SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

17 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-etanol – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 20(4) – Deċiżjoni ta’ spezzjoni – Żvolġiment tal-ispezzjoni – Kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu – Rifjut li jiġu sospiżi l-miżuri ta’ investigazzjoni – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Deċiżjoni preparatorja”

Fil-Kawża C‑403/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑14 ta’ Ġunju 2018,

Alcogroup SA,

Alcodis SA,

stabbiliti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentati minn P. de Bandt, J. Dewispelaere u J. Probst, avocats,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, V. Bottka, C. Giolito u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Orde van Vlaamse Balies, stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn F. Wijckmans u S. De Keer, advocaten, kif ukoll minn S. Engelen, avocat,

Ordre des barreaux francophones et germanophone,

Ordre français des avocats du barreau de Bruxelles,

stabbiliti fi Brussell, irrappreżentati minn T. Bontinck, A. Guillerme u P. Goffinet, avocats,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Alcogroup SA u Alcodis SA jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ April 2018, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni (T‑274/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:179), li permezz tagħha din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħhom intiż għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 1769 final tat‑12 ta’ Marzu 2015 indirizzata lil Alcogroup kif ukoll lill-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, inkluża Alcodis, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (AT.40244 – Bioethanol) (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni”), u, min-naħa l-oħra, tal-ittra tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015 indirizzata lil Alcogroup fil-kuntest tal-investigazzjonijiet AT.40244 – Bioethanol u AT.40054 – Oil and Biofuel Markets (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015”).

I. Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Is-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

[…]

4.   Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja. […]”

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

3

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali kif ġej, fil-punti 1 sa 27 tas-sentenza appellata:

“1

Ir-rikorrenti, Alcogroup u s-sussidjarja tagħha Alcodis, huma attivi fil-produzzjoni, fit-trasformazzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ etanol użat, minn naħa, bħala addittiv fil-produzzjoni ta’ kombustibbli fossili jew bħala kombustibbli fih innifsu u, min-naħa l-oħra, bħala ingredjent tradizzjonali, pereżempju, fil-produzzjoni ta’ xorb u fil-manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi, kimiċi u kożmetiċi.

L-ewwel investigazzjoni u l-ewwel spezzjoni

2

Wara lment imressaq f’Marzu 2013, il-Kummissjoni Ewropea wettqet, f’Mejju 2013, spezzjonijiet fil-bini ta’ Platts (U.K.) Ltd u f’dak ta’ ċerti impriżi attivi fis-setturi taż-żejt mhux raffinat, tal-prodotti taż-żejt irraffinati u tal-bijokarburanti. Platts (U.K.) hija impriża li żviluppat u li qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku metodu ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet tal-etanol, imsejjaħ ‘market-on-close’. Dawn l-ispezzjonijiet twettqu fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni li kienet tirrigwarda kemm il-funzjonament tal-imsemmi metodu kif ukoll kollużjonijiet possibbli bejn impriżi li jimmanipulawh (iktar ’il quddiem l-‘ewwel investigazzjoni’). Il-każ ġie rreġistrat mill-Kummissjoni taħt ir-referenza AT.40054 – Oil and Biofuel Markets (preċedentement OCTOPUS).

3

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni fid‑29 ta’ Settembru 2014, li ordnat lil Alcogroup kif ukoll lill-impriżi kollha li hija direttament jew indirettament tikkontrolla, fosthom Alcodis, li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-[Regolament Nru 1/2003]. L-ispezzjoni seħħet fil-bini komuni tar-rikorrenti mis‑7 sal‑10 ta’ Ottubru 2014. Il-Kummissjoni inkarigat ħmistax-il uffiċjal sabiex iwettqu din l-ispezzjoni, assistiti minn rappreżentanti tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana, u r-rikorrenti talbu l-assistenza tal-avukati tagħhom.

4

Wara l-ewwel spezzjoni, ġew imfassla u skambjati bejn ir-rikorrenti u l-avukati tagħhom diversi dokumenti u messaġġi elettroniċi intiżi għad-difiża tagħhom. Skont ir-rikorrenti, sabiex jindikaw b’mod ċar li dawn id-dokumenti u dawn il-messaġġi elettroniċi kienu koperti mis-sigriet professjonali tal-avukati, bħala prinċipju kull skambju kien isemmi ‘legally privileged’ (protett mill-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu) fit-titolu jew kien ikklassifikat f’fajl intitolat ‘Legally privileged’.

It-tieni investigazzjoni u t-tieni spezzjoni

5

B’mod parallel mal-ewwel investigazzjoni, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni AT.40244 – Bioethanol (preċedentement AQUAVIT) dwar ftehimiet possibbli jew prattiki miftiehma possibbli li għandhom l-għan li jikkoordinaw l-aġir tal-impriżi attivi fis-settur tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bijoetanol fiż-[Ż]ona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-qsim ta’ swieq u ta’ klijenti u l-iskambji ta’ informazzjoni (iktar ’il quddiem it-‘tieni investigazzjoni’).

6

Fil-kuntest tat-tieni investigazzjoni, il-Kummissjoni adottat it-[tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni].

7

Fis‑16 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni inkarigat tmien uffiċjali sabiex iwettqu t-tieni spezzjoni fil-bini tar-rikorrenti. Fost dawn l-uffiċjali, wieħed biss kien jifforma parti mill-grupp ta’ spetturi inkarigati sabiex iwettqu l-ewwel spezzjoni. Barra minn hekk, żewġ aġenti tal-[A]wtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana li kienu preżenti għall-ewwel spezzjoni wkoll ipparteċipaw fit-tieni waħda. Fl-aħħar nett, P. B. u L. B. (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-‘avukati tar-rikorrenti’) kienu preżenti għat-tieni spezzjoni.

8

It-tieni spezzjoni seħħet matul erbat ijiem, jiġifieri mit-Tlieta 24 sal-Ġimgħa 27 ta’ Marzu 2015.

