SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

31 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji – Assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE) mal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni 91/482/KEE – Deċiżjoni 2001/822/KE – Ammissjoni għall-importazzjoni fl-Unjoni ħielsa minn dazji doganali ta’ prodotti li joriġinaw mill-PTEE – Ċertifikat ta’ moviment EUR. 1 – Ħruġ illegali ta’ ċertifikati mill-awtoritajiet ta’ PTEE – Dazji doganali mhux miġbura mill-Istati Membri ta’ importazzjoni – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Responsabbiltà tal-Istat Membru li jkollu relazzjonijiet speċjali mal-PTEE kkonċernati – Obbligu li jiġi kkumpensat it-telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni kkawżat mill-ħruġ illegali ta’ ċertifikati EUR. 1 – Importazzjonijiet ta’ trab tal-ħalib u ta’ ross minn Curaçao u ta’ xgħir u barli mitħun oħxon u ta’ smida minn Aruba”

Fil-Kawża C‑395/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑30 ta’ Ġunju 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland, A. Caeiros, L. Flynn u S. Noë, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn K. Bulterman, M. H. S. Gijzen, P. Huurnink u J. Langer, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn J. Kraehling, G. Brown, R. Fadoju u S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn K. Beal, QC, u P. Luckhurst, barristers, imbagħad minn S. Brandon u F. Shibli, bħala aġenti, assistiti minn K. Beal, QC u P. Luckhurst, barristers,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, M. Safjan, S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz (Relatur), C. Toader, C. Vajda, F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: L. Hewlett, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Ottubru 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma kkumpensax it-telf ta’ riżorsi proprji li kellhom jiġu kkonstatati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tad‑29 ta’ Mejju 1989 li jimplimenta d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU 1989, L 155, p. 1) (li saru l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat‑22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169)), kieku ma nħarġux ċertifikati ta’ moviment EUR. 1 bi ksur, minn naħa, tal-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1991 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1991, L 263, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PTEE tal‑1991”), u tal-Artikolu 12(6) tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ trab tal-ħalib u ta’ ross minn Curaçao matul il-perijodu 1997/2000 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 35(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas‑27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 319, rettifika fil-ĠU 2014, L 365, p. 165) u tal-Artikolu 15(4) tal-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ xgħir u barli mitħun oħxon u ta’ smida minn Aruba matul il-perijodu 2002/2003, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 4(3) TUE).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2

Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ġiet iffirmata f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945. L-Artikolu 73 ta’ din il-Karta, li jinsab fil-Kapitolu XI tagħha, intitolat “Dikjarazzjoni dwar Territorji li ma jiggvernawx lilhom infushom”, jistabbilixxi li:

“Il-Membru [Membri] tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jew jassumu responsabbiltajiet għall-amministrazzjoni ta’ territorji li l-popli tagħhom ma jiggvernawx lilhom infushom għal kollox jaċċettaw il-prinċipju li l-interessi tan-nies ta’ dawn it-territorji jiġu qabel kollox, u jaċċettaw bħala responsabbiltà sagra l-obligu li jippromwovu kemm jistgħu, skond is-sistema tal-paċi u s-sigurezza internazzjonali stabbilità permezz tal-Karta preżenti, il-prosperità tan-nies ta’ dawn it-territorji, u, għal dan il-għan:

[…]

b. li jiżviluppaw sistema kif huma jiggvernaw lilhom infushom, li jagħtu kunsiderazzjoni xierqa ta’ aspirazzjonijiet politiċi tal-popli, u li jgħinuhom fl-iżvilupp progressiv ta’ l-istituzzjonijiet politiċi ħielsa tagħom, skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull territorju u l-popli tiegħu, u l-istadji varji tagħhom ta’ progress;

[…]”

Id-dritt tal-Unjoni

It-Trattat KE

3

Il-fatti li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat seħħew kemm qabel kif ukoll wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam li emenda t-Trattat KE. Madankollu, id-dispożizzjonijiet rilevanti għal dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu baqgħu essenzjalment identiċi. L-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE) kien ifformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

Huma ma għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanijiet ta’ dan it-Trattat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Din id-dispożizzjoni ġiet, essenzjalment, issostitwita bl-Artikolu 4(3) TUE.

5

Ir-Raba’ parti ta’ dan it-Trattat, intitolata “L-Assoċjazzjoni ta’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienet tiġbor l-Artikoli 131 sa 137 tiegħu (li saru, wara emenda, l-Artikoli 182 KE sa 188 KE u li sussegwentement saru l-Artikoli 198 sa 204 TFUE). Skont l-imsemmi Artikolu 131 (li sar, wara emenda, l-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 198 TFUE):

“L-Istati Membri jaqblu li jassoċjaw mal-Komunità dawk il-pajjiżi u t-territorji mhux Ewropej u li għandhom relazzjonijiet speċjali mal-Belġju, mad-Danimarka, ma’ Franza, mal-Italja, mal-Pajjiżi l-Baxxi u mar-Renju Unit. Dawn il-pajjiżi u territorji (hawn iktar ’l isfel imsejħa bħala ‘il-pajjiżi u t-territorji’) huma elenkati fl-Anness IV ta’ dan it-Trattat.

L-iskop ta’ din l-assoċjazzjoni huwa li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji, u li tistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi viċini bejnhom u l-Komunità kollha.

B’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-Preambolu ta’ dan it-Trattat, din l-assoċjazzjoni għandha, fl-ewwel lok, tippermetti t-titjib tal-interessi u tal-prosperità tal-abitanti ta’ dawn il-pajjiżi u territorji sabiex twassalhom għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali li jistennew.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 133(1) tal-imsemmi Trattat (li sar, wara emenda, l-Artikolu 184(1) KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 200(1) TFUE) kien jipprevedi li:

“L-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiżi u t-territorji għandhom jibbenefikaw, mad-dħul tagħhom fl-Istati Membri, mill-eliminazzjoni totali tad-dazji tad-dwana li għandha sseħħ progressivament bejn l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Skont l-Artikolu 136 tal-istess Trattat (li sar, wara emenda, l-Artikolu 187 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 203 TFUE):

“Għal perijodu inizjali ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, il-modalitaljiet u l-proċedura għall-assoċjazzjoni bejn il-pajjiżi u t-territorji u l-Komunità għandhom jiġu stabbiliti minn konvenzjoni ta’ implimentazzjoni annessa ma’ dan it-Trattat.

Qabel ma tiskadi l-konvenzjoni prevista fil-paragrafu preċedenti, il-Kunsill, b’mod unanimu, għandu, abbażi tal-esperjenza akkwistata u tal-prinċipji mniżżla f’dan it-Trattat, jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati għal perijodu ġdid.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-Artikolu 227(1) u (3) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 299(1) u (3) KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 52(1) TUE u l-Artikolu 355(2) TFUE), kien jistabbilixxi li:

“1.   Dan it-Trattat għandu japplika għar-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

[…]

3.   L-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni mniżżla fir-Raba’ parti ta’ dan it-Trattat għandhom japplikaw għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej imniżżla fl-Anness IV ta’ dan it-Trattat.

Dan it-trattat ma japplikax għal dawk il-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li jkollhom relazzjonijiet speċjali mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li ma humiex inklużi fil-lista msemmija hawn fuq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

Il-lista li tinsab fl-Anness IV tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Anness II tat-Trattat KE u li sussegwentement sar l-Anness II tat-Trattat FUE), intitolata “Pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Raba’ parti tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, Aruba u l-Antilli Olandiżi, li fosthom kien hemm Curaçao.

