SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Protezzjoni sanitarja tal-pjanti – Direttiva 2000/29/KE – Protezzjoni kontra l-introduzzjoni u t-tixrid ġewwa l-Unjoni Ewropea ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għal prodotti tal-pjanti – Artikolu 16(1) u (3) – Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et) – Artikolu 7(2)(c) – Miżuri ta’ trażżin – Obbligu għat-tneħħija immedjata tal-pjanti infettati f’medda ta’ 20 kilometru fiż-żona infettata – Artikolu 7(7) – Obbligu ta’ monitoraġġ – Investigazzjonijiet annwali – Artikolu 6(2), (7) u (9) – Miżuri ta’ qerda – Nuqqas persistenti u ġenerali – Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑443/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Eggers u D. Bianchi, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u G. Caselli, avvocati dello Stato,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex il-kawża tiġi deċiża bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Taljana:

billi naqset milli tiżgura, fiż-żona ta’ trażżin, li ssir immedjatament it-tneħħija ta’ mill-inqas il-pjanti kollha li l-infezzjoni tagħhom minn Xylella fastidiosa (iktar ’il quddiem “Xf”) ġiet ikkonstatata jekk dawn ikunu nstabu fiż-żona infettata, f’distanza massima ta’ 20 kilometru mid-demarkazzjoni bejn din iż-żona infettata u l-bqija tat-territorju tal-Unjoni Ewropea, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 tat-18 ta’ Mejju 2015 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et) (ĠU 2015, L 125, p. 36), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/764 tat-12 ta’ Mejju 2016 (ĠU 2016, L 126, p. 77) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata”);

billi naqset milli tiggarantixxi, ukoll fiż-żona ta’ trażżin, il-monitoraġġ tal-preżenza ta’ Xf permezz ta’ stħarriġ annwali mwettaq f’mumenti opportuni tas-sena, naqset mill-obbligi li jaqgħu fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789 emendata; u

barra minn hekk, billi naqset kontinwament milli tieħu miżuri immedjati sabiex tevita t-tixrid ta’ Xf u, billi għamlet hekk, wettqet ksur repetut tal-obbligi speċifiċi msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata li jikkonċernaw iż-żoni infettati rispettivi, b’tali mod li l-batterju seta’ għalhekk jinxtered, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2), (7) u (9), u l-Artikolu 7(2)(c) u (7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, kif ukoll l-obbligi fundamentali previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri ta’ protezzjoni kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 258; rettifiki ĠU 2008, L 20, p. 35 u ĠU 2015, L 175, p. 126), kif emendata permezz tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1279 tal-14 ta’ Lulju 2017 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/29”), u l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2000/29

2

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/29:

“1.   Kull Stat Membru għandu immedjatament jgħarraf bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kollha bil-preżenza fit-territorju tiegħu ta’ kull wieħed mill-oganiżmi ta’ ħsara elenkati fl-Anness A, is-Sezzjoni I […].

Għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jeradika, jew jekk dan ikun impossibbli, inaqqas il-firxa ta’ l-organiżmi ta’ ħsara kkonċernati. Għandu jgħarraf lill-Kummisjoni u lill-Istat Membri l-oħra bil-miżuri meħuda.

[…]

3.   Fil-każijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummisjoni għandha teżamina s-sitwazzjonji mill-aktar fiss possibbli ġewwa l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti. L-investigazzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru permezz ta’ l-Awtorità tal-Kummissjoni u bi qbil mad-disposizzjonijiet relevanti ta’ l-Artikolu 21. Il-miżuri fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji dwar l-organiżmi ta’ ħsara jew analiżi preliminari dwar ir-riskji ta’ l-organiżmi ta’ ħsara f’każijiet msemmija fil-paragrafu 2 meħtieġa jistgħu jkunu adottati, inklużi dawk li permezz tagħhom jista’ jkun deċiż jekk il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhomx ikunu restritti jew emendati, permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2). Il-Kummissjoni għandha ssegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni u, permezz ta’ l-istess proċedura, għandha temenda jew tħassar, skond ma’ l-iżvilupp ikun jenħtieġ, il-miżuri msemmija. […]

[…]”

3

L-Anness I, Parti A, Sezzjoni I, tad-Direttiva 2000/29 jelenka l-“[o]rganiżmi ta’ ħsara li l-introduzzjoni tagħhom ġewwa, u l-firxa fi, l-istati membri kollha għandhom ikunu pprojbiti”. Taħt it-Titolu “Organiżmi ta’ ħsara magħrufa li jseħħu f’xi parti tal-komunità u relevanti għall-komunità kollha”, is-Sezzjoni II ta’ din il-parti, fil-punt (b) tagħha, intitolat “Baktirja”, jinkludi punt 3, ifformulat kif ġej: “Xylella fastidiosa (Wells et)”.

Id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2014/87/UE u 2014/497/UE

4

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/87/UE tat-13 ta’ Frar 2014 fir-rigward ta’ miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ Xylella fastidiosa (Wells u Raju) fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2014, L 45, p. 29), liema deċiżjoni ġiet adottata fuq il-bażi tad-Direttiva 2000/29, u, b’mod partikolari, tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha, tesponi kif ġej, fil-premessi 2 sa 4 kif ukoll 7 u 8:

“(2)

Fil-21 ta’ Ottubru 2013, l-Italja infurmat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-preżenza tal-[Xf (iktar ’il quddiem l-“organiżmu speċifikat”)] fit-territorju tagħha, f’żewġ żoni separati tal-provinċja ta’ Lecce, fir-reġjun ta’ Apulia. Sussegwentement żewġ tifqigħat separati oħra ġew identifikati fl-istess provinċja. Il-preżenza ta’ organiżmu speċifikat kienet ikkonfermata fir-rigward ta’ diversi speċijiet ta’ pjanti, inkluż l-Olea europaea L., […] li bdew juru ħruq ta’ weraq u sintomi ta’ tnaqqis rapidu.[…]

(3)

Fid-29 ta’ Ottubru 2013, ir-reġjun ta’ Apulia ħa miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni u l-qerda tal-organiżmu speċifikat, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE.

(4)

L-Italja rrappurtat li l-ispezzjonijiet li kienet wettqet ma wrew l-ebda preżenza tal-organiżmu speċifikat fil-provinċji ġirien ta’ Brindisi u Taranto.

[…]

(7)

Fid-dawl tan-natura tal-organiżmu speċifikat, huwa probabbli li jinfirex ħafna u bil-ħeffa. Sabiex jiġi żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jinfirixx mal-bqija tal-Unjoni, hemm bżonn li jittieħdu immedjatament ċerti miżuri. Sakemm tkun disponibbli informazzjoni aktar speċifika dwar il-firxa tal-ospitant, il-vetturi, il-mogħdijiet ta’ diffużjoni u l-għażliet ta’ tnaqqis tar-riskju, huwa xieraq li l-moviment jiġi pprojbit [ta’ pjanti maħsuba għat-tħawwil] possibbilment barra minn żoni li jinkludu pjanti infettati.

(8)

Filwaqt li jitqiesu l-postijiet tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat, is-sitwazzjoni ġeografika partikolari fil-provinċja amministrattiva ta’ Lecce u l-inċertezzi dwar il-kriterji ta’ demarkazzjoni, dik il-provinċja kollha għandha tkun soġġetta għal dik il-projbizzjoni, sabiex dik il-projbizzjoni tiġi applikata malajr u b’mod effettiv.”

5

Skont din l-ewwel Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, il-Kummissjoni għaldaqstant ipprojbiet, fl-Artikolu 1, “[i]l-moviment tal-pjanti għat-tħawwil ’il barra mill-provinċja ta’ Lecce, ir-reġjun ta’ Apulia, l-Italja,” ordnat, fl-Artikolu 2, it-twettiq ta’ stħarriġiet uffiċjali ta’ kull sena għall-preżenza tal-batterju Xf u ordnat lill-Istati Membri, fl-Artikolu 3, li jiżguraw li persuna li ssir taf bil-preżenza ta’ dan il-batterju jew ikollha raġunijiet li tissuspetta din il-preżenza għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien għaxart ijiem.

6

Din id-deċiżjoni ġiet irrevokata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/497/UE tat-23 ta’ Lulju 2014 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa (Wells u Raju) fl-Unjoni (ĠU 2014, L 219, p. 56).