L-ewwel jum tat-tieni spezzjoni (24 ta’ Marzu 2015)

9

L-avukati tar-rikorrenti fformulaw, sa mill-ewwel jum tat-tieni spezzjoni, talba, bħala prinċipju lill-Kummissjoni, li kienet intiża sabiex tiġi osservata l-kunfidenzjalità tad-dokumenti tad-difiża stabbiliti wara l-ewwel spezzjoni.

10

Il-partijiet ma jaqblux la fuq il-mezzi li ġew mitluba mir-rikorrenti u aċċettati bħala prinċipju mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata din il-kunfidenzjalità u lanqas fuq l-iżvolġiment konkret tal-ewwel jum ta’ din l-ispezzjoni.

11

Fi kwalunkwe każ, ma huwiex ikkontestat li l-investigaturi tal-Kummissjoni wettqu tfittxijiet informatiċi intiżi sabiex jiġu identifikati d-dokumenti potenzjalment interessanti għall-finijiet tat-tieni investigazzjoni. Huma eżaminaw is-servers, il-hard disks u l-għodod elettroniċi ta’ ċerti persuni li kellhom rwol importanti fi ħdan ir-rikorrenti. Qabel il-verifika individwali tad-dokumenti, l-investigaturi kkupjaw id-dokumenti identifikati fuq kompjuters tal-Kummissjoni fuq il-post billi użaw is-softwer informatiku ta’ investigazzjoni diġitali bl-isem ‘Nuix’, li jippermetti l-indiċjar u t-tfittxija skont kliem prinċipali speċifiċi.

It-tieni jum tat-tieni spezzjoni (25 ta’ Marzu 2015)

12

Fil‑25 ta’ Marzu 2015, l-investigaturi bdew l-analiżi individwali tad-dokumenti kkupjati fuq il-kompjuters tal-Kummissjoni.

13

Fit-tmiem ta’ dan il-jum, l-investigaturi tal-Kummissjoni qiegħdu fuq USB stick lista ta’ 59 serje ta’ dokumenti ‘biex jiġu esportati’.

14

Irriżulta li ħames messaġġi elettroniċi fost id‑59 serje ta’ dokumenti kienu jsemmu, fis-suġġett jew fit-titolu tagħhom, il-kliem ‘legally privileged’.

15

Wara li qraw il-lista ta’ dokumenti ‘biex jiġu esportati’ fuq il-USB stick, l-avukati tar-rikorrenti oġġezzjonaw għas-sekwestru ta’ dawn il-messaġġi elettroniċi u tad-dokumenti annessi magħhom, u dan ġie aċċettat mill-Kummissjoni. Għalhekk dawn id-dokumenti ma ġewx miżjuda mal-fajl tal-Kummissjoni.

It-tielet jum tat-tieni spezzjoni (26 ta’ Marzu 2015)

16

Fit-tielet jum tal-ispezzjoni, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li, meta dokument wieħed biss kien jindika ‘biex jiġi esportat’, is-softwer Nuix kien awtomatikament jieħu d-dokumenti kollha marbuta miegħu, ikkwalifikati bħala ‘siġra ġenealoġika sħiħa’, u mhux biss l-element individwali mmarkat għall-esportazzjoni. Dan jispjega għaliex il-ħames messaġġi elettroniċi ‘potenzjalment protetti’ mill-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, deskritti fil-punt 14 iktar ’il fuq, dehru fil-lista ta’ dokumenti ‘biex jiġu esportati’, li tat l-impressjoni li d-dokumenti kollha kienu ġew immarkati għall-esportazzjoni.

17

Barra minn hekk, l-investigaturi eskludew xi informazzjoni kkupjata fuq il-kompjuters tal-Kummissjoni u ssuġġettaw id-dokumenti indikati bħala ‘legally privileged’ għal tfittxija skont kliem prinċipali. Huma qegħduhom direttament f’fajl informatiku separat sabiex dawn jiġu eżaminati individwalment minn investigatur fil-preżenza ta’ avukat tar-rikorrenti. Huwa b’dan il-mod li 22000 dokument immarkati ‘legally privileged’ ġew isseparati. Matul din il-verifika individwali, l-avukati tar-rikorrenti ħadu ħsieb li tinħeba l-bar tal-qari tas-softwer Nuix.

18

Mir-rapport tal-ispezzjoni dwar id-dokumenti li l-kunfidenzjalità tagħhom hija invokata jirriżulta li dokument ġie issiġillat fis‑26 ta’ Marzu 2015. Dan huwa l-ftehim konkluż bejn L., kumpannija maħluqa minn L. B., u Alcogroup. Il-Kummissjoni xtaqet tivverifika jekk L. B. kellhiex l-istatus ta’ avukat indipendenti fis-sens tal-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni Ewropea u r-rikorrenti invokaw il-fatt li dan il-ftehim stess kien protett mill-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.

Ir-raba’ u l-aħħar jum tat-tieni spezzjoni (27 ta’ Marzu 2015)

19

Il-metodu deskritt fil-punt 17 iktar ’il fuq, meqjus bħala wisq ineffiċjenti mill-Kummissjoni, ġie abbandunat lejn it-tmiem ta’ filgħodu tar-raba’ jum ta’ spezzjoni.

20

Finalment, il-Kummissjoni kienet awtorizzata li tara malajr id-dokumenti li kellhom ir-referenza ‘legally privileged’, wara esklużjoni tad-dokumenti ta’ wara s‑7 ta’ Ottubru 2014, li kienet id-data tal-bidu tal-ewwel spezzjoni. Fil-kuntest ta’ dan l-aġġustament, il-Kummissjoni aċċettat li ma teżaminax, lanqas b’mod sommarju, numru ta’ dokumenti wara l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-avukati tar-rikorrenti.

21

Minkejja l-fatt li l-lista ta’ dokumenti li kellhom jiġu eżaminati kienet tneħħiet mid-dokumenti indikati bħala ‘legally privileged’, ir-rikorrenti osservaw, fost il-lista ta’ dokumenti ‘biex jiġu esportati’ stabbilita mill-investigaturi fis‑27 ta’ Marzu 2015, dokument li huma qiesu bħala protett mill-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.