Ir-Regolamenti Nru 1552/89 u Nru 1150/2000

10

L-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1552/89 (li saru l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1150/2000) kienu jirregolaw suċċessivament, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri kienu obbligati jikkonstataw u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni r-riżorsi proprji tagħha, li fosthom kien hemm id-dazji doganali.

Id-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001

11

L-ewwel premessa tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 kienet tgħid li:

“[B]illi huwa neċessarju li jiġu stabbiliti, għal perijodu ġdid, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea, iktar ’il quddiem imsejħa ‘PTEE’; billi dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għat-territorji taħt ir-responsabbiltà tar-Repubblika Franċiża, għall-pajjiżi u għat-territorji taħt ir-responsabbiltà tar-Renju Unit, għall-pajjiżi taħt ir-responsabbiltà tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u, parzjalment, għall-Groenlandja”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, din kellha l-għan li tippromwovi u tħaffef l-iżvilupp ekonomiku, kulturali u soċjali u t-tisħiħ tal-istrutturi ekonomiċi tal-PTEE elenkati fl-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni. Il-punt 4 ta’ dan l-anness kien jirrigwarda l-Antilli Olandiżi, fosthom Curaçao, kif ukoll Aruba, bħala PTEE tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

13

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 kien jistabbilixxi li:

“Fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-awtoritajiet li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ sħubija msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jeżaminaw perjodikament ir-riżultati tal-applikazzjoni tagħha u jagħtu l-opinjonijiet u l-impetus neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

Skont l-Artikolu 10 ta’ din id-deċiżjoni:

“Sabiex ikun possibbli li l-awtoritajiet lokali kompetenti tal-PTEE jiġu involuti iktar fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-assoċjazzjoni tal-PTEE mal-KEE, filwaqt li jiġu osservati l-kompetenzi tal-awtoritajiet ċentrali rispettivi tal-Istati Membri kkonċernati, għandha tiġi stabbilita proċedura konsultattiva bbażata fuq il-prinċipju tas-sħubija bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru u l-PTEE.

Din is-sħubija, li l-modalitajiet tagħha huma stabbiliti fl-Artikoli 234, 235 u 236 ta’ din id-deċiżjoni, għandha tippermetti li jiġi eżaminat dak li jkun inkiseb fil-kuntest tal-assoċjazzjoni u li jiġu diskussi l-problemi li jqumu eventwalment fir-relazzjonijiet bejn il-PTEE u l-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

L-Artikolu 101(1) tal-imsemmija deċiżjoni kien ifformulat kif ġej:

“Il-prodotti li joriġinaw mill-PTEE għandhom jiġu importati fil-Komunità ħielsa minn dazji doganali u minn taxxi li għandhom effett ekwivalenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 108(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991, il-kunċett ta’ prodotti li joriġinaw u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva relatati miegħu kienu ddefiniti fl-Anness II tagħha.

17

Skont l-Artikolu 234 ta’ din id-deċiżjoni:

“L-azzjoni Komunitarja għandha tkun ibbażata kemm jista’ jkun fuq konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru responsabbli għal PTEE u l-awtoritajiet lokali kompetenti tal-PTEE.

Din il-konsultazzjoni hija msejħa minn issa ’l quddiem ‘sħubija’.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18

L-Artikolu 235(1) u (2) tal-imsemmija deċiżjoni kien jipprevedi li:

“1.   Is-sħubija għandha tkopri l-ippjanar, il-preparazzjoni, il-finanzjament, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ azzjonijiet immexxija mill-Komunità fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll kull problema li tqum fir-relazzjonijiet bejn il-PTEE u l-Komunità.

2.   Għal dan il-għan, gruppi ta’ ħidma f’assoċjazzjoni mal-PTEE, ta’ natura konsultattiva u komposti mit-tliet imsieħba msemmija fl-Artikolu 234, jistgħu jinħolqu jew skont iż-żona ġeografika ta’ PTEE, jew skont il-grupp ta’ PTEE taħt ir-responsabbiltà tal-istess Stat Membru, fuq talba, b’mod partikolari, tal-PTEE inkwistjoni. Dawn il-gruppi għandhom jiġu kkostitwiti:

jew fuq bażi ad hoc, sabiex jittrattaw problemi speċifiċi,

jew fuq bażi permanenti, għall-perijodu li jkun għad fadal fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni; f’dan il-każ, huma għandhom jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena, sabiex jeżaminaw il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew sabiex jittrattaw kwistjonijiet oħra ċċitati fil-paragrafu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19

Skont l-Artikolu 237 tal-istess deċiżjoni:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-PTEE u d-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej previsti hemmhekk, din id-deċiżjoni tapplika għat-territorji li fihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u skont il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi Trattat, minn naħa, u għat-territorji tal-PTEE, min-naħa l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20

L-Artikolu 1 tal-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, kien jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni kummerċjali tad-Deċiżjoni, prodott għandu jitqies li joriġina mill-‘PTEE’, mill-Komunità jew mill-Istati AKP jekk ikun inkiseb għalkollox jew ikun ġie pproċessat suffiċjentement hemmhekk.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21

L-Artikolu 12(1) u (6) ta’ dan l-anness kien jipprevedi li:

“1.   Prova tal-istatus ta’ oriġini ta’ prodotti, fis-sens ta’ dan l-Anness, għandha tingħata b’ċertifikat ta’ moviment EUR. 1, li mudell tiegħu jinsab fl-Anness 4 ta’ dan l-Anness.

[…]

6.   Iċ-ċertifikat ta’ moviment EUR. 1 għandu jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-PTEE ta’ esportazzjoni, jekk il-prodotti jkunu jistgħu jitqiesu bħala ‘prodotti li joriġinaw’ fis-sens ta’ dan l-Anness.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22

L-Artikolu 26 tal-imsemmi anness, intitolat “Kontroll taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR. 1 u tal-formoli EUR. 2” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kien jistabbilixxi li:

“1.   Il-kontroll a posteriori ta’ ċertifikati ta’ moviment EUR. 1 jew ta’ formoli EUR. 2 għandu jitwettaq għal għarrieda u kull meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jkollhom dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità tad-dokument jew dwar l-eżattezza tal-informazzjoni li tikkonċerna l-oriġini reali tal-prodotti inkwistjoni.

[…]

6.   Meta l-proċedura ta’ kontroll jew kull informazzjoni oħra disponibbli tidher li tindika li jkunu qegħdin jinkisru d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness, l-PTEE għandu jwettaq, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Kummissjoni, l-investigazzjonijiet neċessarji, jew jieħu passi sabiex dawn l-investigazzjonijiet jitwettqu bl-urġenza meħtieġa sabiex jiġi identifikat u evitat tali ksur. Il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa f’dawn l-investigazzjonijiet.

[…]

7.   Il-kontestazzjonijiet li ma setgħux jiġu rregolati bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni u dawk tal-PTEE ta’ esportazzjoni jew li jqajmu problema ta’ interpretazzjoni ta’ dan l-anness għandhom jiġu sottomessi lill-Kumitat dwar l-oriġini stabbilit mir-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 802/68 tas‑27 ta’ Ġunju 1968 dwar id-definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ oriġini tal-merkanzija (ĠU 1968, L 148, p. 1)].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23

Skont l-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kumitat dwar l-oriġini huwa kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

24

Id-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 baqgħet applikabbli sal‑1 ta’ Diċembru 2001. Fit‑2 ta’ Diċembru tal-istess sena, id-Deċiżjoni PTEE tal‑2001 daħlet fis-seħħ. L-Artikolu 4(1) ta’ din tal-aħħar kien jistabbilixxi li:

“Fil-qafas tas-sħubija preskritta fl-Artikolu 7, l-awtoritajiet tal-PTEE għandhom jassumu responsabbilta primarja għall-formulazzjoni ta’ strateġiji ta’ assoċjazzjoni u ta’ żvilupp u l-implimentazzjoni tagħhom permezz tal-preparazzjoni, flimkien mal-Kummissjoni u l-Istat Membru li miegħu il-PTEE huwa marbut, ta’ Dokumenti ta’ Programmazzjoni Waħdiena […] u programmi ta’ koperazzjoni.”

