SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 91/676/KEE – Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli – Għan li jitnaqqas it-tniġġis – Ilmijiet affettwati mit-tniġġis – Livell massimu ta’ nitrati ta’ 50mg/l – Programmi ta’ azzjoni adottati mill-Istati Membri – Drittijiet tal-individwi għal tibdil ta’ tali programm – Locus standi quddiem l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali”

Fil-Kawża C‑197/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura mibdija minn

Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland,

Robert Prandl,

Gemeinde Zillingdorf,

fil-preżenza ta’:

Bundesministerium für Nachhaltigkeit und Tourismus, li kien il-Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland, R. Prandl u l-Gemeinde Zillingdorf, minn C. Onz, Rechtsanwalt, u H. Herlicska,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, C. Drexel, J. Schmoll u minn C. Vogl, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn J. M. Hoogveld, M. K. Bulterman u minn A. M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, D. Krawczyk u minn M. Malczewska, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u E. Manhaeve, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 288 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 5(4) u (5) u tal-punt A(2) tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland (is-Sindakat għad-Distribuzzjoni tal-Ilma tal-Burgenland Nord, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem is-“sindakat għad-distribuzzjoni tal-ilma”), Robert Prandl u l-Gemeinde Zillingdorf (il-komun ta’ Zillingdorf, l-Awstrija) kontra d-deċiżjoni tal-Bundesministerium für Nachhaltigkeit und Tourismus (il-Ministeru Federali għas-Sostenibbiltà u għat-Turiżmu, l-Awstrija), li kien il-Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (il-Ministeru Federali għall-Agrikoltura u għall-Forestrija, għall-Ambjent u għall-Ġestjoni tal-Ilma, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) tat-30 ta’ Mejju 2016 li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad bħala inammissibbli t-talbiet għal tibdil jew għal reviżjoni tal-Verordnung Aktionsprogamm Nitrat 2012 (ir-Regolament dwar il-Programm ta’ Azzjoni Nitrati 2012).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), intitolat “Definizzjonijiet” jipprevedi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

“4.   ‘il-pubbliku’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar, u, konformement mal-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

5.   ‘il-pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku li huwa affettwat jew li jista’ jkun affettwat mid-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam ambjentali jew li għandu interess li jrid jinvoka fir-rigward tal-proċess deċiżjonali; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu favur il-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa bil-liġi nazzjonali jitqiesu li għandhom interess.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi:

“[…] kull parti għandha tiżgura li, meta jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, membri tal-pubbliku għandu jkollhom aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw atti u ommissjonijiet minn persuni privati jew awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha relatati mal-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

5

L-ewwel, it-tielet, il-ħames, is-sitt u l-għaxar sat-tlettax-il premessa tad-Direttiva 91/676 jipprovdu:

“Billi l-kontenut tan-nitrat fl-ilma ta’ wħud miż-żoni ta’ l-Istati Membri qiegħed jiżdied u huwa diġà għoli meta paragunat ma’ l-istandards stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 75/440/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975 dwar il-kwalità meħtieġa fl-ilma tal-wiċċ maħsub għall-ġbir ta’ l-ilma tax-xorb fl-Istati Membri [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 17], kif emendata bid-Direttiva [tal-Kunsill 79/869/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1979 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, P. 118)], u d-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta’ Lulju 1980 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem [(ĠU 1980, L 229, p. 11)], kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1985;

[…]

Billi r-riforma tal-politika komuni agrikola stabbilita fil-Green Paper tal-Kummissjoni ‘Perspettivi għall-politika komuni agrikola’ uriet illi, waqt li l-użu tal-fertilizzanti u tad-demel li jkun fihom in-nitroġenu huwa meħtieġ għall-biedja Komunitarja, l-użu eċċessiv tal-fertilizzant jikkostitwixxi riskju għall-ambjent; […]

[…]

Billi l-kawża prinċipali tat-tniġġis minn sorsi tat-tixrid li jaffettwaw l-ilmijiet Komunitarji hija n-nitrati minn sorsi agrikoli;

Billi huwa għalhekk meħtieġ, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u r-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi akwatiċi u sabiex jiġu salvagwardjati l-użi leġittimi l-oħra ta’ l-ilma, li jitnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma ikkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi prevenut iktar tniġġis bħal dan; billi għal dan il-għan huwa importanti li jittieħdu miżuri dwar il-ħażna u l-applikazzjoni fuq l-art tal-komponenti kollha tan-nitroġenu u dwar il-prattiċi tal-ġestjoni ta’ ċerti artijiet;

[…]

Billi huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jidentifikaw iż-żoni vulnerabbli u jistabilixxu u jimplimentaw programmi ta’ azzjoni għalbiex inaqqsu t-tniġġis ta’ l-ilma mill-komponenti tan-nitroġenu fiż-żoni vulnerabbli;

Billi dawn il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu miżuri sabiex tiġi limitata l-applikazzjoni fl-art tal-fertilizzanti kollha li fihom in-nitroġenu u b’mod partikolari li jiġu ffissati limiti speċifiċi sabiex jiġi applikat id-demel tal-bhejjem;

Billi huwa meħtieġ illi jiġu monitorjati l-ilmijiet u li jiġu applikati metodi ta’ referenza għall-kejl tal-komponenti tan-nitroġenu sabiex jiġi żgurat illi l-miżuri jkunu effettivi;

Billi huwa magħruf illi l-idroġeoloġija f’ċerti Stati Membri hija hekk illi jistgħu jgħaddu ħafna snin qabel ma miżuri ta’ protezzjoni jwasslu għal titjib fil-kwalità ta’ l-ilma”

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/676 jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha l-mira li:

tnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u

tipprevjieni aktar tniġġis minn dan.”

