KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-17 ta’ Ottubru 2019 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑103/18 u C‑429/18

Domingo Sánchez Ruiz

vs

Comunidad de Madrid (Servicio Madrileño de Salud) (C‑103/18)

u

Berta Fernández Álvarez,

BMM,

TGV,

Natalia Fernández Olmos,

Maria Claudia Téllez Barragán

vs

Consejería de Sanidad de la Comunidad de Madrid (C‑429/18)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid (Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Klawżola 5 – Kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi fil-qasam tas-saħħa pubblika – Użu abbużiv – Kunċett ta’ eżiġenzi permanenti u sostenibbli – Miżuri intiżi li jippenalizzaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat – Konverżjoni f’relazzjoni ta’ impjieg statutorja għal żmien indeterminat –– Ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju”

I. Introduzzjoni

1.

Iż-żewġ kawżi magħquda joriġinaw minn rinviju għal deċiżjoni preliminari mressaq rispettivament mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid no 8 u no 14 (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 8 u Nru 14 ta’ Madrid, Spanja), li min-naħa tagħhom huma marbuta mat-talba tal-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo de Madrid Nru°4 (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 4 ta’ Madrid, Spanja) fil-Kawża C‑16/15 ( 2 ).

2.

L-użu manifestament kontinwu u mifrux ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet tar-riżorsi umani fil-qasam tas-saħħa pubblika tal-Comunidad de Madrid (il-Komunità Awtonoma ta’ Madrid) qiegħed jiġi kkritikat biċ-ċar mill-qrati nazzjonali fiż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari. Dawn issa ressqu 16-il domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiċċaraw il-ġurisdizzjoni tagħhom li jissanzjonaw abbużi li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi skont il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss tat-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem: il-“Ftehim qafas”) ( 3 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

3.

F’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni hija d-Direttiva 1999/70. L-għan tad-direttiva, fid-dawl tal-Artikolu 1 tagħha, huwa l-implimentazzjoni tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss (iktar ’il quddiem ukoll: il-“Ftehim qafas”), konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali tal-industrija (ETUC, UNICE u CEEP), li jinsab anness mal-imsemmija direttiva.

4.

Il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas tipprovdi:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

a)

li titjieb il-kwalita’ ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non- diskriminazzjoni;

b)

li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

5.

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż, tipprovdi:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

(a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

B.   Id-dritt Spanjol

6.

L-Artikolu 9 tal-Ley 55/2003 del Estatuto Marco del personal estatutario de los servicios de salud (il-Liġi 55/2003 dwar ir-Regolamenti Qafas tal-Persunal Statutorju tas-Servizzi tas-Saħħa) tas-16 ta’ Diċembru 2003 ( 4 ) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti qafas”) jippermetti lill-istituzzjonijiet tas-saħħa pubblika jaħtru persunal statutorju temporanju għal raġunijiet ta’ neċessità jew ta’ urġenza jew għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ natura temporanja, awżiljarja jew straordinarja.

7.

Tali ħatriet jistgħu jkunu fuq bażi interim, okkażjonali jew sostitwenti. Ir-rekwiżiti differenti għall-ħatriet taħt wieħed minn dawn it-tliet tipi ta’ persunal statutorju impjegat għal żmien determinat huma stabbiliti fl-Artikolu 9(2) sa (4) tar-Regolamenti qafas kif ġej:

“2.   Il-ħatra ad interim tista’ ssir sabiex timtela temporanjament pożizzjoni vakanti fiċ-ċentri jew servizzi tas-saħħa, meta jkun meħtieġ li jkunu okkupati funzjonijiet korrispondenti.

Il-funzjonijiet tal-persunal statutorju ad interim jintemmu meta jiġi rreklutat persunal permanenti għall-pożizzjoni okkupata permezz ta’ proċedura legali jew regolatorja stabbilita, kif ukoll meta din il-pożizzjoni tiġi abolita.

3.   Il-ħatra fuq bażi okkażjonali għandha ssir fil-każijiet li ġejjin:

a)

meta tkun tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi partikolari ta’ natura temporanja, awżiljarja jew straordinarja;

b)

meta tkun neċessarja sabiex tiżgura l-funzjonament permanenti u kontinwu taċ-ċentri tas-saħħa;

ċ)

għall-provvista ta’ servizzi kumplimentari sabiex jiġi kkumpensat it-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali.

Il-funzjonijiet tal-persunal statutorju okkażjonali jintemmu meta jitwettaq l-għan tal-ħatra jew meta jiskadi t-terminu evalwat espressament fil-ħatra, kif ukoll meta l-funzjonijiet li mmotivawh f’dak iż-żmien ġew aboliti.

Jekk ikun hemm iktar minn żewġ ħatriet għall-provvista tal-istess servizzi għal perijodu kumulattiv ta’ 12-il xahar jew iktar fuq perijodu ta’ sentejn, ikun lok li jiġu eżaminati r-raġunijiet ta’ dawn il-ħatriet sabiex jiġi evalwat, jekk ikun il-każ, jekk hemmx lok li tinħoloq pożizzjoni strutturali fl-istituzzjoni kkonċernata.

4.   Il-ħatra bħala persunal ad interim tintuża meta jkun meħtieġ li jimtlew il-funzjonijiet ta’ persunal permanenti jew temporanju matul perijodi ta’ vaganzi, ta’ leave u assenzi temporanji oħra li jinvolvu ż-żamma tal-pożizzjoni.

Il-ħatra ta’ persunal statutorju sostituttiv tintemm meta l-persunal ssostitwit jerġa’ jkun integrat, kif ukoll meta dan tal-aħħar jitlef id-dritt tiegħu għal integrazzjoni mill-ġdid fl-istess pożizzjoni jew fl-istess funzjoni.”

8.

L-Artikolu 10 tal-Ley del Estatuto Básico del Empleado Público (il-Liġi dwar ir-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku), li ġie approvat mir-Real Decreto Legislativo 5/2015 tat-30 ta’ Ottubru (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 5/2015 tat-30 ta’ Ottubru 2015) ( 5 ) (iktar ’il quddiem: ir-“Regolamenti Bażiċi”) jipprovdi kif ġej dwar pożizzjonijiet vakanti li jimtlew permezz tal-imsejħa membri tal-persunal ad interim:

“(1)   Membri tal-persunal ad interim huma persuni li, għal raġunijiet ta’ neċessità u urġenza ġġustifikati espressament, jinħatru f’din il-kwalità sabiex jeżerċitaw funzjonijiet li jwettquhom uffiċjali permanenti, fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

l-eżistenza ta’ pożizzjonijiet vakanti li ma jistgħux jiġu okkupati minn uffiċjali permanenti, […]”

Skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolamenti Bażiċi, pożizzjonijiet vakanti li jimtlew skont din id-dispożizzjoni, għandhom fil-prinċipju jiġu inklużi fl-offerta pubblika tal-impjieg fis-sena tar-reklutaġġ korrispondenti jew f’dik tas-sena sussegwenti. Sabiex tkun tista’ ssir l-offerta pubblika, għandhom jitwettqu proċeduri ta’ selezzjoni jekk ir-riżorsi umani meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu koperti minn strumenti oħra komparabbli. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 70(1) tar-Regolamenti Bażiċi jipprovdi perijodu ta’ tliet snin, li ma jistax jiġi pprorogat, li fih jiġu ppubblikati l-proċeduri ta’ selezzjoni neċessarji.

9.

Ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tar-Regolamenti Bażiċi tipprovdi proċeduri ta’ selezzjoni miftuħa sabiex jimtlew pożizzjonijiet okkupati minn persunal ad interim jew persunal kuntrattwali ieħor. F’dan il-kuntest, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost oħrajn, l-anzjanità u l-esperjenza fil-pożizzjoni inkwistjoni.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A.   Kawża C‑103/18

10.

D. Sánchez Ruiz ġie rreklutat fit-2 ta’ Novembru 1999 bħala membru tal-persunal temporanju (persunal statutorju temporanju impjegat sabiex timtela pożizzjoni vakanti) mis-Servicio Madrileño de la Salud der Comunidad de Madrid (is-Servizz tas-Saħħa Pubblika tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid), fejn ħadem bħala speċjalista tal-informatika fil-kategorija “persunal amministrattiv tekniku”.

11.

Minħabba l-abolizzjoni ta’ din il-kategorija ta’ persunal insegwitu ta’ riforma leġiżlattiva, ir-relazzjoni tal-impjieg ġiet itterminata fit-28 ta’ Diċembru 2011 u tkompliet fl-istess jum fejn ġie rreklutat bħala persunal temporanju fl-istess pożizzjoni. Permezz ta’ din il-ħatra mill-ġdid, D. Sánchez Ruiz ġie assenjat lill-kategorija l-ġdida “persunal statutorju fil-qasam tal-informatika u tal-kommunikazzjoni”.

12.

Skont il-qorti tar-rinviju, D. Sánchez Ruiz la pparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni ppubblikata fis-27 ta’ Mejju 2015 (proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet) fil-kategorija tiegħu għall-finijiet ta’ aċċess għal pożizzjoni permanenti, l-unika waħda fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni tiegħu mill-1999, u lanqas ikkontesta din il-pubblikazzjoni.

13.

Fil-mument tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, D. Sánchez Ruiz kien għadu jaħdem fuq il-bażi deskritta iktar ’il fuq. Huwa f’ebda mument ma kkontesta t-terminazzjoni u l-ħatra mill-ġdid tiegħu tat-28 ta’ Diċembru 2011.

14.

Fil-21 ta’ Diċembru 2016, huwa talab lill-Komunità ta’ Madrid rikonoxximent tal-pożizzjoni permanenti tiegħu bħala membru tal-persunal statutorju impjegat għal żmien indeterminat jew membru tal-persunal ekwivalenti. Pożizzjoni permanenti hawnhekk għandha tinftiehem bħala l-appartanenza mal-persunal statutorju impjegat mas-servizzi tas-saħħa pubblika għal żmien indeterminat u fit-tul. Għandha ssir distinzjoni bejn dan il-persunal u l-persunal impjegat għal żmien indeterminat izda mhux fit-tul, li ma huwiex intitolat jibqa’ fl-impjieg jekk il-pożizzjoni li jokkupa tiġi abolita jew tiġi okkupata permanentement ( 6 ). Il-Viceconsejero de Sanidad (il-Viċi Ministru għas-Saħħa) ċaħad l-applikazzjoni, u għalhekk, D. Sánchez Ruiz ressaq kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

15.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contensioso-Administrativo no8 de Madrid (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 8 ta’ Madrid, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Sitwazzjoni bħal dik deskritta f’din il-kawża (li fiha l-persuna li timpjega pubblika tonqos milli tosserva l-limiti ratione temporis legali meħtieġa u permezz ta’ dan tippermetti kuntratti temporanji suċċessivi, jew iżżomm in-natura temporanja billi tibdel it-tip ta’ ħatra minn temporanja għal interim jew ta’ sostituzzjoni), tista’ tinftiehem bħala użu suċċessiv ta’ ħatriet abbużivi u għaldaqstant titqies bħala sitwazzjoni deskritta fil-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE?

