SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Ħaddiema – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(1) – Lecturers anzjani postdottorali – Limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa fi Stat Membru ieħor – Sistema ta’ remunerazzjoni li torbot il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni iktar għolja mal-anzjanità miksuba mal-persuna attwali li timpjega”

Fil-Kawża C‑703/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Adelheid Krah

vs

Universität Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Krah, minn S. Jöchtl,

għall-Universität Wien, minn A. Potz, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Adelheid Krah u l-Universität Wien (l-Università ta’ Vjenna, l-Awstrija) dwar it-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti li hija wettqet mal-Universität München (l-Università ta’ München, il-Ġermanja) u mal-Università ta’ Vjenna għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi li:

“Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.”

Id-dritt Awstrijak

4

Skont l-Artikolu 6 tal-Universitätsgesetz 2002 (il-Liġi tal-2002 dwar l-Universitajiet, BGBl. I, 120/2002), ir-Rahmenkollektivvertrag für ArbeitnehmerInnen an Universitäten (il-Ftehim Qafas Kollettiv għal Impjegati f’Universitajiet), tal-15 ta’ Frar 2011 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kollettiv”) huwa intiż sabiex japplika għall-universitajiet Awstrijaċi kollha li jagħmlu parti minn federazzjoni li attwalment tiġbor fi ħdanha 21 università, bħala persuni li jimpjegaw.

5

Skont l-Artikolu 26(3) u l-Artikolu 48 tal-Ftehim Kollettiv, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, A. Krah taqa’ taħt il-grad ta’ remunerazzjoni B1.

6

L-Artikolu 49(3) tal-Ftehim Kollettiv jipprevedi:

“Is-salarju gross kull xahar fil-grad ta’ remunerazzjoni B1 jammonta għal EUR 2 696.50.

Dan l-ammont jiżdied:

a)

wara tliet snin ta’ impjieg għal EUR 3 203.30. Il-perijodu ta’ tliet snin jitnaqqas b’perijodi li fir-rigward tagħhom tinġieb prova dwar esperjenza preċedenti relatata max-xogħol;

b)

wara tmien snin ta’ impjieg fil-kategorija stabbilita f’(a) jew f’każ ta’ Ph.D. bħala kondizzjoni biex tinbeda r-relazzjoni ta’ impjieg (pożizzjoni postdottorali) għal EUR 3 590.70;

c)

wara tmien snin ta’ impjieg fil-kategorija stabbilita f’(b) għal EUR 3 978.30;

d)

wara tmien snin ta’ impjieg fil-kategorija stabbilita f’(c) għal EUR 4 186.90.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

A. Krah, ċittadina Ġermaniża, għandha Ph.D. fl-istorja. Hija għallmet għal ħames snin fl-Università ta’ München.

8

Mis-semestru tax-xitwa 2000/2001 hija għallmet fl-Università ta’ Vjenna, bħala għalliema.

9

Wara li ppreżentat it-teżi ta’ abilitazzjoni tagħha, A. Krah irċeviet, permezz ta’ deċiżjoni tal-Università ta’ Vjenna tat-12 ta’ Marzu 2002, l-awtorizzazzjoni li tgħallem, fuq il-bażi ta’ kuntratt għal żmien determinat, l-istorja, bħala lecturer. Wara, l-appellanti għallmet mill-inqas seba’ sigħat fil-ġimgħa f’kull semestru abbażi ta’ kuntratti ta’ tagħlim għal żmien determinat.

10

Mill-1 ta’ Ottubru 2010, N. Krah ġiet impjegata bħala lecturer anzjan postdottorali li jaqa’ taħt il-grad ta’ remunerazzjoni B1, fis-sens tal-Ftehim Kollettiv. Il-kuntratt tagħha, inizjalment għal żmien determinat, ġie estiż, mill-1 ta’ Marzu 2013, għal żmien indeterminat. Sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni salarjali tagħha, u b’mod konformi mal-ftehim kollettiv, ebda perijodu preċedenti ta’ attività ma ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt.

11

B’deċiżjoni tar-Rettur tal-Università ta’ Vjenna tat-8 ta’ Novembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011”), din l-università madanakollu ddeċidiet li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa mil-lecturers anzjani postdottorali ta’ mhux iktar minn erba’ snin f’każ ta’ dħul fis-servizz fl-1 ta’ Ottubru 2011 jew wara din id-data. Fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti, ma saret ebda distinzjoni bejn il-perijodi mwettqa fl-Awstrija u dawk imwettqa barra mill-pajjiż.