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘ilma ta’ taħt l-art’: ifisser l-ilma kollu li jkun taħt il-wiċċ ta’ l-art fiż-żona tas-saturazzjoni u f’kuntatt dirett ma l-art jew mal-ħamrija tal-qiegħ;

(b)

‘ilma ħelu’: ifisser ilma li jiġri b’mod naturali li għandu konċentrazzjoni baxxa ta’ mluħa, li huwa spiss aċċettabbli bħala tajjeb għalbiex jiġi sseparat u ttrattat biex isir ilma tax-xorb;

[…]

(i)

‘ewtrofikazzjoni’: tfisser il-għoti tas-sinjurija lill-ilma bil-komponenti tan-nitroġenu, li jwassal għat-tkabbir imgħaġġel ta’ l-alka u għamliet ogħla tal-ħajja tal-pjanti hekk li jipproduċu disturbanza mhix mixtieqa fil-bilanċ ta’ l-organiżmi li jinsabu fl-ilma u fil-kwalità ta’ l-ilma interessat;

(j)

‘tniġġis’: ifisser l-iskarigu, b’mod dirett jew indirett, tal-komponenti tan-nitroġenu minn sorsi agrikoli fl-ambjent akwatiku, li r-riżultati tiegħu huma hekk illi jikkaġunaw perikli għall-ħajja tal-bniedem, ħsara għar-riżorsi ħajjin u għall-ekosistemi ta’ l-ilma, ħsara għall-amenitajiet jew interferenza fuq l-użi l-oħra leġittimi ta’ l-ilma;

(k)

‘żona vulnerabbli’: tfisser żona ta’ art deskritta skond l-Artikolu 3(2).”

8

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis jekk ma titteħidx azzjoni skond l-Artikolu 5 għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri skond il-kriterji stabbiliti f’l-Anness I

2.   L-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmin ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jinominaw bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha ta’ l-art fit-territorji tagħhom li jxaqilbu lejn l-ilmijiet identifikati skond il-paragrafu I u li jikkontribwixxu għat-tniġġis. […]

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jerġgħu jikkonsidraw jew iżidu man-nomini taż-żoni vulnerabbli kif aproprjat, u mill-inqas darba kull erba’ snin, sabiex iqisu t-tibdil u l-fatturi li ma setgħux ikunu previsti fin-nomini ta’ qabel. […]

5.   L-Istati Membri għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jidentifikaw żoni vulnerabbli speċifiċi, jekk jistabbilixxu u japplikaw il-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 skond din id-Direttiva fit-territorju kollu tagħhom.”

9

Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

“1.   Bil-għan li jipprovdu għall-ilmijiet kollha livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis, l-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva:

(a)

jistabbilixxu kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba […]

(b)

jistabbilixxu meta meħtieġ programm, li jinkludi l-provvediment tat-taħriġ u t-tagħrif għall-bdiewa […]

[…]”

10

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676 jipprevedi:

“1.   Fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

2.   Programm ta’ azzjoni jista’ jkollu x’jaqsam maż-żoni vulnerabbli kollha fit-territorju ta’ Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jqisha ħaġa xierqa, jistgħu jiġu stabbiliti programmi differenti għal żoni vulnerabbli differenti jew partijiet ta’ żoni.

3.   Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

(a)

l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

(b)

il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

4.   Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

(a)

il-miżuri f’L-Anness III;

(b)

dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba […]

5.   L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli.

6.   L-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ xieraq sabiex jivvalutaw l-effiċjenza tal-programmi ta’ azzjoni stabbiliti skond dan l-Artikolu.

L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5 fit-territorju tagħhom kollu għandhom jimmonitorjaw il-kontenut tan-nitrat fl-ilma (l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) f’lokalitajiet magħżula għall-kejl li jagħmluha possibbli li jiġi stabbilit l-ammont tat-tniġġis min-nitrat fl-ilmijiet minn sorsi agrikoli.

7.   L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jikkorreġu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom, inkluża kull miżura addizzjonali meħuda skond il-paragrafu 5, mill-inqas kull erba’ snin. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’ kull tibdil fil-programmi ta’ azzjoni.”

11

L-Anness I ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“A.

L-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom jiġu identifikati billi jintużaw, fost ħwejjeġ oħra, il-kriterji li ġejjin:

1)

jekk l-ilma ħelu tal-wiċċ, b’mod partikolari dak użat jew maħsub għalbiex minnu jittieħed l-ilma tax-xorb, ikunx fih jew jistax ikun fih jew le, jekk ma titteħditx l-azzjoni skond l-Artikolu 5, aktar mill-konċentrazzjoni ta’ nitrati stabbiliti skond id-Direttiva 75/440/KEE [, kif emendata bid-Direttiva 79/869];

2)

jekk l-ilma ta’ taħt l-art ikunx fih jew le aktar minn 50 mg/l nitrati jew jistax ikun fih jew le aktar minn 50 mg/l nitrati jekk ma titteħidx l-azzjoni skond l-Artikolu 5;

3)

jekk l-għadajjar naturali ta’ l-ilma ħelu, korpi oħra ta’ l-ilma ħelu, l-estwarji, l-ibħra kostali u l-ilma baħar jinstabu li huma ewtrofiċi jew jistgħu jsiru ewtrofiċi fil-futur qrib jekk ma titteħidx l-azzjoni skond l-Artikolu 5.