2)

Id-dispożizzjonijiet fil-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, li jidhru fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli proċedurali nazzjonali li jeħtieġu mill-ħaddiem temporanju aġir attiv ta’ kontestazzjoni jew ta’ appell (tal-ħatriet u tal-waqfien suċċessivi kollha), kundizzjoni meħtieġa sabiex dan jista’ jaqa’ taħt id-Direttiva Komunitarja, u jkun jista’ jsostni d-drittijiet mogħija lilu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni?

3)

B’kunsiderazzjoni tal-fatt li fis-settur pubbliku u fl-eżerċizzju ta’ servizzi essenzjali, in-neċessità li jiġu koperti pożizzjonijiet vakanti, mard, vaganzi hija essenzjalment “permanenti” u minħabba dan ikun neċessarju li jitfassal il-kunċett ta’ “raġuni oġġettiva”” li jiġġustifika r-reklutaġġ temporanju:

a)

Il-fatt li l-ħaddiem temporanju jwettaq, kuntratti interim suċċessivi mingħajr interruzzjoni billi jaħdem il-ġranet kollha tas-sena jew kważi, permezz ta’ ħatriet/sejħiet konsekuttivi u suċċessivi li jiġu estiżi, fuq bażi kompletament stabbli mal-medda tas-snin, u meta dan iseħħ filwaqt li dejjem tiġi ssodisfatta r-raġuni għalfejn ġie msejjaħ, jista’ jinftiehem li jkun kuntrarju għad-Direttiva 1999/70/KE (klawżola 5(1)(a)) u għalhekk li ma teżistix raġuni oġġettiva?

b)

Difett li huwa espress fil-perċentwali ta’ kuntratt interim fis-settur inkwistjoni, [u/jew] li fih dawn in-neċessitajiet dejjem u bħala regola jiġu koperti minn ħaddiema temporanji, li jinbidlu b’mod stabbli f’element essenzjali fl-iżvilupp tas-settur pubbliku, għandu jinftiehem bħala neċessità permanenti u mhux temporanja u għaldaqstant li ma jaqax taħt ir-“raġuni oġġettiva” li tinsab fil-klawżola 5(1)(a) b’kunsiderazzjoni lejn il-parametri deskritti, jiġifieri l-eżistenza ta’ numru kbir ta’ ħatriet u ta’ sejħiet, li jiġu estiżi matul is-snin, bħall-eżistenza ta’ difett strutturali?

c)

Jew jista’ jitqies li, essenzjalment, jeħtieġ sempliċement, sabiex jiġi stabbilit liema huwa l-limitu permess ta’ temporanjetà, li jsir unikament riferiment għas-sens letterali tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-użu ta’ dawn il-ħaddiema temporanji, meta din tipprovdi li jistgħu jiġu maħtura minħabba raġunijiet ta’ neċessità, ta’ urġenza jew għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ natura temporanja, staġonali jew straordinarja, b’mod definittiv, sabiex titqies li teżisti raġuni oġġettiva, l-użu tal-ħaddiema għandu jissodisfa dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, u li dan jieqaf milli jkun il-każ u għaldaqstant jeżisti abbuż meta l-użu tagħhom ma jibqax iktar speċifiku, okkażjonali jew ċirkostanzjali?

4)

Interpretazzjoni ta’ raġunijiet ta’ neċessità, ta’ urġenza jew għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ natura temporanja, staġonali jew straordinarja bħala raġunijiet oġġettivi għar-reklutaġġ u għat-tiġdid suċċessiv tal-ispeċjalisti informatiċi statutorji temporanji, meta dawn l-impjegati pubbliċi jeżerċitaw b’mod permanenti u stabbli funzjonijiet ordinarji li jsiru mill-impjegati statutorji fissi, mingħajr ma l-Amministrazzjoni li timpjega tistabbilixxi limiti massimi f’dawn il-ħatriet, u mingħajr ma twettaq l-obbligi legali sabiex timla dawn il-pożizzjonijiet u dawn in-neċessitajiet b’uffiċjali fissi, u lanqas ma tistabbilixxi miżura ekwivalenti sabiex tipprevjeni u tevita l-abbuż fir-relazzjoni ta’ xogħol temporanja suċċessiva, fejn jitwettqu s-servizzi pprovduti mill-impjegati li huma speċjalisti informatiċi statutorji temporanji għal perijodi ta’ żmien, f’dan il-każ għal 17-il sena ta’ servizzi kontinwi, hija konformi mal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE?

5)

Id-dispożizzjonijiet fil-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, li jidhru fl-Anness tad-Direttiva 1999/70 u l-interpretazzjonijiet li tagħti dwaru l-Qorti tal-Ġustizzja, huma kompatibbli mal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), sa fejn tistabbilixxi, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni kriterji oħra, l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi fir-rigward tar-raġuni ta’ ħatra, fil-limitu ratione temporis proprju tagħha, jew tiddetermina li huwa impossibbli li jiġi stabbilit terminu ta’ paragun mal-uffiċjal permanenti, billi tirreferi għall-ordinament ġuridiku differenti, għas-sistema ta’ aċċess, jew għall-permanenza stess fil-funzjonijiet tal-uffiċjali permanenti filwaqt li tirreferi għan-natura temporanja tal-funzjonijiet eżerċitati mill-membri tal-persunal interim?

6)

Peress li l-qorti nazzjonali kkonstatat l-abbuż fir-reklutaġġ suċċessiv tal-impjieg pubbliku statutorju temporanju interim għas-servizz ta’ SERMAS, li huwa intiż sabiex ikopri neċessitajiet permanenti u strutturali tal-provvista ta’ servizzi tal-impjegati statutorji fissi, peress li fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ma teżisti ebda miżura effettiva sabiex dan l-abbuż jiġi ssanzjonat u li jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju, il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-qorti nazzjonali li tadotta miżuri effettivi u dissważivi li jiggarantixxu l-effett utli tal-Ftehim Qafas, u għaldaqstant, li tissanzjona dan l-abbuż u telimina l-konsegwenzi tal-ksur ta’ din ir-regola Ewropea, u b’hekk tipprekludi milli tiġi applikata r-regola nazzjonali li timpedixxi dan?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, u fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 2016, C‑184/15 u C‑197/15:

It-trasformazzjoni tar-relazzjoni statutorja ta’ xogħol temporanja interim/eventwali/sostituzzjoni, f’relazzjoni statutorja stabbli, kemm permezz ta’ din il-ħatra bħala impjegat pubbliku fiss kif ukoll għal żmien indeterminat, bl-istess stabbiltà fl-impjieg bħall-impjegati statutorji fissi paragunabbli tkun konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 1999/70/KE, bħala miżura għall-prevenzjoni u għall-issanzjonar tal-abbuż fir-relazzjoni ta’ xogħol temporanja suċċessiva u sabiex tiġi eliminata l-konsegwenza tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni?

7)

Fil-każ ta’ abbuż fir-relazzjoni ta’ xogħol temporanja suċċessiva, il-konverżjoni tar-relazzjoni statutorja temporanja interim f’relazzjoni għal żmien indeterminat jew fissa tista’ tinftiehem li titwettaq biss skont l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70/KE u tal-Ftehim Qafas tagħha, meta l-impjegat statutorju temporanju li jkun bata l-abbuż igawdi mill-istess kundizzjonijiet identiċi ta’ xogħol fir-rigward tal-persunal statutorju fiss (fil-qasam ta’ protezzjoni soċjali, promozzjoni professjonali, ħruġ ta’ pożizzjonijiet vakanti, taħriġ professjonali, leave mingħajr ħlas, sitwazzjonijiet amministrattivi, leave ta’ tip ieħor, drittijiet għall-pensjoni, u waqfien ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol, kif ukoll il-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet organizzati sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti u l-promozzjoni professjonali), konformement mal-prinċipji ta’ permanenza u ta’ irremovibbiltà, bid-drittijiet u obbligi inerenti kollha, fuq livell ta’ ugwaljanza mal-ispeċjalisti informatiċi statutorji fissi?

8)

Id-dritt Komunitarju jobbliga li ssir reviżjoni ta’ sentenzi/atti amministrattivi definittivi f’dawn iċ-ċirkustanzi deskritti kif ġej, meta jiġu ssodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet meħtieġa fis-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz NV (C‑453/00): 1) fid-dritt Spanjol, l-Amministrazzjoni u l-qrati għandhom is-setgħa ta’ reviżjoni, iżda bir-restrizzjonijiet rikonoxxuti li jagħmlu din ir-reviżjoni diffiċli ħafna jew li jkun impossibbli li tintlaħaq; 2) id-deċiżjonijiet ikkontestati saru definittivi bħala konsegwenza ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar/fl-unika istanza; 3) din is-sentenza hija bbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mhux konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li ġiet adottata mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet adita b’talba għal deċiżjoni preliminari; u 4) il-persuna kkonċernata kienet indirizzat ruħha quddiem korp amministrattiv malli saret taf b’din il-ġurisprudenza?

9)

Il-qrati nazzjonali bħall-qrati Ewropej li għandhom jiggarantixxu l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri, jistgħu u għandhom jeħtieġu, u jikkundannaw lill-awtorità amministrattiva nazzjonali tal-Istati Membri sabiex – fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom – jadottaw id-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex jiġu eliminati r-regoli nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod ġenerali, u mad-Direttiva 1999/70/KE, u mal-Ftehim Qafas tagħha, b’mod partikolari?”

B.   Kawża C‑429/18

16.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali C‑429/18 huma membri tal-persunal statutorju temporanju ad interim u jaħdmu bħala dentisti f’diversi ċentri tas-saħħa fil-Komunità ta’ Madrid bħala ħaddiema mas-Servicio de Salud de Madrid (SERMAS) (is-Servizz tas-Saħħa Pubblika ta’ Madrid).

17.

Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti ilhom jaħdmu għal ħafna snin ( 7 ), f’ċerti każijiet fl-istess impjieg iżda fuq bażijiet legali differenti, bħala persunal statutorju impjegat b’mod awżiljarju, ad interim, jew ta’ sostituzzjoni. Reċentement ir-rikorrenti kollha ġew impjegati bħala persunal ad interim statutorju fuq bażi temporanja.

18.

Matul il-perijodu kollu tal-impjieg, ir-rikorrenti, fuq bażi kontinwa u mingħajr interruzzjoni, wettqu l-istess dmirijiet bħall-persunal statutorju permanenti. Ma kien hemm ebda kontestazzjoni tad-diversi ħatriet jew tkeċċijiet suċċessivi.

19.

Fit-22 ta’ Lulju 2016, il-persuni kkonċernati talbu lill-Komunità ta’ Madrid rikonoxximent tal-kwalità tagħhom ta’ persunal statutorju impjegat għal żmien indeterminat jew bħala impjegati ekwivalenti. It-talba ġiet irrifjutata.