12

Għal dak li jirrigwarda lil A. Krah, perijodu preċedenti ta’ attività rilevanti ta’ erba’ snin ittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-klassifikazzjoni retroattiva tagħha b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2010, b’tali mod li hija ġiet inkluża fil-grad ta’ remunerazzjoni B1, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 49(3) tal-Ftehim Kollettiv, u l-aċċess għall-iskala li jmiss fil-grad ta’ remunerazzjoni tagħha jeħtieġ erba’ snin ta’ anzjanità.

13

A. Krah adixxiet lill-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) b’talba intiża sabiex il-perijodi preċedenti ta’ attività kollha tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni, jiġifieri t-tmien snin u nofs mal-Università ta’ Vjenna u l-ħames snin mal-Università ta’ München, sabiex tiġi kklassifikata fi skala ogħla ta’ remunerazzjoni. Għalhekk hija talbet li l-Università ta’ Vjenna tiġi kkundannata tħallasha somma ta’ EUR 2 727.20, flimkien mal-interessi, għar-remunerazzjoni mhux imħallsa għall-perijodu bejn it-13 ta’ Ġunju 2014 u t-13 ta’ Awwissu 2015.

14

Peress li l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna) ċaħdet it-talba tagħha, A. Krah appellat mid-deċiżjoni ta’ din il-qorti quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija). Din tal-aħħar għandha dubji dwar il-portata tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema, iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament [Nru 492/2011] u l-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola li tgħid li l-[perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti] mwettqa minn membru tal-persunal tal-għalliema tal-Università ta’ Vjenna jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa tul totali ta’ tlieta jew erba’ snin, kemm jekk ikunu perijodi ta’ attività mwettqa mal-Università ta’ Vjenna jew ma’ universitajiet jew stabbilimenti oħra paragunabbli li jinsabu fl-Awstrija jew f’pajjiż barrani?

2)

Sistema ta’ remunerazzjoni li ma tipprevedix it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-[perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti], filwaqt li torbot il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni ogħla mal-anzjanità miksuba mal-istess persuna li timpjega, tikser il-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit mill-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli ta’ università ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-grad ta’ remunerazzjoni ta’ ħaddiem bħala lecturer anzjan postdottorali f’din l-università, jieħdu inkunsiderazzjoni biss perijodu totali ta’ mhux iktar minn erba’ snin tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa minn dan il-ħaddiem, kemm jekk ikunu perijodi ta’ attività mwettqa ma’ din l-istess università jew ma’ universitajiet jew stabbilimenti komparabbli oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor.

17

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, anki jekk l-ewwel domanda tirreferi għall-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, mid-digriet tar-rinviju madankollu jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, kif ukoll il-kunċett ta’ ostakolu għal dan il-moviment liberu.

18

Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 21(2) tal-Karta jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, għandu madankollu jitfakkar li l-Artikolu 52(2) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet irrikonoxxuti minnha li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti minnhom. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 21(2) tal-Karta li, kif ikkonfermat mill-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) relatati ma’ din id-dispożizzjoni, jikkorrispondi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u għandu jiġi applikat konformement miegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013, Gardella,C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 39).

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprovdix regoli speċifiċi kontra d-diskriminazzjoni. Issa, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat permezz tal-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger,C‑566/15, EU:C:2017:562, punti 25 sa 27).

20

Minn dan isegwi li hemm lok li l-ewwel domanda tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011.

Fuq l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011

21

L-Artikolu 45(2) TFUE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi biss espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-imsemmi Artikolu 45(2) fil-qasam speċifiku tal-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll tax-xogħol, u għaldaqstant għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal dan l-aħħar artikolu (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza SALK, EU:C:2013:799, punt 23; tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach,C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 16, u tat-8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund,C‑24/17, EU:C:2019:373, punti 6869).

22

Regoli ta’ università ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-iskala ta’ remunerazzjoni applikabbli, jagħmlu inkontestabbilment parti mill-qasam tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol. Għaldaqstant huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi SALK, punt 24, u tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach,C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 17).