B.

Meta japplikaw dawn il-kriterji, l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll:

1)

il-karatteristiċi fiżiċi u ambjentali ta’ l-ilmijiet u ta’ l-art;

2)

ll-għarfien korrenti ta’ l-imġiba tal-komponenti tan-nitroġenu fl-ambjent (fl-ilma u fil-ħamrija);

3)

il-għarfien korrenti ta’ l-impatt ta’ l-azzjoni meħuda skond l-Artikolu 5.”

12

L-Anness III tad-Direttiva 91/676 jinkludi lista ddettaljata tal-miżuri li għandhom jiġu inklużi fil-programmi ta’ azzjoni konformement mal-Artikolu 5(4)(a) ta’ din id-direttiva. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Anness:

“1.

Il-miżuri għandhom jinkludu regoli li għandhom x’ jaqsmu ma’:

[…]

3)

il-limitazzjoni ta’ l-applikazzjoni tal-fertilizzanti fir-raba, konsistenti mal-prattika agrikola tajba u li tqis il-karatteristiċi taż-żona vulnerabbli interessata […]

[…]

u li jridu jkunu msejsai fuq bilanċ bejn:

(i)

il-ħtiġiet imbassra tan-nitroġenu ta’ l-uċuħ tar-raba’,

u

(ii)

il-forniment tan-nitroġenu lill-uċuh mill-ħamrija u mill-fertilizzant li jikkorrispondi għal:

l-ammont tan-nitroġenu li jkun jinsab fil-ħamrija fil-waqt meta l-prodott jibda jużah f’qies sinifikanti (f’ammonti konsiderevoli fit-tmiem tax-xitwa),

il-forniment tan-nitroġenu permezz tal-mineralizzazzjoni netta tar-riservi tan-nitroġenu organiku fil-ħamrija,

[iż-żidiet tal-komposti tan-nitroġenu mid-demel,]

iż-żidiet tal-komposti tan-nitrogenu minn fertilizzanti kimiċi u oħrajn.”

Id-dritt Awstrijak

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676 saret permezz tal-Artikolu 55p tal-Wasserrechtsgesetz 1959 (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ilma tal-1959). Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Ministru Federali jadotta, permezz ta’ regolamenti, programmi sabiex jitnaqqas b’mod progressiv u sabiex jiġi evitat kwalunkwe tniġġis ulterjuri tal-ilmijiet, direttament jew indirettament, permezz tal-iskarigu ta’ komponenti tan-nitroġenu minn sorsi agrikoli. Ir-Regolament dwar il-Programm ta’ Azzjoni Nitrati 2012 ġie, għaldaqstant, adottat abbażi tal-Artikolu 55p tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ilmijiet tal-1959.

14

L-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi jirregola l-użu tal-ilmijiet ta’ taħt l-art minn sidien l-art, li jistgħu jużaw l-ilma ta’ taħt l-art għall-bżonnijiet domestiċi u ekonomiċi mingħajr ma jitolbu awtorizzazzjoni, sakemm dan jittella’ biss minn stazzjonijiet tal-ippumpjar jew tal-ġbir bi bramel imħaddma bl-idejn jew jekk l-estrazzjoni tkun fi proporzjon xieraq mal-artijiet tas-sid.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Permezz tar-rikors tagħhom quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), is-sindakat għad-distribuzzjoni tal-ilma, R. Prandl u l-komun ta’ Zillingdorf jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Ministeru, tat-30 ta’ Mejju 2016, li permezz tagħha dan ċaħad it-talbiet tagħhom għal tibdil tar-Regolament dwar il-Programm ta’ Azzjoni Nitrati 2012 bħala inammissibbli.

16

Is-sindakat għad-distribuzzjoni tal-ilma huwa organu irregolat mid-dritt pubbliku legalment obbligat li jiżgura, f’territorju speċifiku, fil-każ ineżami l-Burgenland (l-Awstrija), il-missjoni pubblika tal-provvista tal-ilma. Is-sindikat huwa r-raba’ l-ikbar distributur tal-ilma fl-Awstrija, li jiżgura l-provvista tal-ilma lil madwar 160000 persuna. Fuq dan it-territorju, sidien l-artijiet mibnija huma, fil-prinċipju, obbligati jqabbdu l-bini tagħhom man-netwerk tal-ilma. Sabiex l-ilma jkun jista’ jintuża bħala ilma tax-xorb, il-livell tan-nitrati għandu jkun inferjuri minn 50 mg/l. Madankollu, f’ċerti punti ta’ kejl, ir-rata tan-nitrati fl-ilmijiet ta’ taħt l-art imtella, taqbeż dan il-livell b’iktar minn 100 %. Għaldaqstant, isir trattament ta’ dawn l-ilmijiet qabel ma jiġu ddistribwiti sabiex il-livell tan-nitrati jitnaqqas għal inqas minn 50 mg/l.