22

Wara l-oppożizzjoni tar-rikorrenti għas-sekwestru tal-imsemmi dokument, l-investigaturi aċċettaw li jneħħu l-lista tad-dokumenti ‘biex jiġu esportati’.

Żviluppi sussegwenti għat-tieni spezzjoni

23

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ April 2015, il-Kummissjoni rritornat il-ftehim konkluż bejn L., maħluqa minn L. B., u Alcogroup, fl-envelopp issiġillat tiegħu, filwaqt li argumentat li d-dokument ma kienx rilevanti għall-investigazzjoni.

24

Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ April 2015 indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti sostnew li l-konsultazzjoni, matul it-tieni spezzjoni, ta’ numru kbir ta’ dokumenti li kienu ġew stabbiliti għad-difiża tagħhom fil-kuntest tal-ewwel spezzjoni kienet tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju kif ukoll tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Dan il-ksur allegatament ivvizzja kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni investigazzjoni, b’tali mod li l-Kummissjoni kellha tikkonferma ‘s-sospensjoni immedjata ta’ kull att ta’ investigazzjoni jew att ieħor li [kien] twettaq mis-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward [tagħhom] […] fil-kuntest tal-proċeduri AT.40244 (AQUAVIT) u AT.40054 (OCTOPUS)’.

25

Fl-[ittra] tagħha tat‑8 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għas-sospensjoni ta’ kull att ta’ investigazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti fiż-żewġ proċeduri kkonċernati […]. Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni kkontestat kull ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti f’kull waħda miż-żewġ proċeduri, billi sostniet, b’mod partikolari, li l-immarkar tad-dokumenti ma kienx ifisser li hija kienet eżaminathom u li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li t-tim ta’ spetturi kien deliberatament għażel u analizza dokumenti koperti mis-sigriet professjonali kienu assolutament infondati. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, ma kien hemm l-ebda raġuni għas-sospensjoni taż-żewġ investigazzjonijiet pendenti.

26

[…]

27

It-tieni investigazzjoni, li tat lok għat-tieni spezzjoni, ingħalqet fis‑7 ta’ April 2017.”

4

Il-kontenut tal-parti rilevanti tal-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 kien dan li ġej:

“Fir-rigward tal-azzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-fajl AT.40244 – Bioethanol, infakkarkom li bl-ebda mod ma intom qed tallegaw li l-Kummissjoni hija fil-pussess ta’ dokumenti koperti mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukat u l-klijent tiegħu. L-invokazzjonijiet tagħkom huma limitati għall-fatt li l-ispetturi ‘ttikkettjaw’ (‘tagged’) u setgħu qraw id-dokumenti koperti mill-privileġġ ta’ kunfidenzjalità.

Madankollu, matul it-tfittxija, it-timijiet tagħna spjegawlkom, kif ukoll lill-klijent tagħkom u lil terz li intom għażiltu (is-Sur Coene), il-proċedura ta’ ġbir ta’ informazzjoni mill-ispetturi tal-Kummissjoni kif ukoll il-funzjonament tas-softwer ta’ tfittxija użat mill-Kummissjoni. Għalhekk, ġie spjegat lilkom li l-fatt li dokument (bħal dokument anness, pereżempju) jiġi mmarkat ma jimplikax neċessarjament li l-ispetturi jkunu qraw id-dokumenti kollha relatati ma’ dan id-dokument (bħal messaġġ elettroniku li jinkludi numru kbir ta’ dokumenti annessi li huma possibbilment koperti mis-sigriet professjonali […]). Minħabba f’hekk, l-allegazzjonijiet tagħkom li t-tim ta’ spetturi deliberatament għażel u analizza d-dokumenti koperti mis-sigriet professjonali huma assolutament infondati.”

III. Il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti kienu talbu lill-Qorti Ġenerali tannulla t-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni u l-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huma kienu qajmu motiv uniku maqsum f’żewġ partijiet.

6

L-ewwel parti kienet ibbażata fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ xieraq, protett mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u, b’mod partikolari, tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità kif ukoll tad-dmir ta’ investigazzjoni imparzjali.

7

It-tieni parti kienet ibbażata fuq ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju, previst fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-KEDB.

8

Il-Qorti Ġenerali qieset li dan ir-rikors kien inammissibbli.

9

Fl-ewwel lok, fil-punti 57 sa 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni.

10

Għal dawn il-finijiet, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fakkret, fil-punti 61 sa 63 tas-sentenza appellata, li, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tiegħu u li għalhekk, f’dan il-każ, l-ilmenti mqajma fir-rigward tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni ordnata mit-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni ma għandhomx effett fuq it-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, fatt li huwa kkonfermat ukoll mis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404). Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li l-iżvolġiment irregolari ta’ spezzjoni jista’ jikkontesta biss il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ulterjuri meħuda abbażi ta’ informazzjoni miġbura illegalment matul l-ispezzjoni preċedenti.

11

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiċċensura t-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni peress li din ma pprevedietx miżuri ta’ prekawzjoni sabiex jiġi evitat li l-Kummissjoni tkun qrat id-dokumenti li huma kienu stabbilixxew sabiex jiżguraw id-difiża tagħhom fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ prekawzjoni”). Issa, tali miżuri huma imposti minħabba r-riskju li l-investigaturi jsibu, fil-kuntest tat-tieni spezzjoni, id-dokumenti tad-difiża marbuta mal-ewwel investigazzjoni, li l-għan tagħha kien marbut mill-qrib ma’ dak tat-tieni investigazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, irrilevat li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża allegat mir-rikorrenti ma kienx jirriżulta direttament min-nuqqas ta’ miżuri ta’ prekawzjoni, iżda mill-iżvolġiment tal-ispezzjoni, li ma jaffettwax it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni. Fi kwalunkwe każ, skont il-Qorti Ġenerali, huma imposti limiti fuq il-Kummissjoni matul kull spezzjoni, b’tali mod li r-rispett tad-drittijiet allegati mir-rikorrenti għandu jiġi żgurat fi kwalunkwe każ, mingħajr il-bżonn li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni għal dawn il-finijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma identifikaw l-ebda regola konkreta li tistabbilixxi l-obbligu legali tal-Kummissjoni li tinkludi miżuri ta’ prekawzjoni speċifiċi f’deċiżjoni ta’ spezzjoni li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-dokumenti koperti mill-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu li jirrigwardaw investigazzjoni oħra. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li t-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni ma kinitx ipproduċiet l-effetti legali allegati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors tagħhom u li, konsegwentement, it-talba li tikkonċernaha kienet inammissibbli.

