment issa ta’ tliet taxxi minflok iż-żewġ taxxi preċedenti, jiġifieri taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari, taxxa fuq il-produzzjoni ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-produzzjoni tal-elettriku nukleari u taxxa fuq il-ħażna. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
21 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kumpanniji li jipproduċu l-elettriku nukleari. Huma ppreżentaw rikorsi quddiem l-Audiencia Nacional (il-Qorti Għolja Nazzjonali, Spanja) intiżi għall-annullament tal-Orden HAP/538/2013, de 5 de abril, por la que se aprueban los modelos 584 “Impuesto sobre la producción de combustible nuclear gastado y residuos radiactivos resultantes de la generación de energía nucleoeléctrica. Autoliquidación y pagos fraccionados” y 585 “Impuesto sobre el almacenamiento de combustible nuclear gastado y residuos radiactivos en instalaciones centralizadas. Autoliquidación y pagos fraccionados”, y se establece la forma y procedimiento para su presentación (id-digriet tal‑5 ta’ April 2013, li japprova l-formularji 584 “Taxxi fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-produzzjoni ta’ eletttriku nukleari. Awto-evalwazzjoni u pagamenti frazzjonati” u 585 “Taxxa fuq ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u skart radjuattiv f’faċilitajiet iċċentralizzati” dwar approvazzjoni tat-taxxi fuq l-enerġija nukleari. |
22 |
Wara ċ-ċaħda tar-rikors tagħhom, dawn il-kumpanniji appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju. |
23 |
Din il-qorti tesponi li d-digriet li qiegħed jintalab l-annullament tiegħu ġie adottat abbażi tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija li tipprevedi dawn it-taxxi fuq l-enerġija nukleari. Hija tindika li, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ dan id-digriet, hija għandha tiddetermina jekk l-obbligi previsti minn din il-liġi humiex kuntrarji jew le għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għar-regoli u għall-prinċipji li jirregolaw is-suq tal-elettriku. Hija tikkunsidra li t-taxxi fuq l-enerġija nukleari jagħmlu parti mill-qasam tat-tassazzjoni tal-enerġija, minkejja li ma humiex imposti fuq il-produzzjoni tal-elettriku stess, iżda l-kombustibbli użat għall-produzzjoni tiegħu u l-iskart li hija tiġġenera. Peress li l-imposti li jirriżultaw minn dawn it-taxxi jirrigwardaw il-produzzjoni u l-ħażna ta’ dan il-kombustibbli u l-iskart nukleari dderivat, hija tqis li dawn jikkonċernaw il-produzzjoni tal-elettriku stess u li, konsegwentement, jaffettwaw l-impriżi li jipproduċu l-elettriku. |
24 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-għan tal-imsemmija taxxi huwa li jiżdied il-volum tad-dħul tas-sistema finanzjarja tal-elettriku sabiex il-produtturi tal-elettriku nukleari jassumu sehem ikbar mill-finanzjament tad-“defiċit tariffarju”, filwaqt li dan id-defiċit jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dħul li l-impriżi tal-elettriku Spanjoli jirċievu mingħand konsumaturi u l-ispejjeż ta’ provvista tal-elettriku rrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
25 |
Din il-qorti tqis li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni ħielsa fis-suq tal-elettriku jekk ċerti impriżi jiġu ntaxxati minħabba l-forma tal-produzzjoni tagħhom, anki jekk l-imposta inkwistjoni ma tirrigwardax direttament il-produzzjoni tal-elettriku nnifisha jew l-elettriku prodott, imma l-kombustibbli u l-iskart u l-ħażna tal-mezzi użati għal dan il-għan, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva. Barra minn hekk, tali differenza fit-trattament tista’ tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jekk jiġi stabbilit li tali tassazzjoni ma hijiex ibbażata fuq il-protezzjoni tal-ambjent u li ġiet introdotta għal raġunijiet relatati biss mad-defiċit tariffarju. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma identiċi fl-erba’ Kawżi magħquda C-80/18 sa C-83/18:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
27 |
Fl-ewwel lok, sa fejn l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domanda li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, kif previst fl-Artikolu 191(2) TFUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tfittex livell għoli ta’ protezzjoni u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi l-għanijiet ġenerali tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent sa fejn l-Artikolu 192 TFUE jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, meta jkunu qegħdin jiddeċiedu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, is-setgħa li jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et, C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Konsegwentement, peress li l-Artikolu 191(2) TFUE japplika għall-azzjoni tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata bħala tali minn individwi sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-politika ambjentali, meta l-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata abbażi tal-Artikolu 192 TFUE li tkopri speċifikament is-sitwazzjoni kkonċernata ma tkun applikabbli (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et, C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li la d-Direttiva 2009/72 u lanqas id-Direttiva 2005/89, li hija invokata wkoll mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, ma ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 175 KE (li sar l-Artikolu 192 TFUE). |
30 |
Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 191(2) TFUE ma jistax japplika fil-kawżi prinċipali sa fejn la huwa implimentat mid-Direttiva 2009/72 u lanqas mid-Direttiva 2005/89, għandhom jiġi kkunsidrati inammissibbli, minħabba n-nuqqas manifest ta’ rilevanza sabiex jiġu deċiżi t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, il-ħames domanda preliminari kif ukoll l-ewwel u r-raba’ domanda preliminari sa fejn jikkonċernaw din id-dispożizzjoni. |
31 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2005/89, imsemmija fir-raba’ domanda preliminari, li jistabbilixxu miżuri intiżi li jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kif ukoll bilanċ bejn it-talba għall-elettriku u l-kapaċità ta’ produzzjoni disponibbli, huma rilevanti għall-finijiet tal-kawżi prinċipali. |
32 |
Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bis-saħħa tiegħu tal-ewwel tipprovdi lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jaqtgħu l-kawża li tkun tressqet quddiemhom (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huma indikati b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li għandha tosserva bir-reqqa (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
F’dan ir-rigward, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