25

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001 kien jipprevedi li:

“1.   Bil-għan li l-PTEE jkunu jistgħu jieħdu parti sħiħa fl-implimentazzjoni ta’ l-assoċjazzjoni tal-PTEE-KE, b’rigward kif mistħoqq għall-mod kif l-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri konċernati huma organizzati, l-assoċjazzjoni għandha tuża proċedura ta’ konsulta bażata fuq id-dispożizzjonijiet riferiti hawn isfel. Għandha titratta kull kwistjoni li tinħoloq f’relazzjonijiet bejn il-PTEE u l-Komunità.

[…]

3.   Għandu jkun hemm sħubija separata bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru li miegħu l-PTEE huwa marbut u kull PTEE rappreżentat mill-awtoritajiet tiegħu, biex jiġu permess li l-għanijiet u l-prinċipji ta’ din id-Deċiżjoni, partikolarment dawk riferiti fl-Artikoli 4 u 19 jibdew iseħħu. Din il-konsultazzjoni trilaterali għandha minn issa ‘l quddiem tissejjaħ is-‘sħubija’.

Kumitati tax-xogħol ta’ sħubija, li jaġixxu f’kapaċita konsultattiva, għandhom jitwaqqfu għal kull PTEE. Is-sħubija tagħhom għandha tikkomprendi t-tliet sieħba msemmija fuq. Dawn il-kumitati tax-xogħol jistgħu jiġu mlaqqa’ fuq talba tal-Kummissjoni, ta’ Stat Membru jew ta’ PTEE. Fuq talba ta’ wieħed mis-sieħba, diversi kumitati tax-xogħol ta’ sħubija jistgħu jorganizzaw laqgħat konġunti biex jikkonsidraw suġġetti ta’ interess komuni jew aspetti reġjonali ta’ l-assoċjazzjoni.

4.   Din il-konsultazzjoni għandha tiġi kondotta f’konformità sħiħa mal-poteri istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta’ kull wieħed mit-tliet sieħba.

[…]”

26

L-Artikolu 35 ta’ din id-deċiżjoni kien jistabbilixxi li:

“1.   Prodotti li joriġinaw mill-PTEE għandhom jiġu mportati fil-Komunità ħielsa mid-dazju ta’ mportazzjoni.

Il-kunċett ta’ prodotti li joriġinaw u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva li għandhom x’jaqsmu ma’ dan huma preskritti fl-Anness III.”

27

L-Artikolu 2 tal-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, kien jiddetermina, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-prodotti li għandhom jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw mill-PTEE.

28

Skont l-Artikolu 14(1)(a) ta’ dan l-anness, il-prodotti li joriġinaw mill-PTEE kienu jibbenefikaw mid-Deċiżjoni PTEE tal‑2001 meta kienu jiġu importati fil-Komunità, fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat EUR. 1.

29

L-Artikolu 15(1) u (4) tal-imsemmi anness kien jipprevedi li:

“1.   Ċertifikat ta’ moviment EUR.1 għandu jinħareġ mill-awtoritajiet tad-dwana tal-PTEE esportatur fuq applikazzjoni li tkun saret bil-miktub mill-esportatur jew, fuq ir-responsabbilta ta’ l-esportatur, mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

[…]

4.   Ċertifikat ta’ moviment EUR.1 għandu jinħareġ mill-awtoritajiet tad-dwana tal-PTEE esporatatur jekk il-prodotti konċernati jkunu jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw mill-PTEE, mill-Komunità jew mill-AKP u li jwettqu l-ħtiġijiet l-oħra ta’ dan l-Anness.”

30

L-Artikolu 32 tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001, intitolat “Il-verifika ta’ provi ta’ l-oriġini”, kien ifformulat kif ġej:

“1.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni kif suppost ta’ dan l-Anness, il-PTEE, il-Komunità u l-Istati ta’ l-AKP għandhom jgħinu lil xulxin permezz ta’ l-amministrazzjonijiet kompetenti tad-dwana, fl-ispezzjonar ta’ l-awtentiċita taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 jew id-dikjarazzjonijiet tal-fattura u l-korrettezza tat-tagħrif mogħti f’dawn id-dokumenti.

[…]

2.   Verifiki sosegwenti ta’ provi ta’ l-oriġini għandhom jitwettqu kif ġie ġie [għal għarrieda] jew kull meta l-awtoritajiet tad-dwana tal-pajjiż importatur ikollhom dubbji raġunevoli rigward l-awtentiċita ta’ dawn id-dokumenti, l-istat ta’ l-oriġini tal-prodotti konċernati jew it-twettieq tal-ħtiġijiet l-oħra ta’ dan l-Anness.

[…]

8.   Fejn il-proċedura tal-verifika jew kull tagħrif ieħor disponibbli jidher li qed jindika li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness qed jinkisru, il-PTEE fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba tal-Komunità għandu jwettaq inkjesti xierqa jew jirranġa sabiex dawn l-inkjesti jitwettqu bl-urġenza meħtieġa sabiex jidentifika u jipprevjeni dawn il-kontravenzjonijiet. Il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa fl-inkjesti.”

31

L-Artikolu 34 ta’ dan l-anness, intitolat “Il-ftehim f’nuqqas ta’ qbil”, kien jistabbilixxi fl-ewwel paragrafu tiegħu li:

“Fejn jinħoloq nuqqas ta’ qbil rigward il-proċeduri ta’ verifika ta’ l-Artikoli 32 u 33 fejn ma jistax jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet tad-dwana li qed jitolbu verifika u l-awtoritajiet tad-dwana responsabbli għat-twettieq ta’ din il-verifika jew fejn iqajjmu mistoqsija rigward l-interpretazzjoni ta’ dan l-Anness, għandhom jiġu sottomessi lill-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana – Taqsima Oriġini mwaqqfa mir-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)].”

32

Skont l-Artikolu 247(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali kien kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Il-Kodiċi Doganali

33

L-Artikolu 220(2)(b) kif ukoll l-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kienu jippreċiżaw il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri setgħu jastjenu minn dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji doganali jew iwettqu rimbors jew maħfra ta’ dawn id-dazji.

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002

34

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat‑13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 390, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 48, p. 88) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”), jistabbilixxi, fl-Artikolu 73a tiegħu, li:

“Bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti speċifiċi u l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill marbuta mas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, id-drittijiet tal-Komunitajiet fir-rigward ta’ partijiet terzi u d-drittijiet ta’ partijiet terzi fir-rigward tal-Komunitajiet għandhom ikunu soġġetti għal perijodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin.

Id-data biex jiġi kkalkulat il-perijodu ta’ limitazzjoni u l-kondizzjonijiet għall-interruzzjoni tal-perijodu għandhom jitniżżlu fir-regoli implimentattivi.”

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002

35

L-Artikolu 85b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat‑23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat‑23 ta’ April 2007 (ĠU 2007, L 111, p. 13) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implimentazzjoni”), intitolat “Regoli għal perjodi ta’ limitazzjoni”, jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Il-perjodu ta’ limitazzjoni għal drittijiet tal-Komunitajiet fir-rigward ta’ partijiet terzi għandu jibda jiddekorri malli tinqabeż l-iskadenza kkomunikata lid-debitur fin-nota ta’ debitu […].”