12

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali analizzat l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan kien intiż għall-annullament tal-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015.

13

Għal dawn il-finijiet, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, qieset, fil-punti 79 sa 82 tas-sentenza appellata, li din l-ittra kellha tiġi analizzata bħala rifjut li jiġu interrotti definittivament l-atti ta’ investigazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti u li, bħala tali, l-imsemmija ittra kellha n-natura ta’ att preliminari. Billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264), il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, ikkonkludiet li r-rikors kien inammissibbli peress li dan kien intiż għar-rifjut ta’ sospensjoni tal-investigazzjonijiet pendenti li jinsabu fl-istess ittra.

14

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li l-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 kienet att li jista’ jiġi kkontestat minħabba li din kienet tikkostitwixxi deċiżjoni formali li ttemm il-proċedura speċjali distinta, relatata mal-protezzjoni tad-dokumenti koperti mill-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu u li, konsegwentement, taffettwa immedjatament u b’mod irreversibbli s-sitwazzjoni legali tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 87 sa 89 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li din l-ittra ma kinitx tikkostitwixxi tali deċiżjoni formali, u lanqas taċita, li tiċħad talba għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, peress li, fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni ma kinitx iddeċidiet il-kwistjoni dwar jekk id-dokumenti inkwistjoni kinux koperti mis-sigriet professjonali. L-iktar l-iktar, l-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 ikkonfermat lir-rikorrenti li d-dokumenti ma kinux inqraw mill-Kummissjoni u li, għaldaqstant, ma kienx hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, fakkret li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet is-sekwestru materjali ta’ dawn id-dokumenti u ma kinitx żidithom mal-fajl tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ dokument wieħed li, għalkemm kien seħħ is-sekwestru materjali tiegħu u dan kien ġie ssiġillat, sussegwentement kien ġie rritornat lir-rikorrenti.

15

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, fakkret, minn naħa, li, bħala prinċipju, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom saret spezzjoni jaqa’ taħt rikors għal annullament ippreżentat, jekk ikun il-każ, kontra d-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101(1) TFUE. Dan barra minn hekk jiżgura l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv dwar il-miżuri ta’ spezzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, kif meħtieġ mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fid-dawl tal-għeluq tat-tieni investigazzjoni, u bla ħsara għall-possibbiltà li jiġi ppreżentat, jekk ikun il-każ, rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni finali eventwali adottata fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni, jekk ir-rikorrenti kienu qiesu li l-atti li permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet saret taf b’dokumenti koperti mill-kunfidenzjalità kienu illegali u li kienu kkawżawlhom dannu ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, huma kienu obbligati li jippreżentaw rikors għad-danni mhux kuntrattwali. Din il-possibbiltà kienet teżisti wkoll fil-każ fejn l-ispezzjoni ma wasslitx għal deċiżjoni finali li segħtet tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Tali rikors għad-danni ma jaqax taħt is-sistema ta’ stħarriġ tal-validità tal-atti tal-Unjoni li għandhom effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, iżda jista’ jiġi ppreżentat meta parti tkun ġarrbet dannu minħabba aġir illegali ta’ istituzzjoni.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

16

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament tagħhom, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-mertu u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

18

B’applikazzjoni tal-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ġew mistiedna, fil‑21 ta’ Jannar 2019, jipprovdu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kienx għad għandhom interess ġuridiku fil-kuntest ta’ appell. B’mod partikolari, huma ġew mitluba jwieġbu l-mistoqsija dwar liema benefiċċju huma setgħu jiksbu mill-annullament eventwali tas-sentenza appellata, fid-dawl tal-għeluq, deċiż mill-Kummissjoni fis‑7 ta’ April 2017, tat-tieni investigazzjoni.

19

Il-partijiet wieġbu għal din il-mistoqsija permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Frar 2019.

V. Fuq l-appell

A. Fuq l-ammissibbiltà

1.   L-argumenti tal-partijiet

20

Bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula lill-partijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti sostnew li l-annullament tas-sentenza appellata, kif ukoll tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni u tal-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 li jista’ jirriżulta, jista’ jwassal għat-tmiem ta’ kull tkomplija tal-ewwel investigazzjoni, jirrendi illegali l-adozzjoni ta’ kull att ta’ investigazzjoni jew ta’ istruzzjoni tal-Kummissjoni kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni investigazzjoni u jippermettilhom jitolbu l-kumpens għad-dannu mġarrab.

21

Fil-fatt, minn naħa, il-ħsara magħmula lid-drittijiet tad-difiża minħabba l-konsultazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-dokumenti dwar l-ewwel investigazzjoni, li hija konsultazzjoni li kienet saret possibbli minħabba l-assenza ta’ miżuri ta’ prekawzjoni fit-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni, tagħmel l-organizzazzjoni tad-difiża tal-appellanti de facto impossibbli f’din l-istess investigazzjoni. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-illegalità u tal-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni, sa fejn din għamlitha possibbli li l-Kummissjoni eżaminat l-imsemmija dokumenti, għandha twassal għall-annullament tal-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, peress li, minħabba li l-ewwel proċedura ta’ investigazzjoni ma setgħetx titkompla b’mod imparzjali, il-Kummissjoni kellha ttemmha b’mod definittiv. Barra minn hekk, billi rrifjutat, fl-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, li tirrikonoxxi n-natura kunfidenzjali tad-dokumenti tad-difiża stabbiliti fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni, il-Kummissjoni ċaħħdet lill-appellanti mid-dritt li jiddefendu ruħhom b’mod sħiħ fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-għeluq amministrattiv tat-tieni investigazzjoni ma jipprekludix l-eventwali ftuħ mill-ġdid tagħha.

