SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Appell – Rikors għad-danni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Tul eċċessiv tal-proċedura fil-kuntest ta’ kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘impriża unika’ – Danni materjali – 70721/Spejjeż ta’ garanzija bankarja – Rabta kawżali – Lucrum cessans – Dannu immaterjali – Responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali – Nuqqas ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà”

Fil-Kawżi magħquda C‑447/17 P u C‑479/17 P,

li għandha bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati, rispettivament, fil-25 ta’ Lulju 2017 u fit-8 ta’ Awwissu 2017,

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn J. Inghelram u K. Sawyer, sussegwentement minn J. Inghelram, bħala aġenti (C‑447/1 P),

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Guardian Europe Sàrl, stabbilita f’Bertrange (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn C. O’Daly, Solicitor, u F. Louis, avocat,

konvenuta fl-ewwel istanza,

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, A. Dawes u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza (C‑447/17 P),

u

Guardian Europe Sàrl, stabbilita f’Bertrange, irrappreżentata minn C. O’Daly, Solicitor, u F. Louis, avocat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Inghelram u minn K. Sawyer, bħala aġenti, sussegwentement, minn J. Inghelram, bħala aġenti,

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, A. Dawes u P. van Nuffel, bħala aġenti,

konvenuti fl-ewwel istanza (C‑479/17 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot, E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, minn naħa, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C‑447/17 P), u, min-naħa l-oħra, Guardian Europe Sàrl (C‑479/17 P) jitolbu l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (T‑673/15, iktar’ il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:377), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, ikkundannat lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex tħallas kumpens għal ammont ta’ EUR 654 523.43 lil Guardian Europe bħala dannu materjali mġarrab minn din il-kumpannija minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494) (iktar ’il quddiem il-“Kawża T‑82/08”), u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

Il-kuntest ġuridiku

L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2

L-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata, kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment kif ukoll mid-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà.

Dan l-appell jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha […]”

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

3

Skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]t-talbiet tar-risposta għall-appell għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqa’ jewjiġi miċħud, totalmentjew parzjalment, l-appell”.

4

L-Artikolu 176 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 172 ta’ dawn ir-Regoli jistgħu jippreżentaw appell inċidentali fl-istess terminu bħal dak previst għall-preżentata tar-risposta għall-appell.

2.   L-appell inċidentali għandu jsir permezz ta’ att separat, distint mir-risposta għall-appell.”

5

L-Artikolu 178 tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“1.   It-talbiet tal-appell inċidentali għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

2.   Dawn it-talbiet jistgħu jkunu intiżi wkoll għall-annullament ta’ deċiżjoni, espliċita jew impliċita, dwar l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

6

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2008, Guardian Industries Corp. u Guardian Europe ppreżentaw rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5791 finali tat-28 ta’ Novembru 2007 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39165 – Ħġieġ ċatt) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Fir-rikors tagħhom, dawn il-kumpanniji talbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali tannulla parzjalment din id-deċiżjoni sa fejn kienet tikkonċernahom u tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom mill-imsemmija deċiżjoni.

7

Permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

8

Permezz ta’ att ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe ppreżentaw appell kontra s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494).

9

Permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12, EU:C:2014:2363), l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), sa fejn din is-sentenza kienet ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Guardian Industries u fuq Guardian Europe u kienet ikkundannat lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn dan l-Artikolu 2 kien stabbilixxa l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Guardian Industries u fuq Guardian Europe għas-somma ta’ EUR 148000000. It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet is-somma ta’ EUR 103600000 bħala l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Guardian Industries u fuq Guardian Europe minħabba l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-kumplament tal-appell. Il-ħames nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qasmet l-ispejjeż.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2015, Guardian Europe ppreżentat rikors ibbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE u fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE kontra l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li din il-kumpannija qieset li ġarrbet minħabba, minn naħa, tul eċċessiv tal-proċedura, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-Kawża T‑82/08, u, min-naħa l-oħra, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-deċiżjoni kontenzjuża u fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494).

11

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qatgħet u ddeċidiet:

“1)

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas kumpens ta’ EUR 654523.43 lil Guardian Europe […] bħal danni materjali subiti minn din il-kumpannija minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-[Kawża T‑82/08]. Dan il-kumpens għandu jiġi evalwat mill-ġdid b’interessi kumpensatorji, dekorribbli mis-27 ta’ Lulju 2010 sal-għoti ta’ din is-sentenza, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali stabbilita, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istati Membru li fih hija stabbilita din il-kumpannija.

2)

Il-kumpens imsemmi fil-punt 1) għandu jiżdied bl-interessi moratorji, mill-għoti tas-sentenza odjerna sal-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)

Guardian Europe għandha tbati l-ispejjeż tal-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni.

5)

Guardian Europe, minn naħa, u l-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.”

It-talbiet tal-partijiet

12

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑447/17 P, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tiċħad bħala infondata t-talba ta’ Guardian Europe, ifformulata fl-ewwel istanza, intiża sabiex jinkiseb kumpens għal ammont ta’ EUR 936000 bħala spejjeż ta’ garanzija bankarja bħala kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-Kawża T‑82/08 jew, sussidjarjament, li tnaqqas dan il-kumpens għal ammont ta’ EUR 299 251.64, flimkien mal-interessi kumpensatorji kkalkolati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan l-ammont huwa kompost minn ammonti differenti li skadew f’mumenti differenti fiż-żmien, u

tikkundanna lil Guardian Europe għall-ispejjeż.

13

Guardian Europe titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

14

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell għal dawn l-elementi kollha u

tikkundanna lil Guardian Europe għall-ispejjeż.

15

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑479/17 P, Guardian Europe titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-punt 3 tad-dispożittiv tagħha ċaħad parzjalment it-talba għad-danni ta’ Guardian Europe bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex tikkumpensa d-dannu li hija ġarrbet minħabba l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tar-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, billi tħallasha l-ammonti li ġejjin, flimkien, minn naħa, ma’ interessi kumpensatorji dekorribbli mis-27 ta’ Lulju 2010 sad-data tas-sentenza li tiddeċiedi dwar dan l-appell, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat fl-Istat Membru fejn Guardian Europe hija stabbilita, u, min-naħa l-oħra, flimkien ma’ interessi moratorji dekorribbli mid-data tas-sentenza li tiddeċiedi l-appell preżenti, bir-rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali:

EUR 1388000 bħala spejjeż ta’ opportunità jew tal-lucrum cessans;

EUR 143 675.78 bħala spejjeż ta’ garanzija bankarja;

ammont stabbilit fil-forma ta’ perċentwali xierqa tal-multa imposta fuq Guardian Europe fid-deċiżjoni kontenzjuża bħala dannu immaterjali;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex tikkumpensa d-dannu li hija ġarrbet minħabba l-ksur, mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi tħallasha l-ammonti li ġejjin, flimkien, minn naħa, ma’ interessi kumpensatorji li jiddekorru mid-19 ta’ Novembru 2010 sad-data tas-sentenza li tiddeċiedi l-appell preżenti, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata, għall-perijodu kkonċernat, minn Eurostat fl-Istat Membru fejn Guardian Europe hija stabbilita, u, min-naħa l-oħra, flimkien ma’ interessi moratorji li jiddekorru mid-data tas-sentenza li tiddeċiedi l-appell preżenti, bir-rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu, miżjuda b’żewġ punti perċentwali:

EUR 7712000 bħala spejjeż ta’ opportunità jew tal-lucrum cessans;

ammont stabbilit fil-forma ta’ perċentwali xierqa tal-multa imposta fuq Guardian Europe fid-deċiżjoni kontenzjuża bħala dannu immaterjali;

sussidjarjament, li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għall-ispejjeż.

16

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lil Guardian Europe għall-ispejjeż.