17

R. Prandl huwa proprjetarju ta’ bir domestiku. Meta ġew ippreżentati t-talbiet għal tibdil tar-Regolament dwar il-Programm ta’ Azzjoni Nitrati 2012, l-ilma minn dan il-bir kellu livell ta’ nitrati ta’ 59 mg/l. Huwa minnu li f’Diċembru 2017, il-livell tan-nitrati ta’ 50 mg/l ma nqabiżx. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li huwa paċifiku li l-valuri jvarjaw b’tali mod li ma huwiex eskluż li l-livell tan-nitrati de 50 mg/l inqabeż.

18

Il-komun ta’ Zillingdorf jopera bir għal skopijiet muniċipali li l-ilma tiegħu huwa kklassifikat bħala ilma mhux għax-xorb peress li l-livell tan-nitrati huwa għoli. Meta ġew ippreżentati t-talbiet għal tibdil tar-Regolament dwar il-Programm ta’ Azzjoni Nitrati 2012, il-livell tan-nitrati kien ta’ 71 mg/l. Dan il-livell baqa’ għoli matul il-proċedura fil-kawża prinċipali.

19

Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Ministeru hija bbażata fuq prinċipju tad-dritt Awstrijak li jipprovdi li persuna ġuridika jew fiżika ma għandhiex locus standi u ma hijiex awtorizzata tippreżenta rikors f’proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja ħlief jekk ikollha drittijiet sostantivi suġġettivi li tagħhom hija tinvoka l-ksur. Il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) tirrileva li, fil-kawża li biha hija adita, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt amministrattiv Awstrijak, jiġifieri l-Wasserrechtsgesetz 1959 (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ilma tal-1959) u l-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċeduri Amministrattivi), ma jagħtux dritt sostantiv suġġettiv lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

20

Fid-dawl ta’ dan l-ostakolu legali tad-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħux jibbażaw ruħhom fuq id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, fuq id-Direttiva 91/676 sabiex jiksbu tibdil tar-Regolament dwar il-Programm ta’ Azzjoni Nitrati 2012.

21

Fil-fatt, fis-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447), u tad-19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth (C‑404/13, EU:C:2014:2382), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-arja, ċertu persuni jistgħu jinvokaw l-osservanza ta’ valuri massimi peress li huma kkonċernati direttament, b’mod partikolari minħabba l-perikolu dirett għas-saħħa tagħhom. Ma huwiex eskluż li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata wkoll għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-ilma.

22

Konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw programmi ta’ azzjoni, bħar-Regolament dwar il-Programm ta’ Azzjoni Nitrati 2012. Dawn il-programmi għandhom jinkludu miżuri vinkolanti bl-għan li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma u li jiġi evitat kwalunkwe tniġġis ulterjuri kkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli.

23

Madankollu, diversi elementi jipprekludu li dan l-obbligu jkun jista’ jiġi invokat minn individwu quddiem awtorità nazzjonali.

24

Fl-ewwel lok, huwa diffiċli li tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-imsemmi obbligu peress li ma huwiex ċert li l-limitu ta’ 50 mg/l, previst fl-Anness I tad-Direttiva 91/676 sabiex jiġu ddeterminati ż-żoni vulnerabbli fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għandu natura vinkolanti f’dan ir-rigward.

25

Fit-tieni lok, id-Direttiva 91/676 tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri rigward l-għażla tal-mezzi matul it-tfassil tal-programmi ta’ azzjoni konformement mal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva kif ukoll matul l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali u ta’ azzjonijiet imsaħħa msemmija fl-Artikolu 5(5).

26

Fit-tielet lok, theddida għas-saħħa pubblika ma hijiex manifesta peress li regoli oħra, fosthom b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90), jiżguraw il-kwalità tal-ilma ddistribwit lill-konsumaturi.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 288 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 5(4) [tad-Direttiva 91/676] jew mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(5) u tal-punt [A]2 tal-Anness I [ta’ din id-direttiva] għandu jiġi interpratat fis-sens li:

a)

distributur pubbliku tal-ilma, […] sa fejn huwa għandu, minħabba pjanijiet ta’ azzjoni allegatament insuffiċjenti (peress li l-valur ta’ 50 mg/l ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma huwa eċċedut fit-territorju ta’ dan id-distributur tal-ilma), jadotta miżuri ta’ trattament tal-ilma,

[…]

b)

konsumatur li huwa legalment awtorizzat juża l-ilma minn bir domestiku tiegħu […] sa fejn, minħabba pjanijiet ta’ azzjoni allegatament insuffiċjenti, u l-valur tal-konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma jeċċedi l-50 mg/l fl-ilma tal-punt ta’ ġbir tiegħu (bir domestiku), huwa ma jistax jagħmel użu mid-dritt mogħti lilu mil-liġi, b’mod limitat, li juża l-ilma sotterran tal-proprjetà tiegħu,

[…]

c)

komun, [li,] juża jew jippermetti l-użu ta’ bir komunali […] biss bħala sors ta’ ilma mhux għax-xorb […], sa fejn, [minħabba pjanijiet ta’ azzjoni allegatament insuffiċjenti,] l-valur ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma jeċċedi l-50 mg/l fis-sors fejn dan huwa miġbur, użu bħala ilma tax-xorb ma huwiex possibbli,