Id-dritt Olandiż

36

Skont l-iStatuut voor het Koninkrijk der Nederlanden (il-Karta għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi), fil-verżjoni tagħha applikabbli matul il-perijodu inkwistjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien ikkostitwit minn tliet pajjiżi (landen), jiġifieri r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (Nederland), l-Antilli Olandiżi (Nederlandse Antillen) u Aruba. Matul dan il-perijodu, Curaçao kienet tagħmel parti integrali mill-Antilli Olandiżi.

37

Skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ din il-Karta, l-affarijiet barranin kienu jaqgħu “taħt il-kompetenza tar-Renju”.

38

Skont l-Artikolu 50(1) tal-imsemmija Karta:

“Il-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi fl-Antilli Olandiżi u f’Aruba li jmorru kontra din il-Karta, strument internazzjonali, liġi tar-Renju jew regolament ta’ amministrazzjoni pubblika għar-Renju, jew l-interessi li l-promozzjoni jew il-protezzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-kompetenza tar-Renju, jistgħu jiġu sospiżi u annullati mir-Re bħala Kap tar-Renju permezz ta’ digriet motivat. […]”

39

L-Artikolu 51 tal-istess Karta kien ifformulat kif ġej:

“Jekk korp fl-Antilli Olandiżi u f’Aruba ma jwettaqx dmirijietu jew ma jwettaqhomx b’mod adegwat kif mitlub minn din il-Karta, minn strument internazzjonali, minn liġi tar-Renju jew minn regolament ta’ amministrazzjoni pubblika għar-Renju, regolament ta’ amministrazzjoni pubblika għar-Renju li jindika l-bażijiet legali u l-motivi li fuqhom huwa bbażat jista’ jistabbilixxi b’liema mod l-imsemmija funzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti.”

40

L-Artikolu 52 tal-Karta għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien jistabbilixxi li:

“Bil-kunsens tar-Re, il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tista’ tagħti lir-Re, bħala Kap tar-Renju, jew lill-Gvernatur, bħala korp tar-Renju, setgħat fir-rigward tal-affarijiet tal-imsemmi pajjiż.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

41

Matul is-snin 1997 sa 2000, trab tal-ħalib u ross minn Curaçao ġew importati fil-Ġermanja, kif ukoll, matul is-snin 2002 u 2003, xgħir u barli mitħun oħxon u smida minn Aruba ġew importati fil-Pajjiżi l-Baxxi.

42

L-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba kienu ħarġu ċertifikati ta’ moviment EUR. 1 (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati EUR. 1”) għal din il-merkanzija, għalkemm din tal-aħħar ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex titqies bħala prodott ta’ oriġini preferenzjali skont l-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 u l-Artikolu 35(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001.

43

Il-ħruġ ta’ ċertifikati EUR. 1 mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba kien is-suġġett ta’ investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). Dan ippubblika r-rapporti ta’ missjoni tiegħu dwar Curaçao u Aruba rispettivament fl‑24 ta’ Ottubru 2000 u fit‑23 ta’ Diċembru 2004.

44

Wara dawn l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Olandiżi u Ġermaniżi dwar in-natura illegali ta’ dawn iċ-ċertifikati EUR. 1 u stednithom jirkupraw id-dazji doganali relatati mal-importazzjonijiet korrispondenti. L-awtoritajiet Olandiżi u Ġermaniżi kkonstataw biss parti minn dawn id-dazji doganali, peress li l-kumplament kien preskritt.

45

Permezz ta’ ittri tas‑27 ta’ Jannar u tal‑31 ta’ Mejju 2012 rispettivament, il-Kummissjoni żammet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi responsabbli tal-iżball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba. Hija talbet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jikkumpensa, mhux iktar tard mill‑20 ta’ Marzu u mill‑20 ta’ Lulju 2012 rispettivament, it-telf ta’ riżorsi proprji li rriżulta minnu.

Il-proċedura prekontenzjuża

46

Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kkonformax ruħu ma’ din it-talba, il-Kummissjoni, fil‑21 ta’ Novembru 2013, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan tal-aħħar, li għaliha l-awtoritajiet Olandiżi wieġbu fl‑20 ta’ Frar 2014 fejn ċaħdu kull responsabbiltà għall-atti tal-PTEE tiegħu.

47

Fis‑17 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, fejn hija żammet il-pożizzjoni esposta fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha. It-terminu sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-konformità mal-opinjoni motivata skada fis‑17 ta’ Diċembru 2014.

48

Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Novembru 2015, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb għall-opinjoni motivata, fejn kompla jiċħad kull responsabbiltà.

49

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

L-argumenti tal-partijiet

50

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors għar-raġuni li r-rikors huwa ambigwu u ma jippreżentax b’mod koerenti u preċiż il-bażi tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 4(3) TUE) allegat fil-konfront tiegħu. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li, f’ċerti punti tar-rikors, il-Kummissjoni tidher li qiegħda ssostni li huwa responsabbli għall-atti tal-awtoritajiet doganali tal-PTEE tiegħu bħallikieku dawn kienu jikkostitwixxu l-awtoritajiet tiegħu stess, filwaqt li, f’punti oħra, hija tikkritikah talli naqas milli jadotta miżuri adegwati sabiex jipprekludi l-ħruġ illegali ta’ ċertifikati EUR. 1 minn dawn l-awtoritajiet.

51

Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

Minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 120 (c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat tali rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom ikunu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew li tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż, sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, li hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jinvoka b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tad-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun fih espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tindika bi preċiżjoni d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni allegatament miksura mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 4(3) TUE), kif ukoll il-fatti allegati fil-konfront tiegħu, jiġifieri l-assenza li jiġi kkumpensat l-ammont, li għandu jiżdied bl-interessi, li jikkorrispondi għat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżulta mill-ħruġ, mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba, ta’ ċertifikati EUR. 1 bi ksur tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001.

56

Barra minn hekk, għalkemm ir-rikors tal-Kummissjoni jsemmi omissjoni eventwali tal-Pajjiżi l-Baxxi li jadotta l-miżuri adegwati sabiex jiġi evitat tali ħruġ illegali, minn dan ir-rikors jirriżulta b’mod ċar li r-rikors tal-Kummissjoni ma għandux bħala suġġett din l-ommissjoni eventwali, iżda biss l-assenza li jiġi kkumpensat, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżulta mill-ħruġ illegali taċ-ċertifikati EUR. 1 inkwistjoni.

57

Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-imsemmi rikors ma jippreċiżax jekk, skont il-Kummissjoni, dan il-ħruġ illegali huwiex ir-riżultat ta’ atti tal-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba imputabbli lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jew il-konsegwenza tal-ommissjoni minn dan l-Istat Membru li jadotta l-miżuri adegwati għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ tali ħruġ ma pprekludiex lil dan tal-aħħar milli jeżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tiegħu fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

58

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

59

Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa obbligat, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 4(3) TUE), jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżulta mill-fatt li l-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba ħarġu ċertifikati EUR. 1 bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001 u, b’dan il-mod, ipprekludew lill-Istati Membri ta’ importazzjoni milli jirkupraw ċerti dazji doganali relatati mal-importazzjonijiet inkwistjoni.

60

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis, fl-ewwel lok, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu, bħala Stat Membru, jassumi r-responsabbiltà tal-atti adottati u tan-negliġenza mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba li jmorru kontra d-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001, fid-dawl tar-relazzjonijiet speċjali li huwa kellu ma’ dawn il-PTEE, li, skont il-Kummissjoni, ma kinux Stati indipendenti u t-tnejn li huma kienu jagħmlu parti integrali minn dan ir-Renju.