17

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell sa fejn huwa ppreżentat kontra l-Kummissjoni u

tikkundanna lil Guardian Europe għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni.

18

Permezz tal-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C‑479/17 P, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għal kumpens ta’ lucrum cessans;

tiddikjara inammissibbli t-talba għal kumpens ta’ lucrum cessans ifformulata minn Guardian Europe, u

tikkundanna lil Guardian Europe għall-ispejjeż.

19

Guardian Europe titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell inċidentali u

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għall-ispejjeż.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, tat-3 ta’ Ġunju 2019, il-Kawżi C‑447/17 P u C‑479/17 P ingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq l-appell fil-Kawża C‑447/17 P

21

Fl-appell tagħha fil-Kawża C‑447/17 P, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tqajjem erba’ aggravji. Madankollu, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Jannar 2019, hija rrinunzjat għall-ewwel, għat-tielet u għar-raba’ aggravju mqajjem insostenn tal-appell tagħha.

L-argumenti tal-partijiet

22

Insostenn tat-tieni u, wara r-rinunzja parzjali tagħha, uniku aggravju mqajjem insostenn tal-appell tagħha, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appellanti fil-Kawża C‑447/17 P, issostni li, billi qieset, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 u d-dannu subit minn Guardian Europe minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”.

23

B’mod partikolari, l-appellanti fil-Kawża C‑447/17 P tqis li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li l-għażla li tiġi kkostitwita garanzija bankarja tiġi eżerċitata biss f’mument partikolari, jiġifieri fil-mument tal-“għażla inizjali” li tiġi kkostitwita din il-garanzija. Issa, peress li l-obbligu li titħallas il-multa kien jeżisti matul il-proċedura kollha quddiem il-qrati tal-Unjoni, Guardian Europe kellha l-possibbiltà li tħallas il-multa u b’hekk teżegwixxi l-obbligu tagħha f’dan ir-rigward. Billi kellha l-possibbiltà li f’kull mument tħallas il-multa, l-għażla stess imwettqa minn din il-kumpannija li tissostitwixxi dan il-pagament permezz ta’ garanzija bankarja hija għażla kontinwa, li hija twettaq matul il-proċedura kollha. Għaldaqstant, ir-raġuni determinanti tal-pagament tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja hija l-għażla tagħha stess li ma tħallasx l-ammont kollu tal-multa u li tissostitwixxi dan il-pagament permezz ta’ garanzija bankarja, u mhux il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza.

24

Barra minn hekk, il-fatti f’din il-kawża jikkonfermaw din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 156 tas-sentenza appellata, Guardian Europe kienet annullat il-garanzija bankarja fit-2 ta’ Awwissu 2013, f’data li ma kellha ebda rabta mal-proċedura pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni, jiġifieri għaxar xhur wara l-għoti tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), u sittax-il xahar qabel l-għoti tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363).

25

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, taderixxi mal-argumenti invokati mill-appellanti fil-Kawża C‑447/17 P.

26

Guardian Europe, appellata fil-Kawża C‑447/17 P, issostni li d-dewmien tal-Qorti Ġenerali kien, f’dan il-każ, l-unika raġuni għall-oriġini tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja supplimentari li din il-kumpannija kellha tbati, billi ebda responsabbiltà ma kienet ġiet imposta fuqha f’dan ir-rigward. F’dan il-kuntest, Guardian Europe tenfasizza li hija ma kisret ebda dispożizzjoni legali meta ddeċidiet li tipprovdi garanzija bankarja lill-Kummissjoni, peress li din l-għażla kienet, għall-kuntrarju, kompletament legali. Għaldaqstant, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-għażla legali li tikkostitwixxi garanzija bankarja kienet torbot ir-“responsabbiltà” ta’ Guardian Europe, ir-rikors għal ksur tad-drittijiet protetti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ikun imċaħħad minn kull effettività meta impriża tkun għażlet li tkopri parti mill-multa tagħha permezz ta’ garanzija.

27

Guardian Europe tirrileva li teżisti distinzjoni bejn, minn naħa, l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja sostnuti matul it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (T‑28/03, EU:T:2005:139), kif ukoll mid-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni (T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377), ma humiex irkuprabbli, u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja sostnuti wara l-imsemmi terminu.

28

F’dan ir-rigward, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-punt 62 tas-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (T‑28/03, EU:T:2005:139), Guardian Europe tenfasizza li waħda mir-raġunijiet prinċipali li għaliha l-qrati tal-Unjoni Ewropea ddeċidew li l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja ma jistgħux jiġu rkuprati meta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa hija annullata tinsab fil-fatt li l-ispejjeż marbuta mal-garanzija bankarja diġà sostnuti kellhom jitħallsu lill-banek, irrispettivament mill-eżitu finali tar-rikors għal annullament. Issa, dan ir-raġunament b’mod ċar ma jistax ikun applikabbli għal din il-kawża peress li Guardian Europe ma kellhiex tħallas spejjeż ta’ garanzija bankarja supplimentari kieku l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet fuq ir-rikors tagħha f’terminu raġonevoli.

29

Guardian Europe tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argumenti mressqa mill-appellanti fil-Kawża C‑447/17 P f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-għażla li tiġi kkostitwita garanzija bankarja bħala “għażla kontinwa” u li tikkonferma l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 160 tas-sentenza appellata.

30

Guardian Europe żżid li, skont id-dritt tal-Istati Membri, ir-rabta kawżali ma tinkisirx ħlief jekk l-aġir tal-vittma huwa kkaratterizzat minn nuqqas. Issa, f’dan il-każ, l-aġir ta’ din il-kumpannija ma jistax jitqies li jikkostitwixxi nuqqas peress li hija pprovat b’mod attiv li tħaffef il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u kienet ikkuntattjat diversi drabi r-reġistru sabiex tinforma ruħha dwar l-istat tal-proċedura.

31

Guardian Europe titlob, għalhekk, li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Għandu jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali magħmula fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tagħha, b’tali mod li l-aġir ikkritikat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 huwiex ir-raġuni determinanti tad-dannu li jirriżulta mill-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir ikkritikat lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u d-dannu allegat.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat kontra l-Kummissjoni, intiż sabiex jinkiseb, b’mod partikolari, ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ garanzija magħmula mir-rikorrenti sabiex tinkiseb is-sospensjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-ħlasijiet lura inkwistjoni, deċiżjonijiet li sussegwentement ġew irtirati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta deċiżjoni li timponi l-ħlas ta’ multa tinkludi l-fakultà li tingħata garanzija ddestinata li tiggarantixxi dan il-pagament u l-interessi moratorji, sakemm ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni jasal fi tmiem, id-dannu li jikkonsisti fl-ispejjeż ta’ garanzija ma jirriżultax minn din id-deċiżjoni, iżda mill-għażla stess tal-persuna kkonċernata li tikkostitwixxi garanzija pjuttost milli teżegwixxi immedjatament l-obbligu ta’ rimbors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ma kienet teżisti ebda rabta kawżali diretta bejn l-aġir li l-Kummissjoni ġiet ikkritikata bih u d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑KummissjoniC‑460/09 P, EU:C:2013:111, punti 118 u 120).

35

Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li r-rabta bejn l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 u l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li kien jikkorrispondi ma’ din l-iskadenza ma setgħetx ġiet miksura minħabba l-għażla inizjali ta’ Ġuardian Europe li ma tħallasx immedjatament parti mill-multa imposta mid-deċiżjoni kontenzjuża u li tikkostiwtixxi garanzija bankarja.