[huma kkonċernati direttament, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ineżami minn traspożizzjoni potenzjalment insuffiċjenti tad-Direttiva 91/676, u li, għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, għandhom drittijiet suġġettivi]

li jimmodifika programm ta’ azzjoni nazzjonali diġà adottat għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva [91/676] (konformement mal-Artikolu 5(4) [ta’ din id-direttiva] b’tali mod li miżuri iktar stretti jiġu adottati, bil-għan li jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 1 ta[l-imsemmija direttiva], u, konkretament, jintlaħaq valur ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma sotterran ta’ 50 mg/l bħala massimu f’kull punt ta’ ġbir;

li jieħu miżuri supplimentari jew azzjonijiet imsaħħa (fis-sens tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva [91/676]) bil-għan li jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 1 [ta’ din id-direttiva], u, konkretament, jintlaħaq valur ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma sotterran ta’ 50 mg/l bħala massimu f’kull punt ta’ ġbir?

filwaqt li jitqies li f’kull wieħed minn dawn it-tliet każijiet, il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi hija żgurata, fil-każijiet b) u c), permezz tal-ġbir tal-ilma mingħand distributuri kummerċjali (b’obbligu jew dritt ta’ konnessjoni) jew, fil-każ a), permezz ta’ miżuri ta’ trattament xierqa.”

Fuq id-domanda preliminari

28

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 288 TFUE kif ukoll l-Artikolu 5(4) u (5) u l-punt A(2) tal-Anness I tad-Direttiva 91/676 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuni fiżiċi u ġuridiċi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma inkarigati li jiżguraw il-provvista tal-ilma u li għandhom il-possibbiltà li jużaw bir, għandhom ikunu jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jibdlu programm ta’ azzjoni eżistenti jew jadottaw miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa, previsti fl-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, sabiex jintlaħaq livell massimu ta’ nitrati ta’ 50 mg/l f’kull punt ta’ ġbir.

29

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk u f’liema kundizzjonijiet id-dritt tal-Unjoni jagħti locus standi lill-individwi quddiem l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għal dan il-għan, fit-tieni lok, liema obbligi jirriżultaw konkretament mid-Direttiva 91/676 u, fit-tielet lok, jekk dawn l-obbligi jistgħux jiġu invokati direttament minn individwu kontra awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Fuq il-locus standi tal-individwi

30

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun inkompatibbli mal-effett vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jattribbwixxi lil direttiva, li jiġi eskluż, fil-prinċipju, li l-obbligi li hija timponi jkunu jistgħu jiġu invokati mill-persuni kkonċernati (sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, EU:C:1982:7, punt 22; tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 66, kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 34).

31

B’mod partikolari fil-każijiet fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz ta’ direttiva, jobbliga lill-Istati Membri jadottaw aġir partikolari, l-effett utli ta’ att bħal dan jiddgħajjef jekk l-individwi ma jitħallewx jinvokawh quddiem il-qrati u jekk il-qrati nazzjonali ma jitħallewx jeħduh inkunsiderazzjoni bħala punt ta’ liġi tal-Unjoni sabiex jivverifikaw jekk, fil-limiti tal-għażla tiegħu fir-rigward tal-forma u tal-metodi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-att, il-leġiżlatur nazzjonali jkunx qabeż il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni stabbilita minnu (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 56, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 34).

32

Minn dan jirriżulta, hekk kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, li mill-inqas, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma direttament ikkonċernati minn ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom ikunu jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti, possibbilment permezz ta’ azzjoni legali, josservaw l-obbligi inkwistjoni.

33

Barra minn hekk, “meta jissodisfaw il-kriterji […] stabbiliti fid-dritt nazzjonali […], membri tal-pubbliku” ikollhom id-drittijiet previsti fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, timponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dispożizzjonijiet tad-dritt ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 45).

34

Madankollu, id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiġi mċaħħad minn kwalunkwe effett utli, anki saħansitra mis-sustanza tiegħu stess, jekk kellu jiġi aċċettat li, permezz tal-impożizzjoni ta’ tali kriterji, ċerti kategoriji ta’ “membri tal-pubbliku”a fortiori“membri tal-pubbliku kkonċernat” bħall-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jiġu miċħuda minn kull dritt għal azzjoni legali (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 46).

35

Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuni fiżiċi u ġuridiċi bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali humiex ikkonċernati direttament minn ksur tal-obbligi previsti mid-Direttiva 91/676, għandha tiġi eżaminata l-finalità kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva li l-applikazzjoni xierqa tagħha hija mitluba quddiem il-qorti tar-rinviju.

36

Mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/676 jirriżulta li din hija intiża sabiex tnaqqas it-tniġġis tal-ilmijiet ikkawżat jew ikkaġunat min-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex tipprevjeni kwalunkwe tniġġis ulterjuri ta’ dan it-tip. Għal dan il-għan, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi li, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jiddetermina, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni u, fil-każ li jkun meħtieġ, għandhom jadottaw miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa.