61

Il-Kummissjoni żżid li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax jinvoka l-awtonomija li kellhom Curaçao u Aruba, skont il-Karta għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Barra minn hekk, l-awtonomija ta’ dawn il-PTEE ma hijiex assoluta, sa fejn, skont l-Artikoli 50 sa 52 ta’ din il-Karta, l-awtoritajiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom setgħat li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza, mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba, tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001.

62

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tfakkar li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, il-ħruġ illegali ta’ ċertifikati EUR. 1 mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba pprekluda l-irkupru tad-dazji doganali u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn id-dazji fil-baġit tal-Unjoni bħala riżorsi proprji. Issa, billi naqas milli jikkumpensa dan it-telf ta’ riżorsi proprji, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi pprekluda l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni, sa fejn l-imsemmi telf għandu jiġi kkumpensat mill-Istati Membri kollha permezz ta’ żieda fir-riżorsi tagħhom stess ibbażata fuq id-dħul nazzjonali gross. Għaldaqstant, il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni teżiġi li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jkun jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur, mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba, tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001, u jkun obbligat li jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi li jirriżulta minnu.

63

Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jħallas interessi moratorji fuq l-ammont li jikkorrispondi għal dan it-telf ta’ riżorsi proprji. Skont il-Kummissjoni, l-obbligu li jitħallsu tali interessi moratorji ma huwiex ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji, iżda jirriżulta direttament mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, fid-dawl tar-rabta indissoċjabbli li teżisti bejn l-obbligu li jiġu kkonstatati r-riżorsi proprji tal-Unjoni, dak li jiddaħħlu fil-kontijiet tal-Kummissjoni fit-termini stabbiliti u, fl-aħħar nett, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji.

64

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sostnut mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, jikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tiegħu. Fl-ewwel lok, filwaqt li jirrikonoxxi li huwa direttament responsabbli għall-atti tal-pajjiżi li jifformawh, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li din ir-responsabbiltà testendi biss għal ksur tal-obbligi li huwa għandu bħala Stat Membru tal-Unjoni.

65

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mill-Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar il-gomma naturali), tal‑4 ta’ Ottubru 1979 (EU:C:1979:224, punt 62), huwa importanti li jiġi ddeterminat f’liema kwalità r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jista’ jinżamm responsabbli, jiġifieri bħala Stat Membru tal-Unjoni jew bħala rappreżentant tal-PTEE tiegħu fir-relazzjonijiet internazzjonali. Issa, skont l-Artikolu 227(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 299(3) KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 355(2) TFUE), il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan it-trattat huwa limitat għall-parti Ewropea tar-Renju, jiġifieri l-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li l-PTEE huma rregolati esklużivament mill-arranġamenti speċjali li huma s-suġġett tar-Raba’ parti tal-imsemmi Trattat. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan l-istess Trattat ma humiex applikabbli għall-PTEE fl-assenza ta’ referenza espressa. B’mod partikolari, il-PTEE għandhom jiġu ttrattati bħala pajjiżi terzi għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ merkanzija fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-PTEE ma jistgħux jitqiesu li jagħmlu parti integrali mill-Istat Membru li miegħu huma assoċjati.

66

F’dan il-kuntest, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza li billi r-Renju biss huwa suġġett tad-dritt internazzjonali pubbliku u għandu l-kompetenza sabiex jikkonkludi trattati, huwa rrattifika t-Trattat KE biss għall-Pajjiżi l-Baxxi, b’tali mod li huma biss dawn tal-aħħar li huma marbuta bid-drittijiet u bl-obbligi li jirriżultaw mill-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni.

67

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li, fid-dawl tal-awtonomija li kellhom l-Antilli Olandiżi u Aruba, l-argument li jgħid li l-Pajjiżi l-Baxxi huma responsabbli għall-atti tal-awtoritajiet ta’ dawn il-PTEE jmur kontra l-Artikolu 4(2) TUE u l-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Antilli Olandiżi u Aruba ma jistgħux jitqiesu li jagħmlu parti mill-Pajjiżi l-Baxxi matul il-perijodu inkwistjoni, għaliex jekk dawn iż-żewġ territorji kellhom, bħall-Pajjiżi l-Baxxi, il-kwalità ta’ pajjiż (landen) tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kull wieħed minnhom kellu l-iStaatsregeling (il-Liġi Fundamentali) tiegħu stess u kellu awtonomija kbira fil-livell tar-Renju. Barra minn hekk, l-Artikoli 50 sa 52 tal-Karta għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jagħtu l-ebda setgħa lill-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba, u jipprovdu biss il-possibbiltà li jiġu adottati deċiżjonijiet fir-rigward ta’ dawn it-territorji fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri tar-Renju.

68

Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-obbligu ta’ kumpens u ta’ ħlas ta’ interessi moratorji invokat la huwa fondat fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji u lanqas fid-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001. Għalhekk, l-ammissjoni ta’ tali obbligu tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jżid li l-Kummissjoni lanqas ma tista’ tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 4(3) TUE), mingħajr ma tistabbilixxi li l-Pajjiżi l-Baxxi kisru l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. Issa, il-Kummissjoni ma pproduċietx din il-prova u tgħid biss li l-Pajjiżi l-Baxxi ma rreaġixxewx “b’mod adegwat” fil-konfront tal-ksur imwettaq mill-PTEE kkonċernati.

69

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva wkoll li, skont id-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001, il-ħruġ taċ-ċertifikati EUR. 1 kien ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-PTEE biss, filwaqt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma kellhom l-ebda possibbiltà ta’ ndħil u lanqas ma kienu suġġetti għal kwalunkwe responsabbiltà f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, dawn id-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001 kienu stabbilixxew sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn, minn naħa, l-awtoritajiet tal-PTEE u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li tippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza ta’ dawn id-deċiżjonijiet u li, għal dan il-għan, jiġu indirizzati direttament l-awtoritajiet tal-PTEE. Barra minn hekk, il-problemi li jinħolqu bejn il-PTEE u l-Unjoni kellhom jiġu rregolati fil-kuntest tas-sħubija.

70

Barra minn hekk, it-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala Stat Membru tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, kuntrarjament għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punt 48), il-Kummissjoni ma aġixxietx f’terminu raġonevoli, sa fejn din l-istituzzjoni talbet it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-dazji doganali inkwistjoni iktar minn seba’ snin u minn ħdax-il sena rispettivament wara li l-OLAF ikkonstata l-irregolaritajiet inkwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, fiż-żmien tal-aġir tal-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba li wassal għal dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kien stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE u sussegwentement fl-Artikolu 10 KE, meta l-Kummissjoni talbet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji li hija tgħid jirriżulta minn dan l-aġir, dawn id-dispożizzjonijiet kienu ġew issostitwiti bl-Artikolu 4(3) TUE. Minn dan isegwi li huwa fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif stabbilit f’din l-aħħar dispożizzjoni li r-rikors għandu jiġi eżaminat.

72

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa obbligat, bħala Stat Membru tal-Unjoni, li jieħu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-Trattat jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

73

Għalkemm, għal dan il-għan, huma l-awtoritajiet kollha ta’ dan l-Istat Membru li għandhom jiżguraw l-osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-imsemmi Stat Membru jibqa’, skont l-Artikolu 258 TFUE, unikament responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni, għall-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Byankov, C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑184/11, EU:C:2014:316, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Issa, kif ippreċiżat il-Kummissjoni fir-replika tagħha, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa bbażat mhux fuq żbalji mwettqa minn awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda fuq ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru għal telf ta’ riżorsi proprji wara l-ksur, li ma huwiex ikkontestat, tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001 li jirregolaw il-ħruġ ta’ ċertifikati EUR. 1 mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba.