36

B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta minn dan il-punt 160 tas-sentenza appellata, iż-żewġ ċirkustanzi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tasal għall-konklużjoni stabbilita fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, huma, minn naħa, li, fid-data li fiha Guardian Europe ppreżentat ir-rikors tagħha fil-Kawża T‑82/08 u f’dik li fiha din il-kumpannija kkostitwixxiet garanzija bankarja, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kien imprevedibbli u li din il-kumpannija setgħet leġittimament tistenna li dan ir-rikors jiġi ttrattat f’terminu raġonevoli u, min-naħa l-oħra, li l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza seħħet wara l-għażla inizjali ta’ Guardian Europe li tikkostitwixxi din il-garanzija.

37

Issa, dawn iż-żewġ ċirkustanzi ma jistgħux ikunu rilevanti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rabta kawżali bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, fil-kuntest tal-Kawża T‑82/08, u d-dannu subit minn Guardian Europe, minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, ma setgħetx ġiet miksura minħabba l-għażla ta’ din l-impriża li tikkostitwixxi din il-garanzija (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 57).

38

Fil-fatt, dan ikun il-każ biss jekk iż-żamma tal-garanzija bankarja jkollha natura obbligatorja, b’tali mod li l-impriża li tkun ippreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa, u li tkun għażlet li tikkostitwixxi garanzija bankarja sabiex ma teżegwixxix immedjatament din id-deċiżjoni, ma kellhiex id-dritt, qabel id-data meta ngħatat is-sentenza fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li tħallas din il-multa u li twaqqaf il-garanzija bankarja li hija kienet ikkostitwixxiet (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Issa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, bħal fil-każ tal-kostituzzjoni tal-garanzija bankarja, iż-żamma tagħha taqa’ taħt l-evalwazzjoni libera tal-impriża kkonċernata fir-rigward tal-interessi finanzjarji tagħha. Fil-fatt, ma hemm xejn fid-dritt tal-Unjoni li jipprekludi lil din l-impriża li, fi kwalunkwe mument, twaqqaf il-garanzija bankarja li hija kkostitwixxiet u li tħallas il-multa imposta, meta, b’kunsiderazzjoni tal-iżvilupp taċ-ċirkustanzi meta mqabbla ma’ dawk eżistenti fid-data tal-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija, din l-impriża tqis li din l-għażla hija iktar vantaġġuża għaliha. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jwassal lill-impriża inkwistjoni sabiex tikkunsidra li s-sentenza ser tingħata f’data sussegwenti għal dik li kienet inizjalment ipprevediet u li, konsegwentement, l-ispiża tal-garanzija bankarja ser tkun ogħla minn dik li hija kienet inizjalment ipprevediet, waqt il-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li, minn naħa, fit-12 ta’ Frar 2010, jiġifieri sentejn wara l-preżentata tar-rikors fil-kuntest tal-Kawża T‑82/08, il-ftuħ tal-proċedura orali f’din il-kawża ma kienx għadu seħħ, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, u li, min-naħa l-oħra, it-terminu li Guardian Europe kkunsidrat hija stess, fir-rikors fl-ewwel istanza tagħha, bħala t-terminu normali għat-trattament ta’ kawża bħall-Kawża T‑82/08, huwa preċiżament ta’ sentejn, għandu jiġi kkonstatat li, mhux iktar tard mit-12 ta’ Frar 2010, Guardian Europe ma setgħetx tinjora li t-tul tal-proċedura f’din il-kawża kien ser jaqbeż sew dak li hija kienet inizjalment ipprevediet, u li hija setgħet tikkunsidra mill-ġdid l-opportunità li żżomm il-garanzija bankarja, fir-rigward tal-ispejjeż supplimentari li ż-żamma ta’ din il-garanzija tista’ timplika.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 ma jistax ikun ir-raġuni determinanti tad-dannu subit minn Ġuardian Europe minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu. Fil-fatt, tali dannu jirriżulta mill-għażla stess ta’ Guardian Europe li żżomm il-garanzija bankarja matul il-proċedura kollha f’din il-kawża, minkejja konsegwenzi finanzjarji li dan jimplika (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 61).

42

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li qieset li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 u t-telf subit minn Guardian Europe minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”.

43

Konsegwentement, peress li dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat fondat, hemm lok li l-appell jintlaqa’ fil-Kawża C‑447/17 P u li jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

Fuq l-appell inċidentali fil-Kawża C‑479/17 P

L-argumenti tal-partijiet

44

Permezz tal-aggravju uniku tagħha insostenn tal-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C‑479/17 P, li għandu jiġi analizzat qabel l-appell prinċipali f’din il-kawża, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, rikorrenti fl-imsemmi appell inċidentali, issostni li, billi ċaħdet, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-kumpens għal-lucrum cessans invokat minn Guardian Europe jelimina l-effetti legali ta’ deċiżjoni li saret definittiva, jiġifieri, b’mod konkret, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ Diċembru 2014”), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

45

Ir-rikorrenti fl-appell inċidentali fil-Kawża C‑479/17 P, billi titlaq mill-fatt li l-interessi li l-Kummissjoni ħallset lil Guardian Europe, konformement mad-deċiżjoni ta’ Diċembru 2014, huma intiżi li jikkumpensaw id-dannu li din il-kumpannija ġarrbet minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija tal-ammont tal-multa indebitament imħallas, issostni li t-talba għad-danni minħabba lucrum cessans imressqa minn Guardian Europe hija intiża, b’mod definittiv, sabiex jinkiseb kumpens għal dan id-dannu b’rata ogħla minn dik użata mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni.

46

Issa, sabiex tkun tista’ titlob rata ta’ rendiment ogħla fuq is-somma li Guardian Europe ma setgħetx tiddisponi minnha minħabba l-ħlas indebitu tal-multa imposta, din il-kumpannija kellha tippreżenta rikors għal annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni. Għalhekk, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt 64 tas-sentenza appellata, din it-talba għad-danni għandha l-istess għan u l-istess effett bħal talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ Diċembru 2014.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha tapplika l-prinċipju li skontu deċiżjoni definittiva ma tistax tiġi kkontestata permezz ta’ rikors għad-danni li għandu l-istess suġġett u l-istess effett bħal dawk li kellu rikors għal annullament, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1966, Schreckenberg vs Il‑Kummissjoni (59/65, EU:C:1966:60), u tal-14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il‑Kummissjoni (346/87, EU:C:1989:59, punti 31 sa 35), kif ukoll mid-digriet tal-4 ta’ Ottubru 2010, Ivanov vs Il‑Kummissjoni (C‑532/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:577, punti 23 sa 25), u tiċħad, għaldaqstant, bħala inammissibbli t-talba għal kumpens ifformulata minn Guardian Europe fir-rigward ta’ allegat lucrum cessans.

48

Guardian Europe tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti fl-appell inċidentali fil-Kawża C‑479/17 P.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għad-danni, ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ġie stabbilit bħala rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħluqa għall-finijiet tal-għan speċifiku tiegħu, b’tali mod li d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għal annullament ma twassalx awtomatikament għal dik tat-talba għal kumpens (digriet tal-21 ta’ Ġunju 1993, Van Parijs et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑257/93, EU:C:1993:249, punt 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Madankollu, għalkemm parti tista’ taġixxi permezz ta’ azzjoni għad-danni, mingħajr ma tkun marbuta minn ebda dispożizzjoni sabiex titlob l-annullament tal-att illegali li jikkawżalha dannu, hija ma tistax, madankollu, tevita b’dan il-mod l-inammissibbiltà ta’ talba li tikkonċerna l-istess illegalità u li hija intiża għall-istess għanijiet pekunjarji (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il‑Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, EU:C:1995:360, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Għaldaqstant, rikors għad-danni għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli meta jkun intiż, fir-realtà, għall-irtirar ta’ deċiżjoni individwali li tkun saret definittiva u meta jkollu bħala effett, jekk jintlaqa’, li jelimina l-effetti legali ta’ din id-deċiżjoni. Dan ikun il-każ jekk ir-rikorrenti tfittex, permez ta’ talba għad-danni, li tikseb riżultat identiku għal dak li jikkawżalha l-eżitu b’suċċess ta’ rikors għal annullament li hija kienet naqset li tippreżenta fil-ħin (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Ottubru 2010, Ivanov vs Il‑Kummissjoni, C‑532/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:577, punti 23 u 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għandu jiġi vverifikat jekk, hekk kif issostni ir-rikorrenti fl-appell inċidentali fil-Kawża C‑479/17 P, it-talba għal kumpens imressqa minn Guardian Europe, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li jirriżulta minn lucrum cessans allegat, hijiex intiża sabiex jinkiseb riżultat identiku għal dak ta’ rikors għal annullament li kien ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ Diċembru 2014.