23

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola tal-ugwaljanza fit-trattament li tinsab kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SALK, punt 25; tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach,C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 18, u tat-8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund,C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 70).

24

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, minkejja li applikabbli mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta, min-natura tagħha stess, tista’ taffettwa iktar il-ħaddiema li ġejjin minn Stati Membri oħra milli l-ħaddiema nazzjonali u meta konsegwentement hija tirriskja li tisfavorixxi b’mod iktar partikolari lil dawk tal-ewwel, sakemm din ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SALK, punt 26; tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach,C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 19, u tat-8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund,C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 71).

25

F’dan il-każ, skont id-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011, l-Università ta’ Vjenna ddeċidiet li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa mil-lecturers anzjani postdottorali ta’ tul totali ta’ mhux iktar minn erba’ snin, sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni salarjali tagħhom, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn il-perijodi mwettqa fl-Awstrija u dawk imwettqa barra mill-pajjiż.

26

Skont il-Ftehim Kollettiv, l-esperjenza professjonali rilevanti hija ddefinita bħala “esperjenza preċedenti relatata max-xogħol”, b’tali mod li jaqgħu taħt din id-definizzjoni mhux biss l-attivitajiet preċedenti li huma ekwivalenti, jew saħansitra identiċi, għal dawk li l-ħaddiem huwa obbligat jeżerċita fil-kuntest tal-funzjoni tiegħu mal-università ta’ Vjenna, iżda wkoll kull tip ieħor ta’ attivitajiet li jirriżultaw li huma sempliċement utli għall-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni, bħall-attivitajiet extra-universitarji u l-apprentistati.

27

Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, ġie kkonfermat li dan il-limitu ta’ erba’ snin japplika wkoll għall-esperjenza professjonali miksuba mal-Università ta’ Vjenna fil-kuntest tal-funzjonijiet minbarra dik ta’ lecturer anzjan postdottorali.

28

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li deċiżjoni bħal dik tat-8 ta’ Novembru 2011 hija applikabbli mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha rreklutati mill-Università ta’ Vjenna, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Għaldaqstant tali deċiżjoni ma tistax titqies li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata direttament fuq in-nazzjonalità.

29

Madankollu, regoli ta’ università ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema skont il-persuna li timpjega li magħha tkun inkisbet l-esperjenza professjonali. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011 jirriżulta li, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali tiegħu, l-esperjenza professjonali miksuba minn ħaddiem li eżerċita l-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali jew funzjoni ekwivalenti, ma’ università waħda jew ma’ diversi universitajiet jew stabbilimenti komparabbli minbarra l-Università ta’ Vjenna, tittieħed inkunsiderazzjoni fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu minn din l-università biss sa massimu ta’ erba’ snin, anki jekk l-esperjenza professjonali tiegħu hija, fir-realtà, ta’ iktar minn erba’ snin. B’hekk, mad-dħul tiegħu fis-servizz, tali ħaddiem jiġi kklassifikat fi skala salarjali iktar baxxa minn dik ta’ ħaddiem li eżerċita l-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali matul perijodi ta’ attività tal-istess tul totali mal-Università ta’ Vjenna.

30

Id-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011 tiżvantaġġa lill-ħaddiema kollha, kemm Awstrijaċi kif ukoll ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li eżerċitaw il-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali jew funzjoni ekwivalenti matul perijodi ta’ attività ta’ iktar minn erba’ snin, ma’ università waħda jew ma’ diversi universitajiet jew stabbilimenti komparabbli minbarra l-Università ta’ Vjenna, meta mqabbla ma’ dawk li eżerċitaw il-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali matul perijodi ta’ attività tal-istess tul totali ma’ din l-aħħar università.

31

Sabiex tali differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema skont il-persuna li timpjega li magħha huma kisbu l-esperjenza professjonali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, titqies bħala indirettament diskriminatorja, fis-sens tal-Artikolu 45(2) TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011, din għandha tkun tista’ madankollu, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli lill-ħaddiema nazzjonali.