35 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet tar-rinviju la jinkludu l-espożizzjoni meħtieġa u lanqas spjegazzjoni relatata mar-rabta li tista’ teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/89 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-possibbiltà li tivverifika l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għat-tilwima fil-kawża prinċipali u li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju fir-rigward tar-raba’ domanda. |
36 |
Barra minn hekk, dan in-nuqqas ta’ informazzjoni ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ din ir-raba’ domanda, dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tagħha jindirizzaw lill-Istati Membri biss fil-każ fejn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. |
38 |
L-Artikolu 51(1) tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Għaldaqstant, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Għalhekk, fil-kuntest tar-raba’ domanda, l-applikabbiltà tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta setgħet tiġi kkonstatata biss jekk id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni li huma indikati fiha kienu applikabbli fil-kawża prinċipali. Issa, għar-raġunijiet indikati fil-punti 27 sa 35 ta’ din is-sentenza, ir-raba’ domanda hija inammissibbli sa fejn tikkonċerna dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra, peress li ma jidhirx li dawn jistgħu japplikaw għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali. |
41 |
Minn dan isegwi li r-raba’ domanda preliminari hija ammissibbli fl-intier tagħha. |
42 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandhom jitqiesu inammissibbli, minn naħa, ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-ewwel domanda preliminari sa fejn tikkonċerna l-Artikolu 191(2) TFUE. |
43 |
Għaldaqstant, għandha tingħata risposta biss għall-ewwel domanda sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, kif ukoll għat-tieni u għat-tielet domanda. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
44 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, li huma suġġetti għalihom biss l-impriżi li jipproduċu l-elettriku bl-użu tal-enerġija nukleari u li l-għan ewlieni tagħha ma jikkonsistix fil-protezzjoni tal-ambjent, iżda ż-żieda fil-volum tad-dħul tas-sistema finanzjarja tal-elettriku. |
45 |
Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72. |
46 |
Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-impriżi tal-elettriku joperaw konformement mal-prinċipji ta’ din id-direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u ma għandhomx jiddiskriminaw f’dak li jirrigwarda drittijiet u obbligi ta’ dawn l-impriżi. |
47 |
Għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 3(1) jistabbilixxi, fil-qasam tas-suq intern tal-elettriku, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, li jagħmel parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-prinċipju jorbot lill-Istati Membri meta s-sitwazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 56, kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punti 21 u 23). |
48 |
F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma purament interni, fis-sens li dawn huma nieqsa minn kull element transkonfinali, u li, min-naħa l-oħra, it-taxxi fuq l-enerġija nukleari inkwistjoni jikkostitwixxu miżuri ta’ natura fiskali, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, huwa applikabbli biss jekk jista’ jitqies li din id-direttiva hija intiża għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri. |
49 |
F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li peress li l-għan tad-Direttiva 2009/72 jikkonsisti fil-kisba ta’ suq intern tal-elettriku, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta il-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 95(1)KE (li sar l-Artikolu 114(1) TFUE), għall-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi tal-Istati Membri fl-istabbiliment u fil-funzjonament tas-suq intern. |
50 |
Madankollu, skont il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 95(2) KE (li sar l-Artikolu 114(2) TFUE), dan l-Artikolu 95(1) (li sar l-Artikolu 114(1) TFUE), ma japplikax għad-dispożizzjonijiet fiskali. |
51 |
Sa fejn id-Direttiva 2009/72 ma tikkostitwixxix miżura dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, għandu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tiegħu ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, bħat-taxxi fuq l-enerġija nukleari inkwistjoni fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali. |
52 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, bħat-taxxi fuq l-enerġija nukleari inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li huma suġġetti għalihom biss l-impriżi li jipproduċu l-elettriku bl-użu tal-enerġija nukleari u li l-għan ewlieni tagħha ma jikkonsistix fil-protezzjoni tal-ambjent, iżda ż-żieda fil-volum tad-dħul tas-sistema finanzjarja tal-elettriku. |
53 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, mill-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sa fejn l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72 ma huwiex applikabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, bħat-taxxi fuq l-enerġija nukleari inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u fl-assenza ta’ kull indikazzjoni oħra fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward ta’ strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni li din il-leġiżlazzjoni timplimenta, ma jistax jitqies li, bl-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja implimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għall-ewwel u għat-tieni domanda f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. |
54 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li huma suġġetti għalihom biss l-impriżi li jipproduċu l-elettriku bl-użu tal-enerġija nukleari u li l-għan ewlieni tagħha ma jikkonsistix fil-protezzjoni tal-ambjent, iżda ż-żieda fil-volum tad-dħul tas-sistema finanzjarja tal-elettriku. |
Fuq it-tielet domanda
55 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta l-għan ambjentali u l-karatteristiċi tat-taxxi ambjentali previsti minn din tal-aħħar ma humiex speċifikati fil-parti vinkolanti ta’ din il-leġiżlazzjoni. |
56 |
Madankollu, mir-risposta għall-ewwel domanda, u b’mod partikolari mill-punti 46 sa 51 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li d-Direttiva 2009/72 ma tikkostitwixxix miżura relatata mal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri. Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari. |
57 |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta l-għan ambjentali u l-karatteristiċi tat-taxxi ambjentali previsti minnha ma humiex speċifikati fil-parti vinkolanti ta’ din il-leġiżlazzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.