53

Kif jirriżulta mill-punt 24 tas-sentenza appellata, permezz tar-rikors għad-danni tagħha, Guardian Europe talbet, b’mod partikolari, il-kumpens għad-dannu allegatament subit minnha minħabba, minn naħa, it-tul tal-proċedura fil-Kawża T‑82/08 u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-deċiżjoni kontenzjuża u fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), li kien jikkonsisti f’lucrum cessans marbut mad-differenza bejn, minn naħa, l-interessi rrimborsati mill-Kummissjoni fuq il-parti tal-ammont tal-multa li finalment ġiet iddikjarata indebita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), u, min-naħa l-oħra, id-dħul li hija setgħet tiġġenera li kieku, minflok ma ħallset lill-Kummissjoni s-somma li finalment ġiet iddikjarata indebita mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti kienet investietha fl-attivitajiet tagħha.

54

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata, permezz tad-deċiżjoni tagħha ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni rrimborsat il-parti tal-ammont tal-multa meqjusa bħala indebita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), u ħallset interessi fuq din is-somma għal ammont ta’ EUR 988620.

55

Fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, għandu jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jirriżulta li l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat għandha tieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tiddikjara dan l-att null. Dan iwassal, b’mod partikolari, għall-ħlas tas-somom dovuti u għall-irkupru ta’ somom imħallsa indebitament kif ukoll il-ħlas ta’ interessi moratorji. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-ħlas ta’ dawn l-interessi jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn hija intiża li tikkumpensa b’rata fissa ċ-ċaħda ta’ tgawdija ta’ dejn u tinkoraġġixxi d-debitur sabiex jeżeġwixxi, malajr kemm jista’ jkun, is-sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punti 29 u 30).

56

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-interessi moratorji li għandhom jitħallsu lil impriża li tkun ħallset multa imposta mill-Kummissjoni, wara l-annullament ta’ din il-multa, din l-istituzzjoni għandha tapplika r-rata ffissata għal dan il-għan mir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).

57

Għalhekk, meta l-kapital disponibbli ta’ impriża ssanzjonata mill-Kummissjoni jippermettilha tħallas il-multa imposta u sussegwentement din il-multa tiġi annullata, id-dannu li jikkonsisti fiċ-ċaħda tat-tgawdija ta’ dan il-kapital ikun normalment kopert mill-pagament, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa mħallsa indebitament, ikkalkolati konformement mar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, f’dan il-każ is-somma ta’ EUR 988620.

58

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi partikolari, l-ammont ta’ dawn l-interessi jkun insuffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-kumpens sħiħ tad-dannu subit minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija tas-somma mħallsa indebitament.

59

Issa, f’tali ċirkustanzi, sabiex jinkiseb il-kumpens għad-dannu li jirriżulta minn ċaħda tat-tgawdija tas-somma mħallsa indebitament mhux koperta mill-ammont li jikkorrispondi mal-interessi moratorji li għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni, l-impriża kkonċernata għandha tressaq talba għad-danni, ibbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

60

Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jipprovdi li l-obbligu tal-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att annullat li tieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza stess, li fosthom hemm il-ħlas ta’ interessi moratorji, ma jippreġudikax dak li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 340 TFUE.

61

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, bir-rikors għad-danni tagħha, Guardian Europe titlob mhux ir-rimbors tal-parti tal-ammont tal-multa meqjusa indebita fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), u lanqas il-ħlas tal-interessi prodotti minn din is-somma meta din tal-aħħar kienet fil-pussess tal-Kummissjoni, iżda l-lucrum cessans imsemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

62

Għandu jiġi osservat ukoll li, fir-rigward tal-interessi moratorji, l-eventwali annullament tad-deċiżjoni ta’ Diċembru 2014 ma jistax jagħti lok għall-ħlas, favur Guardian Europe, ta’ somma li ma hijiex l-ammont tal-interessi li għandhom jiġu rrimborsati mill-Kummissjoni, konformement mar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012.

63

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għad-danni mressqa minn Guardian Europe, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu minħabba lucrum cessans allegat, ma hijiex intiża sabiex jinkiseb riżultat identiku għal dak ta’ rikors għal annullament li kien ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ Diċembru 2014.

64

Għaldaqstant, huwa korrett li, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-talba għal kumpens ifformulata minn Guardian Europe f’dak li jikkonċerna allegat lucrum cessans la għandha l-istess għan u lanqas l-istess effett bħal eventwali rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ Diċembru 2014 u ma tistax, għaldaqstant, tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba użu ħażin ta’ proċedura.

65

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq il-fatt li l-kumpens għal lucrum cessans allegat jelimina l-effetti ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva.

66

Għaldaqstant, hemm lok li l-aggravju uniku mqajjem insostenn tal-appell inċidentali fil-Kawża C‑479/17 P għandu jiġi miċħud bħala infondat u dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud.

Fuq l-appell prinċipali fil-Kawża C‑479/17 P

67

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑479 P, Guardian Europe tqajjem sitt aggravji.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

68

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, Guardian Europe ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li sentenza mogħtija minn qorti tal-Unjoni tal-aħħar istanza biss tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

69

Fil-fatt, skont Guardian Europe, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teskludix espressament il-possibbiltà li deċiżjoni ta’ qorti inferjuri tista’ tagħti lok għal rikors għad-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju stabbilit mis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513), ma huwiex limitat għall-qrati li jiddeċiedu fl-aħħar istanza.

70

Barra minn hekk, anki jekk kellu jiġi aċċettat li deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiddeċiedi fl-aħħar istanza biss tista’ tagħti lok għal responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, ma jsegwix li dan il-prinċipju japplika wkoll fir-rigward tal-Qorti Ġenerali, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn din u l-qrati tal-Istati Membri.

71

Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax bħala definizzjoni twettaq ksur tad-dritt tal-Unjoni f’sentenza, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 122 tas-sentenza appellata jkollha bħala konsegwenza li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħu qatt jitqiesu responsabbli minn ksur tad-dritt tal-Unjoni.

72

Fl-aħħar nett, Guardian Europe tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat fil-punt 124 tas-sentenza appellata li hija ma allegatx nuqqasijiet ġudizzjarji serji, b’mod partikolari ta’ natura proċedurali jew amministrattiva.

73

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, konvenuta fl-appell prinċipali fil-Kawża C‑479/17 P, tikkontesta l-argumenti ta’ Guardian Europe.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74

Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ilment imressaq minn Guardian Europe fir-rigward tal-punt 122 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju japplika wkoll meta l-ksur inkwistjoni jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat Membru li tiddeċiedi fl-aħħar istanza (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 50).