7

Skont din it-tieni deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, li għandha l-istess bażi legali tal-ewwel, il-Kummissjoni llimitat il-moviment ta’ pjanti li huma pjanti ospitanti tal-batterju Xf u ssuġġettat għal diversi kundizzjonijiet l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni meta huma joriġinaw minn pajjiż terz fejn dan il-batterju huwa notorjament preżenti (Artikoli 2 u 3). Barra minn hekk, sabiex jinqered il-batterju Xf u jitwaqqaf it-tixrid tiegħu, il-Kummissjoni imponiet fuq l-Istati Membri, meta dan ikun neċessarju, żoni demarkati li jkunu magħmula minn “żona infettata” u minn “żona ta’ lqugħ”, li fihom l-Istati Membri kellhom, b’mod partikolari, ineħħu l-pjanti kollha infettati mill-batterju Xf, kif ukoll il-pjanti kollha li juru sintomi li jindikaw il-possibbiltà ta’ infezzjoni minn dak il-batterju u l-pjanti kollha li ġew identifikati bħala li x’aktarx jiġu infettati (Artikolu 7 u Anness III, Taqsima 2(a)).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789

8

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/497 ġiet irrevokata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789, li, adottata fuq il-bażi tal-istess bażi legali bħall-ewwel tnejn, tinkludi l-premessi li ġejjin:

“(1)

Fid-dawl tal-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni u n-notifiki ta’ tifqigħat ġodda mill-awtoritajiet Taljani, il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni [2014/87] għandhom jiġu msaħħa.

[…]

(4)

Sabiex jeqirdu l-organiżmu speċifikat u jipprevjenu t-tixrid ulterjuri tiegħu fil-bqija tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żoni demarkati li jikkonsistu minn żona infestata u żona ta’ lqugħ, u japplikaw il-miżuri ta’ qerda. […]

[…]

(7)

Fil-provinċja ta’ Lecce, l-organiżmu speċifikat hu diġà stabbiliti b’mod estensiv. Fejn l-evidenza turi li f’ċerti partijiet ta’ dik iż-żona l-organiżmu speċifikat kien preżenti għal aktar minn sentejn u m’għadux possibbli li jinqered, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jkollu l-possibilità li japplika miżuri ta’ trażżin flok miżuri ta’ qerda, biex mill-inqas jipproteġi siti ta’ produzzjoni, pjanti b’valur kulturali, soċjali u xjentifiku partikolari, kif ukoll il-fruntiera mal-bqija tat-territorju tal-Unjoni. Il-miżuri ta’ trażżin għandhom jimmiraw li jimminimizzaw l-ammont ta’ inokolu batteriku f’dik iż-żona u jżommu l-popolazzjoni tal-vettur fl-iktar livell baxx possibbli.

(8)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-bqija tat-territorju tal-Unjoni mill-organiżmu speċifikat, filwaqt li titqies il-firxa possibbli tal-organiżmu speċifikat permezz ta’ mezzi fiżiċi u assistiti mill-bniedem għajr il-moviment ta’ pjanti speċifikati għat-tħawwil, huwa xieraq li tiġi stabbilita żona ta’ sorveljanza immedjatament barra ż-żona ta’ lqugħ madwar iż-żona infettata tal-provinċja ta’ Lecce.

[…]”

9

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2417 tas-17 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 333, p. 43) u mbagħad permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/764, li l-premessi 1 sa 4 tagħha huma fformulati kif ġej:

“(1)

Minn meta ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2015/789], sa Frar tal-2016, l-Italja lill-Kummissjoni rrappurtatilha bosta tifqigħat ta’ [Xf] (li minn hawn ’il quddiem tidher bħala “l-organiżmu speċifikat”) fiż-żona ta’ madwar il-provinċja ta’ Lecce. Dawn it-tifqigħat seħħu f’għadd kbir ta’ muniċipji li jinsabu fil-provinċji ta’ Taranto u Brindisi. Barra minn hekk, l-aħħar awditu li wettqet il-Kummissjoni f’Novembru tal-2015 ikkonferma li l-attivitajiet ta’ stħarriġ meħtieġa mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2015/789] twettqu biss b’mod limitat ħafna fiż-żona ta’ madwar il-provinċja ta’ Lecce (fir-reġjun ta’ Apulia fl-Italja). L-awditu kkonferma wkoll li l-programm attwali ta’ stħarriġ xorta waħda ma jiżgurax li jinsabu kmieni t-tifqigħat ġodda, jew li jinsab b’mod eżatt kemm ikun infirex fiż-żona l-organiżmu speċifikat.

(2)

L-aħħar awditu kkonferma r-riskju li l-organiżmu speċifikat jinfirex mal-kumplament taż-żona kkonċernata. Għaldaqstant, u minħabba d-daqs ta’ din iż-żona, jixraq li titkabbar iż-żona meqjusa bħala infettata biex ikunu jistgħu japplikaw il-miżuri ta’ trażżin ’il barra mil-limiti tal-provinċja ta’ Lecce, u biex il-ġarr ta’ pjanti speċifiċi ’l barra minn dik iż-żona jkun permess biss taħt kundizzjonijiet stretti. Dan it-tkabbir għandu jsir mingħajr dewmien, meta wieħed iqis li r-riskju li jinxtered iżjed l-organiżmu speċifikat fil-kumplament tat-territorju tal-Unjoni jiżdied mal-bidu tal-istaġun meta jibdew itiru l-insetti li jġorruh. Għalhekk, iż-żona meqjusa bħala infettata għandha titkabbar biex tkopri lil dawk il-muniċipji, jew partijiet minn ċerti muniċipji, fil-provinċji ta’ Brindisi u Taranto fejn diġà kien hemm tifqigħat tal-organiżmu speċifikat, jew fejn x’aktarx l-organiżmu diġà nfirex u stabbilixxa ruħhu. Madankollu, iż-żona meqjusa bħala infettata ma għandhiex tinkludi ż-żona li l-Italja diġà ddikjaratha ħielsa mill-organiżmu speċifikat qabel l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(3)

Għall-finijiet ta’ ċertezza legali, għandu jiġi emendat il-kliem fil-punt (c) tal-Artikolu 7(2) biex ikun ċar li l-miżuri li għandhom jittieħdu skont dak l-Artikolu japplikaw biss fiż-żona meqjusa bħala infettata, u mhux barra minn din iż-żona.

(4)

Biex ikun żgurat ħarsien effikaċi mill-organiżmu speċifikat tal-kumplament tat-territorju tal-Unjoni, u billi tkabbret iż-żona ta’ trażżin, jixraq li ż-żona ta’ sorveljanza tiġi ssostitwita b’rekwiżiti ġodda għall-istħarriġ f’dik iż-żona ta’ trażżin. Dawn ir-rekwiżiti għandhom japplikaw fuq żona wiesgħa 20 km mil-limiti taż-żona ta’ protezzjoni u li tibqa’ dieħla fiż-żona ta’ trażżin, u fiż-żona ta’ protezzjoni ta’ 10 km.”

10

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, intitolat “Definizzjonijiet” jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘organiżmu speċifikat’ tfisser kull subspeċi ta’ [Xf];

(b)

‘pjanti ospitanti’ tfisser pjanti għat-tħawwil, ħlief żrieragħ, li jappartjenu għall-ġeneri u l-ispeċijiet elenkati fil-bażi ta’ dejta tal-Kummissjoni ta’ pjanti ospitanti suxxettibbli għall-[Xf] fit-territorju tal-Unjoni, bħala li jkunu nstabu li huma suxxettibbli fit-territorju tal-Unjoni għall-organiżmu speċifikat, jew, fejn Stat Membru jkun iddemarka żona fir-rigward ta’ subspeċi wieħed jew aktar tal-organiżmu speċifikat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), bħala li tkun instabet li hija suxxettibbli għal dik jew dawk is-subspeċi;

(c)

‘pjanti speċifikati’ tfisser pjanti ospitanti u l-pjanti kollha intiżi għat-tħawwil […];

[…]”

11

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, intitolat “L-istabbiliment ta’ żoni demarkati”, jipprovdi:

“1.   Meta l-preżenza tal-organiżmu speċifikat tkun ġiet ikkonfermata, l-Istat Membru kkonċernat minnufih għandu jiddemarka żona skont il-paragrafu 2, minn hawn ’il quddiem ‘żona demarkata’.