20.

Konsegwentement, huma ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn talbuha tapplika d-Direttiva 1999/70 flimkien mal-Ftehim qafas, tiddikjara li d-diskriminazzjoni kollha mġarrba mill-persunal statutorju impjegat b’mod permanenti hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li din id-diskriminazzjoni għandha tiġi eliminata u li huma għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala membri tal-persunal permanenti pubbliku, jew sussidjarjament, bħala membri tal-persunal statutorju ekwivalenti għall-persunal statutorju permanenti.

21.

Huma jsostnu, essenzjalment, li l-pożizzjonijiet okkupati minnhom ma kinux inklużi fl-offerta ta’ impjieg pubbliku bl-iskop li jimtlew minn tobba permanenti speċjalizzati fid-dentistrija fis-sena tar-reklutaġġ tagħhom jew fis-sena sussegwenti, u li l-offerta ta’ impjieg pubbliku jew strument komparabbli ma ġietx implimentata qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin, li ma jistax jiġi pprorogat, kif previst mir-regoli nazzjonali.

22.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contensioso-Administrativo no14 de Madrid (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 8 ta’ Madrid, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Hija konformi mal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE l-interpretazzjoni mogħtija mill-Juzgado Contencioso-Administrativo, li r-reklutaġġ temporanju tar-rikorrenti jikkostitwixxi abbuż, sa fejn il-persuna pubblika li timpjega tuża forom differenti ta’ reklutaġġ, kollha temporanji, għat-twettiq[,] b’mod permanenti u stabbli, ta’ funzjonijiet ordinarji li jsiru mill-impjegati statutorji fissi; ikopru difetti strutturali u ħtiġijiet li, fil-fatt, ma humiex provviżorji, iżda permanenti u stabbli? Huwa għalhekk li dan ir-reklutaġġ temporanju hawn deskritt ma huwiex iġġustifikat fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim Qafas, bħala raġuni oġġettiva, sa fejn tali użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien iddeterminat jipprekludi direttament it-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas u l-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim, peress li ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw tali kuntratti ta’ xogħol għal żmien iddeterminat ma humiex issodisfatti?

2)

Hija konformi mal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE l-interpretazzjoni mogħtija mill-Juzgado Contencioso-Administrativo, li l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni ordinarja li għandha l-karetteristiċi deskritti[,] ma hijiex miżura ekwivalenti, u lanqas ma tista’ titqies bħala sanzjoni, peress li ma hijiex proporzjonali għall-abbuż imwettaq, li l-konsegwenza tiegħu huwa t-tmiem tas-servizz tal-ħaddiem temporanju, bi ksur tal-għanijiet tad-Direttiva u ż-żamma tal-qagħda sfavorevoli tal-impjegati statutorji temporanji, u lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala miżura effettiva minħabba li ma tikkawża l-ebda ħsara lill-persuna li timpjega u lanqas ma tissodisfa kwalunkwe funzjoni dissważiva, u għalhekk ma tikkonformax mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 peress li ma tiggarantixxix li l-Istat Spanjol jilħaq ir-riżultati stabbiliti fid-Direttiva?

3)

Hija konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 u mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża C‑16/15 l-interpretazzjoni mogħtija mill-Juzgado Contencioso-Administrativo, li l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni konformi mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera ma tikkostitwixxix sanzjoni adegwata sabiex tissanzjona l-abbuż fir-reklutaġġ temporanju suċċessiv, peress li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma tipprovdix għal mekkaniżmu ta’ sanzjoni effettiva u dissważiva li ttemm l-abbuż fil-ħatra ta’ persunal statutorju temporanju, u ma tippermettix li dawn il-pożizzjonijiet strutturali jimtlew mill-persunal li kien is-suġġett ta’ abbuż, b’tali mod li s-sitwazzjoni ta’ prekarjetà ta’ dawn il-ħaddiema tippersisti?

4)

Hija konsistenti l-interpretazzjoni mogħtija mill-Juzgado Contencioso-Administrativo, li l-konverżjoni ta’ impjiegi tal-ħaddiema temporanji vittmi ta’ abbuż “għal żmien indeterminat mhux permanenti” ma tikkostitwixxix sanzjoni effettiva, sa fejn jistgħu jintemmu l-funzjonijiet ta’ ħaddiem li jkun kiseb dan l-istatus, jew billi l-pożizzjoni tiegħu tiġi koperta permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni jew bit-tneħħija ta’ din il-pożizzjoni, u għalhekk ma hijiex konformi mal-Ftehim Qafas sabiex jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien iddeterminat, sa fejn ma jiġix issodisfat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 peress li ma tiggarantixxix li l-Istat Spanjol jilħaq ir-riżultati stabbiliti fid-Direttiva?

Minħabba f’din is-sitwazzjoni huwa meħtieġ li wieħed itenni d-domandi li ġejjin magħmula fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tat‑30 ta’ Jannar 2018, imressaq mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 8 de Madrid (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali no 8 ta’ Madrid, Spanja) fil-proċedura mħaffa 193/2017:

5)

Peress li l-qorti nazzjonali kkonstatat l-abbuż fir-reklutaġġ suċċessiv tal-impjieg pubbliku statutorju temporanju interim għas-servizz ta’ SERMAS [is-servizz tas-saħħa ta’ Madrid tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid], li huwa intiż sabiex ikopri neċessitajiet permanenti u strutturali tal-provvista ta’ servizzi tal-impjegati statutorji fissi, peress li fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ma teżisti ebda miżura effettiva sabiex dan l-abbuż jiġi ssanzjonat u li jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju, il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-qorti nazzjonali li tadotta miżuri effettivi u dissważivi li jiggarantixxu l-effett utli tal-Ftehim Qafas, u għaldaqstant, li tissanzjona dan l-abbuż u telimina l-konsegwenzi tal-ksur ta’ din ir-regola Ewropea, u b’hekk tipprekludi milli tiġi applikata r-regola nazzjonali li timpedixxi dan?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, u fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Settembru 2016, C‑184/15 u C‑197/15:

Il-konverżjoni tar-relazzjoni statutorja ta’ xogħol temporanja interim/eventwali/sostituzzjoni, f’relazzjoni statutorja stabbli, permezz ta’ din il-ħatra bħala impjegat pubbliku fiss jew għal żmien indeterminat, bl-istess stabbiltà fl-impjieg bħall-impjegati statutorji fissi paragunabbli, u dan fid-dawl tal-fatt li l-liġi Spanjola tipprojbixxi b’mod assolut, fis-settur pubbliku, il-konverżjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat u ma tinkludix xi miżura effettiva oħra sabiex tevita u, jekk ikun il-każ, tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat, hija konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 1999/70/KE, bħala miżura għall-prevenzjoni u għall-issanzjonar tal-abbuż fir-relazzjoni ta’ xogħol temporanja suċċessiva u sabiex tiġi eliminata l-konsegwenza tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni?

6)

Fil-każ ta’ abbuż fir-relazzjoni ta’ xogħol temporanja suċċessiva, il-konverżjoni tar-relazzjoni statutorja temporanja interim f’relazzjoni għal żmien indeterminat jew fissa tista’ tinftiehem li titwettaq biss skont l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70/KE u tal-Ftehim Qafas tagħha, meta l-impjegat statutorju temporanju li jkun safa vittma tal-abbuż igawdi mill-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol fir-rigward tal-persunal statutorju fiss (fil-qasam ta’ protezzjoni soċjali, promozzjoni professjonali, ħruġ ta’ pożizzjonijiet vakanti, taħriġ professjonali, leave mingħajr ħlas, sitwazzjonijiet amministrattivi, leave ta’ tip ieħor, drittijiet għall-pensjoni, u waqfien ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol, kif ukoll il-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet organizzati sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti u l-promozzjoni professjonali), konformement mal-prinċipji ta’ permanenza u ta’ irremovibbiltà, bid-drittijiet u obbligi inerenti kollha, fuq livell ta’ ugwaljanza mal-ispeċjalisti informatiċi statutorji fissi?

7)

Fil-każ tal-eżistenza ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti temporanji ta’ impjieg sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet permanenti, mingħajr ma tkun teżisti raġuni oġġettiva, liema kuntratti ma jkunux jissodisfaw il-ħtieġa urġenti u imperattiva li tiġġustifikahom, fl-assenza ta’ sanzjonijiet jew limiti effettivi fid-dritt nazzjonali [Spanjol], kumpens, ekwiparabbli għal dak li jingħata fil-każ ta’ tkeċċija abbużiva, bħala sanzjoni adegwata, proporzjonat, effettiva u dissważiva, huwa konformi mal-għanijiet li d-Direttiva 1999/70/KE tipprova tilħaq, bħala miżura għall-prevenzjoni tal-abbuż u sabiex konsegwentement jiġi eliminat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, meta l-persuna li timpjega ma toffrix pożizzjoni permanenti lill-ħaddiem?”

23.

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ April 2007, iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Komunità ta’ Madrid, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2019.

IV. L-analiżi ġuridika

A.   Rimarki preliminari u metodoloġija tal-analiżi

24.

Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti jibbażaw it-talbiet tagħhom għal dikjarazzjoni li l-impjieg għal żmien determinat tagħhom huwa ta’ pożizzjoni permanenti prinċipalment fuq l-użu allegatament abbużiv ta’ relazzjonijiet tal-impjieg għal żmien determinat u fuq id-diskriminazzjoni li tirriżulta b’paragun ma’ uffiċjali permanenti. Il-proporzjon kbir ta’ persunal temporanju fis-servizz tas-saħħa kkonċernat, it-tul ta’ żmien sinjifikattiv tar-relazzjonijiet ta’ impjieg u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni, jew tal-inqas dik infrekwenti, ta’ proċeduri ta’ selezzjoni sabiex jimtlew postijiet vakanti b’mod permanenti, jindikaw tali abbuż.

25.

L-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat fis-servizz pubbliku tal-Istati Membri spiss tqajjem quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-servizz tas-saħħa pubblika kkontestat tal-Komunità ta’ Madrid diġà kienu s-suġġett tal-Kawża C‑16/15. Peress li l-qrati nazzjonali għad għandhom dubji serji fir-rigward tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-Ftehim qafas dwar is-servizz tas-saħħa pubblika tal-Komunità ta’ Madrid, huma jqisu li huwa meħtieġ li l-kwistjoni terġa titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

26.

Għandu jitfakkar li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas timplimenta wieħed mill-għanijiet tal-Ftehim qafas, jiġifieri l-limitazzjoni tal-użu repetut ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tal-impjieg għal żmien determinat, li jitqies bħala sors ta’ abbuż potenzjali għad-detriment tal-ħaddiema. Għal dan il-għan, din tipprovdi regoli minimi ta’ protezzjoni sabiex tiġi evitata l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema ( 8 ).