75

Sabiex tasal għal din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq ir-rwol essenzjali tas-setgħa ġudizzjarja fil-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mir-regoli tal-Unjoni u fuq iċ-ċirkustanza li qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tikkostitwixxi, mid-definizzjoni tagħha stess, l-aħħar istanza li quddiemha dawn jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li ksur ta’ dawn id-drittijiet permezz ta’ deċiżjoni ta’ tali qorti li tkun saret definittiva, ma jistax normalment jiġi rrimedjat, billi l-individwi ma jistgħux jiċċaħdu mill-possibbiltà li jinvokaw ir-responsabbiltà tal-Istat sabiex permezz ta’ dan il-motiv jiksbu protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 33 u 34).

76

Għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li Guardian Europe tallega, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju evokat fil-punt 74 ta’ din is-sentenza ma huwiex applikabbli meta l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jitwettaq minn qorti ta’ Stat Membru li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 36).

77

Fil-fatt, għalkemm, fl-assenza ta’ possibbiltà ta’ rikors intern kontra deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minn qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, l-azzjoni għad-danni tal-Istat hija l-unika rimedju ġudizzjarju li jippermetti li jiġi ggarantit l-istabbiliment mill-ġdid tad-dritt leż u li għalhekk tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, dan ma japplikax f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet mogħtija minn qrati tal-ewwel istanza peress li dawn jistgħu jiġu kkontestati b’rikors intern, b’tali mod li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar jista’ jiġi kkoreġut jew rimedjat.

78

Konsegwentement, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżerċizzju ta’ rikors ġudizzjarju jikkostitwixxi l-metodu xieraq ta’ rimedju għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali li ma jiddeċidux fl-aħħar istanza.

79

Għandu jiġi vverifikat jekk il-prinċipju li jeskludi r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat Membru li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza huwiex trasponibbli fil-kuntest tas-sistema tar-responsabbiltà tal-Unjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

80

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li lilha ġie fdat il-kompitu li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-trattati, tinkludi diversi qrati, jiġifieri l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati.

81

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 256 TFUE jipprovdi li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni “fl-ewwel istanza” tar-rikorsi msemmija f’din id-dispożizzjoni, u li d-deċiżjonijiet mogħtija min din il-qorti fil-kuntest ta’ tali rikorsi jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-possibbiltà li jiġi eżerċitat appell quddiemha hija prevista wkoll fl-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

82

Għalhekk, il-karatteristiċi tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni stabbilita mit-Trattati sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ ġudizzjarju fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jippermettu li l-Qorti Ġenerali tiġi assimilata ma’ qorti ta’ Stat Membru li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu.

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi kkoreġut jew ikun suġġett għal rimedju, li, hekk kif jirriżulta mill-punt 123 tas-sentenza appellata, kien preċiżament il-każ f’dak li jirrigwarda s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), hemm lok li jiġi konkluż li l-eżerċizzju tal-appell jikkostitwixxi l-metodu xieraq ta’ rimedju għal żbalji ta’ liġi mwettqa f’dawn id-deċiżjonijiet, billi l-prinċipju evokat fil-punt 79 ta’ din is-sentenza huwa, għalhekk, trasponibbli fil-kuntest tas-sistema tar-responsabbiltà tal-Unjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fir-rigward tal-imsemmija deċiżjonijiet.

84

Konsegwentement, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali, bħalma hija s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), ma jistax jagħti lok li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.

85

Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li r-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi invokata minħabba l-kontenut ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li ma ġietx mogħtija minn qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi fl-aħħar istanza u li għalhekk setgħet tkun is-suġġett ta’ appell.

86

F’dak li jikkonċerna l-argument ifformulat minn Guardian Europe, espost fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, dwar l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 124 tas-sentenza appellata, hekk kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntrarjament għal dak li tallega din il-kumpannija, mir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta b’mod ċar li t-talba għal kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), kienet ibbażata biss fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma kienx ibbażat fuq l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ġudizzjarji serji li jaffettwaw l-attività ta’ qorti tal-Unjoni.

87

Konsegwentement, hemm lok li s-sitt aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-ewwel u r-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

88

Permezz tal-ewwel u tar-raba’ aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Guardian Europe tikkritika lill-Qorti Ġenerali li affermat, fil-punti 103 u 153 tas-sentenza appellata, li hija ma kinitx ġarrbet personalment il-piż marbut mal-pagament tal-multa imposta mill-Kummissjoni u li għalhekk hija ma setgħetx tallega li, mill-fatt tal-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 kif ukoll tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-deċiżjoni kontenzjuża u fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), hija kienet ġarrbet dannu reali u ċert ibbażat fuq lucrum cessans invokat.

89

Guardian Europe ssostni, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika l-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Peress li, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni li wasslet għad-deċiżjoni kontenzjuża, il-grupp Guardian dejjem kien ġie ttrattat bħala “impriża unika”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, il-multa imposta fuq Guardian Europe kienet ġiet ikkalkolata abbażi tal-valur tal-bejgħ tal-grupp Guardian u mhux fuq dak ta’ Guardian Europe, billi l-grupp Guardian kellu jitqies ukoll li huwa “impriża unika”, għall-finijiet tal-evalwazzjoni, fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, tad-dannu li jirriżulta mill-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 47 tal-Karta u mill-ksur mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

90

Guardian Europe tqis ukoll li, sabiex tevalwa l-eżistenza tad-dannu personali tagħha, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinjora r-realtà tar-rabtiet ta’ grupp tagħha mas-sussidjarji tagħha, fir-rigward, barra minn hekk, ta’ sussidjarji li hija kienet iżżomm b’100 %.

91

Fl-aħħar nett, Guardian Europe ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex fir-rigward tad-danni tagħti kumpens għal lucrum cessans li hija allegatament ġarrbet minħabba dan il-ksur.

92

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tikkontesta l-argumenti ta’ Guardian Europe.

93

Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra t-talba għad-danni minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-deċiżjoni kontenzjuża bħala preskritta. Skont il-Kummissjoni, din hija kwistjoni ta’ ammissibbiltà, u għaldaqstant, ta’ ordni pubbliku, li l-qorti tal-Unjoni tista’, u saħansitra għandha, tqajjem ex officio.

94

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li t-talba għad-danni għal lucrum cessans imressqa kontra l-Kummissjoni hija kontestazzjoni tardiva tad-deċiżjoni li tikkonċerna r-rimbors tal-ammont żejjed tal-pagament provviżorju tal-multa.

95

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball meta kkonkludiet li Guardian Europe ma kienet ġarrbet ebda dannu meta ħallset provviżorjament il-multa. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni Guardian Europe, din ma ġietx ittrattata bħala impriża waħda, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa. Skont il-Kummissjoni, huma biss entitajiet li għandhom personalità ġuridika li jistgħu jitqiesu bħala responsabbli għal ksur.

96

Fl-aħħar nett, sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li, anki fil-każ fejn l-argumenti mressqa fil-kuntest tar-raba’ aggravju jintlaqgħu, Guardian Europe ma ġarrbet ebda lucrum cessans minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn Guardian Europe ma kinitx wettqet bejgħ captive, l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu tal-multi li kien jinkludi dan il-bejgħ kienet, fir-realtà, twassal biss għal żieda fil-multi imposti fuq destinatarji oħrajn.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ta’ Guardian Europe f’dak li jikkonċerna l-allegat lucrum cessans li ġarrbet minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), hekk kif jirriżulta mill-punti 122 sa 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal kumpens ibbażata fuq dan l-allegat ksur mhux billi bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 103 u 153 ta’ din is-sentenza dwar il-fatt li r-rikorrenti ma ġarrbitx personalment il-piż marbut mal-ħlas tal-multa imposta permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda minħabba li r-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita minħabba deċiżjoni ġudizzjarja li ma kinitx ingħatat minn qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi fl-aħħar istanza. Minn dan isegwi li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u b’hekk huwa infondat, u dan iktar u iktar meta, hekk kif jirriżulta mill-punt 84 ta’ din is-sentenza, huwa, fi kwalunkwe każ, korrett li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tali ksur ma jistax jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

98

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 93 u 94 ta’ din is-sentenza, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 46 u 65 tas-sentenza appellata, tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati, minn naħa, fuq il-preskrizzjoni tat-talba għad-danni materjali allegatament subiti minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq li l-kumpens għal lucrum cessans li jirriżulta minn tali ksur jelimina l-effetti legali tad-deċiżjoni ta’ Diċembru 2014. Skont il-Kummissjoni, dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà huma ta’ ordni pubbliku u għandhom, għaldaqstant, jitqajmu ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja.