37

Konformement mal-Artikolu 2(j) tal-imsemmija direttiva, il-kunċett ta’ “tniġġis” huwa ddefinit bħala l-iskarigu, b’mod dirett jew indirett, tal-komponenti tan-nitroġenu minn sorsi agrikoli fl-ambjent akwatiku, li r-riżultati tiegħu huma hekk li jikkaġunaw perikoli għall-ħajja tal-bniedem, ħsara għar-riżorsi ħajjin u għall-ekosistemi tal-ilma, ħsara għall-amenitajiet jew interferenza fuq l-użi l-oħra leġittimi tal-ilma.

38

Dan il-kunċett huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676 kif ukoll, fost oħrajn, fil-punt A2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva li minnhom jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, tal-inqas, iqisu li l-ilmijiet ta’ taħt l-art huma mniġġsa jekk ikun fihom livell ta’ nitrati superjuri minn 50 mg/l jew jistgħu jitniġġsu jekk, fl-assenza ta’ miżuri xierqa meħuda taħt l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, hemm riskju li dan il-valur jinqabeż.

39

Għaldaqstant, mill-Artikolu 2(j) u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, jirriżulta li livell ta’ nitrati li, fl-ilmijiet ta’ taħt l-art, jaqbeż jew jirriskja li jaqbeż 50 mg/l, għandu jitqies li huwa tali li jxekkel l-użu leġittimu tal-ilmijiet.

40

Minn dak li ntqal jirriżulta li persuna fiżika jew ġuridika li għandha l-possibbiltà li tiġbor u li tuża l-ilmijiet ta’ taħt l-art tkun ikkonċernata direttament meta dan il-limitu jinqabeż jew ikun hemm riskju li dan il-limitu jinqabeż, li jista’ jirrestrinġi l-possibbiltà li hija għandha billi jxekkel l-użu leġittimu ta’ dawn l-ilmijiet.

41

Fir-rigward tad-diversità ta’ użu msemmija fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 91/676, il-fatt li dan l-eċċess ma jimplikax, fih innifsu, it-tqegħid fil-perikolu tas-saħħa tal-persuni li jixtiequ jippreżentaw rikors, ma jistax jimmina din il-konklużjoni.

42

Għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn huma intitolati, bis-saħħa tal-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ilma tal-1959, li joperaw, għall-bżonnijiet domestiċi jew ekonomiċi tagħhom, il-bjar ta’ ilma ta’ taħt l-art li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

43

Sa fejn il-livell ta’ nitrati fl-ilmijiet ta’ taħt l-art ikkonċernati jaqbeż jew jirriskja li jaqbeż 50 mg/l, l-użu ta’ dawn l-ilmijiet mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa mxekkel.

44

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-fatt li dan il-limitu jinqabeż huwa tali li jipprekludihom milli jkunu jistgħu jużaw b’mod normali l-bjar tagħhom jew, mill-inqas, li jġegħlhom jidħlu fi spejjeż sabiex inaddfuhom mit-tniġġis.

45

Għaldaqstant, persuni fiżiċi u ġuridiċi bħal dawk fil-kawża prinċipali huma kkonċernati direttament mill-assenza ta’ twettiq tal-għan prinċipali tad-Direttiva 91/676, imsemmi fl-Artikolu 1 tagħha, ta’ tnaqqis u ta’ prevenzjoni tat-tniġġis tal-ilmijiet ikkawżat jew ikkaġunat min-nitrati minn sorsi agrikoli li jirriżulta mill-ksur ta’ ċerti obbligi tal-Istati Membri li joħorġu mid-Direttiva 91/676.

46

Minn dan isegwi li persuni fiżiċi u ġuridiċi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhom ikunu jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali, possibbilment billi jadixxu lill-qrati kompetenti, l-osservanza ta’ dawn l-obbligi.

Fuq il-portata tal-obbligu ta’ tnaqqis u ta’ prevenzjoni tat-tniġġis

47

Għal dak li jirrigwarda l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 91/676, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk il-livell massimu ta’ nitrati ta’ 50 mg/l fl-ilmijiet ta’ taħt l-art, previst fil‑punt A(2) tal-Anness I ta’ din id-direttiva, huwiex valur determinanti għall-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jbiddlu l-programmi ta’ azzjoni li huma adottaw b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) sa (4) tal-imsemmija direttiva jew li jadottaw miżuri addizzjonali, konformement mal-Artikolu 5(5).

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, bis-saħħa tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 3(3) TUE u tal-Artikolu 191(2) TFUE, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha l-għan li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni.

50

Mill-punti 36 sa 39 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, permezz tat-twettiq tal-għan tagħha li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilmijiet ikkawżat jew ikkaġunat min-nitrati minn sorsi agrikoli u li jiġi pprevenut kwalunkwe tniġġis ulterjuri ta’ dan it-tip, id-Direttiva 91/676 tipprova tippermetti lill-individwi l-użu leġittimu tal-ilmijiet, u dan jimplika li l-livell ta’ nitrati ma għandux jaqbeż 50 mg/l.

51

Hekk kif tfakkar l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 73 tal-konklużjonijiet tagħha, id-Direttiva 91/676 tipprevedi strumenti speċifiċi għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-ilmijiet min-nitrati minn sorsi agrikoli. Din tapplika għall-każijiet fejn l-iskarigu ta’ komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis (sentenza tad‑29 ta’ April 1999, Standley et, C‑293/97, EU:C:1999:215, punt 35). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali kontribuzzjoni hija sinjifikattiva meta l-agrikoltura hija, pereżempju, responsabbli għal iktar minn 17 % tan-nitroġenu totali f’baċir partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑221/03, EU:C:2005:573, punt 86). Jekk din il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 91/676 tkun issodisfatta, huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jiddeterminaw, konformement mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, l-istat tal-ilmijiet fit-territorju tagħhom.