32

Issa, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li jidher li jindika li, meta japplikaw għal impjieg ta’ lecturer anzjan postdottorali, il-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra huma, iktar milli l-ħaddiema Awstrijaċi, suxxettibbli li jkunu eżerċitaw din il-funzjoni jew funzjoni ekwivalenti matul perijodi ta’ attività ogħla minn erba’ snin ma’ universita waħda jew ma’ diversi universitajiet jew stabbilimenti komparabbli minbarra l-Università ta’ Vjenna. Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011 tagħti vantaġġ b’mod partikolari lill-ħaddiema Awstrijaċi meta mqabbla mal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

33

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-fatt li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011 hija s-sors ta’ diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 45(2) TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011, ma jistax jiġi dedott mill-insenjament li joħroġ mis-sentenza SALK.

34

Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tipprovdi li, sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tal-impjegati tal-Land Salzburg (il-Land ta’ Salzburg, l-Awstrija) għall-iskali ta’ remunerazzjoni superjuri tal-kategorija tagħhom, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-intier tagħhom il-perijodi ta’ attività kollha mwettqa mingħajr interruzzjoni fis-servizz ta’ din l-awtorità, filwaqt li kull perijodu ta’ attività ieħor kien ittieħed inkunsiderazzjoni biss bir-rata ta’ 60 %. Kif jirriżulta mill-punt 40 tas-sentenza SALK, din il-leġiżlazzjoni kienet intiża sabiex tippermetti l-mobbiltà fi ħdan grupp ta’ persuni li jimpjegaw distinti li jifformaw parti mill-imsemmija awtorità, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-esperjenza professjonali miksuba mingħand wieħed mill-persuni li jimpjegaw ta’ dan il-grupp kinitx rilevanti fir-rigward tal-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati ma’ persuna oħra li timpjega tal-imsemmi grupp.

35

Fil-punt 28 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali leġiżlazzjoni setgħet taffettwa iktar il-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli l-ħaddiema nazzjonali billi tisfavorixxi b’mod partikolari lil tal-ewwel, inkwantu dawn probabbilment ikunu kisbu esperjenza professjonali fi Stat Membru li ma huwiex l-Awstrija qabel ma jintegraw is-servizzi tal-Land ta’ Salzburg. L-imsemmija leġiżlazzjoni b’hekk kienet tiffavorixxi iktar il-mobbiltà tal-ħaddiema nazzjonali minn dik tal-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

36

Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat fil-paragrafu 32 ta’ din is-sentenza, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

37

Minn dan isegwi li l-insenjament li jirriżulta mis-sentenza SALK ma huwiex trasponibbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach,C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 33).

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li regoli ta’ università ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema skont il-persuna li timpjega li magħha kisbu l-esperjenza professjonali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħhom, ma jistgħux jitqiesu li għandhom natura indirettament diskriminatorja fir-rigward tal-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra u, għaldaqstant, li jmorru kontra l-Artikolu 45(2) TFUE.

Fuq l-Artikolu 45(1) TFUE

39

Għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk regoli ta’ università ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, ipprojbit mill-Artikolu 45(1) TFUE.

40

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni, kif ukoll dawk tar-Regolament Nru 492/2011, huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi SALK, punt 32, u tat-8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund,C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 77).

41

F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt, li huma jiksbu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk. Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ggarantita minn dan l-artikolu (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger,C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 33).

Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu

42

Fil-kawża prinċipali, skont id-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011, il-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa minn lecturer anzjan postdottorali f’università li ma hijiex l-Università ta’ Vjenna ma għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar, sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni salarjali tiegħu, ħlief għal tul totali ta’ mhux iktar minn erba’ snin.

43

Hekk kif jirriżulta mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ esperjenza professjonali rilevanti mhux biss l-attivitajiet preċedenti li huma ekwivalenti, u saħansitra identiċi, għal dawk li l-ħaddiem huwa obbligat jeżerċita fil-kuntest tal-funzjoni tiegħu mal-università ta’ Vjenna, iżda wkoll kull tip ieħor ta’ attivitajiet li huma sempliċement utli għall-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni.

44

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil ħaddiem li ċaqliq lejn Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ma huwiex ser ikollu impatt fil-qasam soċjali, billi dan iċ-ċaqliq, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn is-sistemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż għall-persuna kkonċernata f’dan il-qasam (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger,C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 34, u tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach,C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 37).