99

F’dan ir-rigward, fir-rigward, minn naħa, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni tal-imsemmija talba, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-preskrizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li, b’kuntrast mat-termini tal-proċedura, ma hijiex ta’ ordni pubbliku iżda ttemm l-azzjoni għad-danni biss fuq talba tal-konvenut (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 54), u li l-osservanza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ma tistax tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni, iżda għandha titqajjem mill-parti kkonċernata (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni xtaqet li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 46 tas-sentenza appellata li jiċħad din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, hija jmissha ppreżentat appell inċidentali għal dawn il-finijiet, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 174, 176 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

101

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-azzjoni intiża għall-kumpens tal-lucrum cessans allegatament subit minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-deċiżjoni kontenzjuża telimina l-effetti legali tad-deċiżjoni ta’ Diċembru 2014, bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tistax titqajjem ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat li l-argument tal-Kummissjoni jammonta għal kritika li l-Qorti Ġenerali wettqet l-istess żball ta’ liġi bħal dak imsemmi mill-aggravju uniku mqajjem insostenn tal-appell inċidentali fil-Kawża C‑479/17 P, ippreżentat mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Issa, kif ġie indikat fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, dan il-motiv ġie skartat bħala infondat.

102

It-tielet nett, fir-rigward tal-argument ta’ Guardian Europe li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 103 u 153 tas-sentenza appellata, interpretat ħażin il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għażla tal-awturi tat-Trattati kienet li jintuża l-kunċett ta’ “impriża” sabiex jiġi indikat l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jista’ jiġi ssanzjonat skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE, u mhux il-kunċett ta’ “kumpannija” jew ta’ “persuna ġuridika”, użat fl-Artikolu 54 TFUE (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 102).

103

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirreferi għall-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ “impriża” ikopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha (sentenza tas-27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

104

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ “impriża”, imqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jindika unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tas-27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105

Għalhekk, il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens evokat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jintuża speċifikament sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-indikazzjoni tal-awtur ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

106

Min-naħa l-oħra, dan il-kunċett ma huwiex applikabbli fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali rikors huwa azzjoni rregolata mid-dritt komuni, irregolata minn regoli proċedurali ġenerali, suġġetti, f’dan il-każ, għad-dritt tal-kumpanniji, indipendenti mil-loġika tar-responsabbiltà fir-rigward tad-dritt tal-akkordji.

107

Għaldaqstant, fil-punti 103 u 153 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

108

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-kritika minn Guardian Europe, fir-rigward tar-realtà tar-relazzjonijiet tagħha mas-sussidjarji tagħha, tal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 103 u 153 tas-sentenza appellata, li hija ma kinitx sostniet personalment il-piż marbut mal-ħlas tal-multa, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, meta persuna tinvoka dritt għal kumpens li huwa tagħha, hija għandha l-obbligu, b’mod partikolari, li turi li d-dannu li għalih hija qed titlob kumpens kien ġie kkawżat lilha personalment.

109

F’dan il-każ, fir-rigward tad-dannu invokat minn Guardian Europe minħabba lucrum cessans, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex ikkontestat li, minn naħa, parti mill-multa għal ammont ta’ EUR 148000000 impost in solidum fuq Guardian Europe u fuq il-kumpannija omm tagħha, jiġifieri EUR 111000000, ġiet immedjatament imħallsa lill-Kummissjoni, matul ix-xahar ta’ Marzu 2008, fejn il-bilanċ ta’ EUR 37000000 kien ġie kopert b’garanzija bankarja, u li, min-naħa l-oħra, fix-xahar ta’ Lulju 2013, din il-garanzija kienet ġiet annullata, għal ammont totali ta’ EUR 48263003, li jikkorrispondi mat-totalità tal-bilanċ tal-multa flimkien mal-interessi, li kien tħallas sussegwentement lill-Kummissjoni.

110

Lanqas ma huwa kkontestat li, b’konsegwenza tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), li, b’mod partikolari, naqset l-imsemmija multa għal somma ta’ EUR 103600000, kemm l-ammont ta’ EUR 7400000, li jikkostitwixxi l-eċċess tal-pagament inizjali ta’ EUR 111000000 meta mqabbel mal-multa aġġustata mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll dak ta’ EUR 48263003 imħallas lill-Kummissjoni wara l-annullament tal-garanzija bankarja rriżultaw indebiti, jiġifieri somma totali ta’ EUR 55663003.

111

F’dan il-kuntest, fil-kuntest tat-talba għal kumpens tad-dannu allegatament subit minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, quddiem il-Qorti Ġenerali, Guardian Europe talbet kumpens għal ammont ta’ EUR 9292000, minħabba lucrum cessans li hija allegatament sostniet matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Marzu 2008, data tal-ħlas tas-somma ta’ EUR 111000000, u t-12 ta’ Novembru 2014, id-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tnaqqas il-multa imposta. Il-lucrum cessans invokat jikkonsisti, b’mod partikolari, fid-differenza bejn, minn naħa, l-interessi rrimborsati mill-Kummissjoni, wara t-tnaqqis tal-multa mill-Qorti tal-Ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, id-dħul li Guardian Europe setgħet tagħmel, matul il-perijodu indikat, jekk, minflok tħallas is-somma indebita ta’ EUR 55663003, hija kienet investiet din is-somma fl-attivitajiet tagħha.

112

Barra minn hekk, fil-kuntest tat-talba għal kumpens tad-dannu allegatament subit minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 quddiem il-Qorti Ġenerali, Guardian Europe talbet kumpens għal ammont ta’ EUR 1671000, minħabba lucrum cessans li hija allegatament sofriet matul il-perijodu mit-12 ta’ Frar 2010, id-data li fiha, fil-fehma tagħha, is-sentenza fil-Kawża T‑82/08 kellha tingħata, sas-27 ta’ Settembru 2012, data tas-sentenza li ttemm din il-kawża, mill-fatt tal-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza f’din il-kawża. Il-lucrum cessans invokat jikkonsisti, b’mod partikolari, fid-differenza bejn, minn naħa, il-parti tal-interessi rrimborsati mill-Kummissjoni, wara t-tnaqqis tal-multa magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja, relatata mal-imsemmi perijodu, u, min-naħa l-oħra, id-dħul li Guardian Europe setgħet tagħmel, matul l-istess perijodu, jekk, minflok ma ħallset immedjatament l-ammont indebitu ta’ EUR 7400000, hija kienet investiet dan l-ammont fl-attivitajiet tagħha.

113

Issa, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 100 sa 102 tas-sentenza appellata, f’dak li jikkonċerna, minn naħa, is-somma ta’ EUR 111000000 imħallsa lill-Kummissjoni matul ix-xahar ta’ Marzu 2008, ammont ta’ EUR 20000000 kien tħallas minn Guardian Industries. Fir-rigward tas-somma li jifdal ta’ EUR 91000000, għalkemm il-pagament tagħha lill-Kummissjoni sar minn Guardian Europe, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-applikazzjoni ta’ diversi ftehimiet konklużi bejn Guardian Europe u s-seba’ sussidjarji tagħha, huma dawn tal-aħħar li, mill-31 ta’ Diċembru 2007, sostnew, mill-perspettiva tal-kontabbiltà u finanzjarja, il-parti tal-multa imposta mill-Kummissjoni li tikkorrispondi għal din is-somma ta’ EUR 91000000, konformement mat-tqassim li jirriżulta mill-imsemmija ftehimiet. F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ EUR 48263003 imħallas matul ix-xahar ta’ Lulju 2013, huma s-seba’ sussidjarji ta’ Guardian Europe li, kull waħda minnhom, ħallset direttament lill-Kummissjoni parti minn dan l-ammont.