[…]

2.   Iż-żoni demarkata għandha tikkonsisti minn żona infettata u żona ta’ lqugħ.

Iż-żona infettata għandha tinkludi l-pjanti kollha magħrufin li huma infettati bl-organiżmu speċifikat, il-pjanti kollha li juru sintomi li jindikaw il-possibbiltà ta’ infezzjoni minn dak l-organiżmu, u l-pjanti l-oħra kollha li jistgħu jiġu infettati minn dak l-organiżmu minħabba l-qrubija tagħhom mal-pjanti infettati, jew is-sors komuni ta’ produzzjoni, jekk magħruf, bi pjanti infettati, jew il-pjanti mkabbra minnhom.

Rigward il-preżenza tal-organiżmu speċifikat fil-provinċja ta’ Lecce u fil-muniċipji elenkati fl-Anness II, iż-żona infettata għandha tinkludi għallinqas dawk il-muniċipji, jew, skont kif japplika, l-irqajja’ tal-art irreġistrati (‘Fogli’) taħt dawk il-muniċipji.

Iż-żona ta’ lqugħ għandha tkun wiesgħa tal-inqas 10 km, madwar iż-żona infettata.

[…]”

12

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, intitolat “Miżuri ta’ qerda”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istat Membru li jkun stabbilixxa ż-żoni demarkata msemmija fl-Artikolu 4 għandu, f’din iż-żona, jieħu l-miżuri kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 11.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fi ħdan raġġ ta’ 100 m madwar il-pjanti li ġew ittestjati u nstab li huma infettati mill-organiżmu speċifikat, ineħħi minnufih:

(a)

pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istatus tas-saħħa tagħhom;

(b)

pjanti magħrufin li huma infettati mill-organiżmu speċifikat;

(c)

pjanti li juru sintomi li jindikaw infezzjoni possibbli minn dak l-organiżmu jew suspettati li huma infettati minn dak l-organiżmu.

[…]

7.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jissorvelja l-preżenza tal-organiżmu speċifikat permezz ta’ stħarriġiet annwali fi żminijiet xierqa. Għandu jwettaq spezzjonijiet viżivi tal-pjanti speċifikati u jieħu kampjuni mill-pjanti sintomatiċi u jittestjahom, kif ukoll pjanti asintomatiċi fil-qrubija ta’ dawk sintomatiċi.

F’żoni ta’ lqugħ, żona mistħarrġa għandha tkun ibbażata fuq grilja maqsuma fi kwadri ta’ 100 m × 100 m. L-ispezzjonijiet viżivi għandhom jitwettqu f’kull wieħed minn dawk il-kwadri.

[…]

9.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fejn meħtieġ, jieħu miżuri li jindirizzaw kull sitwazzjoni partikolari jew kumplikazzjoni li x’aktarx tista’ tipprevjeni, tfixkel jew iddewwem il-qerda, partikolarment dawk relatati mal-aċċessibbiltà u l-qerda xierqa tal-pjanti kollha li jkunu infettati jew li jkun hemm suspett li huma infettati, ikunu fejn ikunu, humiex pubbliċi jew privati, jew hi min hi l-persuna jew l-entità li hi responsabbli għalihom.

[…]”

13

Skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, intitolat ‘Miżuri ta’ trażżin’:

“1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 6, fiż-żona infettata msemmija fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 4(2) biss, il-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li japplika l-miżuri ta’ trażżin, kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 7 […]

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu immedjatament ineħħi mill-inqas il-pjanti kollha li nstabu li huma infettati mill-organiżmu speċifikat jekk dawn ikunu jinsabu fi kwalunkwe minn dawn il-postijiet:

[…]

(c)

lok fiż-żona infettata msemmija fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 4(2) li jinsab mhux iktar minn 20 km ’il bod mil-limitu taż-żona infettata mal-bqija tat-territorju tal-Unjoni.

[…]

7.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jagħmel monitoraġġ għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat bi stħarriġ annwali fiż-żminijiet rilevanti ta’ kull sena fiż-żoni li jinsabu f’distanza sa 20 km, kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2.

[…]”

14

L-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, li jinkludi l-lista tal-muniċipalitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tagħha, jinkludi muniċipalitajiet li jinsabu fil-provinċji ta’ Brindisi u ta’ Taranto.

Il-proċedura prekontenzjuża

15

Fil-11 ta’ Diċembru 2015, fid-dawl tal-firxa tal-batterju Xf fir-Reġjun ta’ Puglia u tad-deterjorament kostanti tas-sitwazzjoni mix-xahar ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-awtoritajiet Taljani, fejn akkużathom, minn naħa, li naqsu milli jneħħu l-pjanti infettati u dawk suġġetti għal obbligi speċifiċi, skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789, u, min-naħa l-oħra, li ma ssodisfawx l-obbligu li jwettqu investigazzjonijiet, skont l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 8(2) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

16

Fl-10 ta’ Frar 2016, l-awtoritajiet Taljani rrispondew għal din l-ittra ta’ intimazzjoni filwaqt li enfasizzaw, b’mod partikolari, li t-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) adottat miżuri sospensivi u, fit-22 ta’ Jannar 2016, ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar il-validità tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 li l-għan tagħha kien l-obbligu ta’ qatla f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati. L-awtoritajiet Taljani informaw li, minħabba dawn l-iżviluppi ġudizzjarji, il-qatla tas-siġar kienet is-suġġett ta’ dewmien kunsiderevoli u li l-implimentazzjoni ta’ parti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 kienet saret legalment impossibbli.

17

Fil-25 ta’ Lulju 2016, peress li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/764 emendat il-portata ġeografika tal-ilmenti invokati fl-ittra ta’ intimazzjoni tal-11 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, li fiha hija rreferiet għal nuqqas kontinwu u persistenti, mir-Repubblika Taljana, għall-obbligi speċifiċi li hija għandha skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata u l-obbligu ġenerali msemmi fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li r-Repubblika Taljana kienet qiegħda tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Barra minn hekk, din l-ittra ta’ intimazzjoni kienet issemmi, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ tneħħija minnufih tal-pjanti infettati u nuqqasijiet fil-qasam tal-investigazzjonijiet.

18

Fis-26 ta’ Awwissu 2016, l-awtoritajiet Taljani, b’risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, enfasizzaw li l-ostakoli ġudizzjarji għall-implimentazzjoni tal-monitoraġġ u tal-miżuri ta’ tneħħija previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata kienu tneħħew u li dawn l-attivitajiet kienu ttieħdu jew kienu fuq il-punt li jittieħdu, filwaqt li pprovdew informazzjoni addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ trażżin kif ukoll l-attivitajiet ta’ monitoraġġ imwettqa matul is-snin 2015 u 2016.

19

Fl-14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, li fiha hija allegat li r-Repubblika Taljana kellha diversi nuqqasijiet taħt id-dritt tal-Unjoni. L-ewwel nett, hija kienet ilmentat li din tal-aħħar ma pproċedietx, bi ksur tal-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, għall-qatla immedjata ta’ pjanti infettati fiż-żona ta’ trażżin. It-tieni nett, il-Kummissjoni takkużaha li kisret l-Artikolu 6(3), (7) u (9), kif ukoll l-Artikolu 7(2), (3) u (7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, minħabba li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jissorvelja, kemm fiż-żona ta’ trażżin kif ukoll fiż-żona ta’ protezzjoni, għat-teħid ta’ kampjuni f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati kif ukoll għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni relatata mal-preżenza ta’ Xf permezz ta’ investigazzjonijiet annwali mwettqa f’mumenti xierqa. It-tielet nett, il-Kummissjoni sostniet li r-Repubblika Taljana kienet wettqet nuqqas kostanti u ġenerali ta’ twettiq tal-obbligu li tadotta l-miżuri neċessarji sabiex twaqqaf it-tixrid ta’ Xf, bi ksur tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29, kif ukoll tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmija Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata. Ir-raba’ nett, hija lmentat li dan l-Istat Membru kiser l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, minħabba diversi ommissjonijiet li minħabba fihom l-imsemmi Stat Membru ma kienx f’pożizzjoni li jipprekludi t-tixrid tal-marda fuq iktar minn 40 kilometru mis-sena 2015.