45

Għalhekk, l-Artikolu 45 TFUE ma jagħtix lill-imsemmi ħaddiem id-dritt li jinvoka, fl-Istat Membru ospitanti, kundizzjonijiet ta’ xogħol li minnhom kien jibbenefika fl-Istat Membru ta’ oriġini konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-aħħar Stat (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger,C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 35).

46

Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi biss li l-ħaddiema li jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membri ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 2019, Zyla,C‑272/17, EU:C:2019:49, punt 45, u tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach,C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 38).

47

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-esperjenza professjonali ekwivalenti, għandu jiġi rrilevat li l-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra li, matul perijodi ta’ attività ta’ iktar minn erba’ snin, eżerċitaw il-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali jew funzjoni ekwivalenti ma’ università waħda jew ma’ diversi universitajiet jew stabbilimenti komparabbli li jinsabu fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, ikunu dissważi milli japplikaw għal impjieg ta’ lecturer anzjan postdottorali fl-università ta’ Vjenna u, għaldaqstant, li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu jekk, minkejja l-fatt li jkunu wettqu, essenzjalment, l-istess xogħol fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, l-esperjenza professjonali kollha tagħhom ma titteħidx inkunsiderazzjoni waqt id-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni salarjali tagħhom.

48

Issa, il-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-esperjenza professjonali ekwivalenti huwa ta’ natura li jostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema ma huwiex ibbażat fuq sett ta’ ċirkustanzi wisq aleatorji u indiretti, kuntrarjament għal dak li kien il-każ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2019:193), fejn kien involut l-ippremjar tal-lealtà ta’ impjegat lejn persuna speċifika li timpjega, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 33 ta’ din is-sentenza.

49

F’dan il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali kollha ekwivalenti miksuba minn ħaddiema ma’ università ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Awstrija jkollu bħala effett li l-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra li, matul perijodi ta’ attività ta’ iktar minn erba’ snin, eżerċitaw il-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali jew funzjoni ekwivalenti ma’ università waħda jew ma’ diversi universitajiet jew stabbilimenti komparabbli li jinsabu fl-Istat Membru ta’ oriġini, ikunu, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħhom, suġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali matul perijodi ta’ attività tal-istess tul totali mal-Università ta’ Vjenna. Għaldaqstant, jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli li dan huwa element rilevanti fid-deċiżjoni ta’ dawn il-ħaddiema li japplikaw għal impjieg ta’ lecturer anzjan postdottorali fl-università ta’ Vjenna, u li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

50

Fit-tieni lok, fir-rigward, min-naħa l-oħra, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali kollha li, mingħajr ma tkun ekwivalenti, jirriżulta li hija sempliċement utli għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE ma jimponix tali teħid inkunsiderazzjoni, peress li ma huwiex neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-ħaddiema Awstrijaċi u dawk ċittadini ta’ Stati Membri oħra jkunu, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħhom, suġġetti għall-istess kundizzjonijiet. Fil-fatt, jekk jiġi meqjus li ħaddiem, li l-esperjenza professjonali ekwivalenti kollha tiegħu mwettqa fl-Istat Membru ta’ oriġini tkun diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali inizjali tiegħu bħala lecturer anzjan postdottorali mal-università ta’ Stat Membru ieħor, ikun dissważ milli japplika għal dan l-impjieg jekk kull tip ieħor ta’ esperjenza professjonali li jkun kiseb fl-Istat Membru ta’ oriġini ma jittiħidx inkunsiderazzjoni, dan jidher li jkun ibbażat fuq ġabra ta’ ċirkustanzi wisq aleatorji u indiretti sabiex dan ikun jista’ jitqies bħala ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

51

Għaldaqstant, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-esperjenza professjonali rilevanti, għandha ssir distinzjoni bejn l-esperjenza professjonali ekwivalenti, minn naħa, u kull tip ieħor ta’ esperjenza professjonali li jirriżulta li huwa sempliċement utli għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali, min-naħa l-oħra.

52

Għaldaqstant, jekk jirriżulta li A. Krah eżerċitat attività fl-Università ta’ München li hija, essenzjalment, ekwivalenti għal dik li hija teżerċita, bħala lecturer anzjan postdottorali fl-Università ta’ Vjenna, fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-fatt li din l-esperjenza professjonali kollha ma tkunx ittieħdet inkunsiderazzjoni jkun jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu.