114

Minn dan jirriżulta li s-somma indebita ta’ EUR 55663003, inkluż l-ammont ta’ EUR 7400000 imħallas lill-Kummissjoni matul ix-xahar ta’ Marzu 2008, fil-fatt, ma kinitx tħallset minn Guardian Europe, iżda, parzjalment, mis-seba’ sussidjarji tagħha u, parzjalment, minn Guardian Industries, li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat minn Guardian Europe.

115

Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, bħal ma ssostni Guardian Europe fl-osservazzjonijiet tagħha kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll diġà quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-kumpannija kienet iżżomm dawn is-sussidjarji b’100 %. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif kien espona, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali, fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-telf pekunjarju ta’ dawn is-sussidjarji, wara l-pagament tal-multa inkwistjoni jikkostitwixxi, fil-fatt, dannu finanzjarju mġarrab mill-kumpannija li minnha dawn is-sussidjarji jiddependu totalment. Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tislet, mill-fatt li s-sussidjarji ta’ Guardian Europe kienu ħallsu din il-multa, il-konstatazzjoni li din il-kumpannija ma kinitx ġarrbet personalment il-piż marbut mal-pagament ta’ din il-multa u lanqas ma setgħet tikkonkludi, għal din ir-raġuni, li hija ma setgħetx titlob li tikseb kumpens għal-lucrum cessans imsemmi fil-punti 111 u 112 ta’ din is-sentenza.

116

Madankollu, dan l-iżball ta’ liġi ma huwiex ta’ natura li jikkontesta ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-talbiet għal kumpens imressqa minn Guardian Europe abbażi tal-imsemmi lucrum cessans. Fil-fatt, din il-kumpannija ma tistax validament issostni li hija ġarrbet personalment dannu reali u ċert li kien jikkonsisti f’lucrum cessans marbut mal-impossibbiltà li tinvesti fl-attivitajiet tagħha s-somom imħallsa indebitament lill-Kummissjoni mis-seba’ sussidjarji tagħha u minn Guardian Industries ħlief sa fejn tistabbilixxi li, kieku dawn l-impriżi setgħu jiddisponu minn dawn is-somom, huma kienu jinvestuhom fl-attivitajiet ta’ Guardian Europe.

117

Issa, Guardian Europe ma pproduċiet ebda prova li tippermetti li tiġi stabbilita tali ċirkustanza, peress li din il-kumpannija llimitat ruħha sabiex tafferma li l-pagament tal-multa mis-sussidjarji tagħha u minn Guardian Industries kien wassal għal tnaqqis tar-riżorsi tagħha li kien ta’ effett fuq l-attività tagħha fl-Ewropa.

118

B’hekk jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tiċħad it-talbiet għal kumpens tal-lucrum cessans imsemmija iktar ’il fuq.

119

Konsegwentement, l-ewwel u r-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-tieni aggravju

120

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Guardian Europe ssostni li, billi tagħtha biss 82 % tal-ammont li hija talbet bħala spejjeż ta’ garanzija bankarja mħallsa lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08, minħabba li l-kumpannija omm ta’ Guardian Europe, jiġifieri Guardian Industries, kienet ħallset 18 % ta’ dan l-ammont, il-Qorti Ġenerali kisret il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u żnaturat il-provi prodotti minn Guardian Europe.

121

Peress li dawn l-aggravji ttrattaw l-ammont tal-kumpens mogħti mill-Qorti Ġenerali bħala dannu materjali mġarrab mill-fatt tal-pagament minn Guardian Europe ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08, u li, hekk kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata kien ġie annullat, ma hemmx iktar lok li dan l-aggravju jiġi eżaminat.

Fuq it-tielet u l-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

122

Permezz tat-tielet u tal-ħames aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Guardian Europe tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi, meta ċaħdet it-talbiet għal kumpens tagħha għal allegat ħsara għar-reputazzjoni tagħha li tirriżulta minn ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 kif ukoll minn ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-deċiżjoni kontenzjuża u fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq l-assenza ta’ prova tad-dannu immaterjali invokat, u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li kull ħsara għar-reputazzjoni tagħha li tirriżulta minn dan il-ksur kienet ġiet ikkumpensata b’mod suffiċjenti mill-konstatazzjoni tal-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08, kif ukoll permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja.

123

Guardian Europe tenfasizza li d-dritt għal kumpens għal dannu immaterjali jistrieħ fuq l-iskop innifsu tad-dritt li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, u li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tammetti l-eżistenza ta’ preżunzjoni li t-tul eċċessiv ta’ proċedura joħloq dannu morali.

124

Barra minn hekk, Guardian Europe tirrileva li l-fatt li l-multa li kienet ġiet imposta fuqha mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, kienet l-ogħla waħda, kienet tagħti l-impressjoni li din il-kumpannija kienet il-parteċipant prinċipali fl-akkordju inkwistjoni f’din id-deċiżjoni, minkejja li kienet l-iżgħar produttur u l-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju kienet l-iqsar waħda, impressjoni li ġiet irrettifikata biss meta l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), naqset l-ammont tal-multa imposta fuq Guardian Europe għat-tieni ammont l-iktar baxx, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni mill-Kummissjoni.

125

Għalhekk, il-“piż relattiv” ta’ Guardian Europe fil-ksur inżamm f’livell sproporzjonalment għoli matul tul ta’ żmien eċċessiv, li għandu jippermetti li jintalab kumpens mingħajr ma għandha tiġi prodotta kwalunkwe prova supplimentari.

126

Fl-aħħar nett, skont Guardian Europe, la l-konstatazzjoni tal-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza u lanqas l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u t-tnaqqis tal-multa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxu kumpens adegwat għall-ħsara għar-reputazzjoni li hija ġarrbet sal-imsemmija konstatazzjoni u l-imsemmi annullament.

127

F’dan ir-rigward, Guardian Europe tfakkar li l-multi imposti mill-Kummissjoni fuq l-impriżi li jiksru r-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huma ppubblikati, b’tali mod li l-atturi fis-suq, inklużi l-konsumaturi, ikollhom għarfien dwar dan. B’hekk, Guardian Europe kienet ġiet ipperċepita b’mod żbaljat bħala l-protagonist prinċipali tal-akkordju allegat fid-deċiżjoni kontenzjuża matul il-perijodu inkwistjoni.

128

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Guardian Europe tqis li l-unika forma ta’ kumpens xieraq f’din il-kawża huwa kumpens pekunjarju kkalkolat bħala perċentwali tal-multa tagħha, hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Bavaria vs Il‑Kummissjoni (T‑235/07, EU:T:2011:283, punti 342 u 343).

129

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tikkontesta l-argumenti ta’ Guardian Europe.