75

Kif jirriżulta mill-Artikolu 227(3) tat-Trattat KE, moqri flimkien mal-Anness IV tiegħu (li saru l-Artikolu 299(3) KE u l-Anness II tat-Trattat KE u li sussegwentement saru l-Artikolu 355(2) TFUE u l-Anness II tat-Trattat FUE), Curaçao u Aruba kienu fost il-PTEE elenkati fl-imsemmi anness u kienu, minħabba f’hekk, suġġetti għall-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni ddefiniti fir-Raba’ parti tat-Trattat KE, li kien jiġbor flimkien l-Artikoli 131 sa 137 tiegħu (li saru l-Artikoli 182 sa 188 KE u li sussegwentement saru l-Artikoli 198 sa 204 TFUE), arranġamenti li l-modalitajiet u l-proċeduri tagħhom ġew stabbiliti mid-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001, abbażi tal-Artikolu 136 tal-imsemmi Trattat (li sar l-Artikolu 187 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 203 TFUE).

76

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat KE, jiġifieri dawk li ma humiex inklużi fir-Raba’ parti tiegħu, ma humiex applikabbli għall-PTEE mingħajr referenza espressa (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, X u TBG, C‑24/12 u C‑27/12, EU:C:2014:1385, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jaqax taħt il-każ previst minn din il-ġurisprudenza. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ssostnix li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali japplika għal Curaçao u għal Aruba, iżda ssostni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa obbligat, skont dan il-prinċipju, li jwieġeb għall-konsegwenzi ta’ ħruġ illegali ta’ ċertifikati EUR. 1 mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba. Issa, kif tfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi prinċipju huwa impost fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala Stat Membru tal-Unjoni.

77

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwiex, skont l-obbligi tiegħu bħala Stat Membru taħt l-Artikolu 4(3) TUE, responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni, għall-ħruġ eventwali ta’ ċertifikati EUR. 1 mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba bi ksur tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001, fit-tieni lok, jekk huwiex obbligat, skont din id-dispożizzjoni, jikkumpensa l-ammont, jekk ikun il-każ flimkien ma’ interessi moratorji, ta’ telf eventwali ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżulta minnu u, fit-tielet lok, fl-affermattiv, jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwiex fondat.

– Fuq ir-responsabbiltà tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi minħabba ħruġ illegali eventwali ta’ ċertifikati EUR. 1 mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba

78

Il-Kummissjoni ssostni li huwa minħabba relazzjonijiet speċjali li jorbtu lil Curaçao u lil Aruba mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li dan l-Istat Membru għandu jwieġeb, fil-konfront tal-Unjoni, għall-atti u għall-ommissjonijiet tal-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba meta dawn ħarġu ċertifikati EUR. 1 bi ksur tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001.

79

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jinsab fost l-Istati Membri li għandhom, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE), “relazzjonijiet speċjali” ma’ PTEE. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-issuġġettar ta’ dawn il-pajjiżi u territorji għall-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni ddefiniti fir-Raba’ parti tat-Trattat KE kien ibbażat, fiż-żmien ta’ dan il-ħruġ, fuq dawn ir-relazzjonijiet speċjali.

80

L-imsemmija relazzjonijiet speċjali huma kkaratterizzati mill-fatt li l-PTEE ma humiex Stati indipendenti, iżda jikkostitwixxu pajjiżi u territorji li jiddependu fuq tali Stat, li jiżgura b’mod partikolari r-rappreżentanza tagħhom fuq livell internazzjonali (ara, f’dan is-sens, l-Opinjonijiet 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar il-gomma naturali), tal‑4 ta’ Ottubru 1979, EU:C:1979:224, punt 62, u 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO), tal‑15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 17).

81

Skont l-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 198 TFUE), l-applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni ddefiniti fir-Raba’ parti ta’ dan it-Trattat, intiżi sabiex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tal-PTEE, tibbenefika biss lil pajjiżi u lil territorji li għandhom relazzjonijiet speċjali mal-Istat Membru kkonċernat, li jkun talab li jsiru applikabbli għalihom l-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni. Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, Curaçao u Aruba, li kienu jagħmlu parti mill-Antilli Olandiżi meta daħal fis-seħħ it-Trattat KEE, l-Istati Membri kkonkludew il-Konvenzjoni 64/533/KEE tat‑13 ta’ Novembru 1962 li tirrevedi t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea sabiex tagħmel applikabbli għall-Antilli Olandiżi l-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni ddefiniti fir-Raba’ parti ta’ dan it-Trattat (ĠU 1964, P 150, p. 2414).

82

Għalhekk, il-kliem użat, b’mod partikolari, fl-ewwel premessa kif ukoll fl-Artikolu 234 u fl-Artikolu 235(2) tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 kif ukoll, b’mod partikolari, fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001 sabiex jiġi indikat l-Istat Membru “responsabbli għal” PTEE jew l-Istat Membru “li miegħu huma marbuta” il-PTEE huma l-espressjoni tar-relazzjonijiet speċjali li jeżistu bejniethom, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE). Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Anness I tagħha, li minnu jirriżulta li Curaçao u Aruba kienu PTEE “tar-”Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

83

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-imsemmija arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni, il-prodotti li joriġinaw minn Curaçao u minn Aruba kienu jibbenefikaw minn aċċess ipprivileġġat għas-suq intern ħielsa minn dazji doganali u minn taxxi b’effett ekwivalenti, skont l-Artikolu 133(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 184(1) KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 200(1) TFUE), moqri flimkien mal-Artikolu 101(1), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 108(1) kif ukoll l-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 (Artikolu 35 u l-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001).

84

Issa, il-ħruġ ta’ ċertifikati EUR. 1 kien irregolat mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 12(6) tal-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 (l-Artikolu 15(4) tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001), li kien japplika għat-territorju tal-PTEE skont l-Artikolu 237 tiegħu, dawn iċ-ċertifikati, li jistabbilixxu din l-oriġini, kellhom jinħarġu mill-awtoritajiet tal-PTEE. Għalhekk, meta dawn l-awtoritajiet kienu joħorġu tali ċertifikati, huma kellhom l-obbligu li josservaw ir-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 (Anness III tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001).

85

Barra minn hekk, il-proċeduri previsti mid-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001 għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim jew ta’ problemi li jistgħu jqumu f’dan il-kuntest kienu jirriflettu n-natura ċentrali li kellhom, għall-arranġamenti għal assoċjazzjoni ddefiniti fir-Raba’ parti tat-Trattat KE, ir-relazzjonijiet speċjali, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE), bejn il-PTEE kkonċernat u l-Istat Membru responsabbli għalih.

86

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 26(7) tal-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 kif ukoll l-Artikolu 34 tal-Anness III tad-deċiżjoni PTEE tal‑2001, li jgħidu li t-tilwim dwar il-legalità ta’ ċertifikati EUR. 1 li dwarhom ma setax jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni u dawk tal-PTEE ta’ esportazzjoni kellhom jiġu deċiżi fil-livell tal-Kumitat dwar l-oriġini u sussegwentement fil-livell tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, fil-kuntest ta’ proċedura li fiha kien jipparteċipa, b’mod partikolari, rappreżentant tal-Istat Membru responsabbli għall-PTEE ta’ esportazzjoni iżda mhux l-awtoritajiet lokali kompetenti ta’ dan il-PTEE.