20

Fl-14 ta’ Settembru 2017, l-awtoritajiet Taljani rrispondew għal din l-opinjoni motivata. Filwaqt li jirrikonoxxu l-gravità tas-sitwazzjoni u l-obbligu tagħhom li jneħħu immedjatament il-pjanti, dawn l-awtoritajiet enfasizzaw, b’mod partikolari, li l-qatla ttejbet b’mod kunsiderevoli permezz tal-proċeduri l-ġodda adottati fuq livell reġjonali.

21

Peress li kkunsidrat li, fix-xahar ta’ Mejju 2018, ir-Repubblika Taljana ma kinitx ikkonformat ruħha mat-talba għall-intervent immedjat ifformulata fl-opinjoni motivata bil-għan li tipprekludi t-tixrid ta’ Xf u li, minħabba l-persistenza tan-nuqqasijiet enumerati, l-organiżmu ta’ ħsara kien mifrux b’mod qawwi fiż-żona ta’ trażżin u fiż-żona ta’ protezzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata

L-argumenti tal-partijiet

22

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Taljana li ma osservatx l-obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti infettati, previst fl-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, filwaqt li tħalli diversi pjanti fuq il-post għal diversi xhur, u saħansitra iktar minn sena, wara li l-infezzjoni kienet ġiet misjuba u matul il-perijodu ta’ titjir tal-insetti vetturi. Issa, it-terminu li jiddekorri bejn il-mument meta l-marda tiġi skoperta u dak li fih isir il-qtil effettiv tal-pjanti infettati għandu jkun limitat għal ftit jiem u, fi kwalunkwe każ, ma jeċċedix għaxart ijiem ta’ xogħol, skont iċ-ċirkustanzi.

23

F’dan il-każ, il-proporzjon tal-pjanti infettati maqtula mill-awtoritajiet Taljani fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, jiġifieri l-14 ta’ Settembru 2017, kien laħaq biss 78 % tal-pjanti infettati elenkati waqt l-eżerċizzju ta’ sorveljanza relatat mas-sena 2016 u, f’din id-data, kien għad fadal 191 siġra li kellhom jitneħħew. Barra minn hekk, l-analiżi tal-informazzjoni pprovduta minn dawn l-awtoritajiet tenfasizza termini kunsiderevoli bejn il-mument meta l-pjanti infettati jiġu identifikati u dak meta tinħareġ ordni ta’ qtil u tiġi nnotifikata, jiġifieri madwar tmien ġimgħat. Il-ħtieġa li jiġu identifikati l-proprjetarji u li jiġu nnotifikati bil-miżura ta’ qatla hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għad-dewmien. Meta din l-identifikazzjoni tkun impossibbli, il-miżura ta’ qatla ma tkunx innotifikata u l-awtoritajiet għalhekk ma jkunux jistgħu jipproċedu għall-qtil. Barra minn hekk, jekk il-proprjetarju jopponi l-miżura, l-awtoritajiet Taljani ma jistgħux jiggarantixxu t-tneħħija immedjata tal-pjanti infettati.

24

L-obbligu li wieħed jipproċedi immedjatament għal tali tneħħija jimplika madankollu li l-awtoritajiet kompetenti qegħdin jaġixxu mingħajr dewmien. F’dan ir-rigward, l-esperjenza miksuba fl-Italja u fi Stati Membri oħra fejn il-preżenza tal-batterju Xf ġiet skoperta juri li huwa possibbli li titneħħa siġra infettata f’inqas minn ġimgħa. Min-naħa l-oħra, meta ż-żmien li għadda bejn l-iskoperta tal-batterju u l-qtil ta’ pjanti infettati kien superjuri ħafna għal dan it-terminu, il-batterju jkompli jinxtered. Peress li l-biċċa l-kbira tal-insetti vetturi jistgħu jmorru lil hinn minn distanza ta’ 100 metru fi spazju ta’ 12-il jum, ikun kruċjali li wieħed jintervjeni immedjatament. Dan huwa iktar u iktar il-każ fir-rigward tal-miżuri ta’ trażżin fil-parti taż-żona infettata msemmija fl-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, li fiha l-obbligu ta’ tneħħija jirrigwarda biss il-pjanti infettati.

25

Li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-perijodu ta’ żmien bejn l-iskoperta tal-pjanti infettati u t-tneħħija tagħhom, b’hekk, jikkostitwixxi l-uniku mezz biex jitwaqqaf it-tixrid tal-organiżmu ta’ ħsara fil-bqija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom obbligu ta’ riżultat. Fil-fatt, peress li kienet tapplika direttament, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istat Membru fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħha. Għaldaqstant, l-obbligu li jitneħħew il-pjanti infettati ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jillimita ruħu li jipprevedi l-miżuri tat-tneħħija tal-pjanti, u mhux l-eżekuzzjoni tal-imsemmija miżuri.

26

Fis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tikkunsidra li l-obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti infettati kien miżura xierqa u neċessarja biex jiġi pprevenut it-tixrid tal-batterju Xf. Hija rrikonoxxiet ukoll li l-Kummissjoni kienet ibbilanċjat id-diversi interessi inkwistjoni. Dan jgħodd iktar u iktar għall-miżura msemmija fl-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, li skontu s-siġar infettati biss għandhom jitneħħew. Barra minn hekk, l-importanza li wieħed jipproċedi malajr għat-tneħħija tal-pjanti infettati qabel il-bidu tal-perijodu ta’ titjir tal-insetti vetturi hija iktar kruċjali fir-rigward tad-dewmien kostanti u permanenti li huwa rreġistrat fil-qasam ta’ investigazzjonijiet annwali.

27

Il-problemi legali u prattiċi allegati mir-Repubblika Taljana, dovuti għall-identifikazzjoni tal-proprjetarji tal-artijiet u għar-rikorsi ppreżentati minn uħud minnhom, ma jistgħux jiġġustifikaw li t-tneħħija tas-siġar infettati ma seħħitx ħlief diversi xhur wara l-iskoperta tal-infezzjoni. Inqas u inqas dan l-Istat Membru jista’ jinvoka dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali, anki jekk dawn ikunu ttieħdu abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li topponi l-parteċipazzjoni xierqa tas-sidien u l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u l-motivi tar-rikors tagħhom. Madankollu, skont l-Artikolu 6(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, l-obbligu ta’ riżultat relatat mal-qtil tas-siġar jimponi fuq ir-Repubblika Taljana li tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tkun tista’ taġixxi immedjatament mill-iskoperta ta’ siġra infettata. Għalhekk, matul is-sena 2015, l-awtoritajiet Taljani użaw miżuri nazzjonali ta’ emerġenza sabiex jindirizzaw l-ewwel tifqigħa.

28

Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-espressjoni “immedjatament”, prevista fl-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, għandha tinftiehem fid-dawl tal-kontenut tal-obbligu stess u tal-kundizzjonijiet legali li jirregolawha.

29

Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżura bħat-tneħħija tal-pjanti infettati, li għandha konsegwenzi sinjifikattivi fuq id-dritt għall-proprjetà individwali, huwa indispensabbli li jiġi identifikat minn qabel il-proprjetarju u li l-miżura tiġi nnotifikata lilu. Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tas-sistema partikolari ta’ proprjetà u ta’ ġestjoni tal-artijiet agrikoli tar-Reġjun ta’ Puglia, kien diffiċli ħafna li l-proprjetarji jiġu identifikati, peress li, f’numru sinjifikattiv ta’ każijiet, dawn kienu mietu jew kienu jirrisjedu barra mir-Reġjun ta’ Puglia, u dan dewwem in-notifiki. Barra minn hekk, kien hemm numru kunsiderevoli ta’ siġar taż-żebbuġ ta’ daqs kbir ħafna.

30

Barra minn hekk, id-digriet tal-18 ta’ Diċembru 2015 tal-Procura della Repubblica di Lecce (Prosekutur tar-Repubblika ta’ Lecce, l-Italja), li ddekreta s-sekwestru kawtelatorju b’urġenza tas-siġar taż-żebbuġ kollha li kellhom jinqatlu, kien iwassal għall-impossibbiltà legali li jiġu implimentati l-miżuri, bejn it-28 ta’ Diċembru 2015, data tal-konferma ta’ dan id-digriet mill-Giudice delle indagini preliminari presso il Tribunale di Lecce (l-Imħallef tal-investigazzjonijiet preliminari fil-qorti ta’ Lecce, l-Italja), u l-25 ta’ Lulju 2016, id-data li fiha tneħħa s-sekwestru.