22

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li, minħabba l-għeluq amministrattiv tat-tieni investigazzjoni, l-appell tilef l-iskop tiegħu sa fejn jirrigwarda l-parti tas-sentenza appellata dwar din l-investigazzjoni.

23

B’mod iktar partikolari, l-imsemmi għeluq ippermetta lill-appellanti li jiksbu r-riżultat li huma kienu qed ifittxu permezz tal-azzjoni tagħhom, sa fejn dan kien intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni kif ukoll tal-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, tal-inqas fir-rigward tar-rifjut tal-Kummissjoni li tinterrompi t-tieni investigazzjoni. Fil-fatt, għalkemm din l-investigazzjoni kienet biss is-suġġett ta’ għeluq amministrattiv, peress li ma nfetħet l-ebda proċedura formali, dan l-għeluq għandu natura kważi definittiva. Il-Kummissjoni tippreċiża, f’dan ir-rigward, li ma teżisti l-ebda possibbiltà li l-investigazzjoni tinfetaħ mill-ġdid barra mill-ipoteżi fejn hija ssir taf bi żviluppi sinjifikattivi ġodda. Barra minn hekk, tali ftuħ mill-ġdid ikun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari fil-qasam ta’ motivazzjoni, u probabbilment jagħti lok għal investigazzjoni ġdida, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tuża d-dokumenti eżaminati matul it-tieni investigazzjoni magħluqa.

2.   L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, u fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikors għandu jitqies li huwa inammissibbli. Dan is-suġġett tal-kawża, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja finali, u fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess, l-għeluq amministrattiv tat-tieni investigazzjoni, li seħħ fil-mori tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, ma huwiex ta’ natura definittiva, peress li din l-investigazzjoni tista’ tinfetaħ mill-ġdid fil-każ fejn il-Kummissjoni ssir taf bi żviluppi sinjifikattivi ġodda.

26

Issa, is-sempliċi possibbiltà ġuridika ta’ ftuħ mill-ġdid tal-imsemmija investigazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-interess ġuridiku tal-appellanti. Fil-fatt, l-annullament tas-sentenza appellata u l-eventwali annullament, mill-Qorti Ġenerali, tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni kif ukoll tal-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 li jista’ jirriżulta, għandu tal-inqas il-konsegwenza li jċaħħad l-atti ta’ investigazzjoni allegatament illegali tal-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni investigazzjoni minn bażi legali u, għalhekk, li jobbligaha, jekk ikun il-każ, li tibda investigazzjoni ġdida li fil-kuntest tagħha hija ma tkunx tista’ tuża d-dokumenti allegatament kunfidenzjali li ġew ikkonsultati waqt l-investigazzjoni preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 49, kif ukoll tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 45).

27

Konsegwentement, l-appellanti għandhom interess ġuridiku fil-konfront tas-sentenza appellata u l-appell tagħhom huwa ammissibbli.

B. Fuq il-mertu

1.   Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

28

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw serje ta’ żbalji ta’ liġi kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors li tressaq quddiemha. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

a)   Fuq l-ewwel parti, dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni

1) L-argumenti tal-partijiet

29

L-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li insostenn tagħha l-appellanti jinvokaw erba’ argumenti, hija relatata mal-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-ammissibbiltà tar-rikors, sa fejn dan tal-aħħar kien intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni.

30

Fil-kuntest tal-ewwel argument invokat, l-appellanti jibdew bil-premessa li, kieku t-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni kienet ġiet immotivata b’mod adegwat, jiġifieri li kieku hija kienet ipprevediet miżuri ta’ prekawzjoni, l-ispetturi ma kinux iqisu li din kienet tippermettilhom jikkonsultaw id-dokumenti meqjusa bħala kunfidenzjali mill-appellanti.

31

F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, peress li hija ma weġbitx għall-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-ommissjoni, fit-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni, li jiġu previsti miżuri ta’ prekawzjoni, kienet tikkostitwixxi wkoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, żnaturat it-talba tal-appellanti billi qieset li huma ma kienu invokaw l-ebda regola konkreta li tistabbilixxi l-allegat obbligu li fit-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni kellhom jiġu inklużi miżuri ta’ prekawzjoni, filwaqt li għal dan l-għan huma kienu invokaw dawn l-istess dispożizzjonijiet. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta qieset li l-appellanti kienu invokaw l-ewwel argument, li l-iżvolġiment illegali ta’ spezzjoni huwa ta’ natura li jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni li abbażi tagħha kienet saret tali spezzjoni. Fir-realtà, huma kienu għamlu riferiment għall-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni biss b’mod superfluwu u sabiex jiċċaraw l-analiżi dwar il-legalità tad-deċiżjoni nnifisha, fis-sens tas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404).

32

Permezz tat-tieni argument tagħhom, l-appellanti jsostnu li, billi fil-punt 64 tas-sentenza appellata ddikjarat li l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża ma kienx jirriżulta direttament mill-assenza ta’ miżuri ta’ prekawzjoni iżda mill-iżvolġiment tal-ispezzjoni, u li xi limiti kienu fi kwalunkwe każ imposti fuq il-Kummissjoni matul kull spezzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta evalwat il-mertu tar-rikors fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tiegħu.

33

Permezz tat-tielet argument tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 62, 64 u 65 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ motivazzjoni, li jikkonsisti fl-assenza, fit-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni, ta’ miżuri ta’ prekawzjoni, ma kellux effett fuq it-talba għal annullament, li l-ksur allegat ma kienx jirriżulta direttament mill-imsemmija assenza u li t-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni ma kinitx ipproduċiet l-effetti legali li huma kienu invokaw.