87

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda r-riżoluzzjoni eventwali ta’ problemi li jistgħu jqumu fil-kuntest ta’ ħruġ illegali ta’ ċertifikati EUR. 1 fil-kuntest tas-sħubija msemmija fl-Artikoli 234 u 235 tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 (u wara l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001), għandu jiġi kkonstatat li din is-sħubija ma setgħetx tkun ibbażata fuq djalogu bilaterali bejn il-PTEE kkonċernat u l-Kummissjoni, iżda kienet teħtieġ konsultazzjoni trilaterali li fiha kellhom jipparteċipaw, minbarra l-Kummissjoni, l-Istat Membru responsabbli għal PTEE u l-awtoritajiet lokali kompetenti ta’ dan tal-aħħar. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991, il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-PTEE f’din il-konsultazzjoni trilaterali kienet meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-“kompetenzi tal-awtoritajiet ċentrali rispettivi tal-Istati Membri kkonċernati”. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001 kien jenfasizza n-neċessità li jiġi osservat il-“mod kif l-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri konċernati huma organizzati”.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ relazzjonijiet speċjali, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE), bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-PTEE tiegħu hija ta’ natura li toħloq responsabbiltà speċifika ta’ dan l-Istat Membru fil-konfront tal-Unjoni meta l-awtoritajiet ta’ dawn l-PTEE joħorġu ċertifikati EUR. 1 bi ksur tal-imsemmija deċiżjonijiet.

89

Madankollu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-eżistenza ta’ tali responsabbiltà. L-ewwel nett, huwa jsostni li, peress li t-Trattat KE ġie rrattifikat biss għall-Pajjiżi l-Baxxi, hemm lok li ssir distinzjoni bejn Curaçao u Aruba, minn naħa, u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala Stat Membru, min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar il-gomma naturali), tal‑4 ta’ Ottubru 1979 (EU:C:1979:224, punt 62). It-tieni nett, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita permezz tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001 kienet tippermetti li jiġu indirizzati direttament l-awtoritajiet tal-imsemmija PTEE, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax iżżommu responsabbli għall-atti ta’ dawn l-awtoritajiet abbażi tal-Artikolu 4(3) TUE. It-tielet nett, ir-rikonoxximent ta’ tali responsabbiltà jippreġudika l-awtonomija ta’ dawn il-PTEE, bi ksur tal-Artikolu 4(2) TUE u tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

90

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel argument, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment, fil-punt 62 tal-opinjoni ċċitata fil-punt preċedenti, li, meta Stat Membru jikkonkludi ftehim internazzjonali bħala rappreżentant internazzjonali ta’ PTEE taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat, huwa ma jaġixxix fil-kwalità ta’ Stat Membru. Madankollu, din il-konstatazzjoni, li ppermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li tali rappreżentanza ma kellhiex effett fuq id-“delimitazzjoni tal-isferi ta’ kompetenza fi ħdan il-Komunità”, ma hijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata r-responsabbiltà ta’ Stat Membru fil-kuntest tal-ħruġ, mill-awtoritajiet ta’ PTEE taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru, ta’ ċertifikati EUR. 1 bi ksur tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001, li kien irregolat mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fit-territorju tal-PTEE.

91

Għal dak li jirrigwarda t-tieni argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ibbażat fuq is-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita permezz tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001, huwa minnu li, skont l-Artikolu 26(6) tal-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 u sussegwentement l-Artikolu 32(8) tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001, kienu l-awtoritajiet tal-PTEE kkonċernat li kellhom, b’mod partikolari, iwettqu l-investigazzjonijiet neċessarji meta l-proċedura ta’ kontroll prevista fl-Artikolu 26(1) tal-Anness II tal-ewwel deċiżjoni u sussegwentement fl-Artikolu 32(2) tal-Anness III tat-tieni deċiżjoni jew kull informazzjoni oħra disponibbli kienet tidher li tindika li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-annessi kienu ġew miksura. Madankollu, minn naħa, dawn l-istess dispożizzjonijiet kienu jipprevedu li l-Kummissjoni “tista’ tipparteċipa” fl-investigazzjonijiet intiżi sabiex jiġi identifikat u jiġi evitat ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ taċ-ċertifikati EUR. 1, mingħajr ma jimponu fuqha obbligu f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 26(7) tal-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 u sussegwentement l-Artikolu 34 tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001 kienu jistabbilixxu li t-tilwimiet fir-rigward ta’ tali investigazzjonijiet jew li jqajmu problema ta’ interpretazzjoni “għandhom jiġu sottomessi” għal proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn kienu intiżi biss għat-tilwim bejn l-Istat ta’ importazzjoni u l-PTEE ta’ esportazzjoni u, għaldaqstant, ma kinux jorbtu lill-Kummissjoni.

92

Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-dispożizzjonijiet relatati mal-konsultazzjoni msejħa “sħubija” lanqas ma jipprekludu li Stat Membru jkun jista’ jinżamm responsabbli, skont l-Artikolu 4(3) TUE, għall-ħruġ illegali ta’ ċertifikati EUR. 1 mill-awtoritajiet tal-PTEE tiegħu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 234 tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991, l-azzjoni tal-Unjoni kellha tkun ibbażata “kemm jista’ jkun” fuq din il-konsultazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru responsabbli għall-PTEE u l-awtoritajiet lokali kompetenti ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 235(2) ta’ din id-deċiżjoni, gruppi ta’ ħidma ta’ assoċjazzjoni “jistgħu jinħolqu”, fuq talba, b’mod partikolari, tal-PTEE kkonċernati, sabiex tiġi ttrattata kwalunkwe problema bejn l-PTEE u l-Unjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001 kien jipprevedi biss li l-gruppi ta’ ħidma ta’ sħubija stabbiliti għal kull PTEE “jistgħu jiġu mlaqqa’” fuq talba b’mod partikolari ta’ PTEE. Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li din il-proċedura ta’ sħubija ma ġietx implimentata f’dan il-każ, xorta jibqa’ l-fatt li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tindika li dawn kienu jagħtu natura fakultattiva lil din l-implimentazzjoni.

93

It-tielet argument, ibbażat fuq l-awtonomija kostituzzjonali ta’ Curaçao u ta’ Aruba, lanqas ma jista’ jintlaqa’, peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jesponix kif ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għall-atti tal-PTEE tiegħu, li hija bla ħsara għall-missjonijiet fdati lil dawn tal-aħħar permezz tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001, tista’ tkun ta’ natura li tippreġudika l-awtonomija tagħhom.

94

Għandha tiġi evalwata wkoll il-kwistjoni dwar liema tipi ta’ żbalji mwettqa minn PTEE fil-kuntest tal-ħruġ ta’ ċertifikati EUR. 1 għandhom jitqiesu bħala r-responsabbiltà tal-Istat Membru li huwa responsabbli għal dan il-PTEE.

95

F’dan ir-rigward, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Stils Met, C‑382/09, EU:C:2010:596, punt 44, u tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 94).

96

Issa, fid-dawl tan-natura preferenzjali u derogatorja tal-proċedura doganali li minnha kienu jibbenefikaw il-prodotti li joriġinaw mill-PTEE, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 133(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 184(1) KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 200(1) TFUE) u fl-Artikolu 101(1), moqri flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 108(1) kif ukoll mal-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 (Artikolu 35 u Anness III tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001), l-obbligu mfakkar fil-punt preċedenti japplika b’rigorożità partikolari f’dan il-każ. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà lejn l-Unjoni li taqa’ fuq l-Istat Membru responsabbli għal PTEE hija estiża, skont l-Artikolu 4(3) TUE, għal kull żball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ dan il-PTEE, fil-kuntest tal-ħruġ ta’ ċertifikati EUR. 1.