31

L-adozzjoni tal-miżuri ta’ tneħħija inkwistjoni kienet ukoll is-suġġett ta’ kontestazzjonijiet b’saħħithom ikkorroborati min-nuqqas ta’ ċertezza suffiċjenti, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, fir-rigward tar-rabta bejn il-fenomenu tan-nixfa tas-siġar taż-żebbuġ u l-batterju Xf. Din l-inċertezza tneħħiet biss mill-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tal-31 ta’ Marzu 2016. Madankollu, fuq livell nazzjonali, dejjem għad hemm kampanja ta’ miżinformazzjoni li tissuġġerixxi li l-pjanti infettati ma għandhomx jinqatlu, iżda jiġu ttrattati.

32

Barra minn hekk, ikun ineżatt li jiġi kkunsidrat li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata tipprevedi obbligu ta’ riżultat impost fuq l-Istati Membri, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat li s-siġar infettati jinqatlu f’terminu ristrett ħafna wara l-istabbiliment tal-istat ta’ infezzjoni. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata kienet tirreferi għal aġir, jiġifieri li “ineħħi”, u mhux għar-riżultat ta’ dan l-aġir. Fin-nuqqas ta’ tali obbligu ta’ riżultat, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tirrikjedi, kif jirriżulta mill-punti 107 u 108 tas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), analiżi għal kull każ tan-natura xierqa tal-isforz diliġenti tal-Istat Membru, indipendentement mit-twettiq tal-għan tal-leġiżlazzjoni. Issa, f’dan il-każ, l-attività kumplessa ta’ leġiżlazzjoni, ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni tal-motivi mwettqa mir-Repubblika Taljana f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri inkwistjoni turi l-osservanza ta’ din tal-aħħar tal-obbligi tagħha skont l-imsemmija Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Skont l-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, l-Istat Membru kkonċernat kien obbligat, fiż-żona msejħa “ta’ trażżin”, li tikkorrispondi għall-parti miż-żona infettata li tinkludi l-provinċja ta’ Lecce u l-muniċipalitajiet elenkati fl-Anness II tagħha, li kollha kienu jinsabu fil-provinċji ta’ Brindisi u ta’ Taranto, li għandhom jipproċedu “immedjatament” għat-tneħħija, bħala miżura ta’ trażżin, ta’ mill-inqas il-pjanti kollha li l-infezzjoni tagħhom mill-organiżmu speċifikat, jiġifieri l-batterju Xf, ġiet ikkonstatata jekk dawn jinsabu f’post ta’ din iż-żona li jinsab f’distanza massima ta’ 20 kilometru mid-demarkazzjoni bejn l-imsemmija żona u l-kumplament tat-territorju tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“medda ta’ 20 kilometru miż-żona ta’ trażżin”).

34

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑498/17, EU:C:2019:243, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan il-każ, it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kien jiskadi fl-14 ta’ Settembru 2017.

36

Issa, ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax li, f’din id-data, fuq total ta’ 886 pjanta infettata identifikati waqt l-investigazzjoni mwettqa skont l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ relatat mas-sena 2016, proporzjon sinjifikattiv fosthom, jiġifieri 191, li jirrappreżenta kważi 22 % tat-total tal-pjanti infettati, kienu għadhom ma tneħħewx mill-medda ta’ 20 kilometru miż-żona ta’ trażżin.

37

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru lanqas ma jikkontesta li t-tneħħija tal-pjanti infettati f’din il-medda ta’ 20 kilometru, meta seħħet, seħħet biss wara li għadda terminu ta’ diversi xhur wara l-konstatazzjoni tal-infezzjoni ta’ dawn il-pjanti.

38

Issa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata hija redatta, f’dan ir-rigward, f’termini li ma jħallu ebda dubju raġonevoli. Fil-fatt, il-kelma “immedjatament”, użata f’din id-dispożizzjoni, ma tistax, fid-dawl tas-sens normali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, tiġi rrikonċiljata ma’ terminu ta’ diversi ġimgħat, jew bħal f’dan il-każ, ta’ diversi xhur.

39

Din l-interpretazzjoni hija meħtieġa iktar u iktar peress li, skont l-opinjonijiet tal-EFSA tas-6 ta’ Jannar 2015 u tas-17 ta’ Marzu 2016, li l-konstatazzjonijiet tagħhom ma ġewx ikkontestati fuq dan il-punt, tneħħija mgħaġġla tal-pjanti infettati hija biss ta’ natura li tevita t-tixrid tal-batterju Xf. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-data xjentifika pprovduta mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha, li lanqas ma ġiet ikkontestata mir-Repubblika Taljana, l-insett vettur, f’dan il-każ, iċ-cicadella, jitbiegħed madwar 100 metru fi spazju ta’ 12-il jum biss.

40

B’hekk, ir-rapport ta’ verifika stabbilit mill-Kummissjoni għas-sena 2018 (Final report of an audit carried out in Italy from 28 May 2018 to 1 June 2018 in order to evaluate the situation and official controls for [Xylella fastidiosa] (rapport finali ta’ verifika magħmul fl-Italja bejn it-28 ta’ Mejju 2018 u l-1 ta’ Ġunju 2018 sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni u l-kontrolli uffiċjali ta’ Xylella fastidiosa), DĠ (SANTE) 2018–6485, pp. 23–24) (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ verifika tal-2018”) jenfasizza espliċitament li iktar minn 90 % tal-każijiet pożittivi ta’ infezzjoni identifikati matul is-sena ta’ monitoraġġ li tirrigwarda s-sena 2016, li għalqet fix-xahar ta’ Mejju 2017, ġew skoperti fil-viċinanzi ta’ pjanti identifikati bħala infettati matul is-sena 2015 u li t-tneħħija tagħhom saret b’dewmien kunsiderevoli.

41

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, ir-rekwiżit ta’ immedjatezza impost fl-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 2015/789 emendata ma jistax jiġi interpretat bħala li jikkonċerna biss l-adozzjoni ta’ miżuri mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipproċedu għal din it-tneħħija.

42

Fil-fatt, kemm mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li jeżiġi mingħajr ambigwità it-“tneħħija” tal-pjanti infettati, kif ukoll mill-effett utli tagħha jirriżulta li dan ir-rekwiżit jista’ jkun relatat biss mat-tneħħija nnifisha, peress li hija biss it-tneħħija effettiva tal-pjanti infettati, u mhux l-adozzjoni tal-miżuri li jimponu dan, li hija ta’ natura li tevita t-tixrid tal-batterju Xf, li, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 4, 7 u 8 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789, kif ukoll mill-premessi 1, 2 u 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/2417, tikkostitwixxi l-għan imfittex mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata u, b’mod partikolari, mill-miżuri ta’ trażżin (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et, C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 54).

43

Tali tneħħija hija b’hekk ta’ natura li twettaq l-għan imsemmi mid-Direttiva 2000/29, li fuq il-bażi tagħha d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata ġiet adottata, li huwa li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fitosanitarja kontra l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara fil-prodotti importati minn pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Anastasiou et, C‑140/02, EU:C:2003:520, punt 45).

44

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat preċiż fir-rigward tat-tneħħija tal-pjanti infettati mill-batterju Xf u li l-konstatazzjoni oġġettiva ta’ ksur ta’ dan l-obbligu hija biżżejjed, waħedha, sabiex turi l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex paragunabbli ma’ dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 107 u 108 tas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), invokata mir-Repubblika Taljana.

45

Fir-rigward tal-ostakoli materjali, amministrattivi u legali differenti mressqa mir-Repubblika Taljana sabiex jiġi ġġustifikat id-dewmien sabiex jitneħħew il-pjanti infettati li jinsabu fil-medda ta’ 20 kilometru miż-żona ta’ trażżin, ibbażati fuq in-numru għoli ta’ siġar taż-żebbuġ ta’ daqs kbir ħafna, tal-obbligu, skont id-dritt nazzjonali, li jiġu identifikati l-proprjetarji tal-biċċiet ta’ art ikkonċernati kif ukoll li jiġu nnotifikati l-miżuri ta’ tneħħija u ta’ rimedji ġudizzjarji ppreżentati sabiex jiġi prekluż il-qtil, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi sitwazzjonijiet ta’ natura interna tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑498/17, EU:C:2019:243, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma kkontestatx li kien possibbli għaliha, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, li tadotta miżuri nazzjonali ta’ urġenza li jipprovdu, bħal dawk meħuda matul is-sena 2015, proċeduri iktar mgħaġġla sabiex jegħlbu tali ostakoli amministrattivi u legali.