52

Meta, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, moqrija flimkien mal-punt A tal-Anness I tad-Direttiva 91/676, l-ilmijiet għandhom jitqiesu li huma affettwati mit-tniġġis jew li jistgħu jkunu affettwati, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadottaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 5 tagħha, jiġifieri l-programmi ta’ azzjoni u, jekk meħtieġ, il-miżuri addizzjonali u l-azzjonijiet imsaħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑543/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:481, punt 60).

53

Għal dak li jikkonċerna, minn naħa, il-programmi ta’ azzjoni, l-implimentazzjoni tagħhom hija marbuta b’mod inseparabbli mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, peress li, sakemm l-ilmijiet ikunu jew jirriskjaw li jkunu mniġġsa fl-assenza ta’ programmi ta’ azzjoni xierqa adottati b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw tali programmi ta’ azzjoni. Il-miżuri inklużi fihom huma, fi kwalunkwe każ, fil-parti l-kbira ddeterminati mid-Direttiva 91/676 stess, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 5(4) tagħha, moqri flimkien mal-Anness III tagħha.

54

Huwa minnu li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ manuvra fl-għażla tal-modalitajiet preċiżi tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676. Madankollu, fi kwalunkwe każ, huma għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-għanijiet ta’ din id-direttiva, u għaldaqstant l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, jintlaħqu, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 191(1) u (2) TFUE (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 30).

55

Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li, fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni, jieħdu l-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa kollha li huma jqisu neċessarji, jekk jirriżulta, sa mill-bidu jew fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazjoni ta’ dawn il-programmi, li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 5(4) mhux ser ikunu suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

56

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu tali miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa sa mill-ewwel konstatazzjoni tal-bżonn tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑543/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:481, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Sabiex iwettqu, b’mod partikolari, dan l-obbligu tal-aħħar, l-Istati Membri huma obbligati jissorveljaw mill-qrib l-istat tal-ilmijiet. Għaldaqstant, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 91/676, huma għandhom l-obbligu li jfasslu u li jimplimentaw programmi ta’ sorveljanza.

58

Skont l-Artikolu 5(3)(a) u (b) tad-Direttiva 91/676, il-programmi ta’ azzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-aqwa għarfien xjentifiku u tekniku disponibbli kif ukoll kundizzjonijiet fiżiċi, ġeoloġiċi u klimatiċi ta’ kull reġjun (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 29). Dan l-istess rekwiżit japplika wkoll għall-programmi ta’ sorveljanza, peress li għandhom ikunu xierqa sabiex tiġi evalwata l-effettività tal-programmi ta’ azzjoni. It-tnax-il premessa ta’ din id-direttiva tikkonferma din l-evalwazzjoni.

59

Barra minn hekk, fid-dawl tat-tlettax-il premessa tad-Direttiva 91/676, skont il-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi u t-tul ta’ żmien li jirriżulta sabiex il-miżuri diġà adottati taħt l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jkunu jistgħu jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ilmijiet, il-valuri effettivament mkejla fl-ilma u x-xejriet li jirriżultaw mal-mhedda taż-żmien jikkostitwixxu elementi rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa.

60

Jikkostitwixxu tali elementi rilevanti l-fatti enfasizzati mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, dak li jinqabeż il-livell massimu ta’ nitrati ta’ 50 mg/l partikolarment għoli f’ċerti punti ta’ kejl għal dak li jikkonċerna l-ewwel rikorrent fil-kawża prinċipali, il-varjazzjonijiet tal-kwalità tal-ilma tal-bir domestiku tat-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali u l-livell ta’ tniġġis konstanti tal-ilmijiet tal-bir tat-tielet rikorrent fil-kawża prinċipali.

61

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex jiġi kkonstatat bżonn li jiġu adottati miżuri addizzjonali jew li jiġu implimentati azzjonijiet imsaħħa b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676, ma hemmx bżonn li tiġi pprovata l-ineffettività tal-miżuri diġà adottati (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑543/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:481, punti 6364).

62

Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tagħha, l-eċċess ta’ nitroġenu fl-art huwa wkoll element rilevanti sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ suffiċjenza ta’ programm ta’ azzjoni.

63

Fil-fatt, tali eċċess imur kontra l-Artikolu 5(4)(a) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 1(3) tal-Anness III. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-prinċipju ta’ fertilizzazzjoni bbilanċjata u jeżiġu adegwatezza bejn il-bżonnijiet prevedibbli tan-nitroġenu tal-pjanti u l-kwantità ta’ nitorġenu tal-pjanti mill-ħamrija u mill-fertilizzazzjoni. Konsegwentement, huma jimponu fuq l-Istati Membri li jiddeterminaw bi preċiżjoni l-kwantitajiet ta’ nitroġenu li jistgħu jinfirxu mill-bdiewa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑543/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:481, punti 878892).