34

Fir-realtà, skont l-appellanti, l-ewwel u t-tieni spezzjoni kienu marbuta mill-qrib minħabba l-għan tagħhom, b’tali mod li, waqt l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni kellha riskju oġġettiv ikbar li tikser id-drittijiet tad-difiża matul l-iżvolġiment tal-ispezzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha tieħu dan ir-riskju inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari billi tipprevedi miżuri ta’ prekawzjoni, sabiex jiġu ddefiniti s-setgħat mogħtija lill-ispetturi. Konsegwentement, l-assenza ta’ tali miżuri kienet is-sors tal-irregolaritajiet allegati, imwettqa mill-ispetturi.

35

Barra minn hekk, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, minn naħa, għaliex ma ddikjarat l-ebda motiv li jista’ jiġġustifika l-assenza ta’ rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, għaliex ma weġbitx għall-argument tagħhom ibbażat fuq ir-rabta eżistenti bejn l-għanijiet taż-żewġ spezzjonijiet, li kien jiġġustifika n-neċessità ta’ motivazzjoni speċifika min-naħa tal-Kummissjoni.

36

Fil-kuntest tar-raba’ argument invokat, l-appellanti jsostnu li fil-punt 64 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kien ġie żgurat, fi kwalunkwe każ, mil-limiti imposti mill-Kummissjoni matul kull spezzjoni. Fir-realtà, l-eżistenza ta’ dawn il-limiti ma teżentax lill-Kummissjoni milli timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, billi kulma għamlet kien li sempliċement irreferiet b’mod astratt għall-imsemmija limiti, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat naqset milli tistħarreġ ir-rispett, mill-Kummissjoni, tad-drittijiet tad-difiża.

37

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom u permezz tal-erba’ argumenti invokati insostenn tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, billi qieset il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni bħala inammissibbli, peress li din tal-aħħar kellha tinkludi miżuri ta’ prekawzjoni.

39

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, naqset milli twieġeb għall-motiv tal-appellanti, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni, peress li din ma pprevedietx miżuri ta’ prekawzjoni.

40

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li dan l-argument huwa bbażat fuq konfużjoni bejn l-eżami li l-qorti tal-ewwel istanza hija obbligata tagħmel fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament u l-eżami fil-mertu tiegħu.

41

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali llimitat l-analiżi tagħha tar-rikors għall-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tiegħu. Issa, f’din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali vverifikat b’mod partikolari jekk l-argumenti li fuqhom kien ibbażat dan ir-rikors setgħux jikkontestaw il-legalità tal-atti kkontestati.

42

Kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali għalhekk ġustament naqset milli teżamina l-fondatezza tal-argumenti li l-assenza ta’ miżura ta’ prekawzjoni fit-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni kienet tikkostitwixxi ksur tal-obbligu tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

43

Fir-rigward, sussegwentement, tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta evalwat il-mertu tar-rikors billi, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, qieset li l-ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża ma kienx jirriżulta direttament min-nuqqas ta’ miżuri ta’ prekawzjoni iżda mill-iżvolġiment tal-ispezzjoni, dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-imsemmi punt.

44

Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-fondatezza tal-argumenti intiżi sabiex jistabbilixxu tali każijiet ta’ ksur, iżda kulma għamlet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikors, kien li tqis li, fi kwalunkwe każ, ma kienet teżisti l-ebda rabta kawżali bejn dawn il-każijiet ta’ ksur, jekk jiġi meqjus li dawn kienu stabbiliti, u l-legalità tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni.

45

Issa, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data li fiha dan l-att ġie adottat (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li atti sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma jistgħux jaffettwaw il-validità tagħha (sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310, punt 16, u tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379, punt 49, kif ukoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akcros, C‑7/04 P(R), EU:C:2004:566, punt 46).

46

Konsegwentement, peress li l-ksur allegat f’dan il-każ seta’ possibbilment jitwettaq mill-ispetturi tal-Kummissjoni biss waqt it-tieni spezzjoni u għaldaqstant wara l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni, dan ma setax, fl-ebda każ, jivvizzja l-legalità tagħha.

47

Barra minn hekk, l-appellanti jqisu li, f’dan il-każ, kellhom jiġu previsti miżuri ta’ prekawzjoni fir-rigward tar-riskju ikbar li l-ispetturi, matul it-tieni spezzjoni, isiru jafu b’dokumenti kunfidenzjali relatati mal-ewwel spezzjoni, minħabba l-għanijiet simili tal-investigazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom twettqu dawn l-ispezzjonijiet.

48

Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-premessa li t-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tipprevedi miżuri ta’ prekawzjoni partikolari f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, fid-dawl tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni, meta din tkun ippreċeduta minn spezzjoni oħra u meta dawn iż-żewġ spezzjonijiet ikunu saru fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet li għandhom għanijiet simili. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tali miżuri ta’ prekawzjoni biss jiżguraw li l-ispetturi tal-Kummissjoni ma jqisux li l-imsemmija deċiżjoni tippermettilhom li jikkonsultaw dokumenti koperti mill-kunfidenzjalità bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.

49

Issa, din il-premessa hija manifestament żbaljata.

50

Fil-fatt, id-dritt għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża li għandhom jiġu rrispettati sa mill-istadju tal-investigazzjoni minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punti 18 sa 23; tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 16, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 4041). Konsegwentement, ir-rispett ta’ dan id-dritt huwa impost, bħala prinċipju, fuq il-Kummissjoni u fuq l-ispetturi tagħha, indipendentement mill-portata tal-mandat mogħti lilhom permezz tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

51

Għalhekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, mill-assenza, fit-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni, ta’ kwalunkwe miżura ta’ prekawzjoni partikolari dwar id-dokumenti allegatament kunfidenzjali stabbiliti wara l-ewwel spezzjoni, fi kwalunwke każ l-ispetturi ma setgħux jiddeduċu li huma kienu awtorizzati jiksru l-kunfidenzjalità ta’ dawn id-dokumenti.