47

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li s-sekwestru kawtelatorju ordnat, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, mill-Procura della Repubblica di Lecce (Prosekutur tar-Repubblika ta’ Lecce) u vvalidat mill-Giudice delle indagini preliminari presso il Tribunale di Lecce (l-Imħallef tal-investigazzjonijiet preliminari tat-Tribunal ta’ Lecce), kien tali li jipprekludi, matul l-ewwel parti tas-sena 2016, it-tneħħija ta’ siġar taż-żebbuġ infettati fiż-żona kkonċernata kollha, hemm lok, madankollu, li jiġi kkonstatat, hekk kif sostniet il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet validament ikkontestata mill-Gvern Taljan, li l-awtoritajiet Taljani, wara t-tneħħija ta’ dan is-sekwestru prekawzjonarju ma adottawx il-miżuri immedjati meħtieġa fl-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata.

48

Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jintlaqa’.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata

L-argumenti tal-partijiet

49

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Taljana li ma osservatx l-obbligu li timmonitorja l-preżenza tal-batterju Xf fil-medda ta’ 20 kilometru miż-żona ta’ trażżin, skont l-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata.

50

F’dan il-każ, għas-sena 2016, l-investigazzjoni intiża sabiex tiskopri l-preżenza tal-batterju Xf bdiet f’Awwissu 2016 u ntemmet fix-xahar ta’ Mejju 2017. Fir-rigward tal-investigazzjoni mwettqa abbażi tal-eżerċizzju ta’ sorveljanza relatat mas-sena 2017, hija bdiet fix-xahar ta’ Lulju 2017 u spiċċat fix-xahar ta’ April 2018. Għalhekk, dawn l-investigazzjonijiet ġew parzjalment imwettqa f’mumenti tas-sena li ma humiex xierqa għall-iskoperta tas-sintomi ta’ infezzjoni fuq il-pjanti u s-siġar b’weraq li jaqgħu, jiġifieri matul ix-xhur tax-xitwa, meta s-siġar u l-pjanti erbaċej b’weraq li jaqgħu ma jkollhomx iktar weraq. Konsegwentement, l-effikaċja tal-ispezzjonijiet viżivi, bħala mezz ta’ detezzjoni ta’ każijiet suspettużi ta’ infezzjoni, instabet kompromessa.

51

Issa, l-obbligu li titwettaq investigazzjoni annwali “fiż-żminijiet rilevanti ta’ kull sena”, fis-sens tal-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, jeżiġi, konformement mal-għan tagħha u tad-Direttiva 2000/29, li huwa dak li jiġi prekluż it-tixrid tal-marda, li din l-investigazzjoni titwettaq matul perijodu tas-sena li fih din il-marda tista’ tiġi skoperta, jiġifieri, fir-rigward tas-siġar taż-żebbuġ, matul il-perijodu tas-sajf. Barra minn hekk, fid-dawl tal-obbligu li jiġi pprovdut rapport sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru u sabiex ikunu jistgħu jiġu eliminati l-pjanti infettati qabel il-wasla tar-rebbiegħa, iż-żmien li fih l-insett vettur tal-batterju Xf jibda jinfirex, l-investigazzjoni għandha tingħalaq qabel it-tmiem tas-sena.

52

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata tobbliga għalhekk lill-Istati Membri sabiex itemmu l-kampanja tagħhom ta’ monitoraġġ annwali b’mod li jkunu jistgħu jippreżentaw rapport u pjan ta’ azzjoni ġdid għas-sena ta’ wara qabel l-aħħar tax-xahar ta’ Diċembru. Din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tindika b’mod ċar li l-monitoraġġ għandu jsir fil-mument mhux biss l-iktar xieraq fuq il-livell xjentifiku sabiex jiġu ddeterminati s-siġar infettati, iżda wkoll f’dak li jiggarantixxi li s-siġar jistgħu jinqatlu immedjatament u b’mod ċert qabel ma jibda l-istaġun tat-titjira segwenti.

53

Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-bidu tal-monitoraġġ għax-xahar ta’ Awwissu 2016 jikkoinċidi mal-perijodu kkunsidrat bħala ottimali għall-parti l-kbira tal-ospitanti ta’ Xf, jiġifieri l-perijodu meta s-sintomi tipiċi tat-tnixxif tal-weraq jimmanifestaw ruħhom fuq il-weraq li waslu għall-maturità.

54

Barra minn hekk, l-infezzjonijiet ikkawżati minn Xf kienu differenti mis-sintomi tagħhom u l-gravità tagħhom skont l-ospitanti u s-subspeċi tal-batterju. B’hekk, fil-każ tas-siġar taż-żebbuġ, il-leżjonijiet ikkawżati mill-infezzjoni ma humiex fil-forma ta’ sintomi tipiċi tan-nixfa tal-weraq li waslu fl-aħħar tal-istaġun tas-sajf, iżda prinċipalment taħt dik ta’ nixfa tipika tal-friegħi li jaffettwaw numru bejn wieħed u ieħor għoli ta’ fergħat.

55

Issa, il-provi miġbura fuq l-art jindikaw li s-sintomi jistgħu jimmanifestaw ruħhom matul is-sena kollha. Dan jirriżulta wkoll mil-linji gwida dwar l-investigazzjoni dwar il-preżenza ta’ Xf fit-territorju tal-Unjoni, tas-16 ta’ Diċembru 2015, tad-Direttorat Ġenerali tas-Saħħa u tas-Sigurtà fl-Ikel tal-Kummissjoni, ippubblikati fuq is-sit internet tagħha. Barra minn hekk, l-infezzjonijiet ikkawżati matul l-istaġun tas-sajf jistgħu jiġu identifikati fuq is-siġar taż-żebbuġ mit-tielet xahar wara t-trażmissjoni eventwali. Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġi rrilevati b’mod bikri, matul il-perijodu tax-xitwa, l-infezzjonijiet li kienu fl-istadju inizjali u li seħħew matul l-istaġun tas-sajf preċedenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Skont l-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, l-Istat Membru kkonċernat kellu l-obbligu li jimmonitorja s-sitwazzjoni dwar il-preżenza tal-organiżmu speċifikat billi jmexxi investigazzjonijiet annwali “fiż-żminijiet rilevanti ta’ kull sena” fil-medda ta’ 20 kilometru miż-żona ta’ trażżin.

57

Għalkemm din id-dispożizzjoni ma timponix, skont il-formulazzjoni tagħha, li l-investigazzjonijiet annwali inkwistjoni jseħħu f’mument definit tas-sena, biex b’hekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jitħallielhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, jibqa’ l-fatt li, skont din l-istess formulazzjoni, dawn l-investigazzjonijiet annwali għandhom isiru f’mument “rilevanti”.

58

Issa, fid-dawl tal-għan imfittex mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, u, b’mod partikolari, mill-miżuri ta’ trażżin imsemmija fl-Artikolu 7(2)(c) tagħha, li, hekk kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, huwa li jiġi evitat it-tixrid tal-batterju Xf, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija investigazzjonijiet għandhom jitwettqu f’perijodu tas-sena li jippermetti kemm l-identifikazzjoni tal-infezzjoni tal-pjanti kif ukoll l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ trażżin ta’ din l-infezzjoni, li tikkonsisti, skont din id-dispożizzjoni, f’li ssir it-tneħħija immedjata tal-pjanti infettati.

59

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-investigazzjoni mwettqa abbażi tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ tas-sena 2016 sabiex tiġi identifikata l-preżenza tal-batterju Xf fil-medda ta’ 20 kilometru taż-żona ta’ trażżin inbdiet fix-xahar ta’ Awwissu 2016 sabiex tintemm fix-xahar ta’ Mejju 2017.

60

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni korrettement il-Kummissjoni, tali investigazzjoni, magħluqa matul ir-rebbiegħa, li tikkorrispondi mal-istaġun ta’ titjir tal-insetti vetturi u, li ma huwiex ikkontestat, għall-perijodu ta’ teħid tal-fażi tal-firxa tal-batterju Xf, tpoġġi, fil-prattika, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-impossibbiltà li jwettqu l-implimentazzjoni utli tal-miżuri ta’ trażżin fil-medda ta’ 20 kilometru taż-żona ta’ trażżin billi jitneħħew il-pjanti infettati qabel il-bidu ta’ dan il-perijodu ta’ tixrid.