27.

L-ewwel nett, il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas tobbliga lill-Istati Membri, bil-għan li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, jaddottaw minn tal-inqas miżura waħda minn dawk il-miżuri elenkati, meta d-dritt nazzjonali ma jkunx jinkludi miżuri legali ekwivalenti ( 9 ). It-tliet miżuri speċifikati hemmhekk jikkonċernaw raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet, it-tul ta’ żmien massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi u kemm-il darba huwa permess li jiġġeddu.

28.

Barra minn hekk, fil-każ li, minkejja dawn il-miżuri, xorta jkun hemm użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet tal-impjieg għal żmien determinat suċċessivi, huma, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiżguraw l-effettività prattika tal-Ftehim qafas billi jiggarantixxu li jiġu applikati miżuri li jiżguraw sanzjoni xierqa għal tali abbuż u li jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 10 ).

29.

L-eżami tad-domandi preliminari ser ikun ibbażat fuq dawn iż-żewġ aspetti tal-kontenut regolatorju tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

30.

Fil-Kawża C‑103/18, fil-kuntest tal-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreċiża minn qabel il-kundizzjonijiet li taħthom tapplika l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għall-kontinwazzjoni tal-impjieg għal żmien determinat fis-settur pubbliku sakemm il-pożizzjonijiet jimtlew b’mod permanenti (ara taħt B).

31.

Bid-domandi preliminari l-oħra li tqajmu fiż-żewġ każijiet, li jikkoinċidu parzjalment ( 11 ), l-għan ewlieni huwa li jiġi ċċarat jekk il-liġi Spanjola tipprovdix miżuri xierqa sabiex jiġi evitat l-abbuż fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, u fil-każ ta’ abbuż, jekk għandhiex miżuri ta’ ssanzjonar disponibbli, konformement mar-rekwiżiti tal-Unjoni mfakkra iktar ’il fuq. Għal dan il-għan, l-ewwel nett, għandha ssir evalwazzjoni tar-raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, maħsuba sabiex jiġġustifikaw estensjoni ta’ impjieg għal żmien determinat ( 12 ) (f’dan ir-rigward, ara Ċ). Fil-każ li, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ individwali, għandu jitqies li hemm użu abbużiv ta’ kuntratti tal-impjieg għal żmien determinat suċċessivi, jitqajmu dubji dwar il-miżuri imposti mid-dritt tal-Unjoni li huma intiżi sabiex jissanzjonaw tali abbuż ( 13 ) (f’dan ir-rigward, ara taħt D). Fl-aħħar nett, għandhom jiġu indirizzati l-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni legali tal-ħaddiema kkonċernati ( 14 ) (f’dan ir-rigward, ara taħt E).

B.   Fuq l-applikabbiltà tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas (l-ewwel domanda fil-Kawża C-103/18)

32.

L-għan tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑103/18 huwa li jiġi ċċarat, jekk japplikax l-Artikolu 5 tal-Ftehim qafas.

33.

Huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, li r-rikorrent kien ġie impjegat mill-konvenut għal iktar minn sbatax-il sena bħala persunal ad interim. Huma jikkontestaw però l-fatt dwar jekk l-impjieg tar-rikorrent kienx seħħ fuq il-bażi ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi.

34.

Din id-domanda tiddependi mill-applikabbiltà tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, peress li din id-dispożizzjoni tistipula miżuri li jipprevjenu l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi. L-importanza ta’ din il-karatteristika hija enfasizzata fil-klawżola 1(b) tal-Ftehim qafas, li skontha “[l]-iskop ta’ dan il-Ftehim qafas hu li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss”.

35.

Għaldaqstant, permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi applikata wkoll meta l-impjieg għal żmien twil ta’ membru tal-persunal għal żmien determinat ikun formalment ibbażat fuq kuntratt wieħed jew relazzjoni waħda, iżda li l-okkupazzjoni kontinwa tiegħu tkun iġġustifikata mill-fatt li l-okkupazzjoni permanenti tal-kariga, u allura, t-terminazzjoni relatata mal-kuntratt jew relazzjoni għal żmien determinat, seħħew minħabba n-nuqqas min-naħa ta’ min iħaddem li jimpjega persunal statutorju permanenti. Dan għandu jiġi distint mid-domanda sussidjarja dwar jekk dawn in-nuqqasijiet jistgħux jiġġustifikaw użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet tal-impjieg suċċessivi ( 15 ).

36.

Il-klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas, fil-prinċipju, tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw huma taħt liema kundizzjonijiet kuntratti jew relazzjonijiet tal-impjieg għal żmien determinat għandhom jitqiesu bħala “suċċessivi”. L-interpretazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali ukoll taqa’ esklużivament taħt il-kompetenza tal-qrati nazzjonali ( 16 ).

37.

Madankollu, il-marġni li titħalla lill-Istati Membri huwa limitat mill-ħtieġa li ma jiġix ikkontestat l-għan jew l-effettività prattika tal-Ftehim qafas. B’mod partikolari, dan il-marġni ma għandux jiġi eżerċitat mill-awtoritajiet nazzjonali b’mod li jwassal għal sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal abbużi u għaldaqstant li tmur kontra l-imsemmi għan ( 17 ).

38.

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tal-Ftehim qafas, dan l-ostaklu tal-indipendenza funzjonali nazzjonali huwa ta’ importanza partikolari. Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 5 tal-Ftehim qafas kontra l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema tkun fil-biċċa l-kbira inutli, li kieku l-leġiżlatur nazzjonali ikun f’pożizzjoni li bla ħsieb jeskludi r-relazzjonijiet tal-impjieg fit-tul, iżda formalment temporanji, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas, pereżempju billi jiddikjarahom li huma ta’ natura waħda, irrispettivament minn kwalunkwe bidla fihom, jew billi jingħataw fuq bażi fissa, iżda mill-bidu, għal perijodu indeterminat sakemm il-pożizzjoni rispettiva tkun okkupata fuq bażi permanenti għal żmien indeterminat.

39.

Il-kundizzjonijiet tal-kawża prinċipali juru dan ir-riskju. Minn naħa, l-awtorità konvenuta tikkontesta l-applikabbiltà tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas b’riferiment għall-fatt li l-persuna kkonċernata dejjem kienet impjegata fuq il-bażi ta’ kuntratt wieħed, iżda skont il-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti tar-rinviju, it-tmiem tal-ewwel relazzjoni ta’ impjieg immedjatament ġie segwit mit-tieni ħatra. Barra minn hekk, l-awtorità konvenuta sostniet ukoll quddiem il-qorti tar-rinviju li hija ser iżżomm l-interpretazzjoni tagħha tal-liġi anki jekk matul ir-relazzjoni tal-impjieg tinbidel biss in-natura, dejjem fissa, tal-kuntratt minn waħda okkażjonali għal dik ad interim jew ta’ sostituzzjoni. Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jidher li, ġeneralment, il-persunal ad interim jibqa’ impjegat sakemm il-post rilevanti jintilef jew ikun imtela fit-tul ( 18 ). Madankollu, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti legali dwar l-okkupazzjoni ta’ postijiet vakanti ( 19 ) jibqa’ mingħajr konsegwenza legali rikonoxxibbli. Għalhekk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, huwa possibbli li membru tal-persunal li huwa impjegat bħala l-hekk imsejjaħ persunal ad interim (persunal statutorju impjegat għal żmien determinat u tranżitorju) jibqa’ impjegat għal żmien indeterminat, iżda mhux permanenti, anki jekk ma hemmx estensjoni formali tal-kuntratt ( 20 ), għaliex il-persuna li timpjega pubblika, kontra d-dispożizzjonijiet legali, ma tizgurax okkupazzjonijiet permanenti permezz ta’ proċeduri ta’ selezzjoni għal pożizzjonijiet vakanti.

40.

Skont l-obbligu tagħhom li jinterpretaw id-dritt nazzjonali ( 21 ) applikabbli skont id-Direttiva, il-qrati nazzjonali għandhom, għalhekk, jevalwaw l-eżistenza ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi, bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

41.

Għalhekk, għandu jiġi rrifjutat approċċ purament formali, li biex jaċċetta kuntratti jew relazzjonijiet tal-impjieg suċċessivi differenti, ikun jibbaża biss fuq it-terminazzjoni formali u sussegwentement it-twaqqif mill-ġdid ta’ relazzjoni legali.

42.

Għall-kuntrarju, wieħed għandu jassumi li l-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg huma suċċessivi, meta l-bażi ta’ impjieg inkwistjoni tgħaddi minn bidla sostantiva li, għall-kuntrarju tal-għan tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, tesponi lill-ħaddiem ikkonċernat għal inċertezza ikbar. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-bidla kkonċernata tirrigwarda t-tul ta’ żmien tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-kundizzjonijiet li taħthom għandu jiġi tterminat jew il-prospetti għal pożizzjoni permanenti li jkunu rriżultaw mit-tip partikolari ta’ impjieg. Hawnhekk, jista’ jkun hemm dubji b’mod partikolari dwar il-prospett ta’ pożizzjoni permanenti.

43.

F’dan ir-rigward, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aċċess għal impjieg permanenti fis-servizz pubbliku tas-saħħa, anki għal persunal li ilu jaħdem għal żmien determinat fit-tul, huwa possibbli biss permezz ta’ sehem b’suċċess fi proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet ( 22 ). Kif ġie kkonfermat mir-rappreżentant legali tal-Komunità ta’ Madrid waqt is-seduta orali, jistgħu jipparteċipaw f’tali proċeduri ta’ selezzjoni biss ċerti kategoriji ta’ persunal. Ma huwiex ċar minn dan il-fajl jekk, barra minn hekk, huwiex meħtieġ perijodu minimu ta’ impjieg fil-kategorija tal-persunal rilevanti għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ selezzjoni. Għalhekk, huwa f’idejn l-imħallef nazzjonali li jiddetermina jekk il-bażi tal-impjieg tkunx għaddiet minn bidla rilevanti li tammonta għal kuntratt ġdid jew relazzjoni ta’ impjieg ġdida ( 23 ).

44.

Barra minn hekk, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas kienet ukoll intiża li tapplika għall-kontinwazzjoni ta’ kuntratt wieħed jew ta’ relazzjoni waħda għal żmien determinat, fejn tali kontinwazzjoni tkun ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti statutorji dwar l-okkupazzjoni ta’ pożizzjonijiet vakanti. Dan għaliex in-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti legali effettivament jirriżulta f’bidla fit-tul tal-kuntratt minħabba l-kontinwazzjoni tiegħu għal perijodu indeterminat. Fil-kawża prinċipali, dan jidher mill-fatt li legalment teżisti l-possibbilta’ għall-kontinwazzjoni tal-impjieg ta’ persunal ad interim sakemm il-pożizzjonijiet rilevanti jimtlew fit-tul, u dan jammonta għall-impjieg kontinwu tal-persunal temporanju impjegat għal żmien determinat jekk ma tkunx żgurata l-implimentazzjoni regolari ta’ proċedura ta’ selezzjoni f’perijodu ta’ żmien vinkolanti. B’interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformement mad-Direttiva, il-qorti nazzjonali jkollha tiddetermina jekk l-eżistenza ta’ kuntratti jew ta’ relazzonijiet ta’ impjieg suċċessivi għandhiex tiġi preżunta wara l-iskadenza tat-terminu previst mid-dritt nazzjonali fir-rigward tal-pubblikazzjoni jew tat-tneħħija tal-pożizzjoni kkonċernata.