52

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti mressqa kontra l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li, fi kwalunkwe każ, minn naħa, jeżistu limiti li huma imposti fuq il-Kummissjoni waqt kull spezzjoni, b’tali mod li r-rispett tad-drittijiet allegati mill-appellanti għandu jiġi żgurat fi kwalunkwe każ, u, min-naħa l-oħra, l-appellanti ma kinux identifikaw regola konkreta li tistabbilixxi l-obbligu legali tal-Kummissjoni li tinkludi miżuri ta’ prekawzjoni speċifiċi fit-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom natura superfluwa u li, konsegwentement, anki jekk l-imsemmija argumenti jkunu fondati, huma ma jistgħux jagħtu lok għall-annullament tas-sentenza appellata, u li, għaldaqstant, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

53

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, meta wieħed mill-motivi meqjusa mill-Qorti Ġenerali jkun suffiċjenti sabiex jiġġustifika d-dispożittiv tas-sentenza, id-difetti li jistgħu jivvizzjaw motiv ieħor, li jissemma wkoll fis-sentenza inkwistjoni, ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, influwenza fuq l-imsemmi dispożittiv, b’tali mod li l-motiv li jinvokahom ikun ineffettiv u għandu jiġi miċħud (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 68, u tal‑15 ta’ Mejju 2019, CJ vs ECDC, C‑170/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:410, punt 56).

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ġustament eskludiet li l-argumenti tal-appellanti jistgħu jikkontestaw il-legalità tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni u, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, qieset li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn kien intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

55

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

b)   Fuq it-tieni parti, dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-ammissibbiltà tar-rikors, sa fejn dan kien intiż għall-annullament tal-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015

1) L-argumenti tal-partijiet

56

It-tieni parti tal-ewwel aggravju, li insostenn tagħha huma invokati żewġ argumenti, tikkonċerna l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, sa fejn dan kien intiż għall-annullament tal-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015.

57

Permezz tal-ewwel argument tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-kliem ta’ din l-ittra. Fil-fatt, filwaqt li, skont il-punt 80 tas-sentenza appellata, din hija biss att preparatorju għall-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li ttemm l-investigazzjoni, l-imsemmija ittra fir-realtà tinkludi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni dwar in-natura mhux kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni. Din l-ittra b’hekk tikkostitwixxi deċiżjoni li tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-appellanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tal-imsemmija sentenza, żnaturat il-fatti meta qieset li, f’din l-ittra, il-Kummissjoni “ma kinitx qed tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk id-dokumenti inkwistjoni kinux koperti mis-sigriet professjonali u li, l-iktar l-iktar, l-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 kienet tikkonferma lir-rikorrenti li d-dokumenti ma kinux inqraw mill-Kummissjoni”. Fir-realtà, mill-imsemmija ittra jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ma tikkontestax li d-dokumenti mmarkati kienu ġew ikkonsultati.

58

Barra minn hekk, l-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 ikkawżat dannu irreparabbli lill-appellanti. Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li l-Kummissjoni eżaminat id-dokumenti inkwistjoni seta’ ċertament jinfluwenza l-ewwel investigazzjoni b’xi mod, u, min-naħa l-oħra, hija biss l-interruzzjoni ta’ din l-investigazzjoni li setgħet tevita l-aggravazzjoni tal-imsemmi dannu, peress li, fil-kuntest partikolari ħafna ta’ dan il-każ, huwa preċiżament il-ksur tad-drittijiet tad-difiża matul it-tieni spezzjoni li seta’ jikkomprometti l-possibbiltà li kellu jkollhom l-appellanti li jiddefendu lilhom innifishom b’mod effikaċi.

59

Permezz tat-tieni argument tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punti 86 sa 89 tas-sentenza appellata, għamlet distinzjoni bejn din is-sitwazzjoni u dik li tat lok għas-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287), u meta qieset li, fl-assenza ta’ att materjali ta’ sekwestru tad-dokumenti allegatament kunfidenzjali u taż-żieda tagħhom mal-fajl, il-Kummissjoni ma kinitx adottat deċiżjoni taċita ta’ ċaħda tat-talba għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.

60

Qabelxejn, fir-realtà, id-distinzjoni bbażata fuq is-sekwestru jew fuq l-assenza ta’ sekwestru ta’ dokumenti hija artifiċjali u għandha l-konsegwenza li tippermetti lill-Kummissjoni, billi tevita li tikkopja dokumenti tad-difiża li l-ispetturi tagħha madankollu kkonsultaw, li twaqqaf id-deċiżjoni tagħha milli tkun tista’ tiġi kkontestata. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, żnaturat il-fatti meta kkonstatat li l-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 kienet tikkonferma li d-dokumenti tad-difiża tal-appellanti ma kinux inqraw minn dawn l-ispetturi. Issa, fid-difiża tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ammettiet li d-dokumenti tad-difiża tal-appellanti li hija kienet tikkunsidra bħala mhux protetti mis-sigriet professjonali setgħu jinqraw mill-ispetturi tagħha u hija qieset li dawn tal-aħħar setgħu jwettqu eżami sommarju ta’ dokumenti li setgħu jiġu protetti. Fl-aħħar nett, l-imsemmija ittra tikkostitwixxi deċiżjoni taċita li ttemm proċedura speċjali distinta, li tikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kkupjatx u/jew inkorporatx ukoll id-dokumenti fil-fajl tagħha hija irrilevanti. F’dan il-każ, id-deċiżjoni taċita tal-Kummissjoni kienet, fi kwalunkwe każ, immaterjalizzat bl-inklużjoni ta’ dokumenti tad-difiża fil-ġabra ta’ riċerka, mill-konsultazzjoni tagħhom u mill-għażla ta’ wħud minnhom bħala rilevanti għall-investigazzjoni, minkejja li sussegwentement dawn tneħħew mil-lista tad-dokumenti biex jiġu esportati.

61

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, żnaturament tal-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 kif ukoll żball ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat din l-ittra bħala att preparatorju u mhux bħala deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li tiċħad talba għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.