61

Għaldaqstant, anki jekk jitqies, kif issostni r-Repubblika Taljana, li l-batterju Xf jista’ jiġi skopert matul is-sena kollha, ħaġa li l-Kummissjoni tikkontesta, jibqa’ l-fatt li l-investigazzjoni annwali prevista fl-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata għandha tintemm f’mument bikri biżżejjed tas-sena qabel il-bidu tar-rebbiegħa sabiex tippermetti, konformement mar-rekwiżit previst fil-paragrafu 2(c) ta’ dan l-artikolu, it-tneħħija fi żmien utli tal-pjanti infettati.

62

It-tieni lment tar-rikors, għalhekk, għandu jiġi milqugħ.

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq nuqqas persistenti u ġenerali ta’ obbligu li jiġu adottati l-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-batterju Xf

L-argumenti tal-partijiet

63

Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Taljana b’nuqqas ta’ twettiq persistenti u ġenerali tal-obbligu li tevita t-tixrid ta’ Xf, li huwa kkonkretizzat permezz ta’ ksur repetut u distint tal-miżuri stabbiliti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata. Dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jmur mhux biss kontra l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2), (7) u (9), kif ukoll mill-Artikolu 7(2)(c) u (7) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, iżda wkoll kontra l-obbligu fundamentali stabbilit fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29 kif ukoll kontra l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE.

64

Nuqqas ġenerali u persistenti ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jiġi kkonstatat mhux biss meta Stat Membru ma josservax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni dwar sitwazzjonijiet speċifiċi li għalihom ikun instab rimedju qabel ma l-proċedura ta’ ksur tkun avvanzata biżżejjed, iżda wkoll, u iktar u iktar, meta, bħal f’dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx irrimedja n-nuqqasijiet preċedenti, dawn wasslu għat-tixrid ta’ batterju u kienu, għalhekk, imponew emenda tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda ż-żoni speċifiċi suġġetti għall-obbligi ta’ qerda u ta’ trażżin.

65

B’hekk, f’dan il-każ, il-limitazzjoni tal-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi speċifiċi li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni applikabbli għaż-żoni kkonċernati f’mument determinat twassal, għall-Kummissjoni, sabiex tipprova tilħaq mira mobbli. Issa, l-għan imfittex ta’ din l-istituzzjoni huwa li jinqered il-batterju Xf jew, tal-inqas, li jitwaqqaf it-tixrid barra miż-żona attwalment infettata. Konsegwentement, l-obbligu fundamentali tat-tneħħija tal-pjanti infettati jibqa’ l-istess matul iż-żmien, anki jekk huwa kellu japplika għal żoni differenti bis-saħħa tad-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni suċċessivi. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ma teżentax lill-Istati Membri mill-obbligu fundamentali tagħhom, li jirriżulta mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29, li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jevitaw it-tixrid tal-batterju Xf.

66

Il-fatt li l-awtoritajiet Taljani naqsu, b’mod persistenti, milli jneħħu immedjatament il-pjanti infettati sa min-notifika, fix-xahar ta’ Ottubru 2013, tal-ewwel tifqigħa misjuba fl-estrem tan-Nofsinhar tar-Reġjun ta’ Puglia, ftit ftit ippermetta lill-batterju Xf sabiex jinfirex tul l-“għarqub tal-buz Taljan”. Din il-firxa kienet aggravata minħabba n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-awtoritajiet Taljani li kellhom l-obbligu li jwettqu, fi żmien xieraq, investigazzjonijiet annwali qabel il-bidu tal-istaġun tat-titjir tal-insett vettur.

67

B’hekk, id-data trażmessa matul is-sena 2018 mill-awtoritajiet Taljani dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni mwettqa, b’dewmien, għas-sena 2017 fiż-żona ta’ trażżin, tiżvela l-preżenza ta’ diversi eluf ta’ siġar infettati u turi, għal darba oħra, id-dewmien kunsiderevoli meħud għall-qtil ta’ siġar infettati matul il-perijodu tat-titjir tal-insett vettur. B’mod partikolari, din id-data, bħal dik li tinsab fir-rapport ta’ verifika tal-2018, turi l-persistenza, matul l-istaġun tat-titjir tal-insetti vetturi matul is-sena 2018, ta’ numru għoli ta’ siġar infettati mhux maqtugħa, fatt li kkontribwixxa għat-tixrid tal-batterju Xf. Peress li ż-żona ta’ trażżin u ż-żona ta’ protezzjoni previsti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata ma kinux jissodisfaw iktar, f’tali kuntest, il-funzjonijiet tagħhom, dawn iż-żoni kienu ġew imċaqalqa darbtejn lejn it-Tramuntana. Dan l-ispostament juri li l-batterju Xf inxtered mill-provinċja ta’ Lecce fit-territorju kollu tal-provinċji ta’ Brindisi u ta’ Taranto.

68

Is-sempliċi fatt li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma kinux f’pożizzjoni li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu l-okkorrenza ta’ sitwazzjoni speċifika, bħalma huwa d-deterjorament tal-ambjent, huwa, waħdu, il-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. B’hekk, it-tixrid tal-batterju Xf fir-reġjun kollu ta’ Puglia u ta’ direzzjoni għall-kumplament tal-kontinent bejn is-snin 2013 u 2018, mingħajr ma l-awtoritajiet Taljani kienu f’pożizzjoni li jipprekluduh, huwa biżżejjed sabiex juri li dawn tal-aħħar kontinwament naqsu milli jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jevitaw it-tixrid ta’ Xf, bi ksur tar-regoli msemmija fit-tielet ilment.

69

Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-firxa progressiva tal-infezzjoni fit-territorju tar-Reġjun ta’ Puglia, li hija manifestament mhux mixtieqa fil-perspettiva tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, ma hijiex imputabbli esklużivament għaliha u ma tistax, fiha nnifisha, turi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġenerali u persistenti mwettaq minn dan l-Istat Membru.

70

Din il-firxa hija, fil-fatt, fenomenu naturali li, bħala tali, ma jistax jiġi evitat awtomatikament permezz tal-azzjoni umana, iżda li jista’ jiġi kkontrollat u mnaqqas biss. Għalkemm l-attività ta’ leġiżlazzjoni, ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni tal-miżuri eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jiġu implimentati sabiex jiġi limitat it-tixrid tal-batterju, ma jkunx raġonevoli li jiġi ddikjarat li din l-attività għandha fiha nnifisha tevita t-tixrid mhux mixtieq tal-infezzjoni. Fil-fatt, din tiddependi preċiżament fuq fatturi li huma wkoll eżoġeni għall-azzjoni tal-amministrazzjoni u, fi kwalunkwe każ, intrinsiċi għan-natura stess tal-fenomenu infettiv fitosanitarju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-fatt stess li l-batterju Xf ma waqafx jinfirex mis-sena 2013 fir-Reġjun ta’ Puglia u li, għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma laħqitx ir-riżultat previst mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata juri li dan l-Istat Membru wettaq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġenerali u persistenti li jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jitwaqqaf it-tixrid ta’ dan il-batterju.

72

Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi l-ksur repetut mir-Repubblika Taljana kemm tal-obbligi speċifiċi previsti fl-Artikolu 7(2)(c) u (7) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, li kienu s-suġġett tal-ewwel żewġ ilmenti, kif ukoll dawk previsti fl-Artikolu 6(2), (7) u (9) tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Minħabba f’hekk, dan l-Istat Membru qiegħed jikser ukoll l-obbligu fundamentali stabbilit fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29 kif ukoll l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE.

73

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tilħaq fl-istess ħin il-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-attitudni adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet konkreti, li huma identifikati b’mod speċifiku, u dak tan-nuqqasijiet ta’ osservanza tal-imsemmija dispożizzjonijiet minħabba l-fatt li prassi ġenerali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet tkun ġiet adottata minn dawn l-awtoritajiet, li l-imsemmija sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom huma, jekk ikun il-każ, l-illustrazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 27, u tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 33).

74

Fil-fatt, prassi amministrattiva tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta hija tippreżenta ċertu livell ta’ kostanza u ta’ ġeneralità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑387/99, EU:C:2004:235, punt 28; tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 28; kif ukoll tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑135/05, EU:C:2007:250, punt 21).