53

Jekk, min-naħa l-oħra, A. Krah ma kisbitx tali esperjenza professjonali ekwivalenti fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni parzjali, mill-Università ta’ Vjenna, ta’ din l-esperjenza ma jkunx jikkostitwixxi ostakolu bħal dan.

54

Minn dan isegwi li, meta r-regoli ta’ università ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi preċedenti kollha ta’ attività ekwivalenti li ġew imwettqa fl-Istat Membru ta’ oriġini, dawn jistgħu jirrendu inqas attraenti l-moviment liberu tal-ħaddiema, bi ksur tal-Artikolu 45(1) TFUE.

Fuq il-ġustifikazzjoni tal-ostakolu

55

Regoli ta’ università ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġu aċċettati biss jekk isegwu wieħed mill-għanijiet leġittimi stabbiliti fit-Trattat FUE jew ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’każ bħal dan, ikun meħtieġ ukoll li l-applikazzjoni tagħhom tkun adatta sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi SALK, punt 36, u tat-8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund,C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 84).

56

F’dan ir-rigward, l-Università ta’ Vjenna ssostni, filwaqt li tirreferi għall-punti 34 et seq tas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Cadman (C‑17/05, EU:C:2006:633), li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011 hija intiża sabiex tippremja l-esperjenza professjonali miksuba fil-qasam ikkonċernat, li tqiegħed lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jwettaq dmirijietu aħjar. Normalment, ikunu neċessarji erba’ snin ta’ esperjenza professjonali sabiex jinkiseb l-għarfien pedagoġiku li jippermetti li tiġi eżerċitata bl-aħjar mod possibbli l-attività ta’ lecturer anzjan postdottorali, peress li dan l-għarfien jinkiseb matul l-ewwel snin ta’ attività. Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali ta’ iktar minn erba’ snin ta’ attività ma jwassalx għal titjib tas-servizzi mitluba mill-ħaddiem.

57

Huwa minnu li, fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li tiġi ppremjata, b’mod partikolari, l-esperjenza miksuba li tippermetti lill-ħaddiem jaqdi dmirijietu aħjar, jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika salarjali.

58

F’dan ir-rigward, fil-punt 35 tal-imsemmija sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, bħala regola ġenerali, l-użu tal-kriterju tal-anzjanità huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan. Fil-fatt, l-anzjanità tmur id f’id mal-esperjenza miksuba u din ġeneralment tippermetti lill-ħaddiem jaqdi dmirijietu aħjar.

59

Madankollu, f’dan il-każ, l-Università ta’ Vjenna tillimita għal erba’ snin in-numru ta’ snin ta’ esperjenza professjonali ekwivalenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali. Għalhekk, hija tikkontesta l-fatt li l-esperjenza miksuba matul iż-żmien tmur id f’id mat-titjib tal-kwalità tas-servizzi mitluba.

60

Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm huwa minnu li l-lecturers anzjani postdottorali ta’ din l-università jiġu assenjati prinċipalment attivitajiet ta’ tagħlim, huma wkoll obbligati jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u jaqdu kompiti amministrattivi, li għalihom ma ġiex allegat li ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ snin ta’ esperjenza professjonali ekwivalenti kollu, kif jiġri għal-lecturers anzjani postdottorali sa mill-bidu mill-imsemmija università.

61

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li tinvolvi d-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011 ma jidhirx li huwa adatt sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli ta’ università ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali ta’ ħaddiem bħala lecturer anzjan postdottorali f’din l-università, jieħdu inkunsiderazzjoni biss tul totali ta’ mhux iktar minn erba’ snin tal-perijodi preċedenti ta’ attività mwettqa minn dan il-ħaddiem fi Stat Membru ieħor, jekk din l-attività kienet ekwivalenti, jew saħansitra identika, għal dik li l-imsemmi ħaddiem għandu jeżerċita fil-kuntest ta’ din il-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali.

63

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux tali regoli jekk l-attività preċedentement imwettqa fi Stat Membru ieħor ma kinitx ekwivalenti, iżda tirriżulta sempliċement utli għall-eżerċizzju tal-imsemmija funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali.

Fuq it-tieni domanda

64

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema ta’ remunerazzjoni ta’ università ta’ Stat Membru li ma tipprovdix għat-teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa minn ħaddiem fi Stat Membru ieħor, filwaqt li torbot il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni iktar għolja mal-anzjanità miksuba ma’ din l-università.