97

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa, skont l-obbligi imposti fuqu bħala Stat Membru taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE) kif ukoll taħt l-Artikolu 4(3) TUE, responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni, għall-ħruġ eventwali mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba ta’ ċertifikati EUR. 1 bi ksur tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-lum, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Responsabbiltà għall-azzjoni ta’ PTEE), C‑391/17, punt 95).

– Fuq l-obbligu li jiġi kkumpensat it-telf eventwali ta’ riżorsi proprji, skont l-Artikolu 4(3) TUE

98

Hija ġurisprudenza stabbilita li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Istati Membri huma obbligati jħassru l-konsegwenzi illeċiti ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri li għandhom jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw ksur ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et, C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punti 3738, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C‑597/17, EU:C:2019:544, punt 54).

99

Sa fejn il-ħruġ ta’ ċertifikat EUR. 1 bi ksur tad-Deċiżjonijiet PTEE tal‑1991 u tal‑2001, jipprekludi, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 220(2)(b) u fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni kkonċernat milli jiġbru d-dazji doganali li kellhom jiġbru fl-assenza ta’ tali ċertifikat EUR. 1, it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni li jirriżulta minnu jikkostitwixxi l-konsegwenza illeċita ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali telf għandu jiġi kkumpensat jew permezz ta’ riżorsi proprji oħra, jew permezz ta’ aġġustament tal-ispejjeż (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 54, u tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑105/02, EU:C:2006:637, punt 88).

100

Għaldaqstant, l-Istat Membru li huwa responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni, għall-ħruġ illegali ta’ tali ċertifikat għandu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedja dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għandu jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-lum, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Responsabbiltà għall-azzjoni ta’ PTEE), C‑391/17, punt 98).

101

Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, il-kwistjoni dwar jekk l-ammont ta’ tali telf ta’ riżorsi proprji għandux, skont il-każ, jiżdied b’interessi moratorji, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-kumpens biss tal-ammont tad-dazji doganali li ma setgħux jinġabru ma jistax ikun biżżejjed sabiex jitħassru l-konsegwenzi illeċiti ta’ ħruġ illegali ta’ ċertifikat EUR. 1.

102

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument ibbażat fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali, invokat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mir-Renju Unit, li jgħid li tali obbligu ta’ kumpens ma jistax jeżisti fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa dwar tali obbligu fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-obbligu li jiġi kkumpensat it-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta minn ħruġ illegali ta’ ċertifikati EUR. 1 jikkostitwixxi biss espressjoni partikolari tal-obbligu, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirrimedjaw ksur tad-dritt tal-Unjoni u jħassru l-konsegwenzi illeċiti tiegħu. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, dan l-obbligu jestendi għall-konsegwenzi illeċiti kollha ta’ ksur ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari għal dawk li huma ta’ natura finanzjarja, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

103

Madankollu, l-interessi moratorji jibdew jiddekorru biss mid-data tat-talba mressqa lill-Istat Membru kkonċernat intiża sabiex jiġi kkumpensat l-imsemmi telf ta’ riżorsi proprji.

104

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li l-Istat Membru li huwa responsabbli fil-konfront tal-Unjoni għal ħruġ illegali ta’ ċertifikati EUR. 1 minn PTEE li għalih huwa responsabbli huwa obbligat, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jikkumpensa telf eventwali ta’ riżorsi proprji, miżjuda, jekk ikun il-każ, b’interessi moratorji.

– Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat

105

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, mill‑1997 sal‑2000 kif ukoll fl‑2002 u fl‑2003, merkanzija li tibbenefika minn ċertifikati EUR. 1 maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba ġew importati fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja ħielsa minn dazji fuq l-importazzjoni.

106

Huwa paċifiku bejn il-partijiet li ċ-ċertifikati EUR. 1 inkwistjoni nħarġu mill-imsemmija awtoritajiet, minkejja li l-merkanzija inkwistjoni ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex titqies bħala prodotti ta’ oriġini preferenzjali, skont l-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 u l-Artikolu 35(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001. Huwa paċifiku wkoll li l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet wassal sabiex l-Unjoni ġarrbet telf ta’ riżorsi proprji, bħala dazji fuq l-importazzjoni.

107

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa obbligat, skont l-Artikolu 4(3) TUE, jikkumpensa l-ammont ta’ dan it-telf ta’ riżorsi proprji, kif mitlub mill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tas‑27 ta’ Jannar u tal‑31 ta’ Mejju 2012.

108

Madankollu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba jipprekludu, f’dan il-każ, il-possibbiltà li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu ta’ kumpens, għar-raġuni li l-Kummissjoni ma talbitux dan il-kumpens f’terminu raġonevoli konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punt 48).

109

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti tikkonċerna l-Artikolu 85b tar-Regolament ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin tal-Artikolu 73a tar-Regolament finanzjarju għad-data ta’ skadenza kkomunikata lid-debitur fin-nota ta’ debitu.

110

Fl-imsemmija sentenza, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta t-testi applikabbli jkunu siekta, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel din il-komunikazzjoni f’terminu raġonevoli, filwaqt li tippreċiża li t-terminu ta’ komunikazzjoni ta’ nota ta’ debitu għandu jiġi preżunt irraġonevoli meta din il-komunikazzjoni sseħħ lil hinn minn perijodu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mill-mument li fih l-istituzzjoni ġeneralment setgħet titlob il-kreditu tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Nencini vs Il-Parlament, C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punti 4849).

111

Madankollu, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 73a tar-Regolament finanzjarju u l-Artikolu 85b tar-Regolament ta’ implimentazzjoni japplikawx għall-obbligu li jiġi kkumpensat telf ta’ riżorsi proprji skont l-Artikolu 4(3) TUE, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma qabżitx it-terminu ta’ ħames snin li lil hinn minnu t-terminu ta’ komunikazzjoni ta’ nota ta’ debitu għandu jiġi preżunt irraġonevoli skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li t-telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżulta mill-ħruġ illegali ta’ ċertifikati EUR. 1 mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba sar definittiv biss fl‑2009. Sa fejn, qabel din id-data, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li titlob il-kumpens tal-imsemmi telf, għandu jitqies li din osservat l-imsemmi terminu ta’ ħames snin meta talbet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jwettaq dan il-kumpens fl‑2012.

112

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma kkumpensax it-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta mill-ħruġ illegali, fid-dawl tad-Deċiżjoni PTEE tal‑1991 u sussegwentement tad-Deċiżjoni PTEE tal‑2001, mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba, ta’ ċertifikati EUR. 1 għal dak li jikkonċerna, rispettivament, importazzjonijiet ta’ trab tal-ħalib u ta’ ross minn Curaçao matul il-perijodu 1997/2000 u importazzjonijiet ta’ xgħir u barli mitħun oħxon u ta’ smida minn Aruba matul il-perijodu 2002/2003, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE.

Fuq l-ispejjeż

113

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

114

Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma kkumpensax it-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta mill-ħruġ illegali, fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1991 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea u sussegwentement tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas‑27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea, mill-awtoritajiet ta’ Curaçao u ta’ Aruba, ta’ ċertifikati EUR. 1 għal dak li jikkonċerna, rispettivament, importazzjonijiet ta’ trab tal-ħalib u ta’ ross minn Curaçao matul il-perijodu 1997/2000 u importazzjonijiet ta’ xgħir u barli mitħun oħxon u ta’ smida minn Aruba matul il-perijodu 2002/2003, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE.

 

2)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.