75

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ir-rikors huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ natura ġenerali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-fatt li jkunu ġew irrimedjati n-nuqqasijiet irrilevati f’dan jew tali każ partikolari ma għandux neċessarjament bħala konsegwenza li l-atteġġjament ġenerali u kontinwu ta’ dawn l-awtoritajiet, li juru, jekk ikun il-każ, tali nuqqasijiet speċifiċi, intemm. F’dan il-każ, il-produzzjoni ta’ elementi addizzjonali intiżi, fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex isostnu l-ġeneralità u l-konsistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk allegat ma jistax għalhekk jiġi eskluż fil-prinċipju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2005, il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punti 3237; tal-5 ta’ April 2017, il-Kummissjoni vs il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 42; kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni vs il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punti 4748).

76

B’mod partikolari, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat persistenti jista’ jiġi estiż għall-fatti sussegwenti għall-opinjoni motivata sa fejn dawn huma tal-istess natura u jikkostitwixxu l-istess aġir bħall-fatti koperti minn din l-opinjoni (sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 43, kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 49).

77

Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni, kif hija ssostni insostenn ta’ dan l-ilment, tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonsisti f’li ma jintlaħaqx ir-riżultat intiż minn att tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Wara li ġie ppreċiżat dan, jibqa’ l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija trid tipproduċi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe allegazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 48, u tat-2 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Kroazja (Décharge de Biljane Donje), C‑250/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:343, punt 33).

79

B’hekk, ċertament, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-persistenza ta’ sitwazzjoni ta’ fatt li twassal għal degradazzjoni sinjifikattiva tal-ambjent matul perijodu estiż mingħajr intervent tal-awtoritajiet kompetenti tista’ turi li l-Istati Membri eċċedew il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom minn dispożizzjoni speċifika ta’ direttiva sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fil-prinċipju, ma huwiex possibbli li jiġi dedott direttament min-nuqqas ta’ konformità ta’ sitwazzjoni fattwali ma’ dan l-għan li l-Istat Membru kkonċernat ikun neċessarjament naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑135/05, EU:C:2007:250, punt 37, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja, C‑140/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:501, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80

B’mod partikolari, fid-dawl tal-obbligu li hija għandha, imfakkar fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, li tipprova l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma tistax, bl-iskuża li tikkritika lill-Istat Membru kkonċernat dwar nuqqas ta’ twettiq ġenerali u persistenti ta’ obbligi li għalihom dan tal-aħħar huwa obbligat skont id-dritt tal-Unjoni minħabba li r-riżultat assenjat minnu ma jkunx intlaħaq, ma tosservax dan l-obbligu li tipproduċi l-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat abbażi ta’ elementi konkreti li jikkaratterizzaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li hija tinvoka u tibbaża ruħha fuq sempliċi preżunzjonijiet jew kawżali skematiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 78).

81

Għaldaqstant, f’dan il-każ, is-sempliċi fatt li r-riżultat imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata ma ntlaħaqx ma jippermettix lill-Kummissjoni li tiddeduċi l-ksur mir-Repubblika Taljana tal-obbligi speċifiċi imposti minn din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni sabiex tasal għal dan ir-riżultat, ħlief sabiex turi, barra minn hekk, billi bbażat ruħha fuq provi konkreti, li dan l-Istat Membru effettivament wettaq tali ksur.

82

Issa, għalkemm jirriżulta mill-eżami tal-ewwel żewġ ilmenti li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-ksur mir-Repubblika Taljana tal-obbligi speċifiċi previsti fl-Artikolu 7(2)(c) u (7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata u jekk il-provi mressqa minnha insostenn tat-tielet ilment, b’mod partikolari r-rapport ta’ verifika tal-2018, juru li dan il-ksur kompla wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, din l-istituzzjoni ma ġabet ebda prova konkreta li tista’ turi l-ksur minn dan l-Istat Membru tal-obbligi speċifiċi previsti fl-Artikolu 6(2), (7) u (9) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

83

Madankollu, il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar li jikkonċernaw il-miżuri ta’ qerda fiż-żona delimitata, li tinkludi ż-żona infettata u ż-żona ta’ protezzjoni, li jirrigwardaw kemm il-pjanti infettati kif ukoll il-pjanti f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati, b’mod partikolari, il-pjanti ospitanti tal-batterju Xf, ikun xi jkun l-istat sanitarju tagħhom, ma jista’ fl-ebda każ jiġi stabbilit permezz ta’ elementi li juru l-ksur tad-dispożizzjonijiet distinti previsti fl-Artikolu 7(2)(c) u (7) tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, li jirrigwardaw biss il-pjanti infettati fil-medda ta’ 20 kilometru miż-żona ta’ trażżin, li hija l-unika żona infettata u tikkostitwixxi biss parti minnha.

84

Minn dan jirriżulta li, billi allegat li l-ksur, mir-Repubblika Taljana, tal-obbligi speċifiċi previsti fl-Artikolu 6(2), (7) u (9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 tal-konstatazzjoni li l-batterju Xf ma waqafx jinfirex mis-sena 2013 fir-Reġjun ta’ Puglia, il-Kummissjoni tasal sabiex tippreżumi l-eżistenza ta’ tali ksur kif ukoll ta’ rabta kawżali bejn dan u t-tixrid tal-batterju Xf.

85

Issa, fin-nuqqas ta’ tali provi konkreti tal-ksur ta’ dawn l-obbligi speċifiċi, ma jistax jiġi eskluż li, kif issostni ġustament ir-Repubblika Taljana, il-firxa tal-batterju Xf tirriżulta, tal-inqas parzjalment, minn ċirkustanzi oħra għajr ksur tal-imsemmija obbligi minn dan l-Istat Membru.

86

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-Repubblika Taljana kisret repetutament l-obbligi speċifiċi previsti fl-Artikolu 6(2), (7) u (9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata.

87

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni lanqas ma tista’ takkuża lir-Repubblika Taljana li wettqet ksur tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29 u tal-Artikolu 4(3) TUE, billi l-ilmenti fformulati f’dan ir-rigward minn din l-istituzzjoni huma bbażati, bl-istess mod, fuq is-sempliċi fatt tal-firxa tal-batterju Xf mis-sena 2013 fir-Reġjun ta’ Puglia.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-Repubblika Taljana wettqet nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġenerali u persistenti li tadotta l-miżuri neċessarji sabiex twaqqaf it-tixrid tal-batterju Xf minħabba ksur repetut u distint tal-miżuri previsti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata.

89

Konsegwentement, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

90

Rigward il-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana:

billi naqset milli tiżgura, fiż-żona ta’ trażżin, li ssir immedjatament it-tneħħija ta’ mill-inqas il-pjanti kollha infettati mill-Xf jekk jinsabu fiż-żona infettata sa distanza massima ta’ 20 kilometru mid-demarkazzjoni bejn din iż-żona infettata u l-bqija tat-territorju tal-Unjoni, kisret l-obbligi li jaqgħu fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/789 emendata, u

billi naqset milli tiggarantixxi, ukoll fiż-żona ta’ trażżin, il-monitoraġġ tal-preżenza ta’ Xf billi tmexxi stħarriġ annwali mwettaq f’mumenti opportuni tas-sena, naqset mill-obbligi li jaqgħu fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 7(7) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

91

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Fil-kawża preżenti, peress li l-partijiet tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Repubblika Taljana,

billi naqset milli tiżgura, fiż-żona ta’ trażżin, li ssir immedjatament it-tneħħija ta’ mill-inqas il-pjanti kollha li l-infezzjoni tagħhom minn Xylella fastidiosa ġiet ikkonstatata jekk dawn ikunu nstabu fiż-żona infettata f’distanza massima ta’ 20 kilometru mid-demarkazzjoni bejn din iż-żona infettata u l-bqija tat-territorju tal-Unjoni, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 tat-18 ta’ Mejju 2015 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et) kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/764 tat-12 ta’ Mejju 2016, u

billi naqset milli tiggarantixxi, fiż-żona ta’ trażżin, il-monitoraġġ tal-preżenza ta’ Xylella fastidiosa billi tmexxi stħarriġ annwali mwettaq f’mumenti opportuni tas-sena, naqset mill-obbligi li jaqgħu fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 7(7) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.