45.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑103/18: L-evalwazzjoni skont id-dritt nazzjonali, tal-eżistenza ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiddetermina, b’kunsiderazzjoni għall-għanijiet li din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq, jekk matul il-perijodu inkwistjoni, il-bażi tal-impjieg tkunx ġiet suġġetta għal bidliet sostantivi li jaffettwaw it-tul tal-kuntratt jew ir-relazzjoni tal-impjieg, il-kundizzjonijiet tat-terminazzjoni tiegħu jew il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għażla ta’ persunal statutorju permanenti, u b’hekk tesponi lill-ħaddiem temporanju kkonċernat għal inċertezza ikbar.

C.   Fuq l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien determinat (it-tielet sal-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑103/18 u l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑429/18)

46.

Permezz tat-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C‑103/18 u tal-ewwel domanda fil-Kawża C-429/18, il-qrati nazzjonali jistaqsu wkoll jekk l-użu ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, li ser jiġi evalwat, għandux jitqies bħala abbużiv.

47.

Dawn id-domandi preliminari jirreferu għall-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pérez López ( 24 ) dwar l-interpretazzjoni tal-frażi “raġuni oġġettiva” fil-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas. Il-kwistjoni ewlenija hemmhekk kienet dwar jekk ir-rekwiżit ta’ “raġuni oġġettiva” għall-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jkunx diġà ġie ssodisfatt jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali torbot il-ħatra u l-kontinwazzjoni tal-impjieg tal-persunal impjegat għal żmien determinat ma’ ċerti skopijiet, bħal fil-każ tal-Artikolu 9 tar-Regolamenti qafas.

48.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistabbilixxix awtorizzazzjoni ġenerali u astratta sabiex jintużaw kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit suċċessivi, iżda tillimita l-użu ta’ dawn il-kuntratti sabiex jintlaħqu, essenzjalment, bżonnijiet provviżorji” ( 25 ). Fid-dawl tal-bżonnijiet speċjali tas-settur tas-saħħa pubblika u tal-importanza tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ikkonfermat li s-sostituzzjoni temporanja tal-ħaddiema, kif prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti qafas, bħala raġuni sabiex jinħatar persunal awżiljarju, tikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, li taħt ċerti kundizzjonijiet, tiġġustifika kemm il-limitazzjoni tat-tul tal-kuntratti konklużi mal-persunal ta’ sostituzzjoni u, jekk ikun meħtieġ, it-tiġdid tagħhom ( 26 ).

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll, fuq il-bażi ta’ raġunijiet simili, li regola nazzjonali, li tippermetti t-tiġdid ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, bil-għan li jimtlew pożizzjonijiet vakanti fi skejjel pubbliċi sakemm tintemm il-proċedura ta’ selezzjoni, tista’ tkun iġġustifikata bħala raġuni oġġettiva ( 27 ).

50.

Madankollu, tali ġustifikazzjoni tiġi eskluża jekk, minn eżami konkret tal-każ individwali, jirriżulta li t-tiġdid ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi ma jkoprix bżonnijiet temporanji, iżda pjuttost iservi għall-ħtiġijiet ta’ impjieg permanenti u sostenibbli tal-persuna li timpjega ( 28 ). B’mod partikolari, dan huwa l-każ fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti tiġdid ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi, formalment, għal perijodu limitat biss, li għalkemm jintemm bil-konklużjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni, tali regola ma tiżgurax, fil-fatt, li l-għadd ta’ sostituzzjonijiet tal-istess ħaddiem ikun limitat fir-rigward tal-okkupazzjoni tal-post vakanti, u li jkun hemm perijodu ta’ żmien vinkolanti għall-implimentazzjoni u l-konklużjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni ( 29 ).

51.

L-Artikolu 9 tar-Regolamenti qafas jittratta eżattament tali regola. Dan jipprovdi r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑103/18 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑429/18. Fil-fatt, huma għandhom l-għan li jiżguraw li r-relazzjonijiet ta’ impjieg fissi inkwistjoni jissodisfaw il-ħtigijiet tas-suq tax-xogħol, li huma manifestament permanenti u sostenibbli. Il-qrati tar-rinviju jibbażaw ruħhom fuq ċirkustanzi speċifiċi, bħall-impjieg mhux interrott u fit-tul tal-ħaddiema kkonċernati, il-konformità formali (biss) mar-raġunijiet tal-ħatra, kif meħtieġ mir-regoli nazzjonali rilevanti, mingħajr ma tiġi żgurata l-implimentazzjoni regolari tal-proċeduri ta’ selezzjoni, u l-proporzjon għoli ta’ persunal impjegat għal żmien determinat fid-dipartimenti rispettivi.

52.

Għalhekk, il-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha t-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi fis-settur tas-saħħa pubblika huwa meqjus iġġustifikat minħabba “raġunijiet oġġettivi” fis-sens ta’ dan l-artikolu, minħabba li l-kuntratti huma bbażati fuq leġiżlazzjoni li tippermetti t-tiġdid tal-kuntratt sabiex tiżgura ċerti servizzi ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja, filwaqt li fir-realtà dawn ir-rekwiżiti jkunu permanenti u sostenibbli, u ma jiġix żgurat li l-awtorità pubblika kkonċernata tissodisfa l-obbligi legali tagħha billi tindirizza l-ħtiġijiet u timla’ dawn il-pożizzjonijiet fit-tul jew tieħu miżuri ekwivalenti għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

53.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ewwel parti tal-ħames domanda fil-Kawża C‑103/18, għandu jiġi ċċarat li, fi kwalunkwe każ, sabiex ikun hemm raġuni oġġettiva, ma huwiex biżżejjed li r-raġunijiet tal-ħatra u l-kontinwazzjoni tal-impjieg ta’ persunal fis-servizz pubbliku għal żmien determinat previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 30 ) u l-limitazzjoni fiż-żmien marbuta magħha, jiġifieri sal-konklużjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni, ikunu osservati. Għandha pjuttost tiġi enfasizzata l-importanza tal-evalwazzjoni speċifika mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-estensjoni ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat hijiex oġġettivament iġġustifikata.

54.

Il-perijodu ta’ impjieg tar-rikorrenti fil-Kawża C‑103/18 juri li l-konformità ma’ tali rekwiżiti astratti bilkemm tikkontribwixxi għall-ħarsien kontra l-prekarjetà tal-persuni kkonċernati, sakemm ma jkunx żgurat li r-riżorsi umani ser jiġu koperti, b’mod partikolari fir-rigward tal-okkupazzjonijiet ta’ pożizzjonijiet vakanti sostenibbli, b’kunsiderazzjoni sħiħa għall-iskedi ta’ żmien eżistenti. Inkella, il-possibiltà introdotta mil-liġi nazzjonali ta’ kontinwazzjoni sa ma l-pożizzjoni rispettiva tiġi okkupata fit-tul, bħala limitu ta’ żmien biss formali ( 31 ), issir carte blanche għal numru indefinit ta’ tiġdid jew għal kontinwazzjoni indefinita tar-relazzjoni ta’ impjieg fissa, li fil-fatt tipperpetwa l-inċertezza li jkun jinsab fiha l-persunal għal żmien determinat, kuntrarjament għall-għan tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas. ( 32 )

55.

Għaldaqstant, huwa essenzjali għall-evalwazzjoni tal-fatti fil-kawża prinċipali, jekk ġiex stabbilit perijodu ta’ żmien preċiż għall-implimentazzjoni u għall-konklużjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni b’mod vinkolanti. Madankollu, dan ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawżi prinċipali kif deskritti mill-qrati tar-rinviju. Ma kienx hemm konformità mal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti qafas u fl-Artikolu 70 tar-Regolamenti Bażiċi; barra minn hekk, matul il-perijodu ta’ impjieg twettqet biss proċedura waħda ta’ selezzjoni għal kull kategorija ta’ persunal ( 33 ).

56.

It-tieni parti tal-ħames domanda fil-Kawża C‑103/18 tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ ġurisprudenza nazzjonali mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, sa fejn din, sabiex taċċetta “raġuni oġġettiva” għall-estensjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg jew ta’ relazzjoni għal żmien determinat, mhux biss tosserva r-raġunijiet ta’ ħatra tad-dritt nazzjonali, iżda ukoll tesklużi n-natura temporanja (limitata fiż-żmien) tal-kompiti li għandhom jitwettqu. Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ komparabbiltà bejn l-uffiċjali permanenti u l-persunal ad interim minħabba sistemi ta’ aċċess differenti, u r-regoli differenti tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom, kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-kompiti tagħhom. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali ġurisprudenza ma tipprovdix evalwazzjoni speċifika każ b’każ, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-attività kkonċernata u għall-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha.

57.

Għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta kif ġej għall-ħames domanda fil-Kawża C‑103/18: Il-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tmur kontra ġurisprudenza nazzjonali bħal dik inkwistjoni li tipprovdi li, sabiex tinstab raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-estensjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi fis-settur tas-saħħa pubblika, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni parametri oħra, teżiġi biss li r-raġuni tal-ħatra u l-limitazzjoni taż-żmien marbuta magħha jiġu osservati jew f’dan ir-rigward tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-kompiti li għandhom jitwettqu jkunu limitati fiż-żmien, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-attività kkonċernata u l-kundizzjonijiet li fihom titwettaq f’kull każ individwali.

D.   Fuq il-miżuri nazzjonali neċessarji sabiex jiġu ssanzjonati l-abbużi (is-sitt u s-seba’ domanda preliminari fil-Kawża C‑103/18 u t-tieni sas-seba’ domanda preliminari fil-Kawża C‑429/18)

58.

L-għan prinċipali ta’ dawn id-domandi preliminari huwa li jiġi ċċarat liema miżuri jistgħu jiġu applikati mill-qrati tar-rinviju sabiex jissanzjonaw b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet għal żmien determinat suċċessivi, filwaqt li jsir użu sħiħ mill-mezzi ta’ interpretazzjoni u ta’ kompetenza ( 34 ) mogħtija lilhom.

59.

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, minkejja l-miżuri preventivi li għandhom jittieħdu skont il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas. Huma għalhekk l-Istati Membri li għandhom jieħdu miżuri li ma humiex biss proporzjonati, iżda effettivi u dissważivi biżżejjed sabiex jiżguraw l-effettività sħiħa tar-regoli li jridu jiġu adottati għall-implimentazzjoni tal-Ftehim qafas ( 35 ).