63

Qabelxejn għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss teżerċita, bis-saħħa tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u l-konsegwenzi legali li rriżultaw minnha. L-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑114/17 P, EU:C:2018:753, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Jekk tali żnaturament jista’ jikkonsisti f’interpretazzjoni ta’ dokument li tmur kontra l-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑601/11 P, EU:C:2013:465, punt 106), din għandha tirriżulta b’mod manifest mill-proċess u tippreżupponi li l-Qorti Ġenerali manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun suġġett għal interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs ANKO, C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Issa, f’dan il-każ, mill-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li “l-fatt li dokument (bħal dokument anness, pereżempju) jiġi mmarkat ma jimplikax neċessarjament li l-ispetturi jkunu qraw id-dokumenti kollha relatati ma’ dan id-dokument”, li jinkludi dokumenti “li huma possibbilment koperti mis-sigriet professjonali”. Għaldaqstant, minkejja li l-Kummissjoni ma eskludietx espressament li l-ispetturi tagħha setgħu qraw dokumenti allegatament kunfidenzjali, hija madankollu ma ammettietx, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, li dawn effettivament qrawhom, anki jekk ta’ malajr. Madankollu, il-Kummissjoni espressament eskludiet li l-immarkar ta’ dokument huwa neċessarjament ekwivalenti għall-qari tiegħu.

66

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi kkonkludiet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li, “fl-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ma kinitx qed tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk id-dokumenti inkwistjoni kinux koperti mis-sigriet professjonali” u li, l-iktar l-iktar, din l-ittra “kienet tikkonferma lir-rikorrenti li d-dokumenti ma kinux inqraw mill-Kummissjoni”, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx l-imsemmija ittra b’mod manifestament kontra l-kontenut tagħha u, għaldaqstant, ma żnaturatx dan il-kontenut.

67

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ġustament, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, għamlet distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287), li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet dwar il-kunfidenzjalità ta’ dokumenti b’deċiżjoni taċita, ikkonkretizzata mis-sekwestru ta’ dawn id-dokumenti, billi formalment ċaħdet talba għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tagħhom.

68

Issa, f’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 ma kinitx tieħu pożizzjoni dwar in-natura kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni, u lanqas ma kienet tikkonferma li l-ispetturi tal-Kummissjoni kienu qraw, matul it-tieni spezzjoni, id-dokumenti allegatament kunfidenzjali, din l-ittra la tista’ tikkostitwixxi deċiżjoni formali ta’ ċaħda ta’ talba għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u lanqas, a fortiori, deċiżjoni konfermattiva ta’ deċiżjoni taċita ta’ ċaħda ta’ tali talba.

69

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata, li l-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015 kellha tiġi analizzata bħala rifjut li jiġu interrotti definittivament l-atti ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-appellanti, li kellhom in-natura ta’ atti preliminari.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.   Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

a)   L-argumenti tal-partijiet

71

Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, illimitat l-istħarriġ ġudizzjarju tal-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni matul l-iżvolġiment ta’ spezzjoni biss għar-rikorsi intiżi għall-annullament ta’ eventwali deċiżjoni definittiva adottata sussegwentement minn din l-istituzzjoni u għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellanti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva żgurat mill-Artikolu 6 tal-KEDB u mill-Artikolu 47 tal-Karta, peress li dawn iż-żewġ rikorsi ma jistgħux jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti lill-appellanti.

72

Minn naħa, l-appellanti jsostnu, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Diċembru 2010, Société Canal Plus et vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002940808), li, fir-rigward tar-rikors għal annullament, jekk il-Kummissjoni ma tadottax deċiżjoni definittiva, huma jibqgħu mċaħħda minn kull rimedju ġudizzjarju kontra l-imsemmi aġir, anki jekk l-irregolaritajiet imwettqa fi stadju partikolari tal-proċedura ma jistgħux dejjem jiġu kkumpensati fi stadju ulterjuri tagħha. Madankollu, jekk tiġi adottata deċiżjoni definittiva, rikors intiż għall-annullament tagħha ma jippermettix li jiġu evitati l-konsegwenzi irriversibbli tal-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fid-dokumenti li kienu ġew ikkonsultati mill-ispetturi tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, li ma jippermettix li tiġi eliminata b’mod retroattiv il-bażi legali tal-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni, huwa wkoll ineffikaċi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-appellanti.

73

Skont dawn tal-aħħar, din il-konklużjoni tapplika a fortiori peress li, skont l-Artikolu 52(4) u l-Artikolu 53 tal-Karta, il-protezzjoni ġudizzjarja żgurata mid-dritt tal-Unjoni għandha tal-inqas tkun ekwivalenti għal dik żgurata mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali. Issa, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), filwaqt li bbażat ruħha fuq l-istess ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, qieset li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri ta’ spezzjoni għandu jippermetti, f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ irregolarità, jew li jipprevjeni li l-operazzjoni sseħħ, jew inkella, jekk din tkun diġà seħħet, li l-persuni kkonċernati jingħataw “rimedju xieraq”.

74

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

b)   L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

75

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-appellanti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif żgurat mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 6 tal-KEDB. L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li llimitat l-istħarriġ ġudizzjarju tal-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni, matul spezzjoni, biss għar-rikorsi intiżi għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u għall-annullament ta’ eventwali deċiżjoni definittiva adottata sussegwentement mill-Kummissjoni u li tikkonstata l-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

76

Issa, f’dan il-każ, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, ikkontestati mill-appellanti, huma introdotti bit-termini “Għandu jingħad ukoll li”. Min-naħa l-oħra, fil-punti 82 u 90 tal-imsemmija sentenza l-Qorti Ġenerali lestiet l-analiżi tal-argumenti mqajma mill-appellanti, kif riprodotti, rispettivament, fil-punti 68 u 69 kif ukoll fil-punt 83 tal-imsemmija sentenza.

77

Minn dan isegwi li l-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata jistipulaw raġunijiet superfluwi.

78

Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

80

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

81

Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Billi ppreżentaw l-appell tagħhom flimkien, huma għandhom ibatu dawn l-ispejjeż in solidum.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Alcogroup SA u Alcodis SA huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.