130

Il-Kummissjoni, filwaqt li tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni (C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 99), issostni li t-talba għad-danni minħabba allegata ħsara għar-reputazzjoni ta’ Guardian Europe li tirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża hija preskritta, peress li tali ħsara ma hijiex ta’ natura rikorrenti u kienet ġiet ikkawżata b’mod sħiħ fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

131

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti ta’ Guardian Europe ma humiex fondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

132

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ta’ Guardian Europe f’dak li jikkonċerna l-allegat lucrum cessans li hija kienet ġarrbet minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), hekk kif jirriżulta mill-punti 122 sa 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal kumpens ibbażata fuq dan l-allegat ksur mhux billi bbażat ruħha fuq l-assenza ta’ prova tad-dannu immaterjali invokat jew fuq il-fatt li kull ħsara għar-reputazzjoni tar-rikorrenti li kienet tirriżulta minn dan il-ksur kienet ġiet ikkumpensata b’mod suffiċjenti, iżda minħabba li r-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita minħabba deċiżjoni ġudizzjarja li ma kinitx ingħatat minn qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi fl-aħħar istanza. Isegwi li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għalhekk huwa infondat, u dan iktar u iktar meta, hekk kif jirriżulta mill-punt 84 ta’ din is-sentenza, huwa, fi kwalunkwe każ, korrett li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tali ksur ma jistax jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

133

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar il-preskrizzjoni tat-talba għal kumpens għal allegata ħsara għar-reputazzjoni ta’ Guardian Europe li tirriżulta mill-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-deċiżjoni kontenzjuża, peress li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li jiġi eżaminat ex officio jekk tali talba tosservax it-terminu ta’ preskrizzjoni li hija suġġetta għalih, dan l-argument kellu jkun is-suġġett ta’ appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni konformement mal-Artikoli 174, 176 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

134

It-tielet nett, Guardian Europe tikkontesta l-motivi li wasslu lill-Qorti Ġenerali li tiċħad, fil-punti 115 u 148 tas-sentenza appellata, it-talbiet għal kumpens tagħha għal allegata ħsara għar-reputazzjoni tagħha li tirriżulta mill-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll mill-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08, jiġifieri, minn naħa, li hija ma kinitx ipprovat li dan il-ksur kien ta’ natura li kkawża ħsara għar-reputazzjoni tagħha, hekk kif dan kien ġie kkonstatat fil-punti 113 u 145 tas-sentenza appellata, u, min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżuppost li dan il-ksur kien ikkawża ħsara lir-reputazzjoni ta’ Guardian Europe, il-konstatazzjoni tal-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u t-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja huma suffiċjenti sabiex jiġi kkumpensat id-dannu immaterjali invokat, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 114 u 146 tas-sentenza appellata.

135

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-motivi msemmija fil-punti 113 u 145 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, kull dannu, li għalih qed jintalab kumpens fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għandu jkun reali u ċert. Min-naħa l-oħra, sabiex ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tkun tista’ tiġi stabbilita, id-dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir illegali tal-istituzzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, hija l-parti li tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li għandha tipproduċi provi konklużivi kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-portata tad-dannu li hija tinvoka, kif ukoll tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjoni inkwistjoni u d-dannu allegat (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 61 u 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

136

Minn dan jirriżulta li l-argument ta’ Guardian Europe, li kienet teżisti, f’dan il-każ, preżunzjoni dwar l-eżistenza tad-dannu immaterjali invokat li kienet teskludiha milli tipproduċi kwalunkwe prova f’dan ir-rigward, huwa infondat.

137

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u li tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li hija tikkonstata insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, peress li dawn il-provi kienu nkisbu regolarment, li l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli proċedurali applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova kienu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi mressqa quddiemha. Din l-evalwazzjoni għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il‑Kummissjoni, C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

138

F’dan il-każ, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-argument ta’ Guardian Europe li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ħolqot impressjoni qarrieqa li tikkonċerna r-rwol li din l-impriża kellha fil-kartell tal-ħġieġ ċatt ma kienx sostnut minn provi li kienu juru li, mill-gravità tiegħu, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq f’din id-deċiżjoni seta’ kellu effett fuq ir-reputazzjoni tagħha, lil hinn mill-effett marbut mal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

139

F’dan il-każ, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-argument ta’ Guardian Europe li din il-kumpannija kienet għal żmien twil ipperċepita bħala li għandha responsabbiltà partikolari fil-ksur inkwistjoni minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 ma kienx sosntut minn provi ta’ natura li juru li, minħabba l-gravità tiegħu, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza seta’ jkollu effett fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrenti, lil hinn mill-effett ikkawżat mid-deċiżjoni kontenzjuża.

140

Għandu jiġi rrilevat li Guardian Europe ma stabbilixxietx u lanqas ma allegat li l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 112 u 144 tas-sentenza appellata kienu bbażati fuq żnaturament tal-provi.

141

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet, fil-punti 113 u 145 tas-sentenza appellata, li Guardian Europe ma kinitx uriet li l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 kienu ta’ natura li jikkawżaw ħsara lir-reputazzjoni tagħha, u konsegwentement ċaħdet, fil-punti 115 u 148 tas-sentenza appellata, it-talbiet għal kumpens imressqa abbażi ta’ dan.

142

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-motivi stabbiliti fil-punti 114 u 146 tas-sentenza appellata, mill-formulazzjoni stess ta’ dawn il-punti jirriżulta b’mod ċar li dawn il-motivi huma superfluwi, peress li l-motivi esposti fil-punti 113 u 145 tas-sentenza appellata huma suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda t-talbiet għal kumpens għall-allegata ħsara għar-reputazzjoni invokata minn Guardian Europe.

143

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta waħda mir-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat id-dispożittiv tas-sentenza tagħha, id-difetti li bihom jista’ jkun ivvizzjat motiv ieħor, li jissemma wkoll fis-sentenza inkwistjoni, huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr influwenza fuq l-imsemmi dispożittiv, b’tali mod li l-motiv li jinvokahom ikun ineffettiv u għandu jiġi miċħud (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144

Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet u l-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

145

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament it-tilwima, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

146

F’dan il-każ, billi l-appell fil-Kawża C‑447/17 intlaqa’ u l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata kien ġie annullat, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha tingħata deċiżjoni definittiva dwar ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Guardian Europe sa fejn huwa intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-pagament tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-Kawża T‑82/08.

147

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jeħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, in-natura reali tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

148

Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni stabbilita (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

149

Għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 32 sa 41 ta’ din is-sentenza, ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Guardian Europe quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn huwa intiż li jinkiseb kumpens għal ammont ta’ EUR 936000 bħala dannu materjali allegat li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-Kawża T‑82/08, għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

150

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi t-tilwima hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

151

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

152

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata kemm mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Kummissjoni, billi talbet il-kundanna ta’ Guardian Europe u billi din tal-aħħar tilfet, kemm fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑447/17 P kif ukoll fil-kuntest tal-appell prinċipali fil-Kawża C‑479/17 P, din għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, it-totalità ta’ dawk imġarrba mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata kemm mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Kummissjoni, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ appelli.

153

Barra minn hekk, peress li Guardian Europe talbet il-kundanna tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u din tilfet l-aggravju uniku tagħha, fil-kuntest tal-appell inċidentali fil-Kawża C‑479/17 P, din tal-aħħar għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, it-totalità ta’ dawk imġarrba minn Guardian Europe fil-kuntest ta’ dan l-appell inċidentali.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (T‑673/15, EU:T:2017:377), huwa annullat.

 

2)

L-appell prinċipali fil-Kawża C‑479/17 P ippreżentat minn Guardian Europe Sàrl huwa miċħud.

 

3)

L-appell inċidentali fil-Kawża C‑479/17 P ippreżentat mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa miċħud.

 

4)

Ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Guardian Europe Sàrl, sa fejn huwa intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-danni għal ammont ta’ EUR 936000 fir-rigward tal-allegat dannu materjali li jikkonsisti fil-pagament ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), huwa miċħud.

 

5)

Guardian Europe Sàrl hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk kollha sostnuti mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata kemm mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑447/17 P u f’dak tal-appell prinċipali fil-Kawża C‑479/17 P.

 

6)

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk kollha sostnuti minn Guardian Europe Sàrl fil-kuntest tal-appell inċidentali fil-Kawża C‑479/17 P.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.