60.

Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jridu josservaw il-limiti tal-awtonomija proċedurali tagħhom. Fil-każ li jkun sar użu abbużiv minn kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit suċċessivi, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tagħti garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni lill-ħaddiema, sabiex tissanzjona b’mod xieraq dan l-abbuż u telimina l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 36 ). Dan l-obbligu tal-Istati Membri ma jippreġudikax il-marġni mogħti lilhom fl-għażla ta’ dawn il-miżuri xierqa ( 37 ).

61.

Peress li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali taqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-rinviju, huma għandhom jivverifikaw ukoll jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, il-qrati tar-rinviju jassumu li miżuri effettivi fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Ftehim qafas huma nieqsa fid-dritt nazzjonali, sa fejn il-kuntratti inkwistjoni huma rregolati mid-dritt amministrattiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi kjarifiki abbażi tad-domandi preliminari magħmula, sabiex tingħata gwida lill-qrati nazzjonali dwar l-interpretazzjoni tagħhom ( 38 ).

62.

Il-miżuri previsti fid-domandi preliminari ser jiġu eżaminati hawn taħt fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.

1. Fuq l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni (it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑429/18)

63.

L-għan ewlieni ta’ dawn id-domandi huwa li jiġi ċċarat jekk il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ selezzjoni bħal dik inkwistjoni hijiex miżura effettiva biżżejjed sabiex jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien determinat suċċessivi, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix miżuri ta’ sanzjonijiet oħra.

64.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tassumi li skont id-dritt Spanjol, l-aċċess għal pożizzjonijiet permanenti fis-settur pubbliku jirrikjedi bilfors il-parteċipazzjoni b’suċċess fi proċeduri ta’ selezzjoni, u li l-okkupazzjoni b’mod indefinit tal-postijiet vakanti wara l-konklużjoni ta’ tali proċedura ta’ selezzjoni jwassal għat-tkeċċija tal-persunal impjegat għal żmien determinat.

65.

Diġà ntwera ( 39 ) li l-estensjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi għall-finijiet li jimtlew postijiet vakanti fis-settur tas-saħħa pubblika sa tmiem il-proċeduri ta’ selezzjoni, fil-prinċipju, ma tkunx iġġustifikata minn raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, sakemm ir-regola nazzjonali inkwistjoni ma tistabbilixxix ukoll l-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni u l-konklużjoni ta’ dawn il-proċeduri ta’ selezzjoni. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ miżuri nazzjonali xierqa sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, japplikaw iktar u iktar fir-rigward ta’ sanzjonijiet effettivi pprovduti skont id-dritt tal-Unjoni kontra abbużi potenzjali.

66.

L-ewwel nett, huwa ċar mill-kawżi prinċipali, li l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni skont ir-regoli nazzjonali inkwistjoni ġiet eskluża mingħajr ebda konsegwenza identifikabbli. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni tiddependi fuq il-kapaċità finanzjarja tal-Istat u fuq id-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni.

67.

It-tieni nett, anki fil-każ ta’ parteċipazzjoni b’suċċess fi proċedura ta’ selezzjoni, id-data ta’ ħatra fit-tul tibqa’ indefinita ( 40 ).

68.

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal “proċeduri ta’ selezzjoni mingħajr restrizzjoni fuq l-aċċess”, li jimplika li huma wkoll miftuħa għall-kandidati li ma kinux esposti għal użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, mingħajr ma jkun evidenti li l-abbuż ittieħed inkunsiderazzjoni b’mod xieraq (pereżempju, billi jiġi ffavorit tali reklutaġġ f’każ ta’ parteċipazzjoni b’suċċess).

69.

Ir-raba’ nett, l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni ma tippermetti fl-ebda każ li l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġu rrimedjati fir-rigward ta’ parteċipanti li ma jintgħażlux, li, barra minn hekk, fi żmien indefinit iridu jaffaċċjaw it-tkeċċija tagħhom ( 41 ).

70.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑429/18 kif ġej: Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, sabiex tali abbuż jiġi ssanzjonat b’mod adegwat u sabiex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti li ssir proċedura ta’ selezzjoni mingħajr restrizzjoni fuq l-aċċess jekk f’każ ta’ parteċipazzjoni b’suċċess, l-aċċess tal-persuna impjegata b’mod fiss u abbużiv għal relazzjoni ta’ impjieg permanenti jibqa’ imprevedibbli u inċert u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma tipprevedix iktar miżuri sanzjonabbli.

2. Fuq il-konverżjoni ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat f’relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien indeterminat u mhux permanenti (ir-raba’ domanda preliminari fil-Kawża C‑429/18)

71.

Il-klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas tħalli prinċipalment f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat għandhom jitqiesu li huma għal żmien indeterminat. Dan ifisser, b’mod partikolari, li din id-dispożizzjoni ma toħloqx obbligu ġenerali għall-Istati Membri li jipprevedu l-konverżjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat ( 42 ).

72.

Fi Spanja, l-aċċess għal postijiet permanenti fis-servizz pubbliku jeħtieġ bilfors parteċipazzjoni b’suċċess fi proċedura ta’ selezzjoni. Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, anki fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, il-konverżjoni ta’ tali relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat fl-hekk imsejħa relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat, iżda mhux permanenti, tista’ tiġi kkunsidrata biss abbażi tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) ( 43 ). Madankollu, skont id-dikjarazzjonijiet konkordanti tal-qorti tar-rinviju u tal-Gvern Spanjol, tali relazzjoni ta’ impjieg għandha tintemm ukoll jekk il-pożizzjoni rilevanti tkun okkupata b’mod permanenti jew tiġi abolita ( 44 ).

73.

Madankollu, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-frattemp, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) żviluppat l-ġurisprudenza tagħha. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑429/18 abbażi tas-suppożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq magħmula mill-qorti tar-rinviju.

74.

Skont żewġ sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tas-26 ta’ Settembru 2018 ( 45 ), għandu jiġi ssanzjonat l-impjieg abbużiv ta’ persunal statutorju impjegat għal żmien determinat fis-settur tas-saħħa pubblika permezz taż-żamma tar-relazzjoni ta’ impjieg “sakemm ikun hemm konformità mat-tielet sub-paragrafu tal-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti qafas mill-Awtorità tal-Ħatra” ( 46 ) u għalhekk, fejn applikabbli, sakemm tinħoloq pożizzjoni skont il-bżonn identifikat. Barra minn hekk, l-impjegati kkonċernati huma intitolati jitolbu d-danni.

75.

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk f’każ ta’ abbuż, id-dritt rrikonoxxut mill-ogħla qorti, li tinżamm ir-relazzjoni ta’ impjieg sakemm tinħoloq pożizzjoni skont il-ħtiġijiet marbuta ma’ talba għad-danni, jistax jitqies bħala miżura suffiċjentement effikaċi sabiex jiġu ssanzjonati l-abbużi.

76.

B’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju tista’ tkun iggwidata mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Santoro ( 47 ). Fil-fatt, fil-każ fejn id-dritt nazzjonali ma jipprovdix il-possibbiltà ta’ konverżjoni f’każ ta’ abbuż, bħal fil-każ inkwistjoni, l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas teżiġi li l-persuna kkonċernata jkollha dritt għal kumpens li jkun adegwat u komplet għad-dannu subit ( 48 ). F’dan il-kuntest, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk ir-rekwiżiti relatati mal-provi li għandhom jiġu pprovduti fir-rigward ta’ opportunitajiet ta’ impjieg mitlufa u d-dħul mitluf li jirriżulta minnhom, irendux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema mid-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli ( 49 ).

77.

Barra minn hekk, l-iskema ta’ kumpens nazzjonali “għandha tkun akkumpanjata minn mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi” ( 50 ). Madankollu, tali miżura ma tikkostitwixxix ż-żamma tar-relazzjoni ta’ impjieg, bla ħsara għal evalwazzjoni finali mill-qorti nazzjonali, peress li l-impjieg tal-membru tal-persunal ikkonċernat evidentement xorta kien ser jintemm, f’każ li tintilef il-pożizzjoni rilevanti jew l-okkupazzjoni tagħha fit-tul. Barra minn hekk, jidher li l-ġurisprudenza nazzjonali manifestament tirreferi għal persunal okkażjonali, u mhux għal persunal ad interim (persunal statutorju impjegat għal żmien determinat u tranżitorju) bħal fil-kawżi prinċipali, u l-importanza tagħha għall-każijiet prinċipali tidher li teħtieġ li tkun iċċarata. F’dan il-kuntest, madankollu, għandu jiġi nnotat li l-ħolqien ta’ pożizzjonijiet ġodda li jikkorrispondu għall-ħtieġa identifikata ta’ persunal temporanju ma jistax ikun ta’ għajnuna, jekk il-proċeduri ta’ selezzjoni meħtieġa għal okkupazzjoni permanenti ta’ pożizzjonijiet bħal dawn ma jiġux implimentati. F’ċirkustanzi bħal dawn, iż-żamma tar-relazzjoni tal-impjieg għal żmien determinat fuq l-ogħla livell tammonta biss għall-kontinwazzjoni tas-sitwazzjoni prekarja.

78.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑429/18, fid-dawl tal-iżviluppi fid-dritt nazzjonali li jirriżultaw mill-proċess, li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprekludix deċiżjonijiet tal-qorti nazzjonali li ma jissanzjonawx awtomatikament l-abbuż ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi minn persuna li timpjega fis-settur pubbliku bil-konverżjoni ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat f’relazzjoni għal żmien indeterminat. Tali ġurisprudenza tista’, minn naħa, tawtorizza lill-ħaddiem ikkonċernat jibqa’ fl-impjieg sakemm min jimpjega ikun applika t-test tal-ħtiġijiet li jeħtieġ, kif ukoll wettaq l-obbligi li jirriżultaw u, min-naħa l-oħra, tagħtih dritt għal kumpens sħiħ għal kwalunkwe dannu kkawżat lilu minn tali abbuż. Dawn il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi.

3. Fuq ir-rikonoxximent ta’ pożizzjoni permanenti bħala garanzija ta’ ekwivalenza mal-persunal statutorju permanenti impjegat għal żmien indeterminat (is-sitt, is-seba’ u d-disa’ domanda fil-Kawża C‑103/18 u l-ħames u s-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑429/18)

79.

Din id-domanda preliminari hija intiża li tiċċara sa liema punt u, sa fejn neċessarju, fuq liema bażi, il-klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas teħtieġ il-konverżjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat u fit-tul komparabbli ma’ dak ta’ uffiċjal permanenti ( 51 ), fejn ikun hemm użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

80.

Il-qrati tar-rinviju raġonevolment jassumu li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, fis-settur pubbliku biss, il-konverżjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi f’kuntratti għal żmien indeterminat, tkun kompatibbli mal-Ftehim qafas biss jekk id-dritt nazzjonali f’dan is-settur jipprovdi miżura effettiva oħra sabiex tipprevjeni u, jekk ikun il-każ, tippenalizza l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi ( 52 ).