65

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu, din it-tieni domanda hija marbuta mal-ewwel waħda, peress li tirreferi wkoll għat-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti, kif stabbilita bid-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011.

66

Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, jekk kellu jirriżulta li A. Krah eżerċitat attività fl-Università ta’ München li kienet, essenzjalment, ekwivalenti għal dik li hija teżerċita, bħala lecturer anzjan postdottorali, fl-Università ta’ Vjenna, fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-fatt li din l-esperjenza professjonali preċedenti ma tteħditx kompletament inkunsiderazzjoni jkun jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

67

Madankollu, sistema ta’ remunerazzjoni li torbot il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni iktar għolja mal-anzjanità miksuba mal-persuna attwali li timpjega, bħal dik li ġiet stabbilita, f’dan il-każ, mill-Ftehim Kollettiv, ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, tali ostakolu.

68

Fil-fatt, jekk, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li l-Università ta’ Vjenna hija obbligata tirrikonoxxi l-perijodi preċedenti kollha ta’ attività ekwivalenti li twettqu minn A. Krah mal-Università ta’ München, il-persuna kkonċernata jkollha tiġi kklassifikata fl-istess skala ta’ remunerazzjoni bħal dik li kienet tkun applikabbli għaliha li kieku kienet wettqet dawn il-perijodi preċedenti ta’ attività mal-università ta’ Vjenna. Għaldaqstant, tali ħaddiem ma jkunx żvantaġġat meta mqabbel ma’ lecturer anzjan postdottorali ieħor li kien fis-servizz tal-Università ta’ Vjenna matul perijodi ta’ attività tal-istess tul totali. Dawn iż-żewġ tipi ta’ ħaddiema jibbenefikaw, b’mod identiku, minn klassifikazzjoni fi skala ogħla ta’ remunerazzjoni skont l-anzjanità tagħhom, b’applikazzjoni tas-sistema ta’ remunerazzjoni msemmija fil-punti preċedenti.

69

Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda, sa fejn, fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tikkonstata l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema fil-kawża prinċipali.

70

Jekk, min-naħa l-oħra, A. Krah ma kisbitx tali esperjenza professjonali ekwivalenti fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni parzjali, mill-Università ta’ Vjenna, ta’ din l-esperjenza ma jikkostitwixxix ostakolu bħal dan.

71

Fin-nuqqas ta’ tali ostakolu, it-tieni domanda tkun tirrigwarda, fir-realtà, is-sitwazzjoni fejn lecturer anzjan postdottorali rreklutat mill-Università ta’ Vjenna jiddeċiedi li jitlaq minn din l-università sabiex jingħaqad ma’ università oħra li tinsab fi Stat Membru li ma huwiex l-Awstrija, qabel ma sussegwentement jirritorna għand din l-ewwel università.

72

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-domandi magħmula minn qorti nazzjonali jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi, sakemm ma jidhirx manifestament li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-verità hija intiża sabiex tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, O,C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk jidher li d-domanda magħmula hija manifestament irrilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko,C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan il-każ, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 126 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jidher li qed jissuġġerixxi li l-każ ta’ A. Krah jaqa’ taħt is-sitwazzjoni msemmija fil-punt 72 ta’ din is-sentenza. Minn dan isegwi li, jekk, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tikkonstata l-assenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, lanqas ma jkun hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

74

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli ta’ università ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali ta’ ħaddiem bħala lecturer anzjan postdottorali f’din l-università, jieħdu inkunsiderazzjoni biss tul totali ta’ mhux iktar minn erba’ snin tal-perijodi preċedenti ta’ attività mwettqa minn dan il-ħaddiem fi Stat Membru ieħor, jekk din l-attività kienet ekwivalenti, jew saħansitra identika, għal dik li l-imsemmi ħaddiem għandu jeżerċita fil-kuntest ta’ din il-funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali.

 

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux tali regoli jekk l-attività preċedentement imwettqa f’dan l-Istat Membru l-ieħor ma kinitx ekwivalenti, iżda tirriżulta sempliċement utli għall-eżerċizzju tal-imsemmija funzjoni ta’ lecturer anzjan postdottorali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.