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, sakemm in-nitrati ta’ oriġini agrikoli jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis, hekk kif intqal fil-punt 51 tas-sentenza preżenti, l-Istati Membri huma obbligati, konformement mal-Artikoli 1, 3 u 5 tad-Direttiva 91/676, jirrikorru għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 5(4) u (5), ta’ din id-direttiva ladarba, fl-assenza ta’ dawn il-miżuri, il-livell ta’ nitrati fl-ilmijiet ta’ taħt l-art jaqbeż jew jirriskja li jaqbeż 50 mg/l.

65

B’mod partikolari, jekk jirriżulta, fil-kuntest tal-programmi ta’ sorveljanza msemmija fil-punt 57 tas-sentenza preżenti u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-evidenza evokata fil-punti 59 sa 63 tal-imsemmija sentenza, li tnaqqis tat-tniġġis tal-ilmijiet ma huwiex mistenni, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri addizzjonali jew jimplimentaw azzjonijiet imsaħħa b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676.

66

Barra minn hekk, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-livell massimu ta’ nitrati ta’ 50 mg/l fl-ilmijiet ta’ taħt l-art għandux jiġi osservat f’kull punt ta’ ġbir.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 91/676, jekk Stat Membru ma indikax żoni vulnerabbli speċifiċi, iżda applika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 5 għat-territorju nazzjonali tiegħu kollu, il-livell ta’ nitrati fl-ilmijiet huwa ssorveljat f’punti ta’ kejl magħżula li jippermettu li tiġi ddeterminata l-firxa tat-tniġġis tal-ilmijiet min-nitrati minn sorsi agrikoli. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija għamlet din l-għażla.

68

Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-livell ta’ nitrati ta’ 50 mg/l fl-ilma jinqabeż jew jirriskja li jinqabeż f’waħda mill-punti ta’ kejl magħżula jwassal għall-obbligu ta’ implimentazzjoni tal-miżuri previst fl-Artikolu 5(4) u (5) tad-Direttiva 91/676. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri jestendu l-miżuri ta’ sorveljanza lil hinn minn dak li huwa previst fl-Artikolu 5(6) tal-imsemmija direttiva.

69

Sa fejn valuri mkejla f’bir jew f’punt ieħor ta’ ġbir, bħal dawk tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huma differenti mill-valuri miksuba permezz ta’ punti ta’ kejl, ma huwiex eskluż li l-pożizzjoni ta’ dawn il-punti ta’ kejl intgħażlet bi ksur tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 91/676, b’tali mod li ma jippermettux li tiġi ddeterminata l-firxa tat-tniġġiż fit-territorju li huma jkopru.

Fuq l-invokabbiltà tal-obbligu ta’ tnaqqis u ta’ prevenzjoni tat-tniġġis

70

L-obbligi previsti fl-Artikolu 5(4) u (5) tad-Direttiva 91/676 huma ċari, preċiżi u inkundizzjonati, b’tali mod li jistgħu jiġu invokati mill-individwi kontra l-Istat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 42).

71

Huwa minnu li huma l-Istati Membri li għandhom l-obbligu li jiddeterminaw, bla ħsara għal-limiti li jirriżultaw mill-Anness III tad-Direttiva 91/676, il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ dawn l-obbligi. Madankollu, dawn għandhom ikunu, konformement mal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, xierqa sabiex inaqqsu t-tniġġis tal-ilmijiet ikkawżati jew ikkaġunati min-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jipprevjenu kwalunkwe tniġġis ulterjuri ta’ dan it-tip.

72

Għaldaqstant, għalkemm l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali għal dan il-għan, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjonijiet meħuda mill-aworitajiet kompetenti għandhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, b’mod partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk huma qabżux il-limiti stabbiliti fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 59; tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 46, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 45).

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 288 TFUE kif ukoll l-Artikolu 5(4) u (5), u l-punt A(2) tal-Anness I tad-Direttiva 91/676 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sakemm l-iskarigu ta’ komponenti ta’ nitroġenu agrikoli jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis tal-ilmijiet ta’ taħt l-art inkwistjoni, persuni fiżiċi u ġuridiċi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhom ikunu jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti t-tibdil ta’ programm ta’ azzjoni eżistenti jew l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali jew ta’ azzjonijiet imsaħħa, previsti fl-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva ladarba, fl-assenza ta’ dawn il-miżuri, il-livell ta’ nitrati fl-ilmijiet ta’ taħt l-art jaqbeż jew jirriskja li jaqbeż, 50 mg/l f’punt ta’ kejl wieħed jew iktar, fis-sens tal-Artikolu 5(6) tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 288 TFUE kif ukoll l-Artikolu 5(4) u (5) u l-punt A(2) tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sakemm l-iskarigu ta’ komponenti ta’ nitroġenu agrikoli jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis tal-ilmijiet ta’ taħt l-art inkwistjoni, persuni fiżiċi u ġuridiċi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhom ikunu jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti t-tibdil ta’ programm ta’ azzjoni eżistenti jew l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali jew ta’ azzjonijiet imsaħħa, previsti fl-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva ladarba, fl-assenza ta’ dawn il-miżuri, il-livell ta’ nitrati fl-ilmijiet ta’ taħt l-art jaqbeż jew jirriskja li jaqbeż 50 mg/l f’punt ta’ kejl wieħed jew iktar, fis-sens tal-Artikolu 5(6) tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.