81.

F’dan l-isfond, huwa essenzjali li tingħata risposta għad-domandi preliminari mressqa għal deċiżjoni preliminari biss jekk il-qrati tar-rinviju jkunu għamlu evalwazzjoni preliminari li d-dritt Spanjol ma jipprovdix biżżejjed miżuri effettivi u dissważivi sabiex jissanzjona l-abbuż u jirrimedja l-konsegwenzi tiegħu. Fid-dawl tal-iżviluppi fil-ġurisdizzjoni tat-Tribunal Supremo msemmija iktar ’il fuq ( 53 ), din is-suppożizzjoni ma tistax tibqa’ titqies bħala fatt.

82.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tixtieq teżamina l-mertu tad-domandi magħmula, inqis li l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin imorru kontra interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas li tippermetti lill-qorti nazzjonali tmur kontra projbizzjoni ċara tad-dritt nazzjonali u tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi permezz ta’ rikonoxximent dirett ta’ pożizzjoni permanenti f’każijiet individwali.

83.

Ma hemmx dubju li tali konverżjoni tkun tippermetti li dan l-abbuż jiġi ssanzjonat u li jiġu eliminati l-effetti tiegħu sostenibbilment ( 54 ). Madankollu, għandu jitfakkar li l-miżuri imposti ( 55 ) mid-dritt tal-Unjoni għandhom fi kwalunkwe każ ikunu proporzjonati u għalhekk ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

84.

Li kieku l-qrati nazzjonali kienu awtorizzati, f’każijiet individwali, bl-għan li jissanzjonaw l-abbuż, jirrikonoxxu li membru tal-persunal temporanju għandu impjieg permanenti, dan ikollu konsegwenzi serji fuq l-aċċess għas-servizz pubbliku kollu u jpoġġi serjament f’dubju l-funzjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni. Permezz ta’ dan, il-membri tal-persunal li pparteċipaw b’suċċess fil-proċeduri ta’ selezzjoni iżda għadhom ma ġewx impjegati b’mod indeterminat, jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk li ma pparteċipawx f’dawn il-proċeduri jew li pparteċipaw mingħajr suċċess. Ikun ukoll diffiċli li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod xieraq it-tul differenti tal-abbuż u tal-merti tal-individwi kkonċernati.

85.

Sakemm ir-rekwiżiti stabbiliti fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jistgħu, fin-nuqqas ta’ sanzjonijiet oħra, jippermettu l-konverżjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat f’relazzjonijiet ta’ impjieg indefiniti u permanenti, jidhirli li proċedura ordnata għall-implimentazzjoni ta’ din is-sanzjoni hija essenzjali, sabiex tiġi stabbilita ordni tal-ħatra bbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti. Il-punt dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax tordna l-implimentazzjoni ta’ tali proċedura sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-Ftehim qafas, jiddependi prinċipalment mill-kompetenzi mogħtija lilha skont id-dritt nazzjonali ( 56 ).

86.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma huwiex neċessarju li tiġi indirizatta l-kwistjoni tas-seba’ domanda fil-Kawża C‑103/18 u d-domanda identika li saret fil-Kawża C‑429/18 dwar id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg wara li tkun saret il-konverżjoni ( 57 ).

4. Fuq l-għoti ta’ kumpens li jammonta għall-kumpens għat-tkeċċija inġusta (is-seba’ domanda preliminari fil-Kawża C‑429/18)

87.

L-għan ta’ din id-domanda huwa li jiġi ċċarat sa liema punt il-klawżola 5 teħtieġ l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regola nazzjonali relatata mal-protezzjoni tal-ħaddiema kontra t-tkeċċija skont ir-regoli tad-dritt privat applikabbli bħala miżuri ta’ sanzjonijiet fir-rigward ta’ persunal tas-servizz pubbliku.

88.

Mid-deċiżjoni li tordna r-rinviju ma jidhirx biċ-ċar taħt liema kundizzjonijiet għandha tiġi applikata tali miżura. Filwaqt li l-Komunità ta’ Madrid tirrimarka li t-tkeċċija ta’ persunal ad interim li huwa impjegat għal żmien determinat sakemm timtela l-kariga rispettiva fit-tul hija ġeneralment eskluża u, fi kwalunkwe każ, ikun hemm dritt ta’ reintegrazzjoni, il-qorti tar-rinviju evidentement tikkunsidra li li l-kumpens inkwistjoni għandu jingħata għal kull terminazzjoni ta’ kuntratt jekk ikun hemm użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

89.

Sakemm tali kumpens jingħata flimkien mat-talba għad-danni msemmija hawn fuq, tali kumpens ( 58 ) jaf jitqies bħala miżura xierqa sabiex jiġi ssanzjonat l-abbuż ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa dan billi tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha applikabbli fid-dritt nazzjonali tagħha ( 59 ).

5. Proposta għal risposta dwar is-sanzjonijiet possibbli neċessarji

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għas-sitt u għas-seba’ domanda fil-Kawża C‑103/18 u għat-tieni sas-seba’ domanda fil-Kawża C‑429/18 kif ġej:

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skont ir-regoli kollha applikabbli fid-dritt nazzjonali tagħha, jekk miżuri bħal dawk previsti mid-domandi preliminari jikkostitwixxux miżuri xierqa sabiex jippenalizzaw l-abbuż permezz ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi.

Bla ħsara għal evalwazzjoni finali mill-qrati nazzjonali, sabiex tali abbuż jiġi ssanzjonat sew u sabiex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, ma huwiex biżżejjed li tiġi implimentata proċedura ta’ selezzjoni mingħajr restrizzjoni fuq l-aċċess, jekk tali aċċess għal relazzjoni ta’ impjieg permanenti, minħabba l-modalitajiet tiegħu, jibqa’ imprevedibbli u inċert, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma tipprevedix iktar miżuri ta’ sanzjonijiet (it-tieni u t-tielet domanda preliminari fil-Kawża C‑429/18).

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprekludix ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali li ma tissanzjonax awtomatikament l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi minn min jimpjega fis-settur pubbliku permezz ta’ konverżjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat f’kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat. Tali ġurisprudenza tista’, minn naħa, tawtorizza lill-ħaddiem ikkonċernat jibqa’ fl-impjieg sakemm min jimpjega ikun applika t-test tal-ħtiġijiet li jeħtieġ, kif ukoll wettaq l-obbligi li jirriżultaw u, min-naħa l-oħra, tagħtih dritt għal kumpens sħiħ għal kwalunkwe dannu kkawżat lilu minn tali abbuż. Dawn il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi. Il-possibbiltajiet jinkludu l-obbligu addizzjonali li titħallas somma f’daqqa proporzjonalment dissważiva bħala kumpens. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk il-kumpens għat-tkeċċija abbużiva min-naħa ta’ min jimpjega jissodisfax dawn ir-rekwiżiti (is-sitt domanda fil-Kawża C‑103/18 u r-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ domanda fil-Kawża C‑429/18).

E.   Fuq l-istatus proċedurali tal-persunal impjegat għal żmien determinat (it-tieni u t-tmien domanda preliminari fil-Kawża C‑103/18)

91.

Is-suġġett ta’ dawn id-domandi huwa l-evalwazzjoni tar-regoli tad-dritt proċedurali nazzjonali, li skonthom persunal pubbliku jitlef id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 1999/70 meta, fil-każ ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, huwa ma jikkontestax kull att amministrattiv li jirrigwarda l-ħatra (mill-ġdid) tiegħu, it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg jew l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni għal pożizzjoni korrispondenti.

92.

Jekk id-dritt Spanjol jipprovdi regola li tikkorrispondi ma’ dak li qegħdin jikkontestaw il-Gvern Spanjol u l-Komunità ta’ Madrid, ftit li xejn għandu jkun hemm dubju li dan jagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli u għalhekk huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività.

93.

Minn naħa, tali regola tista’ tinterpreta l-inattività tal-membru tal-persunal bħala approvazzjoni għall-abbuż, minkejja li dan jaf ikun riżultat ta’ raġunijiet ovvji, bħal nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet tiegħu, l-ispiża ta’ proċediment jew il-biża’ ta’ effetti negattivi. Tali żvantaġġ proċedurali min-naħa tal-persunal ikkonċernat evidentement imur kontra l-għan tal-Ftehim qafas. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet dwar l-ewwel domanda fil-Kawża C‑103/18 (iktar ’il fuq, taħt B) juru li r-rikonoxximent ta’ att ta’ kumpens li jista’ jiġi kkontestat bl-ebda mod ma huwa problematiku. Jekk il-membru tal-persunal jirrinunzja l-kontestazzjoni abbażi ta’ interpretazzjoni ħażina jew nuqqas ta’ familjarità mal-att, dan dejjem ikun għad-detriment tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

94.

Min-naħa l-oħra, tali impatt joħloq inċentiv għall-korpi responsabbli sabiex jiksru l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas. Jekk il-persunal jiddefendi lilu nnifsu kontra relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, allura l-impjieg jista’ jiġi miċħud mingħajr ma jitqiesu l-allegazzjonijiet ta’ użu abbużiv, jew inkella ma jiddefendux lilhom infushom u jitilfu l-protezzjoni legali tagħhom minħabba ksur tal-klawżola 5.

95.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw it-tieni domanda fil-Kawża C‑103/18, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula, peress li din hija bbażata fuq il-validità tar-regola proċedurali inkwistjoni.

96.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda fil-Kawża C‑103/18 kif ġej: Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss anness mad-Direttiva 1999/70, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli proċedurali nazzjonali li jinvolvu aġir attiv ta’ kontestazzjoni jew appell minn ħaddiem impjegat għal żmien determinat fir-rigward tal-kuntratti u t-tkeċċijiet suċċessivi kollha, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni prevista mid-Direttiva u mid-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

V. Konklużjoni

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-deċiżjoni preliminari kif ġej:

1)

L-evalwazzjoni skont id-dritt nazzjonali, tal-eżistenza ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiddetermina, b’kunsiderazzjoni għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, jekk matul il-perijodu inkwistjoni, il-bażi tal-impjieg tkunx ġiet suġġetta għal bidliet sostantivi li jaffettwaw it-tul tal-kuntratt jew ir-relazzjoni tal-impjieg, il-kundizzjonijiet tat-terminazzjoni tiegħu jew il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għażla ta’ persunal statutorju permanenti, u b’hekk tesponi lill-ħaddiem temporanju kkonċernat għal inċertezza ikbar (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑103/18).

2)

Il-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tmur kontra ġurisprudenza nazzjonali bħal dik inkwistjoni li tipprovdi li, sabiex tinstab raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-estensjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi fis-settur tas-saħħa pubblika, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni parametri oħra, teżiġi biss li r-raġuni tal-ħatra u l-limitazzjoni taż-żmien marbuta magħha jiġu osservati jew f’dan ir-rigward tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-kompiti li għandhom jitwettqu jkunu limitati fiż-żmien, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-attività kkonċernata u l-kundizzjonijiet li fihom titwettaq f’kull każ individwali (il-ħames domanda fil-Kawża C‑103/18).

Il-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha t-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi fis-settur tas-saħħa pubblika huwa meqjus iġġustifikat minħabba “raġunijiet oġġettivi” fis-sens ta’ dan l-Artikolu, minħabba li l-kuntratti huma bbażati fuq leġiżlazzjoni li tippermetti t-tiġdid tal-kuntratt sabiex tiżgura ċerti servizzi ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja, filwaqt li fir-realtà dawn ir-rekwiżiti jkunu permanenti u sostenibbli, u ma jiġix żgurat li l-awtorità pubblika kkonċernata tissodisfa l-obbligi legali tagħha billi tindirizza l-ħtiġijiet u timla’ dawn il-pożizzjonijiet fit-tul jew tieħu miżuri ekwivalenti għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi (it-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C‑103/18 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑429/18).

3)

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skont ir-regoli kollha applikabbli fid-dritt nazzjonali tagħha, jekk miżuri bħal dawk previsti mid-domandi preliminari jikkostitwixxux miżuri xierqa sabiex jippenalizzaw l-abbuż permezz ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi.

Bla ħsara għal evalwazzjoni finali mill-qrati nazzjonali, sabiex tali abbuż jiġi ssanzjonat sew u sabiex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, ma huwiex biżżejjed li tiġi implimentata proċedura ta’ selezzjoni mingħajr restrizzjoni fuq l-aċċess, jekk tali aċċess għal relazzjoni ta’ impjieg permanenti, minħabba l-modalitajiet tiegħu, jibqa’ imprevedibbli u inċert, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma tipprevedix iktar miżuri ta’ sanzjonijiet (it-tieni u t-tielet domanda preliminari fil-Kawża C‑429/18).

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprekludix ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali li ma tissanzjonax awtomatikament l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi minn min jimpjega fis-settur pubbliku permezz ta’ konverżjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat f’kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat. Tali ġurisprudenza tista’, minn naħa, tawtorizza lill-ħaddiem ikkonċernat jibqa’ fl-impjieg sakemm min jimpjega ikun applika t-test tal-ħtiġijiet li jeħtieġ, kif ukoll wettaq l-obbligi li jirriżultaw u, min-naħa l-oħra, tagħtih dritt għal kumpens sħiħ għal kwalunkwe dannu kkawżat lilu minn tali abbuż. Dawn il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi. Il-possibbiltajiet jinkludu l-obbligu addizzjonali li titħallas somma f’daqqa proporzjonalment dissważiva bħala kumpens. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk il-kumpens għat-tkeċċija abbużiva min-naħa ta’ min jimpjega jissodisfax dawn ir-rekwiżiti (is-sitt domanda fil-Kawża C‑103/18 u r-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ domanda fil-Kawża C‑429/18).

4)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss anness mad-Direttiva 1999/70, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli proċedurali nazzjonali li jinvolvu aġir attiv ta’ kontestazzjoni jew appell minn ħaddiem impjegat għal żmien determinat fir-rigward tal-kuntratti u t-tkeċċijiet suċċessivi kollha, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni prevista mid-Direttiva u mid-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (it-tieni domanda fil-Kawża C‑103/18).


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679).

( 3 ) Il-Ftehim qafas huwa anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

( 4 ) BOE Nru 301 tas-17 ta’ Diċembru 2003, p. 44742.

( 5 ) BOE Nru 261 tal-31 ta’ Ottubru 2015.

( 6 ) Ara, iktar ’il quddiem, il-punt 72 et seq.

( 7 ) Ir-rikorrenti ġew irreklutati għall-ewwel darba rispettivament fl-1993, fl-2003, fl-2005 u fl-2007, liema reklutaġġ kompla permezz ta’ 226-il ħatra oħra sal-mument li fih ġie ppreżentat ir-rikors.

( 8 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 26) u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 9 ) Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 24).

( 10 ) Ara, iktar reċentement, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A.Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387, punti 27 u 28).

( 11 ) Il-ħames u s-sitt domanda fil-Kawża C‑429/18 jikkorrispondu għas-sitt u għas-seba’ domanda fil-Kawża C‑103/18.

( 12 ) It-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C‑103/18 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑429/18.

( 13 ) Is-sitt sad-disa’ domanda fil-Kawża C‑103/18 u t-tieni sas-seba’ domanda fil-Kawża C‑429/18.

( 14 ) It-tieni sat-tmien domanda fil-Kawża C‑103/18.

( 15 ) Sa fejn tista’ tiġi applikata l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas taħt il-kundizzjonijiet tal-kawża prinċipali, din id-domanda ser tiġi indirizzata sussegwentement taħt C.

( 16 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras (C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 80).

( 17 ) Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 82).

( 18 ) Artikolu 9(2) tar-Regolamenti qafas.

( 19 ) Artikolu 70 tar-Regolamenti Bażiċi.

( 20 ) Fil-Kawża C‑760/18, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara, fost oħrajn, jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tistax teskludi l-eżistenza ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, fil-każ ta’ proroga awtomatika tal-kuntratt.

( 21 ) Ara, partikolarment, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 108 u 109).

( 22 ) Ara r-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tar-Regolamenti Bażiċi, imsemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq, Artikoli 61, 62 u 70 tar-Regolamenti Bażiċi u Artikoli 20 u 31 tar-Regolamenti qafas.

( 23 ) Għalkemm ma humiex rilevanti għall-Kawża C‑103/18, bidliet fil-forma tal-kuntratt matul il-perijodu ta’ impjieg, ma jistgħux jipprekludu l-adozzjoni ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi, peress li, fi kwalunkwe każ, dawn iwasslu għal bidla fil-qafas legali prinċipali tar-relazzjoni ta’ impjieg, b’mod partikolari r-raġunijiet għat-tkeċċija li huma differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 9(2) u 9(3) tar-Regolamenti qafas.

( 24 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 37 et seq.).

( 25 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 43).

( 26 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 45).

( 27 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 99 u 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 108 u 109).

( 30 ) B’mod partikolari, dawn huma raġunijiet għal ħtieġa jew urġenza u għall-implimintazzjoni ta’ programmi ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja (Artikolu 9(1) tar-Regolamenti qafas).

( 31 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 108).

( 32 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 55).

( 33 ) Huwa minnu li, fil-Kawża C‑103/18, il-partijiet fil-kawża prinċipali jikkontestaw in-numru ta’ proċeduri ta’ selezzjoni li seta’ pparteċipa fihom ir-rikorrent sabiex jikseb impjieg permanenti, jiġifieri jekk ipparteċipax jew le. Il-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li r-rikorrenti ma pparteċipax fi proċedura ta’ selezzjoni hija kkontestata mill-Komunità ta’ Madrid.

Fil-Kawża C‑429/18, il-qorti tar-rinviju kkonstatat, mingħajr ma huwa kkontestat mill-partijiet, li proċeduri ta’ selezzjoni ġew organizzati fl-2015 għall-kategorija tal-persunal inkwistjoni, u dan għall-ewwel darba mis-sena 2000.

( 34 ) Dwar il-portata tar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali skont id-dritt tal-Unjoni, fid-dawl ta’ sanzjonijiet xierqa għall-abbuż ta’ kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss suċċessivi, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Deutsche Lufthansa (C‑109/09, EU:C:2011:129, punt 56).

( 35 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166 punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 118).

( 38 ) Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A.Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 29).

( 39 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 52 et seq.

( 40 ) Għalhekk, il-fatt li fis-seduta orali r-rappreżentant tal-Komunità ta’ Madrid indika li wħud mir-rikorrenti fil-Kawża C‑429/18 kienu pparteċipaw b’suċċess fil-proċedura ta’ selezzjoni, ma jbiddilx il-fatt li d-data tal-ħatra tagħhom bħala persunal statutorju permanenti u fit-tul ma hijiex prevedibbli.

( 41 ) Sa fejn il-Komunità ta’ Madrid tibbaża ruħha fuq l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni billi tapplika r-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tar-Regolamenti Bażiċi u tinvoka l-parteċipazzjoni b’suċċess ta’ wħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma huwiex ċar għalfejn il-parteċipanti b’suċċess kienu għadhom ma ġewx inklużi fil-persunal statutorju permanenti u fit-tul, u għalfejn il-pożizzjonijiet vakanti tal-parteċipanti li ma kellhomx suċċess ma kinux imtlew fit-tul sal-mument li fih tressaq ir-rikors.

( 42 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166 punt 32) fejn ġiet iċċitata s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 47).

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Casrejana López (C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 27).

( 44 ) F’dan ir-rigward, persunal impjegat għal żmien indeterminat, li ma għandux status permanenti, ma jidhirx li qiegħed f’pożizzjoni aħjar mill-persunal ad interim skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolamenti qafas.

( 45 ) Sentenzi fil-Kawżi 1425/2018 (ECLI:ES:TS:2018:3250) u 1426/2018 (ECLI:ES:TS:2018:3251).

( 46 ) Din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali teżiġi li l-Awtorità tal-Ħatra twettaq analiżi tal-ħtiġijiet u, jekk ikun il-każ, tagħmel arranġamenti għall-ħolqien ta’ pożizzjoni jekk, matul perijodu ta’ sentejn, il-persunal okkażjonali statutorju jkun ġie maħtur iktar minn darbtejn għall-istess servizzi, sakemm it-tul totali tal-impjieg ikun itwal minn 12-il xahar. Ara l-punt 7 iktar ’il fuq.

( 47 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166).

( 48 ) Dwar ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività fir-rigward tar-rekwiżiti probatorji, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Santoro (C‑494/16, EU:C:2017:822, punti 55 et seq.).

( 49 ) Deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2013, Papelia (C‑50/13, mhux ippubblikata, EU:C:2013:873, punt 32).

( 50 ) Ara d-dispożittiv tas-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166).

( 51 ) Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni u l-portata tagħha, ara l-punt 71 iktar ’il fuq.

( 52 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166 punt 34) fejn ġiet iċċitata s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 49).

( 53 ) Ara l-punt 74.

( 54 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Santoro (C‑494/16, EU:C:2017:822, punt 62).

( 55 ) Ara l-punt 60 iktar ’il fuq.

( 56 ) Għaldaqstant, ir-risposta għad-disa’ domanda magħmula fil-Kawża C‑103/18 għandha tkun f’dan is-sens.

( 57 ) Fuq il-limiti ta’ emendi sostantivi fil-kuntratt bħala riżultat tal-konverżjoni, ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2012, Huet (C‑251/11, EU:C:2012:133).

( 58 ) Ara l-punti 76 u 77 iktar ’il fuq.

( 59 ) Ara ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras (C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 96).